EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0015

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta’ Ġunju 2018.
Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht vs Ewald Baumeister.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2004/39/KE – Artikolu 54(1) – Portata tal-obbligu ta’ sigriet professjonali li jaqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza finanzjarja – Kunċett ta’ ‘informazzjoni kunfidenzjali’.
Kawża C-15/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:464

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2004/39/KE – Artikolu 54(1) – Portata tal-obbligu ta’ sigriet professjonali li jaqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza finanzjarja – Kunċett ta’ ‘informazzjoni kunfidenzjali’”

Fil-Kawża C‑15/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Jannar 2016, fil-proċedura

Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht

vs

Ewald Baumeister,

fil-preżenza ta’:

Frank Schmitt, bħala mandatarju likwidatur ta’ Phoenix Kapitaldienst GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), C. G. Fernlund u C. Vajda, Presidenti ta’ Awla, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, A. Prechal, E. Jarašiūnas u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Lulju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht, minn R. Wiegelmann, bħala aġent,

għal E. Baumeister, minn P. A. Gundermann, Rechtsanwalt,

għal F. Schmitt, bħala mandatarju likwidatur ta’ Phoenix Kapitaldienst GmbH, minn A. J. Baumert, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan,, minn K. Kraavi-Käerdi u N. Grünberg, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u B. Koopman, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna kif ukoll minn B. Majerczyk-Graczykowska u A. Kramarczyk-Szaładzińska, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Simmons u Z. Lavery, bħala aġenti, assistiti minn V. Wakefield u S. Ford, barristers,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I.V. Rogalski, J. Rius u K.-P. Wojcik, bħala aġenti,

għall-Awtorità ta’ sorveljanza AELE, minn C. Zatschler u M. Schneider kif ukoll minn I. O. Vilhjálmsdóttir u M. L. Hakkebo, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Diċembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht (l-Uffiċċju Federali tas-Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji, il-Ġermanja) u Ewald Baumeister dwar id-deċiżjoni ta’ dan l-uffiċċju li jirrifjuta l-aċċess għal ċerti dokumenti dwar Phoenix Kapitaldienst GmbH (iktar ’il quddiem “Phoenix”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2 u 63 tad-Direttiva 2004/39 jistipulaw:

“(2)

[…] huwa meħtieġ li jiġi pprovvdut il-grad ta’ armonizzazzjoni meħtieġ sabiex joffri lill-investituri livell għoli ta’ protezzjoni u sabiex id-ditti ta’ l-nvestiment jitħallew jipprovdu servizzi ġewwa l-Komunità kollha, ġaladarba hi Suq Waħdieni, fuq il-bażi tas-sorveljanza tal-pajjiż tal-post [l-Istat Membru tal-oriġini].

[…]

(63)

[…] Minħabba l-attività tiżdied li taqsam il-fruntieri, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lil xulxin it-tagħrif rilevanti sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, sabiex jiżguraw l-infurzar effettiv ta’ din id-Direttiva, inklużi s-sitwazzjonijiet meta l-kontravenzjonijiet jew il-kontravenzjonijiet issuspettati jistgħu jkunu ta’ tħassib lill-awtoritajiet f’żewġ Stati Membri jew iktar. Fl-iskambju tat-tagħrif, hija meħtieġa segretezza stretta professjonali sabiex tiġi żgurata t-trasmissjoni bla xkiel ta’ dan it-tagħrif u għall-protezzjoni ta’ drittijiet partikolari.”

4

L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-Obbligu ġenerali rigward is-sorveljanza kontinwa”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw l-attivitajiet tad-ditti ta’ l-investiment sabiex jistmaw il-konformità mal-kondizzjonijiet operattivi pprovvduti f’din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi jkunu fil-post miżuri approprjati sabiex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti jiksbu t-tagħrif meħtieġ sabiex jistmaw il-konformità tad-ditti ta’ l-investiment ma’ dawn l-obbligi.”

5

L-Artikolu 50 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-Poteri li jridu jsiru disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti”, jipprevedi:

“1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw il-poteri kollha tas-sorveljanza u l-investigazzjoni li jkunu meħtieġa għall-eżeċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. […]

2.   Il-poteri riferiti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu eżerċitati skond il-liġijiet nazzjonali u għandhom mill-inqas jinkludi d-drittijiet li:

(a)

ikollhom aċċess għal kull dokument f’kull għamla u li jirċievu kopja tiegħu;

(b)

jiddomandaw tagħrif minn għand kull persuna u, jekk meħtieġ, isejħu u jistaqsu persuna bil-ħsieb li jiksbu tagħrif;

[…]”

6

L-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39, intitolat “Is-Segretezza professjonali”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, il-persuni kollha li jaħdmu jew li jkunu ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti jew l-entitajiet li lilhom ikunu ġew iddelegati kompiti skond l-Artikolu 48(2), kif ukoll l-awdituri u l-esperti mogħtija struzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti, jkunu marbuta l-obbligu tas-segretezza professjonali. Ma jista’ jiġi żvelat l-ebda tagħrif li jistgħu jirċievu fil-kors tad-dmirijiet tagħhom lill-ebda persuna jew awtorità, ikunu xi jkunu, għajr f’għamla sommarja u aggregata hekk li d-ditti individwali ta’ l-investiment jew kull persuna oħra ma jistgħux jiġu identifikati, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġijiet kriminali jew bid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva.

2.   Meta ditta ta’ l-investment, operatur tas-suq jew suq irregolat ikunu ġew iddikjarati falluti, jew jagħlqu l-kummerċ bil-fors, jista’ jiġi żvelat it-tagħrif kunfidenzali li ma jirrigwardax lil partijiet terzi fil-proċedimenti ċivili jew kummerċjali jekk meħtieġ sabiex jitwettaq il-proċediment.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġijiet kriminali, l-awtoritajiet kompetenti, il-korpi jew il-persuni naturali jew legali għajr l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu tagħrif kunfidenzali skond din id-Direttiva jistgħu jużawh biss fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom u għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, fil-każ ta’ l-awtoritajiet kompetenti, gewwa l-iskop ta’ din id-Direttiva jew, fil-każ ta’ l-awtoritajiet, il-korpi jew il-persuni naturali u legali l-oħra bil-għan li għalih dan it-tagħrif ikun ġie pprovvdut lilhom u/jew fil-kuntest ta’ proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji li jkollhom x’jaqsmu b’mod speċifiku ma’ l-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet. Madankollu, meta l-awtorità kompetenti jew kull awtorità, korp jew persuna oħra li jikkomunikaw it-tagħrif jagħtu l-kunsens tagħhom għal dan, l-awtorità li tirċievi t-tagħrif tista’ tużah għal għanijiet oħra.

4.   Kull tagħrif kunfidenzali rċevut, skambjat jew trasmess skond din id-Direttiva għandu jkun bla ħsara għall-kondizzjonijiet tas-segretezza professjonali stabbiliti f’dan l-Artikolu. Madankollu, dan l-Artikolu ma għandux jipprevjieni lill-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw jew jittrasmettu tagħrif kunfidenzali skond din id-Direttiva u d-Direttivi l-oħra li japplikaw għad-ditti ta’ l-investment, l-istituzzjonijiet tal-kreditu, il-fondi tal-pensjonijiet, [impriżi għall-investiment kollettiv fit-titoli trasferibbli (l-UCITS)], l-intermedjarji ta’ l-assigurazzjoni u ta’ l-assigurazzjoni mill-ġdid, l-impriżi ta’ l-asikurazzjoni, is-swieq irregolati jew l-operaturi tas-suq jew inkella bil-kunsens ta’ l-awtorità kompetenti jew awtorità jew korp jew persuna naturali jew legali oħra li jkunu kkomunikaw dan it-tagħrif.

5.   Dan l-Artikolu ma għandux jippevjieni lill-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw jew jittrasmettu skond il-liġijiet nazzjonali, it-tagħrif kunfidenzali li ma jkunx ġie rċevut minn għand awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.”

7

L-Artikolu 56 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-Obbligu tal-koperazzjoni”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri differenti għandhom jikkoperaw ma’ xulxin kulmeta meħtieġ bil-għan li jwettqu d-dmirijiet tagħhom u jagħmlu użu mis-setgħat tagħhom skond din id-Direttiva sewwa jekk iddikjarati f’din id-Direttiva jew fil-liġijiet nazzjonali u sewwa jekk le.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu assistenza lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra. B’mod partikolari, għandhom jiskambjaw it-tagħrif u jikkoperaw f’kull investigazzjoni jew attivitajiet tas-sorveljanza.

[…]”

8

L-Artikolu 58 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-iskambju tat-tagħrif”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Wara li jkunu ġew innominati bħala punti tal-kuntatt għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva skond l-Artikolu 56(1), l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom ifornu minnufih lil xulxin it-tagħrif meħtieġ għall-għanijiet li jitwettqu d-dmirijiet ta’ l-awtritajiet kompetenti, innominati skond l-Artikolu 48(1), iddikjarati fid-dispożizzjonijiet skond din id-Direttiva.

L-awtoritajiet kompetenti li jiskambjaw it-tagħrif ma’ awtoritajiet kompetenti oħra skond din id-Direttiva jistgħu jindikaw mal-waqt tal-komunikazzjoni li dan it-tagħrif ma jridx jiġi żvelat mingħajr il-qbil espress tagħhom, f’liema każ dan it-tagħrif jista jiġi skambjat biss għall-għanijiet li għalihom dawn l-awtoritajiet ikunu taw il-qbil tagħhom.”

Id-dritt Ġermaniż

9

L-Artikolu 1(1) tal-Informationsfreiheitsgesetz (il-Liġi dwar il-libertà tal-informazzjoni) tal‑5 ta’ Settembru 2005 (BGBl. 2005 I, p. 2722), kif emendata bil-Liġi tas‑7 ta’ Awwissu 2013 (BGBl. 2013 I, p. 3154, iktar ’il quddiem l-“IFG”), hija fformulata kif ġej:

“Kulħadd jista’ jinvoka mal-awtoritajiet federali, fiċ-ċirkustanzi previsti minn din il-liġi, id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni uffiċjali”.

10

L-Artikolu 3 tal-IFG, intitolat “Protezzjoni tal-interessi pubbliċi partikolari”, jipprovdi fil-punt 4 tiegħu:

“Persuna ma tistax tippretendi li jkollha aċċess għall-informazzjoni

[…]

4.   meta l-informazzjoni tkun koperta bis-sigriet professjonali jew bis-sigriet tas-servizz jew anki b’obbligu ta’ kunfidenzjalità jew ta’ diskrezzjoni prevista minn liġi jew minn dispożizzjonijiet amministrattivi ġenerali relattivi għall-protezzjoni materjali u organizzattiva tal-informazzjoni kklassifikata.”

11

L-Artikolu 9 tal-Kreditwesengesetz (il-Liġi dwar is-settur tal-kreditu), tad‑9 ta’ Settembru 1998 (BGBl. 1998 I, p. 2776), kif emendata bil-Liġi tal‑4 ta’ Lulju 2013 (BGBl. 2013 I, p. 1981, iktar ’il quddiem il-“KWG”), intitolat “Obbligu ta’ kunfidenzjalità”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta jimplimentaw din il-liġi fil-kuntest tal-attività tagħhom, il-persuni impjegati mill-[Uffiċċju Federali tas-Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji], ma għandhomx id-dritt li jiżvelaw jew li jużaw mingħajr permess il-fatti li tagħhom huma kellhom għarfien waqt xogħolhom u li [l-persuni suġġetti għal din il-liġi] jew terza persuna għandhom interess jippriżervaw il-kunfidenzjalità tagħha (b’mod partikolari bħas-sigrieti kummerċjali u tan-negozju), inkluż meta ma jibqgħux fis-servizz jew meta l-attività tagħhom tintemm. […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li nftetħet proċedura kollettiva ta’ arranġament mal-kredituri kontra Phoenix matul is-sena 2005. Din il-kumpannija ġiet xolta f’dan iż-żmien u issa tinsab fi stralċ ġudizzjarju. Il-mudell kummerċjali ta’ Phoenix kien ibbażat fuq skema frawdolenti piramidali.

13

E. Baumeister huwa wieħed mill-investituri leżi mill-attivitajiet ta’ Phoenix. Huwa invoka quddiem l-Uffiċċju Federali tas-Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji l-Artikolu 1(1) tal-IFG, sabiex ikollu aċċess għal dokumenti dwar Phoenix, bħal rapport ta’ verifika speċjali, rapporti tal-awdituri, dokumenti interni, rapporti u korrispondenza rċevuta jew miktuba minn dan l-uffiċċju fil-kuntest tal-attività ta’ sorveljanza tiegħu ta’ Phoenix. L-Uffiċċju Federali tas-Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji rrifjuta li jilqa’ din it-talba għal aċċess.

14

Wara lment mingħajr suċċess, E. Baumeister ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-Uffiċċju Federali tas-Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji quddiem il-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Amministrattiva ta’ Frankfurt-am-Mein, il-Ġermanja). Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2008, din ordnat lil dan l-uffiċċju biex jagħti l-aċċess għad-dokumenti mitluba, minbarra sigrieti industrijali u kummerċjali kif ukoll dokumenti dwar l-Awtorità tas-servizzi finanzjarji tar-Renju Unit.

15

Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2013, il-Hessischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema ta’ Hesse, il-Ġermanja), adita b’appell mill-imsemmija sentenza, iddeċidiet, minn naħa, li E. Baumeister kellu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba skont l-Artikolu 1(1) tal-IFG u, min-naħa l-oħra, li t-talba għal aċċess tiegħu ma setgħetx tiġi rrifjutata b’mod ġenerali abbażi tal-applikazzjoni flimkien tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tal-IFG u tal-Artikolu 9(1) tal-KWG. Hija qieset li l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni seta’ jiġi miċħud biss f’dak li jirrigwarda s-sigrieti industrijali u kummerċjali, li kellhom jiġu identifikati individwalment f’kull każ konkret, bħad-data personali ta’ terzi. Ma tirriżulta ebda soluzzjoni oħra mid-dritt tal-Unjoni.

16

L-Uffiċċju Federali tas-Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji appella għal reviżjoni ta’ din is-sentenza quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja).

17

Din il-qorti tal-aħħar tirrileva, essenzjalment, li l-portata li l-Hessischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema ta’ Hesse) irrikonoxxiet għall-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 9(1) tal-KWG hija limitata wisq f’żewġ aspetti. Fl-ewwel lok, din id-dispożizzjoni hija intiża li tipproteġi b’mod ġenerali l-informazzjoni kollha li l-impriża ssorveljata jew terz għandhom interess leġittimu li jipproteġu l-kunfidenzjalità tagħha, inkluża l-informazzjoni li għandha valur patrimonjali li jista’ jkun irrealizzat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk tirrigwardax strettament sigrieti industrijali jew kummerċjali. Fit-tieni lok, l-imsemmija dispożizzjoni tipproteġi wkoll mill-iżvelar l-informazzjoni li l-Uffiċċju Federali tas-Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji għandu interess leġittimu li jipproteġi l-kunfidenzjalità tagħha. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi eżaminat l-kontenut tal-informazzjoni kkonċernata sabiex tinstab l-eżistenza ta’ tali interess leġittimu. Barra minn hekk, il-punt sa fejn l-informazzjoni għandha tingħata protezzjoni għandu bħala regola ġenerali jonqos maż-żmien.

18

Madankollu, fid-dawl tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk il-portata tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità stabbilit fl-Artikolu 9(1) tal-KWG għandhiex tiġi interpretata b’mod iktar wiesa’.

19

F’dan ir-rigward, essenzjalment, l-imsemmija qorti, minn naħa, tfakkar ċerti kunsiderazzjonijiet tal-qorti tal-Unjoni stabbiliti fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punti 68, 6977, kif ukoll tat‑28 ta’ Jannar 2015, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑341/12, EU:T:2015:51, punti 8494). Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-ispeċifiċitajiet tal-attività ta’ kontroll tas-swieq finanzjarji jistgħu jiġġustifikaw li tingħata portata partikolarment wiesgħa għall-Artikolu 9(1) tal-KWG, inkluż minn perspettiva temporali.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1).

a)

L-informazzjoni kollha dwar l-impriża li tiġi kkomunikata mill-impriża ssorveljata lill-awtorità ta’ sorveljanza taqa’, indipendentement minn kundizzjonijiet oħra, taħt il-kunċett ta’ “tagħrif [informazzjoni kunfidenzjali]” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva [2004/39], u, għaldaqstant, taħt il-kunċett ta’ sigriet professjonali skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 54(1) tal-imsemmija direttiva?

b)

Id-dikjarazzjonijiet kollha tal-awtorità ta’ sorveljanza li jinsabu fil-fajl, inkluża l-korrispondenza tagħha ma’ dipartimenti oħra, jaqgħu, indipendentement minn kundizzjonijiet oħra, taħt l-obbligu ta’ kunfidenzjalità impost fuq l-awtoritajiet ta’ sorveljanza (“sigriet li jitlob il-prudenza”), li jagħmel parti mis-sigriet professjonali skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal waħda mid-domandi (a) jew (b) hawn fuq:

c)

Id-dispożizzjoni dwar is-sigriet professjonali li tinsab fl-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex informazzjoni tiġi kklassifikata bħala kunfidenzjali jew le,

aa)

importanza deċiżiva tingħata lill-punti dwar jekk informazzjoni taqax min-natura tagħha taħt is-sigriet professjonali jew jekk l-aċċess għall-informazzjoni jistax jippreġudika konkretament u effettivament l-interess tal-kunfidenzjalità tagħha, jew

bb)

għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra li fil-preżenza tagħhom l-informazzjoni taqa’ taħt is-sigriet professjonali, jew

cc)

rigward l-informazzjoni dwar l-impriża li tiġi kkomunikata mill-[impriża ssorveljata] u li tinsab fil-fajl tal-awtorità ta’ sorveljanza kif ukoll dokumenti marbuta magħha tal-awtorità ta’ sorveljanza, din tal-aħħar tista’ tinvoka preżunzjoni konfutabbli li din hija sigriet tal-impriża jew sigriet li jitlob il-prudenza?

2)

Il-kunċett ta’ ‘informazzjoni kunfidenzjali’ fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-klassifikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-impriża kkomunikata lill-awtorità ta’ sorveljanza bħala sigriet tal-impriża li ħaqqu protezzjoni jew informazzjoni oħra li ħaqqha protezzjoni, l-uniku fattur rilevanti huwa d-data li fiha din ġiet ikkomunikata lill-awtorità ta’ sorveljanza?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda:

3)

Għandu jitqies, għall-finijiet tal-kwistjoni dwar jekk informazzjoni dwar l-impriża għandhiex tiġi protetta inkwantu sigriet tal-impriża minkejja tibdil fl-ambjent ekonomiku u taqa’ għaldaqstant taħt is-sigriet professjonali skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39, li jeżisti b’mod ġenerali limitu fiż-żmien – pereżempju ta’ ħames snin –, li mal-iskadenza tiegħu teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-informazzjoni tilfet il-valur ekonomiku tagħha? L-istess jgħodd għas-sigriet li jitlob il-prudenza?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni kollha dwar l-impriża ssorveljata u kkomunikata minnha lill-awtorità kompetenti, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet kollha ta’ din l-awtorità li jinsabu fil-fajl ta’ sorveljanza tagħha, inkluża l-korrispondenza tagħha ma’ dipartimenti oħrajn tikkostitwixxi, b’mod inkundizzjonat, informazzjoni kunfidenzjali, koperta, għaldaqstant, mill-obbligu li jinżamm is-sigriet professjonali previst f’din id-dispożizzjoni. Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, hija tistaqsi, essenzjalment, liema huma l-kriterji rilevanti sabiex jiġi ddeterminat liema informazzjoni, fost dik miżmuma mill-awtoritajiet innominati mill-Istati Membri sabiex jissodisfaw il-funzjonijiet previsti minn din id-direttiva (iktar ’il quddiem l-“awtoritajiet kompetenti”), għandha titqies li tissodisfa din il-klassifikazzjoni.

22

F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi kkonstatat li la l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tagħha ma jindikaw espressament liema informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti għandha tiġi kklassifikata bħala “kunfidenzjali” u taqa’, konsegwentement, taħt il-kappa tal-obbligu tas-sigriet professjonali.

23

Barra minn hekk, minkejja li r-regoli nazzjonali rilevanti fil-qasam huma kkaratterizzati minn diversità kunsiderevoli, it-test tad-Direttiva 2004/39 ma jagħmilx riferiment għad-drittijiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tal-kunċett ta’ “tagħrif [informazzjoni] kunfidenzjali” li jinsab fl-Artikolu 54(1) ta’ din id-direttiva.

24

Issa, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li, sa fejn dispożizzjoni tiegħu ma tagħmilx riferiment għad-dritt tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda kunċett partikolari, dan tal-aħħar għandu jingħata, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi. Din l-interpretazzjoni għandha tiġi stabbilita billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni kif ukoll il-kuntest tagħha u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Fish Legal u Shirley, C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 42, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2015, A, C‑184/14, EU:C:2015:479, punti 3132).

25

Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39, il-fatt li dan jirreferi ripetutament għat-“tagħrif [informazzjoni] kunfidenzali” u mhux, b’mod ġenerali, għal “informazzjoni”, jimplika li hemm lok li ssir distinzjoni bejn l-informazzjoni kunfidenzjali u l-informazzjoni l-oħra, mhux kunfidenzjali, li l-awtoritajiet kompetenti għandhom inkonnessjoni mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

26

F’dak li jirrigwarda l-kuntest li jidħol fih l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39, kif ukoll l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, mill-premessa 2 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din hija intiża li tilħaq il-grad ta’ armonizzazzjoni meħtieġ sabiex l-investituri jingħataw livell għoli ta’ protezzjoni u sabiex l-impriżi ta’ investiment ikunu jistgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom ġewwa l-Unjoni kollha abbażi tas-sorveljanza eżerċitata fl-Istat Membru ta’ oriġini (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Altmann et, C‑140/13, EU:C:2014:2362, punt 26).

27

Mit-tieni sentenza tal-premessa 63 tad-Direttiva 2004/39 jirriżulta wkoll li, f’kuntest ta’ attività transkonfinali dejjem tiżdied, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti għandhom jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni neċessarja għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva ta’ din id-direttiva (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Altmann et, C‑140/13, EU:C:2014:2362, punt 27).

28

Għalhekk, skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2004/39, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jikkontrollaw b’mod permanenti l-attività tal-impriżi ta’ investiment sabiex jiżguraw li dawn josservaw l-obbligi tagħhom (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Altmann et, C‑140/13, EU:C:2014:2362, punt 28).

29

L-Artikolu 50(1) u (2) tal-istess direttiva jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddisponu mis-setgħat kollha tagħhom ta’ sorveljanza u ta’ investigazzjoni neċessarji għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, inkluż id-dritt li jkollhom aċċess għal kull dokument u li jitolbu għal informazzjoni minn kull persuna (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Altmann et, C‑140/13, EU:C:2014:2362, punt 29).

30

Barra minn hekk, l-Artikolu 56(1) tad-Direttiva 2004/39 jiddisponi li kull awtorità kompetenti għandha tagħti l-assistenza tagħha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u li, b’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet jew ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Altmann et, C‑140/13, EU:C:2014:2362, punt 30).

31

Il-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ kontroll tal-attività tal-impriżi ta’ investiment, ibbażata fuq sorveljanza eżerċitata fi ħdan Stat Membru u fuq l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ diversi Stati Membri, hekk kif deskritt fil-qosor fil-punti preċedenti, jeħtieġ li kemm l-impriżi ssorveljati kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkunu ċerti li l-informazzjoni kunfidenzjali pprovduta żżomm bħala regola n-natura kunfidenzjali tagħha (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Altmann et, C‑140/13, EU:C:2014:2362, punt 31).

32

Bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-aħħar sentenza tal-premessa 63 tad-Direttiva 2004/39, l-assenza ta’ tali fiduċja hija ta’ natura li tikkomprometti t-trasferiment mingħajr problemi tal-informazzjoni kunfidenzjali neċessarja għall-eżerċizzju tal-attività ta’ sorveljanza (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Altmann et, C‑140/13, EU:C:2014:2362, punt 32).

33

Huwa għalhekk sabiex jiġu protetti mhux biss l-interessi speċifiċi tal-impriżi direttament ikkonċernati, iżda wkoll l-interess ġenerali marbut mal-funzjonament normali tas-swieq ta’ strumenti finanzjarji tal-Unjoni, li l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 jimponi, bħala regola ġenerali, l-obbligu ta’ żamma tas-sigriet professjonali (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Altmann et, C‑140/13, EU:C:2014:2362, punt 33).

34

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ma jistax jiġi dedott, la mill-formulazzjoni tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 u lanqas mill-kuntest li jidħol fih dan l-artikolu, u lanqas mill-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, li l-informazzjoni kollha dwar l-impriża ssorveljata u kkomunikata minnha lill-awtorità kompetenti, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet kollha ta’ din l-awtorità li jinsabu fil-fajl ta’ sorveljanza tagħha, inkluża l-korrispondenza tagħha ma’ dipartimenti oħrajn, għandha bilfors titqies bħala kunfidenzjali.

35

Fil-fatt, minn dawn l-istess kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-projbizzjoni ġenerali ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali stabbilita fl-Artikolu 54(1) tal-imsemmija direttiva tkopri l-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti li, l-ewwel nett, ma hijiex ta’ natura pubblika u li, it-tieni nett, l-iżvelar tagħha jista’ jimmina l-interessi tal-persuna fiżika jew ġuridika li pprovdietha jew ta’ terzi, jew anki l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kontroll tal-attività tal-impriżi ta’ investiment li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa meta adotta d-Direttiva 2004/39.

36

Għandu madankollu jitfakkar li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt preċedenti għandhom jinftiehmu bla ħsara għal dak li jipprevedu dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni intiżi li jipproteġu b’mod iktar strett il-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni.

37

Fost dawn id-dispożizzjonijiet hemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 58(1) tad-Direttiva 2004/39, dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti, li jipprovdi li “[l]-awtoritajiet kompetenti li jiskambjaw it-tagħrif ma’ awtoritajiet kompetenti oħra skond din id-Direttiva jistgħu jindikaw mal-waqt tal-komunikazzjoni li dan it-tagħrif ma jridx jiġi żvelat mingħajr il-qbil espress tagħhom, f’liema każ dan it-tagħrif jista jiġi skambjat biss għall-għanijiet li għalihom dawn l-awtoritajiet ikunu taw il-qbil tagħhom”.

38

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 joħloq prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti u jistipula b’mod eżawrjenti l-każijiet speċifiċi li fihom din il-projbizzjoni ġenerali ma hijiex, eċċezzjonalment, ta’ ostakolu għat-trasferiment jew użu tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Altmann et, C‑140/13, EU:C:2014:2362, punti 3435).

39

L-imsemmi artikolu għaldaqstant ma għandux l-għan li joħloq dritt ta’ aċċess lill-pubbliku għall-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti jew li jirregola b’mod iddettaljat l-eżerċizzju ta’ tali dritt ta’ aċċess irrikonoxxut, skont il-każ, mid-dritt nazzjonali.

40

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 jissodisfa għan differenti minn dak imfittex mir-Regolament Nru 1049/2001.

41

Fil-fatt, dan tal-aħħar huwa intiż li jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li huwa l-iktar wiesa’ possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Iżvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 33, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 57).

42

Huwa fid-dawl ta’ tali għan li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament Nru 1049/2001 jimponi, bħala prinċipju, obbligu fuq l-istituzzjoni tal-Unjoni li biħsiebha tirrifjuta l-aċċess għal dokument, li tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament jippreġudika l-interess protett minn waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fid-dritt ta’ aċċess inkwistjoni, bla ħsara għall-possibbiltà għal din l-istituzzjoni li tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li tapplika għal kategorija ta’ dokumenti meta kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Iżvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punti 48 sa 50, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punti 68, 6977).

43

Min-naħa l-oħra, meta, aditi minn individwu b’talba għal aċċess għal informazzjoni dwar impriża ssorveljata, l-awtoritajiet kompetenti jqisu, fid-dawl tal-kundizzjonijiet kumulattivi stipulati fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, li l-informazzjoni mitluba hija kunfidenzjali, fis-sens tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39, dawn jistgħu jilqgħu tali talba biss fil-każijiet elenkati b’mod eżawrjenti f’dan l-Artikolu 54.

44

Fl-aħħar nett għandu jiġi enfasizzat li, peress li l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 għandu l-għan uniku li jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti li jirrifjutaw, bħala prinċipju, l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeċiedu li jestendu l-protezzjoni kontra l-iżvelar għall-kontenut kollu tal-fajls ta’ sorveljanza tal-awtoritajiet kompetenti jew, għall-kuntrarju, li jippermettu l-aċċess għall-informazzjoni fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti li ma hijiex informazzjoni kunfidenzjali fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

45

F’dan il-każ, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinivju li tivverifika, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jekk l-informazzjoni miżmuma mill-Uffiċċju Federali tas-Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji li ġie mitlub l-iżvelar tagħha taqax taħt l-obbligu tas-sigriet professjonali li dan l-uffiċċju huwa obbligat josserva skont l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39.

46

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni kollha dwar l-impriża ssorveljata u kkomunikata minnha lill-awtorità kompetenti, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet kollha ta’ din l-awtorità li jinsabu fil-fajl ta’ sorveljanza tagħha, inkluża l-korrispondenza tagħha ma’ dipartimenti oħrajn, ma tikkostitwixxix, b’mod inkundizzjonat, informazzjoni kunfidenzjali, koperta, għaldaqstant, mill-obbligu li jinżamm is-sigriet professjonali previst f’din id-dispożizzjoni. Taqa’ taħt din il-klassifikazzjoni l-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti li, l-ewwel nett, ma hijiex ta’ natura pubblika u li, it-tieni nett, l-iżvelar tagħha jista’ jimmina l-interessi tal-persuna fiżika jew ġuridika li pprovdietha jew ta’ terzi, jew anki l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kontroll tal-attività tal-impriżi ta’ investiment li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa meta adotta d-Direttiva 2004/39.

Fuq it-tieni domanda

47

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-evalwazzjoni tan-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni dwar l-impriża ssorveljata u kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti tiddependi mid-data ta’ din il-komunikazzjoni u mill-klassifikazzjoni ta’ din l-informazzjoni f’din id-data.

48

Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li, sabiex ma jiġux kompromessi l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39, kif irrilevati fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet kompetenti huma bħala prinċipju obbligati li josservaw l-obbligu tas-sigriet professjonali li jaqa’ fuqhom skont din id-dispożizzjoni fil-perijodu kollu li l-informazzjoni li huma għandhom taħt din id-direttiva għandha titqies bħala kunfidenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Altmann et, C‑140/13, EU:C:2014:2362, punti 3134).

49

Dan ingħad, bħalma osservaw essenzjalment il-qorti tar-rinviju u l-Kummissjoni Ewropea, il-fatt li jkun għadda ż-żmien jikkostitwixxi ċirkustanza li normalment tista’ tinfluwenza l-analiżi tal-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet li l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkonċernata tiddependi minnhom humiex issodisfatti f’mument partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punti 5657, kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2017, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑162/15 P, EU:C:2017:205, punt 64).

50

Konsegwentement, hemm lok jitqies li l-projbizzjoni ġenerali ta’ żvelar tal-informazzjoni kunfidenzjali stipulata fl-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 tkopri l-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti li għandha tiġi kklassifikata bħala “kunfidenzjali” fl-eżami tat-talba għal żvelar, indipendentement mill-klassifikazzjoni ta’ din l-informazzjoni fil-mument meta ġiet ikkomunikata lil dawn l-awtoritajiet.

51

Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni dwar l-impriża ssorveljata u kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti għandha tiġi evalwata fid-data tal-eżami li dawn l-awtoritajiet huma msejħa jagħmlu sabiex jiddeċiedu fuq it-talba għal żvelar li tirrigwarda l-imsemmija informazzjoni, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħha matul il-komunikazzjoni tagħha lill-imsemmija awtoritajiet.

Fuq it-tielet domanda

52

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti li ilha ħames snin jew iktar bħala prinċipju ma tibqax taqa’ taħt is-sigriet tan-negozju jew taħt kategoriji oħrajn ta’ informazzjoni kunfidenzjali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

53

Fir-rigward speċifikament tal-informazzjoni li taqa’ taħt is-sigrieti tan-negozju, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-protezzjoni ta’ tali sigrieti tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Varec, C‑450/06, EU:C:2008:91, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li meta l-informazzjoni li setgħet tikkostitwixxi sigrieti tan-negozju f’ċertu perijodu tkun ilha ħames snin jew iktar, bħala prinċipju din titqies, minħabba li għadda ż-żmien, bħala storika u li tkun tilfet, minħabba dan il-fatt, in-natura sigrieta tagħha sakemm, b’mod eċċezzjonali, il-parti li tinvoka din in-natura ma turix li, minkejja li hija antika, din l-informazzjoni għadha tikkostitwixxi element essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha jew ta’ dik ta’ terzi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑162/15 P, EU:C:2017:205, punt 64).

55

Il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt preċedenti huma applikabbli wkoll fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39, sa fejn dawn irrigwardaw l-evoluzzjoni ratione temporis tar-rilevanza ta’ ċerta informazzjoni għall-pożizzjoni kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

56

Min-naħa l-oħra, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma japplikawx f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti li l-kunfidenzjalità tagħha tista’ tkun iġġustifikata minn raġunijiet differenti mill-importanza tagħha għall-pożizzjoni kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, bħal, b’mod partikolari, l-informazzjoni dwar il-metodoloġija u l-istrateġiji ta’ sorveljanza tal-awtoritajiet kompetenti.

57

Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti li setgħet tikkostitwixxi sigrieti tan-negozju, iżda li ilha ħames snin jew iktar, titqies, bħala prinċipju, minħabba li għadda ż-żmien, bħala storika u li tkun tilfet, minħabba dan il-fatt, in-natura sigrieta tagħha sakemm, b’mod eċċezzjonali, il-parti li tinvoka din in-natura ma turix li, minkejja li hija antika, din l-informazzjoni għadha tikkostitwixxi element essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha jew ta’ dik ta’ terzi kkonċernati. Tali kunsiderazzjonijiet ma japplikawx għall-informazzjoni miżmuma minn dawn l-awtoritajiet, li l-kunfidenzjalità tagħha tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet differenti mill-importanza tagħha għall-pożizzjoni kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni kollha dwar l-impriża ssorveljata u kkomunikata minnha lill-awtorità kompetenti, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet kollha ta’ din l-awtorità li jinsabu fil-fajl ta’ sorveljanza tagħha, inkluża l-korrispondenza tagħha ma’ dipartimenti oħrajn, ma tikkostitwixxix, b’mod inkundizzjonat, informazzjoni kunfidenzjali, koperta, għaldaqstant, mill-obbligu li jinżamm is-sigriet professjonali previst f’din id-dispożizzjoni. Taqa’ taħt din il-klassifikazzjoni l-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet innominati mill-Istati Membri sabiex jissodisfaw il-funzjonijiet previsti minn din id-direttiva li, l-ewwel nett, ma hijiex ta’ natura pubblika u li, it-tieni nett, l-iżvelar tagħha jista’ jimmina l-interessi tal-persuna fiżika jew ġuridika li pprovdietha jew ta’ terzi, jew anki l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kontroll tal-attività tal-impriżi ta’ investiment li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa meta adotta d-Direttiva 2004/39.

 

2)

L-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni dwar l-impriża ssorveljata u kkomunikata lill-awtoritajiet innominati mill-Istati Membri sabiex jissodisfaw il-funzjonijiet previsti minn din id-direttiva għandha tiġi evalwata fid-data tal-eżami li dawn l-awtoritajiet huma msejħa jagħmlu sabiex jiddeċiedu fuq it-talba għal żvelar li tirrigwarda l-imsemmija informazzjoni, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħha matul il-komunikazzjoni tagħha lill-imsemmija awtoritajiet.

 

3)

L-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet innominati mill-Istati Membri sabiex jissodisfaw il-funzjonijiet previsti minn din id-direttiva li setgħet tikkostitwixxi sigrieti tan-negozju, iżda li ilha ħames snin jew iktar, titqies, bħala prinċipju, minħabba li għadda ż-żmien, bħala storika u li tkun tilfet, minħabba dan il-fatt, in-natura sigrieta tagħha sakemm, b’mod eċċezzjonali, il-parti li tinvoka din in-natura ma turix li, minkejja li hija antika, din l-informazzjoni għadha tikkostitwixxi element essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha jew ta’ dik ta’ terzi kkonċernati. Tali kunsiderazzjonijiet ma japplikawx għall-informazzjoni miżmuma minn dawn l-awtoritajiet, li l-kunfidenzjalità tagħha tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet differenti mill-importanza tagħha għall-pożizzjoni kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top