Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0217

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-9 ta’ Novembru 2017.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Dimos Zagoriou.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Efeteio Athinon.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-irkupru ta’ somom imħallsa u li jikkostitwixxu titolu eżekuttiv – Artikolu 299 TFUE – Eżekuzzjoni forzata – Miżuri ta’ eżekuzzjoni – Determinazzjoni tal-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kawżi dwar l-eżekuzzjoni – Determinazzjoni tal-persuna responsabbli għall-obbligu pekunjarju – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-modalitajiet proċedurali nazzjonali – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Prinċipju ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.
    Kawża C-217/16.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:841

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    9 ta’ Novembru 2017 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-irkupru ta’ somom imħallsa u li jikkostitwixxu titolu eżekuttiv – Artikolu 299 TFUE – Eżekuzzjoni forzata – Miżuri ta’ eżekuzzjoni – Determinazzjoni tal-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kawżi dwar l-eżekuzzjoni – Determinazzjoni tal-persuna responsabbli għall-obbligu pekunjarju – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-modalitajiet proċedurali nazzjonali – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Prinċipju ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”

    Fil-Kawża C‑217/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Efeteio Athinon (qorti tal-appell ta’Ateni, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ April 2016, fil-proċedura

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Dimos Zagoriou

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Marzu 2017,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou u M. Konstantinidis kif ukoll minn A. Katsimerou, bħala aġenti,

    għal Dimos Zagoriou, minn G. Papadopoulos, avukat,

    għall-Gvern Elleniku, minn E. Tsaousi u K. Georgiadis, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Mejju 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 299 TFUE kif ukoll r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88, tal-24 ta’ Ġunju 1988, dwar il-missjonijiet tal-fondi strutturali, l-effikaċja tagħhom kif ukoll il-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet tagħhom bejniethom u ma’ dawk tal-Bank Ewropew għall-Investiment u strumenti finanzjarji eżistenti oħrajn (ĠU 1988 L 185, p. 9), tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni bejn l-operazzjonijiet tal-fondi strutturali differenti, minn naħa, u bejn dawn u dawk tal-Bank Ewropew għall-Investiment u strumenti finanzjarji oħrajn, min-naħa l-oħra, (ĠU 1988, L 374, p. 1) u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4256/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), Taqsima “Gwida” (ĠU 1988, L 374, p. 25).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Kummissjoni Ewropea u Dimos Zagoriou (komun ta’ Zagori, il-Greċja), dwar irkupru, skont deċizjoni tagħha dwar ħlas lura ta’ somom preċedentement imħallsa u li jikkostitwixxxu titolu eżekuttiv, konformement mal-Artikolu 299 TFUE, ta’ parti mill-għajnuna mogħtija mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG).

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 jipprovdi:

    “1.   Jekk it-twettiq ta’ azzjoni jew ta’ miżura jkun jidher li jiġġustifika biss parti mill-għajnuna finanzjarja, kollha jew parti minnha, mogħtija lilu, il-Kummissjoni għandha tagħmel eżami xieraq tal-każ fil-kuntest tal-kooperazzjoni, billi titlob b’mod partikolari lill-Istat Membru jew lill-awtoritajiet magħżula minnu għall-implementazzjoni tal-azzjoni, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu stabbilit.

    2.   Wara dik l-eżaminazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas jew tissospendi l-għajnuna għall-azzjoni jew għall-miżura kkonċernata jekk l-eżaminazzjoni tikkonferma l-eżistenza ta’ irregolarità jew bidla sostanzjali li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet tal-implementazzjoni tal-azzjoni jew tal-miżura u li għaliha ma tkunx intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

    3.   Kull somma li tkun ġiet imħallsa indebitament għandha titħallas lura lill-Kummissjoni. Is-somom mhux irkuprati jistgħu jiġu miżjuda b’interessi moratorji […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    4

    Permezz tad-Deċiżjoni C(2006) 4798, tal-4 ta’ Ottubru 2006, li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv konformement mal-Artikolu 299 TFUE, il-Kummissjoni stabbilixxiet is-somma ta’ EUR 284 739.20 bħala dik dovuta lilha minn Dimotiki Epicheirisi Touristikis Anaptyxis tou Dimou Aristis Zagoriou Ioanninon (impriża muniċipali għall-iżvilupp turistiku tal-komun ta’ Aristi Zagoriou Ioanninon, il-Greċja). Din id-deċiżjoni kienet dwar l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija lil din tal-aħħar matul is-sena 1993.

    5

    Peress li din l-impriża muniċipali kienet tqiegħdet fi stralċ, il-Kummissjoni nnotifikat lill-komun ta’ Kentriko Zagori (il-Greċja), li fil-frattemp kien assorba lill-komun ta’ Aristi Zagori Ioanninon u, sussegwentement, ġie ssurrogat fid-drittijiet u l-obbligi ta’ dan tal-aħħar, b’ordni għal ħlas tal-31 ta’ Awwissu 2008, imbagħad, b’att tas-7 ta’ Ottubru 2008, innotifikat lill-komun ta’ Kentriko Zagori fil-15 ta’ Ottubru 2008, eżegwixxiet, għal EUR 322 213.54, sekwestru tal-kontijiet bankarji tal-komun ta’ Kentriko Zagori f’istituzzjoni bankarja. Dan tal-aħħar, ineżekuzzjoni tal-mandat ta’ sekwestru, ħallas dan l-ammont kollu lill-Kummissjoni.

    6

    Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fit-23 ta’ Ottubru 2008, il-komun ta’ Kentriko Zagori (il-Greċja) li minfloku l-komun ta’ Zagori qed ikompli l-proċedura prinċipali fil-kwalità tiegħu ta’ suċċessur universali, ippreżenta, quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (qorti tal-ewwel istanza b’imħallef uniku ta’ Ateni, il-Greċja), oppożizzjoni għall-ordni għal ħlas li kienet ġiet innotifikata lilu abbażi ta’ din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

    7

    Il-komun ta’ Kentriko Zagori talab ukoll, fil-kuntest tal-istess proċedura, l-annullament tal-mandat ta’ sekwestru.

    8

    Insostenn tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent invoka, minn naħa, il-fatt li ma kellu l-ebda leġitimazzjoni passiva u, konsegwentement, ma setax ikun is-suġġett ta’ tali miżura ta’ eżekuzzjoni u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-ammont ikkontestat jikkonċerna dħul li ma setax jiġi ssekwestrat.

    9

    Permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Mejju 2013, il-Monomeles Protodikeio Athinon (qorti tal-ewwel istanza b’imħallef uniku ta’ Ateni, il-Greċja), wara li ddikjarat li kellha ġurisdizzjoni li tisma’ l-kawża minħabba n-natura privata tagħha, laqgħet parzjalment it-talbiet tar-rikorrent billi annullat l-imsemmi mandat ta’ sekwestru, minħabba l-assenza ta’ leġitimazzjoni passiva tal-komun ta’ Kentriko Zagori.

    10

    Il-Kummissjoni appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, billi qieset, b’mod partikolari, li l-qorti tal-ewwel istanza kienet interpretat id-dritt tal-Unjoni b’mod żbaljat. Din l-istituzzjoni tqis essenzjalment li din il-qorti tal-ewwel istanza ma kellhiex il-ġurisdizzjoni li tisma’ l-kawża prinċipali, peress li kienet ta’ natura amministrattiva u kienet taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-qrati amministrattivi. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-eżekuzzjoni għandha ssir fil-konfront tal-komuni ta’ Zagori.

    11

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Efeteio Athinon (qorti tal-appell ta’ Ateni, il-Greċja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    X’inhi n-natura tal-atti tal-[Kummissjoni] fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha stabbiliti fir-Regolamenti 2052/88, 4253/1988 u 4256/1988 u, b’mod iktar speċifiku, tali atti tal-Kummissjoni huma atti tad-dritt pubbliku u jagħtu lok, fi kwalunkwe każ, għal tilwimiet amministrattivi fuq il-mertu, b’mod partikolari jekk l-oġġett tas-sekwestru mill-[Kummissjoni] ta’ assi miżmuma minn terzi huwa kreditu privat, filwaqt li t-talba inizjali li għas-sodisfazzjon tagħha ssir il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata toriġina minn relazzjoni ġuridika ta’ dritt pubbliku, li tirriżulta mill-atti msemmija iktar ’il fuq tal-[Kummissjoni], jew huma atti ta’ dritt privat li joħolqu tilwimiet ta’ natura privata?

    2)

    Fid-dawl tal-Artikolu 299 TFUE, li skontu l-eżekuzzjoni forzata ta’ atti tal-[Kummissjoni] li jimponu obbligi pekunjarji fuq persuni li ma humiex l-Istati Membri hija rregolata mir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat li fit-territorju tiegħu tkun qed titwettaq l-eżekuzzjoni forzata u fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, li skontu l-istħarriġ tar-regolarità tal-miżuri eżekuttivi għandu jaqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali, kif inhi ddeterminata l-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali f’tilwimiet li joriġinaw minn tali eżekuzzjoni, meta skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dawn it-tilwimiet jikkostitwixxu kwistjonijiet amministrattivi fuq il-mertu, jiġifieri fejn ir-relazzjoni msemmija hija ta’ dritt pubbliku?

    3)

    Fil-każ ta’ eżekuzzjoni forzata ta’ atti tal-[Kummissjoni] adottati b’eżekuzzjoni tar-Regolamenti 2052/88, 4253/1988 u 4256/1988 u li jimponu obbligi pekunjarji fuq persuni li ma humiex l-Istati Membri, il-leġittimazzjoni passiva tad-debitur hija ddeterminata abbażi tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni?

    4)

    Meta l-persuna obbligata li twettaq obbligu pekunjarju li jirriżulta mill-att tal-[Kummissjoni] adottat għall-implementazzjoni tar-Regolamenti 2052/88, 4253/1988 u 4258/1988 tkun impriża komunali li sussegwentement tiġi xolta, il-komun li din il-kumpannija tappartjeni għalih huwa responsabbli għat-twettiq finanzjarju tal-obbligu pekunjarju inkwistjoni fil-konfront tal-[Kummissjoni] skont ir-regolamenti ċċitati iktar ’il fuq?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

    12

    Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 299 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li dan l-artikolu jiddetermina l-għażla tal-organu ġudizzjarju nazzjonali li għandu l-ġurisdizzjoni jisma’ kawżi marbuta mal-eżekuzzjoni forzata ta’ atti tal-Kummissjoni li jinkludu l-impożizzjoni fuq persuni minbarra l-Istati, ta’ obbligu pekunjarju li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv, konformement mal-imsemmi artikolu.

    13

    F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE jirriżulta, li l-atti, b’mod partikolari tal-Kummissjoni, li jimponu obbligu pekunjarju fuq persuni, minbarra Stati, jikkostitwixxu titolu eżekuttiv.

    14

    Minkejja li huwa veru li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE jispeċifika li l-eżekuzzjoni forzata hija rregolata mir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat li fit-territorju tiegħu seħħet, ir-riferiment għar-regoli tal-proċedura ċivili għandu jinftiehem bħala riferiment għar-regoli nazzjonali li jirregolaw l-eżekuzzjoni forzata. Fil-fatt, huwa previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE li, ladarba tkun ġiet segwita l-formola eżekuttiva, l-eżekuzzjoni forzata tal-persuna kkonċernata ssir skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, u, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE, l-istħarriġ tar-regolarità tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali.

    15

    Kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 299 TFUE jirriżulta li dan ma jinkludi ebda dispożizzjoni espressa li tiddetermina, fid-dritt nazzjonali, l-għażla tal-organu ġudizzjarju li għandu l-ġurisdizzjoni jisma’ kawżi marbuta mal-eżekuzzjoni forzata ta’ atti tal-Kummissjoni li jinkludu obbligu pekunjarju u li jikkostitwixxu titolu eżekuttiv.

    16

    Għaldaqstant, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull wieħed mill-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, li għandu jipproċedi b’tali determinazzjoni u li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni u dan huwa partikolarment il-każ jekk din l-applikazzjoni tirrendi prattikament impossibbli l-irkupru tal-fondi mogħtija irregolarment. L-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali għandha ssir ukoll b’mod nondiskriminatorju meta mqabbla mal-proċeduri intizi sabiex jiġu deċiżi kwistjonijiet nazzjonali tal-istess tip u l-qrati nazzjonali għandhom jipproċedu, f’dan ir-rigward, bl-istess diliġenza u skont modalitajiet li ma jirrendux iktar diffiċli l-irkupru tas-somom inkwistjoni meta mqabbla ma’ każijiet paragunabbli li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali korrispondenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening et, C‑383/06 sa C‑385/06, EU:C:2008:165, punti 48 u 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    17

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-dritt tal-Unjoni jimponi li l-qrati tal-istess ordinament ġuridiku għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni jisimgħu kemm kawżi dwar l-irkupru ta’ għajnuna mħallsa indebitament minn riżorsi nazzjonali kif ukoll dawk relatati mal-irkupru ta’ għajnuna mħallsa indebitament minn riżorsi tal-Unjoni Ewropea.

    18

    F’dan ir-rigward, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 16 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-kawżi relatati mal-eżekuzzjoni forzata tal-atti ta’ awtorità pubblika nazzjonali u dawk relatati mal-eżekuzzjoni forzata ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 299 TFUE għandhom jirċievu trattament ugwali.

    19

    Għal dan il-għan, minn naħa, għandhom jiġu identifikati l-proċeduri jew il-kawżi paragunabbli u, min-naħa l-oħra għandu jiġi ddeterminat jekk il-kawżi relatati mal-eżekuzzjoni forzata ta’ att imsemmija fl-Artikolu 299 TFUE humiex ittrattati b’mod inqas favorevoli meta mqabbla mal-kawżi paragunabbli, relatati mal-eżekuzzjoni forzata ta’ att ta’ awtorità pubblika nazzjonali.

    20

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-paragunabbiltà tal-kawżi, hija l-qorti nazzjonali, li għandha għarfien dirett tal-modalitajiet proċedurali applikabbli, li għandha tivverifika x-xebh tal-kawżi kkonċernati mill-perspettiva tas-suġġett tagħhom, tal-iskop tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    21

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-trattament simili tal-kawżi, għandu jitfakkar li f’kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali dwar il-kawżi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni hijiex inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw kawżi simili ta’ natura interna li dan għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem il-varji istanzi nazzjonali (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1998, Levez, C‑326/96, EU:C:1998:577, punt 44 u l-gurisprudenza ċċitata).

    22

    Għalhekk, il-qorti nazzjonali għandha teżamina jekk ir-regoli tal-proċedura applikabbli għar-rikorsi relatati mal-eżekuzzjoni forzata ta’ att imsemmi fl-Artikolu 229 TFUE humiex inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dawk applikabbli għall-kawżi relatati mal-eżekuzzjoni forzata ta’ att ta’ awtorità pubblika nazzjonali. Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni jiġi miksur jekk l-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal kwistjonjiet simili jwasslu għal trattament inqas favorevoli tal-kawżi relatati mal-eżekuzzjoni forzata ta’ att imsemmi fl-Artikolu 299 TFUE.

    23

    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li regola proċedurali li biha kawżi simili jiġu deċiżi minn organi ġudizzjarji nazzjonali differenti, skont jekk dawn il-kwistjonijiet ikunux ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt nazzjonali, ma tikkostitwixxix neċessarjament modalità proċedurali li tista’ tiġi klassifikata bħala sfavorevoli (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Baczó u Vizsnyiczai, C‑567/13, EU:C:2015:88, punt 46).

    24

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li, minn naħa, ma tressaq l-ebda lment li l-kawżi mressqa b’mod partikolari quddiem il-qrati ċivili huma inqas favorevoli għall-Kummissjoni minn dawk imressqa quddiem qrati amministrattivi, u min-naħa l-oħra, li l-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma fih l-ebda prova f’dan is-sens. Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha tipproċedi b’eżami ta’ ksur eventwali, f’dan il-każ, tal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

    25

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domandi li l-Artikolu 299 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan l-artikolu ma jiddeterminax l-għażla tal-organu ġudizzjarju nazzjonali li għandu ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kawżi marbuta mal-eżekuzzjoni forzata ta’ atti tal-Kummissjoni li jinkludu, impożizzjoni fuq persuni minbarra l-Istati, ta’ obbligu pekunjarju li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv, konformement mal-imsemmi artikolu, peress li din id-determinazzjoni taqa’ taħt id-dritt nazzjonali skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, dment li din id-determinazzjoni ma tippreġudikax l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni.

    26

    Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk l-applikazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali għall-kawżi relatati mal-eżekuzzjoni forzata ta’ att imsemmija fl-Artikolu 299 TFUE ssirx b’mod nondiskriminatorju meta mqabbla mal-proċeduri intiżi għad-determinazzjoni tal-kawżi nazzjonali tal-istess tip skont modalitajiet li ma jirrendux iktar diffiċili l-irkupru ta’ somom imħallsa koperti minn dawn l-atti meta mqabbla ma’ każijiet paragunabbli li jikkonċernaw l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali korrispondenti.

    Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

    27

    Permezz tat-tielet u r-raba’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 299 TFUE kif ukoll ir-Regolamenti Nri 2052/88, 4253/1988 u 4256/1988 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jiddeterminaw, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-persuni li kontrihom tista’ ssir l-eżekuzzjoni forzata skont deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħlas lura ta’ somom imħallsa u li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv.

    28

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, mill-kliem tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE, l-atti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Kummissjoni jew tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponu obbligu pekunjarju fuq persuni, minbarra Stati, jikkostitwixxu titolu eżekuttiv.

    29

    Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li dawn l-atti jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata kontra l-persuni, minbarra l-Istati, previsti minnhom.

    30

    Fir-rigward tar-regoli nazzjonali relatati mal-eżekuzzjoni forzata, jirriżulta wkoll mit-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 299 TFUE, li dawn ir-regoli jirregolaw il-modalitajiet tal-eżekuzzjoni forzata u mhux l-identità tal-persuna li tista’ tkun ikkonċernata minn din l-eżekuzzjoni.

    31

    Għaldaqstant, fl-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni li jispeċifikaw l-imsemmija persuni u jippermettu li jiġi determinat jekk l-eżekuzzjoni tistax issir kontra persuna oħra minbarra d-destinatarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-persuni li kontrihom tista’ ssir l-eżekuzzjoni forzata, bil-kundizzjoni madankollu li r-regoli nazzjonali ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Baczó u Vizsnyiczai, C‑567/13, EU:C:2015:88, punti 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Huwa fuq din il-bażi li l-qorti tar-rinviju għandha, fil-każ ta’ għajbien tal-persuna msemmija minn deċiżjoni li tinvolvi obbligu pekunjarju, tiddetermina dawk il-persuni.

    33

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li r-regoli ta’ suċċessjoni nazzjonali rilevanti jeskludu totalment jew jirrendu eċċessivament diffiċli l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 299 TFUE fir-rigward ta’ kategorija ta’ debituri tal-Unjoni, u, fi kwalunkwe każ, jirrendu iktar diffiċili r-rimbors tad-djun tal-Unjoni minn dak tad-djun analogi tal-Istat Grieg. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, dawn ir-regoli jippermettu awtorità pubblika, li tikkontrolla kumpannija li tkun irċeviet indebitament għajnuna mill-Unjoni, li tpoġġi lil dik il-kumpannija fi stralċ u essenzjalment li tieħu l-assi kollha tagħha, inkluża din l-għajnuna, filwaqt li jkollha s-setgħa diskrezzjonali li tirrinunzja kull dejn tagħha. Għaldaqstant, fil-kawża prinċipali, il-komun ta’ Zagori wiret djun tal-komun ta’ Kentriko Zagori Ioanninon lejn l-Istat Grieg u l-korpi ta’ sigurtà soċjali, iżda mhux minn dawk lejn l-Unjoni.

    34

    Madankollu, it-tielet u r-raba’ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma jirrigwardawx il-konformità, mad-dritt tal-Unjoni, tar-regoli ta’ dritt nazzjonali relatati mas-suċċessjoni ta’ impriża muniċipali stralċjata. Barra minn hekk, id-digriet tar-rinviju ma fihx kuntest legali rilevanti dwar ir-regoli ta’ suċċessjoni fid-dritt nazzjonali u għalhekk ma jippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja li tassisti lill-qorti tar-rinviju fir-riżoluzzjoni tal-kawża konkreta pendenti quddiemha.

    35

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tielet u r-raba’ domandi li l-Artikolu 299 TFUE u r-Regolamenti Nri 2052/1988, 4253/1988 u 4256/1988 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jiddeterminawx, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-persuni li kontrihom tista’ ssir l-eżekuzzjoni forzata skont deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħlas lura ta’ somom imħallsa u li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv. Huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina dawn il-persuni, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    Fuq l-ispejjeż

    36

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 299 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan l-artikolu ma jiddeterminax l-għażla tal-organu ġudizzjarju nazzjonali li għandu l-ġurisdizzjoni jisma’ kawżi marbuta mal-eżekuzzjoni forzata ta’ atti tal-Kummissjoni Ewropea li jinkludu, l-impożizzjoni fuq persuni minbarra l-Istati, ta’ obbligu pekunjarju li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv, konformement mal-imsemmi artikolu, peress li din id-determinazzjoni taqa’ taħt id-dritt nazzjonali skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, dment li din id-determinazzjoni ma tippreġudikax l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni.

    Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, jekk l-applikazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali għall-kawżi relatati mal-eżekuzzjoni forzata ta’ att imsemmi fl-Artikolu 299 TFUE ssirx b’mod nondiskriminatorju meta mqabbla mal-proċeduri intiżi għad-determinazzjoni tal-kawżi nazzjonali tal-istess tip skont modalitajiet li ma jirrendux iktar diffiċili l-irkupru ta’ somom imħallsa koperti minn dawn l-atti meta mqabbla ma’ każijiet paragunabbli li jikkonċernaw l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali korrispondenti.

     

    2)

    L-Artikolu 299 TFUE kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (KEE)Nru 2052/88, tal-24 ta’ Ġunju 1988, dwar il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-fondi strutturali differenti, minn naħa waħda, bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u strumenti finanzjarji eżistenti oħrajn, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 tad-19 ta’ Diċembru 1998, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinament bejn l-attivitajiet tal-fondi strutturali differenti, minn naħa, u bejn dawn u dawk tal-Bank Ewropew għall-Investiment u strumenti finanzjarji oħrajn, min-naħa l-oħra, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4256/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), Taqsima “Gwida” għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jiddeterminawx, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-persuni li kontrihom tista’ ssir l-eżekuzzjoni forzata skont deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħlas lura ta’ somom imħallsa u li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv. Huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina dawn il-persuni, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

    Top