This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0270
Judgment of the Court (Third Chamber) of 18 January 2018.#Carlos Enrique Ruiz Conejero v Ferroser Servicios Auxiliares SA and Ministerio Fiscal.#Request for a preliminary ruling from the Juzgado de lo Social de Cuenca.#Reference for a preliminary ruling — Social policy — Directive 2000/78/EC — Equal treatment in employment and occupation — Article 2(2)(b)(i) — Prohibition of discrimination based on disability — National legislation permitting, subject to certain conditions, the dismissal of an employee by reason of intermittent absences, even where justified — Worker’s absences resulting from illnesses linked to his disability — Difference in treatment based on disability — Indirect discrimination — Whether justified — Combating absenteeism in the workplace — Whether appropriate — Whether proportionate.#Case C-270/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Jannar 2018.
Carlos Enrique Ruiz Conejero vs Ferroser Servicios Auxiliares SA u Ministerio Fiscal.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de lo Social de Cuenca.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2(2)(b)(i) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-tkeċċija ta’ impjegat minħabba assenzi intermittenti mix-xogħol, anki meta dawn ikunu ġġustifikati – Assenzi ta’ impjegat dovuta għal mard imputabbli għal diżabbiltà tiegħu – Inugwaljanza fit-trattament ibbażata fuq id-diżabbiltà – Diskriminazzjoni indiretta – Ġustifikazzjoni – Ġlieda kontra l-assenteiżmu mix-xogħol – Natura xierqa – Proporzjonalità.
Kawża C-270/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Jannar 2018.
Carlos Enrique Ruiz Conejero vs Ferroser Servicios Auxiliares SA u Ministerio Fiscal.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de lo Social de Cuenca.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2(2)(b)(i) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-tkeċċija ta’ impjegat minħabba assenzi intermittenti mix-xogħol, anki meta dawn ikunu ġġustifikati – Assenzi ta’ impjegat dovuta għal mard imputabbli għal diżabbiltà tiegħu – Inugwaljanza fit-trattament ibbażata fuq id-diżabbiltà – Diskriminazzjoni indiretta – Ġustifikazzjoni – Ġlieda kontra l-assenteiżmu mix-xogħol – Natura xierqa – Proporzjonalità.
Kawża C-270/16.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:17
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
18 ta’ Jannar 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2(2)(b)(i) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-tkeċċija ta’ impjegat minħabba assenzi intermittenti mix-xogħol, anki meta dawn ikunu ġġustifikati – Assenzi ta’ impjegat dovuta għal mard imputabbli għal diżabbiltà tiegħu – Inugwaljanza fit-trattament ibbażata fuq id-diżabbiltà – Diskriminazzjoni indiretta – Ġustifikazzjoni – Ġlieda kontra l-assenteiżmu mix-xogħol – Natura xierqa – Proporzjonalità”
Fil-Kawża C-270/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social no 1 de Cuenca (il-Qorti Industrijali Nru 1 ta’ Cuenca, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura
Carlos Enrique Ruiz Conejero
vs
Ferroser Servicios Auxiliares SA,
Ministerio Fiscal,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Marzu 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Ruiz Conejero, minn J. Martínez Guijarro u M. de la Rocha Rubí, abogados, |
– |
għal Ferroser Servicios Auxiliares SA, minn J. A. Gallardo Cubero, abogados, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u V. Ester Casas, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u L. Lozano Palacios, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Ottubru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Carlos Enrique Ruiz Conejero u Ferroser Servicios Auxiliares SA u Ministerio Fiscal (il-Ministeru Pubbliku, Spanja) dwar il-legalità tat-tkeċċija tiegħu li saret wara assenzi ġġustifikati mix-xogħol. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Skont il-premessi 11, 12, 16, 17, 20 u 21 tad-Direttiva 2000/78:
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”, jistabbilixxi: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta ugwaljanza fit-trattament.” |
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
|
6 |
L-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu: “Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċci, f’dak li jirrigwarda: […]
|
Id-dritt Spanjol
7 |
Skont l-Artikolu 14 tal-Kostituzzjoni: “Iċ-ċittadini Spanjoli huma ugwali quddiem il-liġi u ma tista’ tiġi ammessa l-ebda diskriminazzjoni abbażi tat-twelid, tar-razza, tas-sess, tar-reliġjoni, l-opinjoni jew fuq xi kundizzjoni jew ċirkustanza oħra personali jew soċjali.” |
8 |
L-Artikolu 4 tar-Real Decreto Legislativo 1/1995 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/1995, li japprova t-test rivedut tal-liġi dwar l-istatut tal-ħaddiema), tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), fil-verżjoni tiegħu applikabbli meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“istatut tal-ħaddiema”), jistabbilixxi dan li ġej fil-paragrafu 2(c) tiegħu: “Fir-relazzjoni lavorattiva, l-impjegati għandhom dritt: […]
|
9 |
L-Artikolu 52 tal-istatut tal-ħaddiema, dwar it-terminazzjoni tal-kuntratt għal raġunijiet oġġettivi, jipprovdi, fil-punt (d) tiegħu: “Il-kuntratt jista’ jiġi tterminat: […]
Dawn li ġejjin ma għandhomx jgħoddu bħala assenzi mix-xogħol għall-finijiet tal-paragrafu preċedenti: assenzi minħabba azzjoni industrijali għat-tul ta’ dik l-azzjoni, min jaġixxi bħala rappreżentant tal-ħaddiema, inċident fuq il-post tax-xogħol, maternità, riskju matul it-tqala u treddigħ, mard ikkawżat mit-tqala, twelid jew treddigħ, paternità, leave u festi, leave tal-mard jew minħabba inċident li ma jirriżultax mix-xogħol fejn l-assenza tkun miftiehma mis-servizzi tas-saħħa uffiċjali u ddum iktar minn 20 jum konsekuttiv jew fejn l-assenza hija kkawżata mis-sitwazzjoni fiżika jew psikoloġika li tirriżulta minn vjolenza bbażata fuq differenza fis-sess, iċċertifikata mis-servizzi tal-kura soċjali jew is-servizzi tas-saħħa, skont il-każ, Lanqas ma għandhom jgħoddu l-assenzi għal kura medika għall-kanċer jew marda gravi.” |
10 |
L-Artikolu 2 tar-Real Decreto Legislativo 1/2013, por el que se aprueba el Texto Refundido de la Ley General de derechos de las personas con discapacidad y de su inclusión social (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2013, li jirriformula l-liġi ġenerali dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u l-integrazzjoni soċjali tagħhom), tad-29 ta’ Novembru 2013 (BOE Nru 289, tat-3 ta’ Diċembru 2013, p. 95635), tinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-regolament:
[…]
|
11 |
L-Artikolu 40 ta’ din id-digriet, dwar l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jipprevjenu jew sabiex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi okkażjonati mid-diżabbiltà bħala garanzija tal-ugwaljanza sħiħa fuq ix-xogħol, jipprovdi: “1. Sabiex tiġi ggarantita l-ugwaljanza sħiħa fuq ix-xogħol, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jostakolax iż-żamma jew l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi maħsuba sabiex jipprevjenu jew jikkumpensaw għall-iżvantaġġi okkażjonati mid-diżabbiltà. 2. Il-persuni li jimpjegaw għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jadattaw il-post tax-xogħol u jtejbu l-aċċessibilità tal-post tax-xogħol wara li jikkunsidraw il-ħtiġijiet li jinqalgħu f’kull każ individwali sabiex il-persuni b’diżabbiltà jitħallew ikollhom aċċess għall-impjieg, biex iwettqu x-xogħol tagħhom, biex jiġu promossi u li jkollhom aċċess għat-taħriġ, sakemm dawn il-miżuri ma jpoġġux piż eċċessiv fuq il-persuna li timpjega. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-piż huwiex eċċessiv, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk huwiex ristrett sa livell suffiċjenti mill-miżuri, l-assistenza u s-sussidji li japplikaw għal persuni b’diżabbiltà u biex jitqiesu l-ispejjeż finanzjarji u spejjeż oħra marbuta ma’ dawk il-miżuri u l-iskala tal-impriża jew l-organizzazzjoni u d-dħul mill-bejgħ globali tagħha.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
12 |
Fit-2 ta’ Lulju 1993, C. Ruiz Conejero ġie impjegat bħala fattiga fl-isptar ta’ Cuenca (Spanja), li taqa’ taħt ir-reġjun ta’ Castille-la Manche (Spanja). Huwa kien impjegat l-aħħar f’dan il-post mill-impriża tat-tindif Ferroser Servicios Auxiliares. |
13 |
C. Ruiz Conejero ħadem mingħajr diffikultajiet kemm għal din l-impriża kif ukoll għal dawk li impjegawh preċedentment. Huwa la qatt iffaċċja problemi fuq ix-xogħol u lanqas ma ġie suġġett għal xi sanzjoni. |
14 |
Mill-kliem stess tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Settembru 2014, id-delegación de Cuenca de la Consejería de Salud y Asuntos Sociales de la Junta de Comunidades de Castilla-La Mancha (l-Uffiċċju Lokali tal-Ministeru reġjonali għas-Saħħa u l-Affarijiet Soċjali tal-Gvern ta’ Castilla-La Mancha) ikkonstata li C. Ruiz Conejero kien sofra minn diżabbiltà. Ir-rata ta’ invalidità tiegħu kienet dik ta’ 37 %, li minnha 32 % kienet diżabbiltà fiżika ikkaratterizzata minn marda li tolqot is-sistema endokrino-metabolika (obeżità) u minn limitazzjoni funzjonali tas-sinsla tad-dahru, filwaqt li r-rimanenti 5 % jikkostitwixxu d-diżabbiltà tiegħu li tirriżulta minn fatturi soċjali annessi. |
15 |
Bejn is-sena 2014 u s-sena 2015, C. Ruiz Conejero sab ruħu f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità fis-segwenti perijodi:
|
16 |
Skont id-dijanjożi magħmula mis-Servicios Médicos de la Sanidad Pública (dipartimenti mediċi tas-saħħa pubblika, Spanja), dawn il-problemi tas-saħħa ġew ikkawżati minn mard tal-ġogi deġenerattiv u l-polijartrożi, aggravat bl-obeżità ta’ C. Ruiz Conejero. Minn dan dawn id-dipartimenti kkonkludew li l-imsemmija problemi kienu joriġinaw mill-patoloġiji li wasslu għar-rikonoxximent tad-diżabbiltà ta’ C. Ruiz Conejero. |
17 |
Dan tal-aħħar avvża lill persuna li timpjegah bil- waqfiet kollha tiegħu minħabba l-mard imsemmija fil-punt 15 tas-sentenza odjerna b’osservanza tat-termini u l-forom rikjesti, permezz ta’ ċertifikati mediċi li jispeċifikaw ir-raġuni għal dawn il-waqfiet kif ukoll it-tul tagħhom. |
18 |
Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 2015, Ferroser Servicios Auxiliares informat lil C. Ruiz Conejero bit-tkeċċija tiegħu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema, peress li t-tul tal-assenzi akkumulati tiegħu, anki jekk iġġustfikati, kienu eċċedew il-massimu previst minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri 20 % tal-jiem ta’ xogħol matul ix-xhur ta’ Marzu u ta’ April 2015, u għaldaqstant li t-total tal-assenzi ta’ dan tal-aħħar matul it-tnax-il xahar preċedenti kienu eċċedew il-5 % ta’ jiem ta’ xogħol. |
19 |
C. Ruiz Conejero ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija quddiem il-Juzgado de lo Social no 1 de Cuenca (il-Qorti Industrijali Nru 1 ta’ Cuenca). |
20 |
C. Ruiz Conejero ma jikkontestax il-veraċità u l-eżattezza tal-informazzjoni marbuta mal-assenzi tiegħu, u lanqas il-perċentwali li dawn jirrappreżentaw, iżda jeċepixxi l-fatt li teżisti rabta diretta bejn l-imsemmija assenzi u s-sitwazzjoni tiegħu ta’ persuna b’diżabbiltà. Huwa jitlob l-annullament tat-tkeċċija tiegħu peress li din tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà. |
21 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li C. Ruiz Conejero rrinunzja minn jeddu għall-eżamijiet mediċi perjodiċi organizzati mill-kumpannija tal-assigurazzjoni tal-persuna li tħaddmu, b’tali mod li din tal-aħħar ma kinitx taf li C. Ruiz Conejero kien isofri minn diżabbiltà fid-data li fiha huwa tkeċċa. |
22 |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-impjegati b’diżabbiltà, meta mqabbla ma’ impjegati oħra, huma iktar esposti għar-riskju li jiġi applikat fil-konfront tagħhom l-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema, irrispettivament mill-fatt dwar jekk il-persuna li tħaddimhom tkunx konxja jew le minn din is-sitwazzjoni ta’ diżabbiltà. B’hekk kienet teżisti inugwaljanza fit-trattament li tinvolvi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, u din l-inugwaljanza fit-trattament ma tistax tiġi oġġettivament iġġustfikata minn għan leġittimu, kif rikjest mill-punt i) ta’ din id-dispożizzjoni. |
23 |
Il-Qorti tar-rinviju tindika li hija tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78 minħabba l-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar li l-Qorti tal-Ġustizzja tat fis-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C-335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222). Hija tenfasizza li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni Daniża kienet taqa’ taħt politika ta’ integrazzjoni tal-impjegati b’diżabbiltà u kellha l-għan li tħeġġeġ lill-persuni li jħaddmu sabiex jirreklutaw impjegati li jkunu suġġetti għal riskju partikolari li jkollhom jieħdu leave tal-mard b’mod ripetut. Dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali, li fiha ma jeżisti l-ebda għan oġġettiv leġiżlattiv għall-integrazzjoni ta’ impjegati b’diżabbiltà. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema ma huwiex konformi mad-Direttiva 2000/78, u li din id-dispożizzjoni kellha, konsegwentement, tinbidel sabiex tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ diżabbiltà. |
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social no 1 de Cuenca (il-Qorti Industrijali Nru 1 ta’ Cuenca, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “Id-Direttiva 2000/78 tipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-impriża għandha d-dritt tkeċċi lil ħaddiem għal raġunijiet oġġettivi, minħabba nuqqas[ijiet] ta’ preżenza fil-post tax-xogħol, anki jekk ġustifikati, iżda [intermittenti], li jammonta[w] għal 20 % tal-ġranet ta’ xogħol f’xahrejn konsekuttivi meta t-total tan-nuqqasijiet ta’ preżenza fit-tnax-il xahar preċedenti jammonta għal 5 % tal-ġranet tax-xogħol, jew għal 25 % f’erba’ xhur mhux konsekuttivi fuq perijodu ta’ tnax-il xahar, fil-każ ta’ ħaddiem li għandu jitqies li huwa diżabbli fis-sens tad-Direttiva meta l-assenza mix-xogħol tkun ġiet ikkawżata mid-diżabbiltà?” |
Fuq id-domanda preliminari
25 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna li tħaddem tista’ tkeċċi impjegat fuq il-bażi ta’ assenzi intermittenti mix-xogħol anki jekk dawn ikunu ġġustifikati, inkluż fis-sitwazzjoni li fiha l-assenzi jkunu kkaġunati minn mard imputabbli għad-diżabbiltà li jkun ibati minnha dan l-impjegat. |
26 |
Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78, fid-dawl tas-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C-335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222), u, għaldaqstant, fuq il-konformità tal-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema mad-dritt tal-Unjoni. |
27 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda, f’dak li jikkonċerna l-impjieg u x-xogħol, kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet previsti f’dan l-artikolu, li fosthom hemm id-diżabbiltà. Konformement mal-Artikolu 3(1)(ċ) tagħha, din id-direttiva tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni, għall-persuni kollha, kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għas-settur privat, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija. |
28 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal limitazzjoni fil-kapaċità, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi durabbli, li flimkien ma’ diversi ostakli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali b’mod ugwali bħall-ħaddiema l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C-406/15, EU:C:2017:198, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
F’dan ir-rigward, fil-każ li, f’ċirkustanzi partikolari, l-istat tal-obeżità ta’ impjegat partikolari jwassal għal limitazzjoni tal-kapaċità bħal dik prevista fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, tali stat jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, FOA, C-354/13, EU:C:2014:2463, punt 59). |
30 |
Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, jekk l-obeżità tal-persuna impjegata tkun tostakola l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tiegħu fil-ħajja professjonali b’mod ugwali bħall-ħaddiema l-oħra minħabba mobilità mnaqqsa jew il-preżenza, f’din il-persuna, ta’ patoloġiji li jostakolaw it-twettiq tax-xagħol tagħha jew li jwasslu għal ostakolu fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, FOA, C-354/13, EU:C:2014:2463, punt 60). |
31 |
Fil-każ odjern, il-qorti tar-rinviju tindika li C. Ruiz Conejero ġie rikonoxxut bħala persuna b’diżabbiltà, fis-sens tad-dritt nazzjonali, qabel it-tkeċċija tiegħu. F’dan ir-rigward, l-istess qorti tesponi li C. Ruiz Conejero jsofri minn marda li tolqot is-sistema endokrino-metabolika, jiġifieri obeżità, u minn limitazzjoni funzjonali tas-sinsla tad-dahru. |
32 |
Madankollu, jeħtieġ li jiġi speċifikat li l-fatt li C. Ruiz Conejero ġie rrikonoxxut bħala persuna b’diżabbiltà, fis-sens tad-dritt nazzjonali, ma jfissirx dritt li huwa jsofri minn diżabbiltà fis-sens tad-Direttiva 2000/78. |
33 |
F’dan ir-rigward, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fil-kawża prinċipali, is-sitwazzjoni li jinsab fiha C. Ruiz Conejero taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-limitazzjoni tal-kapaċità ta’ dan tal-aħħar għandhiex tiġi kklassifikata bħala diżabbiltà, fis-sens ta’ din id-direttiva, skont kif dan ġie ddefinit fil-punt 28 tas-sentenza odjerna. |
34 |
Sussegwentement, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, il-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jinftiehem bħala “li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1”. |
35 |
F’dan il-każ, l-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema jistabbilixxi li kuntratt ta’ impjieg jista’ jiġi rexiss għar-raġuni bbażata fuq assenzi intermittenti mix-xogħol, anki jekk dawn ikunu ġġustifikati, li jkunu jirrappreżentaw 20 % tal-jiem ta’ xogħol matul xahrejn konsekuttivi, meta t-total tal-assenzi matul it-tnax-il xahar preċedenti jammonta għal 5 % tal-jiem tax-xogħol jew 25 % matul erba’ xhur mhux konsekuttivi fuq perijodu ta’ tnax-il xahar. |
36 |
Jeħtieġ li jitfakkar li trattament żvantaġġuż ibbażat fuq diżabbiltà ma jmurx kontra l-protezzjoni prevista fid-Direttiva 2000/78 sa fejn din tikkostitwixxi diskriminazzjoni skont l-Artikolu 2(1) tagħha. Fil-fatt, il-ħaddiem b’diżabbiltà li huwa kopert minn din id-direttiva għandu jkun protett minn kull diskriminazzjoni b’paragun ma’ ħaddiem li ma għandux diżabbiltà. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħetx tipproduċi diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark, C-335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222, punt 71). |
37 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema japplika b’mod identiku għall-persuni b’diżabbiltà u għall persuni mhux b’diżabbiltà li jkunu assenti mix-xogħol. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li din id-dispożizzjoni toħloq inugwaljanza fit-trattament direttament ibbażata fuq id-diżabbiltà, fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, sa fejn din hija bbażata fuq kriterju li ma huwiex marbut inseparabbilment mad-diżabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark, C-335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222, punti 72 u 74, kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C-406/15, EU:C:2017:198, punt 42). |
38 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema jistax iwassal għal differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq id-diżabbiltà, għandu jiġi rrilevat li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-jiem ta’ assenza minħabba mard marbut mad-diżabbiltà fil-kalkolu tal-jiem ta’ assenza minħabba mard iwassal għall-assimilazzjoni ta’ marda marbuta ma’ diżabbiltà mal-kunċett ġenerali tal-mard. Issa, kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 44 tas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas (C-13/05, EU:C:2006:456), assimilazzjoni pura u sempliċi tal-kunċett ta’ “diżabbiltà” ma’ dak ta’ “mard” hija eskluża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222, punt 75). |
39 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li impjegat b’diżabbiltà, meta mqabbel ma’ impjegat mingħajr diżabbiltà, huwa iktar espost għar-riskju li jiġi applikat fil-konfront tiegħu l-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema. Fil-fatt, b’paragun ma’ ħaddiem mingħajr diżabbiltà, ħaddiem b’diżabbiltà huwa espost għal riskju addizzjonali ta’ marda marbuta mad-diżabbiltà tiegħu. B’dan il-mod huwa espost għal riskju ikbar li jakkumula l-jiem ta’ assenza minħabba mard u, għaldaqstant, li jilħaq il-limiti previsti fl-Artikolu 5(2)(d) tal-istatut tal-ħaddiema. Jidher għalhekk li r-regola prevista f’din id-dispożizzjoni tista’ tiżvantaġġa lill-ħaddiema b’diżabbiltà u għalhekk twassal għal differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq id-diżabbiltà fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark, C-335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 76). |
40 |
Konformement mal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-inugwaljanza fit-trattament bejn l-impjegati b’diżabbiltà u l-impjegati mhux b’diżabbiltà li tirriżulta mill-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema hijiex oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu, jekk il-mezzi implementati sabiex jitwettaq dan l-għan humiex adegwati u jekk jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit mil-leġiżlatur Spanjol. |
41 |
Fir-rigward tal-għan previst fl-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema, il-gvern Spanjol jindika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, bil-ħsieb li tiżdied il-produttività u l-effikaċja fix-xogħol, l-assenteiżmu mix-xogħol, li jammanifesta ruħu f’leave tal-mard intermittenti ta’ tul qasir, ilu żmien twil jitqies mil-leġiżlatur Spanjol bħala kawża tal-estinsjoni tar-relazzjoni lavorattiva, u dan sabiex tiġi evitata żieda indebita tal-ispiża tax-xogħol għall-impriżi. |
42 |
F’dan ir-rigward, skont il-Gvern Spanjol, b’konsegwenza ta’ din l-excesiva morbilidad intermitente (morbidità intermittenti eċċessiva), l-impriżi jkollhom jerfgħu mhux biss l-ispejjeż diretti tal-assenza mix-xogħol, bil-ħlas ta’ allowance tas-sigurtà soċjali għall-inkapaċità temporanja matul l-ewwel ħmistax-il jum ta’ inattività mingħajr il-possibbiltà li titlob ir-rimbors tagħha mit-teżorerija ġenerali tas-sigurtà soċjali, li magħhom jiżdied l-ispejjeż ta’ sostituzzjoni, iżda wkoll l-ispiża indiretta, ikkostitwita mid-diffikultà partikolari sabiex jinstabu supplenti għal assenzi ta’ żmien qasir. |
43 |
Għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss tat-tfittxija ta’ għan partikolari fost għanijiet oħra fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li kapaċi jilħquh (sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark, C-335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
F’dan il-każ, hemm lok li jitqies li l-ġlieda kontra l-assenteiżmu mix-xogħol tista’ titqies bħala għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(i), tad-Direttiva 2000/78, peress li din hija miżura li taqa’ taħt il-politika tal-impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark, C-335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222, punt 82). |
45 |
Madankollu, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-mezzi implementati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jitwettaq dan l-għan humiex adegwati u jekk dawn jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. |
46 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, fl-eżami tan-natura adegwata tal-mezzi implementati, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-figuri previsti fl-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema humiex effettivament iddiżinjati sabiex jindirizzaw l-għan li jikkonsisti fil-ġlieda kontra l-assenteiżmu mix-xogħol, mingħajr ma jkopru assenzi li huma sempliċiment okkażjonali u sporadiċi. |
47 |
Il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi l-l-oħra kollha li huma rilevanti għal din il-verifika, b’mod partikolari l-ispejjeż diretti u indiretti li għandhom jiġu sostnuti mill-impriżi minħabba l-assenteiżmu mix-xogħol. |
48 |
Huwa wkoll kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk l-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema, billi jipprovdi għad-dritt ta’ tkeċċija tal-impjegati li jkunu assenti mix-xogħol b’mod intermittenti minħabba mard matul ċertu numru ta’ jiem, għandux, fir-rigward tal-persuni li jħaddmu, effett li jinkoraġġixxi r-reklutaġġ jew iż-żamma fis-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark, C-335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222, punt 88). |
49 |
Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi eżaminat jekk il-mezzi previsti fl-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema jeċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti, din id-dispożizzjoni għandha tiġi sostitwita fil-kuntest li fih hija tinsab u li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dannu li hija tista’ toħloq lill-persuni intiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C-335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-leġiżlatur Spanjol naqasx milli jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti li jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-impjegati b’diżabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C-335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222, punt 90). |
51 |
Fl-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tal-mezzi previsti mill-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema, jeħtieġ ukoll li ma jitħalliex barra r-riskju sostnut mill-persuna milquta minn diżabbiltà, li b’mod ġenerali jiffaċċjaw iktar diffikultajiet mill-impjegati li ma humiex hekk milquta minn diżabbiltà sabiex jirrintegraw fis-suq tax-xogħol u għandhom bżonnijiet speċifiċi marbuta mal-protezzjoni li jirrikjedi l-istat tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C-335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222, punt 91). |
52 |
Issa, f’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema, ma humiex meqjusa bħala assenzi intermittenti mix-xogħol li abbażi tagħhom jista’ jiġi xolt il-kuntratt ta’ xogħol, b’mod partikolari, il-leave tal-mard jew minħabba inċidenti li ma jirriżultawx mix-xogħol meta l-leave ikun ingħata mid-dipartimenti tas-saħħa offiċjali u jkun għal perijodu li ma jeċċedix għoxrin jum konsekuttiv. Lanqas ma huma meqjusa bħala assenzi dawk li jkunu konsegwenza ta’ trattament mediku ta’ kanċer jew ta’ mard gravi. |
53 |
Skont il-Gvern Spanjol, il-leġiżlatur nazzjonali b’hekk kellu l-intenzjoni li jżomm bilanċ bejn l-interessi tal-impriżi u l-protezzjoni u s-sigurtà tal-impjegati, billi jevita li din il-miżura tipproduċi sitwazzjonijiet inġusti jew effeti kuntrarji. Din hija r-raġuni għalfejn ċerti assenzi, bħal dawk dovuti għal mard deskritt fil-punt preċedenti tas-sentenza odjerna, ma setgħux iservu bħala bażi għal deċiżjoni ta’ tkeċċija abbażi ta’ assenzi intermittenti mix-xogħol. Matul is-sena 2012, il-leġiżlatur Spanjol żied mal-lista ta’ assenzi li ma jistgħux jikkostitwixxu raġuni għal tkeċċija dawk li jirriżultaw bħala konsegwenza ta’ trattament mediku għal kanċer jew mard gravi ieħor. Issa, l-impjegati b’diżabbiltà normalment ġeneralment isibu ruħhom f’ċerti minn dawn il-każijiet, b’tali mod li, f’tali każijiet, l-assenzi imputabbli għal diżabbiltà ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ tkeċċija minħabba assenzi intermittenti mix-xogħol. |
54 |
Hemm lok li jiġi kkonstatat li, għalkemm l-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema jipprovdi li ċerti assenzi ma jistgħux jitqiesu bħala assenzi intermittenti mix-xogħol li abbażi tagħhom il-kuntratt jista’ jiġi xolt, l-assenzi mix-xogħol li huma dovuti għal mard tal-impjegat ma jkoprux is-sitwazzjonijiet kollha ta’ “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78. |
55 |
Kif irrileva l-Gvern Spanjol, fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzoni fl-evalwazzjoni msemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, hemm inkluża l-eżistenza, fl-ordinament ġuridiku Spanjol, ta’ dispożizzjonijiet maħsuba sabiex jipproteġu b’mod speċifiku il-persuni b’diżabbiltà, fosthom b’mod partikolari l-Artikolu 40 tad-digriet leġiżlattiv 1/2013, iċċitat fil-punt 11 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, tali dispożizzjonijiet jistgħu jipprevjenu jew jagħmlu tajjeb għall-iżvantaġġi li jirriżultaw mid-diżabbiltà, inkluż il-preżenza ta’ mard marbut mad-diżabbiltà. |
56 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fir-rigward tal-persuni b’diżabbiltà, jekk il-mezzi previsti fl-Artikolu 52(d) tal-istatut tal-ħaddiema jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit. |
57 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna li tħaddem tista’ tkeċċi impjegat minħabba assenzi intermittenti mix-xogħol, anki jew dawn ikunu ġġustifikati, fis-sitwazzjoni li dawn l-assenzi jkunu l-konsegwenza ta’ mard imputabbli lid-diżabbiltà li tkun tolqot lil dan l-impjegat, dment li din il-leġiżlazzjoni, filwaqt li ssegwi l-għan leġittimu tal-ġlieda kontra l-assenteiżmu, ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq dan l-għan, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l-ispejjeż
58 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna li tħaddem tista’ tkeċċi impjegat minħabba assenzi intermittenti mix-xogħol, anki jew dawn ikunu ġġustifikati, fis-sitwazzjoni li dawn l-assenzi jkunu l-konsegwenza ta’ mard imputabbli lid-diżabbiltà li tkun tolqot lil dan l-impjegat, dment li din il-leġiżlazzjoni, filwaqt li ssegwi l-għan leġittimu tal-ġlieda kontra l-assenteiżmu, ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq dan l-għan, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.