Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0289

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-12 ta’ Ottubru 2017.
    Kamin und Grill Shop GmbH vs Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main eV.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Agrikoltura - Prodotti organiċi - Sistema ta’ kontroll stabbilita permezz tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 - Kunċett ta’ “bejgħ dirett lill-konsumatur jew lill-utent finali”.
    Kawża C-289/16.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:758

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    12 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Prodotti organiċi – Sistema ta’ kontroll stabbilita permezz tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 – Kunċett ta’ ‘bejgħ dirett lill-konsumatur jew lill-utent finali’”

    Fil-Kawża C‑289/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

    Kamin und Grill Shop GmbH

    vs

    Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn E. Juhász (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Kamin und Grill Shop GmbH, minn B. Ackermann, avukat,

    għal Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV, minn C. von Gierke, C. Rohnke u T. Winter, avukati,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Lewis u B. Eggers, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Ġunju 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(2), Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU 2007, L 189, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV (assoċjazzjoni għall-ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali, iktar ’il quddiem “Zentrale”) u Kamin und Grill Shop GmbH (iktar ’il quddiem “Kamin”) dwar il-legalità tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti organiċi meta l-obbligi tan-notifika u tal-kontroll, previsti fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 834/2007, ma jiġux osservati.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 3, 5, 22, 31 u 32 tar-Regolament Nru 834/2007 jipprevedu:

    “(3)

    Il-qafas legali Komunitarju li jirregola s-settur tal-produzzjoni organika għandu jsegwi l-objettiv li jiżgura kompetizzjoni ġusta u funzjonament xieraq tas-suq intern fi prodotti organiċi, u li jżomm u jiġġustifika l-kunfidenza tal-konsumatur fi prodotti ttikkettati bħala organiċi. Għandu wkoll jimmira li jipprovdi kondizzjonijiet li taħthom dan is-settur jista’ jimxi ’l quddiem skont l-iżviluppi tal-produzzjoni u tas-suq.

    […]

    (5)

    Huwa għalhekk xieraq li l-objettivi, il-prinċipji u r-regoli applikabbli għall-produzzjoni organika jiġu definiti b’mod aktar espliċitu, sabiex jikkontribwixxi għat-trasparenza u l-kunfidenza tal-konsumatur kif ukoll għal perċezzjoni armonizzata tal-kunċett tal-produzzjoni organika.

    […]

    (22)

    Iż-żamma tal-kunfidenza tal-konsumatur fi prodotti organiċi hija importanti. Għalhekk l-eċċezzjonijiet mill-ħtiġiet applikabbli għall-produzzjoni organika għandhom ikunu limitati strettament għal każijiet fejn l-applikazzjoni ta’ regoli eċċezzjonali hija meqjusa ġustifikata.

    […]

    (31)

    Sabiex jiġi żgurat li prodotti organiċi jsiru skond il-ħtiġiet stabbiliti taħt il-qafas legali Komunitarju dwar il-produzzjoni organika, l-attivitajiet li jittwettqu minn operaturi fl-istadji kollha ta’ produzzjoni, tħejjija u distribuzzjoni ta’ prodotti organiċi għandhom jiġu sottomessi għal sistema ta’ kontroll imwaqqfa u ġestita skond ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare ta’ l-annimali [(ĠU 2004, L 165, p. 1)].

    (32)

    F’xi każijiet l-applikazzjoni tal-ħtiġiet ta’ notifika u kontroll lil ċerti tipi ta’ operaturi bl-imnut, bħal dawk li jbigħu prodotti direttament lill-konsumatur jew lill-utent finali, tista’ tidher disproporzjonata. Huwa għalhekk xieraq li l-Istati Membri jitħallew jeżentaw tali operaturi minn dawn il-ħtiġiet. Madankollu, biex tkun evitata l-frodi hija meħtieġa l-esklużjoni mill-eżenzjoni ta’ dawk l-operaturi bl-imnut li jipproduċu, iħejju jew jaħżnu prodotti minbarra f’konnessjoni mal-punt ta’ bejgħ, jew li jimportaw organiċi jew li taw b’kuntratt l-attivitajiet imsemmijin qabel lil parti terza.”

    4

    L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 834/2007 jipprevedi kif ġej:

    “Dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi għall-iżvilupp sostenibbli ta’ produzzjoni organika waqt li jiżgura l-iffunzjonar effettiv tas-suq intern, jiggarantixxi kompetizzjoni ġusta, jiżgura l-kunfidenza tal-konsumatur u jipproteġi l-interessi tal-konsumatur.”

    5

    Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament:

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet segwenti għandhom japplikaw:

    (a)

    ‘produzzjoni organika’ tfisser l-użu tal-metodu ta’ produzzjoni b’mod konformi mar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament fl-istadji kollha ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni;

    (b)

    ‘stadji ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni’ tfisser kwalunkwe stadju li jinkludi u jibda mill-produzzjoni primarja ta’ prodott organiku sal-ħażna, l-iproċessar, it-trasport, il-bejgħ jew il-forniment, inklużi, lill-konsumatur aħħari, u fejn relevanti, it-tikkettar, ir-reklamar, l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-attivitajiet ta’ subcontracting;

    […]”

    6

    L-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

    “1   L-Istati Membru għandhom jistabbilixxu sistema ta’ kontrolli u jagħżlu awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli għall-kontrolli rigward l-obbligi stabbiliti minn dan ir-Regolament skond ir-Regolament (KE) Nru 882/2004.

    […]

    13   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistema ta’ kontroll kif stabbilita tippermetti għat-traċċabbiltà ta’ kull prodott fl-istadji kollha tal-produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, [Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463)], b’mod partikolari biex jagħtu lill-konsumaturi garanziji li l-prodotti organiċi ġew prodotti b’mod konformi mal-ħtiġiet imniżżla f’dan ir-Regolament.

    […]”

    7

    L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 834/2007 jipprevedi:

    “1   Kwalunkwe operatur li jipproduċi, iħejji, jaħżen jew jimporta prodotti minn pajjiż terz skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(2) jew li jqiegħed fis-suq tali prodotti, għandu qabel iqiegħed fis-suq kwalunkwe prodott bħala organiku jew f’konverżjoni għal organiku:

    a)

    jinnotifika l-attività tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn titwettaq l-attività;

    b)

    jissottometti l-impriża tiegħu għas-sistema ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 27.

    […]

    2   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu operaturi li jbiegħu prodotti direttament lill-konsumatur jew utent finali dment li huma ma jipproduċux, ma jippreparawx, ma jaħżnux ħlief in konnessjoni mal-punt ta’ bejgħ jew ma jimportawx, tali prodotti minn pajjiż terz jew ma jkunux ikkontrattaw tali attivitajiet lill parti terza.

    […]”

    Id-dritt Ġermaniż

    8

    Il-leġiżlatur Ġermaniż għamel użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 834/2007 fl-Artikolu 3(2) tal-Gesetz zur Durchführung der Rechtsakte der Europäischen Union auf dem Gebiet des ökologischen Landbaus – Öko-Landbaugesetz (liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-atti legali tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-agrikoltura organika, iktar ’il quddiem l-“ÖLG”).

    9

    L-Artikolu 3(2) tal-ÖLG jipprevedi:

    “(2)   L-operaturi li jfornu prodotti fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 834/2007 bħala organiċi jew f’konverżjoni għall-organiku direttament lill-konsumatur jew utent finali huma eżenti milli jikkonformaw mal-obbligi tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 834/2007 sakemm ma humiex huma stess li jipproduċuhom jew jirranġaw biex jiġu prodotti, jippreparawhom jew jirranġaw biex ikunu ppreparati, jaħżnuhom jew jirranġaw biex ikunu maħżuna ħlief inkonnessjoni mal-punt ta’ bejgħ, jew jimportawhom jew jirranġaw biex jiġu importati minn pajjiż terz.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    10

    Kamin topera negozju mill-bogħod permezz tal-internet ta’ aċċessorji għal kamini u barbecues. Fost il-prodotti li hija offriet għall-bejgħ fix-xahar ta’ Diċembru 2012 kienu jissemmew taħlitiet differenti ta’ ħwawar li kienet tikkummerċjalizza bl-isem ta’ “Bio-Gewürze” (ħwawar organiċi). Dak iż-żmien, Kamin kienet għadha mhux suġġetta għas-sistema ta’ kontroll stabbilita fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 834/2007.

    11

    Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Diċembru 2012, intitolata “Twissija”, Zentrale kkontestat l-offerta li hemm riferiment għaliha fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Billi qieset li hija prattika kummerċjali żleali minħabba ksur tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 834/2007, skont liema operatur li jbigħ prodotti organiċi għandu jissuġġetta l-impriża tiegħu għal sistema ta’ kontroll, hija ordnat lil Kamin sabiex timpenja ruħha, b’inklużjoni ta’ klawżola kriminali, li ttemm dan il-ksur. Din il-kumpannija ottemperat ruħha ma’ din it-talba mingħajr, madankollu, ma ammettiet tali ksur.

    12

    Sussegwentement, Zentrale ressqet talba għal kumpens għal parti mill-ispejjeż intimati, fl-ammont ta’ EUR 219.35 bl-interessi.

    13

    Din it-talba ġiet miċħuda fl-ewwel istanza, iżda intlaqgħet fl-appell.

    14

    Il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja), adita b’rikors għal “Reviżjoni” tqis li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 834/2007, skont liema l-prodotti għandhom jinbiegħu direttament lill-konsumatur jew lill-utent finali, jistgħu jingħataw diversi interpretazzjonijiet.

    15

    Fil-fatt, minn naħa, huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li dan il-bejgħ għandu jseħħ fejn jinħażnu l-prodotti, fil-preżenza kemm tal-operatur jew tal-persunal tiegħu inkarigat tal-bejgħ kif ukoll tax-xerrej. Skont din l-interpretazzjoni, la n-negozju għall-bejgħ online u lanqas kull forma ta’ bejgħ mill-bogħod ma jaqgħu taħt l-eżenzjoni tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 834/2007. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni jistgħu jiġu interpretati wkoll fis-sens li r-rekwiżit skont liema l-bejgħ jitwettaq direttament jeskludi l-istanzi taż bejgħ li fihom ikun intervjena intermedjarju.

    16

    B’mod iktar partikolari, din il-qorti tosserva li huwa improbabbli ħafna li konsumatur jew utent aħħari, li jikseb mingħand operatur prodotti li ma jkunx immanifattura huwa stess, jkollu l-aħjar possibbiltajiet ta’ kontroll tal-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mir-Regolament Nru 834/2007 meta l-bejgħ jitwettaq fil-kuntest ta’ kummerċ bl-imnut fiss, li l-bejgħ isir fil-post ta’ ħażna ta’ prodotti, fil-preżenza kemm tal-operatur jew tal-persunal ta’ bejgħ tiegħu, kif ukoll meta l-bejgħ isir mill-bogħod, inkluż permezz tal-internet.

    17

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Jeżisti bejgħ ‘dirett’ lill-konsumatur finali fis-sens tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 834/2007, meta l-operatur jew il-persunal ta’ bejgħ tiegħu jbiegħ il-prodotti lill-konsumatur finali mingħajr l-intervent ta’ terz, jew il-bejgħ ‘dirett’ jippreżupponi minbarra dan li l-bejgħ isir fil-post ta’ ħażna ta’ prodotti, fil-preżenza kemm tal-operatur jew tal-persunal ta’ bejgħ tiegħu u tal-konsumatur finali?”

    Fuq id-domanda preliminari

    18

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 834/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex prodotti jiġu kkunsidrati bħala li ġew mibjugħa “direttament”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, lill-konsumatur jew lill-utent finali, huwa neċessarju li l-bejgħ jitwettaq fil-preżenza kemm tal-operatur jew tal-persunal tiegħu inkarigat mill-bejgħ u tal-konsumatur finali, jew li huwa suffiċjenti li l-bejgħ jitwettaq mingħajr l-indħil ta’ terzi.

    19

    Konformement mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 834/2007, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu operaturi li jbigħu prodotti direttament lill-konsumatur jew utent finali dment li huma ma jipproduċux, ma jippreparawx, ma jaħżnux ħlief in konnessjoni mal-punt ta’ bejgħ jew ma jimportawx, tali prodotti minn pajjiż terz jew ma jkunux ikkontrattaw tali attivitajiet lill parti terza.

    20

    Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li din id-dispożizzjoni, billi tippermetti lill-Istati Membri li, taħt il-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu, ma jissuġġettawx lil ċerti operaturi, għas-sistema ta’ spezzjoni msemmija fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 834/2007, iddaħħal deroga għar-regola stabbilita fl-Artikolu 28(1) ta’ dan ir-regolament u għandha, bħala eċċezzjoni għal regola, tiġi interpretata b’mod ristrettiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Dansk Jurist- og Økonomforbund, C-546/11, EU:C:2013:603, punt 41).

    21

    Barra minn hekk, il-fatt li l-premessa 22 tar-Regolament Nru 834/2007 tenfasizza li l-eċċezzjonijiet mill-ħtiġiet applikabbli għall-produzzjoni organika għandhom ikunu limitati strettament għal każijiet fejn l-applikazzjoni ta’ regoli eċċezzjonali hija meqjusa ġustifikata timmilita wkoll favur interpretazzjoni ristrettiva tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 28(2) ta’ dan ir-regolament, ġaladarba, konformement mal-Artikolu 2(a) tal-imsemmi regolament, il-kunċett ta’ “produzzjoni organika” huwa definit bħala l-użu tal-metodu ta’ produzzjoni b’mod konformi mar-regoli stabbiliti fl-istess regolament fl-istadji kollha ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni.

    22

    Sussegwentement, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tas-6 ta’ Lulju 2017, Air Berlin, C‑290/16, EU:C:2017:523, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    F’dak li jikkonċerna, f’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 834/2007, skont liema, jistgħu jiġu eżentati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) ta’ dan ir-regolament, l-operaturi li jbigħu mill-ġdid il-prodotti direttament lill-konsumatur jew lill-utent finali, għandu jiġi rrilevat li dan l-Artikolu 28(2), fih diversi kundizzjonijiet li huma intiżi li jillimitaw il-kategoriji ta’ bejjiegħa li jistgħu jibbenefikaw mill-eċċezzjoni hekk prevista.

    24

    B’hekk, jekk l-użu tat-terminu “direttament” imsemmi inkontestabbilment sabiex jeskludi kull indħil minn terzi, għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi l-oħra li jidhru f’din id-dispożizzjoni.

    25

    Il-kuntest li fih il-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll l-għanijiet li din il-leġiżlazzjoni ssegwi jeħtieġu wkoll interpretazzjoni ristrettiva.

    26

    L-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 834/2007 jidher fost id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar il-kontroll tar-rekwiżiti stabbiliti skont il-kuntest legali tal-Unjoni fil-qasam tal-produzzjoni organika. Kif tfakkar il-premessa 31 tar-Regolament Nru 834/2007, sabiex il-prodotti organiċi jinkisbu konformement għal dawn ir-rekwiżiti, l-attivitajiet imwettqa mill-operaturi fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-preparazzjoni u tad-distribuzzjoni ta’ dawn il-prodotti għandhom jiġu suġġetti għas-sistema ta’ kontroll previst mill-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament.

    27

    Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 27(13) tal-imsemmi regolament, din is-sistema ta’ kontroll hija intiża li tippermetti għat-traċċabbiltà ta’ kull prodott fl-istadji kollha tal-produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni, b’mod partikolari sabiex tagħti lill-konsumaturi l-garanzija li l-prodotti organiċi ġew immanifatturati fl-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-istess regolament.

    28

    F’dan il-kuntest, il-premessa 32 tar-Regolament Nru 834/2007, ’il bogħod milli jipprevedi eżenzjoni ġenerali mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 28(1) ta’ dak ir-regolament, issemmi espressament “ċerti tipi ta’ operaturi bl-imnut” u “f’xi każijiet” sabiex jiċċirkoskrivu l-każijiet li fihom l-applikazzjoni tar-rekwiżiti fil-qasam ta’ notifika u ta’ kontroll tista’ tidher sproporzjonata.

    29

    Għaldaqstant, ikun kuntrarju għas-sistema stabbilita minn dak ir-regolament li tingħata interpretazzjoni li tittrasforma eċċezzjoni, maħsuba għal każijiet speċifiċi u limitati f’dak li jirrigwarda kemm in-numru tagħhom kif ukoll l-importanza ekonomika tagħhom, f’regola li tista’ tikkostitwixxi deroga mis-sistema ta’ kontroll għal parti kbira tan-negozju online kif ukoll għal forom oħra ta’ bejgħ mill-bogħod, minkejja dan, il-fatt li dawn il-kanali ta’ distribuzzjoni għandhom importanza kunsiderevoli u qed jikber fil-kuntest tal-produzzjoni organika.

    30

    Barra dan, fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li jimplika, b’mod partikolari, kif huwa msemmi fil-premessi 3 u 5 tar-Regolament Nru 834/2007, li tiġi ppreżervata u tiġi ġġustifikata l-fiduċja tagħhom fil-prodotti ttikkettjati bħala prodotti organiċi, jmur kontra dan l-għan li jiġi aċċettat li d-deroga li tissemma fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 834/2007 tista’ tiġi applikata lil hinn mill-każijiet espressament previsti mil-leġiżlatur.

    31

    Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni msemmija tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 834/2007 ma hijiex ikkontestata mill-argument skont liema ma huwiex stabbilit li l-konsumatur finali jista’ jikkontrolla aħjar l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mir-Regolament Nru 834/2007 waqt bejgħ imwettaq f’negozju bl-imnut jew waqt xiri mwettaq online jew mill-bogħod.

    32

    Kif osservat il-Kummissjoni, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 834/2007 ma humiex ibbażata fuq dawn il-kunsiderazzjonijiet, iżda huma intiżi, wara evalwazzjoni ġenerali tar-riskji fil-kuntest tal-produzzjoni organika, li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi jaċċettaw eċċezzjoni limitata għall-każijiet li fihom l-applikazzjoni tar-rekwiżiti fil-qasam tan-notifika u ta’ kontroll tista’ tiġi kkunsidrata bħala eċċessiva.

    33

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti tidher kompletament iġġustifikata fil-każ tan-negozju bl-imnut online jew mill-bogħod, madankollu l-ħażna tal-prodotti, ġeneralment fi tliet kwantitajiet kbar u l-konsenja permezz ta’ intermedjarji jippreżentaw riskju ta’ ttikkettjar mill-ġdid, ta’ bidla u ta’ kontaminazzjoni li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala globalment baxx.

    34

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għandha tkun li l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 834/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-prodotti li huma kkunsidrati bħala li qed ibigħu “direttament”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni lill-konsumatur jew lill-utent finali, huwa neċessarju li l-bejgħ jitwettaq fil-preżenza kemm tal-operatur jew ta’ persunal tiegħu inkarigat mill-bejgħ u tal-konsumatur finali.

    Fuq l-ispejjeż

    35

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 28(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-prodotti li huma kkunsidrati bħala li qed ibigħu “direttament”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni lill-konsumatur jew lill-utent finali, huwa neċessarju li l-bejgħ jitwettaq fil-preżenza kemm tal-operatur jew ta’ persunal tiegħu inkarigat mill-bejgħ u tal-konsumatur finali.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top