Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0418

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fit-23 ta’ Novembru 2017.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:892

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fit-23 ta’ Novembru 2017 ( 1 )

    Kawża C-418/16 P

    mobile.de GmbH, li kienet mobile.international GmbH

    vs

    Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

    il-parti l-oħra fil-kawża hija:

    Rezon OOD

    “Appell — Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell li jannullaw deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u li jibagħtu l-każijiet lura għal prosekuzzjoni ulterjuri skont l-Artikolu 64(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Jekk f’dawk iċ-ċirkustanzi d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni għandhiex diskrezzjoni li tikkunsidra provi li ma jiġux ippreżentati fil-ħin preskritt skont l-Artikolu 76(2)”

    1.

    F’dan l-appell dwar trade mark, mobile.de tikkontesta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Mejju 2016, mobile.international vs EUIPO – Rezon (mobile.de) ( 2 ). F’dawk il-proċeduri, mobile.de kkontestat żewġ deċiżjonijiet tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“EUIPO” jew l-“Uffiċċju”) ( 3 ). Il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet ta’ mobile.de fl-intier tagħhom. Mobile.de issa tressaq sitt aggravji insostenn tal-appell tagħha kontra dik id-deċiżjoni.

    2.

    Il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li fil-kors tal-proċedimenti skont ir-Regolament (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Komunità ( 4 ), id-Diviżjonijiet tal-EUIPO u l-Bordijiet tal-Appell igawdu diskrezzjoni dwar jekk titteħidx inkunsiderazzjoni prova mressqa wara l-iskadenza tat-termini mogħtija ( 5 ). Is-sitt aggravju jikkonċerna b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-Artikoli 64 u 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni f’sitwazzjoni meta l-Bord tal-Appell jibgħat il-każ lura lid-Diviżjoni tal-EUIPO rilevanti. Din il-kwistjoni tagħti lok għal punt ta’ liġi ġdid u l-Qorti tal-Ġustizzja talbet Konklużjonijiet fir-rigward ta’ din il-kwistjoni biss.

    Id-dritt tal-Unjoni

    Ir-Regolament Nru 207/2009

    3.

    Il-premessa 10 tar-Regolament Nru 207/2009 tipprovdi: “m’hemm ebda ġustifikazzjoni għall-protezzjoni ta’ trade marks [tal-Unjoni Ewropea] jew, għall-protezzjoni favur trade mark li tkun ġiet irreġistrata qabel trade mark [tal-Unjoni], ħlief fejn it-trade marks ikunu fil-fatt qed jintużaw”.

    4.

    L-Artikolu 53 huwa intitolat “Raġunijiet relattivi ta’ invalidità”. Skont l-Artikolu 53(1)(a) trade mark tal-Unjoni għandha tiġi ddikjarata invalida jekk ikun hemm trade mark preċedenti li hija, inter alia, trade mark irreġistrata fi Stat Membru ( 6 ), u jekk ikunu ntlaħqu l-kundizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 8(1) jew (5). Fil-kawża odjerna, huwa l-Artikolu 8(1)(b) li huwa direttament rilevanti. Din id-dispożizzjoni tapplika f’ċirkustanzi fejn: “jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti”.

    5.

    L-Artikolu 57 jipprovdi:

    “1.   Fl-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għal revoka ta’ drittijiet jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-Uffiċċju għandu jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss skont il-ħtieġa, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien li għandu jiġi iffissat mill-Uffiċċju, dwar komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġa minnu stess.

    2.   Jekk issir talba mill-proprjetarju ta’ trade mark [tal-Unjoni], il-proprjetarju ta’ trade mark [tal-Unjoni] preċedenti, li jkun parti fi proċedimenti ta’ invalidità, għandu jġib prova li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, it-trade mark [tal-Unjoni] preċedenti intużat b’mod ġenwin fl-[Unjoni] f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija reġistrata u li hija iċċitata minnu bħala ġustifikazzjoni għall-applikazzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għan-nuqqas ta’ użu, sakemm sa dik id-data it-trade mark [tal-Unjoni] preċedenti tkun ilha irreġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. Jekk, fid-data meta l-applikazzjoni għal trade mark [tal-Unjoni] ġiet ippubblikata, it-trade mark [tal-Unjoni] preċedenti tkun ilha li ġiet irreġistrata għal mhux inqas minn ħames snin, il-proprjetarju ta’ trade mark [tal-Unjoni] preċedenti għandu jġib prova li, barra minn hekk, il-kondizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 42(2) kienu sodisfatti f’dik id-data. F’nuqqas ta’ provi f’dan ir-rigward l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark [tal-Unjoni] preċedenti tkun intużat biss fir-rigward ta’ parti mill-prodotti jew servizzi li għalihom hija irreġistrata, dina għandha titqies, għall-finijiet tal-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, bħala reġistrata biss fir-rigward ta’ dik il-parti tal-prodotti jew servizzi.

    3.   Il-paragrafu 2 għandu japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a), billi jiġi sostitwit l-użu fi Stat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta b’użu fil-[Unjoni].

    […]” ( 7 )

    6.

    It-Titolu VII tar-Regolament huwa intitolat “Appelli”. Skont l-Artikolu 58(1), hemm dritt ta’ appell mid-diviżjonijiet varji tal-EUIPO inklużi d-Diviżjonijiet tal-Kanċellazzjoni. Skont l-Artikolu 63(2), fl-eżami tal-appell, il-Bord tal-Appell għandu “jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss skont il-ħtieġa, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien perjodu iffissat mill-Bord tal-Appell, dwar il-komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġin minnu stess”.

    7.

    L-Artikolu 64 huwa intitolat “Deċiżjonijiet dwar appelli” u jipprovdi:

    “1.   Wara li ssir l-eżaminazzjoni tal-permissibilità tal-appell, il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi l-appell. Il-Bord tal-Appell jista’ jew jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata jew jirrinvija l-każ lill-dak id-dipartiment għal prosekuzzjoni ulterjuri.

    2.   Jekk il-Bord tal-Appell jirrinvija l-każ għal prosekuzzjoni ulterjuri lid-dipartiment li d-deċiżjoni tiegħu ġiet appellata, dak id-dipartiment huwa marbut bir-ratio decidendi tal-Bord tal-Appell, sa fejn il-fatti jkunu l-istess.

    […]”

    8.

    L-Artikolu 76 jinsab fit-Titolu IX tar-Regolament, li huwa intitolat “Proċedura”. L-Artikolu 76 jistabbilixxi regoli għall-eżami tal-fatti mill-Uffiċċju fuq inizjattiva tiegħu stess. L-Artikolu 76(2) jipprovdi: “L-Uffiċċju jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati”.

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95

    9.

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 ( 8 ) jistabbilixxi r-regoli meħtieġa għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 207/2009. L-għan tar-regoli ta’ implementazzjoni huwa li jiżgura “operat bla ntoppi u effiċjenti għall-proċedimenti tat-trade mark quddiem l-Uffiċċju” ( 9 ).

    10.

    F’każijiet meta applikant għal trade mark tal-Unjoni jitlob lill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jġib prova ta’ użu skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-Regola 22(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni tipprovdi li l-Uffiċċju għandu jistieden lill-parti li tkun qed topponi sabiex iġġib il-prova meħtieġa f’terminu speċifiku. Jekk il-prova ma tinġiebx qabel jiskadi t-terminu, l-Uffiċċju għandu jiċħad l-oppożizzjoni ( 10 ).

    11.

    Ir-Regola 40(6) tipprovdi: “Jekk l-applikant [għal revoka ta’ jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità] ikollu jġib provi ta’ l-użu jew provi li hemm raġunijiet tajba għal non-użu skond [l-Artikolu 57(2) jew (3) tar-Regolament], l-Uffiċċju għandu jitlob lill-applikant iġib provi ta’ l-użu ġenwin tal-marka, fi żmien perjodu speċifikat. Jekk il-prova ma tinġiebx fi żmien il-perjodu stipulat, l-applikazzjoni għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tiġi rrevokata. Regola 22 (2), (3) u (4) għandha tapplika mutatis mutandis.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    12.

    Fis-17 ta’ Novembru 2008, mobile.de ppreżentat żewġ applikazzjonijiet mal-EUIPO. Applikazzjoni minnhom kienet sabiex tiġi rreġistrata t-trade mark figurattiva li tintwera hawn taħt għal prodotti u servizzi fil-Klassijiet 9, 16, 35, 38 u 42 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade Marks, kif irrevedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Klassifikazzjoni ta’ Nice”) ( 11 ). Din ġiet irreġistrata fis-26 ta’ Jannar 2010.

    Image

    13.

    It-tieni applikazzjoni kienet tirrigwarda t-trade mark verbali “mobile.de” għal prodotti u servizzi fi ħdan l-istess klassijiet li japplikaw għat-trade mark figurattiva. Din ġiet irreġistrata fid-29 ta’ Settembru 2010.

    14.

    Fit-18 ta’ Jannar 2011 Rezon OOD ippreżentat żewġ talbiet għal dikjarazzjonijiet ta’ invalidità kontra żewġ trade marks tal-Unjoni rreġistrati minn mobile.de. Rezon invokat l-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament. It-talbiet ta’ Rezon kienu bbażati fuq it-trade mark figurattiva rreġistrata fil-Bulgarija għal servizzi fil-Klassijiet 35, 39 u 42 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”) ( 12 ).

    Image

    15.

    It-talbiet ta’ Rezon ikkonċernaw biss dawk is-servizzi li jaqgħu fil-Klassi 35 u fil-Klassi 42. B’reazzjoni għat-talba mressqa minn mobile.de, Rezon intalbet iġġib prova li turi użu ġenwin tat-trade mark preċedenti skont l-Artikolu 57(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009.

    16.

    Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tat-28 ta’ Marzu 2013, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO ċaħdet fl-intier tagħhom iż-żewġ talbiet ta’ Rezon għal dikjarazzjonijiet ta’ invalidità. Hija kkunsidrat li Rezon kienet naqset milli tipprova użu ġenwin tat-trade mark preċedenti fil-Bulgarija. Fis-17 ta’ Mejju 2013 Rezon ippreżentat rikorsi ta’ appell li jikkontestaw iż-żewġ deċiżjonijiet.

    17.

    Il-Bord tal-Appell annulla d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”). Dawn il-każijiet intbagħtu lura quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni għal eżami tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fuq il-merti tagħhom skont l-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 207/2009. Abbażi ta’ provi ulterjuri mressqa minn Rezon fl-appelli tagħha, il-Bord tal-Appell sab, inter alia, li kien hemm użu ġenwin tat-trade mark preċedenti għal ċerti servizzi ta’ reklamar fil-Klassi 35, iżda mhux għas-servizzi kollha f’dik il-klassi kif sostniet Rezon u lanqas għal xi servizz fil-Klassi 42.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

    18.

    Fis-6 u s-7 ta’ Mejju 2014, mobile.de ppreżentat rikorsi kontra d-deċiżjonijiet kontenzjużi fil-Qorti Ġenerali. Mobile.de ssottomettiet li l-Bord tal-Appell kien interpreta ħażin ir-Regolament Nru 207/2009 u r-Regolament ta’ implementazzjoni. Fl-4 ta’ Marzu 2016, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad iż-żewġ kawżi. Fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Mejju 2016, il-Qorti Ġenerali ċaħdet iż-żewġ rikorsi.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    19.

    Fis-27 ta’ Lulju 2016, mobile.de ppreżentat appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tħassar is-sentenza appellata u tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż kollha. Mobile.de tressaq sitt aggravji insostenn tal-appell tagħha, u tgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat ħażin id-dispożizzjonijiet segwenti tar-Regolament Nru 207/2009: (i) l-Artikolu 57(2) u (3) moqri flimkien mar-Regoli 22(2) u 40(6) tar-Regolament ta’ implementazzjoni; (ii) l-Artikolu 76(2); (iii) l-Artikolu 15(1)(a); (iv) l-Artikolu 57(2) moqri flimkien mar-Regoli 22(3) u (4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni; (v) l-Artikoli 56(1) u 54(2); u (vi) l-Artikolu 64(1).

    20.

    Rezon tikkontendi li l-appell huwa inammissibbli u/jew infondat. L-EUIPO jargumenta li l-appell huwa infondat. Iż-żewġ partijiet jissottomettu li mobile.de għandha tbati l-ispejjeż.

    Evalwazzjoni tas-sitt aggravju tal-appell — interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 207/2009

    Is-sentenza appellata

    21.

    Fil-punti 79 sa 87 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tagħmel dawn il-kunsiderazzjonijiet.

    22.

    L-ewwel, fir-rigward tal-kontenzjoni ta’ mobile.de li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-evidenza ta’ użu ġenwin tressqet biss għal servizzi fi Klassi 35 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice rigward “reklamar inkonnessjoni ma’ vetturi” u li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni setgħet tiġi annullata biss fir-rigward ta’ servizzi bħal dawn ( 13 ), il-Qorti Ġenerali fakkret li l-kliem tal-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li, “Wara li ssir l-eżaminazzjoni tal-permissibilità tal-appell, il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi l-appell. Il-Bord tal-Appell jista’ jew jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata jew jirrinvija l-każ lill-dak id-dipartiment għal prosekuzzjoni ulterjuri” ( 14 ). It-tieni, il-Qorti Ġenerali spjegat li abbażi tal-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 207/2009, jekk il-Bord tal-Appell jibgħat il-każ lura għal prosekuzzjoni ulterjuri quddiem id-dipartiment li d-deċiżjoni tiegħu ġiet appellata, dak id-dipartiment huwa marbut mir-ratio decidendi tal-Bord tal-Appell, sa fejn il-fatti jkunu l-istess ( 15 ). It-tielet, hija nnotatat li l-kwistjoni ta’ użu ġenwin tat-trade mark preċedenti meta rrilevata mill-proprjetarju tikkostitwixxi kwistjoni preliminari li għandha tiġi deċiża qabel tingħata deċiżjoni dwar l-invalidità tal-proċedimenti proprja ( 16 ). Ir-raba’, il-parti operattiva tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell għandha tinqara u tiġi interpretata fid-dawl tar-raġunament magħmul f’dawn id-deċiżjonijiet ( 17 ).

    23.

    Hawnhekk, l-estratt tal-parti operattiva tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell li jannullaw id-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li jiċħdu t-talbiet ta’ Rezon għal dikjarazzjonijiet ta’ invalidità, implika li d-Diviżjoni kienet kostretta mid-data tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Hija kienet marbuta mill-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li użu ġenwin kien intwera fir-rigward tat-trade mark preċedenti biss għal subkategorija ta’ servizzi, dawk taħt il-Klassi 35, “reklamar inkonnessjoni ma’ vetturi” ( 18 ). Il-kunsiderazzjoni ta’ din il-kwistjoni kienet tifforma parti wkoll mill-kwistjoni preliminari li tikkonċerna l-prova ta’ użu ġenwin. Skont l-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009, kienet din is-subkategorija li kellha tiġi evalwata mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fl-eżami tal-merti tat-talbiet għal dikjarazzjonijiet ta’ invalidità ( 19 ).

    24.

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 meta annulla d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ( 20 ).

    Analiżi

    25.

    Mobile.de essenzjalment tirrileva li, billi naqas milli jispeċifika fil-parti operattiva tad-deċiżjonijiet kontenzjużi li d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienu annullati biss f’parti minnhom, fir-rigward ta’ ċerti servizzi fil-Klassi 35 (jiġifieri r-reklamar inkonnessjoni ma’ vetturi), il-Bord tal-Appell ikkommetta żball ta’ liġi. Din il-kwistjoni biss kellha tintbagħat lura quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni għal prosekuzzjoni ulterjuri.

    26.

    Jiena ma naqbilx ma’ mobile.de. Fl-opinjoni tiegħi s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    27.

    Huwa veru li l-Qorti Ġenerali tikkwota l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 mingħajr ma tagħti espressament l-opinjoni tagħha dwar it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, mir-raġunament magħmul fil-punti 81 sa 86 tas-sentenza appellata huwa ċar li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat jekk il-Bord tal-Appell kienx eżamina t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa minn Rezon u jekk il-Bord kienx adotta deċiżjoni fir-rigward ta’ din it-talba. Il-Qorti Ġenerali ħadet il-pożizzjoni li l-Bord tal-Appell kien ikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 64(1), sa fejn il-Bord eżamina t-talba u ddeċieda li Rezon kienet ressqet b’suċċess prova ta’ użu ġenwin tat-trade mark preċedenti għal subkategorija ta’ servizzi fi ħdan il-Klassi 35 biss. Għalhekk, il-Bord iddeċieda li jannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u li jibgħat il-każ lura għal prosekuzzjoni ulterjuri.

    28.

    Nikkunsidra li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali jista’ jiġi interpretat b’mod li huwa konsistenti mal-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u li s-sentenza appellata hija fondata sew f’dak l-aspett.

    29.

    Is-sitt aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel, mobile.de tirrileva li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tiddeċiedi li l-Bord tal-Appell kellu jispeċifika fil-parti operattiva tad-deċiżjoni tiegħu li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet annullata f’parti minnha biss. It-tieni, mobile.de ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali (espressa fil-punt 82 tas-sentenza appellata) li l-kwistjoni ta’ użu ġenwin tikkostitwixxi kwistjoni preliminari li għandha tiġi deċiża fil-bidu tal-proċedimenti ta’ invalidità. It-tielet, mobile.de tirrileva li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-punt 85 tas-sentenza appellata fl-analiżi tagħha tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Meta tqum kwistjoni ta’ prova ta’ użu ġenwin fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Bord tal-Appell jibgħat lura l-każ għal prosekuzzjoni ulterjuri skont l-Artikolu 64(2), il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma għandux jitħalla jippreżenta evidenza ġdida f’xi proċedimenti suċċessivi quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Ikun kuntrarju għall-Artikolu 76(2) jekk jiġu aċċettati provi ġodda jew supplimentari dwar il-kwistjoni ta’ użu ġenwin; u dan iwassal għal ksur flagranti tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u tar-Regoli 22(2) u 40(6) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

    30.

    Fil-fehma tiegħi l-argument ta’ mobile.de huwa bbażat kemm fuq fehma żbaljata tas-sentenza appellata u kemm fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 64 u 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

    31.

    Rigward l-ilment ta’ mobile.de li l-Qorti Ġenerali naqset milli tissanzjona n-nuqqas ta’ preċiżjoni fid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, mis-sentenza appellata huwa ċar li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li din id-deċiżjoni kienet skont ir-rekwiżiti stabbiliti f’ġurisprudenza stabbilita sa fejn id-dikjarazzjoni tal-motivi li fuqha tkun ibbażata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandha turi b’mod ċar u mingħajr ekwivoku r-raġunament tal-Bord tal-Appell, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jevalwaw il-ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni meħuda u l-qrati Ewropej ikunu jistgħu jeżerċitaw is-setgħat ta’ stħarriġ rispettivi tagħhom ( 21 ). Kif korrettament tirrimarka l-Qorti Ġenerali fil-punt 83 tas-sentenza tagħha, il-parti operattiva tad-deċiżjonijiet kontenzjużi għandhom jinqraw fil-kuntest tar-raġunament tad-deċiżjoni b’mod sħiħ ( 22 ). Naqbel mal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Bord tal-Appell iddetermina b’mod definittiv li l-prova ta’ użu ġenwin kienet ġiet stabbilita għal tip ta’ servizz wieħed biss – “reklamar inkonnessjoni ma’ vetturi”.

    32.

    Għalhekk, hija l-fehma tiegħi li filwaqt li l-parti operattiva tad-deċiżjoni tal-Bord setgħet kienet espressa b’mod iktar ċar, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-Bord tal-Appell kien sab li Rezon uriet użu ġenwin għal dik is-sottokategorija ta’ servizzi biss. Filwaqt li huwa minnu li l-Bord tal-Appell annulla d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u bagħat lura ż-żewġ każijiet, il-Qorti Ġenerali ħadet il-pożizzjoni li l-effett tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell kien li kienet biss il-kwistjoni dwar il-merti tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li jirrigwardaw servizzi fil-Klassi 35 dwar is-subkategorija ta’ “reklamar inkonnessjoni ma’ vetturi’ skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 li kienet teħtieġ eżami ulterjuri. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata bl-istqarrijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 85 u 86 tas-sentenza appellata fis-sens li l-Bord tal-Appell kien iddeċieda definittivament li ma ġiex stabbilit użu ġenwin għall-kategoriji ġenerali ta’ servizzi fil-Klassi 35 (apparti reklamar inkonnessjoni ma’ vetturi) u fil-Klassi 42.

    33.

    Mod ieħor kif wieħed iħares lejn l-ilment ta’ mobile.de huwa li jistaqsi jekk id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li jibgħat lura ż-żewġ każijiet fl-intier tagħhom tfissirx li mobile.de ma tistax tuża t-trade mark tal-Unjoni li hija rreġistrat għal dawk il-kategoriji (u subkategoriji) ta’ prodotti li għalihom ma ġiex stabbilit użu ġenwin minn Rezon. Jidhirli ċar li mobile.de tista’ tuża t-trade mark tagħha għal dawk il-prodotti u servizzi. Din il-pożizzjoni hija bbażata fuq l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell meħuda b’mod sħiħ — il-parti operattiva moqrija flimkien mar-raġunament magħmul fihom.

    34.

    Għalhekk, nikkunsidra li l-ilment ta’ mobile.de f’dan ir-rispett huwa żbaljat.

    35.

    Issa, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-punt 82 tas-sentenza tagħha meta ddeskriviet il-kwistjoni ta’ użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti għall-finijiet tal-Artikolu 57(2) bħala kwistjoni preliminari?

    36.

    Fil-fehma tiegħi, mill-kliem tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (“[f]’nuqqas ta’ provi f’dan ir-rigward l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tiġi miċħuda”) ( 23 ) il-Qorti Ġenerali hija korretta. Taħt dak ir-regolament hemm stadji differenti ta’ proċedimenti ta’ invalidità. L-ewwel, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jikkontesta l-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni — f’dan il-każ, din il-kontestazzjoni saret skont l-Artikoli 53(1)(a) u 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. It-tieni, skont l-Artikolu 57(2) il-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni jista’ jiddeċiedi li jikkumbatti kull sfida bħal din billi jitlob li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jġib prova ta’ użu ġenwin. B’hekk, għan tal-Artikolu 57(2) huwa li jipprevjeni lill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti (hawn, Rezon) milli jattakka trade mark tal-Unjoni jekk it-trade mark preċedenti invokata mill-proprjetarju hija suġġetta li tiġi annullata minħabba li ma tintużax ( 24 ). Mill-iskema leġiżlattiva jsegwi li jekk il-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni jikseb suċċess taħt l-Artikolu 57(2) (minħabba li prova ta’ użu ġenwin ma hijiex stabbilita), ma jkunx meħtieġ li tiġi eżaminata l-bażi sostantiva ta’ kull talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (Artikolu 8(1)(b) fil-kawża inkwistjoni) u din it-talba ma għandhiex tintlaqa’. Madankollu, jekk il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jirnexxielu jistabbilixxi użu ġenwin, imbagħad ikun meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti sostantivi. Dan huwa l-effett tad-deċiżjonijiet kontenzjużi kif ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ parti mis-servizzi koperti mit-trade mark tal-Unjoni ta’ mobile.de, jiġifieri dawk is-servizzi li jikkonċernaw “reklamar inkonnessjoni ma’ vetturi” ( 25 ).

    37.

    Nifhem li l-Qorti Ġenerali sempliċement tgħid li l-kwistjoni ta’ użu ġenwin għandha tiġi eżaminata fil-bidu tal-evalwazzjoni fi proċedimenti ta’ invalidità meta tiddeskrivi din il-kwistjoni bħala “kwistjoni preliminari”.

    38.

    Hemm ċerta sovrapożizzjoni bejn it-tieni u t-tielet parti tas-sitt aggravju fir-rigward tal-qari konġunt tal-Artikoli 57(2) u 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u tar-Regoli 22(2) u 40(6) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Il-kwistjonijiet imressqa essenzjalment jikkonċernaw is-sottomissjoni ta’ provi wara l-iskadenza tat-termini mogħtija mill-EUIPO.

    39.

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, bħala prinċipju, il-Bordijiet tal-Appell ma humiex marbutin mat-termini mogħtija fl-ewwel istanza fi ħdan l-Uffiċċju u li jistgħu jaċċettaw provi mressqa wara l-iskadenza bis-saħħa tad-diskrezzjoni tagħhom prevista fl-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, sakemm din id-diskrezzjoni tkun eżerċitata oġġettivament u b’mod raġunat. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta ebda prova ta’ użu tat-trade mark ikkonċernata ma titressaq fit-terminu mogħti, l-Uffiċċju għandu awtomatikament jiċħad l-oppożizzjoni. Madankollu, meta evidenza tiġi prodotta fi ħdan it-terminu mogħti mill-Uffiċċju, il-produzzjoni ta’ provi supplimentari tibqa’ possibbli ( 26 ).

    40.

    Għalhekk, it-tieni parti tal-ilment ta’ mobile.de li prova ta’ użu ġenwin li ma tingħatax fil-ħin ma tistax tkun ammessa għandha tiġi miċħuda bħala infondata, billi minn ġurisprudenza stabbilita jsegwi li l-EUIPO għandu diskrezzjoni dwar jekk jikkunsidrax provi supplimentari ( 27 ).

    41.

    Fl-opinjoni tiegħi, it-tielet parti tas-sitt aggravju hija bbażata fuq fehma żbaljata tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Hawnhekk, il-Qorti Ġenerali ma waslitx sal-punt li tgħid li meta l-Bord tal-Appell jibgħat lura każ skont l-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 207/2009, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li lilha jkun intbagħat lura l-każ tista’ tiddeċiedi li tikkunsidra provi supplimentari dwar l-użu ġenwin ta’ servizzi fil-Klassi 35 li ma kinux fi ħdan id-deskrizzjoni ta’ “reklamar inkonnessjoni ma’ vetturi” kif ukoll ta’ servizzi fil-Klassi 42.

    42.

    Madankollu, l-appell ta’ mobile.de jqajjem punt ta’ liġi ġdid, fis-sens li l-formulazzjoni tal-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 207/2009 li tgħid li “[…] id-dipartiment huwa marbut bir-ratio decidendi tal-Bord tal-Appell, sa fejn il-fatti jkunu l-istess” ma hijiex ċara. Meta Bord tal-Appell jibgħat lura każ għal prosekuzzjoni ulterjuri, id-dipartiment ikkonċernat tal-Uffiċċju għandu diskrezzjoni li jaċċetta u li jikkunsidra provi supplimentari dwar kwistjoni li fuqha l-Bord tal-Appell kien diġà ddeċieda?

    43.

    Dik hija kwistjoni ta’ importanza ġenerali billi tapplika orizzontalment fl-iskema tar-Regolament Nru 207/2009 għall-firxa sħiħa ta’ proċedimenti rregolati minn dan ir-regolament ( 28 ).

    44.

    Fir-rigward tal-eżami ta’ appell, ninterpreta l-Artikolu 64(1) bħala li jirreferi għas-sitwazzjoni meta l-Bord tal-Appell jista’ jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu skont l-Artikolu 76(2) billi jieħu inkunsiderazzjoni l-provi supplimentari inkonformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk il-Bord jagħmel konklużjonijiet definittivi ta’ fatt ibbażati fuq dik il-prova u jibgħat lura l-każ inkwistjoni lid-dipartiment rilevanti tal-EUIPO skont l-Artikolu 64(2), dak id-dipartiment ikun marbut mid-deċiżjoni tal-Bord fuq appell. Imbgħad ma huwiex possibbli għal dak id-dipartiment li jevalwa provi supplimentari mressqa minn parti dwar kwistjoni li hija suġġetta għal deċiżjoni definittiva fuq appell. Fil-każ ta’ mobile.de, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni ulterjuri għall-finijiet tal-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 207/2009 sa fejn tikkonċerna servizzi fil-Klassi 35 li ma kinux “reklamar inkonnessjoni ma’ vetturi” jew servizzi fil-Klassi 42. B’hekk, provi supplimentari fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet ma setgħux jitressqu quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni wara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li l-każ jintbagħat lura.

    45.

    Madankollu, fir-rigward tal-kwistjoni jekk kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward ta’ servizzi relatati ma’ “reklamar inkonnessjoni ma’ vetturi” għall-finijiet tal-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ntalbet teżamina din il-kwistjoni abbażi tar-regoli fir-Regolament Nru 207/2009 u fir-Regolament ta’ implementazzjoni. Din ma kinitx kwistjoni li kienet eżaminata mill-Bord tal-Appell u ma kien hemm ebda deċiżjoni definittiva f’dan ir-rigward. Dan l-eżami jinkludi s-setgħa li tiġi eżerċitata d-diskrezzjoni mogħtija mill-Artikolu 76(2). Fil-fehma tiegħi jirriżulta li l-formulazzjoni tal-Artikolu 64(2) tkopri preċiżament din is-sitwazzjoni.

    46.

    Madankollu, nenfasizza li jkun inkompatibbli mal-iskema tal-leġiżlazzjoni jekk l-Artikoli 64(2) u 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jiġu interpretati b’mod li d-dipartimenti tal-Uffiċċju jkunu jistgħu jikkunsidraw provi supplimentari f’każijiet fejn il-Bord tal-Appell ikun għamel konklużjonijiet ta’ fatt u ta’ deċiżjoni definittiva. Ikun żbaljat li l-kliem “sa fejn il-fatti jkunu l-istess” jiġu interpretati bħala li jfissru li jistgħu jitressqu provi supplimentari u għalhekk il-fatti ma humiex “l-istess” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 64(2). Fil-fehma tiegħi dan jidher li jmur lil hinn minn dak intiż mill-Artikolu 76(2). Dan jimmina t-Titolu VII tar-Regolament Nru 207/2009 li jirregola l-proċedimenti tal-appell. Dan jirrendi d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell bħala legalment inċerti fil-każijiet kollha fejn ikun hemm deċiżjoni li każ jintbagħat lura. Interpretazzjoni bħal din ittappan l-arkitettura ġudizzjarja stabbilita bir-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tkun inkompatibbli mal-iskop prattiku tar-Regolament Nru 207/2009 li huwa li jipproteġi t-trade mark tal-Unjoni ( 29 ). Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni tkun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

    47.

    Għaldaqstant nipproponi li s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Spejjeż

    48.

    Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza li tikkonkludi dawn il-proċedimenti.

    Konklużjoni

    49.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

    tiċħad is-sitt aggravju bħala infondat; u

    tiddeċiedi dwar l-ispejjeż skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja mal-konklużjoni ta’ dawn il-proċedimenti.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Kawżi magħquda T‑322/14 u T‑325/14, li ma humiex ippubblikati, EU:T:2016:297 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”). Mill-għoti ta’ dik is-sentenza, mobile.international GmbH biddlet isimha għal mobile.de GmbH.

    ( 3 ) Id-deċiżjonijiet kienu datati 9 ta’ Jannar 2014 u 13 ta’ Frar 2014.

    ( 4 ) Regolament tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 78, p. 1). Dan ir-regolament ġie mħassar u sostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2017, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1) b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2017. Ir-regolament il-ġdid jikkodifika r-Regolament Nru 207/2009 u d-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma nbidlux bir-Regolament Nru 2017/1001.

    ( 5 ) Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 42. Ara s-sentenza iktar reċenti tat-18 ta’ Lulju 2013, New Yorker SHK Jeans vs UASI, C‑621/11 P, EU:C:2013:484, punti 2830. L-Avukat Ġenerali Szpunar jagħti spjegazzjoni utli dwar l-evoluzzjoni ta’ din il-ġurisprudenza fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża UASI vs Grau Ferrer, C‑597/14 P, EU:C:2016:2, punti 39 sa 53.

    ( 6 ) L-espressjoni “trade marks preċedenti” hija ddefinita fl-Artikolu 8(2). Il-lista f’din id-dispożizzjoni ta’ trade marks bħal dawn tinkludi trade mark nazzjonali bħal dik fil-kawża odjerna (ara l-punt 14 iktar ’il quddiem) (l-Artikolu 8(2)(a)(ii)).

    ( 7 ) L-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009 japplika għal proċedimenti ta’ oppożizzjoni meta l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jipprova jipprevjeni applikant ta’ trade mark tal-Unjoni milli jirreġistra t-trade mark inkwistjoni. L-Artikolu 42(2) jistabbilixxi r-regoli għall-eżami ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark. Huwa funzjonalment ekwivalenti għall-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (iċċitat fil-punt 5 iktar ’il fuq).

    ( 8 ) Regolament tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni”). Dan ir-regolament ġie emendat diversi drabi. Il-verżjoni kkonsolidata tal-2009 tinkludi l-emendi magħmula mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005 tad-29 ta’ Ġunju 2005 (ĠU 2005, L 172, p. 4). Din hija l-verżjoni li kienet tapplika fil-perijodu rilevanti. Minn dak iż-żmien, ir-Regolament ta’ implementazzjoni ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2017/1430 tat-18 ta’ Mejju 2017 li jissupplimenta r-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009 u li jirrevoka r-Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 2868/95 u Nru 216/1996 (ĠU 2017, L 205, p. 1).

    ( 9 ) Il-ħames u s-sitt premessa fil-preambolu tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

    ( 10 ) Ir-regoli fl-Artikolu 42(2) dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni japplikaw mutatis mutandis għal proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

    ( 11 ) Il-Klassijiet 9, 16 u 38 ma humiex rilevanti għall-appell odjern. Il-Klassi 35 tirreferi għal servizzi ta’ reklamar, ġestjoni ta’ negozju, amministrazzjoni ta’ negozju, servizzi ta’ funzjonijiet tal-uffiċċju, u l-Klassi 42 tkopri servizzi xjentifiċi u teknoloġiċi u disinn marbut magħhom, disinn u żvilupp ta’ ħardwer u softwer tal-kompjuter, kiri ta’ softwer tal-kompjuter u provvista ta’ muturi ta’ tiftix għall-internet.

    ( 12 ) Il-Klassi 39 tkopri trasport, ippakkjar u ħażna ta’ oġġetti u arranġamenti għall-ivjaġġar.

    ( 13 ) Punt 79.

    ( 14 ) Punti 79 u 80.

    ( 15 ) Punt 81.

    ( 16 ) Punt 82.

    ( 17 ) Punt 83.

    ( 18 ) Punt 85.

    ( 19 ) Punt 86.

    ( 20 ) Punt 87.

    ( 21 ) Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il‑Kummissjoni, C‑90/09 P, EU:C:2011:21, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 22 ) Digriet tal-10 ta’ Lulju 2001, Irish Sugar vs Il‑Kummissjoni, C‑497/99 P, EU:C:2001:393, punt 15.

    ( 23 ) Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, New Yorker SHK Jeans vs UASI, C‑621/11 P, EU:C:2013:484, punt 24.

    ( 24 ) Ara l-premessa 10.

    ( 25 ) Ara l-punt 17 iktar ’il fuq.

    ( 26 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, EUIPO vs Grau Ferrer, C‑597/14 P, EU:C:2016:579, punt 26. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li d-diskrezzjoni abbażi tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 ma testendix għal provi ġodda, jiġifieri, f’każijiet fejn assolutament l-ebda evidenza marbuta ma’ prova ta’ użu ma tkun ippreżentata fit-termini mogħtija mill-EUIPO (ara l-punt 27).

    ( 27 ) Ara, l-iktar reċenti, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Comercializadora Eloro vs EUIPO, C‑71/16 P, li ma hijiex ippubblikata, EU:C:2017:345, punti 55 sa 59 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 28 ) Il-firxa ta’ proċedimenti tinkludi proċedimenti ta’ oppożizzjoni, proċedimenti ta’ revoka u proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità; ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, EUIPO vs Grau Ferrer, C‑597/14 P, EU:C:2016:579, punt 27.

    ( 29 ) Sentenza tal-5 ta’ April 2017, EUIPO vs Szajner, C‑598/14 P, EU:C:2017:265, punt 39.

    Top