Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0093

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Lulju 2017.
    Ornua Co-operative Ltd vs Tindale & Stanton Ltd España, SL.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Audiencia Provincial de Alicante.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Karattru unitarju – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 9(1)(b) u (c) – Protezzjoni uniformi tad-dritt mogħti mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea kontra probabbiltajiet ta’ konfużjoni u kontra ħsarat għar-reputazzjoni – Koeżistenza paċifika ta’ din it-trade mark ma’ trade mark nazzjonali użata minn terz f’parti mill-Unjoni Ewropea – Assenza ta’ koeżistenza paċifika f’partijiet oħra mill-Unjoni – Perċezzjoni tal-konsumatur medju – Differenzi fil-perċezzjoni li jistgħu jeżistu f’partijiet differenti tal-Unjoni.
    Kawża C-93/16.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:571

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    20 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Karattru unitarju – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 9(1)(b) u (c) – Protezzjoni uniformi tad-dritt mogħti mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea kontra probabbiltajiet ta’ konfużjoni u kontra ħsarat għar-reputazzjoni – Koeżistenza paċifika ta’ din it-trade mark ma’ trade mark nazzjonali użata minn terz f’parti mill-Unjoni Ewropea – Assenza ta’ koeżistenza paċifika f’partijiet oħra mill-Unjoni – Perċezzjoni tal-konsumatur medju – Differenzi fil-perċezzjoni li jistgħu jeżistu f’partijiet differenti tal-Unjoni”

    Fil-Kawża C‑93/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Frar 2016, fil-proċedura

    Ornua Co-operative Ltd, li qabel kienet The Irish Dairy Board Co-operative Ltd,

    vs

    Tindale & Stanton Ltd España, SL

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Jannar 2017,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Ornua Co-operative Ltd, li qabel kienet The Irish Dairy Board Co-operative Ltd, minn E. Armijo Chávarri, avukat,

    għal Tindale & Stanton Ltd España SL, minn A. von Mühlendahl u J. Güell Serra, avukati,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u M. Hellmann, bħala aġenti,

    għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u D. Segoin, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier, T. Scharf u J. Samnadda, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Marzu 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Ornua Co-operative Ltd, li qabel kienet The Irish Dairy Board Co-operative Ltd (iktar ’il quddiem “Ornua”), u Tindale & Stanton Ltd España SL (iktar ’il quddiem “T & S”) dwar l-użu minn din tal-aħħar ta’ sinjal li, skont Ornua, joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade marks tal-Unjoni Ewropea li din hija proprjetarja tagħhom u jkun ta’ ħsara għar-reputazzjoni ta’ dawn it-trade marks.

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    Ir-Regolament Nru 207/2009, li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), ġie emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21), li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2016. Madankollu, fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi eżaminat fid-dawl tar-Regolament Nru 207/2009 kif kien fis-seħħ qabel din l-emenda.

    4

    Skont il-premessa 3 ta’ dan ir-regolament:

    “Sabiex jintlaħqu l-[…]għanijiet tal-[Unjoni Ewropea], jidher neċessarju li jkun hemm arranġamenti […] għar-rigward ta’ trade marks li permezz tagħhom impriża tkun tista’ tikseb trade mark [tal-Unjoni Ewropea] taħt sistema proċedurali waħda, u li din it-trade mark tingħata l-istess livell ta’ protezzjoni u tkun effettiva bl-istess mod [fl-Unjoni] kollha. Jinħtieġ li l-prinċipju tal-karattru waħdieni [unitarju] tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea], espress f’dan is-sens, japplika dejjem, ħlief fejn dan ir-Regolament jipprovdi mod ieħor.”

    5

    L-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament, li jagħmel parti mit-Titolu I tiegħu, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi:

    “It-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandha karattru unitarju. Hija għandha jkollha l-istess effett [fl-Unjoni] kollha: ma tistax tiġi reġistrata, trasferita jew ċeduta, jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u lanqas ma jista’ jiġi projbijt l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-[Unjoni] kollha. Dan il-prinċipju għandu japplika sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.”

    6

    It-Titolu II tal-istess regolament huwa intitolat “Il-liġi tat-trade marks”. It-Taqsima 2 tiegħu, li hija intitolata “L-effetti ta’ trade marks [tal-Unjoni]”, tinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 12, li huma intitolati “Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark [tal-Unjoni Ewropea]” u “Il-limitazzjoni tal-effetti ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea]”, rispettivament.

    7

    Skont il paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 9:

    “It-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tagħti lill-proprjetarju d-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

    (a)

    kull sinjal li huwa identiku għat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] hija reġistrata;

    (b)

    kull sinjal fejn, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] u mis-sinjal, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku; il-problabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

    (c)

    kull sinjal li huwa identiku għal jew li jixbaħ lit-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] hija reġistrata, meta din tal-aħħar għandha reputazzjoni [fl-Unjoni] u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea].”

    8

    L-imsemmi Artikolu 12 jipprevedi:

    “It-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża fil-kummerċ:

    (a)

    isimha stess jew l-indirizz tagħha;

    (b)

    indikazzjonijiet li jirrigwardaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografiku jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew tas-servizzi;

    (c)

    it-trade mark fejn dan huwa meħtieġ sabiex wieħed jindika l-għan intenzjonat tal-prodotti jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts.

    sakemm dan l-użu jsir f’konformità mal-użi tajba fl-oqsma industrijali u kummerċjali.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    9

    Ornua hija kumpannija rregolata mid-dritt Irlandiż li l-attivitajiet ekonomiċi tagħha huma fis-settur tal-ikel. Din tikkummerċjalizza b’mod partikolari l-butir u prodotti oħra tal-ħalib.

    10

    Din hija proprjetarja ta’ diversi trade marks tal-Unjoni Ewropea, fosthom it-trade mark verbali KERRYGOLD, irreġistrata matul is-sena 1998 għal prodotti li jaqgħu fil-klassi 29 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, jiġifieri, b’mod partikolari, il-butir u prodotti oħra tal-ħalib, kif ukoll iż-żewġ trade marks figurattivi li ġejjin, irreġistrati matul is-snin 1998 u 2011, rispettivament, għall-istess klassi ta’ prodotti (iktar ’il quddiem, flimkien, “it-trade marks tal-Unjoni Ewropea KERRYGOLD”):

    Image Image

    11

    Il-prodotti li fuqhom jitqiegħdu dawn it-trade marks jiġu esportati lejn diversi pajjiżi. Fl-Unjoni, l-imsemmija prodotti jinbiegħu prinċipalment fi Spanja, fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fl-Irlanda, fil-Ġreċja, fi Franza, f’Ċipru, fil-Lussemburgu, f’Malta, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit.

    12

    T & S hija kumpannija rregolata mid-dritt Spanjol li timporta u tqassam, fi Spanja, marġarina taħt is-sinjal KERRYMAID. Dawn il-prodotti huma manifatturati fl-Irlanda minn Kerry Group plc.

    13

    Kerry Group irreġistra, fl-Irlanda kif ukoll fir-Renju Unit, it-trade mark nazzjonali KERRYMAID.

    14

    Fid-29 ta’ Jannar 2014, The Irish Dairy Board Co-operative, li saret Ornua fil-31 ta’ Marzu 2015, ressqet proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra T & S quddiem il-Juzgado de lo Mercantil de Alicante (qorti tal-kummerċ ta’ Alicante, Spanja) bħala qorti għat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, intiżi sabiex jiġi kkonstatat li T & S, billi timporta u tqassam fi Spanja marġarina taħt is-sinjal KERRYMAID, tikser id-drittijiet mogħtija mit-trade marks tal-Unjoni Ewropea KERRYGOLD. L-użu tas-sinjal KERRYMAID minn T & S joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni u jikseb vantaġġ mingħajr raġuni valida mill-karattru distintiv u mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade marks.

    15

    Dik il-qorti qabel kollox ikkonstatat li l-uniku xebh bejn is-sinjal KERRYMAID u t-trade marks tal-Unjoni Ewropea KERRYGOLD jirrigwarda l-element “kerry”, li jirreferi għal kontea Irlandiża magħrufa għat-trobbija tal-baqar.

    16

    Sussegwentement, hija rrilevat li kien paċifiku bejn il-partijiet li fl-Irlanda u fir-Renju Unit, it-trade marks tal-Unjoni Ewropea KERRYGOLD u t-trade mark nazzjonali KERRYMAID jikkoeżistu b’mod paċifiku.

    17

    L-imsemmija qorti ddeduċiet minn dan li ma setgħatx teżisti, fi Spanja, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks tal-Unjoni Ewropea KERRYGOLD u s-sinjal KERRYMAID. Fil-fatt, peress li l-Irlanda u r-Renju Unit, flimkien, għandhom piż demografiku sinjifikattiv fl-Unjoni, il-koeżistenza paċifika bejn dawn it-trade marks u dan is-sinjal f’dawn iż-żewġ Stati Membri għandha, fid-dawl tal-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, twassal għall-konklużjoni ta’ assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn l-imsemmija trade marks u l-imsemmi sinjal fit-territorju kollu tal-Unjoni.

    18

    L-istess qorti kkunsidrat, fl-aħħar nett, li minħabba l-imsemmija koeżistenza paċifika fl-Irlanda u fir-Renju Unit, ma jistax ikun hemm, fi Spanja, vantaġġ indebitu miksub minn T & S mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea KERRYGOLD.

    19

    Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Juzgado de lo Mercantil de Alicante (qorti tal-kummerċ ta’ Alicante), permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Marzu 2015, ċaħdet il-proċedimenti ta’ vjolazzjoni.

    20

    Dik is-sentenza ġiet appellata quddiem il-qorti tar-rinviju.

    21

    Minħabba l-konstatazzjoni li l-koeżistenza paċifika bejn it-trade marks tal-Unjoni Ewropea KERRYGOLD u s-sinjal KERRYMAID seħħet biss fl-Irlanda u fir-Renju Unit, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mar-Regolament Nru 207/2009 tal-estrapolazzjoni mwettqa tal-qorti tal-ewwel istanza. Anki jekk jiġi preżunt li l-koeżistenza paċifika bejn dawn it-trade marks u dan is-sinjal fl-Irlanda u fir-Renju Unit twassal għall-konklużjoni tal-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’dawn iż-żewġ Stati Membri, ma jirriżultax madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, li hemm ukoll assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn l-imsemmija trade marks u l-imsemmi sinjal fl-Istati Membri l-oħra. Fil-fatt, tali estrapolazzjoni tipperikola li ċċaħħad mill-effett utli tagħhom id-drittijiet mogħtija lill-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009.

    22

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Ġaladarba l-Artikolu 9(1)(b) tar-[Regolament Nru 207/2009], jirrikjedi li jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni sabiex il-proprjetarju tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] jkun jista’ jipprojbixxi lil terz l-użu ta’ sinjal fir-relazzjonijiet ekonomiċi [fil-kummerċ] mingħajr il-kunsens tiegħu, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-istess regolament, dan l-artikolu jista’ jiġi interpretat f’sens li jippermetti l-esklużjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni meta t-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tkun ikkoeżistiet b’mod paċifiku, bit-tolleranza tal-proprjetarju, għal snin f’żewġ Stati Membri tal-Unjoni bi trade marks nazzjonali li jixxiebhu, b’tali mod li l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’dawn iż-żewġ Stati Membri tista’ tiġi estiża għal Stati Membri oħra, jew għall-Unjoni kollha, fid-dawl tat-trattament unitarju li timponi t-trade mark [tal-Unjoni Ewropea]?

    2)

    Fiċ-ċirkustanza prevista fid-domanda preċedenti, huwa possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi ġeografiċi, demografiċi, ekonomiċi jew ta’ natura oħra, tal-Istati li fihom irriżultat il-koeżistenza, għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, b’tali mod li l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fl-imsemmija Stati tkun tista’ tiġi estiża għal Stat Membru ieħor jew għall-Unjoni kollha?

    3)

    Fir-rigward taċ-ċirkustanza prevista fl-Artikolu 9(1)(c) tar-[Regolament Nru 207/2009], l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ ta’ ċirkustanza li fiha t-trade mark preċedenti tkun ikkoeżistiet mas-sinjal kunfliġġenti matul numru speċifiku ta’ snin f’żewġ Stati Membri tal-Unjoni mingħajr oppożizzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, l-imsemmija tolleranza tal-proprjetarju fir-rigward tal-użu tas-sinjal sussegwenti f’dawn iż-żewġ Stati b’mod partikolari tista’ tiġi estiża għall-kumplament tat-territorju tal-Unjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunx sar użu b’raġuni valida ta’ sinjal sussegwenti mit-terzi, fid-dawl tat-trattament unitarju li timponi t-trade mark [tal-Unjoni Ewropea]?”

    23

    Il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat lill-qorti tar-rinviju talba għal kjarifiki, intiża sabiex tkun taf jekk dik il-qorti hijiex mitluba tinkludi, fl-applikazzjoni tagħha tar-Regolament Nru 207/2009, eżami tal-evalwazzjoni tal-qorti tal-ewwel istanza li skontha, minħabba l-inklużjoni tal-indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika “kerry” fis-sinjali kunfliġġenti u l-assenza ta’ xebh bejn l-elementi “gold” u “maid”, ma jistax ikun hemm fi kwalunkwe każ probabbiltà ta’ konfużjoni.

    24

    Il-qorti tar-rinviju rrispondiet fl-affermattiv għal din it-talba għal kjarifiki.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    25

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li, f’parti mill-Unjoni, trade mark tal-Unjoni Ewropea u trade mark nazzjonali jikkoeżistu b’mod paċifiku jippermettix, fid-dawl tal-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, li jiġi konkluż li f’parti oħra mill-Unjoni, fejn ma teżistix koeżistenza paċifika bejn din it-trade mark tal-Unjoni Ewropea u s-sinjal identiku għal din it-trade mark nazzjonali, ma hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni bejn l-imsemmija trade mark tal-Unjoni Ewropea u dan is-sinjal.

    26

    Peress li din id-domanda ġiet ifformulata mill-perspettiva tal-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li, skont dan il-prinċipju, espress fil-premessa 3 tar-Regolament Nru 207/2009 u speċifikat fl-Artikolu 1(2) tiegħu, it-trade marks tal-Unjoni Ewropea jgawdu minn protezzjoni uniformi u jipproduċu l-effetti tagħhom fit-territorju kollu tal-Unjoni. Skont din id-dispożizzjoni, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea ma tistax, ħlief fejn dan ir-regolament jipprovdi mod ieħor, tiġi rreġistrata, ittrasferita jew ċeduta, tiġi rrinunzjata, tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u lanqas ma jista’ jiġi pprojbit l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-Unjoni kollha.

    27

    Għalkemm l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jsemmi biss ir-reġistrazzjoni tat-trade mark, it-trasferiment tagħha, it-telf tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark u l-projbizzjoni milli tintuża din tal-aħħar, jirriżulta madankollu minn qari flimkien ta’ din id-dispożizzjoni u tal-premessa 3 ta’ dan ir-regolament li l-effetti tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea elenkati taħt it-Taqsima 2 tat-Titolu II tal-imsemmi regolament għandhom japplikaw, huma wkoll, b’mod uniformi fit-territorju kollu tal-Unjoni.

    28

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-proprjetarju tagħha skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jestendi, bħala prinċipju, għat-territorju kollu tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ April 2011, DHL Express France, C‑235/09, EU:C:2011:238, punt 39).

    29

    Fir-rigward tal-Artikolu 9(1)(b) ta’ dan ir-regolament, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipproteġi l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea kontra kwalunkwe użu li jikkawża ħsara jew jista’ jikkawża ħsara għall-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini ta’ din it-trade mark (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, combit Software, C‑223/15, EU:C:2016:719, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Il-protezzjoni uniformi mogħtija għalhekk lill-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea minn din id-dispożizzjoni tikkonsisti fil-possibbiltà li dan il-proprjetarju, fl-Unjoni kollha, ikun jista’ jipprojbixxi lil kull terz milli, fil-kummerċ u mingħajr il-kunsens tal-imsemmi proprjetarju, juża sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu li jikkawża ħsara jew jista’ jikkawża ħsara għall-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tat-trade mark u joħloq għalhekk probabbiltà ta’ konfużjoni.

    31

    Sabiex il-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea jkun jista’ jinvoka dan id-dritt, bl-ebda mod ma huwa neċessarju li l-użu tas-sinjal identiku jew li jixxiebah li joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni jseħħ fit-territorju kollu tal-Unjoni.

    32

    Fil-fatt, kieku l-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kien protett biss kontra ħsarat imwettqa fit-territorju kollu tal-Unjoni, ma kienx ikun jista’ jopponi l-użu ta’ sinjali identiċi jew li jixxiebhu li joħolqu probabbiltà ta’ konfużjoni f’parti minn dan it-territorju biss, minkejja li l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu bħala għan li jipproteġi lil dan il-proprjetarju, fl-Unjoni kollha, kontra kull użu li jikkawża ħsara għall-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tat-trade mark tiegħu.

    33

    Konsegwentement, meta l-użu ta’ sinjal joħloq, f’parti mill-Unjoni, probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li, f’parti oħra mill-Unjoni, l-istess użu ma joħloqx tali probabbiltà, ikun hemm ksur tad-dritt esklużiv mogħti minn din it-trade mark. F’dan il-każ, il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea adita għandha tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati taħt is-sinjal inkwistjoni fit-territorju kollu tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-parti minn dan it-territorju li fih ġiet ikkonstatata l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, combit Software, C‑223/15, EU:C:2016:719, punti 2536).

    34

    F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li hemm koeżistenza paċifika bejn it-trade marks tal-Unjoni Ewropea KERRYGOLD u t-trade mark nazzjonali KERRYMAID fl-Irlanda u fir-Renju Unit, peress li Ornua ma topponix għall-użu ta’ din it-trade mark nazzjonali f’dawn l-Istati Membri.

    35

    Huwa paċifiku wkoll li tali koeżistenza paċifika ma teżistix fil-parti mit-territorju tal-Unjoni koperta mill-proċedimenti ta’ vjolazzjoni, jiġifieri fit-territorju Spanjol, u li l-użu minn T & S tas-sinjal KERRYMAID f’dan it-territorju jseħħ mingħajr il-kunsens ta’ Ornua.

    36

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, barra minn hekk, li l-eżami tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’parti mill-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni globali tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u li din l-evalwazzjoni għandha tinkludi paragun viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade mark u tas-sinjal użat mit-terz, li jista’ jwassal, b’mod partikolari minħabba raġunijiet lingwistiċi, għal konklużjonijiet differenti għal parti mill-Unjoni u għal parti oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, combit Software, C‑223/15, EU:C:2016:719, punti 3133 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha koeżistenza paċifika bejn trade marks tal-Unjoni Ewropea u sinjal ġiet ikkonstatata fl-Irlanda u fir-Renju Unit, il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea adita bi proċedimenti ta’ vjolazzjoni fir-rigward tal-użu ta’ dan is-sinjal fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ fir-Renju ta’ Spanja, ma tistax tillimita ruħha li tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq l-imsemmija koeżistenza paċifika li teżisti fl-Irlanda u fir-Renju Unit. Din il-qorti għandha, għall-kuntrarju, twettaq evalwazzjoni globali tal-fatturi rilevanti kollha.

    38

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li, f’parti mill-Unjoni Ewropea, trade mark tal-Unjoni Ewropea u trade mark nazzjonali jikkoeżistu b’mod paċifiku ma jippermettix li jiġi konkluż li f’parti oħra mill-Unjoni, fejn ma teżistix koeżistenza paċifika bejn din it-trade mark tal-Unjoni Ewropea u s-sinjal identiku għal din it-trade mark nazzjonali, ma hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni bejn l-imsemmija trade mark tal-Unjoni Ewropea u dan is-sinjal.

    Fuq it-tieni domanda

    39

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-elementi li, skont il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea adita bi proċedimenti ta’ vjolazzjoni, huma rilevanti għall-evalwazzjoni dwar jekk il-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jistax jipprojbixxi, f’parti mill-Unjoni li ma hijiex koperta minn dawn il-proċedimenti, l-użu ta’ sinjal, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni minn dik il-qorti sabiex jiġi evalwat jekk dan il-proprjetarju jistax jipprojbixxi l-użu ta’ dan is-sinjal fil-parti mill-Unjoni koperta mill-imsemmija proċedimenti.

    40

    Kif tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, l-eżami li għandu jitwettaq mill-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea kompetenti għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni globali tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni fil-proċedimenti quddiemha.

    41

    Din l-evalwazzjoni globali għandha, fir-rigward tal-paragun viżiv, fonetiku u kunċettwali bejn it-trade mark tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni u s-sinjal użat mit-terz, tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali li jipproduċu din it-trade mark u dan is-sinjal fuq il-pubbliku rilevanti, li huwa magħmul mill-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, li jkun normalment informat u raġonevolment attent u avżat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015, Loutfi Management Propriété intellectuelle, C‑147/14, EU:C:2015:420, punti 2125 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 41 u 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-kundizzjonijiet tas-suq u ċ-ċirkustanzi soċjokulturali jew oħrajn li jikkontribwixxu għall-impressjoni globali prodotta mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea u mis-sinjal inkwistjoni fuq il-konsumatur medju ma jvarjawx b’mod sinjifikattiv minn parti mill-Unjoni għall-oħra, xejn ma jipprekludi li l-fatturi rilevanti, li l-preżenza tagħhom tkun ġiet stabbilita f’parti mill-Unjoni, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni dwar jekk il-proprjetarju ta’ din it-trade mark jistax jipprojbixxi l-użu ta’ dan is-sinjal f’parti oħra mill-Unjoni jew fit-territorju kollu tagħha.

    43

    F’dan il-każ, kif jirriżulta mir-risposta għat-talba għal kjarifiki u mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, T & S issostni b’mod partikolari li s-sinjal KERRYMAID, użat minnha fi Spanja, ma huwiex simili għat-trade marks tal-Unjoni Ewropea KERRYGOLD ta’ Ornua u ma jistax konsegwentement joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li l-element “kerry” huwa indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika li ma jaqax, skont l-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, taħt id-dritt esklużiv mogħti lil Ornua mill-imsemmi Artikolu 9.

    44

    Issa, il-limitazzjoni tad-dritt esklużiv mogħti mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009 li għalih tirreferi T & S, hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-użu tas-sinjal li jinkludi l-indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika jkun konformi mal-prattiki onesti fil-qasam industrijali jew kummerċjali. Sabiex jiġi eżaminat jekk din il-kundizzjoni, li tikkostitwixxi l-espressjoni ta’ obbligu ta’ lealtà fir-rigward tal-interessi leġittimi tal-proprjetarju tat-trade mark, hijiex sodisfatta, il-qorti tar-rinviju adita għandha twettaq evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Gerolsteiner Brunnen, C‑100/02, EU:C:2004:11, punti 2426; tas-16 ta’ Novembru 2004, Anheuser-Busch, C‑245/02, EU:C:2004:717, punt 82 u 84, kif ukoll tas-17 ta’ Marzu 2005, Gillette Company u Gillette Group Finland, C‑228/03, EU:C:2005:177, punt 41).

    45

    F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-preżentazzjoni globali tal-prodott ikkummerċjalizzat mit-terz, il-kundizzjonijiet li fihom tinħareġ id-differenza bejn din it- trade mark inkwistjoni u s-sinjal użat minn dan it-terz kif ukoll l-isforz imwettaq mill-imsemmi terz sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jiddistingwu l-prodotti tiegħu minn dawk tal-proprjetarju tat-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005, Gillette Company u Gillette Group Finland, C‑228/03, EU:C:2005:177, punt 46).

    46

    Kieku l-qorti tar-rinviju kellha tikkunsidra, għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar jekk Ornua tistax tipprojbixxi l-użu tas-sinjal KERRYMAID fi Spanja, li tieħu inkunsiderazzjoni elementi eżistenti fl-Irlanda u fir-Renju Unit, din ikollha tiżgura minn qabel li ma tkunx teżisti differenza sinjifikattiva bejn il-kundizzjonijiet tas-suq jew iċ-ċirkustanzi soċjokulturali li jistgħu jiġu osservati, rispettivament, fil-parti mill-Unjoni koperta mill-proċedimenti ta’ vjolazzjoni u f’dik fejn tinsab iż-żona ġeografika li tikkorrispondi għat-terminu ġeografiku inkluż fis-sinjal inkwistjoni. Ma jistax, fil-fatt, jiġi eskluż li l-aġir li jista’ jiġi mistenni minn terz sabiex l-użu tiegħu tas-sinjal ikun konformi mal-prattiki onesti fil-qasam industrijali jew kummerċjali, ikollu jiġi analizzat b’mod differenti f’parti mill-Unjoni fejn il-konsumaturi jkollhom affinità partikolari mat-terminu ġeografiku inkluż fit-trade mark u s-sinjal inkwistjoni u f’parti tal-Unjoni fejn din l-affinità tkun iktar dgħajfa.

    47

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-elementi li, skont il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea adita bi proċedimenti ta’ vjolazzjoni, huma rilevanti għall-evalwazzjoni dwar jekk il-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jistax jipprojbixxi, f’parti mill-Unjoni Ewropea li ma hijiex koperta minn dawn il-proċedimenti, l-użu ta sinjal, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni minn dik il-qorti sabiex jiġi evalwat jekk dan il-proprjetarju jistax jipprojbixxi l-użu ta’ dan is-sinjal fil-parti mill-Unjoni koperta mill-imsemmija proċedimenti, sakemm il-kundizzjonijiet tas-suq u ċ-ċirkustanzi soċjokulturali ma jkunux differenti b’mod sinjifikattiv f’waħda mill-imsemmija partijiet mill-Unjoni milli fl-oħra.

    Fuq it-tielet domanda

    48

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li, f’parti mill-Unjoni, trade mark li għandha reputazzjoni tal-Unjoni Ewropea u sinjal jikkoeżistu b’mod paċifiku, jippermettix, fid-dawl tal-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, li jiġi konkluż li f’parti oħra mill-Unjoni, fejn ma teżistix din il-koeżistenza paċifika, hemm raġuni valida li tilleġittima l-użu ta’ dan is-sinjal.

    49

    Kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, id-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-proprjetarju tagħha skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jestendi, bħala prinċipju, għat-territorju kollu tal-Unjoni.

    50

    Il-protezzjoni estiża mogħtija mill-Artikolu 9(1)(c) ta’ dan ir-regolament lill-proprjetarji ta’ trade marks li għandhom reputazzjoni tal-Unjoni Ewropea, tikkonsisti fil-possibbiltà ta’ dawn il-proprjetarji li jipprojbixxu lil kull terz milli, fil-kummerċ u mingħajr il-kunsens tal-imsemmi proprjetarju, jagħmel użu mingħajr raġuni valida ta’ sinjal identiku jew li jixxiebah – kemm jekk ikun għal prodotti jew għal servizzi li jixbhu jew għal prodotti jew servizzi li ma jixbhux lil dawk li għalihom dawn it-trade marks huma rreġistrati – li jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade marks jew jippreġudika lil dan il-karattru distintiv jew lil din ir-reputazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit, C‑323/09, EU:C:2011:604, punti 6870).

    51

    Sabiex il-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jgawdi minn din il-protezzjoni estiża, għandu jiġi stabbilit, skont l-imsemmi Artikolu 9(1)(c), li din it-trade mark “għandha reputazzjoni [fl-Unjoni].” Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li jiġi stabbilit li l-imsemmija trade mark tkun tgawdi minn tali reputazzjoni f’parti sostanzjali mit-territorju tal-Unjoni, liema parti tista’, jekk ikun il-każ, tikkorrispondi, b’mod partikolari, għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss. Sakemm din il-kundizzjoni tkun sodisfatta, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni għandha titqies li tgawdi reputazzjoni fl-Unjoni kollha (sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, PAGO International, C‑301/07, EU:C:2009:611, punti 27, 2930, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2015, Iron & Smith, C‑125/14, EU:C:2015:539, punti 1920).

    52

    Din il-ġurisprudenza tiżgura li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jew jibbenefika mill-protezzjoni estiża mogħtija mill-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 fl-Unjoni kollha, jew ma jibbenefikax minnha bl-ebda mod. Għalhekk, il-portata tal-protezzjoni mogħtija minn kull trade mark tal-Unjoni Ewropea hija ta’ natura uniformi fit-territorju kollu tal-Unjoni.

    53

    Għall-kuntrarju, sabiex il-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li jgawdi mill-imsemmija protezzjoni estiża jkun jista’ jinvoka d-dritt tiegħu mogħti mill-imsemmi Artikolu 9(1)(c), bl-ebda mod ma huwa neċessarju li l-użu tas-sinjal li jikkawża ħsara għall-imsemmi dritt iseħħ fit-territorju kollu tal-Unjoni.

    54

    Fil-fatt, kieku dan il-proprjetarju kien protett biss kontra ħsarat imwettqa fit-territorju kollu tal-Unjoni, kien ikun impossibbli għalih li jopponi ħsarat imwettqa f’parti biss minn dan it-territorju, minkejja li l-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu bħala għan li jipproteġi lil dan il-proprjetarju, fl-Unjoni kollha, kontra kull użu mingħajr raġuni valida ta’ sinjal identiku jew li jixxiebah li jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni ta’ dawn it-trade marks jew jippreġudika lil dan il-karattru distintiv jew lil din ir-reputazzjoni.

    55

    F’dan il-każ, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li huwa kkontestat li t-trade marks tal-Unjoni Ewropea KERRYGOLD għandhom reputazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

    56

    Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, barra minn hekk, li huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li, minħabba l-koeżistenza paċifika fl-Irlanda u fir-Renju Unit bejn dawn it-trade marks u t-trade mark nazzjonali KERRYMAID, hemm raġuni valida għall-użu ta’ dan is-sinjal f’din il-parti mill-Unjoni.

    57

    Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, huwa paċifiku wkoll li tali koeżistenza paċifika ma teżistix fil-parti mit-territorju tal-Unjoni koperta mill-proċedimenti ta’ vjolazzjoni, jiġifieri fit-territorju Spanjol, u li l-użu minn T & S tas-sinjal KERRYMAID f’dan it-territorju jseħħ mingħajr il-kunsens ta’ Ornua.

    58

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżami tal-eżistenza ta’ ħsara msemmija fl-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 44, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2013, Specsavers International Healthcare et, C‑252/12, EU:C:2013:497, punt 39).

    59

    Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, fejn teżisti raġuni valida li tilleġittima l-użu tas-sinjal KERRYMAID fl-Irlanda u fir-Renju Unit minħabba l-koeżistenza paċifika bejn it-trade marks tal-Unjoni Ewropea KERRYGOLD u t-trade mark nazzjonali inkwistjoni f’dawn iż-żewġ Stati Membri, il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea adita bi proċedimenti ta’ vjolazzjoni fir-rigward tal-użu ta’ dan is-sinjal fi Stat Membru ieħor ma tistax tillimita ruħha li tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq l-imsemmija koeżistenza paċifika li teżisti fl-Irlanda u fir-Renju Unit, iżda għandha, għall-kuntrarju, twettaq evalwazzjoni globali tal-fatturi rilevanti kollha.

    60

    Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li, f’parti mill-Unjoni Ewropea, trade mark li għandha reputazzjoni tal-Unjoni Ewropea u sinjal jikkoeżistu b’mod paċifiku ma jippermettix li jiġi konkluż li f’parti oħra mill-Unjoni, fejn ma teżistix din il-koeżistenza paċifika, hemm raġuni valida li tilleġittima l-użu ta’ dan is-sinjal.

    Fuq l-ispejjeż

    61

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li, f’parti mill-Unjoni, trade mark tal-Unjoni Ewropea u trade mark nazzjonali jikkoeżistu b’mod paċifiku ma jippermettix li jiġi konkluż li f’parti oħra mill-Unjoni, fejn ma teżistix koeżistenza paċifika bejn din it-trade mark tal-Unjoni Ewropea u s-sinjal identiku għal din it-trade mark nazzjonali, ma hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni bejn l-imsemmija trade mark tal-Unjoni Ewropea u dan is-sinjal.

     

    2)

    L-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-elementi li, skont il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea adita bi proċedimenti ta’ vjolazzjoni, huma rilevanti għall-evalwazzjoni dwar jekk il-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jistax jipprojbixxi, f’parti mill-Unjoni Ewropea li ma hijiex koperta minn dawn il-proċedimenti, l-użu ta sinjal, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni minn dik il-qorti sabiex jiġi evalwat jekk dan il-proprjetarju jistax jipprojbixxi l-użu ta’ dan is-sinjal fil-parti mill-Unjoni koperta mill-imsemmija proċedimenti, sakemm il-kundizzjonijiet tas-suq u ċ-ċirkustanzi soċjokulturali ma jkunux differenti b’mod sinjifikattiv f’waħda mill-imsemmija partijiet mill-Unjoni milli fl-oħra.

     

    3)

    L-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li, f’parti mill-Unjoni Ewropea, trade mark li għandha reputazzjoni tal-Unjoni Ewropea u sinjal jikkoeżistu b’mod paċifiku ma jippermettix li jiġi konkluż li f’parti oħra mill-Unjoni, fejn ma teżistix din il-koeżistenza paċifika, hemm raġuni valida li tilleġittima l-użu ta’ dan is-sinjal.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top