EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0301

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ Frar 2018.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd.
Appell – Politika kummerċjali – Dumping – Importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina miċ-Ċina – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 2(7)(b) u (ċ) – Status ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq – Kunċett ta’ ‘distorsjoni sinjifikattiva miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq’, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) – Vantaġġi fiskali.
Kawża C-301/16 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:132

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

28 ta’ Frar 2018 ( *1 )

“Appell – Politika kummerċjali – Dumping – Importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina miċ-Ċina – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 2(7)(b) u (ċ) – Status ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq – Kunċett ta’ ‘distorsjoni sinjifikattiva miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq’, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) – Vantaġġi fiskali”

Fil-Kawża C‑301/16 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis‑26 ta’ Mejju 2016,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

appellanti,

sostnuta minn:

GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH, stabbilita f’Tschernitz (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Bochon, avocat, u minn R. MacLean, solicitor,

intervenjenti fl-appell,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd, stabbilita f’Anhui (iċ-Ċina), irrappreżentata minn Y. Melin u V. Akritidis, avocats,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑21 ta’ Ġunju 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Diċembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑16 ta’ Marzu 2016, Xinyi PV Products (Anhui) Holdings vs Il‑Kummissjoni (T‑586/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:154), li permezz tagħha hija annullat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014 tat‑13 ta’ Mejju 2014 li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2014, L 142, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”), sa fejn dan ir-regolament kien jirrigwarda lil Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd (iktar ’il quddiem “Xinyi PV”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Meta seħħew il-fatti li taw lok għat-tilwima, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni Ewropea kienu jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, u rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”). Dan ir-regolament tħassar bir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).

3

L-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku kien jipprovdi:

“a)

Fil-każ ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx l-ekonomija tas-suq [(b’mod partikolari l-Albanija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, il-Ġeorġja, il-Korea ta’ Fuq, il-Kirgiżistan, il-Moldovja, il-Mongolja, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan)]], il-valur normali għandu jiġi stabilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża l-Komunità, jew fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kull bażi oħra raġjonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew li jrid jitħallas fil-Komunità għal prodott simili, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ għalbiex jinkludi marġni ta’ profitt raġjonevoli.

[…]

b)

Fl-investigazzjonijiet ta’ kontra d-dumping dwar importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Vjetnam u l-Każakistan u kull pajjiż li ma jħaddanx l-ekonomija tas-suq li hu membru tal-[Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO)] fid-data tal-bidu tal-investigazzjoni, il-valur normali jkun stabbilit skond kif hemm fil-paragrafi 1 sa 6, jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ talbiet li jkunu sostanzjati b’mod xieraq minn wieħed jew aktar produtturi li jkunu qed jiġu investigati u skond il-kriterji u proċeduri stabbiliti fis-sotto-paragrafu (ċ), li l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew produtturi għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat. Meta dan ma jkunx il-każ, ir-regoli li jinsabu fis-sotto-paragrafu (a) għandhom japplikaw.

ċ)

Pretensjoni skond is-subparagrafu (b) trid […] jkun fiha biżżejjed evidenza illi l-produttur jopera skond il-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq, jiġifieri jekk:

id-deċiżjonijiet tad-ditti rigward il-prezzijiet, l-infiq u inputs oħra, li jinkludu per eżempju l-materja prima, l-ispejjeż fuq it-teknoloġija u tax-xogħol, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-investimenti, isiru bi tweġiba għas-sinjali tas-suq filwaqt li jirriflettu l-provvista u d-domanda, u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat f’dan ir-rigward, u n-nefqiet fuq inputs maġġuri jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq,

id-ditti jkollhom sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabilità li jiġu verifikati indipendentement skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha,

l-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tad-ditti mhumiex soġġetti għal distorsjoni sinjifikanti miġrur[a] mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-iżvalutar tal-beni, qtugħ ieħor mill-kontijiet, in-negozju bl-iskambju ta’ l-oġġetti u l-ħlas permezz ta’ kumpens għad-djun,

id-ditti interessati huma bla ħsara għall-falliment u għal-liġijiet tal-proprjetà li jiggarantixxu ċ-ċertezza u l-istabilità legali għall-operazzjoni tad-ditti, u

il-konversjonijiet tar-rati tal-kambju jitwettqu bir-rata tas-suq.

[…]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

4

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, jistgħu jitqassru kif ġej.

5

Xinyi PV hija kumpannija li tipproduċi u li tesporta ħġieġ solari stabbilita fiċ-Ċina. Hija għandha azzjonista waħda li hija l-kumpannija Xinyi Solar (Hong Kong) Ltd, stabbilita f’Hong Kong (iċ-Ċina) li hija kkwotata fil-Borża ta’ Hong Kong.

6

Wara lment ippreżentat fil‑15 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni fetħet, fit‑28 ta’ Frar 2013, investigazzjoni antidumping dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ta’ ħġieġ solari li joriġinaw miċ-Ċina.

7

Fil‑21 ta’ Mejju 2013, Xinyi PV ressqet quddiem il-Kummissjoni talba intiża li hija tingħata l-istatus ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem l-“istatus ta’ KES”), fis-sens tal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, sabiex il-valur normali jiġi ddeterminat, f’dak li jirrigwardaha, konformement mal-Artikolu 2(1) sa (6) ta’ dan ir-regolament u mhux skont il-metodu msejjaħ “tal-pajjiż simili”, imsemmi mir-regoli li jinsabu fl-Artikolu 2(7)(a) tal-imsemmi regolament.

8

Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni informat lil Xinyi PV li hija kienet tqis li ma setgħetx tilqa’ din it-talba. F’din l-ittra l-Kummissjoni esponiet, f’dan ir-rigward, dan li ġej:

“L-investigazzjoni żvelat li [Xinyi PV] kienet ibbenefikat minn diversi vantaġġi fiskali fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul tagħha, bħal:

il-programm ‘2 Free 3 Half’. Din l-iskema fiskali tippermetti lill‑kumpanniji b’kapital barrani jibbenefikaw minn eżenzjoni fiskali totali (0 %) matul sentejn u, matul it-tliet snin sussegwenti, minn rata ta’ tassazzjoni ta’ 12.5 %, minflok ir-rata normali ta’ tassazzjoni ta’ 25 %;

l-iskema fiskali tal-impriżi ta’ teknoloġija għolja. Skont din l-iskema, il-kumpannija hija suġġetta għal rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa ta’ 15 %, minflok ir-rata normali ta’ tassazzjoni ta’ 25 %. Din ir-rata ta’ tassazzjoni preferenzjali tikkostitwixxi sussidju ta’ natura adattabbli kważi permanenti li tista’ wkoll tfittex li tattira investimenti b’rati mnaqqsa u b’hekk toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Huwa kkunsidrat li r-rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni joħolqu vantaġġi finanzjarji sostanzjali, b’mod li [Xinyi PV] ma rnexxilhiex tipprova li l‑ispejjeż ta’ produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha ma jwasslu għall-ebda distorsjoni sinjifikattiva miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq […]

Konsegwentement, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi miċħuda t-talba ta’ [Xinyi PV sabiex tingħata l-istatus ta’] KES.”

9

Fl‑1 ta’ Settembru 2013, Xinyi PV ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din l-ittra, li l-Kummissjoni wieġbet għalihom permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Settembru 2013, li kkonfermat ir-rifjut tat-talba għall-għoti tal-istatus ta’ KES imressqa minn din il-kumpannija.

10

F’din l-ittra tal-aħħar, il-Kummissjoni b’mod partikolari indikat dan li ġej:

“Skema ta’ tassazzjoni fuq id-dħul li tittratta b’mod favorevoli ċerti kumpanniji jew ċerti setturi ekonomiċi, ikkunsidrati mill-Gvern li huma strateġiċi, timplika li din l-iskema fiskali ma tagħmilx parti minn ekonomija tas-suq, iżda li għadha tirriżulta b’mod kunsiderevoli minn pjan tal-Istat u tista’, għalhekk, taqa’ taħt it-tielet kriterju [li jinsab fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku]. L-applikazzjoni ta’ skema ta’ rata ta’ impożizzjoni preferenzjali tibdel l-ammont ta’ dħul qabel it-tassazzjoni li l-kumpannija għandha tiġġenera sabiex tkun attraenti għall-investituri […].

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kien possibbli li tiġi applikata għal [Xinyi PV] ir-rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa (14.01 %) peress li [din] setgħet iżżid l-iskema fiskali tal-impriżi ta’ tekonoloġija għolja ma’ skema oħra, jiġifieri l-programm ‘Two Free 3 Half’. L-effett ikkombinat kien rata mnaqqsa sostanzjalment meta mqabbla mar-rata normali (25 %), li setgħet, b’mod partikolari, tilħaq l-għan li tattira kapital b’rati mnaqqsa u, b’hekk, taffettwa s-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika kollha tal-kumpannija […]”.

[…]

Fl-aħħar, intom targumentaw li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tipprovdi li l-iskema fiskali hija ta’ natura adattabbli kważi b’mod permanenti, hija infondata. L-argumenti tagħkom li jipprovdu li ż-żewġ skemi fiskali huma limitati ratione temporis debitament ittieħdu inkunsiderazzjoni. Madankollu, il-fatt li dawn iż-żewġ skemi fiskali ma għandhomx natura permanenti ma jistax jimmina l-fatt […] li kienu intiżi li jħallu impatt fuq is-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tal-impriża.”

11

Fis‑26 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 1205/2013 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 316, p. 8, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”). Skont il-metodu tal-pajjiż simili, ir-Repubblika tat-Turkija ttieħdet għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur normali għall-produtturi esportaturi Ċiniżi kollha, inkluża Xinyi PV. Ġie impost dazju antidumping provviżorju ta’ 39.3 % fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, immanifatturat minn dan il-produttur.

12

Il-premessi 34 sa 47 tar-Regolament provviżorju jirrigwardaw it-talbiet għall-għoti tal-istatus ta’ KES. Il-premessi 40, 41, 43 u 45 sa 47 ta’ dan ir-regolament jipprovdu kif ġej:

“(40)

[…] [Ġ]ew investigati t-talbiet għal [status ta’] [KES] ta’ erba’ produtturi esportaturi (gruppi ta’ kumpaniji), magħmula minn ħdax-il entità ġuridika.

(41)

L-investigazzjoni stabbiliet li l-erba’ produtturi esportaturi (gruppi ta’ kumpaniji) kollha li talbu [KES] naqsu milli juru li huma jissodisfaw il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

[…]

(43)

[L]-erba’ produtturi esportaturi kollha, individwalment jew bħala grupp, naqsu milli juru li ma kinux soġġetti għal distorsjonijiet sinifikanti trasferiti mis-sistema ekonomika mhux tas-suq. Għaldaqstant, dawn il-kumpaniji, jew grupp ta’ kumpaniji, ma ssodisfawx il-kriterju 3 [KES]. B’mod aktar speċifiku, l-erba’ produtturi esportaturi kollha, jew gruppi ta’ produtturi esportaturi, ibbenefikaw minn reġimi ta’ taxxa preferenzjali.

[…]

(45)

Il-Kummissjoni żvelat ir-riżultati tal-investigazzjoni [KES] lill-kumpaniji kkonċernati, lill-awtoritajiet tar-RPĊ u lill-ilmentatur u stednithom biex jikkumentaw.

(46)

Il-kummenti li waslu ma kinux tali li jbiddlu s-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni. Wara li kkonsultat lill-Istati Membri skont l-Artikolu 2(7)(c) [tar-Regolament bażiku], l-applikanti kollha ġew individwalment u formalment notifikati, fit‑13 ta’ Settembru 2013, bid-determinazzjoni finali tal-Kummissjoni fir-rigward tat-talbiet [KES] rispettivi tagħhom.

(47)

Għaldaqstant, l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi li kkooperaw jew gruppi ta’ produtturi esportaturi [fiċ-Ċina] li kienu talbu għal TES ma seta’ juri li jissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament Bażiku u għaldaqstant it-talbiet tagħhom għal TES [KES] ġew rifjutati.”

13

Fit‑13 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni adottat ir-regolament kontenzjuż, li permezz tiegħu hija b’mod partikolari kkonfermat, fil-premessa 34 tiegħu, il-konstatazzjonijiet esposti fil-premessi 34 sa 47 tar-Regolament provviżorju, li jipprovdu li t-talbiet kollha għall-istatus ta’ KES kellhom jiġu miċħuda. Skont ir-regolament kontenzjuż, ġie impost dazju antidumping definittiv ta’ 36.1 % fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ ħġieġ solari mmanifatturati minn Xinyi PV.

14

Dan id-dazju antidumping definittiv ġie emendat sussegwentement u stabbilit b’rata ta’ 75.4 % skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1394 tat‑13 ta’ Awwissu 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 470/2014, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/588 li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1225/2009 (ĠU 2015, L 215, p. 42).

15

B’mod parallel mal-investigazzjoni antidumping, infetħet investigazzjoni kontra s-sussidji, fit‑23 ta’ April 2013, li tat lok għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 471/2014 tat‑13 ta’ Mejju 2014 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2014, L 142, p. 23). Skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, ġie stabbilit dazju kumpensatorju ta’ 3.2 % fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari mmanifatturat minn Xinyi PV.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

16

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Awwissu 2014, Xinyi PV talbet l-annullament tar-regolament kontenzjuż.

17

Insostenn tar-rikors tagħha, Xinyi PV invokat erba’ motivi. L-ewwel wieħed biss minn dawn il-motivi, ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, kien ġie eżaminat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata u għaldaqstant huwa ta’ interess għall-finijiet ta’ dan l-appell.

18

Permezz ta’ dan il-motiv, Xinyi PV argumentat li l-Kummissjoni kienet żbaljata li, fir-regolament kontenzjuż, hija kienet qieset li l-ispejjeż ta’ produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha kienu s-suġġett ta’ distorsjonijiet sinjifikanti miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

19

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li kellu jitqies li, dwar dan il-punt, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kienet manifestement żbaljata.

20

L-ewwel nett, fil-punti 63 sa 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat din il-konklużjoni, essenzjalment, fuq il-motiv li ma jistax jitqies li l-vantaġġi fiskali inkwistjoni huma miġrura minn sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, fis-sens li dawn jirriżultaw minnha jew huma l-konsegwenza tagħha, peress li huwa magħruf li pajjiżi li għandhom ekonomija tas-suq, bħall-Istati Membri tal-Unjoni, jagħtu wkoll lil impriżi vantaġġi fiskali fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali matul ċertu perijodu jew rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa, bħalma jirriżulta barra minn hekk mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

21

Fil-punti 68 sa 78 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, it-tieni nett, ċaħdet l-argumenti tal-Kummissjoni, ibbażati fuq il-fatt li, minħabba l-karatteristiċi partikolari tagħhom, il-vantaġġi fiskali inkwistjoni huma estraneji għal ekonomija tas-suq, peress li, b’mod partikolari, dawn jistgħu jintrabtu ma’ pjanijiet differenti implementati fiċ-Ċina.

22

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv tar-rikors u, konsegwentement, annullat l-Artikolu 1 tar-regolament kontenzjuż sa fejn dan kien jirrigwarda lil Xinyi PV, mingħajr ma eżaminat il-motivi ta’ annullament l-oħrajn invokati minnha.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad, bħala infondata fid-dritt, l-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikors tal-ewwel istanza;

tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali sabiex din teżamina mill-ġdid it-tieni parti ta’ dan l-ewwel motiv kif ukoll it-tieni sar-raba’ motiv tar-rikors tal-ewwel istanza, u

tirriżerva l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

24

Xinyi PV titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-appellanti u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

25

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Ottubru 2016, Il‑Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings (C‑301/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:796), GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH (iktar ’il quddiem “GMB”) tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

Fuq l-appell

26

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kliem “miġrur[a] mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq”, li jinsabu fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, it-tielet wieħed, fuq irregolaritajiet proċedurali.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, sa fejn il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kliem “miġrur[a] mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq”

L-argumenti tal-partijiet

27

L-ewwel aggravju tal-Kummissjoni huwa maqsum f’ħames partijiet.

– Fuq l-ewwel parti

28

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 63 u 69 tas-sentenza appellata, li ma huwiex biżżejjed li jintwera li miżura hija intiża għall-implementazzjoni ta’ pjan fuq ħames snin fiċ-Ċina sabiex titqies li ġiet miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, ħlief sabiex jitneħħa kull effett utli ta’ din id-dispożizzjoni.

29

Fil-fatt, it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku kellu jiġi interpretat fis-sens li vantaġġi fiskali intiżi għall-implementazzjoni ta’ pjan fuq ħames snin huma dejjem miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq.

30

Xinyi PV targumenta, bi tweġiba għal din l-ewwel parti, li mill-punt 57 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-argument tal-Kummissjoni, li jipprovdi li vantaġġi fiskali intiżi għall-implementazzjoni ta’ pjan fuq ħames snin huma dejjem miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, fl-ebda mument ma ġie diskuss quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant dIn hija allegazzjoni ġdida li, bħala tali, għandha tiġi miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala inammissibbli.

31

Fuq il-mertu, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, li ċ-ċaħda ta’ talba għall-għoti tal-istatus ta’ KES għar-raġuni li teżisti rabta indiretta bejn il-vantaġġi fiskali inkwistjoni u pjanijiet implementati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ta’ llum tneħħi kull effett utli tal-kliem “miġrur[a] mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq”.

– Fuq it-tieni parti

32

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 74 sa 76 tas-sentenza appellata, meta qieset li s-sostenn mogħti lil ċerti setturi industrijali meqjusa strateġiċi għal pajjiż, bħal dak tat-teknoloġija għolja, jikkostitwixxi għan leġittimu f’ekonomija tas-suq.

33

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni targumenta li, filwaqt li l-kunċett ta’ ekonomija tas-suq jawtorizza ċerti interventi Statali, dawn għandhom bħala għan l-interess ġenerali u mhux l-għażla ta’ “champions”, li tikkonsisti f’li jiġi promoss settur ekonomiku ddikjarat “strateġiku” meta mqabbel ma’ ieħor, permezz ta’ rati ta’ tassazzjoni differenti jew forom ta’ vantaġġi oħrajn. F’ekonomija tas-suq, għajnuna mill-Istat tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk hija intiża li tikkoreġi xi nuqqasijiet tas-suq jew jekk tfittex għanijiet ta’ ekwità.

34

Xinyi PV targumenta li dan l-argument, sa fejn jirrigwarda l-punti 75 u 76 tas-sentenza appellata, jirrigwarda evalwazzjonijiet li bħala prinċipju huma sovrani, mill-Qorti Ġenerali, ta’ provi li hija qegħdet għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar, li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ eżami fl-istadju tal-appell, peress li l-Kummissjoni la allegat u lanqas uriet żnaturament manifest ta’ waħda minn dawn il-provi.

35

L-imsemmija punti 75 u 76 iservu biss sabiex juru l-fatt li l-vantaġġi fiskali inkwistjoni ma jikkostitwixxux distorsjonijiet tat-tip bħal dawk li jsiru f’ekonomiji ta’ kummerċ tal-Istat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju elenkat fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

– Fuq it-tielet parti

36

Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata, li l-argument tal-Kummissjoni, li jipprovdi li l-vantaġġi fiskali inkwistjoni kellhom effett mhux biss fuq spejjeż marbuta direttament mal-għan imfittex, iżda fuq ir-riżultat finanzjarju kollu ta’ Xinyi PV u għaldaqstant fuq is-sitwazzjoni ekonomika globali tagħha, huwa rilevanti biss għad-determinazzjoni tas-sinjifikanza tad-distorsjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, iżda mhux għall-evalwazzjoni ta’ jekk l-imsemmija distorsjoni hijiex miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.

37

Bħalma stabbilixxiet il-Kummissjoni kemm fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali, waħda mill-karatteristiċi komuni tal-iskemi ta’ għajnuna, f’ekonomija tas-suq, hija l-fatt li l-għajnuna hija mmirata u limitata għall-finanzjament pubbliku meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija. Min-naħa l-oħra, il-miżuri eżaminati f’dan il-każ ma humiex limitati b’dan il-mod għal kategorija partikolari ta’ spejjeż marbuta ma’ investiment u lanqas ma huma limitati ratione temporis.

38

Xinyi PV targumenta li l-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova insostenn tal-asserzjoni tagħha li tipprovdi li l-uniċi sussidji li jeżistu fl-ekonomiji tas-suq huma dawk li huma mmirati u limitati għall-finanzjament pubbliku meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, u ma tagħmel riferiment għal ebda prova ppreżentata lill-Qorti Ġenerali.

39

Dan l-argument huwa barra minn hekk nieqes minn bażi legali, peress li t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku ma jirrigwardax il-kwistjoni dwar jekk distorsjoni taqax taħt tip ta’ miżuri aċċettabbli f’ekonomija tas-suq, iżda dik dwar jekk din taqax taħt tip ta’ miżuri li kienu jeżistu fis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq.

– Fuq ir-raba’ parti

40

Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet, fil-punti 66 u 67 tas-sentenza appellata, li l-iskemi ta’ għajnuna mill-Istat misjuba illegali u inkompatibbli mas-suq intern fis-sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 1998, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑280/95, EU:C:1998:28), tal‑21 ta’ Marzu 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑36/00, EU:C:2002:196), kif ukoll tat‑28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il‑Kummissjoni (C‑471/09 P sa C‑473/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:521), huma paragunabbli għall-miżuri fiskali eżaminati f’dan il-każ, b’mod illi l-eżistenza, bħala tali, ta’ dawn il-miżuri ma hijiex biżżejjed sabiex dawn jitqiesu bħala miġrura minn ekonomija li ma hijiex tas-suq.

41

Qabelxejn, l-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni f’dawn it-tliet sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja kellhom bħala punt komuni bejniethom li kienu mmirati u limitati għall-ammont meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan strateġiku mfittex u għaldaqstant ilkoll kellhom karatteristika speċifika għal ekonomija tas-suq. Min-naħa l-oħra, iż-żewġ miżuri eżaminati f’din il-kawża ma humiex limitati għal kategorija partikolari ta’ spejjeż u, barra minn hekk, ir-rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa prevista favur impriżi ta’ teknoloġija għolja ma hijiex limitata ratione temporis.

42

Sussegwentement, dawn it-tliet skemi ta’ għajnuna invokati fittxew għan strateġiku karatteristiku ta’ ekonomija tas-suq, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent, ir-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà u l-iżvilupp reġjonali. Min-naħa l-oħra, il-miżuri eżaminati f’din il-kawża huma intiżi li jiffavorixxu setturi strateġiċi u għaldaqstant ma jfittxux għan karatteristiku ta’ ekonomija tas-suq.

43

Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, il-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat misjuba illegali u inkompatibbli mas-suq intern fit-tliet sentenzi ċċitati fil-punt 66 tas-sentenza appellata ma kellhomx, kuntrarjament għal Xinyi PV, id-dritt li jżommu din l-għajnuna, la darba kien ġie ordnat l-irkupru tagħha.

44

Xinyi PV tqis li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 66 u 67 tas-sentenza appellata jikkostitwixxu evalwazzjonijiet ta’ fatt, li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ eżami fl-istadju tal-appell, peress li l-Kummissjoni la allegat u lanqas uriet żnaturament manifest ta’ prova.

45

Fil-mertu, il-Kummissjoni ma tispeċifikax b’liema mod il-vantaġġi fiskali inkwistjoni ma humiex limitati għall-ammont meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan li huma jfittxu. Fi kwalunkwe każ, il-kriterju li jistipula t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku ma jeżiġix li jiġi stabbilit li s-sussidji riċevuti huma limitati għall-ammont meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minnhom. Barra minn hekk, il-vantaġġi fiskali inkwistjoni huma tassew intiżi lejn għanijiet ambjentali.

46

GMB tikkritika, qabelxejn, il-punt 66 tas-sentenza appellata, billi targumenta li l-Qorti Ġenerali tfixkel żewġ kunċetti distinti. Il-kunċett ta’ “distorsjoni sinjifikanti miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq”, f’dan il-każ ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, jirrigwarda kwistjoni li taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni u l-politika antidumping tal-Unjoni, li tikkonsisti f’li jsir magħruf jekk esportatur Ċiniż għandux dritt igawdi mill-istatus ta’ KES. Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “sussidji jew għajnuna mill-Istat” jagħmel parti minn grupp ta’ regoli li jirregolaw kwistjoni differenti, li tikkonsisti f’li jsir magħruf jekk għajnuna mill-Istat, mogħtija f’pajjiż li għandu ekonomija tas-suq, hijiex permessa.

47

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali żbaljat dwar id-differenza eżistenti bejn il-kontroll ċentralizzat ta’ ekonomija u l-intervenzjonijiet limitati u mmirati li jistgħu jiġu osservati f’ ekonomija tas-suq, li huma intiżi li jattiraw investimenti barranin u jippromwovu l-attività ekonomika.

48

Fl-aħħar nett, GMB tikkritika r-raġunament mogħti fil-punt 67 tas-sentenza appellata, billi targumenta li, peress li l-vantaġġi fiskali inkwistjoni ġew espressament u deliberament maħsuba sabiex tiġi organizzata l-istruttura tal-ekonomija Ċiniża b’mod iddeterminat, dawn ma jistgħux jitqiesu b’mod iżolat mill-ippjanar totali tal-ekonomija Ċiniża, intiż li jimmanipula l-forzi tas-suq li joperaw fi ħdanha.

– Fuq il-ħames parti

49

Permezz tal-ħames parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat ruħha, fil-punti 75 u 76 kif ukoll fil-punti 66 u 67 tas-sentenza appellata, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “sistema ekonomika li ma kinitx tas-suq”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

50

Il-Kummissjoni targumenta, fl-ewwel lok, li, meta l-Qorti Ġenerali affermat, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li sistema ekonomika li ma hijiex tas-suq hija kkaratterizzata minn “mod ta’ organizzazzjoni ekonomika bbażata fuq il-proprjetà kollettiva jew Statali tal-impriżi suġġetti għal oġġettivi ta’ produzzjoni ddefiniti minn pjan ċentralizzat”, hija għamlet riferiment b’mod żbaljat għad-definizzjoni ta’ pajjiż ta’ kummerċ tal-Istat.

51

Fil-fatt, il-kunċett ta’ “sistema ekonomika li ma kinitx tas-suq” huwa iktar wiesa’ minn dak ta’ “pajjiż ta’ kummerċ tal-Istat”, sa fejn dan ikopri, b’mod partikolari, il-pajjiżi inklużi fil-lista li tinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna mal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, li, għal ċertu numru fosthom, jekk mhux għall-maġġoranza, huma ekonomiji fi tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq.

52

Bl-istess mod, fir-rigward tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, dan il-pajjiż, anki fiż-żmien meta kien inkluż f’din il-lista, qabel ma ġie ttrasferit, wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 905/98 tas‑27 ta’ April 1998 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 384/96 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 111), lejn il-kategorija tal-pajjiżi msemmija fid-dispożizzjoni li tikkorrispondi għall-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, kien, sa mis-sena 1979, diġà ekonomija msejħa “fi tranżizzjoni”.

53

Għalhekk, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina introduċiet, matul is-sena 1986, miżuri intiżi li jattiraw investimenti barranin diretti, li fost dawn kien hemm il-programm “2 Free 3 Halve”, b’mod partikolari għall-impriżi barranin tas-settur tat-teknoloġija għolja.

54

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, meta affermat, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li l-għan li jikkonsisti f’li jiġu attirati investimenti barranin diretti huwa inkonsistenti mal-kunċett ta’ “sistema ekonomika li ma kinitx tas-suq”, wettqet żball ta’ liġi, sa fejn hija bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ dan il-kunċett. Fil-fatt, fil-maġġoranza kbira tagħhom jekk mhux kollha kemm huma, il-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, la darba jibdew riformi ekonomiċi, jippruvaw jattiraw investimenti barranin, billi jirrikorru, ta’ spiss, għal eżenzjonijiet fiskali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

55

Fit-tieni lok, fil-punti 66, 67, 75 u 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-premessa li tipprovdi li kulma jista’ jiġi osservat f’ekonomija tas-suq ma jistax, min-natura tiegħu stess, jiġi miġrur minn sistema ekonomika li ma hijiex tas-suq.

56

Tali premessa hija żbaljata għaliex, minn naħa, il-maġġoranza tal-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq huma ekonomiji fi tranżizzjoni, li jxaqilbu lejn ekonomija tas-suq u, min-naħa l-oħra, distorsjonijiet minħabba intervenzjonijiet tal-Istat jistgħu wkoll jiġu osservati fl-ekonomiji tas-suq. Il-kwistjoni deċiżiva ma hijiex dik dwar jekk ċerti elementi jistgħux jiġu osservati wkoll f’ ekonomija tas-suq, iżda jekk humiex karatteristiċi ta’ tali ekonomija.

57

Xinyi PV targumenta li l-kelma “ta’ qabel”, li tinsab fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku ma tħalli l-ebda dubju dwar il-fatt li, sabiex tevalwa t-talbiet għall-għoti tal-istatus ta’ KES imressqa minn produtturi Ċiniżi mill‑1 ta’ Lulju 1998, jiġifieri fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 905/98 li jintroduċi l-possibbiltà li jinkiseb dan l-istatus, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk jeżistux distorsjonijiet miġrura mis-sistema ekonomika li ma hijiex tas-suq li kienet fis-seħħ qabel dik id-data, jiġifieri meta r-Repubblika Popolari taċ-Ċina kienet għadha pajjiż ta’ kummerċ tal-Istat tradizzjonali.

58

Għalhekk huwa b’mod korrett li, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat il-kliem “sistema ekonomika […] li ma kienitx tas-suq” li jinsabu fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, bħala li jfissru “ekonomija ta’ kummerċ tal-Istat”.

59

GMB targumenta li l-punti 65 u 67 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi. Hija tenfasizza li distorsjoni tista’ titqies bħala “miġrur[a]”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, sakemm l-ekonomija Ċiniża ma tkunx abbandunat deċiżament is-sistema ekonomika li ma hijiex tas-suq sabiex tgħaddi għal ekonomija tas-suq.

60

Issa, l-ekonomija Ċiniża xorta tibqa’, f’ħafna modi, ekonomija mhux irriformata, fejn il-kontroll mill-Istat għad għandu rwol importanti ħafna. Il-pjanijiet fuq ħames snin konsekuttivi jirriflettu sett obbligatorju ta’ struzzjonijiet tal-Gvern Ċentrali Ċiniż, implementati fuq il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex l-ekonomija Ċiniża tiġi organizzata b’konformità mal-ippjanar ċentrali. Il-mudell ekonomiku Ċiniż ma nbidilx, wara is-sena 1998, b’mod sinjifikanti li jippermetti li jiġi deskritt bħala ekonomija tas-suq.

61

GMB toġġezzjona għall-approċċ li hija tikklassifika bħala eċċessivament formali tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-kunċett ta’ “distorsjoni miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq”, sa fejn dan jimplika li kwalunkwe distorsjoni introdotta mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina fl-ekonomija tagħha, wara s-sena 1998, teskludi li l-Kummissjoni tirrifjuta l-għoti tal-istatus ta’ KES.

62

Din il-kumpannija tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi wkoll, għaliex l-analiżi adegwata tad-distorsjonijiet ma tirrigwardax biss “l-eżistenza” tal-miżuri inkwistjoni bħala inċentivi ekonomiċi, iżda pjuttost ir-rwol li dawn għandhom bħala estensjonijiet tal-għanijiet politiċi tal-Gvern Ċentrali Ċiniż. L-oriġini tad-dazju antidumping ta’ 36.1 % u sussegwentement ta’ 75.4 % impost fuq Xinyi PV, juri li d-distorsjonijiet li hija setgħet tgawdi minnhom sabiex tilħaq l-għanijiet ekonomiċi li ma humiex tas-suq tal-Gvern Ċiniż għenuha sew sabiex tnaqqas il-prezzijiet tagħha għal livell minimu, billi tnaqqas it-totalità tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha. Fl-assenza tad-distorsjonijiet ikkonċernati ma kienx ikun hemm l-inelastiċità totali tal-prezzijiet.

63

GMB targumenta, fl-aħħar nett, li l-punt 65 tas-sentenza appellata huwa, fi kwalunkwe każ, ivvizzjat bi żball sa fejn il-programm “2 Free 3 Halve” ġie stabbilit mill-Gvern Ċiniż matul is-sena 1986 u jmur lura għaldaqstant għal żmien meta ċ-Ċina kienet għadha ma kellha ebda karatteristika ta’ ekonomija tas-suq.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Osservazzjonijiet preliminari

64

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, b’deroga mir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 2(1) sa (6) tal-istess regolament, il-valur normali huwa, bħala prinċipju, iddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq, jiġifieri skont il-metodu tal-pajjiż simili. Din id-dispożizzjoni hija intiża għaldaqstant li jiġi evitat li jittieħdu inkunsiderazzjoni prezzijiet u spejjeż fis-seħħ fil-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, sa fejn dawn il-parametri ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 66).

65

Madankollu, skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ investigazzjonijiet antidumping dwar l-importazzjonijiet li ġejjin, b’mod partikolari, miċ-Ċina, il-valur normali huwa ddeterminat konformement mal-Artikolu 2(1) sa (6) ta’ dan ir-regolament u mhux, konsegwentement, skont il-metodu tal-pajjiż simili, jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ talbiet li jkunu ssostanzjati b’mod xieraq minn wieħed jew aktar produtturi li jkunu qed jiġu investigati u konformement mal-kriterji u proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament, li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew produtturi fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat.

66

Bħalma jirriżulta mir-regolamenti differenti li minnhom irriżulta l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, dan id-dispożittiv huwa intiż li jippermetti lill-produtturi suġġetti għall-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq li emerġew, b’mod partikolari, fiċ-Ċina, jibbenefikaw minn status li jikkorrispondi għas-sitwazzjoni individwali tagħhom, iktar milli għas-sitwazzjoni tal-pajjiż kollu li fih dawn huma stabbiliti (sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 108).

67

Skont is-setgħat mogħtija lilha mir-Regolament bażiku, hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa jekk l-elementi pprovduti mill-produttur ikkonċernat humiex suffiċjenti sabiex jintwera li l-kriterji stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku huma ssodisfatti sabiex dan jingħata l-benefiċċju tal-istatus ta’ KES, imsemmi fl-Artikolu 2(7)(b) ta’ dan ir-regolament, u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika jekk din l-evalwazzjoni hijiex ivvizzjata bi żball manifest (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 70).

68

Huwa stabbilit li, f’dan il-każ, it-talba ta’ Xinyi PV, intiża li tiġi ammessa għall-benefiċċju tal-istatus ta’ KES, ġiet miċħuda għar-raġuni waħdanija li din il-kumpannija ma kinitx ippruvat li kienet tissodisfa l-kriterju stipulat fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

69

Skont l-imsemmija dispożizzjoni, il-produttur ikkonċernat għandu jipproduċi provi suffiċjenti, ta’ natura li jistabbilixxu li l-ispejjeż ta’ produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu ma humiex suġġetti għal distorsjoni sinjifikanti, miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-iżvalutar tal-beni, qtugħ ieħor mill-kontijiet, in-negozju bl-iskambju tal-oġġetti jew il-ħlas permezz ta’ kumpens għad-djun.

70

Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, bħalma rrilevat ukoll il-Qorti Ġenerali fil-punt 46 tas-sentenza appellata, jirriżulta li din timponi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, relatati, waħda minnhom, mal-eżistenza ta’ distorsjoni sinjifikanti tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża inkwistjoni u, l-oħra, mal-fatt li l-imsemmija distorsjoni jirriżulta li hija miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq.

71

Is-sentenza appellata tirrigwarda biss it-tieni waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, peress li l-Qorti Ġenerali eżaminat biss, u wara laqgħet, il-parti tal-ewwel motiv invokat minn Xinyi PV, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-vantaġġi fiskali previsti mil-leġiżlazzjoni Ċiniża li Xinyi PV kienet ibbenefikat minnhom kellhom jiġu kklassifikati bħala distorsjoni “miġrur[a] mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

– Fuq il-ħames parti

72

Permezz tal-ħames parti tal-ewwel aggravju tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni, mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 76 tas-sentenza appellata, tat-tieni kundizzjoni stabbilita fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, billi targumenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li l-kliem “sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, jagħmel riferiment għal “mod ta’ organizzazzjoni ekonomika bbażata fuq il-proprjetà kollettiva jew Statali tal-impriżi suġġetti għal oġġettivi ta’ produzzjoni ddefiniti minn pjan ċentralizzat”.

73

F’dan il-kuntest, hemm lok jitfakkar li, quddiem il-Qorti Ġenerali, Xinyi PV kienet argumentat, b’mod partikolari, li l-vantaġġi fiskali li hija kienet gawdiet minnhom ma setgħux jitqiesu bħala li jaqgħu taħt sistema li fiha l-kummerċ huwa s-suġġett ta’ monopolju sħiħ jew kważi sħiħ u fejn il-prezzijiet interni huma stabbiliti mill-Istat, jiġifieri pajjiż ta’ kummerċ tal-Istat.

74

Minn dan isegwi, fatt li barra minn hekk ma ġie kkontestat minn ebda waħda mill-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kliem “sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq”, li jinsab fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, il-Qorti Ġenerali speċifikament għamlet riferiment, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, għal sistema ekonomika ta’ pajjiż ta’ kummerċ tal-Istat.

75

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bħalma jistipulaw ir-raba’ u l-ħames premessa tar-Regolament Nru 905/98, l-introduzzjoni tad-dispożittiv inkluż sussegwentement, b’mod partikolari, fl-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku, kienet immotivata mill-fatt li r-riformi mwettqa fiċ-Ċina biddlu b’mod fundamentali l-ekonomija ta’ dan il-pajjiż u wasslu għall-ħolqien ta’ impriżi suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, b’tali mod li dan il-pajjiż tbiegħed mis-sistema ekonomika li kienet iġġustifikat ir-rikors sistematiku għall-metodu tal-pajjiż simili (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 68).

76

Madankollu, sa fejn, minkejja dawn ir-riformi, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għadha ma tikkostitwixxix pajjiż li għandu ekonomija tas-suq, li għall-esportazzjonijiet tiegħu japplikaw awtomatikament ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku, skont l-Artikolu 2(7)(ċ) ta’ dan l-aħħar, kull produttur li jkun jixtieq li jibbenefika minn dawn ir-regoli huwa obbligat li jipproduċi provi suffiċjenti, bħal dawk speċifikati f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li juru li huwa jopera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq li jiġġustifikaw l-għoti tal-istatus ta’ KES (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 69).

77

Għaldaqstant, hemm lok jitqies li l-kliem “sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq”, kif jinsab fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, jagħmel riferiment għas-sistema ekonomika ta’ qabel li kienet iġġustifikat l-użu sistematiku tal-metodu tal-pajjiż simili fil-konfront tal-produtturi Ċiniżi, iżda li r-Repubblika Popolari taċ-Ċina tbiegħdet minnha.

78

Issa, huwa magħruf li, sew qabel l‑1 ta’ Lulju 1998, data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 905/98, li introduċa d-dispożittiv inkluż sussegwentement, b’mod partikolari, fl-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku, is-sistema ekonomika prevalenti fiċ-Ċina diġà ma kinitx għadha dik ta’ pajjiż ta’ kummerċ tal-Istat. Fil-fatt, kienet dik ta’ pajjiż li, filwaqt li dejjem nieqes minn ekonomija tas-suq, kien diġà s-suġġett ta’ ċerti riformi li jnaqqsu l-kontroll tal-Istat, iżda li l-ekonomija tiegħu, f’numru kbir sew ta’ setturi, kienet għadha kkaratterizzata, b’mod partikolari, mill-irwol importanti li kellhom il-pjanijiet fuq ħames snin.

79

Barra minn hekk huwa stabbilit, bħalma rrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-għan imfittex mill-introduzzjoni tal-imsemmi dispożittiv kien jikkonsisti f’li jiġu rrikonoxxuti r-riformi diġà mwettqa f’ċerti setturi tal-ekonomija Ċiniża u li jiġu nkoraġġuti riformi dejjem iktar fundamentali, sabiex, f’futur relattivament viċin, fis-setturi kollha ta’ din l-ekonomija, l-ispejjeż li huma suġġetti għalihom il-produtturi u l-prezzijiet li huma jimponu ma jkunux iktar iddeterminati jew sinjifikament influwenzati mill-Istat, iżda jkunu, fil-maġġor parti tagħhom, ir-riżultat tal-forzi ħielsa tal-provvista u tad-domanda.

80

Madankollu, sadanittant, skont l-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku, il-metodu tal-pajjiż simili jkompli japplika awtomatikament għall-kalkolu tal-valur normali, sa fejn huwa biss jekk produttur juri, sal-grad rikjest mil-liġi, li huwa jissodisfa l-ħames kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku li dan il-metodu ma jkunx applikat għalih u li l-Kummissjoni tkun obbligata tikkalkula l-valur normali, fil-konfront ta’ dan il-produttur, konformement mal-metodu previst fl-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku, għal importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi li għandhom ekonomija tas-suq.

81

Il-konklużjoni li tipprovdi li l-kliem “sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq”, kif jinsab fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, ma jagħmilx neċessarjament u speċifikament riferiment għas-sistema ekonomika storika ta’ pajjiż ta’ kummerċ tal-Istat, iżda, b’mod iktar ġenerali, għal sistema ekonomika li ma hijiex ekonomija tas-suq, li, skont il-każ, diġà sarulha ċerti riformi, hija sostnuta mill-fatt li, f’diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni, hemm espressjonijiet differenti, bħal “sistema ekonomika ta’ qabel li fiha l-ekonomija ma hijiex suġġetta għar-regoli tas-suq” (“sistema anterior de economia no sujeta a las leyes del mercado” fil-lingwa Spanjola), “sistema ta’ qabel li ma kinitx ekonomija tas-suq” (“former non-market economy system” fil-lingwa Ingliża) jew anki “sistema ekonomika ċentralizzata ta’ qabel” (“antigo sistema de economia centralizada” fil-lingwa Portugiża).

82

Bl-istess mod, din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, bħalma rrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 70 sa 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kelma “miġrur[a]” li tiġi qabel il-kliem “mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq”, għandha, fid-dawl tar-ratio legis tad-dispożizzjonijiet dwar l-istatus ta’ KES, tinftiehem fis-sens li din is-sistema ta’ qabel għandha tkun ġabet jew wasslet għad-distorsjonijiet inkwistjoni jew, fi kliem ieħor, fis-sens li l-vantaġġi kkonċernati għandhom jirriżultaw minn tali sistema, bħalma barra minn hekk iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 64 tas-sentenza appellata, fid-dawl ta’ paragun ta’ ċerti verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament bażiku.

83

Fl-aħħar nett, din il-konklużjoni hija sostnuta mill-finalità tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, li hija li jiġi żgurat li l-produttur jopera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq u, b’mod partikolari, li l-ispejjeż li huwa suġġett għalihom u l-prezzijiet li huwa jistabbilixxi jkunu jirriżultaw mill-effetti ħielsa tal-forzi tas-suq (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 82).

84

Fil-fatt, fil-konfront ta’ din il-finalità, huwa indifferenti, għall-finijiet tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) ta’ dan ir-regolament, li s-sistema ekonomika inkwistjoni tkun ekonomija ta’ kummerċ tal-Istat jew tip ieħor ta’ ekonomija li ma hijiex ekonomija tas-suq.

85

Minn dan isegwi li t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku għandu jinftiehem fis-sens li jimponi fuq il-produttur l-obbligu li jistabbilixxi, sal-grad rikjest mil-liġi, li l-ispejjeż ta’ produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu ma huma s-suġġett tal-ebda distorsjoni sinjifikanti li tirriżulta minn sistema ekonomika li ma hijiex ekonomija tas-suq, li, skont il-każ, tkun sistema diġà fi tranżizzjoni, għal ċerti setturi, lejn sistema ta’ ekonomija tas-suq.

86

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi għamlet riferiment, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kliem “sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq”, li jinsab fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, għal sistema ekonomika ta’ pajjiż ta’ kummerċ tal-Istat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

87

Għaldaqstant, il-ħames parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi milqugħa.

– Fuq l-ewwel parti

88

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 63 u 69 tas-sentenza appellata, li ma huwiex biżżejjed li jintwera li miżura hija marbuta ma’ pjan ta’ implementazzjoni fiċ-Ċina sabiex titqies li kienet miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, ħlief sabiex jitneħħa l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni.

89

F’dan ir-rigward, hemm lok tiġi miċħuda, preliminarjament, l-eċċezzjoni mqajma minn Xinyi PV, li tipprovdi li dan l-argument tal-Kummissjoni huwa inammissibbli, peress li dan huwa allegazzjoni ġdida li ma ġietx diskussa quddiem il-Qorti Ġenerali.

90

Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha dritt tappella billi tinvoka, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, aggravji li rriżultaw mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 102). Barra minn hekk, mill-punti 52 u 53 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-argument inkwistjoni tqajjem mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod li din kienet obbligata twieġeb għalih.

91

Fuq il-mertu, hemm lok jiġi rrilevat, preliminarjament, li, kuntrarjament għal dak li targumenta Xinyi PV, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, fuq il-premessa li tipprovdi li l-pjanijiet fuq ħames snin stabbiliti mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ta’ llum ma humiex paragunabbli ma’ dawk implementati meta dan il-pajjiż kien għadu ekonomija ta’ kummerċ tal-Istat.

92

Fil-fatt, fl-imsemmi punt, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ibbażat, mill-Kummissjoni, “fuq ir-rabta indiretta tal-vantaġġi fiskali inkwistjoni għal diversi pjanijiet implementati fiċ-Ċina”, għar-raġuni li dan “huwa bbażat fuq formaliżmu eċċessiv, peress li ż-żamma tal-imsemmija pjanijiet ma timplikax neċessarjament li l-imsemmija skemi jirriżultaw mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq fiċ-Ċina, ħlief biex jiġi kkunsidrat li l-miżuri kollha adottati fiċ-Ċina u relatati ma’ pjan jirriżultaw mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, li jneħħi kull effett utli mill-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-regolament bażiku”.

93

Barra minn hekk, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-użu ta’ pjanijiet ċentralizzati li jiddefinixxu għanijiet ta’ produzzjoni jikkaratterizza sistema ekonomika li ma hijiex tas-suq.

94

F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi kkonstatat li, jekk wieħed jassumi li, minn issa ’l quddiem, il-pjanijiet fuq ħames snin Ċiniżi ma jipprevedux iktar, għas-setturi kollha tal-ekonomija, għanijiet ta’ produzzjoni ddefiniti, bħalma kien il-każ fiż-żmien meta r-Repubblika Popolari taċ-Ċina kienet għadha pajjiż ta’ kummerċ tal-Istat, xorta jibqa’ l-fatt li, bħalma rrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 89 u 99 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa magħruf li dawn il-pjanijiet għad għandhom, anki wara r-riformi li saru fir-rigward tas-sistema ekonomika Ċiniża, rwol fundamentali fl-organizzazzjoni ta’ din l-ekonomija, sa fejn dawn jinkludu, għal numru kbir ta’ setturi, għanijiet preċiżi, li għandhom natura vinkolanti għal-livelli governattivi kollha.

95

Għaldaqstant, sa fejn, bħalma diġà intqal fil-punt 85 ta’ din is-sentenza, il-kriterju stipulat fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jobbliga lill-produttur jistabbilixxi, sal-grad rikjest mil-liġi, li l-ispejjeż ta’ produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu ma huma s-suġġett ta’ ebda distorsjoni sinjifikanti li tirriżulta minn sistema ekonomika li ma hijiex ekonomija tas-suq, kemm jekk hija sistema ta’ kummerċ tal-Istat jew sistema fi tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq, ir-rabta ta’ miżura, bħal dik inkwistjoni f’ dan il-każ, li tikkonsisti fl-għoti ta’ vantaġġi fiskali għall-investimenti barranin f’setturi meqjusa strateġiċi, bħat-teknoloġija għolja, ma’ pjanijiet differenti implementati fiċ-Ċina hija biżżejjed sabiex jiġi preżunt li din il-miżura tikkostitwixxi distorsjoni “miġrur[a] mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

96

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 69 tas-sentenza appellata, din il-preżunzjoni ma tneħħix kull effett utli mit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

97

Fil-fatt, minbarra l-fatt li din tapplika biss għal miżuri li huma effettivament marbuta ma’ pjan fuq ħames snin, il-produttur ikkonċernat jista’ jikkonfuta din il-preżunzjoni jekk juri, sal-grad rikjest mil-liġi, li l-miżura inkwistjoni ma hijiex intrinsikament kuntrarja għal ekonomija tas-suq.

98

Fi kwalunkwe każ, l-imsemmi produttur iżomm il-possibbiltà li juri li din il-miżura, kif ġiet applikata għalih, ma tinvolvix distorsjoni li tista’ tiġi kklassifikata bħala “sinjifikanti” fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.

99

Minn dan isegwi li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 69 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi.

100

Konsegwentement, hemm lok jiġi konkluż li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija wkoll fondata.

– Fuq it-tieni u r-raba’ parti

101

Permezz tat-tieni u tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 66, 67, 75 u 76 tas-sentenza appellata, li ma jistax jitqies li l-vantaġġi fiskali inkwistjoni huma miġrura minn sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, peress li, minn naħa, huwa magħruf li anki pajjiżi b’ekonomija tas-suq, bħall-Istati Membri tal-Unjoni, jagħtu lil impriżi vantaġġi fiskali li għandhom l-għan li jattiraw investimenti barranin f’setturi meqjusa strateġiċi, bħal dak tat-teknoloġija għolja u, min-naħa l-oħra, tali għan huwa, għall-inqas teoretikament, inkonsistenti ma’ mod ta’ organizzazzjoni ekonomika bbażat fuq il-proprjetà kollettiva jew tal-Istat tal-impriżi suġġetti għal għanijiet ta’ produzzjoni ddefiniti bi pjan ċentralizzat, fatt li jikkaratterizza sistema ekonomika li ma hijiex tas-suq.

102

Minkejja li, bħalma targumenta Xinyi PV, ċertament ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika, fl-istadju tal-appell, il-konstatazzjoni, ta’ natura essenzjalment fattwali, magħmula fl-imsemmija punti tas-sentenza appellata, li tipprovdi li vantaġġi fiskali tal-istess natura bħal dawk li bbenefika minnhom dan il-produttur jeżistu wkoll f’pajjiżi li għandhom ekonomija tas-suq, bħall-Istati Membri tal-Unjoni, min-naħa l-oħra l-Kummissjoni għandha dritt tikkritika, fl-appell tagħha, il-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali siltet minnha, fil-forma ta’ klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti, jiġifieri li dawn il-vantaġġi ma jistgħux jitqiesu bħala distorsjoni “miġrur[a] mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

103

Issa, għandu jiġi kkonstatat li din il-kritika hija fondata.

104

Fil-fatt, bħalma rrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 95 sa 99 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li ma huwiex ikkontestat li l-vantaġġi fiskali inkwistjoni jistgħu jkunu marbuta ma’ pjanijiet differenti implementati fiċ-Ċina u li dan il-pajjiż, minkejja r-riformi tal-mudell ekonomiku tiegħu, għadu jitqies, bħalma jirriżulta mid-dispożittiv previst fl-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku, li huwa, bħala prinċipju, pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, il-kuntest li dawn il-vantaġġi fiskali jidħlu fih huwa differenti sew minn dak li joperaw fih miżuri eventwalment simili f’pajjiżi b’ ekonomija tas-suq.

105

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-Istati Membri tal-Unjoni, hemm lok jitfakkar li tali vantaġġi fiskali huma, bħala prinċipju, inkompatibbli mas-suq intern u għaldaqstant ipprojbiti jekk jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fatt li jirrikjedi li l-erba’ kundizzjonijiet imposti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53).

106

Barra minn hekk, bħalma sostniet ukoll il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt, fit-tliet sentenzi msemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 66 tas-sentenza appellata, inkwistjoni kien hemm għajnuna fiskali meqjusa llegali u inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, li kellha tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarji tagħha u dan minkejja li l-għoti tagħha kien ġie suġġett għal ċerti limitazzjonijiet, sabiex jintlaħqu għanijiet preċiżi. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, il-vantaġġi fiskali huma mogħtija għal setturi strateġiċi ddefiniti b’mod wiesa’ u ma humiex limitati ratione temporis u ma jidhirx li l-għoti tal-għajnuna huwa s-suġġett ta’ kontroll mill-Istat li jesponi lill-benefiċjarji tagħha għar-riskju ta’ rkupru tagħha.

107

F’dak li jirrigwarda s-sistema ekonomika partikolari prevalenti fiċ-Ċina, kif msemmi fid-dispożittiv previst fl-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku, jiġifieri sistema ekonomika fi tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq, iżda li għadha titqies, awtomatikament, bħala sistema li ma hijiex ekonomija tas-suq jekk, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, il-vantaġġi fiskali inkwistjoni huma marbuta ma’ pjanijiet differenti implementati fiċ-Ċina, ma jistax jitqies li dawn il-vantaġġi huma inkonsistenti ma’ tali sistema.

108

Għall-kuntrarju, bħalma rrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 104 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-vantaġġi fiskali kkonċernati jimplementaw pjan fuq ħames snin, element karatteristiku tal-ekonomiji li ma humiex tas-suq u fundamentali fl-organizzazzjoni ekonomika Ċiniża, il-Kummissjoni setgħet tippreżumi li dawn il-miżuri kienu ġew “miġur[a] mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq”.

109

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li t-tieni u r-raba’ parti tal-ewwel aggravju tal-Kummissjoni huma fondati.

110

Minn dan isegwi, mingħajr il-bżonn li tiġi eżaminata t-tielet parti tal-ewwel aggravju, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tagħti lil Xinyi PV l-istatus ta’ KES, abbażi tal-kunsiderazzjoni li tipprovdi li d-distorsjonijiet li jirriżultaw minn dawn il-miżuri ma kinux “miġrur[a] mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

111

Konsegwentement, peress li l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni huwa fondat fl-ewwel, fit-tieni, fir-raba’ u fil-ħames parti tiegħu, hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet aggravju.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

112

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

113

Dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ, peress li l-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors għal annullament ta’ Xinyi PV mingħajr ma eżaminat it-tieni parti tal-ewwel motiv u t-tieni sar-raba’ motiv invokati quddiemha. Għaldaqstant, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali.

Fuq l-ispejjeż

114

Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑16 ta’ Marzu 2016, Xinyi PV Products (Anhui) Holdings vs Il‑Kummissjoni (T‑586/14, EU:T:2016:154), hija annullata.

 

2)

Il-kawża hija mibgħuta lura lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top