EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0426

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-29 ta’ Mejju 2018.
Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen, VZW et vs Vlaams Gewest.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-benesseri tal-annimali fil-mument tal-qatla tagħhom – Metodi partikolari ta’ qatla preskritti minn riti reliġjużi – Festa Musulmana tas-sagrifiċċju – Regolament (KE) Nru 1099/2009 – Artikolu 2(k) – Artikolu 4(4) – Obbligu li l-qatla bil-forma ritwali sseħħ f’biċċerija li tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 – Validità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 10 – Libertà tar-reliġjon – Artikolu 13 TFUE – Osservanza ta’ użanzi nazzjonali fil-qasam ta’ riti reliġjużi.
Kawża C-426/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:335

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta’ Mejju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-benesseri tal-annimali fil-mument tal-qatla tagħhom – Metodi partikolari ta’ qatla preskritti minn riti reliġjużi – Festa Musulmana tas-sagrifiċċju – Regolament (KE) Nru 1099/2009 – Artikolu 2(k) – Artikolu 4(4) – Obbligu li l-qatla bil-forma ritwali sseħħ f’biċċerija li tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 – Validità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 10 – Libertà tar-reliġjon – Artikolu 13 TFUE – Osservanza ta’ użanzi nazzjonali fil-qasam ta’ riti reliġjużi”

Fil-Kawża C‑426/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Awwissu 2016, fil-proċedura

Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen, VZW et,

vs

Vlaamse Gewest,

fil-preżenza ta’:

Global Action in the Interest of Animals (GAIA) VZW,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano (Relatur), Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, J. Malenovský u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, C. Lycourgos, M. Vilaras u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Settembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal-Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen, VZW et, minn J. Roets, advocaat,

għall-Vlaams Gewest, minn J.-F. De Bock u V. De Schepper, advocaten,

għal Global Action in the Interest of Animals (GAIA) VZW, minn A. Godfroid u Y. Bayens, advocaten,

għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. Bulterman u B. Koopman, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn G. Brown, bħala aġent, assistita minn A. Bates, barrister,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn E. Karlsson, S. Boelaert u V. Piessevaux, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouquet, H. Krämer u B. Eggers, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta’ Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (ĠU 2009, L 303, p. 1, u r-rettifika ĠU 2014, L 326, p. 5), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) ta’ dan ir-regolament.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn diversi assoċjazzjonijiet Musulmani u organizzazzjonijiet ewlenin ta’ moskej, attivi fit-territorju tal-Vlaams Gewest (Reġjun Fjamming, il-Belġju), u din tal-aħħar dwar id-deċiżjoni adottata mill-Vlaamse minister van Mobiliteit, Openbare Werken, Vlaamse Rand, Toerisme en Dierenwelzijn (il-Ministru Fjamming għall-Mobbiltà, ix-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Periferija Fjamminga, it-Turiżmu u l-Benesseri tal-Annimali, iktar ’il quddiem il-“Ministru Reġjonali Fjamming”) li matul il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju, mis-sena 2015 ’il quddiem, ma jawtorizzax iktar il-qatla bil-forma ritwali ta’ annimali mingħajr sturdament fil-postijiet ta’ qatla temporanji stabbiliti fil-muniċipalitajiet tar-Reġjun Fjamming.

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004

3

Il-premessa 18 tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 14), tipprovdi:

“(18)

Jixraq li l-ħtiġiet strutturali u iġjeniċi stabbiliti f’dan ir-Regolament japplikaw għal kull tip ta stabbiliment, inklużi negozji żgħar u biċċeriji ambulanti.”

4

L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel jistgħu jqegħdu biss fis-suq prodotti ta’ oriġini mill-annimali maħduma [fl-Unjoni Ewropea] li jkunu inħadmu u ġew trattati biss fi stabbilimenti:

a)

li jikkonformaw mal-ħtiġiet tar-Regolament (KE) nru 852/2004 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 April 2004 Dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 319], dawk ta’ l-annessi II u III ta’ dan ir-Regolament u ħtiġiet oħra rilevanti tal-liġijiet dwar l-ikel;

u

b)

li jkunu ġew reġistrati jew, meta dan hu meħtieġ, skond il-paragrafu 2, approvati mill-awtorità kompetenti.”

Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2009

5

Ir-Regolament Nru 1099/2009 jistabbilixxi regoli komuni għall-Istati Membri għall-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali fil-mument tat-tbiċċir jew tal-qatla tagħhom.

6

Il-premessi 4, 8, 15, 18, 43 u 44 ta’ dan ir-regolament jipprovdu:

“(4)

It-trattament xieraq tal-annimali huwa valur [tal-Unjoni] li huwa stabbilit fil-Protokoll (Nru 33) dwar il-protezzjoni u l-benessri tal-annimali anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea [iktar ’il quddiem il-“Protokoll (Nru 33)”]. Il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla hija kwistjoni ta’ interess pubbliku li taffettwa l-attitudnijiet tal-konsumatur lejn il-prodotti agrikoli. Barra minn hekk, it-titjib tal-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tal-qatla jikkontribwixxi għal laħam ta’ kwalità ogħla u indirettament għandu impatt pożittiv fuq is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fil-biċċeriji.

[…]

(8)

[…] [I]l-leġislazzjoni Komunitarja dwar is-sigurtà fl-ikel applikabbli għall-biċċeriji ġiet emendata fil-fond mill-adozzjoni tar-[Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 Dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 319)] u r-Regolament [Nru 853/2004]. Dawk ir-Regolamenti jenfasizzaw ir-responsabbiltà tal-operaturi tan-negozju tal-ikel li jiżguraw is-sikurezza fl-ikel. Il-biċċeriji huma wkoll suġġetti għal proċedura ta’ approvazzjoni minn qabel li permezz tagħha l-kostruzzjoni, it-tqassim u t-tagħmir jiġu eżaminati mill-awtorità kompetenti sabiex jiġi żgurat li huma konformi mar-regoli tekniċi korrespondenti dwar is-sigurtà fl-ikel. It-tħassib dwar it-trattament xieraq tal-annimali għandu jkun integrat aħjar fil-biċċeriji, il-kostruzzjoni u t-tqassim tagħhom, kif ukoll it-tagħmir użat fihom.

[…]

(15)

Il-Protokoll (Nru 33) jissottolinja wkoll il-ħtieġa li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew amministrattivi u d-drawwiet tal-Istati Membri partikolarment dawk relatati ma’ riti reliġjużi, tradizzjonijiet kulturali u wirt reġjonali meta jiġu fformulati u implimentati l-linji politiċi [tal-Unjoni] dwar, fost l-oħrajn, l-agrikultura u s-suq intern. Huwa għalhekk adatt li avvenimenti kulturali jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, fejn il-konformità mar-rekwiżiti tat-trattament xieraq tal-annimali taffettwa ħażin in-natura proprja tal-avveniment konċernat.

[…]

(18)

Ingħatat deroga mill-isturdament fil-każ ta’ qatla għal raġunijiet reliġjużi li jseħħu fil-biċċeriji permezz tad-Direttiva [tal-Kunsill] 93/119/KE [tat-22 ta’ Diċembru 1993 dwar il-protezzjoni ta’ annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew qtil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3 Vol 15, p. 421)]. Minħabba li d-dispożizzjonijiet [tad-dritt tal-Unjoni] applikabbli għall-qatla għal raġunijiet reliġjużi ġew trasposti b’mod differenti skont il-kuntesti nazzjonali, u meta wieħed jikkunsidra li r-regoli nazzjonali jieħdu kont tad-dimensjonijiet li jmorru lil hinn mill-għan ta’ dan ir-Regolament, huwa importanti li tinżamm id-deroga mill-isturdament tal-annimali qabel il-qatla, waqt li madankollu jibqa’ ċertu livell ta’ sussidjarjetà għal kull Stat Membru. Bħala konsegwenza, ir-Regolament attwali jirrispetta l-libertà tar-reliġjon u d-dritt li r-reliġjon jew twemmin jiġi manifestat fil-qima, tagħlim, prattika u osservanza, kif iddikjarat fl-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

[…]

(43)

Il-qatla mingħajr l-isturdament jeħtieġ qatgħa preċiża tal-gerżuma b’sikkina taqta’ sabiex titnaqqas it-tbatija. Barra minn hekk, l-annimali li ma jkunux imrażżna mekkanikament wara li ssir il-qatgħa x’aktarx li jbatu proċess itwal ta’ fsada u, li b’hekk, titwal għalxejn is-sofferenza tagħhom. L-annimali tal-ispeċi bovina, ovina u kaprina huma l-ispeċi l-aktar komuni maqtula b’din il-proċedura. Għalhekk, ir-ruminanti maqtula mingħajr ma jiġu storduti għandhom jitrażżnu individwalment u mekkanikament.

(44)

Regolarment qed isir progress xjentifiku u tekniku fir-rigward tal-immaniġġar u t-trażżin tal-annimali fil-biċċeriji. Huwa għalhekk importanti li l-Kummissjoni tkun awtorizzata sabiex temenda r-rekwiżiti applikabbli għall-immaniġġar u t-trażżin tal-annimali qabel il-qatla waqt li jinżamm livell uniformi u għoli ta’ protezzjoni għall-annimali.

[…]”

7

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1099/2009, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Dan ir-Regolament ma għandux japplika:

(a)

meta l-annimali jinqatlu:

[…]

(iii)

waqt avvenimenti kulturali jew sportivi;

[…]”

8

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

f)

‘sturdament’ tfisser kwalunkwe proċess ikkaġunat intenzjonalment li jikkawża t-telf tas-sensi u s-sensibbiltà mingħajr uġigħ, inkluż kwalunkwe proċess li jirriżulta f’mewta istantanja;

g)

‘rit reliġjuż’ tfisser serje ta’ atti relatati mal-qatla ta’ annimali u preskritti minn reliġjon;

[…]

k)

‘biċċerija’ tfisser kwalunkwe stabbiliment użat għall-qatla ta’ annimali tal-art li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament […] Nru 853/2004;

[…]”

9

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1099/2009, intitolat “Metodi ta’ sturdament”, jipprovdi:

“1.   L-annimali għandhom jinqatlu biss wara sturdament konformement mal-metodi u r-rekwiżiti speċifiċi relatati mal-applikazzjoni ta’ dawk il-metodi kif imniżżel fl-Anness I. It-telf tas-sensi u s-sensibbiltà għandhom jinżammu sal-mewt tal-annimal.

[…]

4.   Fil-każ ta’ annimali suġġetti għal metodi partikolari ta’ qatla meħtieġa minn ċerti riti reliġjużi, ir-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu m’għandhomx jiġu applikati bil-kondizzjoni li l-qatla issir f’biċċerija.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju (iktar ’il quddiem il-“festa tas-sagrifiċċju”) hija ċelebrazzjoni organizzata kull sena matul tlett ijiem mill-Musulmani prattikanti, sabiex josservaw kondotta reliġjuża speċifika.

11

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li numru kbir ta’ Musulmani prattikanti fil-Belġju jikkunsidraw li huwa dmir reliġjuż tagħhom li joqtlu jew jorganizzaw il-qatla, preferibbilment fl-ewwel jum ta’ din il-festa, annimal li l-laħam tiegħu mbagħad, parti minnu tittiekel fil-familja u, parti oħra maqsuma ma’ dawk fil-bżonn, il-ġirien u l-membri tal-familja iktar ’il bogħod.

12

Hemm qbil mill-maġġoranza tal-komunità Musulmana tal-Belġju, espress mill-Kunsill tat-teoloġisti fi ħdan l-Eżekuttiv tal-Musulmani f’dan l-Istat, sabiex jiġi kkunsidrat li din il-qatla għandha sseħħ mingħajr sturdament minn qabel tal-annimali u bl-osservanza tar-regoli l-oħra ritwali marbuta mal-imsemmija qatla (iktar ’il quddiem il-“qatla bil-forma ritwali”).

13

Skont l-Artikolu 16(2) tal-Liġi tal-14 ta’ Awwissu 1986 dwar il-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali (Belgisch Staatsblad, 3 ta’ Diċembru 1986, p. 16382), id-Digriet Irjali tal-11 ta’ Frar 1988, dwar ċertu qtil preskritt minn rit reliġjuż (Belgisch Staatsblad, 1 ta’ Marzu 1988, p. 2888) kien jipprevedi li, fil-Belġju, il-qtil preskritt b’rit reliġjuż seta’ jsir biss fil-biċċeriji rregolati (iktar ’il quddiem il-“biċċeriji approvati”) jew “fi stabbilimenti approvati mill-Ministru li għandu l-agrikoltura fid-dekasteru tiegħu, wara qbil mal-Ministru li għandu s-Saħħa pubblika fid-dekasteru tiegħu”) (iktar ’il quddiem il-“postijiet ta’ qatla temporanji”).

14

Huwa fuq il-bażi ta’ din il-leġiżlazzjoni li, sa mis-sena 1998, kull sena l-Ministru Federali Belġjan kien approva postijiet ta’ qatla temporanji li, flimkien mal-biċċeriji approvati, kienu jippermettu li jiġi żgurat il-qtil bil-forma ritwali waqt il-festa tas-sagrifiċċju, biex b’hekk isolvi n-nuqqas ta’ kapaċità tal-biċċeriji approvati, minħabba ż-żieda fid-domanda matul dan il-perijodu.

15

Wara qbil mal-komunità Musulmana, is-Servizz Pubbliku Federali tas-Saħħa Pubblika, tas-Sigurtà tal-Katina tal-Ikel u tal-Ambjent kien ippubblika f’diversi dati, sal-2013, “manwal” dwar l-organizzazzjoni tal-festa tas-sagrifiċċju, li kien jipprevedi rakkomandazzjonijiet għall-ftuħ u għall-operat tal-postijiet ta’ qatla temporanji.

16

Wara s-sitt riforma tal-Istat, mill-1 ta’ Lulju 2014, il-kompetenza dwar il-benesseri tal-annimali ġiet ittrasferita lir-Reġjuni. B’hekk, sabiex jiġġestixxi l-organizzazzjoni tal-festa tas-sagrifiċċju tas-sena 2014 fit-territorju tiegħu, ir-Reġjun Fjamming, min-naħa tiegħu, adotta manwal, simili għall-manwal federali tas-sena 2013, li jindika li l-postijiet ta’ qatla temporanji setgħu jiġu awtorizzati permezz ta’ approvazzjoni individwali, mogħtija mill-Ministru kompetenti għal perijodu speċifikat, jekk ma jkunx hemm kapaċità biżżejjed ta’ qatla f’distanza raġonevoli fil-biċċeriji approvati, u sakemm josservaw numru ta’ kundizzjonijiet fir-rigward ta’ tagħmir u obbligi operazzjonali.

17

Madankollu, fit-12 ta’ Settembru 2014, il-Ministru Reġjonali Fjamming ħabbar li ma kienx ser jibqa’ jagħti, mis-sena 2015 ’il quddiem, approvazzjonijiet għal postijiet ta’ qatla temporanji fejn kien possibbli li ssir qatla bil-forma ritwali matul il-festa tas-sagrifiċċju, u dan minħabba li tali approvazzjonijiet huma kuntrarji għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1099/2009 u, b’mod partikolari, għar-regola stabbilita fl-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu, li abbażi tiegħu l-annimali li huma suġġetti għal metodi partikolari ta’ qtil preskritti minn riti reliġjużi jistgħu jinqatlu mingħajr sturdament biss f’biċċeriji li jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 853/2004.

18

Fl-4 ta’ Ġunju 2015, l-imsemmi ministru għalhekk bagħat ċirkulari lis-sindki tal-muniċipalitajiet u komuni Fjammingi jinformahom li b’effett mis-sena 2015, il-qtil kollu tal-annimali mingħajr sturdament, inkluż il-qtil bil-forma ritwali li sseħħ fil-kuntest tal-festa tas-sagrifiċċju, għandu jitwettaq biss f’biċċeriji approvati, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 853/2004 (iktar il quddiem iċ-“ċirkulari kkontestata”).

19

Il-Ministru Reġjonali Fjamming irrefera, b’mod partikolari, għal dokument tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Saħħa u Sikurezza tal-Ikel” tal-Kummissjoni Ewropea, tat-30 ta’ Lulju 2015, intitolat “Verifika mwettqa fil-Belġju mill-24 ta’ Novembru sat-3 ta’ Diċembru 2014 sabiex jiġu evalwati l-kontrolli relatati mal-benesseri tal-annimali waqt il-qatla u l-operazzjonijiet relatati” [DG(SANTE) 2014-7059 – RM]. Dan id-dokument kien jindika, fil-fatt, li “il-qtil ta’ annimali mingħajr sturdament għal riti reliġjużi mhux f’biċċerija ma josservax ir-Regolament [Nru 1099/2009]”.

20

Huwa f’dan il-kuntest li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali fetħu kawża, fil-5 ta’ Frar 2016, kontra r-Reġjun Fjamming quddiem in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell, il-Belġju).

21

Dawn ir-rikorrenti jikkontestaw, prinċipalment, l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1099/2009 għall-qatla bil-forma ritwali, minħabba li l-Artikolu 1(3)(a)(iii) jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-qatla tal-annimali waqt “avvenimenti kulturali jew sportivi”. Sussidjarjament, l-imsemmija rikorrenti jikkontestaw il-validità tar-regola stabbilita fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu, inkwantu, minn naħa waħda, hija tikser il-libertà tar-reliġjon protetta bl-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u bl-Artikolu 9 tal Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u, min-naħa l-oħra, ma tosservax l-użanzi Belġjani dwar ir-riti reliġjużi tal-festa tas-sagrifiċċju, iggarantiti bl-Artikolu 13 TFUE.

22

Il-qorti tar-rinviju tosserva qabelxejn li l-qatla bil-forma ritwali mwettqa fil-kuntest tal-festa tas-sagrifiċċju tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1099/2009, peress li din il-prattika taqa’ taħt il-kunċett ta’ “rit reliġjuż”, fis-sens tal-Artikolu 2(g) tiegħu, u taqa’ għalhekk taħt ir-regola inkluża fl-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament.

23

Minkejja dan, l-imsemmija qorti tikkunsidra madankollu li, bl-implimentazzjoni tar-regola stabbilita fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu, iċ-ċirkulari kkontestata toħloq limitazzjoni għad-dritt għal-libertà tar-reliġjon u tippreġudika l-użanzi Belġjani dwar ir-riti reliġjużi. Fil-fatt, din iċ-ċirkulari tobbliga lill-Musulmani prattikanti sabiex iwettqu l-qatla bil-forma ritwali waqt il-festa tas-sagrifiċċju f’biċċeriji approvati, li josservaw ir-rekwiżiti tekniċi fil-qasam ta’ bini, tifsil u tagħmir previsti mir-Regolament Nru 853/2004. Madankollu, fit-territorju tar-Reġjun Fjamming, in-numru tal-biċċeriji li josservaw dawn ir-rekwiżiti ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi ssodisfatta ż-żieda fid-domanda tal-laħam halal ikkonstatata, b’mod ġenerali, waqt il-festa tas-sagrifiċċju. Għalhekk, l-obbligu li qatla bil-forma ritwali ssir fil-biċċeriji approvati jipprekludi lil numru kbir ta’ Musulmani prattikanti milli josservaw id-dmir reliġjuż tagħhom li joqtlu jew jitolbu l-qatla ta’ annimal skont il-preskrizzjonijiet tar-rit fl-ewwel jum tal-festa tas-sagrifiċċju.

24

Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, din il-limitazzjoni la hija rilevanti u lanqas proporzjonata fid-dawl tal-għanijiet leġittimi ta’ protezzjoni tal-benesseri tal-annimali u tas-saħħa pubblika li hija tfittex. Fil-fatt, minn naħa, il-postijiet ta’ qatla temporanji awtorizzati mis-sena 1998 sas-sena 2014 wasslu sabiex jiggarantixxu livell suffiċjenti ta’ evitar tas-sofferenza tal-annimali u ta’ osservanza tas-saħħa pubblika. Min-naħa l-oħra, it-trasformazzjoni ta’ dawn il-postijiet ta’ qatla temporanji f’biċċeriji li josservaw ir-rekwiżiti tekniċi fil-qasam ta’ bini, tifsil u tagħmir mitluba mir-Regolament Nru 853/2004 teħtieġ investimenti finanzjarji għoljin ħafna li jkunu sproporzjonati fid-dawl tan-natura temporanja tal-qatla bil-forma ritwali pprattikata fihom.

25

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju għandha dubju fir-rigward tal-validità tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 4(4) moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament [Nru 1099/2009], huwa vvizzjat b’invalidità minħabba ksur tal-Artikolu 9 tal-[KEDB], tal-Artikolu 10 tal-[Karta] u/jew tal-Artikolu 13 [TFUE], inkwantu jipprevedi li l-annimali li huma suġġetti għal metodi partikolari ta’ qtil preskritti minn riti reliġjużi jistgħu jiġu maqtula mingħajr ma jiġu storduti biss f’biċċerija li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Nru 853/2004], minkejja l-fatt li fir-Reġjun Fjamming, fl-imsemmija biċċeriji ma teżistix kapaċità suffiċjenti sabiex tiġi ssodisfatta d-domanda li tirriżulta ta’ kull sena għal annimali maqtula bil-forma ritwali mingħajr ma jiġu storduti fl-okkażjoni tal-Festa […] tas-Sagrifiċċju, u l-oneri sabiex jiġu kkonvertiti temporanjament biċċeriji, għall-Festa Islamika tas-Sagrifiċċju, rikonoxxuti u kkontrollati mill-awtoritajiet, f’biċċeriji li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Nru 853/2004] ma jidhrux li huma rilevanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti għall-benesseri tal-annimali u tas-saħħa pubblika u, għaldaqstant, ma jidhrux li huma proporzjonati?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

27

Ir-Reġjun Fjamming, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni jsostnu li d-domanda preliminari hija inammissibbli.

28

Minn naħa, ir-Reġjun Fjamming u l-Gvern tar-Renju Unit jikkontestaw ir-rilevanza ta’ din id-domanda, minħabba l-formulazzjoni tagħha. Fil-fatt, dawn isostnu li l-eventwali limitazzjoni tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon tista’ tirriżulta biss, jekk ikun il-każ, mir-Regolament Nru 853/2004, sa fejn huwa dan ir-regolament li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-biċċeriji li fihom iċ-ċirkulari kkontestata timponi t-twettiq tal-qatla bil-forma ritwali waqt il-festa tas-sagrifiċċju. Għalhekk, l-imsemmija domanda ma għandhiex konnessjoni mat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li hija ma tirrigwardax il-validità tar-Regolament Nru 853/2004, iżda tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu.

29

Min-naħa l-oħra, ir-Reġjun Fjamming, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom dubji dwar l-utilità tad-domanda preliminari. Huma jsostnu, b’mod partikolari, li din id-domanda hija bbażata fuq ċirkustanzi fattwali nazzjonali li ma humiex relatati mar-Regolament Nru 1099/2009, b’tali mod li huma ma jistgħux jaffettwaw il-validità tiegħu. Fil-fatt, il-problema li wasslet għall-kawża prinċipali tirriżulta biss mill-insuffiċjenza tal-kapaċità ta’ qatla tal-biċċeriji approvati fir-Reġjun Fjamming sabiex tissodisfa d-domanda waqt il-festa tas-sagrifiċċju u mill-investiment finanzjarju sostanzjali neċessarju għat-trasformazzjoni tal-postijiet ta’ qatla temporanji f’biċċeriji li jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 853/2004.

30

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li qabelxejn jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 24, u tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 15).

31

Minn dan isegwi li domanda preliminari li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni tibbenefika minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar tali domanda hija possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25).

32

F’dan il-każ, fir-rigward, minn naħa, tal-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ rilevanza tad-domanda magħmula sabiex tingħata deċiżjoni fuq it-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-biċċeriji li skont iċ-ċirkulari kkontestata għandhom jintużaw, mis-sena 2015, għall-finijiet tal-qatla bil-forma ritwali waqt il-festa tas-sagrifiċċju huma stabbiliti mir-Regolament Nru 853/2004. Madankollu, jirriżulta b’mod ċar mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li din iċ-ċirkulari ġiet adottata speċifikament fuq il-bażi tar-regola prevista fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu, li jimponi t-twettiq tal-qatla bil-forma ritwali fil-biċċeriji approvati, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 853/2004.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, sa fejn hija tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) ta’ dan ir-regolament, għandha rabta ċara mar-realtà u mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali u hija, għaldaqstant, rilevanti ħafna sabiex tingħata deċiżjoni dwarha.

34

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-argument ibbażat fuq in-natura inutli ta’ din id-domanda, peress li hija bbażata fuq ċirkustanzi fattwali nazzjonali li ma jirrigwardawx l-invalidità eventwali tar-Regolament Nru 1099/2009, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument għandu jiġi analizzat, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 39 sa 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kuntest tal-eżami fuq il-mertu ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

35

Fil-fatt, tali argument huwa intiż, fir-realtà, jikkontesta l-possibbiltà stess li tiġi ddikjarata invalida, fid-dawl tad-dritt primarju tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tal-Karta u tat-Trattat FUE, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu, peress li jsostni li l-obbligu, li jirriżulta minn din ir-regola, li l-qtil bil-forma ritwali jitwettaq f’biċċeriji approvati ma jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, limitazzjoni għall-eżerċizzju tal-libertà tar-reliġjon u tal-użanzi nazzjonali fil-qasam tar-riti reliġjużi.

36

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

37

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-validità tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu, fid-dawl tal-Artikolu 10 tal-Karta, tal-Artikolu 9 tal-KEDB kif ukoll tal-Artikolu 13 TFUE, sa fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1099/2009 għandhom bħala effett li jimponu l-qatla bil-forma ritwali fl-okkażjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju f’biċċeriji approvati li jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi stabbiliti bir-Regolament Nru 853/2004.

Fuq il-validità tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu, fid-dawl tal-Artikolu 10 tal-Karta u tal-Artikolu 9 tal-KEDB

38

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Unjoni hija Unjoni tad-dritt li fiha kull att tal-istituzzjonijiet tagħha huwa suġġett għall-istħarriġ tal-konformità tiegħu, b’mod partikolari, mat-Trattati, mal-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll mad-drittijiet fundamentali (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Qabelxejn, fir-rigward tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon imsemmija fid-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-protezzjoni mogħtija għalih kemm mill-Artikolu 10 tal-Karta kif ukoll mill-Artikolu 9 tal-KEDB.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li, għalkemm, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-KEDB jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u għalkemm l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li d-drittijiet li jinsabu fiha li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, fin-nuqqas ta’ adeżjoni tal-Unjoni għaliha, strument legali integrat formalment fl-ordinament ġuridiku tagħha (sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 44; tat-3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 45, u tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 45).

41

L-eżami tal-validità tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu, mitlub mill-qorti tar-rinviju, għandu għalhekk jitwettaq fid-dawl tal-Artikolu 10 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Għandu jiġi, sussegwentement, ivverifikat jekk il-metodi partikolari ta’ qatla preskritti mir-riti reliġjużi, fis-sens tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Karta.

43

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon protett mill-Artikolu 10(1) tal-Karta jimplika b’mod partikolari l-libertà ta’ kull persuna li timmanifesta r-reliġjon tagħha jew it-twemmin tagħha b’mod individwali jew kollettiv, fil-pubbliku jew fil-privat, permezz tal-qima, tat-tagħlim, tal-prattika u tal-osservanza ta’ diversi riti li dan jinkludi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punt 27, kif ukoll tal-14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui u ADDH, C‑188/15, EU:C:2017:204, punt 29).

44

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Karta tagħti sens wiesa’ tal-kunċett ta’ “reliġjon” inkluż fiha, li jista’ jkopri kemm il-forum internum, jiġifieri li wieħed ikollu twemmin, kif ukoll il-forum externum, jiġifieri l-manifestazzjoni fil-pubbliku tal-fidi reliġjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punt 28, kif ukoll tal-14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui u ADDH, C‑188/15, EU:C:2017:204, punt 30).

45

Minn dan isegwi li l-metodi partikolari ta’ qatla preskritti mir-riti reliġjużi, fis-sens tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Karta (ara, b’analoġija, Qorti EDB, 27 ta’ Ġunju 2000, Cha’are Shalom Ve Tsedek vs Franza, CE:ECHR:2000:0627JUD002741795, punt 74).

46

Għandu jiġi, fl-aħħar nett, ivverifikat jekk, kif ġie rrilevat mill-qorti tar-rinviju, il-qatla bil-forma ritwali fil-kawża prinċipali hijiex effettivament koperta mir-regola stabbilita fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ “rit reliġjuż”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, huwa ddefinit fl-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 1099/2009, bħala “serje ta’ atti relatati mal-qatla ta’ annimali u preskritti minn reliġjon”.

48

Issa, kif tfakkar fil-punti 11 u 12 ta’ din is-sentenza, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qatla bil-forma ritwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi rit iċċelebrat kull sena minn numru kbir ta’ Musulmani prattikanti fil-Belġju sabiex josservaw kondotta reliġjuża speċifika, li tikkonsisti fl-obbligu li joqtlu jew jitolbu l-qatla, mingħajr sturdament minn qabel, ta’ annimal li l-laħam tiegħu mbagħad, parti minnu tittiekel fil-familja u parti oħra tinqasam ma’ dawk fil-bżonn, il-ġirien u l-membri tal-familja iktar ’il bogħod.

49

Minn dan isegwi li l-imsemmija qatla tabilħaqq taqa’ taħt il-kunċett ta’ “rit reliġjuż”, fis-sens tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009. Għaldaqstant, huwa jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Karta.

50

Tali kunsiderazzjoni ma tistax titqiegħed f’dubju, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 sa 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, mid-dibattitu teoloġiku, enfasizzat minn GAIA fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, eżistenti fi ħdan movimenti reliġjużi differenti tal-komunità Musulmana dwar in-natura assoluta jew le tal-obbligu ta’ qatla mingħajr sturdament minn qabel tal-annimali waqt il-festa tas-sagrifiċċju u dwar l-eżistenza korrelattiva ta’ allegati soluzzjonijiet alternattivi fil-każ ta’ impossibbiltà ta’ twettiq ta’ tali obbligu.

51

Fil-fatt, l-eżistenza ta’ diverġenzi teoloġiċi potenzjali fuq dan is-suġġett ma tinvalidax, fiha nnifisha, il-klassifikazzjoni bħala “rit reliġjuż” tal-prattika tal-qatla fil-forma ritwali, bħal dik deskritta mill-qorti tar-rinviju f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

52

Wara dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari, għandu jiġi eżaminat jekk ir-regola stabbilita fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu, tikkostitwixxix jew le limitazzjoni tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon żgurat mill-Artikolu 10 tal-Karta.

53

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1099/2009 jipprevedi, bħala prinċipju ġenerali, li fl-Unjoni, l-“annimali għandhom jinqatlu biss wara sturdament”. Il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li, fil-każ ta’ annimali suġġetti għal metodi partikolari ta’ qatla preskritti minn riti reliġjużi, bħal dawk marbuta mal-qatla bil-forma ritwali waqt il-festa tas-sagrifiċċju, “ir-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu m’għandhomx jiġu applikati bil-kondizzjoni li l-qatla issir f’biċċerija”.

54

Fir-rigward tal-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009, huwa jiddefinixxi l-kunċett ta “biċċerija”, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, bħala “kwalunkwe stabbiliment użat għall-qatla ta’ annimali tal-art li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-[Regolament Nru 853/2004]”.

55

Mill-qari flimkien tal-Artikolu 4(1) u (4) tar-Regolament Nru 1099/2009 u tal-Artikolu 2(k) tiegħu jirriżulta għalhekk li l-prattika tal-qatla bil-forma ritwali mingħajr sturdament minn qabel hija awtorizzata, bħala deroga, fl-Unjoni, sakemm tali qatla sseħħ fi stabbiliment approvat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u li josserva, għal dan il-għan, ir-rekwiżiti tekniċi relatati mal-bini, mat-tifsil u mat-tagħmir mitluba mir-Regolament Nru 853/2004.

56

F’dan ir-rigward għandu jiġi speċifikat li d-deroga awtorizzata mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 ma tistabbilixxi l-ebda projbizzjoni tal-eżerċizzju tal-prattika tal-qatla bil-forma ritwali fl-Unjoni, iżda hija tikkonkretizza, għall-kuntrarju, l-impenn pożittiv tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jippermetti l-prattika tal-qatla ta’ annimali mingħajr sturdament minn qabel, sabiex tiġi żgurata l-osservanza effettiva tal-libertà tar-reliġjon, b’mod partikolari tal-prattikanti Musulmani, matul il-festa tas-sagrifiċċju.

57

Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-premessa 18 tar-Regolament Nru 1099/2009, li tipprovdi b’mod ċar li dan ir-regolament jistabbilixxi deroga espliċita għar-rekwiżit ta’ sturdament tal-annimali qabel il-qatla, bl-intenzjoni speċifika li tiġi żgurata l-osservanza tal-libertà tar-reliġjon u tad-dritt tal-manifestazzjoni tar-reliġjon jew tat-twemmin permezz tal-prattika u l-osservanza tar-riti, kif previst mill-Artikolu 10 tal-Karta.

58

F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li, bil-previżjoni tal-obbligu tal-qatla bil-forma ritwali f’biċċerija approvata, li tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 853/2004, l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu, huwa intiż biss għall-organizzazzjoni u ġestjoni, minn perspettiva teknika, tal-eżerċizzju liberu tal-qatla mingħajr sturdament minn qabel għal finijiet reliġjużi.

59

Issa, tali ġestjoni teknika ma hijiex, fiha nnifisha, ta’ natura li twassal għal limitazzjoni tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon tal-Musulmani prattikanti.

60

Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) ta’ dan ir-regolament, jissuġġetta l-qatla bil-forma ritwali għall-osservanza tal-istess kundizzjonijiet tekniċi bħal dawk applikabbli, bħala prinċipju, għal kull qatla ta’ annimali fl-Unjoni, indipendentement mill-metodu użat.

61

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-obbligu li tintuża biċċerija approvata, li tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi mitluba mir-Regolament Nru 853/2004, japplika b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni għall-organizzaturi kollha ta’ qatla ta’ annimali, indipendentement minn kwalunkwe rabta ma’ reliġjon partikolari, u jikkonċerna għalhekk mingħajr diskriminazzjoni l-produtturi kollha ta’ laħam tal-annimali fl-Unjoni.

62

It-tieni nett, għandu jiġi speċifikat li, bil-previżjoni ta’ tali kundizzjonijiet tekniċi, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkonċilja l-osservanza tal-metodi partikolari ta’ qatla preskritti minn riti reliġjużi ma’ dik tar-regoli essenzjali stabbiliti mir-Regolamenti Nru 1099/2009 u Nru 853/2004 f’dak li jikkonċerna l-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali waqt il-qatla tagħhom u tas-saħħa tal-konsumaturi kollha ta’ laħam tal-annimali.

63

Fil-fatt, minn naħa, il-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali tikkostitwixxi l-għan prinċipali li għandu jintlaħaq mir-Regolament Nru 1099/2009 u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 4(4) tiegħu, kif jirriżulta mit-titolu stess ta’ dan ir-regolament u mill-premessa 2 tiegħu.

64

Kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-importanza tal-benesseri tal-annimali ġiet tradotta, b’mod partikolari, bl-adozzjoni mill-Istati Membri tal-Protokoll (Nru 33), li abbażi tiegħu l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu kont sħiħ tar-rekwiżiti tal-benesseri tal-annimali fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tagħhom tal-politika tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2008, Nationale Raad van Dierenkwekers en Liefhebbers u Andibel, C‑219/07, EU:C:2008:353, punt 27, kif ukoll tat-23 ta’ April 2015, Zuchtvieh‑Export, C‑424/13, EU:C:2015:259, punt 35).

65

Huwa f’dan il-kuntest li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li, sabiex tiġi evitata tbatija eċċessiva u inutli lill-annimali li jinqatlu mingħajr sturdament minn qabel, kull qatla bil-forma ritwali għandha sseħħ f’biċċerija li tosserva r-rekwiżiti tekniċi mitluba mir-Regolament Nru 853/2004. Fil-fatt, kif jipprovdu essenzjalment il-premessi 43 u 44 tar-Regolament Nru 1099/2009, huwa biss f’dan it-tip ta’ biċċerija li huwa b’mod partikolari possibbli li dawn l-annimali jitrażżnu “individwalment u mekkanikament” u li jittieħed inkunsiderazzjoni l-“progress xjentifiku u tekniku” imwettaq fil-qasam, sabiex tiġi limitata kemm jista’ jkun possibbli t-tbatija tagħhom.

66

Min-naħa l-oħra, l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem wassal lil-leġiżlatur tal-Unjoni, kif jirriżulta mill-premessa 8 tar-Regolament Nru 1099/2009, sabiex iwaqqa’ fuq l-operaturi tas-settur tal-ikel ir-responsabbiltà li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel, kif ukoll sabiex jimponi l-obbligu li kull qatla ta’ annimali sseħħ f’biċċeriji li josservaw ir-rekwiżiti tekniċi relatati mal-bini, mat-tifsil u mat-tagħmir inkluż, b’mod partikolari, fl-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004.

67

Fil-fatt, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 64 u 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, permezz tal-adozzjoni ta’ dan l-aħħar regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura espressament, skont l-intenzjoni msemmija fil-premessa 2 tiegħu, li l-prodotti kollha tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, indipendentement mill-metodu ta’ qatla magħżul, ikunu prodotti u kkummerċjalizzati skont regoli stretti li jippermettu li tiġi żgurata l-osservanza tal-iġjene u s-sigurtà tal-ikel, sabiex b’hekk jiġu evitati danni għas-saħħa tal-bniedem.

68

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-regola stabbilita fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) ta’ dan ir-regolament, ma tista’ twassal, fiha nnifisha, għal ebda limitazzjoni tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon tal-Musulmani prattikanti, protetta mill-Artikolu 10 tal-Karta, waqt il-festa tas-sagrifiċċju.

69

Il-qorti tar-rinviju tqis madankollu li l-obbligu li jirriżulta minn din ir-regola huwa ta’ natura li jostakola, fit-territorju tar-Reġjun Fjamming, il-prattika tal-qatla bil-forma ritwali għal ħafna Musulmani prattikanti u joħloq limitazzjoni għad-dritt għal-libertà tar-reliġjon tagħhom.

70

Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma marbuta mal-fatt li l-biċċeriji approvati li jinsabu fit-territorju tar-Reġjun Fjamming u li jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 853/2004 għandhom insuffiċjenza tal-kapaċità ta’ qatla sabiex tiġi ssodisfatta ż-żieda fid-domanda tal-laħam halal osservata waqt il-festa tas-sagrifiċċju. Issa, il-ħolqien, taħt ir-responsabbiltà tal-komunità Musulmana, ta’ biċċeriji ġodda approvati jew it-trasformazzjoni f’biċċeriji approvati tal-postijiet ta’ qatla temporanji li jkunu ntużaw sas-sena 2014 jirrikjedu investimenti finanzjarji għoljin wisq. Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura temporanja tal-prattika tal-qatla bil-forma ritwali, dawn l-investimenti ma jkunu rilevanti la sabiex tiġi evitata tbatija inutli jew eċċessiva tal-annimal u lanqas sabiex joffru garanziji aħjar fil-qasam tal-iġjene pubblika. Huma jistgħu wkoll jidhru sproporzjonati fid-dawl tal-vantaġġ miksub fil-qasam ta’ rispett tal-benesseri tal-annimali u tas-saħħa pubblika.

71

F’dan ir-rigward, qabelxejn għandu madankollu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-validità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi analizzata abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data li fiha dan l-att ikun ġie adottat. Meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkollu jevalwa l-effetti futuri ta’ leġiżlazzjoni li għandu jadotta, meta dawn l-effetti ma jkunux jistgħu jiġu previsti b’eżattezza, l-evalwazzjoni tiegħu tista’ tiġi ddubitata biss jekk din tidher li hija manifestament żbaljata fid-dawl tal-informazzjoni li huwa kellu fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 50, u tad-9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et, C‑78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:428, punt 50).

72

Il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha, għalhekk, tiġi evalwata skont il-karatteristiċi speċifiċi ta’ din id-dispożizzjoni u ma tistax tiddependi miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ każ speċifiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑543/14, EU:C:2016:605, punt 29).

73

Issa, f’dan il-każ, minn naħa, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-problematika enfasizzata mill-qorti tar-rinviju, u msemmija fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, tikkonċerna biss numru limitat ta’ komuni tar-Reġjun Fjamming. Din il-problematika ma tistax għalhekk titqies li hija intrinsikament marbuta mal-applikazzjoni, fl-Unjoni kollha, tar-regola stabbilita fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) ta’ dan ir-regolament.

74

Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) ta’ dan ir-regolament, tista’ tillimita l-libertà li jiġi pprattikat il-qtil bil-forma ritwali f’reġjun ta’ Stat Membru partikolari ma huwiex ta’ natura li jaffettwa l-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikolu 10 tal-Karta. Fil-fatt, peress li r-Regolament Nru 1099/2009 għandu impatt fl-Istati Membri kollha, l-eżami tal-validità tiegħu ma għandux jitwettaq b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru wieħed biss iżda ta’ dik tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

Barra minn hekk, skont l-indikazzjonijiet inklużi fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ispejjeż addizzjonali invokati mill-qorti tar-rinviju ma pprekludewx, matul is-sena 2015, li tnejn mill-postijiet antiki ta’ qatla temporanji fir-Reġjun Fjamming u, matul is-sena 2016, li tlieta minn dawn l-istabbilimenti, jikkonformaw ruħhom mar-regola inkluża fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) ta’ dan ir-regolament.

76

Min-naħa l-oħra, il-problematika marbuta ma’ dawn l-eventwali spejjeż addizzjonali tiddependi fuq ċirkustanzi ċikliċi li huma purament nazzjonali.

77

Fil-fatt, in-neċessità ta’ ħolqien ta’ biċċeriji ġodda li jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 853/2004, bir-riskju ta’ spejjeż potenzjali għall-komunità Musulmana li dan joħloq, tirriżulta biss mill-allegata nuqqas ta’ kapaċità fil-biċċeriji approvati eżistenti fit-territorju tar-Reġjun Fjamming.

78

Issa, tali problema speċifika ta’ kapaċita’ ta’ qatla fit-territorju ta’ reġjun ta’ Stat Membru, marbuta maż-żieda fit-talba ta’ qtil bil-forma ritwali tul ftit ġranet fl-okkażjoni tal-festa tas-sagrifiċċju, hija l-konsegwenza ta’ sensiela ta’ ċirkustanzi nazzjonali li ma jistgħux jaffettwaw il-validità tal-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu.

79

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dubji fformulati mill-qorti tar-rinviju fir-rigward ta’ ksur possibbli tal-libertà tar-reliġjon minħabba piż finanzjarju sproporzjonat li jkollhom isostnu l-komunitajiet Musulmani kkonċernati ma humiex fondati u ma humiex ta’ natura li jinvalidaw il-kunsiderazzjoni li tinsab fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, li tgħid li r-regola stabbilita fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu ma tikkawża, fiha nnifisha, ebda limitazzjoni għad-dritt għal-libertà tar-reliġjon tal-Musulmani, żgurat mill-Artikolu 10 tal-Karta.

80

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-eżami tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu, ma rrileva l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tiegħu fid-dawl tal-Artikolu 10 tal-Karta.

Fuq il-validità tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu, fid-dawl tal-Artikolu 13 TFUE

81

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-validità tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu, fid-dawl tal-Artikolu 13 TFUE, din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu kont sħiħ tar-rekwiżiti tal-benesseri tal-annimali, filwaqt li josservaw “id-dispożizzjonijiet leġislattivi jew amministrattivi u d-drawwiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu partikolarment mar-riti reliġjużi, tradizzjonijiet kulturali u l-wirt reġjonali.”

82

F’dan ir-rigward, għandu jiġi madankollu kkonstatat, bħalma għamlet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li, f’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax b’mod ċar liema huma d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u amministrattivi jew l-użanzi Belġjani li jikkonċernaw ir-rit reliġjuż tal-festa tas-sagrifiċċju li jaqgħu taħt l-Artikolu 13 TFUE. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni Belġjana fis-seħħ fil-mument tat-talba għal deċiżjoni preliminari tipprevedi li l-qatla bil-forma ritwali għandha bil-fors tiġi pprattikata f’biċċerija approvata, li tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 853/2004. Minn dan il-fatt jirriżulta li, l-uniċi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fil-qasam ta’ riti reliġjużi li r-regola inkluża fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu, tista’ tapplika għalihom, huma dawk fis-seħħ sal-4 ta’ Ġunju 2015, li hija d-data tal-adozzjoni taċ-ċirkulari kkontestata.

83

Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-qorti tar-rinviju tirreferi għal dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li, peress li ġie deċiż li r-regola li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu, ma twassal għal ebda limitazzjoni tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon tal-Musulmani, żgurat mill-Artikolu 10 tal-Karta, l-ebda element ippreżentat għall-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi konkluż, abbażi tal-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk żviluppati fil-punti 56 sa 80 ta’ din is-sentenza, li l-imsemmi Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu, huwa invalidu fid-dawl tal-Artikolu 13 TFUE.

84

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-eżami tad-domanda preliminari ma rrileva l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu, fid-dawl tal-Artikolu 10 tal-Karta u tal-Artikolu 13 TFUE.

Fuq l-ispejjeż

85

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-eżami tad-domanda preliminari ma rrileva l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta’ Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla, moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tiegħu, fid-dawl tal-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 13 TFUE.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top