Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0158

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017.
    Margarita Isabel Vega González vs Consejería de Hacienda y Sector Público del gobierno del Principado de Asturias.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n. 1 de Oviedo.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Kunċett ta’ ‘kundizzjonijiet tal-impjieg’ – Tqegħid amministrattiv f’pożizzjoni ta’ leave speċjali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-għoti ta’ leave speċjali fil-każ ta’ elezzjoni għal funzjonijiet pubbliċi biss lill-uffiċjali stabbiliti, bl-esklużjoni ta’ membri tal-persunal mhux stabbiliti.
    Kawża C-158/16.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:1014

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

    20 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn l-ETUC, l-UNICE u ċ-CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Kunċett ta’ ‘kundizzjonijiet tal-impjieg’ – Tqegħid amministrattiv f’pożizzjoni ta’ leave speċjali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-għoti ta’ leave speċjali fil-każ ta’ elezzjoni għal funzjonijiet pubbliċi biss lill-uffiċjali stabbiliti, bl-esklużjoni ta’ membri tal-persunal mhux stabbiliti”

    Fil-Kawża C-158/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n. 1 de Oviedo (il-Qorti Amministrattiva Nru 1 ta’ Oviedo, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura

    Margarita Isabel Vega González

    vs

    Consejería de Hacienda y Sector Público del Gobierno del Principado de Asturias,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

    komposta minn E. Levits, President tal-Awla, M. Berger u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal M.I. Vega González, minn S. Suárez Solis, abogada, u R. Blanco González, procurador,

    għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis u A. Rubio González, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u N. Ruiz García, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-7 ta’ Settembru 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Margarita Isabel Vega González u l-Consejería de Hacienda y Sector Público del Gobierno del Principado de Asturias (il-Ministeru tal-Finanzi u tas-Settur Pubbliku tal-Gvern tal-Prinċipat ta’ Asturias, Spanja) (iktar ’il quddiem il-“Ministeru”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jilqa’ t-talba ta’ tqegħid amministrattiv f’pożizzjoni ta’ leave speċjali mressqa mill-persuna kkonċernata wara li ġiet eletta bħala deputat parlamentari.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Mill-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 jirriżulta li “[l]-partijiet firmatarji xtaqu jikkonkludu ftehim qafas fuq xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi għal kuntratti ta’ impjieg għal terminu fiss u relazzjonijiet ta’ impjieg; huma wrew ix-xewqa tagħhom li jtejbu il-kwalità ta’ xogħol ta’ terminu fiss billi jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, u xtaqu li jistabbilixxu qafas għall-prevenzjoni ta’ abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti ta’ impjieg jew relazzjonijiet ta’ terminu fiss suċċessivi.”

    4

    Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, din għandha l-iskop li “jġib fis-seħħ il-ftehim qafas […] konkluż […] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija [il-Konfederazzjoni Ewropea tat-trade Unions (ETUC), l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet Industrijali u ta’ min iħaddem fl-Ewropea (UNICE) u ċ-Ċentru Ewropew tal-Intrapriżi Pubbliċi (CEEP)]”.

    5

    Il-preambolu tal-Ftehim qafas jispeċifika, fit-tielet paragrafu tiegħu, li dan il-ftehim “jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li jirrelataw għal xogħol ta’ terminu fiss [żmien determinat], waqt li jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali. Juri d-disposizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġguhom kontra d-diskriminazzjoni u għall-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss fuq bażi aċċetabbli għal min jimpjiega u l-ħaddiema”.

    6

    Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas sabiex jipprekludi l-abbużi kkawżati mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

    7

    Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi:

    “1.

    Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

    2.

    Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ mpjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. […]”

    8

    Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprovdi, fil-punt 1 tagħha:

    “Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

    Id-dritt Spanjol

    9

    Il-Ley del Principado de Asturias 3/1985 de Ordenación de la Función Pública de la Administración del Principado de Asturias (il-Liġi tal-Prinċipat ta’ Asturias 3/1985 dwar l-Organizzazzjoni tas-Servizz Pubbliku tal-Amministrazzjoni tal-Prinċipat ta’ Asturias), tas-26 ta’ Diċembru 1985 (BOE Nru 59, tal-10 ta’ Marzu 1986, p. 9083), tiddefinixxi, fl-Artikolu 6 tagħha, il-“membri tal-persunal mhux stabbiliti” bħala persuni legalment maħtura sabiex jokkupaw temporanjament postijiet vakanti mal-amministrazzjoni tal-Prinċipat ta’ Asturias sakemm dawn il-postijiet jimtlew minn uffiċjali, jew sabiex jissostitwixxu jew jassumu l-kompiti tal-uffiċjali kkollokati jew fuq leave speċjali.

    10

    Fir-rigward tal-pożizzjonijiet amministrattivi, dawn huma elenkati fl-Artikolu 59(1) tal-Liġi 3/1985, li jsemmi, fil-punt (e) tiegħu, il-“leave speċjali”. Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 59 jipprovdi espressament li l-membri tal-persunal mhux stabbiliti ma jistgħux jitqiegħdu f’pożizzjoni ta’ leave speċjali.

    11

    Skont l-Artikolu 64(1)(g) tal-Liġi 3/1985, l-uffiċjali stabbiliti tal-Amministrazzjoni tal-Prinċipat ta’ Asturias jitqiegħdu f’pożizzjoni ta’ leave speċjali meta jkunu eletti deputati fil-Junta General del Principado de Asturias (il-Parlament ta’ Asturias, Spanja).

    12

    Konformement mal-Artikolu 64(2) tal-Liġi 3/1985, l-uffiċjali f’pożizzjoni ta’ leave speċjali għandhom id-dritt li jkollhom l-istatus u l-post ta’ entità ta’ oriġini tagħhom irriżervati, u t-tul ta’ żmien ta’ din il-pożizzjoni għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-bonus ta’ kull tliet snin u l-promozzjoni fil-grad.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    13

    M. I. Vega González ilha impjegata mal-Amministrazzjoni tal-Prinċipat ta’ Asturias mis-26 ta’ Mejju 1989, u dan taħt diversi status professjonali. Fil-15 ta’ April 2011, hija nħatret, mill-istess amministrazzjoni, bħala membru tal-persunal mhux stabbilit fil-kategorija ogħla tal-amministraturi, sabiex tieħu post uffiċjal stabbilit ikkollokat.

    14

    Fl-elezzjonijiet tal-Parlament ta’ Asturias organizzati fl-24 ta’ Mejju 2015, M. I. Vega González dehret fil-lista ta’ partit politiku u ġiet eletta bħala deputat Parlamentari.

    15

    Sabiex tkun tista’ tassumi l-funzjonijiet parlamentari tagħha full-time, M. I. Vega González ressqet, fit-13 ta’ Ġunju 2015, talba quddiem l-Amministrazzjoni tal-Prinċipat ta’ Asturias sabiex tkun tista’ tibbenefika skont l-Artikolu 59 tal-Liġi 3/1985, minn leave speċjali, altrimenti minn leave għal raġunijiet personali.

    16

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 2015, id-Dirección General de Función Pública (id-Direttorat Ġenerali għas-Servizz Pubbliku, Spanja) ċaħad din it-talba minħabba li l-leave speċjali u l-leave għal raġunijiet personali japplikaw biss għall-uffiċjali stabbiliti, bl-esklużjoni tal-membri tal-persunal mhux stabbiliti.

    17

    It-talba ta’ rikunsiderazzjoni mressqa minn M. I. Vega González ġiet miċħuda b’deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2015 tal-Ministeru.

    18

    M. I. Vega González ressqet azzjoni kontenzjuża kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n.°1 de Oviedo (il-Qorti Amministrattiva Nru 1 ta’ Oviedo, Spanja).

    19

    Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Ministeru jsostni li d-Direttiva 1999/70 ma hijiex applikabbli billi din tipprevedi biss il-kundizzjonijiet tal-impjieg u mhux pożizzjonijiet amministrattivi.

    20

    Il-Ministeru jispeċifika li, kieku M. I. Vega González kienet uffiċjal stabbilit, il-leave speċjali previst fl-Artikolu 59 tal-Liġi 3/1985 kien jingħatalha, billi l-amministrazzjoni kkonċernata ma għandha ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. B’hekk, l-unika triq disponibbli għal M. I. Vega González sabiex teżerċita b’mod sħiħ il-mandat politiku tagħha hija dik li tirrinunzja b’mod definittiv għall-impjieg tagħha.

    21

    Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, differenza fit-trattament fil-qasam tal-kundizzjonijiet tal-impjieg bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat ma hijiex kompatibbli mar-rekwiżiti tad-Direttiva 1999/70, sakemm din ma tkunx iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi.

    22

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinsisti fuq il-fatt li, anki jekk huwa teoretikament possibbli li wieħed isostni li d-differenza fit-trattament hija ġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi marbuta mal-urġenza u n-neċessità tal-ħatra temporanja, dan l-argument ma jistax madankollu jreġi fil-każ partikolari fejn il-pożizzjoni tkun ilha iktar minn erba’ snin okkupata minn ħaddiem temporanju. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-importanza partikolari tad-dritt affettwat f’dan il-każ, jiġifieri d-dritt ta’ aċċess għal mandat parlamentari, iggarantit mill-Kostituzzjoni Spanjola.

    23

    Skont il-qorti tar-rinviju, in-natura temporanja tal-funzjoni eżerċitata minn membru tal-persunal mhux stabbilit ma tikkostitwixxix, bħala tali, raġuni oġġettiva li tiġġustifika trattament iddifferenzjat, li jċaħħdu mid-dritt ta’ reintegrazzjoni fil-pożizzjoni tiegħu fit-tmiem tal-mandat parlamentari tiegħu. Fil-fatt, anki jekk huwa possibbli li, matul dan il-mandat, il-possibbiltà ta’ reintegrazzjoni tkun de facto spiċċat, minħabba li l-pożizzjoni li l-membru tal-persunal temporanju kien jokkupa tkun fil-frattemp ittieħdet minn uffiċjal stabbilit jew tkun, sempliċement, tneħħiet, ma jistax jiġi eskluż li s-sitwazzjoni li ġġustifikat il-ħatra ta’ dan il-membru tal-persunal b’mod temporanju tibqa’ attwali fl-iskadenza tal-mandat parlamentari tiegħu.

    24

    Għalhekk, id-dubji tal-qorti tar-rinviju iktar jirrigwardaw il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg” fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas. Madankollu, sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-portata ta’ dan il-kunċett biss fir-rigward ta’ kwistjonijiet dwar ir-remunerazzjoni li għandha titħallas, il-ħin tax-xogħol, l-orarju, il-kalendarju jew il-vaganzi, jew, b’mod iktar ġenerali, l-awtorizzazzjonijiet tal-assenza mix-xogħol. Għalhekk, minn naħa, għandu jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg” jinkludix ukoll l-obbligu li ħaddiem għal żmien determinat, f’dan il-każ membru tal-persunal mhux stabbilit, jitqiegħed f’pożizzjoni amministrattiva li tippermettilu, bħall-ħaddiem għal żmien indeterminat, jiġifieri l-uffiċjal stabbilit, li jissospendi ir-relazzjoni tax-xogħol sabiex, speċifikament, jiddedika lilu nnifsu għall-eżerċizzju tal-mandat politiku li għalih ikun ġie elett. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-trattament iddifferenzjat, operat mill-Artikolu 59 tal-Liġi Nru 3/1985, bejn il-membri tal-persunal mhux stabbiliti u l-uffiċjali stabbiliti hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas.

    25

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n.°1 de Oviedo (il-Qorti Amministrattiva Nru 1 ta’ Oviedo) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Il-kunċett ta’ ‘kondizzjonijiet tax-xogħol’ [‘kundizzjonijiet tal-impjieg’] imsemmi fil-klawżola 4 tal-ftehim qafas […], għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi s-sitwazzjoni legali li tippermetti lil ħaddiem impjegat għal żmien determinat li ġie elett għal mandat ta’ rappreżentanza politika li jitlob u li jikseb, l-istess bħall-persunal permanenti, sospensjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu mal-persuna li timpjegah li tippermettilu li jirritorna fil-post tax-xogħol tiegħu mal-iskadenza tal-mandat parlamentari kkonċernat?

    2)

    Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni imsemmi fil-klawżola 4 tal-ftehim qafas […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni reġjonali, [bħal-Liġi 3/1985], li l-Artikolu 59(2) tagħha jeskludi totalment u assolutament l-għoti ta’ leave speċjali lil membru tal-persunal mhux permanenti fil-pożizzjoni amministrattiva meta dan jiġi elett deputat fil-Parlament ta’ Asturias, filwaqt li dan id-dritt huwa rrikonoxxut lill-[uffiċjali stabbiliti]?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    26

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jinkludi d-dritt, għal ħaddiem li jkun ġie elett għal funzjoni parlamentari, li jibbenefika minn leave speċjali, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li permezz tiegħu r-relazzjoni tax-xogħol tiġi sospiża, b’tali mod li ż-żamma tal-impjieg ta’ dan il-ħaddiem u d-dritt tiegħu li javvanza jkunu ggarantiti sa tmiem il-mandat parlamentari tiegħu.

    27

    Għandu, b’mod preliminari, jitfakkar li, skont il-klawżola 1(a) tal-Ftehim qafas, wieħed mill-għanijiet ta’ dan huwa li titjieb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi tiġi mħarsa l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Barra minn hekk, il-preambolu tal-Ftehim qafas jenfasizza, fit-tielet paragrafu tiegħu, li dan il-ftehim qafas “juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni”. Il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 tindika f’dan ir-rigward li l-għan tal-Ftehim qafas huwa, b’mod partikolari, it-titjib tal-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi li jkunu ta’ natura li jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Il-ftehim qafas, b’mod partikolari l-klawżola 4 tiegħu, għandu l-għan li japplika l-imsemmi prinċipju għall-ħaddiema għal żmien determinat sabiex jiġi prekluż li relazzjoni tax-xogħol ta’ dan it-tip tintuża mill-persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema mid-drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mill-Ftehim qafas, il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandu jinftiehem bħala li jesprimi prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C-596/14, EU:C:2016:683, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Fir-rigward tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li l-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt dan il-kunċett huwa preċiżament dak tal-impjieg, jiġifieri r-relazzjoni tax-xogħol stabbilita bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù, C-361/12, EU:C:2013:830, punt 35; tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C-38/13, EU:C:2014:152, punt 25; tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C-596/14, EU:C:2016:683, punt 26, kif ukoll id-digriet tad-9 ta’ Frar 2017, Rodrigo Sanz, C-443/16, EU:C:2017:109, punt 32).

    31

    B’dan il-mod, jaqgħu taħt il-kunċett tal-“kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, il-bonus ta’ kull tliet snin tal-anzjanità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C-307/05, EU:C:2007:509, punt 47; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C-444/09 u C-456/09, EU:C:2010:819, punti 50 sa 58, u s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Regojo Dans, C-177/14, EU:C:2015:450, punt 43), il-bonus ta’ kull sitt snin tat-taħriġ kontinwu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez, C-556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 38), ir-regoli relatati mal-perijodi ta’ servizz li għandhom jgħaddu sabiex wieħed ikun jista’ jiġi kklassifikat f’kategorija ta’ remunerazzjoni ogħla jew mal-kalkolu tal-perijodi ta’ servizz meħtieġa sabiex wieħed ikun suġġett għal rapport ta’ evalwazzjoni annwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C-177/10, EU:C:2011:557, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata), id-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-pjan ta’ evalwazzjoni tat-tagħlim u l-inċitazzjoni finanzjarja li tirriżulta minnu (digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C-631/15, EU:C:2016:725, punt 36), kif ukoll it-tnaqqis bin-nofs tal-ħin tax-xogħol u r-rigress fis-salarju li jsegwi (digriet tad-9 ta’ Frar 2017, Rodrigo Sanz, C-443/16, EU:C:2017:109, punt 33).

    32

    Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li r-regoli relatati mad-determinazzjoni tat-terminu ta’ preavviż applikabbli fil-każ tax-xoljiment tal-kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat jagħmlu parti mill-“kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C-38/13, EU:C:2014:152, punti 2729).

    33

    L-istess japplika għall-kumpens li l-persuna li timpjega hija obbligata tħallas lil ħaddiem minħabba l-istabbiliment illeċitu ta’ terminu fil-kuntratt tax-xogħol tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù, C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 37) jew fir-rigward ta’ wara x-xoljiment tal-kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C-596/14, EU:C:2016:683, punt 31).

    34

    Kif ġie enfasizzat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tagħha, l-espressjoni “kundizzjonijiet tal-impjieg” tirreferi għalhekk għad-drittijiet u l-obbligi li jiddefinixxu relazzjoni ta’ xogħol partikolari, li tinkludi kemm il-kundizzjonijiet li fihom persuna teżerċita impjieg kif ukoll dawk relatati mat-twaqqif ta’ din ir-relazzjoni ta’ xogħol.

    35

    Deċiżjoni li tagħti leave speċjali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li twassal għas-sospensjoni ta’ ċerti elementi tar-relazzjoni tax-xogħol, filwaqt li oħrajn jibqgħu, għandha għalhekk titqies bħala li tissodisfa l-kriterju stipulat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, u għaldaqstant, bħala li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

    36

    Fil-fatt, minn naħa, huwa stabbilit li d-deċiżjoni li jingħata tali leave lil ħaddiem tittieħed neċessarjament minħabba r-relazzjoni tax-xogħol li torbtu mal-persuna li timpjegah. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-leave speċjali msemmi fil-Liġi 3/1985 mhux biss iwassal għas-sospensjoni tar-relazzjoni tax-xogħol, iżda jippermetti wkoll li l-post ta’ entità ta’ oriġini tal-ħaddiem jibqa’ rriżervat sakemm issir ir-reintegrazzjoni tiegħu fit-tmiem tal-mandat parlamentari tiegħu, filwaqt li jiggarantixxi t-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu għall-finijiet tal-kalkolu tal-bonus ta’ kull tliet snin u tal-avvanz fil-grad, elementi li kienu diġà ġew espressament irrikonoxxuti, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, bħala li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tagħha.

    37

    L-argument li, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, in-neċessità li tingħata tali leave speċjali ssegwi d-deċiżjoni ddeliberata u unilaterali tal-ħaddiema għal żmien determinat li tipparteċipa f’elezzjonijiet ma huwiex determinanti f’dan ir-rigward, billi ħaddiem għal żmien indeterminat imqiegħed fl-istess sitwazzjoni kien ikun ikkonfrontat bl-istess neċessità. Barra minn hekk, il-persuna li tippreżenta ruħha għal funzjoni parlamentari ma hijiex żgurata li se tiġi eletta, b’tali mod li, bħala tali, is-sempliċi fatt li din tippreżenta ruħha ma għandux iġegħilha tressaq talba għal leave speċjali.

    38

    Fi kwalunkwe każ, għandu jiżdied li interpretazzjoni tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg” id-dritt għal-leave speċjali twassal sabiex tnaqqas, għad-detriment tal-għan imfittex mill-imsemmija dispożizzjoni, il-portata tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema għal żmien determinat kontra d-diskriminazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punti 2729; tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 30, u d-digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 39).

    39

    Għalhekk, għall-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jinkludi d-dritt, għal ħaddiem li jkun ġie elett għal funzjoni parlamentari, li jibbenefika minn leave speċjali, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li permezz tiegħu r-relazzjoni tax-xogħol tkun sospiża, b’tali mod li ż-żamma tal-impjieg ta’ dan il-ħaddiem u d-dritt tiegħu sabiex javvanza jkunu ggarantiti sa tmiem il-mandat parlamentari tiegħu.

    Fuq it-tieni domanda

    40

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi b’mod assolut l-għoti, lil ħaddiem għal żmien determinat, sabiex jeżerċita mandat politiku, ta’ leave li permezz tiegħu r-relazzjoni tax-xogħol tiġi sospiża sakemm issir ir-reintegrazzjoni ta’ dan il-ħaddiem fi tmiem l-imsemmi mandat, meta dan id-dritt ikun irrikonoxxut għall-ħaddiema għal żmien indeterminat.

    41

    Fir-rigward tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, għandu jitfakkar li din tistabbilixxi, fil-punt 1 tagħha, projbizzjoni li, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-ħaddiema għal żmien determinat jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli milli l-ħaddiema għal żmien indeterminat imqiegħda f’sitwazzjoni komparabbli, għas-sempliċi raġuni li huma jaħdmu għal żmien determinat, sakemm it-trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

    42

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jkunux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jkunux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C-596/14, EU:C:2016:683, punt 35).

    43

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li hemm differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat, peress li ħaddiem għal żmien indeterminat, elett għal mandat politiku, jista’ jingħata leave speċjali li permezz tiegħu r-relazzjoni tax-xogħol tiġi sospiża sal-mument tar-reintegrazzjoni tiegħu fi tmiem l-imsemmi mandat, filwaqt li ħaddiem għal żmien determinat għandu jirriżenja minn postu sabiex ikun jista’ jeżerċita dan l-istess mandat.

    44

    Issa, huwa biss fil-każ fejn ix-xogħol imwettaq minn ħaddiem, bħalma hija M. I. Vega González, fil-kuntest tal-kuntratt għal żmien determinat tiegħu ma jkunx identiku jew komparabbli għal dak eżerċitat minn ħaddiema għal żmien indeterminat li d-differenza fit-trattament allegata fir-rigward tal-għoti tal-benefiċċju ta’ leave speċjali tista’ tkun iġġustifikata, minkejja l-projbizzjoni stabbilita fil-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, billi din id-differenza fit-trattament tkun marbuta ma’ sitwazzjonijiet differenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C-302/11 sa C-305/11, EU:C:2012:646, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C-596/14, EU:C:2016:683, punt 41).

    45

    Fil-fatt, sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili fis-sens tal-Ftehim qafas, hemm lok, konformement mal-klawżola 3(2) u l-klawżola 4(1) ta’ dan tal-aħħar, li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu bħala li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C-302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 31, u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 40).

    46

    Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk M. I. Vega González tinsabx f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-ħaddiema impjegati għal żmien indeterminat mill-istess awtorità matul l-istess perijodu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 32, u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C-596/14, EU:C:2016:683, punt 42). Jekk, fi tmiem dan l-eżami, dik il-qorti kellha tikkonstata inugwaljanza fit-trattament, hija jkollha, imbagħad, tivverifika jekk din tistax tkun iġġustifikata bl-eżistenza ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, jiġifieri b’elementi speċifiċi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tal-impjieg involuta, fil-kuntest partikolari li fih hija taqa’ u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, li jippermettu li jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tirriflettix ħtieġa vera, hijiex adegwata sabiex tilħaq l-għan imfittex u hijiex neċessarja għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat, minn naħa, li l-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, għandu jinftiehem bħala li ma jippermettix li differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat tkun iġġustifikata mill-fatt li din id-differenza hija prevista minn standard nazzjonali ġenerali u astratt (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C-596/14, EU:C:2016:683, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    48

    Min-naħa l-oħra, jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-użu biss tan-natura temporanja tax-xogħol ma huwiex konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u ma jistax jikkostitwixxi “raġuni oġġettiva”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C-596/14, EU:C:2016:683, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċittata).

    49

    F’dan il-każ, anki jekk il-qorti tar-rinviju ma teskludix li l-urġenza u n-neċessità ta’ ħatra temporanja, bħall-prevedibbiltà tat-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol, jistgħu, bħala prinċipju, jikkostitwixxu elementi speċifiċi u konkreti li jistgħu jiġġustifikaw inugwaljanza fit-trattement fir-rigward tal-għoti ta’ leave speċjali, dik l-istess qorti madankollu tispeċifika li tali argumenti ma jistgħux ireġu f’sitwazzjoni bħalma hija dik li tat lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali, fejn il-post ilu iktar minn erba’ snin okkupat mill-istess ħaddiem temporanju.

    50

    Fi kwalunkwe każ, ir-rifjut assolut li l-ħaddiema għal żmien determinat jibbenefikaw minn leave speċjali ma jidhirx a priori li huwa indispensabbli għall-għan imfittex mil-Liġi 3/1985, jiġifieri ż-żamma tal-impjieg u tad-dritt għall-avvanz tal-ħaddiema għal żmien indeterminat, u senjatament tal-uffiċjali li għandhom mandat politiku, sa fejn il-qorti tar-rinviju tikkonstata hija stess li huwa ferm possibbli li l-ħaddiema għal żmien determinat, li għandhom mandat simili, jibbenefikaw minn tali leave speċjali li jissospendi r-relazzjoni tax-xogħol sakemm l-imsemmi mandat jintemm fejn huma jkunu żgurati li jiġu rreintegrati f’posthom, sakemm dan ma jkunx, fil-frattemp, tneħħa jew ġie okkupat minn uffiċjal.

    51

    Fid-dawl tal-premess, għat-tieni domanda għandha tingħata r-risposta li l-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata li din tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi b’mod assolut l-għoti, lil ħaddiem għal żmien determinat, sabiex jeżerċita mandat politiku, ta’ leave li permezz tiegħu r-relazzjoni tax-xogħol tiġi sospiża sakemm issir ir-reintegrazzjoni ta’ dan il-ħaddiem fi tmiem l-imsemmi mandat, meta dan id-dritt ikun irrikonoxxut lill-ħaddiema għal żmien indeterminat.

    Fuq l-ispejjeż

    52

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jinkludi d-dritt, għal ħaddiem li jkun ġie elett għal funzjoni parlamentari, li jibbenefika minn leave speċjali, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li permezz tiegħu r-relazzjoni tax-xogħol tkun sospiża, b’tali mod li ż-żamma tal-impjieg ta’ dan il-ħaddiem u d-dritt tiegħu sabiex javvanza jkunu ggarantiti sa tmiem dan il-mandat parlamentari.

     

    2)

    Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70 għandha tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi b’mod assolut l-għoti, lil ħaddiem għal żmien determinat, sabiex jeżerċita mandat politiku, ta’ leave li permezz tiegħu r-relazzjoni tax-xogħol tiġi sospiża sakemm issir ir-reintegrazzjoni ta’ dan il-ħaddiem fi tmiem l-imsemmi mandat, meta dan id-dritt ikun irrikonoxxut lill-ħaddiema għal żmien indeterminat.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top