Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0403

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fis-7 ta’ Settembru 2017.
    Soufiane El Hassani vs Minister Spraw Zagranicznych.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (KE) Nru 810/2009 – Artikolu 32(3) – Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi – Deċiżjoni li tirrifjuta l-viża – Dritt tal-applikant li jappella minn din id-deċiżjoni – Obbligu ta’ Stat Membru li jiggarantixxi d-dritt għal rimedju ġurizzjarju.
    Kawża C-403/16.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:659

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOBEK

    ippreżentati fis-7 ta’ Settembru 2017 ( 1 )

    Kawża C-403/16

    Soufiane El Hassani

    vs

    Ministru Spraw Zagranicznych

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti amministrattiva suprema, il-Polonja)]

    “Talba għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kodiċi dwar il-Viżi — Dritt ta’ appell — Ċaħda ta’ konslu li jogħroġ viża ta’ Schengen — Appell quddiem l-istess awtorità amministrattiva –– Artikolu 47 tal-Karta — Natura tad-dritt ta’ appell — Amministrattiv jew ġudizzjarju”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Soufiane El Hassani, (“l-appellant”), applika għal viża ta’ Schengen biex iżur lil martu u lill-wild tiegħu li jgħixu fil-Polonja. Il-konslu Pollakk f’Rabat (il-Marokk) ċaħad il-viża, kemm wara t-talba inizjali kif ukoll sussegwentement, meta ġie deċiż appell ippreżentat mill-appellant quddiem l-istess awtorità. L-appellant talab stħarriġ ġudizzjarji ta’ dik iċ-ċaħda quddiem il-qrati Pollakki. Madankollu, il-liġi Pollakka teskludi, fil-prinċipju, stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-viża maħruġa mill-konsli.

    2.

    F’dan l-isfond fattwali u legali, in-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti amministrattiva suprema, il-Polonja) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 32(3) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-Viżi”) ( 2 ) fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Xi jfisser id-dritt ta’ appell li hemm fl-Artikolu 32(3)? Dan jistabbilixxi obbligu tal-Istati Membri li jipprovdu stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet dwar il-viżi? Jew appell amministrattiv ikun biżżejjed? Barra minn dan, x’impatt għandu l-Artikolu 47 tal-Karta fuq dik l-evalwazzjoni?

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.  Id-dritt tal-Unjoni

    1. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“Il-Karta”);

    3.

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi kif ġej:

    “Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.”

    2. Il-Kodiċi dwar il-Viżi

    4.

    Skont il-premessa 18 tal-Kodiċi dwar il-Viżi:

    “Il-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen hija kruċjali għall-applikazzjoni armonizzata tal-politika komuni dwar il-viżi u biex issir valutazzjoni tajba tar-riskji migratorji u/jew ta’ sigurtà. Minħabba d-differenzi fiċ-ċirkostanzi lokali, l-applikazzjoni operattiva ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi partikolari għandha tkun evalwata fost il-missjonijiet diplomatiċi u l-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri f’postijiet individwali sabiex tiġi żgurata applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet leġislattivi biex jiġu evitati il-visa shopping u trattament differenti tal-applikanti għal viża.”

    5.

    Il-premessa 29 tal-Kodiċi dwar il-Viżi hija fformulata kif ġej:

    “Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”.

    6.

    L-Artikolu 1 tal-Kodiċi dwar il-Viżi jistabbilixxi l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu:

    “1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorni previsti fihom, li ma jkunux ta’ iktar minn tliet xhur fi kwalunkwe perijodu ta’ sitt xhur.

    [...]”.

    7.

    L-Artikolu 2 tal-Kodiċi dwar il-Viżi fih numru ta’ definizzjonijiet. B’mod partikolari, l-Artikolu 2(2)(a) jiddefinixxi viża bħala “awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru bl-għan ta’: (a) tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorn previst fihom ta’ tul ta’ mhux aktar minn tliet xhur fi kwalunkwe perijodu ta’ sitt xhur mill-ewwel data ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Membri”.

    8.

    L-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jipprevedi li:

    “L-applikanti li tkun inċaħditilhom viża għandu jkollhom id-dritt għall-appell. L-appelli għandhom jitmexxew kontra l-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni u skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-applikanti b’informazzjoni dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita f’każ ta’ appell, kif speċifikat fl-Anness VI”.

    9.

    Skont l-Artikolu 47(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi:

    “L-awtoritajiet ċentrali u l-konsulati tal-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-pubbliku ġenerali bl-informazzjoni rilevanti kollha f’relazzjoni mal-applikazzjoni għal viża, b’mod partikolari

    [...]:

    (h)

    li d-deċiżjonijiet negattivi dwar applikazzjonijiet għal viża għandhom ikunu nnotifikati lill-applikant, li tali deċiżjonijiet għandhom jagħtu r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati u li l-applikanti li jkollhom l-applikazzjonijiet imċaħda għandu jkollhom dritt ta’ appell, b’informazzjoni rigward il-proċedura li għandha tiġi segwita f’każ ta’ appell, inkluża l-awtorità legali kompetenti, kif ukoll l-iskadenza ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ appell

    [...]”.

    10.

    L-Anness VI tal-Kodiċi dwar il-Viżi fih il-formola standard għan-notifika u l-motivazzjoni taċ-ċaħda, l-annullament jew ir-revoka ta’ viża li kull applikant għandu jirċievi. Jgħid ukoll, fil-qiegħ ta’ dik il-formola, li kull Stat Membru għandu jindika l-proċedura nazzjonali relatata mad-dritt ta’ appell, inkluża l-awtorità kompetenti li quddiemha jista’ jiġi ppreżentat appell, kif ukoll it-terminu għall-preżentata ta’ appell bħal dak.

    B.  Id-dritt Pollakk

    11.

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60(1) tal-Ustawa z dnia 12 grudnia 2013 r.o cudzoziemcach (Liġi tat-12 ta’ Diċembru 2013 dwar ċittadini barranin) (“il-liġi dwar ċittadini barranin”) jgħid:

    “Viża Schengen jew viża nazzjonali għandha tinħareġ għall-finijiet ta’:

    [...]

    (2)

    żjarat lill-familja jew lill-ħbieb”.

    12.

    L-Artikolu 76(1) ta’ dik il-liġi jipprovdi wkoll li:

    “Ċaħda ta’ viża ta’ Schengen […] minn:

    (1)

    konslu — tista’ tiġi kkontestata permezz ta’ talba għal stħarriġ tal-każ minn dik l-awtorità;

    (2)

    kmandant ta’ postazzjoni ta’ Gwardji tal-Fruntieri — tista’ tiġi kkontestata b’appell lill-Kap Kmandant tal-Gwardji tal-Fruntieri.”

    13.

    L-Artikolu 5 tal-Ustawa z dnia 30 sierpnia 2002 r. Prawo o postępowaniu przed sądami administracyjnymi (Liġi tat-30 ta’ Awwissu 2002 dwar proċeduri fil-qrati amministrattivi) (“il-liġi dwar proċeduri fil-qrati amministrattivi”) jgħid dan li ġej:

    “Il-qrati amministrattivi ma għandhomx ġurisdizzjoni dwar każijiet li jirrigwardaw:

    […]

    (4)

    viżi maħruġa minn konsli, għajr għal viżi maħruġa lil ċittadin barrani li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, jew il-Konfederazzjoni Żvizzera, skont it-tifsira tal-Artikolu 2(4) tal-Liġi tal-14 ta’ Lulju 2006 dwar id-dħul, ir-residenza u t-tluq mir-Repubblika tal-Polonja ta’ ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-membri tal-familji tagħhom.”

    III. Il-fatti, il-proċedura u d-domanda magħmula

    14.

    Fl-24 ta’ Diċembru 2014, l-appellant applika għand il-konslu tar-Repubblika tal-Polonja f’Rabat (il-Marokk) għal viża ta’ Schengen. Huwa xtaq iżur lil martu u lil wild tiegħu, it-tnejn li huma ċittadini Pollakki li jgħixu fil-Polonja. Fil-5 ta’ Jannar 2015, il-Konslu rrifjuta li joħroġ il-viża. L-appellant ressaq talba lill-Konslu biex jerġa’ jeżamina l-ewwel deċiżjoni. Fis-27 ta’ Jannar 2015, il-Konslu ħareġ it-tieni deċiżjoni negattiva. Ir-raġuni għaċ-ċaħda fiż-żewġ deċiżjonijiet kienet in-nuqqas ta’ ċertezza li l-appellat jitlaq mill-Polonja qabel id-data ta’ skadenza tal-viża.

    15.

    L-appellant ippreżenta rikors kontra t-tieni deċiżjoni negattiva tal-Konslu quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Warszawa, Il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“qorti tal-ewwel istanza”). Huwa sostna, inter alia, li ċ-ċaħda li tinħareġ viża kienet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 60(1)(2) tal-Liġi dwar iċ-ċittadini barranin moqri fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet u tal-Libertajiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni”).

    16.

    L-appellant issottometta wkoll li s-subparagrafu (1) tal-Artikolu 76(1) tal-Liġi dwar iċ-ċittadini barranin ma stabbilixxiex standard ta’ protezzjoni li huwa konformi mal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni. Barra minn hekk, hu tal-fehma li l-Artikolu 5(4) tal-Liġi dwar il-proċeduri quddiem il-qrati amministrattivi kiser l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni: l-appellant, li martu u wildu huma ċittadini Pollakki li jgħixu fil-Polonja, ma jistgħux jieħdu azzjoni f’qorti amministrattiva, filwaqt li l-konjuġi ta’ ċittadini oħra tal-Unjoni jistgħu.

    17.

    B’ordni tal-24 ta’ Novembru 2015, il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet ir-rikors. Hija ddeċidiet li ma kellhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(4) tal-Liġi dwar il-proċeduri quddiem il-qrati amministrattivi.

    18.

    L-appellant ikkontesta dik l-ordni quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti amministrattiva suprema), il-qorti tar-rinviju. Fis-sottomissjonijiet tiegħu lil dik il-qorti, l-appellant tenna l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 8(1) u tal-Artikoli 13 u 14 tal-Konvenzjoni. Huwa indika wkoll li l-Artikolu 5(4) tal-Liġi dwar il-proċeduri quddiem il-qrati amministrattivi kiser l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi u l-Artikolu 47 tal-Karta, li jiggarantixxu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti.

    19.

    Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ April 2016, in-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti amministrattiva suprema, il-Polonja) issospendiet il-proċeduri u għamlet id-domanda li ġejja lill-Qorti:

    “L-Artikolu 32(2)[Artikolu 32(3)] tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi), fid-dawl tal-premessa 29 tal-Kodiċi dwar il-Viżi u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu rimedju effettiv (appell) quddiem organu ġudizzjarju [qorti]?”

    20.

    Tressqu osservazzjonijiet bil-miktub mill-appellant, mill-Ministru Spraw Zagranicznych (Ministru Pollakk għall-Affarijiet Barranin) (“l-appellat”), mir-Repubblika Ċeka, mir-Repubblika tal-Estonja, mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawk il-partijiet kollha, bl-eċċezzjoni tal-Estonja, ressqu l-argumenti orali fis-seduta li saret fis-17 ta’ Mejju 2017.

    IV. Evalwazzjoni

    21.

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta. Essenzjalment, id-domanda hija dwar jekk dawk id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati bħala li jobbligaw lill-Istati Membri biex jistabbilixxu appell ġudizzjarju (jiġifieri rimedju quddiem qorti) kontra ċaħdiet tal-viża jew jekk appell amministrattiv (rimedju offrut mill-amministrazzjoni pubblika) ikunx biżżejjed ( 3 ).

    22.

    Min-naħa waħda, l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jipprovdi għal “dritt ta’ appell” ġenerali u indeterminat kontra ċaħdiet tal-viża, mingħajr speċifikazzjoni oħra dwar it-tip ta’ appell bħal dak. Min-naħa l-oħra, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti għal kwalunkwe persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha protetti taħt id-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru.

    23.

    Mod wieħed ta’ kif jiġu interpretati dawk id-dispożizzjonijiet jista’ fil-fatt ikun li l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jiġi interpretat fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, kif essenzjalment ipproponiet il-Kummissjoni. Peress li mal-ewwel daqqa ta’ għajn, l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi huwa miftuħ u indeterminat, filwaqt li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jeħtieġ b’mod ċar appell quddiem qorti, interpretazzjoni tal-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta sempliċement jiġi jfisser imbagħad li l-Artikolu 32(3) għandu jiġi awtomatikament “aġġustat mill-ġdid” għal “standard ogħla”, kif ukoll interpretat bħala li huwa meħtieġ appell ġudizzjarju.

    24.

    Ma naħsibx li dan huwa l-approċċ korrett f’din il-kawża. Fil-fehma tiegħi, huwa iktar xieraq li wieħed janalizza kull wieħed minn dawk iż-żewġ saffi normattivi separatament qabel ma wieħed iħares lejn xi jfissru meta jinqraw flimkien. Dan mhux sempliċement kapriċċ akkademiku, biex tiġi ffavorita tassonomija analitika ddettaljata minflok minimalismu ġudizzjarju pragmatiku. Kif ser jiġi spjegat iktar ’il quddiem fit-taqsima Ċ ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan għandu implikazzjonijiet prattiċi kunsiderevoli.

    25.

    Din l-opinjoni hija għalhekk strutturata kif ġej. L-ewwel nett, se nevalwa liema rekwiżiti fir-rigward tal-appelli huma stabbiliti fl-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi (A). Imbagħad se neżamina dak li jirriżulta speċifikament mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (B). Finalment, ser nitkellem dwar il-konsegwenzi tal-operazzjoni konġunta tal-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47(1) tal-Karta (Ċ).

    A.  Rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi

    1. Kodiċi amministrattiv jew ġudizzjarju?

    26.

    X’jeħtieġ l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi? Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 32(3) ma jeħtieġx li l-Istati Membri jipprovdu mekkaniżmu għal stħarriġ ġudizzjarju biex tiġi evalwata l-legalità taċ-ċaħdiet tal-viża. Appell ipprovdut minn Stati Membri skont l-Artikolu 32(3) jista’ jkun amministrattiv jew ġudizzjarju. Jista’ jinvolvi wkoll diversi korpi ibridi, li jaqgħu x’imkien bejn stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju. Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, l-Artikolu 32(3) jidher li huwa dispożizzjoni pjuttost miftuħa: għandu jkun hemm stħarriġ, imma l-forma eżatta tiegħu titħalla sabiex tiġi ddeterminata mill-Istati Membri.

    27.

    Din il-konklużjoni tirriżulta minn interpretazzjoni testwali, kuntestwali u intenzjonali tal-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

    a) It-test

    28.

    L-ewwel nett, fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tiegħu, l-Artikolu 32(3) juża b’mod predominanti terminoloġija miftuħa li ma tippermettix konklużjoni soda dwar in-natura tal-appell meħtieġ skont dik id-dispożizzjoni.

    29.

    Il-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti jirreferu għal kunċett wiesa’ u indeterminat ta’ appell, mingħajr ma jindikaw b’mod ċar tip speċifiku ta’ appell. Pereżempju, bil-Franċiż, il-Kodiċi dwar il-Viżi jipprovdi għal “recours”; bit-Taljan “ricorso”; u bl-Ispanjol, “recursos”. Dawn huma termini newtrali li jistgħu jirreferu kemm għal appell amministrattiv kif ukoll għal appell ġudizzjarju, jew it-tnejn.

    30.

    Hemm aktar sfumaturi f’xi wħud mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Min-naħa waħda, “beroep” bl-Olandiż jew “Rechtsmittel” bil-Ġermaniż tista’ tinftiehem bħala li xxaqleb lejn appell ta’ natura ġudizzjarja. Min-naħa l-oħra, it-termini użati f’xi lingwi Slavi, bħal “odvolání” biċ-Ċek, “odvolanie” bis-Slovakk, jew “odwołanie” bil-Pollakk, jistgħu jinftiehmu b’mod aktar ċar bħala riferiment għal rimedju ta’ natura amministrattiva.

    31.

    Hu x’inhu l-każ, hija ġurisprudenza stabbilita li meta l-verżjonijiet lingwistiċi jvarjaw, l-għan tad-dispożizzjoni inkwistjoni ma jistax jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni li hija esklużivament testwali, imma għandha tiġi interpretata b’riferiment għall-għan u l-iskema ġenerali tar-regoli li tifforma parti minnhom ( 4 ). Għalhekk, l-argument lingwistiku komparattiv fih innifsu b’mod ċar ma huwiex konklużiv.

    32.

    It-tieni nett, dak li jista’ jkun iktar importanti fuq il-livell testwali huwa l-fatt li l-kliem stess tal-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jagħmel referiment espressa għal-liġi nazzjonali. Fil-fatt, dik id-dispożizzjoni tgħid b’mod ċar li l-appelli għandhom isiru skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni għall-viża.

    33.

    Għalhekk, l-unika lezzjoni ċara li toħroġ mit-test tal-Artikolu 32(3) tinsab fil-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu fuq in-natura u l-arranġamenti konkreti tal-mezzi ta’ rimedju disponibbli għall-applikanti tal-viża. Primarjament, huma dawn l-istess Stati Membri li għandhom isawru d-dritt ta’ appell.

    b) Il-kuntest

    34.

    Dik il-konklużjoni provviżorja ma tinbidilx meta wieħed iħares lejn il-kuntest tal-Artikolu 32(3), kemm fi ħdan il-Kodiċi dwar il-Viżi (argument sistemiku intern) u lil hinn minnu (argument sistemiku estern).

    35.

    Fir-rigward tal-argument sistemiku intern, għandu jiġi nnutat li l-kunċett ta’ “appell” jintuża wkoll f’partijiet oħra tal-Kodiċi tal-Viżi. Madankollu, hemmhekk huwa użat ukoll b’mod miftuħ u indeterminat.

    36.

    L-Artikolu 34(7), li huwa miktub f’termini li huma simili ħafna għall-Artikolu 32(3), sempliċement jipprovdi għal “dritt tal-appell” minn annullamenti jew revoki tal-viżi. Dan lanqas ma jiddefinixxi l-kunċett ta’ appell. Bl-istess mod, l-Artikolu 47(1)(h) jeħtieġ li l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-pubbliku li applikanti għall-viżi li l-applikazzjonijiet tagħhom ġew miċħuda għandhom “dritt ta’ appell”. B’mod iktar partikolari, jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita f’każ ta’ appell, “inkluża l-awtorità legali kompetenti, kif ukoll l-iskadenza ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ appell”.

    37.

    Dak id-dmir ta’ informazzjoni min-naħa tal-Istati Membri jingħata espressjoni ulterjuri fil-formola standard li tinsab fl-Anness VI tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Dik il-formola għandha tintuża biex tinnotifika u tiġġustifika ċ-ċaħda, l-annullament jew ir-revoka ta’ viża. Skont l-Artikolu 32(3), dik il-formola essenzjalment tikkonferma wkoll li huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jistabbilixxi l-proċeduri xierqa u mbagħad jinforma lill-applikant b’dan.

    38.

    Għal darba oħra, meta naqset milli tkun speċifika dwar in-natura tal-awtorità kompetenti – kemm jekk ġudizzjarja jew inkella amministrattiva – biex tisma’ appelli minn deċiżjonijiet negattivi dwar viżi, jidher li l-Kodiċi dwar il-Viżi, meħud kumplessivament, iħalli l-kwistjoni f’idejn l-Istati Membri, biex jipprovdu għat-tip speċifiku ta’ appell li huma jqisu li huwa l-iktar xieraq fid-dawl tal-istrutturi istituzzjonali tagħhom stess ( 5 ).

    39.

    Din il-fehma hija kkonfermata b’mod ċar mill-argument sistemiku estern kontestwali usa’, meta l-attenzjoni tiffoka lil hinn mill-Kodiċi dwar il-Viżi, għal fuq strumenti oħra tad-dritt sekondarju li jirregolaw ukoll id-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-UE. Min-naħa, f’każijiet ta’ soġġorni kemm qosra kif ukoll twal, dawk l-istrumenti ġeneralment ma jeħtiġux stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet li jipprekludu d-dħul. Min-naħa l-oħra, u b’kuntrast, fejn il-leġiżlatur tal-UE qies li kien meħtieġ appell ġudizzjarju quddiem qorti, huwa pprovdieh espressament.

    40.

    Fl-ewwel kategorija, numru ta’ strumenti tad-dritt sekondarju li jirregolaw l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-UE ma jirrikjedux espressament li jkun disponibbli mekkaniżmu ta’ appell ġudizzjarju. Xi strumenti jonqsu milli jispeċifikaw in-natura tal-appell kontra deċiżjonijiet negattivi mad-dħul, bħar-rifjut ta’ permess uniku għal skopijiet tax-xogħol ( 6 ); iċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għar-riunifikazzjoni ta’ familja ( 7 ); jew – u forsi l-eqreb analoġija għas-sitwazzjoni preżenti – id-deċiżjoni meħuda fil-fruntiera għaċ-ċaħda tad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri ( 8 ). Strumenti oħra jipprovdu espliċitament għall-possibbiltà li jiġi ppreżentat appell jew quddiem qorti jew quddiem awtorità amministrattiva. Dan huwa b’mod ċar il-każ għaċ-ċaħda ta’ permess ta’ residenza lil student barrani ( 9 ) jew għal kwalunkwe deċiżjoni negattiva dwar applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni biex isir xogħol staġonali ( 10 ).

    41.

    Minkejja dawn id-differenzi, huwa notevoli li s-soġġorni twal ma jiġux trattati b’mod iktar “favorevoli” minn soġġorni qosra fir-rigward tad-dritt ta’ appell minn deċiżjonijiet negattivi mad-dħul. Madankollu, jekk dawn id-deċiżjonijiet mhux neċessarjament jeħtieġu l-istħarriġ ġudizzjarju, dik il-konklużjoni għandha a fortiori tkun l-istess fil-kuntest ta’ soġġorni qosra.

    42.

    F’dak li għandu x’jaqsam mat-tieni kategorija, jidher li xi ftit strumenti oħra tad-dritt sekondarju li jkopru d-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri jipprovdu espliċitament għal stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet negattivi. Dan huwa l-każ għad-dħul tal-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni ( 11 ) jew għal dawk li jfittxu l-ażil ( 12 ). Dan juri li meta l-leġiżlatur tal-UE jixtieq li jiġi pprovdut stħarriġ ġudizzjarju, jista’ jiddikjara dan espliċitament.

    43.

    B’mod ġenerali, din il-varjetà ta’ approċċji turi li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jipprevedi ż-żewġ tipi ta’ appell u, meta jkun jeħtieġ b’mod ċar appell ġudizzjarju, tali rekwiżit jista’ jiġi ddikjarat espressament. Barra minn sitwazzjonijiet speċifiċi li huma l-aktar marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-ażil, jidher ukoll li l-Istati Membri ma għandhomx tendenza li jkunu meħtieġa li jiggarantixxu stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet negattivi dwar id-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

    c) L-iskop

    44.

    Minn dak li jista’ jiġi aċċertat, jidher li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-UE kienet li tħalli l-għażla tan-natura tal-appell lill-Istati Membri. Dan jirriżulta mhux biss mill-għan speċifiku tal-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, imma wkoll mill-iskop ġenerali tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

    45.

    Meta jikkunsidraw l-iskop speċifiku tal-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, il-ftit dokumenti disponibbli jissuġġerixxu li bosta Stati Membri kienu riluttanti li jipprovdu espressament għal dritt ta’ appell ġudizzjarju. Waqt is-seduta, il-Gvern Ċek argumenta li n-natura preċiża u l-karatteristiċi tal-appell tħallew miftuħin deliberatament għall-interpretazzjoni matul in-negozjati li wasslu għall-adozzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Għalkemm dawk is-suġġerimenti jsibu xi appoġġ fl-istorja leġiżlattiva ta’ dik id-dispożizzjoni ( 13 ), fin-nuqqas ta’ artikolazzjoni ċara tal-intenzjoni leġiżlattiva dwar din il-kwistjoni, dan l-argument jibqa’ inkonklużiv.

    46.

    Rigward ir-raġunament ġenerali tal-Kodiċi dwar il-Viżi, jidher li bl-adozzjoni ta’ Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi, il-Parlament u l-Kunsill stinkaw biex itemmu r-regoli differenti li kienu jeżistu qabel, speċjalment rigward kundizzjonijiet ta’ dħul sostantivi u salvagwardji proċedurali, bħall-obbligu ta’ motivazzjoni u d-dritt ta’ appell kontra deċiżjonijiet negattivi ( 14 ). Huwa għalhekk ċar li xtaqu jgħaqqdu dawk il-kundizzjonijiet sabiex jevitaw “xiri għal viżi” u jiggarantixxu trattament ugwali tal-applikanti għall-viża, kif jirriżulta mill-premessa 18.

    47.

    Madankollu, anki jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni unifika l-eżistenza ta’ appell, huwa qagħad lura milli jarmonizzaha kompletament fir-rigward tan-natura tiegħu. Jekk jitqies kollox, jidher li l-awturi kienu deliberatament ambigwi, u ħallew in-natura eżatta tar-rimedju miftuħ.

    d) Konklużjoni provviżorja

    48.

    L-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jeħtieġ il-possibbiltà li jiġi pprovdut appell. Madankollu, ma jimponix, bħala tali u per se, in-natura speċifika ta’ dak l-appell. Dik il-kwistjoni titħalla f’idejn l-Istati Membri. Għalhekk, l-appell jista’ jkun amministrattiv, jew ġudizzjarju, jew taħlita tat-tnejn.

    2. L-ekwivalenza u l-effettività tat-tip ta’ appell magħżul

    49.

    Billi l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi tħalla miftuħ, il-Polonja għażlet li tipprovdi għal appell amministrattiv kontra ċaħdiet tal-viża: appell kontra l-ewwel deċiżjoni tal-konslu jista’ jiġi ppreżentat lil dak il-konslu, li jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu jew tagħha.

    50.

    Għandu jiġi mfakkar li f’dan l-istadju, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għadu ma daħalx fil-kwistjoni. Madankollu, l-għażla dwar in-natura (livell) tar-rimedju ma jfissirx li t-twettiq ta’ dik l-għażla, ladarba tiġi eżerċitata, jevita kull skrutinju tad-dritt tal-Unjoni.

    51.

    Hija ġurisprudenza stabbilita sewwa li fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-proċeduri nazzjonali, ir-regoli ddettaljati li jistabbilixxu d-dritt ta’ appell huma materji li jaqgħu fl-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali. Minkejja dan, dawk ir-regoli ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet domestiċi simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmluha eċċessivament diffiċli jew impossibbli fil-prattika li jiġu eżerċitati d-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 15 ).

    52.

    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-appell amministrattiv, evalwat waħdu u eżaminat b’mod indipendenti, jikkonformax mar-rekwiżit doppju ta’ ekwivalenza (a) u effettività (b). Huwa ċar li f’dan ir-rigward, din is-subtaqsima tista’ tipprovdi biss ftit gwida dwar l-evalwazzjoni li fl-aħħar mill-aħħar għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, b’għarfien sħiħ tad-dritt u l-proċedura nazzjonali rilevanti.

    a) Ekwivalenza

    53.

    L-evalwazzjoni tal-ekwivalenza fir-rigward tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet tal-viża ma hijiex eżerċizzju sempliċi. Illum il-ġurnata, ħafna mill-viżi għal soġġorni qosra huma “viżi ta’ Schengen” jew viżi li jinħarġu skont il-Kodiċi dwar il-Viżi. Għalhekk, ma huwiex kompitu faċli li jiġi ddeterminat x’inhu jew x’jista’ jkun l-eqreb reġim parallel fid-dritt nazzjonali sabiex jiġi stabbilit komparatur xieraq għall-evalwazzjoni tal-ekwivalenza.

    54.

    Ġew diskussi żewġ oqsfa ta’ paragun waqt is-seduta: l-ewwel nett, deċiżjonijiet amministrattivi diskrezzjonali mad-dħul (b’mod partikolari ċaħdiet tal-viża taħt il-Kodiċi dwar il-Viża u ċaħdiet ta’ dħul meħuda abbażi tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), u t-tieni nett, deċiżjonijiet oħra meħuda minn konsli (bħal deċiżjonijiet potenzjali dwar l-istatus ċivili, il-legalizzazzjoni ta’ dokumenti, jew il-ħruġ ta’ passaporti). L-ewwel komparatur potenzjali jkopri l-istess suġġett (deċiżjonijiet dwar id-dħul fit-territorju nazzjonali) imma l-korpi deċiżjonali huma differenti. It-tieni wieħed jikkonċerna l-istess korp deċiżjonali, imma s-suġġett tad-deċiżjonijiet maħruġa minn dak il-korp huwa differenti.

    55.

    L-ewwel nett, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet amministrattivi diskrezzjonali mad-dħul, jidher li skont id-dritt Pollakk il-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-viża jiddependi mill-identità tal-awtorità amministrattiva nazzjonali li hija kompetenti biex toħroġ deċiżjonijiet u dwar l-istatus tal-persuna li tapplika għall-permess biex tidħol. B’mod partikolari, jidher li stħarriġ ġudizzjarju huwa disponibbli għal deċiżjonijiet dwar il-viżi meħuda mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, il-Voïvode jew il-Kap Kmandant tal-Gwardji tal-Fruntiera ( 16 ).

    56.

    It-tieni nett, għal deċiżjonijiet meħuda minn konsli, jidher li l-proċedura ta’ rieżami għad-deċiżjonijiet meħuda minn konslu tapplika biss għal ċaħdiet tal-viża. Kif jidher li ġie ssuġġerit mill-Gvern Pollakk waqt is-seduta, tipi oħra ta’ deċiżjonijiet li jagħmel konslu jistgħu jiġu mistħarrġa wara li jiġu segwiti proċeduri differenti.

    57.

    Fl-evalwazzjoni klassika tar-rekwiżit ta’ ekwivalenza normalment hemm fin-nofs it-tip ta’ paragun tal-aħħar: talbiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni huma mqabbla ma’ talbiet ibbażati fuq id-dritt li ma huwiex tal-Unjoni peress li qed jiġu ttrattati quddiem l-istess awtorità waqt proċeduri simili - f’din il-kawża, dan huwa l-konslu.

    58.

    Madankollu, peress li ma ġietx ipprovduta wisq informazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja, xorta hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina x’inhuma t-talbiet simili ttrattati mill-konsli u jekk dawn it-talbiet humiex qed jiġu ttrattati b’mod differenti.

    b) L-effettività

    59.

    Kif intqal diġà, ir-rekwiżit tal-effettività jfisser li r-rimedji nazzjonali ma għandhomx jagħmlu t-twettiq tad-dritt tal-Unjoni fuq il-livell nazzjonali impossibbli jew eċċessivament diffiċli fil-prattika.

    60.

    Skont id-dritt Pollakk, jidher li, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, l-istess konslu li ħareġ l-ewwel deċiżjoni jkollu l-kompitu li jittratta l-appell kontra d-deċiżjoni tiegħu stess. Tista’ din il-proċedura ta’ rieżami titqies effettiva?

    61.

    Skont il-qorti tar-rinviju, l-appellant u l-Kummissjoni, hemm inċertezza dwar l-effettività ta’ eżami mill-ġdid mill-istess konslu.

    62.

    B’kuntrast, il-Ministeru Pollakk għall-Affarijiet Barranin sostna li r-rieżami mill-konslu huwa effettiv. Ippreżenta statistika biex tipprova l-punt tiegħu: skont il-figuri mressqa mill-Ministeru, bħala medja u meqjusa globalment fir-rigward tal-konsolati Pollakki kollha, iktar minn terz tad-deċiżjonijiet li jirrifjutaw il-ħruġ ta’ viża jinqalbu. Speċifikament fir-rigward tal-Konslu tar-Repubblika tal-Polonja fil-Marokk, dik il-figura saħansitra jingħad li tammonta anki għal madwar 60 % tal-każijiet.

    63.

    Mill-perspettiva tiegħi, il-kwistjoni tal-effettività ta’ proċedura hija primarjament kwistjoni legali strutturali, mhux eżerċizzju ta’ statistika. Id-dejta tal-istatistika hija ovvjament rilevanti, imma biss b’mod sekondarju, fi ħdan l-analiżi legali: biex tikkonferma jew tirribatti li sistema legali partikolari topera b’ċertu mod. Jew biex tappoġġa s-suspett li reġim legali, li mal-ewwel daqqa ta’ għajn, huwa applikabbli, huwa applikabbli mingħajr distinzjoni għandu impatt pjuttost differenti fir-realtà. Separata mill-analiżi legali, id-dejta tal-istatistika hija ta’ rilevanza limitata.

    64.

    Madankollu, nixtieq inżid ngħid li ma hinix ċert li billi jinġiebu dawn iċ-ċifri, il-Gvern Pollakk qiegħed effettivament jgħin l-argument tiegħu dwar l-effettività tal-proċeduri tiegħu. Għall-kuntrarju: rata ta’ revoka ta’ 60 % fl-appell pjuttost toħloq xi dubji serji dwar il-proċedura kollha, b’mod partikolari l-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-ewwel istanza.

    65.

    Lura għal-livell strutturali u legali: meta jista’ jingħad li appell amministrattiv huwa rimedju effettiv?

    66.

    Bħala kwistjoni ta’ sens komun, biex proċedura tissejjaħ appell, għandu jkun hemm xi element ta’ novità għaliha. Jekk l-istess persuna kellha tintalab terġa’ tħares lejn l-istess sett ta’ informazzjoni, dak l-isforz jista’ jissejjaħ b’numru ta’ ismijiet ( 17 ), imma qajla dak ta’ “appell”. In-novità tipikament tfisser li xi ħadd ieħor jitfa’ għajn ġdida fuq l-istess każ, li normalment tkun issupplimentata b’informazzjoni ulterjuri, dokumenti jew argumenti. Għalhekk, hemm żewġ elementi li jista’ jingħad li jiddefinixxu appell: reviżur jew ġudikant differenti u dokumentazzjoni differenti ppreżentata għall-eżami.

    67.

    Jekk u sa liema punt dawn ir-rekwiżiti ġewx issodisfatti fir-rigward tar-rieżami taċ-ċaħda tal-viża mill-konslu skont id-dritt Pollakk, hija kwistjoni li għandha tiddeċiedi l-qorti tar-rinviju. Meta mistoqsi dwar dan il-punt speċifiku waqt is-seduta, l-intimat issuġġerixxa li l-applikanti li ma kellhomx suċċess jitħallew jissottomettu dokumentazzjoni ġdida lill-konslu mal-appell. L-intimat ta ħjiel ukoll dwar l-eżistenza ta’ ċirkulari interna tad-dipartiment konsulari tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin li jirrakkomanda li l-konsli jassenjaw appelli, kemm jista’ jkun, “orizzontalment”: jiġifieri, lil uffiċjal konsulari differenti fl-istess konsolat.

    68.

    L-aċċertazzjoni tal-liġi u l-prattika nazzjonali eżatti f’dan ir-rigward hija kwistjoni għall-qorti tar-rinviju. Wieħed jista’ jżid biss li l-kuntest speċjali tal-missjonijiet diplomatiċi huwa naturalment rilevanti fil-każ preżenti. Minn naħa, il-missjonijiet diplomatiċi huma mgħammra tajjeb biex jevalwaw l-applikazzjonijiet tal-viża minħabba għarfien profond tal-fatti konkreti relatati mal-applikant tal-viża. Għaldaqstant huma wkoll partikolarment adattati ħafna biex jisimgħu appelli kontra ċaħdiet tal-viża, għalkemm għandu jiġi żgurat li t-tip ta’ appell amministrattiv previst mil-liġi nazzjonali jkun effettiv. Min-naħa l-oħra, huwa pjuttost ċar ukoll li mhux il-missjonijiet diplomatiċi u l-postijiet konsulari kollha jista’ jkollhom biżżejjed persunal u persunal iktar anzjan mill-persuna li toħroġ l-ewwel deċiżjoni. Madankollu, anki f’każijiet bħal dawn, numru ta’ għażliet jibqgħu miftuħa għal Stat Membru biex jiġi żgurat li anki f’każ ta’ restrizzjonijiet bħal dawn, appell amministrattiv ikun effettiv fis-sens imfisser hawn fuq, bħal meta t-trattazzjoni tal-appelli tiġi afdata lil persuna oħra fi ħdan l-istess awtorità konsulari (delegazzjoni orizzontali).

    c) Konklużjoni Provviżorja

    69.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, hija l-fehma tiegħi li l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi għandu jiġi interpretat bħala li jħalli lil kull Stat Membru jiddeċiedi dwar in-natura tal-appell kontra ċ-ċaħdiet tal-viża, iżda l-appell għandu josserva l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    B.  Rekwiżiti ġejjin mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta

    70.

    L-Artikolu 47 tal-Karta intitolat id-“dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, ikkodifika l-prinċipju ġenerali tal-protezzjoni legali stabbilit qabel mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 18 ). Reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li “[g]ħal dan id-dritt jikkorrespondi l-obbligu tal-Istati Membri stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jistabbilixxu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni” ( 19 ).

    71.

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull min iġarrab vjolazzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tiegħu garantiti mil-liġi tal-Unjoni, għandu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti.

    72.

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta x’jeħtieġ fil-kuntest tal-Kodiċi dwar il-Viżi b’mod ġenerali u tal-Artikolu 32 b’mod partikolari? Fl-opinjoni tiegħi, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu għal stħarriġ ta’ ċaħdiet tal-viża quddiem qorti.

    73.

    Wara li neżamina l-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 għal dan il-każ, speċjalment fir-rigward tad-dritt(ijiet) jew il-libertà(jiet) tal-Unjoni li ġew affettwati (1), se nevalwa t-tifsira preċiża ta’ “rimedju effettiv quddiem qorti”(2).

    1. X’inhuma d-“drittijiet u l-libertajiet” iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni?

    74.

    Sabiex l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jkun applikabbli, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, is-sitwazzjoni inkwistjoni għandha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni biex il-Karta tapplika inġenerali (l-Artikolu 51(1) tal-Karta kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Akerberg Fransson ( 20 )). It-tieni nett, kif jirriżulta espressament mill-ittra tal-Artikolu 47(1), l-applikant għandu jkollu “drittijiet u libertajiet” konkreti ggarantit mid-dritt tal-Unjoni li jista’ jattiva d-dispożizzjoni speċifika tal-Artikolu 47(1).

    75.

    Jiena kieku naħsibha ħafna qabel ma nħaddan il-proposta li d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti joħroġ mis-sempliċi applikabbiltà tal-Karta ( 21 ), għal mill-inqas erba’ raġunijiet.

    76.

    L-ewwel nett, hemm it-test tal-ewwel paragrafu Artikolu 47 tal-Karta. Dan jirreferi b’mod ċar għall-fatt li “d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni” ikunu nkisru sabiex dik id-dispożizzjoni ssir applikabbli. Kieku l-awturi kellhom l-intenzjoni li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 ikun dispożizzjoni applikabbli universalment, attivata mill-Artikolu 51(1), irrispettivament minn kwalunkwe drittijiet jew libertajiet konkreti, huma kienu sempliċement jipprovdu li “kulħadd għandu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti”, u jħallu barra kull speċifikazzjoni jew limitu ulterjuri?

    77.

    It-tieni nett, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm hemm xi eċċezzjonijiet ( 22 ), jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tendenza li tagħmel ir-rimedju suġġett għall-eżistenza ta’ dritt jew libertà tal-Unjoni, li l-ksur tagħhom jista’ jkun allegat minn applikant. Din il-konnessjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja bejn id-dritt u rimedju bl-ebda mod ma hija ġdida ( 23 ).

    78.

    It-tielet nett, il-propożizzjoni li s-sempliċi applikabbiltà tal-Karta tattiva wkoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tista’ bħala konsegwenza timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex jipprovdu għall-appell ġudizzjarju fi kwalunkwe u kull kwistjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni. Insib konsegwenza bħal din diffiċilment rikonċiljabbli mal-Artikolu 51(2) tal-Karta, li tipprovdi li l-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE lil hinn mis-setgħat tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll bl-intenzjoni espressa ripetutament tal-Istati Membri ( 24 ) li l-Karta ma għandhiex toħloq obbligi ġodda u indipendenti minnha nnifisha ( 25 ).

    79.

    Ir-raba’ nett, hemm ukoll il-kuntest usa’ tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. Jekk l-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tiġi suġġetta effettivament għall-ksur allegat ta’ sempliċi interessi legali li jistgħu jkun qed jitlajjaw x’imkien fil-penombra tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kuntrarjament għal drittijiet u libertajiet individwali konkreti u dixxernibbli ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, ikunu meħtieġa, f’termini tal-implementazzjoni tiegħu, riaġġustamenti kunsiderevoli fit-tradizzjonijiet legali ta’ dawk l-Istati Membri fejn il-locus standi (leġittimità attiva biex titressaq talba) jiddependi fuq il-ksur ta’ dritt suġġettiv ( 26 ).

    80.

    Għalhekk, l-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tiddependi kemm fuq l-applikabbiltà ġenerali tal-Karta kif ukoll fuq l-eżistenza ta’ dritt jew libertà konkreti ggarantiti mid-dritt tal-UE.

    81.

    Min-naħa l-oħra, huwa ġust li wieħed jaċċetta li f’termini prattiċi, id-differenza bejn iż-żewġ pożizzjonijiet x’aktarx li ma hijiex daqshekk sinjifikattiva. Fil-maġġoranza tal-każijiet, tilwima taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk l-Artikolu 51(1) tal-Karta preċiżament minħabba li l-individwu qed jipprova jsostni d-drittijiet tiegħu jew tagħha bbażati fuq id-dritt tal-UE fi proċeduri nazzjonali. Fi kliem ieħor: jekk hemm dritt jew libertà li jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar fid-dritt tal-UE li huma solidi biżżejjed biex jattivaw l-operazzjoni tal-ewwel paragrafu Artikolu 47 tal-Karta, huwa ċar li dik il-kwistjoni taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta (l-argument a maiore ad minus). Madankollu, kif ippruvajt nispjega fil-punti preċedenti, il-loġika inversa ma tapplikax.

    82.

    Barra minn hekk, li jkunu meħtieġa dritt jew libertà konkreti li jibbenefikaw lill-litigant speċifiku inkwistjoni għall-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 flimkien mal-Artikolu 51(1) ma huwiex biss dibattitu akkademiku. Għandu konsegwenzi prattiċi, bħal inter alia t-tneħħija tal-actio popularis. Għandu jkun hemm dritt konkret ipprovdut mid-dritt tal-Unjoni u li jibbenefika lil-litigant speċifiku.

    83.

    F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, l-applikabbiltà ġenerali tal-Karta ma ġietx ikkontestata minn l-ebda parteċipant fil-proċeduri. Skont l-Artikolu 51(1), il-Karta hija applikabbli fejn l-Istati Membri jimplementaw id-dritt tal-UE. L-applikabbiltà tad-dritt tal-UE tinvolvi l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta. Għalhekk, il-Karta tapplika b’mod naturali meta d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi jkunu qed jiġu applikati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, kemm jekk dan ikun ifisser dawk relatati mal-kundizzjonijiet tad-dħul, kif ukoll mal-proċedura tal-applikazzjoni jew mas-salvagwardji proċedurali. B’mod partikolari, tapplika meta Stat Membru jadotta deċiżjonijiet abbażi tal-Kodiċi dwar il-Viża, bħal deċiżjoni li tiċħad ħruġ ta’ viża skont l-Artikolu 32(1).

    84.

    L-evalwazzjoni tat-tieni kundizzjoni hija xi ftit iktar kumplessa. X’inhuma d-dritt(ijiet) jew il-libertà(jiet) konkreti ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għall-applikant tal-viża li jattivaw l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 fil-każ preżenti? Ġew diskussi tliet settijiet differenti ta’ drittijiet potenzjali matul dawn il-proċeduri: id-dritt għall-ħajja tal-familja, id-dritt għal viża u d-dritt li l-applikazzjoni tal-viża ta’ dak li jkun tiġi pproċessata b’mod ġust.

    85.

    Jiena se neżamina dawn it-tliet drittijiet wara xulxin. Id-dritt għall-ħajja tal-familja, kif imressaq mill-appellant, jidher li huwa ta’ rilevanza limitata għall-iskop tal-attivazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta fil-kawża preżenti (a). Imbagħad, fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda “dritt għal viża” skont id-dritt tal-Unjoni (b). Madankollu, hemm id-dritt li l-applikazzjoni għal viża tiġi pproċessata b’mod ġust u xieraq li f’dan il-każ tista’ tattiva l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47(c).

    a) Id-dritt għall-ħajja tal-familja

    86.

    Fir-rigward tad-dritt għall-ħajja tal-familja, l-appellant argumenta fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu li ċ-ċaħda tal-viża telfitlu d-dritt tiegħu li jrawwem relazzjonijiet personali regolari ma’ martu u wildu.

    87.

    Id-dritt għall-ħajja tal-familja huwa ċertament rilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi u fl-evalwazzjoni sussegwenti tal-każ fil-mertu. Madankollu, huwa l-Kodiċi dwar il-Viża, jiġifieri d-dispożizzjonijiet sostantivi u proċedurali tad-dritt sekondarju tal-Unjoni applikabbli f’dan il-każ, li jattiva l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    88.

    Huwa ċar li l-kunsiderazzjonijiet tal-familja ma humiex nieqsa mill-Kodiċi dwar il-Viżi. B’mod partikolari, l-Artikolu 24(2) jipprovdi li viżi għal dħul multiplu għandhom jinħarġu meta l-applikant jipprova l-ħtieġa jew jiġġustifika l-intenzjoni li jivvjaġġa regolarment minħabba l-istatus tal-familja tiegħu ( 27 ). Għalhekk, apparti min-negozju jew għanijiet turistiċi, tista’ ssir applikazzjoni wkoll għal viżi sabiex wieħed iżur membri tal-familja. Għaldaqstant, il-ħajja tal-familja hija waħda mill-elementi sottostanti l-Kodiċi dwar il-Viżi.

    89.

    Min-naħa l-oħra, il-ħajja tal-familja timplika impenn u stabbiltà fit-tul. Huwa għalhekk probabbli li tkun inqas rilevanti fil-kuntest ta’ viżi għal soġġorni qosra milli fil-każ ta’ viżi għal soġġorni fit-tul jew permessi ta’ residenza ( 28 ). Barra minn hekk, b’differenza minn strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni bħad-Direttiva taċ-Ċittadini ( 29 ) jew id-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja ( 30 ), li ma humiex applikabbli f’din il-kawża ( 31 ), il-Kodiċi dwar il-Viżi għandu l-għan li jiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu internazzjonali u jindirizza l-immigrazzjoni illegali, mhux li joħloq jew isaħħaħ ir-rabtiet tal-familja ( 32 ).

    90.

    Għalhekk, id-dritt għall-ħajja tal-familja, kemm kif previst fil-Kodiċi dwar il-Viżi u bħala dritt fundamentali ggarantit mill-Karta, ċertament jagħmel parti mill-evalwazzjoni potenzjali iktar tard tal-każ fil-mertu. Madankollu, jekk tarah fih nnifisu u waħdu, jiġifieri f’iżolament mill-Kodiċi dwar il-Viżi, ir-riferiment għal dritt għall-ħajja tal-familja bbażat fuq il-Karta ma jistax jattiva l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 33 ).

    b) Hemm dritt għal viża?

    91.

    L-appellant u l-Kummissjoni (l-iktar fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, peress li ħaddnet fehma iktar sfumata waqt is-seduta) sostnew li hemm dritt suġġettiv, għalkemm mhux awtomatiku, għal viża. Skont dawn, dik il-proposta ssegwi mis-sentenza f’Koushkaki ( 34 ).

    92.

    Il-parteċipanti l-oħra kollha fil-proċeduri jostnu li l-Kodiċi dwar il-Viżi ma jistax jiġi interpretat bħala li jistabbilixxi dritt (suġġettiv) għal ċittadin ta’ pajjiż terz li tinħariġlu viża ta’ Schengen.

    93.

    Jiena naqbel mal-propożizzjoni tal-aħħar. Ma hemmx dritt għal viża skont id-dritt tal-Unjoni.

    94.

    L-ewwel nett, jiena ninterpreta s-sentenza f’Koushkaki kemxejn differenti mill-applikant u l-Kummissjoni. Veru li fil-punt 55 ta’ dik is-sentenza, l-Awla Manja ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux jiċħdu l-ħruġ ta’ viża uniformi sakemm ma tkunx tapplika għall-applikant waħda mir-raġunijiet taċ-ċaħda elenkati fl-Artikolu 32(1) u l-Artikolu 35(6) tal-Kodiċi dwar il-Viżi ( 35 ).

    95.

    Madankollu, fil-fehma tiegħi, din id-dikjarazzjoni ma tfissirx li “l-individwu għandu dritt suġġettiv għal viża, protett mid-dritt tal-UE”. Il-kuntest huwa importanti. Fil-parti tas-sentenza li wasslet għall-punt 55, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx ikkonċernata bi drittijiet individwali, imma bl-iskop ġenerali tal-Kodiċi dwar il-Viżi u d-diskrezzjoni permissibbli tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li japplikawh. Fil-punti 50 sa 54, immedjatament qabel dik id-dikjarazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-iskop tal-Kodiċi dwar il-Viżi huwa li jiġu armonizzati l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-viża, biex hekk tiġi provduta viża ġenwinament uniformi, u jiġi pprevenut ix-xiri tal-viżi. Il-kriterji stabbiliti fil-Kodiċi dwar il-Viża għandhom jiġu osservati. L-Istati Membri għandhom japplikawhom b’mod uniformi.

    96.

    Moqri f’dan id-dawl, il-punt 55 tas-sentenza essenzjalment jiġbor fil-qosor ir-rekwiżit ta’ legalità uniformi impost fuq l-Istati Membri mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi dwar il-Viża. Madankollu, ċertament ma jirriżultax mid-dikjarazzjoni li l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali għandhom josservaw l-obbligi tagħhom skont il-Kodiċi dwar il-Viżi li individwu għandu dritt suġġettiv għal viża. Fi kliem ieħor, mill-fatt li referee għandu japplika b’mod strett ir-regoli tal-logħba u ma jistax jirrifjuta jagħmel pawża jew jikkastiga fawl meta r-regoli hekk jeħtieġu, ma jirriżultax li xi wieħed mill-kompetituri għandu dritt suġġettiv biex jirbaħ il-logħba.

    97.

    It-tieni nett, u forsi b’mod iktar fundamentali, ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ dritt suġġettiv għal viża, fil-fehma tiegħi, jippreżupponi l-eżistenza ta’ dritt ta’ dħul fit-territorju tal-UE. Madankollu, ma hemm l-ebda dritt bħal dan.

    98.

    Is-sempliċi eżistenza tar-rekwiżit stess tal-viża diġà tipprekludi, minnha nnifisha, l-idea ta’ dritt suġġettiv għad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri. Kif stabbilit fl-Artikolu 2(2)(a) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, viża hija “awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru bl-għan ta’ […] tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorn previst fihom ta’ tul ta’ mhux aktar minn tliet xhur […]”.

    99.

    Meta wieħed jara x’inhu l-għan wara l-viżi, dawn huma l-espressjoni tas-sovranità tal-Istat fuq it-territorju tiegħu, “mezz ta’ kontroll tad-dħul, u għalhekk tal-influss migratorju, u tista’ wkoll tkun strument tal-politika barranija u ta’ sigurtà” ( 36 ). Għalhekk huma l-Istati Membri li għandhom jużaw id-diskrezzjoni tagħhom biex jiddeċiedu min jista’ jidħol fit-territorju tagħhom stess, anki f’ċirkustanzi eċċezzjonali ( 37 ). A fortiori f’ċirkustanzi ordinarji, huma l-Istati Membri li fl-aħħar mill-aħħar għandhom jevalwaw jekk, pereżempju, l-applikant għal viża jistax jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku, jekk għandux il-mezzi neċessarji ta’ sussistenza jew jekk hemmx dubju raġonevoli li l-applikant biħsiebu jħalli t-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha saret l-applikazzjoni.

    100.

    Fl-aħħar nett, mhux il-barranin kollha huma ugwali fir-rigward tar-rekwiżit tal-viża. Il-fatt innifsu li ċerti individwi (bħaċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma eżentati mir-rekwiżit tal-viża ( 38 )) ma għandhomx għalfejn jiksbu viża biex jidħlu fit-territorju tal-UE juri li dawk li għandhom juru viża valida fil-fruntiera ma jgawdux minn dritt għal viża, u lanqas dritt ta’ dħul ( 39 ), kuntrarjament għal xi wħud minn dawk il-persuni “privileġġjati” msemmija iktar ’il fuq li fil-fatt igawduh.

    101.

    F’dan ir-rigward, naqbel mad-dubji tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Koushkaki dwar l-adozzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi fil-forma ta’ regolament u li dan kien ifisser li “l-Istati Membri taw il-kunsens de facto tagħhom għal qabża ’l quddiem ta’ kwalità hekk fundamentali bħal dik tal-obbligu fuq l-Istati Membri li jirrifjutaw il-ħruġ ta’ viża, […] għall-għoti ta’ dritt suġġettiv għall-ħruġ li minnu ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jinvokaw” ( 40 ).

    102.

    Fi ftit kliem, ma hemmx dritt suġġettiv għal viża li jista’ jattiva l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    c) Id-dritt li l-applikazzjoni tkun ipproċessata b’mod ġust u xieraq

    103.

    Madankollu, minkejja n-nuqqas ta’ dritt sostantiv għal viża li jista’ jiġi invokat insostenn tal-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa ċar li d-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Koushkaki, kkwotata iktar ’il fuq, tibqa’ rilevanti fuq livell differenti. Jekk hemm obbligu min-naħa tal-amministrazzjoni li tapplika l-Kodiċi dwar il-Viżi u d-dispożizzjonijiet tagħha b’ċertu mod, għandu jkun hemm dritt korrelattiv, li jikkorrispondi ma’ dak l-obbligu tal-legalità. Dak id-dritt ma huwiex dritt sostantiv li tinħareġ viża. Għall-kuntrarju, huwa ta’ natura proċedurali. Ma huwiex dritt għal viża, imma d-dritt li l-applikazzjoni ta’ dak li jkun tiġi ttrattata u pproċessata b’mod ġust u xieraq.

    104.

    Għalhekk, lura għall-metafora tal-isports, għalkemm il-kompetitur ma għandux id-dritt għar-riżultat attwali tal-logħba, huwa, minħabba l-fatt stess li daħal fil-logħba, għandu d-dritt għal korrettezza.

    105.

    Jista’ jingħad ukoll li tali fehma bl-ebda mod ma hi ħaġa mhux tas-soltu f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni: jista’ jsir tixbih ma’ kwistjonijiet bħall-akkwist pubbliku, applikazzjonijiet għal sussidju jew għal permess ta’ residenza ( 41 ). F’dawk il-każijiet kollha, ma hemm l-ebda dritt bħala tali għar-riżultat, jiġifieri li tinkiseb l-offerta, is-sussidju jew il-permess. Madankollu, hemm dritt li l-applikazzjoni ta’ dak li jkun tiġi pproċessata kif suppost u legalment u dak id-dritt jista’ jkun il-bażi għal stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.

    106.

    Applikat għal din il-kawża, dan ifisser li l-appellant igawdi minn dritt proċedurali protett skont id-dritt tal-UE, jiġifieri d-dritt li l-applikazzjoni tal-viża tiegħu tiġi eżaminata legalment. Għalhekk, peress li għandu dritt iggarantit skont id-dritt tal-UE, id-dritt tiegħu għal rimedju effettiv quddiem qorti skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandu jkun irrikonoxxut.

    2. “Rimedju effettiv quddiem qorti” fil-kuntest ta’ ċaħda ta’ viża

    107.

    Se nagħmel tliet osservazzjonijiet tal-għeluq fir-rigward tan-natura ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv meħtieġ fil-kuntest ta’ ċaħda ta’ viża skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47.

    108.

    L-ewwel nett, skont is-sentenza Koushkaki, l-Istati Membri għandhom joħorġu viżi meta l-kundizzjonijiet previsti fil-Kodiċi dwar il-Viżi jkunu ġew issodisfatti. Dan għaliex hemm lista eżawrjenti ta’ raġunijiet għaċ-ċaħda, l-annullament jew ir-revoka ta’ viża fil-Kodiċi dwar il-Viżi ( 42 ). Madankollu, fis-sentenza Koushkaki wkoll, il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet fuq id-“diskrezzjoni wiesgħa” li jgawdu l-Istati Membri meta jeżaminaw l-applikazzjonijiet għall-viża ( 43 ). B’mod partikolari, hija indikat li l-kunsiderazzjoni tal-pożizzjoni individwali ta’ applikant għal viża kienet tinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi. Dawk l-evalwazzjonijiet jinvolvu t-tbassir tal-aġir prevedibbli tal-applikant u għandhom ikunu bbażati, inter alia, fuq għarfien estensiv tal-pajjiż tar-residenza tiegħu ( 44 ).

    109.

    It-tieni nett, il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa disponibbli għall-awtoritajiet tal-Istati Membri tissarraf loġikament fi standard iktar ħafif għall-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jitwettaq mill-qrati tal-Istati Membri ( 45 ). Għalhekk, f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa biżżejjed li l-qrati nazzjonali jassiguraw li ċ-ċaħda tal-viża ma tkunx ġiet deċiża b’mod arbitrarju, iżda li kienet tikkorrispondi mal-fatti kif ġie aċċertat mill-awtorità amministrattiva u mbagħad ttieħdet fil-konfini tad-diskrezzjoni tal-amministrazzjoni.

    110.

    It-tielet nett, id-dmir tal-Istati Membri skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta huwa li jiggarantixxu l-qalba jew l-essenza stess tad-dritt inkorporat fih, jiġifieri l-aċċess għall-qrati ( 46 ). Biex tiġi ppreservata dik il-qalba, l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet ma jistax jiġi eskluż meta jkun ġie miksur dritt jew libertà tal-UE ( 47 ). Madankollu, dan ma jimplikax, fil-kuntest speċifiku tal-każijiet bħal dak preżenti, xi obbligu pożittiv ulterjuri min-naħa tal-Istati Membri biex jiffaċilitaw b’mod attiv dak l-aċċess.

    111.

    Fl-aħħar mill-aħħar, tali dritt ikkonċepit b’mod raġonevoli għal aċċess għall-qorti f’materji ta’ visa mhux biss jirrispetta d-dritt tal-applikanti li jiġu ttrattati b’mod ġust u korrett, naxxenti mid-dinjità umana tagħhom iżda wkoll l-interess partikolari tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li jseddqu u jikkontrollaw l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika u l-legalità (Ewropea). Dik il-ħtieġa tista’ tkun saħansitra iktar b’saħħitha f’postijiet ġeografikament imbiegħda, bħall-konsulati tal-Istati Membri mifruxa madwar id-dinja, fejn l-istruzzjonijiet u l-gwida li joriġinaw miċ-ċentru jistgħu jiġu interpretati u mwettqa f’numru ta’ modi. Għalhekk azzjoni individwali tista’ tkun daqstant ieħor ta’ benefiċċju biex jintefa’ ftit dawl fuq il-prattika ġenwina f’post bħal dak ( 48 ). Għalhekk, ħalli jkun hemm id-dawl.

    C.  Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi u l- l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ġew applikati flimkien

    112.

    Skont l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, id-dritt ta’ appell huwa miftuħ dwar in-natura ta’ dak id-dritt: jista’ jitwettaq, skont l-għażla li jagħmel l-Istat Membru, b’appell amministrattiv, b’appell ġudizzjarju, kif ukoll b’tip ibridu ta’ appell b’elementi tat-tnejn. B’kuntrast, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta b’mod ċar jeħtieġ li wieħed jirrikorri għal qorti, jiġifieri, appell ġudizzjarju.

    113.

    Fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssuġġeriet li l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jinqara fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta. Xi jkun ifisser dan fil-prattika?

    114.

    “Moqri fid-dawl ta’” ( 49 ), kif issuġġerit mill-Kummissjoni f’din il-kawża, ikun ifisser li d-dritt ta’ appell previst mill-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jirreferi għal appell ġudizzjarju. Madankollu, tali aġġustament mill-ġdid interpretattiv tal-kunċett, fl-istess ħin, effettivament ineħħi l-għażla ta’ appell amministrattiv skont il-Kodiċi dwar il-Viżi.

    115.

    B’kuntrast, jekk l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi u l-Artikolu 47 tal-Karta kellhom jinqraw u jiġu applikati flimkien, b’mod parallel, ir-riżultat ikun differenti. Dan ikun ifisser li l-Istati Membri jistgħu jżommu b’mod ċar il-libertà li jagħżlu t-tip ta’ appell skont l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, għalkemm, fl-aħħar mill-aħħar, għandu jkun hemm stħarriġ ġudizzjarju skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    116.

    Din l-aħħar interpretazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, dik korretta. Jien ma narax għalfejn, f’din il-kawża, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandu effettivament iċċaħħad lill-Istati Membri mill-għażla li joħolqu sistema ta’ appell (amministrattiva jew ibrida) li jidhrilhom xierqa fid-dawl tat-tradizzjonijiet legali tagħhom u tal-ispeċifiċità tal-kwistjoni kkonċernata.

    117.

    Jista’ jiġi ssuġġerit li b’analoġija ma’ oqsma oħra, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi implementazzjoni minn qabel ta’ proċedura ta’ soluzzjoni bonarja jew li wieħed jirrikorri għal proċedura ta’ medjazzjoni bħala kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ proċeduri legali ( 50 ).

    118.

    Madankollu, tali analoġija, jew pjuttost il-ħtieġa tagħha fl-ewwel lok, tidher li hija stamba ħafna għalija. Effettivament tkun tfisser, l-ewwel nett, it-tneħħija tal-għażla (speċifikament prevista) mill-Istati Membri billi jitnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi permezz tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta biss, sabiex terġa’ tiddaħħal l-istess għażla permezz ta’ ġurisprudenza (x’aktarx applikabbli b’mod ġenerali) li tirrigwarda mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni minn qabel inerentement kompatibbli mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    119.

    Għalhekk jista’ jiġi ssuġġerit li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ma jpoġġix fid-dubju l-eżistenza nnifisha ta’ mezzi oħra ta’ rimedju, bħalma huma rimedji amministrattivi pprovduti f’numru ta’ Stati Membri. Lanqas ma jibdel il-kontenut tal-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta sempliċiment iżid obbligu għall-Istati Membri: f’xi stadju tal-proċeduri, għandu jkun hemm il-possibbiltà li l-każ jista’ jitressaq quddiem qorti. Qabel dan, huwa kull Stat Membru li għandu jiddeċiedi li jagħżel stħarriġ purament amministrattiv (qabel l-istess awtorità jew oħra); jew għal stħarriġ imwettaq minn tribunali mħallta magħmula kemm minn imħallfin kif ukoll minn impjegati tas-servizz ċivil; jew, ovvjament, jekk l-Istat Membru jixtieq jagħmel dan, jippermetti direttament ukoll stħarriġ quddiem qorti skont it-tifsira tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47.

    120.

    Dak iwassalni għall-aħħar punt tiegħi, indirizzat ukoll waqt is-seduta f’din il-kawża: xi tfisser “qorti” skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta fil-kuntest preżenti? ( 51 )

    121.

    Għall-iskop tar-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jidher pjuttost ċar għalija li dak li timmira għalih dik id-dispożizzjoni huwa korp verament indipendenti u imparzjali ta’ natura ġudizzjarja li jissodisfa l-kriterji ta’ definizzjoni kollha ta’ qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Għalhekk, dak il-korp għandu jkun stabbilit bil-liġi; għandu jkun permanenti; il-ġurisdizzjoni tiegħu għandha tkun obbligatorja; il-proċedura tiegħu għandha tkun inter partes – jiġifieri, ta’ natura ġudizzjarja kontradittorja; għandu japplika regoli tad-dritt; u għandu jkun indipendenti ( 52 ). Madankollu, b’kuntrast mal-flessibbiltà murija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’termini ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji għall-finijiet ta’ ammissibbiltà ta’ deċiżjonijiet preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47, dawn il-kriterji kollha għandhom jiġu ssodisfatti ( 53 ).

    122.

    Madankollu, għal darba oħra, kif diġà għedt iktar ’il fuq, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jeħtieġ li f’xi stadju, każijiet li jinvolvu ċaħda ta’ viża jistgħu jitressqu quddiem ġurisdizzjoni li tissodisfa dawn il-kriterji kollha. Dan ma jfissirx li l-każ ikollu jmur immedjatament quddiem dak il-korp jew li xi wieħed mill-korpi preċedenti jkollu wkoll jissodisfa dawk il-kriterji.

    V. Konklużjoni

    123.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula min-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti amministrattiva suprema, il-Polonja):

    l-Artikolu 32(3) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (il-Kodiċi dwar il-Viżi) għandu jiġi interpretat bħala li jħalli f’idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi dwar in-natura tal-appell kontra ċ-ċaħdiet tal-viża iżda l-appell għandu josserva l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat bil-mod li l-Istati Membri ma jistgħux jeskludu l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ ċaħdiet ta’ viżi minn qorti fit-tifsira tal-Artikolu 267 TFUE


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) ĠU 2009 L 243, p. 1.

    ( 3 ) Għandu jiżdied, bħala element kuntestwali, li fis-16 ta’ Ottubru u fis-26 ta’ Novembru 2014 il-Kummissjoni indirizzat opinjonijiet motivati skont l-Artikolu 258 TFUE lir-Repubblika Ċeka, lill-Estonja, lill-Finlandja, lill-Polonja u lis-Slovakkja fejn talbithom “jagħtu rimedju ġudizzjarju effettiv kontra rifjut/annullament/revoka tal-viżi”. Ara l-istqarrijiet għall-istampa tal-Kummissjoni: MEMO/14/589 tas-16 ta’ Ottubru 2014 u MEMO 14/2130 tas-26 ta’ Novembru 2014. Skont il-Kummissjoni, ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom id-dritt għal trattament mhux arbitrarju tal-applikazzjonijiet tagħhom għal viża u dan id-dritt għandu jkun protett bi proċedura ta’ appell ġudizzjarju. Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni qalet li bħalissa, dawk il-proċeduri ta’ ksur jikkonċernaw biss ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja u s-Slovakkja.

    ( 4 ) Ara pereżempju s-sentenzi tal-1 ta’ Marzu 2016, Kreis Warendorf u Osso (C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 27), u tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 32).

    ( 5 ) Jista’ jingħad ukoll li l-Manwal (tal-Kummissjoni) dwar l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet tal-viża jonqos ukoll milli jispeċifika n-natura tal-appell (Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010)1620 finali, tad-19 ta’ Marzu 2010, li tistabbilixxi l-manwal għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża, p. 77 u 89). Ċertament huwa veru li l-Manwal ma huwiex legalment vinkolanti. Wieħed jista’ madankollu jassumi serenament li kieku jinftiehem b’mod ċar li appell ġudizzjarju kien tabilħaqq meħtieġ skont il-Kodiċi dwar il-Viżi, il-Kummissjoni żgur ma kinitx tħalli barra tali fatt sinjifikattiv f’manwal li altrimenti huwa pjuttost iddettaljat.

    ( 6 ) Ara l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/98/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (ĠU 2011, L 343, p. 1).

    ( 7 ) Ara l-Artikolu 18 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (“Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja”)(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

    ( 8 ) Ara l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2016, dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016 L 77, p. 1).

    ( 9 ) Ara l-Artikolu 34(5) tad-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2016, dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU 2014, L 132, p. 21). Jista’ jingħad ukoll li fil-kuntest tal-predeċessur ta’ din id-direttiva, l-Avukat Ġenerali Szpunar iddubita li l-esklużjoni tar-rimedju ġudizzjarju tkun skont l-Artikolu 47 tal-Karta (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Fahimian (C‑544/15, EU:C:2016:908, punt 75)).

    ( 10 ) Ara l-Artikolu 18(5) tad-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bħala ħaddiema staġonali (ĠU 2014, L 94, p. 375).

    ( 11 ) Ara l-Artikoli 15 u 31 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46) (“Id-Direttiva dwar iċ-ċittadini”).

    ( 12 ) Ara l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (riformulazzjoni) (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31) u rettifika f’ĠU 2017 L 49, p. 50. Dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istħarriġ taħt dak ir-regolament, ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409). Ara wkoll l-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

    ( 13 ) Jidher li matul in-negozjati kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kummissjoni ħeġġew favur appell ġudizzjarju filwaqt li bosta Stati Membri opponewh minħabba l-biża’ li l-qrati tagħhom jitgħabbew iżżejjed - Dokument tal-Kunsill Nru. 14628/08, Abbozz ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi tat-23 ta’ Ottubru 2008, p. 3 (punt 2).

    ( 14 ) Qabel id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi dwar il-Viżi, l-Istati Membri kellhom prattiki differenti ħafna fir-rigward tal-ġestjoni tal-viżi. B’mod partikolari, id-dritt ta’ appell ma kienx jeżisti kullimkien. Għal ħarsa ġenerali komparattiva tal-arranġamenti attwali fl-Istati Membri, ara r-Rapport Annwali tal-2012 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, Fundamental rights: challenges and achievements in 2012 [Drittijiet fundamentali: sfidi u kisbiet fl-2012], Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, il-Lussemburgu, p. 91 sa 95.

    ( 15 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 48); tas-17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 31); u tas-17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal (C‑161/15, EU:C:2016:175, punt 24).

    ( 16 ) Rispettivament għal deċiżjonijiet fuq viżi dwar diplomatiċi (il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin), it-tiġdid tal-viżi (Voïvode) u l-ħruġ tal-viżi fil-fruntiera (Kap Kmandant tal-Gwardji tal-Fruntieri).

    ( 17 ) Ħsibt li kien Albert Einstein li b’nofs ċajta qal li “l-ġenn huwa tagħmel l-istess ħaġa għal iktar minn darba u tistenna riżultati differenti”. Dik il-kwotazzjoni fil-fatt hija attribwita ħażin lil Einstein – ara Calaprice, A., (ed.), The Ultimate Quotable Einstein, Princeton University Press, 2011, p. 474, li tintraċċa dik il-kwotazzjoni għar-rumanz Sudden Death ta’ Rita Mae Brown, Bantam Books, New York, 1983, p. 68.

    ( 18 ) Ara, dwar il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, EU:C:1986:206, punt 18) u tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et (222/86, EU:C:1987:442, punt 14); wara, inkonnessjoni mal-Artikolu 47 tal-Karta, ara s-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 37); tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811, punt 33); u tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 45).

    ( 19 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 44).

    ( 20 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, C‑617/10, EU:C:2013:105.

    ( 21 ) Ara pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:2, punti 51 et seq). Ara wkoll Prechal, S., “The Court of Justice and Effective Judicial Protection: What has the Charter changed?”, f’Paulussen, C., et al. (edituri), Fundamental Rights in International and European Law, 2016, p. 143.

    ( 22 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software (C‑418/11, EU:C:2013:588), u tas-17 ta’ Settembru 2014, Liivimaa Lihaveis (C‑562/12, EU:C:2014:2229), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma ppruvatx tidentifika dritt speċifiku jew libertà protetta mid-dritt tal-UE.

    ( 23 ) Ara pereżempju, fil-kuntest tal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et (222/86, EU:C:1987:442, punt 14); u fil-kuntest tal-Artikolu 47 tal-Karta, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 35); tat-23 ta’ Ottubru 2014, Olainfarm (C‑104/13, EU:C:2014:2316, punti 33 sa 40); u tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punti 51 sa 52).

    ( 24 ) Ara l-Artikolu 6(1) TEU u d-Dikjarazzjoni annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona.

    ( 25 ) Jew, b’mod iktar poetiku, id-drittijiet fundamentali huma d-“dell” tad-dritt tal-Unjoni (Lenaerts, K., and Gutiérez-Fons, J. A., “The Place of the Charter in the EU Constitutional Edifice”, f’Peers, S., Hervey, T., Kenner, J., u Ward, A., (eds), The EU Charter of Fundamental Rights: A Commentary, C.H. Beck, Hart, Nomos, 2014, p. 1568. “Dell” ta’ dritt fundamentali jsegwi dispożizzjoni oħra, sostantiva jew proċedurali tad-dritt tal-Unjoni. Imma dell ma jistax jitfa’ d-dell tiegħu stess.

    ( 26 ) Naturalment l-istess kejl ikollu mbagħad jiġi applikat għall-istħarriġ ġudizzjarju u l-locus standi quddiem il-qrati tal-Unjoni billi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jkopri kwalunkwe attività jew deċiżjoni tal-istituzzjonijiet (u korpi, uffiċċji u aġenziji) tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 51(1).

    ( 27 ) Ara wkoll l-Artikolu 14(4) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

    ( 28 ) Ara pereżempju s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-3 ta’ Ottubru 2014, Jeunesse vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2014:1003JUD001273810), fejn il-QEDB iddeċidiet li ċ-ċaħda ta’ permess ta’ residenza lil omm ta’ tliet itfal mis-Surinam imweldin fil-Pajjiżi l-Baxxi kisritilhom id-dritt tagħhom għar-rispett tal-ħajja tal-familja.

    ( 29 ) Direttiva 2004/38.

    ( 30 ) Direttiva 2003/86.

    ( 31 ) L-appellant ma jistax jiddependi fuq id-Direttiva taċ-Ċittadini billi martu u wildu huma ċittadini tal-Unjoni li ma eżerċitawx id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu ġewwa l-Unjoni Ewropea [ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734)]. Lanqas ma jista’ joqgħod fuq id-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja għaliex l-isponsor tiegħu ma huwiex ċittadin ta’ pajjiż terz.

    ( 32 ) Kif ġie ddikjarat reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kuntest kemxejn differenti, il-Kodiċi dwar il-Viżi ma jistax jiġi invokat meta dak li wieħed qed jimmira għalih fis-sustanza ma hijiex viża għal perjodu qasir. Ara s-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2017, X u X (C 638/16 PPU, EU:C:2017:173, punti 47 sa 48), mogħtija fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal viża b’validità territorjali limitata bil-ħsieb li ssir applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

    ( 33 ) Ġeneralment iktar ’il fuq, punti 74 sa 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 34 ) Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013 (C‑84/12, EU:C:2013:862).

    ( 35 ) Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, C 84/12, EU:C:2013:862, punt 55. Għal approċċ simili fil-kuntest ta’ ċaħda tad-dħul fuq il-bażi tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u ċaħda li jingħata permess ta’ residenza għal skopijiet ta’ studju, ara s-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Air Baltic Corporation (C‑575/12, EU:C:2014:2155), u tal-10 ta’ Settembru 2014, Ben Alaya (C‑491/13, EU:C:2014:2187).

    ( 36 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Koushkaki (C‑84/12, EU:C:2013:232, punt 51).

    ( 37 ) Għalhekk, bis-saħħa tal-Artikolu 25 tal-Kodiċi dwar il-Viżi, anki viżi umanitarji għandhom jinħarġu biss meta l-Istat Membru jidhirlu li huwa neċessarju għad-deroga mill-prinċipju li l-kundizzjonijiet tad-dħul stabbiliti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandhom jiġu ssodisfatti.

    ( 38 ) Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001, tal-15 ta’ Marzu 2001, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65).

    ( 39 ) Fl-Artikolu 30, il-Kodiċi dwar il-Viżi nnifsu jissepara l-viża u d-dritt ta’ dħul billi jingħad li s-“sempliċi pussess ta’ viża uniformi jew viża b’validità territorjali limitata ma jikkonferix dritt awtomatiku ta’ dħul”.

    ( 40 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Koushkaki (C‑84/12, EU:C:2013:232, punt 54).

    ( 41 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2014, Tahir (C‑469/13, EU:C:2014:2094); tas-17 ta’ Settembru 2014, Liivimaa Lihaveis (C‑562/12, EU:C:2014:2229); u tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et (C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688).

    ( 42 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2013, (C‑84/12, EU:C:2013:862, punti 3847).

    ( 43 ) Ibid. punti 60 sa 63.

    ( 44 ) Ibid. punti 56 sa 57.

    ( 45 ) Għal dak l-iskop, ara l-konkużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar dwar iċ-ċaħda tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza ta’ student fil-kawża Fahimian (C‑544/15, EU:C:2016:908, punt 72).

    ( 46 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811, punt 59), u tat-30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci (C‑205/15, EU:C:2016:499, punt 44).

    ( 47 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Peñarroja Fa (C‑372/09 u C‑373/09, EU:C:2011:156, punt 63). Diġà qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta, ara, pereżempju, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1992, Oleificio Borelli vs Il-Kummissjoni (C‑97/91, EU:C:1992:491, punti 1314).

    ( 48 ) Żewġ deċiżjonijiet riċenti tal-Awla Manja tal-Nejvyšší správní soud (qorti amministrattiva suprema, ir-Repubblika Ċeka) jistgħu jservu ta’ eżempji. Fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Mejju 2017, Kawża Nru 10 Azs 153 / 2016-52, in-Nejvyšší správní soud (qorti amministrattiva superma) ittrattat problemi strutturali fl-Ambaxxata Ċeka f’Hanoi, fejn l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal permessi tax-xogħol kien suġġett għal proċedura tassew Kafkeska, effettivament billi ġiet diżattivata kwalunkwe sottomissjoni regolari ta’ applikazzjoni. B’riferiment għall-ġurisprudenza preċedenti tagħha dwar il-kwistjoni u d-dikjarazzjoni li l-prattika kontinwa tas-servizz ċivili Ċek kienet kompletament inaċċettabbli u ta’ għajb (punt 56 tad-deċiżjoni), in-Nejvyšší správní soud (qorti amministrattiva superma) żiedet tgħid “s-servizz ċivili Ċek stabbilixxa għall-applikanti għal ċerti permessi ta’ residenza Ċeki b’mod partikolari fil-Vjetnam u fl-Ukraina sistema kompletament opaka, li tiddependi fuq l-imġiba arbitrarja tal-impjegati ċivili kompetenti li jikkontrollaw l-aċċess għas-sottomissjoni ta’ dawk l-applikazzjonijiet, biex b’hekk jiġi disattivat anki ħjiel ta’ kontroll estern, imma b’xamma qawwija ta’ korruzzjoni u abbuż” (punt 57 tad-deċiżjoni, ara wkoll sentenza parallela mill-istess jum fil-Kawża Nru. 7 Azs 227 / 2016-36).

    ( 49 ) Għal każ fejn il-Qorti tinterpreta d-dritt sekondarju tal-UE “fid-dawl tal-” Artikolu 47 tal-Karta, fil-kuntest tal-akkwist pubbliku, ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et (C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688).

    ( 50 ) Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146), u tal-14 ta’ Ġunju 2017, Menini u Rampanelli (C‑75/16, EU:C:2017:457).

    ( 51 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġiet iffaċċata b’din il-kwistjoni fis-sentenza Zakaria, fil-kuntest tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen dwar id-dispożizzjoni ekwivalenti tal-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Hemm il-kwistjoni, li eventwalment ma ġietx ittrattata mill-Qorti tal-Ġustizzja, kienet dwar jekk l-Artikolu 13(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen kienx jeħtieġ lill-Istati Membri li jiggarantixxu rimedju effettiv “li jiżgura rikors quddiem qorti jew quddiem istituzzjoni li jipprovdi, fil-livell istituzzjonali u funzjonali, l-istess garanziji bħal qorti” (sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, C‑23/12, EU:C:2013:24).

    ( 52 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C‑54/96, EU:C:1997:413, punt 23); tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 46 et seq); u tal-24 ta’ Mejju 2016, MT Højgaard u Züblin (C‑396/14, EU:C:2016:347, punt 23). Ara wkoll, fir-rigward tal-Irish Refugee Appeals Tribunal, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, D. u A. (C‑175/11, EU:C:2013:45, punti 95 et seq).

    ( 53 ) Ara wkoll il-konkużjonijiet tiegħi fil-kawża Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2016:825, punti 101 sa 107).

    Top