EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0306

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fil-21 ta’ Ġunju 2017.
António Fernando Maio Marques da Rosa vs Varzim Sol – Turismo, Jogo e Animação, SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal da Relação do Porto.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 5 – Perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tal-inqas jum ta’ mistrieħ għal kull perijodu ta’ sebat ijiem – Perijodu ta’ iktar minn sitt ijiem ta’ xogħol konsekuttivi.
Kawża C-306/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:486

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fil-21 ta’ Ġunju 2017 ( 1 )

Kawża C-306/16

António Fernando Maio Marques da Rosa

vs

Varzim Sol– Turismo, Jogo e Animação SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal da Relação do Porto (qorti tal-appell ta’ Porto, il-Portugall)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88 – Artikolu 5 – Perijodu ta’ mistrieħ fil‑ġimgħa – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tal-inqas jum ta’ mistrieħ għal kull perijodu ta’ sebat ijiem – Xogħol bix-shift – Perijodu ta’ iktar minn sitt ijiem ta’ xogħol konsekuttivi”

I. Introduzzjoni

1.

Din il-kawża tirrigwarda talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal da Relação do Porto (qorti tal-appell ta’ Porto, il-Portugall), dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5 tad-Direttivi 93/104/KE ( 2 ) u 2003/88/KE ( 3 ) dwar il-mistrieħ fil-ġimgħa, kif ukoll tal-Artikolu 31 tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) dwar id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u ekwi. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-mistrieħ fil‑ġimgħa li għalih għandu dritt il-ħaddiem skont l-imsemmija dispożizzjonijiet għandux jingħata mhux iktar tard mis-seba’ jum wara sitt ijiem ta’ xogħol konsekuttivi.

2.

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega l-motivi li għalihom nikkunsidra li din il-kwistjoni timmerita risposta negattiva u li, skont l‑imsemmija dispożizzjonijiet, il-jum ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jista’ jingħata fi kwalunkwe jum f’kull perijodu ta’ sebat ijiem.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

3.

Id-Direttiva 93/104 ġiet imħassra u ssostitwita bid‑Direttiva 2003/88 b’effett mit-2 ta’ Awwissu 2004 ( 4 ). Il-fatti tal‑kawża prinċipali huma rregolati, rationae temporis, parzjalment mid‑Direttiva 93/104 u parzjalment mid-Direttiva 2003/88 ( 5 ).

4.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/104, intitolat “Perjodu ta’ serħan tal‑ġimgħa”, jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw illi, għal kull perjodu ta’ sebat ijiem, kull ħaddiem huwa intitolat għal perjodu minimu ta’ serħan mhux interrott ta’ 24 siegħa minbarra l-11-il siegħa ta’ serħan kuljum li għalihom jirreferi l-Artikolu 3.

Jekk kundizzjonijiet oġġettivi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni tax‑xogħol jiġġustifikawh, perjodu minimu ta’ serħan ta’ 24 siegħa jista’ jkun applikat.”

5.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 jirripproduċi eżatt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/104 ( 6 ).

B. Id-dritt Portugiż

1.  Il-Kodiċi tax-xogħol tal-2003

6.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-Direttiva 93/104 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Portugiż waqt l-adozzjoni tal-Código do Trabalho 2003 ( 7 ) (Kodiċi tax-xogħol tal-2003). Dan jipprevedi, fl‑Artikolu 205(1) tiegħu ( 8 ):

“Il-ħaddiem għandu dritt tal-inqas għal ġurnata ta’ mistrieħ fil-ġimgħa”.

7.

L-Artikolu 206(1) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“Tista’ tingħata wkoll, kull ġimgħa jew f’ċerti ġimgħat tas-sena, nofs ġurnata jew ġurnata ta’ mistrieħ, minbarra l-ġurnata ta’ mistrieħ fil‑ġimgħa preskritta bil-liġi.”

8.

L-Artikolu 207(1) tal-imsemmi kodiċi jiddisponi:

“Mal-ġurnata ta’ mistrieħ fil-ġimgħa, għandu jiżdied perijodu ta’ ħdax-il siegħa, li jikkorrispondi għal perijodu minimu ta’ mistrieħ kuljum previst fl-Artikolu 176.”

2.  Il-Kodiċi tax-xogħol tal-2009

9.

Id-Direttiva 2003/88 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Portugiż waqt l-adozzjoni tal-Código do Trabalho 2009 ( 9 ) (Kodiċi tax‑xogħol tal-2009).

10.

L-Artikolu 232 tal-imsemmi kodiċi jiddisponi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Il-ħaddiem għandu dritt tal-inqas għal ġurnata mistrieħ fil-ġimgħa.

[…]

3.   Test li jirriżulta minn negozjar kollettiv jew minn kuntratt ta’ xogħol jista’ jipprevedi mistrieħ fil-ġimgħa addizzjonali, kontinwu jew le, kull ġimgħa jew f’ġimgħat tas-sena.”

11.

L-Artikolu 233(1) u (2) tal-imsemmi kodiċi huwa redatt kif ġej:

“1.   Għandhom jittieħdu b’mod konsekuttiv, il-mistrieħ fil-ġimgħa obbligatorju u l-perijodu ta’ ħdax-il siegħa li jikkorrispondi għal mistrieħ ta’ kuljum previst fl-Artikolu 214.

2.   Il-perijodu ta’ ħdax-il siegħa msemmi fil-paragrafu preċedenti huwa kkunsidrat bħala meħud, totalment jew parzjalment, waqt il-mistrieħ fil‑ġimgħa addizzjonali meħuda konsekuttivament wara l-mistrieħ fil‑ġimgħa obbligatorju.”

3.  Il-ftehimiet ta’ impriża

12.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-partijiet tal-kawża prinċipali kienet irregolata wkoll minn żewġ ftehimiet ta’ impriża, datati rispettivament fl-2002 u fl-2003 ( 10 ). Dawn il-ftehimiet kienu jipprevedu, b’mod partikolari, għal ħaddiem li kien jokkupa l‑pożizzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, id-dritt ta’ jumejn ta’ mistrieħ fil-ġimgħa konsekuttivi.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, A. Maio Marques da Rosa, kien impjegat mill-1991 sal-2014 – mill-1999 bħala kaxxier – mill‑kumpannija konvenuta, Varzim Sol– Turismo, Jogo e Animação SA (iktar ’il quddiem “Varzim Sol”) li għandha u tiġġestixxi każinò fil‑Portugall. Il-każinò jiftaħ kuljum ħlief fl-24 u fil-25 ta’ Diċembru, matul ċertu numru ta’ sigħat minn waranofsinhar sa filgħodu.

14.

Fi żmien il-fatti tal-kawża prinċipali, l-iskedi tal-impjegati ta’ Varzim Sol li kienu jeżerċitaw karigi fis-swali tal-logħob kellhom jumejn ta’ mistrieħ konsekuttivi. Il-kaxxiera, inkluż ir-rikorrent, kienu jaħdmu b’rotazzjoni fuq l-erba’ skedi eżistenti, skont il-ħinijiet tax-xogħol stabbiliti minn qabel u ppubblikati minn Varzim Sol.

15.

Matul l-2008 u l-2009, ir-rikorrent xi drabi ħadem sebat ijiem konsekuttivi. B’effett mill-2010, Varzim Sol biddlet il-ħinijiet b’tali mod li l-impjegati ma baqgħux jaħdmu iktar minn sitt ijiem konsekuttivi.

16.

Il-kuntratt tax-xogħol tar-rikorrent intemm fis-16 ta’ Marzu 2014.

17.

Ir-rikorrent ippreżenta rikors kontra Varzim Sol sabiex essenzjalment, jiġi kkonstatat, li din tal-aħħar ma tatux il-ġranet ta’ mistrieħ obbligatorji li huwa kkunsidra li kellu dritt għalihom, skont il‑leġiżlazzjoni Portugiża u l-ftehimiet ta’ impriża. F’dan ir-rigward, huwa talab danni u kumpens li jikkorrispondu għar-remunerazzjoni rilevanti għas-sigħat addizzjonali li ħadem, għas-sebat ijiem konsekuttivi li matulhom huwa kellu jaħdem u għan-nuqqas tat-tieni ġurnata ta’ mistrieħ fil-ġimgħa, kif ukoll għall-ġranet ta’ mistrieħ addizzjonali mhux mogħtija.

18.

Peress li l-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet ir-rikors tiegħu, ir‑rikorrent appella quddiem it-Tribunal da Relação do Porto (qorti tal‑appell ta’ Porto).

19.

Billi kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5 tad‑Direttivi 93/104 u 2003/88, din l-aħħar qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Fid-dawl tal-Artikoli 5 tad-[Direttivi 93/10 u 2003/88] kif ukoll tal-Artikolu 31 tal-[Karta], fil-każ ta’ ħaddiema li ħadmu bix-shift u bi ġranet ta’ mistrieħ b’rotazzjoni, fi stabbiliment li jopera fil-ġranet kollha tal-ġimgħa iżda li ma joperax b’mod kontinwu matul 24 siegħa kuljum, il-ġurnata ta’ mistrieh obbligatorju li għaliha l‑ħaddiem għandu dritt għandha tiġi permessa neċessarjament f’kull perijodu ta’ seba ġranet, jiġifieri, mill-inqas fis-seba’ ġurnata sussegwenti għas-sitt ġranet ta’ xogħol konsekuttivi?

2)

L-interpretazzjoni li fir-rigward ta’ dawn il-ħaddiema il-persuna li timpjega għandha libertà li tagħżel il-ġranet fejn tagħti lill-ħaddiem, ta’ kull ġimgħa, il-mistrieħ li għalih dan għandu dritt, fejn jista’ jirriżulta li l-ħaddiem ikun obbligat, mingħajr remunerazzjoni għal xogħol supplimentari, li jaħdem għal għaxar ġranet konsekuttivi (pereżempju, bejn nhar ta’ Erbgħa ta’ ġimgħa, ippreċedut b’mistrieh nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Tlieta, sa nhar ta’ Ġimgħa tal‑ġimgħa ta’ wara, segwit b’mistrieħ nhar ta’ Sibt u nhar ta’ Ħadd), hija konformi ma’ dawn id-direttivi u dispożizzjonijiet?

3)

Interpretazzjoni fis-sens li l-perijodu ta’ 24 siegħa ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni jista’ jseħħ fi kwalunkwe ġurnata kalendarja ta’ perijodu speċifiku ta’ seba’ ġranet kalendarji u l-perijodu ta’ 24 siegħa ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni (li magħhom għandhom jingħaddu 11-il siegħa ta’ mistrieħ kuljum) sussegwenti jista’ jseħħ ukoll fi kwalunkwe ġurnata kalendarja tal-perijodu ta’ seba’ ġranet kalendarji immedjatament sussegwenti għal dak preċedenti, hija konformi ma’ dawn id-direttivi u dispożizzjonijiet?

4)

L-interpretazzjoni fis-sens li minflok ħaddiem igawdi minn perijodu ta’ 24 siegħa ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni (li magħhom għandhom jingħaddu 11-il siegħa ta’ mistrieħ kuljum) għal kull perijodu ta’ seba’ ġranet, jista’ jgawdi minn żewġ perijodi konsekuttivi, jew mhux konsekuttivi, ta’ 24 siegħa ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni fi kwalunkwe ġurnata mill-4 ġranet kalendarji ta’ perijodu speċifiku ta’ referenza ta’ 14-il ġurnata kalendarja, hija konformi ma’ dawn id-direttivi u dispożizzjonijiet, anki fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(a) tad‑Direttiva [2003/88]?”

20.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrent fil‑kawża prinċipali, minn Varzim Sol, mill-Gvern Portugiż, Ungeriż, Pollakk, Finlandiż u Svediz, u tal-Kummissjoni Ewropea. Matul is‑seduta, li saret fil-5 ta’ April 2017, Varzim Sol, il-Gvern Portugiż kif ukoll il‑Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

IV. Analiżi

A. Fuq l-għan tad-domandi preliminari u d-dispożizzjonijiet tad‑dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu interpretati

1.  Fuq l-ewwel sat-tielet domandi preliminari

21.

Permezz tal-ewwel sat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l‑Artikoli 5 tad-Direttivi 93/104 u 2003/88 kif ukoll l-Artikolu 31 tal‑Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa li għalih għandu dritt il-ħaddiem, għandu jingħata tal-inqas fis-seba’ jum wara sitt ijiem ta’ xogħol konsekuttivi jew jekk l-impjegat jista’ jagħżel, għal kull perijodu ta’ sebat ijiem, fil-jum li fih jiġi l‑perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa.

22.

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-fatti tal-kawża prinċipali jaqgħu, parzjalment, taħt id-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 93/104, li kienet fis-seħħ sal-1 ta’ Awwissu 2004, u, parzjalment, taħt dawk tad-Direttiva 2003/88, li wasslet, b’effett mit‑2 ta’ Awwissu 2004, għall-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/104 ( 11 ). Madankollu, peress li l-Artikoli 5 tal-imsemmija direttivi kienu redatti f’termini identiċi ( 12 ) u peress li r-risposti li għandhom jingħataw għall-ewwel tliet domandi magħmula mill-qorti tar‑rinviju kienu, minħabba l-fatt li kienu identiċi, l-istess irrispettivament mid‑direttiva applikabbli, hemm lok li, sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, isir biss riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 ( 13 ). Barra minn hekk, għal din l-istess raġuni, għandu jiġi kkunsidrat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad‑Direttiva 93/104 mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika kompletament għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 ( 14 ).

23.

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel domanda ssemmi speċifikament il-“każ ta’ ħaddiema li ħadmu bix-shift u bi ġranet ta’ mistrieħ b’rotazzjoni, fi stabbiliment li jopera fil-ġranet kollha tal-ġimgħa iżda li ma joperax b’mod kontinwu matul 24 siegħa kuljum”. Dan il-kliem iqajjem il-kwistjoni tal-eventwali rilevanza, f’dan il-każ, tal-Artikolu 17(4)(a) tad-Direttiva 2003/88, li permezz tiegħu tista’ ssir deroga, b’mod partikolari, għall-Artikolu 5 ta’ din l-istess direttiva, għall‑attivitajiet tax-xogħol bix‑shift ( 15 ).

24.

Issa, il-qorti tar-rinviju ma tindikax jekk tikkunsidrax li r-rikorrent fil-kawża priċipali għandux jiġi kkunsidrat, fil-kuntest tal-impjieg tiegħu ma’ Varzim Sol, bħala ħaddiem bix-shift fis-sens tal-punt 6 tal‑Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 u/jew kienx jeżerċita, f’din il‑kumpannija, xogħol bix-shift skont il-punt 5 tal-Artikolu 2 ta’ din id‑direttiva ( 16 ). Fuq kollox, il-qorti tar-rinviju ma tirreferi għall-ebda element li jindika li d-dritt Portugiż jipprevedi derogi għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 għall‑attivitajiet tax-xogħol bix-shift, kif permess mill-Artikolu 17(4)(a) ta’ din id-direttiva ( 17 ). Fil-fatt, din il-qorti la tagħmel riferiment għal din l‑aħħar direttiva u lanqas għad-dispożizzjonijiet tad-dritt Portugiż, invokati mir-rikorrent, dwar il-ħaddiema bix-shift ( 18 ).

25.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nitlaq mill-premessa li d-dritt Portugiż ma jipprevedix deroga għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 għall‑attivitajiet tax-xogħol bix-shift ( 19 ), skont l-Artikolu 17(4)(a) ta’ din id-direttiva, u li din l-aħħar dispożizzjoni għalhekk ma hijiex rilevanti sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali.

26.

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju lanqas ma tirreferi għal elementi li jipprevedu li l-ftehimiet ta’ impriżi li jirregolaw ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali fihom dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88, skont l-Artikolu 18 tagħha ( 20 ). Għall-kuntrarju, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn il-ftehimiet jagħtu lir-rikorrent id-dritt għal ġurnata ta’ mistrieħ fil-ġimgħa addizzjonali, minbarra dak previst fl-Artikolu 5 tad‑Direttiva 2003/88 ( 21 ). Fi kliem ieħor, l-imsemmija ftehimiet jagħtu lir‑rikorrent protezzjoni iktar estiża minn dik prevista fl-imsemmi Artikolu 5 ( 22 ).

27.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l‑ewwel sat-tielet domandi preliminari ma jirrigwardawx il-każ fejn id-dritt nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi jippermettu derogi għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88, skont l-Artikolu 17(4)(a) u l-Artikolu 18 tal‑imsemmija direttiva, rispettivament, iżda iktar is-“sitwazzjoni b’mod awtomatiku” irregolata biss bl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, il‑qorti tar-rinviju tirrileva, hija stess, li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tax‑xogħol tal-2003 u tal-2009, u tal-ftehimiet ta’ impriżi applikabbli fil‑kawża prinċipali għandhom jiġu interpretati skont dan l-aħħar artikolu.

28.

Finalment, hemm lok li jiġi kkonstatat li, permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il‑konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 u mal-Artikolu 31 tal-Karta tas-sitwazzjoni li fiha l-ħaddiem jista’ jiġi obbligat li jagħti sa għaxart ijiem ta’ xogħol konsekuttivi “mingħajr ma jirċievi kumpens minħabba s-sigħat addizzjonali”.

29.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bl-eċċezzjoni magħmula fil-każ partikolari msemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 dwar il-leave annwali mħallas, din tillimita ruħha sabiex tirregola ċerti aspetti tal‑organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, b’tali mod li, bħala regola, hija ma tapplikax għar‑remunerazzjoni tal-ħaddiema ( 23 ). Għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk u, jekk ikun il-każ, sa fejn, ir-rikorrent għandu dritt, kif jallega ( 24 ), għar‑remunerazzjoni tas-sigħat addizzjonali ma tiddependix mid‑Direttiva 2003/88, iżda eventwalment minn dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali kif ukoll minn ftehimiet ta’ impriża applikabbli.

30.

Bħala konklużjoni, nikkunsidra li l-ewwel sat-tielet domandi preliminari għandhom jinftehmu bħala intiżi sabiex jistabbilixxu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa għandu jingħata mhux iktar tard mis-seba’ jum wara sitt ijiem ta’ xogħol konsekuttivi.

2.  Fuq ir-raba’ domanda preliminari

31.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata għall‑Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2003/88 li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5, perijodu ta’ referenza li ma jaqbiżx erbatax-il jum ( 25 ).

32.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ma għamlet l-ebda riferiment għal xi prova li turi li r-Repubblika Portugiża kienet użat il-possibbiltà, prevista fl‑Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2003/88, li tipprevedi tali perijodu ta’ referenza għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Kemm ir‑rikorrent fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Portugiż u l‑Kummissjoni jirrelevaw li din il-possibbiltà ma ġietx użata fil‑leġiżlazzjoni Portugiża.

33.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, skont ġurisprudenza stabbilita, li r-raba’ domanda hija inammissibbli ( 26 ).

B. Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 u tal-Artikolu 31(2) tal-Karta

34.

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jiżguraw li, f’kull perijodu ta’ 7 ijiem kull ħaddiem ikun intitolat għal perijodu minimu mingħajr interruzzjoni ta’ mistrieħ ta’ 24 siegħa (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa”) flimkien ma’ 11-il siegħa mistrieħ ta’ kuljum previsti fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

35.

Ir-rikorrent u l-Gvern Portugiż isostnu, essenzjalment, li skont l‑Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88, il-perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa għandu jingħata mhux iktar tard mis-7 jum li jiġi wara 6 ijiem ta’ xogħol konsekuttivi. Għall-kuntrarju, Varzim Sol, il-Gvern Ungeriż, Pollakk, Finlandiż u Svediz kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw, essenzjalment, li din id-dispożizzjoni timponi biss li jingħata perijodu ta’ mistrieħ ta’ tal-inqas 35 siegħa ( 27 ) għal kull perijodu ta’ 7 ijiem u li l‑perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa għandu għalhekk jaqa’ fi kwalunkwe jum matul dan il-perijodu ta’ 7 ijiem.

36.

Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat, li t-termini “f’kull perjodu ta’ sebat ijiem”, li jinsabu fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88, ma fihom l‑ebda riferiment dirett għad-dritt tal-Istati Membri u li, għalhekk, għandhom, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi fl-Unjoni kollha ( 28 ).

37.

Għar-raġunijiet li ser insemmi iktar ’il quddiem, jiena naqbel mal‑interpretazzjoni li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 ma jirrikjedix li l-perijodu ta’ mistrieħ jingħata neċessarjament mhux iktar tard mis-seba’ jum wara sitt ijiem ta’ xogħol konsekuttivi, iżda li minn din id‑dispożizzjoni jirriżulta li l-imsemmi perijodu għandu jingħata f’kull perijodu ta’ sebat ijiem. Din l-interpretazzjoni tfisser li, skont l‑imsemmija dispożizzjoni, il-ħaddiem jista’, bħala regola, ikun obbligat jaħdem sa tnax-il jum konsekuttivi ( 29 ), sakemm t-termini minimi tad‑Direttiva 2003/88 ikunu osservati, b’mod partikolari dawk relatati mal-mistrieħ ta’ kuljum u t-terminu massimu ta’ kull ġimgħa ta’ xogħol ( 30 ).

38.

L-ewwel nett, din il-konklużjoni jidhirli li tirriżulta minn qari letterali tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88. Fil-fatt, it-termini “f’kull perjodu ta’ sebat ijiem” ma jirrigwardawx mument preċiż li fih il-perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa għandu jintervjeni, iżda jirreferu iktar għat‑terminu (sebat ijiem) li matulu tali perijodu għandu jingħata. Barra minn hekk, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jagħmel l-ebda riferiment għal “jiem ta’ xogħol konsekuttivi”, iżda jirrikjedi, għall-kuntrarju, li l‑perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jingħata matul kull perijodu ta’ sebat ijiem, indipendentement minn jekk, u sa fejn, il-ħaddiem ikunx ħadem jew le matul dawn is-sebat ijiem ( 31 ).

39.

Fl-opinjoni tiegħi, minn dan jirriżulta li, il-kunċett ta’ “perjodu ta’ sebat ijiem” li jinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 ma jirreferix għal perijodu li l-bidu tiegħu jvarja, fis-sens li jibda jiddekorri wara t‑tmiem ta’ kull perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa, kif jidher li jikkunsidraw ir‑rikorrent fil-kawża prinċipali u l-Gvern Portugiż, iżda jirreferi iktar għal perijodi stabbiliti li jsegwu lil xulxin ( 32 ).

40.

It-tieni nett, għandu jiġi nnotat li, f’testi oħra tad-dritt tal-Unjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni espliċitament impona fuq l-Istati Membri li jiżguraw lill-ħaddiema perijodu ta’ mistrieħ wara ċertu perijodu ta’ żmien ( 33 ). Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni uża l-formula iktar flessibbli fl‑Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88, juri, fl-opinjoni tiegħi, li ma riedx jimponi li l-perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa previst f’dan l-artikolu jingħata wara ċertu numru ta’ ġranet ta’ xogħol konsekuttivi ( 34 ). Inżid li l‑interpretazzjoni ssuġġerita mir-rikorrent u mill-Gvern Portugiż li l‑Artikolu 5 jillimita n-numru ta’ ġranet ta’ xogħol konsekuttivi għal sitta ma ssib l-ebda sostenn fl-ebda verżjoni lingwistika tad‑Direttiva 2003/88 ( 35 ).

41.

It-tielet nett, ix-xogħol preparatorju relatat mad-Direttiva 93/104, li ġiet issostitwita bid-Direttiva 2003/88 ( 36 ), jikkonferma, fl-opinjoni tiegħi, li l-Artikolu 5 tagħha jiżgura lill-ħaddiema perijodu minimu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa filwaqt li jħalli lil-leġiżlaturi nazzjonali u liż-żewġ naħat tal-industrija ċertu marġni ta’ manuvrar fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ħinijiet ta’ xogħol ( 37 ). Din l-interpretazzjoni hija wkoll dik li fuqha huma bbażati d-dokumenti tal-Kummissjoni relatati mat‑transpożizzjoni mill-Istati Membri tad-Direttivi 93/104 u 2003/88 ( 38 ). Barra minn hekk, jekk il-verżjoni inizjali tal-Artikolu 5 tad‑Direttiva 93/104 li ssemmi l-mistrieħ ta’ kull nhar ta’ Ħadd, din id‑dispożizzjoni kienet limitata sabiex tipprevedi li l-perijodu minimu ta’ mistrieħ kien jinkludi “bħala regola” il-Ħadd ( 39 ).

42.

Finalment, nikkunsidra li l-fatt li jiġi impost perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa huwa konformi mal-għan essenzjali tad-Direttiva 2003/88, kif ikkonstat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri li tipproteġi b’mod effikaċi s‑sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema ( 40 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 jikkostitwixxi r-regola ta’ bażi applikabbli għall-ħaddiema kollha, li magħha jiżdiedu r-regoli partikolari għas-setturi ta’ attività li huma kkaratterizzati minn ċerta tbatija jew minn riskji partikolari ( 41 ).

43.

F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 31 tal-Karta, dispożizzjoni msemmija wkoll fid-domandi preliminari, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, kull ħaddiem għandu dritt, b’mod partikolari, għal perijodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa. Issa, mill‑ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta ( 42 ) jirriżulta li l-imsemmi paragrafu huwa bbażat fuq id-Direttiva 93/104, kif ukoll fuq l-Artikolu 2 tal-Karta Soċjali Ewropea ( 43 ) u l-punt 8 tal-Karta Komunitarja tad‑Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema ( 44 ).

44.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li fir-rigward tad‑dritt għall-mistrieħ fil-ġimgħa, il-portata tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tikkorrispondi għal dik tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 31(2) tal-Karta ma jżidx elementi utli addizzjonali għall-finijiet tal-interpretazzjoni mitluba mill-Artikolu 5 tad‑Direttiva 2003/88.

45.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l‑Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jirrikjedux li perijodu ta’ mistrieħ għandu jingħata tal-inqas fis-seba’ jum wara sitt ijiem ta’ xogħol konsekuttivi, iżda li jirrikjedu li tali perijodu jingħata f’kull perijodu ta’ sebat ijiem. Infakkar li din l-interpretazzjoni tapplika wkoll għall-Artikolu 5 tad‑Direttiva 93/104 ( 45 ). L-imsemmija interpretazzjoni tfisser li, skont l‑imsemmija dispożizzjonijiet, il-ħaddiem jista’, bħala regola, ikun obbligat jaħdem sa tnax-il jum konsekuttivi, sakemm it-termini minimi l‑oħra tad-Direttiva 2003/88 jiġu osservati, b’mod partikolari dawk relatati mal-mistrieħ kuljum u t-terminu massimu ta’ xogħol fil‑ġimgħa ( 46 ).

46.

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fid-dawl tan-natura minima tal-armonizzazzjoni li għandha d-Direttiva 2003/88, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jipprevedu dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu lill‑ħaddiema protezzjoni iktar estiża, fir-rigward tal-mistrieħ fil‑ġimgħa, minn dik mogħtija bid-Direttiva 2003/88. Kif jirriżulta b’mod espliċitu mill-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, din ma tippreġudikax il-fakultà tal‑Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu l-liġijiet, ir-regolamenti u d‑dispożizzjonijiet amministrattivi l-iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema ( 47 ). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, jekk u sa fejn tali dispożizzjonijiet iktar favorevoli huma previsti mil-leġiżlazzjoni Portugiża ( 48 ) u/jew mill-ftehimiet ta’ impriżi applikabbli għall-kawża prinċipali ( 49 ).

V. Konklużjoni

47.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi bil-mod segwenti għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal da Relação do Porto (qorti tal-appell ta’ Porto, il-Portugall):

L-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat‑23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax‑xogħol, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlement Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, u l-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet ma jirrikjedux li l-perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jingħata tal-inqas fis-seba’ jum wara sitt ijiem ta’ xogħol konsekuttivi, iżda jimponu li dan jingħata matul kull perijodu ta’ sebat ijiem.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197), kif emendata bid-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 27).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

( 4 ) Ara l-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2003/88.

( 5 ) Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-perijodu bejn l-1991 u l-2014. Ara l-punti 13 sa 17 u 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 6 ) Fil-verżjoni oriġinali tiegħu, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/104 kien jipprevedi, fit‑tieni paragrafu tiegħu, li “[i]l-perjodu minimu ta’ serħan imsemmi fl-ewwel sottoparagrafu għandu inprinċipju jinkludi l-Ħadd”. Madankollu, dan il-paragrafu tħassar bid-Direttiva 2000/34 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Ġunju 2000, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol biex jitkoprew is-setturi u attivitajiet esklużi minn dik id-Direttiva (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 27), wara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1996, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑84/94, EU:C:1996:431) li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet annullat dan il-paragrafu.

( 7 ) Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 2(f) tal-Liġi 99/2003, tas‑27 ta’ Awwissu 2003.

( 8 ) Il-Gvern Portugiż jirrileva li, id-dritt għall-mistrieħ fil-ġimgħa huwa stabbilit ukoll permezz tal-Artikolu 59(d) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża.

( 9 ) Il-qorti tar-rinviju rreferiet għall-Artikolu 2(n) tal-Liġi Nru 7/2009, tat-12 ta’ Frar 2009.

( 10 ) Ftehimiet ta’ impriża bejn Varzim Sol – Turismo, Jogo e Animação S.A., u Sindicato dos Profissionais de Banca de Casinos e outros (sindakat professjonali ta’ banek ta’ kasinòs u oħrajn, il-Portugall), ippubblikati, rispettivament fil‑Boletim do Trabalho e do EmpregoNru 22 tal-2002 u fil-Boletim do Trabalho e do Emprego Nru 29 tal-2003, b’emendi u test ikkonsolidat fil-Boletim do Trabalho e do Emprego Nru 31 tal-2007.

( 11 ) Ara l-ewwel premessa tad-Direttiva 2003/88 u l-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 12 ) Ara l-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 32).

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 22).

( 15 ) Ara, ukoll, il-punt 2.3(a) tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 93/104.

( 16 ) Skont l-imsemmi punt 6, ħaddiem bix-shift ifisser, għall-finijiet tad-direttiva, “kwalunkwe ħaddiem li l-iskeda tax-xogħol tiegħu hija parti minn xogħol bix-shift”. Skont l-imsemmi punt 5, xogħol bix-shift ifisser “kwalunkwe metodu ta’ l‑organizzazzjoni tax-xogħol bix-shift li permezz tagħha ħaddiema jkomplu wara xulxin fl-istess stazzjonijiet tax-xogħol skond ċerti tendenzi, inklużi t-tendenzi tar‑rotazzjoni, u li jistgħu jkunu kontinwi jew mhux-kontinwi, li jinvolvi għall‑ħaddiema li jaħdmu f’ħinijiet differenti matul perjodu partikolari ta’ jiem jew ġimgħat”. Ara, ukoll, il-punti 5 u 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/104.

( 17 ) Kemm ir-rikorrent kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l-leġiżlatur Portugiż ma użax il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 17(4)(a) tad-Direttiva 2003/88, li jidderoga mill‑Artikolu 5 għall-attivitajiet tax-xogħol bix-shift, dikjarazzjoni li ma hija kkontestata mill-ebda parti li ssottomettiet osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja. Varzim Sol u l-Gvern Portugiż jiddikjaraw, b’mod iktar ġenerali, li d-derogi previsti fl-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2003/88 ma humiex rilevanti f’dan il-każ.

( 18 ) Ir-rikorrent jinvoka, b’mod partikolari, l-Artikolu 189(5) tal-Kodiċi tax-xogħol tal‑2003, u l-Artikolu 221(5) tal-Kodiċi tax-xogħol tal-2009, filwaqt li l-kumpannija konvenuta ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għar-rikorrent, peress li dan ma kienx suġġett għal sistema ta’ xogħol bix-shift kontinwu. Skont l‑osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrent, l-imsemmija dispożizzjonijiet jipprevedu, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda x-xogħol bix-shift taħt sistema ta’ xogħol kontinwu, id-dritt għal tal-inqas “ġurnata ta’ mistrieħ f’kull perijodu ta’ sebat ijiem”.

( 19 ) Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jibbenefikaw mill-fakultà prevista fl-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2003/88 li jidderogaw, f’ċerti ċirkustanzi, b’mod partikolari, mill-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri huma mitluba jiddeċiedu li jagħmlu użu mill-għażla. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Accardo et (C‑227/09, EU:C:2010:624, punt 51). Ara, ukoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Hälvä et (C‑175/16, EU:C:2017:285, punt 89).

( 20 ) Skont l-imsemmi Artikolu 18, tista’ ssir deroga, b’mod partikolari, għall-Artikolu 5 permezz ta’ ftehimiet kollettivi jew ta’ ftehimiet konklużi bejn iż-żewġ naħat tal-industrija fil-livell nazzjonali jew reġjonali, jew, skont ir-regoli stabbiliti minn dawn iż-żewġ naħat tal-industrija, permezz ta’ ftehimiet kollettivi jew ta’ ftehimiet konklużi bejn iż‑żewġ naħat tal-industrija f’livell iktar baxx, bil-kundizzjoni li dawn il-perijodi ekwivalenti għal mistrieħ kumpensatorju jingħataw lill-ħaddiema kkonċernati jew li, f’każijiet eċċezzjonali li fihom l-għoti ta’ tali perijodi ma jkunx possibbli għal raġunijiet oġġettivi, tingħata protezzjoni xierqa. Ara, ukoll, l-Artikolu 17(3) tad‑Direttiva 93/104. Il-Gvern Portugiż jirrileva li l-leġiżlazzjoni Portugiża ma tipprevedix deroga għall-Artikolu 5 tad‑Direttiva 2003/88 permezz ta’ ftehim jew ta’ ftehim kollettiv.

( 21 ) Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88, din ma għandhiex taffettwa, b’mod partikolari, il-fakultà tal-Istati Membri li jiffaċilitaw jew jippermettu l‑applikazzjoni ta’ ftehimiet kollettiv jew ta’ ftehimiet konklużi bejn iż-żewġ naħat tal-industrija li huma iktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Ara, f’dan ir‑rigward, il-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 23 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punti 4849 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Ara, ukoll, il-punt 1 tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 93/104.

( 26 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos (C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 115), li minnha jirriżulta, b’mod partikolari, li l-qorti tar-rinviju għandha tindika r-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tikkunsidra neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, Varzim Sol issostni li l-formulazzjoni tar-raba’ domanda, li tirriżulta minn suġġeriment tagħha, fiha żball tal-pinna, inkwantu ċ-ċifra 4, li tinsab fil-frażi “mill-4 ġranet kalendarji ta’ perijodu speċifiku”, żdiedet bi żball. Ara l-punt 19 ta’ dawn il‑konklużjonijiet. Fid-dawl tal-inammissibbiltà ta’ din id-domanda, ma jidhirlix utli li l-Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi dwar dan il-punt.

( 27 ) Jiġifieri l-24 siegħa ta’ mistrieħ fil-ġimgħa miżjuda bi 11-il siegħa ta’ mistrieħ ta’ kuljum, previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88. Permezz tat-tieni paragrafu tal‑Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ 24 siegħa jista’ jintuża, jekk kundizzjonijiet oġġettivi, tekniċi jew ta’ organizzazzjoni tax‑xogħol jiġġustifikawh.

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2012, DR u TV2 Danmark (C‑510/10, EU:C:2012:244, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandi niġbed l-attenzjoni li t‑termini “f’kull perjodu ta’ sebat ijiem”, li jinsabu fl-Artikoli 5 tad-Direttivi 2003/88 u 93/104, jinsabu fil-Konvenzjonijiet Nri 14 u 106 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-mistrieħ fil-ġimgħa (għall-industrija fl-ewwel, u għall-kummerċ u għall-uffiċċji fit-tieni), adottata f’Genève, fis‑17 ta’ Novembru 1921 u fis-26 ta’ Ġunju 1957 rispettivament. Ara l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni tal-1921 u l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni tal-1957. Ara, ukoll, id‑disa’ premessa tad-Direttiva 93/104 u l-premessa 6 tad-Direttiva 2003/88, li jirreferu għall-prinċipji tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l‑organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol. Ara, barra minn hekk, il-punt 10 tal‑espożizzjoni tal-motivi tal-proposta li wasslet għall-adozzjoni tad‑Direttiva 93/104, ippreżentata mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Settembru 1990 [COM(90) 317 finali].

( 29 ) Pereżempju, mit-Tlieta ta’ ġimgħa partikolari, li jiġi wara jum ta’ mistrieħ it-Tnejn, sas-Sibt tal-ġimgħa ta’ wara, segwit minn jum ta’ mistrieħ il-Ħadd. F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, li fiha l-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi jipprevedu d-dritt għal jumejn ta’ mistrieħ fil-ġimgħa konsekuttivi, l-imsemmija interpretazzjoni tfisser li l-ħaddiem jista’ jkun obbligat li jaħdem sa għaxart ijiem konsekuttivi. Ara l-punti 7, 10 u 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Ara l-Artikoli 3 u 6 tal-imsemmija direttiva.

( 31 ) Ara, f’dak li jirrigwarda l-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “perijodu ta’ mistrieħ”, l‑Artikoli 2(1) u (2) tad-Direttivi 2003/88 u 93/104, u s-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Simap (C‑303/98, EU:C:2000:528, punt 47), kif ukoll tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punti 25 sa 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1996, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑84/94, EU:C:1996:431, punt 62), li fiha jissemma “il-perijodu ta’ riferiment ta’ sebat ijiem”. Niġbed l-attenzjoni li, f’dak li jirrigwarda l-mistrieħ ta’ kuljum previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 3820/85, tal‑20 ta’ Diċembru 1985, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 319), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-espressjoni “kull perijodu ta’ 24 siegħa” li tinsab f’dan l-artikolu, tinkludi kull intervall minn dan it-terminu li jibda mill-mument li fih, wara perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jew ta’ kuljum, is-sewwieq jagħfas it-takografu. Ara s-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 1994, Van Swieten (C‑313/92, EU:C:1994:219, punti 22 sa 27). Madankollu, nikkunsidra li din l-interpretazzjoni ma hijiex trasponibbli għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, fl-imsemmija sentenza, l-għan partikolari li tiġi żgurata s-sigurtà fit-triq li ma hijiex rilevanti fil-kuntest tad-Direttiva 2003/88.

( 33 ) Ara, b’mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2016, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1), li jipprevedi li “[p]erijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa għandu jibda mhux aktar tard mit-tmiem ta’ sitt perijodi ta’ 24 siegħa il-wieħed mit-tmiem tal‑perijodu ta’ qabel ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa” (enfasi miżjuda minni). Ara, ukoll, l-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

( 34 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 15 tad-Direttiva 2003/88 li, fid-dawl tal‑mistoqsijiet li jistgħu jinqalgħu bl-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol, għandu jkun hemm ċerta flessibbiltà fl-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id‑direttiva, filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji ta’ protezzjoni tas-sigurtà u ta’ saħħa tal-ħaddiema.

( 35 ) Bl-eċċezzjoni tal-verżjoni fil-lingwa Ungeriża, il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-Direttiva 2003/88 jinqasmu, fl-opinjoni tiegħi, f’żewġ gruppi. Il-maġġoranza tal-verżjonijiet jindikaw li l-perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa għandu jingħata għal kull perijodu ta’ sebat ijiem. Ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet fil-lingwa Ingliża, (“per each seven-day period”) u Ġermaniża (“pro Siebentageszeitraum”). Ara, ukoll, il-verżjonijiet fil-lingwa Portugiża, Bulgara, Spanjola, Ċeka, Daniża, Estonjana, Griega, Taljana, Olandiża, Slovakka u Finlandiża. Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra jirriflettu l-verżjoni fil-lingwa Franċiża li tipprevedi li l-perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa għandu jingħata matul kull perijodu ta’ sebat ijiem. It-tifsira fil-lingwa Ungeriża hija iktar ambigwa, inkwantu l-espressjoni “hétnaponként” tista’ tfisser kemm fi tmiem perijodu ta’ sebat ijiem, kif ukoll matul perijodu ta’ sebat ijiem.

( 36 ) Ara l-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 1, 2, 16 u 35 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 93/104 (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet), fejn tidher, diversi drabi, l-espressjoni “mistrieħ minimu fil-ġimgħa” u fejn il-Kummissjoni enfasizzat, fost l-oħrajn, “l‑importanza tal-flessibbiltà tax-xogħol li jippermetti lill-impriżi li jadattaw għall‑kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u jtejbu l-kompetittività tagħhom”. Ara, ukoll, il‑punt 2.10 tal-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tat-18 ta’ Diċembru 1990, dwar il-proposta ta’ direttiva tal-Kunsill dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol (ĠU 1991, C 60, p. 26), li minnha jirriżulta li “[i]l-perijodu ta’ mistrieħ għandu jiġi kkalkolat kull ġimgħa”. Ara ukoll, fir-rigward tal-adozzjoni tad-Direttiva 2003/88, il-parir tal-Kummissjoni, tal‑15 ta’ Jannar 2004, lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-imsieħba soċjali fil-livell Komunitarju li jikkonċernaw l-eżami mill-ġdid tad-Direttiva 93/104 dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol [COM(2003) 843 finali/2, p. 3], li minnu jirriżulta li d-Direttiva 93/104 tipprevedi “perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ ġurnata fil-ġimgħa”.

( 38 ) Ara r-rapport tal-Kummissjoni, tal-1 ta’ Diċembru 2000, État d’avancement de la transposition de la directive 93/104/CE du Conseil du 23 novembre 1993 concernant certains aspects de l’aménagement du temps de travail (“directive sur le temps de travail”) [COM(2000) 787 finali, punt 6, p. 14] u d-dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Diċembru 2010, Detailed report on the implementation by Member States of Directive 2003/88/EC concerning certain aspects of the organisation of working time (“The Working Time Directive”) [SEC(2010) 1611 finali, punt 6.1.5, p. 102]. F’dan l-aħħar dokument, il‑Kummissjoni tirreleva, b’mod partikolari, li “[t]he Working Time Directive does not require the weekly rest to be taken on any particular day of the week […] These factors would suggest that in general, the weekly rest should be provided within each 7 day period”.

( 39 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, ukoll, l-għaxar premessa tad-Direttiva 93/104, fil-verżjoni inizjali tagħha, li tipprevedi li “id‑deċiżjoni jekk il-Ħadd għandux ikun inkluż fil-perjodu tas-serħan ta’ kull ġimgħa għandha tittieħed minn kull Stat Membru, u jekk tittieħed, sa liema limitu”. Waqt l‑adozzjoni tad-Direttiva 93/104, il-Parlament Ewropew kien ippropona li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li kull ħaddiem jibbenefika “bħala regola, mill-weekend ta’ mistrieħ u ta’ festi pubbliċi […]”. Madankollu, din il-proposta ma kisbitx l-appoġġ tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Ara, b’mod partikolari, il-parir tal‑Parlament Ewropew fl-ewwel qari, tal-20 ta’ Frar 1991 (emenda Nru 14) (ĠU 1991, C 72, p. 86), il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq l-emendi tal-Parlament fl-ewwel qari, ippreżentati fit-23 ta’ April 1991 [COM(91) 130 finali] u l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1993 (dok 7253/2/93 SOC 196).

( 40 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 92), u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 37), li minnhom jirriżulta wkoll li kull ħaddiem għandu b’mod partikolari jibbenefika minn perijodi ta’ mistrieħ adegwati, li għandhom mhux biss ikunu effettivi, billi jippermettu lill-persuni kkonċernati li jirkupraw mill-għeja kkawżata mix-xogħol tagħhom, iżda wkoll li jkollhom natura preventiva sabiex inaqsu kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ bidla fis-sigurtà u s-saħħa tal‑ħaddiema kif ukoll dak li l-akkumulazzjoni tal-perijodi ta’ xogħol mingħajr il‑mistrieħ neċessarju jista’ jġib miegħu.

( 41 ) Ara, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda s-settur tat-trasport bit-triq, l-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 561/2006.

( 42 ) ĠU 2007, C 303, p. 17.

( 43 ) Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit-18 ta’ Ottubru 1961 u emendata fi Strasbourg fit-3 ta’ Mejju 1996. L-Artikolu 2 jipprevedi, b’mod partikolari, il-punt 5 tiegħu, “il-partijiet jintrabtu […] li jiżguraw mistrieħ fil-ġimgħa li jikkoinċidi kemm jista’ jkun mal-ġurnata tal-ġimgħa rrikonoxxuta bħala ġurnata ta’ mistrieħ tradizzjonalment jew skont l-użanzi tal-pajjiż jew tar-reġjun” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 44 ) Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, adottata waqt il-laqgħa tal-Kunsill li saret fi Strasbourg fid-9 ta’ Diċembru 1989. Il-punt 8 jipprevedi li “[k]ull ħaddiem fil-Komunitá Ewropea għandu jkollu dritt għal perjodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa u għall-leave annwali mħallas, li d-dewmien tiegħu ikun armonizzat progressivament permezz ta’ prattiċi nazzjonali”. Ara, ukoll, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Réexamen Commission vs Strack (C‑579/12 RX-II, EU:C:2013:570, punt 27).

( 45 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 46 ) Ara l-punt 37 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Skont l-imsemmija dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jippermettu wkoll l-applikazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi jew ta’ ftehimiet konklużi bejn iż-żewġ naħat tal‑industrija iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema. Ara, f’dak li jirrigwarda n-natura minima tal-armonizzazzjoni stabbilita bid‑Direttivi 93/104 u 2003/88, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1996, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑84/94, EU:C:1996:431, punt 42), u tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU (C‑173/99, EU:C:2001:356, punt 55).

( 48 ) Il-Gvern Portugiż jindika, fl-opinjoni tiegħi, li protezzjoni ogħla tista’ tirriżulta mid‑dispożizzjonijiet relatati mal-bdil tal-ħinijiet tal-ħaddiem bix-shift, previsti fl-Artikolu 221(4) tal-Kodiċi tax-xogħol Portugiż, li jinterdixxi li ħaddiem jgħaddi minn shift għal ieħor mingħajr ma jkun hemm jum ta’ fil‑ġimgħa.

( 49 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 12 u 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

Top