Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0127

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Marzu 2018.
    SNCF Mobilités vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna implementata mir-Repubblika Franċiża favur Sernam – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni u rikapitalizzazzjoni, garanziji u rinunzja tal-krediti minn SNCF fil-konfront ta’ Sernam – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Bejgħ tal-assi f’daqqa – Kunċett ta’ ’bejgħ’ – Konfużjoni bejn is-suġġett u l-prezz tal-bejgħ tal-assi f’daqqa – Proċedura miftuħa u trasparenti – Kriterju ta’ investitur privat – Applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għal trasferiment tal-assi f’daqqa – Miżuri kumpensatorji.
    Kawża C-127/16 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:165

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    7 ta’ Marzu 2018 ( *1 )

    “Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna implementata mir-Repubblika Franċiża favur Sernam – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni u rikapitalizzazzjoni, garanziji u rinunzja tal-krediti minn SNCF fil-konfront ta’ Sernam – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Bejgħ tal-assi f’daqqa – Kunċett ta’ ’bejgħ’ – Konfużjoni bejn is-suġġett u l-prezz tal-bejgħ tal-assi f’daqqa – Proċedura miftuħa u trasparenti – Kriterju ta’ investitur privat – Applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għal trasferiment tal-assi f’daqqa – Miżuri kumpensatorji”

    Fil-Kawża C-127/16 P,

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-26 ta’ Frar 2016,

    SNCF Mobilités, li qabel kient Société nationale des chemins de fer français (SNCF), stabbilita f’Saint-Denis (Franza), irrappreżentata minn P. Beurier, O. Billard, G. Fabre u V. Landes, avocats,

    appellanti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    Ir-Repubblika Franċiża,

    Mory SA, fi stralċ,

    Mory Team, fi stralċ,

    stabbiliti f’Pantin (Franza), irrappreżentati minn B. Vatier u F. Loubières, avocats,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund, J.‑C. Bonichot, S. Rodin u E. Regan (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Marzu 2017,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Lulju 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, SNCF Mobilités, li qabel kienet Société nationale des chemins de fer français (iktar’ il quddiem “SNCF”), titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Diċembru 2015, SNCF vs Il-Kummissjoni (T‑242/12, iktar’ il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:1003), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/398/UE, tad-9 ta’ Marzu 2012, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.12522 (C 37/08) – Franza – Applikazzjoni tad-Deċiżjoni “Sernam 2” (ĠU 2012, L 195, p. 19, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Sernam 3”).

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    2

    Fil-bidu tas-snin 2000, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Sernam SA, li l-attività tagħha kienet strutturalment defiċitarja, kienet teħtieġ l-implementazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar, ibbażat b’mod partikolari fuq miżuri ta’ assistenza kummerċjali u ta’ rkupru, implementati minn SNCF, li kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2001 dwar l-għajnuna mill-Istat NN 122/2000 (ex NJ 140/2000) (ĠU 2001, C 199, p. 15, iktar’ il quddiem id-“Deċiżjoni Sernam 1”), il-Kummissjoni Ewropea approvat għajnuna għar-ristrutturar tal-grupp Sernam u ddikjarat kompatibbli mas-suq intern, ammont ta’ għajnuna ta’ EUR 503 miljun għar-ristrutturar ta’ Sernam, inizjalment previst fil-kuntest ta’ proġett ta’ rkupru ta’ din tal-aħħar minn Geodis SA.

    3

    Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ġunju 2002, l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni li l-għajnuna approvata bid-Deċiżjoni Sernam 1 kienet ġiet implementata b’kundizzjonijiet differenti minn dawk li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kienet ħadet din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar il-fajl Sernam.

    4

    B’ittra tat-30 ta’ April 2003, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha, intitolata “Għajnuna mill-Istat – Franza – Stedina għat-tressiq tal-osservazzjonijiet b’applikazzjoni tal-[Artikolu 108(2) TFUE] dwar l-għajnuna C 32/03 (ex NN 122/2000) – “Sernam 2: Reviżjoni tal-għajnuniet għar-ristrutturar” (ĠU 2003, C 182, p. 2), li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward ta’ din l-għajnuna.

    5

    Permezz tad-Deċiżjoni 2006/367/KE tagħha, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata parzjalment minn Franza favur l-impriża “Sernam” (ĠU 2006, L 140, p. 1, iktar’ il quddiem id-“Deċiżjoni Sernam 2”), il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm nuqqas ta’ osservanza tad-Deċiżjoni Sernam 1, u dan kien jikkostitwixxi abbuż tal-għajnuna, skont it-tifsira tal-Artikolu 1(g) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

    6

    F’dan ir-rigward, hija kkonstatat li ammont ta’ għajnuna addizzjonali ta’ EUR 41 miljun kien tħallas illegalment biex ikopri ċertu telf sussegwenti għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 1 u ordnat ir-rimbors tiegħu. Madankollu, il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li l-awtoritajiet Franċiżi kienu ssodisfaw diversi mill-għanijiet tagħhom konformement mad-Deċiżjoni Sernam 1 u li l-għajnuna evalwata kienet tissodisfa l-kriterji ta’ modifika ta’ pjan ta’ ristrutturar kif previst fil-punt 3.2.4 tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU 1999, C 288, p. 2). Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat ta’ EUR 503 miljun awtorizzat mid-Deċiżjoni Sernam 1, suġġett għall-osservanza ta’ żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, l-iffokar mill-ġdid ta’ Sernam fuq l-attivitajiet tagħha ta’ trasport ferrovjarju u, min-naħa l-oħra, għas-sostituzzjoni tal-attivitajiet tagħha ta’ trasport bit-triq permezz tas-servizzi ta’ impriżi indipendenti. Alternattivament, id-Deċiżjoni Sernam 2 kienet tipprevedi wkoll il-possibbiltà ta’ trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam.

    7

    Għalhekk, id-dispożittiv tad-Deċiżjoni Sernam 2 huwa fformulat kif ġej:

    “Artikolu 1

    1.   L-għajnuna mill-Istat favur […] Sernam, approvata f’Mejju 2001, bl-ammont ta’ EUR 503 miljun, hija kompatibbli mas-suq komuni bil-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 3 u 4.

    2.   L-għajnuna mill-Istat implimentata [mir-Repubblika Franċiża] favur […] Sernam, bl-ammont ta’ EUR 41 miljun, mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.

    Artikolu 2

    1.   Ir-[Repubblika Franċiża] għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tirkupra mingħand il-benefiċjarju l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(2), u li tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ tali benefiċjarju b’mod illegali.

    2.   L-irkupru għandu jsir mingħajr dewmien u skont il-proċeduri tad-dritt nazzjonali sakemm dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-deċiżjoni. L-għajnuna li trid tiġi rkuprata għandha tinkludi l-interessi mid-data li fiha tqegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, sad-data tal-irkupru tagħha. L-interessi għandhom jiġu kkalkolati fuq il-bażi tar-rata ta’ referenza użata għall-kalkolu tal-għotja ekwivalenti fil-kuntest tal-għajnuna reġjonali.

    Artikolu 3

    1.   Mingħajr ħsara għall-paragrafu 2, għandhom jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    a)

    Sernam tista’ twettaq biss l-attivitajiet tagħha ta’ servizz tal-posta bil-ferrovija, skont il-kunċett tat-Train Bloc Express, ‘TBE’. F’dan ir-rigward, is-SNCF tiggarantixxi li toffri lil kull operatur ieħor li jixtieq jipprovdi servizz simili, l-istess kundizzjonijiet bħal dawk mogħtija lil Sernam għall-iżvilupp tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, ‘TBE’.

    b)

    Min-naħa tagħha, fis-sentejn li jibdew mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, Sernam għandha tissostitwixxi bis-sħiħ ir-riżorsi u s-servizzi tagħha tat-trasport bit-triq b’riżorsi proprji u servizzi ta’ impriża waħda jew aktar, li jkunu legalment u ekonomikament indipendenti mis-SNCF, u jintgħażlu skont proċedura miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja.

    Ir-‘riżorsi proprji u s-servizzi tat-trasport bit-triq’ ta’ Sernam’ tfisser ir-riżorsi kollha tat-triq — jiġifieri, il-vetturi tat-trasport fuq it-triq — tal-kumpannija Sernam, li jappartjenuha kompletament jew li ħadet b’ċens/li kriet;

    L-impriżi li jieħdu f’idejhom mill-ġdid l-attivitajiet tat-triq ta’ Sernam għandhom iwettqu s-servizzi kollha tagħhom ta’ trasport fuq it-triq bir-riżorsi proprji tagħhom.

    2.   Fil-każ li Sernam tbigħ l-assi tagħha f’daqqa sat-30 ta’ Ġunju 2005 bil-prezz tas-suq, permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa, lil kumpanija mingħajr rabta legali mas-SNCF, il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma jibqgħux jgħoddu.

    Artikolu 4

    Kull bejgħ parzjali jew sħiħ ta’ Sernam għandu jsir bil-prezz tas-suq, u permezz ta’ proċedura trasparenti miftuħa għall-kandidati kollha. F’dawn il-kundizzjonijiet, jekk l-impriża Sernam tibqa’ teżisti, għandha tkun responsabbli għall-ħlas lura tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun.

    Artikolu 5

    Ir-[Repubblika Franċiża] għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, bil-miżuri li ttieħdu sabiex tkun konformi magħha.

    Artikolu 6

    Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża. ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    8

    Is-SNCF iddeċidiet li timplementa l-approċċ imsemmi fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 li kien jipprevedi l-possibbiltà ta’ bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, is-sitwazzjoni ekonomika ta’ Sernam ma kinitx tippermetti li tirċievi proposti bbażati fuq valwazzjoni pożittiva fil-kuntest tas-sejħa għal offerti magħmula f’isem is-SNCF minn bank. L-offerti kollha li ġew sottomessi fil-kuntest ta’ din il-proċedura kkonkludew valur negattiv ħafna. Peress li ma ġiet sottomessa ebda offerta konkreta, ittieħdet id-deċiżjoni li jitkomplew biss id-diskussjonijiet mal-konsorzju fformat mill-kandidat Nru 5 assoċjat mat-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam. Il-kandidat Nru 5 finalment informa oralment lis-SNCF fil-15 ta’ Ġunju 2005 li ma kienx f’pożizzjoni li jagħmel offerta ta’ akkwist, anki kundizzjonata, qabel it-30 ta’ Ġunju 2005.

    9

    Fit-30 ta’ Ġunju 2005, is-SNCF ħadet deċiżjoni li tikkonkludi l-bejgħ ma’ Financière Sernam SAS li kienet 100 % proprjetà mat-tim tat-tmexxija ta’ Sernam.

    10

    Il-proċess ta’ trasferiment sar f’erba’ stadji li huma stipulati fil-memorandum ta’ ftehim iffirmat fil-21 ta’ Lulju 2005 bejn SNCF, Sernam, Sernam Xpress SAS, waħda mill-għaxar sussidjarji miżmuma 100 % Sernam, u Financière Sernam. L-ewwel nett, SNCF irrikapitalizzat lil Sernam f’ammont ta’ EUR 57 miljun. It-tieni nett, Sernam għamlet, għall-benefiċċju ta’ Sernam Xpress, injezzjoni parzjali tal-assi. Din l-injezzjoni kienet tirrigwarda l-elementi kollha tal-assi, inklużi EUR 57 miljun tar-rikapitalizzazzjoni u l-obbligazzjonijiet ta’ Sernam, minbarra ċerti obbligazzjonijiet finanzjarji li jirrappreżentaw ammont globali ta’ EUR 38.5 miljuni. Bħala korrispettiv, Sernam irċeviet sehem f’Sernam Xpress ta’ valur nominali ta’ EUR 100. It-tielet nett, immedjatament wara li saret l-injezzjoni, Sernam Xpress kompliet b’żieda tal-kapital ta’ EUR 2 miljuni, li kienet sottoskritta kompletament mis-SNCF. B’segwitu għal din it-tranżazzjoni, is-SNCF żammet il-maġġoranza tal-ishma f’Sernam Xpress. Ir-raba’ nett, Sernam u s-SNCF ittrasferew l-ishma kollha tagħhom f’Sernam Xpress lil Financière Sernam għal prezz ta’ EUR 2 miljuni.

    11

    Wara dan it-trasferiment, Sernam kienet is-suġġett ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja fil-15 ta’ Diċembru 2005. Id-dejn ta’ EUR 41 miljun, li jikkorrispondi għall-għajnuna mill-Istat li kellha tiġi rkuprata skont id-Deċiżjoni Sernam 2, ġiet iskritta fl-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ta’ Sernam. Minn dan l-ammont, is-SNCF setgħet effettivament tirkupra s-somma ta’ EUR 2.75 miljun fi tmiem il-proċedura ta’ stralċ.

    12

    Mill-24 ta’ Ġunju 2005, l-ewwel lanjant iddenunzja l-applikazzjoni ħażina tad-Deċiżjoni Sernam 2 lill-Kummissjoni. Permezz tal-ittri tal-10 ta’ April 2006 u tat-23 ta’ April 2007, wasal quddiem il-Kummissjoni lment ieħor minn parti kkonċernata oħra. Iż-żewġ lanjanti kienu jqisu li, essenzjalment, id-Deċiżjoni Sernam 2 kienet ġiet applikata b’mod abbużiv.

    13

    Permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2008, intitolata “Għajnuna mill-Istat – Franza – Għajnuna mill-Istat C 37/08 – Applikazzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 2 – Stedina biex jitressqu kummenti skont l-Artikolu [108(2) TFUE]” (ĠU 2009,C 4, p. 5), il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 3 fid-9 ta’ Marzu 2012.

    14

    F’din l-aħħar deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern ta’ EUR 41 miljun ma kinitx ġiet irkuprata. Hija kkunsidrat ukoll li l-proċess ta’ trasferiment ma kienx osserva l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 u kkonkludiet li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ EUR 503 miljuni, awtorizzata taħt ċerti kundizzjonijiet mid-Deċiżjoni Sernam 2, kienet ġiet implementata b’mod abbużiv. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri implementati mis-SNCF għall-finijiet ta’ dan it-trasferiment kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat ġdida inkompatibbli mas-suq intern. Dawn l-għajnuniet il-ġodda kienu jinkludu r-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 57 miljun ta’ Sernam mis-SNCF, ir-rinunzja mis-SNCF tal-kreditu kontra Sernam għal ammont ta’ EUR 38.5 miljun kif ukoll il-garanziji mogħtija mis-SNCF matul it-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam lil Financière Sernam, bl-eċċezzjoni tal-garanzija mogħtija lill-ħaddiema tal-ferroviji.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    15

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ġunju 2012, l-appellanti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni Sernam 3.

    16

    L-appellanti qajmet sitt motivi insostenn tat-talba għal annullament tagħha. Dawn il-motivi kienu bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn il-Kummissjoni fformulat adozzjoni ta’ pożizzjoni fid-Deċiżjoni Sernam 3 f’dak li jirrigwarda l-inapplikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat fil-kawża inkwistjoni li ma kinitx tinsab fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, it-tieni nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, it-tielet nett, fuq il-ksur tal-obbligu tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-raba’ nett, fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni sa fejn din ikkunsidrat li t-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam ma osservax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, il-ħames nett, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni sa fejn din ikkunsidrat li l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat ta’ EUR 41 miljun iddikjarata inkompatibbli mas-suq intern mid-Deċiżjoni Sernam 2 kien ġie ttrasferit lil Financière Sernam u s-sussidjarji tagħha, u finalment, is-sitt nett, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni sa fejn din ikkunsidrat li l-miżuri previsti mill-memorandum ta’ ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005 kienu jinvolvu għajnuna mill-Istat ġdida favur Sernam Xpress u Financière Sernam.

    17

    Permezz tas-sentenza appellata, mingħajr ma tiddeċiedi dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra r-rikors fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu, filwaqt li laqgħet l-argument tas-SNCF li jgħid li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat, b’mod żbaljat, li t-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam għal prezz negattiv ma kienx jikkostitwixxi bejgħ. B’hekk, kif jirriżulta mill-punti 100 sa 108 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kunċett ta’ “bejgħ” mhux neċessarjament jeskludi li t-trasferiment previst isir bi prezz negattiv.

    It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    18

    Permezz tal-appell tagħha, is-SNCF titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat;

    tannulla s-sentenza appellata, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    19

    Il-Kummissjoni, Mory SA u Mory Team jitolbu li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    Fuq l-ewwel aggravju

    Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    20

    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li qieset, fil-punti 194 u 195 tas-sentenza appellata, li l-għan aħħari tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kien li jinterrompi l-attività ekonomika ta’ Sernam.

    21

    Qabelkollox, din il-konklużjoni hija bbażata fuq żball ta’ liġi. Il-bejgħ tal-assi f’daqqa previst fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 jimplika li l-assi kollha tal-impriża jiġu ttrasferiti f’daqqa lil xerrej wieħed. Għalhekk, il-kunċett ta’ trasferiment tal-assi f’daqqa għandu bħala l-konsegwenza inevitabbli t-tkomplija tal-attivitajiet tal-impriża.

    22

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali vvizzjat ukoll is-sentenza appellata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni billi naqset milli tispjega kif it-trasferiment tal-assi kollha ta’ Sernam f’daqqa lil xerrej wieħed, li barra minn hekk, kif tindika l-Premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2, kellu jieħu f’idejh l-ishma tas-suq rilaxxati minn Sernam, seta’ jwassal għat-tfixkil tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha.

    23

    Barra minn hekk, fl-istadju tar-replika, l-appellanti tikkritika lill-Kummissjoni li ssostni li t-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam għandu l-għan li jwaqqaf l-attivitajiet tagħha filwaqt li l-Kummissjoni stess spjegat, fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238, punti 68 sa 70), u tad-19 ta’ Ottubru 2005, CDA Datenträger Albrechts vs Il-Kummissjoni (T‑324/00, EU:T:2005:364, punt 73), li l-effett ta’ tali trasferiment kien il-kontinwazzjoni tal-attività ekonomika ta’ impriża.

    24

    Sussegwentement, l-appellanti tqis li l-Premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2 tiddikjara b’mod ċar l-għan tat-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, jiġifieri li Sernam ma toperax iktar taħt il-forma ġuridika preċedenti tagħha u li l-ishma tas-suq tagħha jiġu rilaxxati favur xerrej indipendenti. L-għan imfittex, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(2) ta’ din id-deċiżjoni, moqri fid-dawl tal-Premessa 217 tagħha, huwa b’hekk li għall-futur iwaqqaf kull relazzjoni finanzjarja bejn is-SNCF u s-sussidjarja tagħha sabiex jiġi evitat l-għoti ta’ għajnuna ġdida mill-Istat.

    25

    Meta fil-punti 194 u 195 tas-sentenza appellata indikat li l-għan tat-trasferiment tal-assi ta’ Sernam f’daqqa kien li titwaqqaf l-attività ekonomika tagħha, il-Qorti Ġenerali adottat għan li ma jirriżulta la mid-dispożittiv u lanqas mill-motivi tad-Deċiżjoni Sernam 2. Bl-istess mod, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali semmiet, fil-punt 218 tas-sentenza appellata, lil xerrej li jintegra l-assi ta’ Sernam fl-istrateġija kummerċjali tiegħu, filwaqt li din il-kundizzjoni ma tirriżultax mill-kliem tal-Premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2, li ssemmi biss lil xerrej indipendenti, jiġifieri mingħajr rabta mas-SNCF. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni li ma taqbilx mat-termini ta’ din id-deċiżjoni, filwaqt li dawn huma nieqsa minn kull ambigwità.

    26

    Issa, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-użu ta’ interpretazzjoni tad-dispożittiv ta’ att fid-dawl tal-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu għall-każijiet fejn dan il-mekkaniżmu ma jkunx suffiċjentement espliċitu (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 1980, Roudolff, 803/79, EU:C:1980:166, punt 7). Billi applikat dan il-prinċipju interpretattiv f’dan il-każ, meta l-kliem tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma jiġġustifikahx, il-Qorti Ġenerali żnaturat din id-deċiżjoni.

    27

    Finalment, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata b’kontradizzjoni ta’ motivi sa fejn hija kkunsidrat, fil-punti 194 u 195 ta’ din is-sentenza, li l-Premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2 kienet tistabbilixxi b’mod ċar li l-għan tat-trasferiment tal-assi f’daqqa kien li jinterrompi l-attività ekonomika ta’ Sernam, filwaqt li qieset, fil-punt 218 tas-sentenza appellata, li din l-istess Premessa setgħet “[t]agħti l-idea ta’ tkomplija tal-attività ekonomika” tagħha.

    28

    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Mory u Mory Team, tqis li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    29

    Qabel kollox, għandu jiġi miċħud l-ilment li jirrigwarda l-metodi ta’ interpretazzjoni implementati mill-Qorti Ġenerali. Fil-punti 86 u 87 tas-sentenza appellata, din fakkret, bil-għan li tapplikaha, ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, minn naħa, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017, Nintendo, C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u, min-naħa l-oħra, li d-dispożittiv ta’ att tal-Unjoni huwa inseparabbli mill-motivazzjoni tiegħu u għandu jiġi interpretat, jekk ikun hemm bżonn, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et, C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Sa fejn l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali, inkluż meta din tallega żnaturament tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, li wettqet żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar li, fil-punt 191 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li mill-premessi 200 u 208 sa 211 ta’ din id-deċiżjoni, li jappartjenu għal taqsima bit-titolu “Prevenzjoni ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni – korrispettivi speċifiċi”, jirriżulta li l-imsemmija deċiżjoni kienet intiża biex tistabbilixxi korrispettivi minħabba l-għajnuna li bbenefikat minnha Sernam, u l-użu abbużiv minnha, billi din kellha tirtira “b’mod permanenti minn partijiet tas-suq li essenzjalment għandhom kapaċità żejda”, sabiex “impriża li kellha twaqqaf l-attivitajiet tagħha wara d-diffikultajiet iddikjarati tagħha, [ma tokkupax] artifiċjalment partijiet mis-swieq estremament imfittxija b’detriment għall-intrapriżi kompetituri u finanzjarjament b’saħħithom”.

    31

    Minn dan jirriżulta, hekk kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 192 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kellha l-għan li “tneħħi l-preżenza ta’ Sernam fis-suq b’kapaċità żejda għall-finijiet li tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni marbuta mal-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ EUR 503 miljun”, billi jinħtieġ it-trasferiment tal-attivitajiet bit-triq ta’ Sernam lejn impriżi oħra u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam lejn it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija.

    32

    Għandu jitfakkar ukoll li, minn naħa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 193 tas-sentenza appellata, li l-Premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2, li tirreferi għar-rilaxx tal-ishma tas-suq għall-benefiċċju tal-akkwirent indipendenti, kienet taqa’, bħall-premessi 200 u 208 sa 211 ta’ din id-deċiżjoni, fil-parti tagħha ddedikata għal prevenzjoni ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, hija osservat, fil-punt 194 ta’ din is-sentenza, li “iż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2, li huma espressament alternattivi, kienu jikkundizzjonaw l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ EUR 503 miljun u kellhom l-istess għan ta’ prevenzjoni ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati minn din l-għajnuna”.

    33

    Għaldaqstant, huwa b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali setgħet tiddeduċi, fil-punti 194 u 195 tas-sentenza appellata, li l-għan aħħari tal-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam previst fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, moqri fid-dawl tal-Premessa 217 tagħha, kien jirrigwarda l-interruzzjoni tal-attività ekonomika ta’ Sernam u l-għajbien tagħha, liema ħaġa kienet tirrendi inutli l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni.

    34

    Fir-rigward tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ April 2017, L-Ombudsman vs Staelen, C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-punti 191 sa 195 tas-sentenza appellata, kif riprodotti fil-qosor fil-punti 30 sa 33 ta’ din is-sentenza, jesponu b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali qieset li l-iskop tat-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam kien li jinterrompi l-attività ekonomika ta’ din l-impriża.

    36

    L-argument tal-appellanti li jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet kontradizzjoni ta’ motivi lanqas ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 218 tas-sentenza appellata, li, skont il-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2, l-akkwirent tal-assi f’daqqa seta’ de facto jkompli bl-attivitajiet proprji tiegħu bl-assi ta’ Sernam, liema ħaġa setgħet tagħti l-apparenza ta’ kontinwazzjoni tal-attività ekonomika tagħha, hija speċifikat immedjatament “li dan għandu jirrigwarda l-attività ta’ kull attur ieħor minbarra Sernam, jiġifieri l-attività tal-akkwirent, li jintegra l-assi ta’ Sernam fl-istrateġija kummerċjali proprja tiegħu mingħajr ma l-partijiet tas-suq tal-benefiċjarju jkunu tqiesu li huma ‘illiberati’”.

    37

    Barra minn hekk, b’din il-preċiżazzjoni, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonfermat, mingħajr ma żnaturat id-Deċiżjoni Sernam 2, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-deċiżjoni timplika l-bejgħ tal-assi ta’ Sernam lil xerrej indipendenti.

    38

    Qabel kollox, l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-pożizzjoni sostnuta mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha hija differenti minn dik li hija ddefendiet fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238, punti 68 sa 70), u tad-19 ta’ Ottubru 2005, CDA Datenträger Albrechts vs Il-Kummissjoni (T‑324/00, EU:T:2005:364, punt 73), filwaqt li ma turix kif il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha l-għan aħħari tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2016, SV Capital vs ABE, C‑577/15 P, EU:C:2016:947, punt 69).

    39

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

    Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    40

    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, interpretat il-kunċett ta’ “bejgħ” imsemmi fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 bħala referenza għal trasferiment effettiv tal-assi fid-data tat-30 ta’ Ġunju 2005. Issa, la l-Artikolu 3(2) u lanqas il-Premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma jagħmlu referenza għal tali komunikazzjoni effettiva. Barra minn hekk, skont id-dritt Franċiż, u b’mod partikolari skont l-Artikolu 1583 tal-Kodiċi Ċivili, bejgħ jirriżulta mill-kunsens bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ, hekk kif dawn jaqblu dwar l-oġġett u l-prezz, u dan anki jekk l-oġġett għadu ma ġiex ikkunsinnat, jew il-prezz għadu ma tħallasx. Għalhekk, billi attribwixxiet lit-terminu “bejgħ” tifsira li, peress li tmur lil hinn mit-termini mhux ambigwi użati mill-Kummissjoni, ma tirriżulta la mid-dispożittiv u lanqas mill-motivi tad-Deċiżjoni Sernam 2 u li tmur kontra t-tifsira ta’ dak it-terminu fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-kunċett ta’ “bejgħ”, u wettqet għalhekk żball ta’ liġi.

    41

    Il-Kummissjoni tqis li t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    42

    Għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punti 30 sa 33 ta’ din is-sentenza, l-għan aħħari tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, moqrija fid-dawl tal-Premessa 217 tagħha, kien li tiġi żgurata l-liberalizzazzjoni effettiva tal-ishma tas-suq għall-benefiċċju ta’ akkwirent indipendenti.

    43

    B’hekk, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li l-osservanza tal-kundizzjoni ratione temporis prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, li tgħid li din id-dispożizzjoni setgħet tapplika “[f]il-każ fejn Sernam [tbigħ] l-assi tagħha f’daqqa sat-30 ta’ Ġunju 2005” kienet teħtieġ trażmissjoni effettiva tal-assi f’dik id-data u kkonstatat, fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, li din l-iskadenza ma kinitx ġiet osservata.

    44

    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    45

    Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u vvizzjat is-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni meta qieset, fil-punti 118 u 124 tas-sentenza appellata, li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, kif previst mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, kellu jiffoka biss fuq l-assi.

    46

    Fl-ewwel lok, l-appellanti ssostni li, billi limitat ruħha li tirriproduċi l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kif ukoll il-premessa 217 ta’ din id-deċiżjoni sabiex issostni, minn naħa, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li d-Deċiżjoni Sernam 2 kienet topponi “b’mod ċar li ‘Sernam tinbiegħ kollha (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet’ milli l-‘bejgħ tal-assi kollha f’daqqa’ ta’ Sernam”, u, min-naħa l-oħra, billi kkonkludiet, fil-punti 118 u 124 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkunsidrat li l-bejgħ tal-assi f’daqqa kellu jirrigwarda biss l-assi u jeskludi l-obbligazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali pproċediet b’affermazzjoni perentorja u b’hekk ivvizzjat l-imsemmija sentenza minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

    47

    Fit-tieni lok, l-appellanti tqis li l-oppożizzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn il-bejgħ ta’ Sernam kollha, inklużi l-assi u l-obbligazzjonijiet, u l-bejgħ tal-assi f’daqqa minbarra obbligazzjonijiet hija żbaljata.

    48

    Qabel kollox, tali oppożizzjoni tirriżulta minn żnaturament tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, sa fejn din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tippreċiża li l-assi għandhom jinbiegħu waħedhom u jeskludu l-obbligazzjonijiet kollha.

    49

    Sussegwentement, l-appellanti tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 119 tas-sentenza appellata, li ssostni li l-interpretazzjoni li tgħid li l-bejgħ tal-assi f’daqqa fis-sens li jista’ jinkludi l-obbligazzjonijiet twassal sabiex tiġi miċħuda d-differenza bejn iż-żewġ kundizzjonijiet alternattivi previsti fiż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2 u marbuta maż-żewġ xenarji ta’ bejgħ previsti fil-Premessa 217 ta’ din id-deċiżjoni.

    50

    Il-kundizzjonijiet marbuta mal-ewwel xenarju, jiġifieri dak ta’ bejgħ totali ta’ Sernam, kienu maħsuba biex itaffu l-konsegwenzi negattivi għall-kompetituri jekk Sernam tinżamm fis-suq billi jiġi impost it-teħid tal-attivitajiet tat-triq ta’ Sernam minn impriżi oħrajn u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet tagħha lejn it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija. Dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux iġġustifikati fit-tieni xenarju, jiġifieri dak ta’ trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, minħabba li Sernam ma tkunx iktar topera taħt il-forma ġuridika preċedenti tagħha u tkun illiberat l-ishma tagħha tas-suq lil xerrej indipendenti. Il-kundizzjonijiet marbuta ma’ kull wieħed miż-żewġ xenarji huma għalhekk differenti ħafna.

    51

    Finalment, fid-dawl tal-għan allegatament imfittex mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, l-appellanti ssostni li ż-żieda ta’ obbligazzjonijiet mal-assi ma għandha l-ebda influwenza fuq il-kontinwazzjoni tal-attività ekonomika, iżda għandha biss, eventwalment, impatt fuq il-valur.

    52

    Jekk l-għan tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kien li tiġi interrota l-attività ekonomika ta’ Sernam, kien ikun meħtieġ li din id-dispożizzjoni tirreferi għal mezzi ta’ trasferiment li jippermettu li jintlaħaq dan l-għan, bħat-trasferiment ta’ assi individwali jew fi gruppi.

    53

    Il-Kummissjoni tqis li t-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    54

    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-argument li jgħid li l-oppożizzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn il-bejgħ ta’ Sernam kollha, inklużi l-assi u l-obbligazzjonijiet, u l-bejgħ tal-assi f’daqqa minbarra obbligazzjonijiet hija żbaljata, għandu qabel kollox jitfakkar li, kif ġie osservat fil-punti 30 sa 33 ta’ din is-sentenza, il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2, jikkostitwixxu żewġ għażliet alternattivi intiżi għall-istess għan, jiġifieri l-interruzzjoni tal-attività ekonomika ta’ Sernam f’suq b’kapaċità għolja.

    55

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2 tippreċiża li, jekk l-attivitajiet ta’ Sernam kellhom jitkomplew fil-kuntest ta’ bejgħ sħiħ tagħha, billi jiġu inklużi l-assi u l-obbligazzjonijiet, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni għandhom japplikaw. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ fl-ipoteżi ta’ trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, peress li l-interruzzjoni tal-attivitajiet tagħha jirriżultaw mill-ftuħ tal-ishma tas-suq ta’ din il-kumpannija favur xerrej indipendenti u mill-irtirar tagħha minn settur b’kapaċità għolja.

    56

    Għaldaqstant, huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkunsidra, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li d-Deċiżjoni Sernam 2 kienet topponi b’mod ċar il-bejgħ ta’ Sernam b’mod sħiħ, inklużi l-assi u l-obbligazzjonijiet, milli l-bejgħ tal-assi tagħha f’daqqa, u li ddeduċiet, fil-punti 118 u 124 ta’ din is-sentenza, li t-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam imsemmi fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, moqrija fid-dawl tal-premessa 217 tagħha, kellha tinftiehem bħala li teskludi l-obbligazzjonijiet.

    57

    Kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-appellanti, interpretazzjoni differenti, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 119 tas-sentenza appellata, hija ekwivalenti għal ċaħda tad-differenza eżistenti bejn iż-żewġ kundizzjonijiet alternattivi previsti fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni Sernam 2.

    58

    Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk jiġi segwit ir-raġunament imressaq mill-appellanti, ikun possibbli li tinbiegħ il-kważi-totalità ta’ Sernam u li din tkompli bl-attività tagħha mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu implimentati l-korrispettivi previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2, u b’hekk l-Artikolu 3(2) ta’ din id-deċiżjoni jiġu miċħuda minn kull effett utli.

    59

    Fit-tieni lok, fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata allegat mill-appellanti, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, is-sentenza appellata tissodisfa r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li huma imposti fuq il-Qorti Ġenerali, peress li din tal-aħħar sostniet, fil-punti 117 sa 119 ta’ din is-sentenza, ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-bejgħ tal-assi f’daqqa kellu jindirizza biss l-assi.

    60

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq it-tieni aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    61

    Bit-tieni aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 163 u 164 tas-sentenza appellata, li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam ma kienx ir-riżultat ta’ sejħa għall-offerti miftuħa u trasparenti, kif meħtieġ mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, għar-raġuni li kien il-konsorzju kompost mill-kandidat Nru 5 u mit-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam li kien inizjalment ipparteċipa fis-sejħa għal offerti, u mhux il-membri tagħha individwalment, u li b’hekk it-tim ta’ tmexxija ma kienx ipparteċipa b’mod indipendenti fil-proċedura sa mill-bidu tagħha. La mid-Deċiżjoni Sernam 2 u lanqas mid-dritt tal-Unjoni ma jirriżulta li l-kandidat eventwalment magħżul fl-aħħar ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti għandu jkun ipparteċipa b’mod indipendenti fil-proċess mill-bidu tiegħu.

    62

    L-appellanti tfakkar li l-kandidat Nru 5 u t-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam kienu, fi ħdan konsorzju, assoċjati mas-sejħa għall-offerti mill-bidu tal-proċedimenti u kienu offrew l-inqas valur negattiv għall-assi kollha f’daqqa. Kien biss wara l-irtirar tal-kandidat Nru 5 li t-tim tat-tmexxija ta’ Sernam iddeċieda li jkompli bil-proċess u li jippreżenta, waħdu, l-offerta ta’ xiri inizjalment imressqa mill-konsorzju. Għaldaqstant, l-appellanti tqis li tali ċirkustanzi jissodisfaw ir-rekwiżiti relattivi għan-natura miftuħa u trasparenti ta’ sejħa għal offerti, hekk kif jirriżultaw mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    63

    Fil-fatt, fil-prassi deċiżjonali tagħha, il-Kummissjoni teżiġi, f’dan ir-rigward, li l-partijiet kollha, mitluba jew mhux mitluba, li jistgħu jkunu interessati mix-xiri inkwistjoni kellhom l-opportunità li jippreżentaw offerta u sabiex jagħmlu dan, kellhom possibbiltajiet ta’ informazzjoni u kundizzjonijiet ta’ termini identiċi. Barra minn hekk, fis-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-277/00, EU:C:2004:238, punt 95), u tad-19 ta’ Ottubru 2005, CDA Datenträger Albrechts vs Il-Kummissjoni (T-324/00, EU:T:2005:364, punt 73), ġie kkunsidrat li l-fatt li bejgħ ma sarx immedjatament, iżda qabel saru tentattivi bla suċċess ma’ kumpannija oħra kien ħjiel ta’ natura li jistabbilixxi li l-proċedura segwita kienet miftuħa u trasparenti biżżejjed.

    64

    Barra minn hekk, l-appellanti tqis li huwa possibbli li jiġi aċċettat li l-prinċipji ta’ ftuħ u ta’ trasparenza fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jistgħu japplikaw b’analoġija għall-proċeduri ta’ trasferiment tal-attiv. Issa, mid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65), kif ukoll mid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1), jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni jawtorizza l-għoti ta’ tali kuntratt lil operatur ekonomiku, mingħajr pubblikazzjoni u mingħajr sejħa għal offerti minn qabel, wara l-falliment tal-ewwel proċedura ta’ sejħa għal offerti, anki jekk l-operatur ma pparteċipatx għal din l-ewwel proċedura u mingħajr ma dan jikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ ftuħ u ta’ trasparenza. Dawn il-prinċipji għandhom a fortiori jitqiesu bħala ssodisfatti meta l-assi jkunu ġew ittrasferiti lill-aħħar persuna interessata u l-unika waħda li tagħmel offerta konkreta, minkejja li hija pparteċipat fil-proċess sħiħ peress li tkun assoċjata, inizjalment, ma’ konsorzju li l-parti l-oħra fih tkun irtirat matul il-proċedura.

    65

    Il-Kummissjoni tqis li t-tieni aggravju huwa inammissibbli jew, sussidjarjament, infondat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    66

    Qabel kollox, mingħajr ma huwa meħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar eventwali analoġija bejn is-sejħa għall-offerti għal din il-kawża u l-prinċipji applikabbli dwar l-akkwist pubbliku, esposta fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat li l-argument tal-appellanti bbażat fuq din l-eventwali analoġija huwa bbażat fuq il-fatt li, wara l-proċedura ta’ sejħa għall-offerti, l-ebda offerta jew l-ebda offerta xierqa ma kienet ġiet ippreżentata. Issa, tali argument jista’ jirnexxi biss jekk titpoġġa indiskussjoni l-konstatazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 170 tas-sentenza appellata, li tgħid li “l-‘aħħar persuna interessata’ tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti trasparenti u miftuħa kien il-kandidat Nru 4. […] Kif enfasizzat il-Kummissjoni fin-noti tagħha, wara l-irtirar tal-kandidat Nru 5, kellhom għalhekk iduru lejn il-kandidat Nru 4, li kien parti mill-proċess sa mill-bidu u kien ukoll esprima l-interess tiegħu fl-eżitu tat-tieni ċiklu”. B’hekk, l-imsemmi argument, li jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tissostitwixxi l-analiżi tagħha minflok dik magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti u tal-provi, huwa inammissibbli u għandu jiġi miċħud.

    67

    Sussegwentement, il-prassi segwita mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet tagħha jew fil-linji gwida tagħha, anki jekk titqies li hija kumplimentari għall-argument tal-appellanti, ma tistax, f’kull każ, torbot lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni tagħha tar-regoli tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Electrabel u Dunamenti Erőmű vs Il-Kummissjoni, C-357/14 P, EU:C:2015:642, punt 68).

    68

    Fi kwalunkwe każ, kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 183 tas-sentenza appellata, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura miftuħa u trasparenti ta’ sejħa għal offerti hija evalwata abbażi ta’ sensiela ta’ indikazzjonijiet speċifiċi għaċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-277/00, EU:C:2004:238, punt 95).

    69

    Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatti f’din il-kawża, wara li kkonstatat, fil-punti 170 u 171 tas-sentenza appellata, li l-offerta magħżula ma kinitx toriġina minn offerent li pparteċipa b’mod awtonomu fis-sejħa għal offerti sa mill-bidu tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali setgħet, ġustament, tqis, fil-punt 174 ta’ din is-sentenza, li r-rekwiżit dwar in-natura miftuħa u trasparenti tal-proċedura ma kienx ġie osservat.

    70

    Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment inammissibbli, u parzjalment infondat.

    Fuq it-tielet aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    71

    Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturament tal-fatti, fil-punti 165 sa 167 u 170 tas-sentenza appellata, meta kkunsidrat li l-offerta konkreta tat-tim tat-tmexxija ta’ Sernam ma setgħetx titqies bħala r-riżultat ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa u trasparenti minħabba li din l-offerta kienet ħafna iktar ta’ żvantaġġ għall-bejjiegħ mill-offerti mhux vinkolanti ppreżentati matul it-tieni ċiklu tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti mill-kandidati Nri 4 u 5.

    72

    Din l-analiżi hija bbażata fuq żnaturament tal-fatti tal-każ. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ammont ta’ rikapitalizzazzjoni propost minn dawn iż-żewġ kandidati kien neċessarjament jippresupponi li, fid-data tat-twettiq tal-operazzjoni, kien ser jibqa’ fil-kontijiet ta’ Sernam l-ammont imniżżel fil-karta tal-bilanċ tal-2004, jiġifieri EUR 49.2 miljun. Issa, l-offerta mressqa mit-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam, fit-30 ta’ Ġunju 2005, li kienet tagħmel referenza għal rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 59 miljun, tieħu inkunsiderazzjoni, min-naħa tagħha, id-deterjorament qawwi tal-likwidità fil-kontijiet ta’ Sernam bejn il-31 ta’ Diċembru 2004 u t-30 ta’ Ġunju 2005.

    73

    Il-Kummissjoni tqis li t-tielet aggravju huwa ineffettiv jew, sussidjarjament, bħala infondat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    74

    Sa fejn l-appellanti tikkritika l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-offerti magħmula mill-grupp ta’ tmexxija ta’ Sernam u mill-kandidati Nri 4 u 5, biżżejjed li jiġi kkonstatat li din hija intiża biex tpoġġi indiskussjoni wieħed mill-elementi li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tqis, fil-punt 174 tas-sentenza appellata, li l-offerta tat-tim tat-tmexxija ma kinitx tirriżulta minn proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa u trasparenti.

    75

    Issa, hekk kif jirriżulta mill-analiżi li tidher fil-punti 68 u 69 ta’ din is-sentenza, dwar it-tieni aggravju tal-appell, fid-dawl tal-fatti ta’ din il-kawża, il-fatt li t-tim tat-tmexxija ta’ Sernam ma pparteċipax, b’mod awtonomu, mill-bidu nett fil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti, huwa biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li n-natura miftuħa u trasparenti ta’ din il-proċedura, meħtieġa mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, ma ġietx osservata.

    76

    Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

    Fuq ir-raba’ aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    77

    Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkonstatat, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma għamlet ebda konfużjoni bejn is-suġġett tal-bejgħ u l-prezz tal-bejgħ, billi qieset li, permezz tar-rikapitalizzazzjonijiet suċċessivi ta’ Sernam u sussegwentement ta’ Sernam Xpress, somma ta’ EUR 57 miljun netti ġiet miżjuda mal-assi, bi ksur tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2.

    78

    Fl-ewwel lok, meta ddikjarat, b’mod imperattiv, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, li “huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma għamlet ebda konfużjoni bejn is-suġġett tal-bejgħ u l-prezz tal-bejgħ”, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

    79

    Fit-tieni lok, meta rrifjutat li tirrikonoxxi, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, li r-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 57 miljun kienet tirrappreżenta l-prezz negattiv “imħallas” għall-assi f’daqqa ta’ Sernam, il-Qorti Ġenerali vvizzjat ukoll is-sentenza appellata b’kontradizzjoni tal-motivi peress li, fil-punti 103 u 107 tas-sentenza appellata, din aċċettat li l-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat ma tikkonċernax il-forom legali li jistgħu jkollhom it-tranżazzjonijiet, iżda mir-realtà ekonomika tagħhom, u li huwa possibbli li jsir bejgħ bi prezz negattiv b’rikapitalizzazzjoni minn qabel mill-bejjiegħ.

    80

    Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi. Minn naħa, l-evalwazzjoni tagħha, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, li tgħid li s-somma ta’ EUR 57 miljun netti, permezz tar-rikapitalizzazzjonijiet suċċessivi ta’ Sernam u sussegwentement ta’ Sernam Xpress, żdiedet mal-assi ta’ dawn il-kumpanniji, hija żbaljata. Skont l-appellanti, ir-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 57 miljun ma tikkostitwixxix żieda mal-assi ttrasferiti, iżda huwa l-prezz negattiv imħallas għax-xiri tal-assi f’daqqa ta’ Sernam.

    81

    Min-naħa l-oħra, l-apellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet it-tieni żball ta’ dritt inkwantu din ikkonstatat, fil-punti 154 u 158 tas-sentenza appellata, li l-prezz negattiv jirriżulta mill-fatt li l-obbligu li jinbiegħu biss l-assi ta’ Sernam, mingħajr l-obbligazzjonijiet, ma kienx ġie osservat u li, kieku l-appellanti kienet osservat dan l-obbligu, il-prezz tal-bejgħ kien ikun pożittiv jew null. Skont l-appellanti, peress li l-bejgħ tal-assi f’daqqa jimplika t-tkomplija tal-attività ta’ Sernam, in-natura strutturalment f’defiċit tal-attività ttrasferita u t-trasferiment awtomatiku tal-kuntratti tax-xogħol, kif stipulat mid-dritt Franċiż, iwasslu neċessarjament għal evalwazzjoni negattiva tal-attività. B’hekk, l-eżistenza ta’ prezz negattiv ma hijiex dovuta għaż-żieda ta’ ċerti obbligazzjonijiet, iżda għat-trasferiment ta’ entità strutturalment f’defiċit.

    82

    Il-Kummissjoni tqis li r-raba’ aggravju huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    83

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, għandu jiġi osservat li, fil-punt 152 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 117 tad-Deċiżjoni Sernam 3, li, “permezz tar-rikapitalizzazzjonijiet ta’ Sernam u ta’ Sernam Xpress, żdiedet somma netta ta’ EUR 57 miljun mal-assi ta’ Sernam u li t-tali żieda mal-assi ma kinitx awtorizzata mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2”.

    84

    Minn dan jirriżulta, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali esponiet biċ-ċarezza kollha meħtieġa r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni ma kinitx għamlet konfużjoni bejn is-suġġett tal-bejgħ u l-prezz tal-bejgħ.

    85

    Fit-tieni lok, ma jistax jiġi sostnut li l-punt 153 tas-sentenza appellata jikkontradixxi l-punti 103 u 107 ta’ din l-istess sentenza. Fil-fatt, dawn l-aħħar punti jirrigwardaw l-analiżi tal-kunċett ta’ “bejgħ” li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali qieset, fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv ippreżentat fl-ewwel istanza, li bejgħ jista’ jsir bi prezz negattiv, partikolarment permezz ta’ rikapitalizzazzjoni minn qabel magħmula mill-bejjiegħ.

    86

    Din il-kwistjoni hija differenti minn dik dwar jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħetx tqis, hekk kif tagħmel fil-premessa 117 tad-Deċiżjoni Sernam 3, li kienet saret żieda fl-assi bi ksur tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, kwistjoni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-kuntest tar-raba’ parti tar-raba’ motiv imressaq quddiemha u li l-punt 153 tas-sentenza appellata jifforma parti minnha.

    87

    Fit-tielet lok, sa fejn l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet l-iżbalji ta’ liġi esposti fil-punti 80 u 81 ta’ din is-sentenza, għandujiġi kkonstatat, minn naħa, li, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkuntentat ruħha li tosserva li somma netta ta’ EUR 57 miljun ġiet miżjuda mal-assi permezz ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ Sernam, element fattwali li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet.

    88

    Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-punti 54 sa 58 ta’ din is-sentenza, kien ġustament li l-Qorti Ġenerali qieset li l-inklużjoni tal-obbligazzjonijiet fil-bejgħ tal-assi kollha f’daqqa ta’ Sernam ma kinitx tosserva l-obbligu impost mid-Deċiżjoni Sernam 2. Min-naħa tagħha, il-konklużjoni li waslet għaliha, fil-punti 154 u 158 tas-sentenza appellata, meta kkonstatat li l-prezz negattiv imħallas għall-assi ta’ Sernam kien ikun pożittiv jew null kieku nbiegħu biss l-assi, tirriżulta minn evalwazzjoni fattwali. Peress li l-appellanti ma tallega ebda żnaturament tal-fatti, l-argument tagħha għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    89

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

    Fuq il-ħames aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    90

    Permezz tal-ħames aggravju, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2, fil-punt 278 tas-sentenza appellata, u li kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punt 279 ta’ din is-sentenza, li, peress li Sernam kompliet teżisti ekonomikament fi ħdan Sernam Xpress, u wara fi ħdan Financière Sernam, ir-reġistrazzjoni fl-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ta’ Sernam tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun kienet tikser din id-dispożizzjoni.

    91

    Fl-ewwel lok, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat, fil-punt 278 tas-sentenza appellata, li “ir-riferiment li saret għall-kontinwazzjoni tal-eżistenza ta’ Sernam, fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2, ma setgħetx ħlief tirreferi għaż-żamma tal-attività ekonomika ta’ Sernam”, filwaqt li din id-dispożizzjoni kienet tipprovdi biss li “ir-rimbors tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun kien responsabbiltà [ta’ Sernam jekk] tibqa’ teżisti”.

    92

    Peress li l-imsemmija dispożizzjoni hija nieqsa minn ambigwità, din għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni litterali. B’hekk, ir-referenza li ssir fiha għall-eżistenza ta’ “Sernam” għandha tinftiehem bħala l-eżistenza tal-persuna ġuridika kkostitwita minn Sernam. B’hekk, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2 tillimita ruħha li tagħmel distinzjoni skont jekk il-persuna ġuridika Sernam tibqax teżisti jew le, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni, espliċitament jew impliċitament, il-kwistjoni tal-interruzzjoni tal-attività ekonomika tagħha.

    93

    L-appellanti, filwaqt li tirreferi għall-punt 77 tas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Banks (C‑390/98, EU:C:2001:456), u għall-punt 80 tas-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238), issostni li tali interpretazzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, fil-każ ta’ bejgħ tal-assi ta’ kumpannija benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat lil terzi bil-prezz tas-suq, il-benefiċċju tal-għajnuna huwa inkorporat fil-prezz tas-suq, b’tali mod li l-bejjiegħ iżomm it-tgawdija effettiva tal-għajnuna.

    94

    Meta tat lill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2 sens u portata li ma jistax ikollha, fid-dawl tat-tfassil tiegħu mingħajr ambigwità, il-Qorti Ġenerali żnaturat lil din id-dispożizzjoni u wettqet żball ta’ liġi.

    95

    Fit-tieni lok, abbażi tal-punt 135 tas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2010, Il-Greċja et vs Il-Kummissjoni (T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05, EU:T:2010:386), u tal-punt 155 tas-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il-Kummissjoni (T‑123/09, EU:T:2012:164), l-appellanti tosserva li l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn kumpannija li tkun ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat u x-xerrej tal-attiv tagħha, li b’hekk jimplika t-trasferiment tal-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-għajnuna lix-xerrej tal-assi msemmija, għandha ssir skont is-suġġett tat-trasferiment, il-prezz tiegħu, l-identità tal-azzjonisti jew tas-sidien tal-impriża akkwirenti u tal-impriża li nbiegħet, il-mument meta jseħħ it-trasferiment jew saħansitra l-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni. Issa, l-implementazzjoni ta’ dawn il-kriterji mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-kontinwità ekonomika bejn Sernam u x-xerrej tal-assi f’daqqa tagħha hija vvizzjata b’diversi żbalji ta’ liġi.

    96

    L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-identità tal-azzjonisti, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punt 242 tas-sentenza appellata, li l-kontinwità ekonomika kellha tiġi evalwata bejn Sernam u Sernam Xpress. Id-dritt Franċiż ma jaċċettax, inter alia, li prezz negattiv jiġi stipulat f’kuntratt ta’ bejgħ, peress li minħabba l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kien impossibbli li jsir bejgħ dirett tal-assi f’daqqa ta’ Sernam lil Financière Sernam. Il-metodu magħżul, jiġifieri l-injezzjoni-trasferiment, ippreċedut minn rikapitalizzazzjoni, assigura, fil-kuntest ta’ dawn il-limitazzjonijiet legali nazzjonali, li r-realtà ekonomika tal-operazzjoni jkun trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam lil Financière Sernam.

    97

    Billi ffokat l-analiżi tagħha fuq ir-relazzjonijiet bejn Sernam u Sernam Xpress, il-Qorti Ġenerali qasmet b’mod artifiċjali tranżazzjoni unika u għalhekk kisret il-prinċipju li jgħid li l-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat tikkonċerna mhux il-forom legali li jistgħu jingħataw it-tranżazzjonijiet, iżda r-realtà ekonomika tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet kontradizzjoni ta’ motivi fir-rigward tal-prinċipju, imfakkar fil-punt 107 tas-sentenza appellata, li jgħid li bejgħ jista’ jsir bi prezz negattiv.

    98

    Sussegwentement, fir-rigward tal-prezz tat-trasferiment, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punt 255 tas-sentenza appellata, irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-prezz tas-suq imħallas għall-assi ta’ Sernam, filwaqt li dan il-kriterju huwa, b’mod partikolari abbażi tas-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238, punt 86), u tad-19 ta’ Ottubru 2005, CDA Datenträger Albrechts vs Il-Kummissjoni (T‑324/00, EU:T:2005:364, punti 97 sa 99), wieħed mill-iktar kriterji importanti biex jiġi konkluż li ma hemm l-ebda kontinwità ekonomika.

    99

    Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna s-suġġett tat-trasferiment, il-Qorti Ġenerali allegatament żbaljat meta qieset, fil-punt 240 tas-sentenza appellata, li dan il-kriterju kien issodisfatt minħabba li l-impriża kollha kienet ġiet ittrasferita bi ksur tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2. Madankollu, huma biss l-obbligazzjonijiet tal-operat, u mhux l-obbligazzjonijiet kollha, li ġew miżjuda mal-assi, liema ħaġa tagħmel l-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali ineffettiva.

    100

    Barra minn hekk, l-appellanti tikkritika l-evalwazzjoni, magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 246 tas-sentenza appellata u li tirrigwarda l-mument tat-trasferiment, li tgħid li hija qieset li l-mument tal-implementazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali jidher tal-inqas favorevoli għall-evażjoni tal-obbligu tal-irkupru ta’ tali għajnuna bħall-fażi ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’dan il-każ, l-ebda evażjoni ma tista’ tiġi allegata peress li l-Kummissjoni stess ipprevediet il-possibbiltà ta’ bejgħ tal-assi f’daqqa u li dawk l-assi nbigħu bil-prezz tas-suq.

    101

    Finalment, f’dak li jirrigwarda l-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat, li kien hemm ksur tal-għan tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, sa fejn l-attività ta’ Sernam ma kinitx ġiet interrotta. Issa, hija preċiżament din id-dispożizzjoni li tagħmel it-trasferiment tal-attività ta’ Sernam possibbli billi tippermetti trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam.

    102

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argumenti żviluppati insostenn tal-ħames motiv huma ineffettivi jew, sussidjarjament, infondati.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    103

    Sa fejn l-appellanti tikkritika, fl-ewwel lok, it-tifsira tal-Qorti Ġenerali għall-kontinwazzjoni tal-eżistenza ta’ Sernam, fil-punt 278 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm hija tinvoka żnaturament tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2, l-appellanti għandha l-intenzjoni, fir-realtà, li tikkontesta l-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali għamlet ta’ din id-dispożizzjoni.

    104

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan prinċipali mfittex mir-rimbors ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa illegalment huwa li tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv miktub permezz tal-għajnuna illegali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Electrabel u Dunamenti Erőmű vs Il-Kummissjoni, C‑357/14 P, EU:C:2015:642, punt 111 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ir-ritorn lejn is-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas ta’ għajnuna illegali jew inkompatibbli mas-suq intern jikkostitwixxi rekwiżit meħtieġ għaż-żamma tal-effettività tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar l-għajnuna mill-Istat (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Banks, C‑390/98, EU:C:2001:456, punt 75).

    105

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, ħlief għad-derogi previsti mit-Trattati, huma inkompatibbli mas-suq intern, sa fejn jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-għajnuna mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity, C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punt 39).

    106

    B’hekk, kif fakkret il-Qorti Ġenerali, fil-punt 277 tas-sentenza appellata, l-għajnuna illegali għandha tiġi rkuprata mingħand il-kumpannija li tkompli l-attività ekonomika tal-impriża li tkun ibbenefikat minn din l-għajnuna meta jiġi stabbilit li din il-kumpannija għadha effettivament tgawdi mill-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-imsemmija għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑529/09, EU:C:2013:31, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    107

    Għaldaqstant, huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 278 tas-sentenza appellata, li l-kontinwazzjoni tal-eżistenza ta’ Sernam, li tissemma’ fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2, “ma setgħetx ħlief tirreferi għaż-żamma tal-attività ekonomika ta’ Sernam”.

    108

    F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-iżbalji ta’ liġi allegati rigward l-analiżi tal-kontinwità ekonomika, għandu jitfakkar li tali kontinwità bejn il-kumpanniji partijiet għal trasferiment ta’ assi għandha tiġi evalwata skont is-suġġett tat-trasferiment, jiġifieri l-assi u l-obbligazzjonijiet, il-kontinwità tal-forza tax-xogħol, l-assi magħquda, il-prezz tat-trasferiment, l-identità tal-azzjonisti jew tas-sidien tal-impriża li tixtri u tal-impriża inizjali, il-mument li fih isir it-trasferiment, jiġifieri wara l-bidu tal-investigazzjoni, il-ftuħ tal-proċedura jew tad-deċiżjoni finali, jew ukoll il-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, C‑328/99 u C‑399/00, EU:C:2003:252, punt 78).

    109

    L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda s-suġġett tat-trasferiment, għandu jiġi osservat li, fil-punt 240 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret biss il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula fil-punti 134 sa 137 ta’ din is-sentenza, li jgħidu li l-għan tat-tranżazzjoni ma kienx limitat għall-bejgħ tal-assi ta’ Sernam, iżda kien jirrigwarda t-trażmissjoni sħiħa, inklużi l-assi u l-obbligazzjonijiet tagħha. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma tikkontestax dawn il-konstatazzjonijiet fil-kuntest tal-appell.

    110

    It-tieni nett, għandu jiġi osservat, hekk kif jirriżulta mill-analiżi li tidher fil-punti 66 sa 69 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali setgħet, ġustament, tqis li l-offerta tat-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam ma kinitx tirriżulta minn proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa u trasparenti. Għaldaqstant, huwa ġustament li din qieset, fil-punt 255 tas-sentenza appellata, li, għal din ir-raġuni, il-prezz negattiv imħallas f’dan il-każ ma kienx prezz tas-suq.

    111

    Barra minn hekk, sabiex issostni din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali qieset elementi oħra, li jibqgħu mhux ikkontestati mill-appellanti, b’mod partikolari billi osservat, fil-punti 256 u 260 tas-sentenza appellata, li l-allegat prezz tas-suq kien jikkorrispondi għal għajnuna operattiva u li l-perizji pprovduti ma setgħux juru li l-prezz tat-trasferiment kien tali prezz tas-suq. Konsegwentement, l-appellanti ma tistax tilmenta li l-Qorti Ġenerali rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterju tal-prezz tas-suq.

    112

    Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-iżball ta’ liġi allegat mill-appellanti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-identità tal-azzjonisti, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm għandha tingħata preponderanza għar-realtà ekonomika tal-għajnuna mill-Istat, il-forom legali tagħhom jistgħu jkunu wkoll rilevanti sabiex tiġi evalwata din ir-realtà ekonomika. B’mod partikolari, il-kwistjoni tat-trasferiment tal-għajnuna għandha tiġi evalwata b’mod differenti skont jekk din tidħolx fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ ishma jew ta’ bejgħ tal-assi kollha jew parti minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑277/00, EU:C:2004:238, punti 7884).

    113

    Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ġustament ma ċċensuratx, fil-punt 242 tas-sentenza appellata, it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tar-relazzjoni bejn Sernam u Sernam Xpress sabiex tikkonkludi li Sernam Xpress kienet id-debitriċi tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna illegali, obbligu ttrasferit in fine lil Financière Sernam minħabba l-amalgamazzjoni tagħha ma’ Sernam Xpress.

    114

    Qabel kollox, għall-istess raġunijiet bħal dawk indikati fil-punti 85 u 86 ta’ din is-sentenza, l-appellanti ma tistax targumenta li l-Qorti Ġenerali kkontradixxiet, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-kriterju relatat mal-identità tal-azzjonisti, il-konstatazzjoni li saret fil-punt 107 tas-sentenza appellata fir-rigward tal-possibbiltà li, fil-prinċipju, isir il-bejgħ bi prezz negattiv.

    115

    Fir-rigward, barra minn hekk, tal-mument tat-trasferiment, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 246 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tikkonstata li “l-mument tal-implementazzjoni ta’ deċiżjoni li tinvolvi l-possibbiltà ta’ bejgħ tal-assi f’daqqa tal-benefiċjarju tal-għajnuna, kif ukoll obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli, jidher tal-inqas favorevoli għall-evażjoni tal-obbligu ta’ l-irkupru bħall-fażi ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali”, ħaġa din li ma tistax tikkostitwixxi żball ta’ liġi.

    116

    Sa fejn l-appellanti ssostni li l-ebda evażjoni ma tista’ tiġi allegata peress li l-possibbiltà ta’ trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam ġiet stabbilita mid-Deċiżjoni Sernam 2, biżżejjed jitfakkar li b’mod partikolari mill-punti 54 sa 58 kif ukoll 109 sa 111 ta’ din is-sentenza jirriżulta li tali trasferiment ma ġiex limitat biss għall-assi ta’ Sernam u li dan ma twettaqx bil-prezz tas-suq. Konsegwentement, ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma ġewx irrispettati.

    117

    Finalment, l-argument li bih l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qieset, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni ta’ trasferiment, li, peress li l-attività ekonomika ta’ Sernam ma kinitx ġiet interrotta, l-għan aħħari tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma ġiex osservat ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, biżżejjed li jitfakkar li mill-punti 30 sa 33 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-għan aħħari tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kienet tikkonsisti f’tali interruzzjoni.

    118

    Għaldaqstant, l-argumenti li permezz tagħhom l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ dritt f’dak li jirrigwarda l-analiżi tal-kontinwità ekonomika bejn Sernam u x-xerrejja tal-assi f’daqqa huma infondati.

    119

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq is-sitt aggravju

    Fuq l-ewwel parti tas-sitt aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    120

    Permezz tal-ewwel parti tas-sitt motiv, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni wieħed biss mill-motivi mqajma mill-Kummissjoni sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat għat-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam u li affermat, fil-punt 312 tas-sentenza appellata, wara li ddeterminat li dan il-kriterju kien inapplikabbli minħabba li tali trasferiment permess mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kien ekwivalenti għall-miżuri kumpensatorji previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2, li “ma [kienx hemm] għalfejn jiġu analizzati l-argumenti l-oħra [mressqa] mill-Kummissjoni sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-kriterju ta’ investitur privat, ibbażat fuq il-kuntest magħruf bħala ‘tal-irkupru’ tal-għajnuna mill-Istat”. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali vvizzjat il-motivazzjoni ta’ din is-sentenza b’nuqqas ta’ risposta billi ma kkunsidratx l-ilmenti li l-appellanti kienet bagħtet, fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza, kontra l-inapplikabbiltà tal-kriterju ta’ investitur privat minħabba l-allegata sitwazzjoni ta’ rkupru.

    121

    L-appellanti tqis ukoll li ż-żewġ motivi li tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni sabiex jitneħħa l-kriterju tal-investitur privat huma kontradittorji. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika l-esklużjoni ta’ dan il-kriterju fl-istess ħin abbażi ta’ sitwazzjoni ta’ rkupru, li jimplika li l-għajnuna inkwistjoni hija inkompatibbli mas-suq intern, u fuq dak tal-eżistenza ta’ miżura kumpensatorja, li jimplika li din l-għajnuna hija kompatibbli ma’ dan is-suq. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar il-kontradizzjoni fil-motivi li kienet tivvizzja l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 3.

    122

    Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel parti tas-sitt aggravju għandha tiġi miċħuda.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    123

    Qabel kollox, għandu jiġi miċħud l-argument li bih l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tiċċensura l-kontradizzjoni fil-motivi li fuqhom hija bbażata d-Deċiżjoni Sernam 3. Fil-fatt, tali argument, li huwa invokat mill-appellanti biss fl-istadju tar-replika, ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, ma jistax jiġi lmentat li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx argument li ma ġiex ippreżentat lilha.

    124

    Fir-rigward tal-argument tal-appellanti bbażat fuq nuqqas ta’ risposta, għandu jiġi osservat li, fil-punti 286 u 287 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali semmiet ir-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni sabiex tiċħad il-kriterju tal-investitur privat. Kif fakkret il-Qorti Ġenerali, fil-premessi 154 u 155 tad-Deċiżjoni Sernam 3, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq żewġ motivi, jiġifieri, fl-ewwel lok, dak ibbażat fuq il-fatt li dan il-kriterju ma japplikax f’sitwazzjoni ta’ rkupru tal-għajnuna u, fit-tieni lok, dak ibbażat fuq il-fatt li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam awtorizzat mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 huwa bbażat fuq sitwazzjoni ta’ kumpens li jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti.

    125

    Fil-punti 288 sa 311 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat għall-miżuri kumpensatorji u kkonkludiet li l-esklużjoni ta’ dan il-kriterju, billi osservat, fil-punt 309 ta’ din is-sentenza, li “il-loġika kumpensatorja tal-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, mfakkra fil-premessa 155 tad-deċiżjoni [Sernam 3] kienet differenti mil-loġika ta’ operatur privat li qed ifittex li jkabbar kemm jista’ jkun il-profitti tiegħu jew, bħal f’dan il-każ, li jnaqqas kemm jista’ jkun it-telf tiegħu”.

    126

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball eventwali ta’ dritt meta kkunsidrat li l-kriterju tal-investitur privat kien ukoll inapplikabbli minħabba s-sitwazzjoni ta’ rkupru li fiha seħħ il-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Seram kien, fi kwalunkwe każ, ineffettiv. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma tivvizzja l-motivazzjoni tas-sentenza appellata b’nuqqas ta’ risposta, tqis, fil-punt 312 ta’ dik is-sentenza, li ma kienx hemm lok li jiġi eżaminat tali argument.

    127

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’ il fuq, l-ewwel parti tas-sitt motiv għandha titqies bħala infondata.

    Fuq it-tieni parti tas-sitt aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    128

    Permezz tat-tieni parti tas-sitt aggravju, l-appellanti tqis li, billi aċċettat l-approċċ magħżul mill-Kummissjoni fil-premessa 155 tad-Deċiżjoni Sernam 3, li jgħid li peress li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam huwa miżura kumpensatorja, il-prinċipju tal-investitur privat prudenti ma kienx japplika, il-Qorti Ġenerali żnaturat id-Deċiżjoni Sernam 2. Insostenn ta’ din it-tieni parti, l-appellanti tinvoka erba’ argumenti.

    129

    L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat dak li jirriżulta mit-test tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2. L-obbligu, previst f’din id-dispożizzjoni, ta’ trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam bil-prezz tas-suq u permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti trasparenti u miftuħa jikkorrispondi preċiżament għall-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat prudenti. Tali konklużjoni tirriżulta, barra minn hekk, mill-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” stabbilit fl-Artikolu 107(1) [TFUE] (ĠU 2016, C 262, p. 1). Billi eskludiet l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat prudenti għat-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti tal-kawża u l-kontenut tad-Deċiżjoni Sernam 2 billi ssostitwiet il-motivazzjoni tagħha għal dik li tinsab f’din id-deċiżjoni.

    130

    It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat id-Deċiżjoni Sernam 2 billi qieset, fil-punt 301 tas-sentenza appellata, li “[s]a fejn il-kundizzjoni relatata mal-bejgħ tal-assi f’daqqa teskludi l-obbligazzjonijiet, l-eventwalità li jinkiseb prezz negattiv fil-kawża inkwistjoni kienet eskluża mid-definizzjoni”. Issa, billi kkunsidrat li t-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam kellu jeskludi kull obbligazzjoni, il-Qorti Ġenerali kienet, kif sostniet ukoll l-appellanti insostenn tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tal-appell, hekk kif ġie espost fil-punti 47 sa 52 ta’ din is-sentenza, żnaturat l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2. Din għamlet l-istess billi żiedet kundizzjoni mhux prevista mid-Deċiżjoni Sernam 2 billi kkunsidrat li l-prezz tat-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam ma setax ikun negattiv. Fil-fatt, il-kliem tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 isemmi biss ir-rekwiżit ta’ prezz tas-suq li, skont il-ġurisprudenza, jista’ jkun negattiv kif jirriżulta mis-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑334/99, EU:C:2003:55, punt 133), u tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni (T‑511/09, EU:T:2015:284, punt 139).

    131

    It-tielet nett, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet kontradizzjoni ta’ motivi billi kkunsidrat, fil-punt 301 tas-sentenza appellata, li “l-eventwalità li jinkiseb prezz negattiv fil-kawża inkwistjoni kienet eskluża mid-definizzjoni”. Tali konstatazzjoni tmur kontra l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 100 ta’ din is-sentenza li tgħid li, skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, “l-uniku rekwiżit dwar il-prezz kien dak ta’ prezz tas-suq”.

    132

    Ir-raba’ nett, l-appellanti tqis li l-valur pożittiv jew negattiv tal-prezz tas-suq ma kellu ebda effett fuq it-twettiq tal-għan imfittex mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2. Abbażi tal-premessa 217 ta’ din id-deċiżjoni, dan l-għan jikkonsisti f’li Sernam tillibera l-ishma mis-suq tagħha favur xerrej indipendenti u f’li ma toperax iktar taħt il-forma legali preċedenti, mingħajr ma tidher il-ħtieġa ta’ prezz pożittiv. Issa, skont l-appellanti, tali għanijiet inkisbu fil-mument tat-trasferiment tal-assi ta’ Sernam bi prezz tas-suq, għalkemm negattiv, wara proċedura ta’ sejħa għall-offerti trasparenti u miftuħa. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali żnaturat ukoll id-Deċiżjoni Sernam 2 billi qieset li t-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam ma setax, bħala definizzjoni, jitwettaq bi prezz negattiv.

    133

    Barra minn hekk, mill-punt 80 tal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU 2014, C 249, p. 1), jirriżulta li l-miżuri kumpensatorji intiżi biex jillimitaw it-tfixkil tal-kompetizzjoni “għandhom għalhekk normalment jieħdu forma ta’ ċessjonijiet abbażi tal-avvjament ta’ negozji vijabbli u indipendenti li, jekk jiġu operati minn xerrej xieraq, ikunu jistgħu jikkompetu b’mod effettiv fit-tul”. L-għan tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 jgħaqqad perfettament din il-loġika billi jiżgura l-ħelsien tal-ishma tas-suq ta’ Sernam għall-benefiċċju tax-xerrej tal-assi tagħha u billi jippermetti lil din li teżerċita kompetizzjoni effettiva fit-tul. F’dan ir-rigward, il-valur tal-prezz tas-suq ma jkollu ebda effett.

    134

    Il-Kummissjoni tqis li t-tieni parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    135

    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-appellanti tallega żnaturament tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, hija għandha l-għan, fir-realtà, li ssostni interpretazzjoni żbaljata li l-Qorti Ġenerali allegatament għamlet ta’ din id-dispożizzjoni, li wasslet sabiex din teskludi l-kriterju tal-investitur privat prudenti.

    136

    L-ewwel nett, huwa b’mod żbaljat li l-appellanti ssostni li l-obbligu ta’ bejgħ bil-prezz tas-suq permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa u trasparenti jikkorrispondi għall-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat prudenti.

    137

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ dan il-kriterju, il-kwistjoni tal-applikabbiltà tiegħu għandha tiġi distinta minn dik tal-applikazzjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep, C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punti 2933).

    138

    Kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 292 tas-sentenza appellata, l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat, tiddependi, b’mod definittiv, minn kemm l-Istat Membru kkonċernat jagħti, fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist u mhux fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika,vantaġġ ekonomiku lil impriża li tappartjeni lilu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 81, kif ukoll tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep, C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punt 31).

    139

    Peress li ġie kkonstatat l-intervent tal-persuna pubblika fil-kapaċità tagħha ta’ azzjonist, u għalhekk ġiet stabbilita l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat, l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju hija intiża, imbagħad, biex jiġi ddeterminat jekk il-vantaġġ ekonomiku mogħti, taħt kwalunkwe forma, permezz ta’ riżorsi tal-Istat lil impriża pubblika huwiex, minħabba l-effetti tiegħu, ta’ natura li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 89).

    140

    Ċertament, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prezz tas-suq huwa l-ogħla prezz li investitur privat li jopera f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni jkun lest li jħallas għal kumpannija fis-sitwazzjoni li din tkun tinsab fiha u li, meta awtorità pubblika tipproċedi biex tbigħ impriża li tappartjeni lilha permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u inkundizzjonata, jista’ jiġi preżunt li l-prezz tas-suq jikkorrispondi għall-offerta l-iktar għolja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il-Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punti 9294, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2015, BVVG, C‑39/14, EU:C:2015:470, punt 32).

    141

    Madankollu, u kuntrarjament għal dak li tallega l-appellanti, l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat prudenti ma tistax tiġi dedotta minn kundizzjoni li normalment tirriżulta mill-applikazzjoni tagħha. Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż li trasferiment bil-prezz tas-suq u permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa u trasparenti huwa neċessarjament l-implementazzjoni ta’ dan il-kriterju.

    142

    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 142 tal-konklużjonijiet tiegħu, rekwiżit li miżuri kumpensatorji jkunu implementati f’kundizzjonijiet intiżi sabiex jirristabbilixxu kompetizzjoni f’saħħitha jidħol fin-natura essenzjali nnifisha tal-kumpensazzjoni, iżda bl-ebda mod ma jippreżumi r-rwol meħud mill-Istat fil-mument tal-implementazzjoni tagħhom.

    143

    It-tieni nett, sa fejn l-appellanti tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 301 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-prezz tal-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, hemm lok li jiġi osservat li huwa fid-dawl tal-obbligu li jiġu esklużi l-obbligazzjonijiet minn dan it-trasferiment li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-eventwalità li jinkiseb prezz negattiv kienet eskluża mid-definizzjoni. Issa, kif jirriżulta mill-punti 54 sa 58 ta’ din is-sentenza, huwa ġustament li dan ikkunsidra li l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kellu jinftiehem fis-sens li jeħtieġ tali esklużjoni tal-obbligazzjonijiet. Konsegwentement, ma jistax jiġi allegat li, billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali żiedet kundizzjoni mhux prevista mid-Deċiżjoni Sernam 2.

    144

    It-tielet nett, sa fejn l-appellanti tinvoka kontradizzjoni ta’ motivi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, għandu jiġi osservat li din issostni argument analogu għal dak żviluppat fil-kuntest tar-raba’ aggravju u miġbur fil-qosor fil-punt 79 ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 85 ta’ din is-sentenza, l-affermazzjoni, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-uniku rekwiżit dwar il-prezz, abbażi ta’ interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, kien dak ta’ prezz tas-suq permezz ta’ proċedura miftuħa u trasparenti, jirrigwardaw l-analiżi tal-kunċett ta’ “bejgħ” li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali qieset, fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv ippreżentat fl-ewwel istanza, li bejgħ jista’, fil-prinċipju, jitwettaq bi prezz negattiv.

    145

    Din il-kunsiderazzjoni għalhekk tirrigwarda kwistjoni differenti minn dik, eżaminata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 301 tas-sentenza appellata, jekk, f’dan il-każ li jirrigwarda l-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, bejgħ bi prezz negattiv kienx possibbli. Għal dawn ir-raġunijiet, l-argument ibbażat fuq l-imsemmija kontradizzjoni tal-motivi ma huwiex fondat.

    146

    Ir-raba’ nett, sa fejn l-appellanti tqis li n-natura pożittiva jew negattiva tal-prezz ta’ trasferiment ma għandha ebda effett fir-rigward tal-għan segwit mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, għandu jiġi osservat li, sa fejn il-valur ta’ dan il-prezz jiddependi mill-inklużjoni tal-obbligazzjonijiet fit-trasferiment jew mill-esklużjoni tagħhom, dan l-argument jikkoinċidi ma’ dak żviluppat fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, li jgħid li ż-żieda ta’ obbligazzjonijiet mal-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam ma jkollha ebda effett fuq dan l-għan. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 54 sa 58 ta’ din is-sentenza.

    147

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’ il fuq, it-tieni parti tas-sitt aggravju għandha titqies bħala infondata.

    Fuq it-tielet parti tas-sitt aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    148

    Permezz tat-tielet parti tas-sitt motiv, l-appellanti ssostni li, billi laqgħet l-argument li jgħid li l-prinċipju tal-investitur privat prudenti ma kienx applikabbli għat-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam minħabba n-natura kumpensatorja ta’ dan it-trasferiment, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE.

    149

    Skont l-appellanti, l-implementazzjoni ta’ miżura kumpensatorja hija r-responsabbiltà tal-benefiċjarju tal-għajnuna, li tista’ bl-istess mod tkun impriża pubblika jew impriża privata, u mhux tal-Istat bħala awtorità pubblika. Għalhekk, xejn ma jiġġustifika ċ-ċħid tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti meta tiġi implementata miżura kumpensatorja.

    150

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari mis-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 78), kif ukoll tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punti 32 sa 37), jirriżulta li l-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju hija essenzjali u torbot lill-Kummissjoni qabel ma din tkun tista’ tikkonkludi li kien hemm għajnuna mill-Istat abbażi tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    151

    Għalkemm id-Deċiżjoni Sernam 2 kienet timponi li jintlaħaq għan preċiż, huwa evidenti li, fid-dritt, l-appellanti, fil-kapaċità tagħha bħala azzjonist ta’ Sernam, kellha taġixxi b’mod ekonomikament razzjonali sabiex jintlaħaq dan l-għan, kif jagħmel investitur privat, sakemm ma tilħaqx dan l-għan bl-għoti ta’ għajnuna mill-Istat ġdida.

    152

    F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza, u b’mod partikolari s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni (T‑565/08, EU:T:2012:415, punti 8384), tieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-fatt li l-investituri privati jadottaw l-iktar aġir ekonomikament razzjonali fil-kuntest iffissat mir-restrizzjonijiet u fil-limiti permessi mil-liġi. Issa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, kull soluzzjoni differenti minn dik effettivament implementata, b’mod partikolari stralċ ġudizzjarju, kienet tkun iktar għalja. Billi rrifjutat li tipparaguna l-aġir tal-appellanti mar-razzjonalità ekonomika li kienet tkun dik ta’ investitur privat li jitqiegħed fl-istess ċirkustanzi u meta kkonstatat, fil-punt 309 tas-sentenza appellata, li l-loġika kumpensatorja tal-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam kienet differenti mil-loġika ta’ operatur ekonomiku privat li jfittex li jimmassimizza l-profitti tiegħu jew, f’dan il-każ, li jnaqqas kemm jista’ jkun it-telf tiegħu, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE.

    153

    Barra minn hekk, peress li l-kwistjoni tar-razzjonalità ekonomika tal-aġir tal-appellanti għandha tapplika għall-elementi kollha tat-trasferiment, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żbalji ta’ dritt u kisret l-Artikolu 107(1) TFUE fil-punti 323 u 327 tas-sentenza appellata, li jirrigwardaw l-għajnuniet il-ġodda identifikati mill-Kummissjoni, jiġifieri, rispettivament, ir-reġistrazzjoni ta’ krediti mal-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ġudizzjarja ta’ Sernam u l-garanziji ta’ obbligazzjoni mogħtija lil min isir it-trasferiment.

    154

    Barra minn hekk, billi qieset, fil-punt 310 tas-sentenza appellata, li “għalhekk, il-miżuri kontroversjali jirriżultaw direttament mill-ksur tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 u għalhekk ma għandhom ebda relazzjoni mal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat”, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li din il-konstatazzjoni hija vvizzjata minħabba r-rifjut li jiġi applikat il-kriterju tal-investitur privat bi ksur tal-Artikolu 107 TFUE.

    155

    Il-Kummissjoni tqis li t-tielet parti tas-sitt aggravju għandha tiġi miċħuda.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    156

    Sa fejn l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali eskludiet it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, hemm lok, qabel kollox, li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 138 ta’ din is-sentenza, l-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju tiddependi mill-fatt li l-Istat Membru kkonċernat jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist u mhux fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni globali filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-provi prodotti mill-Istat Membru kkonċernat, kwalunkwe prova oħra rilevanti f’dan il-każ li tippermettilha tiddetermina jekk il-miżura inkwistjoni tirriżultax mill-kwalità ta’ azzjonist jew minn dik ta’ awtorità pubblika tal-imsemmi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 86; tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il-Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punt 60, kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2015, Electrabel u Dunamenti Erőmű vs Il-Kummissjoni, C‑357/14 P, EU:C:2015:642, punt 102).

    157

    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li, għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-kriterju tal-investitur privat jippermetti li jiġi stabbilit jekk il-miżuri adottati mill-Istat Membru kkonċernat ikunux osservaw kriterju ta’ razzjonalità ekonomika, b’tali mod li investitur privat jista’ wkoll ikun f’pożizzjoni li jaċċettahom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep, C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punt 36). Għalhekk, abbażi ta’ dan il-kriterju, il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa miżura sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, ma jkunux issodisfatti jekk l-impriża pubblika benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li sar disponibbli għaliha permezz tar-riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għal ċirkustanzi normali tas-suq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, SNCM u Franza vs Corsica Ferries France, C‑533/12 P u C‑536/12 P, EU:C:2014:2142, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    158

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterju tal-investitur privat jippreżumi li l-imġiba tal-persuna pubblika tista’ titqabbel ma’ dik ta’ investitur li jaġixxi fil-kundizzjonijiet normali tas-suq.

    159

    Issa, kif jirriżulta mill-punti 30 sa 32 ta’ din is-sentenza u kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punti 305 u 306 tas-sentenza appellata, it-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, imsemmi fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, kien miżura kumpensatorja intiża biex tipprevjeni d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkunsidra, fil-punti 307 u 308 tas-sentenza appellata, li l-miżuri previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma kinux jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet normali tas-suq u li għalhekk, kif irrilevat fil-punt 309 ta’ din is-sentenza, “il-loġika kumpensatorja tal-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam […] kienet differenti mil-loġika ta’ operatur privat li qed ifittex li jkabbar kemm jista’ jkun il-profitti tiegħu jew, bħal f’dan il-każ, li jnaqqas kemm jista’ jkun it-telf tiegħu”, sabiex jiġi dedott, fil-punt 311 tal-imsemmija sentenza, li ma setax jiġi lmentat li l-Kummissjoni eskludiet, għal tali raġunijiet, il-kriterju tal-investitur privat fil-premessa 155 tad-Deċiżjoni Sernam 3.

    160

    Ċertament, dan il-kriterju ma jinjorax l-obbligi li huma suġġetti għalihom l-operaturi ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, SNCM u Franza vs Corsica Ferries France, C‑533/12 P u C‑536/12 P, EU:C:2014:2142, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, l-obbligi li jikkostitwixxu kundizzjonijiet normali tas-suq ma jistgħux jiġu konfużi ma’ dawk intiżi biex tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan dak is-suq.

    161

    Għalkemm, kif issostni l-appellanti, l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 2 kienet timplika li din iġġib ruħha b’mod ekonomikament razzjonali, din l-implementazzjoni ma setgħetx madankollu ssir bi ksur tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-deċiżjoni, kif qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 310 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn l-appellanti targumenta li impriża privata li għandha timplementa d-Deċiżjoni Sernam 2 tagħżel, b’razzjonalità ekonomika, l-istess kundizzjonijiet ta’ trasferiment tal-assi f’daqqa kif ġie magħżul f’dan il-każ, l-argument tagħha huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata ta’ kompatibbiltà ta’ dawn il-modalitajiet ta’ trasferiment mal-għan u l-obbligi imposti mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2.

    162

    Barra minn hekk, kif tirrikonoxxi l-appellanti, il-miżuri meqjusa mill-Kummissjoni bħala għajnuna mill-Istat ġdida ma jistgħux jiġu sseparati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2. B’hekk, dawn il-miżuri ma jistgħux jiġu evalwati indipendentement mill-għan kumpensatorju ta’ din id-dispożizzjoni, u għaldaqstant huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali ma applikatx il-kriterju tal-investitur privat prudenti għal tali benefiċċji ġodda, fil-punti 323 u 327 tas-sentenza appellata.

    163

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tielet parti tas-sitt aggravju għandha tiġi miċħuda. Għaldaqstant, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    164

    Minn dan isegwi li l-appell għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    165

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    166

    Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

    167

    Peress li l-Kummissjoni kif ukoll Mory u Mory Team talbu għall-kundanna tal-appellanti għall-ispejjeż, u peress li din tal-aħħar tilfet, hemm lok li din tal-aħħar tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni kif ukoll minn Mory u Mory Team.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    SNCF Mobilités għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk esposti mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll minn Mory SA u Mory Team.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top