Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0276

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017.
    Prequ' Italia Srl vs Agenzia delle Dogane e dei Monopoli.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Artikolu 244 – Irkupru ta’ dejn fil-qasam doganali – Assenza ta’ smigħ minn qabel tad-destinatarju qabel l-adozzjoni ta’ avviż ta’ rettifika ta’ taxxa – Dritt tad-destinatarju li jikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-avviż ta’ rettifika – Assenza ta’ sospensjoni awtomatika fil-każ ta’ preżentazzjoni ta’ rimedju amministrattiv – Riferiment għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali.
    Kawża C-276/16.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:1010

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla)

    20 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Artikolu 244 – Irkupru ta’ dejn fil-qasam doganali – Assenza ta’ smigħ minn qabel tad-destinatarju qabel l-adozzjoni ta’ avviż ta’ rettifika ta’ taxxa – Dritt tad-destinatarju li jikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-avviż ta’ rettifika – Assenza ta’ sospensjoni awtomatika fil-każ ta’ preżentazzjoni ta’ rimedju amministrattiv – Riferiment għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali”

    Fil‑Kawża C‑276/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il‑Qorti ta’ Kassazzjoni, l‑Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

    Prequ’ Italia Srl

    vs

    Agenzia delle Dogane e dei Monopoli,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

    komposta minn A. Rosas (Relatur), President tal-Awla, C. Toader u A. Prechal, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Tomat u L. Grønfeldt, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 239) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), u tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża konformement mad-dritt tal-Unjoni.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Prequ’ Italia Srl u l-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli (l-Aġenzija Doganali u tal-Monopolji, l‑Italja, iktar ’il quddiem l-“Aġenzija Doganali”), rigward l-avviż ta’ taxxa maħruġ minn din tal-aħħar, dwar tfakkira ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq l-importazzjoni minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tiġi introdotta fiżikament merkanzija f’maħżen tat-taxxa.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-Kodiċi Doganali

    3

    L‑Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi dan li ġej:

    “1.   Kull persuna għandu jkollha d-dritt li tappella kontra deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ leġislazzjoni doganali, u li tinteressa lilha direttament u individwalment.

    […]

    L-appell għandu jiġi prezentat fl-Istat Membru fejn id-deċiżjoni tkun ittieħdet jew saret l-applikazzjoni għaliha.

    2.   Id-dritt ta’ appell jista’ jiġi eżerċitat:

    a)

    inizjalment, quddiem l-awtoritajiet doganali nominati għal dak l-iskop mill-Istati Membri;

    b)

    sussegwentement, quddiem korp indipendenti, li jista’ jkun awtorità ġudizzjarja jew korp speċjalizzat ekwivalenti, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri.”

    4

    Skont l-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali:

    “Il-preżentazzjoni ta’ appell m’għandhiex tikkawża s-sospensjoni ta’ l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni fil-vertenza.

    L-awtoritajiet doganali għandhom, iżda, jissospendu l-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni sħiħa jew parti minnha fejn ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li d-deċiżjoni fil-vertenza m’hijiex konsistenti mal-leġislazzjoni doganali jew li hemm il-biża’ ta’ ħsara irreparabbli għall-persuna interessata.

    Fejn id-deċiżjoni fil-vertenza jkollha l-effett li tikkawża li jiġu imposti dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni, is-sospensjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni għandha tkun bla ħsara għall-eżistenza jew il-preżentazzjoni ta’ garanzija. Iżda, dik il-garanzija tista’ ma tkunx meħtieġa fejn, minħabba ċ-ċirkostanzi tad-debitur, jekk tiġi mitluba x’aktarx li jinħolqu diffikultajiet serji ekonomiċi jew soċjali.”

    5

    L-Artikolu 245 tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi:

    “Id-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ l-appelli għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.”

    Id-dritt Taljan

    6

    Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 374, tat-8 ta’ Novembru 1990, dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-istituzzjonijiet doganali u reviżjoni tal-proċeduri ta’ konstatazzjoni u ta’ kontroll (GURI Nru 291 tal-14 ta’ Diċembru 1990; suppliment ordinarju tal-GURI Nru 80, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 374/1990”), jipprovdi, fl-Artikolu 11 tiegħu, intitolat “Reviżjoni tal-konstatazzjoni, attribuzzjonijiet u setgħet tal-uffiċċji [doganali]”, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fil-mument tal-fatti fil-kawża prinċipali:

    “1.   L-uffiċċju doganali jista’ jirrevedi l-konstatazzjoni li tkun saret definittiva, anki jekk il-merkanzija li kienet is-suġġett ta’ tali konstatazzjoni kienet tħalliet għad-dispożizzjoni libera tal-operatur jew jekk diġà tinsab barra mit-territorju doganali. Ir-reviżjoni sseħħ kemm ex officio, kemm meta l-operatur ikkonċernat ikun għamel talba għaliha […].

    2.   Għall-finijiet tar-reviżjoni tal-konstatazzjoni, l-uffiċċju doganali jista’ jistieden lill-operaturi […] li jidhru personalment jew bl-intermedju ta’ rappreżentant, jew biex jipprovdu, fit-terminu msemmi iktar ’il fuq, informazzjoni u dokumenti […] dwar il-merkanzija li kienet is-suġġett ta’ tranżazzjonijiet doganali. […]

    […]

    5.   Meta r-reviżjoni, li tkun saret ex officio jew permezz ta’ talba mressqa minn parti, turi […] żbalji dwar l-elementi li fuqhom hija bbażata l-konstatazzjoni, l-uffiċċju jipproċedi għar-rettifika korrispondenti u jinforma lill-operatur ikkonċernat dwar dan permezz ta’ notifika ta’ avviż ad hoc. […]

    5-bis.   L-espożizzjoni tal-motivi tal-att għandha tindika ċ-ċirkustanzi ta’ fatt kif ukoll il-motivi legali li wasslu għall-adozzjoni tiegħu. […] Fil-każ ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni tal-avviż konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu, il-konstatazzjoni hija meqjusa nulla.

    […]

    7.   Ir-rettifika tista’ tiġi kkontestata mill-operatur f’terminu ta’ tletin jum li jibda jiddekorri mid-data tan-notifika tal-avviż. Fid-data tal-kontestazzjoni, għandu jitfassal rapport għall-finijiet tal-istabbiliment eventwali tal-proċeduri amministrattivi għar-riżoluzzjoni tat-tilwimiet previsti fl-Artikolu 66 et seq. tat-test uniku tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fil-qasam doganali, approvat mid-digriet tal-President tar-Repubblika Nru 43, tat-23 ta’ Jannar 1973.

    8.   Ladarba r-rettifika tkun saret definittiva, l-uffiċċju għandu jissokta bl-irkupru tad-dazji supplimentari dovuti mill-operatur jew għandu, ex officio, jagħti bidu għall-proċedura tar-rimbors tal-ħlas eċċessiv. L-avviż ta’ rettifika ta’ taxxa jinkludi, skont il-każ, il-kontestazzjoni tal-ksur relatat mad-dikjarazzjonijiet foloz jew tal-ksur l-iktar gravi eventwalment ikkontestat.

    […]”

    7

    Il-Liġi Nru 212, tas-27 ta’ Lulju 2000, dwar dispożizzjonijiet relatati mal-istatus tad-drittijiet tal-persuni taxxabbli, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (GURI Nru 177, tal-31 ta’ Lulju 2000, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 212/2000”), tipprevedi, fil-paragrafu 7 tal-Artikolu 12 tagħha, intitolat “Drittijiet u garanziji tal-persuna taxxabbli suġġetta għal kontrolli fiskali”:

    “Konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni bejn l-amministrazzjoni u l-persuna taxxabbli, wara l-ħruġ tal-kopja tar-rapport ta’ għeluq tat-tranżazzjonijiet mill-korpi ta’ kontroll, il-persuna taxxabbli tista’, f’terminu ta’ sittin jum, tikkomunika l-osservazzjonijiet u t-talbiet tagħha, li jiġu eżaminati mill-uffiċċji ta’ tassazzjoni. L-avviż ta’ taxxa ma jistax jiġi estiż qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, ħlief fil-każ ta’ urġenza partikolari u motivata.”

    8

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, matul is-sena 2012, sussegwentement għall-fatti fil-kawża prinċipali, il-leġiżlatur nazzjonali ħassar il-paragrafu 7 tal-Artikolu 11 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 374/1990, billi ssostitwixxa s-sistema ta’ appell intern permezz ta’ proċedura analoga għal dik prevista fl-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 212/2000.

    9

    Id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 43, tat-23 ta’ Jannar 1973, dwar l-approvazzjoni tat-test uniku tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fil-qasam doganali (GURI Nru 80, tat-28 ta’ Marzu 1973, iktar ’il quddiem it-“test uniku tad-dispożizzjonijiet doganali”), jipprovdi, fl-Artikolu 66 tiegħu, intitolat “Proċedura amministrattiva tal-ewwel istanza għar-riżoluzzjoni tat-tilwimiet”:

    “F’terminu ta’ tletin jum li jiddekorri mill-firma tar-rapport [li jikkonstataw li l-proprjetarju tal-merkanzija jopponi d-deċiżjoni tal-kap tal-uffiċċju doganali], taħt piena ta’ dekadenza, l-operatur jista’ jitlob lill-kap tad-dipartiment doganali li jaġixxi għar-riżoluzzjoni tat-tilwima. Għal dan il-għan, huwa għandu jressaq talba quddiem id-dwana kompetenti għal dan il-għan, billi jipproduċi d-dokumenti u billi jindika l-mezzi ta’ prova li jqis utli. Fl-għaxar ġranet sussegwenti, it-talba – flimkien mar-rapport […] u mal-oġġezzjonijiet tal-operatur – hija trażmessa mid-dwana lill-kap tad-dipartiment doganali. Dan tal-aħħar jiddeċiedi t-tilwima permezz ta’ deċiżjoni motivata […]. Id-dwana għandha tibgħat kopja tal-oġġezzjonijiet tagħha lill-operatur ikkonċernat. Fl-assenza ta’ kontestazzjoni fit-terminu indikat fl-ewwel paragrafu, it-talbiet tad-dwana huma meqjusa aċċettati […]”

    10

    L-Artikolu 68 tat-test uniku tad-dispożizzjonijiet doganali, intitolat “Proċedura amministrattiva tat-tieni istanza għar-riżoluzzjoni tat-tilwimiet”, jipprevedi:

    “Il-kap tad-dipartiment doganali huwa obbligat li jagħti d-deċiżjoni tiegħu fl-erba’ xhur wara d-data ta’ preżentazzjoni tat-talba formali prevista fl-Artikolu 66 u d-dwana kompetenti hija obbligata li tinnotifikaha mingħajr dewmien lill-persuna kkonċernata. Din tal-aħħar tista’ tippreżenta appell quddiem il-Ministro per le finanze [il-Ministru tal-Finanzi] kontra deċiżjoni tal-kap tad-dipartiment doganali; […] Il-Ministru jiddeċiedi, permezz ta’ deċiżjoni motivata, wara smigħ tal-kulleġġ konsultattiv ċentrali tal-esperti tad-dwana, ikkostitwit skont l-artikolu li ġej. Fl-assenza ta’ appell ippreżentat fit-terminu indikat fit-tieni paragrafu, id-deċiżjoni tal-ewwel istanza hija meqjusa aċċettata. F’każ simili, id-dwana tipproċedi konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61.”

    11

    Iċ-ċirkolari Nru 41 D tal-Aġenzija Doganali, tas-17 ta’ Ġunju 2002, tipprovdi preċiżazzjonijiet dwar il-proċeduri amministrattivi relatati mas-soluzzjoni tat-tilwimiet doganali previsti fl-Artikoli 66 et seq. tat-test uniku tad-dispożizzjonijiet doganali. Minn dan jirriżulta li, meta l-operatur jiddeċiedi li jibda l-proċedura amministrattiva għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima, it-terminu ta’ sittin jum sabiex jikkontesta l-konstatazzjoni quddiem il-qorti fiskali jibda jiddekorri biss fit-tmiem ta’ din il-proċedura amministrattiva, jiġifieri wara n-notifika tad-deċiżjoni tad-direttur reġjonali tal-Aġenzija Doganali kompetenti li tiddeċiedi l-konstatazzjoni bħala definittiva. L-operatur jista’ jiddeċiedi li ma jibbażax ruħu fuq il-proċedura amministrattiva prevista fit-test uniku tad-dispożizzjonijiet doganali. F’każ parallel, l-avviż ta’ rettifika ta’ taxxa għandu jiġi kkontestat fit-terminu ta’ sittin jum li jiddekorri mid-data ta’ notifika ta’ dan l-avviż.

    12

    Fir-rigward tal-avviżi ta’ rettifika ta’ taxxa previsti fl-Artikolu 11(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 374/1990, din iċ-ċirkolari Nru 41 D tippreċiża li:

    “[…] dawn l-atti ta’ tassazzjoni – skont l-Artikolu 244 tal-[…] Kodiċi Doganali huma immedjatament eżekuttivi fir-rigward tal-persuna taxxabbli u, inkwantu tali, awtomatikament ikkontestabbli quddiem il-qorti fiskali, fit-terminu ċċitatat. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kontestazzjoni tal-att ta’ rettifika ta’ konstatazzjoni, fil-kuntest ta’ tilwima doganali jew ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti fiskali provinċjali kompetenti, ma tissospendix l-eżekuzzjoni (ara l-Artikolu 244 iċċitat iktar ’il fuq tad-Kodiċi Doganali). Madankollu, dan huwa bla ħsara għall-possibbiltà għall-uffiċċji ta’ [l-Aġenzija Doganali] li jagħtu, permezz ta’ proċedura amministrattiva – wara talba speċifika mressqa mill-operatur ikkonċernat – sospensjoni provviżorja, konformement mal-kundizzjonijiet previsti mir-regola Komunitarja ċċitata iktar ’il fuq […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    13

    Prequ’ Italia wettqet tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni ta’ merkanzija b’sospensjoni ta’ VAT. Hija kienet ibbażat ruħha, waqt it-twettiq ta’ formalitajiet doganali, fuq il-possibbiltà li ma tħallasx il-VAT billi impenjat ruħha, fid-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni tagħha, li tiddepożita l-merkanzija mixtrija f’maħżen tat-taxxa partikolari. Madankollu l-merkanzija importata ma kinitx ġiet introdotta fiżikament f’dan il-maħżen.

    14

    Wara li kkonstata li Prequ’ Italia kienet użat b’mod purament virtwali l-maħżen tat-taxxa, l-Ufficio delle Dogane di Livorno (l-Uffiċċju Doganali ta’ Livorno, l‑Italja) ħareġ fir-rigward tiegħu, fit-13 ta’ Novembru 2009, żewġ avviżi ta’ rettifika li jfakkru l-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni.

    15

    F’kull wieħed minn dawn l-avviżi, kien ippreċiżat li l-persuna taxxabbli setgħet tippreżenta, konformement mal-Artikolu 11(7) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 374/1990, rimedju amministrattiv irregolat mill-Artikoli 66 et seq. tat-test uniku tad-dispożizzjonijiet doganali li fit-tmiem tiegħu din il-persuna taxxabbli kellha l-possibbiltà li tippreżenta rimedji ġudizzjarji.

    16

    Dawn l-istess avviżi kienu jindikaw li kien possibbli, permezz tal-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali, li tinkiseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-avviż ta’ taxxa, billi tiġi ppreżentata talba lid-Direttur Reġjonali tal-Aġenzija Doganali, flimkien ma’ garanzija xierqa skont dazji doganali supplimentari li kienu ġew ikkonstatati.

    17

    Ma huwiex ippreċiżat fid-deċiżjoni tar-rinviju jekk, f’dan il-każ, Prequ’ Italia bbażatx ruħha fuq il-possibbiltà, li hija rrikonoxxuta lilha fl-Artikolu 11(7) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 374/1990, li tikkontesta l-avviżi ta’ rettifika ta’ taxxa fit-tletin jum li jsegwu d-data tan-notifika tagħhom u bdiet proċedura amministrattiva ta’ soluzzjoni tat-tilwima doganali skont l-Artikolu 66 tat-test uniku tad-dispożizzjonijiet doganali.

    18

    Fi kwalunkwe każ, Prequ’ Italia ppreżentat, fix-xahar ta’ Frar 2010, rimedju ġudizzjarju kontra l-għaxar avviżi ta’ rettifika ta’ taxxa quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Livorno (il-Qorti Fiskali Provinċjali ta’ Livorno), li ċaħditu permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fl-24 ta’ Frar 2011.

    19

    Prequ’ Italia ppreżentat appell kontra din is-sentenza quddiem il-Commissione tributaria regionale di Firenze (il-Qorti Fiskali Reġjonali ta’ Firenze, l-Italja), li ċaħdet l-appell tagħha, permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fit-13 ta’ Diċembru 2012.

    20

    Mill-proċess imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dawn ir-rimedji ġudizzjarji, Prequ’ Italia invokat il-ksur tad-drittijiet għal smigħ tagħha billi sostniet, essenzjalment, li l-avviżi ta’ rettifika kellhom jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 12(7) tal-Liġi Nru 212/2000, u mhux abbażi tal-Artikolu 11(7) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 374/1990.

    21

    Il‑Commissione tributaria provinciale di Livorno (il-Qorti Fiskali Provinċjali ta’ Livorno) bħal fil-każ tal-Commissione tributaria regionale di Firenze (il-Qorti Fiskali Reġjonali ta’ Firenze) kkonfermaw id-deċiżjoni tal-awtorità doganali billi applikaw ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (il‑Qorti ta’ Kassazzjoni, l-Italja), li tgħid li l-Artikolu 12(7) tal-Liġi Nru 212/2000 ma jistax jiġi applikat fil-qasam doganali.

    22

    Għalhekk Prequ’ Italia ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Corte suprema di cassazione (il‑Qorti ta’ Kassazzjoni).

    23

    Fost l-aggravji mqajma quddiem il-Corte suprema di cassazione (il‑Qorti ta’ Kassazzjoni), Prequ’ Italia tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha sa fejn l-avviżi ta’ rettifika ta’ taxxa kkontestati kienu ġew adottati mill-uffiċċju doganali mingħajr ma hija kienet instemgħet minn qabel fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva kontradittorja. Hija tallega li kellu jiġi applikat l-Artikolu 12(7) tal-Liġi Nru 212/2000 li jirrikonoxxi lill-persuna taxxabbli d-dritt għal proċedura kontradittorja u li jippermettilha li tagħmel osservazzjonijiet lill-amministrazzjoni kompetenti.

    24

    Fir-risposta tagħha, l-Aġenzija Doganali ssostni li l-aggravji mqajma minn Prequ’ Italia huma infondati. F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju fil-qasam doganali, hija ssostni li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (il‑Qorti ta’ Kassazzjoni), l-Artikolu 12(7) tal-Liġi Nru 212/2000 ma japplikax għall-proċeduri fil-qasam doganali. Minbarra dan, il-leġiżlazzjoni prevista fl-Artikolu 11(7) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 374/1990 hija ta’ natura li tipproteġi d-dritt għal proċedura kontradittorja.

    25

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika, fl-ewwel lok, li, skont il-ġurisprudenza tagħha, l-Artikolu 12(7) tal-Liġi Nru 212/2000, li huwa intiż li jiżgura lill-persuna taxxabbli l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, huwa inapplikabbli qabel il-preżentata ta’ rimedju ġudizzjarju kontra avviż ta’ taxxa, u huwa, fi kwalunkwe każ, inapplikabbli fil-qasam doganali.

    26

    Hija żżid li hija repetutament iddeċidiet, dwar l-ispeċifiċità tal-qasam doganali fir-rigward tal-kwistjoni tal-osservanza ta’ proċedura kontradittorja, li l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju wkoll matul il-fażi amministrattiva, minkejja li ma hijiex espliċitament imfakkra fil-Kodiċi Doganali, tirriżulta mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikolu 11 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 374/1990 u tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li japplika kull darba li l-amministrazzjoni tipproponi li tadotta fir-rigward ta’ persuna att li jikkawżalha preġudizzju.

    27

    Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li, fil-ġurisprudenza tagħha, hija repetutament iddeċidiet li l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju hija unikament iggarantita mill-proċeduri amministrattivi previsti fl-Artikoli 66 et seq. tat-test uniku tad-dispożizzjonijiet doganali, li għalihom jirreferi l-Artikolu 11 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 374/1990. Dawn il-proċeduri jippermettu li tiġi stabbilita, l-ewwel nett, proċedura kontradittorja favur il-persuna taxxabbli, sa fejn, minn naħa, l-Artikolu 66 tat-test uniku tad-dispożizzjonijiet doganali jipprevedi li l-operatur jippreżenta appell amministrattiv kontra l-avviż ta’ rettifika “billi jipproduċi d-dokumenti u billi jindika l-mezzi ta’ prova meqjusa utli” u, min-naħa l-oħra, dan ikun unikament fid-dawl tal-proċedura kontenzjuża amministrattiva, f’każ ta’ deċiżjoni parzjalment jew totalment sfavorevoli għall-parti li tippreżenta appell amministrattiv, li tiġi ddeterminata n-“natura definittiva” tal-avviż ta’ rettifika u li l-persuna taxxabbli tkun tista’ tippreżenta rimedju ġudizzjarju kontra dan l-avviż ta’ rettifika.

    28

    Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt għal smigħ u, b’mod partikolari, għas-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics (C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041).

    29

    Filwaqt li tfakkar il-prinċipji applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ kawża li fiha s-sospensjoni ta’ avviż għall-ħlas, adottat mingħajr osservanza ta’ dritt għal smigħ minn qabel, kienet prevista minn ċirkolari Ministerjali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi xi jkun il-każ meta, bħal f’din il-kawża, il-leġiżlazzjoni interna hija limitata sabiex tipprevedi s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att adottat mingħajr smigħ minn qabel tal-persuna kkonċernata billi tirreferi, unikament, għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali, mingħajr ma tiġi prevista leġiżlazzjoni speċifika fl-implementazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

    30

    Il-qorti tar-rinviju ssostni, f’dan ir-rigward, li s-sospensjoni ta’ att doganali adottat mingħajr ma l-persuna taxxabbli kienet instemgħet minn qabel ma hijiex konsegwenza awtomatika tal-preżentazzjoni ta’ rimedju amministrattiv, iżda unikament miżura li l-amministrazzjoni tista’ tadotta fil-preżenza tal-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 244.

    31

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, konsegwentement, dwar il-kwistjoni jekk il-prinċipji relatati mar-rispett tad-dritt għal smigħ fil-qasam doganali, kif ifformulati fis-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics (C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041), jipprekludux leġiżlazzjoni doganali nazzjonali bħal dik li kienet applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-possibbiltà, għad-destinatarju ta’ avviż ta’ taxxa adottat fl-assenza ta’ proċedura kontradittorja minn qabel, li tinkiseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att fid-data li fih huwa jippreżenta appell, billi jsir riferiment għall-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali u mingħajr ma tiġi prevista s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat bħala konsegwenza normali tal-preżentazzjoni ta’ rimedju amministrattiv.

    32

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il‑Qorti ta’ Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Il-prinċipju ġenerali ta’ kontradittorju proċedurali ta’ natura Ewrounitarja jipprekludi l-leġiżlazzjoni [fiskali inkwistjoni] sa fejn ma tipprevedix, favur il-persuna taxxabbli li ma tkunx instemgħet qabel l-adozzjoni tal-att fiskali mill-amministrazzjoni doganali, is-sospensjoni [tal-eżekuzzjoni] tal-att bħala konsegwenza normali tal-proposta ta’ kontestazzjoni?”

    Fuq id-domanda preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    33

    Il‑Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea jqajmu dubju dwar l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari.

    34

    Il-Gvern Taljan jeċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li l-argument ta’ Prequ’ Italia dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha huwa infondat sa fejn, qabel l-adozzjoni tal-avviżi ta’ rettifika ta’ taxxa, din il-kumpannija kienet ġiet informata bil-ftuħ tal-proċedura amministrattiva u tad-dritt tagħha li tippreżenta osservazzjonijiet f’terminu ta’ tletin jum, u b’hekk tibbenefika minn proċedura kontradittorja.

    35

    Il-Kummissjoni tistaqsi jekk il-qorti tar-rinviju ddefinixxietx suffiċjentement il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li tagħmel parti minnu d-domanda magħmula sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha punti ta’ fatt u ta’ liġi li għandhom jippermettulha twieġeb utilment għal din id-domanda.

    36

    Hija tirrileva, f’dan il-kuntest, li l-qorti tar-rinviju llimitat ruħha li tesponi fil-qasir il-fatti rilevanti u l-punti ta’ natura proċedurali li taw lok għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Għalhekk, ma jidhirx ċar li Prequ’ Italia kkontestat l-avviżi ta’ rettifika ta’ taxxa bħal ma jippermettilha l-Artikolu 11(7) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 374/1990 u li hija sussegwentement bdiet il-proċedura amministrattiva tas-soluzzjoni tat-tilwima. Minbarra dan, ma huwiex indikat li Prequ’ Italia ressqet talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dawn l-atti u, skont il-każ, li din it-talba ntlaqgħet jew ġiet miċħuda.

    37

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li tagħti lil dawn tal-aħħar ir-responsabbiltà li jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka, C‑218/16, EU:C:2017:755, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    Għalkemm id-deċiżjoni tar-rinviju, ċertament, taħt piena li tiġi ddikjarata inammissibbli, għandha tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punti 18, 1921), ir-rifjut li tingħata deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għanda ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka, C‑218/16, EU:C:2017:755, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-domanda magħmula f’din il-kawża tikkonċerna b’mod ċar il-possibbiltà li tinkiseb, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva relatata mas-soluzzjoni ta’ tilwima fil-qasam doganali u, għaldaqstant, fi stadju preċedenti għall-preżentata ta’ rimedju ġudizzjarju, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ avviż ta’ taxxa fil-qasam doganali u tippreżenta rabtiet mar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-tieni domanda eżaminata fis-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics (C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041).

    40

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-prinċipji stabbiliti f’din is-sentenza jistgħu japplikaw għat-tilwima pendenti quddiemha, filwaqt li tqajjem dubji dwar il-kwistjoni jekk, sabiex l-illegalità ta’ miżura adottata, fil-qasam doganali, mingħajr ma l-persuna taxxabbli tkun instemgħet minn qabel, tista’ tiġi eskluża, huwa neċessarju li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiggarantixxi lil din il-persuna taxxabbli, minn naħa, il-possibbiltà li tikkontesta l-att inkwistjoni fil-kuntest ta’ rimedju amministrattiv u, min-naħa l-oħra, is-sospensjoni ta’ dan l-att bħala konsegwenza normali tal-eżerċizzju ta’ tali rimedju.

    41

    Konsegwentement, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv, kif ippreżentat fid-deċiżjoni tar-rinviju, jipprovdi l-motivazzjoni li twassal lill-qorti tar-rinviju tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja u huwa suffiċjenti sabiex jiċċara d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, dwar il-kompatibbiltà mad-dritt għal smigħ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-destinatarju ta’ avviż ta’ rettifika ta’ taxxa għandu l-possibbiltà li jikkontesta dan l-att fil-kuntest ta’ rimedju amministrattiv u li jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dan l-att, mingħajr ma s-sospensjoni ta’ dan l-att tkun il-konsegwenza normali u awtomatika tal-preżentazzjoni ta’ tali rimedju amministrattiv.

    42

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti tal-Gvern Taljan, għandu jiġi osservat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-interpretazzjoni, fil-qasam doganali, tal-prinċipju tal-osservanza tad-dritt għal smigħ hija neċessarja għall-qorti tar-rinviju. Fi kwalunkwe każ, ma jidhirx, fir-rigward tad-deċiżjoni tar-rinviju, li d-domanda magħmula ma hijiex rilevanti għall-eżitu tat-tilwima li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju.

    43

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    44

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha għandux jiġi interpretat fis-sens li d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ avviż ta’ rettifika ta’ taxxa adottat mill-awtoritajiet doganali, fl-assenza ta’ smigħ minn qabel tal-persuna kkonċernata, jinkisru jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-persuna kkonċernata li tikkontesta dan l-att fil-kuntest ta’ rimedju amministrattiv hija limitata li tipprevedi l-possibbiltà li tintalab is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dan l-att sal-bidla eventwali tiegħu billi jsir riferiment għall-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali u ma tipprevedix li l-preżentazzjoni ta’ rimedju amministrattiv tissospendi awtomatikament l-eżekuzzjoni ta’ dan l-att.

    45

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni fejn id-dritt għal smigħ f’kull proċedura jagħmel parti integrali minnu (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    Skont dan il-prinċipju, li huwa applikabbli meta l-amministrazzjoni tipproponi li tadotta, fil-konfront ta’ persuna, att li jikkawżalha preġudizzju, id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod sinjifikattiv għandhom jitqiegħdu fil-pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv f’dak li jirrigwarda l-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Dan l-obbligu huwa impost fuq l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri meta dawn jieħdu deċiżjonijiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, minkejja li l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix espressament tali formalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punt 38, kif ukoll tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 31).

    48

    Issa, fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma timponix fuq l-amministrazzjoni, li tipproċedi għall-kontrolli doganali, l-obbligu li tisma’ lid-destinatarji ta’ avviżi ta’ rettifika ta’ taxxa qabel ma tipproċedi għar-reviżjoni tal-konstatazzjonijiet u għar-rettifika eventwali tagħhom. Għalhekk din tinkludi, bħala prinċipju, limitazzjoni għad-dritt għal smigħ tad-destinatarji ta’ dawn l-avviżi ta’ rettifika, minkejja li dawn jistgħu jsostnu l-pożizzjoni tagħhom waqt fażi ta’ lment amministrattiv sussegwenti.

    49

    Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, f’dan ir-rigward, li r-regola li tipprovdi li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju għandu jitqiegħed fil-pożizzjoni li jsostni l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma din tittieħed għandha bħala għan li l-awtorità kompetenti effettivament tkun ukoll fil-pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-persuna jew tal-impriża kkonċernata, din ir-regola għandha b’mod partikolari bħala għan li dawn tal-aħħar jistgħu jikkoreġu żball jew isostnu tali elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tagħhom li jisħqu fis-sens li d-deċiżjoni tittieħed, ma titteħidx jew li hija jkollha tali jew tali kontenut (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punt 49, kif ukoll tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 38)

    50

    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jikkostitwixxix prerogattiva assoluta, iżda jista’ jiġi suġġett għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali li għandhom jintlaħqu mill-miżura inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 42, kif ukoll tad-9 ta’ Novembru 2017, Ispas, C‑298/16, EU:C:2017:843, punt 35).

    51

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-interess ġenerali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-interess tal-irkupru kemm jista’ jkun malajr tad-dħul tagħha stess, jeħtieġ li l-kontrolli jistgħu jsiru bil-ħeffa u b’mod effikaċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punt 41, kif ukoll tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 54).

    52

    Dan huwa l-każ fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali.

    53

    Skont l-Artikolu 243(1) tal-Kodiċi Doganali, kull persuna għandha d-dritt li tappella kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet doganali li rrigwardaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali u li jikkonċernawha direttament u individwalment. Madankollu, il-preżentata ta’ appell, eżerċitat skont l-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali, bħala prinċipju ma hijiex sospensiva tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 244 ta’ dan il-kodiċi. Peress li dan l-appell ma għandux natura sospensiva, dan ma jipprekludix l-eżekuzzjoni immedjata ta’ din id-deċiżjoni. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali madankollu jawtorizza lill-awtoritajiet doganali jissospendu kompletament jew parzjalment l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni doganali, meta dawn l-awtoritajiet ikollhom raġunijiet fondati biex jiddubitaw mill-konformità tad-deċiżjoni kkontestata mal-leġiżlazzjoni doganali jew meta jkun hemm il-biża ta’ dannu irreparabbli għall-persuna kkonċernata.

    54

    Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti nazzjonali tindika li l-proċedura nazzjonali ta’ lment amministrattiv kontra atti maħruġa mill-awtoritajiet doganali ma għandhiex bħala effett li tissospendi awtomatikament l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju u li tagħmilha immedjatament inapplikabbli.

    55

    Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali ċirkustanza tista’ jkollha ċerta importanza fl-eżami ta’ ġustifikazzjoni eventwali għar-restrizzjoni tad-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 65).

    56

    Madankollu, fl-assenza ta’ smigħ qabel l-adozzjoni ta’ avviż għall-ħlas, it-tressiq ta’ lment jew ta’ rimedju amministrattiv kontra dan l-avviż għall-ħlas ma għandux neċessarjament ikollu bħala effett li jissospendi awtomatikament l-eżekuzzjoni tal-imsemmi avviż għall-ħlas sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal smigħ fil-kuntest ta’ dan l-ilment jew ta’ dan ir-rimedju (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 67).

    57

    Min-naħa l-oħra, huwa importanti li l-proċedura nazzjonali ta’ lment amministrattiv kontra l-atti maħruġa mill-awtoritajiet doganali tiggarantixxi l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni u, f’dan il-każ, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali.

    58

    Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ rkupru fil-qasam doganali, huwa minħabba l-interess ġenerali tal-Unjoni li tirkupra d-dħul proprju tagħha kemm jista’ jkun malajr li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li l-preżentata ta’ appell kontra avviż ta’ taxxa għandha bħala effett is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dan l-avviż biss meta jkun hemm raġunijiet għall-iddubitar tal-konformità tad-deċiżjoni kkontestata mal-leġiżlazzjoni doganali jew meta jkun hemm il-biża ta’ dannu irreparabbli għall-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 68).

    59

    Billi d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, bħal dawk tal-Kodiċi Doganali, għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li, skont ġurisprudenza stabbilita, jiffurmaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħhom, id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ applikazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali għall-għoti ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni għandhom, fl-assenza ta’ smigħ minn qabel, jiżguraw li dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux applikati jew interpretati b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punti 6970).

    60

    Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tindika li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-avviżi ta’ rettifika ta’ taxxa tista’ tingħata biss sa fejn il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali jiġu ssodisfatti, mingħajr ma tippreċiża l-kriterji applikati mill-uffiċċji tal-Aġenzija Doganali sabiex jevalwaw l-għoti ta’ din is-sospensjoni. F’dan ir-rigward, xejn iktar ma jirriżulta mit-test taċ-ċirkolari Nru 41 D tas-17 ta’ Ġunju 2002, li huwa limitat li jirreferi għall-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali.

    61

    Peress li d-destinatarju tal-avviżi ta’ rettifika ta’ taxxa bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu l-possibbiltà li jikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dawn l-atti sal-bidla eventwali tagħhom u li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali ma humiex applikati b’mod restrittiv, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, ma jsirx ksur tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju tal-avviżi ta’ rettifika ta’ taxxa.

    62

    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li l-obbligu li għandha l-qorti nazzjonali li tiggarantixxi l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni ma għandux dejjem bħala konsegwenza l-annullament ta’ deċiżjoni kkontestata, meta din ġiet adottata bi ksur tad-drittijiet tad-difiża. Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-fatt, ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni meħuda fit-tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 38, kif ukoll tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punti 7879).

    63

    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-domanda magħmula għandha tiġi risposta li d-dritt għal smigħ ta’ kull persuna qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha għandu jiġi interpretat fis-sens li d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ avviż ta’ rettifika ta’ taxxa, adottat mill-awtoritajiet doganali fl-assenza ta’ smigħ minn qabel tal-persuna kkonċernata, ma humiex miksura jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-persuna kkonċernata li tikkontesta dan l-att fil-kuntest ta’ rimedju amministrattiv tkun limitata li tipprevedi l-possibbiltà li tintalab is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dan l-att sal-bidla eventwali tiegħu billi jsir riferiment għall-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali mingħajr ma l-preżentazzjoni ta’ rimedju amministrattiv tissospendi awtomatikament l-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat, peress li l-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 244 tal-Kodiċi Doganali, mill-awtoritajiet doganali, ma tirrestrinġix l-għoti tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni meta jeżistu raġunijiet li jitqajjem dubju dwar il-konformità tad-deċiżjoni kkontestata mal-leġiżlazzjoni doganali jew meta jkun hemm il-biża ta’ dannu irreparabbli għall-persuna kkonċernata.

    Fuq l-ispejjeż

    64

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Id-dritt għal smigħ ta’ kull persuna qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha għandu jiġi interpretat fis-sens li d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ avviż ta’ rettifika ta’ taxxa, adottat mill-awtoritajiet doganali fl-assenza ta’ smigħ minn qabel tal-persuna kkonċernata, ma humiex miksura jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-persuna kkonċernata li tikkontesta dan l-att fil-kuntest ta’ rimedju amministrattiv tkun limitata li tipprevedi l-possibbiltà li tintalab is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dan l-att sal-bidla eventwali tiegħu billi jsir riferiment għall-Artikolu 244 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2000, mingħajr ma l-preżentazzjoni ta’ rimedju amministrattiv tissospendi awtomatikament l-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat, peress li l-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 244 ta’ dan ir-regolament mill-awtoritajiet doganali, ma tirrestrinġix l-għoti tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni meta jeżistu raġunijiet li jitqajjem dubju dwar il-konformità tad-deċiżjoni kkontestata mal-leġiżlazzjoni doganali jew meta jkun hemm il-biża ta’ dannu irreparabbli għall-persuna kkonċernata.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it‑Taljan.

    Top