Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0124

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-22 ta’ Marzu 2017.
    Proċeduri kriminali kontra Ianos Tranca et.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Amtsgericht München u mil-Landgericht München I.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Directive 2012/13/UE – Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Dritt li tingħata informazzjoni dwar l-akkuża kontra l-persuna – Notifika ta’ digriet kriminali – Modalitajiet – Nomina obbligatorja ta’ mandatarju – Persuna akkużata li ma hijiex residenti u li ma tgħix f’post fiss – Terminu ta’ oppożizzjoni li jibda jiddekorri mill-mument tan-notifika lill-mandatarju.
    Kawżi magħquda C-124/16, C-188/16 u C-213/16.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:228

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    22 ta’ Marzu 2017 ( 1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali — Direttiva 2012/13/UE — Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali — Dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża — Tifsira ta’ digriet kriminali — Modalitajiet — Nomina obbligatorja ta’ mandatarju — Persuna akkużata li ma hijiex residenti u li ma tgħix f’post fiss — Terminu ta’ oppożizzjoni li jibda jiddekorri mill-mument tan-notifika lill-mandatarju”

    Fil-Kawżi magħquda C-124/16, C-188/16 u C-213/16,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht München (qorti tad-distrett ta’ München, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-19 ta’ Frar 2016 (C-124/16) u tat-12 ta’ April 2016 (C-213/16), li waslu għand il-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fid-29 ta’ Frar u fit-18 ta’ April 2016, u mill-Landgericht München I (qorti reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja), b’deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2016 (C-188/16), li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ April 2016, fil-proċeduri kriminali kontra

    Ianos Tranca (C-124/16),

    Tanja Reiter (C-213/16)

    u

    Ionel Opria (C-188/16),

    fil-preżenza ta’:

    Staatsanwaltschaft München I,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Berger, A. Borg Barthet u F. Biltgen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għas-Staatsanwaltschaft München I, minn H. Kornprobst, bħala aġent,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u M. Hellmann, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u S. Grünheid, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 3(1)(c), kif ukoll tal-Artikolu 6(1) u (3) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012, dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1).

    2

    Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra Ianos Tranca u Ionel Opria, għal serq, kif ukoll kontra Tanja Reiter, għal daqqiet u feriti u reżistenza għall-forzi tal-ordni.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2012/13 jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar fit-termini segwenti:

    “Din id-Direttiva tapplika minn meta l-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċeduri, jiġifieri meta tintlaħaq deċiżjoni finali dwar jekk is-suspettat jew il-persuna akkużata tkunx wettqet ir-reat kriminali jew le, inkluż, fejn applikabbli, l-għoti tas-sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.”

    4

    L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi d-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom kif ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jingħataw fil-pront informazzjoni dwar tal-anqas id-drittijiet proċedurali li ġejjin, kif dawn japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet:

    […]

    c)

    id-dritt li l-persuna tkun informata bl-akkuża, f’konformità mal-Artikolu 6;

    […]”

    5

    L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża”, jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (3) tiegħu:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati tingħatalhom informazzjoni dwar l-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu. Dik l-informazzjoni għandha tingħata fil-pront u bid-dettal meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.

    […]

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti, tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata.”

    Id-dritt Ġermaniż

    6

    L-Artikolu 44 tas-Strafprozessordnung (kodiċi tal-proċedura kriminali, iktar ’il quddiem is-”StPO”) jipprovdi:

    “Jekk persuna tiġi prekluża milli tosserva terminu mhux b’riżultat ta’ nuqqas min-naħa tagħha, id-dekadenza għandha, fuq talba tagħha, titwaqqaf. Persuna li ma tkunx ġiet informata konformement mal-ewwel u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 35a ma għandhiex taħti għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu ta’ rikors […]”

    7

    L-Artikolu 116 tas-StPO jipprovdi:

    “1)   Il-qorti għandha tissospendi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest immotivat biss mir-riskju ta’ ħarba meta jkun possibbli li jitqies b’ċertezza suffiċjenti li miżuri inqas onerużi jkunu wkoll jippermettu li jintlaħaq l-għan imfittex mid-detenzjoni provviżorja. B’mod partikolari għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni […]

    […]

    4.

    l-għoti ta’ garanzija xierqa mill-persuna mfittxija jew minn ħaddiehor”

    8

    L-Artikolu 116a(3) tas-StPO huwa mfassal b’dan il-mod:

    “Il-persuna mħarrka li titlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest b’korrispettiv għall-għoti ta’ garanzija u li ma tgħix fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ din il-liġi hija b’hekk marbuta li tagħti prokura lil persuna li tgħix fil-ġurisdizzjoni tal-qorti kompetenti għall-finijiet li tirċievi n-notifiki.”

    9

    L-Artikolu 127a tas-StPO jipprovdi:

    “1)   Meta l-persuna mfittxija ma tkunx residenti jew ma tkunx tgħix f’post fiss fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ din il-liġi, u meta l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest ikunu ssodisfatti biss minħabba r-riskju ta’ ħarba, l-ordni jew iż-żamma ta’ arrest tista’ tiġi miċħuda

    1.

    jekk ma jkunx mistenni li l-ksur imwettaq jiġi ssanzjonat b’piena li ċċaħħad il-libertà jew b’miżura ta’ mmultar u ta’ prevenzjoni li ċċaħħad il-libertà, u

    2.

    jekk il-persuna mfittxija tagħti garanzija xierqa li tkopri l-multa mistennija u l-ispejjeż ġudizzjarji.

    2)   L-Artikolu 116a(1) u (3) japplika mutatis mutandis.”

    10

    L-Artikolu 132(1) tas-StPO jipprovdi:

    “Jekk il-persuna akkużata li hija ssuspettata li wettqet att punibbli ma għandhiex domiċilju fiss jew residenza skont din il-liġi, iżda r-rekwiżiti sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest ma humiex issodisfatti, huwa possibbli li jiġi ordnat, sabiex jiġi żgurat l-iżvolġiment tal-proċeduri kriminali, li l-persuna akkużata

    1.

    tagħti garanzija xierqa li tkopri l-multa mistennija u l-ispejjeż ġudizzjarji, u

    2.

    tagħti mandat lil persuna residenti fil-ġurisdizzjoni tal-qorti kompetenti sabiex tirċievi n-notifiki.”

    11

    L-Artikolu 410 tas-StPO huwa mfassal kif ġej:

    “1)   Il-persuna akkużata tista’ tikkontesta d-digriet kriminali billi tippreżenta, f’terminu ta’ ġimgħtejn min-notifika tiegħu, oppożizzjoni quddiem il-qorti li tat id-digriet, bil-miktub jew verbalment mar-Reġistru. […]

    2)   L-oppożizzjoni tista’ tkun limitata għal ċerti punti.

    3)   Jekk digriet kriminali ma jiġix ikkontestat fit-terminu preskritt, huwa jikseb in-natura ta’ res judicata.”

    Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

    Il-Kawżi C-124/16 u C-213/16

    12

    Fil-Kawża C-124/16, I. Tranca, akkużat b’serq, jista’ jeħel multa kuljum għal 20 sa 30 jum. Fil-Kawża C-213/16, T. Reiter, akkużata b’daqqiet u feriti u reżistenza għall-forzi tal-ordni, tista’ teħel multa kuljum għal 50 sa 70 jum. Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li kemm I. Tranca kif ukoll T. Reiter ma għandhomx residenza u ma jgħixux f’post fiss la fil-Ġermanja u lanqas fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

    13

    Il-prosekutur ta’ München talab lill-qorti istruttorja kompetenti tal-Amtsgericht München (qorti tad-distrett ta’ München, il-Ġermanja) sabiex toħroġ mandati ta’ arrest kontrihom, biex dawn jinżammu f’detenzjoni provviżorja minħabba r-riskju li dawn jaħarbu.

    14

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesponi li, fl-eżami ta’ din it-talba, il-qorti istruttorja għandha, skont id-dritt Ġermaniż, tevalwa b’mod partikolari n-natura proporzjonata tad-detenzjoni u, għal dan il-għan, għandha tivverifika jekk jistgħux jiġu stabbiliti miżuri inqas onerużi mid-detenzjoni.

    15

    Fill-fatt, f’każijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikoli 116, 116a u 127a tas-StPO jipprevedu b’mod partikolari li l-qorti għandha tissospendi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest li jkun immotivat biss mir-riskju ta’ ħarba meta l-persuna mħarrka tista’ tagħti garanzija xierqa li tkopri l-ammont prevedibbli tal-multa li tista’ tiġi imposta fuqha.

    16

    Minn dawn l-Artikoli jirriżulta wkoll li persuna mħarrka mhux residenti fit-territorju Ġermaniż, li kontriha jkun inħareġ tali mandat ta’ arrest, hija marbuta li tinnomina mandatarju għall-finijiet li tirċievi n-notifika tal-miżuri jew tal-atti li jikkonċernawha.

    17

    Madankollu, fil-kuntest tal-eżami li jippreċedi l-ħruġ jew l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest, il-qorti istruttorja għandha tivverifika wkoll jekk tali miżuri alternattivi jippermettux li jiġi żgurat għeluq rapidu tal-proċedura kriminali fl-istess kundizzjonijiet bħallikieku l-persuna mħarrka kienet tpoġġiet f’detenzjoni provviżorja.

    18

    Issa, dan ikun il-każ biss jekk ikun possibbli li digriet kriminali jiġi nnotifikat lil persuna imputata b’mod li dan ikun jista’ jsir definittiv. B’mod partikolari, meta l-post fejn tgħix il-persuna imputata ma jkunx magħruf, dan ifisser li dan id-digriet kriminali jkun jista’ jiġi nnotifikat lill-mandatarju tagħha u li din in-notifika tagħti bidu għad-dekorrenza tat-terminu ta’ oppożizzjoni, li mal-iskadenza tiegħu id-digriet kriminali jsir res judicata u jsir eżekuttiv.

    19

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tiddubita li l-proċedura tad-digriet kriminali stabbilita mil-liġi Ġermaniża hija konformi mad-Direttiva 2012/13, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Covaci (C-216/14, EU:C:2015:686).

    20

    F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1)(c) u kif ukoll l-Artikolu 6(1) u (3) tad-Direttiva 2012/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, timponi fuq il-persuna akkużata li ma tirrisjedix f’dan l-Istat Membru li tinnomina rappreżentant għall-finijiet tan-notifika ta’ digriet kriminali li jikkonċernaha, bil-kundizzjoni li din il-persuna tibbenefika effettivament mit-terminu sħiħ biex tressaq oppożizzjoni kontra d-digriet imsemmi, jiġifieri li dan it-terminu ma jistax jitnaqqas miż-żmien neċessarju għall-mandatarju li jinforma bid-digriet imsemmi lid-destinatarju tiegħu.

    21

    Issa, skont il-qorti tar-rinviju, din is-soluzzjoni, applikata għall-proċeduri pendenti quddiemha, li fiha l-post fejn jgħixu l-persuni ssuspettati ma jkunx magħruf, għandha l-konsegwenza li tipprekludi li d-digriet kriminali isir definittiv. Fil-fatt, peress li dan ma jkunx jista jingħata personalment lid-destinatarju tiegħu, it-terminu ta’ oppożizzjoni ma jkunx jista’ jibda jiddekorri.

    22

    B’hekk, skont din il-qorti, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-liġi Ġermaniża hijiex konformi mal-liġi tal-Unjoni kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn din il-liġi nazzjonali hija interpretata fis-sens li n-notifika ta’ digriet kriminali lill-mandatarju ta’ persuna mħarrka li l-post fejn tgħix tagħha ma huwiex magħruf tagħti bidu għad-dekorrenza tat-terminu ta’ oppożizzjoni kontra dan id-digriet, iżda li, fil-każ li dan jiddekadi, il-persuna ssusspettata jkollha madankollu l-possibbiltà li titlob it-tneħħija tad-dekadenza biex tippreżenta oppożizzjoni kontra d-digriet imsemmi.

    23

    Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-alternattiva għal din il-possibbiltà li jintuża mandatarju fiċ-ċirkustanzi fejn il-persuna mħarrka ma jkollhiex post fejn tgħix magħruf, li tkun b’hekk tikkonsisti fl-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest maħruġ kontra tagħha u fid-detenzjoni tagħha, sabiex ikun possibbli li d-digriet kriminali jiġi nnotifikat lilha, tidher li hija iktar oneruża mill-interpretazzjoni proposta tal-liġi nazzjonali. Din hija wkoll tal-fehma li li din l-interpretazzjoni tosserva l-prinċipju ta’ ekwità proċedurali, sa fejn il-persuna mħarrka tkun taf l-isem u l-indirizz tal-mandatarju, tkun ġiet informata bir-rwol tiegħu u tkun libera li tirreferi għalih fir-rigward tal-ħruġ ta’ digriet kriminali maħruġ kontriha.

    24

    F’dan il-kuntest, l-Amtsgericht München (qorti tad-distrett ta’ München) iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjonijiet tagħha fir-rigward tal-ħruġ tal-mandati ta’ arrest inkwistjoni u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja id-domandi preliminari segwenti, ifformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C-124/16 u C-213/16:

    “1)

    L-Artikoli 2 u 6(1) u (3) tad-[Direttiva 2012/13], jipprekludu dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ Stat Membru:

    li tobbliga lil persuna mħarrka fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali taħtar mandatarju għall-finijiet tan-notifika ta’ digriet kriminali li tkun id-destinatarja tiegħu, meta din ma jkollhiex domiċilju f’dan l-Istat Membru,

    anki jekk, minħabba f’hekk, il-persuna mħarrka ma tibbenefikax mit-terminu kollu stabbilit sabiex tifforma oppożizzjoni kontra dan id-digriet,

    iżda wkoll ma għandhiex indirizz fejn dan id-digriet jista’ jiġi kkomunikat lilha bil-prova tal-wasla tiegħu, u l-ħatra nominali tal-mandatarju b’indirizz jagħtiha l-possibbiltà li tinforma lill-imsemmi mandatarju bil-post fejn digriet kriminali jkun jista’ jintbagħat bil-prova tal-komunikazzjoni tiegħu?

    2)

    L-Artikoli 2(1) u 6(1) u (3) tad-[Direttiva 2012/13], jipprekludu dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ Stat Membru:

    li tobbliga lil persuna mħarrka fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali taħtar mandatarju għall-finijiet tan-notifika ta’ digriet kriminali li jikkonċernaha, meta din ma jkollhiex domiċilju f’dan l-Istat Membru,

    u li tipprevedi li n-notifika lil mandatarju hija suffiċjenti fiha nfisha sabiex tagħti bidu għad-dekorrenza tat-terminu ta’ oppożizzjoni,

    meta l-persuna mħarrka li minħabba f’hekk tkun iddekadiet mid-drittijiet tagħha tista’ titlob li tiġi rreintegrata fid-drittijiet tagħha bl-iskuża unika tal-fatt li d-digriet kriminali jkun ġie ritrażmess lilha u li hija tkun għamlet l-oppożizzjoni fit-terminu stabbilit wara r-ritrażmissjoni tal-istess digriet, fi kliem ieħor meta hija tkun tista’ sussegwentement tibbenefika mit-terminu kollu billi tiġi rreintegrata fl-istat preċedenti għall-benefiċċju tagħha,

    anki jekk bħala regola l-liġi tipprevedi l-eżekuzzjoni tad-digriet [kriminali] fil-każ ta’ dekadenza?”

    Il-Kawża C-188/16

    25

    I. Opria, ċittadin Rumen, huwa akkużat b’serq fil-Ġermanja. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-persuna ma għandhiex residenza jew post fejn tgħix magħruf la fit-territorju Ġermaniż u lanqas fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

    26

    I. Opria nnomina mandatarju għall-finijiet li jirċievi n-notifika ta’ kull miżura kriminali li tikkonċernah. Fuq talba tal-uffiċċju tal-prosekutur, l-Amtsgericht München (qorti tad-distrett ta’ München), fit-13 ta’ Ottubru 2015, ħarġet digriet kriminali kontrih u imponiet fuqu multa ta’ € 300. Dan id-digriet kriminali ġie nnotifikat lill-mandatarju nnominat, li ffirma għal dawn id-dokumenti fis-27 ta’ Ottubru 2015.

    27

    Peress li ma hija mistennija ebda dikjarazzjoni mill-persuna mħarrka lil din il-qorti fit-terminu ta’ oppożizzjoni previst, ir-reġistratur tal-qorti msemmija, fil-11 ta’ Novembru 2015, kiteb fuq id-digriet imsemmi n-nota li tgħid li dan kien sar res judicata.

    28

    B’referenza għas-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Covaci (C-216/14, EU:C:2015:686), l-uffiċċju tal-prosekutur, bħala awtorità kompetenti għall‑eżekuzzjoni tal-piena, wara li ġew miċħuda lilu diversi rikorsi oħra intiżi biex tiġi stabbilita l-legalità tal-eżekuzzjoni tal-piena, talab lill-imsemmi reġistratur sabiex iħassar in-nota msemmija. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2016. Sussegwentement, l-uffiċċju tal-prosekutur ippreżenta rikors f’dan is-sens quddiem l-Amtsgericht München (qorti tad-distrett ta’ München) li, b’digriet tas-17 ta’ Frar 2016, ċaħditu bħala inammissibbli. B’hekk, fit-22 ta’ Frar 2016, ġie ppreżentat “rikors immedjat” (sofortige Beschwerde) quddiem il-Landgericht München I (qorti reġjonali ta’ München I) bħala qorti tal-aħħar istanza, kontra dan id-digriet.

    29

    Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha, relattiva għal-legalità tal-kitba tan-nota eżekuttiva fuq id-digriet kriminali inkwistjoni, tiddependi mill-kwistjoni jekk it-terminu ta’ oppożizzjoni bediex jiddekorri min-notifika ta’ dan id-digriet kriminali lill-mandatarju.

    30

    Wara li kkonstatat li, konformement mas-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Covaci (C-216/14, EU:C:2015:686), l-obbligu, f’ċerti ċirkustanzi, għal persuna mħarrka fil-kuntest ta’ proċedura kriminali li tinnomina mandatarju għall-finijiet li jirċievi n-notifika tad-digriet kriminali li tikkonċernaha huwa ammess bil-kundizzjoni li din il-persuna tibbenefika effettivament mit-terminu kollu mogħti biex titressaq oppożizzjoni kontra d-digriet kriminali, il-qorti tar-rinviju eżaminat interpretazzjonijiet differenti tal-liġi Ġermaniża inkwistjoni li jippermettu li tiġi sodisfatta din il-kundizzjoni.

    31

    Skont din, interpretazzjoni inizjali tikkonsisti fil-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ oppożizzjoni biss mill-mument meta l-persuna mħarrka tkun effettivament ġiet innotifikata bid-digriet kriminali li jikkonċernaha. Madankollu, din l-interpretazzjoni hija, essenzjalment, contra legem, peress li l-liġi Ġermaniża applikabbli tipprovdi kjarament li dan it-terminu jibda jiddekorri min-notifika ta’ dan id-digriet lill-mandatarju.

    32

    It-tieni interpretazzjoni tikkonsisti f’li titqies ex officio bħala inammissibbli kull notifika tad-digrieti kriminali lil mandatarji, liema ħaġa tkun tinvolvi ksur sostanzjali tas-sistema legali Ġermaniża.

    33

    B’applikazzjoni tat-tielet interpretazzjoni possibbli ta’ din il-liġi, id-dispożizzjonijiet nazzjonali relattivi għar-reintegrazzjoni fid-drittijiet jistgħu jinqraw fid-dawl tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13. B’hekk, l-oppożizzjoni kontra d-digriet kriminali jkollha titqies ex officio bħala li tressqet fit-terminu mogħti meta din tkun tressqet, bil-miktub, fi żmien ġimagħtejn mill-mument meta l-persuna kkonċernata effettivament issir taf b’dan id-digriet.

    34

    Madankollu, peress li l-Landgericht München I (qorti reġjonali ta’ München I), għandha dubji dwar jekk din l-aħħar interpretazzjoni hijiex konformi mad-Direttiva 2012/13, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

    “L-Artikoli 2, 3(1)(c) u 6(1) u (3) tad-[Direttiva 2012/13] għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu dispożizzjonijiet leġiżlattivi ta’ Stat Membru li permezz tagħhom, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra persuna mħarrka li ma għandhiex domiċilju stabbilit jew residenza stabbilita f’dan l-Istat Membru, digriet kriminali kontra tagħha jista’ jiġi nnotifikat lil mandatarju għall-finijiet tan-notifika nnominat mill-persuna mħarrka bil-konsegwenza li, fl-iskadenza tat-terminu ta’ oppożizzjoni (ta’ ġimagħtejn) li jibda jiddekorri min-notifika lill-mandatarju, id-digriet kriminali jikseb is-saħħa ta’ res judicata, anki jekk, skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-Istat Membru [msemmi], il-persuna mħarrka, li, fi żmien ġimagħtejn dekorribbli mid-data li fiha hija tkun ħadet konjizzjoni tal-eżistenza tad-digriet kriminali, tressaq, bil-miktub, quddiem il-qorti kompetenti, oppożizzjoni kontra dan id-digriet kriminali, għandha tiġi ex officio rreintegrata fid-drittijiet tagħha bil-konsegwenza li, b’effett mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ reintegrazzjoni fid-drittijiet tagħha, il-proċeduri għandhom jitkomplew bħalkieku l-oppożizzjoni saret fit-terminu stabbilit?”

    Fuq id-domandi preliminari

    35

    Bid-domandi tagħhom, li għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1)(c) kif ukoll l-Artikolu 6(1) u (3) tad-Direttiva 2012/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, tipprevedi li l-persuna mħarrka li ma għandhiex residenza f’dan l-Istat Membru u lanqas ma għandha post fejn tgħix fiss f’dan tal-aħħar jew fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha hija marbuta li tinnomina mandatarju għall-finijiet li jirċievi n-notifika ta’ digriet kriminali li jikkonċernaha u li t-terminu biex titressaq oppożizzjoni kontra dan id-digriet, qabel ma dan isir eżegwibbli, jibda jiddekorri min-notifika tad-digriet imsemmi lil dan il-mandatarju, fejn madankollu l-persuna kkonċernata tista’ titlob ir-reintegrazzjoni fid-drittijiet jekk din ma kellhiex għarfien effettiv tad-digriet kriminali inkwistjoni.

    36

    Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikoli 2, 3 u 6 tad-Direttiva 2012/13, in-notifika ta’ digriet kriminali, bħal dik stabbilita mil-liġi Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha titqies bħala forma ta’ komunikazzjoni tal-akkuża miġjuba kontra l-persuna kkonċernata, b’tali mod li din għandha tosserva r-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu 6 (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Covaci,C-216/14, EU:C:2015:686, punt 61).

    37

    Ċertament, id-Direttiva 2012/13 ma tirregolax il-metodi skont liema l-informazzjoni dwar l-akkuża, stabbilita fl-Artikolu 6 tagħha, għandha tiġi kkomunikata lil din il-persuna (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, CovaciC-216/14, EU:C:2015:686, punt 62).

    38

    Madankollu, dawn il-metodi ma jistgħux jiksru l-għan imfittex b’mod partikolari minn din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta wkoll mill-premessa 27 ta’ din id-direttiva, fil-possibbiltà li l-persuni ssuspettati jew il-persuni mħarrka għal reat kriminali jkunu jistgħu jippreparaw id-difiża tagħhom u biex tiżgura n-natura ekwa tal-proċedura (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Covaci,C-216/14, EU:C:2015:686, punt 63).

    39

    F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi li d-digriet kriminali jiġi nnotifikat lill-mandatarju tal-persuna akkużata u li din tal-aħħar tiddisponi minn terminu ta’ ġimagħtejn biex tifforma oppożizzjoni kontra dan id-digriet, liema terminu jibda jiddekorri min-notifika tiegħu lill-mandatarju msemmi. Mal-iskadenza ta’ dan it-terminu, id-digriet isir res judicata.

    40

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li kemm l-għan li jikkonsisti f’li l-persuna mħarrka tkun tista’ tipprepara d-difiża tagħha kif ukoll il-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni bejn, minn naħa, il-persuni akkużati li għandhom residenza li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi nazzjonali kkonċernata u, min-naħa l-oħra, dawk li r-residenza tagħhom ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, li huma biss huma marbuta li jinnominaw mandatarju għall-finijiet tan-notifika tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, jeżiġu li l-persuna mħarrka jkollha dan it-terminu ta’ oppożizzjoni kollu (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Covaci,C-216/14, EU:C:2015:686, punt 65).

    41

    F’dan il-kuntest, huwa ċertament minnu li, jekk it-terminu ta’ ġimagħtejn inkwistjoni fil-kawża prinċipali jibda jiddekorri mill-mument meta l-persuna mħarrka tkun effettivament taf bid-digriet kriminali, ikun żgurat li din il-persuna jkollha dan it-terminu kollu għad-dispożizzjoni tagħha (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Covaci,C-216/14, EU:C:2015:686, punt 66).

    42

    Madankollu, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13 ma jimponix li t-terminu msemmi jibda jiddekorri mill-mument meta l-persuna mħarrka tkun effettivament ġiet innotifikata bid-digriet kriminali li jikkonċernaha. Min-naħa l-oħra, il-proċedura għandu jkollha natura ekwa u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi żgurat.

    43

    Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li dan ikun il-każ meta, fil-każ fejn leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li t-terminu ta’ oppożizzjoni jibda jiddekorri min-notifika tad-digriet kriminali lill-mandatarju ta’ din il-persuna, it-tul ta’ dan it-terminu ma jitnaqqasx miż-żmien li kien neċessarju għall-mandatarju biex iwassal id-digriet kriminali lid-destinatarju tiegħu, b’tali mod li dan jibbenefika mit-tul kollu ta’ dan it-terminu (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Covaci,C-216/14, EU:C:2015:686, punt 67).

    44

    Hija għalhekk is-sistema legali interna ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-konsegwenzi legali tal-mogħdija ta’ tali terminu, fosthom, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li fihom deċiżjoni fil-qasam kriminali ssir definittiva u tikseb karattru eżekutorju.

    45

    B’hekk, imur manifestament kontra l-għan tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13, imfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, jekk id-destinatarju ta’ digriet kriminali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jsir definittiv u eżegwibbli, ma jkunx iktar jista’ jopponih, għaliex ma kienx jaf bl-eżistenza u bil-kontenut ta’ dan id-digriet f’mument fejn seta’ jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu, peress li, minħabba li l-post fejn jgħix ma huwiex magħruf, dan ma setax jiġi nnotifikat lilu personalment.

    46

    Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, id-destinatarju ta’ tali digriet, minflok ma jibbenefika mit-terminu kollu għal oppożizzjoni kontra d-digriet, ikun kompletament imċaħħad minnu.

    47

    B’hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni mħarrka jew issusspettati fil-kuntest ta’ reat kriminali, li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirċievu n-notifika tal-akkuża miġjuba kontrihom biss fil-mument tal-fażi tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni definittiva ta’ kundanna, iżommu madankollu l-fakultà li jeżerċitaw b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Għal dan il-għan, minn meta persuna mħarrka tkun effettivament ġiet innotifikata b’deċiżjoni kriminali li tikkonċernaha, din għandha titpoġġa fl-istess sitwazzjoni li kienet tkun fiha kieku d-deċiżjoni msemmija ġiet innotifikata lilha personalment u għandha, b’mod partikolari, tkun tista’ tibbenefika mit-terminu ta’ oppożizzjoni b’mod sħiħ.

    48

    Issa, hekk kif jippreċiżaw il-qrati tar-rinviju, għalkemm il-liġi nazzjonali tipprevedi li digriet kriminali jsir definittiv mal-iskadenza tat-terminu ta’ oppożizzjoni, li jibda jiddekorri min-notifika tad-digriet lill-mandatarju tal-persuna akkużata, din tippermetti wkoll lil din il-persuna li titlob li reintegrazzjoni fid-drittijiet tagħha u li b’hekk tibbenefika, minħabba dan, minn terminu tal-istess tul biex tippreżenta oppożizzjoni għal dan id-digriet, mill-mument meta l-persuna kkonċernata tkun saret taf bih.

    49

    B’hekk, huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jinterpretaw il-liġi nazzjonali, u b’mod partikolari l-proċedura ta’ reintegrazzjoni fid-drittijiet u l-kundizzjonijiet li huwa suġġetti għalihom l-eżerċizzju ta’ din il-proċedura, b’mod konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13.

    50

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun li l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1)(c) kif ukoll l-Artikolu 6(1) u (3) tad-Direttiva 2012/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, tipprevedi li l-persuna mħarrka li ma għandhiex residenza f’dan l-Istat Membru u lanqas ma għandha post fejn tgħix fiss f’dan tal-aħħar jew fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha hija marbuta li tinnomina mandatarju għall-finijiet li jirċievi n-notifika ta’ digriet li jikkonċernaha u li t-terminu biex titressaq oppożizzjoni kontra dan id-digriet, qabel ma dan isir eżegwibbli, jibda jiddekorri min-notifika tad-digriet imsemmi lil dan il-mandatarju.

    51

    Madankollu, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13 jeżiġi li, fl-eżekuzzjoni tad-digriet kriminali, minn meta l-persuna kkonċernata tkun effettivament ġiet innotifikata b’dan id-digriet, din għandha titpoġġa fl-istess sitwazzjoni li kienet tkun fiha kieku d-deċiżjoni msemmija ġiet innotifikata lilha personalment u, b’mod partikolari, din għandha tibbenefika mit-terminu ta’ oppożizzjoni kollu, jekk ikun il-każ, billi tibbenefika minn reintegrazzjoni fid-drittijiet.

    52

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li l-proċedura nazzjonali ta’ reintegrazzjoni fid-drittijiet kif ukoll il-kundizzjonijiet li huwa suġġett għalihom l-eżerċizzju ta’ din il-proċedura jiġu applikati b’mod konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u li din il-proċedura tippermetti b’hekk l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet li jistabbilixxi l-imsemmi Artikolu 6.

    Fuq l-ispejjeż

    53

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1)(c) kif ukoll l-Artikolu 6(1) u (3) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012, dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, tipprevedi li l-persuna mħarrka li ma għandhiex residenza f’dan l-Istat Membru u lanqas ma għandha post fejn tgħix fiss f’dan tal-aħħar jew fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha hija marbuta li tinnomina mandatarju għall-finijiet li jirċievi n-notifika ta’ digriet li jikkonċernaha u li t-terminu biex titressaq oppożizzjoni kontra dan id-digriet, qabel ma dan isir eżegwibbli, jibda jiddekorri min-notifika tad-digriet imsemmi lil dan il-mandatarju.

     

    Madankollu, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13 jeżiġi li, fl-eżekuzzjoni tad-digriet kriminali, minn meta l-persuna kkonċernata tkun effettivament ġiet innotifikata b’dan id-digriet, din għandha titpoġġa fl-istess sitwazzjoni li kienet tkun fiha kieku d-deċiżjoni msemmija ġiet innotifikata lilha personalment u, b’mod partikolari, din għandha tibbenefika mit-terminu ta’ oppożizzjoni kollu, jekk ikun il-każ, billi tibbenefika minn reintegrazzjoni fid-drittijiet.

     

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li l-proċedura nazzjonali ta’ reintegrazzjoni fid-drittijiet kif ukoll il-kundizzjonijiet li huwa suġġett għalihom l-eżerċizzju ta’ din il-proċedura jiġu applikati b’mod konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u li din il-proċedura tippermetti b’hekk l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet li jistabbilixxi l-imsemmi Artikolu 6.

     

    Firem


    ( 1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top