Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0358

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fis-26 ta’ Lulju 2017.
    UBS Europe SE u Alain Hondequin et consorts vs DV et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour administrative (Luxembourg).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2004/39/KE – Artikolu 54(1) u (3) – Portata tal-obbligu tas-sigriet professjonali impost fuq l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza finanzjarja – Deċiżjoni li tikkonstata t-telf tar-reputazzjoni tajba – Każ li jaqa’ taħt id-dritt kriminali – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 47 u 48 – Drittijiet tad-difiża – Aċċess għall-fajl.
    Kawża C-358/16.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:606

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fis-26 ta’ Lulju 2017 ( 1 )

    Kawża C‑358/16

    UBS (Luxembourg) SA et

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour administrative (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/39/KE – Artikolu 54(1) u (3) – Aċċess għal informazzjoni fil-proċeduri ġudizzjarji kontra deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza tas-settur finanzjarju – Sigriet professjonali – Eċċezzjoni għal każijiet li jaqgħu taħt id-dritt kriminali – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Awtorità ta’ sorveljanza tas-settur finanzjarju tista’ tirrifjuta lid-destinatarji ta’ miżura li tikkawża preġudizzju l-aċċess għal dokumenti li jiskaġunaw, li jikkonċernaw lil terzi, billi tinvoka s-sigriet professjonali skont l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39/KE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji ( 2 ) ( 3 )?

    2.

    Din id-domanda hawnhekk tqum fil-kuntest ta’ deċiżjoni tal-awtorità Lussemburgiża ta’ sorveljanza tas-settur finanzjarju li tikkonstata li DV ma għandux ir-reputazzjoni tajba li hija neċessarja biex ikun jista’ jeżerċita funzjonijiet ta’ tmexxija f’impriżi ta’ investiment. Ir-raġuni għad-deċiżjoni kienet ir-rwol tiegħu fl-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ impriża li kienet involuta fl-iskandlu finanzjarju Madoff ( 4 ).

    3.

    F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour administrative (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha l-isfida li tirrikonċilja l-protezzjoni tas-sigriet professjonali u l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża.

    4.

    Għaldaqstant, l-ewwel nett, għandu jiġi mistħarreġ jekk sitwazzjoni bħal dik ineżami hijiex koperta mill-eċċezzjoni għas-sigriet professjonali prevista fl-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 għal “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”. It-tieni nett għandu jiġi eżaminat, fid-dawl tal-garanziji ta’ smigħ xieraq u rimedju effettiv, jekk il-mod kif jinsab stabbilit is-sigriet professjonali fl-Artikolu 54 tad-Direttiva jiħux suffiċjentement inkunsiderazzjoni d-dritt ta’ aċċess għall-fajl tad-destinatarji ta’ miżura bil-karatteristiċi tal-każ preżenti.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    5.

    L-Artikoli 41, 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll id-Direttiva 2004/39 jikkostitwixxu l-kuntest ġuridiku tal-Unjoni tal-każ ineżami.

    6.

    B’mod preliminari, għandu jsir riferiment għall-premessi 2, 44, 63 u 71 tad-Direttiva:

    “(2)

    […] huwa meħtieġ li jiġi pprovvdut il-grad ta’ armonizzazzjoni meħtieġ sabiex joffri lill-investituri livell għoli ta’ protezzjoni u sabiex id-ditti ta’ l-nvestiment jitħallew jipprovdu servizzi ġewwa l-Komunità kollha, ġaladarba hi Suq Waħdieni, fuq il-bażi tas-sorveljanza tal-pajjiż tal-post. […]

    (44)

    Bil-mira doppja li jiġu protetti l-investituri u li jiġi żgurat l-operat bla xkiel tas-swieq tat-titoli, […].

    (63)

    Huwa meħtieġ li jiġu rrinfurzati d-dispożizzjonijiet dwar l-iskambju tat-tagħrif bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li li jiġu msaħħa d-dmirijiet ta’ l-assistenza u l-koperazzjoni li għandhom jagħtu lil xulxin. Minħabba l-attività tiżdied li taqsam il-fruntieri, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lil xulxin it-tagħrif rilevanti sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, sabiex jiżguraw l-infurzar effettiv ta’ din id-Direttiva, inklużi s-sitwazzjonijiet meta l-kontravenzjonijiet jew il-kontravenzjonijiet issuspettati jistgħu jkunu ta’ tħassib lill-awtoritajiet f’żewġ Stati Membri jew iktar. Fl-iskambju tat-tagħrif, hija meħtieġa segretezza stretta professjonali sabiex tiġi żgurata t-trasmissjoni bla xkiel ta’ dan it-tagħrif u għall-protezzjoni ta’ drittijiet partikolari.

    (71)

    Il-għan li jinħoloq suq finanzjarju integrat, li fih l-investituri jiġu protetti b’mod effettiv u li jiġu ssalvagwardati l-effikaċja u l-integrità tas-suq ġenerali, jeħtieġ li jiġu stabbiliti ħtiġiet regolatorji komuni li jkollhom x’jaqsmu mad-ditti ta’ l-invesdtiment kulfejn ikunu awtorizzati fil-Komunità u li jirregolaw il-funzjonament tas-swieq irregolati u sistemi oħra tal-kummerċ sabiex jiġu pprevenuti l-opaċità jew id-diżordni f’suq milli jimminaw l-operat effiċjenti tas-sistema finanzjarja Ewropea kollha. […]”

    7.

    Fit-Titolu II, id-Direttiva tirregola l-awtorizzazzjoni tal-impriżi ta’ investiment u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività tagħhom.

    8.

    L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jistabbilixxi l-ħtieġa għal awtorizzazzjoni f’dan ir-rigward:

    “Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jeħtieġ illi t-twettiq tax-xogħol tas-servizzi jew l-attivitajiet ta’ l-investiment bħala mestier jew kummerċ rregolati fuq bażi professjonali irid ikun bla ħsara għal awtorizzazzjoni minn qabel skond id-dispopsizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu. […]”.

    9.

    Skont l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva, l-awtorità kompetenti tista’ tirtira l-awtorizzazzjoni maħruġa lil impriża ta’ investiment meta din “ma tissoktax tissodisfa l-kondizzjonijiet li fuqhom tkun ġiet konċessa l-awtorizzazzjoni, […]”.

    10.

    L-Artikolu 9(1)(1) u (3) tad-Direttiva jikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni b’rabta mal-persuni li jmexxu impriża ta’ investiment:

    “(1)   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi l-persuni li jmexxu l-kummerċ ta’ ditta ta’ l-investiment b’mod dirett ikollhom fama tajba u esperjenza biżżejjed sabiex jiżguraw il-ġestjoni soda u prudenti tad-ditta ta’ l-investimant.[…].

    (3)   L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta awtorizzazzjoni jekk ma tkunx sodisfatta illi l-persuni li jridu jidderieġu l-kummerċ tad-ditta ta’ l-investiment b’mod effettiv ikollhom il-fama tajba u l-esperjenza biżżejjed, jew jekk ikun hemm raġunijiet oġġettivi u li jistgħu jintwerew sabiex temmen illi l-bidliet proposti għall-amministrazzjoni tad-ditta joħolqu tehdida għall-ġestjoni soda u prudenti tagħha”

    11.

    L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva jikkjarifika li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni inizjali, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, għandhom jiġu ssodisfatti l-ħin kollu.

    “L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi ditta ta’ l-investiment awtorizzata fit-territorju tagħhom tikkonforma l-ħin kollu mal-kondizzjonijit għall-awtorizzazzjoni inizjali stabbiliti fil-Kapitolu I ta’ dan it-Titolu”.

    12.

    L-ewwel kapitolu tat-Titolu IV (“L-awtoritajiet kompetenti”) tad-Direttiva jinkludi regoli dwar in-nomina tal-awtoritajiet kompetenti, is-setgħat tagħhom u dwar ir-rimedji ġudizzjarji:

    13.

    Skont l-Artikolu 50(1) tad-Direttiva,“l-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw il-poteri kollha tas-sorveljanza u l-investigazzjoni li jkunu meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom”. Skont il-paragrafu 2(l), dawn il-poteri jinkludu, inter alia, id-dritt li “jirreferu materji għall-prosekuzzjoni kriminali”.

    14.

    L-Artikolu 51(1) tad-Direttiva jikkonċerna l-konsegwenzi possibbli ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet adottati b’applikazzjoni tad-Direttiva:

    “(1)   Mingħajr preġudizzju għall-proċeduti għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni jew għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, skond il-liġijiet nazzjonali tagħhom, illi jkunu jistgħu jittieħdu l-miżuri amministrattivi appoprjati jew ikunu jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi kontra l-persuni responsabbli, meta ma jitħarsux id-dispożizzjonijiet adottati sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi dawn il-miżuri jkunu effettivi, ipproporzjonati u dissważivi.”

    15.

    L-Artikolu 54 tad-Direttiva, intitolat “Is-Segretezza professjonali” jipprevedi dan li ġej fil-paragrafi 1 sa 3:

    “(1)   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, il-persuni kollha li jaħdmu jew li jkunu ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti jew l-entitajiet li lilhom ikunu ġew iddelegati kompiti skond l-Artikolu 48(2), kif ukoll l-awdituri u l-esperti mogħtija struzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti, jkunu marbuta l-obbligu tas-segretezza professjonali. Ma jista’ jiġi żvelat l-ebda tagħrif li jistgħu jirċievu fil-kors tad-dmirijiet tagħhom lill-ebda persuna jew awtorità, ikunu xi jkunu, għajr f’għamla sommarja u aggregata hekk li d-ditti individwali ta’ l-investiment jew kull persuna oħra ma jistgħux jiġu identifikati, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġijiet kriminali jew bid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva.

    (2)   Meta ditta ta’ l-investment, operatur tas-suq jew suq irregolat ikunu ġew iddikjarati falluti, jew jagħlqu l-kummerċ bil-fors, jista’ jiġi żvelat it-tagħrif kunfidenzali li ma jirrigwardax lil partijiet terzi fil-proċedimenti ċivili jew kummerċjali jekk meħtieġ sabiex jitwettaq il-proċediment.

    (3)   Mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġijiet kriminali, l-awtoritajiet kompetenti, il-korpi jew il-persuni naturali jew legali għajr l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu tagħrif kunfidenzali skond din id-Direttiva jistgħu jużawh biss fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom u għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, fil-każ ta’ l-awtoritajiet kompetenti, gewwa l-iskop ta’ din id-Direttiva jew, fil-każ ta’ l-awtoritajiet, il-korpi jew il-persuni naturali u legali l-oħra bil-għan li għalih dan it-tagħrif ikun ġie pprovvdut lilhom u/jew fil-kuntest ta’ proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji li jkollhom x’jaqsmu b’mod speċifiku ma’ l-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet. Madankollu, meta l-awtorità kompetenti jew kull awtorità, korp jew persuna oħra li jikkomunikaw it-tagħrif jagħtu l-kunsens tagħhom għal dan, l-awtorità li tirċievi t-tagħrif tista’ tużah għal għanijiet oħra.”

    B.   Id-dritt Lussemburgiż

    16.

    L-Artikolu 11 tal-liġi tat-8 ta’ Ġunju 1979 ( 5 ) jirregola d-dritt ta’ aċċess għall-fajl fil-proċeduri amministrattivi, u l-Artikolu 13 jistabbilixxi l-eċċezzjonijiet.

    17.

    L-Artikolu 19 tal-liġi tal-5 ta’ April 1993 ( 6 ), li ġie aġġornat bħala parti mit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/39, jistabbilixxi, b’mod komparabbli mal-Artikolu 9 tad-Direttiva, ir-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba.

    18.

    L-Artikolu 32 tal-liġi tat-13 ta’ Lulju 2007 ( 7 ) jirregola s-sigriet professjonali filwaqt li jittrasponi l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39.

    III. Il-proċedura fil-kawża prinċipali u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    19.

    UBS (Luxembourg) S.A. ( 8 ) (iktar ’il quddiem “UBS”) stabbiliet il-kumpannija ta’ investiment LUXALPHA SICAV (iktar ’il quddiem “Luxalpha”) bil-kooperazzjoni ta’ DV, li mbagħad eżerċita funzjonijiet ta’ tmexxija f’Luxalpha. Luxalpha kienet involuta fl-iskandlu finanzjarju Madoff u tqiegħdet fi stralċ fl-2009.

    20.

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2010, il-Commission de Surveillance du Secteur Financier (l-awtorità Lussemburgiża ta’ sorveljanza tas-settur finanzjarju, iktar ’il-quddiem is-“CSSF”) ikkonstatat li DV ma kienx għadu affidabbli minħabba r-rwol tiegħu fl-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ Luxalpha, u b’hekk ma kienx adatt għar-rwol ta’ amministratur f’waħda mill-entitajiet issorveljati minnha jew sabiex jeżerċita funzjoni oħra suġġetta għal awtorizzazzjoni. B’hekk huwa kellu jirriżenja mill-pożizzjonijiet rilevanti.

    21.

    DV ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tas-CSSF quddiem it-tribunal administratif (qorti amministrattiva). F’din il-proċedura, DV talab biex is-CSSF tittrażmettilu diversi dokumenti li s-CSSF kienet irċeviet fil-kuntest tal-attività ta’ sorveljanza tagħha b’rabta ma’ UBS u Luxalpha.

    22.

    Is-CSSF irrifjutat li tagħmel dan billi invokat is-sigriet professjonali u billi indikat li hija fl-ebda mument ma bbażat ruħha fuq id-dokumenti mitluba b’rabta mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2010. Hija għaddiet lil DV id-dokumenti kollha li jikkonċernaw il-proċess amministrattiv tiegħu.

    23.

    DV ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tas-CSSF fil-kuntest ta’ proċedura inċidentali quddiem il-qorti amministrattiva, u talab li jiġu rrilaxxati d-dokumenti. Huwa tal-fehma li d-dokumenti inkwistjoni huma neċessarji għal difiża xierqa. Dawn jipprovdu tagħrif dwar it-tqassim reali tar-rwoli tal-persuni involuti fl-istabbiliment ta’ Luxalpha. Il-qorti amministrattiva laqgħet it-talba għal informazzjoni biss parzjalment.

    24.

    Il-Cour administrative (qorti amministrattiva) iddeċidiet dwar l-appell ippreżentat permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2014. Il-qorti amministrattiva ordnat lis-CSSF sabiex tittrażmetti għadd kbir ta’ dokumenti fil-kuntest tal-proċedura prinċipali. UBS u l-membri preċedenti tal-bord tad-diretturi ta’ Luxalpha, Alain Hondequin et, bdew proċedura ta’ oppożizzjoni minn terzi quddiem il-qorti amministrattiva kontra din is-sentenza. Il-partijiet li qed jopponu huma tal-fehma li t-trażmissjoni tad-dokumenti lil DV tkun tikser is-sigriet professjonali ggarantit fl-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39.

    25.

    F’dan il-kuntest, il-Cour administrative (qorti amministrattiva) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin skont l-Artikolu 267 TFUE:

    “1.

    Fl-isfond, b’mod partikolari, tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), li jissanċixxi l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, l-eċċezzjoni ta’ ‘każijiet koperti bil-liġijiet kriminali’ msemmija kemm fil-parti finali tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39/KE, kif ukoll fil-parti inizjali tal-Artikolu 54(3) tal-istess direttiva, tkopri wkoll ipoteżi li taqa’, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, taħt sanzjoni amministrattiva, iżda li mill-perspettiva tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) hija meqjusa li tifforma parti mid-dritt kriminali, bħalma hija s-sanzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imposta mir-regolatur nazzjonali, awtorità sorveljanti nazzjonali, u li tikkonsisti f’li membru ta’ Kamra tal-Avukati nazzjonali jiġi ordnat jiqaf milli jeżerċità, fi ħdan entità ssorveljata mill-imsemmi regolatur, il-funzjoni ta’ amministratur jew funzjoni oħra suġġetta għal approvazzjoni filwaqt li tordnalu jirreżenja mill-funzjonijiet relatati kollha tiegħu fl-iqsar żmien possibbli?

    2.

    Fil-każ li s-sanzjoni amministrattiva msemmija iktar ’il fuq, meqjusa bħala tali fil-livell tad-dritt nazzjonali, taqa’ taħt proċedura amministrattiva, sa fejn huwa l-obbligu li jiġi mħares is-sigriet professjonali li awtorità sorveljanti nazzjonali tista’ tinvoka abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39/KE, iċċitata iktar ’il fuq, suġġett għall-eżistenza ta’ smiegħ xieraq li jinkludi rimedju effettiv bħal dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta, eżaminati fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw b’mod parallel mill-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB fil-qasam ta’ smiegħ xieraq u ta’ effettività tar-rimedju, li flimkien jikkostitwixxu l-garanziji previsti fl-Artikoli 48 tal-Karta, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess sħiħ tal-persuna li kontriha ġiet imposta s-sanzjoni amministrattiva għall-fajl tal-awtur ta’ dik is-sanzjoni li fl-istess ħin huwa l-awtorità sorveljanti nazzjonali inkarigata mid-difiża tal-interessi u tad-drittijiet ċivili tal-persuna ssanzjonata?”

    26.

    Is-CSSF, UBS, Hondequin et kif ukoll DV et ( 9 ) bħala partijiet fil-kawża prinċipali, u addizzjonalment ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2017, minbarra l-partijiet fil-kawża prinċipali kienu rrappreżentati wkoll ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni Ewropea.

    IV. Analiżi

    27.

    Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari preżenti tikkonċerna d-dispożizzjonijiet dwar is-sigriet professjonali fl-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39.

    28.

    L-ewwel domanda preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni li tinsab fil-paragrafi 1 u 3 għal “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”. Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-forma li jieħu s-sigriet professjonali fl-Artikolu 54 tad-Direttiva, fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl tad-destinatarji ta’ miżura bħal dik fil-każ preżenti, jissodisfax il-garanziji ta’ smigħ xieraq u ta’ rimedju effettiv.

    29.

    Qabelxejn għandu jiġi indikat li sabiex tingħata risposta għad-domandi preliminari għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2004/39 u l-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 54.

    30.

    Id-Direttiva 2004/39 għandha l-għan li toħloq suq integrat għall-istrumenti finanzjarji, li joffri livell ta’ protezzjoni għoli lill-investituri u li jippermetti lill-impriżi ta’ investiment li jipprovdu servizzi mal-Unjoni kollha fuq il-bażi tas-sorveljanza eżerċitata fl-Istat Membru ta’ oriġini ( 10 ). F’dan ir-rigward l-Artikolu 54 tad-Direttiva għandu r-rwol li jiggarantixxi l-iskambju ta’ informazzjoni mingħajr xkiel meħtieġ għal dan l-għan. Peress li dan jirrikjedi li l-impriżi ta’ investiment issorveljati u l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jkunu ċerti li l-informazzjoni kunfidenzjali trażmessa bħala prinċipju tibqa’ wkoll kunfidenzjali ( 11 ), bħala prinċipju, skont l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva huwa pprojbit li l-awtoritajiet sorveljanti jiżvelaw lil terzi informazzjoni kunfidenzjali f’forma mhux iġġeneralizzata u mhux anonimizzata.

    A.   Fuq l-ewwel domanda preliminari – “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”

    31.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-eċċezzjoni għas-sigriet professjonali prevista fl-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 għal “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” tapplikax għal miżura bil-karatteristiċi tad-deċiżjoni tas-CSSF tal-4 ta’ Jannar 2010, filwaqt li jitqies id-dritt għal amministrazzjoni tajba.

    32.

    Fil-kuntest tal-Artikolu 54 tad-Direttiva, l-espressjoni tinsab kemm fil-paragrafu 1 kif ukoll fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 3.

    33.

    L-aħħar klawżola tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva tistabbilixxi li l-projbizzjoni tal-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali lil terzi ma tapplikax għal “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”. L-Artikolu 54(3) tad-Direttiva jikkonċerna l-użu tal-informazzjoni kunfidenzjali mill-awtorità kompetenti. Dan huwa permess, “[m]ingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”, biss għal għanijiet partikolari u speċifikati ( 12 ).

    1. Fuq l-interpretazzjoni awtonoma tal-eċċezzjoni

    34.

    L-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva ma tinkludi ebda definizzjoni tal-“każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” u f’dan ir-rigward ma tirreferix għad-dritt tal-Istati Membri.

    35.

    Għaldaqstant din l-espressjoni għandha tingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha b’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 13 ).

    36.

    Dan ma huwiex prekluż mill-fatt li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li jkun japplika s-sigriet professjonali mingħajr ma jispeċifikaw il-kontenut tiegħu b’mod preċiż. Fil-fatt, setgħa possibbli tal-Istati Membri, li hawnhekk ma hijiex inkwistjoni ( 14 ), li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “sigriet professjonali” hija limitata fid-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari fl-eċċezzjonijiet mill-projbizzjoni li tiġi żvelata informazzjoni kunfidenzjali, irregolati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 54 tad-Direttiva ( 15 ).

    37.

    Barra minn hekk, jekk ma tingħatax interpretazzjoni uniformi fl-Unjoni kollha tal-każijiet li fihom l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali lil terzi huwa permess b’mod eċċezzjonali, dan ikun jippreġudika l-iskambju ta’ informazzjoni mingħajr xkiel bejn id-diversi awtoritajiet u l-impriżi ta’ investiment, peress li l-partijiet ma jkunux jistgħu jkunu ċerti li informazzjoni kunfidenzjali bħala prinċipju tibqa’ wkoll kunfidenzjali. Dan ikun imur ukoll kontra t-tieni premessa tad-Direttiva 2004/39, li skontha din id-direttiva timmira proprju għall-armonizzazzjoni sal-livell meħtieġ sabiex l-impriżi ta’ investiment ikunu jistgħu jipprovdu servizzi mal-Unjoni kollha fuq il-bażi tas-sorveljanza eżerċitata fl-Istat Membru ta’ oriġini u biex jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni lill-investituri.

    2. Fuq is-sinjifikat tal-eċċezzjoni

    38.

    Meta tiġi interpretata l-espressjoni “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”, essenzjalment ikunu possibbli żewġ alternattivi. Minn naħa, hija inkwistjoni interpretazzjoni “sostantiva”, li skontha sitwazzjonijiet li jinvolvu att kriminali jew sanzjoni kriminali għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”. Dan jista’ jkun il-każ fil-kawża prinċipali, minħabba li possibbilment id-deċiżjoni tas-CSSF għandha titqies bħala waħda ta’ natura kriminali. Min-naħa l-oħra hija ssuġġerita interpretazzjoni “proċedurali”, li skontha, skont din l-eċċezzjoni, l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali għandu jkun permess biss jekk dan ikun neċessarju għall-investigazzjonijiet jew il-proċeduri kriminali skont id-dritt nazzjonali.

    39.

    Il-kwistjoni dwar liema interpretazzjoni għandha tapplika għandha tiġi ddeterminata b’mod partikolari filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw l-espressjonijiet u l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet li minnhhom jagħmlu parti ( 16 ).

    a) Fuq il-kuntest tal-eċċezzjoni fl-Artikolu 54 tad-Direttiva

    40.

    Fil-każ ineżami, il-kuntest li fih tintuża l-espressjoni “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” huwa kontra l-interpretazzjoni “sostantiva” ta’ din il-formulazzjoni.

    41.

    L-ewwel nett, b’mod partikolari min-natura tal-formulazzjoni li għandha tiġi interpretata bħala dispożizzjoni ta’ deroga ( 17 ) u mill-ħtieġa stabbilita fil-premessa 63 tad-Direttiva għal “segretezza stretta professjonali”, jirriżulta li l-“każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Jekk dak li jkun japplika l-eċċezzjoni għas-sitwazzjonijiet kollha li jinvolvu att kriminali jew sanzjoni kriminali, dan ixejjen ir-regola bażika tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva, li skontha teżisti projbizzjoni fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali lil terzi.

    42.

    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-kliem tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva ma jimponi ebda rekwiżit ieħor għall-ksur tas-sigriet professjonali f’każijiet li jaqgħu taħt id-dritt kriminali.

    43.

    Dan huwa b’kuntrast kbir mal-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 54(2) tad-Direttiva, li hija intiża sabiex tiffaċilita t-trażmissjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali “meta l-affarijiet ikunu marru serjament ħażin u […] l-entità tkun waqfet l-attivitajiet normali tagħha” ( 18 ), iżda xorta waħda timponi rekwiżiti oħra. B’hekk l-Artikolu 54(2) tad-Direttiva huwa applikabbli biss f’ċerti sitwazzjonijiet (meta jinbdew proċeduri ta’ falliment kontra impriża ta’ investiment jew meta jinbeda l-istralċ obbligatorju tagħha permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti), jirrestrinġi l-iżvelar għal kuntest speċifiku (fi proċeduri ċivili jew kummerċjali) u jippermetti biss l-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni (informazzjoni li ma tirrigwardax lil terzi u li hija neċessarja għall-proċedura inkwistjoni).

    44.

    Permezz ta’ dan il-paragun bejn il-paragrafi (1) u (2) tal-Artikolu 54 tad-Direttiva huwa ċar li l-espressjoni “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” ma tistax tkopri s-sitwazzjonijiet kollha fejn mil-lat sostantiv ikunu kkonċernati atti kriminali jew sanzjonijiet kriminali. Dan għaliex tali fehim, fid-dawl tan-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ulterjuri, idgħajjef, mingħajr ġustifikazzjoni evidenti, il-protezzjoni stretta tas-sigriet professjonali li hija fil-mira tal-Artikolu 54 u li hija indispensabbli għall-finijiet tad-Direttiva. Fl-istess ħin, ir-restrizzjonijiet iddettaljati tal-Artikolu 54(2) jiġu ppreġudikati f’tali każijiet. B’mod partikolari għandu jiġi preżunt li l-leġiżlatur kien jipprevedi kundizzjonijiet ulterjuri li kieku l-formulazzjoni “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” kellha tkopri wkoll każijiet li jinvolvu atti kriminali mwettqa fis-swieq tat-titoli jew, bħal fil-każ preżenti, in-natura kriminali ta’ miżura.

    b) Fuq l-għan tal-eċċezzjoni

    45.

    Il-fatt li l-espressjoni “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” ma tistax tkopri s-sitwazzjonijiet kollha fejn mil-lat sostantiv huma kkonċernati atti kriminali jew sanzjonijiet kriminali huwa appoġġat ukoll mill-għan tal-espressjoni.

    46.

    L-Artikolu 51(1) tad-Direttiva jistabbilixxi biċ-ċar li “[m]ingħajr preġudizzju għall-proċeduti għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni jew għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali” jeżisti obbligu li jiġu stabbiliti “miżuri amministrattivi appoprjati jew ikunu jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi” sabiex ikunu jistgħu jittieħdu passi kontra l-persuni responsabbli meta jkun hemm ksur tad-Direttiva.

    47.

    Fl-opinjoni tiegħi, il-formulazzjonijiet “mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” fl-Artikolu 54(1) u “[m]ingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” fl-Artikolu 54(3) tad-Direttiva wkoll għandhom jinftiehmu bħala kjarifika, bħall-konstatazzjoni li d-dritt tal-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali jibqa’ mhux affettwat. Huma jagħmluha ċara li s-sigriet professjonali, fil-każijiet li fihom, skont id-dritt tal-Istati Membri, għandha tiġi imposta sanzjoni kriminali jew tinbeda proċedura f’dan ir-rigward, ma jipprekludix it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet korrispondenti. B’konformità ma’ dan, l-Artikolu 50(2)(l), għall-każ li l-inizjattiva ma toriġinax mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, jipprovdi d-dritt tal-awtorità kompetenti li tirreferi kawża lil qorti għal finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali.

    48.

    L-espressjoni “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” għandha tevita kunflitt mad-dritt tal-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali u jibdew proċeduri f’dan ir-rigward.

    49.

    Dan l-iskop huwa wkoll konformi mal-kawża Altmann et ( 19 ), li kienet ibbażata fuq talba għal informazzjoni ta’ investituri affettwati ta’ impriża ta’ investiment li aġixxiet b’mod frawdolenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-każ ma kienx jaqa’ taħt id-dritt kriminali, peress li t-talba għal informazzjoni “kienet ġiet ippreżentata sussegwentement għall-kundanni ta’ natura kriminali fil-konfront tal-persuni responsabbli [tal-impriża ta’ investiment]” ( 20 ). La n-natura frawdolenti tal-attività tal-kumpannija u lanqas il-kundanni ta’ natura kriminali tal-persuni responsabbli ma kellhom il-konsegwenza li l-każ jaqa’ taħt id-dritt kriminali fis-sens tad-Direttiva ( 21 ). L-Avukat Ġenerali Jääskinen argumenta b’mod simili fil-konklużjonijiet tiegħu, fis-sens li l-għan segwit mit-talba għal informazzjoni “ma huwiex li [tuża] dawn għall-finijiet tal-proċeduri kriminali” ( 22 ). L-eċċezzjoni madankollu għandha l-għan li “[tagħmel] possibbli l-investigazzjonijiet u l-proċeduri kriminali fi kwalunkwe mument, anki matul l-eżerċizzju tal-attivitajiet normali tal-impriża ta’ investiment, u għalhekk [tippermetti] lill-awtorità ta’ superviżjoni li tiżvela informazzjoni għall-finijiet ta’ tali proċeduri” ( 23 ).

    50.

    Finalment, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-għan tal-eċċezzjoni ta’ “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”, jista’ jiġi indikat ukoll il-fatt li l-eċċezzjoni ma tipprevedi ebda kundizzjoni oħra. Il-preżunzjoni li f’każijiet b’rabta ma’ atti kriminali jew sanzjonijiet ta’ natura kriminali l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva jippermetti l-iżvelar ta’ kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali fi kwalunkwe kuntest lil kull awtorità jew persuna, ma tistax tkun intiża mill-eċċezzjoni għall-“każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”. Dan għaliex tali fehim ikun imur kontra l-għan fundamentali tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39, li tiġi żgurata protezzjoni stretta tas-sigriet professjonali.

    c) Kunsiderazzjonijiet oħrajn

    51.

    Interpretazzjoni “proċedurali” tal-“każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” hija konformi wkoll mal-kunsiderazzjonijiet segwenti.

    52.

    L-ewwel nett din l-interpretazzjoni tikkorrispondi għall-istruttura tad-Direttiva 2004/39. Fl-Artikolu 51(1), id-Direttiva tagħmel distinzjoni ċara bejn miżuri tad-dritt regolatorju u amministrattiv, li huma mfassla mid-Direttiva, u s-sanzjonijiet ta’ natura kriminali tal-Istati Membri, li jibqgħu mhux affettwati. Fehim sostantiv tal-eċċezzjoni fis-sens li hija kwistjoni tan-natura kriminali tal-miżuri u b’hekk il-miżuri amministrattivi ta’ natura kriminali wkoll jistgħu jiġu kklassifikati bħala każijiet li jaqgħu taħt id-dritt kriminali, tkun tmur kontra din id-distinzjoni.

    53.

    Barra minn hekk, interpretazzjoni “proċedurali” tista’ tiġi rrikonċiljata mal-fatt li l-espressjoni “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” tintuża f’għadd kbir ta’ atti legali finanzjarji differenti ( 24 ). Dan jissuġġerixxi li f’dan ir-rigward din hija pjuttost formulazzjoni biex jiġu evitati kunflitti u biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-prosekuzzjoni kriminali, u b’hekk ma hijiex daqstant intiża għal kunsiderazzjoni individwali tal-miżuri, li jvarjaw skont in-natura u l-qasam irregolat mid-Direttiva.

    54.

    Finalment, dan l-approċċ “proċedurali” huwa kkonfermat ukoll mill-Artikolu 76(1) tad-Direttiva 2014/65/EU ( 25 ), li tirriformula d-Direttiva 2004/39. Anki jekk id-Direttiva 2014/65 li daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Lulju 2014 issostitwiet id-Direttiva 2004/39 biss b’effett mit-3 ta’ Jannar 2017, ir-riformulazzjoni tista’ sservi ta’ indikazzjoni għall-interpretazzjoni tal-każijiet li jaqgħu taħt id-dritt kriminali. Skont l-Artikolu 76(1) tad-Direttiva 2014/65, ir-“rekwiżiti tad-dritt kriminali jew fiskali nazzjonali” ma humiex affettwati mill-projbizzjoni tal-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali. B’hekk ma hijiex kwistjoni ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali lid-destinatarji ta’ miżuri ta’ sorveljanza jew kwistjoni tan-natura kriminali ta’ dawn il-miżuri, iżda pjuttost li jintwera li s-sigriet professjonali ma jipprekludix it-trażmissjoni meta din tkun meħtieġa għall-finijiet tad-dritt kriminali jew fiskali nazzjonali.

    55.

    Għaldaqstant, bħala konklużjoni, għandu jingħad li l-espressjoni “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” ma teskludix mill-applikazzjoni tas-sigriet professjonali s-sitwazzjonijiet kollha fejn ikun ikkonċernat att kriminali jew sanzjoni kriminali. Minflok, l-eċċezzjoni maħluqa b’dan il-mod għandha tippermetti l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal investigazzjonijiet u proċeduri kriminali, sakemm dan ikun meħtieġ mid-dritt kriminali jew mid-dritt proċedurali kriminali nazzjonali. Sitwazzjonijiet bħal dik preżenti b’hekk ma humiex “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”.

    56.

    Il-kwistjoni dwar kemm il-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba ( 26 ) mħaddan fl-Artikolu 41 tal-Karta u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl ( 27 ) iggarantit b’dan il-mod huma konsistenti mal-Artikolu 54 tad-Direttiva għandha tiġi diskussa fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari.

    3. Fuq l-alternattiva għal interpretazzjoni “sostantiva” tal-“każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”

    57.

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix is-suġġeriment tiegħi, iżda tiddeċiedi li l-espressjoni “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” tkopri sitwazzjonijiet li jinvolvu atti kriminali jew sanzjonijiet kriminali, għandu jiġi eżaminat jekk deċiżjoni bħal dik tas-CSSF tal-4 ta’ Jannar 2010 hijiex ta’ natura kriminali.

    58.

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar meta miżura għandha taqa’ taħt id-dritt kriminali, dak li jkun jista’ jirrikorri għal dak li l-Istat Membru kkonċernat jifhem b’“att kriminali” u “penali” jew għal interpretazzjoni awtonoma.

    59.

    L-ewwel alternattiva, madankollu, tqajjem it-tħassib diġà msemmi fil-punti 34 sa 37.

    60.

    Interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” tista’ tingħata skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’rabta mal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta. B’riferiment għall-“kriterji Engel” ( 28 ) tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura kriminali ta’ miżura huma rilevanti tliet kriterji: l-ewwel wieħed huwa dak dwar il-klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt nazzjonali, it-tieni huwa dak dwar in-natura stess tal-ksur, u t-tielet wieħed huwa dwar in-natura u l-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab ( 29 ).

    61.

    Dwar l-ewwel kriterju, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt Lussemburgiż jikklassifika miżura bħad-deċiżjoni tas-CSSF bħala waħda li taqa’ taħt id-dritt amministrattiv.

    62.

    Fir-rigward tat-tieni kriterju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-grupp tad-destinatarji tar-regola, li fuqha hija bbażata l-miżura, l-għan tagħha u l-interessi legali protetti minnha ( 30 ).

    63.

    Deċiżjoni bil-karatteristiċi ta’ dik tal-każ preżenti ma għandhiex mnejn tittieħed kontra l-pubbliku ġenerali, kif huwa tipiku għad-dritt kriminali. Hija tista’ tkun diretta biss lejn il-membri ta’ grupp speċifiku, jiġifieri ċ-ċirku limitat ħafna ta’ dawk li volontarjament iddeċidew li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ tmexxija fin-negozjar ta’ titoli f’impriżi li jeħtieġu awtorizzazzjoni.

    64.

    Fir-rigward tal-għan tad-deċiżjoni tas-CSSF, għandu jingħad li l-kriterju tar-reputazzjoni tajba skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2004/39 għandu jiżgura “[l]-ġestjoni soda u prudenti tad-ditta ta’ l-investimant” ( 31 ). Bħar-rekwiżiti l-oħra li għandhom jiġu ssodisfatti mill-impriżi ta’ investiment sabiex jiksbu awtorizzazzjoni, din il-kundizzjoni hija intiża sabiex tipproteġi lill-investituri u sabiex tiggarantixxi l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ( 32 ). Sabiex tiġi żgurata din il-protezzjoni, il-kapaċità tal-amministraturi mhux biss għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, iżda wkoll wara din il-proċedura, b’mod regolari mill-awtorità kompetenti ( 33 ). Il-konstatazzjoni tas-CSSF li ma għad hemm ebda fiduċja fil-fatt li DV joffri garanzija suffiċjenti għall-ġestjoni soda u prudenti tal-impriżi ta’ investiment, b’hekk ma hijiex intiża biex dan jiġi ppenalizzat, iżda biex jiġu evitati riskji għas-sistema finanzjarja u għall-investituri. Anki sa fejn id-deċiżjoni tikkonstata li DF għaldaqstant ma huwiex adatt biex jeżegwixxi funzjonijiet ta’ tmexxija f’waħda mill-impriżi ssorveljati mis-CSSF, id-deċiżjoni ma għandha ebda għan repressiv karatteristiku għad-dritt kriminali. Għall-kuntrarju, dan l-effett legali jirriżulta direttament mid-Direttiva 2004/39, li skontha l-persuni ta’ reputazzjoni tajba biss għandhom jassumu tali funzjonijiet. It-talba lil DV sabiex jirriżenja mill-pożizzjonijiet korrispondenti hija l-konsegwenza neċessarja għall-finijiet tal-evitar effettiv tar-riskji u l-miżura l-inqas restrittiva meta mqabbla mal-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-impriża ta’ investiment.

    65.

    Lanqas l-interessi legali protetti f’dan il-każ ma jwasslu sabiex id-deċiżjoni tas-CSSF tal-4 ta’ Jannar 2010 tiġi kklassifikata bħala waħda kriminali. Dan għaliex il-protezzjoni tal-investituri u l-istabbiltà tas-suq finanzjarju normalment huma ggarantiti kemm mid-dritt kriminali kif ukoll mid-dritt amministrattiv.

    66.

    Għal dak li jirrigwarda t-tielet “kriterju Engel”, in-natura u s-severità tal-miżura imposta, il-QEDB tieħu inkunsiderazzjoni l-piena massima imposta b’mod astratt fuq il-ksur ( 34 ). Meta din il-premessa tiġi applikata għall-każ preżenti, wieħed jiltaqa’ ma’ diffikultajiet peress li ma huwiex ċar mid-deċiżjoni preliminari li d-deċiżjoni hija bbażata fuq regola li tistabbilixxi skala ta’ pieni jew li tqiegħed id-deċiżjoni f’rabta ġerarkika ma’ miżuri oħra. Għall-kuntrarju d-deċiżjoni timplementa l-kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 9(1)(1) tad-Direttiva. F’dan ir-rigward, il-każ preżenti huwa differenti wkoll mis-sentenzi tal-QEDB dwar is-sanzjonijiet imposti minn awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji ( 35 ).

    67.

    Jekk wieħed iqis in-natura tad-deċiżjoni meħuda hawnhekk, l-ewwel nett huwa ċar li l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ reputazzjoni tajba u l-ordni għal riżenja minn funzjonijiet ta’ tmexxija f’impriżi ta’ investiment ma hija konnessa ma’ ebda multa jew piena ta’ priġunerija. Anki fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, dawn is-sanzjonijiet tipiċi għad-dritt kriminali ma humiex imposti. Barra minn hekk, id-dritt kriminali jirrikonoxxi wkoll projbizzjonijiet li wieħed jeżerċita professjoni. Madankollu, dan ma jfissirx li kull deċiżjoni li jkollha effetti negattivi fuq l-għażla libera tal-attività professjonali tal-persuna kkonċernata għandha awtomatikament taqa’ taħt id-dritt kriminali. Fil-fatt, restrizzjonijiet fuq il-libertà professjonali permezz ta’ kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni b’rabta ma’ persuni huma tipiċi wkoll għad-dritt amministrattiv u b’mod partikolari d-dritt li jirregola l-prevenzjoni tar-riskji.

    68.

    Jekk titqies is-severità tad-deċiżjoni meħuda f’dan il-każ, għandu jingħad li din għandha konsegwenzi estensivi għall-persuna kkonċernata. Id-destinatarja ma tissodisfax il-prerekwiżit sabiex tkun attiva f’funzjoni ta’ tmexxija f’impriżi ta’ investiment u għandha tirriżenja mill-pożizzjonijiet korrispondenti. Dan jista’ jirriżulta f’telf finanzjarju u f’effett ħażin fuq l-immaġni pubblika tad-destinatarja tad-deċiżjoni.

    69.

    Minkejja dan, għandu jitqies il-fatt li d-deċiżjoni tikkonċerna biss ċerti attivitajiet fi ħdan qasam professjonali wieħed. DV la huwa pprojbit milli jassumi funzjonijiet oħra f’impriżi ta’ investiment u lanqas milli jeżerċita l-professjoni ta’ avukat. Barra minn hekk, it-telf finanzjarju jkun mistenni wkoll li kieku l-awtorità ta’ sorveljanza ma talbitx lil DV jirreżenja, iżda rtirat l-awtorizzazzjoni tal-impriża ta’ investiment. Hija tkun awtorizzata tagħmel dan skont l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva, jekk l-impriża ta’ investiment tkompli timpjega lil DV bi ksur tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/39. Finalment, huwa importanti wkoll il-fatt li d-deċiżjoni tas-CSSF ma teskludix lil DV minn funzjonijiet ta’ tmexxija għal żmien kunsiderevoli jew b’mod permanenti. Għall-kuntrarju hija tinkorpora l-opinjoni legali tas-CSSF fil-mument tad-deċiżjoni. Għandha tittieħed deċiżjoni mill-ġdid dwar il-kapaċità ta’ DV jekk impriża ta’ investiment li fi ħdanha huwa jkollu pożizzjoni ta’ tmexxija titlob approvazzjoni mingħand is-CSSF jew jekk impriża approvata jkollha l-intenzjoni li timpjegah f’funzjoni ta’ din in-natura. Barra minn hekk għandu jitqies li d-deċiżjoni tas-CSSF, kif ikkonfermat ir-rappreżentanta ta’ din l-awtorità fis-seduta, ma ġietx ippubblikata. L-effetti negattivi tad-deċiżjoni fuq ir-reputazzjoni tad-destinatarju mal-pubbliku b’hekk ma humiex konsegwenza diretta tad-deċiżjoni.

    70.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, f’dan il-każ ma hijiex ikkonċernata projbizzjoni tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali li taqa’ taħt id-dritt kriminali. Għalhekk l-applikazzjoni tat-tielet “kriterju Engel” lanqas ma twassal sabiex id-deċiżjoni tas-CSSF tal-4 ta’ Jannar 2010 jkollha natura kriminali.

    71.

    Finalment, l-ewwel domanda preliminari, meta tingħata interpretazzjoni “sostantiva”, għandha tingħata risposta fis-sens li l-espressjoni “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” ma tkoprix is-sitwazzjoni preżenti. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tafferma n-natura kriminali tad-deċiżjoni, dan iġib miegħu l-konsegwenza li l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 ma jipprekludix l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali. Peress li l-Artikolu 54 ma jorbotx l-iżvelar tal-informazzjoni f’“każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” ma’ kundizzjonijiet oħrajn, is-sigriet professjonali jkun prattikament imxejjen f’sitwazzjonijiet ta’ natura kriminali. Anki l-indħil fl-investigazzjonijiet u l-proċeduri kriminali nazzjonali rispettivi mbagħad ikun inevitabbli. B’hekk jerġa’ jirriżulta biċ-ċar li l-interpretazzjoni tal-espressjoni “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” fl-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 ma għandhiex tkun ibbażata fuq fehim “sostantiv” iżda fuq approċċ “proċedurali”.

    4. Konklużjoni intermedjarja

    72.

    B’konformità mal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel domanda preliminari għandha tingħata risposta kif ġej:

    73.

    L-espressjoni “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” li tinsab fl-Artikolu 54(1) u (3) tad-Direttiva 2004/39 ma tkopri ebda sitwazzjoni fejn awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza tikkonstata li persuna ma hijiex affidabbli u b’hekk ma hijiex adatta biex teżerċita funzjonijiet ta’ tmexxija f’impriża ssorveljata minnha, u titlob għar-riżenja tagħha mill-pożizzjonijiet korrispondenti.

    B.   Fuq it-tieni domanda preliminari – id-dritt għal smigħ xieraq u għal rimedju effettiv

    74.

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk il-mod kif jinsab stabbilit is-sigriet professjonali fl-Artikolu 54 tad-Direttiva, fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl tad-destinatarji ta’ miżura bħal dik inkwistjoni, jikkonformax mal-garanziji ta’ smigħ xieraq u ta’ rimedju effettiv skont l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta kif ukoll l-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB.

    75.

    L-ewwel nett għandu jiġi nnotat li l-KEDB ma hijiex strument legali integrat formalment fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u għaldaqstant l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tad-Direttiva għandha ssir fid-dawl tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta ( 36 ).

    1. Fuq l-Artikolu 47 tal-Karta

    76.

    Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 47 tal-Karta jistabbilixxi d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti u fil-paragrafu 2 huwa jistabbilixxi d-dritt għal smigħ xieraq.

    77.

    Id-Direttiva tiżgura li r-rekwiżiti ta’ rimedju effettiv skont l-Artikolu 47(1) tal-Karta jiġu osservati. L-Artikolu 52(1) tad-Direttiva jippreskrivi li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti għandhom jinkludu motivazzjoni xierqa u jkunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju. Il-garanzija tal-Artikolu 47(1) tal-Karta b’rabta mal-effettività tar-rimedju hija limitata għall-fatt li jeżisti dritt li tiġi adita qorti, li tkun indipendenti mill-awtorità kompetenti għad-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju u li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ id-deċiżjoni. Il-fatt li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti wkoll fil-każ preżenti huwa evidenti mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tas-CSSF tal-4 ta’ Jannar 2010 u mill-proċedura prinċipali.

    78.

    Id-dritt għal smigħ xieraq imsemmi fl-Artikolu 47(2) tal-Karta l-ewwel nett ikopri l-prinċipju ta’ kontradittorju. Skont dan il-prinċipju, il-partijiet fil-proċeduri għandhom id-dritt jaraw il-provi u l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati quddiem il-qorti u jiddiskutuhom ( 37 ). Madankollu dan id-dritt ma huwiex affettwat f’każijiet bħal dak preżenti. Dan peress li l-partijiet ma humiex qed jikkontestaw informazzjoni li sabet ruħha fil-proċeduri ġudizzjarji. B’hekk lanqas ma għandu jkun hemm il-biża’ li d-deċiżjoni ġudizzjarja tkun ibbażata fuq fatti u dokumenti li waħda mill-partijiet ma setgħetx issir taf bihom ( 38 ).

    79.

    Id-dritt għal smigħ xieraq skont l-Artikolu 47(2) tal-Karta jkopri wkoll il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża. Din l-espressjoni tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tinsab b’mod korrispondenti fir-rigward tal-proċeduri amministrattivi fl-Artikolu 41 u fir-rigward tal-proċeduri kriminali fl-Artikolu 48(2) tal-Karta. Il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża tkopri wkoll id-dritt ta’ aċċess għall-fajl.

    80.

    Dan id-dritt, kif muri mill-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta, jirreferi għall-fajls li “jikkonċerna[w]” lil persuna. Dawn jinkludu l-informazzjoni u d-dokomenti inkriminanti kollha li fuqhom l-awtorità bbażat id-deċiżjoni tagħha ( 39 ). Barra minn hekk, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jinkludi wkoll dokumenti li jiskaġunaw ( 40 ) u dawk li għalkemm ma ntużawx għall-motivazzjoni tad-deċiżjoni, jinsabu f’rabta oġġettiva magħha ( 41 ). Il-kwistjoni dwar liema fajl hija allokata fih fiżikament l-informazzjoni ma hijiex rilevanti hawnhekk.

    81.

    Id-dokumenti inkwistjoni hawnhekk, fil-fehma ta’ DV, għandhom jipprovdu informazzjoni dwar it-tqassim “reali” tar-rwoli meta twaqqfet Luxalpha. Peress li s-CSSF ibbażat id-deċiżjoni tagħha wkoll fuq ir-rwol tad-destinatarju fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ Luxalpha, l-informazzjoni mitluba b’hekk tikkonċerna dokumenti li potenzjalment jiskaġunaw.

    82.

    Is-CSSF madankollu rċeviet dawn id-dokumenti fil-kuntest tal-attività ta’ sorveljanza tagħha eżerċitata fuq UBS u Luxalpha. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma huwiex eskluż minħabba l-fatt li l-informazzjoni tikkonċerna lil terzi. Madankollu, id-drittijiet fundamentali tagħhom għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma japplikax b’mod assolut, iżda kif pereżempju juri l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta, huwa suġġett għall-kundizzjoni li jiġi protett l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità kif ukoll tas-sigriet professjonali u kummerċjali.

    83.

    Għaldaqstant, għandu jinstab bilanċ bejn id-dritt ta’ aċċess għall-fajl u s-sigriet professjonali. Fil-każ tad-Direttiva 2004/39 l-Artikolu 54 huwa r-riżultat ta’ dan il-proċess ta’ bbilanċjar min-naħa tal-leġiżlatur Ewropew. Għandu jiġi eżaminat jekk f’dan ir-rigward irriżultax bilanċ proporzjonat tal-interessi kunfliġġenti fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

    84.

    Għandu jitqies il-fatt li l-Artikolu 54 tad-Direttiva ma jagħti ebda prijorità assoluta lis-sigriet professjonali fuq id-dritt ta’ aċċess għall-fajl fil-proċeduri amministrattivi. Għalkemm l-Artikolu 54 jipprevedi l-projbizzjoni ġenerali tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, dejjem jippermetti l-iżvelar f’forma sommarja jew aggregata ( 42 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 54 jistabbilixxi diversi eċċezzjonijiet għal din il-projbizzjoni, għalkemm b’mod eżawrjenti, fosthom ukoll il-“każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” li diġà ġew diskussi.

    85.

    Id-deċiżjoni tal-awtur tad-Direttiva li jkun hemm ħarsien strett tas-sigriet professjonali hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li b’dan il-mod mhux biss ser jiġu protetti l-impriżi kkonċernati direttament, iżda ser jiġi ggarantit ukoll il-funzjonament normali tas-suq tal-Unjoni għall-istrumenti finanzjarji ( 43 ).

    86.

    Il-kwalità tal-informazzjoni trażmessa mill-impriżi ta’ investiment lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet jiddependu mill-fiduċja fil-kunfidenzjalità tal-informazzjoni trażmessa. B’hekk, mingħajr protezzjoni stretta tas-sigriet professjonali, anki s-sistema ta’ sorveljanza tal-impriżi ta’ investiment li hija bbażata fuq l-iskambju ta’ informazzjoni, u finalment il-protezzjoni mfittxa tal-investituri fis-swieq tal-Unjoni jiġu kompromessi.

    87.

    Barra minn hekk, l-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza jista’ jkollha valur ekonomiku għoli. Jekk titnaqqas il-protezzjoni tas-sigriet professjonali, dan jista’ jkollu l-effett li jkun hemm abbuż mid-dritt ta’ aċċess għall-fajl, sabiex tintuża informazzjoni kunfidenzjali għal skopijiet oħrajn.

    88.

    Fl-istess waqt, wieħed għandu jqis li l-ħarsien strett tas-sigriet professjonali skont l-Artikolu 54 tad-Direttiva jista’ jwassal sabiex id-destinatarju ta’ miżura li tikkawża preġudizzju, għall-finijiet tad-difiża tiegħu, jirċievi biss dik l-informazzjoni li tagħtih l-istess awtorità ta’ sorveljanza li adottat il-miżura kkontestata. B’dan il-mod, l-awtorità ta’ sorveljanza tista’ tillimita l-portata tad-drittijiet tad-difiża ġudizzjarja tad-destinatarji tal-miżuri tagħha. Ikun inqas ta’ tħassib jekk ikun hemm separazzjoni organizzazzjonali bejn l-awtorità ta’ sorveljanza u dik l-awtorità li tadotta l-miżura li tikkawża preġudizzju. F’dan il-każ, is-CSSF hija kompetenti għas-sorveljanza tal-impriżi ta’ investiment, tieħu l-miżuri rilevanti u tiddeċiedi dwar l-aċċess għall-informazzjoni ( 44 ). Minħabba li jista’ jkun hemm dubji dwar l-imparzjalità tal-awtorità fuq il-livell tal-proċedura amministrattiva, għandu jiġi ggarantit stħarriġ ġudizzjarju effettiv tad-deċiżjoni tagħha ( 45 ).

    89.

    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-awtorità kompetenti diġà tikser is-sigriet professjonali minħabba l-iżvelar tal-informazzjoni inkriminanti li hija tuża sabiex timmotiva d-deċiżjoni tagħha. F’dan il-kuntest, jidher li ma huwiex aċċettabbli li l-awtorità tkun tista’ tirrifjuta l-iżvelar b’rabta ma’ informazzjoni li potenzjalment tiskaġuna li hija relatata mad-deċiżjoni, billi tirreferi b’mod ġenerali għas-sigriet professjonali.

    90.

    Minkejja dan, jien tal-fehma li d-Direttiva 2004/39 tippermetti bilanċ proporzjonat bejn id-drittijiet tad-difiża u l-protezzjoni tas-sigriet professjonali f’każijiet bħal dak inkwistjoni. Dan minħabba li d-drittijiet tad-difiża hawnhekk jistgħu jiġu mħarsa b’mod ieħor minbarra permezz tal-aċċess tad-destinatarju tad-deċiżjoni għad-dokumenti li potenzjalment jiskaġunaw.

    91.

    Huwa minnu li l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva, skont il-kliem tiegħu, jipprevedi li l-informazzjoni kunfidenzjali ma tistax tiġi żvelata lil “ebda persuna jew awtorità”. B’dan wieħed jista’ jifhem ukoll qorti nazzjonali. Iżda dan huwa kontradett mill-Artikolu 54(3) td-Direttiva, billi jistabbilixxi li l-awtorità kompetenti tista’ tuża informazzjoni kunfidenzjali fi proċeduri ġudizzjarji li jkollhom x’jaqsmu b’mod speċifiku mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha. Dan huwa ssuġġerit ukoll mill-Artikolu 50(2)(1) tad-Direttiva, peress li jipprevedi s-setgħa li l-kawża titressaq għal prosekuzzjoni kriminali. Għaldaqstant id-Direttiva ma tipprekludix li l-awtorità tagħmel id-dokumenti korrispondenti aċċessibbli għall-qorti li jkollha ġurisdizzjoni f’każijiet bħal dak inkwistjoni. Il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni mbagħad ikollha l-kompitu li tiddeċiedi jekk id-dokumenti għandhomx effett li jiskaġuna u kif jistgħu jiġu inklużi fil-proċedura b’konformità mad-dritt nazzjonali.

    92.

    Huwa minnu li l-prinċipju ta’ smigħ xieraq bħala prinċipju jitlob li din l-informazzjoni tingħadda wkoll lid-destinatarji tal-miżura, biex huma jkunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fil-proċedura ġudizzjarja. Restrizzjoni ta’ dan id-dritt madankollu tista’ tkun iġġustifikata meta tkun ikkonċernata biss informazzjoni li potenzjalment tiskaġunahom u li inkella ma tkunx tista’ tiġi inkluża fil-proċedura ġudizzjarja.

    93.

    B’hekk, minn naħa, tista’ tinżamm il-protezzjoni stretta tas-sigriet professjonali intiża mid-Direttiva 2004/39. Min-naħa l-oħra, jiġi ggarantit li d-destinatarju ta’ miżura bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ jingħata smigħ xieraq.

    2. Fuq l-Artikolu 48 tal-Karta

    94.

    F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 48 tal-Karta, għandu jiġi nnotat li huwa jipproteġi l-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-drittijiet tad-difiża li għandu jibbenefika minnhom “akkużat” ( 46 ), jiġifieri huwa intiż sabiex ikun hemm proċedura kriminali ġenwina.

    95.

    Id-dritt fundamentali b’hekk ma huwiex rilevanti fil-każ preżenti. Dan għaliex la l-proċedura ta’ sorveljanza li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva tas-CSSF ta’ natura preventiva, u lanqas il-proċedura amministrattiva ġudizzjarja dwar l-eżami ta’ din id-deċiżjoni ma għandhom jiġu kklassifikati bħala proċeduri kriminali.

    96.

    Anki meta tkun ikkonċernata tali proċedura, l-Artikolu 48 tal-Karta ma jipprekludix il-forma tas-sigriet professjonali fl-Artikolu 54 tad-Direttiva. Dan għaliex f’tali każ il-proposta tiegħi li tingħata interpretazzjoni “proċedurali” tal-“każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” fis-sens tal-Artikolu 54(1) u (3) tad-Direttiva tkun tippermetti l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali lill-awtoritajiet kriminali. Huma mbagħad l-awtoritajiet kriminali li għandhom jgħaddu lill-akkużat l-informazzjoni meħtieġa għall-ħarsien tad-drittijiet tiegħu b’konformità mad-dritt nazzjonali dwar il-proċedura kriminali.

    3. Konklużjoni intermedjarja

    97.

    Finalment, it-tieni domanda preliminari għandha tingħata risposta fis-sens li l-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti tista’ tirrifjuta li tiżvela informazzjoni kunfidenzjali li potenzjalment tiskaġuna lid-destinatarju ta’ miżura bħal dik inkwistjoni fil-każ preżenti, billi tinvoka s-sigriet professjonali taħt l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva, meta ma tkun tapplika ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 54 tad-Direttiva u d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju tal-miżura jkunu jistgħu jiġu mħarsa mod ieħor.

    V. Konklużjoni

    98.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tal-Cour administrative (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu) kif ġej:

    1)

    L-espressjoni “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” li tinsab fl-Artikolu 54(1) u (3) tad-Direttiva 2004/39/KE ma tkopri ebda sitwazzjoni fejn awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza tikkonstata li persuna ma hijiex affidabbli u b’hekk ma hijiex adatta biex teżerċita funzjonijiet ta’ tmexxija f’impriża ssorveljata minnha, u titlob għar-riżenja tagħha mill-pożizzjonijiet korrispondenti.

    2)

    L-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti tista’ tirrifjuta li tiżvela informazzjoni kunfidenzjali li potenzjalment tiskaġuna lid-destinatarju ta’ deċiżjoni, li permezz tagħha hija kkonstatat li huwa ma għadux affidabbli u b’hekk ma huwiex adatt biex jeżerċita funzjonijiet ta’ tmexxija f’impriża ssorveljata minnha, u b’hekk ikollu jirreżenja mill-pożizzjonijiet korrispondenti, billi tinvoka s-sigriet professjonali taħt l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39, meta ma tkun tapplika ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 54 tad-Direttiva u d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju tal-miżura jkunu jistgħu jiġu mħarsa mod ieħor.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263) fil-verżjoni tad-Direttiva 2008/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2008 (ĠU 2008, L 76, p. 33).

    ( 3 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Altmann et (C‑140/13, EU:C:2014:2362) u l-kawża pendenti C‑15/16, Baumeister.

    ( 4 ) Il-frodi tal-investiment ta’ Bernard Lawrence Madoff, ċittadin tal-Istati Uniti, ikkawżat dannu fid-dinja kollha ta’ madwar 65 biljun dollaru Amerikan. Fl-2009, Madoff ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ 150 sena.

    ( 5 ) Mémorial A Nru 54, tas-6 ta’ Lulju 1979.

    ( 6 ) Mémorial A Nru 27, tal-10 ta’ April 1993.

    ( 7 ) Mémorial A Nru 116, tas-16 ta’ Lulju 2007.

    ( 8 ) Suċċessur legali mill-1 ta’ Diċembru 2016: UBS Europe SE.

    ( 9 ) EU, li kontra tiegħu fit-18 ta’ Ġunju 2010 s-CSSF ħadet deċiżjoni simili għal dik li ttieħdet kontra DV, huwa wkoll parti fil-kawża prinċipali u fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 10 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Altmann et (C‑140/13, EU:C:2014:2362, punt 26) u l-premessi 2, 31, 44 u 71 tad-Direttiva 2004/39.

    ( 11 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Altmann et (C‑140/13, EU:C:2014:2362, punti 31 u 32) u addizzjonalment is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1985, Hillenius (110/84, EU:C:1985:495, punt 27) kif ukoll il-premessi 44 u 63 tad-Direttiva 2004/39.

    ( 12 ) Niddubita li l-“użu” ta’ data kunfidenzjali skont l-Artikolu 54(3) jista’ jkopri wkoll l-“iżvelar” tal-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Slynn fil-kawża Hillenius [110/84, EU:C:1985:333, p. 3950]). Peress li ż-żewġ paragrafi jipprevedu eċċezzjoni għall-“każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” bi kliem identiku, ir-risposta għal din il-kwistjoni ma hijiex deċiżiva hawnhekk.

    ( 13 ) Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C‑34/10, EU:C:2011:669, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tad-9 ta’ Novembru 2016, Wathelet (C‑149/15, EU:C:2016:840, punt 28).

    ( 14 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-kawża pendenti C‑15/16, Baumeister, li hija dwar l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “sigriet professjonali” u ta’ “informazzjoni kunfidenzjali”.

    ( 15 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Altmann et (C‑140/13, EU:C:2014:2362, punt 35).

    ( 16 ) Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C‑34/10, EU:C:2011:669, punt 31), tad-19 ta’ Diċembru 2013, Fish Legal u Shirley (C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 42), u tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor (C‑174/14, EU:C:2015:733, punt 52).

    ( 17 ) Ara s-sentenzi tat-22 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑346/08, EU:C:2010:213, punt 39), u tas-26 ta’ Frar 2015, Wucher Helicopter u Euro-Aviation Versicherung (C‑6/14, EU:C:2015:122, punt 24).

    ( 18 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Altmann et (C‑140/13, EU:C:2014:2168, punt 50).

    ( 19 ) Sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Altmann et (C‑140/13, EU:C:2014:2362).

    ( 20 ) Sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Altmann et (C‑140/13, EU:C:2014:2362, punt 39).

    ( 21 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Altmann et (C‑140/13, EU:C:2014:2362, punt 41).

    ( 22 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Altmann et (C‑140/13, EU:C:2014:2168, punt 28).

    ( 23 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Altmann et (C‑140/13, EU:C:2014:2168, punt 27).

    ( 24 ) Ara, inter alia, l-Artikolu 53(1)(2) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338); Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU 2010, L 331, p. 84); Artikolu 24(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2015, dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35).

    ( 25 ) Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU 2014, L 173, p. 349).

    ( 26 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 49), kif ukoll l-ispjegazzjoni dwar l-Artikolu 41 tal-Karta (Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ĠU 2007, C 303, p. 17), u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.

    ( 27 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 99), kif ukoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 1992, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni (T‑10/92 sa T‑12/92 u T‑15/92, EU:T:1992:123, punti 37 sa 41).

    ( 28 ) Ara l-QEDB, sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1976, Engel et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (ECLI:CE:ECHR:1976:0608JUD000510071, §§ 80-82).

    ( 29 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 35) b’riferiment għas-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Bonda (C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 37) kif ukoll, addizzjonalment, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bonda (C‑489/10, EU:C:2011:845, punti 45 sa 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 30 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Bonda (C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 39) u, barra minn hekk, is-sentenzi tal-QEDB tal-21 ta’ Frar 1984, Ötztürk vs Il-Ġermanja (ECLI:CE:ECHR:1984:0221JUD000854479, § 53), tal-24 ta’ Frar 1992, Bendenoun vs Franza (ECLI:CE:ECHR:1994:0224JUD001254786, § 47) u tal-10 ta’ Ġunju 1996, Benham vs Ir-Renju Unit (ECLI:CE:ECHR:1996:0610JUD001938092, § 56).

    ( 31 ) Jekk din il-kundizzjoni ma tkunx issodisfatta, jew ma tibqax issodisfatta, l-awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta l-awtorizzazzjoni tal-impriża ta’ investiment [ara l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva] jew tirtiraha sussegwentement [ara l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva].

    ( 32 ) Ara l-premessa 17 kif ukoll il-premessi 2, 31, 44 u 71 tad-Direttiva 2004/39.

    ( 33 ) Ara l-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 2004/39.

    ( 34 ) Ara l-QEDB, sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Ezeh u Connors vs Ir-Renju Unit (ECLI:CE:ECHR:2003:1009JUD003966598, § 120).

    ( 35 ) Ara l-QEDB, sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2009, Dubus S.A. vs Franza (ECLI:CE:ECHR:2009:0611JUD000524204) u tal-4 ta’ Marzu 2014, Grande Stevens vs L-Italja (ECLI:CE:ECHR:2014:0304JUD001864010), li huma differenti wkoll mill-każ preżenti minħabba li s-CSSF ma hijiex qorti.

    ( 36 ) Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il_Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 46), u tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punti 45 u 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 37 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (C‑450/06, EU:C:2008:91, punt 47), u tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 55).

    ( 38 ) Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 56), u tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 39 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 68).

    ( 40 ) Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 68, 74 u 75) u tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni (C‑110/10 P, EU:C:2011:687, punt 49).

    ( 41 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 125 u 126).

    ( 42 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni (T‑410/03, EU:T:2008:211, punti 153 u 154) b’rabta mar-rekwiżit ta’ verżjonijiet mhux kunfidenzjali jew sommarji mhux kunfidenzjali ta’ dokumenti.

    ( 43 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Altmann et (C‑140/13, EU:C:2014:2362, punt 33).

    ( 44 ) Ir-riferiment ta’ DV għas-sentenza tal-QEDB tal-11 ta’ Ġunju 2009, Dubus S.A. vs Franza (ECLI:CE:ECHR:2009:0611JUD000524204) huwa żgwidat, peress li huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni żbaljata li s-CSSF, bħall-Commission bancaire f’dak il-każ (§§ 24 u 55 tas-sentenza), hija qorti fis-sens tal-Artikolu 6(1) KEDB jew l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta.

    ( 45 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 55) kif ukoll, dwar ir-rekwiżit tal-imparzjalità skont l-Artikolu 47(2) tal-Karta, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et (C‑685/15, EU:C:2017:452, punti 60 sa 64) kif ukoll, b’rabta mal-Artikolu 41(1) tal-Karta, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Spanja vs Il-Kunsill (C‑521/15, EU:C:2017:420, punti 98 sa 115).

    ( 46 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 83).

    Top