This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0198
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 19 October 2017.#Agriconsulting Europe SA v European Commission.#Appeal — Non-contractual liability of the European Union — Public service contract — Operational technical assistance to set up and manage a network facility for the implementation of the European Innovation Partnership ‘Agricultural Productivity and Sustainability’ — Rejection of a tenderer’s bid — Abnormally low bid — Adversarial procedure.#Case C-198/16 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2017.
Agriconsulting Europe SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni – Kuntratt pubbliku għal servizzi – Assistenza teknika operattiva bil-għan li jiġi stabbilit u ġestit mekkaniżmu ta’ netwerk għall-implementazzjoni ta’ sħubija Ewropea ta’ innovazzjoni ‘Produttività u żvilupp durabbli tal-agrikoltura’ – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Offerta anormalment baxxa – Proċedura kontradittorja.
Kawża C-198/16 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2017.
Agriconsulting Europe SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni – Kuntratt pubbliku għal servizzi – Assistenza teknika operattiva bil-għan li jiġi stabbilit u ġestit mekkaniżmu ta’ netwerk għall-implementazzjoni ta’ sħubija Ewropea ta’ innovazzjoni ‘Produttività u żvilupp durabbli tal-agrikoltura’ – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Offerta anormalment baxxa – Proċedura kontradittorja.
Kawża C-198/16 P.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:784
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
19 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )
“Appell – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni – Kuntratt pubbliku għal servizzi – Assistenza teknika operattiva bil-għan li jiġi stabbilit u ġestit mekkaniżmu ta’ netwerk għall-implementazzjoni ta’ sħubija Ewropea ta’ innovazzjoni ‘Produttività u żvilupp durabbli tal-agrikoltura’ – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Offerta anormalment baxxa – Proċedura kontradittorja”
Fil-Kawża C‑198/16 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑8 ta’ April 2016
Agriconsulting Europe SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn R. Sciaudone, avukat,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Di Paolo u F. Moro, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, E. Levits A. Borg Barthet, M. Berger, u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Agriconsulting Europe SA (iktar ’il quddiem “Agriconsulting”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat‑28 ta’ Jannar 2016, Agriconsulting Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑570/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:40), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha intiż sabiex l-Unjoni Ewropea tiġi kkundannata għall-ħlas tad-danni minħabba d-danni sofruti minnha minħabba irregolaritajiet allegatament imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tas-sejħa għal offerti “Stabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ netwerk għall-implementazzjoni ta’ sħubija Ewropea għall-innovazzjoni ‘produttività u sostenibbiltà fil-qasam agrikolu’” (AGRI‑2012‑PEI‑01). |
Il-kuntest ġuridiku
2 |
Taħt it-titolu “Offerti baxxi abnormalment”, l-Artikolu 139 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat‑23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007, tat‑23 ta’ April 2007 (ĠU 2007, L 111, p. 13) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2342/2002”) jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Jekk, għal xi appalt, l-offerti jidhru abnormalment baxxi, l-awtorità tal-kuntratti, qabel ma tirrifjuta dawn l-offerti fuq dan l-argument biss, titlob bil-miktub dettalji ta’ l-elementi li minnhom magħmula l-offerta, li hi tqis li għandhom x’jaqsmu u tivverifika dawk l-elementi kostitwenti, wara li tkun semgħet sew il-partijiet, u tqis l-ispjegazzjonijiet li tkun irċeviet. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jikkonċernaw b’mod partikolari r-rispett tad-dispożizzjonijiet għal dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-seħħ fil-post fejn is-servizz, ix-xogħol jew il-provvisti għandhom jitwettqu. […]” |
3 |
L-Artikolu 146 tar-Regolament Nru 2342/2002, intitolat “Kumitat għall-evalwazzjoni ta’ l-offerti u talbiet għall-parteċipazzjoni”, jiddisponi, fil-paragrafu 4 tiegħu: “F’każ ta’ offerti abnormalment baxxi kif imsemmijin fl-Artikolu [139], il-kumitat ta’ evalwazzjoni titlob kull tagħrif li għandu x’jaqsam ma’ kif inhi magħmula l-offerta.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
4 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 1 sa 22 tas-sentenza appellata kif ġej:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
5 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Ottubru 2013, Agriconsulting ippreżentat rikors intiż, l-ewwel nett, sabiex il-Kummissjoni tkun ordnata tikkomunikalha l-offerta tal-offerent rebbieħ VLM u, it-tieni nett, sabiex tkun ikkundannata għall-ħlas tad-danni, skont l-Artikoli 268 TFUE u 340 TFUE, għad-danni allegatament ikkawżati minn irregolaritajiet li l-Kummissjoni wettqet fil-kuntest tas-sejħa għal offerti. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fit-totalità tiegħu. |
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
6 |
Agriconsulting titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
7 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha
|
Fuq l-appell
8 |
L-appellanti tinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha. |
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
9 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, maqsum f’żewġ partijiet, Agriconsulting tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm rabta kawżali bejn l-illegalitajiet allegatament imwettqa fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-offerta tagħha fid-dawl tal-kriterji ta’ attribuzzjoni Nri 1 u 2 u t-tipi ta’ danni li bbażat ruħha fuqhom fl-appell tagħha. |
10 |
Fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, Agriconsulting targumenta li l-Qorti Ġenerali biddlet u żnaturat l-argumenti tagħha dwar ir-rabta kawżali. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali fil-punti 42 u 43 tas-sentenza appellata, fir-rikors tagħha Agriconsulting ħasbet li tiddistingwi t-tipi ta’ dannu li jikkostitwixxu t-telf tal-opportunità u l-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti mill-kwistjoni taċ-ċaħda tal-offerta tagħha. F’dan ir-rigward, mill-punt 105 tar-rikors u mill-punt 3 tar-replika fl-ewwel istanza jirriżulta b’mod ċar li t-telf tal-opportunità u l-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni jikkostitwixxu, għall-appellanti, tipi ta’ dannu li jista’ jiġi kkumpensat, indipendentement mill-kwistjoni taċ-ċertezza li jinkiseb il-kuntratt. |
11 |
Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, Agriconsulting targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punti 43 sa 45 tas-sentenza appellata, li l-illegalitajiet invokati fir-rigward tal-kriterji ta’ attribuzzjoni Nri 1 u 2 ma setgħux jagħtu lok għal kumpens sa fejn iċ-ċaħda tal-offerta tal-appellanti kienet tirriżulta mill-evalwazzjonijiet tal-kumitat ta’ evalwazzjoni dwar il-kriterju ta’ attribuzzjoni Nru 3 u n-natura anormalment baxxa ta’ din l-offerta. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali llimitat ir-rikors għad-danni għas-sitwazzjonijiet biss ta’ illegalitajiet li ċertament jinfluwenzaw l-għoti ta’ kuntratt filwaqt li, konformement mal-ġurisprudenza ta’ din il-qorti, kull irregolarità fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti li hija ta’ natura li taffettwa l-possibbiltajiet ta’ offerent li jingħata l-kuntratt inkwistjoni jagħti lok għal dritt għal kumpens. |
12 |
Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju ma huwiex fondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
13 |
Għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali l-ewwel nett iddeċidiet, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li Agriconsulting ibbażat ruħha, fir-rigward tal-irregolaritajiet dwar il-kriterji ta’ attribuzzjoni Nri 1 u 2, fuq żewġ tipi ta’ dannu, jiġifieri t-telf tal-opportunità u l-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Sussegwentement, fil-punt 42 ta’ dik is-sentenza, hija qassret l-argumenti tagħha kif ġej: “[i]r-rikorrenti ssostni li l-kundizzjoni marbuta mar-rabta kawżali hija ssodisfatta peress li l-offerta tagħha kienet ġiet ikklassifikata fl-ewwel post u li hija kellha tikseb l-għoti tal-kuntratt li kieku ma okkorriex il-ksur irrilevat”. Fl-aħħar nett, fil-punti 43 sa 46 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali wieġbet għall-argumenti mqassra b’dan il-mod billi ddeċidiet, essenzjalment, li l-illegalitajiet allegati ma kellhomx rabta kawżali diretta mat-tipi ta’ dannu li bbażat ruħha fuqhom l-appellanti. |
14 |
Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju dwar allegat tibdil mill-Qorti Ġenerali tal-argumenti ta’ Agriconsulting, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, fil-punt 102 tar-rikors, Agriconsulting kienet indikat, bħala spjega tar-rabta kawżali bejn l-illegalitajiet allegatament imwettqa fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, minn naħa, u t-telf tal-opportunità li hija sofriet, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi telf tal-opportunità kien “[i]l-konsegwenza diretta tad-deċiżjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni li jnaqqas il-punteġġ li jikkonċerna l-kriterju tal-għoti Nru 3 u li jikkunsidra l-offerta bħala anormalment baxxa”. |
15 |
Barra minn hekk, l-appellanti kienet argumentat, fil-punti 76 u 79 tar-rikors tagħha, li t-telf tal-opportunità allegat immaterjalizza bil-fatt li l-offerta tagħha kienet ġiet ikklassifikata l-ewwel u li hija kienet ġiet imċaħħda illegalment mill-għoti tal-kuntratt. |
16 |
Għaldaqstant, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma bidlitx l-argumenti tal-appellanti dwar ir-rabta kawżali bejn l-illegalitajiet invokati u t-telf tal-opportunità allegat. Għall-kuntrarju, hija ttraskriviethom mill-ġdid bħalma rriżulta mir-rikors. |
17 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mminata mill-punt 105 tar-rikors, li ma jistax jiġi invokat b’mod utli minn Agriconsulting sabiex tistabbilixxi s-sustanza tal-argumenti tagħha dwar it-telf tal-opportunità allegat. Fil-fatt, l-ispjegazzjonijiet f’dan il-punt ma jirrigwardawx dan is-suġġett manifestament, bl-appellanti tinvoka l-kundizzjonijiet previsti mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali sabiex tikseb ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti. L-imsemmi punt jinsab, barra minn hekk, fit-taqsima tar-rikors intitolata “Ir-rabta kawżali dwar id-dannu kkawżat mill-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni fis-sejħa għall-offerti inkwistjoni”. |
18 |
L-appellanti lanqas ma tista’ tuża l-ispjegazzjonijiet fil-punt 3 tar-replika fl-ewwel istanza. Fil-fatt, l-appellanti kienet ristretta li tirrepeti fiha dak li kienet ippreżentat, fil-punt 105 tar-rikors tagħha, bħala li huwa l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali dwar ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni, flimkien ma’ inċiż li jipprovdi li l-illegalitajiet allegati dwar il-kriterji ta’ attribuzzjoni Nri 1 u 2 kienu“insostenn” mhux biss ta’ dan it-tip ta’ dannu, iżda wkoll tat-telf tal-opportunità, mingħajr spjegazzjonijiet oħrajn f’dan ir-rigward. Għaldaqstant l-imsemmi punt 3 jagħti, l-iktar l-iktar, preċiżjoni fir-rigward tat-tipi ta’ dannu invokati f’relazzjoni ma’ dawn l-illegalitajiet. |
19 |
Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-argumenti ta’ Agriconsulting dwar ir-rabta kawżali bejn, minn naħa, l-illegalitajiet allegati u, min-naħa l-oħra, it-tip ta’ dannu kkostitwit mill-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti, għandu jiġi osservat li huwa essenzjalment fil-punti 112 sa 117 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni fuq ir-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż. Issa, l-appellanti ma targumentax, fl-appell tagħha, li l-allegat żnaturament jew tibdil tal-argumenti tagħha mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, ivvizzja l-analiżi fl-imsemmija punti. Għaldaqstant hija tinvoka żnaturament mingħajr ma tispjega l-konsegwenzi li hija tieħu minnu. F’dan is-sens, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija ineffettiva. |
20 |
Minn dan isegwi li l-imsemmija l-ewwel parti hija parzjalment infondata u parzjalment ineffettiva. |
21 |
Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, kif imqassar fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li, fil-punti 43 sa 45 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx, b’mod astratt u ġenerali, li illegalitajiet li jaffettwaw proċedura ta’ sejħa għal offerti, bħal dawk allegati f’dan il-każ minn Agriconsulting f’relazzjoni mal-kriterji ta’ attribuzzjoni Nri 1 u 2, qatt ma jistgħu jagħtu dritt għal kumpens għal offerent. F’dak il-każ, il-Qorti Ġenerali sempliċement evalwat in concreto jekk tali dritt għal kumpens kienx jeżisti, fid-dawl tal-argumenti ppreżentati mill-appellanti dwar ir-rabta kawżali u billi wettqet evalwazzjoni tal-fatti f’dak il-każ. |
22 |
Fil-qosor, din il-parti tqajjem dubji dwar l-evalwazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tar-rabta kawżali, liema evalwazzjoni ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament. Issa, peress li l-appellanti ma hijiex fondata targumenta li hemm żnaturament tal-argumenti tagħha għar-raġunijiet esposti fil-punti 14 sa 19 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija parti hija inammissibbli. |
23 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
24 |
Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, Agriconsulting targumenta li, fil-punti 56 sa 62 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat l-evalwazzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni u naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. |
25 |
Fil-fatt, bħalma jirriżulta mir-rapport ta’ evalwazzjoni finali, il-kumitat ta’ evalwazzjoni apprezza l-affidabbiltà tal-offerta tal-appellanti fir-rigward tal-prezz uniku propost għall-missjonijiet addizzjonali. Issa, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet dan l-istat ta’ fatt, fil-punti 56 u 57 tas-sentenza appellata, filwaqt li kkonkludiet sussegwentement li l-kumitat kien ħa inkunsiderazzjoni din l-offerta fit-totalità tagħha. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa, f’dan ir-rigward, insuffiċjenti, inkoerenti u mhux sostnut, peress li ma tibbaża ruħha fuq ebda prova partikolari, bi ksur tar-regola onus probandi incumbit ei qui dicit. |
26 |
Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni aggravju, Agriconsulting tallega, għal motivi analogi għal dawk esposti fil-punt preċedenti, li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha nnifisha għal dik tal-kumitat ta’ evalwazzjoni u żnaturat l-atti proċedurali. |
27 |
Il-Kummissjoni targumenta, prinċipalment, li t-tieni aggravju huwa inammissibbli u, sussidjarjament, li ma huwiex fondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
28 |
Permezz taż-żewġ partijiet tat-tieni aggravju tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, Agriconsulting tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat “l-evalwazzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni” u l-“atti proċedurali”, issostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-kumitat ta’ evalwazzjoni u tat motivazzjoni insuffiċjenti, kontradittorja kif ukoll mhux sostnuta. Dawn l-argumenti għandhom jinftiehmu fis-sens li l-appellanti essenzjalment targumenta, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-ittra tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Marzu 2013 kif ukoll ir-rapport ta’ evalwazzjoni finali u, min-naħa l-oħra, kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. |
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali semmiet il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li n-natura anormalment baxxa ta’ offerta għandha tiġi evalwata inkonnessjoni mal-kompożizzjoni tal-offerta u inkonnessjoni mas-servizz inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Data Medical Service, C‑568/13, EU:C:2014:2466, punt 50). Sussegwentement, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qassret il-kontenut tal-ittra tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Marzu 2013, li permezz tagħha dik l-istituzzjoni kienet informat lill-appellanti li l-offerta tagħha kienet miċħuda, kif ukoll bil-kontenut tar-rapport ta’ evalwazzjoni finali. Fil-punt 57 ta’ dik is-sentenza, hija kkonstatatat li l-anomaliji li wasslu lill-kumitat ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeduċi n-natura anormalment baxxa tal-offerta tal-appellanti kienu jikkonċernaw b’mod iktar partikolari ċerti missjonijiet addizzjonali. Madankollu, fil-punti 58 sa 61 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari qieset li, fid-dawl tal-importanza ekonomika u finanzjarja tal-missjonijiet addizzjonali fl-ammont tal-kuntratt inkwistjoni, l-anomaliji mqajma setgħu jivvizzjaw il-koerenza tal-offerta ta’ Agriconsulting fit-totalità tagħha. Hija kkonkludiet dwar dan, fil-punt 62 tal-istess sentenza, li l-kumitat ta’ evalwazzjoni kien għamel l-evalwazzjoni tiegħu tan-natura anormalment baxxa tal-offerta ta’ Agriconsulting inkonnessjoni mal-kompożizzjoni tal-offerta u mal-provvista inkwistjoni, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti fir-rigward tal-imsemmija provvista. |
30 |
Dan ingħad, fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ eventwali żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, hemm lok jitfakkar li tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-elementi tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2014, Intra-Presse vs Golden Balls, C‑581/13 P u C‑582/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2387, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Westermann Lernspielverlage vs EUIPO, C‑482/15 P, EU:C:2016:805, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Madankollu, f’dan il-każ, ibbażata fuq l-iżnaturament tal-provi, Agriconsulting tfittex, fil-verità, li tikseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti, li ma tidħolx fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2010, Calvin Klein Trademark Trust vs UASI, C‑254/09 P, EU:C:2010:488, punt 49, kif ukoll tad‑19 ta’ Marzu 2015, MEGA Brands International vs UASI, C‑182/14 P, EU:C:2015:187, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
Fil-fatt, Agriconsulting ma tallegax li l-qari magħmul mill-Qorti Ġenerali tal-ittra tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Marzu 2013 u tar-rapport ta’ evalwazzjoni finali huwa vvizzjat b’xi ineżattezza materjali. Għall-kuntrarju, l-appellanti tagħraf li l-Qorti Ġenerali qassret il-kontenut b’mod korrett fil-punt 56 tas-sentenza appellata. Hija tikkontesta pjuttost l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 57 sa 61 ta’ dik is-sentenza, tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti fid-dawl tal-kuntest li jidħlu fih, inklużi l-importanza ekonomika u finanzjarja tal-missjonijiet addizzjonali fis-suq ikkonċernat, u l-konklużjoni li hija ħadet minnhom li l-anomaliji mqajma setgħu jivvizzjaw l-affidabbiltà tal-offerta ta’ Agriconsulting fit-totalità tagħha. |
33 |
Konsegwentement, it-tieni aggravju huwa, f’dan is-sens, inammissibbli. |
34 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-allegazzjonijiet ta’ Agriconsulting li jipprovdu li l-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi, ċertament, kwistjoni ta’ dritt li tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
Madankollu, billi allegat li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija kontradittorja, Agriconsulting tfittex għal darba oħra li tikseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti f’dan il-każ. Fil-fatt, il-konstatazzjoni fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li “l-anomaliji rrilevati li […] jikkonċernaw b’mod iktar partikolari ċerti missjonijiet addizzjonali” ma hijiex, fiha nfisha, inkompatibbli mal-konklużjoni fil-punt 62 ta’ dik is-sentenza, li tipprovdi li “l-kumitat ta’ evalwazzjoni wettaq l-evalwazzjoni tiegħu inkonnessjoni mal-kompożizzjoni tal-offerta u mas-servizz inkwistjoni”. Fir-realtà, l-appellanti tikkontesta l-evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali, li jinsabu fil-punti 58 sa 61 tal-imsemmija sentenza, li wasslu lill-Qorti Ġenerali minn din il-konstatazzjoni għal din il-konklużjoni. |
36 |
Fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni invokata mill-appellanti, mill-kunsiderazzjonijiet fil-punti 57 sa 61 tas-sentenza appellata, invokati fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt il-konklużjoni, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-kumitat ta’ evalwazzjoni kien aġixxa konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Data Medical Service (C‑568/13, EU:C:2014:2466). |
37 |
Minn dan isegwi li t-tieni aggravju tal-appellanti għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq it-tielet aggravju
L-argumenti tal-partijiet
38 |
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Agriconsulting targumenta, fl-ewwel parti, li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 64 sa 69 tas-sentenza appellata, biddlet u żnaturat ir-rikors tagħha. Fil-fatt, filwaqt li hija invokat in-natura arbitrarja, irrazzjonali, suġġettiva u mhux iddefinita tal-prezzijiet u tal-ispejjeż ta’ riferiment użati mill-kumitat ta’ evalwazzjoni sabiex tevalwa n-natura anormalment baxxa tal-offerta tagħha (iktar ’il quddiem il-“parametri ekonomiċi ta’ riferiment”), il-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni fuq il-fondatezza tagħhom. Hija sempliċement iddeċidiet, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kinitx stabbilixxiet li l-offerta tagħha kienet serja. |
39 |
F’dan il-kuntest, l-appellanti tikkritika wkoll lill-Qorti Ġenerali li ma tatx kas tal-provi li hija pproduċiet sabiex turi li l-imsemmija parametri ekonomiċi ma kinux affidabbli. B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni ta’ simulazzjoni li minnha jirriżulta li, billi jiġu applikati għall-missjonijiet prinċipali l-istess parametri ekonomiċi, il-baġit previst fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għal dawn il-missjonijiet kien insuffiċjenti. |
40 |
Barra minn hekk, Agriconsulting hija tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx topponi, bħalma għamlet fil-punt 66 tas-sentenza appellata, għall-fatt li, fl-offerta inizjali tagħha, ma kkomunikatx l-informazzjoni ta’ natura li turi t-tnaqqis li hija kienet gawdiet minnu, għaliex ebda regola tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kienet tobbligaha li tagħmel dan. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma setgħet tikkritikaha li ma pprovdietx din l-informazzjoni fl-ittra tagħha tad‑29 ta’ Novembru 2012 bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, l-imsemmija informazzjoni ma kinitx tagħmel parti mill-informazzjoni mitluba minn dik l-istituzzjoni fl-ittra tagħha tat‑22 ta’ Novembru 2012. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkritika lill-appellanti li ma kkomunikatx sussegwentement il-ftehimiet ta’ kollaborazzjoni mal-esperti, sa fejn il-Kummissjoni ma kinitx awtorizzatha biex tagħmel dan. |
41 |
Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 73 sa 76 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni ma kinitx kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju meta ċaħdet lill-appellanti d-dritt li tipprovdi din l-informazzjoni addizzjonali. |
42 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-awtorità kontraenti hija obbligata titlob lill-offerent il-preċiżjonijiet ta’ natura li jiġġustifikaw li l-offerta tagħha hija serja fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja. Issa, f’dan il-każ, sa fejn it-talba tal-kumitat ta’ evalwazzjoni ġiet ifformulata fis-sens li ma kinitx tirrigwarda l-validità tal-prezzijiet proposti fl-offerta ta’ Agriconsulting, iżda l-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn il-prezzijiet, l-appellanti kellha tipprovdi informazzjoni dwar l-elementi diġitali biss ta’ dan il-kalkolu. Għaldaqstant hija kellu jkollha l-possibbiltà li tipprovdi informazzjoni addizzjonali sabiex tneħħi kull dubju dwar il-fondatezza taċ-ċifri inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ma tillimitax għal komunikazzjoni waħda d-dritt ta’ offerent li jippreżenta osservazzjonijiet. Għall-kuntrarju, il-prinċipju ta’ kontradittorju jimplika, f’dan il-kuntest, li hija tkun tista’ tipprovdi, wara l-preżentata tal-ewwel osservazzjonijiet, preċiżjonijiet addizzjonali, sa fejn raġonevoli. |
43 |
Fl-aħħar nett, fit-tielet parti, Agriconsulting tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punti 81 sa 85 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-prezz uniku tal-offerta ta’ Agriconsulting kien biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li din l-offerta kienet anormalment baxxa. Sussegwentement, hija naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni tal-fatt li, fid-dawl tal-parametri ekonomiċi ta’ riferiment, l-offerta ta’ VLM kienet ukoll tidher anormalment baxxa. Fuq kollox, il-Qorti Ġenerali kellha tqis li Agriconsulting u VLM, f’dak li jirrigwarda l-offerti rispettivi tagħhom, kienu, fir-realtà, fl-istess sitwazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, dawn l-offerti kienu jirrigwardaw l-istess kuntratt u, min-naħa l-oħra, l-affidabbiltà tagħhom kienet ikkontestata – fir-rigward tal-ewwel waħda, mill-awtorità kontraenti u, f’dak li jirrigwarda t-tieni waħda, minn Agriconsulting. |
44 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx u ma evalwatx b’mod adegwat il-provi proposti mill-appellanti insostenn tal-ilmenti tagħha. B’mod iktar preċiż, meta qieset, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li s-simulazzjoni prodotta minn din tal-aħħar, imsemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, kienet nieqsa minn rilevanza, il-Qorti Ġenerali injorat element intiż preċiżament li juri li l-offerta ta’ VLM kienet wkoll anormalment baxxa u, għaldaqstant, li din tal-aħħar kienet, f’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-appellanti. |
45 |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tielet aggravju ma huwiex fondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
46 |
Għall-finijiet tal-eżami tat-tielet aggravju, għandha tinqaleb l-ordni tal-partijiet differenti tiegħu. |
47 |
Fir-rigward, qabelxejn, tat-tielet parti tal-imsemmi aggravju, dwar allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jeżiġi li l-offerenti jkollhom l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tal-kliem tal-offerti tagħhom u għaldaqstant jimplika li dawn l-offerti jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-offerenti kollha (digriet tal‑10 ta’ Novembru 2016, Spinosa Costruzioni Generali u Melfi, C‑162/16, mhux ippubblikat, EU:C:2016:870, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 82 u 83 tas-sentenza appellata, irrilevat li l-offerta ta’ VLM, ikkalkolata abbażi tal-formula prevista fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kienet ftit inqas mil-limitu tal-baġit previst mill-imsemmija speċifikazzjonijiet tal-kuntratt għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt u ogħla, bi kważi miljun euro, minn dik ta’ Agriconsulting. Hija ddeduċiet minn dan li VLM ma kinitx fl-istess sitwazzjoni bħal Agriconsulting u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tiddeċiedi li tivverifika n-natura anormalment baxxa tal-offerta tal-appellanti mingħajr ma tapplika l-istess trattament għal dik ta’ VLM. |
49 |
Għandu jiġi rrilevat li t-trattament differenti tal-offerti ta’ Agriconsulting u ta’ VLM huwa intrinsikament marbut mal-kwistjoni tal-identifikazzjoni tal-offerti anormalment baxxi u tal-proċedura li hija użata għalihom. L-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-motivi li jinsabu fil-punti 82 u 83 tas-sentenza appellata timplika għaldaqstant analiżi tal-obbligi imposti, f’dan il-qasam, fuq l-awtorità kontraenti. |
50 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 139(1) tar-Regolament Nru 2342/2002 jipprovdi li jekk, għal xi kuntratt partikolari, xi offerti jidhru anormalment baxxi, l-awtorità kontraenti, qabel ma tirrifjuta dawn l-offerti għal din ir-raġuni biss, għandha titlob, bil-miktub, il-preċiżjonijiet li hija tqis opportuni fuq il-kompożizzjoni tal-offerta u għandha tivverifika b’mod kontradittorju din il-kompożizzjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni tal-ġustifikazzjonijiet ipprovduti. |
51 |
Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tinkludi l-obbligu għall-awtorità kontraenti, l-ewwel nett, li tidentifika l-offerti suspettużi, it-tieni nett, li tippermetti lill-offerenti kkonċernati juru li l-offerta tagħhom hija serja billi titlobhom il-preċiżjonijiet li hija tqis xierqa, it-tielet nett, li tevalwa r-rilevanza tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-partijiet ikkonċernati u, ir-raba’ nett, li tieħu deċiżjoni fir-rigward tal-ammissjoni jew taċ-ċaħda tal-imsemmija offerti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2001, Lombardini u Mantovani, C‑285/99 u C‑286/99, EU:C:2001:640, punt 55). |
52 |
Issa, huwa biss meta l-affidabbiltà ta’ offerta tkun, a priori, dubjuża li l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija dispożizzjoni jkunu imposti fuq l-awtorità kontraenti, inkluż, f’dan il-każ, dak li tivverifika fid-dettall jekk il-prezzijiet proposti humiex serji permezz tal-parametri ekonomiċi ta’ riferiment. |
53 |
F’dan il-każ, sa fejn il-kumitat ta’ evalwazzjoni kien identifika l-offerta tal-appellanti bħala li hija, prima facie, anormalment baxxa u qies li dik ta’ VLM ma kinitx, a priori, anormali, huwa seta’, mingħajr ma jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti, jibda l-proċedura kontradittorja prevista fl-Artikolu 139(1) tar-Regolament Nru 2342/2002 fil-konfront tal-ewwel waħda u jivverifika l-prezzijiet tiegħu fid-dettall permezz tal-parametri ekonomiċi ta’ riferiment mingħajr ma japplika l-istess trattament għal VLM. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta ddeċidiet, fil-punti 82 u 83 tas-sentenza appellata, li dawn iż-żewġ impriżi, f’dak li jirrigwarda l-offerti rispettivi tagħhom, ma kinux fl-istess sitwazzjoni. |
54 |
Din il-konklużjoni ma hijiex imminata mill-argument ta’ Agriconsulting li jipprovdi li l-prezz ta’ offerta ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jitqies li din l-offerta hija anormalment baxxa. |
55 |
F’dan ir-rigward, fl-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “offerta anormalment baxxa” jew ta’ regoli li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ tali offerta fl-Artikolu 139(1) jew fl-Artikolu 146(4) tar-Regolament Nru 2342/2002, hija r-responsabbiltà tal-awtorità kontraenti li tiddetermina l-metodu wżat sabiex tidentifika l-offerti anormalment baxxi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Data Medical Service, C‑568/13, EU:C:2014:2466, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata), sakemm dan il-metodu jkun oġġettiv u mhux diskriminatorju (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2001, Lombardini u Mantovani, C‑285/99 u C‑286/99, EU:C:2001:640, punti 68 u 69). |
56 |
F’dan il-każ, bħalma rrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 81 u 82 tas-sentenza appellata, il-kumitat ta’ evalwazzjoni identifika n-natura anormalment baxxa tal-offerta ta’ Agriconsulting billi kkumpara l-ammont tagħha mal-baġit totali massimu previst fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fl-ammont ta’ EUR 2500000. Issa, filwaqt li l-offerta ta’ VLM kienet ftit inqas minn dan il-baġit, dik ta’ Agriconsulting kienet inqas minnha bi kważi miljun euro. |
57 |
Kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, xejn ma jżomm lill-awtorità kontraenti milli tikkumpara l-offerti mal-estimu baġitarju tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u li tidentifika waħda minnhom bħala li hija, prima facie, anormalment baxxa ladarba l-ammont ta’ din l-offerta huwa kunsiderevolment inqas mill-imsemmi estimu baġitarju. L-appellanti b’mod partikolari ma werietx kif tali prattika ma hijiex oġġettiva jew hija diskriminatorja. |
58 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti ta’ Agriconsulting li jipprovdu li l-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li VLM kienet tinsab, fir-realtà, fl-istess sitwazzjoni tagħha, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-fatt biss li l-appellanti tikkontesta l-affidabbiltà tal-offerta ta’ VLM ma jwassalx għall-konklużjoni li s-sitwazzjonijiet huma paragunabbli. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, Agriconsulting kellha wkoll tistabbilixxi r-raġunijiet li għalihom l-awtorità kontraenti kellha tiddubita, prima facie, l-affidabbiltà ta’ VLM. |
59 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kienet fondata tqis, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li s-simulazzjoni prodotta mill-appellanti ma kellhiex rilevanza f’dan ir-rigward. Fil-fatt, dik is-simulazzjoni, li tikkonsisti f’li jiġu vverifikati fid-dettall il-prezzijiet proposti fl-offerta ta’ VLM permezz ta’ parametri ekonomiċi ta’ riferiment, ma hijiex ta’ natura li turi r-raġunijiet li għalihom, fil-bidu, l-awtorità kontraenti kellha dubji jekk din l-offerta kinitx serja, minkejja l-fatt li l-ammont tagħha kien viċin ħafna tal-estimu baġitarju tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. |
60 |
Minn dan isegwi li t-tielet parti tat-tielet aggravju ma hijiex fondata. |
61 |
Fir-rigward, sussegwentement, tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, dwar allegat ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali, wara li elenkat, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 139(1) tar-Regolament Nru 2342/2002, li l-kliem tiegħu tfakkru fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, iddeċidiet, fil-punti 72 sa 76 tas-sentenza appellata, li l-proċedura kontradittorja prevista f’din id-dispożizzjoni kienet, f’dan il-każ, ġiet osservata u li l-appellanti kellha l-possibbiltà li tiġġustifika l-ispejjeż tagħha u t-tariffi tagħha li kienu tqiesu bħala eċċessivament baxxi. |
62 |
Madankollu, Agriconsulting targumenta, essenzjalment, li l-awtorità kontraenti tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmi Artikolu 139(1) biss meta, lil hinn mill-osservanza formali tal-istadji tal-proċedura kontradittorja prevista f’din id-dispożizzjoni, l-offerent inkwistjoni kien effettivament f’pożizzjoni li jiġġustifika l-ispejjeż tiegħu u t-tariffi tiegħu. F’dan il-każ, dan jimplika li l-appellanti kienet awtorizzata tipprovdi informazzjoni addizzjonali għal dik li tinsab fl-ittra ta’ tweġiba tagħha tad‑29 ta’ Novembru 2012, sa fejn il-formulazzjoni tal-ittra tat‑22 ta’ Novembru 2012 tal-Kummissjoni ma tathiex il-possibbiltà tevalwa korrettement l-informazzjoni mitluba minn dik l-istituzzjoni. |
63 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li dan l-argument huwa bbażat fuq premessa fattwali skartata mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, hija evalwat il-kontenut tal-ittra tal-Kummissjoni tat‑22 ta’ Novembru 2012 fil-punt 77 tas-sentenza appellata, fis-sens li dik l-istituzzjoni kienet staqsiet lill-appellanti mhux biss fuq il-metodu tal-kalkolu tal-prezzijiet inklużi fl-offerta tagħha, iżda fuq l-elementi kollha li jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ dawn il-prezzijiet. |
64 |
Issa, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fil-kuntest ta’ appell, fl-assenza ta’ żnaturament, terġa’ teżamina l-fatti kif evalwati mill-Qorti Ġenerali, it-tieni parti tat-tielet aggravju hija inammissibbli. |
65 |
F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, dwar allegat żnaturament u tibdil tar-rikors ta’ Agriconsulting mill-Qorti Ġenerali, jidher li l-appellanti kienet argumentat, fil-punt 68 tar-rikors tagħha, li l-unità tal-ispiża ta’ referenza użata għall-kalkolu tal-ispejjeż tal-esperti kienet suġġettiva u ma ħaditx inkunsiderazzjoni tal-fatt li hija setgħet innegozjat tariffi iktar baxxi mal-esperti, u lanqas tal-kapaċitajiet organizzazzjonali u kummerċjali tagħha. |
66 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 66 u 67 tas-sentenza appellata, li l-affermazzjonijiet tal-appellanti, li jipprovdu li hija setgħet tinnegozja, mal-esperti, tariffi iktar baxxi minn dawk maħsuba fil-parametri ekonomiċi ta’ riferiment, ma kinux sostnuti. |
67 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 68 ta’ dik is-sentenza, li Agriconsulting ma kinitx ikkorroborat, permezz ta’ ċifri, l-argument tagħha li jipprovdi li l-unità tal-ispiża użata għall-kalkolu tal-ispejjeż tal-esperti kienet parametru suġġettiv. Barra minn hekk, hija rrilevat li l-fatt li Agriconsulting tinvoka negozjati tat-tariffi mal-esperti tal-istess kategorija bħall-esperti tal-missjonijiet prinċipali donnu jikkonferma li dawn l-ispejjeż kienu iktar baxxi min-norma, mingħajr madankollu ma ġew ipprovduti ġustifikazzjonijiet preċiżi. |
68 |
Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma injoratx l-argument tal-appellanti u tat risposta suffiċjenti fid-dritt. F’dan ir-rigward, hija setgħet tikkonstata biss li Agriconsulting ma kinitx iġġustifikat il-fondatezza tal-asserzjonijiet tagħha fir-rigward tan-natura inadegwata tal-parametri ekonomiċi ta’ riferiment u tat-tariffi iktar baxxi li hija rnexxielha tinnegozja. L-appellanti ma targumentax barra minn hekk li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta tefgħet l-oneru tal-prova fuqha. Għaldaqstant ma hijiex fondata targumenta li hija biddlet jew żnaturat ir-rikors tagħha. |
69 |
Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ Agriconsulting li tipprovdi li l-Qorti Ġenerali injorat is-simulazzjoni li hija kienet ipproduċiet sabiex turi n-natura arbitrarja u mhux affidabbli tal-parametri ekonomiċi ta’ riferiment, huwa biżżejjed jitfakkar li l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi. Għaldaqstant hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-valur li għandu jingħata għall-provi li huma sottomessi lilha, bl-eċċezzjoni tal-każ ta’ żnaturament tal-imsemmija fatti jew provi (digriet tal‑11 ta’ Novembru 2003, Martinez vs Il‑Parlament, C‑488/01 P, EU:C:2003:608, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
70 |
Issa, l-appellanti ma ġabitx elementi ta’ natura li juru tali żnaturament. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma injoratx is-simulazzjoni kontenzjuża, b’din tissemma fis-sentenza appellata diversi drabi, b’mod partikolari fil-punt 84 tagħha. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma invokatux fil-punti 63 sa 69 ta’ din is-sentenza juri, la iktar u lanqas inqas, li hija ma qisitux probatorju f’dan il-kuntest, u tali evalwazzjoni taqa’, peress li żnaturament huwa eskluż, taħt il-kompetenza tagħha biss. |
71 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ta’ Agriconsulting espost fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn, fil-punti 72 sa 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellanti kellha l-possibbiltà tiġġustifika l-ispejjeż tagħha u t-tariffi tagħha, hija setgħet, ġustament, tikkritikaha li ma sostnietx l-affermazzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, jekk wieħed jassumi li l-appellanti biħsiebha, b’dan l-argument, tqajjem dubji dwar din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, l-imsemmi argument huwa inammissibbli, għar-raġunijiet fil-punt 64 ta’ din is-sentenza. |
72 |
Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tielet aggravju hija parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata. |
73 |
Konsegwentement, it-tielet aggravju tal-appellanti għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
74 |
Konformement mal-Artikolu 139(1) tar-Regolament Nru 2342/2002, in-natura anormalment baxxa tal-offerta ta’ Agriconsulting hija raġuni suffiċjenti sabiex iċ-ċaħda tagħha tiġi ġġustifikata fid-dritt. Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appellanti ma werietx li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, f’dak il-każ, ma kienx hemm ksur suffiċjentement ikkaratterizzat tad-dritt tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tan-natura anormalment baxxa tal-offerta tagħha mill-Kummissjoni. |
75 |
Konsegwentement, ma huwiex neċessarju li jiġi evalwat jekk il-motiv l-ieħor taċ-ċaħda tal-offerta ta’ Agriconsulting, jiġifieri l-punteġġ li ngħatalha f’dak li jirrigwarda l-kriterju ta’ attribuzzjoni Nru 3, huwiex fondat jew le. |
76 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, għal raġunijiet analogi għal dawk invokati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, li l-eżistenza ta’ rabta kawżali ma tistax tiġi stabbilita bejn eventwali irregolarità mwettqa mal-evalwazzjoni tal-offerta fid-dawl tal-kriterju ta’ attribuzzjoni Nru 3 u n-nuqqas ta’ qligħ li jikkorrispondi mat-telf tal-kuntratt invokat mill-appellanti. Issa, filwaqt li hija ssemmi tajjeb, fil-punt 65 tal-appell tagħha, l-iżviluppi tal-Qorti Ġenerali dwar ir-rabta kawżali, hija ma tidhirx li tixtieq tikkontestahom u, fi kwalunkwe każ, ma t qajjem ebda ilment f’dan is-sens. |
77 |
Fid-dawl tan-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni hija suġġetta għalihom, kif maħsub fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, il-premessi li jinsabu fil-punti 74 sa 76 ta’ din is-sentenza huma biżżejjed sabiex jiġi miċħud l-appell ta’ Agriconsulting, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq ir-raba’ aggravju, dwar l-eżami, mill-Qorti Ġenerali, tan-nuqqas ta’ qligħ li hija sostniet minħabba ċ-ċaħda tal-offerta tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 57, u tal‑14 ta’ Ottubru 2014, Giordano vs Il‑Kummissjoni, C‑611/12 P, EU:C:2014:2282, punt 54). |
Fuq l-ispejjeż
78 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
79 |
Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Agriconsulting tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.