Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0168

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Settembru 2017.
Sandra Nogueira et vs Crewlink Ireland Ltd u Miguel José Moreno Osacar vs Ryanair Designated Activity Company.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-cour du travail de Mons.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Punt 2(a) tal-Artikolu 19 – Kunċett ta’ ‘post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu’ – Settur tat-trasport bl-ajru – Ekwipaġġ tal-kabina – Regolament (KEE) Nru 3922/91 – Kunċett ta’ ‘bażi ta’ residenza’.
Kawżi magħquda C-168/16 u C-169/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:688

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Punt 2(a) tal-Artikolu 19 – Kunċett ta’ ‘post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu’ – Settur tat-trasport bl-ajru – Ekwipaġġ tal-kabina – Regolament (KEE) Nru 3922/91 – Kunċett ta’ ‘bażi ta’ residenza’”

Fil-Kawżi magħquda C-168/16 u C-169/16,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour du travail de Mons (qorti tax-xogħol ta’ Mons, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-18 ta’ Marzu 2016, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Marzu 2016, fil-proċeduri

Sandra Nogueira,

Victor Perez-Ortega,

Virginie Mauguit,

Maria Sanchez-Odogherty,

José Sanchez-Navarro

vs

Crewlink Ireland Ltd (C-168/16),

u

Miguel José Moreno Osacar

vs

Ryanair Designated Activity Company, li kienet Ryanair Ltd (C-169/16),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kwalità tiegħu ta’ Imħallef tat-Tieni Awla, A. Rosas, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: I. Illéssy, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Frar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Nogueira, Perez-Ortega, Mauguit, Sanchez-Odogherty, Sanchez-Navarro kif ukoll għal M.J. Moreno Osacar, minn S. Gilson u F. Lambinet, avukati,

għal Crewlink Ireland Ltd, minn S. Corbanie, avukat, u F. Harmel, avukat

għal Ryanair Designated Activity Company, li kienet Ryanair Ltd, minn S. Corbanie, avukat, F. Harmel, u E. Vahida, avukati, kif ukoll minn G. Metaxas-Maranghidis, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn A. Joyce, bħala aġent, assistit minn S. Kingston, barrister,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u D. Segoin kif ukoll minn C. David, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u C. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Gvern Svediż, inizjalment minn C. Meyer-Seitz, A. Falk, U. Persson u N. Otte Widgren, bħala aġenti, sussegwentement minn C. Meyer-Seitz u A. Falk, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin kif ukoll minn M. Heller u P. Costa de Oliveira, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ April 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-punt 2(a) tal-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, fil-Kawża C-168/16, Sandra Nogueira, Victor Perez-Ortega, Virginie Mauguit, Maria Sanchez-Odogherty u José Sanchez-Navarro (iktar ’il quddiem, flimkien, “Nogueira et”) u Crewlink Ireland Ltd (iktar ’il quddiem, “Crewlink”) u, fil-Kawża C-169/16, Miguel José Moreno Osacar u Ryanair Designated Activity Company, li kienet Ryanair Ltd (iktar ’il quddiem, “Ryanair”), dwar kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni u ta’ terminazzjoni tal-kuntratti individwali ta’ xogħol ta’ Nogueira et u ta’ Moreno Osacar kif ukoll dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Belġjani sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ dawn il-kawżi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-konvenzjoni dwar l-avjazzjoni ċivili internazzjonali, iffirmata f’Chicago (l-Istati Uniti) fis-7 ta’ Diċembru 1944 (iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni ta’ Chicago”), ġiet irrattifikata mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, anki jekk din tal-aħħar ma hijiex parti kontraenti għall-imsemmija konvenzjoni.

4

L-Artikolu 17 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi:

“L-inġenji tal-ajru għandu jkollhom in-nazzjonalità tal-Istat li fih ikunu rreġistrati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

5

Il-premessi 13 u 19 tar-Regolament Brussell I jipprovdu kif ġej:

“(13)

B’relazzjoni ma’ assigurazzjoni, kuntratti tal-konsumatur u impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali.

[…]

(19)

Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni [tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni tal-Istati Membri ġodda għal din il-konvenzjoni] u dan ir-Regolament, u għandhom jintalbu għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni [tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-] Konvenzjoni […] u […] l-[Ewwel Protokoll dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1968 mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-veżjoni riveduta u emendata tiegħu (ĠU C 27, p.28)] għand[u] jibq[a] japplika[…] ukoll f’każijiet diġa pendenti meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ.”

6

Is-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, li tiġbor fiha l-Artikoli 18 sa 21 ta’ dan tal-aħħar, tipprovdi r-regoli dwar ġurisdizzjoni fil-każ ta’ kawżi dwar kuntratti individwali ta’ xogħol.

7

L-Artikolu 18(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti individwali ta’ impjieg, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni bla ħsara għall-Artikolu 4 u punt 5 tal-Artikolu 5.”

8

L-Artikolu 19 tal-istess regolament jipprovdi:

“Wieħed li jimpjega domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi imfittex:

1)

fil-qrati tal-Istat Membru fejn jkun domiċiljat jew

2)

fi Stat Membru ieħor:

a)

fil-qrati tal-post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu jew fil-qrati ta’ l-aħħar post fejn kien jagħmel hekk, jew

b)

jekk l-impjegat ma jkunx jew inkella ma kienx abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu f’pajjiż wieħed, fil-qrati tal-post fejn ikun jinstab in-negozju li kien jimpiega lill-impjegat.”

9

L-Artikolu 21 tar-Regolament ta’ Brussell I huwa redatt kif ġej:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din is-Sezzjoni jistgħu jitwarrbu biss bi ftehim dwar il-ġurisdizzjoni:

1)

li jkun seħħ wara li tkun qamet il-kwistjoni; jew

2)

li jippermetti lill-impjegat li jressaq proċedimenti fi qrati apparti minn dawk indikati f’din is-sezzjoni.”

10

Il-preambolu tal-konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 1980, L 266, p. 1, iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni ta’ Ruma”), tispeċifika:

“Il-Partijiet għoljin kontraenti għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

ħerqana li, fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat, jissoktaw bix-xogħol ta’ unifikazzjoni tal-liġijiet li diġà sar fi ħdan il-Komunità, partikolarment fil-qasam tal-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi,

xewqana li jistabbilixxu regoli uniformi dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali,

ftiehemu kif ġej […]”

11

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91, tas-16 ta’ Diċembru 1991, dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam ta’ l-avjazzjoni ċivili (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 348), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1899/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3922/91 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam ta’ l-avjazzjoni ċivili (ĠU 2006, L 377, p. 1) (iktar ’il-quddiem ir-“Regolament Nru 3922/91”), jirrigwarda, kif jipprovdi l-Artikolu 1 tiegħu, “l-armonizzazzjoni ta’ ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili relatati ma’ l-operazzjoni u l-manutenzjoni ta’ inġenji ta’ l-ajru u ma’ persuni u organizzazzjonijiet involuti f’tali xogħlijiet”.

12

Dan ir-regolament kien jinkludi fih, qabel it-tħassir tiegħu mir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, dwar regoli komuni fil-kamp ta’ l-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza ta’ l-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU 2008, L 79, p. 1), anness III li s-sub-parti Q tiegħu kienet intitolata “Il-limitazzjonijiet tat-titjira u tal-ћin tas-servizz u l-kriterji tas-serћan”. Il-punt 3.1 tal-operazzjoni tal-ajru (OPS) 1.1090 li jinsab f’din is-sub-parti, kien jipprovdi:

“Operatur għandu jinnomina bażi ta’ residenza għal kull membru ta’ l-ekwipaġġ.”

13

L-imsemmija sub–parti kienet tinkludi wkoll l-OPS 1.1095 li, fil-punt 1.7, kienet tiddefinixxi il-kuċnett ta’ “bażi ta’ residenza” bħala “[i] l-post nominat mill-operatur lill-membru ta’ l-ekwipaġġ li minnu l-membru ta’ l-ekwipaġġ normalment jibda’ u jispiċċa perjodu ta’ dmir jew sensiela ta’ perjodi ta’ dmir u fejn, taħt kondizzjonijiet normali, l-operatur mhux responsabbli għall-akkomodazzjoni tal-membru ta’ l-ekwipaġġ konċernat”.

14

Barra minn hekk, l-OPS 1.1110, li wkoll kienet inkluża fis-sub-parti tal-Anness III tar-Regolament Nru 3922/91, intitolat “Mistrieħ”, kienet redatta kif ġej:

“1. Ħin minimu ta’ mistrieħ

1.1.

Il-ħin minimu ta’ mistrieħ li jrid jiġi pprovdut qabel ma jwettaq perjodu ta’ dmir waqt titjira li tibda mill-bażi ta’ residenza jkun twil ta’ l-inqas daqs il-perjodu ta’ dmir preċedenti jew 12 il-siegħa liema wieħed ikun l-itwal;

1.2.

Il-ħin minimu ta’ mistrieħ li jrid jiġi pprovdut qabel ma jwettaq perjodu ta’ dmir waqt titjira li tibda il-bogħod mill-bażi ta’ residenza għandu jkun twil ta’ l-inqas daqs il-perjodu ta’ dmir jew 10 sigħat liema wieħed ikun l-itwal; fil-każ ta’ ħin minimu ta’ mistrieħ l-bogħod mill-bażi ta’ residenza, l-operatur, waqt li jagħti kont tal-bżonnijiet tal-ivvjaġġar u oħrajn fiżjoloġiċi, irid jipprovdi għall-opportunità ta’ raqda ta’ 8 sigħat;.

[…]”

15

Fil-qasam tas-sigurtà soċjali, il-kunċett ta’ “bażi ta’ residenza” jissemma wkoll fil-premessa 18b tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4). Din il-premessa hija redatta kif ġej:

“Fl-Anness III għar-Regolament [3922/91], [i]l-kunċett ta’ ‘bażi residenzjali’ għall-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira u tal-ekwipaġġ tal-kabina huwa definit bħala l-post magħżul mill-operatur għall-membri tal-ekwipaġġ minn fejn il-membru tal-ekwipaġġ normalment jibda u jispiċċa perjodu ta’ ħidma, jew serje ta’ perjodi ta’ ħidma, u fejn, taħt kondizzjonijiet normali, l-operatur mhuwiex responsabbli għall-akkomodazzjoni tal-membru tal-ekwipaġġ ikkonċernat. Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament għall-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira u tal-ekwipaġġ tal-kabina, huwa ġġustifikat li jintuża l-kunċett ta’ ‘bażi residenzjali’ bħala l-kriterju biex tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira u tal-ekwipaġġ tal-kabina. Madankollu, il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira u tal-ekwipaġġ tal-kabina għandha tinżamm stabbli u l-prinċipju ta’ bażi residenzjali ma għandux iwassal għal bidliet frekwenti tal-leġiżlazzjoni applikabbli minħabba l-mudelli ta’ ħidma tal-industrija jew domandi staġonali.”

16

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004, li huwa inkluż fit-Titolu II ta’ dan tal-aħħar marbuta mad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, jipprovdi:

“1.   Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

[…]

3.   Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

a)

persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

[…]

5.   Attività li ssir minn membru tal-ekwipaġġ tat-titjira jew tal-ekwipaġġ tal-kabina li jwettaq servizzi għall-passiġġieri jew għall-merkanzija tal-ajru għandha titqies bħala attività mwettqa fi Stat Membru fejn tinsab il-bażi residenzjali, kif definit f’Anness III tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91.”

17

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 465/2012 jispeċifika li l-paragrafu 5 tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea. Peress li l-imsemmija pubblikazzjoni saret fit-8 ta’ Ġunju 2012, bħala konsegwenza, l-emendi li saru b’dan ir-regolament ma humiex applikabbli, ratione temporis, għall-kawżi prinċipali.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C-169/16

18

Fil-21 ta’ April 2008, M. J. Moreno Osacar ikkonkluda, fi Spanja, kuntratt ta’ xogħol ma’ Ryanair, kumpannija tat-trasport bl-ajru li għandha s-sede tagħha fl-Irlanda.

19

Skont dan il-kuntratt, il-funzjonijiet tiegħu kienu jinkludu “is-sigurtà, il-kura, l-assistenza u l-kontroll tal-passiġġieri; il-kompiti tal-imbarkazzjoni u fuq l-art […], il-bejgħ abbord l-ajruplan; it-tindif tal-intern tal-ajruplan, il-verifiki ta’ sigurtà u l-kompiti rilevanti l-oħra li […] jista’ jiġi fdat bihom mill-kumpannija”.

20

Skont l-imsemmi kuntratt, redatt bl-Ingliż, il-qrati Irlandiżi kellhom il-ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ vertenzi li jistgħu jinqalgħu bejn il-partijiet inkonnessjoni mal-eżekuzzjoni u t-terminazzjoni ta’ dan il-kuntratt, u l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru kellha tirregola r-relazzjoni lavorattiva ta’ bejniethom. L-istess kuntratt kien jindika wkoll li s-servizzi ta’ xogħol ta’ M. J. Moreno Osacar, bħala membru tal-persunal tal-kabina, kienu kkunsidrati bħala mwettqa fl-Irlanda peress li l-funzjonijiet tiegħu kienu eżerċitati abbord l-ajruplani, irreġistrati f’dan l-Istat Membru u li jappartjenu lil din il-kumpannija ta’ trasport bl-ajru.

21

Barra minn hekk, il-kuntratt ta’ xogħol ta’ M. J. Moreno Osacar kien isemmi l-ajruport ta’ Charleroi (il-Belġju) bħala “bażi ta’ residenza”, u kien jirrikjedi li dan tal-aħħar jgħix sa siegħa bogħod mill-bażi li fiha huwa kien assenjat, u kien għalhekk li dan tal-aħħar mar jistabbilixxi ruħu fil-Belgju.

22

Fl-1 ta’ April 2009, M. J. Moreno Osacar ġie promoss fil-funzjonijiet ta’ “kontrollatur”. Dan tal-aħħar tneħħa mill-kariga fis-16 ta’ Ġunju 2011.

23

Sussegwentement, billi qies li l-persuna li kienet tħaddmu kienet obbligata li tosserva u li tapplika d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Belġjana u li l-qrati ta’ dan l-Istat Membru kellhom il-ġurisdizzjoni sabiex jagħtu deċiżjoni dwar it-talbiet tiegħu, M. J. Moreno Osacar, b’ċitazzjoni tat-8 ta’ Diċembru 2011, ħarrek lil Ryanair quddiem it-tribunal du travail de Charleroi (qorti tax-xogħol ta’ Charleroi, Il-Belġju) bil-ħsieb li l-persuna li kienet tħaddmu tiġi kkundannata tħallsu diversi tipi ta’ kumpens.

24

Ryanair ikkontestat il-ġurisdizzjoni tal-qrati Belġjani sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din il-kawża. F’dan ir-rigward, il-kumpannija sostniet li teżisti rabta mill-qrib u konkreta bejn l-imsemmija kawża u l-qrati Irlandiżi. B’hekk, minbarra l-klawżola dwar l-għażla tal-forum u dik li tindika d-dritt Irlandiż bħala l-liġi applikabbli, l-imsemmija kumpannija tindika li M. J. Moreno Osacar kien suġġett għal-leġiżlazzjoni Irlandiża fl-oqsma fiskali u ta’ sigurtà soċjali, li huwa eżegwixxa l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu abbord ajruplani rreġistrati fl-Irlanda u suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru u li, għalkemm M. J. Moreno Osacar iffirma l-kuntratt ta’ xogħol fi Spanja, l-imsemmi kuntratt ġie konkluż biss malli ġie ffirmat minn Ryanair fis-sede tagħha fl-Irlanda.

25

Permezz ta’ sentenza mogħtija fl-4 ta’ Novembru 2013, it-tribunal du travail de Charleroi (qorti tax-xogħol ta’ Charleroi) ikkunsidrat li l-qrati Belġjani ma kellhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talba ta’ M. J. Moreno Osacar. Dan tal-aħħar appella minn dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-cour du travail de Mons (qorti tax-xogħol ta’ Mons, il-Belġju).

26

Qabel xejn, il-qorti tar-rinviju tipprovdi ċerti konstatazzjonijiet fattwali. Tenfasizza wkoll li M. J. Moreno Osacar dejjem kien jibda l-ġranet tiegħu ta’ xogħol fl-ajruport ta’ Charleroi u li kien jispiċċahom ukoll fl-istess post. Bl-istess mod, kultant kien jintalab jibqa’ hemm sabiex jissostitwixxi membru tal-persunal f’każ li dan ikun indispost.

27

Wara dawn l-ispeċifikazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tindika li, qabel ma tagħti deċiżjoni fuq il-mertu tal-kawża, hija kellha tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Belġjani sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din tal-aħħar.

28

Wara li ddikjarat li l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni ma tistax tiġi invokata fil-konfront ta’ M. J. Moreno Osacar skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Brussell I, din il-qorti tispeċifika li l-eżami ta’ tali kwistjoni għandu jsir fid-dawl tal-punt 2 tal-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament. Il-qorti tar-rinviju tfakkar li din id-dispożizzjoni telenka qrati differenti li jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-vertenzi li jistgħu jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol. Fosthom, hija tqis li l-post tal-eżekuzzjoni abitwali tax-xogħol ilu ħafna jitqies bħala kriterju essenzjali fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

29

F’dan ir-rigward, meta t-twettiq tax-xogħol li bih jiġi fdat l-impjegat ikun mifrux fuq it-territorju ta’ diversi Stati Membri, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari mill-punt 24 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1993, Mulox IBC (C-125/92, EU:C:1993:306), jirriżulta li l-post tal-eżekuzzjoni abitwali jista’ jiġi ddefinit bħala l-“post li fih jew li minnu l-ħaddiem iwettaq prinċipalment l-obbligi tiegħu favur il-persuna li timpjegah”. Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat dan il-post, il-qrati nazzjonali għandhom jużaw metodu ċirkustanzjali, jiġifieri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami bil-għan li jiddeterminaw l-Istat li miegħu l-attività professjonali għandha l-isħaħ rabta.

30

Madankollu, id-determinazzjoni tal-qorti munita b’ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-vertenzi ppreżentati quddiem il-qrati tal-Istati Membri mill-ekwipaġġ tal-kabina ta’ kumpanniji ta’ trasport bl-ajru tippreżenta diffikultà partikolari.

31

Fir-rigward, b’mod iktar konkret tal-identifikazzjoni taċ-“ċentru effettiv tal-attivitajiet professjonali” ta’ dawn il-persuni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan il-post jikkostitwixxix, b’mod definittiv, kunċett qrib ħafna ta’ dak ta’ “bażi ta’ residenza”, iddefinit fl-Anness III tar-Regolament Nru 3922/91, kif jidher li jindika wkoll ir-riferiment li jsir għal dan il-kunċett fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour du travail de Mons (qorti tax-xgħol ta’ Mons) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“Meta jittieħdu inkunsiderazzjoni:

r-rekwiżiti ta’ previdibbiltà ta’ soluzzjonijiet u ta’ ċertezza legali li wasslu għall-adozzjoni tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali kif stabbiliti mill-[Konvenzjoni, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni ta’ stati Membri ġodda f’din il-konvenzjoni] kif ukoll mir-Regolament [Brussell I] (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia, C-154/11, punti 44 u 46),

il-karatteristiċi partikolari tas-settur tal-avjazzjoni Ewropea li fih l-ekwipaġġ tal-ajru li jaħdem f’isem kumpannija tal-ajru li s-sede tagħha tinsab f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ din il-kumpannija tal-ajru minn kumpannija oħra li s-sede tagħha hija stabbilita fi ħdan l-istess Stat, ekwipaġġ li ta’ kuljum itir fuq it-territorju tal-Unjoni Ewropea minn bażi ta’ residenza li tista’ tinsab, bħal f’dan il-każ, fi ħdan Stat Membru ieħor,

karatteristiċi speċifiċi għal din it-tilwima kif deskritti fil-motivi ta’ din is-sentenza,

il-kriterju dedott mill-kunċett ta’ ‘bażi ta’ residenza’ (kif iddefinit fl-Anness III tar-Regolament [Nru 3922/91]) użat mir-Regolament Nru 883/2004 sabiex jiddetermina l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli għall-membri tal-ekwipaġġ ta’ tmexxija u tal-ekwipaġġ tal-kabina mit-28 ta’ Ġunju 2012,

it-tagħlim dedott mill-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont is-sentenzi ċċitati fil-motivi ta’ din id-deċiżjoni,

il-kunċett ta’ ‘post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu’ kif imsemmi fl-Artikolu 19(2) [fil-punt 2 tal-Artikolu 19] tar-Regolament [Brussell I], jista’ jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġi ekwiparat ma’ dak ta’ ‘bażi ta’ residenza’ kif iddefinit fl-Anness III tar-Regolament [Nru 3922/91], bħala ‘[i]l-post nominat mill-operatur lill-membru ta’ l-ekwipaġġ li minnu l-membru ta’ l-ekwipaġġ normalment jibda’ u jispiċċa perjodu ta’ dmir jew sensiela ta’ perjodi ta’ dmir u fejn, taħt kundizzjonijiet normali, l-operatur mhux responabbli għall-akkomodazzjoni tal-membru ta’ l-ekwipaġġ konċernat’ u dan għall-finijiet li jiġi ddeterminat l-Istat kontraenti (u, għaldaqstant, il-ġurisdizzjoni tiegħu) li fit-territorju tiegħu l-ħaddiema jwettqu abitwalment il-ħidma tagħhom meta dawn il-ħaddiema, fil-kwalità tagħhom ta’ membri tal-ekwipaġġ tal-ajru, ikunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ kumpannija suġġetta għad-dritt ta’ wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni li twettaq it-trasport internazzjonali bl-ajru ta’ passiġġieri fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea, peress li dan il-kriterju ta’ rabta, dedott mill-‘bażi ta’ residenza’ mifhuma bħala ‘ċentru effettiv tar-relazzjoni ta’ impjieg’ sa fejn il-ħaddiema kollha jibdew u jtemmu b’mod sistematiku l-ġurnata tax-xogħol tagħhom f’dan il-post, billi hemmhekk jorganizzaw ix-xogħol tagħhom ta’ kuljum, u jkunu stabbilixxew fil-viċinanza tiegħu, matul il-perijodu ta’ relazzjonijiet kuntrattwali li fihom huma kienu tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ din il-kumpannija tal-ajru, ir-residenza effettiva tagħhom, huwa dak il-kriterju li, fl-istess waqt, għandu l-eqreb rabtiet ma’ Stat kontraenti u jiżgura l-protezzjoni l-iktar adegwata għall-parti l-iktar dgħajfa fir-relazzjoni kuntrattwali?”

Il-Kawża C-168/16

33

S. Nogueira et, li huma ċittadini Portugiżi, Spanjoli u Belġjani, ikkonkludew, matul is-snin 2009 u 2010, kuntratti ta’ xogħol ma’ Crewlink, persuna ġuridka stabbilita fl-Irlanda.

34

Kull wieħed mill-kuntratti ta’ xogħol tagħhom kien jipprevedi li dawn il-ħaddiema huma impjegati minn Crewlink u assenjati bħala persunal tal-kabina ma’ Ryanair, għal funzjonijiet paragunabbli ma’ dawk okkupati minn M. L. Moreno Osacar.

35

Dawn il-kuntratti ta’ xogħol, li kienu redatti bl-Ingliż kienu jispeċifikaw ukoll li r-relazzjoni lavorattiva tagħhom kienet suġġetta għad-dritt Irlandiż u li l-qrati ta’ dan l-Istat Membru kellhom il-ġurisdizzjoni li jieħdu konjizzjoni ta’ kull vertenza marbuta mal-eżekuzzjoni jew mat-terminazzjoni ta’ dawn il-kuntratti. Bl-istess mod, dawn il-kuntratti kienu jesponu li l-ħlas tar-remunerazzjoni tagħhom kellu jsir f’kont bankarju Irlandiż.

36

Ir-relazzjonijiet lavorattivi ntemmu minħabba r-riżenja jew it-tkeċċija matul is-sena 2011.

37

Għall-istess raġunijiet bħal M.J. Moreno Osacar, S. Nogueira et ippreżentaw kawża quddiem it-tribunal du travail de Charleroi (qorti tax-xogħol ta’ Charleroi) bil-ħsieb li jiksbu l-ħlas ta’ diversi tipi ta’ kumpens.

38

Permezz ta’ sentenza tal-4 ta’ Novembru 2013, din il-qorti qieset li l-qrati Belġjani ma kellhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ dawn it-talbiet. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

39

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li fil-kuntratti ta’ S. Nogueira et, huwa stabbilit li “l-ajruplani tal-klijent huma rreġistrati fl-Irlanda, u peress li intom għandkom teżegwixxu l-kompiti tagħkom fuq dawn l-ajruplani, ix-xogħol tagħkom huwa bbażat fl-Irlanda”, li l-ajruport ta’ Charleroi huwa l-post ta’ “stazzjonment” ta’ dawn il-ħaddiema u li kull wieħed minnhom kellu jirrisjedi sa siegħa bogħod mill-bażi li fiha huwa jiġi assenjat.

40

Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tirrileva ċertu numru ta’ fatti rilevanti li jirriżultaw mill-konstatazzjonijiet tagħha stess. Fl-ewwel lok, għalkemm il-kuntratt ta’ xogħol tagħhom kien jikkonferixxi lill-persuna li timpjeghom, il-possibbiltà li tiddeċiedi li tittrasferixxi lil S. Nogueira et lejn ajruport ieħor, f’dan il-każ, huwa stabbilit, li l-unika bażi ta’ residenza għas-servizz ta’ Crewlink kienet l-ajruport ta’ Charleroi. Fit-tieni lok, kull wieħed minn dawn il-ħaddiema kien jibda l-ġurnata ta’ xogħol tiegħu fl-ajruport ta’ Charleroi u kien sistematikament jirritorna lura lejn il-bażi tiegħu fi tmiem kull ġurnata ta’ xogħol. Fit-tielet lok, kull wieħed minnhom kellu xi drabi jibqa’ jistenna l-ajruport ta’ Charleroi bil-għan li possibbilment jissostitwixxi membru tal-persunal f’każ li dan ikun indispost.

41

Inċidentalment, il-qorti tar-rinviju tindika li l-kuntratti ta’ xogħol ta’ S. Nogueira et kienu jobbligawhom josservaw il-linja politika ta’ sigurtà tal-ajru implementata minn Ryanair. Bl-istess mod, il-preżenza ta’ uffiċċju komuni għal Ryanair u għal Crewlink fl-ajruport ta’ Charleroi kif ukoll l-eżerċizzju ta’ setgħa dixxiplinari mill-persunal amministrattiv ta’ Ryanair fir-rigward ta’ dawk ipprovduti għad-dispożizzjoni tagħha minn Crewlink juru b’mod suffiċjenti l-eżistenza ta’ komunità lavorattiva bejn il-persunal taż-żewġ impriżi.

42

Din il-qorti tiġġustifika, f’termini analogi għal dawk tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C-169/16, in-neċessità ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari. Hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari essenzjalment simili.

43

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ April 2016, il-Kawżi C-168/16 u C-169/16 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

44

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’każ ta’ rikors ippreżentat minn ħaddiem membru tal-ekwipaġġ tal-kabina ta’ kumpannija tat-trasport bl-ajru jew offrut għad-dispożizzjoni tagħha, u sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, il-kunċett ta’ “post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, fis-sens tal-punt (2)(a) tal-Artikolu 19 tar-Regolament Brussell I, huwiex ekwiparabbli ma’ dak ta’ “bażi ta’ residenza”, fis-sens tal-Anness III tar-Regolament Nru 3922/91.

45

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi speċifikat, fl-ewwel lok, li, kif jirriżulta mill-premessa 19 tar-Regolament ta’ Brussell I u sa fejn dan ir-regolament jissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni ta’ stati Membri ġodda f’din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-konvenzjoni ta’ Brussell”), l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tgħodd ukoll għall-dawk ta’ dan ir-regolament, dment li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2016, Hőszig, C-222/15, EU:C:2016:525, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan ir-rigward, għalkemm, fil-verżjoni inizjali tagħha, din il-konvenzjoni ma kinitx tissemma b’mod speċifiku fil-kuntratt ta’ xogħol, il-punt 2 tal-Artikolu 19 tar-Regolament ta’ Brussell I huwa redatt f’termini kważi identiċi għall-dawk tat-tieni u tat-tielet sentenza tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija konvenzjoni fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-Konvenzjoni 89/535/KEE dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża fil-konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif ukoll fil-protokoll dwar l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja, flimkien mal-aġġustamenti tagħhom mill-konvenzjoni dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq u l-aġġustamenti tagħhom mill-konvenzjoni dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU 1989, L 285, p. 1), b’tali mod li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti, jeħtieġ li tiġi żgurata l-kontinwità fl-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ strumenti.

47

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kuntratt individwali ta’ xogħol, il-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu li jservi bħala bażi għat-talba, imsemmi fit-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 5(1) tal-konvenzjoni ta’ Brussell, għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ kriterji uniformi li għandhom jiġu ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sistema u l-għanijiet ta’ din il-konvenzjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li tali interpretazzjoni awtonoma hija l-unika waħda ta’ natura li tiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-imsemmija konvenzjoni li l-għan tagħha jikkonsisti, b’mod partikolari, fl-unifikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-qrati tal-Istati kontraenti, filwaqt li tiġi evitata, kemm jista’ jkun, il-multiplikazzjoni tal-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward tal-istess relazzjoni legali, u fit-tisħiħ tal-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fil-Komunità, billi jkun permess lir-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li huwa jista’ jippreżenta l-kawża tiegħu quddiemha, u lill-konvenut li raġjonevolment jipprevedi dik il-qorti li quddiemha huwa jista’ jiġi mfittex (sentenza tal-10 ta’ April 2003, Pugliese, C-437/00, EU:C:2003:219, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Minn dan isegwi li dan ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni awtonoma japplika wkoll għall-punt 2 tal-Artikolu 19 tar-Regolament Brussell I (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C-47/14, EU:C:2015:574, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Fit-tieni lok, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, għall-kawżi marbuta mal-kuntratti ta’ xogħol, is-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Brussell I tistabbilixxi serje ta’ regoli li, kif jirriżulta mill-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, għandhom l-għan li jipproteġu lill-parti kontraenti l-iktar dgħajjfa permezz ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni l-iktar favorevoli għall-interessi ta’ din il-parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, MahamdiaC-154/11, EU:C:2012:491, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C-47/14, EU:C:2015:574, punt 43).

50

Fil-fatt, dawn ir-regoli jippermettu b’mod partikolari lill-ħaddiem li jressaq lill-persuna li timpjegah quddiem il-qorti li jikkunsidra bħala l-iktar qrib għall-interessi tiegħu, fejn tiġi rrikonoxxuta l-fakoltà tiegħu li jaġixxi quddiem qorti tal-Istat li fih huwa iddomiċiljat jew tal-Istat li fih huwa jaħdem abitwalment jew inkella dak li fih jinsab l-istabbiliment tal-persuna li timpjegah. Id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija sezzjoni jillimitaw ukoll il-possibbiltà ta’ għażla tal-ġurisdizzjoni minn persuna li timpjega li taġixxi kontra l-impjegat kif ukoll il-possibbiltà li ssir eċċezzjoni għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mill-imsemmi regolament (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia, C-154/11, EU:C:2012:491, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fis-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Brussell I huma ta’ natura mhux biss speċjali, iżda wkoll eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C-47/14, EU:C:2015:574, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fit-tielet lok, l-Artikolu 21 tar-Regolament Brussell I jillimita l-possibbiltà tal-partijiet f’kuntratt ta’ xogħol li jikkonkludu ftehim li jattribwixxi l-ġurisdizzjoni. B’hekk, ftehim bħal dan għandu jkun ġie konkluż wara li nħolqot il-kwistjoni jew, meta huwa konkluż qabel, għandu jippermetti lill-ħaddiem li jirrikorri għal qrati oħra minbarra dawk li jingħataw il-ġurisdizzjoni mill-imsemmija regoli (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia, C-154/11, EU:C:2012:491, punt 61).

53

B’hekk jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata b’tali mod li klawżola li tagħti l-ġurisdizzjoni tista’ tapplika b’mod esklużiv u tipprekludi b’hekk lill-ħaddiem milli jirrikorri għall-qrati li għandhom ġurisdizzjoni skont l-imsemmija Artikoli 18 u 19 (ara, f’dan is-sens is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia, C-154/11, EU:C:2012:491, punt 63).

54

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 u 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, li klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni, bħal dik maqbula fil-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tissodisfa l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 21 tar-Regolament Brussell I u li, konsegwentement, l-imsemmija klawżola ma tistax tiġi invokata kontra r-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

55

Fir-raba’ u fl-aħħar lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni awtonoma tal-punt 2 tal-Artikolu 19 tar-Regolament Brussell I ma tipprekludix li jittieħdu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet korrispondenti inklużi fil-konvenzjoni ta’ Ruma, peress li din il-konvenzjoni, kif jirriżulta mill-preambolu tagħha, hija intiża wkoll li tkompli, fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat, l-azzjoni ta’ unifikazzjoni legali diġà mibdija fl-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi.

56

Fil-fatt, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà pprovdiet, fis-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C-29/10, EU:C:2011:151), u tal-15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C-384/10, EU:C:2011:842), interpretazzjoni tal-konvenzjoni ta’ Ruma fid-dawl b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni ta’ Brussell marbuta mal-kuntratti individwali ta’ xogħol.

57

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kunċett ta’ “post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, fis-sens tal-punt 2(a) tal-Artikolu 19 tar-Regolament Brussell I, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li l-kriterju tal-Istat Membru li fih il-ħaddiem abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Schlecker, C‑64/12, EU:C:2013:551, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Fir-rigward ta’ kuntratt ta’ xogħol eżegwit fit-territorju ta’ diversi Stati kontraenti u fl-assenza ta’ ċentru effettiv ta’ attivitajiet professjonali tal-ħaddiem li minnu huwa jkun onora l-maġġoranza tal-obbligi tiegħu fil-konfront tal-persuna li timpjegah, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 5(1) tal-konvenzjoni ta’ Brussell għandu, fid-dawl tan-neċessità kemm li jiġi ddeterminat il-post li miegħu il-vertenza għandha r-rabta l-iktar sinjifikattiva bil-għan li tiġi identifikata l-qorti li tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni kif ukoll li tiġi żgurata protezzjoni adegwata lill-ħaddiem bħala l-parti kontraenti l-iktar dgħajjfa u li tiġi evitata l-multiplikazzjoni tal-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni, jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-post li fih, jew li minnu, il-ħaddiem effettivament jaqdi l-maġġoranza tal-obbligi tiegħu fil-konfront tal-persuna li timpjegah. Fil-fatt, huwa proprju f’dan il-post li l-ħaddiem jista’, bl-inqas spejjeż, jiftaħ proċedura ġudizzjarja kontra l-persuna li timpjegah jew li jiddefendi ruħu u li l-qorti ta’ dan il-post hija l-iktar adatta sabiex tiddeċiedi l-kontestazzjoni marbuta mal-kuntratt ta’ xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2002, Weber, C-37/00, EU:C:2002:122, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

B’hekk, f’tali ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu” sanċit fil-punt 2(a) tal-Artikolu 19 tar-Regolament Brussell I għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-post li fih, jew li minnu, il-ħaddiem jaqdi l-maġġoranza tal-obbligi tiegħu fil-konfront tal-persuna li timpjegah.

60

F’dan il-każ, il-kawżi prinċipali jikkonċernaw ħaddiema impjegati bħala membri tal-ekwipaġġ tal-kabina ta’ kumpannija tat-trasport bl-ajru jew ipprovduti għad-dispożizzjoni tagħha. B’hekk, il-qorti ta’ Stat Membru adita b’tali kawżi, meta ma tkunx f’pożizzjoni li tiddetermina mingħajr ambigwità il-“post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, għandha, sabiex tivverifika il-ġurisdizzjoni tagħha, tidentifika il-“post li minnu” dan il-ħaddiem jaqdi l-maġġoranza tal-obbligi tiegħu fil-konfront tal-persuna li timpjegah.

61

Kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, sabiex jiġi ddeterminat dan il-post b’mod konkret, il-qorti nazzjonali għandha tirreferi għal serje ta’ indizji.

62

Dan il-metodu ċirkustanzjali mhux biss jippermetti riflessjoni fuq ir-realtà tar-relazzjoniet legali, li fiha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw l-attività tal-ħaddiem (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch, C-29/10, EU:C:2011:151, punt 48), iżda wkoll jipprevjeni sitwazzjoni li fiha kunċett bħal dak ta’ “post fejn jew li minnu l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu” jiġi strumentalizzat jew li jikkontribwixxi għall-implementazzjoni ta’ strateġiji ta’ evażjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et, C-290/15, EU:C:2016:816, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, fir-rigward tal-partikolarità tar-relazzjonijiet lavorattivi fis-settur tat-trasport, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C-29/10, EU:C:2011:151, punt 49) u tal-15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C-384/10, EU:C:2011:842, punti 38 sa 41), indikat diversi indizji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qrati nazzjonali. Dawn il-qrati għandhom b’mod partikolari jistabbilixxu f’liema Stat Membru jinsab il-post li minnu l-ħaddiem iwettaq il-missjonijiet ta’ trasport tiegħu, dak li fih huwa jirritorna wara l-kompiti tiegħu, li fih huwa jirċievi l-istruzzjonijiet dwar il-kompiti tiegħu u jorganizza xogħlu, kif ukoll il-post li fih jinsabu l-għodod tax-xogħol.

64

F’dan ir-rigward, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u kif ukoll enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-post fejn ikunu stazzjonati l-inġenji tal-ajru li fuqhom abitwalment jitwettaq ix-xogħol.

65

Konsegwentement, il-kunċett ta’ “post fejn jew li minnu l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu” ma jistax jiġi ekwiparat ma’ xi kunċett inkluż f’atti ieħor tad-dritt tal-Unjoni.

66

Fir-rigward tal-ekwipaġġ tal-kabina ta’ kumpannija tat-trasport bl-ajru jew ipprovdut għad-dispożizzjoni tagħha, l-imsemmi kunċett ma jistax jiġi ekwiparat mal-kunċett ta’ “bażi ta’ residenza”, fis-sens tal-Anness III tar-Regolament Nru 3922/91. Fil-fatt, ir-Regolament Brussell I ma jagħmilx riferiment għar-Regolament Nru 3922/91, u lanqas ma jikkondividi l-istess għanijiet, peress li dan l-aħħar imsemmi regolament huwa intiż li jarmonizza regoli tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.

67

Iċ-ċirkustanza li l-kunċett ta’ “post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, fis-sens tal-punt 2(a) tal-Artikolu 19 tar-Regolament Brussell I, ma jistax jiġi ekwiparat ma’ dak ta’ “bażi ta’ residenza”, fis-sens tal-Anness III tar-Regolament Nru 3922/91, madankollu ma tfissirx, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 115 ta’ dawn il-konklużjonijet, li dan l-aħħar imsemmi kunċett huwa totalment irrilevanti għad-determinazzjoni, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, tal-post li minnu ħaddiem abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu.

68

B’mod iktar partikolari, kif jirriżulta mill-punti 61 sa 64 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat in-neċessità tal-użu ta’ metodu ċirkustanzjali fl-identifikazzjoni ta’ dan il-post.

69

F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “bażi ta’ residenza” jikkostitwixxi element li jaf ikollu rwol sinjifikattiv fl-identifikazzjoni tal-indizji, imfakkra fil-punti 63 u 64 ta’ din is-sentenza, li jippermettu, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiġi ddeterminat il-post li minnu l-ħaddiema abitwalment iwettqu x-xogħol tagħhom u, għaldaqstant li tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni ta’ qorti li jaf ikollha tieħu konjizzjoni ta’ rikors ippreżentat minnhom, fis-sens tal-punt 2(a) tal-Artikolu 19 tar-Regolament Brussell I.

70

Fil-fatt, dan il-kunċett huwa ddefinit fl-Anness III tar-Regolament Nru 3922/91, fl-OPS 1.1095, bħala l-post li minnu l-ekwipaġġ tal-kabina sistematikament jibda u jispiċċa l-ġurnata ta’ xogħol tiegħu u li fih jorganizza x-xogħol ta’ kuljum tiegħu u li fil-qrib tiegħu l-impjegati jkunu, matul il-perijodu ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, stabbilixxew ir-residenza tagħhom u jkunu għad-disponibbiltà tat-trasportatur bl-ajru.

71

Skont l-OPS 1.1110 ta’ dan l-anness, il-perijodi ta’ mistrieħ minimu tal-ħaddiema, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ivarja skont jekk il-ħin jingħatax mill-“bażi ta’ residenza” jew minn post ieħor, fis-sens tal-Anness III tar-Regolament Nru 3922/91.

72

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li dan il-post la jiġi ddeterminat b’mod aleatorju u lanqas mill-ħaddiem, iżda, b’mod konformi mal-punt 3.1 tal-OPS 1.1090 tal-imsemmi anness, mill-operatur għal kull membru tal-ekwipaġġ.

73

Ikun biss f’każ li, fid-dawl tal-elementi fattwali ta’ kull wieħed mill-każijiet ineżami, it-talbiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikunu jippreżentaw rabtiet iktar mill-qrib ma’ post partikolari minflok mal-“bażi ta’ residenza” li tista’ tiġi imminata r-rilevanza ta’ dan il-kunċett għall-identifikazzjoni tal-post “li minnu l-ħaddiema abitwalment iwettqu x-xogħol tagħhom” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2002, Weber, C-37/00, EU:C:2002:122, punt 53, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Schlecker, C-64/12, EU:C:2013:551, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

Bara minn hekk, in-natura awtonoma tal-kunċett ta’ “post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu” ma tistax tiġi kkontestata mir-riferiment għall-kunċett ta’ “bażi ta’ residenza”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, inkluż fil-kontenut tar-Regolament Nru 883/2004, peress li dan l-aħħar imsemmi regolament u r-Regolament Brussell I isegwi finalitajiet differenti. Fil-fatt, filwaqt li r-Regolament Brussell I isegwi l-għan imsemmi fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament Nru 883/2004 għandu bħala l-għan tiegħu, kif tindika l-premessa 1 tiegħu, minbarra l-moviment liberu tal-persuni, li “jikkontribwixx[i] għat-titjib tal-livell ta’ għajxien tagħhom u tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”.

75

Barra minn hekk, il-kunsiderazzjoni li l-kunċett ta’ post li fih, jew li minnu, il-ħaddiem abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu, li jsir riferiment għalih fil-punt 2(a) tal-Artikolu 19 tar-Regolament Brussell I, ma huwa ekwiparabbli, kif jirriżulta mill-punt 65 tas-sentenza odjerna, ma ebda kunċett ieħor, tgħodd ukoll fir-rigward tan-“nazzjonalità” tal-inġenji tal-ajru, fis-sens tal-Artikolu 17 tal-konvenzjoni ta’ Chicago.

76

B’hekk, u għall-kuntrarju ta’ dak li sostnew Ryanair u Crewlink fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħhom, l-Istat Membru li minnu, membru tal-ekwipaġġ tal-kabina ta’ kumpannija tat-trasport bl-ajru jew li jkun ipprovdut għad-dispożizzjoni tagħha abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu lanqas ma huwa ekwiparabbli mat-territorju tal-Istat Membru li fih ikunu rreġistrati l-inġenji tal-ajru ta’ din il-kumpannija tat-trasport bl-ajru, fis-sens tal-Artikolu 17 tal-konvenzjoni ta’ Chicago.

77

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-punt 2(a) tal-Artikolu 19 tar-Regolament Brussell I għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ rikors ippreżentat minn membru tal-ekwipaġġ tal-kabina ta’ kumpannija tat-trasport bl-ajru jew li jkun ipprovdut għad-dispożizzjoni tagħha, u sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni ta’ qorti adita, il-kunċett ta’ “post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, fis-sens ta’ din id-dipożizzjoni, ma huwiex ekwiparabbli għal dak ta’ “bażi ta’ residenza”, fis-sens tal-Anness III tar-Regolament Nru 3922/91. Madankollu, il-kunċett ta’ “bażi ta’ residenza” jikkostitwixxi indizju sinjifikattiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-“post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”.

Fuq l-ispejjeż

78

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 2(a) tal-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ rikors ippreżentat minn membru tal-ekwipaġġ tal-kabina ta’ kumpannija tat-trasport bl-ajru jew li jkun ipprovdut għad-dispożizzjoni tagħha, u sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni ta’ qorti adita, il-kunċett ta’ “post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, fis-sens ta’ din id-dipożizzjoni, ma huwiex ekwiparabbli għal dak ta’ “bażi ta’ residenza”, fis-sens tal-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91, tas-16 ta’ Diċembru 1991, dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam ta’ l-avjazzjoni ċivili, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1899/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006. Madankollu, il-kunċett ta’ “bażi ta’ residenza” jikkostitwixxi indizju sinjifikattiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-“post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top