Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0546

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fis-26 ta’ Ġunju 2018.
    Montte SL vs Musikene.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Órgano Administrativo de Recursos Contractuales de la Comunidad Autónoma de Euskadi.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kwalità ta’ qorti tal-korp ta’ rinviju – Direttiva 2014/24/UE – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Proċedura miftuħa – Kriterji ta’ għoti – Evalwazzjoni teknika – Limitu minimu ta’ punti – Evalwazzjoni bbażata fuq il-prezz.
    Kawża C-546/16.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:493

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fis‑26 ta’ Ġunju 2018 ( 1 )

    Kawża C‑546/16

    Montte, S.L.,

    vs

    Musikene

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Órgano Administrativo de Recursos Contractuales de la Comunidad Autónoma de Euskadi (Korp Amministrattiv għall-Appelli Kuntrattwali tal-Pajjiż Bask, Spanja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Proċedura miftuħa — Kriterji ta’ għoti tal-kuntratt — Evalwazzjoni ta’ offerti f’fażijiet suċċessivi — Limitu minimu ta’ punti”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Din il-kawża tirrigwarda b’mod partikolari l-portata tal-libertà li jgawdu l-Istati Membri meta jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24/UE ( 2 ) relatati mal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pproċessati permezz tal-proċedura miftuħa.

    2.

    B’mod iktar speċifiku, l-ewwel domanda preliminari hija dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħtix is-setgħa lill-awtorità kontraenti sabiex taqsam f’żewġ fażijiet l-evalwazzjoni tal-offerti fi proċedura miftuħa, b’tali mod li fit-tieni fażi (fażi ekonomika) jiġu eżaminati biss l-offerti li jkunu qabżu l-limitu minimu ta’ punti fl-ewwel fażi (fażi teknika). It-tieni domanda preliminari hija dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tirregola l-proċedura miftuħa, għandhiex tobbliga lill-awtorità kontraenti tiżgura li fil-fażi finali tas-sejħa għal offerti jiġi evalwat numru stabbilit ta’ offerti. Fl-aħħar nett, it-tielet domanda hija dwar il-konformità mad-Direttiva 2014/24 ta’ soluzzjoni li tippresupponi li, fl-ewwel fażi (fażi teknika) ta’ din il-proċedura, l-offerta għandha tikseb ċerti punti sabiex tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fit-tieni fażi (fażi ekonomika).

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A. Id-dritt tal-Unjoni

    3.

    Skont l-Artikolu 26(1) u (2) tad-Direttiva 2014/24:

    “1.   Meta jingħataw kuntratti pubbliċi tagħhom, l-awtoritajiet kontraenti għandhom japplikaw il-proċeduri nazzjonali aġġustati sabiex ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, dejjem jekk, mingħajr ħsara għall-Artikolu 32, tkun ġiet ippubblikata sejħa għall-kompetizzjoni b’konformità ma’ din id-Direttiva.

    2.   L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw li dawk l-awtoritajiet kontraenti jistgħu japplikaw proċeduri miftuha jew limitati kif irregolati f’din id-Direttiva.”

    4.

    L-Artikolu 27 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Proċedura miftuħa”, jiddetermina l-limiti ta’ żmien li fihom l-operaturi ekonomiċi interessati jkunu jistgħu jissottomettu offerta f’dawn is-sejħiet għal offerti ta’ kuntratti pubbliċi li fihom l-awtorità kontraenti tkun għażlet il-proċedura miftuħa.

    5.

    L-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi:

    “Fejn l-awtoritajiet kontraenti jirrikorru għall-għażla li jnaqqsu n-numru ta’ offerti li għandhom jiġu nnegozjati kif stipulat fl-Artikolu 29(6) jew ta’ soluzzjonijiet li għandhom jiġu diskussi kif stipulat fl-Artikolu 30(4), dawn għandhom jagħmlu dan billi japplikaw il-kriterji tal-għoti ddikjarati fid-dokumenti tal-akkwist. Fl-istadju finali, in-numru finali għandu jkun biżżejjed sabiex tkun żgurata kompetizzjoni ġenwina billi jkun hemm biżżejjed offerti, soluzzjonijiet jew kandidati kwalifikati.”

    6.

    Skont l-Artikolu 67(1), (2) u (4) tad-Direttiva 2014/24:

    “1.   Mingħajr ħsara għal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jikkonċernaw il-prezz ta’ ċerti provvisti jew ir-remunerazzjoni ta’ ċerti servizzi, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jibbażaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fuq l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża.

    2.   Mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti, l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża għandha tiġi identifikata abbażi tal-prezz jew l-ispiża, bl-użu ta’ approċċ kost-effettiv, bħall-kalkolu tal-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja skont l-Artikolu 68, u tista’ tinkludi l-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità, li għandu jiġi vvalutat abbażi ta’ kriterji li jinkludu aspetti kwalitattivi, ambjentali u/jew soċjali marbutin mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. […]

    4.   Il-kriterji tal-għoti ma għandux ikollhom l-effett li jagħtu lill-awtorità kontraenti libertà mingħajr restrizzjonijiet għall-għażla. Huma għandhom jiżguraw il-possibbiltà ta’ kompetizzjoni effettiva u għandhom jiġu akkumpanjati mill-ispeċifikazzjonijiet li jippermettu li l-informazzjoni mogħtija mill-offerenti tiġi vverifikata b’mod effettiv sabiex jiġi vvalutat kemm l-offerti jissodisfaw il-kriterji tal-għoti. […]”

    B. Id-dritt Spanjol

    7.

    L-Artikolu 150(4) tat-Texto Refundido de la Ley de Contratos del Sector Público (Test Ikkodifikat tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, iktar ’il quddiem, it-“TRLCSP”) jipprovdi:

    “Meta jittieħed inkunsiderazzjoni iktar minn kriterju wieħed, għandu jiġi speċifikat il-valur relattiv attribwit lil kull wieħed minnhom, li jista’ jiġi espress billi tiġi stabbilita marġni ta’ valuri ta’ portata adegwata. Fil-każ li l-proċedura ta’ għoti tkun maqsuma f’diversi fażijiet, ikun indikat ukoll f’liema minnhom għandhom jiġu applikati l-kriterji differenti, kif ukoll il-limitu minimu ta’ punti meħtieġ sabiex l-offerent ikompli jipparteċipa fil-proċedura ta’ selezzjoni.”

    8.

    L-Artikolu 22(1)(d) tar-Real Decreto 817/2009, de 8 de mayo, por el que se desarrolla parcialmente la Ley 30/2007, de 30 de octubre, de Contratos del Sector Público (id-Digriet Irjali Nru 817/2009, tat‑8 ta’ Mejju 2009, li jimplimenta parzjalment il-Liġi 30/2007 tat‑30 ta’ Ottubru 2007 dwar il-Kuntratti Pubbliċi), li jirregola l-funzjonament tal-Perċentwali ta’ Aġġudikazzjoni, korp kolleġġjali li jappoġġja lill-korpi kontraenti, jindika, inter alia, dan li ġej:

    “1. Mingħajr preġudizzju għall-funzjonijiet l-oħra assenjati mil-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi u d-dispożizzjonijiet komplementari tagħha, il-perċentwali ta’ aġġudikazzjoni għandha twettaq il-funzjonijiet li ġejjin fil-proċeduri miftuħa ta’ sejħiet għal offerti:

    […]

    d)

    Meta l-proċedura ta’ evalwazzjoni tinqasam f’diversi fażijiet, tiddetermina l-offerenti li għandhom jiġu esklużi minħabba li ma qabżux il-limitu minimu ta’ punti meħtieġ mill-offerent sabiex ikompli fil-proċedura ta’ selezzjoni.

    […]”

    III. Il-fatti tal-kawża prinċipali

    9.

    Musikene (iktar ’il quddiem, “l-awtorità kontraenti”) hija fondazzjoni tas-settur pubbliku fil-komunità awtonoma tal-Pajjiż Bask li organizzat proċedura miftuħa għall-għoti ta’ kuntratt għal provvisti deskritt bħala “Provvista ta’ tagħmir ta’ għamara u ta’ materjal sinjaletiku, għamara speċifika mużikali, strumenti mużikali, tagħmir elettroakustiku, ta’ reġistrazzjoni u awdjoviżiv, tagħmir informatiku u ta’ riproduzzjoni”. Il-valur stmat tal-kuntratt jeċċedi l-limitu meħtieġ mill-awtorità kontraenti sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-Direttiva 2014/24 fid-dritt Spanjol.

    10.

    L-avviż ta’ sejħa għal offerti fil-qafas tal-proċedura miftuħa fis-sens tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/24 ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis‑26 ta’ Lulju 2016.

    11.

    Fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti huwa ddefinit kif għandu jiżvolġi l-ipproċessar tas-sejħa għal offerti ta’ dan il-kuntratt, inklużi l-kriterji għall-evalwazzjoni tal-offerti. Fil-qosor, fl-ispeċifikazzjonijiet saret distinzjoni ta’ żewġ fażijiet, deskritti bħala fażi teknika u fażi ekonomika. Fil-kuntest ta’ kull waħda minn dawn il-fażijiet, setgħu jiġu attribwiti massimu ta’ 50 punt għal kull offerta.

    12.

    Fil-fażi teknika kien japplika l-kriterju ponderat imsemmi “Preżentazzjoni u deskrizzjoni tal-proġett”, imqassam f’subkriterji differenti għal kull wieħed mil-lottijiet li jikkostitwixxu l-kuntratt. Sussegwentement, fil-fażi ekonomika, kienet issir evalwazzjoni skont il-kriterju tal-prezz. Dan kien jikkonsisti fl-attribuzzjoni ta’ punti għat-tnaqqis tal-prezz tal-offerta fir-rigward tal-valur tal-kuntratt.

    13.

    Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jistabbilixxu l-limitu minimu ta’ punti li offerent kien meħtieġ li jikseb fil-fażi teknika sabiex jiġi ammess fil-fażi ekonomika. F’din il-fażi kienu jistgħu jiġu ammessi biss l-offerenti li jkunu kisbu mill-inqas 35 punt fil-fażi teknika.

    14.

    L-Órgano Administrativo de Recursos Contractuales de la Comunidad Autónoma de Euskadi (Korp Amministrattiv għall-Appelli Kuntrattwali tal-Pajjiż Bask) (iktar ’il quddiem, l-“OARC”) huwa korp permanenti li jeżamina l-appelli fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi.

    15.

    Fil‑11 ta’ Awwissu 2016, ġie rreġistrat fl-OARC l-appell speċjali ppreżentat mill-kumpannija Montte, S.L. (iktar ’il quddiem, ir-“rikorrenti”), kontra l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti. Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-ispeċifikazzjonijiet minħabba li kienu jistabbilixxu l-limitu minimu ta’ punti li għandhom jinkisbu fil-fażi teknika. Skont ir-rikorrenti, dan it-tip ta’ rekwiżit għandu jiġi annullat. Bl-istabbiliment ta’ dan ir-rekwiżit, il-forma ta’ kunsiderazzjoni tal-kriterji tekniċi u ekonomiċi prevista fl-ispeċifikazzjonijiet titlef is-sens tagħha. Dan ir-rekwiżit ifisser li l-awtorità kontraenti la tista’ tevalwa l-offerta b’kunsiderazzjoni tal-prezz offrut u lanqas ma tista’ tagħżel l-offerta l-iktar vantaġġuża.

    16.

    Min-naħa tagħha, l-awtorità kontraenti tqis li, fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt, kien meħtieġ li jiġi stabbilit dan ir-rekwiżit. Dan jirreferi għat-tagħmir li jikkostitwixxi parti integrali ta’ bini. Għalhekk, offerta partikolari tista’ tgħaddi għall-fażi ekonomika jekk tissodisfa ċerti rekwiżiti minimi. B’dan il-mod, jiġi żgurat li l-kuntratt jiġi eżegwit fiż-żmien stipulat u bil-livell tekniku adegwat.

    IV. Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    17.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Órgano Administrativo de Recursos Contractuales de la Comunidad Autónoma de Euskadi (Korp Amministrattiv għall-Appelli Kuntrattwali tal-Pajjiż Bask) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 150.4 TRLCSP, jew prassi ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni, li jawtorizzaw lill-awtoritajiet kontraenti jistabbilixxu, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li jirregolaw il-kontenzjuż ta’ proċedura miftuħa għall-għoti ta’ kuntratt, kriterji ta’ għoti li joperaw f’fażijiet eliminatorji suċċessivi għall-offerti li ma jeċċedux limitu minimu ta’ punti predeterminat?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-imsemmija Direttiva 2014/24 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, jew prassi ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni, li fil-proċedura miftuħa għall-għoti ta’ kuntratt jużaw l-imsemmija sistema ta’ kriterji ta’ għoti li joperaw f’fażijiet eliminatorji suċċessivi b’tali mod li fl-aħħar fażi ma jkunx jifdal biżżejjed offerti sabiex tkun tista’ tiġi ggarantita kompetizzjoni reali?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, l-imsemmija Direttiva 2014/24 tipprekludi klawżola bħal dik inkwistjoni, li fiha l-fattur tal-prezz jittieħed inkunsiderazzjoni biss għall-offerti li jkunu kisbu 35 punt minn 50 punt fl-evalwazzjoni tal-kriterji tekniċi, minħabba li din il-klawżola ma tkunx tiggarantixxi kompetizzjoni reali jew li tevita l-mandat mogħti lill-awtorità kontraenti sabiex tagħti l-kuntratt lill-offerta bl-aqwa valur kwalità/prezz?”

    18.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Ottubru 2016.

    19.

    Il-Gvern Spanjol, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni Ewropea ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-gvernijiet u l-Kummissjoni dehru fis-seduta li saret fis‑16 ta’ April 2018.

    V. Analiżi

    A. Fuq l-ammissibbiltà

    20.

    Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-OARC jistaqsi jekk jistax jitqies bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Għalhekk, fl-ewwel lok ser nirreferi għal din id-domanda.

    21.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk korp nazzjonali partikolari għandux in-natura ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra sensiela ta’ elementi, bħall-oriġini legali tal-korp, in-natura permanenti tiegħu, in-natura mandatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni mill-korp ta’ regoli ġuridiċi, kif ukoll l-indipendenza tiegħu ( 3 ). Barra minn hekk, il-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu biss domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk għandhom jadottaw id-deċiżjoni tagħha fil-kuntest ta’ proċedura li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja ( 4 ). Dawn ir-rekwiżiti huma indikattivi, fis-sens li la huma determinanti u lanqas eżawrjenti. Huma jikkostitwixxu r-riferiment ta’ kwalunkwe evalwazzjoni tan-natura ġudizzjarja tal-qorti tar-rinviju ( 5 ).

    22.

    Huwa importanti jiġi indikat li, għalkemm fid-dritt ta’ Stat Membru l-korp huwa meqjus bħala korp amministrattiv, fih innifsu, dan ma huwiex deċiżiv sabiex jiġi evalwat jekk il-korp inkwistjoni huwiex “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE ( 6 ).

    23.

    Mill-informazzjoni pprovduta fit-talba għal deċiżjoni preliminari jidher li l-OARC huwa korp permanenti għall-appelli, maħluq fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni ġenerali. Il-kompetenza tal-OARC sabiex jieħu konjizzjoni ta’ appelli speċjali fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi ma tiddependix fuq ftehim bejn il-partijiet ( 7 ). Id-deċiżjonijiet ta’ dan il-korp huma vinkolanti għall-partijiet. Barra minn hekk, l-OARC jiddeċiedi l-kawżi ppreżentati lilu skont id-dispożizzjonijiet legali, wara proċedura kontradittorja. Fl-aħħar nett, l-OARC huwa korp indipendenti, li ma huwa suġġett għal ebda tip ta’ istruzzjonijiet esterni.

    24.

    Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, inqis li l-OARC jissodisfa r-rekwiżiti sabiex jitqies bħala “qorti” għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFUE.

    B. Fuq l-ewwel domanda preliminari

    25.

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2014/24 tipprekludix li d-dispożizzjonijiet li jittrasponu r-regoli ta’ din id-direttiva fid-dritt nazzjonali jawtorizzaw lill-awtorità kontraenti tistabbilixxi evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet fl-ispeċifikazzjonijiet li jirregolaw is-sejħa għal offerti ta’ proċedura miftuħa, bil-kundizzjoni li fil-fażijiet suċċessivi jiġu evalwati biss l-offerti li jkunu qabżu limitu minimu predeterminat ta’ punti.

    26.

    Il-qorti tar-rinviju tiċċara li d-dubji dwar il-possibbiltà li jiġu evalwati l-offerti f’diversi fażijiet fil-proċeduri miftuħa jirriżultaw minn diversi kunsiderazzjonijiet.

    27.

    L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi l-possibbiltà li jitnaqqas l-għadd ta’ offerti jew soluzzjonijiet, billi jinħolqu fażijiet fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku fir-rigward tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti permezz tan-negozjar (l-Artikolu 29(6) tad-Direttiva 2014/24) u tad-djalogu kompetittiv (l-Artikolu 30(4) ta’ din id-direttiva). Fid-Direttiva 2014/24, ma ġietx inkluża regola simili dwar il-proċedura miftuħa msemmija fl-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva.

    28.

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-possibbiltà li jiġu stabbiliti fażijiet fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku hija applikabbli biss fil-proċeduri li fihom ikun permess in-negozjar tal-offerti inizjali. Konsegwentement, skont il-qorti tar-rinviju, jista’ jiġi sostnut li l-awtorità kontraenti ma tistax tistabbilixxi fażijiet fil-proċeduri li ma jippermettux in-negozjar tal-offerti. Dawn il-proċeduri jinkludu l-proċedura miftuħa.

    29.

    It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tindika li l-formulazzjoni tal-premessi 90, 92 u 104 tad-Direttiva 2014/24 ma tkoprix l-istabbiliment ta’ fażijiet fil-proċedura miftuħa. Skont il-qorti tar-rinviju, dawn il-premessi jirreferu għall-funzjoni li għandhom il-kriterji għall-għoti tal-kuntratt. Permezz ta’ dawn il-kriterji, huwa possibbli li l-offerti jiġu pparagunati sabiex jiġu evalwati b’mod oġġettiv. Għall-kuntrarju, il-kriterji għall-għoti tal-kuntratt ma humiex intiżi sabiex jeliminaw l-offerti. Għalhekk, il-kriterji li jivverifikaw il-kapaċità tal-offerent sabiex iwettaq il-kuntratt jew il-kriterji li jirreferu għar-rekwiżiti tekniċi minimi stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet huma ta’ natura eliminatorja.

    30.

    It-tielet u l-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet, kif sar fil-proċedura nazzjonali, tista’ twassal sabiex l-awtorità kontraenti ma tqisx l-offerti l-iktar ekonomikament vantaġġużi. Konsegwentement, il-kuntratt ma jingħatax abbażi tal-kriterju tal-prezz, liema fatt jista’ jmur partikolarment kontra l-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24.

    1.   Il-pożizzjonijiet tal-partijiet

    31.

    Fir-rigward tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, l-ewwel nett il-Gvern Spanjol jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma armonizzax kompletament id-dispożizzjonijiet relatati mal-proċedura miftuħa. Fil-fatt, l-Istat Membru huwa liberu li jirregola l-kwistjonijiet relatati mal-proċedura miftuħa fid-dritt nazzjonali, filwaqt li jirrispetta l-effettività tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24.

    32.

    It-tieni nett, il-Gvern Spanjol ma jaqbilx mal-interpretazzjoni tal-qorti tar-rinviju, li tqis li l-evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet fil-proċedura miftuħa hija intiża sabiex tillimita n-numru ta’ kandidati jew offerti. Skont il-Gvern Spanjol, l-istabbiliment ta’ żewġ fażijiet fl-evalwazzjoni tal-offerti fil-proċedura nazzjonali kellu l-għan li jittieħdu biss inkunsiderazzjoni l-offerti li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-awtorità kontraenti.

    33.

    It-tielet u l-aħħar nett, skont il-Gvern Spanjol, huwa minnu li l-awtorità kontraenti ma tistax tistabbilixxi l-kriterji għall-għoti tal-kuntratt b’mod li jagħtiha libertà mingħajr limitu. Madankollu, mill-Artikolu 67(2) ta’ din id-direttiva jiġi dedott li tista’ tiġi magħżula l-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża fuq il-bażi tal-kriterju tal-bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità.

    34.

    Fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni essenzjalment għandhom pożizzjoni simili għal dik tal-Gvern Spanjol.

    2.   Analiżi

    35.

    Inqis li hemm tliet kwistjonijiet li jqajmu d-dubji tal-qorti tar-rinviju u li għalihom jagħmlu riferiment il-partijiet fl-osservazzjonijiet tagħhom. L-ewwel nett, dawn jirrigwardaw il-marġni ta’ libertà li għandhom l-Istati Membri fir-regolamentazzjoni tal-proċedura miftuħa fid-dritt nazzjonali. It-tieni nett, id-dubji tal-qorti tar-rinviju huma wkoll dwar jekk l-evalwazzjoni tal-offerti f’żewġ fażijiet, li hija pproċessata bl-istess mod bħal fil-kawża prinċipali, twassalx sabiex il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-offerti essenzjalment ikollhom natura eliminatorja, meta suppost għandhom jissodisfaw funzjoni ta’ evalwazzjoni. It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet twassalx sabiex jitħalla barra l-kriterju tal-prezz fl-għoti tal-kuntratt. Iktar ’il quddiem, ser nirreferi għal kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet.

    a)   Il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri fil-kuntest tar-regolamentazzjoni tal-proċedura miftuħa

    1) Osservazzjonijiet preliminari

    36.

    L-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi li, meta jingħataw kuntratti pubbliċi, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jimplimentaw il-proċeduri nazzjonali, aġġustati sabiex ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2014/24, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu japplikaw il-proċedura miftuħa konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ( 8 ).

    37.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li d-Direttiva 2014/24 ma tirregolax il-forma ta’ pproċessar tal-proċedura miftuħa b’mod eżawrjenti. Il-Gvern Spanjol, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni jirreferu għal dan ukoll. Huwa minnu li fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/24 ġew stabbiliti t-termini li fihom għandhom jiġu ppreżentati l-offerti fil-proċedura miftuħa. Madankollu, id-Direttiva ma tinkludix dispożizzjonijiet dwar l-iżvolġiment tas-sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt li jagħmel użu din il-proċedura.

    38.

    Madankollu, minn naħa, peress li l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu japplikaw il-proċedura miftuħa u li, min-naħa l-oħra, hawnhekk din hija proċedura aġġustata skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/24 u applikata kif irregolata mid-dispożizzjonijiet tagħha, peress li din il-proċedura hija rregolata fid-dritt tal-Unjoni biss sa ċertu punt, huma l-leġiżlaturi nazzjonali li għandhom joħolqu r-regolamenti rilevanti dwar l-iżvolġiment ta’ tali proċeduri.

    39.

    Ovvjament, f’dan ir-rigward, il-libertà tal-leġiżlaturi nazzjonali ma hijiex mingħajr limitu. Ir-regoli tad-dritt nazzjonali ma jistgħux jistabbilixxu proċeduri li fihom ikun hemm ksur ripetut mill-awtoritajiet kontraenti tar-regoli għall-għoti ta’ kuntratti stabbiliti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24 u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Ir-regoli tad-dritt nazzjonali lanqas ma jistgħu jikkompromettu l-effettività tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva (effet utile) ( 9 ). Fl-opinjoni tiegħi, hekk għandu jinftiehem ir-rekwiżit ta’ aġġustament tal-proċeduri skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/24 u ta’ rispett tal-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

    40.

    Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi analizzat jekk is-silenzju tad-Direttiva 2014/24 dwar l-ammissibbiltà tal-evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet, iwassalx għall-konklużjoni li l-awtorizzazzjoni tal-awtorità kontraenti sabiex tiġi adottata din is-soluzzjoni fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ sejħa għal offerti fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24. F’dan il-kuntest, fir-rigward tad-dubji tal-qorti tar-rinviju, għandha tiġi invokata l-interpretazzjoni sistematika tad-Direttiva 2014/24, imwettqa fid-dawl tal-Artikolu 66.

    2) Fuq ir-rwol tal-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24 fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva

    41.

    Il-qorti nazzjonali tispjega li d-dubji tagħha dwar il-possibbiltà li tiġi stabbilita, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-għoti ta’ kuntratt ta’ proċedura miftuħa, evalwazzjoni tal-offerti f’żewġ fażijiet, jirriżultaw mill-inklużjoni fid-Direttiva 2014/24 ta’ dispożizzjoni li tippermetti espressament eżami f’fażijiet tas-soluzzjonijiet jew tal-offerti fil-kuntest ta’ ċerti proċeduri (Artikolu 66), filwaqt li fid-Direttiva ma hemmx regola analoga li tirreferi għall-proċedura miftuħa.

    42.

    Ma naqbilx mad-dubji tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward.

    43.

    L-istabbiliment ta’ dispożizzjoni espliċita li tippermetti eżami f’fażijiet tas-soluzzjonijiet jew tal-offerti, bl-applikazzjoni tal-kriterji għall-għoti tal-kuntratt fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti permezz ta’ negozjar u ta’ djalogu kompetittiv, fil-fehma tiegħi, huwa dovut għall-fatt li f’dawn il-proċeduri jkun permess negozjar tal-offerti inizjali (l-Artikolu 29(5) tad-Direttiva 2014/24) u kjarifika, speċifikazzjoni u ottimizzazzjoni ta’ dawn l-offerti (l-Artikolu 30(6) ta’ din id-direttiva).

    44.

    Minn naħa, in-negozjar ta’ bosta offerti jew soluzzjonijiet, f’xi każijiet, jista’ jkun problematiku għall-awtoritajiet kontraenti. Il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni għal dan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Jekk in-numru tal-offerti jew tas-soluzzjonijiet fl-istadji suċċessivi tal-proċedura jiġi limitat, ikunu jistgħu jiġu nnegozjati biss dawk li jikkorrispondu għall-bżonnijiet tal-awtoritajiet kontraenti.

    45.

    Min-naħa l-oħra, bħala riżultat tad-diviżjoni tal-proċedura f’fażijiet suċċessivi sabiex jiġi limitat in-numru ta’ offerti jew ta’ soluzzjonijiet li jkollhom jiġu eżaminati, huma biss l-offerenti li l-offerti jew is-soluzzjonijiet tagħhom ma jkunux ġew eliminati fil-fażijiet preċedenti tal-proċedura li jkollhom il-possibbiltà effettiva li jinnegozjaw l-offerta u, abbażi ta’ dan, li jikkonkludu kuntratt mal-awtorità kontraenti. Dan ikun jista’ jqajjem dubji dwar l-osservanza tar-regoli ta’ għoti ta’ kuntratti, stabbiliti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24. Dan jirrigwarda fuq kollox il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, l-obbligu ta’ trasparenza u l-projbizzjoni li l-kompetizzjoni tiġi limitata b’mod artifiċjali.

    46.

    Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa b’mod ċar li hija awtorizzata l-evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet fil-proċeduri li jippermettu n-negozjar tal-offerti. B’dan il-mod, tneħħew id-dubji dwar l-ammissibbiltà tal-istabbiliment ta’ fażijiet f’dan it-tip ta’ proċedura ( 10 ).

    47.

    Madankollu, ma nsibux dan it-tip ta’ dubju fil-kuntest tal-proċedura miftuħa, li ma tippermettix in-negozjar tal-offerti inizjali ( 11 ). Għalhekk, peress li ma teżistix regola analoga għall-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24, li jirrigwarda l-proċedura miftuħa, minn dak imsemmi qabel ma jistax jiġi konkluż li f’din il-proċedura ma jistgħux jiġu introdotti fażijiet relatati ma’ ċerti kriterji ta’ għoti tal-kuntratt.

    48.

    Fil-qosor, mill-inklużjoni fid-Direttiva 2014/24 ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 66 tagħha, li jirreferi għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti permezz tan-negozjar u d-djalogu kompetittiv, ma jirriżultax li fil-proċedura miftuħa ma hijiex permessa l-evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet, bil-kundizzjoni li din ma tistax tikser ir-regoli għall-għoti tal-kuntratti previsti fl-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u lanqas ma tista’ tikser l-effettività tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

    b)   Fuq in-natura u r-rwol tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt

    49.

    Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-istabbiliment ta’ proċedura miftuħa f’fażijiet, bħal dik li jsir riferiment għaliha fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt imqiegħed inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jimplikax li l-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt huma mibnija, fil-prattika, fuq kriterji li jivverifikaw il-kapaċità li jiġi ssodisfatt il-kuntratt mogħti, li huma ta’ natura eliminatorja.

    50.

    Sabiex nieħu pożizzjoni fir-rigward tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, naħseb li huwa xieraq li tiġi ċċarata l-essenza tal-kriterji applikati fl-għoti ta’ kuntratti fil-proċeduri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24.

    51.

    Fl-Artikolu 56 tad-Direttiva 2014/24, il-leġiżlatur tal-Unjoni jagħmel distinzjoni espliċita bejn żewġ tipi ta’ kriterji, jiġifieri l-kriterji ta’ selezzjoni kwalitattiva, komposti prinċipalment minn raġunijiet għall-esklużjoni, u l-kriterji ta’ selezzjoni intiżi li jivverifikaw il-kapaċità tal-offerenti li jissodisfaw il-kuntratt mogħti (ara l-Artikoli 57 u 58 tad-Direttiva 2014/24), kif ukoll il-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt, li jirreferu għall-istess offerti. Għall-kuntrarju tal-kriterji ta’ selezzjoni kwalitattiva, il-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt huma ta’ natura oġġettiva fis-sens li huma kriterji marbuta mal-istess suġġett tal-kuntratt (l-ewwel sentenza in fine tal-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24) ( 12 ).

    52.

    Mill-analiżi tat-talba għal deċiżjoni preliminari wieħed jikkonkludi li l-kriterji applikati fiż-żewġ fażijiet tal-proċedura miftuħa kienu jirreferu għall-offerti (kriterji ta’ għoti tal-kuntratt) u mhux għall-kapaċità tal-offerenti li jissodisfaw il-kuntratt mogħti (kriterji ta’ selezzjoni kwalitattiva). Fil-fatt, skont l-informazzjoni mressqa mill-qorti tar-rinviju, fil-fażi teknika ġew applikati l-kriterji relatati mal-preżentazzjoni u d-deskrizzjoni tal-proġett.

    53.

    Huwa minnu li l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt fil-forma li seħħet fil-proċedura nazzjonali twassal sabiex, fil-prattika, ċerti offerti ma jittiħdux inkunsiderazzjoni mill-awtorità kontraenti fil-fażijiet suċċessivi tal-proċedura. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex każ ta’ selezzjoni minn qabel ta’ offerenti, iżda ta’ titjib tal-mod ta’ kif jiġi pponderat kull wieħed mill-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt.

    54.

    Wieħed jista’ jimmaġina li l-awtorità kontraenti tevalwa l-kriterji tekniċi u ekonomiċi fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa, mingħajr distinzjoni skont fażijiet. Dan ikun jeħtieġ li jiġu pponderati l-kriterji differenti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, b’tali mod li offerta li ma tissodisfax ċerti rekwiżiti tekniċi, fil-prattika, ma tilħaqx il-punti minimi li jippermettu li l-awtorità kontraenti li tagħżilha.

    55.

    Ninsab konvint li s-soluzzjoni deskritta fil-punt preċedenti u s-soluzzjoni li tinvolvi evalwazzjoni tal-offerti f’żewġ fażijiet, imqiegħda inkwistjoni mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fihom innifishom ma humiex inkompatibbli mad-Direttiva 2014/24. Fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ soluzzjonijiet, konformement mal-Artikolu 67(4) tad-Direttiva 2014/24, il-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt għandhom jiġu ddeterminati b’tali mod li tiġi żgurata l-possibbiltà ta’ kompetizzjoni reali. F’dan ir-rigward, huwa sinjifikattiv li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tidhirx li tikkontesta l-proporzjonalità tal-aspettattivi tal-awtorità kontraenti li wasslu sabiex jiġi stabbilit limitu ta’ 35 punt fil-fażi teknika, fejn jiġu evalwati l-offerti mill-perspettiva ta’ kwalità.

    56.

    Konsegwentement, inqis li d-Direttiva 2014/24 ma tipprekludix li, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt, dawn il-kriterji jkunu konformi mal-Artikolu 67(2) u (4) ta’ din id-direttiva, b’tali mod li huma biss l-offerti li jkunu qabżu riżultat speċifiku fil-fażijiet preċedenti li jkunu suġġetti għal evalwazzjoni waqt il-fażijiet suċċessivi tal-proċedura miftuħa.

    c)   Ir-rwol tal-prezz bħala kriterju ta’ għoti tal-kuntratt

    57.

    Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li l-evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet, bħal dik prevista fl-ispeċifikazzjonijiet ikkontestata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tista’ twassal sabiex il-kuntratt jingħata mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-element tal-prezz. Skont il-qorti tar-rinviju, dan jista’ jkun inkompatibbli mad-Direttiva 2014/24.

    58.

    Ċertament, it-tieni sentenza tal-premessa 90 tad-Direttiva 2014/24 tipprovdi li l-evalwazzjoni fuq il-bażi tal-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità għandha dejjem tinkludi element ta’ prezz jew ta’ spiża.

    59.

    Madankollu, mill-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li sabiex jagħtu kuntratti pubbliċi, l-awtoritajiet kontraenti għandhom japplikaw il-kriterju tal-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża. Għalhekk, konformement mal-Artikolu 67(2) ta’ din id-direttiva, din għandha tkun l-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti, jiġifieri l-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità ( 13 ).

    60.

    Bl-istess mod, it-tieni paragrafu tal-premessa 90 tad-direttiva għandu l-għan li jinkoraġġixxi gwida aħjar fir-rigward tal-kwalità tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati, meta jqisu li dan ikun xieraq, li jipprojbixxu l-użu tal-prezz jew tal-ispiża biss sabiex jevalwaw l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża jew anki li jillimitaw l-użu ta’ dawn l-elementi. Barra minn hekk, skont ir-raba’ sentenza tal-ewwel paragrafu tal-premessa 92, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jiġu mħeġġa jagħżlu kriterji għall-għoti li jippermettu lil dawn l-istituzzjonijiet jiksbu xogħlijiet, provvisti u servizzi ta’ kwalità għolja li jissodisfaw kemm jista’ jkun il-bżonnijiet tagħhom.

    61.

    Dan ma jimplikax li l-awtoritajiet kontraenti għandhom libertà mingħajr limitu sabiex jiddefinixxu l-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt. F’dan il-qafas, jeħtieġ li jiġi applikat l-Artikolu 67(4) tad-Direttiva 2014/24, imsemmi hawn fuq, li jimponi fuq l-awtoritajiet kontraenti l-obbligu li jiddeterminaw il-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt sabiex tiġi ggarantita kompetizzjoni reali.

    62.

    Madankollu, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jissodisfaw l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 67(4) tad-Direttiva 2014/24, irrispettivament minn jekk dawn jistabbilixxux evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Konsegwentement, dan ikun applikabbli wkoll meta fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti mqiegħda inkwistjoni mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tkun ġiet deċiża l-evalwazzjoni tal-kriterji kwalitattivi u ekonomiċi mingħajr ma ssir distinzjoni bejn il-fażijiet differenti. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet ma timplikax li l-obbligi tal-awtorità kontraenti li jirriżultaw mill-Artikolu 67(4) tad-Direttiva 2014/24 isiru iktar stretti, b’tali mod li din għandha tagħti funzjoni speċjali lill-kriterju tal-prezz.

    63.

    L-ewwel nett, fil-qosor, l-inklużjoni tal-Artikolu 66 fid-Direttiva 2014/24 ma tfissirx li ma tistax tiġi stabbilita evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt mogħti permezz tal-proċedura miftuħa, bil-kundizzjoni li din ma tiksirx ir-regoli għall-għoti ta’ kuntratti previsti fl-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva jew ma tiksirx il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u ma tfixkilx l-effettività tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. It-tieni nett, il-kriterji applikati għal dan it-tip ta’ evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet jibqgħu kriterji ta’ għoti tal-kuntratt, sakemm ikunu konformi mal-Artikolu 67(2) u (4) tad-Direttiva 2014/24. It-tielet nett, dan it-tip ta’ evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet ma jimplikax li l-awtorità kontraenti ma għandhiex tibbaża l-għoti tal-kuntratt fuq l-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża.

    64.

    Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għall-ewwel domanda: id-Direttiva 2014/24 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li l-awtorità kontraenti bl-applikazzjoni ta’ kriterji ta’ għoti konformement mal-Artikolu 67(2) u (4) ta’ din id-direttiva, tkun awtorizzata li tistabbilixxi evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet suċċessivi fl-ispeċifikazzjonijiet li jirregolaw sejħa għal offerti permezz ta’ proċedura miftuħa.

    C. Fuq it-tieni domanda preliminari

    65.

    It-tieni domanda preliminari ġiet magħmula f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għall-ewwel domanda preliminari li timplika li l-leġiżlatur nazzjonali jista’ jawtorizza lill-awtoritajiet kontraenti sabiex jistabbilixxu evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratt skont il-proċedura miftuħa. Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq li jiġi ċċarat jekk id-Direttiva 2014/24 tipprekludix lill-awtorità kontraenti milli tkun obbligata sabiex, fil-fażi finali tal-proċedura, tikseb numru ta’ offerti li jkun biżżejjed sabiex tiġi żgurata “kompetizzjoni reali” għall-finijiet tal-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24.

    66.

    Il-Gvern Spanjol jikkunsidra li t-tieni domanda preliminari hija ipotetika. Fil-fatt, skont dan il-gvern, ma hemm xejn li jissuġġerixxi li l-evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet suċċessivi fil-proċedura nazzjonali twassal għall-għoti tal-kuntratt taħt kundizzjonijiet ta’ assenza ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-Gvern Spanjol jindika li l-kawża prinċipali tfittex li teżamina l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li ġew ikkontestati mir-rikorrenti. Min-naħa tagħhom, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni jibqgħu fil-pożizzjoni li r-rekwiżit relatat mal-garanzija ta’ “kompetizzjoni reali” ma huwiex applikabbli fil-proċedura miftuħa.

    1.   Fuq l-ammissibbiltà

    67.

    Preliminarjament, jeħtieġ li jsir riferiment għad-dubji tal-Gvern Spanjol fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tieni domanda preliminari.

    68.

    Ir-regoli tad-dritt Spanjol dwar il-proċedura miftuħa ma jipprevedux ir-rekwiżit relatat ma’ “kompetizzjoni reali”. Ma hemm xejn li jindika li dan ir-rekwiżit kien previst fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li ġie kkontestat mir-rikorrenti.

    69.

    Fl-opinjoni tiegħi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-ħtieġa li jiġi osservat ir-rekwiżit relatat mal-“kompetizzjoni reali” fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet fil-proċedura miftuħa, skont l-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24, li ssemma ripetutament fit-talba għal deċiżjoni preliminari. Għalhekk, li kieku r-rekwiżit previst fl-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24 kien direttament applikabbli jew anki per analogiam fir-rigward tal-proċeduri miftuħa li fihom issir l-evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet, il-qorti tar-rinviju jkollha teżamina jekk l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jippermettux lill-awtorità kontraenti tiżgura “kompetizzjoni reali” fil-fażi finali tal-proċedura.

    70.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni domanda preliminari hija ammissibbli.

    2.   Fuq il-mertu

    71.

    Ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ li jiġi deċiż jekk l-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24 huwiex applikabbli fil-proċedura miftuħa li fiha l-evalwazzjoni tal-offerti titwettaq f’fażijiet, direttament jew per analogiam.

    72.

    Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24 ma jistax jiġi applikat għall-proċeduri miftuħa.

    73.

    L-ewwel nett, l-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24 jirreferi esklużivament għall-proċedura tas-sejħa għal offerti b’negozjar u għad-djalogu kompetittiv. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli fir-rigward tal-proċedura miftuħa ( 14 ). Fil-fatt, l-awtorità kontraenti tista’ tkompli l-proċedura miftuħa, minkejja l-fatt li l-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt jimplikaw li numru żgħir biss ta’ offerenti jistgħu jikkompetu fl-għoti tal-kuntratt ( 15 ).

    74.

    It-tieni nett, it-tieni sentenza tal-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24 tipprovdi li n-numru ta’ offerti jew soluzzjonijiet miksuba fil-fażi finali għandhom jippermettu li tiġi ggarantita kompetizzjoni reali, billi jkun hemm biżżejjed offerti, soluzzjonijiet jew kandidati kkwalifikati.

    75.

    Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-rekwiżit li jiġi ggarantit numru speċifiku ta’ offerti u soluzzjonijiet fil-fażi finali tal-proċedura ma huwiex assolut. Dan jirriżulta li huwa applikabbli meta jkun hemm il-possibbiltà li jinkiseb numru adegwat ta’ offerti, ta’ soluzzjonijiet jew ta’ kandidati ( 16 ). Għalhekk, inqis li l-aspirazzjoni li n-numru miksub fil-fażi finali tal-proċedura tas-sejħa għal offerti b’negozjar u tad-djalogu kompetittiv jiggarantixxi kompetizzjoni reali, għandha l-għan li tevita s-sitwazzjoni li fiha offerent jew kandidat partikolari ma jkunx interessat fin-negozjar tal-offerta minħabba li jkun l-uniku kuntrattur meħud inkunsiderazzjoni mill-awtorità kontraenti, minkejja li kuntratturi oħra jistgħu jissottomettu offerta lill-awtorità kontraenti li tkun tissodisfa l-aspettattivi u l-bżonnijiet tagħha.

    76.

    Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ma huwiex meħtieġ li jiġi applikat l-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24 permezz tal-analoġija fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa li fiha ssir evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet. Fil-fażijiet suċċessivi ta’ din il-proċedura jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-offerti li jissodisfaw l-aspettattivi tal-awtorità kontraenti u li jissodisfaw il-bżonnijiet tagħha. Għall-kuntrarju, ma jirriżultax possibbli li dawn l-offerti jiġu nnegozjati.

    77.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rekwiżit li jinkiseb numru speċifiku ta’ offerti fil-fażi finali tal-proċedura miftuħa, fis-sens li dan in-numru jiżgura l-“kompetizzjoni reali” fis-sens tal-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24, ma huwiex applikabbli direttament u lanqas per analogiam fi proċedura miftuħa bħal dik imsemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li ġew ikkontestati mir-rikorrenti.

    78.

    Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għat-tieni domanda preliminari: id-Direttiva 2014/24 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li l-awtorità kontraenti, li tistabbilixxi evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt mogħti bi proċedura miftuħa, ma għandhiex tkun obbligata tikseb, fil-fażi finali ta’ din il-proċedura, numru suffiċjenti ta’ offerti sabiex tiġi żgurata “kompetizzjoni reali” fis-sens li jorbot dan il-kunċett mal-Artikolu 66 ta’ din id-direttiva.

    D. Fuq it-tielet domanda preliminari

    79.

    Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq li jiġi ċċarat jekk rekwiżit bħal dak ikkontestat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huwiex inkompatibbli mad-Direttiva 2014/24, minħabba l-impossibbiltà li tiġi żgurata kompetizzjoni reali jew li jingħata l-kuntratt lill-offerent li jkun issottometta l-offerta bl-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità.

    80.

    It-tielet domanda preliminari ġiet ifformulata f’każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda. Din ir-risposta tkun timplika li r-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24, li fil-fażi finali tal-evalwazzjoni tal-offerti jinkiseb numru li jiggarantixxi kompetizzjoni reali, huwa wkoll applikabbli fil-proċedura miftuħa.

    81.

    Fid-dawl tar-risposta li pproponejt għat-tieni domanda preliminari, ma hemmx għalfejn tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-pożizzjoni tiegħi dwar ir-risposta għat-tieni domanda, ser nirreferi fil-qosor għat-tielet domanda preliminari wkoll.

    82.

    Fil-kuntest tar-rekwiżit tal-kisba, fil-fażi finali tal-proċedura, ta’ numru ta’ offerti li jiggarantixxi kompetizzjoni reali, għandu jitfakkar li anki meta dan ir-rekwiżit jiġi dedott mill-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24 applikat direttament jew b’analoġija, dan ma huwiex ta’ natura assoluta. Huwa jkun applikabbli biss meta n-numru tal-offerti korrispondenti jippermetti dan ( 17 ). Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni finali f’dan il-qasam għandha ssir mill-qorti tar-rinviju.

    83.

    Fir-rigward tal-għoti tal-kuntratt lill-offerent li jkun issottometta l-offerta fuq il-bażi tal-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità, id-Direttiva 2014/24 tobbliga lill-awtoritajiet kontraenti jagħtu l-kuntratt billi jibbażaw lilhom innifiTshom fuq l-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża. Għall-kuntrarju, dan il-kriterju ma jistax jinftiehem fis-sens li l-awtorità kontraenti hija obbligata li tagħżel l-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża, anki jekk din l-offerta ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ kwalità tal-awtorità kontraenti, li jkunu ġew stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tal kuntratt. Għall-kuntrarju, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kriterji għall-għoti tal-kuntratt, l-Artikolu 67(4) tad-Direttiva 2014/24 jillimita l-libertà tal-awtoritajiet kontraenti ( 18 ). L-evalwazzjoni dwar jekk l-awtorità kontraenti osservatx ir-rekwiżiti previsti f’din id-dispożizzjoni għandha titħalla f’idejn il-qorti tar-rinviju.

    VI. Konklużjonijiet

    84.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi preliminari magħmula mill-Órgano Administrativo de Recursos Contractuales de la Comunidad Autónoma de Euskadi (Korp Amministrattiv għall-Appelli Kuntrattwali tal-Pajjiż Bask):

    1)

    Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li l-awtorità kontraenti, bl-applikazzjoni ta’ kriterji konformement mal-Artikolu 67(2) u (4) ta’ din id-direttiva, tkun awtorizzata li tistabbilixxi evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet suċċessivi fl-ispeċifikazzjonijiet li jirregolaw sejħa għal offerti permezz ta’ proċedura miftuħa.

    2)

    Id-Direttiva 2014/24 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li l-awtorità kontraenti, li fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ sejħa għal offerti permezz ta’ proċedura miftuħa tistabbilixxi evalwazzjoni tal-offerti f’fażijiet suċċessivi, ma għandhiex tkun obbligata li, fil-fażi finali ta’ din il-proċedura, tikseb numru suffiċjenti ta’ offerti sabiex tiġi żgurata “kompetizzjoni reali” fis-sens li jorbot dan il-kunċett mal-Artikolu 66 ta’ din id-direttiva.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Pollakk.

    ( 2 ) Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65).

    ( 3 ) Ara s-sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2005, Syfait et (C‑53/03, EU:C:2005:333, punt 29), u tal‑31 ta’ Jannar 2013, Belov (C‑394/11, EU:C:2013:48, punt 38).

    ( 4 ) Ara s-sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2005, Syfait et (C‑53/03, EU:C:2005:333, punt 29), u tal‑31 ta’ Jannar 2013, Belov (C‑394/11, EU:C:2013:48, punti 39 u 40).

    ( 5 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Ascendi (C‑377/13, EU:C:2014:246, punt 33).

    ( 6 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme (C‑203/14, EU:C:2015:664, punt 17).

    ( 7 ) Minbarra dan, nenfasizza li fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme (C‑203/14, EU:C:2015:664), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), li ppreċediet id-Direttiva 2014/24, fil-kuntest tad-domandi preliminari magħmula mill-korp ta’ rikors Katalan. Huwa minnu li f’dan il-kuntest ġiet invokata dispożizzjoni tad-dritt Spanjol li kienet tipprevedi li r-rimedju speċjali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, qabel il-preżentata tal-kontenzjuż amministrattiv, huwa fakultattiv. Ma neskludix li din id-dispożizzjoni tad-dritt Spanjol hija applikabbli fil-kawża prinċipali, li tirreferi wkoll għal korp ta’ rikors ta’ komunità awtonoma oħra. Madankollu, fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme (ara l-punti 22 sa 25), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-korp ta’ rikors Katalan issodisfa wkoll in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu u dan minkejja l-fatt li l-persuna li tippreżenta rikors fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi jista’ jagħżel bejn ir-rikors speċjali quddiem il-korp tar-rinviju u r-rikors kontenzjuż amministrattiv. Dak li huwa deċiżiv huwa li l-kompetenza ma tiddependix fuq ftehim bejn il-partijiet u li d-deċiżjonijiet ikunu vinkolanti għall-partijiet.

    ( 8 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 9 ) F’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva 2004/18, ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, MA.T.I. SUD u Duemme SGR (C‑523/16 u C‑536/16, EU:C:2018:122, punt 48). Fir-rigward tar-regoli proċedurali tad-dritt nazzjonali, fir-rigward tal-azzjonijiet ġudizzjarji fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi, ara s-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Marina del Mediterráneo et (C‑391/15, EU:C:2017:268, punt 33).

    ( 10 ) Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-proċedura miftuħa, il-proċedura ta’ sejħa għal offerti permezz ta’ negozjar u d-djalogu kompetittiv jistgħu jintużaw sa fejn ċerti rekwiżiti jiġu ssodisfatti. Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni rregola l-iżvolġiment ta’ dawn il-proċeduri b’mod iktar restrittiv milli fil-proċedura miftuħa. Dan huwa spjegat fit-teorija minħabba li r-riskju ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni huwa fundamentalment ogħla meta jintużaw dawn il-proċeduri speċjali milli meta l-awtorità kontraenti tapplika l-proċedura miftuħa. Fir-rigward tas-sitwazzjoni ġuridika qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/24, ara Bovis, C., Public Procurement in the European Union, Palgrave, New York, 2005, p. 132 u 133.

    ( 11 ) Ara González García, J. f’: Caranta, R., Edelstam, G., Trybus, M. (editors), EU Public Contract Law: Public Procurement and Beyond, Bruylant, Brussell, 2013, il-punt 4 tal-kapitolu 3. Għalhekk, is-setgħa tal-awtorità kontraenti li tinnegozja tista’ tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza. Ara s-sentenza tas‑7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz (C‑324/14, EU:C:2016:214), il-punt 62 u ġurisprudenza ċċitata.

    ( 12 ) Huwa sinjifikattiv li fil-kuntest tal-verifika dwar in-natura oġġettiva tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratti, dawn il-kriterji jistgħu jirreferu wkoll għall-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kuntratt inkwistjoni, sa fejn ikun hemm relazzjoni bejn il-kwalità tal-persunal u l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Ara l-Artikolu 67(2)(b) tad-Direttiva 2014/24. Ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2015, Ambisig (C‑601/13, EU:C:2015:204, punti 3334). Għandu jiġi nnotat li anki fl-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/24, imsemmi ripetutament fit-talba għal deċiżjoni preliminari, hemm restrizzjoni fuq in-numru ta’ offerti jew soluzzjonijiet billi l-proċedura tas-sejħa għal offerti b’negozjar jew tad-djalogu kompetittiv tiġi subdiviża permezz tal-applikazzjoni ta’ kriterji ta’ għoti tal-kuntratti u mhux, għall-kuntrarju, ta’ kriterji ta’ selezzjoni kwalitattiva. Ara Pawelec, J. (ed.), Dyrektywa Parlamentu Europejskiego i Rady 2014/24/UE w sprawie zamówień publicznych, uchylająca dyrektywę 2004/18/WEKomentarz, C.H. Beck, Varsavja, 2017, p. 315; Sánchez Graells, A., Public Procurement and the EU Competition Rules, Hart Publishing, Oxford – Portland, 2015, p. 312.

    ( 13 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 14 ) Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 15 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002, Concordia Bus Finland (C‑513/99, EU:C:2002:495, punt 85). Barra minn hekk, fis-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 1999, Fracasso u Leitschutz (C‑27/98, EU:C:1999:420, punti 32 sa 34), dwar is-sitwazzjoni ġuridika qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/24, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li jekk bħala riżultat tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku tibqa’ offerta waħda biss, l-awtorità kontraenti ma tkunx obbligata tagħti l-kuntratt lill-offerent li jkun issottometta din l-offerta. Madankollu, minn dak li ntqal hawn fuq ma jirriżultax li l-awtorità kontraenti għandha tannulla din il-proċedura.

    ( 16 ) Skont in-nota ta’ spjega dwar id-djalogu kompetittiv li saret mill-Kummissjoni Ewropea (European Commission Directorate General Internal Market and Services, Public Procurement Policy, Explanatory Note – Competitive Dialogue – Classic Directive, disponibbli fuq is-sit tinternet: ec.europa.eu, p. 8 u 9), ir-restrizzjoni tan-numru ta’ soluzzjonijiet tista’ twassal sabiex fil-fażi finali tal-proċedura tiġi magħżula soluzzjoni waħda biss. Madankollu, dan ma jipprekludix lill-awtorità kontraenti milli tkompli din il-proċedura. Ara wkoll, f’dan is-sens, it-tieni sentenza tal-premessa 41, tad-Direttiva 2004/18, li fiha ġie spjegat li t-tnaqqis fin-numru ta’ offerti, li finalment jiġu diskussi jew innegozjati fid-djalogu kompetittiv jew proċeduri nnegozjati bil-pubblikazzjoni tal-avviż, għandhom jiżguraw kompetizzjoni reali, sa fejn in-numru ta’ soluzzjonijiet xierqa jew il-kandidati. Enfasi miżjuda minni.

    ( 17 ) Ara l-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 18 ) Ara l-punti 61 u 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    Top