EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0274

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-7 ta’ Marzu 2018.
flightright GmbH vs Air Nostrum, Líneas Aéreas del Mediterráneo SA, , Roland Becker vs Hainan Airlines Co. Ltd u Mohamed Barkan et vs Air Nostrum, Líneas Aéreas del Mediterráneo SA.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Amtsgericht Düsseldorf u Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 5(1) – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Il-punt 1 tal-Artikolu 7 – Kunċett ta’ ‘materji kuntrattwali’ – Kuntratt ta’ provvista ta’ servizz – Titjira b’konnessjoni operata minn trasportaturi bl-ajru differenti – Kunċett ta’ ‘post ta’ eżekuzzjoni’ – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Dritt tal-passiġġieri bl-ajru għal kumpens fil-każ li ma jitħallewx jimbarkaw u għal dewmien sostanzjali ta’ titjira – Azzjoni għal kumpens intiża kontra t-trasportatur tal-ajru li jopera mhux iddomiċiljat fuq it-territorju ta’ Stat Membru jew li l-passiġġieri ma għandhom l-ebda rabta kuntrattwali miegħu.
Kawżi magħquda C-274/16, C-447/16 u C-448/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:160

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

7 ta’ Marzu 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 5(1) – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Il-punt 1 tal-Artikolu 7 – Kunċett ta’ ‘materji kuntrattwali’ – Kuntratt ta’ provvista ta’ servizz – Titjira b’konnessjoni operata minn trasportaturi bl-ajru differenti – Kunċett ta’ ‘post ta’ eżekuzzjoni’ – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Dritt tal-passiġġieri bl-ajru għal kumpens fil-każ li ma jitħallewx jimbarkaw u għal dewmien sostanzjali ta’ titjira – Azzjoni għal kumpens intiża kontra t-trasportatur tal-ajru li jopera mhux iddomiċiljat fuq it-territorju ta’ Stat Membru jew li l-passiġġieri ma għandhom l-ebda rabta kuntrattwali miegħu”

Fil-Kawżi magħquda C-274/16, C-447/16 u C-448/16,

li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) u mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-3 ta’ Mejju (C–274/16) u tal-14 ta’ Ġunju 2016 (C-447/16 u C-448/16), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Mejju u l-11 ta’ Awwissu 2016, fil-proċeduri

flightright GmbH

vs

Air Nostrum, Líneas Aéreas del Mediterráneo SA (C-274/16),

Roland Becker

vs

Hainan Airlines Co. Ltd (C-447/16),

u

Mohamed Barkan,

Souad Asbai,

Assia Barkan,

Zakaria Barkan,

Nousaiba Barkan

vs

Air Nostrum, Líneas Aéreas del Mediterráneo SA (C-448/16),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Lulju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal flightright GmbH, minn J. A. Blaffert, F. Schaal, A. Seegers, D. Tuac u O. de Felice, Rechtsanwälte,

għal Becker, minn C. Hormann, Rechtsanwalt,

għal Mohamed Barkan, Souad Asbai u l-ulied minuri tagħhom, Assia, Zakaria u Nousaiba Barkan, minn J. Kummer u P. Wassermann, Rechtsanwälte,

għal Air Nostrum, Líneas Aéreas del Mediterráneo SA, minn V. Beck u E. Schott, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn M. Cancela Carvalho, bħala aġenti,

għall-Gvern Svizzeru, minn M. Schöll, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1) u tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, flightright GmbH, impriża stabbilita f’Potsdam (il-Ġermanja), kif ukoll Mohamed Barkan, Souad Asbai u l-ulied minuri tagħhom, Assia, Zakaria u Nousaiba Barkan (iktar ’il quddiem il-“familja Barkan”) kontra Air Nostrum, Líneas Aéreas del Mediterráneo SA (iktar ’il quddiem “Air Nostrum”), trasporatur tal-ajru stabbilit f’Valencia (Spanja), dwar ħlas ta’ kumpens minħabba dewmien ta’ titjira (Kawżi C-274/16 u C‑448/16), u, min-naħa l-oħra, Roland Becker kontra Hainan Airlines Co. Ltd, trasportatur tal-ajru stabbilit f’Haikou (iċ-Ċina), dwar il-ħlas ta’ kumpens minħabba rifjut ta’ imbark (Kawża C-447/16).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 44/2001

3

Mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li dan huwa intiż sabiex, fl-interess tal-funzjonament korrett tas-suq intern, jimplementa “[d]isposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali”.

4

Il-premessi 11 u 12 tal-imsemmi regolament jipprovdu:

“(11)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)

B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

5

Ir-regoli ta’ ġurisdzzjoni jinsabu fil-Kapitolu II tal-istess regolament.

6

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu II ta’ dan, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

7

Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 44/2001:

“Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha […] tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

8

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II ta’ dan, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali”, jipprovdi, fil-punt 1 tiegħu:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)

a)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)

għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

ċ)

jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a).”

9

L-Artikolu 60(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, kumpannija jew persuna ġuridika oħra jew assoċjazzjoni ta’ persuni naturali jew ġuridika jkollha d-domiċilju fil-post fejn hi jkollha:

a)

is-sede statutorja;

b)

iċ-ċentru amministrattiv, jew

c)

il-post prinċipali tan-negozju tagħha.”

Ir-Regolament Nru 1215/2012

10

Ir-Regolament Nru 1215/2012 ħassar ir-Regolament Nru 44/2001. Il-formulazzjoni tal-premessa 4 tagħha hija kważi identika għal dik tal-premessa 2 tar-Regolament Nru 44/2001.

11

Il-premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxu:

“(15)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(16)

Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. […]”

12

Taħt it-Taqsima 1 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat, “Dispożizzjonijiet ġenerali”, l-Artikolu 4(1) ta’ dan huwa fformulat f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

13

Taħt it-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali”, il-punt 1 tal-Artikolu 7 tiegħu huwa fformulat f’termini kważi identiċi għal dawk tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001.

14

Skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, dan ir-regolament japplika biss għall-proċedimenti legali mibdija mill-10 ta’ Jannar 2015.

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004

15

Skont il-premessi 1, 2, 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU 2004, L 46, p. 1).

“(1)

Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)

Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

[…]

(7)

Sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, l-obbligazzjonijiet li joħloq għandhom jibqgħu mal-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira […]

(8)

Dan ir-Regolament m’għandux jirrestrinġi d-drittijiet tal-trasportatur tal-ajru li jopera biex ifittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skont il-liġi applikabbli.”

16

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Soġġett”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi, taħt il-kondizzjonijiet speċifikati hawnhekk, drittijiet minimi għal passiġġieri meta:

a)

ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom;

b)

it-titjira tagħhom hi kkanċellata;

ċ)

it-titjira tagħhom hi mdewma.”

17

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

b)

‘trasportatur ta’ l-ajru li jopera’ ifisser trasportatur ta’ l-ajru li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier;

[…]

g)

‘reżervazzjoni’ tfisser il-fatt li l-passiġġier għandu biljett, jew prova oħra, li tindika li r-reżervazzjoni ġiet aċċettata u rreġistrata, mil-trasportatur ta’ l-ajru jew mill-operatur tat-tour;

h)

‘destinazzjoni finali’ ifisser id-destinazzjoni fuq il-biljett ippreżentat fil-post taċ-check-in jew, fil-każ ta’ titjiriet konnessi direttament, id-destinazzjoni ta’ l-aħħar titjira; titjiriet konnessi alternattivi li qegħdin għad-dispożizzjoni m’għandhomx jiġu meħudin in konsiderazzjoni jekk il-ħin oriġinali tal-wasla hu mħares.

[…]”

18

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Skop” jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

a)

għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat;

[…]

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika fuq il-kondizzjoni li l-passiġġieri:

a)

għandhom reżervazzjoni kkonfermata fuq it-titjira in kwistjoni […]

[…]

5.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwalunkwe trasportatur ta’ l-ajru li jopera li jipprovdi trasport għall-passiġġieri koperti mil-paragrafi 1 u 2. Fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera li m’għandu l-ebda kuntratt mal-passiġġier iwettaq obbligazzjonijiet taħt dan ir-Regolament, għandu jiġi meqjus li qed jagħmel dan f’isem il-persuna li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier.

[…]”

19

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat, “Passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Jekk passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jagħtihom kumpens minnufih skond l-Artikolu 7 […]”

20

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu:

“Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

i)

huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat;

ii)

huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat;

iii)

huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.”

21

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat, “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

a)

EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

b)

EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru;

ċ)

EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.”

Il-fatti tal-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Kawża C-274/16

22

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, żewġ passiġġieri irriżervaw mal-kumpannija tal-ajru Air Berlin PLC & Co. Luftverkehrs KG (iktar ’il quddiem “Air Berlin”) post kull wieħed minnhom, taħt numru ta’ riżervazzjoni uniku, trasport bl-ajru fuq żewġ titjiriet (iktar ’il quddiem it-“titjira ta’ konnessjoni”) minn Ibiza (il-Gżejjer Baleariċi, Spanja) b’destinazzjoni f’Düsseldorf (il-Ġermanja), b’konnessjoni f’Palma de Mallorca (il-Gżejjer Baleariċi, Spanja).

23

L-ewwel titjira fil-kuntest ta’ din it-titjira b’konnessjoni, operata minn Air Nostrum, kellha tiddekolla minn Ibiza fil-25 ta’ Lulju 2015 fis-18:40 u tasal f’Palma de Mallorca fl-istess ġurnata fis-19:20.

24

Fir-rigward tat-tieni titjira, bejn Palma de Mallorca u Düsseldorf, operata minn Air Berlin, din kellha tiddekolla fil-25 ta’ Lulju 2015 fit-20:05 u tasal f’Düsseldorf fl-istess ġurnata fl-22:25.

25

Madankollu, l-ewwel titjira, bejn Ibiza u Palma de Mallorca, kienet operata b’dewmien u l-passiġġieri, minħabba f’hekk, tilfu t-tieni titjira lejn Düsseldorf, fejn finalment waslu fis-26 ta’ Lulju 2015 fil-11:32 fuq titjira operata minn Air Berlin.

26

Iż-żewġ passiġġieri inkwistjoni ċedew id-drittijiet tagħhom għal eventwali kumpens abbażi ta’ dan id-dewmien lil flightright. Din bdiet rikors kontra Air Nostrum, bħala trasportatur tal-ajru li jopera li wettaq l-ewwel titjira, quddiem l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja).

27

Din il-qorti tindika li s-smiegħ ta’ dan ir-rikors jiddependi fuq l-eżistenza tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha. Din teżisti biss jekk, f’dak li jikkonċerna t-titjira b’konnessjoni inkwistjoni, Düsseldorf tista’ tiġi kkunsidrata bħala l-“post tat-twettiq tal-obbligi” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fil-każ ta’ trasport bl-ajru ta’ persuni b’konnessjoni kompost minn żewġ titjiriet u li ma jkunx jinkludi dewmien notevoli fl-ajruport ta’ korrispondenza, il-post tal-wasla tat-tieni titjira għandu jitqies bħala l-post ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 meta r-rikors ikun ippreżentat kontra t-trasportatur tal-ajru effettiv tal-ewwel titjira li fuqha seħħet l-anomalija u meta t-trasport għat-tieni titjira jkun twettaq minn trasportatur tal-ajru ieħor?”

Il-Kawża C-447/16

29

R. Becker ikkonkluda ma’ Hainan Airlines, li s-sede tal-kumpannija tagħha hija stabbilita barra mill-Unjoni Ewropea u li ma tuża l-ebda fergħa f’Berlin (il-Ġermanja), kuntratt ta’ trasport bl-ajru li jinkludi t-titjiriet, suġġett ta’ riservazzjoni unika, fis-7 ta’ Awwissu 2013, minn Berlin għal Beijing (iċ-Ċina) b’konnessjoni fi Brussell (il-Belġju).

30

Fil-ġurnata tat-tluq, fl-ajruport ta’ Berlin, R. Becker ġie rreġistrat għaż-żewġ titjiriet. Huwa rċieva żewġ karti tal-imbarkazzjoni relatati u l-bagalji tiegħu ġew irreġistrati direttament sa Beijing.

31

It-trasport fuq l-ewwel titjira, operat, skont ir-riżervazzjoni, mit-trasportatur tal-ajru Belġjan Brussels Airlines u li l-wasla tagħha fi Brussell kienet prevista għas-7 ta’ Awwissu 2013 fit-8:00, seħħ kif previst. It-trasport fuq it-tieni titjira, li kellu jiġi operat minn Hainan Airlines u li t-tluq tiegħu kien previst għas-7 ta’ Awwissu 2013 fis-13:40, ma seħħx. R. Becker isostni, f’dan ir-rigward, li huwa ġie rrifjutat l-imbark fuq din it-titjira ħdejn il-bieb tal-imbarkament fl-ajruport ta’ Brussell mingħajr raġuni valida u kontra l-volontà tiegħu.

32

R. Becker irritorna bl-ajruplan f’Berlin u rriżerva titjira diretta minn Berlin għal Beijing. Huwa wasal f’Beijing fit-8 ta’ Awwissu 2013.

33

Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem l-Amtsgericht Berlin-Wedding (il-Qorti Distrettwali ta’ Berlin-Wedding, il-Ġermanja) R. Becker talab b’mod partikolari, skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, kumpens ta’ ammont ta’ EUR 600 flimkien mal-interessi.

34

Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Novembru 2014, din il-qorti kkonkludiet li l-qrati Ġermaniżi ma kellhomx ġurisdizzjoni internazzjonali u ċaħdet ir-rikors ta’ R. Becker bħala inammissibbli. R. Becker appella din is-sentenza quddiem il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja). Permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, din l-aħħar qorti ċaħdet l-appell ta’ R. Becker minħabba li r-rikors tiegħu kellu jitressaq quddiem il-qrati Belġjani, peress li hija biss Brussell li tikkostitwixxi l-post ta’ eżekuzzjoni tat-titjira Brussell-Beijing.

35

R. Becker ippreżenta appell għal reviżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja). Din qieset li, minħabba n-natura unitarja tal-obbligu kuntrattwali ta’ Hainan Airlines bħala trasportatur ta’ R. Becker minn Berlin għal Beijing, l-ajruport ta’ Berlin-Tegel jista’ jiġi kkunsidrat, skont is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder (C-204/08, EU:C:2009:439), bħala l-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali kollha ta’ Hainan Airlines, inkluż l-obbligi li tipprovdi b’rabta mat-titjira minn Brussell għal Beijing li kienet issegwi t-titjira minn Berlin għal Brussell, sa fejn R. Becker ma kellu, bħala passiġġier bl-ajru, ebda influwenza fuq il-kwistjoni dwar jekk Hainan Airlines kinitx ser topera hija stess l-aħħar parti ta’ din it-titjira wkoll jew jekk kinitx, għal dan il-għan, ser tirrikorri għas-servizzi ta’ trasportatur tal-ajru ieħor.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Għandu jitqies li, fil-każ ta’ trasport ta’ persuni mwettaq fuq żewġ titjiriet, mingħajr waqfa kunsiderevoli fl-ajruporti ta’ konnessjoni, il-post ta’ tluq tal-ewwel parti tat-titjira huwa l-post ta’ eżekuzzjoni fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, anki meta d-dritt għall-kumpens finanzjarju previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, invokat fir-rikors, ikun bbażat fuq inċident li seħħ fit-tieni parti tat-titjira u meta r-rikors ikun ippreżentat kontra l-parti kontraenti l-oħra fil-kuntratt ta’ trasport li hija, effettivament, it-trasportatur tal-ajru tat-tieni titjira, iżda mhux tal-ewwel titjira?”

Il-Kawża C-448/16

37

Il-familja Barkan irriżervat titjira b’konnessjoni minn Melilla (Spanja) għal Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja) via Madrid (Spanja) mal-kumpannija tal-ajru Iberia, Líneas Aéreas de España (iktar ’il quddiem “Iberia”) għas-7 ta’ Awwissu 2010. Mill-konferma tar-riżervazzjoni magħmula minn Iberia kien jirriżulta li t-titjira bejn Melilla u Madrid kellha tkun operata minn Air Nostrum u li t-titjira bejn Madrid u Frankfurt-am-Main kellha tkun operata minn Iberia, mingħajr ħin ta’ konnessjoni sinjifikattiv bejn iż-żewġ titjiriet.

38

Peress li kien hemm dewmien ta’ 20 minuta għat-tluq tat-titjira bejn Melilla u Madrid, il-familja Barkan tilfet it-tieni titjira tagħha bid-destinazzjoni ta’ Frankfurt-am-Main u waslet fid-destinazzjoni tagħha erba’ sigħat tard.

39

Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2015, l-Amtsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Distrettwali ta’ Frankfurt-am-Main), adita mill-familja Barkan b’talba għal kumpens fl-ammont ta’ EUR 250 għal kull wieħed mill-membri ta’ din il-familja minħabba dan id-dewmien, b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, ikkundannat lil Air Nostrum skont it-talbiet tar-rikorrenti.

40

Permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Awwissu 2015, il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt-am-Main), adita b’appell ta’ Air Nostrum, iddeċidiet li l-qrati nazzjonali ma kellhomx ġurisdizzjoni internazzjonali. Skont din il-qorti, huma biss Melilla u Madrid li kienu possibbli bħala post ta’ eżekuzzjoni għat-titjira bejn Melilla u Madrid, li matulha seħħ il-fatt, peress li ż-żewġ titjiriet kellhom jiġu kkunsidrati bħala titjiriet separati minkejja r-riżervazzjoni unika.

41

Il-familja Barkan ippreżentat appell għal Reviżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja). Din qieset, fl-ewwel lok, li, għalkemm huwa paċifiku li ma teżisti ebda relazzjoni kuntrattwali diretta bejn il-familja Barkan u Air Nostrum, dan il-fatt ma għandux konsegwenzi fuq in-natura kuntrattwali tad-dritt għal kumpens previst mir-Regolament Nru 261/2004. Fit-tieni lok, skont din il-qorti, il-fatt li Air Nostrum, bħala trasportatur tal-ajru li jopera, ma għandhiex obbligi kuntrattwali xi twettaq fid-destinazzjoni finali tat-titjira b’konnessjoni, jiġifieri Frankfurt-am-Main, ma jipprekludix il-kwalifika ta’ dan il-post bħala l-“post ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, sa fejn ir-Regolament Nru 261/2004 huwa intiż sabiex isaħħah u mhux idgħajjef il-pożizzjoni ġuridika tal-passaġġieri bl-ajru. Għalhekk, jidher iġġustifikat li l-obbligi kuntrattwali li għandhom jiġu mwettqa fid-destinazzjoni finali tat-titjira b’konnessjoni mal-parti l-oħra fil-kuntratt mal-familja Barkan, jiġifieri Iberia, jiġu imputati lil Air Nostrum fil-kwalità tagħha ta’ trasportatur tal-ajru li jopera. Fil-fatt, mill-perspettiva sostanzjali, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu, fi kwalunkwe każ, jikkumpensa lill-passiġġier meta dan jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu b’dewmien sostanzjali minħabba titjira preċedenti li dan it-trasportatur opera b’dewmien.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-[Regolament Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni ‘f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt’ tkopri wkoll dritt għall-kumpens finanzjarju previst fl-Artikolu 7 tar-[Regolament 261/2004] invokat fir-rigward ta’ trasportatur tal-ajru effettiv li ma huwiex l-parti kontraenti l-oħra fil-kuntratt mal-passiġġier ikkonċernat?

2)

Fl-ipoteżi li l-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-[Regolament Nru 44/2001] japplika:

Għandu jitqies li, fir-rigward ta’ trasport ta’ persuni mwettaq fuq żewġ titjiriet, mingħajr waqfa kunsiderevoli fl-ajruport ta’ konnessjoni, id-destinazzjoni finali tal-passiġġier hija l-post ta’ eżekuzzjoni fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-[Regolament Nru 44/2001], anki meta d-dritt għall-kumpens finanzjarju previst fl-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 261/2004], invokat fir-rikors, ikun ibbażat fuq inċident li seħħ fl-ewwel parti tat-titjira u meta r-rikors ikun ippreżentat kontra t-trasportatur tal-ajru effettiv tal-ewwel titjira li ma huwiex il-parti kontraenti l-oħra fil-kuntratt ta’ trasport?”

43

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Awwissu 2016, il-Kawżi C-447/16 u C-448/16 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza, u b’deċiżjoni tal-president tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 2016, il-Kawżi C-274/16, C-447/16 u C‑448/16 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq id-domanda magħmula fil-Kawża C-447/16

Fuq l-ammissibbiltà

44

Il-Kummissjoni Ewropea tikkonstesta l-applikabbiltà, fil-kawża prinċipali, tar-Regolament Nru 44/2001 u, minħabba dan, l-inammissibbiltà tad-domanda magħmula fil-Kawża C-447/16.

45

Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess nazzjonali jirriżulta li Hainan Airlines għandha s-sede tagħha barra mill-Unjoni u ma għandhiex fergħa f’Berlin. Minn dan huwa possibbli li jiġi dedott li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 44/2001, din il-kumpannija ma hijiex iddomiċiljata fuq it-territorju ta’ Stat Membru, li jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament u jimplika l-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tiegħu, li abbażi tiegħu, jekk il-konvenut ma huwiex iddomiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni hija, f’kull Stat Membru, irregolata mil-liġi ta’ dan l-Istat Membru, b’riżerva tal-applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni esklużiva u tal-proroga ta’ ġurisdizzjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 22 u 23 tal-imsemmi regolament.

46

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, obbligata tiddeċiedi. Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C-74/16, EU:C:2017:496, punti 24 u 25).

47

F’dan il-każ, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “post ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, fil-kuntest tad-dritt tal-passiġġieri bl-ajru għal kumpens, ibbażat fuq l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din l-interpretazzjoni hija indispensabbli sabiex tiġi ddeterminata l-qorti b’ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi t-tilwima fil-kawża prinċipali.

48

Għaldaqstant, anki l-kwistjoni ta’ possibbli inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 44/2001 għat-tilwima fil-kawża prinċipali timplika n-neċessità, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tagħmel interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan.

49

Konsegwentement, id-domanda magħmula fil-Kawża C-447/16 hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

50

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk it-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal konvenut iddomiċiljat fi Stat terz, bħall-konvenut fil-kawża prinċipali.

51

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 japplika biss għall-persuni ddomiċiljati fuq it-territorju ta’ Stat Membru. Skont l-Artikolu 60(1) ta’ dan ir-regolament, kumpannija hija ddomiċiljata hemm fejn tinsab is-sede tal-amministrazzjoni ċentrali tagħha, jew fejn għandha l-istabbiliment prinċipali tagħha.

52

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Hainan Airlines għandha s-sede tagħha barra mill-Unjoni, jiġifieri fiċ-Ċina, u ma għandhiex fergħa f’Berlin (il-Ġermanja). Barra minn hekk, ebda element ta’ din id-deċiżjoni ma jippermetti li jiġi konkluż li din il-kumpannija tal-ajru għandha fergħa fi Stat Membru ieħor.

53

Konsegwentement, f’dan il-każ, għandu japplika l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li abbażi tiegħu, għalkemm il-konvenut ma huwiex iddomiċiljat fuq it-territorju ta’ Stat Membru, il-ġurisdizzjoni hija, f’kull Stat Membru, irregolata mil-liġi ta’ dan l-Istat Membru.

54

Għal kull utlità, huwa importanti li jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li, skont il-prinċipju ta’ effettività, ir-regoli tad-dritt nazzjonali ma jistgħux irendu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, Vinyls Italia, C-54/16, EU:C:2017:433, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), bħal dawk li jirriżultaw mir-Regolament Nru 261/2014.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula fil-Kawża C-447/16 għandha tkun li t-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal konvenut iddomiċiljat fi Stat terz, bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali.

Fuq id-domandi magħmula fil-Kawżi C-274/16 u C-448/16

Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C-448/16

56

Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C-448/16, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “materji kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri l-azzjoni tal-passiġġieri bl-ajru għal kumpens għal dewmien sostanzjali ta’ titjira b’konnessjoni, mibdija abbażi tar-Regolament Nru 261/2004 kontra trasportatur tal-ajru li jopera li ma huwiex il-parti l-oħra tal-kuntratt tal-passiġġier ikkonċernat.

57

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, minkejja li l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C-274/16 ma tifformula ebda domanda f’dan is-sens, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C-448/16 hija rilevanti wkoll għall-Kawża C-274/16 sa fejn mid-deċiżjoni tar-rinviju f’din il-kawża jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, it-trasportatur tal-ajru li jopera lanqas ma huwa l-parti l-oħra tal-kuntratt tal-passiġġieri kkonċernati. Għandu jingħad ukoll, f’dan ir-rigward, li l-Kawża C‑274/16 taqa’ ratione temporis, taħt ir-Regolament Nru 1215/2012, li l-punt 1 tal-Artikolu 7 tagħha huwa fformulat f’termini kważi identiċi għal dawk tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 li l-interpretazzjoni tiegħu mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja żżomm fir-rigward ta’ din l-ewwel dispożizzjoni l-portata kollha tagħha (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking, C-551/15, EU:C:2017:193, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “materji kuntrattwali” għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1992, Handte, C-26/91, EU:C:1992:268, punt 10, u tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C-375/13, EU:C:2015:37, punt 37).

59

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ddeċidiet li jaqgħu taħt il-materji kuntrattwali l-obbligi kollha li joriġinaw mill-kuntratt li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu tiġi invokata insostenn tal-azzjoni tar-rikorrent (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kareda, C-249/16, EU:C:2017:472, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, anki jekk l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġursdizzjoni speċjali prevista f’materji kuntrattwali ma tirrikjedix il-konklużjoni ta’ kuntratt bejn żewġ persuni, hija tippresupponi, madankollu, l-eżistenza ta’ obbligu legali liberament ikkonsentit minn persuna fil-konfront ta’ oħra u li huwa l-bażi tal-azzjoni tar-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Frar 2004, Frahuil, C-265/02, EU:C:2004:77, punti 24 sa 26; tal-20 ta’ Jannar 2005, EnglerC-27/02, EU:C:2005:33, punti 50 u 51, kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C-375/13, EU:C:2015:37, punt 39).

61

Minn dan isegwi, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-regola ta’ kompetenza speċjali f’materji kuntrattwali, prevista fil-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1215/2012 hija bbażata fuq il-kawża tal-azzjoni u mhux l-identità tal-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kareda, C-249/16, EU:C:2017:472, punti 31 u 33).

62

F’dan ir-rigward, it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 261/2004 tippreċiża li, meta trasportatur tal-ajru li jopera li ma jkunx ikkonkluda kuntratt mal-passiġġier iwettaq obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament, huwa jiġi kkunsidrat li jaġixxi f’isem il-persuna li kkonkludiet il-kuntratt mal-passiġġier ikkonċernat.

63

B’hekk, dan it-trasportatur għandu jiġi kkunsidrat li jwettaq obbligi liberament ikkonsentiti fil-konfront tal-parti l-oħra tal-kuntratt tal-passiġġieri kkonċernati. Dawn l-obbligi joriġinaw mill-kuntratt ta’ trasport bl-ajru.

64

Konsegwentement, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, talba għal kumpens għal dewmien sostanzjali ta’ titjira operata minn trasportatur tal-ajru li jopera bħal Air Nostrum, li ma huwiex il-parti l-oħra tal-kuntratt tal-passiġġieri kkonċernati, għandha tiġi kkunsidrata li hija mressqa f’materji kuntrattwali ta’ trasport bl-ajru konklużi bejn dawn il-passiġġieri u, rispettivament, Air Berlin u Iberia.

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C-448/16 għandha tkun li l-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “materji kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri l-azzjoni tal-passiġġieri bl-ajru għal kumpens għal dewmien sostanzjali ta’ titjira b’konnessjoni, mibdija abbażi tar-Regolament Nru 261/2004 kontra trasportatur tal-ajru li jopera li ma huwiex il-parti l-oħra tal-kuntratt tal-passiġġier ikkonċernat.

Fuq id-domanda fil-Kawża C-274/16 u fuq it-tieni domanda fil-Kawża C-448/16

66

Permezz tad-domanda fil-Kawża C-274/16 u permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C-448/16, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk it-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 u t-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ titjira b’konnessjoni, jikkostitwixxi l-“post ta’ eżekuzzjoni” ta’ din it-titjira, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-post tal-wasla tat-tieni titjira, meta t-trasport fuq iż-żewġ titjiriet jiġi operat minn żewġ trasportaturi tal-ajru differenti u li r-rikors għal kumpens minħabba d-dewmien sostanzjali ta’ din it-titjira b’konnessjoni abbażi tar-Regolament Nru 261/2004 huwa bbażat fuq fatt li jkun seħħ fuq l-ewwel waħda mill-imsemmija titjiriet, operata mit-trasportatur tal-ajru li ma huwiex il-parti l-oħra tal-kuntratt tal-passiġġieri kkonċernati.

67

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, li, f’każ ta’ pluralità ta’ postijiet ta’ provvista ta’ servizzi fi Stati Membri differenti, għandu, fil-prinċipju, jinftiehem bħala post ta’ eżekuzzjoni l-post li jiżgura l-fattur ta’ konnessjoni l-iktar strett bejn il-kuntratt u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, fejn dan il-fattur ta’ konnessjoni l-iktar strett isib ruħu, bħala regola ġenerali, fil-post tal-provvista prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C-204/08, EU:C:2009:439, punti 35 sa 38, u tal-11 ta’ Marzu 2010, Wood Floor Solutions Andreas Domberger, C-19/09, EU:C:2010:137, punt 33). Dan l-aħħar post għandu jiġi dedott, sa fejn ikun possibbli, mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt innifsu (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Wood Floor Solutions Andreas Domberger, C‑19/09, EU:C:2010:137, punt 38).

68

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-kuntest tal-istess dispożizzjoni, fir-rigward ta’ titjira diretta operata mill-parti l-oħra għall-kuntratt tal-passiġġier ikkonċernat, li l-post tat-tluq kif ukoll il-post tal-wasla tal-ajruplan għandhom jitqiesu, fuq l-istess livell, bħala l-postijiet ta’ provvista prinċipali tas-servizzi li huma s-suġġett ta’ kuntratt ta’ trasport bl-ajru li jiġġustifika l-ġurisdizzjoni sabiex tisma’ talba għal kumpens ibbażata fuq dan il-kuntratt ta’ trasport u fuq ir-Regolament Nru 261/2004 hija dik, skont l-għażla tar-rikorrent, li fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha jinsab il-post tat-tluq jew tal-wasla tal-ajruplan, kif dawn il-postijiet ikunu ġew miftiehma fl-imsemmi kuntratt (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C-204/08, EU:C:2009:439, punti 43 u 47).

69

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ “post ta’ eżekuzzjoni” ifformulat fis-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder (C‑204/08, EU:C:2009:439), minkejja li kien jirreferi għal titjira diretta operata mill-parti l-oħra tal-kuntratt tal-passaġġier ikkonċernat, japplika wkoll, mutatis mutandis, f’dak li jikkonċerna każijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fejn, minn naħa, it-titjira b’konnessjoni rriżervata tinkludi żewġ titjiriet, u, min-naħa l-oħra, it-trasportatur tal-ajru li jopera t-titjira inkwistjoni ma kkonkluda ebda kuntratt direttament mal-passaġġieri kkonċernati.

70

Fil-fatt, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi, prevista fit-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 u fit-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, issemmi bħala li għandha ġurisdizzjoni dik il-qorti tal-“post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati”.

71

F’dan ir-rigward, kuntratt ta’ trasport bl-ajru, bħall-kuntratti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali kkaratterizzati minn riżervazzjoni unika għat-totalità tal-vjaġġ, tistabbilixxi l-obbligu, għat-trasportatur tal-ajru, li jittrasporta passiġġier minn punt A għal punt C. Tali operazzjoni ta’ trasport tikkostitwixxi servizz li wieħed mill-postijiet ta’ provvista prinċipali tiegħu jinsab fil-punt C.

72

Din il-konklużjoni ma hijiex imminata minħabba l-fatt li t-trasportatur tal-ajru li jopera li ma huwiex il-parti l-oħra għall-kuntratt tal-passiġġieri kkonċernati jopera biss it-trasport fuq titjira li ma tintemmx fil-post tal-wasla tat-tieni titjira tat-titjira b’konnessjoni sa fejn il-kuntratt ta’ trasport bl-ajru relatat mat-titjira b’konnessjoni jkopri t-trasport ta’ dawn il-passiġġieri sal-post tal-wasla tat-tieni titjira.

73

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ ta’ titjira b’konnessjoni, jikkostitwixxi l-post ta’ eżekuzzjoni ta’ tali titjira, fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 u tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, bħala postijiet ta’ provvista prinċipali tas-servizzi suġġett ta’ kuntratt ta’ trasport bl-ajru, il-post tal-wasla tat-tieni titjira.

74

Peress li dan il-post għandu rabta biżżejjed stretta mal-elementi materjali tal-kawża u, għaldaqstant, jiżgura r-rabta stretta, meħtieġa mir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni speċjali stabbiliti fil-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 u fil-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, bejn il-kuntratt ta’ trasport bl-ajru u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, dan jissodisfa l-għan ta’ prossimità (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439, punt 44).

75

Din is-soluzzjoni tirrispondi wkoll għall-prinċipju ta’ prevedibbiltà intiż minn dawn l-istess regoli sa fejn tippermetti kemm lir-rikorrent kif ukoll lill-konvenut jidentifika l-qorti tal-post tal-wasla tat-tieni titjira, kif indikat fl-imsemmi kuntratt ta’ trasport bl-ajru, bħala qorti li tista’ tiġi adita (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439, punt 45, kif ukoll tal-4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition, C-157/13, EU:C:2014:2145, punt 41).

76

F’dan ir-rigward, ma jistax jintlaqa’ l-argument ta’ Air Nostrum li huwa impossibbli għaliha, bħala operatur ta’ titjira interna fi Spanja, li tevalwa r-riskju li tiġi mħarrka quddiem qorti Ġermaniża.

77

Fil-fatt, minn naħa, ma huwiex ikkontestat li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, il-kuntratti ta’ trasport bl-ajru kienu jirrigwardaw titjira b’konnessjoni suġġett ta’ riżervazzjoni unika li tkopri ż-żewġ titjiriet, b’mod li din kienet tirreferi kemm għall-ewwel titjira operata mit-trasportatur tal-ajru li jopera, kif ukoll it-tieni titjira, li twassal għad-destinazzjoni finali. Min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif jirriżulta mill-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-ftehim kummerċjali liberament ikkonsentiti bejn it-trasportaturi bl-ajru, trasportatur tal-ajru li jopera li ma kkonkludiex kuntratt mal-passiġġier huwa meqjus li qiegħed jaġixxi f’isem it-trasportatur tal-ajru parti l-oħra tal-kuntratt tal-passiġġier ikkonċernat.

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda fil-Kawża C-274/16 u għat-tieni domanda fil-Kawża C-448/16 għandha tkun li t-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 u t-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ titjira b’konnessjoni, jikkostitwixxi l-“post ta’ eżekuzzjoni” ta’ din it-titjira, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-post tal-wasla tat-tieni titjira, meta t-trasport fuq iż-żewġ titjiriet ikun operat minn żewġ trasportaturi bl-ajru differenti u li r-rikors għal kumpens għal dewmien sostanzjali ta’ din it-titjira b’konnessjoni abbażi tar-Regolament Nru 261/2004 huwa bbażat fuq fatt li seħħ fuq l-ewwel wieħed mill-imsemmija titjiriet, operat mit-trasportatur bl-ajru li ma huwiex il-parti l-oħra tal-kuntratt tal-passiġġieri kkonċernati.

Fuq l-ispejjeż

79

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal konvenut iddomiċiljat fi Stat terz, bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali.

 

2)

Il-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “materji kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri l-azzjoni tal-passiġġieri bl-ajru għal kumpens għal dewmien sostanzjali ta’ titjira b’konnessjoni, mibdija abbażi tar-Regolament Nru 261/2004 kontra trasportatur tal-ajru li jopera li ma huwiex il-parti l-oħra tal-kuntratt tal-passiġġier ikkonċernat.

 

3)

It-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 u t-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ titjira b’konnessjoni, jikkostitwixxi l-“post ta’ eżekuzzjoni” ta’ din it-titjira, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-post tal-wasla tat-tieni titjira, meta t-trasport fuq iż-żewġ titjiriet ikun operat minn żewġ trasportaturi bl-ajru differenti u li r-rikors għal kumpens għal dewmien sostanzjali ta’ din it-titjira b’konnessjoni abbażi tar-Regolament Nru 261/2004 huwa bbażat fuq fatt li seħħ fuq l-ewwel wieħed mill-imsemmija titjiriet, operat mit-trasportatur bl-ajru li ma huwiex il-parti l-oħra tal-kuntratt tal-passiġġieri kkonċernati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top