Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0245

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati l-5 ta’ April 2017.
    Nerea SpA vs Regione Marche.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Regolament (KE) Nru 800/2008 – Eżenzjoni ġenerali sħiħa – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(6)(ċ) – Artikolu 1(7)(ċ) – Kunċett ta’ ‘impriża f’diffikultà’ – Kunċett ta’ ‘proċeduri kollettivi ta’ [insolvenza]’ – Kumpannija benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat taħt programm operazzjonali reġjonali tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) ammessa wara arranġament mal-kredituri bil-għan li jitkompla l-operat – Revoka tal-għajnuna – Obbligu ta’ rimbors ta’ ammont imħallas bil-quddiem.
    Kawża C-245/16.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:271

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

    ppreżentati fil-5 ta’ April 2017 ( 1 )

    Kawża C-245/16

    Nerea S.p.A.

    vs

    Regione Marche

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche (l-Italja) (qorti amministrattiva reġjonali tal-Marche, l-Italja)]

    “Domanda preliminari — Għajnuna mill-Istat — Regolament (KE) Nru 800/2008 — Applikazzjoni għal arranġament mal-kredituri minn kumpannija benefiċjarja ta’ fondi Ewropej — Kunċett ta’ impriża f’diffikultà — Kunċett ta’ proċeduri kollettivi ta’ falliment — Kundizzjonijiet għaċ-ċaħda jew revoka tal-għajnuna mill-fondi Ewropej — Obbligu ta’ ħlas lura tal-għajnuna”

    1. 

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi dwar il-kunċetti ta’ “impriżi f’diffikultà” ( 2 ) u “proċedura ta’ falliment [insolvenza]” użati fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 800/2008 ( 3 ) fil-paragrafi 6(ċ) u 7(ċ) tiegħu, rispettivament.

    2. 

    Id-dubji tal-qorti nazzjonali tqajmu fil-kuntest ta’ kawża miftuħa minn impriża (Nerea S.p.A; iktar ’il quddiem, “Nerea”) sabiex tikkontesta r-revoka ta’ għajnuna pubblika li ngħatat lilha mill-Awtorità reġjonali Taljana skont programm tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).

    3. 

    Meta ngħatat l-inċentiv (Marzu 2012), Nerea kienet tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa mis-sejħa għall-għajnuna, inkluż dak li ma kinitx impriża f’diffikultà, iżda l-aġenzija li tamministra din l-għajnuna interpretat li ma kinitx għadha tissodisfa dawn ir-rekwiżiti meta, f’Diċembru 2013, hija applikat għall-ftuħ ta’ “arranġament mal-kredituri”, li kien ikklassifikat bħala proċedura ta’ insolvenza, fis-sens tar-Regolament Nru 800/2008, li wassluha sabiex tirrevoka d-deċiżjoni inizjali u titlob l-ammont tagħha mingħand l-impriża benefiċjarja.

    4. 

    Il-partijiet fil-kawża ma jaqblux dwar in-natura tal-proċedura ta’ falliment mibdija minn Nerea, kif ukoll dwar il-klassifikazzjoni tagħha bħala “impriża f’diffikultà”. Id-dibattitu ġie estiż ukoll għall-mument li fih għandha tiġi kkunsidrata l-eżistenza possibbli ta’ sitwazzjoni (oriġinarja jew mhux mistennija) ta’ diffikultà.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A. Id-dritt tal-Unjoni

    1.   Ir-Regolament Nru 800/2008

    5.

    Fil-premessa 15 jintqal:

    “Għajnuna mogħtija lill-impriżi f’diffikultà skond l-ambitu tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-kumpaniji f’diffikultà [...] għandhom jiġu vvalutati taħt dawk il-linji gwida sabiex tiġi evitata ċ-cirkumvenzjoni tagħhom. Għajnuniet għal dawn l-impriżi għandhom għalhekk ikunu esklużi mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-Istati Membri, meta tkun qed tingħata l-għajnuna lill-impriżi żgħar u medji] SMEs koperta minn dan ir-Regolament, id-definizzjoni ta’ x’għandu jiġi kkunsidrat bħala impriża li tkun f’diffikultà għandha tiġi simplifikata kif imqabbla mad-definizzjoni użata f’dawk il-Linji Gwida. Barra minn hekk, l-SMEs li ilhom inkorporati għal anqas minn tliet snin ma għandhomx, għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġu kkunsidrati bħala li jinsabu f’diffikultà matul dan il-perjodu sakemm ma jkunx sodisfatt il-kriterju taħt il-liġi nazzjonali relevanti biex ikunu s-suġġett ta’ proċedimenti kollettivi għall-falliment. Dawn is-simplifikazzjonijiet għandhom ikunu bla ħsara għall-kwalifiki ta’ dawn l-SMEs taħt dawk il-Linji Gwida fir-rigward ta’ l-għajnuna mhux koperta b’dan ir-Regolament u bla ħsara għall-kwalifika bħala impriżi f’diffikultà ta’ impriżi kbar, taħt dan ir-Regolament, li jibqgħu suġġetti għad-definizzjoni sħiħa pprovduta f’dawn il-Linji Gwida.”

    6.

    L-Artikolu 1 jipprevedi:

    “[…]

    6.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal dawn li ġejjin:

    […]

    c)

    għajnuna lil impriżi f’diffikultà.”

    7.   Għall-għanijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 6, SME għandha tiġi kkunsidrata li hija intrapriża fid-diffikultà jekk tissodifa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    a)

    fil-każ ta’ kumpanija b’responsabbilità limitata, fejn aktar min-nofs il-kapital reġistrat tagħha jkun għosfor u aktar minn kwart ta’ dak il-kapital ikun intilef tul it-12-il xahar preċedenti, jew

    b)

    fil-każ ta’ kumpanija fejn mill-anqas uħud mill-membri ikollhom responsabbilità mhux limitata għad-dejn tal-kumpanija, fejn aktar min-nofs il-kapital tagħha kif juru l-kontijiet tal-kumpanija jkunu għosfru u aktar minn kwart ta’ dak il-kapital ikun intilef tul it-12-il xahar preċedenti, jew

    c)

    tkun xi tkun it-tip ta’ kumpanija kkonċernata, fejn din tissodisfa l-kriterju taħt il-liġi domestika li tkun is-suġġett għall-proċeduri kollettivi ta’ falliment [ta’ insolvenza].

    SME, li ilha inkorporata għal anqas minn tliet snin ma għandhiex, għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, tiġi kkunsidrata bħala li tinsab f’diffikultà matul dak il-perjodu sakemm ma tkunx sodisfatta l-kundizzjoni stabbilita fil-punt (c) ta’ l-ewwel subparagrafu.”

    2.   Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà ( 4 )

    7.

    Skont il-punt 9:

    “Ma teżistix definizzjoni Komunitarja ta’ impriża f’diffikultà. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li intrapriża tinsab f’diffikultà fis-sens ta’ dawn il-linji gwida meta din ma tkunx kapaċi, bir-riżorsi finanzjarji tagħha stess jew bir-riżorsi li huma lesti li jtuha l-propjetarji/azzjonisti tagħha u l-kredituri tagħha, li tħassar it-telf li jwassluha, fin-nuqqas ta’ intervent estern pal-poteri pubbliċi, lejn mewta ekonomika kważi ċerta f’terminu qasir jew medju.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    8.

    Skont il-punt 10:

    “Speċifikament, fil-prinċipju u irrispettivament mid-daqs tagħha, huwa kkunsidrat li impriża tinsab f’diffikultà skont dawn il-Linji gwida, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    a)

    fil-każ ta’ kumpanija b’responsabbilità limitata, fejn iktar min-nofs tal-kapital irreġistrat tagħha jkun għosfor u iktar minn kwart ta’ dak il-kapital ikun intilef tul it-12-il xahar preċedenti, jew

    b)

    fil-każ ta’ kumpannija fejn mill-inqas uħud mill-membri tagħha għandhom responsabbilità mhux limitata għad-dejn tal-kumpannija, fejn aktar min-nofs il-kapital tagħha kif juru l-kontijiet tal-kumpannija jkun għosfor u iktar minn kwart ta’ dak il-kapital ikun intilef tul it-12-il xahar preċedenti; jew

    ċ)

    tkun xi tkun it-tip ta’ kumpannija kkonċernata, fejn din tissodisfa l-kriterju taħt il-liġi domestika li tkun is-suġġett għall-proċeduri kollettivi ta’ insolvenza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    9.

    Il-punt 11 jipprovdi:

    “Anki jekk il-kundizzjonijiet tal-punt 10 ma jkunux issodisfati, impriża tista’ tiġi kkunsidrata f'diffikultà b’mod partikolari meta jkunu preżenti s-sinjali normali ta’ ditta f'diffikultà, bħal żieda fit-telf, tnaqqis fil-fatturat, tkabbir fl-inventarju tal-istokk, eċċess ta’ kapaċità, tnaqqis fil-fluss tal-flus, żieda fid-dejn, żieda fl-imposta tal-imgħax u tnaqqis fil-valur nett tal-assi jew valur nett tal-assi ta’ żero. F’każijiet akuti l-impriża diġà tista’ tkun saret insolventi jew tista’ tkun is-suġġett ta’ proċedimenti ta’ insolvenza kollettivi miġjuba taħt il-liġi domestika.F’dawn l-aħħar każijiet, dawn il-Linji gwida japplikaw għal kull għajnuna mogħtija fil-kontest ta’ dawn il-proċeduri li twassal biex id-ditta [l-impriża] tibqa’ fin-negozju. Madankollu,l-impriża f'diffikultà tkun biss eliġibbli wara li jintwera li mhijiex kapaċi tiżgura l-irkupru tagħha bir-riżorsi proprji, jew b'fondi mill-proprjetarji/azzjonarji jew minn sorsi tas-suq .” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    B. Id-dritt nazzjonali

    10.

    L-Artikolu 186a tar-Regio Decreto Nru 267 ( 5 ), fil-verżjoni applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-kawża, jirregola dak li jissejjaħ “concordato preventivo” (iktar ’il quddiem, “arranġament mal-kredituri”, jew “ftehim għaż-żamma tal-impriża”) fit-termini li ġejjin:

    “Meta l-abbozz tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 161(2)(e), jipprovdi għaż-żamma tal-attività ta’ impriża mid-debitur, it-trasferiment tal-impriża li topera jew il-kontribuzzjoni tal-impriża li topera lil kumpannija waħda jew iktar minn waħda, inklużi dawk ikkostitwiti ġodda, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu. L-abbozz jista’ jipprovdi għal-likwidazzjoni tal-assi li ma jkunux suġġetti għall-eżerċizzju tal-attività ta’imprenditur.

    Fil-każijiet imsemmija f’dan l-artikolu:

    a)

    l-abbozz imsemmi fl-Artikolu 161(2)(e), għandu jinkludi wkoll indikazzjoni analitika tal-ispejjeż u tad-dħul li huma mistennija li jinkisbu permezz tat-tkomplija tal-attività tan-negozju pprovduta fl-abbozz tal-ftehim, tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa u tal-modalitajiet korrispondenti ta’ kopertura;

    b)

    ir-rapport tal-professjonist imsemmi fl-Artikolu 161(3) għandu jiċċertifika li t-tkomplija tal-attività tal-impriża pprovduta fl-abbozz tal-arranġament għandha tikkontribwixxi għall-aħjar sodisfazzjon tal-kredituri;

    c)

    l-abbozz jista’ jipprovdi, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 160(2), moratorja ta’ massimu sena mill-approvazzjoni tal-arranġament għall-ħlas tal-kredituri bi dritt preferenzjali, rahan jew ipoteka, sakemm tiġi pprovduta l-likwidazzjoni tal-assi jew drittijiet li hija l-bażi ta’ dan il-każ ta’ prijorità. F’dan il-każ, il-kredituri li jgawdu mill-każijiet ta’ prijorità msemmija fis-sentenza preċedenti ma jkunux intitolati għal dritt għall-vot.

    Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 169a, il-kuntratti li jkunu f’fażi ta’ eżekuzzjoni fid-data tal-applikazzjoni, inklużi dawk magħmula ma’ awtoritajiet pubbliċi, ma għandhomx jitqiesu bħala riżolti minħabba l-ftuħ tal-proċedura. Kwalunkwe ftehim eventwali għall-kuntrarju għandu jkun null. L-ammissjoni tal-applikazzjoni għall-arranġament mal-kredituri ma għandhiex timpedixxi t-tkomplija tal-kuntratti pubbliċi jekk il-professjonist maħtur mid-debitur imsemmi fl-Artikolu 67 ikun iċċertifika l-konformità tiegħu mal-abbozz u kapaċità raġonevoli sabiex jitwettqu. Fejn ikun hemm rekwiżiti legali, tista’ tibbenefika minn tali tkomplija l-kumpannija ċessjonarja jew li tirċievi bħala assistenza l-impriża jew waħda mill-fergħat tagħha ta’ attività li għalihom ikunu ġew attribwiti l-kuntratti. Fl-att ta’ trasferiment jew ta’ kontribuzzjoni, il-qorti kompetenti għandha tordna t-tħassir tar-reġistrazzjonijiet u t-traskrizzjonijiet.

    Wara l-preżentata tar-rikors, il-parteċipazzjoni fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandha tkun awtorizzata mill-qorti, wara li tinkiseb l-opinjoni tal-kummissarju ġudizzjarju, jekk ikun ġie nnominat; fin-nuqqas ta’ tali nomina, tiddeċiedi l-qorti.

    L-ammissjoni tal-applikazzjoni għall-arranġament mal-kredituri ma tipprekludix il-parteċipazzjoni fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi meta l-impriża tipprovdi fl-offerta:

    a)

    rapport ta’ professjonist li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 67(3)(d), u li jiċċertifika l-konformità mal-abbozz u kapaċità raġonevoli sabiex jiġi ssodisfatt il-kuntratt;

    b)

    id-dikjarazzjoni ta’ operatur ieħor li jissodisfa r-rekwiżiti ġenerali, ta’ kapaċità finanzjarja, teknika, ekonomika u ta’ ċertifikazzjoni, meħtieġa għall-għoti tal-kuntratt, li jkun intrabat rigward l-offerent u l-awtorità kontraenti li jagħmel disponibbli, matul il-perijodu tal-kuntratt, ir-riżorsi neċessarji għat-twettiq tal-kuntratt u sabiex jissurroga ruħu fil-pożizzjoni tal-kumpannija megħjuna fil-każ li din tfalli matul is-sejħa għal offerti jew wara l-konklużjoni tal-kuntratt, jew ma tibqax f’pożizzjoni, għal xi raġuni, li tissodisfa l-kuntratt kif suppost. L-Artikolu 49 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163, tat-12 ta’ April 2006 għandu japplika.

    Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, il-kumpannija taħt arranġament mal-kredituri tista’ wkoll tikkompeti meta tkun tagħmel parti minn grupp f’assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi, sakemm ma jkollhiex l-istatus ta’ rappreżentant awtorizzat u li l-impriżi l-oħra li jappartjenu f’din l-assoċjazzjoni ma jkunux suġġetti għal proċedura ta’ insolvenza. F’dan il-każ, id-dikjarazzjoni prevista fir-raba’ paragrafu, ittra b), tista’ ssir ukoll minn operatur li jifforma parti mill-assoċjazzjoni ta’ impriżi.

    Jekk matul proċedura mibdija b’mod konformi ma’ dan l-artikolu, l-impriża ma tibqax twettaq l-attività tagħha jew din tirriżulta li hija manifestament għad-detriment tal-kredituri, il-qorti għandha taġixxi skont l-Artikolu 173. Dan ma jaffettwax id-dritt tad-debitur li jemenda l-proposta tal-arranġament.”

    II. Il-fatti

    11.

    Il-Kunsill tar-Reġjun ta’ Le Marche ( 6 ) approva, fid-9 ta’ Novembru 2010, sejħa sabiex jingħataw sussidji għal ċerti attivitajiet tal-impriżi żgħar u medji, skont programm operattiv reġjonali tal-FEŻR għall-perijodu 2007-2013 ( 7 ).

    12.

    L-ordni tas-sejħa kienet tinkludi fl-Anness I tagħha, b’mod partikolari, il-klawżoli applikabbli għas-“suġġetti benefiċjarji” (Nru 1), għar-“raġunijiet ta’ inammissibbiltà” għall-parteċipazzjoni fil-proċedura (Nru 10, paragrafu 3, u Nru 19), għall-“obbligi relatati mal-istabbiltà tal-operazzjonijiet” (Nru 17, paragrafu 3) u għar-“raġunijiet għal revoka” tal-għajnuniet mogħtija (Nru 20).

    13.

    Fir-rigward tas-suġġetti benefiċjarji, il-klawżola Nru 1 tiġbor ir-rekwiżiti meħtieġa għall-impriżi li xtaqu jkollhom aċċess għall-inċentivi, fosthom, f’dak li jirrigwarda t-tilwima, li “fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni [l-impriżi] ma jkunux f’kundizzjonijiet ta’ diffikultà fis-sens tal-Artikolu 1(7) tar-Regolament Nru 800/2008” ( 8 ).

    14.

    Skont il-klawżola Nru 17, paragrafu 3, “il-benefiċjarju tal-għajnuna huwa obbligat li jirrispetta r-rabta ta’ stabbiltà tal-operazzjoni nnifisha, filwaqt li jiżgura li, matul il-ħames snin wara d-data tat-tlestija tal-operazzjoni kkofinanzjata, ma jsirux, f’dak li jirrigwarda dik l-operazzjoni, modifiki sostanzjali li jbiddlu n-natura tagħha jew il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tagħha, jew joffru vantaġġi mhux dovuti lil impriża jew korp pubbliku u li jinvolvu bidla fin-natura tal-proprjetà ta’ infrastruttura jew il-waqfien ta’ attività.”

    15.

    Fit-13 ta’ April 2011, l-impriża Nerea ppreżentat applikazzjoni għal sussidju li ġiet aċċettata, b’tali mod li, fl-20 ta’ Marzu 2012, ingħatat l-ammont ta’ EUR 144052.58.

    16.

    Wara li rċeviet, bħala ħlas bil-quddiem, 50 % tal-għajnuna (EUR 72026.29), Nerea għamlet l-investimenti li kienet intrabtet li twettaq ( 9 ) u spjegat l-ispejjeż tagħhom fit-18 ta’ Novembru 2013, filwaqt li talbet il-ħlas tal-ammont li jifdal.

    17.

    Ftit iktar minn xahar wara, fl-24 ta’ Diċembru 2013, Nerea ppreżentat applikazzjoni għal arranġamenti mal-kredituri quddiem it-Tribunale di Macerata (qorti ta’ Macerata), li tat bidu għall-proċedura korrispondenti fil-15 ta’ Ottubru 2014.

    18.

    Fil-11 ta’ Frar 2015, il-korp li jamministra l-għajnuniet ( 10 ) innotifika lil Nerea dwar il-ftuħ ta’ proċedura ta’ revoka tal-inċentiv, minħabba “it-telf tar-rekwiżiti ta’ amminissibbiltà [...] bħala riżultat tal-fatt li l-kumpannija hija involuta fi proċedura ta’ arranġament mal-kredituri, skont l-applikazzjoni magħquda tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 20 tal-avviż tas-sejħa”.

    19.

    Nerea talbet l-annullament tal-proċedura ta’ revoka, liema talba ġiet miċħuda, fl-20 ta’ Marzu 2015, mill-korp ta’ amministrazzjoni, li sostna li s-sottomissjoni tagħha għall-proċedura ta’ arranġament mal-kredituri kien jimpedixxi l-għoti tal-għajnuna, skont l-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008 u l-klawżola Nru 1 tas-sejħa.

    20.

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2015, il-korp kompetenti tar-Reġjun ta’ Le Marche irrevoka l-għajnuna mogħtija u talab l-ammont diġà mħallas, miżjud b’EUR 4997.30 bħala interessi.

    21.

    Peress li ġie preżentat appell kontenzjuż-amministrattiv quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Le Marche, l-Italja), din il-qorti għamlet din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    III. Id-domandi preliminari

    22.

    Id-domandi preliminari, magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ April 2016, huma redatti kif ġej:

    “1.

    Preliminarjament, l-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008 jirrigwarda biss il-proċeduri li jistgħu jinbdew ex officio mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji tal-Istati Membri (fl-Italja, pereżempju, il-proċedura ta’ falliment) jew anki dawk li jistgħu jinbdew biss fuq inizjattiva tal-operatur ekonomiku kkonċernat (kif inhu l-każ fid-dritt nazzjonali ta’ arranġament mal-kredituri), minħabba li din id-dispożizzjoni tirreferi għall-fatt li l-kumpannija ;tkun is-suġġett għall-‘ proċeduri kollettivi ta’ falliment?

    2.

    Fl-eventwalità li jiġi konkluż li r-Regolament Nru 800/2008 jirrigwarda l-proċeduri kollettivi kollha, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari s-sistema tal-arranġament mal-kredituri bil-għan li jitkompla l-operat, prevista fl-Artikolu 186[a] tad-Digriet Irjali Nru 267/1942 tas-16 ta’ Marzu 1942, l-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li r-rekwiżiti għall-issuġġettar għal proċedura kollettiva jkunu ssodisfatti mill-operatur ekonomiku li japplika għal finanzjament mill-fondi strutturali huwa suffiċjenti sabiex jimpedixxi l-għoti tal-finanzjament jew sabiex jobbliga lill-awtorità nazzjonali ta’ ġestjoni li tirrevoka l-finanzjament diġà mogħti jew, għall-kuntrarju, is-sitwazzjoni ta’ diffikultà għandha tiġi evalwata fil-każ speċifiku billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, pereżempju, it-tul tal-fażi ta’ ftuħ tal-proċedura, l-osservanza mill-operatur ekonomiku tal-impenji meħuda u kull ċirkustanza rilevanti oħra.”

    23.

    Skont il-qorti tar-rinviju, Nerea kienet tinstab, fil-prinċipju, f’pożizzjoni li ma hijiex kompatibbli mal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, peress li, minn naħa waħda, is-sejħa kienet tistabbilixxi l-obbligu li matul ħames snin ikun hemm stabbiltà tal-operazzjoni ssussidjata; u, min-naħa l-oħra, “huwa diffiċli ħafna li wieħed jiċħad l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ diffikultà fit-tifsira tal-Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament Nru 800/2008, f’każ fejn it-talba għal arranġament mal-kredituri ssir fi ftit jiem mid-data tal-kontabbilità finali tal-għajnuniet minħabba li huwa ċar li s-sitwazzjoni ta’ ‘diffikultà’ ta’ kumpannija biex tissodisfa l-obbligi tagħha ma tinħoloqx fi ftit jiem” ( 11 ).

    24.

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju temmen li għandu jiġi osservat “in-nuqqas possibbli ta’ ftehim intern ta’ sistema li minn naħa waħda, għall-finijiet tal-ħarsien tal-ekonomija tal-Unjoni, tippermetti lill-kumpanniji f’diffikultà, sakemm jippreservaw marġni tal-produttività oġġettivi, jirristrutturaw lilhom infushom billi jgawdu minn vantaġġi kompetittivi ċari (ibbilanċjati, madankollu, mill-fatt li jkunu suġġetti għal kontroll ġudizzjarju estern) u, min-naħa l-oħra, tippermetti li dawk l-impriżi jkunu mċaħħda –anki ex-post– minn riżorsi finanzjarji ta’ oriġini pubblika li, sakemm ma tingħatax prova għal kuntrarju [...] għandhom jiġu kkunsidrati li huma maħsuba preċiżament sabiex isegwu għan ta’ ristrutturar u ta’ tnedija mill-ġdid” ( 12 ).

    IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-pożizzjonijiet tal-partijiet:

    25.

    Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mir-Reġjun ta’ Le Marche, mill-Gvern Taljan u dak Pollakk, kif ukoll mill-Kummissjoni.

    26.

    Skont ir-Reġjun ta’ Le Marche, ir-revoka tal-għajnuna u tal-irkupru tal-ammont mogħti lil Nerea kellhom isiru skont l-Artikolu 1 u l-Artikolu 17(3) tas-sejħa, skont liema l-benefiċjarju kien meħtieġ matul il-ħames snin wara d-data ta’ implementazzjoni tal-operazzjoni kkofinanzjata, li jirrispetta d-dmir ta’ stabbiltà ta’ din tal-aħħar. Peress li l-bidu tal-arranġament mal-kredituri kkonferma li Nerea kienet f’sitwazzjoni ta’ diffikultà meta talbet li jitħallas il-bilanċ tal-għajnuna, kien hemm ksur tal-kundizzjoni ta’ stabbiltà finanzjarja meħtieġa mis-sejħa.

    27.

    Barra minn hekk, ir-Reġjun ta’ Le Marche jsostni wkoll li l-fatt li fil-kawża preżenti ġiet aċċettata l-applikazzjoni għall-arranġament mal-kredituri huwa irrilevanti, peress li l-programm tal-FEŻR kien approvat qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi nazzjonali li tirregola din il-proċedura ta’ falliment ġdida. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet eċċezzjonali speċifiċi, Komunitarji jew nazzjonali, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari ta’ dik l-istituzzjoni.

    28.

    Dwar l-ewwel domanda, il-Gvern Taljan isostni li l-qorti tar-rinviju tibda bl-idea, żbaljata, li impriża ma tkunx suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza meta din tinbeda fuq l-istanza tagħha. Fil-fehma tiegħu, dak li huwa rilevanti huwa li jiġi ddeterminat, minn naħa waħda, jekk l-arranġament mal-kredituri jissodisfax id-definizzjoni ta’ proċedura ta’ insolvenza u, imbagħad, jiġi eżaminat, fl-ipoteżi li r-risposta tkun negattiva, jekk, indipendentement minn jekk jintalabx arranġament mal-kredituri jew le, humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza.

    29.

    Għall-Gvern Taljan, peress li l-arranġament mal-kredituri jimplika sitwazzjoni ta’ kriżi li mhux bilfors twassal għall-insolvenza tal-impriża kkonċernata, ma jistax jiġi konkluż li dan it-tip ta’ arranġament jikkostitwixxi proċedura ta’ insolvenza. Madankollu, xejn ma jipprekludi li impriża suġġetta għal arranġament ta’ dan it-tip, tissodisfa, ukoll ir-rekwiżiti speċifiċi sabiex tkun suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza.

    30.

    Rigward it-tieni domanda, il-Gvern Taljan jipprovdi, fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet tiegħu rigward dan ta’ hawn fuq, li s-sempliċi eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ arranġament mall-kredituri ma tistax timpedixxi l-aċċess għall-fondi strutturali jew timponi r-revoka ta’ dawk li diġà ngħataw. Azzjoni bħal din diffiċli tkun kompatibbli mal-għan ta’ dak l-arranġament, li huwa biss li jsaħħaħ il-kontinwità tal-impriża. Ir-rifjut jew, fejn xieraq, ir-revoka tal-għajnuna issir biss, għalhekk, ladarba tiġi kkonfermata in concreto l-eżistenza ta’ sitwazzjoni fi kriżi fis-sens tal-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008.

    31.

    Il-Gvern Pollakk isostni, rigward l-ewwel domanda, li, skont il-Linji gwida tal-2004, il-kunċett ta’ “proċeduri kollettivi ta’ falliment [insolvenza]” fis-sens tal-Artikolu 1(7) tar-Regolament Nru 800/2008, għandu jinftiehem li jirreferi għall-proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi li mingħajrhom impriża ma tkunx kapaċi tiffaċċja, bil-mezzi tagħha stess jew bil-mezzi tal-azzjonisti u l-kredituri tagħha, telf li jwassluha għal mewta ekonomika ċerta fi żmien qasir jew medju. Huwa irrilevanti jekk tali proċeduri jkunux ġew mibdija ex officio jew fuq talba tal-impriża kkonċernata, peress li r-Regolament Nru 800/2008 ma jipprovdi għal ebda limitazzjoni f’dak ir-rigward.

    32.

    Rigward it-tieni domanda, il-Gvern Pollakk isostni li r-rekwiżiti meħtieġa sabiex tingħata għajnuna skont ir-Regolament Nru 800/2008 għandhom jiġu ssodisfatti fil-mument li fih tkun ingħatat, u bidla sussegwenti fiċ-ċirkustanzi ma twassalx għal obbligu li din tingħata lura.

    33.

    Għall-Kummissjoni, fir-rigward tal-ewwel domanda, l-Artikolu 1(6)(ċ) u l-Artikolu 7(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008 jinkludu l-proċeduri kollha ta’ insolvenza, fosthom, b’mod konformi mal-liġi Taljana, dak tal-arranġament mal-kredituri. Huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jiddeterminaw jekk humiex milħuqa l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi domestika (li tirreferi għal-liġi tal-Unjoni) sabiex jinbdew dawn il-proċeduri, u huwa irrelevanti jekk ikunux inbdew ex officio jew fuq talba tal-impriża kkonċernata. Il-fatt li Nerea bdiet il-proċedura ta’ arranġament mal-kredituri juri li kienet impriża f’diffikultà, skont ir-Regolament Nru 800/2008.

    34.

    Fir-rigward tat-tieni domanda, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Regolament Nru 800/2008 jelimina l-kumpanniji li jinsabu f’diffikultà fil-mument tal-għoti tal-għajnuna, iżda ma jeħtieġx li din tingħata lura wara li tkun ingħatat, lil dawk li ma kinux jinstabu f’dik is-sitwazzjoni fil-mument tal-għoti. Nerea, għaldaqstant, ma kinitx f’sitwazzjoni ta’ kriżi meta ngħatat l-inċentiv u, għalhekk, id-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lill-awtoritajiet nazzjonali li jirrevokaw l-għajnuna. Dan kollu mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-Istati Membri huma liberi li jagħtu jew jirrifjutaw, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, għajnuna kompatibbli mas-suq komuni u, jekk ikun meħtieġ, li jirkuprawha.

    V. Analiżi

    A. Kunsiderazzjonijiet preliminari

    35.

    Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju naħseb li huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn żewġ aspetti tat-tilwima. L-ewwel wieħed jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (b’mod speċifiku, ir-Regolament Nru 800/2008) fir-rigward tal-kawża prinċipali. It-tieni wieħed, madankollu, huwa limitat għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali (b’mod partikolari, ta’ ċerti klawżoli tas-sejħa) li mhux bilfors jeħtieġu l-applikazzjoni ta’ dak ir-regolament.

    36.

    Rigward l-ewwel aspett, l-analiżi tal-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008 jista’ jkun xieraq kieku Nerea kienet suġġetta għal proċedura ta’ falliment (u, għalhekk, kienet tikkwalifika bħala impriża li tinsab f’diffikultà) meta talbet u kisbet l-inċentiv ikkofinanzjat minn fondi tal-FEŻR. Imma, kif il-partijiet kollha jikkonfermaw u kif tipprovdi l-qorti tar-rinviju, f’dawk il-mumenti (is-sena 2011 għall-applikazzjoni u s-sena 2012 għall-għoti tal-għajnuna), Nerea ma kinitx f’diffikultà u lanqas ma kienet suġġetta għal proċeduri ta’ insolvenza, li nbdew biss tard fl-2013.

    37.

    Il-klawżola Nru 1 tas-sejħa, li espressament irreferiet għall-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 800/2008 sabiex jinkorpora l-kunċett ta’ impriża f’diffikultà eskluża mis-sistema ta’ inċentivi, ipprovdiet li dawn ma jistgħux jingħataw lill-impriżi li fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni tagħhom, kienu jinsabu fiċ-ċirkustanzi ta’ diffikultà pprovduti f’dak l-artikolu tar-Regolament. Nerea, ninsisti, kienet tissodisfa din il-kundizzjoni (negattiva), u għalhekk, minn din il-perspettiva, setgħet tkun benefiċjarja tas-sussidju. L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 800/2008 ma pprekludiex, għalhekk, l-għoti tal-għajnuna u lanqas, b’mod simetriku, ma talab ir-revoka tagħha.

    38.

    Huwa differenti fil-każ ta’ klawżola oħra tas-sejħa (dik Nru 17(3)) li talbet rekwiżit ta’ “stabbiltà tal-operazzjonijiet” li, bħala tali, ma kinux għadhom marbutin mas-sitwazzjoni ta’ kriżi tal-bidu, iżda ma’ ċirkustanzi li seħħew matul il-ħames snin wara li jsiru l-azzjonijiet ikkofinanzjati. La din il-klawżola u lanqas ir-rekwiżit ta’ stabbiltà li tinkludi ma huma marbutin direttament mad-dritt tal‑Unjoni (b’mod iktar preċiż, mar-Regolament Nru 800/2008). Jekk dan tal-aħħar jipprovdix Linji gwida interpretattivi għall-applikazzjoni tiegħu, jew le, kif jidher li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, huwa xi ħaġa li ser nitkellem dwarha iktar ’il quddiem.

    B. Il-benefiċċju li jiġu rriformulati ż-żewġ domandi preliminari

    39.

    Meta tinqara fit-termini tagħha stess, l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju (li hija stess tiddeskrivi bħala “preliminari”) hija sabiex jiġi ċċarat, biss, jekk il-proċeduri ta’ insolvenza li jirreferi għalihom l-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008 jinkludux kemm dawk mibdija fuq inizjattiva tal-operatur ekonomiku kkonċernat kif ukoll dawk li jinbdew ex officio mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji.

    40.

    Ir-risposta għal din id-domanda ma tqajjimx wisq problemi ta’ interpretazzjoni: dik id-dispożizzjoni tar-Regolament, sempliċiment, ma tagħmilx distinzjoni bejn il-proċeduri ta’ insolvenza skont minn fejn joriġinaw, ex officio jew fuq inizjattiva tal-parti, u għalhekk tapplika għat-tnejn li huma. Jiena naqbel f’din l-evalwazzjoni mal-Gvernijiet li intervjenew fil-kawża preliminari, kif ukoll mal-Kummissjoni.

    41.

    B’mod speċifiku, l-“arranġament mal-kredituri sabiex titkompla l-attività” introdott mil-liġi Taljana fl-2012 (u li jista’ jinbeda mill-impriżi bi problemi ta’ likwidità, bħala alternattiva għall-għajbien tagħhom) huwa forma ta’ falliment li, fil-fehma tiegħi, jaqa’ taħt il-kunċett tal-proċedura ta’ insolvenza tar-Regolament Nru 800/2008.

    42.

    Ir-risposta fl-affermativ għal din id-domanda twassal għat-tieni waħda, jiġifieri, dik li tikkonċerna jekk l-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza (kemm ex officio, jew jekk fuq inizjattiva tal-parti) tippermettix li titqies sitwazzjoni ta’ diffikultà li timpedixxi l-għoti ta’ għajnuna bħala akkreditata (jew li teħtieġ ir-revoka ta’ dik li tkun ingħatat preċedentement) jew, għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ din il-kundizzjoni għandhiex tiġi evalwata b’mod konkret.

    43.

    Sabiex tiġi ċċarata din il-kwistjoni, huwa essenzjali li jiġi ddeċifrat, minn qabel, il-kunċett ta’ “impriżi f’diffikultà” skont it-tifsira tal-Artikolu 1(6)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008, peress li l-impriżi li jinsabu f’din is-sitwazzjoni huma esklużi mill-għajnuniet f’dan ir-regolament. Jekk, skont il-paragrafu (7)(ċ) tal-istess regolament “tiġi kkunsidrata bħala li tinsab f’diffikultà” l-SME li “tissodisfa l-kriterju taħt il-liġi domestika li tkun is-suġġett għall-proċeduri kollettivi ta’ falliment [jew ta’ insolvenza]”, fl-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett tal-aħħar ma jistgħux jiġu preklużi l-liġijiet nazzjonali ( 13 ).

    44.

    Għalhekk, naħseb li huwa iktar utli li ż-żewġ domandi jiġu rriformulati, billi jiġi analizzat x’inhi “proċedura ta’ falliment” fis-sens tal-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008, kif ukoll xi jfisser il-kunċett ta’ “impriżi f’diffikultà” użat fil-paragrafu (6)(ċ) tal-istess artikolu. Ir-risposta għal dawn id-domandi se tippermetti li jiġu ffaċċjati b’iktar sigurtà d-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar il-kwistjoni, li għaliha, hija essenzjali għall-każ: jekk, minħabba li tinsab fis-sitwazzjoni li tipprovdi għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza, l-impriża kkonċernata għandhiex tiġi kklassifikata bħala impriża f’diffikultà, b’tali mod li ma tistax taspira għall-inċentiv mitlub jew, jekk dan diġà ngħata, għandux jiġi rrevokat.

    C. Il-kunċett ta’ “impriżi f’diffikultà” skont l-Artikolu 1(6)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008

    45.

    Fil-mument li fih ġew adottati l-Linji gwida tal-2004, il-Kummissjoni ddikjarat li “[m]a teżistix definizzjoni Komunitarja ta’ impriża f’diffikultà”. Għalhekk, kien meħtieġ, li jkun hemm test li jinkludi l-karatteristiċi kunċettwali ta’ dan il-kunċett, minħabba li kienet tiddependi minnu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni (bħal, pereżempju, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jew dawk li jirregolaw il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet) li ma jistgħux ma jagħtux kas ir-realtà ġuridika, ekonomika u soċjali rappreżentata mill-impriżi f’diffikultà.

    46.

    Kellhom jintużaw, għaldaqstant, kostruzzjonijiet kunċettwali ad hoc, li jistgħu jagħtu lil din ir-realtà kumplessa tifsira speċifika fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji li l-għan tagħhom kien dan. Għal dan l-iskop ġew ippubblikati l-Linji gwida tal-2004, meħtieġa sabiex jiggwidaw l-attività tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà. Ir-Regolament Nru 800/2008 adotta bħala tiegħu l-kunċetti pprovduti f’dawn il-Linji gwida, filwaqt li tahom valur regolatorju bħala elementi li jikksostitwixxu kunċett li jista’ jiġi deskritt biss bħala awtonomu, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni.

    47.

    Skont il-premessa 15 tar-Regolament Nru 800/2008, l-għajnuniet lil impriżi f’diffikultà “għandhom jiġu vvalutati taħt dawk il-linji gwida”, għalkemm għall-SMEs “id-definizzjoni ta’ x’għandu jiġi kkunsidrat bħala impriża li tkun f’diffikultà għandha tiġi simplifikata kif imqabbla mad-definizzjoni użata f’dawk il-Linji Gwida”

    48.

    Il-Linji gwida tal-2004 saru, għalhekk, kriterji konstituttivi, legalment vinkolanti, tal-kunċett normattiv ta’ “impriża f’diffikultà”. Kunċett li, nerġa’ ngħid, huwa neċessarjament awtonomu u esklużiv tad-dritt tal-Unjoni, sal-punt li, meta jkun mitlub li jiġi applikat fl-Istati Membri kollha, għandu jiġi applikat fihom kollha bl-istess tifsira.

    49.

    Hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li, “mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, li ma tagħmel ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha, billi jitqies il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.” ( 14 ).

    50.

    Id-definizzjoni ta’ “impriżi f’diffikultà” ipprovduta fir-Regolament Nru 800/2008 (sabiex jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu) ma hijiex eżattament dik adottata mill-Kummissjoni fil-Linji gwida tal-2004, imma, kif diġà pprovdejt, hija verżjoni semplifikata ta’ dawn. Il-qari tal-Artikolu 1(7) tar-Regolament Nru 800/2008 jippermetti li jkun jista’ jiġi dedott li din is-semplifikazzjoni kienet tinkludi biss l-elementi tal-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà” mill-punt 10 tal-Linji gwida tal-2004, bl-esklużjoni għalhekk, ta’ dawk elenkati fil-punt 11 tagħhom.

    51.

    Fil-fatt, il-punt 10 tal-Linji gwida tal-2004 huwa riprodott kważi kelma b’kelma fl-Artikolu 1(7) tar-Regolament Nru 800/2008, biż-żieda unika ta’ referenza għall-SMEs li jkunu ilhom jeżistu għal inqas minn tliet snin, diġà msemmija fil-premessa 15 tar-Regolament. Għall-kuntrarju, ma jintqal xejn dwar il-fatturi li, skont il-punt 11 tal-Linji gwida tal-2004, jistgħu jwasslu wkoll għall-istess riżultat, iżda li l-konstatazzjoni tagħhom tkun teħtieġ attività probatorja ikbar. Ġie deċiż li dawn jitneħħew sabiex “jitnaqqas il-piż amministrattiv tal-Istati Membri”.

    52.

    Mit-tliet ċirkustanzi ta’ klassifikazzjoni użati fl-Artikolu 1(7) tar-Regolament Nru 800/2008 sabiex, għall-finijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jiġi speċifikat meta SME tkun tinsab f’diffikultà, dawk li jinsabu fl-ittri a) ( 15 ) u b) ( 16 ) ma humiex rilevanti għal dan il-każ. F’dawn iż-żewġ każijiet, il-kriterji ta’ definizzjoni huma pprovduti, b’mod komplet, mir-Regolament Nru 800/2008 nnifsu, b’tali mod li sabiex jiġi kkonfermat jekk japplikawx f’każ partikolari ma jkunx hemm għalfejn isir riferiment għal-liġi tal-Istati Membri. L-awtonomija tal-kunċett Komunitarju għalhekk, ma tistax tiġi kkontestata, fiż-żewġ każijiet.

    53.

    It-tielet kriterju, li huwa dak li jikkonċerna lilna hawnhekk (“impriżi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali sabiex ikunu suġġetti għal proċeduri ta’ falliment [insolvenza]”), jirreferi, b’mod ċert, għal-liġijiet interni ta’ kull Stat. Madankollu, dan ma huwiex riferiment assolut, minħabba li l-kontribuzzjoni tal-liġi interna hija limitata għad-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ proċedura li, min-naħa tagħha, tikkorrispondi wkoll għal kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.

    D. Il-kunċett ta’ “proċeduri ta’ falliment [insolvenza]” użat fl-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008

    54.

    L-istess ħtieġa ta’ unità u koerenza tas-sistema imposta mill-konfigurazzjoni tal-kunċett ta’ “impriżi f’diffikultà”, bħala kategorija tad-dritt tal-Unjoni, hija estiża għall-kunċett ta’ “proċeduri ta’ falliment [insolvenza]”, minkejja r-riferiment għal-liġijiet nazzjonali għat-twettiq tiegħu.

    55.

    L-użu ta’ din il-kategorija legali għandu jsir fil-kuntest tar-Regolament Nru 800/2008 (jiġifieri, skont l-għan u l-iskop tiegħu), fuq il-bażi tal-fatt li l-kunċett ta’ “proċedura ta’ falliment [insolvenza]” huwa magħruf għad-dritt tal-Unjoni, u għandu rikonoxximent Komunitarju espliċitu.

    56.

    Ir-Regolament (KE) Nru 1346/2000 ( 17 ) iddefinixxa fl-Artikolu 2(a) tiegħu, il-proċeduri ta’ insolvenza bħala “il-proċedimenti kollettivi msemmija fl-Artikolu 1(1)” ta’ dak ir-regolament, jiġifieri, dawk “li jinvolvu t-tneħħija tal-assi parzjali jew totali ta’ debitur u l-ħatra ta’ likwidatur”. Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, l-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1346/2000 inkorpora l-lista tal-proċeduri nazzjonali differenti ta’ insolvenza, elenkati fir-rapport imdaħħal fl-Anness A tiegħu.

    57.

    F’dak l-Anness, u f’dak li jirrigwarda l-Italja, ġie inkluż dak li jissejjaħ “concordato preventivo” ( 18 ) (arranġament mal-kredituri). Ma huwiex imsemmi, għalhekk, l-arranġament għat-tkomplija tal-impriża, għax dan ġie introdott fil-liġi Taljana sussegwentement (skont il-qorti tar-rinviju, fl-2012). Tajjeb li wieħed jistaqsi, għalhekk, jekk il-mod li bih il-liġi nazzjonali stabbiliet dan l-arranġament jagħmlux proċedura differenti mill-arranġament mal-kredituri jew jekk jagħmlux biss sempliċi varjant ta’ dan tal-aħħar.

    58.

    Ir-risposta, loġikament, għandha tingħata mill-qorti nazzjonali, għalkemm il-post tal-Artikolu 186a fis-sistematika tal-Liġi Taljana dwar il-falliment u l-formulazzjoni tagħha stess jidhru li japplikaw l-idea li l-arranġament mal-kredituri għat-tkomplija tal-kumpannija huwa biss modalità (ġdida) tal-arranġament mal-kredituri, b’mod ġenerali, jiġifieri, li dan ma huwiex differenti mill-kontenut ta’ din il-kategorija tal-aħħar, iżda iktar wiesa’ ( 19 ). Il-qorti tar-rinviju stess tirrikonoxxi li l-arranġament mal-kredituri għat-tkomplija tal-kumpannija huwa “ġeneru tal-proċeduri tal-falliment” ( 20 ).

    59.

    Konsegwentement, nemmen li, peress li l-qorti tar-rinviju tikkonferma li l-arranġament għat-tkomplija tal-kumpannija huwa modalità tal-arranġament mal-kredituri msemmi fl-Anness A tar-Regolament Nru 1346/2000, għandu jiġi konkluż li dak l-arranġament huwa proċedura ta’ insolvenza fis-sens tal-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008.

    60.

    Barra minn hekk, kif diġà indikajt, peress li l-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008 ma jagħmilx distinzjoni bejn il-proċeduri ta’ insolvenza mibdija ex officio u dawk mibdija fuq l-inizjattiva tal-operatur ekonomiku jew il-kredituri tiegħu, nemmen li din hija differenza li ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-każ ta’ hawnhekk.

    E. L-eżistenza tal-kundizzjonijiet stabbiliti għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza

    61.

    Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf –u dan huwa l-qofol tad-dubju li indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja – jekk is-sempliċi eżistenza tal-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza tiddeterminax li l-impriża kkonċernata tkun tinstab f’diffikultà fis-sens tar-Regolament Nru 800/2008, jew jekk, għall-kuntrarju, għandhiex tiġi evitata kwalunkwe deċiżjoni awtomatika u għandhom jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-impriża tinsabx f’sitwazzjoni verament kritika jew le.

    62.

    Filwaqt li r-Reġjun ta’ Le Marche u l-Kummissjoni jiffavorixxu l-ewwel soluzzjoni, il-Gvern Taljan u dak Pollakk isostnu li għandha tintuża t-tieni waħda.

    63.

    Nemmen li mill-għan tar-Regolament Nru 800/2008 u mill-intenzjoni espliċita tal-leġiżlatur jista’ jiġi dedott li impriża tkun f’diffikultà, fis-sens tal-Artikolu 1(7)(ċ) ta’ dik id-dispożizzjoni, meta, sempliċiment, ikunu soddisfatti l-kundizzjonijiet oġġettivi sabiex tkun suġġetta għal proċedura ta’ falliment, f’termini purament formali.

    64.

    Ir-Regolament Nru 800/2008 xtaq “jissemplifika” id-definizzjoni ta’ “impriża f’diffikultà” tal-Linji gwida tal-2004, u għamel dan indipendentement mill-elementi elenkati fil-punt 11 ta’ dawn il-Linji gwida, jiġifieri, dawk li l-evalwazzjoni tagħhom mill-awtoritajiet tal-Istati Membri tagħti lok għal piż amministrattiv li, skont l-istess regolament, huwa intiż li jtaffi.

    65.

    Ikun diffiċli li jiġi rrikonċiljat ma’ dan l-għan ta’ simplifikazzjoni – u jmur kontra x-xewqa tal-leġiżlatur li jiġi injorat il-kontenut tal-punt 11 tal-Linji gwida tal-2004 – li l-awtoritajiet nazzjonali ma kellhomx jillimitaw ruħhom biss li jistabbilixxu jekk kinux jeżistu ċirkustanzi sabiex jinbdew proċeduri ta’ insolvenza, u dawn kienu obbligati, lil hinn minn din il-konstatazzjoni – li, barra minn hekk, fih innifsu mhux dejjem huwa sempliċi –, jieħdu deċiżjoni materjali bħal dik issuġġerita mill-qorti tar-rinviju.

    66.

    Ma’ dak preċedenti jiżdiedu żewġ argumenti kumplimentari. L-ewwel wieħed jipprovdi li huma l-qrati ġudizzjarji kompetenti fi kwistjonijiet ta’ falliment, li għandhom jiġu ppreżentati bl-arranġament mal-kredituri, li għandhom jiddeċiedu dwar dan, preċiżament fid-dawl taċ-ċirkustanzi uniċi ta’ kull impriża, meta jkun hemm sitwazzjoni li teħtieġ is-sospensjoni tal-pagamenti lill-kredituri tagħha (fi kliem ieħor, meta tkun f’diffikultajiet finanzjarji). Fil-każ preżenti, it-Tribunale di Macerata (qorti ta’ Macerata), li, skont il-qorti tar-rinviju, “awtorizzat” ( 21 ) l-arranġament mal-kredituri, kellha tivverifika, mingħajr ebda dubju, jekk kinux jeżistu ċ-ċirkustanzi legalment meħtieġa għal dan.

    67.

    It-tieni argument supplimentari, fuq din il-linja, huwa li l-għan tar-Regolament ma huwiex li jiddikjara kwalunkwe kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni, iżda biss dawk immirati li jissodisfaw il-bżonnijiet li għalihom ikun meħtieġ, b’mod ġust, impriżi li kapaċi jifilħuhom, li jeskludi l-inċentivi lil dawk li jinsabu f’diffikultà. Fil-fehma tiegħi, li tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tkun suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza huwa, fih innifsu, raġuni biżżejjed sabiex tiġi kkontestata l-vijabbiltà tal-attività li għaliha ntalab l-inċentiv, u jippermetti li wieħed jissuspetta li bl-għajnuna mitluba huwa maħsub li tiġi indirizzata sitwazzjoni ta’ diffikultà, filwaqt li tiġi injorata l-applikazzjoni tal-Linji gwida tal-2004, li jixtieq jevita li jagħmel ir-Regolament Nru 800/2008.

    68.

    Fl-aħħar nett, ma jistax jintesa li “bħal temperament għar-regola ġenerali li tikkostitwixxi l-obbligu ta’ notifika [tal-għajnuna mill-Istat], ir-Regolament Nru 800/2008 u l-kundizzjonijiet previsti minnu għandhom jinftiehmu b’mod strett” ( 22 ).

    69.

    Nifhem, għalhekk, li d-domanda li saret mill-qorti tar-rinviju għandha tingħata r-risposta li, jekk impriża tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa sabiex tiġi suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza ma tistax tkun benefiċjarja ta’ għajnuna pubblika mill-fondi strutturali.

    70.

    Din l-affermazzjoni għandha ssir immedjatament, madankollu, quddiem id-dubju tal-qorti tar-rinviju, li tixtieq tkun taf ukoll jekk, meta tinbeda proċedura ta’ insolvenza wara l-għoti tal-għajnuna (bħal fil-każ ta’ Nerea), l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali humiex obbligati li jirrevokawha. Din id-domanda hija marbuta, skont il-kunsiderazzjonijiet preliminari tiegħi, mat-tieni aspett tal-kwistjoni, jiġifieri, dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-klawżoli tas-sejħa.

    F. Fuq ir-revoka ( 23 ) tal-għajnuna mogħtija

    71.

    Kif diġà spjegajt, il-kapaċità tal-impriża li tapplika għal għajnuna għandha tiġi vvalutata meta din tingħata, jiġifieri, “fil-mument meta d-dritt li tiġi rċevuta jingħata lill-benefiċjarju skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli” ( 24 ). Fir-realtà, ma hemmx kontroversja dwar il-fatt li Nerea kienet tissodisfa r-rekwiżiti sabiex tirċievi l-għajnuna inkwistjoni meta din ingħatat lilha.

    72.

    Is-sitwazzjoni ta’ diffikultà ta’ Nerea, enfasizzata billi ġiet iddikjarata miftuħa l-proċedura ta’ insolvenza tal-15 ta’ Ottubru 2014, seħħet meta diġà kienet irċeviet 50 % tal-għajnuna u wettqet (skont il-qorti tar-rinviju) l-investiment issussidjat, li għamlet rendikont tiegħu fit-18 ta’ Novembru 2013.

    73.

    Kieku Nerea ma kinitx “impriża f’diffikultà” wara li ngħatat l-għajnuna (u, saħansitra, wara li ssodisfat l-impenji tagħha ta’ investiment), l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 800/2008 ma kien jimponi li s-sussidju jiġi rrevokat. Id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix li f’każijiet bħal dawn jiġi mogħti lura l-inċentiv.

    74.

    Madankollu, kif tipprovdi l-Kummissjoni ( 25 ), il-fatt li għajnuna mill-Istat tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern ma jfissirx li Stat Membru huwa obbligat li jagħtiha jew li ma jistax jeħtieġ li din tingħata lura meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali, jew ta’ ordni ġenerali, inklużi fis-sejħa, jistabbilixxu dan.

    75.

    L-Artikolu 17(3) tas-sejħa stabbilixxa dak li naħseb li jista’ jiġi deskritt bħala kundizzjoni ta’ revoka, fis-sens tekniku u legali: il-benefiċjarju huwa obbligat li “jirrispetta l-obbligu ta’ stabbiltà” tal-operazzjoni kofinanzjata, matul ħames snin wara d-data minn meta nbdiet dik l-operazzjoni. Dan l-impenn inkluda dak li jiġi evitat li jsiru “modifikazzjonijiet sostanzjali li jibdlu n-natura [tal-operazzjoni] jew tal-modalitajiet ta’ implementazzjoni jew li jipprovdu vantaġġi mhux dovuti lil impriża jew aġenzija pubblika”. Tali kundizzjoni, kellhiex natura ta’ revoka jew le, hija separata mir-Regolament Nru 800/2008, u ma tistax, għaldaqstant, tipprovdi Linji gwida għall-interpretazzjoni jew l-implementazzjoni tagħha.

    76.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kontenut u l-ambitu ta’ dik il-klawżola partikolari fis-sejħa għall-għajnuna, u għandha tkun il-qorti tar-rinviju dik li tiddeċiedi jekk, fil-fatt, ġietx miksura ( 26 ) u x’inhuma l-konsegwenzi ta’ dak il-ksur.

    77.

    Fil-fatt, il-problema li tikkawża l-apparenza (mhux mistennija) ta’ sitwazzjoni ta’ diffikultà fin-negozju, wara li tkun ingħatat l-għajnuna u jkunu ġew issodisfatti l-impenji ta’ investiment mill-benefiċjarju, ma hemm l-ebda risposta għaliha fid-dispożizzjonijiet analizzati tar-Regolament Nru 800/2008. L-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ dan ir-regolament, li rreferejt għalihom hawn fuq, ma tipprovdix Linji gwida ta’ soluzzjoni għall-paradoss deskritt mill-qorti tar-rinviju, meta jitqabbel, minn naħa waħda, mal-pjan li jiġi mħeġġeġ ir-ristrutturar tal-SMEs f’diffikultà ta’ likwidità, iżda li jżommu l-marġni oġġettivi tal-produttività, u min-naħa l-oħra, ir-regola nazzjonali li ċċaħħadhom “ex post [...] minn riżorsi finanzjarji minn sorsi pubbliċi xierqa sabiex isegwu l-objettiv ta’ ristrutturar u tnedija mill-ġdid”.

    78.

    Hija l-qorti tar-rinviju, fl-aħħar mill-aħħar, li għandha tiddeċiedi sa liema punt il-ksur ta’ dik il-kundizzjoni ta’ stabbiltà għandu jirriżulta fir-revoka tal-għajnuna u l-irkupru tal-ammont imħallas lil Nerea. Jekk, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali applikabbli, din l-għajnuna jkollha tiġi rrevokata u, jkollu jsir ukoll, irkupru xieraq tal-ammont mogħti u l-interessi fuq dak l-ammont, ma jiksirx ir-Regolament Nru 800/2008 u lanqas ma tiġi ppreġudikata l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern meta din ingħatat, li huma l-uniċi kwistjonijiet li tista’ tiddeċiedi dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament.

    79.

    Nissuġġerixxi, għaldaqstant, bħala risposta għad-domandi magħmula li, skont l-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 800/2008, l-eżistenza tar-rekwiżiti stabbiliti fid-dritt nazzjonali sabiex impriża tkun suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza hija rilevanti fil-mument tal-għoti tal-għajnuna, u mhux meta dan il-fatt iseħħ b’mod mhux mistenni, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali. L‑awtoritajiet nazzjonali jistgħu, madankollu, jordnaw ir-revoka tal-għajnuna u l-irkupru tal-ammonti li diġà tħallsu jekk, taħt id-dritt intern tagħhom, l-impriża benefiċjarja ma tkunx ikkonformat mal-klawżoli tas-sejħa li tirregola l-għoti ta’ dik l-għajnuna.

    VI. Konklużjoni

    80.

    B’mod konformi mal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mit-Tribunale Ammnistrativo Regionale per le Marche (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Le Marche) kif ġej:

    “1.

    L-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008, li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi kemm għal proċeduri ta’ insolvenza li jinbdew ex officio mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji kif ukoll għall-proċeduri mibdija fuq inizjattiva tal-impriża kkonċernata.

    2.

    F’każ li l-arranġament għat-tkomplija tal-impriża jkun inkluż taħt il-modalità proċedurali tal-arranġament mal-kredituri msemmi fl-Anness A tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [insolvenza], li għandu jiġi stabbilit mill-qorti tar-rinviju, dan l-arranġament jikkostitwixxi proċedura ta’ insolvenza, fis-sens tal-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 800/2008.

    3.

    B’mod konformi mal-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 800/2008, l-eżistenza tar-rekwiżiti stipulati fid-dritt nazzjonali sabiex impriża tkun suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza hija rilevanti fil-mument tal-għoti tal-għajnuna, u mhux meta dan il-fatt iseħħ b’mod mhux mistenni, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, madankollu, jordnaw ir-revoka tal-għajnuna u l-irkupru tal-ammonti li diġà tħallsu jekk, taħt id-dritt intern tagħhom, l-impriża benefiċjarja ma tkunx ikkonformat mal-klawżoli tas-sejħa li rregolat l-għoti ta’ dik l-għajnuna.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Se nuża l-espressjoni “empresa en crisis” li tikkorrispondi għall-verżjona Spanjola tar-Regolament Nru 800/2008, filwaqt li ninnota li dik l-iktar viċin verżonijiet lingwistiċi oħra hija “impriża li tkun f’diffikoltà”, li adottaw, pereżempju, dik Taljana (imprese in difficoltà), Franċiża (entreprises en difficulté), Ingliża (undertakings in difficulty), Portugiża (empresas em dificuldade), Ġermaniża (Unternehmen in Schwierigkeiten) jew Olandiża (ondernemingen in moeilijkheden).

    ( 3 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni, tas-6 ta’ Awwissu 2008, li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (ĠU 2008, L 214, p. 3).

    ( 4 ) ĠU 2004, C 244, p. 2, “iktar ’il quddiem, il-Linji Gwida tal-2004”. It-test fis-seħħ attwalment jidher, bit-titolu “Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà”, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 249/01, ĠU 2014 C 249/1.

    ( 5 ) Digriet Irjali tas-16 ta’ Marzu 1942 (GURI Nru 81, tas-6 ta’ April 1942), iktar ’il quddiem, “Liġi dwar il-fallimenti”, fil-verżjoni emendata bid-Digriet Liġi Nru 83, tat-22 ta’ Ġunju 2012, irrattifikat permezz tal-Liġi Nru 134, tas-7 ta’ Awwissu 2012.

    ( 6 ) B’mod partikolari, l-awtorità amministrattiva li ffirmat id-digriet li jirregola l-għajnuniet, taħt in-numru 267/IRE_11, kien id-“direttur tal-pożizzjoni funzjonali tal-innovazzjoni, ir-riċerka, l-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività tas-setturi produttivi”.

    ( 7 ) Programm Operattiv Reġjonali (POR) tal-FEŻR Le Marche 2007-2013, adottat mill-Kummissjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni Nru 3986, tas-17 ta’ Awwissu 2007.

    ( 8 ) F’nota fil-qiegħ tal-paġna ġie miżjud li “kumpannija f’diffikultà tfisser SME li tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin [...]”, u mbagħad ġew traskritti dawk li jinsabu fir-Regolament Nru 800/2008.

    ( 9 ) Dan ġie ddikjarat mill-qorti tar-rinviju fil-punt 1.2 tad-digriet tar-rinviju.

    ( 10 ) Imsejjaħ, skont id-digriet tar-rinviju, “Korp intermedjarju Medio Credito Centrale (MMC)”.

    ( 11 ) It-tielet inċiż tal-punt 9, tad-digriet tar-rinviju.

    ( 12 ) Punt 15 tad-digriet tar-rinviju.

    ( 13 ) Se nipprova nistabbilixxi, madankollu, li t-talba għad-drittijiet nazzjonali ma tipprekludix l-appoġġ favur in-natura awtonoma, jiġifieri, id-dritt tal-Unjoni stess, tal-kunċett ta’ impriża li tkun f’diffikultà

    ( 14 ) Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Axa Belgium (C‑494/14, EU:C:2015:692), punt 21, b’ġurisprudenza ċċitata.

    ( 15 ) Fil-każ ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, fejn iktar min-nofs il-kapital irreġistrat tagħha jkun għosfor u iktar minn kwart ta’ dak il-kapital ikun intilef tul it-12-il xahar preċedenti.

    ( 16 ) Fil-każ ta’ kumpanniji li fihom xi membri għandhom responsabbiltà mhux limitata, li jkunu għosfru iktar minn nofs il-fondi proprji tagħhom u iktar minn kwart minnhom intilfu fl-aħħar 12-il xahar.

    ( 17 ) Regolament tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19 Vol. 1 p. 191).

    ( 18 ) Il-concordato preventivo Taljan jinsab ukoll, nominalment, fl-Anness A (“proċeduri ta’ insolvenza msemmija fl-Artikolu 2(4)”) tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 2015, dwar proċedimenti ta’ insolvenza (tfassil mill-ġdid).

    ( 19 ) L-Avukat Ġenerali Sharpston, fil-konklużjonijiet tagħha tal-kawża Degano Trasporti (C‑546/14, EU:C:2016:13), punt 43, li fih ukoll ġew diskussi l-proċedimenti ta’ falliment Taljani, sostniet li ma huwiex possibbli li tingħata deċiżjoni f’dan il-każ fuq il-pekuljaretajiet tal-liġi nazzjonali tal‑falliment. B’mod partikolari – inżid jien issa – ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha twettaq tassonomija tad-diversi varjetajiet proċedurali.

    ( 20 ) Il-punt 10 tad-digriet tar-rinviju.

    ( 21 ) Punt 15, in fine, tad-digriet tar-rinviju.

    ( 22 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel (C‑493/14, EU:C:2016:577), punt 37. Dan l-approċċ, skont il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 38, “jinsab ikkonfortat fid-dawl tal-għanijiet segwiti mir-regolamenti ġenerali ta’ eżenzjoni skont il-kategorija ta’ għajnuna”, u għalhekk, “għalkemm il-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta tali regolamenti, sabiex tiżgura sorveljanza effiċjenti tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u biex tissemplifika l-ġestjoni amministrattiva, mingħajr ma jiddgħajjef l-istħarriġ tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, tali regolamenti wkoll għandhom bħala għan li jiżdiedu t-trasparenza u ċ-ċertezza legali. L-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn dawn ir-regolamenti, inkluż, konsegwentement, permezz tar-Regolament Nru 800/2008, tippermetti li tiżgura li dawn l-għanijiet ikunu kompletament sodisfatti”.

    ( 23 ) Tul il-kawża prinċipali ntużat l-espressjoni revoka, li (skont id-digriet tar-rinviju) kienet użata mill-korp li jamministra l-għajnuniet fid-deċiżjoni inizjali tiegħu. Mingħajr ma jkun mixtieq li titqajjem kontroversja dwar dan, jista’ jiġi ddubitat jekk, tabilħaqq, kienx hemm revoka tal-għoti ta’ għajnuna, peress li l-att li approvaha ma kienx suġġett għal xi kawża ta’ nullità jew dikjarazzjoni ta’ nullità, li hija karatteristika tar-revoki unilaterali fi ħdan dan it-tip ta’ relazzjonijiet amministrattivi. Il-klawżola 20 tal-sejħa ma kinitx tipprojbixxi, madankollu, li tiġi adottata din il-miżura f’każ ta’ “nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi [...] tal-benefiċjarju miġbura fil-klawżola 20(b), (c), (h), u d-dispożizzjonijiet ipprovduti fl-avviż”.

    ( 24 ) Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, Magdeburger Mühlenwerke (C‑129/12, EU:C:2013:200), punt 40, f’riproduzzjoni kważi litterali tal-premessa 36 tar-Regolament Nru 800/2008.

    ( 25 ) Punt 44 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

    ( 26 ) Hekk jidher li huwa mifhum meta targumenta li “[f]ost l-emendi sostanzjali bla dubju hemm il-wasla ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi tal-impriża li tista’ tiġġenera, pereżempju, vantaġġ mhux dovut fis-sens tal-Artikolu 17(3) tas-sejħa”.

    Top