EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0195

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-26 ta’ Ottubru 2017.
Proċeduri kriminali kontra I.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Amtsgericht Kehl.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Liċenzja tas-sewqan – Direttiva 2006/126/KE – Artikolu 2(1) – Rikonoxximent reċiproku ta’ liċenzji tas-sewqan – Kunċett ta’ ‘liċenzja tas-sewqan’ – Ċertifikat tat-test tal-liċenzja tas-sewqan (CEPC) li jawtorizza lid-detentur tiegħu jsuq fit-territorju tal-Istat Membru emittenti qabel l-għoti tal-liċenzja tas-sewqan definittiva – Sitwazzjoni li fiha d-detentur ta’ CEPC isuq vettura fi Stat Membru ieħor – Obbligu ta’ rikonoxximent ta’ CEPC – Sanzjonijiet imposti fuq id-detentur ta’ CEPC għas-sewqan ta’ vettura barra mit-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ l-imsemmi CEPC – Proporzjonalità.
Kawża C-195/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:815

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

26 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Liċenzja tas-sewqan – Direttiva 2006/126/KE – Artikolu 2(1) – Rikonoxximent reċiproku ta’ liċenzji tas-sewqan – Kunċett ta’ ‘liċenzja tas-sewqan’ – Ċertifikat tat-test tal-liċenzja tas-sewqan (CEPC) li jawtorizza lid-detentur tiegħu jsuq fit-territorju tal-Istat Membru emittenti qabel l-għoti tal-liċenzja tas-sewqan definittiva – Sitwazzjoni li fiha d-detentur ta’ CEPC isuq vettura fi Stat Membru ieħor – Obbligu ta’ rikonoxximent ta’ CEPC – Sanzjonijiet imposti fuq id-detentur ta’ CEPC għas-sewqan ta’ vettura barra mit-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ l-imsemmi CEPC – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C-195/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Kehl (qorti distrettwali ta’ Kehl, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2016, fi proċeduri kriminali kontra

I,

fil-preżenza ta’:

Staatsanwaltschaft Offenburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur), C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman u M. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18, 21, 45, 49 u 56 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU 2006, L 403, p. 18, u r-rettifika ĠU 2009, L 19, p. 67).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra I, residenti fi Franza, minħabba sewqan ta’ vettura bil-mutur fit-territorju Ġermaniż mingħajr dritt ta’ sewqan.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 2 sa 4, 6 u 8 tad-Direttiva 2006/126:

“(2)

Ir-regoli dwar il-liċenzji tas-sewqan huma essenzjali fl-implementazzjoni tal-politika tat-trasport komuni, jikkontribwixxu għat-titjib tas-sigurtà fit-toroq, u jiffaċilitaw il-moviment liberu ta’ persuni li jkunu sejrin jagħmlu r-residenza tagħhom fi Stat Membru differenti minn dak fejn tkun inħarġet il-liċenzja. Fid-dawl ta’ l-importanza tat-trasport fuq il-bażi ta’ mezzi individwali, il-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan debitament rikonoxxuta mill-Istat Membru ospitanti tippromovi l-moviment liberu u l-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ persuni. […]

(3)

Il-possibbiltà li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-perjodu tal-validità prevista fid-Direttiva 91/439/KEE twassal għall-ko-eżistenza ta’ regoli differenti fl-Istati Membri differenti u għal aktar minn 110 mudelli differenti ta’ liċenzji tas-sewqan validi fl-Istati Membri. Dan joħloq problemi ta’ transparenza għaċ-ċittadini, għall-forzi tal-pulizija u għall-amministrazzjonijiet responsabbli mill-amministrazzjoni tal-liċenzji tas-sewqan u jwassal għall-falsifikazzjoni ta’ dokumenti li xi kultant imorru lura diversi għexieren ta’ snin.

(4)

Sabiex jiġi evitat li l-mudell singolu Ewropew ta’ liċenzja tas-sewqan isir mudell addizzjonali għall-110 mudelli li hemm diġà fiċ-ċirkolazzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex joħorġu dan il-mudell singolu lid-detenturi kollha ta’ liċenzja.

[…]

(6)

Il-liċenzji tas-sewqan huma reċiprokament rikonoxxuti. […]

[…]

(8)

Għall-finijiet tas-sigurtà fit-toroq, għandhom jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan. […]”

4

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/126 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jintroduċu liċenzja tas-sewqan nazzjonali bbażata fuq il-mudell Komunitarju stabbilit fl-Anness I, skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. L-emblema fil-paġna 1 tal-mudell Komunitarju tal-liċenzji tas-sewqan għandu jinkludi l-marka distintiva ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja.”

5

Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, “[i]l-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom jingħataw rikonoxximent reċiproku.”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji kollha sabiex jevitaw kwalunkwe riskju ta’ falsifikazzjoni tal-liċenzji tas-sewqan, inkluża dik ta’ mudelli ta’ liċenzji tas-sewqan maħruġa qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar dan.

2.   Il-materjal użat għal-liċenzja tas-sewqan, kif previst fl-Anness I, għandu jiġi protett kontra l-frodi bl-applikazzjoni ta’ speċifikazzjonijiet imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, billi jissuplimentawha, li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2). L-Istati Membri jistgħu jintroduċu miżuri ta’ sigurtà addizzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sa 19 ta’ Januar 2033, il-liċenzji tas-sewqan kollha maħruġa jew li jkunu fiċ-ċirkolazzjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha ta’ din id-Direttiva.”

7

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi kif ġej:

“1. Il-liċenzja tas-sewqan prevista fl-Artikolu 1 għandha tawtorizza s-sewqan ta’ vetturi b’mutur fil-kategoriji definiti aktar ’l isfel. Hija tista’ tinħareġ mill-età minima indikata għal kull kategorija. […]”

8

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2006/126 jiprpovdi:

“Fil-liċenzji tas-sewqan għandhom jiġu dikjarati l-kondizzjonijiet li taħthom is-sewwieq ikun awtorizzat li jsuq.”

9

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Il-liċenzji tas-sewqan għandhom jinħarġu biss lil dawk l-applikanti:

a)

li jkunu għaddew minn test ta’ ħila u ta’ komportament u minn test teoriku u li jissodisfaw l-istandards mediċi, skond il-dispożizzjonijiet ta’ l-Annessi II u III;

[…]

e)

li jkollhom ir-residenza normali tagħhom fit-territorju ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, jew li jkunu jistgħu jipproduċu prova li kienu ilhom jistudjaw hemmhekk għal mill-inqas sitt xhur.”

10

Skont l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva:

“1.   Bil-kunsens tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ekwivalenzi bejn id-drittijiet miksuba qabel l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva u l-kategoriji definiti fl-Artikolu 4.

Wara li jikkonsultaw il-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kull aġġustament fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom li jkun meħtieġ bil-għan li jimplementaw id-dispożizzjoniiet ta’ l-Artikolu 11(4), (5) u (6).

2.   Kull dritt ta’ sewqan mogħti qabel 19 ta’ Januar 2013 ma għandux jitneħħa jew bi kwalunkwe mod kwalifikat bid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

11

L-Artikolu 16(1) u (2) tad-Direttiva 2006/126 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, mhux aktar tard minn 19 ta’ Januar 2011, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1), (2), (3) u (4)(b) sa (k), l-Artikolu 6(1), (2)(a), (ċ), (d) u (e), l-Artikolu 7(1)(b), (ċ) u (d), (2), (3) u (5), l-Artikolu 8, l-Artikolu 10, l-Artikolu 13, l-Artikolu 14, l-Artikolu 15, u l-Annessi I, punt 2, II, punt 5.2 dwar il-Kategoriji A1, A2 u A, IV, V u VI. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjoniet.

2.   Huma għadhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn 19 ta’ Januar 2013.”

Id-dritt Ġermaniż

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-punt 1 tal-Artikolu 21(1) tal-iStrassenverkehrsgesetz (liġi dwar it-traffiku fit-toroq, iktar ’il quddiem l-“iStVG”), persuna li ssuq vettura bil-mutur mingħajr dritt ta’ sewqan twettaq ir-reat kriminali ta’ sewqan mingħajr dritt, li huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn sena jew b’multa. Dawn il-pieni jistgħu jimplikaw projbizzjoni ta’ sewqan ta’ mhux iktar minn tliet xhur skont l-Artikolu 44 tal-iStrafgesetzbuch (kodiċi kriminali, iktar ’il quddiem l-“iStGB”), sekwestru tal-vettura bil-mutur użata skont l-Artikolu 21(3) tal-iStVG, kif ukoll impożizzjoni ta’ terminu addizzjonali għall-għoti tad-dritt ta’ sewqan skont it-tielet sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69a.

13

Jekk is-sewwieq ma jkollux il-liċenzja ta’ sewqan miegħu bħala prova tad-dritt ta’ sewqan, huwa jwettaq reat amministrattiv skont il-punt 4 tal-Artikolu 75 tal-Fahrerlaubnis-Verordnung (regolament dwar id-dritt ta’ sewqan, iktar ’il quddiem il-“FeV”), li huwa ssanzjonat, skont l-Artikolu 24(2) tal-iStVG, b’multa ta’ mhux iktar minn EUR 2000, iżda li ġeneralment hija ta’ EUR 10 skont il-punt 168 tal-anness marbut mal-Artikolu 1(1) tal-Bussgeldkatalog-Verordnung (regolament dwar gwida għall-multi).

14

Skont l-Artikolu 22(4) tal-FeV, l-eżaminatur ġeneralment jemetti, fil-konfront ta’ applikant għal liċenzja, liċenzja tas-sewqan definittiva immedjatament wara li dan ikun għadda mit-test prattiku tas-sewqan. Skont is-seba’ sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, jekk il-liċenzja ta’ sewqan, eċċezzjonalment, tkun għadha ma hijiex disponibbli, l-applikant jirċievi dokument temporanju li jiċċertifika li huwa għadda mit-test, u dan iservi bħala prova tad-dritt ta’ sewqan fil-Ġermanja.

15

F’ċerti ċirkustanzi, dritt ta’ sewqan mogħti minn awtorità barranija jista’, skont l-Artikolu 28 et seq. tal-FeV, jippermetti lid-detentur tiegħu jsuq vettura bil-mutur fil-Ġermanja.

16

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(1) tal-FeV, id-detenturi ta’ dritt ta’ sewqan barrani u li huma residenti barra mill-pajjiż jistgħu fil-prinċipju jsuqu vetturi bil-mutur fil-Ġermanja, fil-limiti tad-dritt ta’ sewqan tagħhom. Skont l-Artikolu 29(2) tal-FeV, dan id-dritt ta’ sewqan għandu jiġi attestat b’liċenzja ta’ sewqan rilevanti.

17

Skont il-punt 1 tal-Artikolu 29(3) tal-FeV, dritt ta’ sewqan barrani fis-sens tal-Artikolu 29(1) tiegħu, ma jiġix irrikonoxxut, b’mod partikolari, jekk il-persuna li għandha tali dritt ta’ sewqan għandha biss liċenzja tat-taħriġ tas-sewqan jew liċenzja tas-sewqan provviżorja.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

Fil-15 ta’ Mejju 2015, I, residenti fi Franza, kien interċettat waqt li kien qiegħed isuq vettura tal-kategorija B fi triq pubblika. Il-persuna kkonċernata kienet fil-pussess ta’ karta tal-identità valida kif ukoll ta’ certificat d’examen du permis de conduire (ċertifikat tat-test tas-sewqan, iktar ’il quddiem iċ-“CEPC”), dokument provviżorju maħruġ, fil-prinċipju, lil kull applikant li jkun għadda mit-test teoretiku u mit-test prattiku tal-liċenzji tas-sewqan tal-kategorija B fi Franza u li, skont il-leġiżlazzjoni Franċiża, jitqies bħala liċenzja tas-sewqan fit-territorju nazzjonali għall-korp tal-pulizija għall-perijodu ta’ erba’ xhur mid-data li fiha jkun sar it-test prattiku. Huwa paċifiku li, dakinhar li ġie interċettat I, ma kinitx għadha nħarġitlu liċenzja tas-sewqan definittiva mill-awtoritajiet Franċiżi.

19

Filwaqt li qies li, peress li l-validità taċ-CEPC hija limitata għat-territorju Franċiż, I ma kellux, meta seħħew il-fatti, dritt ta’ sewqan barrani li kien jawtorizzah isuq vettura bil-mutur fil-Ġermanja skont l-Artikolu 28 et seq. tal-FeV, l-iStaatsanwaltschaft Offenburg (uffiċċju tal-prosekutur ta’ Offenburg, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“uffiċċju tal-prosekutur”) ressaq proċeduri quddiem l-Amtsgericht Kehl (qorti distrettwali ta’ Kehl, il-Ġermanja) fejn talab lil din tal-aħħar timponi multa lil I, permezz ta’ digriet kriminali, minħabba ksur tad-dritt ta’ sewqan fis-sens tal-Artikolu 21 tal-iStVG.

20

Il-qorti tar-rinviju tindika li hija għandha teżamina, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi tal-ksur tad-dritt ta’ sewqan humiex issodisfatti, jew jekk I kellux dritt ta’ sewqan li jawtorizzah isuq vettura fil-Ġermanja, jew anki jekk motivi oħra jipprekludux li l-fatti inkwistjoni jiġu kklassifikati bħala kriminalment sanzjonabbli. Barra minn hekk, fil-każ li tikkonkludi li dawn il-fatti ma humiex ta’ natura kriminalment sanzjonabbli, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk dawn il-fatti għandhomx ikunu s-suġġett ta’ proċeduri bħala reat amministrattiv.

21

Fil-każ inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju ssostni li, skont id-dritt Franċiż, I għandu dritt isuq fit-toroq pubbliċi vetturi bil-mutur tal-kategorija B b’effett minn meta nħariġlu ċ-CEPC.

22

Din il-qorti tindika li, sal-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan definittiva tiegħu, fid-9 ta’ Lulju 2015, il-persuna kkonċernata setgħet tattesta dan id-dritt ta’ sewqan, fit-territorju Franċiż, billi tippreżenta ċ-CEPC u karta tal-identità.

23

Skont il-qorti tar-rinviju, il-ħruġ taċ-CEPC kien jagħti dritt ta’ sewqan ta’ vettura bil-mutur tal-kategorija korrispondenti mingħajr ma tali dritt kien limitat għat-territorju Franċiż. Fil-fatt, bl-istess mod bħad-dritt Ġermaniż, id-dritt Franċiż jiddistingwi bejn id-dritt ta’ sewqan u d-dokument li jattesta tali dritt, jiġifieri l-liċenzja tas-sewqan, minkejja li bil-Franċiż jintuża l-istess terminu fiż-żewġ każijiet (“permis de conduire”). Għalhekk, is-sewqan ta’ vettura mingħajr titolu ta’ liċenzja tas-sewqan huwa reat punibbli b’piena kriminali, filwaqt li sewqan ta’ vettura mingħajr pussess ta’ liċenzja tas-sewqan jammonta għal kontravvenzjoni punibbli b’multa amministrattiva.

24

Il-validità taċ-CEPC bħala dokument li jattesta d-dritt ta’ sewqan huwa limitat għal erba’ xhur, skont il-leġiżlazzjoni Franċiża. Madankollu, jekk l-applikant ma jirċevix il-liċenzja tas-sewqan definittiva matul dan it-terminu, iċ-CEPC ma jibqax validu bħala dokument li jattesta d-dritt ta’ sewqan, iżda d-dritt ta’ sewqan ma jiskadix. Għaldaqstant, persuna li ma tkunx applikat formalment u debitament, fit-terminu stabbilit, għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan, u li ċ-CEPC tagħha ma jibqax validu bħala dokument li jattesta d-dritt ta’ sewqan wara erba’ xhur, issuq mhux mingħajr ma għandha dritt ta’ sewqan, iżda mingħajr liċenzja tas-sewqan. Din il-persuna tista’ għalhekk tiġi akkużata bi ksur amministrattiv iżda mhux b’reat kriminali.

25

Wara l-ħruġ taċ-CECP, il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan tal-kategorija B jiddependi esklużivament fuq il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni formali u debita mill-applikant. Il-liċenzja tas-sewqan għalhekk tinħareġ kważi awtomatikament. L-applikant ma għandu ebda kontroll fuq it-tul ta’ żmien tal-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan.

26

Skont il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/126 għandux jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi lill-Istati Membri jirrikonoxxu dritt ta’ sewqan biss meta liċenzja tas-sewqan definittiva tkun ingħatat bħala dokument li jattesta tali dritt, jew jekk l-obbligu ta’ rikonoxximent japplikax għad-dritt ta’ sewqan bħala tali, indipendentement mill-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan definittiva mill-awtorità kompetenti.

27

L-imsemmija qorti tqis li din l-ambigwità tirriżulta wkoll mit-terminoloġija użata fil-verżjonijiet bil-Ġermaniż u bil-Franċiż tad-Direttiva 2006/126.

28

Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, ir-rifjut li jiġi rrikonoxxut id-dritt ta’ sewqan ta’ I jew li jiġi rrikonoxxut iċ-CEPC bħala dokument li jattesta d-dritt ta’ sewqan, u l-ksur konsegwenti ta’ I, issanzjonat b’piena kriminali jew amministrattiva, jidhru li jistgħu jippreġudikaw il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE kif ukoll il-libertajiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 21, 45, 49 u 56 TFUE.

29

Fil-fatt, għal applikant ta’ liċenzja tas-sewqan residenti fi Franza, ikun impossibbli, immedjatament wara li jkun għadda mit-test prattiku tas-sewqan, jibda jaħdem il-Ġermanja f’post li huwa aċċessibbli biss bil-vettura tiegħu stess. Min-naħa l-oħra, applikant għal liċenzja tas-sewqan residenti fil-Ġermanja ma huwiex suġġett għal tali limitazzjoni. Għaldaqstant, minkejja li dawn l-applikanti għal liċenzja tas-sewqan ikunu ssodisfaw il-kundizzjonijiet għall-kisba tad-dritt ta’ sewqan, kif armonizzat bid-Direttiva 2006/126, huma ma jgawdux l-istess drittijiet. Il-qorti tar-rinviju għalhekk hija tal-fehma li jidher li hemm diskriminazzjoni bbażata fuq residenza fi Stat Membru ieħor.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Kehl (qorti distrettwali ta’ Kehl) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizza:

“1)

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, kif jirriżulta partikolarment mill-Artikolu 2 tad-Direttiva [2006/126] jew mill-Artikoli 18, 21, 45, 49 u 56 [TFUE], għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tirrikonoxxix dritt ta’ sewqan (Fahrerlaubnis) miksub fi Stat Membru ieħor, partikolarment meta dan ikun inkiseb skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva?

2)

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/126 jew mill-Artikoli 18, 21, 45, 49 u 56 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tirrikonoxxix ċertifikat maħruġ minn Stat Membru ieħor lid-detentur ta’ dritt ta’ sewqan miksub f’dan l-Istat Membru l-ieħor konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, anki jekk dan tal-aħħar jillimita ratione temporis il-validità ta’ dan iċ-ċertifikat, li huwa validu biss fit-territorju tiegħu, u, barra minn hekk, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst mid-Direttiva 2006/126?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda: id-dritt tal-Unjoni Ewropea, kif jirriżulta partikolarment mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/126 jew mill-Artikoli 18, 21, 45, 49 u 56 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tqis bħala reat kriminali s-sewqan ta’ vettura mingħajr dritt ta’ sewqan, anki jekk is-sewwieq tal-vettura ikun kiseb dritt ta’ sewqan fi Stat Membru ieħor konformement mad-Direttiva 2006/126, iżda ma jkunx jista’ jressaq prova ta’ dan permezz tal-produzzjoni ta’ dokument konformi mal-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst mid-Direttiva 2006/126?

4)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda: id-dritt tal-Unjoni Ewropea, kif jirriżulta partikolarment mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/126 jew mill-Artikoli 18, 21, 45, 49 u 56 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, fejn l-applikanti għal-liċenzja tas-sewqan jingħataw, bħala regola ġenerali, il-liċenzja tas-sewqan definittiva immedjatament wara li jkunu għaddew mit-testijiet prattiċi tas-sewqan, li tqis bħala reat minuri l-ksur amministrattiv ikkawżat mis-sewqan ta’ vettura f’ċirkustanzi fejn is-sewwieq, li jkun kiseb id-dritt ta’ sewqan fi Stat Membru ieħor konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126, isuq vettura mingħajr ma jkollu liċenzja tas-sewqan definittiva għall-finijiet ta’ prova tad-dritt ta’ sewqan tiegħu, peress li tali liċenzja tkun għadha ma nħarġitx minħabba l-partikolarità tal-proċedura ta’ ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan definittiva f’dan l-Istat Membru l-ieħor li fuqhom is-sewwieq ma jkollu ebda kontroll, iżda minflok ikollu ċertifikat amministrattiv li jattesta l-fatt li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għad-dritt ta’ sewqan?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

31

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126 kif ukoll l-Artikoli 18, 21, 45, 49 u 56 TFUE għandhomx jiġu intepretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li dan l-Istat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi ċertifikat maħruġ fi Stat Membru ieħor, li jattesta l-eżistenza ta’ dritt ta’ sewqan tad-detentur tiegħu, meta dan iċ-ċertifikat ma jkunx jissodisfa r-rekwiżiti tal-mudell ta’ liċenzja tas-sewqan previst minn din id-direttiva, anki fil-każ fejn il-kundizzjonijiet imposti mill-imsemmija direttiva għall-ħruġ ta’ liċenza tas-sewqan huma ssodisfatti mid-detentur tal-imsemmi ċertifikat.

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Krijgsman, C-302/16, EU:C:2017:359, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126, “[i]l-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom jingħataw rikonoxximent reċiproku”.

34

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi r-rikonoxximent reċiproku, mingħajr ebda formalità, ta’ liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Marzu 2012, Akyüz, C-467/10, EU:C:2012:112, punt 40; tas-26 ta’ April 2012, Hofmann, C-419/10, EU:C:2012:240, punti 43 u 44, kif ukoll tat-23 ta’ April 2015, Aykul, C-260/13, EU:C:2015:257, punt 45).

35

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu madankollu jiġi ddeterminat jekk dan l-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku impost fuq l-Istati Membri jirrigwardax biss il-liċenzji tas-sewqan bħala dokumenti li jattestaw l-eżistenza ta’ dritt ta’ sewqan jew jekk jirrigwardax ukoll dan id-dritt ta’ sewqan fih innifsu, indipendentement mill-eżistenza ta’ tali liċenzja tas-sewqan.

36

Fir-rigward, qabelxejn, tal-interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjoni kkonċernata, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tat-terminu “liċenzja tas-sewqan” li jinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126. Filwaqt li tevoka b’mod iktar ġenerali d-diffikultajiet lingwistiċi marbuta mat-termini użati f’din id-direttiva, hija tosserva b’mod partikolari li ma huwiex ċert jekk it-termini “Führerschein” u “permis de conduire”, li jinsabu fil-verżjonijiet bil-Ġermaniż u bil-Franċiż tal-imsemmija direttiva, jindikawx biss dokument li jattesta l-eżistenza ta’ dritt ta’ sewqan, u t-termini “Fahrerlaubnis” u “droit de conduire” biss id-dritt ta’ sewqan stess.

37

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher madankollu li, b’kunsiderazzjoni għat-termini użati f’diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126, bħall-verżjonijiet bil-Ġermaniż (“Führerscheine”), bl-Ingliż (“driving licences”), biċ-Ċek (“řidičské průkazy”), bl-Ispanjol (“permisos de conducción”), bit-Taljan (“patenti di guida”), bl-Olandiż (“rijbewijzen”), bil-Finlandiż (“ajokortit”), bir-Rumen (“permisele de conducere”) jew anki bl-Isvediż (“Körkort”), it-terminu “liċenzja tas-sewqan” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jirreferi għad-dokument li jattesta l-eżistenza ta’ dritt ta’ sewqan.

38

Sussegwentement, l-eżami tal-kuntest li jagħmel parti minnu l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126 iwassal għall-istess konklużjoni.

39

Fil-fatt, din id-direttiva tistabbilixxi mudell ta’ liċenzja tas-sewqan Komunitarju uniku, intiż li jissostitwixxi l-liċenzji tas-sewqan differenti fl-Istati Membri (sentenzi tas-26 ta’ April 2012, Hofmann, C-419/10, EU:C:2012:240, punt 40, u tas-26 ta’ April 2017, Popescu, C-632/15, EU:C:2017:303, punt 36).

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva jinkludu, b’mod partikolari, rekwiżiti dwar l-apparenza, il-kontenut u l-karatteristiċi fiżiċi u siguri, ta’ dokument li huwa intiż li jattesta, b’mod standardizzat u uniformi, l-eżistenza ta’ dritt ta’ sewqan, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu.

41

Fil-fatt, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/126 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu liċenzja tas-sewqan nazzjonali skont il-mudell tal-Unjoni li jinsab fl-Anness I tal-imsemmija direttiva, konformement mad-dispożizzjonijiet tagħha. Dan il-mudell jipprevedi l-apparenza tal-imsemmija liċenzja tas-sewqan u jispjega l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża. Fir-rigward tal-kontenut ta’ tali liċenzja tas-sewqan, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2006/126 jipprovdi li l-liċenzji tas-sewqan għandhom isemmu l-kundizzjonijiet li bihom sewwieq huwa awtorizzat isuq. Fir-rigward tal-karatteristiċi ta’ sigurtà sabiex jiġi evitat riskju ta’ falsifikazzjoni, l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Anness I tagħha, jipprovdi espressament li l-materjal użat għal-liċenzja tas-sewqan għandu jkun protett kontra l-falsifikazzjonijiet.

42

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-Anness I tad-Direttiva 91/439, li ppreċediet id-Direttiva 2006/126, jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ din l-ewwel direttiva kienu wkoll intiżi għall-armonizzazzjoni tal-imsemmi dokument innifsu.

43

Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2006/126 tistabbilixxi, kif jirriżulta mill-premessa 8 tagħha, armonizzazzjoni minima tal-kundizzjonijiet li bihom tinħareġ il-liċenzja tas-sewqan prevista fl-Artikolu 1 tagħha. Dawn il-kundizzjonijiet huma, b’mod partikolari, iddefiniti fl-Artikoli 4 u 7 ta’ din id-direttiva u jikkonċernaw, fost l-oħrajn, l-età minima meħtieġa, il-kapaċità għas-sewqan, it-testijiet li għandhom isiru mill-applikant u r-residenza ta’ dan tal-aħħar fit-territorju tal-Istat Membru emittenti.

44

Din l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-kisba tal-liċenzja tas-sewqan hija intiża, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 58 u 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tistabbilixxi, b’mod partikolari, kundizzjonijiet preliminari neċessarji għar-rikonoxximent reċiproku tal-imsemmija liċenzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 1978, Choquet, 16/78, EU:C:1978:210, punt 7).

45

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126 jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ċar u preċiż ta’ rikonoxximent reċiproku, mingħajr ebda formalità, tal-liċenzji tas-sewqan, li ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-miżuri li għandhom jiġu adottati għall-konformità miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Marzu 2012, Akyüz, C-467/10, EU:C:2012:112, punt 40; tas-26 ta’ April 2012, Hofmann, C‑419/10, EU:C:2012:240, punti 43 u 44, kif ukoll tat-23 ta’ April 2015, Aykul, C-260/13, EU:C:2015:257, punt 45).

46

Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ripetutament li huwa l-Istat Membru emittenti li għandu jivverifika jekk il-kundizzjonijiet minimi imposti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk dwar ir-residenza u l-kapaċità għas-sewqan, previsti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 91/439, humiex issodisfatti u, għalhekk, jekk il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan huwiex iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Frar 2009, Schwarz, C-321/07, EU:C:2009:104, punt 76, u tat-23 ta’ April 2015, Aykul, C-260/13, EU:C:2015:257, punt 46).

47

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, meta l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkunu ħarġu liċenzja tas-sewqan skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/126, l-Istati Membri l-oħra ma għandhomx id-dritt li jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ previsti minn din id-direttiva ġewx osservati, peress li l-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru għandu jitqies bħala prova li d-detentur ta’ din il-liċenzja kien jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet, fil-jum li fih inħarġitlu l-liċenzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2012, Hofmann, C-419/10, EU:C:2012:240, punti 46 u 47, kif ukoll tat-23 ta’ April 2015, Aykul, C-260/13, EU:C:2015:257, punt 47).

48

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza kif ukoll tal-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126 u tal-istruttura ġenerali tal-imsemmija direttiva, jidher li din id-dispożizzjoni, li tipprevedi r-rikonoxximent reċiproku ta’ “liċenzji tas-sewqan”, tirreferi għal-liċenzji tas-sewqan bħala dokumenti li jattestaw l-eżistenza ta’ dritt ta’ sewqan, maħruġa konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. L-unika riżerva f’dan ir-rigward tikkonċerna l-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, jiġifieri skont l-Artikolu 16 tagħha, qabel id-19 ta’ Jannar 2013, u li fir-rigward tagħhom, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/126 huwa intiż li jirregola l-kwistjoni tal-ekwivalenzi bejn id-drittijiet miksuba qabel l-implementazzjoni ta’ din id-direttiva u d-diversi kategoriji tal-liċenzji tas-sewqan iddefiniti minn din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2012, Hofmann, C-419/10, EU:C:2012:240, punt 41, kif ukoll tas-26 ta’ April 2017, Popescu, C-632/15, EU:C:2017:303, punt 37).

49

Isegwi li r-rikonoxximent tad-dritt ta’ sewqan miksub fi Stat Membru ma huwiex previst bħala tali mid-Direttiva 2006/126, peress li dan ir-rikonoxximent huwa biss il-konsegwenza tar-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan stabbilit minn din id-direttiva.

50

Kif isostnu, b’mod partikolari, il-Gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Polonja, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, din l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/126 hija sostnuta, fl-aħħar nett, mill-għanijiet segwiti minn din id-direttiva.

51

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 2 tagħha, id-Direttiva 2006/126 għandha l-għan li tikkontribwixxi għat-titjib tas-sigurtà stradali u tiffaċilita l-moviment liberu tal-persuni li jittrasferixxu r-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor għajr dak tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja. Mill-premessi 3 u 4 ta’ din id-direttiva jirriżulta, barra minn hekk, li din id-direttiva għandha l-għan li ssolvi u li tevita problemi ta’ trasparenza għaċ-ċittadini, għall-korpi tal-pulizija u għall-amministrazzjonijiet responsabbli mill-ġestjoni tal-liċenzji tas-sewqan kif ukoll il-falsifikazzjoni tal-liċenzji tas-sewqan, li jirriżultaw mill-koeżistenza ta’ regoli differenti fid-diversi Stati Membri u mill-110 mudell differenti ta’ liċenzji tas-sewqan fl-Unjoni. Għaldaqstant, l-imsemmija direttiva hija intiża, kif ġie rrilevat fil-punt 39 tas-sentenza preżenti, li tistabbilixxi, fl-aħħar mill-aħħar, mudell ta’ liċenzja tas-sewqan uniku għall-Istati Membri kollha, bil-kundizzjonijiet minimi ta’ ħruġ armonizzati mill-istess direttiva, liema mudell jissostitwixxi l-liċenzji tas-sewqan differenti eżistenti fl-Istati Membri, u b’hekk ittemm, progressivament, ir-rikonoxximent tat-testijiet nazzjonali tal-kapaċità għas-sewqan.

52

Il-fatt li jiġi impost fuq Stat Membru r-rikonoxximent ta’ ċertifikati maħruġa minn Stat Membru ieħor, bħaċ-CEPC inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2006/126 u lanqas ma jikkostitwixxi waħda mil-liċenzji tas-sewqan li l-ekwivalenza tagħha mal-kategoriji stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva hija prevista fl-Artikolu 13 tagħha, ikun imur kontra dawn id-diversi għanijiet, minkejja l-fatt li d-detenturi tal-imsemmija ċertifikati jkunu ssodisfaw, fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, il-kundizzjonijiet tal-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva u jkunu kisbu d-dritt tas-sewqan fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, ikun imur kontra l-għan tad-Direttiva 2006/126, li huwa dak li tiġi stabbilita liċenzja tas-sewqan standardizzata li tippermetti identifikazzjoni faċli u immedjata minn kwalunkwe awtorità, kullimkien fl-Unjoni, jekk din id-direttiva tiġi interpretata fis-sens li tobbliga lil Stat Membru jirrikonoxxi diversi dokumenti, anki provviżorji, stabbiliti minn Stat Membru ieħor sabiex tiġi ġġustifikata l-eżistenza ta’ dritt tas-sewqan.

53

Fil-fatt, il-validità ta’ tali ċertifikati maħruġa minn Stat Membru tista’ tkun diffiċli li tiġi kkontrollata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, u dan jista’ jżid ir-riskju ta’ frodi.

54

Isegwi li r-rifjut ta’ Stat Membru li jirrikonoxxi dokument intiż li jattesta l-eżistenza ta’ dritt tas-sewqan, maħruġ minn Stat Membru ieħor, fil-każ fejn dan id-dokument, bħaċ-CEPC inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst mid-Direttiva 2006/126, ma jmurx kontra l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.

55

Tali rifjut għandu jiġi evalwat biss fuq il-bażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, u mhux fid-dawl tal-Artikoli 18, 21, 45, 49 u 56 TFUE, li ssemmew ukoll fl-ewwel u fit-tieni domanda.

56

Fil-fatt, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kwalunkwe miżura nazzjonali f’qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni, u mhux fid-dawl ta’ dawk tad-dritt primarju (sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Visnapuu, C-198/14, EU:C:2015:751, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Fil-każ inkwistjoni, filwaqt li d-Direttiva 2006/126 tipprovdi biss għal armonizzazzjoni minima tad-dispożizzjoni nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet li bihom tista’ tinħareġ liċenzja tas-sewqan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, Akyüz, C-467/10, EU:C:2012:112, punt 53), għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija direttiva twettaq, madankollu, armonizzazzjoni eżawrjenti tad-dokumenti li jattestaw l-eżistenza ta’ dritt ta’ sewqan li għandhom jiġu rrikonoxxuti mill-Istati Membri konformement mal-Artikolu 2(1) tagħha.

58

Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm id-Direttiva 2006/126 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi għall-ħruġ tal-liċenzja, hija ma tirregolax il-proċedura amministrattiva tal-ħruġ ta’ dawn il-liċenzji tas-sewqan. Għaldaqstant, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-imsemmija proċedura, b’mod partikolari billi jiddeterminaw id-data li fiha għandha tinħareġ il-liċenzja tas-sewqan lill-applikant li jkun issodisfa dawn ir-rekwiżiti minimi.

59

Il-qorti tar-rinviju jidher li hija tal-fehma li r-rifjut ta’ Stat Membru li jirrikonoxxi d-dritt ta’ sewqan miksub fi Stat Membru ieħor li ma jistax jiġi attestat b’liċenzja tas-sewqan konformement mal-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst mill-imsemmija direttiva, jista’ jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq ir-residenza, ipprojbita mid-dritt tal-Unjoni.

60

Skont il-qorti tar-rinviju, l-eżistenza ta’ differenzi fil-proċeduri amministrattivi tal-Istati Membri li jirregolaw il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan konformement ma’ dawn ir-rekwiżiti, jista’ jkollha l-konsegwenza, bħal fil-kawża prinċipali, li persuna li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2006/126 sabiex tikseb id-dritt ta’ sewqan fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha, tingħata liċenzja tas-sewqan konformement ma’ dawn ir-rekwiżiti biss wara l-iskadenza ta’ perijodu tranżitorju li matul tiegħu hija kellha biss ċertifikat limitat temporalment u territorjalment, filwaqt li persuni residenti fi Stati Membri oħra li jissodisfaw ukoll l-imsemmija kundizzjonijiet jingħataw tali liċenzja tas-sewqan immedjatament wara li jkunu għaddew mit-test prattiku tas-sewqan.

61

F’dan ir-rigward, u kuntrarjament għal dak li jidher li tqis l-imsemmija qorti, anki fiċ-ċirkustanzi fejn hemm, bejn l-Istati Membri, differenzi fil-proċedura ta’ ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan, ir-rifjut minn Stat Membru li jirrikonoxxi dokument maħruġ minn Stat Membru ieħor u intiż li jattesta d-dritt ta’ sewqan, bħaċ-CEPC inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta dan id-dokument ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst mid-Direttiva 2006/126, la jista’ jikser il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 18 TFUE, la d-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, irrikonxxut liċ-ċittadini tal-Unjoni fl-Artikolu 21 TFUE, u lanqas il-libertajiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE.

62

Fil-fatt, id-differenza fit-trattament tal-applikanti għal liċenzja tas-sewqan residenti fil-Ġermanja jew fi Franza, li tirriżulta mill-fatt li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, l-applikanti għal liċenzja tas-sewqan residenti fil-Ġermanja jirċievu, fil-prinċipju, liċenzja tas-sewqan f’dan l-Istat Membru immedjatament wara li jkunu għaddew mit-test prattiku tas-sewqan, filwaqt li l-applikanti għal liċenzja tas-sewqan residenti fi Franza ġeneralment ikunu suġġetti għal perijodu tranżitorju li matul tiegħu huma jkollhom biss ċertifikat limitat temporalment u territorjalment li jattesta d-dritt ta’ sewqan tagħhom, qabel ma tinħarġilhom liċenzja tas-sewqan konformement mal-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst fid-Direttiva 2006/126, ma tirriżultax mill-prattiki diskriminatorji fi Stat Membru jew ieħor, iżda mill-eżistenza ta’ regoli proċedurali amministrattivi differenti fl-imsemmija Stati Membri, f’kuntest mhux armonizzat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp, C-403/03, EU:C:2005:446, punt 45, u tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 62). Kif diġà ġie rrilevat fil-punti 43, 44 u 57 tas-sentenza preżenti, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, id-Direttiva 2006/126 tipprevedi biss armonizzazzjoni minima ta’ ċerti kundizzjonijiet sostantivi li jirregolaw il-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan prevista fl-Artikolu 1 tagħha.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126 kif ukoll l-Artikoli 18, 21, 45, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li dan l-Istat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi ċertifikat maħruġ fi Stat Membru ieħor, li jattesta l-eżistenza tad-dritt ta’ sewqan tad-detentur tiegħu, meta dan iċ-ċertifikat ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst minn din id-direttiva, anki jekk il-kundizzjonijiet imposti mill-imsemmija direttiva għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan ikunu ssodisfatti mid-detentur tal-imsemmi ċertifikat.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

64

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126 kif ukoll l-Artikoli 18, 21, 45, 49 u 56 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru jimponi sanzjoni penali jew sanzjoni amministrattiva fuq persuna li, minkejja li tkun issodisfat il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan previsti minn din id-direttiva, issuq vettura bil-mutur fit-territorju tiegħu mingħajr liċenzja tas-sewqan konformement mar-rekwiżiti tal-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst mill-imsemmija direttiva u li, sakemm tinħareġ tali liċenzja tas-sewqan minn Stat Membru, tkun tista’ tattesta d-dritt ta’ sewqan tagħha miksub fl-imsemmi Stat Membru ieħor biss permezz ta’ ċertifikat temporanju maħruġ minnu.

65

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2006/126 ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar l-impożizzjoni potenzjali ta’ sanzjonijiet fl-assenza ta’ dritt ta’ sewqan jew fl-assenza ta’ produzzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan konformement mar-rekwiżiti tal-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst mill-imsemmija direttiva jew ta’ tip ta’ dokument ieħor li jattesta dan id-dritt.

66

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din id-direttiva lanqas tipprevedi regoli dwar l-obbligu tas-sewwieqa li jżommu fuqhom liċenzja tas-sewqan maħruġa konformement mar-rekwiżiti stabbiliti mill-imsemmija direttiva.

67

Barra minn hekk, l-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan previst fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126 ma jeskludix il-fatt li l-Istati Membri jistgħu jimponu sanzjonijiet fuq is-sewwieqa li ma jistgħux jippreżentaw lill-awtoritajiet kompetenti liċenzja tas-sewqan maħruġa konformement mal-imsemmija rekwiżiti, li tattesta d-dritt ta’ sewqan tagħhom.

68

Isegwi li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, l-Istati Membri jibqgħu, fil-prinċipju, kompetenti sabiex jissanzjonaw il-ksur tal-obbligu li tiġi ppreżentata liċenzja tas-sewqan konformement mar-rekwiżiti tal-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst mid-Direttiva 2006/126, u huma liberi li jimponu sanzjonijiet fuq persuni li jsuqu vettura bil-mutur fit-territorju tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos, C‑193/94, EU:C:1996:70, punt 36, kif ukoll tad-29 ta’ Ottubru 1998, Awoyemi, C-230/97, EU:C:1998:521, punt 25).

69

Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu, f’dan il-qasam, sanzjoni li tippreġudika d-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, mogħti liċ-ċittadini tal-Unjoni bl-Artikolu 21 TFUE, li l-eżerċizzju tiegħu huwa wkoll intiż li jiġi ffaċilitat mid-Direttiva 2006/126 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos, C-193/94, EU:C:1996:70, punt 36; tad-29 ta’ Ottubru 1998, Awoyemi, C-230/97, EU:C:1998:521, punt 26, kif ukoll tas-26 ta’ April 2012, Hofmann, C-419/10, EU:C:2012:240, punt 77), jew il-libertajiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE.

70

Fir-rigward tal-Artikolu 18 TFUE, li jissemma wkoll mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni, li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tapplika b’mod awtonomu biss għal sitwazzjonijiet li huma rregolati mid-dritt tal-Unjoni u li fir-rigward tagħhom it-Trattat FUE ma jipprovdix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Gilly, C-336/96, EU:C:1998:221, punt 37, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger, C-566/15, EU:C:2017:562, punt 25).

71

Fil-każ ineżami, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom I kien jinsab il-Ġermanja, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-eżerċizzju ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali, iggarantiti fl-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE u li timplementa l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, jistax jiġi affettwat bl-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq I.

72

Jekk dan ma huwiex il-każ, sa fejn jidher li I huwa ċittadin tal-Unjoni, aspett li għandu wkoll jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, jidher li, fi kwalunkwe każ, billi vvjaġġat minn Franza lejn il-Ġermanja, din il-persuna għamlet użu, bħala ċittadina tal-Unjoni, mid-dritt ta’ moviment liberu tagħha fl-Unjoni, iggarantit mill-Artikolu 21 TFUE.

73

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda, jirriżulta li, fil-każ ineżami, għad-differenza tal-persuni li tressqu proċeduri kontrihom fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos (C-193/94, EU:C:1996:70), I, filwaqt li kellu dritt ta’ sewqan fi Franza, ma kienx jibbenefika, meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, minn tal-inqas skont id-dritt tal-Unjoni, minn tali dritt fl-Istati Membri l-oħra, li l-awtoritajiet ta’ dawn l-Istati Membri kienu obbligati jirrikonoxxu konformement mal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126, peress li I ma kellux, f’dik id-data, liċenzja tas-sewqan konformement mar-rekwiżiti tal-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst minn din id-direttiva li jattesta li huwa kien jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti minn din id-direttiva. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ċ-CECP li nħariġlu fi Franza kien validu fi Franza biss.

74

Għaldaqstant, ma jidhirx li huwa kuntrarju għall-Artikoli 21, 45, 49 u 56 TFUE li sewwieq, bħal I, li ma għandux dritt ta’ sewqan fil-Ġermanja, jiġi impost sanzjoni f’dan l-Istat Membru.

75

Madankollu, is-sanzjoni imposta ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-gravità tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos, C-193/94, EU:C:1996:70, punti 36 u 38).

76

Għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li persuna ssuq vettura fit-territorju ta’ Stat Membru bi dritt ta’ sewqan fi Stat Membru ieħor, iżda mingħajr ma għad għandha liċenzja tas-sewqan konformement mar-rekwiżiti tal-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst mid-Direttiva 2006/126, jidher li huwa inqas kundannabbli mill-fatt li persuna ssuq vettura fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr dritt ta’ sewqan, b’mod partikolari fid-dawl tal-għan tal-imsemmija direttiva, kif imfakkar fil-punt 51 tas-sentenza preżenti, li huwa dak tal-kontribuzzjoni għat-titjib tas-sigurtà stradali.

77

Għalhekk, il-fatt li Stat Membru jimponi sanzjoni severa, ta’ natura kriminali jew amministrattiva, bħal piena ta’ priġunerija jew multa ta’ ammont kunsiderevoli, fuq sewwieq, bħal I, li kiseb id-dritt ta’ sewqan tiegħu fi Stat Membru ieħor, iżda li għadha ma nħarġitlux liċenzja tas-sewqan konformement mar-rekwiżiti tal-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst mid-Direttiva 2006/126, ikun sproporzjonat meta mqabbel mal-gravità tal-fatti inkwistjoni u għalhekk jippreġudika d-dritt tas-sewwieq għall-moviment liberu u għar-residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, mogħti liċ-ċittadini bl-Artikolu 21 TFUE, jew il-libertajiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE. Min-naħa l-oħra, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni minuri, bħal multa amministrattiva ta’ ammont raġonevoli, ma hijiex sproporzjonata.

78

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur imwettaq minn I u tas-severità tas-sanzjoni li ser timponi, bħala ċirkustanza potenzjalment attenwanti, il-fatt li I kiseb id-dritt ta’ sewqan fi Franza, attestat biċ-CEPC li, kif irrilevat din il-qorti stess, ser jiġi skambjat, qabel l-iskadenza tiegħu, fuq talba tal-persuna kkonċernata, ma’ liċenzja tas-sewqan konformement mar-rekwiżiti tal-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst mid-Direttiva 2006/126. Din il-qorti għandha wkoll teżamina, fil-kuntest tal-analiżi tagħha, liema kien ir-riskju ġenwin għas-sigurtà stradali li I ppreżenta fit-territorju Ġermaniż.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126 kif ukoll l-Artikoli 21, 45, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu intepretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru jimponi sanzjoni fuq persuna li, minkejja li tkun issodisfat il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan previsti minn din id-direttiva, issuq vettura bil-mutur fit-territorju tiegħu mingħajr liċenzja tas-sewqan konformement mar-rekwiżiti tal-mudell ta’ liċenzja tas-sewqan previst mill-imsemmija direttiva u li, sakemm tinħareġ tali liċenzja tas-sewqan minn Stat Membru, tkun tista’ tattesta d-dritt ta’ sewqan tagħha miksub fl-imsemmi Stat Membru ieħor biss permezz ta’ ċertifikat temporanju maħruġ minnu, bil-kundizzjoni li din is-sanzjoni ma tkunx sproporzjonata meta mqabbla mal-gravità tal-fatti inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur imwettaq mill-persuna kkonċernata u tas-severità tas-sanzjoni li ser timponi, bħala ċirkustanza potenzjalment attenwanti, il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun kisbet id-dritt ta’ sewqan fi Stat Membru ieħor, attestat b’ċertifikat maħruġ fi Stat Membru ieħor u li ser jiġi skambjat, qabel l-iskadenza tiegħu, fuq talba tal-persuna kkonċernata, ma’ liċenzja tas-sewqan konformement mar-rekwiżiti tal-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst mid-Direttiva 2006/126. Din il-qorti għandha wkoll teżamina, fil-kuntest tal-analiżi tagħha, liema kien ir-riskju ġenwin għas-sigurtà stradali li l-persuna kkonċernata ppreżentat fit-territorju Ġermaniż.

Fuq l-ispejjeż

80

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan, kif ukoll l-Artikoli 18, 21, 45, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li dan l-Istat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi ċertifikat maħruġ fi Stat Membru ieħor, li jattesta l-eżistenza tad-dritt ta’ sewqan tad-detentur tiegħu, meta dan iċ-ċertifikat ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst minn din id-direttiva, anki jekk il-kundizzjonijiet imposti mill-imsemmija direttiva għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan ikunu ssodisfatti mid-detentur tal-imsemmi ċertifikat.

 

2)

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126 kif ukoll l-Artikoli 21, 45, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu intepretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru jimponi sanzjoni fuq persuna li, minkejja li tkun issodisfat il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan previsti minn din id-direttiva, issuq vettura bil-mutur fit-territorju tiegħu mingħajr liċenzja tas-sewqan konformement mar-rekwiżiti tal-mudell ta’ liċenzja tas-sewqan previst mill-imsemmija direttiva u li, sakemm tinħareġ tali liċenzja tas-sewqan minn Stat Membru, tkun tista’ tattesta d-dritt ta’ sewqan tagħha miksub fl-imsemmi Stat Membru ieħor biss permezz ta’ ċertifikat temporanju maħruġ minnu, bil-kundizzjoni li din is-sanzjoni ma tkunx sproporzjonata meta mqabbla mal-gravità tal-fatti inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur imwettaq mill-persuna kkonċernata u tas-severità tas-sanzjoni li ser timponi, bħala ċirkustanza potenzjalment attenwanti, il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun kisbet id-dritt ta’ sewqan fi Stat Membru ieħor, attestat b’ċertifikat maħruġ fi Stat Membru ieħor u li ser jiġi skambjat, qabel l-iskadenza tiegħu, fuq talba tal-persuna kkonċernata, ma’ liċenzja tas-sewqan konformement mar-rekwiżiti tal-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst mid-Direttiva 2006/126. Din il-qorti għandha wkoll teżamina, fil-kuntest tal-analiżi tagħha, liema kien ir-riskju ġenwin għas-sigurtà stradali li l-persuna kkonċernata ppreżentat fit-territorju Ġermaniż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top