Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0619

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fid-29 ta’ Mejju 2018.
Sebastian W. Kreuziger vs Land Berlin.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Dritt għal-leave annwali mħallas – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-telf ta’ leave annwali mhux meħud u tal-kumpens finanzjarju għal tali leave, meta ma tkunx saret talba għal leave mill-ħaddiem qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg.
Kawża C-619/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:339

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fid-29 ta’ Mejju 2018 ( 1 )

Kawża C-619/16

Sebastian W. Kreuziger

vs

Land Berlin

(talba għal deċiżjoni preliminari mressaq mill-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Berlin-Brandebourg, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Dritt għal-leave annwali mħallas – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7(2) – Kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol – Telf tad-dritt għal dan il-kumpens meta l-ħaddiem ma jitlobx li jibbenefika mil-leave annwali mħallas tiegħu u meta huwa ma jurix li kien fl-impossibbiltà li jieħu dan il-leave għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu”

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ( 2 ).

2.

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Sebastian W. Kreuziger u l-persuna li kienet tħaddmu, il-Land Berlin (il-Land ta’ Berlin, il-Ġermanja), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jħallas lil S. W. Kreuziger kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol.

3.

Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom ħaddiem li r-relazzjoni ta’ xogħol tiġi tterminata jista’ jitlob il-ħlas ta’ dan il-kumpens fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88.

4.

F’dawn il-konklużjonijiet, sejjer nesponi r-raġunijiet li għalihom inqis li l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jagħti dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol meta ħaddiem ma jkunx jista’ jieħu l-leave annwali mħallas kollu li huwa kellu dritt għalih matul dik ir-relazzjoni.

5.

Sejjer nispjega wkoll għaliex, fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjonijiet jew prattiċi nazzjonali li bis-saħħa tagħhom ħaddiem jitlef id-dritt tiegħu għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol meta, minn naħa, dan il-ħaddiem ma jkunx talab li jibbenefika minn dan il-leave meta huwa kien fl-attività, u, min-naħa l-oħra, ma jurix li huwa kien tqiegħed fl-impossibbiltà li jieħu dan il-leave għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu, mingħajr ma jiġi vverifikat qabel jekk dan il-ħaddiem kienx effettivament tqiegħed mill-persuna li tħaddmu f’qagħda li jeżerċita id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas.

6.

Fl-aħħar nett, sejjer nindika li, meta qorti nazzjonali tiġi adita b’kontestazzjoni dwar id-dritt ta’ ħaddiem għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, hija għandha tivverifika jekk il-persuna li tħaddem tipprovax li ħadet il-miżuri adegwati sabiex tiżgura lil dan il-ħaddiem il-possibbiltà li jeżerċita effettivament id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas matul din ir-relazzjoni. Jekk min iħaddem juri li huwa wettaq id-diliġenza neċessarja u li, minkejja l-miżuri li huwa adotta, il-ħaddiem irrinunzja deliberatament u b’mod infurmat milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas għalkemm huwa kellu l-possibbiltà matul ir-relazzjoni ta’ xogħol, dan il-ħaddiem ma jistax jitlob, fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

7.

Skont il-premessa 4 tad-Direttiva 2003/88:

“It-titjib tas-sigurtà, l-iġene u s-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol huwa għan li m’għandux ikun subordinat sempliċement għal raġunijiet ekonomiċi.”

8.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta’ l-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391/KEE[ ( 3 )], mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 17, 18 u 19 ta’ din id-Direttiva.”

9.

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.   Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

10.

L-Artikolu 17 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tagħha. Madankollu, ma hija permessa ebda deroga fir-rigward tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

11.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391 jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tgħodd għas-setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati (industrijali, agrikoli, kummerċjali, amministrattivi, ta’ servizz, edukattivi, kulturali, ta’ serħan etċ.)

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tgħodd fejn karatteristiċi partikolari għal ċerti attivitajiet ta’ servizzi pubbliċi speċifiċi, bħall-forzi armati jew il-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, b’mod inevitabbli jmorru kontra tagħha.

[...]”

B.   Id-dritt Ġermaniż

12.

Skont l-Artikolu 9 tal-Verordnung über den Erholungsurlaub der Beamten und Richter (ir-Regoli dwar il-Leave tal-Uffiċjali u l-Imħallfin, iktar ’il quddiem l-“EUrlVO”) ( 4 ), tas-26 ta’ April 1988:

“1.   L-uffiċjal għandu jieħu, sa fejn possibbli u għal darba waħda biss, il-leave li huwa intitolat għalih. Fuq it-talba tal-persuna interessata, il-leave għandu jingħata f’taqsimiet. Madankollu, bħala regola ġenerali, għandu jiġi evitat tqassim f’iktar minn żewġ perijodi. F’każ ta’ tqassim tal-leave, dan għandu jingħata lill-uffiċjal għal mhux inqas minn ġimagħtejn konsekuttivi.

2.   Il-leave għandu normalment jittieħed matul is-sena ta’ referenza. Id-dritt għal-leave li ma jkunx ittieħed fi żmien tnax-il xahar minn tmiem is-sena ta’ referenza jintilef. [...]”

13.

L-EUrlVO ma jinkludix dispożizzjoni li tipprevedi l-għoti ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol.

II. Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

14.

Bejn it-13 ta’ Mejju 2008 u t-28 ta’ Mejju 2010, bħala Rechtsreferendar (stagiaire legali), S. W. Kreuziger wettaq il-perijodu ta’ prova tiegħu bħala preparazzjoni għall-professjonijiet legali mal-Land de Berlin, fil-kuntest ta’ taħriġ li jaqa’ taħt id-dritt pubbliku, imma mhux taħt l-istatus ta’ uffiċjali. Dan it-taħriġ u l-perijodu ta’ prova ma’ dan il-Land intemmu meta, fit-28 ta’ Mejju 2010, huwa għadda mit-test orali tat-tieni eżami tal-Istat.

15.

S. W. Kreuziger iddeċieda li ma jiħux il-leave annwali mħallas bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u d-data tat-tmiem tat-taħriġ tiegħu. Fit-18 ta’ Diċembru 2010, huwa talab li jingħata kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud. Din it-talba ġiet, l-ewwel nett, miċħuda b’deċiżjoni tal-President tal-Kammergericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri, il-Ġermanja) tas-7 ta’ Jannar 2011, imbagħad, fuq ilment, b’deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2011 tal-Gemeinsame Juristische Prüfungsamt der Länder Berlin und Brandenburg (l-Uffiċċju ta’ Eżami Legali Komuni tal-Länder ta’ Berlin u ta’ Brandebourg, il-Ġermanja), minħabba li l-EUrlVO ma jipprevedix dan id-dritt għal kumpens u li, min-naħa tagħha, id-Direttiva 2003/88 ma hijiex applikabbli għall-ħaddiema, u li l-Artikolu 7 jippresupponi, f’kull każ, li l-persuna ikkonċernata ma setgħetx tieħu l-leave tagħha għal raġunijiet li ma kinux imputabbli lilha.

16.

S. W. Kreuziger ippreżenta rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), rikors li ġie miċħud b’sentenza tat-3 ta’ Mejju 2013. F’din is-sentenza, din il-qorti nnotat, minn naħa, li l-EUrlVO ma jipprevedix dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 9 tal-EUrlVO jobbliga lill-ħaddiem li jieħu l-leave u li jitolbu. Madankollu, billi S. W. Kreuziger kien volontarjament naqas milli jippreżenta din it-talba, meta kien jaf li r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu kienet ser tintemm fit-28 ta’ Mejju 2010, id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas kien intilef f’din id-data.

17.

Fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, din il-qorti kkunsidrat li dan lanqas ma joħloq dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas favur S. W. Kreuziger. Fil-fatt, jista’ jiġi dedott mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-dritt għal-leave imħallas iggarantit bl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jista’ jintilef taħt id-dritt nazzjonali, jekk il-ħaddiem kellu l-possibbiltà li jieħu l-leave tiegħu imma ma ħadux, f’liema każ, id-dritt sekondarju għall-kumpens lanqas ma jista’ jeżisti.

18.

Billi S. W. Kreuziger adixxa lill-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Berlin-Brandebourg, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, b’rikors dirett kontra din is-sentenza, din il-qorti nnotat min-naħa tagħha li l-EUrlVO ma jinkludi l-ebda regola li toħloq dritt għal kumpens finanzjarju favur S. W. Kreuziger, b’mod li, fl-assenza tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 fid-dritt nazzjonali, dan id-dritt eventwali seta’ jitnissel biss bħala effett dirett ta’ din id-dispożizzjoni.

19.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, l-ewwel nett, li S. W. Kreuziger kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ din id-direttiva. Skont din il-qorti, billi l-uffiċjali jaqgħu f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni, ma setax ikun mod ieħor għall-istagiaires fil-kuntest ta’ taħriġ li jaqgħu taħt id-dritt pubbliku, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88 li jispeċifika li din tapplika għas-setturi tal-attivitajiet privati jew pubbliċi fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391 u għaldaqstant, b’mod partikolari, għall-attivitajiet “edukattivi” li jissemmew f’din l-aħħar dispożizzjoni.

20.

Sussegwentement, S. W. Kreuziger kien jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet espressi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 peress li huwa ma kienx ħa l-leave annwali mħallas li għalih kellu dritt u r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu kienet intemmet.

21.

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tindika, madankollu, li għandha dubji fuq il-kwistjoni dwar jekk, b’żieda maż-żewġ kundizzjonijiet espressi, id-dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud jistax jiġi eskluż, meta l-ħaddiem ma jkunx talab, qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, li jibbenefika mil-leave tiegħu, għalkemm huwa kellu l-possibbiltà, u jekk dan id-dritt jippreżupponix, b’mod iktar ġenerali, li, għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu, l-ħaddiem ma jkunx f’qagħda li jeżerċita id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu.

22.

F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Berlin-Brandebourg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva [2003/88] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjonijiet jew prattiċi nazzjonali li jeskludu d-dritt għal kumpens finanzjarju fit-tmiem ta’ relazzjoni ta’ xogħol meta l-ħaddiem ma jkunx talab sabiex jibbenefika mil-leave annwali mħallas meta huwa seta’ jagħmel dan?

2)

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva [2003/88] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjonijiet jew prattiċi nazzjonali li skonthom id-dritt għal kumpens finanzjarju fit-tmiem ta’ relazzjoni ta’ xogħol jippreżupponi li l-ħaddiem ma setax, għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu, jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali maħħas [mħallas] qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol?”

III. L-analiżi tiegħi

23.

Biż-żewġ domandi preliminari tagħha, li, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjonijiet jew prattiċi nazzjonali li bis-saħħa tagħhom ħaddiem jitlef id-dritt tiegħu għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol meta dan il-ħaddiem, minn naħa, ma jkunx talab li jibbenefika minn dan il-leave meta huwa kien għadu attiv u, min-naħa l-oħra, ma jurix li kien fl-impossibbiltà li jieħu dan il-leave għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu.

24.

Preliminarjament, ninnota li, anki jekk diversi partijiet ikkonċernati, fosthom il-Land ta’ Berlin, ippreżentaw osservazzjonijiet f’dak li jikkonċerna n-natura tar-relazzjoni bejn dan il-Land u S. W. Kreuziger fil-kwalità tiegħu ta’ Rechtsreferendar (stagiaire legali) u, b’mod partikolari, fuq il-kwistjoni dwar jekk din ir-relazzjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, għandu jiġi nnotat li l-qorti tar-rinviju kkunsidrat li S. W. Kreuziger kien jaqa’ f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni, u għalhekk ma fformulat l-ebda domanda f’dan ir-rigward. Għaldaqstant fir-rigward ta’ dan il-punt sejjer sempliċiment nindika li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li din għandha tapplika għas-setturi kollha tal-attività, privata kif ukoll pubblika, u b’mod partikolari għall-attivitajiet “edukattivi”. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ ( 5 ). Barra minn hekk, nagħmel riferiment għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 6 ), li ġiet adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha ( 7 ). L-istess bħall-Kummissjoni Ewropea, jien inklinat sabiex nikkunsidra li l-preparazzjoni għall-professjonijiet legali hija attività edukattiva li, barra minn hekk, tippreżenta l-karatteristiċi ġenerali ta’ relazzjoni ta’ xogħol. Id-dritt għal-leave annwali mħallas lil kull stagiaire għandu jingħata fil-kuntest tas-sistema nazzjonali applikabbli għall-uffiċjali u għall-imħallfin għandu għalhekk, fil-fehma tiegħi, jiġi eżerċitat b’mod konformi mal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 31(2) tal-Karta.

25.

Barra minn hekk, nindika li, fl-assenza fid-dritt Ġermaniż ta’ dispożizzjoni li tipprevedi kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, dritt għal dan il-kumpens jirriżulta direttament mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ( 8 ).

26.

Sabiex tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, dispożizzjoni li d-direttiva ma tippermettix li ssir deroga minnha, kull ħaddiem għandu dritt għal leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat. Kif iddeċidiet ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, “[d]an id-dritt għal-leave annwali għandu jitqies bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari li ma jistax jiġi derogat u li għandu jiġi applikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biss fil-limiti stipulati espressament mid-Direttiva 2003/88 stess” ( 9 ).

27.

Barra minn hekk, mill-kliem tad-Direttiva 2003/88 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, “għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u ta’ implementazzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas, huma għandhom jastjenu ruħhom milli jissuġġettaw [...] għal xi kundizzjoni l-kostituzzjoni stess tal-imsemmi dritt [ħlief jekk din] tirriżulta direttament minn din id-direttiva” ( 10 ).

28.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġiet mitluba diversi drabi sabiex tiddeċiedi fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ ħaddiem li ma jkunx f’qagħda li jeżerċita, qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, id-dritt tiegħu għal dan il-leave għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu, kemm jekk minħabba mard ( 11 ) jew minħabba r-rifjut ta’ min iħaddem li jħallsu tal-leave tiegħu ( 12 ).

29.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet ir-regola li “d-Direttiva 2003/88 ma tippermettix li l-Istati Membri jeskludu l-kostituzzjoni jew il-ħolqien tad-dritt għal-leave annwali mħallas u lanqas li jipprevedu li d-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ ħaddiem li ġie prekluż milli jeżerċità dan id-dritt jiġi estint mal-iskadenza tas-sena tal-leave u/jew ta’ perijodu ta’ rrimandar stabbilit mid-dritt nazzjonali” ( 13 ).

30.

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “ħaddiem li ma kienx f’pożizzjoni, għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu, li jeżerċità d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas qabel tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol għandu dritt għal pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens abbażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88. L-ammont ta’ dan il-pagament għandu jiġi kkalkolat b’tali mod li l-imsemmi ħaddiem jitqiegħed f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik li huwa kien ikun fiha li kieku huwa eżerċità l-imsemmi dritt matul il-perijodu tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu” ( 14 ).

31.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regola stabbilita bl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll bl-Artikolu 31(2) tal-Karta, hija għaldaqstant dik li “dritt għal-leave annwali mħallas miksub ma jiġix estint mal-iskadenza tas-sena tal-leave u/jew ta’ perijodu ta’ rrimandar stabbilit mid-dritt nazzjonali, meta l-ħaddiem ma kienx f’pożizzjoni li jieħu l-leave tiegħu dritt għal-leave annwali mħallas” ( 15 ).

32.

L-idea li ssostni din ir-regola hija dik li, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jipprevedu modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali mħallas, inkluż saħansitra t-telf ta’ dan id-dritt fi tmiem ta’ sena tal-leave jew perijodu ta’ rrimandar, madankollu dan huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-ħaddiem li d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas effettivament kellu l-possibbiltà li jeżerċita d-dritt li tagħtih din id-direttiva ( 16 ).

33.

Mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, kif interpretata mill-qrati nazzjonali, jidher li jirriżulta li d-dritt għal-leave annwali mħallas għandu jiġi kkunsidrat li jiġi estint fi tmiem is-sena tal-leave meta l-ħaddiem ma jkunx talab li jeżerċitah matul dan il-perijodu. Din l-estinzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas li ma tintalabx it-tgawdija tiegħu mill-ħaddiem twassal għat-telf tad-dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol.

34.

Din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif hekk interpretata, jidhirli li hija kuntrarja għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 billi hija tiddeduċi awtomatikament mill-assenza ta’ talba mill-ħaddiem li jieħu l-leave tiegħu matul is-sena tal-leave t-telf tiegħu fi tmiem dan il-perijodu, mingħajr verifika minn qabel tal-kwistjoni jekk dan il-ħaddiem kienx effettivament tqiegħed f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas, konformement ma’ dak rikjest mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

35.

Madankollu, fid-dawl tal-għan li d-Direttiva 2003/88 tagħti lid-dritt għal-leave annwali mħallas, jiġifieri dak li jiżgura lill-ħaddiem il-benefiċċju ta’ mistrieħ effettiv, fix-xewqa tal-protezzjoni effettiva tas-sigurtà u s-saħħa tiegħu, għandu jkun min iħaddem li jieħu l-miżuri adegwati sabiex jiżgura lill-ħaddiem il-possibbiltà li jeżerċita effettivament id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas u, f’każ ta’ kontestazzjoni, li jipprova li huwa ħa dawn il-miżuri.

36.

Infakkar, f’dan ir-rigward, li d-Direttiva 2003/88 “tistabbilixxi [...] r-regola li ħaddiem normalment għandu jkun jista’ jibbenefika minn mistrieħ effettiv, bil-għan li jiġu mħarsa b’mod effettiv is-sigurtà tiegħu u saħħtu” ( 17 ). L-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas, huwa li “jippermetti li l-ħaddiem jistrieħ u li jkollu perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji” ( 18 ).

37.

Min iħaddem għandu responsabbiltà partikolari sabiex il-ħaddiema li jaqgħu taħtu jeżerċitaw effettivament id-dritt tagħhom għal-leave annwali mħallas.

38.

Kif anki ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-ħaddiem għandu jiġi kkunsidrat bħala l-parti dgħajfa fir-relazzjoni ta’ impjieg, b’tali mod li huwa neċessarju li tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-persuna li timpjega tgawdi mill-fakultà li timponi fuqu restrizzjoni tad-drittijiet tiegħu” ( 19 ). Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni ta’ dgħjufija, tali ħaddiem jista’ jiġi skoraġġut milli jinvoka espliċitament id-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-persuna li timpjegah meta t-talba għal dawn tista’ tesponih għal miżuri meħuda minn din tal-aħħar ta’ natura li jaffettwaw ir-relazzjoni ta’ impjieg għad-detriment ta’ dan il‑ħaddiem” ( 20 ). Għalhekk, “kull prattika jew ommissjoni, min-naħa tal-persuna li timpjega, li potenzjalment ikollha l-effett li tiskoraġġixxi t-teħid tal-leave annwali minn ħaddiem, hija wkoll inkompatibbli mal-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas” ( 21 ).

39.

Fid-dawl tal-iżbilanċ inerenti għar-relazzjoni ta’ xogħol, għandu jkun min iħaddem li jadotta l-miżuri adegwati sabiex jippermetti lill-ħaddiema li jeżerċitaw id-dritt għal-leave annwali mħallas. Barra minn hekk, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-eżistenza ta’ obbligu impost fuq min iħaddem dwar it-teħid effettiv tal-leave tagħhom mill-ħaddiema billi indikat li “l-persuna li timpjega li ma tqiegħedx ħaddiem f’pożizzjoni li jeżerċità d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas għandha tassumi l-konsegwenzi ta’ dan” ( 22 ).

40.

L-eżistenza ta’ dan l-obbligu hija kkorroborata mid-Direttiva 89/391, li tibqa’ applikabbli, kif jindikaw il-premessa 3 u l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2003/88 ( 23 ). Fil-fatt, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391 jipprovdi li “[m]in iħaddem għandu jkollu l-obbligu li jiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema f’kull aspett relatat max-xogħol”. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li, “[f]i ħdan il-kuntest tar-responsabbilitajiet tiegħu, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għas-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema”.

41.

Għaldaqstant għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-obbligu li d-Direttiva 89/391 timponi fuq min iħaddem sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88.

42.

Barra minn hekk, ninnota li waqt is-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ammettiet li, skont il-prinċipju ta’ premura, min iħaddem huwa obbligat, b’mod ġenerali, li jiżgura l-benesseri tal-ħaddiema u li, bħala parti minn dan id-dmir ta’ premura, hemm ukoll il-ħtieġa li jqiegħed lill-ħaddiema f’pożizzjoni li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

43.

Dan l-obbligu għandu jissarraf, fil-qasam ta’ organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, fl-adozzjoni minn min iħaddem ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni konkreti adegwati sabiex jippermetti lill-ħaddiema li jeżerċitaw id-dritt għal-leave annwali mħallas kif ukoll b’informazzjoni preċiża u fi żmien xieraq sabiex dawn il-ħaddiema effettivament jieħdu l-leave tagħhom, sabiex ma jkunx hemm riskju li dan jintilef fi tmiem is-sena tal-leave jew il-perijodu ta’ rrimandar awtorizzat. Min iħaddem għandu wkoll jinforma lill-ħaddiema li jekk dawn ma jieħdux il-leave matul ir-relazzjoni ta’ xogħol, meta huma effettivament ikollhom il-possibbiltà, mhux ser ikunu jirrivendikaw id-dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol. Madankollu, l-obbligu impost fuq min iħaddem ma jestendix sabiex “[j]obbliga lil min iħaddem jimponi obbligu fuq il-ħaddiema tiegħu li jeżerċitaw effettivament il-perijodi ta' mistrieħ li huma intitolati għalihom” ( 24 ). B’din ir-riżerva, l-obbligu impost fuq min iħaddem għandu jissarraf, fil-fehma tiegħi, f’sistema probatorja li bis-saħħa tagħha, f’każ ta’ kontestazzjoni, għandu jkun min iħaddem li juri li huwa ħa l-miżuri adegwati sabiex jiżgura lill-ħaddiem il-possibbiltà li effettivament jeżerċita dan id-dritt.

44.

Fid-dawl tal-obbligu impost fuq min iħaddem li effettivament jagħti lill-ħaddiema l-possibbiltà li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-leave annwali mħallas, leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li jkollha bħala effett li titfa’ fuq il-ħaddiema biss ir-responsabbiltà li jeżerċitaw dan id-dritt, mingħajr verifika minn qabel tal-kwistjoni jekk min iħaddem ikunx osserva dan l-obbligu, tkun kuntrarja għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88. Fil-fatt, li kieku jiġi ammess li leġiżlazzjonijiet jew prattiċi nazzjonali jistgħu jipprevedu l-estinzjoni tad-dritt tal-ħaddiem għal-leave annwali mħallas, mingħajr ma l-ħaddiem effettivament kellu l-possibbiltà li jeżerċita dan id-dritt, dan ikun jippreġudika s-sustanza tad-dritt soċjali mogħti direttament bl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 lil kull ħaddiem ( 25 ). Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ċ-ċirkustanza li ħaddiem ma jkunx talab li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas matul is-sena tal-leave ma tistax ipso facto twassal għat-telfien ta’ dan id-dritt fi tmiem dan il-perijodu u, korrispondentement, it-telf tad-dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tiċħad kull rilevanza tal-kwistjoni jekk ħaddiem ikunx ippreżenta jew le talbiet għal-leave annwali mħallas ( 26 ).

45.

Konsegwentement, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tfittex, fid-dawl tal-għan mogħti mid-Direttiva 2003/88 lid-dritt għal-leave annwali mħallas, jekk min iħaddem ipprovax li ħa l-miżuri adegwati sabiex jiżgura lill-ħaddiem il-possibbiltà li jeżerċita effettivament id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas billi għal dan l-għan eżerċita d-diliġenza rikjesta minnu. La darba min iħaddem juri li huwa eżerċita d-diliġenza neċessarja u li, minkejja l-miżuri li huwa jkun ħa, il-ħaddiem irrinunzja deliberatament milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas għalkemm huwa kellu l-possibbiltà matul ir-relazzjoni ta’ xogħol, dan il-ħaddiem ma jistax jitlob, fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol. Fil-fatt, hemmhekk il-ħaddiem ikun tqiegħed f’pożizzjoni li jeżerċita id-dritt tiegħu. Huwa jkun irrinunzja b’mod infurmat, billi kien jaf l-effetti legali li seta’ jiġi kkonfrontat bihom fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol.

46.

Huwa minnu li ċerti kunsiderazzjonijiet fformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jagħtu l-impressjoni li hija tinterpreta l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 fis-sens li jagħti direttament awtomatikament lill-ħaddiema kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud f’każ ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol. Hekk, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ dan il-kumpens, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, “meta r-relazzjoni ta’ impjieg tiġi tterminata u li [meta għaldaqstant], it-teħid effettiv tal-leave annwali mħallas ma [jkunx] huwiex iktar possibbli, [...]sabiex jiġi evitat li, minħabba din l-impossibbiltà, kull tgawdija mill-ħaddiem ta’ dan id-dritt, anki taħt forma ta’ flus, tkun eskluża, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/08 jipprevedi li l-ħaddiem għandu dritt għal [...]pagament ta’ kumpens [u dan kollu sabiex jiġi evitat li, minħabba din l-impossibbiltà, tiġi eskluża kull tgawdija minn dan tal-aħħar tal-leave imħallas, anki f’forma pekunjarja]” ” ( 27 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, “[s]abiex jiġi żgurat ir-rispett għal dan id-dritt fundamentali tal-ħaddiem stabbilit mid-dritt tal-Unjoni, [hija] ma tistax tagħti interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, b’detriment għad-drittijiet li l-ħaddiem jikseb minnha” ( 28 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistabbilixxi l-ebda kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għal kumpens finanzjarju ħlief dik relatata mal-fatt, minn naħa, li r-relazzjoni ta’ impjieg itterminat u, min-naħa l-oħra, li l-ħaddiem ma jkunx ħa l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat fid-data meta din ir-relazzjoni tterminat” ( 29 ).

47.

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma marbuta strettament mal-kuntest fattwali li fihom twettqu, jiġifieri sitwazzjonijiet fejn il-ħaddiem kien ġie mfixkel milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas minħabba mard jew mewt.

48.

Barra minn hekk, u f’kull każ, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma għandux jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem li jkun irrinunzja volontarjament u b’mod infurmat milli jieħu l-leave annwali mħallas tiegħu jista’ jirrivendika d-dritt għall-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, meta l-persuna li tħaddmu tressaq il-prova li hija kienet effettivament qegħdet lill-ħaddiem f’pożizzjoni li jieħu l-leave tiegħu matul ir-relazzjoni ta’ xogħol.

49.

Fil-fatt, interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 favur ħlas awtomatiku lill-ħaddiem ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, mingħajr eżami tal-imġiba rispettiva ta’ min iħaddem u ta’ dan il-ħaddiem, tkun tmur kontra kemm il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll l-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas, kif enfasizzat u mfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha. Madankollu, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kliem tiegħu kif ukoll tal-għan li huwa jfittex ( 30 ).

50.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, jirriżulta li l-ħlas ta’ kumpens finanzjarju li għandu l-għan li jissostitwixxi l-perijodu minimu ta’ leave annwali mħallas huwa possibbli biss f’każ ta’ tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol. Għaldaqstant it-teħid effettiv tal-leave jikkostitwixxi r-regola, u l-kumpens l-eċċezzjoni. Barra minn hekk, anki f’każ ta’ tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jesprimix l-idea ta’ benefiċċju awtomatiku ta’ dan il-kumpens fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, imma biss l-idea ta’ possibbiltà.

51.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas, infakkar li dan huwa “li jippermetti li l-ħaddiem jistrieħ u li jkollu perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji” ( 31 ). Barra minn hekk, għandha mill-ġdid tissemma r-regola li l-ħaddiem għandu normalment jgawdi minn mistrieħ effettiv.

52.

Interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 fis-sens li dan jagħti direttament u awtomatikament lill-ħaddiem kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud f’każ ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tkun tippreġudika dan l-għan u r-rekwiżit ta’ mistrieħ effettiv tal-ħaddiem, li jimplika li t-tgawdija tad-dritt għal-leave annwali mħallas għandha bħala regola tittieħed in natura.

53.

Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tista’ tinkoraġġixxi lill-ħaddiema li jafu, pereżempju għax huma qegħdin f’taħriġ jew ingaġġati b’kuntratt għal żmien fiss, li r-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom tista’ tiġi tterminata fil-futur qarib li ma jieħdux il-leave sabiex jawmentaw ir-remunerazzjoni tagħhom billi, fi tmiem din ir-relazzjoni, jitħallsu kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud. Imma l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jeħtieġ li tiġi evitata interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 li “[t]oħloq inċentiv, inkompatibbli ma’ l-iskop ta’ din id-Direttiva, li dak li jkun jirrinunzja għal-leave ta’ mistrieħ jew li jagħmel b’mod li l-ħaddiema jirrinunzjaw għal dan” ( 32 ). Għaldaqstant għandu jiġi osservat l-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas, li jiġi żgurat li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jkunx jista’ jintuża bħala għodda li tippermetti li jiġu akkumulati l-ġranet ta’ leave annwali mħallas bl-għan ta’ ħlas tagħhom fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol ( 33 ).

54.

Inżid li l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem ma taqax biss fl-interess individwali tiegħu, imma wkoll ta’ dak tal-persuna li tħaddmu kif ukoll tal-interess ġenerali ( 34 ).

55.

Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, għandha, għalhekk, titqiegħed fil-perspettiva korretta l-parti mis-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke ( 35 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li “l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistabbilixxi l-ebda kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għal kumpens finanzjarju ħlief dak relatat mal-fatt, minn naħa, li r-relazzjoni ta’ impjieg itterminat u, min-naħa l-oħra, li l-ħaddiem ma jkunx ħa l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat fid-data meta din ir-relazzjoni ttermina” ( 36 ). Sabiex tkun konformi mal-għan doppju tad-dritt għal-leave annwali mħallas, jiġifieri li jippermetti lill-ħaddiem, minn naħa, li jistrieħ u, min-naħa l-oħra, li jipprovdi għal perijodu ta’ serħan u ta’ rilass, kif ukoll mad-dispożizzjoni li l-ħaddiem għandu normalment igawdi minn mistrieħ effettiv, it-tieni kundizzjoni imposta bl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, jiġifieri dik li “l-ħaddiem ma jkunx ħa l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat fid-data meta [r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu] ntemmet” ( 37 ), għandha neċessarjament tiftiehem li tfisser il-ħaddiem “li ma setax jagħmel użu mi[l-]leave annwali mħallas qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu” ( 38 ). Huwa biss jekk l-ewwel kundizzjoni, jiġifieri t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, u t-tieni kundizzjoni, hekk mifhuma, huma sodisfatti li l-ħaddiem li r-relazzjoni ta’ xogħol ġiet itterminata għandu dritt, fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud.

56.

Interpretat f’dan is-sens, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jippermetti li jiġi żgurat ekwilibriju xieraq bejn il-kumpens finanzjarju neċessarju ta’ dritt għal-leave annwali mħallas li ma jkunx ġie effettivament gawdut matul ir-relazzjoni ta’ xogħol u l-osservanza tal-għan ta’ dan id-dritt li jirrikjedi bħala regola ġenerali, it-teħid effettiv tal-leave.

57.

Fil-qosor, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad it-teżi li l-ħlas tal-kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol għandu jiddependi fuq żewġ kundizzjonijiet, minn naħa, li l-ħaddiem ikun personalment talab il-benefiċċju tal-leave kontenzjuż lill-persuna li tħaddmu u, min-naħa l-oħra, li dan il-ħaddiem jipprova li kien fl-impossibbiltà li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas għal raġunijiet li mhumiex tort tiegħu.

58.

Nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li ssegwi raġunament ieħor li jistrieħ fuq id-dispożizzjoni li t-teħid effettiv tal-leave għandu jkun ipprivileġġat u fuq ir-rwol li min iħaddem għandu jwettaq f’dan ir-rigward. F’din il-perspettiva, huwa eskluż li titqiegħed fuq il-ħaddiema biss ir-responsabbiltà li jiżguraw li jieħdu effettivament il-leave tagħhom bir-riskju li jitilfu dan il-benefiċċju. Fil-fatt, din is-soluzzjoni tinjora r-realtà tar-relazzjonijiet tax-xogħol li tissarraf fi żbilanċ bejn min iħaddem u l-ħaddiem, billi dan tal-aħħar jista’, b’diversi modi, jiġi nkoraġġit sabiex jaħdem iktar, b’mod partikolari meta huwa jittama f’tiġdid tal-kuntratt tiegħu. Sabiex jittaffa dan ir-riskju kif ukoll it-tendenza tal-ħaddiema sabiex jibdlu l-ġranet tal-leave tagħhom f’żieda fil-paga, jeħtieġ li jiġi impost fuq min iħaddem l-obbligu li jieħu l-miżuri adegwati sabiex jippermetti lill-ħaddiem li effettivament juża d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas. Jekk min iħaddem jipprova li huwa qiegħed lill-ħaddiem f’pożizzjoni li jeżerċita dan id-dritt, dan il-ħaddiem ma jistax imbagħad jirrivendika, fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol.

59.

Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta lill-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol meta ħaddiem ma jkunx tqiegħed f’pożizzjoni li jieħu l-leave annwali mħallas kollu li għalih kellu d-dritt matul din ir-relazzjoni.

60.

Din l-istess dispożizzjoni għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li bis-saħħa tagħha ħaddiem jitlef id-dritt tiegħu għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol meta dan il-ħaddiem, minn naħa, ma jkunx talab li jibbenefika minn dan il-leave meta huwa kien fl-attività u, min-naħa l-oħra, ma jurix li kien qiegħed fl-impossibbiltà li jieħu dan il-leave għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu, mingħajr ma qabel tiġi vverifikata l-kwistjoni jekk dan il-ħaddiem kienx effettivament tqiegħed f’pożizzjoni mill-persuna li tħaddmu li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas.

61.

Meta qorti nazzjonali tiġi adita b’kontestazzjoni dwar id-dritt ta’ ħaddiem għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, hija għandha tivverifika jekk min iħaddem jipprovax li ħa l-miżuri adegwati sabiex jiżgura lil dan il-ħaddiem il-possibbiltà li jeżerċita effettivament id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas matul din ir-relazzjoni. Jekk min iħaddem juri li huwa eżerċita d-diliġenza neċessarja u li, minkejja il-miżuri li huwa ħa, il-ħaddiem irrinunzja deliberatament u b’mod infurmat milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas għalkemm huwa kellu l-possibbiltà matul ir-relazzjoni ta’ xogħol, dan il-ħaddiem ma jistax jitlob, fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol.

62.

F’dan il-każ, jekk jirriżulta mill-verifiki mwettqa mill-qorti tar-rinviju li l-Land ta’ Berlin, fil-kwalità tiegħu ta’ persuna li tħaddem lil S. W. Kreuziger, kien qiegħdu f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas u li, minkejja dan, S. W. Kreuziger ma xtaqx jieħu l-leave tiegħu qabel ma għadda mill-eżami orali tat-tieni eżami tal-Istat, dik il-qorti tista’ tikkunsidra li kellu raġun jiċħad dan il-kumpens.

IV. Konklużjoni

63.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari li saru mill-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Berlin-Brandebourg, il-Ġermanja):

1)

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jagħti dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol meta ħaddiem ma jkunx tqiegħed f’pożizzjoni li jieħu l-leave annwali mħallas kollu li għalih kellu d-dritt matul din ir-relazzjoni.

2)

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjonijiet jew prattiċi nazzjonali li skonthom ħaddiem jitlef id-dritt tiegħu għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol meta dan il-ħaddiem, minn naħa, ma jkunx talab li jibbenefika minn dan il-leave meta huwa kien fl-attività u, min-naħa l-oħra, ma jurix li kien fl-impossibbiltà li jieħu dan il-leave għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu, mingħajr verifika minn qabel tal-kwistjoni jekk dan il-ħaddiem kienx effettivament tqiegħed mill-persuna li tħaddmu f’pożizzjoni li jeżerċita id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas.

3)

Meta qorti nazzjonali tiġi adita b’kontestazzjoni dwar id-dritt ta’ ħaddiem għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, hija għandha tivverifika jekk min iħaddem jipprovax li ħa l-miżuri adegwati sabiex jiżgura lil dan il-ħaddiem il-possibbiltà li jeżerċita effettivament id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas matul din ir-relazzjoni. Jekk min iħaddem juri li huwa eżerċita d-diliġenza neċessarja u li, minkejja l-miżuri li huwa ħa, il-ħaddiem irrinunzja deliberatament u b’mod infurmat milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas għalkemm huwa kellu l-possibbiltà matul ir-relazzjoni ta’ xogħol, dan il-ħaddiem ma jistax jitlob, fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381.

( 3 ) Id-Direttiva tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 5, Vol. 1, p. 349).

( 4 ) GVBl. 1988, p. 846.

( 5 ) Ara, b’analoġija, f’dak li jikkonċerna d-Direttiva 89/391, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, Fenoll (C‑316/13, EU:C:2015:200, punt 20).

( 6 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 7 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, Fenoll (C‑316/13, EU:C:2015:200, punti 24 sa 27).

( 8 ) Fir-rigward tal-effett dirett tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, nagħmel riferiment għall-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawżi magħquda Bauer (C-569/16) u Willmeroth (C-570/16) (punti 45 u 46). Kont meħud tan-natura vertikali tal-kawża bejn S. W. Kreuziger u l-Land ta’ Berlin, ma hemmx dubju li dan l-artikolu jista’ jiġi invokat direttament quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex tiġi skartata l-applikazzjoni ta’ kull dispożizzjoni jew prattika nazzjonali li tostakola l-ħlas favur tiegħu ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ta’ relazzjoni ta’ xogħol, s’intendi, jekk il-kundizzjonijiet rikjesti għal dan il-ħlas ikunu sodisfatti.

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18).

( 12 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 56), korsiv miżjud minni.

( 16 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et. (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 43), tat-22 ta’ Novembru 2011, KHS (C‑214/10, EU:C:2011:761, punt 26), u tad-19 ta’ Settembru 2013, Réexamen Commission vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 30).

( 17 ) Is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU (C‑173/99, EU:C:2001:356, punt 44). Fi kliem ieħor, kif innota l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-punt 17 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Ministerul Justiţiei et (C‑12/17, EU:C:2018:195), “perijodu ta’ xogħol effettiv għandu jagħti dritt għal perijodu ta’ mistrieħ daqstant ieħor effettiv”.

( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ibid., punt 81.

( 21 ) Is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 63).

( 23 ) Fuq ir-rabta bejn id-Direttiva 2003/88 u t-titjib tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Réexamen Commission vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-linja tal-għan imfittex mid-Direttiva 89/391, id-Direttiva 2003/88 tistabbilixxi, kif jindika l-Artikolu 1(1) tagħha, “ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol”.

( 24 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑484/04, EU:C:2006:526, punt 43).

( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Réexamen Commission vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke (C‑118/13, EU:C:2014:1755, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke (C‑118/13, EU:C:2014:1755, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke (C‑118/13, EU:C:2014:1755, punt 23).

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Lock (C‑539/12, EU:C:2014:351, punt 15).

( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ April 2006, Federatie Nederlandse Vakbeweging (C‑124/05, EU:C:2006:244, punt 32). Ara, ukoll, għal raġunament ibbażat fuq id-dispożizzjoni li l-ħaddiem għandu normalment ikun jista’ jgawdi minn mistrieħ effettiv, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et (C‑131/04 et C‑257/04, EU:C:2006:177).

( 33 ) Ara, f’dan l-istess sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża King (C‑214/16, EU:C:2017:439, punt 97).

( 34 ) Ara, ukoll, fuq din l-idea, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-kawżi magħquda Robinson-Steele et (C‑131/04 et C‑257/04, EU:C:2005:650, punt 79).

( 35 ) C‑118/13, EU:C:2014:1755.

( 36 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke (C‑118/13, EU:C:2014:1755, punt 23).

( 37 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2016, Maschek (C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), korsiv miżjud minni.

( 38 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2016, Maschek (C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 28), korsiv miżjud minni.

Top