EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0277

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017.
Polkomtel sp. z o.o. vs Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Najwyższy.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi – Direttiva 2002/21/KE – Artikoli 8 u 16 – Direttiva 2002/19/KE – Artikoli 8 u 13 – Operatur identifikat li jiddisponi minn saħħa sinjifikattiva fis-suq – Kontroll tal-prezzijiet – Obbligi imposti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali – Obbligu ta’ orjentazzjoni tal-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż – Iffissar ta’ tariffi inqas mill-ispejjeż sostnuti mill-operatur ikkonċernat għall-provvista ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi fin-networks ċellulari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 16 – Libertà ta’ impriża – Proporzjonalità.
Kawża C-277/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:989

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

20 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi – Direttiva 2002/19 – Artikoli 8 u 13 – Direttiva 2002/21 – Artikoli 8 u 16 – Operatur identifikat li jiddisponi minn saħħa sinjifikattiva fis-suq – Kontroll tal-prezzijiet – Obbligi imposti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali – Obbligu ta’ orjentazzjoni tal-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż – Iffissar ta’ tariffi inqas mill-ispejjeż sostnuti mill-operatur ikkonċernat għall-provvista ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi fin-networks ċellulari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 16 – Libertà ta’ impriża – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C-277/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

Polkomtel sp. z o.o.

vs

Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej,

fil-preżenza ta’:

Krajowa Izba Gospodarcza Elektroniki i Telekomunikacji,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: R.Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Mejju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Polkomtel sp. z o.o., minn E. Barembruch, radca prawny,

għal Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej, minn L. Ochniewicz u D. Dziedzic-Chojnacka, radcowie prawni,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna kif ukoll minn D. Lutostańska u K. Wilimborek-Makulska, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, kif ukoll minn J. Hottiaux u L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8(4), u 13 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-“Aċċess”) (2002, ĠU L 108, p. 7).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Polkomtel sp. z o.o. u Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej (il-President tal-Uffiċċju tal-kommunikazzjonijiet elettroniċi, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“President tal-UKE”), dwar deċiżjoni meħuda minn dan tal-aħħar li tiffissa t-tariffi terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi fin-network ċellulari pubbliku ta’ Polkomtel.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Fuq id-Direttiva 2002/21/KE

3

L-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva “Qafas”) (ĠU L 108, p. 33, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”) jipprevedu rispettivament, mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni u ta’ trasparenza u proċedura ta’ konsolidazzjoni tas-suq intern tal-kommunikazzjonijiet elettroniċi.

4

L-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas jiddefinixxi l-għanijiet ġenerali u l-prinċipji regolatorji li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”) għandhom jiżguraw li jiġu osservati. Dan l-artikolu jipprevedi:

“1   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fit-twettieq tax-xogħlijiet regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma mmirati lejn il-ksib tal-miri stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4. Dawk il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati ma’ dawk il-miri.

[…]

2.   L-[ARN] għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provista tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u servizzi billi fost ħwejjeġ oħra:

a)

jiżguraw li l-utenti, nklużi utenti b’disablità, jieħu l-benefiċċju massimu f’termini ta’ għażla, prezz, u kwalità;

b)

jassiguraw li ma jkun hemm ebda tgħawwiġ jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni fis-setttur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;

[…]

4.   L-[ARN] għandhom jippromwovu l-interessi taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea […]

[…]”

5

L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Impriżi b’saħħa sinifikanti fis-suq”, jippreċiża l-kriterji li jippermettu lill-ARN jikkunsidraw li operatur partikolari għandu saħħa sinjifikattiva fuq is-suq.

6

L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proċedura ta’ analiżi tas-suq”, jipprevedi:

“1   Kemm jista’ jkun malajr wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni jew xi aġġornament tagħha, l-[ARN] għandhom iwettqu analiżi tas-swieq rilevanti, waqt li jagħtu l-akbar kont tal-linji gwida. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din l-analiżi titwettaq, meta jkun xieraq, b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

2.   Fejn [l-ARN] hija meħtieġa taħt Artikoli […] Artikoli 7 jew 8 tad-Direttiva [“dwar l-Aċċess”] li jistabbilixxu jekk jimponux, iżommu, jemendaw jew jirtiraw obbigazzjonijiet fuq impriżi, [hija] għandha tistabbilixxi fuq il-bażi ta’ l-analiżi tagħha tas-suq imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan Artikolu jekk is-suq relevanti hux effettivament kompetittiv.

[…]

4.   Fejn [ARN] tistabbilixxi li suq relevanti mhux effettivament kompetittiv, għandha tidentifika impriżi b’saħħa sinifikanti fis-suq fuq dak is-suq skond Artikolu 14 u l-[ARN] għandha fuq dawk l-impriżi timponi l-obbligazzjonijiet speċifiċi adatti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan Artikolu jew iżżomm jew temenda dawk l-obbligazzjonijiet fejn ġia jeżistu.

[…]”

7

L-Artikolu 19 tal-istess direttiva, intitolat “Il-miżuri korrettivi” jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija f’Artikolu 22(2), toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi sabiex jinkisbu aktar il-miri stipulati f’Artikolu 8, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-[ARN] jagħtu l-akbar kont ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet fit-twettieq tax-xogħol tagħhom. Meta [ARN] tagħżel li ma ssegwix ir-rakkomandazzjoni, hija għandha tinforma lill-Kummissjoni, waqt li tagħti r-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħha.”

Id-Direttiva tal-Aċċess

8

Il-premessi 15 u 20 tad-Direttiva tal-Aċċess jistipulaw:

“(15)

L-impożizzjoni ta’ obbligu speċifiku fuq impriża b’saħħa sinjifikanti fis-suq ma teħtieġx analiżi addizzjonali tas-suq iżda ġustitikazzjoni li l-obbligu in kwisjoni huwa xieraq u proporzjonat b’relazzjoni man-natura tal-problema identifikata.

[…]

(20)

Il-kontroll tal-prezzijiet jista’ jkun meħtieġ meta l-analiżi tas-suq f’suq partikolari juri kompetizzjoni ineffiċjenti. L-intervent [tal-ARN] jista jkun relattivament ħafif, bħal obbligu li l-prezzijiet għall-għażla tal-carrier ikunu raġonevoli jew ħafna aktar tqil bħal obbligu li l-prezzijiet ikunu orjentati ma’ l-ispiża biex tiġi provduta ġustifikazzjoni sħiħa għal dawk il-prezzijiet fejn il-kompetizzjoni ma tkunx b’saħħitha biżżejjed biex tipprevjeni prezzijiet eċċessivi B’mod partikolari, operaturi b’saħħa sinjifikanti fis-suq għandhom jevitaw il-kompressjoni tal-prezzijiet b’mod li d-differenza bejn il-prezz tagħhom bl-imnut u l-prezzijiet għall-interkonnessjoni mitluba mill-kompetituri li jfornu servizzi bl-imnut simili ma tkunx adegwata biex tiżgura kompetizzjoni sostenibbli. Fejn [ARN] tikkalkola l-ispejjeż magħmula fl-istabbiliment ta’ servizz obbligatorju taħt din id-Direttiva, huwa xieraq li jiġi permess qliegħ raġonevoli fuq il-kapital investit inklużi l-ispejjeż adatt tal-ħaddiema u l-bini, mal-valur tal-kapital aġġustat fejn meħtieġ biex jirrifletti l-valur kurrenti ta’ l-assi u l-effiċjenza ta’ l-operazzjonijiet. Il-metodu għall-irkupru ta l-ispejjeż għandu jkun adatt għaċ-ċirkostanzi waqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li tiġi mħeġġa l-effiċjenza u l-kompetizzjoni sostenibbli u li jkunu massimizzzati l-benefiċċji għall-konsumatur.”

9

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva intitolat “Impożizzjoni, emendar jew irtirar ta’ l-obbligi”, jipprevedi:

“1   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-[ARN] jkollhom is-saħħa li jimponu l-obbligi identifikati f’Artikoli 9 sa 13.

2.   Fejn operatur huwa identifikat bħala li jkollu saħħa tas-suq sinjifikanti f’suq speċifiku bħala riżultat ta’ l-analiżi tas-suq imwettaq skond Artikolu 16 tad-[Direttiva Qafas], l-[ARN] għandhom jimponu l-obbligi stipulati f’Artikoli 9 sa 13 ta’ din id-Direttiva kif xieraq.

[…]

4.   L-obbligi imposti skond dan Artikolu għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-problema identifikata, proporzjonati u ġustifikati fid-dawl tal-miri stipulati f’Artikolu 8 tad-[Direttiva Qafas]. Dawn l-obbligi għandhom ikunu imposti biss wara konsultazzjoni skond Artikoli 6 u 7 ta’ dik id-Direttiva.

[…]”

10

L-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kontroll tal-prezzijiet u obbligi ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż”, huwa redatt kif ġej:

“1   L-[ARN] tista’, skond id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 8, timponi obbligi li jirrelataw ma l-irkupru ta’ l-ispejjeż u l-kontrolli tal-prezzijiet, inklużi obbligi għall-orjentazzjoni tal-prezzijiet għall-ispejjeż u obbligi li jikkonċernaw sistemi ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż, għall-forniment ta’ tipi speċifiċi ta’ interkonnessjoni u/jew aċċess, f’sitwazzjonijiet fejn analiżi tas-suq jindika li n-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva jfisser li l-operatur konċernat jista’ jsofri prezzijiet f’livell eċċessivament għoli, jew jikkumpressa l-prezzijiet, għad-detriment ta’ l-utenti finali. L-[ARN] jieħdu kont tal-investiment magħmul mill-operatur u jippermettulu rata raġonevoli ta’ qliegħ fuq il-kapital adegwat investit, waqt li jittieħed kont tar-riskji involuti.

2.   L-[ARN] għandhom jiżguraw li kull mekkaniżmu ta’ rkupru ta’ l-ispejjeż jew metodoloġija ta’ l-iffissar tal-prezzijiet li jkun obbligatoru jservi biex jippromwovi l-effiċjenza u l-kompetizzjoni sostenibbli u jimmassimizza l-benefiċċji għall-konsumatur. F’dan ir-rigward l-[ARN] jistgħu wkoll jieħdu kont tal-prezzijiet disponibbli fi swieq kompetittivi komparabbli.

3.   Fejn operatur ikollu obbligu li jorjenta l-prezzijiet tiegħu ma’ l-ispejjeż, l-oneru tal-prova li l-prezzijiet huma bażati fuq l-ispejjeż inkluża rata raġonevoli ta’ qliegħ fuq l-investiment għandu jkun fuq l-operatur konċernat. Għall-għan tal-kalkolu tal-kost tal-forniment effiċjenti ta’ servizzi, l-[ARN] jistgħu jużaw metodi ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż indipendenti minn dawk użati mill-impriża. L-[ARN] jistgħu jeħtieġu operatur li jipprovdi ġustifikazzjoni sħiħa għall-prezzijiet tiegħu, u jistgħu, fejn xieraq, jeħtieġu li l-prezzijiet jiġu aġġustati.

[…]”

Ir-Rakkomandazzjoni 2009/396/KE

11

Skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/396/KE tas-7 ta’ Mejju 2009 dwar it-Trattament Regolatorju tar-Rati ta’ Terminazzjoni ta’ Telefonati Fissi u Ċellulari fl-UE (ĠU 2009 L 124, p. 67):

“Meta jiġu imposti obbligi dwar kontroll ta’ prezzijiet u dwar kontabilità tal-ispejjeż skont l-Artikolu 13 tad-[Direttiva “dwar l-Aċċess”] fuq l-operaturi nnominati mill-[ARN] li jkollhom saħħa sinifikanti fis-suq fis-swieq ta’ terminazzjoni bl-ingrossa ta’ telefonati bil-vuċi fin-netwerks pubbliċi individwali tat-telefonija (minn hawn ’il quddiem imsejħa “swieq ta’ terminazzjoni fissi u ċellulari”) bħala riżultat ta’ analiżi tas-swieq li twettqet skont l-Artikolu 16 tad-[Direttiva Qafas], l-[ARN] għandhom jiffissaw rati ta’ terminazzjoni bbażati fuq l-ispejjeż li jkollu operatur effiċjenti. Dan jimplika li huma wkoll jridu jkunu simetriċi. […]”

Id-dritt Pollakk

12

Skont l-Artikolu 39 tal-ustawa Prawo telekomunikacyjne (il-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet), tas-16 ta’ Lulju 2004 (Dz. U. no 171, position 1800), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet”):

“1   Fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 2(a) tal-Artikolu 24, il-president tal-UKE jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jimponi fuq l-operatur li għandu saħħa sinjifikattiva fis-suq l-obbligu:

1)

li jikkalkola l-ispejjeż ġġustifikati tas-servizz ta’ aċċess għan-netwerk ta’ telekommunikazzjonijiet (billi jesponi l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-ispejjeż) li għandu japplika abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament imsemmi fl-Artikolu 51, konformement mad-deskrizzjoni tal-kalkolu tal-ispejjeż stabbilita mill-president tal-UKE,

2)

li japplika t-tariffi ta’ aċċess li l-ammont tagħhom jinkludi l-irkupru tal-ispejjeż iġġustifikati tal-operatur.

2.   L-operatur li fuqu jkun ġie impost l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġġustifika b’mod sħiħ lill-president tal-UKE, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, l-ammont tat-tariffi abbażi tal-ispejjeż iġġustifikati.

[…]

4.   Fil-każ li:

[…]

3)

l-entità kompetenti sabiex twettaq il-verifika msemmija fl-Artikolu 53(5) toħroġ opinjoni sfavorevoli jew opinjoni kkwalifikata,

4)

tiġi nnotata diskrepanza bejn l-ammont tat-tariffi ffissati mill-operatur u r-rati ffissati mill-president tal-UKE, konformement mal-paragrafu 3,

il-president tal-UKE għandu jiffissa l-ammont ta’ tariffi ta’ aċċess għan-netwerk tat-telekomunikazzjonijiet jew il-livelli massimi jew minimi tagħhom billi japplika l-metodi msemmija fil-punt 2 tal-paragrafu 3. It-tariffi msemmija iktar ‘il fuq huma ffissati permezz ta’ deċiżjoni distinta […]

5.   Il-president tal-UKE jistabbilixxi tariffi ta’ aċċess għan-netwerk tat-telekomunikazzjonijiet sabiex jippromwovi l-effiċjenza ekonomika, irawwem kompetizzjoni sostenibbli u jipprovdi l-akbar benefiċċju lill-utent finali, filwaqt li jqis l-irkupru ta’ spejjeż iġġustifikati.”

13

L-Artikolu 40 tal-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-President tal-[Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi] jista’, skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24(2)(a), jimponi fuq operaturi b’saħħa sinjifikanti fis-suq, permezz ta’ deċiżjoni, obbligu li jiffissaw tariffi għal aċċess għal telekomunikazzjonijiet abbażi tal-ispejjeż magħmula

2.   L-operatur li fuqu jkun ġie impost l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġġustifika b’mod sħiħ lill-president tal-UKE l-ammont tat-tariffi abbażi tal-ispejjeż iġġustifikati.

3.   Biex jiġi evalwat jekk l-ammont tat-tariffi ffissat mill-operatur imsemmi fil-paragrafu 1 ikunx korrett jew le, il-President tal-UKE jista’ jqis l-ammont ta’, jew il-metodu biex jiġu ffissati t-tariffi ma’ swieq kompetittivi komparabbli jew b’mezzi oħra li jevalwaw jekk dawk it-tariffi jkunux korretti.

4.   Meta, skont l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, l-ammont tat-tariffi ffissat mill-operatur ma jkunx korrett, il-President tal-UKE għandu jiffissa l-ammont tat-tariffi jew il-livell massimu jew minimu tiegħu, billi japplika l-metodi msemmija fil-paragrafu 3, billi jqis il-promozzjoni tal-effiċjenza u l-kompetizzjoni sostenibbli u billi jiżgura benefiċċji massimi għal dawk li jużaw in-network l-aħħar. It-tariffi msemmija iktar ’il fuq huma ffissati permezz ta’ deċiżjoni distinta […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Permezz ta’ deċiżjoni adottata fid-19 ta’ Lulju 2006 l-President tal-UKE iddentifika lil Polkomtel bħala impriża li kellha saħħa sinjifikattiva fis-suq tas-servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi fin-network ċellulari tagħha u impona fuq Polkomtel, b’mod partikolari, l-obbligu li tiffissa t-tariffi ta’ ta’ aċċess tagħha għan-netwerk ta’ komunikazzjonijiet abbażi tal-ispejjeż sostnuti biex tipprovdi dawn is-servizzi.

15

Fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ dan l-obbligu, Polkomtel bagħtet lill-President tal-UKE l-elementi li jiġġustifikaw l-ammont tat-tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi fin-netwerk ċellulari tiegħu. Il-President tal-UKE qies li dan l-ammont kien irregolari u fetaħ proċedura sabiex jivverifika dawn it-tariffi u jaġġustahom. Wara li rrileva li l-ispejjeż attwalment sostnuti minn Polkomtel fil-provvista ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati ċellulari kienu jammontaw għal 0.1690 zloty Pollakki (PLN) (madwar EUR 0.0398) kull minuta, il-President tal-UKE ddeċieda li jimmodifika dawn it-tariffi sabiex jippromwovi l-effikaċja ekonomika, sabiex jiffavorixxi kompetizzjoni sostenibbli, u sabiex jimmassimizza l-benefiċċji għall-utenti finali, skont l-Artikolu 40 tal-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet. Huwa ffissa dawn it-tariffi fuq il-bażi tal-medja tat-tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati ċellulari ffissati għall-operaturi stabbiliti l-oħra li joperaw fis-suq Pollakk tat-telefonija ċellulari, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-istess suq, li għandhom ishma tas-suq simili, li għandhom l-istess fornituri ta’ infrastruttura u li jsostnu spejjeż identiċi tal-kiri ta’ linja.

16

Għalhekk, b’deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2009, meħuda abbażi tal-Artikolu 40 tal-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet, il-President tal-UKE ffissa t-tariffa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati ċellulari fuq in-netwerk ta’ Polkomtel għal PLN 0.1677 (madwar EUR 0.0395) kull minuta. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-President tal-UKE impona wkoll fuq Polkomtel l-obbligu li tipprovdilu kull sena l-elementi li jiġġustifikaw it-tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati ċellulari fuq in-netwerk tagħha, ikkalkolati abbażi tal-ispejjeż sostnuti biex tipprovdi dan is-servizz.

17

Din l-impriża ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-President tal-UKE tad-9 ta’ Diċembru 2009 quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja). Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Mejju 2013 din il-qorti bidlet din id-deċiżjoni u ffissat l-ammont tat-tariffa tat-terminazzjoni ta’ telefonati ċellulari fuq in-netwerk ta’ Polkomtel għal PLN 0.1690 (madwar EUR 0.0398) kull minuta għar-raġuni li, fejn impriża identifikata bħala li għandha saħħa sinjifikattiva fis-suq jiġi impost fuqha obbligu li tiffissa t-tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati ċellulari tagħha bbażati fuq l-ispejjeż, il-President tal-UKE mhux awtorizzat li jikkoreġi r-rati ppreżentati lilu minn din l-impriża u li jiffissa l-ammont tagħhom f’livell iktar baxx mill-ispiża effettiva tal-provvista ta’ dan is-servizz.

18

Polkomtel, kif ukoll il-President tal-UKE appellaw mis-sentenza tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja). Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Mejju 2014, din il-qorti laqgħet l-appell ippreżentat mill-President tal-UKE, irriformat is-sentenza appellata u ċaħdet l-appell ippreżentat minn Polkomtel. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti ddeċidiet li l-obbligu li kull sena jiġu kkomunikati l-elementi li jiġġustifikaw l-ammont tat-tariffi tat-terminazzjoni ta’ telefonati ċellulari abbażi tal-ispejjeż lill-President tal-UKE, kienet legali.

19

Polkomtel ippreżentat appell fil-kassazzjoni mis-sentenza tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja).

20

Din tal-aħħar tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikoli 8 u 13 tad-Direttiva tal-Aċċess. Fl-ewwel lok, hija trid taċċerta ruħha jekk, skont l-Artikolu 13(3), l-ARN tistax tivverifika biss l-ispejjeż li l-operatur identifikat li għandu saħħa sinjifikattiva fis-suq qiegħed jattribwixxi lis-servizzi kkonċernati jew jekk jistax ukoll jikkontrolla li dawn l-ispejjeż ikunu ekonomikament iġġustifikati. B’mod partikolari hija tistaqsi, fid-dawl tat-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu 3, jekk l-ARN ma tistax tivverifika l-ammont ta’ spejjeż biss b’mod limitat jew jekk hija tistax, barra minn hekk, tikkoreġi l-ammont ta’ prezzijiet fissi billi tirreferi għal prezz effettiv medju fis-suq. F’dan il-kuntest, hija għandha dubji dwar jekk interpretazzjoni tal-Artikolu 13 li teskludi din l-aħħar possibbiltà hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) ta’ din l-istess direttiva.

21

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li Polkomtel issostni li l-Artikolu 40 tal-liġi dwar it-telekommunikazzjonijiet tippermetti lil operatur li jieħu inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-prezzijiet tiegħu, l-ispejjeż kollha marbuta mal-provvista tas-servizz suġġett għall-obbligu li jirrigwarda l-orjentament tal-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż. Skont din l-impriża, l-ARN ma tistax tuża l-kriterji ta’ effiċjenza u kompetizzjoni sostenibbli, iżda għandha tkun limitata għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż effettivament marbuta mal-provvista tas-servizz li hija suġġetta, għal dak l-obbligu, b’tali mod li ma tkunx tista’ tiffissa l-ammont tat-tariffi f’livell iktar baxx mill-ispejjeż realment sostnuti.

22

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, minkejja d-differenza bejn l-ispejjeż imsemmija rispettivament fl-Artikoli 39 u 40 tal-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet, dan l-aħħar artikolu ma jillimitax il-kompetenza tal-ARN biss għall-verifika tal-ispejjeż li l-operatur ikkonċernat ikun ħa inkunsiderazzjoni fl-iffissar tat-tariffa u sabiex jiffissa l-ammont tat-tariffi f’livell iktar baxx mill-ispejjeż sostnuti mill-operatur ikkonċernat. Interpretazzjoni bħal din tikkontribbwixxi, fil-fehma tagħha, għall-kisba tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlaturi tal-Unjoni u Pollakki, li jikkonsistu fil-promozzjoni tal-effikaċja ekonomika, fit-trawwim tal-kompetizzjoni sostenibbli fl-immassimizzar tal-benefiċċji għall-utenti finali.

23

Fit-tieni lok, din il-qorti tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva tal-Aċċess moqrija flimkien mal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem il‑“Karta”), għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-ARN tista’ timponi fuq operatur obbligu li perjodikament jikkomunika l-elementi li jiġġustifikaw it-tariffi ffissati abbażi tal-ispejjeż.

24

F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tiddikjara li tiffavorixxi “interpretazzjoni funzjonali” tal-Artikolu 40(2) tal-liġi dwar it-telekomunikazzjoni, li ma tipprovdix il-frekwenza li biha l-operatur irid jissodisfa l-obbligu li jiġġustifika l-ammont tat-tariffi ffissati abbażi tal-ispejjeż. Minn dan l-artikolu jista’ jiġi dedott, skont il-fehma tagħha, li l-ANR tista’ tispeċifika t-terminu li fih l-operatur għandu jissodisfa dan l-obbligu, peress li l-iffissar ta’ tali perijodu jiggarantixxi livell minimu ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-frekwenza ta’ bidliet eventwali fl-ammont tat-tariffi applikati tkun proporzjonali u tgħin ukoll biex tkun żgurata t-trasparenza tal-atti tal-ARN. L-istess qorti tistaqsi jekk tali interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali hijiex konformi mal-Artikolu 13(3) tad-Direttiva tal-Aċċess.

25

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva tal-Aċċess moqri flimkien mal-Artikolu 16 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ARN tista’ titlob aġġustament tal-prezzijiet lil operatur anki meta dak l-operatur, identifikat bħala li għandu saħħa sinjifikattiva fis-suq, japplika l-prezzijiet li jkun iddetermina b’mod awtonomu biss meta japplika l-prezzijiet iffissati preċedentement minn din l-awtorità. Il-qorti tar-rinviju tosserva li dawn id-dubji jirriżultaw mill-verżjoni tal-Artikolu 13(3) tad-Direttiva tal-Aċċess fil-lingwa Pollakka, skont liema l-ARN jistgħu jeħtieġu li impriża tiġġustifika bis-sħiħ il-“prezzijiet applikati” u jekk meħtieġ, li teżiġi aġġustament, li tissuġġerixxi li l-ARN ma tistax titlob lill-operatur biex jaġġusta l-livell ta’ dawk il-prezzijiet meta din tkun diġà bdiet tapplika l-prezzijiet li kkalkulat.

26

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 13 flimkien mal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess), fil-verżjoni orġinali tagħhom, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ li operatur li għandu saħħa sinjifikattiva fis-suq jiġi obbligat jorjenta l-prezzijiet tiegħu skont l-ispejjeż tiegħu, l-[ARN] tista’, sabiex tippromwovi l-effiċjenza ekonomika u l-kompetizzjoni sostenibbli, tistabbilixxi prezz tas-servizz suġġett għal tali obbligu li jkun inqas mill-ispejjeż sostnuti mill-operatur għall-provvista tagħhom, liema spejjeż ikunu ġew ivverifikati mill-[ARN] u kkunsidrati bħala li għandhom rabta kawżali ma’ dan is-servizz?

2)

L-Artikolu 13(3) flimkien mal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess), fil-verżjoni orġinali tagħhom, moqrija flimkien mal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-[ARN] tista’ tobbliga lill-operatur li għandu jorjenta l-prezzijiet tiegħu skont l-ispejjeż tiegħu li kull sena jistabbilixxi l-prezz fuq il-bażi tad-data l-iktar attwali dwar l-ispejjeż u jikkomunika, għal verifika, il-prezz hekk iffissat lill-[ARN], flimkien ma’ ġustifikazzjoni għal dawn l-ispejjeż, qabel ma jibda japplika dan il-prezz fis-suq?

3)

L-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess), fil-verżjoni orġinali tiegħu, moqri flimkien mal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operatur li għandu jorjenta l-prezzijiet tiegħu skont l-ispejjeż tiegħu jista’ jiġi obbligat mill-[ARN] li jadatta l-prezz tiegħu biss meta dan l-operatur l-ewwel jiffissa b’mod indipendenti l-ammont tal-prezz u mbagħad jibda japplikah, jew ukoll meta dan japplika prezz li l-ammont tiegħu jkun ġie ffissat preċedentement mill-[ARN], iżda li jirriżulta mill-ġustifikazzjoni tal-ispejjeż għall-perijodu ta’ referenza sussegwenti li l-prezz stabbilit preċedentement mill-[ARN] huwa ogħla mil-livell tal-ispejjeż imġarrba mill-operatur?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Aċċess għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta operatur, magħżul bħala li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari, jiġi impost fuqu minn ARN, obbligu li jiġu ffissati prezzijiet abbażi tal-ispejjeż, din l-ARN tista’, sabiex tippromwovi l-effiċjenza ekonomika u tippromwovi kompetizzjoni sostenibbli, tiffissa l-prezzijiet tas-servizzi li huma suġġetti għal tali obbligu f’ammont inqas tal-ispejjeż sostnuti minn dan l-operatur għall-provvista.

28

Skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Aċċess, meta, wara analiżi tas-suq magħmula skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas, operatur jiġi identifikat li għandu saħħa sinjifikattiva fuq suq partikolari, l-ARN jimponulu l-obbligi elenkati fl-Artikoli 9 sa 13 ta’ din id-Direttiva tal-Aċċess, skont il-każ.

29

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Aċċess jistabbilixxi, min-naħa tiegħu, li l-ARN jistgħu, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8, jimponu obbligi li jirrelataw mal-irkupru tal-ispejjeż u l-kontrolli tal-prezzijiet, inklużi obbligi għall-orjentazzjoni tal-prezzijiet għall-ispejjeż u obbligi li jikkonċernaw sistemi ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż, għall-forniment ta’ tipi speċifiċi ta’ interkonnessjoni u/jew aċċess, f’sitwazzjonijiet fejn analiżi tas-suq jindika li n-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva jfisser li l-operatur ikkonċernat jista’ jsofri prezzijiet f’livell eċċessivament għoli, jew jikkumpressa l-prezzijiet, għad-detriment tal-utenti finali.

30

La l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Aċċess u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jispeċifikaw x’wieħed jifhem permezz ta’ “obbligi rigward l-orjentazzjoni tal-prezzijiet rigward l-ispejjeż”.

31

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li mill-espressjoni “inklużi”, li tidher fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Aċċess, li l-“obbligi li jikkonċernaw sistemi ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż” jistgħu jikkostitwixxu waħda mill-modalitajiet kemm tal-obbligi li jirrelataw mal-irkupru tal-ispejjeż u l-kontrolli tal-prezzijiet. Barra minn hekk, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 31 u 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, “obbligi li jirrelataw mal-irkupru tal-ispejjeż u l-kontrolli tal-prezzijiet”, fid-dawl tas-sens abitwali ta’ dawn it-termini, jirrigwardaw obbligu li jiġu orjentati l-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż u mhux obbligu li jiġu rkuprati l-ispejjeż kollha sostnuti. Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni skont liema dan jirrigwarda obbligu li jiġu ffissati l-prezzijiet f’livell li jippermetti lill-operatur ikkonċernat li jirkupra l-ispejjeż kollha li jkun ġarrab bil-għan tal-provvista tas-servizz inkwistjoni.

32

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Aċċess hija sostnuta mill-kuntest li taqa’ fih din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, barra t-titolu tal-imsemmi Artikolu 13, li jirrigwarda espressament il-“kontrolli tal-prezzijiet”, l-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva jirreferi mhux biss għal kull “mekkaniżmu ta’ rkupru ta’ l-ispejjeż”, iżda anki għall-“metodoloġija ta’ l-iffissar tal-prezzijiet li jkun obbligator[j]u” minn ARN. Barra minn dan, il-premessa 20 tad-Direttiva tal-Aċċess tiddikjara li, fil-kuntest tal-kontroll tal-prezzijiet, “[l]-intervent [tal-ARN] jista jkun relattivament ħafif, bħal obbligu li l-prezzijiet għall-għażla tal-carrier ikunu raġonevoli […] jew ħafna aktar tqil bħal obbligu li l-prezzijiet ikunu orjentati ma’ l-ispiża […]”. Jista’jiġi dedott minn din il-premessa li l-leġiżlatur tal-Unjoni fada lill-ARN diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-miżuri ta’ kontroll tal-prezzijiet li jkollhom jiġu imposti f’każ speċifiku. F’dan is-sens ukoll, l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva Qafas, moqri flimkien mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, jirreferi għall-obbligi regolatorji speċifiċi msemmija b’mod partikolari fl-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Aċċess.

33

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “spejjeż”, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Aċċess ma jiddefinixxix l-ispejjeż li għalihom il-prezzijiet għandhom ikunu orjentati. Madankollu, mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jirriżulta li meta operatur huwa suġġett għal obbligu li jorjenta l-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż, l-ARN jikkalkulaw l-ispejjeż biex jipprovdu servizz effiċjenti u jkunu jistgħu, għal dan il-għan, jużaw metodi ta’ kontabbiltà ta’ spejjeż distinti minn dawk applikati mill-operatur. Mill-imsemmi Artikolu 13(1) u (3) tad-Direttiva tal-Aċċess, moqri flimkien mal-premessa 20 ta’ dik id-direttiva, li bl-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ rkupru ta’ spejjeż, l-ARN huma meħtieġa li jikkunsidraw qliegħ fuq il-kapital adegwat investit, waqt li jittieħed kont tar-riskji involuti.

34

F’dan ir-rigward, id-Direttiva tal-Aċċess, tispeċifika wkoll, fil-premessa 20 tagħha, li l-metodu għall-irkupru tal-ispejjeż għandu jkun aġġustat għaċ-ċirkostanzi waqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li tiġi promossa l-effiċjenza u l-kompetizzjoni sostenibbli u li jkunu mmassimizzati l-benefiċċji għall-konsumatur.

35

Għalhekk, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva tal-Aċċess jimponi fuq l-ARN li jeżiġu li l-mekkaniżmi ta’ rkupru tal-ispejjeż u l-metodu tal-iffissar tal-prezzijiet li jkunu obbligatorji jservu sabiex jippromwovu l-effiċjenza ekonomika, sabiex jiffavorixxu kompetizzjoni sostenibbli u sabiex jimmassimizzaw il-benefiċċji għall-konsumatur. Bl-istess mod l-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-obbligi imposti skont dan l-artikolu għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-problema identifikata, proporzjonati u ġġustifikati fid-dawl tal-miri stipulati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas. Dan l-artikolu jipprevedi, fil-paragrafu 2(a) u (b) tiegħu, li l-ARN jippromwovu l-kompetizzjoni billi jiġi żgurat li l-utenti finali jieħdu l-ikbar benefiċċju, b’mod partikolari, skont l-għażla u l-prezz, u li ma jkun hemm ebda tgħawwiġ jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

36

Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni 2009/396, li ġiet adottata għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Aċċess, fil-punt 1 tiegħu, jipprevedi li, skont dan l-Artikolu 13 meta l-ARN jimponu obbligi dwar kontroll ta’ prezzijiet u dwar kontabbiltà tal-ispejjeż, fuq l-operaturi identifikati bħala li jkollhom saħħa sinjifikattiva fis-swieq bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati fissi u ċellulari bħala riżultat ta’ analiżi tas-suq li twettqet konformement mal-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas, l-ARN għandhom jiffissaw tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bbażati fuq l-ispejjeż li jkollu operatur effikaċi.

37

Issa, l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva Qafas jeżiġi li l-ARN, fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom, “jagħtu l-akbar kont” tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u li, meta ARN tagħżel li ma ssegwix ir-rakkomandazzjoni, hija għandha tinforma lill-Kummissjoni Ewropea, waqt li tagħti r-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħha. Għaldaqstant, hija l-ARN li, meta timponi obbligi ta’ kontroll tal-prezzijiet u ta’ kontabilizzazzjoni tal-ispejjeż konformement mal-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Aċċess, għandha ssegwi, bħala prinċipju, l-indikazzjonijiet li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni 2009/396. Huwa biss jekk jidhrilha, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha ta’ sitwazzjoni partikolari, li l-mudell issuġġerit fir-rakkomandazzjoni ma huwiex adattat għaċ-ċirkustanzi li hija tista’ tinjorah filwaqt li tagħti raġunijiet għall-pożizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Koninklijke KPN u, C‑28/15, EU:C:2016:692, punti 3738).

38

Għalhekk, minn qari flimkien tal-Artikolu 8(2)(a) u (b) u l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva Qafas, minn naħa waħda, kif ukoll tal-Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 13 (1) u (2) tad-Direttiva tal-Aċċess, min-naħa l-oħra, jirriżulta li hija l-ARN meta hija timponi obbligu ta’ orjentament tal-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż, skont l-Artikolu 13 ta’ din l-aħħar direttiva, li għandha teżiġi, bħala prinċipju, li l-prezzijiet tat-tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati jiġu ffissati f’relazzjoni mal-ispejjeż sostnuti minn operatur effikaċi, qliegħ fuq il-kapital adegwat investit, imwettaq minnu, li għalih jirreferi l-Artikolu 13(1) u (3) tad-Direttiva tal-Aċċess.

39

Minn dan isegwi li l-ANR jistgħu, wara li jivverifikaw l-osservanza mill-operatur ikkonċernat tal-obbligu li jorjentaw il-prezzijiet tagħhom abbażi tal-ispejjeż u jiddeċiedu li huwa neċessarju li jeżiġu l-aġġustament ta’ dawn il-prezzijiet, li jimponu fuq dan l-operatur li jiffissa r-rati f’livell iktar baxx minn dak tal-ispejjeż sostnuti jekk dawn l-ispejjeż huma ogħla mill-ispejjeż ta’ operatur effikaċi, dawn tal-aħħar għandhom jinkludu rata raġonevoli ta’ qliegħ fuq il-kapital adegwat investit minnu.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Aċċess għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta operatur, identifikat bħala li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari, jiġi impost fuqu minn ARN, obbligu li jiġu ffissati prezzijiet abbażi tal-ispejjeż, din l-ARN tista’, sabiex tippromwovi l-effiċjenza ekonomika u tippromwovi kompetizzjoni sostenibbli, tiffissa l-prezzijiet tas-servizzi li huma suġġetti għal tali obbligu f’ammont inqas tal-ispejjeż sostnuti minn dan l-operatur għall-provvista, jekk dawn l-ispejjeż huma ogħla minn dawk ta’ operatur effikaċi, huwa fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

Fuq it-tieni domanda

41

Permezz tat-tieni domanda l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva tal-Aċċess, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) ta’ dik id-direttiva u mal-Artikolu 16 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru li meta ARN timponi fuq operatur, identifikat bħala li jkollu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari, obbligu li jiffissa prezzijiet orjentati għall-ispejjeż, hija tkun tista’ timponi fuq dak l-operatur obbligu li għandu jorjenta l-prezzijiet tiegħu abbażi tal-ispejjeż, li kull sena jiffissa l-prezz fuq il-bażi tal-informazzjoni l-iktar attwali u jikkomunika, għal verifika, dawn il-prezzijiet kif ukoll l-elementi li jiġġustifikawhom qabel ma jkunu applikati.

42

F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Aċċess, li jawtorizzaw lill-ARN sabiex jimponu fuq operatur, identifikat bħala li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari, obbligi rigward l-orjentazzjoni tal-prezzijiet rigward l-ispejjeż, filwaqt li jimponu dan l-obbligu, jiffissaw il-modalitajiet tal-implementazzjoni tiegħu u, b’mod partikolari, jeżiġu li l-operatur jaġġorna l-prezzijiet b’ċerta frekwenza u jikkomunikalhom, għal kontroll perijodiku l-elementi li jiġġustifikaw it-tariffi applikati.

43

L-Artikolu 13(3) tad-Direttiva tal-Aċċess, jipprevedi, fir-rigward tiegħu, fit-tielet sentenza tiegħu, li l-ARN jistgħu jitolbu li impriża tiġġustifika bis-sħiħ il-prezzijiet tagħha u jekk meħtieġ, li teżiġi aġġustament tagħhom. Għalkemm jirriżulta mill-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni li din it-talba tista’ tiġi indirizzata lil operatur li diġà huwa suġġett għal obbligu ta’ orjentament tal-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż, hija ma tispeċifikax b’liema frekwenza l-ARN tista’ titlob din il-ġustifikazzjoni u, jekk neċessarju, teżiġi l-aġġustament tal-prezz.

44

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jistabbilixxi l-modalitajiet tal-implementazzjoni tal-obbligu tal-orjentament tal-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż imposta skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Aċċess, u b’mod partikolari, jiffissa l-frekwenza tal-aġġornament, mill-operatur suġġett għal dan l-obbligu, tal-prezzijiet tas-servizzi li huma suġġetti għal dan l-obbligu, u lanqas għar-regoli li jirrigwardaw il-frekwenza tal-kontroll mill-ARN tal-osservanza ta’ dan l-obbligu.

45

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva tal-Aċċess jipprevedi li l-obbligi imposti mill-ARN, inklużi dawk previsti fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-problema kkonstatata, proporzjonati u ġġustifikati fir-rigward tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, u li jistgħu jiġu imposti biss wara l-konstatazzjoni msemmija fl-Artikoli 6 u 7 ta’ din l-aħħar direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Polkomtel, C-397/14, EU:C:2016:256, punt 56).

46

Minn dan isegwi li l-frekwenza li biha l-ARN jistgħu jeżiġu mill-operatur ikkonċernat li jiġġustifika u jaġġusta l-prezzijiet iffissati preċedentement fuq il-bażi tal-ispejjeż għandu jiġi ddeterminat skont in-natura tal-problema identifikata, għandu jkun proporzjonat u għandu jqis l-għanijiet iddefiniti kemm fid-Direttiva Qafas kif ukoll fid-Direttiva tal-Aċċess. F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, karatteristika partikolari ta’ swieq ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi hija l-evoluzzjoni ta’ malajr tagħhom minħabba żviluppi teknoloġiċi, b’tali mod li obbligu ta’ aġġustament annwali ta’ prezzijiet fissi preċedentement jista’ jissodisfa dawn ir-rekwiżiti. Kif osservat ukoll il-qorti tar-rinviju, dan l-obbligu impost fuq l-operatur ikkonċernat jista’ jiggarantilu livell minimu ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-frekwenza ta’ bidliet eventwali fl-ammont tat-tariffi applikati u l-impożizzjoni tal-imsemmi obbligu, billi jikkontribbwixxi fl-istess ħin sabiex jiggarantixxi t-trasparenza tal-atti tal-ARN, jista’ jkun proporzjonali.

47

Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-ARN jistgħu jimponu fuq operatur, identifikat bħala li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari u suġġett għal obbligu ta’ prezz orjentat lejn il-prezz, biex jiffissa l-prezzijiet tiegħu kull sena, fuq il-bażi tal-informazzjoni l-iktar aġġornata u biex jipprovdilhom ġustifikazzjonijiet għall-imsemmija prezzijiet, jekk dawn l-obbligi huma bbażati fuq in-natura tal-problema kkonstatata, huma proporzjonali u ġġustifikati fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas u, b’mod partikolari, fid-dawl ta’ dawk imsemmija fil-paragrafu 2(a) u (b) ta’ dan l-artikolu.

48

F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk obbligi ġodda ma jistgħux jiġu imposti fi tmiem ta’ analiżi tas-suq ġdida, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva Qafas jipprevedi li meta ARN hija obbligata b’mod partikolari skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Aċċess biex tiddetermina jekk timponix, iżżommx, temendax jew tirtirax l-obbligi fuq l-operaturi, din l-awtorità tiddetermina, fuq il-bażi tal-analiżi tas-suq tagħha msemmija fl-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva jekk is-suq rilevanti jkunx kompetittiv b’mod effettiv. Barra minn hekk, mill-premessa 15 tad-Direttiva tal-Aċċess jirriżulta essenzjalment, li l-fatt tal-impożizzjoni ta’ obbligu speċifiku fuq operatur b’saħħa sinjifikattiva f’suq speċifiku ma teħtieġx analiżi addizzjonali tas-suq iżda teħtieġ sempliċement il-prova li l-obbligu inkwisjoni huwa xieraq u proporzjonat b’relazzjoni man-natura tal-problema inkwistjoni.

49

Minn dan jirriżulta, kif, essenzjalment, irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 68 u 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, li analiżi tas-suq ġdida ma hijiex neċessarja meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-ARN ikollha l-intenzjoni li timponi obbligu speċifiku għall-implementazzjoni ta’ obbligu ġenerali ta’ orjentament tal-prezzijiet ibbażati fuq l-ispejjeż preċedentement imposti.

50

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 16 tal-Karta jipprekludi l-possibbiltà, li ARN, timponi fuq operatur li jaġġorna l-prezzijiet tiegħu kull sena u jissottomettihom għal reviżjoni perijodika, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni mogħtija minn dik id-dispożizzjoni tinvolvi l-libertà li ssegwi attività ekonomika jew kummerċjali, libertà kuntrattwali kif ukoll kompetizzjoni libera. Barra dan, il-libertà kuntrattwali tinkludi, b’mod partikolari, l-għażla libera tas-sieħeb ekonomiku u l-libertà li jiġi ddeterminat il-prezz għal servizz. Madankollu, il-libertà tal-impriża ma hijiex dritt assolut, iżda għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħha fis-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C-283/11, EU:C:2013:28, punti 42, 43, 45 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C-101/12, EU:C:2013:661, punti 2528).

51

Il-possibbiltà għall-ARN li tobbliga lill-operatur jaġġorna t-tariffi tiegħu kull sena u jissottomettihom għal reviżjoni perijodika jikkostitwixxi ndħil fl-eżerċizzju tad-dritt iggarantit mill-Artikolu 16 tal-Karta. Għaldaqstant, din il-possibbiltà, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandha tiġi prevista mil-liġi, tirrispetta l-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u, tkun fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun meħtieġa u tissodisfa b’mod effettiv l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C-283/11, EU:C:2013:28, punti 46 sa 48 kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis, C-201/15, EU:C:2016:972, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni tal-President tal-UKE tad-9 ta’ Diċembru 2009 ġiet adottata skont ir-regoli nazzjonali li jimplementaw, inter alia, id-Direttiva tal-Aċċess u li din il-leġiżlazzjoni tagħtih is-saħħa li jimponi obbligi ta’ orjentament tal-prezzijiet diretti abbażi tal-ispejjeż u li jaġġusta dawn il-prezzijiet kull sena. It-tieni nett, l-impożizzjoni ta’ dawk l-obbligi ma kkawżatx preġudizzju għall-kontenut essenzjali tal-libertà tal-impriża, peress li l-operatur ikkonċernat seta’ jipprovdi s-servizzi inkwistjoni wara l-impożizzjoni tal-imsemmija obbligi. It-tielet nett, l-għanijiet ta’ interess pubbliku segwiti minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali jikkorrispondu għal dawk tal-Unjoni, bħall-promozzjoni tal-kompetizzjoni u l-appoġġ tal-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Aċċess. B’mod partikolari, l-obbligu li jiġu orjentati l-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż u li jiġu aġġustati dawk il-prezzijiet kull sena, skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Aċċess, f’livell eċċessivament għoli, jew li jiġu kompressi l-prezzijiet, għad-detriment tal-utenti finali. Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-eżami tan-neċessità ta’ miżura bħal din, li tinkludi dik tal-proporzjonalità ta’ dik il-miżura u li huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali, tikkorrispondi mal-verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva tal-Aċċess.

53

Għalhekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-obbligu li jiġu aġġustati l-prezzijiet kull sena huwiex konformi mar-rekwiżit ta’ proporzjonalità msemmi fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva tal-Aċċess, sa fejn dan l-obbligu huwa meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet ta’ interess ġenerali msemmija fil-punt preċedenti.

54

Minn dan isegwi li, suġġett għal din il-verifika, l-Artikolu 16 tal-Karta ma jipprekludix il-possibbiltà għall-ARN li teżiġi li l-operatur identifikat li jkollu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari li jaġġorna t-tariffi tiegħu kull sena u jibgħathom għal kontroll perijodiku.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva tal-Aċċess moqrija flimkien mal-Artikolu 16 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta ARN timponi fuq operatur identifikat bħala li jkollu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari obbligu li jiffissa prezzijiet orjentati għall-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż, li kull sena jiffissa l-prezz fuq il-bażi tal-informazzjoni l-iktar attwali u jikkomunika, għal verifika, dawn il-prezzijiet kif ukoll l-elementi li jiġġustifikawhom qabel ma jkunu applikati, sakemm dawn l-obbligi huma bbażati fuq in-natura tal-problema kkonstatata, proporzjonati u ġġustifikati fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, fatt li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

Fuq it-tielet domanda

56

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminaru li t-tielet domanda hija bbażata fuq il-premessa skont liema l-kliem tat-tielet sentenza tal-Artikolu 13(3) tad-Direttiva tal-Aċċess fil-verżjoni tagħha fil-lingwa Pollakka (“Krajowe organy regulacyjne mogą zażądać od danego operatora całościowego uzasadnienia stosowanych cen, a w razie potrzeby – odpowiedniego dostosowania tych cen”), hija differenti minn dik tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-lingwa Pollakka, din is-sentenza tissuġġerixxi li l-ARN jistgħu jeżiġu li operatur jaġġusta l-prezzijiet ibbażati fuq l-ispejjeż tiegħu biss meta jkun diġà beda japplikahom.

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jinftiehem li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva tal-Aċċess għandux jiġi interpretat fis-sens li, obbligu ta’ orjentament tal-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż ġiex impost fuq operatur fuq il-bażi tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, dan l-operatur jista’ jiġi impost fuqu li jaġġusta l-prezzijiet tiegħu biss wara li jkun beda japplika l-prezzijiet orjentati abbażi tal-ispejjeż, jew saħansitra qabel ma jkun beda japplikahom.

58

Għandu jiġi osservat li l-verżjonijiet tat-tielet sentenza tal-Artikolu 13(3) tad-Direttiva tal-Aċċess, b’mod partikolari fil-lingwi Ġermaniża (“Die nationalen Regulierungsbehörden können von einem Betreiber die umfassende Rechtfertigung seiner Preise und gegebenenfalls deren Anpassung verlangen”), Ingliża (“National regulatory authorities may require an operator to provide full justification for its prices, and may, where appropriate, require prices to be adjusted”), Franċiża (“Les [ARN] peuvent demander à une entreprise de justifier intégralement ses prix et, si nécessaire, en exiger l’adaptation”) u Taljana (“Le autorità nazionali di regolamentazione possono esigere che un operatore giustifichi pienamente i propri prezzi e, ove necessario, li adegui”) twassal għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li l-prezzijiet ma għandhomx neċessarjament ikunu diġà applikati mill-operatur ikkonċernat qabel ma l-ARN ma timponix, jekk ikun il-każ, li jaġġusta l-prezzijiet tiegħu.

59

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità meta mqabbla mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti bil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C-443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa waħda, jekk l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Aċċess jippermetti lill-ARN li jobbligaw lill-operaturi jorjentaw il-prezzijiet tagħhom abbażi tal-ispejjeż, il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, billi jawtorizza lill-ARN li jeżiġu li operatur ikkonċernat jiġġustifika bis-sħiħ il-prezzijiet tiegħu u, jekk meħtieġ, li jirrikjedu l-aġġustament tagħhom, jagħti lill-ARN il-mezzi biex jiżguraw l-implementazzjoni ta’ dan id-dritt u jiżguraw li dan l-operatur realment japplika l-prezzijiet orjentati abbażi tal-ispejjeż.

61

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva Qafas, fit-twettiq tal-kompiti regolatorji speċifikati fid-Direttiva Qafas u, b’mod partikolari, fid-Direttiva tal-Aċċess, l-ARN huma awtorizzati li jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jilħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva Qafas, li jinkludu, b’mod partikolari, l-għan li jippromwovu effiċjenza ekonomika, kompetizzjoni sostenibbli u massimazzjoni tal-profitti għall-utenti finali. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-miżuri previsti fit-tielet sentenza tal-Artikolu 13(3) tad-Direttiva tal-Aċċess tippermetti lill-ARN jiżguraw, billi jitolbu lill-operatur ikkonċernat biex jiġġustifika b’mod sħiħ il-prezzijiet tiegħu u, jekk meħtieġ, billi jeżiġu li jiġu aġġustati, li l-għanijiet imsemmija kemm fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva Qafas kif ukoll fl-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva tal-Aċċess għandhom jiġu segwiti.

62

Madankollu, dawn l-għanijiet mhux dejjem jinkisbu jekk l-ARN ikunu jistgħu jitolbu lill-operatur ikkonċernat biex jiġġustifika l-prezzijiet tiegħu b’mod sħiħ u, jekk meħtieġ, jeżiġu l-aġġustament tagħhom, biss jekk dawk il-prezzijiet huma diġà applikati.

63

Konsegwentement, hemm lok li tingħata risposta għat-tielet domanda li l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva tal-Aċċess għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta obbligu ta’ orjentament tal-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż ikun ġie impost fuq operatur fuq il-bażi tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, dan l-operatur jista’ jiġi impost fuqu li jaġġusta l-prezzijiet qabel jew wara li jkun beda japplika l-prezzijiet.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 13 tad- Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess), għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta operatur, identifikat bħala li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari, jiġi impost fuqu minn Awtorità Regolatorja Nazzjonali, obbligu li jiġu ffissati prezzijiet abbażi tal-ispejjeż, din l-Awtorità Regolatorja Nazzjonali tista’, sabiex tippromwovi l-effiċjenza ekonomika u tiffavorixxi kompetizzjoni sostenibbli, tiffissa l-prezzijiet tas-servizzi li huma suġġetti għal tali obbligu f’ammont inqas tal-ispejjeż sostnuti minn dan l-operatur għall-provvista, jekk dawn l-ispejjeż huma ogħla minn dawk ta’ operatur effikaċi, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

 

2)

L-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2002/19 moqrija flimkien mal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta Awtorità Regolatorja Nazzjonali timponi fuq operatur identifikat bħala li jkollu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari obbligu li jiffissa prezzijiet orjentati għall-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż, li kull sena jiffissa l-prezz fuq il-bażi tal-informazzjoni l-iktar attwali u jikkomunika, għal verifika, dawn il-prezzijiet kif ukoll l-elementi li jiġġustifikawhom qabel ma jkunu applikati, sakemm dawn l-obbligi huma bbażati fuq in-natura tal-problema kkonstatata, proporzjonati u ġġustifikati fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas), fatt li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

 

3)

L-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2002/19 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta obbligu ta’ orjentament tal-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż ikun ġie impost fuq operatur fuq il-bażi tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, dan l-operatur jista’ jiġi impost fuqu li jaġġusta l-prezzijiet qabel jew wara li jkun beda japplika l-prezzijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top