Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0102

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017.
    Vaditrans BVBA vs Belgische Staat.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Raad van State.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bit-triq – Perijodi tal-mistrieħ tax-xufier – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Artikolu 8(6) u (8) – Possibbiltà li jittieħed il-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum u l-perijodu ta’ mistrieħ imnaqqas ta’ kull ġimgħa ’il bogħod mill-bażi u f’vettura – Esklużjoni tal-perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa.
    Kawża C-102/16.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:1012

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

    20 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bit-triq – Perijodi tal-mistrieħ tax-xufier – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Artikolu 8(6) u (8) – Possibbiltà li jittieħed il-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum u l-perijodu ta’ mistrieħ imnaqqas ta’ kull ġimgħa ’il bogħod mill-bażi u f’vettura – Esklużjoni tal-perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa”

    Fil-Kawża C-102/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Frar 2016, fil-proċedura

    Vaditrans BVBA

    vs

    Belgische Staat,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

    komposta minn E. Levits, President tal-Awla, M. Berger (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Vaditrans BVBA, minn F. Vanden Bogaerde, advocaat,

    għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u J. Van Holm, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Lippstreu, bħala aġenti,

    għall-Gvern Estonjan,, minn K. Kraavi-Käerdi, bħala aġent,

    għall-Gvern Spanjol, minn V. Ester Casas, bħala aġent,

    għall-Gvern Franċiż, minn R. Coesme u D. Colas, bħala aġenti,

    għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

    għall-Parlament Ewropew, minn L.G. Knudsen kif ukoll minn M. Menegatti u R. van de Westelaken, bħala aġenti,

    għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn R. Wiemann u K. Michoel, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u F. Wilman, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Frar 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(8) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Vaditrans BVBA u l-Belgische Staat (l-Istat Belġjan), fir-rigward tal-annullament tal-Koninklijk besluit van 19 April 2014 tot wijziging van het koninklijk besluit van 19 juli 2000 betreffende de inning en de consignatie van een som bij het vaststellen van sommige inbreuken inzage het vervoer over de weg (id-Digriet Irjali tad-19 ta’ April 2014 li jemenda d-Digriet Irjali tad-19 ta’ Lulju 2000 dwar l-immultar u l-impożizzjoni ta’ somma flus meta jinstabu ċerti offiżi fit-trasport bit-triq), tad-19 ta’ April 2014 (Moniteur belge tal-11 ta’ Ġunju 2014, p. 44159) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tad-19 ta’ April 2014”), li b’mod partikolari jipprevedi sanzjoni ta’ EUR 1800 li għandha titħallas mix-xufiera ta’ trakkijiet li jieħdu l-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa obbligatorju tagħhom fil-vettura tagħhom u mhux f’post ieħor.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Skont il-premessi 1, 17, 26 u 27 tar-Regolament Nru 561/2006:

    “(1)

    Fil-qasam tat-trasport bit-triq, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 319] ipprova jarmonizza l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-modi ta’ trasport fil-pajjiż, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-trasport fit-triq u t-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq. Il-progress f’dawn l-oqsma għandu jitħares u jiġi estiż.

    […]

    (17)

    Dan ir-Regolament għandu l-iskop li jtejjeb il-kondizzjonijiet soċjali għall-impjegati li jaqgħu taħtu, kif ukoll li jtejjeb is-sigurtà ġenerali fit-triq. Jagħmel dan prinċipalment permezz tad-disposizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħin massimu ta’ sewqan kuljum, fil-ġimgħa u kull perijodu ta’ ġimagħtejn konsekuttivi, tad-disposizzjoni li tobbliga lix-xufier jieħu perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa mill-inqas darba kull ġimagħtejn konsekuttivi u tad-disposizzjonijiet li jitolbu li taħt l-ebda ċirkustanza l-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum ma jista’ jkun anqas minn perijodu mhux interrott ta’ disa’ sigħat. […]

    […]

    (26)

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali li japplikaw għal ksur ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li jkunu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u mhux diskriminatorji. Il-possibilità li vettura tiġi immobilizzata fejn jinstab li hemm ksur serju għandha wkoll tkun inkluża fil-medda komuni ta’ miżuri miftuħa għall-Istati Membri. Id-disposizzjonijiet f’dan ir-Regolament dwar penali jew proċeduri ma għandhomx jaffettwaw ir-regoli nazzjonali dwar l-obbligu tal-prova.

    (27)

    Huwa mixtieq fl-interessi ta’ l-infurzar ċar u effettiv li jkunu żgurati disposizzjonijiet uniformi dwar ir-responsabbiltà ta’ impriżi tat-trasport u tax-xufiera għal ksur ta’ dan ir-Regolament. Din ir-responsabbiltà tista’ twassal għal penali kriminali, ċivili jew amministrattivi skond kif ikun il-każ fl-Istati Membri.”

    4

    L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-ħinijiet ta’ sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ għax-xufiera li jaħdmu fit-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bit-triq sabiex ikunu armonizzati l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-modi ta’ trasport fuq l-art, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-triq, u sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq. Dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jippromwovi t-titjib fil-prattika ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar mill-Istati Membri u t-tijib fil-prattiċi ta’ xogħol fl-industrija tat-trasport bit-triq.”

    5

    L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jiddefinixxi, fl-inċiżi (g) u (h), il-perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa:

    “(g)

    ‘perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum’ tfisser il-perijodu ta’ kuljum li fih xufier jista’ jagħmel li jrid bil-ħin tiegħu u jkopri ‘perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kuljum’ u ‘perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kuljum’:

    ‘perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kuljum’ tfisser kull perijodu bla interruzzjoni ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas 11-il siegħa. Bħala alternattiva, dan il-perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kuljum jista’ jittieħed f’żewġ perijodi, l-ewwel wieħed għandu jkun perijodu bla interruzzjoni ta’ mill-inqas 3 sigħat u t-tieni wieħed ikun perijodu bla interruzzjoni ta’ mill-inqas 9 sigħat;

    ‘perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kuljum’ tfisser kull perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas 9 sigħat imma anqas minn 11-il siegħa;

    (h)

    ‘perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa’ tfisser perijodu ta’ kull ġimgħa li matulu xufier jista’ juża l-ħin tiegħu kif irid u jkopri ‘perijodu regolari ta’ mistrieħ fil-ġimgħa’ u ‘perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ fil-ġimgħa’.

    ‘perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa’ tfisser kwalunkwe perijodu ta’ mistrieħ mill-inqas ta’ 45 siegħa;

    ‘perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa’ tfisser kull perijodu ta’ mistrieħ ta’ anqas minn 45 siegħa, li jista’, bla ħsara għall-kondizzjonijiet fl-Artikolu 8(6), jitqassar għal minimu ta’ 24 siegħa konsekuttivi”.

    6

    L-Artikolu 8(6) tal-istess regolament jipprovdi:

    “F’kull ġimagħtejn konsekuttivi, xufier għandu jieħu mill-inqas:

    żewġ perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, jew

    perjodu wieħed ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa u perjodu wieħed imnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’ mill-inqas 24 siegħa. Madankollu, it-tnaqqis għandu jkun ikkumpensat minn mistrieħ ekwivalenti meħud en bloc qabel tmiem it-tielet ġimgħa wara l-ġimgħa in kwistjoni.

    Perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa għandu jibda mhux aktar tard mit-tmiem ta’ sitt perijodi ta’ 24 siegħa il-wieħed mit-tmiem tal-perijodu ta’ qabel ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa.”

    7

    L-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 561/2006 jipprovdi:

    “Fejn xufier jagħżel li jagħmel dan, perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u perijodi imnaqqsa ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ’il bogħod mill-bażi jistgħu jittieħdu f’vettura, kemm-il darba din ikollha faċilitajiet għall-irqad xierqa għal kull xufier u l-vettura tkun wieqfa.”

    8

    L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jadottaw dawk il-miżuri li jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”

    9

    L-Artikolu 19(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali li japplikaw għal ksur ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw illi jkunu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u b’mod li ma jiddiskriminawx. L-ebda ksur ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 ma għandu jkun suġġett għal aktar minn penali jew proċedura waħda. […]”.

    Id-dritt Belġjan

    10

    Ir-rapport lir-Re li ppreċeda d-Digriet Irjali tad-19 ta’ April 2014 jindika li dan jidħol fil-kuntest ta’ pjan ta’ azzjoni adottat mill-Kunsill tal-Ministri fit-28 ta’ Novembru 2013 għall-ġlieda kontra l-kollokament frawdolenti fil-Belġju ta’ ħaddiema ċittadini tal-Unjoni Ewropea, fenomenu magħruf bit-terminu ta’ “dumping soċjali”.

    11

    Id-Digriet Irjali tad-19 ta’ April 2014 jipprovdi, minn naħa, żieda fil-multa għal ksur tal-obbligu li, fil-vettura, ikun hemm il-manifest imfassal għat-tagħbija u, min-naħa l-oħra, multa għall-ksur tal-projbizzjoni li jittieħed mistrieħ ta’ kull ġimgħa abbord il-vettura.

    12

    L-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tad-19 ta’ April 2014 jipprovdi:

    “Fl-Appendiċi I tal-Anness I tad-[Digriet Irjali tad-19 ta’ Lulju 2000], subparagrafu (c) il-ħinijiet tas-sewqan u mistrieħ huwa ssupplimentat b’punt 8, li jaqra:

    8

    Il-perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, li huwa obbligatorju fil-mument ta’ spezzjoni, huwa meħud abbord il-vettura.

    - Regolament (KE) Nru 561/2006, Artikolu 8(6) u 8(8).

    - AETR, Artikolu 8.

    EUR 1,800

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    13

    Fit-8 ta’ Awwissu 2014, Vaditrans, impriża tat-trasport stabbilita fil-Belġju, ippreżentat rikors quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) intiż għall-annullament tad-Digriet Irjali tad-19 ta’ April 2014, li abbażi tiegħu tista’ tiġi imposta multa fl-ammont ta’ EUR 1800 meta x-xufier ta’ trakk jieħu l-perijodu ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa tiegħu abbord il-vettura.

    14

    Insostenn tar-rikors tagħha, Vaditrans tosserva li l-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tad-19 ta’ April 2014 huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni, peress li din id-dispożizzjoni tissanzjona t-teħid tal-perijodu ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa abbord il-vettura, filwaqt li r-Regolament Nru 561/2006 ma jipprovdix għal tali projbizzjoni.

    15

    Min-naħa l-oħra, l-Istat Belġjan, irrappreżentat mill-Ministru tal-Mobilità, iqis li mir-Regolament Nru 561/2006 jirriżulta b’mod ċar li xufier ma jistax jieħu l-perijodu ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa tiegħu abbord il-vettura tiegħu.

    16

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li d-Digriet Irjali tad-19 ta’ April 2014 huwa bbażat fuq il-prinċipju, imsemmi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 8(6) u (8) tal-imsemmi regolament, li jgħid li huwa pprojbit li xufier jieħu l-perijodu ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa tiegħu abbord il-vettura tiegħu. Mingħajr ma daħlet fil-mertu tad-kwistjoni, il-qorti tar-rinviju tqis li jeżisti dubju fir-rigward tal-fondatezza ta’ din it-teżi u li din hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti għaliha.

    17

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li żewġ kwistjonijiet oħra, li din lanqas ma teżamina ulterjorment, iqumu skont ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-kwistjoni msemmija iktar ’il fuq. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont din, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-Regolament Nru 561/2006 huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni stabbilit mill-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). F’każ ta’ risposta negattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk Stat Membru jistax jintroduċi, fil-liġi interna tiegħu, projbizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    18

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 8(6) u (8) tar-Regolament Nru 561/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa msemmija fl-Artikolu 8(6) tal-istess regolament ma jistgħux jittieħdu fil-vettura?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 8(6) u (8) tar-Regolament Nru 561/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 19 tal-istess regolament, jikser il-prinċipju ta’ legalità f’materji kriminali kif stabbilit fl-Artikolu 49 tal-Karta […] sa fejn id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 561/2006 ma jipprevedux espliċitament il-projbizzjoni li l-perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa msemmija fl-Artikolu 8(6) ta’ dan l-istess regolament jittieħdu fil-vettura?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, ir-Regolament Nru 561/2006 jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-projbizzjoni li l-perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa msemmija fl-Artikolu 8(6) ta’ dan l-istess regolament jittieħdu fil-vettura?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    19

    Fir-rigward tal-ewwel domanda, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jqisu li l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 561/2006 ma tippermettix li xufier jieħu l-perijodu ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa abbord il-vettura tiegħu. Min-naħa l-oħra, Vaditrans kif ukoll il-Gvern Estonjan u l-Gvern Spanjol jsostnu t-teżi kuntrarja.

    20

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2017, Air Berlin, C-290/16, EU:C:2017:523, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, f’dan il-każ, l-oriġini ta’ din il-leġiżlazzjoni (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C-461/13, EU:C:2015:433, punt 30).

    21

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-termini tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 561/2006, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tipprovdi li, matul ġimagħtejn konsekuttivi, xufier għandu jieħu mill-inqas żewġ perijodi ta’ mistrieħ regolari kull ġimgħa jew perijodu wieħed ta’ mistrieħ kull ġimgħa u perijodu wieħed ta’ mistrieħ ridott kull ġimgħa, f’liema każ għandhom jintlaħqu ċerti rekwiżiti.

    22

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(6) tal-imsemmi regolament jipprovdi li perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa għandu jibda mhux iktar tard mit-tmiem ta’ sitt perijodi ta’ 24 siegħa il-wieħed mit-tmiem tal-perijodu ta’ qabel ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa.

    23

    Finalment, l-Artikolu 8(8) tal-imsemmi regolament jipprovdi li jekk xufier jagħżel li jagħmel dan, perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u perijodi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa mnaqqsa ’il bogħod mill-bażi jistgħu jittieħdu f’vettura, kemm-il darba din ikollha faċilitajiet għall-irqad xierqa għal kull xufier u l-vettura tkun wieqfa.

    24

    L-Artikolu 8(6) u (8) tar-Regolament Nru 561/2006 għandu jinqara fid-dawl tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, peress li dan l-aħħar dispożizzjoni tiddefinixxi t-termini użati fl-imsemmi regolament.

    25

    L-Artikolu 4(f) tar-Regolament Nru 561/2006 jiddefinixxi “perijodu ta’ mistrieħ” bħala “kwalunkwe perijodu bla interruzzjoni li fih ix-xufier jista’ jagħmel li jrid bil-ħin tiegħu”.

    26

    L-Artikolu 4(g) tal-imsemmi regolament jippreċiża l-kunċett ta’ “perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum” bħala “il-perijodu ta’ kuljum li fih xufier jista’ jagħmel li jrid bil-ħin tiegħu” u jipprovdi li dan ikopri “perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kuljum” u jippreċiża li dan ikopri “perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kuljum”, qabel ma jiddefinixxi dawn iż-żewġ kunċetti.

    27

    Skont l-Artikolu 4(h) tal-istess regolament, il-“perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa” huwa ddefinit bħala “perijodu ta’ kull ġimgħa li matulu xufier jista’ juża l-ħin tiegħu kif irid” u li barra minn hekk dan ikopri “perijodu regolari ta’ mistrieħ fil-ġimgħa” u “perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ fil-ġimgħa”. B’mod iktar preċiż, il-“perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa” huwa ddefinit bħala “kwalunkwe perijodu ta’ mistrieħ mill-inqas ta’ 45 siegħa”, filwaqt li l-“perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa” jfisser “kull perijodu ta’ mistrieħ ta’ anqas minn 45 siegħa, li jista’, bla ħsara għall-kondizzjonijiet fl-Artikolu 8(6), [tar-Regolament Nru 561/2006], jitqassar għal minimu ta’ 24 siegħa konsekuttivi”.

    28

    Għaldaqstant, l-Artikolu 4(g) u (h) tar-Regolament Nru 561/2006 jistabbilixxi distinzjoni fl-użu rispettiv tal-kunċetti ta’ perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, sa fejn dawn jistgħu ikunu regolari jew imnaqqsa.

    29

    Din id-distinzjoni hija stabbilita wkoll fl-Artikolu 8(6) tal-imsemmi regolament, li fl-ewwel paragrafu tiegħu jirreferi kemm għal perijodi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa regolari kif ukoll għal perijodi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa mnaqqsa. Min-naħa l-oħra, it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jillimita ruħu biex jirreferi għal “perijodu ta’ mistrieħ kull ġimgħa” u b’hekk jinkludi ż-żewġ kunċetti preċedenti.

    30

    L-Artikolu 8(8) tal-istess regolament jirriproduċi d-distinzjoni introdotta mill-Artikolu 4(g) u (h) billi jagħmel referenza għall-“perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum”, li jkopru l-perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum regolari u mnaqqsa, u għall-“perijodi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa mnaqqsa”.

    31

    Peress li l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 561/2006 espressament jipprovdi għal perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u perijodi ta’ mistrieħ imnaqqsin ta’ kull ġimgħa, dan jimplika li xufier ma jistax jieħu perijodi ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa fil-vettura.

    32

    Fil-fatt, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirreferi, fl-Artikolu 8(8) tal-imsemmi regolament, kemm għall-perijodu ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa u għall-perijodu ta’ mistrieħ imnaqqas ta’ kull ġimgħa, kien seta’ jikkuntenta ruħu li juża t-termini “perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa” biex jinkludi ż-żewġ tipi ta’ perijodi ta’ mistrieħ.

    33

    Barra minn hekk, kieku l-perijodi ta’ mistrieħ kollha għal xufier setgħu jittieħdu fil-vettura, id-distinzjoni magħmula fl-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 561/2006 tiġi mċaħħda mis-sens u b’hekk din id-dispożizzjoni titlef l-effett utli tagħha.

    34

    Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 561/2006 hija kkorroborata mill-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni, peress li din tippermetti, permezz tal-emendi magħmula lil din id-dispożizzjoni, li tintwera r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

    35

    Fil-fatt, għar-raġunijiet żviluppati abbondantement mill-Avukat Ġenerali fil-punti 45 sa 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-proċess ta’ adozzjoni tal-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 561/2006 jippermetti li jiġi konkluż li l-leġiżlatur imsemmi kellu manifestament ir-rieda li jeskludi l-perijodu ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    36

    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 561/2006 [inizjalment l-Artikolu 8(6), ara l-Proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet fl-affarijiet soċjali fil-qasam tat-trasport bit-triq, COM(2001) 573 finali, tat-12 ta’ Ottubru 2001 (ĠU 2002, C 51 E, p. 234)], kienet tikkonċerna l-perijodi ta’ mistrieħ kollha, b’hekk kemm il-perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum kif ukoll il-perijodi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, bil-kundizzjoni li l-vettura tkun, minn naħa, ekwipaġġjata b’materjal għall-irqad adegwat għal kull xufier u, min-naħa l-oħra, wieqfa.

    37

    Madankollu, il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-14 ta’ Jannar 2003, dwar il-Proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet fl-affarijiet soċjali fil-qasam tat-trasport bit-triq (ĠU 2004, C 38 E, p. 152), irrepeta r-referenza għall-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa tat-test tad-dispożizzjoni msemmija għar-raġuni li, mingħajr din l-emenda, is-sistema l-ġdida kienet tkun tinvolvi, b’mod partikolari, sitwazzjoni inadegwata fil-qasam tal-iġjene u ta’ benesseri tax-xufiera, il-Kummissjoni ppreżentat kompromess billi pproponiet li perijodu ta’ mistrieħ imnaqqas ta’ kull ġimgħa wieħed biss ’l bogħod mill-bażi jista’ jittieħed fil-vettura [ara l-Artikolu 8(6) kif ukoll il-punt 26 tal-espożizzjoni tal-motivi, COM(2003) 0490 finali].

    38

    Huwa dan l-approċċ li ġie adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-pożizzjoni komuni u li, minkejja li l-Parlament Ewropew kellu l-intenzjoni li għal darba oħra jressaq emenda [riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tat-13 ta’ April 2005, dwar il-Pożizzjoni Komuni deċiża mill-Kunsill bil-għan tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill relattiv għall-Armonizzazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 (ĠU 2006, C 33 E, p. 424)], ġie finalment adottat fil-proġett komuni approvat mill-Kumitat ta’ konċiljazzjoni (Doc PE-CONS 3671/3/05 REV 3, 31 ta’ Jannar 2006; Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew, 2 ta’ Frar 2006; Doc 7580/06, 21 ta’ Marzu 2006) li l-kliem tiegħu ġie riprodott fl-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 561/2006.

    39

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 561/2006, għandu jiġi rrilevat li dan jikkonferma l-interpretazzjoni msemmija iktar ’il fuq.

    40

    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 21 sa 33 ta’ din is-sentenza, xi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 561/2006, f’dan il-każ l-Artikolu 4(f) u (g) kif ukoll l-Artikolu 8(6) ta’ dan ir-regolament li jiddefinixxu l-kunċetti li jinsabu fl-Artikolu 8(8) tal-imsemmi regolament, jipprekludu kull interpretazzjoni oħra għar-riskju li terġa titqiegħed indiskussjoni l-istruttura li torbot lil dawn id-dispożizzjonijiet differenti.

    41

    Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-għan tal-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 561/2006, għandu jiġi kkonstatat li dan jikkorrobora wkoll l-interpretazzjoni adottata fil-punti 31 sa 33 ta’ din is-sentenza.

    42

    B’hekk, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita, konformement mal-premessa 17 u mal-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, dan huwa intiż biex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tas-settur tat-toroq, biex itejjeb is-sigurtà tat-toroq b’mod ġenerali u biex jarmonizza l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni tat-trasport bit-triq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Frar 2012, Urbán, C-210/10, EU:C:2012:64, punt 25, tad-9 ta’ Ġunju 2016, Eurospeed, C-287/14, EU:C:2016:420, punti 3839 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Ottubru 2016, EL-EM-2001, C-501/14, EU:C:2016:777, punt 21).

    43

    L-interpretazzjoni li tgħid li l-Artikolu 8(6) u (8) tar-Regolament Nru 561/2006 jipprekludi lix-xufier milli jieħu l-perijodu ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa fil-vettura hija manifestament intiża biex tilħaq l-għanijiet ta’ dan ir-regolament li jikkonsistu fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera u tas-sigurtà fit-toroq. Il-ġustifikazzjoni mressqa mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-14 ta’ Jannar 2003 tikkonferma din il-konstatazzjoni.

    44

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, anki jekk, hekk kif kienet osservat il-Kummissjoni fl-avviż tagħha tas-27 ta’ Ġunju 2005 [COM(2005) 0301 finali], id-disinn tal-vetturi tjieb kunsiderevolment matul l-aħħar 20 sena qabel l-avviż tagħha, u li d-disinn tal-kabini ċertament reġa esperjenza żviluppi f’dawn l-aħħar snin, xorta jibqa’ l-fatt li kabina ta’ trakk ma tidhirx li tikkostitwixxi post ta’ mistrieħ adattat għal perijodi ta’ mistrieħ itwal mill-perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u mill-perijodi ta’ mistrieħ imnaqqsa ta’ kull ġimgħa. Ix-xufiera għandhom ikollhom il-possibbiltà li jgħaddu l-perijodu ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa tagħhom f’post li jipprovdi kundizzjonijiet ta’ abitazzjoni adatti u xierqa.

    45

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, kieku l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 561/2006 kellu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodi ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa jistgħu jittieħdu mix-xufier fil-vettura tiegħu, dan jimplika li xufier jista’ jieħu l-perijodu ta’ mistrieħ kollu tiegħu fil-kabina tal-vettura. B’hekk, f’tali każ, il-perijodu ta’ mistrieħ tax-xufier jittieħed f’post li ma jipprovdix kundizzjonijiet ta’ abitazzjoni xierqa. Issa, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 561/2006 ma tistax tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan ta’ titjib tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol tax-xufiera mfittex minn dan ir-regolament.

    46

    Vaditrans u l-Gvern Estonjan josservaw li tali interpretazzjoni jista’ jkollha bħala konsegwenza d-deterjorazzjoni eventwali tal-kundizzjonijiet li fihom ix-xufiera jistgħu jieħdu l-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa tagħhom. Barra minn hekk, jista’ jkun diffiċli li titressaq il-prova tal-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit, u b’hekk l-oneru amministrattiv tax-xufiera tal-vetturi jiżdied b’mod kunsiderevoli.

    47

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ċertament ir-Regolament Nru 561/2006 ma fih ebda dispożizzjoni li tirregola espliċitament il-mod li bih ix-xufier ta’ vettura għandu jieħu l-perijodu ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa, madankollu, kunsiderazzjonijiet bħal dawk imressqa minn Vaditrans u l-Gvern Estonjan ma jistgħux, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet imperattivi tal-imsemmi regolament li jirrigwardaw il-perijodi ta’ mistrieħ tax-xufiera.

    48

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 8(6) u (8) tar-Regolament Nru 561/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li xufier ma jistax jieħu l-perijodi ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa previsti fl-Artikolu 8(6) fil-vettura tiegħu.

    Fuq it-tieni domanda

    49

    Fir-rigward tat-tieni domanda, Vaditrans kif ukoll il-Gvern Spanjol, li jipproponu li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, josservaw li, fl-assenza ta’ regoli espliċiti fuq dan il-punt, interpretazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006 fis-sens li jipprekludi xufier milli jieħu perijodi ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa fil-vettura tammonta għal interpretazzjoni a contrario jew, b’analoġija, projbita bil-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege.

    50

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, kif stabbilit b’mod partikolari fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, li jikkostitwixxi espressjoni partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, jistabbilixxi li ħadd ma jista’ jiġi kkundannat għal att jew ommissjoni li, fid-data meta twettaq dan il-fatt, ma kienx jikkostitwixxi ksur skont il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali.

    51

    Dan il-prinċipju jeżiġi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u s-sanzjonijiet li jista’ jġorr miegħu. Din il-kundizzjoni hija ssodisfatta meta l-individwu jkun tista’ jkun jaf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk meħtieġ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni li hija mogħtija mill-qrati dwar dan, liema atti jew ommissjonijiet jimplikaw ir-responsabbiltà kriminali tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C-308/06, EU:C:2008:312, punt 71, kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C-194/14 P, EU:C:2015:717, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    52

    B’hekk, il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi l-kjarifika gradwali, każ b’każ tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali permezz tal-interpretazzjoni ġudizzjarja, sakemm ir-riżultat ikun raġonevolment prevedibbli meta jitwettaq il-ksur, b’mod partikolari fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija mill-ġurisprudenza fiż-żmien rilevanti dwar id-dispożizzjoni legali inkwistjoni (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C-194/14 P, EU:C:2015:717, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    53

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, l-Artikolu 8(6) u (8) tar-Regolament Nru 561/2006 fih projbizzjoni milli l-perijodu ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa jittieħed fil-vettura, mingħajr ma din id-dispożizzjoni stess fiha xi tip ta’ sanzjoni. L-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament lanqas ma jiddetermina xi sanzjoni, iżda, min-naħa l-oħra, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu sanzjonijiet għall-ksur ta’ dan ir-regolament u li jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex iħarsu li dawn is-sanzjonijiet jiġu applikati.

    54

    Dawn għandhom ikollhom, hekk kif barra minn hekk jirriżulta wkoll mill-premessa 26 tar-Regolament Nru 561/2006, natura effettiva, proporzjonata, dissważiva u mhux diskriminatorja. Għalkemm l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament jimponi fuq l-Istati Membri li jissodisfaw kundizzjonijiet supplimentari dwar ir-regoli li għandhom jiġu stabbiliti fir-rigward tas-sanzjonijiet li jolqtu l-ksur tar-regolament imsemmi, madankollu, dawn il-kundizzjonijiet ma għandhom ebda effett fuq in-natura tas-sanzjonijiet, liema ħaġa hija kkonfermata mill-premessa 27 tal-istess regolament li tgħid li l-Istati Membri jistgħu jimponu sanzjonijiet kriminali, ċivili jew amministrattivi f’każ ta’ ksur tar-regolament.

    55

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta regolament tal-Unjoni ma jkun fih ebda dispożizzjoni speċifika li tipprevedi sanzjoni f’każ ta’ ksur ta’ dan ir-regolament jew ikun jirreferi, f’dan ir-rigward, għal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, l-Artikolu 4(3) tat-Trattat UE jimponi fuq l-Istati Membri li jieħdu kull miżura neċessarja xierqa biex tiżgura l-portata u l-effettività tal-liġi tal-Unjoni. Fil-fatt, filwaqt li jżommu l-għażla tas-sanzjonijiet, dawn għandhom b’mod partikolari jiżguraw li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni jiġi ssanzjonat b’kundizzjonijiet, kemm sostantivi kif ukoll proċedurali, li jkunu simili għal dawk applikabbli għall-ksur tad-dritt nazzjonali, ta’ natura u ta’ importanza simili u li, f’kull każ, jagħtu lis-sanzjoni natura effettiva, proporzjonata u dissważiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1990, Hansen, C-326/88, EU:C:1990:291, punt 17, u tas-27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais, C-565/12, EU:C:2014:190, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    56

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, kemm-il darba, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat atti tad-dritt derivat li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu sanzjonijiet sabiex jiżguraw implementazzjoni effettiva ta’ dawn l-istess atti fid-dawl tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege. B’hekk, skont din il-ġurisprudenza, direttiva ma jistax ikollha bħala effett, minnha nnifisha u indipendentement minn liġi interna ta’ Stat Membru adottata għall-implementazzjoni tagħha, li tiddetermina jew taggrava r-responsabbiltà kriminali ta’ dawk li jiksru d-dispożizzjonijiet tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, X, C-60/02, EU:C:2004:10, punt 61).

    57

    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li dan ir-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-direttivi huwa trasponibbli għar-regolamenti, jiġifieri normi li, min-natura tagħhom, ma jeħtiġux miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni, peress li dawn ir-regolamenti jagħtu lill-Istati Membri ġurisdizzjoni biex jadottaw is-sanzjonijiet għall-ksur għall-aġiri preklużi minnhom stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, X, C-60/02, EU:C:2004:10, punt 62).

    58

    Għaldaqstant, peress li, konformement mar-Regolament Nru 561/2006, huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw sanzjonijiet għall-ksur ta’ dan ir-regolament, dawn tal-aħħar għandhom marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna n-natura tas-sanzjonijiet applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Eurospeed, C-287/14, EU:C:2016:420, punt 34).

    59

    Isegwi li l-eżami tat-tieni domanda li saret ma wera ebda element ta’ natura li jolqot il-validità tar-Regolament Nru 561/2006 fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità fil-qasam kriminali kif stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta.

    Fuq it-tielet domanda

    60

    Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    61

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 8(6) u (8) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, għandu jiġi interpretat fis-sens li xufier ma jistax jieħu l-perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa msemmija fl-imsemmi Artikolu 8(6) fil-vettura.

     

    2)

    L-eżami tat-tieni domanda li saret ma wera ebda element ta’ natura li jolqot il-validità tar-Regolament Nru 561/2006 fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità fil-qasam kriminali kif stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top