EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CC0560
Opinion of Advocate General Wathelet delivered on 16 November 2017.#E.ON Czech Holding AG v Michael Dĕdouch and Others.#Request for a preliminary ruling from the Nejvyšší soud.#Reference for a preliminary ruling — Regulation (EC) No 44/2001 — Jurisdiction in civil and commercial matters — Exclusive jurisdiction — Article 22(2) — Validity of decisions of the organs of companies or legal persons having their seat in the territory of a Member State — Exclusive jurisdiction of the courts of that Member State — Decision of the general meeting of a company ordering the compulsory transfer to that company’s principal shareholder of the shares held by the company’s minority shareholders and determining the consideration to be paid to them by the principal shareholder — Judicial procedure for reviewing the reasonableness of that consideration.#Case C-560/16.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fis-16 ta’ Novembru 2017.
E.ON Czech Holding AG vs Michael Dĕdouch et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Nejvyšší soud České republiky.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjonijiet esklużivi – Il-punt 2 tal-Artikolu 22 – Validità tad-deċiżjonijiet tal-organi tal-kumpanniji jew tal-persuni ġuridiċi li għandhom is-sede tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru – Deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali ta’ kumpannija li tordna t-trasferiment obbligatorju tat-titoli tal-azzjonisti minoritarji ta’ din il-kumpannija lill-azzjonist maġġoritarju tagħha u li tistabbilixxi l-ammont tal-korrispettiv li għandu jitħallas lilhom minn dan tal-aħħar – Proċedura ġudizzjarja li għandha l-għan li tistħarreġ in-natura raġonevoli tal-korrispettiv.
Kawża C-560/16.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fis-16 ta’ Novembru 2017.
E.ON Czech Holding AG vs Michael Dĕdouch et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Nejvyšší soud České republiky.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjonijiet esklużivi – Il-punt 2 tal-Artikolu 22 – Validità tad-deċiżjonijiet tal-organi tal-kumpanniji jew tal-persuni ġuridiċi li għandhom is-sede tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru – Deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali ta’ kumpannija li tordna t-trasferiment obbligatorju tat-titoli tal-azzjonisti minoritarji ta’ din il-kumpannija lill-azzjonist maġġoritarju tagħha u li tistabbilixxi l-ammont tal-korrispettiv li għandu jitħallas lilhom minn dan tal-aħħar – Proċedura ġudizzjarja li għandha l-għan li tistħarreġ in-natura raġonevoli tal-korrispettiv.
Kawża C-560/16.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:872
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WATHELET
ippreżentati fis-16 ta’ Novembru 2017 ( 1 )
Kawża C‑560/16
E.ON Czech Holding AG
vs
Michael Dědouch,
Petr Streitberg,
Pavel Suda
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší soud (qorti suprema, ir-Repubblika Ċeka)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni esklużiva – Il-punt 2 tal-Artikolu 22 – Validità tad-deċiżjonijiet tal-organi tal-kumpanniji jew tal-persuni ġuridiċi li għandhom is-sede tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru – Deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali ta’ kumpannija li tordna t-trasferiment obbligatorju lill-azzjonist prinċipali ta’ din il-kumpannija tat-titoli tal-azzjonisti minoritarji tal-istess kumpannija u li tistabbilixxi l-ammont tal-korrispettiv li għandu jitħallas mill-imsemmi azzjonist prinċipali – Proċedura ġudizzjarja li għandha l-għan li tistħarreġ in-natura raġonevoli tal-korrispettiv”
I. Introduzzjoni
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari, li waslet lir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Novembru 2016, tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 2 ). |
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn E.ON Czech Holding AG (iktar ’il quddiem “E.ON”) u Michael Dědouch, Petr Streitberg kif ukoll Pavel Suda (iktar ’il quddiem “Dědouch et”) dwar l-istħarriġ tan-natura raġonevoli tal-korrispettiv li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija (squeeze out) tal-azzjonisti minoritarji, E.ON. kienet obbligata tħallas lil Dědouch et wara t-trasferiment obbligatorju tat-titoli li kellhom fil-kumpannija Jihočeská plynárenská. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
3. |
Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, “[b]la preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”. |
4. |
L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprevedi dan li ġej: “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:
[…]
[…]” |
5. |
Skont il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001, persuna b’domiċilju fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija bil-qorti “meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom jkun domiċiljat, basta illi t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun aktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati”. |
6. |
L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 jippreskrivi: “Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju: […]
[…]” |
B. Id-dritt Ċek
7. |
L-Artikolu 183i taz-zákon č. 513/1991 Sb., obchodní zákoník (Liġi Nru 513/1991, li tirrigwarda l-kodiċi tal-kummerċ, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, iktar ’il quddiem il-“kodiċi tal-kummerċ Ċek”), jippreskrivi: “(1) Persuna li għandha titoli ta’ sehem ta’ kumpannija (a) li l-valur nominali totali tagħhom huwa ekwivalenti għal mill-inqas 90 % tal-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija, jew (b) li jissostitwixxu titoli ta’ sehem ta’ kumpannija li l-valur nominali totali tagħhom huwa ekwivalenti għal mill-inqas 90 % tal-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija, jew (c) li jirrappreżentaw mill-inqas 90 % tad-drittijiet tal-vot tal-kumpannija (iktar ’il quddiem l-‘azzjonist prinċipali’) għandha l-possibbiltà li titlob lill-kunsill ta’ amministrazzjoni jsejjaħ laqgħa ġenerali, sabiex jieħu deċiżjoni dwar it-trasferiment tat-titoli l-oħra kollha ta’ sehem tal-kumpannija lilha. […] (3) Ir-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali tidentifika lill-azzjonist prinċipali, fiha l-elementi li jistabbilixxu li dan l-azzjonist huwa tassew l-azzjonist prinċipali u tindika l-ammont tal-korrispettiv […] kif ukoll it-terminu relatat mal-pagament tiegħu.” |
8. |
L-Artikolu 183k tal-kodiċi tal-kummerċ Ċek jipprevedi: “(1) Id-detenturi tat-titoli ta’ sehem għandhom il-possibbiltà […] li jitolbu lil qorti tistħarreġ in-natura raġonevoli tal-korrispettiv; […] […] (3) Id-deċiżjoni ta’ qorti li tagħti d-dritt għal ammont differenti tal-korrispettiv hija vinkolanti għall-azzjonist prinċipali u l-kumpannija, f’dak li jikkonċerna l-bażi tad-dritt mogħti, anki fir-rigward tad-detenturi l-oħra ta’ titoli ta’ sehem. […] (4) Deċiżjoni skont liema l-korrispettiv ma jkunx raġonevoli ma għandhiex l-effett li tinvalida r-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali adottata f’konformità mal-Artikolu 183i(1). (5) Deċiżjoni skont liema l-korrispettiv ma jkunx raġonevoli ma tistax tiġi invokata għall-finijiet ta’ rikors għal invalidità tar-riżoluzzjoni adottata mil-laqgħa ġenerali skont l-Artikolu 131.” |
III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9. |
Permezz ta’ riżoluzzjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, il-laqgħa ġenerali tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Ċek Jihočeská plynárenská, stabbilita f’České Budějovice (ir-Repubblika Ċeka), iddeċidiet dwar it-trasferiment obbligatorju tat-titoli kollha ta’ sehem ta’ din il-kumpannija lill-azzjonist prinċipali tagħha, E.ON, stabbilita f’München (il-Ġermanja). |
10. |
Din ir-riżoluzzjoni kienet tindika l-ammont tal-korrispettiv li dan tal-aħħar kien obbligat li jħallas lill-azzjonisti minoritarji wara dan it-trasferiment. |
11. |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fis-26 ta’ Jannar 2007 kontra Jihočeská plynárenská u E.ON, Dědouch et talbu lill-Krajský soud v Českých Budějovicích (qorti reġjonali ta’ České Budějovice, ir-Repubblika Ċeka) tistħarreġ dwar in-natura raġonevoli ta’ dan il-korrispettiv. |
12. |
Matul din il-proċedura, E.ON qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Ċeki, fejn sostniet li, fid-dawl tal-post tas-sede tagħha, il-qrati Ġermaniżi biss kienu jgawdu mill-ġurisdizzjoni internazzjonali. |
13. |
Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Awwissu 2009, il-Krajský soud v Českých Budějovicích (qorti reġjonali ta’ České Budějovice) ċaħdet din l-eċċezzjoni minħabba li l-qrati Ċeki kellhom ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 biex jieħdu konjizzjoni tar-rikors ippreżentat minn Dědouch et. |
14. |
E.ON appellat din id-deċiżjoni quddiem il-Vrchní soud v Praze (qorti superjuri ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), li, permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Ġunju 2010, qieset li l-kawża li kienet adita biha kienet taqa’ taħt il-punt 2 tal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament u li, b’kunsiderazzjoni tal-post tas-sede ta’ Jihočeská plynárenská, huma l-qrati Ċeki li għandhom il-ġurisdizzjoni internazzjonali. |
15. |
Adita b’appell ippreżentat minn E.ON, l-Ústavní soud (qorti kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, annullat dan id-digriet u bagħtet il-kawża lura lill-Vrchní soud v Praze (qorti superjuri ta’ Praga). |
16. |
Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Mejju 2014, il-Vrchní soud v Praze (qorti superjuri ta’ Praga) ikkonkludiet li l-qrati Ċeki għandhom il-ġurisdizzjoni, u dan fuq il-bażi tal-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001. |
17. |
E.ON ippreżentat appell minn dak id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju. |
18. |
Huwa f’dan il-kuntest li n-Nejvyšší soud (qorti suprema, ir-Repubblika Ċeka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
19. |
E.ON, Dědouch et, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Peress li ma ġiet ippreżentata l-ebda talba motivata għal seduta għas-sottomissjonijiet orali u peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha biżżejjed informazzjoni, hija ddeċidiet li ma torganizzax tali seduta. |
V. Analiżi
20. |
Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk rikors li jikkonċerna n-natura raġonevoli tal-korrispettiv li l-azzjonist prinċipali ta’ kumpannija ser ikollu jħallas għal kull sehem lill-azzjonisti minoritarji tal-istess kumpannija fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija (squeeze out), jaqax taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tas-sede tal-kumpannija [il-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001], jew taħt il-ġurisdizzjoni speċjali tal-qrati tal-post fejn l-obbligu kuntrattwali li jintuża bħala bażi għat-talba twettaq jew għandu jitwettaq [il-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001] jew inkella taħt il-ġurisdizzjoni speċjali tal-qrati tal-post fejn seħħ jew jista’ jseħħ id-dannu [il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001]. |
21. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tenfasizza problema strutturali tar-Regolament Nru 44/2001 [li tippersisti taħt ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali ( 3 )], jiġifieri n-nuqqas ta’ bażi ta’ ġurisdizzjoni ddedikata għar-riżoluzzjoni tat-tilwim intern għall-kumpanniji, bħat-tilwin bejn azzjonisti jew bejn azzjonisti u membri tat-tmexxija jew bejn il-kumpannija u l-membri tat-tmexxija tagħha ( 4 ). |
22. |
Fil-fatt, il-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa intiż biss għall-kwistjonijiet tal-“validità […], in-nullità jew id-dissoluzjoni ta’ kumpanniji […] jew il-validità tad-deċiżjonijiet ta’ l-organi tagħhom”. Madankollu, it-tilwim tad-dritt tal-kumpanniji ma jimplikax neċessarjament kwistjoni ta’ validità ta’ deċiżjoni tal-organi tal-kumpanniji u, wisq inqas, il-validità, in-nullità jew id-dissoluzzjoni tal-kumpannija. Dan huwa l-każ f’din il-kawża fejn il-kawża prinċipali tikkontesta, skont l-Artikolu 183k(4) tal-kodiċi tal-kummerċ Ċek, mhux il-validità tar-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali dwar it-tneħħija tal-azzjonisti minoritarji, iżda biss l-ammont tal-korrispettiv li l-azzjonist prinċipali ser ikollu jħallashom biex jakkwista l-ishma tagħhom. |
23. |
Il-problema tan-nuqqas ta’ bażi ta’ ġurisdizzjoni għal dan it-tip ta’ kawżi ssir iktar ikkomplikata fid-dawl tad-diffikultà ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punti 1 u 3 tal-Artikolu 5 fil-kawża prinċipali peress li t-tneħħija tal-azzjonisti minoritarji u l-korrispettiv deċiż permezz ta’ riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali la hija kuntratt, la delitt u lanqas kważi delitt. |
24. |
Minn naħa, ma jeżistix “obbligu aċċettat liberament minn parti favur oħra” ( 5 ) li jattiva l-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ proċedura ta’ tneħħija tal-azzjonisti minoritarji huwa li l-azzjonist prinċipali jista’ jattivaha mingħajr il-kunsens tagħhom. |
25. |
Min-naħa l-oħra, minkejja li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[il-punt 3 tal-Artikolu 5] tar-Regolament Nru 44/2001 japplika għal kull talba intiża sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma humiex relatati ma’ ‘materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt’, fis-sens tal-[punt 1 tal-Artikolu 5] ta’ dan ir-regolament” ( 6 ), il-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex intiża sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-azzjonist prinċipali. Għall-kuntrarju, din tikkonċerna n-natura raġonevoli jew le tal-korrispettiv stabbilit, f’konformità mal-Artikolu 183i(3) tal-kodiċi tal-kummerċ Ċek, mil-laqgħa ġenerali (u għalhekk mhux neċessarjament u mhux biss mill-azzjonist prinċipali). |
26. |
Din il-problema ma hijiex partikolari għall-proċedura ta’ tneħħija, iżda tqum fir-rigward ta’ diversi kunċetti oħra tad-dritt tal-kumpanniji, bħal, pereżempju, l-obbligu ta’ lealtà impost fuq il-membri tat-tmexxija. Fuq il-bażi tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li rreferejt għaliha fil-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-obbligu ta’ lealtà huwa obbligu li jieħu membru tat-tmexxija lejn il-kumpannija malli jaċċetta liberament il-funzjonijiet tiegħu. F’dan is-sens, talba tal-kumpannija jew ta’ azzjonist intiża biex jiġi stabbilit ksur ta’ dan l-obbligu minn membru tat-tmexxija taqa’ taħt il-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, iżda dan l-obbligu ma għandux post ta’ eżekuzzjoni speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni peress li dan huwa impost kullimkien fid-dinja. Għalhekk fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni huwa impossibbli li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat partikolari. |
27. |
Meta ma tkun tapplika l-ebda bażi ta’ ġurisdizzjoni esklużiva jew speċjali, wieħed normalment ikollu jdur lura għar-regola ġenerali tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, skont liema l-persuni b’domiċilju fit-territorju Stat Membru għandhom, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru ( 7 ). |
28. |
F’dan il-każ, tista’ tiġi prevista interpretazzjoni stretta tal-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 ( 8 ). Madankollu, tali interpretazzjoni li teskludi l-kawża inkwistjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu [peress li, f’konformità mal-Artikolu 183k(4) tal-kodiċi tal-kummerċ Ċek, din il-kawża ma tikkontestax il-validità tar-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali li tiddeċiedi dwar it-tneħħija tal-azzjonisti minoritarji] tmur kontra l-istruttura u l-iskop ta’ dan ir-regolament, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiggwidaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 ( 9 ). |
29. |
F’dan ir-rigward, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ntalbet tinterpreta l-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001. Għalkemm, fil-fehma tiegħi, hija għad ma kellhiex l-opportunità li tagħmel dan fil-kuntest ta’ tilwima interna għal kumpannija rregolata mid-dritt tal-kumpanniji, dan ma xekkilhiex milli, f’din il-ġurisprudenza, issemmi l-prinċipji li jiggwidaw l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ( 10 ). |
30. |
F’dan is-sens, bħalma qieset il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2008, Hassett u Doherty (C‑372/07, EU:C:2008:534), “bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni, [id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001] m’għandhomx jiġu interpretati f’sens iktar wiesgħa milli jitlob l-għan tagħhom, peress li għandhom bħala effett li jiċħdu lill-partijiet mill-għażla tal-ġurisdizzjoni [qorti] li kieku kienet tkun tagħhom u, f’ċerti każijiet, li jressquhom quddiem ġurisdizzjoni [qorti] li mhijiex il-ġurisdizzjoni proprja tad-domiċilju tal-ebda waħda minnhom” ( 11 ). |
31. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-għan essenzjali mfittex minn tali eċċezzjoni, li tipprevedi l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru fejn il-kumpannija jkollha s-sede tagħha, huwa li jiċċentralizza l-ġurisdizzjoni sabiex jiġu evitati sentenzi kontradittorji f’dak li jirrigwarda l-eżistenza tal-kumpanniji u l-validità tad-deċiżjonijiet tal-organi tagħhom” ( 12 ). |
32. |
Inqis li dan l-għan jinqeda aħjar kieku l-punt 2 tal-Artikolu 22 jingħata interpretazzjoni konformi mal-għan essenzjali mfittex minflok interpretazzjoni stretta u formalista tal-formulazzjoni tiegħu. |
33. |
Fil-fatt, bħalma qieset diġà l-Qorti tal-Ġustizzja, “il-qrati tal-Istat Membru fejn il-kumpannija jkollha s-sede tagħha jidhru, fil-fatt, fl-aħjar pożizzjoni sabiex jaqtgħu […] l-kawżi [li jikkonċernaw l-eżistenza tal-kumpanniji u l-validità tad-deċiżjonijiet tal-korpi tagħhom], b’mod partikolari minħabba li l-formalitajiet ta’ pubbliċità tal-kumpannija jsiru fl-istess Stat. L-attribuzzjoni ta’ tali kompetenza [ġurisdizzjoni] esklużiva lil dawn il-qrati għalhekk titwettaq fl-interess ta’ amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja” ( 13 ). |
34. |
Dan, fil-fehma tiegħi, huwa wkoll il-każ tal-qrati Ċeki għat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Peress li din tikkonċerna proċedura ta’ tneħħija mill-azzjonist prinċipali tal-azzjonisti minoritarji ta’ kumpannija tad-dritt Ċek u l-azzjonist prinċipali E.ON ma jikkontestax li d-dritt Ċek huwa d-dritt applikabbli għall-mertu tal-kawża minkejja li din tal-aħħar taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi fuq il-bażi tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001, naħseb li l-qrati Ċeki jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din il-kawża u jaqtgħuha skont id-dritt Ċek. |
35. |
Barra minn hekk, inqis li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tas-sede tal-kumpannija li l-affarijiet interni tagħha huma s-suġġett tal-kawża fuq il-bażi tal-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 ma tippreġudikax l-għan ta’ prevedibbiltà ( 14 ) mfittex mir-Regolament Nru 44/2001 peress li l-azzjonisti ta’ kumpannija, u fuq kollox l-azzjonist prinċipali, jistgħu jantiċipaw faċilment li l-qrati tas-sede jkunu l-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar kull tilwima interna għall-kumpannija. F’dan il-każ, il-qrati Ċeki huma l-qorti naturali għal deċiżjoni dwar it-tilwima bejn E.ON u Dědouch et. |
36. |
Għal dawn ir-raġunijiet, inqis li din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà biex tiċċara l-applikabbiltà tal-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 għat-tilwim intern għall-kumpanniji. Jien nipproponi li jiġi interpretat fis-sens li dan it-tilwim, u b’mod partikolari dak li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija, ikun bejn azzjonist prinċipali u l-azzjonisti minoritarji ta’ kumpannija, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. |
VI. Konklużjoni
37. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula min-Nejvyšší soud (qorti suprema, ir-Repubblika Ċeka) bil-mod segwenti: Il-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal proċedura ta’ stħarriġ tan-natura raġonevoli tal-korrispettiv li l-azzjonist prinċipali huwa obbligat iħallas lid-detenturi preċedenti ta’ titoli ta’ sehem (azzjonisti minoritarji), inkambju għal dawn it-titoli, li ġew ittrasferiti lilu bħala riżultat ta’ riżoluzzjoni adottata mil-laqgħa ġenerali ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u li timponi t-trasferiment tat-titoli l-oħra ta’ sehem lill-azzjonist prinċipali. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.
( 3 ) ĠU 2012, L 351, p. 1.
( 4 ) Ara, f’dan is-sens, Paschalidis, P., Freedom of Establishment and Private International Law for Corporations, Oxford University Press, 2012, punti 2.09 sa 2.29.
( 5 ) Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 6 ) Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 7 ) Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage (C‑103/05, EU:C:2006:471, punt 22) u tat-12 ta’ Mejju 2011, BVG (C‑144/10, EU:C:2011:300, punt 30).
( 8 ) Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage (C‑103/05, EU:C:2006:471, punt 22) u tat-12 ta’ Mejju 2011, BVG (C‑144/10, EU:C:2011:300, punt 30).
( 9 ) Ara s-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2008, Hassett u Doherty (C‑372/07, EU:C:2008:534, punt 19) u tat-12 ta’ Mejju 2011, BVG (C‑144/10, EU:C:2011:300, punti 29 u 30).
( 10 ) Fil-fatt, il-kawża li wasslet għas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, Hassett u Doherty (C‑372/07, EU:C:2008:534), kienet tikkonċerna tilwim bejn sindakat professjonali tad-dritt Ingliż u l-membri tiegħu fuq il-bażi ta’ kuntratt konkluż bejniethom. Din għalhekk ma kinitx tirrigwarda tilwima li taqa’ taħt id-dritt tal-kumpanniji Ingliż. L-istess japplika għall-kawża li wasslet għas-sentenza tat-22 ta’ Marzu 1983, Peters Bauunternehmung (34/82, EU:C:1983:87), u li kienet tikkonċerna tilwim li jirriżulta minn kuntratt ta’ adeżjoni ma’ assoċjazzjoni. Il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tas-sede tal-assoċjazzjoni lanqas biss kienet qamet. Il-kawża li wasslet għas-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, BVG (C‑144/10, EU:C:2011:300) kienet tikkonċerna tilwima bejn kumpannija tad-dritt Ġermaniż u l-kreditur tagħha fir-rigward ta’ kuntratt li jirrigwarda strument derivattiv finanzjarju. Il-kumpannija Ġermaniża kienet qiegħda tikkontesta l-validità ta’ dan il-kuntratt bħala att ultra vires billi invokat ksur tal-istatuti tagħha mill-korpi tagħha. Din għalhekk ma kinitx tirrigwarda tilwima interna għall-kumpannija, peress li l-kwistjoni rregolata mid-dritt tal-kumpanniji, jiġifieri l-kwistjoni tan-natura ultra vires tal-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt mill-kumpannija Ġermaniża, kienet biss inċidentali. Il-kawża li wasslet għas-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319), kienet tikkonċerna tilwima bejn, minn naħa, kumpannija tal-ajru tad-dritt Litwan u, min-naħa l-oħra, kumpannija tal-ajru tad-dritt Latvjan u l-kumpannija tad-dritt Latvjan li kienet tamministra l-ajruport ta’ Riga (il-Latvja). Il-kumpannija tal-ajru tad-dritt Litwan kienet qiegħda tipprova tikseb kumpens għad-dannu li rriżulta minn ksur mill-konvenuti tad-dritt tal-kompetizzjoni. Din għalhekk la kienet tirrigwarda tilwima interna għal kumpannija, u lanqas kwistjoni rregolata mid-dritt tal-kumpanniji.
( 11 ) Ara l-punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 12 ) Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, Hassett u Doherty (C‑372/07, EU:C:2008:534, punt 20).
( 13 ) Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, Hassett u Doherty (C‑372/07, EU:C:2008:534, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 14 ) Ara l-premessa 11 tar-Regolament Nru 44/2001. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, BVG (C‑144/10, EU:C:2011:300, punti 33 u 35).