Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0218

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fis-17 ta’ Mejju 2017.
    Kawża mressqa minn Aleksandra Kubicka.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Gorzowie Wielkopolskim.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Suċċessjonijiet u Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru li ma jirrikonoxxix il-legat ‘b’invokazzjoni’ – Rifjut ta’ rikonoxximent tal-effetti reali ta’ tali legat.
    Kawża C-218/16.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:387

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fis-17 ta’ Mejju 2017 ( 1 )

    Kawża C-218/16

    Aleksandra Kubicka

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Gorzowie Wielkopolskim (tribunal reġjonali ta’ Gorzów Wielkopolski, il-Polonja)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suċċessjonijiet u Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 – Proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru li ma jirrikonoxxix legat – Rifjut ta’ rikonoxximent tal‑effetti reali ta’ tali legat ‘

    I. Introduzzjoni

    1.

    Ir-Regolament (UE) Nru 650/2012, tal-Parlament Ewropea u tal‑Kunsill, tal-4 ta’ Lulju 2012, dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l‑infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il‑ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ( 2 ), li daħal fis-seħħ fis‑16 ta’ Awwissu 2012, huwa, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 84 ta’ dan ir-regolament, minbarra xi dispożizzjonijiet ġenerali, applikabbli mis-17 ta’ Awwissu 2015.

    2.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab għall-ewwel darba ( 3 ) dwar l‑interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012, u speċjalment tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(2)(k) u (l) ta’ dan ir‑regolament, li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu “in-natura tad-drittijiet in rem” u “kwalunkwe reġistrar f’reġistru ta’ drittijiet fi proprjetà immobbli jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali għal tali reġistrar, u l-effetti ta’ reġistrar jew in-nuqqas ta’ reġistrar ta’ dawn id‑drittijiet f’reġistru” ( 4 ).

    3.

    Ir-riflessjoni tagħna ser teħodna fuq punt delikat ferm, dak tad‑delimitazzjoni tal-liġi tas-suċċessjoni u tad-dritt in rem, li fuqu saru ħafna negozjati, kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ( 5 ), kif ukoll fid-duttrina ( 6 ).

    4.

    B’mod konkret, fil-kawża prinċipali, għandu jiġi stabbilit jekk id‑dispożizzjonijiet li jeskludu l-każijiet ta’ applikazzjoni tal-lex situ tal‑proprjetà kkonċernata jistgħux ikunu l-bażi ta’ rifjut ta’ rikonoxximent ta’ effetti reali ta’ legat “b’invokazzjoni”, li permezz tiegħu d-dritt fuq il-proprjetà jiġi trażmess b’mod dirett lil-legatarju fil‑ftuħ tas-suċċessjoni, meta jirrigwarda d-dritt ta’ proprjetà ta’ immobbli li jinsab fi Stat Membru li ma jirrikonoxxix din il-forma ta’ legat, iżda jirrikonoxxi biss il-legat “b’eżekuzzjoni”. B’din id‑dispożizzjoni, il-werriet huwa obbligat jittrasferixxi d-dritt fuq il‑proprjetà lil-legatarju, li jagħti li dan tal-aħħar id-dritt li jitlob l‑eżekuzzjoni tal-legat.

    5.

    Wara li ser inkun spjegajt għaliex l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà għandhom jiġu miċħuda, ser nara li huwa ġġustifikat li jiġi kkunsidrat:

    li d-dibattitu ma jirrigwardax id-dritt ta’ proprjetà li ser ikollu l-legatarju, li mhux irrikonoxxut fl-Istat Membru li fih huwa invokat, iżda l-modalitajiet ta’ rikonixximent tat‑trasferiment ta’ dan id-dritt minħabba r-reġistrazzjoni tiegħu f’reġistru tal-artijiet;

    li l-esklużjoni tar-rekwiżiti relatati ma’ din ir-reġistrazzjoni għandhom ikunu interpretati b’mod ristrett; u

    li, konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 650/2012, il-legat li jirrigwarda dritt in rem, li l-Istat Membru ta’ fejn jinsab l-immobbli jirrikonoxxi, għandu jipproduċi l-effetti tiegħu għal-legatarju, indipendentement mil-lok fejn għandu jiġi rreġistrat, peress li d-dritt fuq il-proprjetà immobbli ġie ttrasferit lilu b’mod dirett, b’effett tal-liġi tas-suċċessjoni, skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament.

    6.

    Għalhekk nipproponi sabiex tingħata risposta negattiva għad‑domanda magħmula.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A. Id-dritt tal-Unjoni

    7.

    Il-premessi 7, 9, 15, 16, 18, 19, 37 u 67 tar-Regolament Nru 650/2012 jipprevedu:

    “(7)

    Hemm lok li jiġi ffaċilitat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni li llum il‑ġurnata jiġu affaċċjati b’diffikultajiet biex jimplimentaw id‑drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali. Fiż-żona Ewropea tal-ġustizzja, iċ-ċittadini għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jorganizzaw is‑suċċessjoni tagħhom bil-quddiem. Id-drittijiet tal-werrieta u l‑legatarji, tal-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni għandhom ikunu garantiti b’mod effettiv.

    […]

    (9)

    Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jestendi għall-aspetti kollha tal-liġi ċivili tas-suċċessjoni għall-patrimonju ta’ persuna deċeduta, jiġifieri kull forma ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, sew jekk permezz ta’ trasferiment volontarju taħt trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato.

    […]

    (15)

    Dan ir-Regolament għandu jippermetti l-ħolqien jew it-trasferiment permezz tas-suċċessjoni ta’ dritt fil-proprjetà immobbli jew mobbli kif previst fil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. Madankollu dan ma għandux jaffettwa l-għadd limitat (“numerus clausus”) tad-drittijiet reali magħrufa fid-dritt nazzjonali ta’ xi Stati Membri. Stat Membru ma għandux jintalab jirrikonoxxi dritt in rem relatat ma’ proprjetà li tinsab f’dak l-Istat Membru jekk id-dritt in rem ikkonċernat ma jkunx magħruf fil-liġi tiegħu.

    (16)

    Madankollu, biex il-benefiċjarji jitħallew igawdu fi Stat Membru ieħor id-drittijiet li nħolqu jew ġew trasferiti lilhom permezz tas‑suċċessjoni, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-adattament ta’ dritt in rem mhux magħruf għall-eqreb dritt in rem ekwivalenti skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. Fil-kuntest ta’ tali adattament għandu jittieħed kont tal-għanijiet u l-interessi mwettqin bid-dritt in rem speċifiku u l-effetti marbutin miegħu. Għall-finijiet li jiġi ddeterminat l-eqreb dritt in rem nazzjonali ekwivalenti, l‑awtoritajiet jew il-persuni kompetenti tal-Istat li l-liġi tiegħu tkun applikatá għas-suċċessjoni jistgħu jiġu kkuntattjati biex tinkiseb aktar informazzjoni dwar in-natura u l-effetti tad-dritt. Għal dak l‑għan, jistgħu jintużaw in-netwerks eżistenti fil-qasam tal‑kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali kif ukoll kwalunkwe mezz disponibbli ieħor li jiffaċilita l-fehim tal-liġi barranija.

    […]

    (18)

    Ir-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni f’reġistru ta’ dritt fi proprjetà immobbli jew mobbli għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru (għal proprjetà immobbli, il-lex rei sitaelex rei sitae) li tiddetermina taħt liema kondizzjonijiet legali u kif għandha ssir ir-reġistrazzjoni u liema awtoritajiet, bħal reġistri tal-artijiet jew in-nutara, huma responsabbli li jivverifikaw li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti kollha u li d-dokumentazzjoni ppreżentata jew stabbilita [redatta] tkun biżżejjed jew li jkun fiha l-informazzjoni neċessarja. B’mod partikolari, l‑awtoritajiet jistgħu jikkontrollaw li d-dritt tad-deċedut għall‑proprjetà tas-suċċessjoni msemmija fid-dokument ippreżentat għar-reġistrazzjoni huwa dritt li huwa rreġistrat bħala tali fir-reġistru jew li huwa muri mod ieħor skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru.Sabiex ma jiġux irduppjati dokumenti, l‑awtoritajiet tar-reġistrazzjoni għandhom jaċċettaw tali dokumenti mfasslin fi Stat Membru ieħor mill-awtoritajiet kompetenti li ċ‑ċirkolazzjoni tagħhom hija pprovduta f’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni maħruġ skont dan ir-Regolament għandu jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrar ta’ proprjetà ta’ suċċessjoni f’reġistru ta’ Stat Membru. Dan ma għandux jipprekludi l-awtoritajiet involuti fir‑reġistrazzjoni milli jitolbu lill-persuna li tkun qed tapplika għar‑reġistrazzjoni biex tipprovdi tali informazzjoni addizzjonali jew tippreżenta tali dokumenti addizzjonali kif meħtieġ skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru, bħala eżempju, informazzjoni jew dokumenti relatati mal-ħlas ta’ dħul. L-awtorità kompetenti tista’ tindika lill-persuna li tkun qed tapplika għar‑reġistrazzjoni kif tista’ tiġi pprovduta l-informazzjoni jew id‑dokumenti nieqsa.

    (19)

    L-effetti tar-reġistrar ta’ dritt f’reġistru għandhom wkoll jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir‑reġistru li tiddetermina jekk fil-fatt ir-reġistrar huwiex, bħala eżempju, dikjaratorju jew kostituttiv. B’hekk, fejn bħala eżempju, l‑akkwist ta’ dritt fi proprjetà immobbli jeħtieġ li jiġi rreġistrat f’reġistru skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru sabiex jiġi żgurat l-effett erga omnes tar-reġistri jew biex jiġu protetti t-tranżazzjonijiet legali, il-mument ta’ tali akkwist għandu jiġi rregolat mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

    […]

    (37)

    Sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu, biċ-ċertezza legali kollha, mill-vantaġġi offruti mis-suq intern, dan ir-Regolament għandu jippermettilhom jkunu jafu minn qabel il-liġi applikabbli għas‑suċċessjoni tagħhom. Għandhom jiġu introdotti regoli armonizzati ta’ kunflitti ta’ liġijiet biex jiġu evitati riżultati kontradittorji. Ir-regola prinċipali għandha tiżgura li s-suċċessjoni tkun irregolata minn liġi prevedibbli li magħha tkun marbuta mill‑qrib. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex tiġi evitata l‑frammentazzjoni tas-suċċessjoni, dik il-liġi għandha tirregola s‑suċċessjoni fl-intier tagħha, jiġifieri l-proprjetà kollha li tifforma parti mill-partimonju, irrispettivament min-natura tal-beni u minkejja jekk il-beni jkunux jinsabu fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz.

    […]

    (67)

    Sabiex suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali fl-Unjoni tiġi riżolta b’mod rapidu, mingħajr xkiel u effettiv, il-werrieta, il‑legatarji, l-eżekuturi testamentarji jew l-amministraturi tal‑patrimonju għandhom ikunu jistgħu juru faċilment l-istatus u/jew drittijiet u setgħat tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħala eżempju, fi Stat Membru li fih tinsab il-proprjetà tas-suċċessjoni. Biex huma jkunu jistgħu jagħmlu dan, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-ħolqien ta’ ċertifikat uniformi, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni […] li għandu jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor. Sabiex jitħares il-prinċipju tas-sussidjarjetà, iċ-Ċertifikat ma għandux jieħu l-post ta’ dokumenti interni li jistgħu jeżistu għal finijiet simili fl-Istati Membri.”

    8.

    Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għas-suċċessjoni għall‑patrimonji tad-deċeduti. Ma japplikax għall-materji fiskali, doganali u amministrattivi.

    2.   Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir‑Regolament:

    […]

    k)

    in-natura tad-drittijiet in rem; [u]

    l)

    kwalunkwe reġistrar f’reġistru ta’ drittijiet fi proprjetà immobbli jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali għal tali reġistrar, u l-effetti ta’ reġistrar jew in-nuqqas ta’ reġistrar ta’ dawn id-drittijiet f’reġistru.”

    9.

    Skont l-Artikolu 21(1) tal-imsemmi regolament, li jistabbilixxi r‑regola ġenerali li tikkonċerna l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni:

    “1 Dment li ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tad-deċedut fl-intier tagħha għandha tkun il‑liġi tal-Istat li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil‑mument tal-mewt.”

    10.

    L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Għażla ta’ liġi”, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu jipprevedi:

    “1.   Persuna tista’ tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li hija jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu fil‑mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla.

    […]

    2.   L-għażla ta’ liġi għandha ssir b’mod espliċitu f’dikjarazzjoni fil‑forma ta’ trasferiment causa mortis jew tintwera b’mod ċar bit-termini ta’ tali trasferiment.”

    11.

    L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi applikabbli”, fil-paragrafi 1 u 2(e) tiegħu jipprevedi:

    “1.   Il-liġi determinata skont l-Artikolu 21 jew l-Artikolu 22 għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha.

    2.   Dik il-liġi tirregola, b’mod partikolari:

    […]

    e)

    it-trasferiment lill-eredi u, skont il-każ, lil-legatarji tal-assi, id‑drittijiet u l-obbligi li jagħmlu parti mill-patrimonju, inklużi l‑kondizzjonijiet u l-effetti tal-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas‑suċċessjoni jew tal-legat.”

    12.

    Skont l-Artikolu 31 tal-imsemmi regolament, intitolat “Adattament ta’ drittijiet in rem”:

    “Meta persuna tinvoka dritt in rem li hija tkun intitolata għalih skont il‑liġi applikabbli għas-suċċessjoni, u l-liġi tal-Istat Membru fejn id-dritt huwa invokat ma jirrikonoxxix id-dritt in rem inkwistjoni, dak id-dritt għandu, jekk meħtieġ u safejn possibbli, jiġi adattat għall-eqreb dritt in rem ekwivalenti skont il-liġi ta’ dak l-Istat waqt li jittieħed kont tal‑għanijiet u tal-interessi li jfittex id-dritt in rem speċifiku u l-effetti marbutin miegħu.”

    13.

    Il-Kapitolu V tar-Regolament Nru 650/2012 huwa ddedikat għall‑istrumenti awtentiċi u tranżazzjonijiet ġudizzjarji.

    14.

    Skont l-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Aċċettazzjoni ta’ strumenti awtentiċi”, “[s]trument awtentiku stabbilit [redatt] fi Stat Membru għandu jkollu l-istess effetti evidenzjarji fi Stat Membru ieħor bħal ma għandu fl-Istat Membru tal-oriġini jew l-aktar effetti komparabbli, dment li dan ma jkunx manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku (‘ordre public’) fl-Istat Membru kkonċernat”.

    15.

    Fil-Kapitolu VI tal-imsemmi regolament, iddedikat għaċ‑ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, l-Artikolu 62 intitolat “Ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”, jipprevedi:

    “1.   Dan ir-Regolament joħloq Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni […] li għandu jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor u għandu jipproduċi l‑effetti elenkati fl-Artikolu 69.

    2.   L-użu taċ-Ċertifikat [Ewropew tas-Suċċessjoni] ma għandux ikun mandatorju.

    […]”.

    16.

    L-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Fini taċ‑Ċertifikat [Ewropew tas-Suċċessjoni]”, fil-paragrafi 1 u 2(b) tiegħu jipprevedi:

    “1.   Iċ-Ċertifikat [Ewropew tas-Suċċessjoni] hu għall-użu minn werrieta, legatarji li għandhom drittijiet diretti fis-suċċessjoni u eżekuturi ta’ testmenti jew amministraturi tal-patrimonju li, fi Stat Membru ieħor, jkunu jeħtieġu jinvokaw l-istatus tagħhom jew li jeżerċitaw rispettivament id-drittijiet tagħhom bħala werrieta jew legatarji u/jew is‑setgħat tagħhom bħala eżekuturi ta’ testmenti jew amministraturi tal‑patrimonju.

    2.   Iċ-Ċertifikat [Ewropew tas-Suċċessjoni] jista’ jintuża, b’mod partikolari, biex jiġi muri wieħed jew iżjed minn dawn li ġejjin:

    […]

    b)

    l-attribuzzjoni ta’ ass [beni] speċifiku jew assi speċifiċi li jagħmlu parti mill-patrimonju għall-werriet(a), jew skont il-każ, għal-legatarju/i msemmi(ja) fiċ-Ċertifikat [Ewropew tas-Suċċessjoni]”

    17.

    L-Artikolu 68 ta’ dan ir-regolament, imdaħħal fl-istess kapitolu, intitolat “Kontenut taċ-Ċertifikat [Ewropew tas-suċċessjoni]”, jipprevedi:

    “Iċ-Ċertifikat [Ewropew tas-suċċessjoni] għandu jkun fih l‑informazzjoni li ġejja sa fejn meħtieġ għall-fini li għalih jinħareġ:

    […]

    m)

    il-lista ta’ drittijiet u/jew assi għal kwalunkwe legatarju partikolari,

    […]”

    18.

    L-Artikolu 69 tal-imsemmi regolament, intitolat “Effetti taċ‑Ċertifikat [Ewropew tas-suċċessjoni]”, jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 5 tiegħu:

    “2.   Għandu jkun preżunt li ċ-Ċertifikat [Ewropew tas-suċċessjoni] juri b’mod preċiż elementi li jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Il-persuna msemmija f[’dan iċ-]Ċertifikat bħala l‑werrieta, il-legatarju, l-eżekutur tat-testment jew l-amministratur tal‑patrimonju għandha titqies li għandha l-istatus imsemmi fiċ-Ċertifikat u/jew li għandha d-drittijiet jew is-setgħat imsemmijin fiċ-Ċertifikat bl‑ebda kondizzjoni u/jew restrizzjoni marbuta ma’ dawk id-drittijiet jew setgħat ħlief minn dawk iddikjarati fiċ-Ċertifikat [Ewropew tas‑Suċċessjoni].

    […]

    5.   Iċ-Ċertifikat [Ewropew tas-Suċċessjoni] għandu jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni fir‑reġistru rilevanti ta’ Stat Membru, mingħajr preġudizzju għall-punti (k) u (l) tal-Artikolu 1(2)”.

    B. Id-dritt Pollakk

    1. Il-Kodiċi Ċivili

    19.

    Skont l-Artikolu 981 1(1) tal-Kodeks Cywilny (kodiċi ċivili, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”):

    “1. It-testatur jista’ jiddeċiedi, permezz ta’ testment notarili, li persuna partikolari takkwista l-oġġett ta’ legat mill-mument tal-ftuħ tas‑suċċessjoni (legat “b’invokazzjoni”).

    20.

    Skont il-punt 2 tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu:

    “L-oġġett ta’ dan il-legat jista’ jikkonsisti b’mod partikolari:

    […]

    2)

    fi dritt patrimonjali li jista’ jiġi ttrasferit.

    […]”

    21.

    L-Artikolu 968 tal-Kodiċi Ċivili jikkonċerna il-“legat b’eżekuzzjoni”, li permezz tiegħu t-testatur jista’ jagħżel kull forma testamentarja legali, inkluż it-testment olografiku.

    2. Il-Kodiċi Notarili

    22.

    Skont l-Artikolu 81 tal-Prawo o notariacie (liġi li tintroduċi kodiċi notarili, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Notarili”) tal‑14 ta’ Frar 1991 ( 7 ), kif emendata bil-liġi tat-13 ta’ Diċembru 2013 ( 8 ), in‑nutar huwa obligat li jirrifjuta li jeżegwixxi att notarili illeċitu.

    23.

    L-Artikolu 83(2) tal-Kodiċi Notarili jipprevedi li r-rifjut li jeżegwixxi att notarili huwa suġġett għal stħarriġ meta l-persuna kkonċernata mir-rifjut tippreżenta rikors. Dan tal-aħħar qabel kollox ikun suġġett ta’ awtokontroll min-nutar stess, li jista’ jiddeċiedi li huwa fondat u jirrediġi l-att. Jekk in-nutar stess ma jilqax ir-rikros, dan jiġi eżaminat mis-Sąd Okręgowy (qorti reġjonali, il-Polonja) tal-post fejn huwa stabbilit in‑nutar. Skont il-ġurisprudenza nazzjonali, is-Sąd Okręgowy (qorti reġjonali) tiddeċiedi fit-tieni istanza.

    III. Il-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    24.

    Aleksandra Kubicka, ċittadina Pollakka, omm ta’ żewġt ulied li għadhom minuri, li twieldu miż-żwieġ tagħha ma’ ċittadin Ġermaniż, hija koproprjetarja bin-nofs miegħu ta’ immobbli, li jinsab fi Frankfurt (Oder)(il-Ġermanja), li fih tirrisjedi l-familja.

    25.

    Sabiex tagħmel it-testment tagħha, A. Kubicka marret għand nutar li jeżerċita fi Słubice (Polonja). Hija xtaqet li fil-mument tal-ftuħ tas‑suċċessjoni tagħha, żewġha jieħu s-sehem tad-drittijiet li hija kellha fuq l-immobbli komuni. Hija għażlet li tagħmel legat “b’invokazzjoni”, kif previst mil-liġi tas-suċċessjoni Pollakka, fl-Artikolu 981(1) tal-Kodiċi Ċivili. Għall-kumplament tal-patrimonju tagħha, hija ppreferiet iżżomm l-ordni ta’ suċċessjoni legali, li permezz tagħha żewġha u uliedha jirtu f’ishma indaqs.

    26.

    Abbażi tal-Artikolu 81 tal-Kodiċi Notarili, assistent tan-nutar, Marcin Margoński, irrifjuta li jirrediġi att testamentarju li jkun fih legat “b’invokazzjoni”.

    27.

    Sabiex isostni li tali legat kien kuntrarju għal-leġiżlazzjoni, id‑duttrina u l-ġurisprudenza Ġermaniża relatata mad-drittijiet in rem u mal-portata tar-reġistru tal-artijiet, u li dawn għandhom jiieħdu kont tal-Artikolu 1(2)(k) u (l) u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 650/2012, dan l-assistent tan-nutar irrileva li:

    fid-dritt Ġermaniż, skont l-Artikolu 2174 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (kodiċi ċivili), huwa biss il-legat “b’eżekuzzjoni”, li jipproduċi effetti ta’ dritt tal-obbligi, li huwa permissibbli;

    skont ġurisprudenza Ġermaniża stabbilita, preċedenti għad‑dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, l-effetti reali tal‑legati “b’invokazzjoni” barranin, li huma fuq immobbli, li jinsab fil-Ġermanja, ma humiex irrikonoxxuti peress li l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni ma tistax tistabbilixxi l-akkwist tad-drittijiet fuq tali beni;

    b’hekk, ir-reġistrazzjoni tal-legatarju fir-reġistru tal-artijiet ma tistax issir ħlief permezz ta’ att notarili li huwa kuntratt ta’ trasferiment tal-proprjetà fuq l-immobbli bejn il-werrieta u l‑legatarju sabiex jiġi eżegwit il-legat, jew fin-nuqqas, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tissostitwixxih; u

    mid-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, dawn il-legati “b’invokazzjoni” huma s-suġġett ta’ adattament f’legat “b’eżekuzzjoni”, abbażi tal-Artikolu 31 ta’ dan l-istess regolament.

    28.

    L-assistent tan-nutar jiġġustifika wkoll l-analiżi tiegħu billi jfakkar fil-motivi tal-liġi Ġermaniża li implementat ir-Regolament Nru 650/2012, jiġifieri l-Internationales Erbrechtsverfahrensgesetz (liġi dwar il‑proċeduri dwar id-dritt tas-suċċessjoni internazzjonali) tad‑29 ta’ Ġunju 2015 ( 9 ), li fiha dan il-passaġġ li ġej: “[g]ħall-kuntrarju, id-dritt Ġermaniż ma jirrikonoxxix il-legat ‘b’invokazzjoni’, tant li ma huwiex mandatorju li jiġi rrikonoxxut fil-kuntest [ta’ dan ir‑]regolament [Artikolu 1(2)(k)]. Id-dritt Ġermaniż kien diġà beda bl‑adattament ta’ tali legat sabiex jiġi ttrasformat fid-dritt li jaqa’ fid-dritt tal-obbligazzjonijiet (legat ‘b’eżekuzzjoni’). L‑Artikolu 31 [tal-imsemmi] regolament ma jibdel xejn minn din is-sitwazzjoni”.

    29.

    Filwaqt li sostniet li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 ma tiġġustifika li ma jiġux irrikonoxxuti l-effetti reali tal‑legat “b’invokazzjoni”, previst fil-liġi tas-suċċessjoni li hija għażlet, A. Kubicka ppreżentat rikors quddiem l-assistent tan-nutar.

    30.

    Peress li dan tal-aħħar ikkonferma r-rifjut tiegħu li jirrediġi l-att notrali, A. Kubicka għalhekk ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju.

    31.

    Din qieset li hija ġiet mitluba tevalwa sa fejn l-effetti li jirriżultaw mil-liġi tas-suċċessjoni tista’ tiġi limitata bil-liġi tal-lex situ.

    32.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Gorzowie Wielkopolskim (qorti reġjonali ta’ Gorzów Wielkopolski, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda segwenti lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

    “L-Artikoli 1(2)(k) u (l) jew 31 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jippermettu r-rifjut tar‑rikonoxximent tal-effetti reali ta’ legat “b’invokazzjoni” (legatum per vindicationem) previst mil-liġi tas-suċċessjoni, meta dan il-legat jirrigwarda d-dritt għall-proprjetà ta’ immobbli li jinsab fi Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma tirrikonoxxix l-istabbiliment tal-legat b’effett reali dirett?”

    IV. L-analiżi tiegħi

    A. Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

    33.

    Il-Gvern Ġermaniż u dak Ungeriż qajmu, fl-osservazzjonijiet bil‑miktub tagħhom, l-inammissibbiltà tad-domanda preliminari għaliex hija ipotetika.

    34.

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, “il-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali. Minn dan isegwi li huma biss il-qrati nazzjonali, li qed jisimgħu l-kawża u li għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandhom jiddeterminaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jaqtgħu s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali huma dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, għandha l-obbligu li tiddeċiedi. Madankollu, ir-rifjut tal-Qorti tal‑Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli meta jkun jidher b’mod manifest li l‑interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex rabta mar‑realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l‑problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha” ( 10 ).

    35.

    Il-Gvern Ungeriż stieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ma tirrispondix it-talba għal deċiżjoni preliminari għaliex tirrigwarda rifjut ta’ rikonoxximent ta’ effett ta’ legat fuq id-drittijiet in rem li l-awtorità Ġermaniża inkarigata miż-żamma tar-reġistru tal-artijiet għadha ma esprimietx, peress li l-mewt tat-testatriċi kienet għadha ma seħħitx. Dan il-Gvern jikkunsidra li din id-domanda titlob biss interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali Pollakki u Ġermaniżi dwar il-legat sabiex tiġi stabbilita r-relazzjoni ta’ bejniethom.

    36.

    Jien nirrileva, filwaqt li nirreferi għall-premessa 7 tar-Regolament Nru 650/2012, li dan huwa intiż sabiex iċ-ċittadini jkunu f’pożizzjoni li jorganizzaw is-suċċessjoni tagħhom, u sabiex jiżgura b’mod effettiv id‑drittijiet tal-werrieta u l-legatarji. Għalhekk, id-domandi li jirrigwardaw sitwazzjonijiet li fihom isiru limitazzjonijiet għal-libertà tat-testatur dwar il-wirt tiegħu huma ammissibbli. Lanqas huwa konċepibbli, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, li l-kwistjoni tista’ tiġi ttrattata biss meta tinfetaħ is-suċċessjoni, meta fl-istadju li qed jiġi redatt l-att jinqalgħu diffikultajiet ta’ interpretazzjoni.

    37.

    Skont il-Gvern Ġermaniż, il-qorti tar-rinviju tqis li għandha tivverifika l-illegalità tal-att magħżul mir-rikorrenti, fir-rigward tal-Artikolu 81 tal-Kodiċi Notarili, mingħajr madankollu ma tispjega f’hiex tirriżulta, skont id-dritt Pollakk, bin-nuqqas ta’ rikonoxximent mid-dritt Ġermaniż tal-legat “b’invokazzjoni”.

    38.

    Madankollu, nirrileva, kif tfakkar ukoll waqt is-seduta, l-obbligu tan-nutar li jirrifjuta li jirrediġi att li jikser ir-rekwiżiti legali għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. Dan bil-fors jinkludi, peress li huwa uffiċjal pubbliku, id-dmir li jagħti parir u li jivverifika l-effikaċja tal-att fir‑rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mill-persuna kkonċernata.

    39.

    Issa, it-tilwima fil-kawża prinċpali, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, tirrigwarda x-xewqa tat-testatriċi li torganizza t-trasferiment dirett tal-beni mingħajr il-bżonn li jsiru formalitajiet oħra wara l-mewt tagħha.

    40.

    Ir-rilevanza tal-analiżi mil-qorti tar-rinviju tad-dritt sostantiv Ġermaniż, li skontha legat “b’invokazzjoni” ta’ drittijiet eżerċitati fuq immobbli li jinsab fil-Ġermanja ma jistax ikollu effett, ġiet ikkonfermata ( 11 ).

    41.

    Peress li l-qorti tar-rinviju hija adita mill-kontestazzjoni tar-rifjut tan-nutar li jirrediġi tali att, kif previst mil-liġi magħżula mit-testatriċi, iżda mhux irrikonoxxuta mil-lex situ tal-immobbli, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għall-interpretazzjoni ma hijiex ipotetika.

    42.

    Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi, id-domanda preliminari hija ammissibbli.

    B. Fuq il-mertu

    43.

    It-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda t-trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà ta’ A. Kubicka, ċittadina Pollakka, fuq immobbli, li jinsab fil-Ġermanja, wara l-mewt tagħha, b’effett ta’ legat.

    44.

    Dan it-trasferiment causa mortis jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 skont l-Artikolu 1 u l-Artikolu 3(1)(a) tiegħu.

    45.

    Il-modalitajiet ta’ dan it-trasferiment huma suġġetti, bħala regola, għal-liġi tas-suċċessjoni magħżula minn A. Kubicka. Fil-fatt, skont l‑Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, din tista’ tagħżel bħala liġi li tirregola s-suċċessjoni kollha tagħha l-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità tagħha fil‑mument tal-għażla tagħha. U l-Artikolu 23(2)(e) tal-imsemmi regolament jipprevedi li din il-liġi tirregola, b’mod partikolari, it‑trasferiment tad-drittijiet li jagħmlu parti mill-patrimonju lil-legatarji. Din l-analiżi hija kkorroborata mill-premessa 42 tal-istess regolament li tipprevedi li “[i]l‑liġi determinata bħala l-liġi applikabbli għas‑suċċessjoni għandha tirregola s-suċċessjoni mill-ftuħ tas‑suċċessjoni sat-trasferiment tal-proprjetà tal-assi li jiffurmaw parti mill‑patrimonju lill-benefiċjarji, kif determinat minn din il-liġi. […]”.

    46.

    B’dan il-legat, A. Kubicka tixtieq tagħti lil-legatarju s-sehem tagħha tal-proprjetà sħiħa ta’ beni, jiġifieri dritt in rem irrikonoxxut fiż‑żewġ sistemi legali kkonċernati, bħal dak li hija teżerċita bħalissa.

    47.

    L-għażla ta’ legat “b’invokazzjoni” minflok legat “b’eżekuzzjoni” għalhekk ma tibdilx il-kontenut tad-dritt li ser ikun eżerċitat fuq il-beni. Hija limitata għal mod ta’ kif ser isir it-trasferiment dirett ta’ dritt in rem, minflok trasferiment indirett bil-ħolqien ta’ dritt in personam favur il‑legatarju.

    48.

    Issa, l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(k) tar-Regolament Nru 650/2012 ma ssemmix din id-diverġenza ta’ modalità tat‑trasferiment, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż. Fil‑fatt, huma biss in-natura u n-numru tad-drittijiet in rem li għandhom jibqgħu fil-kompetenza tal-lex situ tal-immobbli, kif huwa spjegat, b’mod ċar ħafna, fil-premessa 15 ta’ dan ir-regolament.

    49.

    Għalhekk, ir-riferiment għall-Artikolu 1(2)(k) tal-imsemmi regolament jista’ jitwarrab mid-diskussjoni, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

    50.

    Konsegwentement, l-istess jista’ jingħad għall-Artikolu 31 tar‑Regolament Nru 650/2012, li ma huwiex intiż li japplika, skont il‑kliem tiegħu, ħlief f’każijiet, meta “persuna tinvoka dritt in rem li hija tkun intitolata għalih skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, u l-liġi tal-Istat Membru fejn id-dritt huwa invokat ma jirrikonoxxix id-dritt in rem inkwistjoni”.

    51.

    Baqa’ għalhekk li tingħata tweġiba fuq l-aħħar punt li ġej, ippreżentat mill-Gvern Ġermaniż bħala determinanti ( 12 ): l-esklużjoni tal‑Artikolu 1(2)(l) ta’ dan ir-regolament tista’ tillimita l-effetti tal-liġi tas-suċċessjoni fuq it-trasferiment tal-beni, kif iddefinit fl-Artikolu 23(e) tal-imsemmi regolament?

    52.

    Fi kliem ieħor, jekk, bis-saħħa tal-liġi tas-suċċessjoni, magħżula mit-testatur, werriet isir proprjetarju ta’ immobbli, u t-titolu għandu jiġi rreġistrat f’reġistru tal-artijiet ta’ Stat Membru ieħor, dan jista’ jopponi kontrih il-lex situ, li tipprevedi kundizzjonijiet ta’ mertu differenti, sabiex jagħmel ir-reġistrazzjoni li tikkostitwixxi dritt?

    53.

    Ir-r-risposti jistgħu jkunu bbażati fuq l-analiżi tad-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 1(2)(l) tar-Regolament Nru 650/2012 kif ukoll fuq l‑għanijiet li għandhom jiġu segwiti minnu.

    54.

    Qabel xejn, nerġa’ nfakkar hawn, għall-finijiet tad-diskussjoni, li, skont l-Artikolu 1(2)(l) tal-imsemmi regolament, huma esklużi mill‑kamp ta’ applikazzjoni tiegħu “kwalunkwe reġistrar f’reġistru ta’ drittijiet fi proprjetà immobbli jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali għal tali reġistrar, u l-effetti ta’ reġistrar jew in-nuqqas ta’ reġistrar ta’ dawn id-drittijiet f’reġistru”.

    55.

    Il-premessa 18 tar-Regolament Nru 650/2012 tispjega l-portata tiegħu, li għandha tiġi interpretata b’mod ristrett peress li hija esklużjoni: “għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru (għal proprjetà immobbli, il-lex rei sitaelex rei sitae) li tiddetermina taħt liema kondizzjonijiet legali u kif għandha ssir ir-reġistrazzjoni u liema awtoritajiet, bħal reġistri tal-artijiet jew in-nutara, huma responsabbli li jivverifikaw li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti kollha u li d-dokumentazzjoni ppreżentata jew stabbilita [redatta] tkun biżżejjed jew li jkun fiha l-informazzjoni neċessarja. […]B’mod partikolari, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni maħruġ skont dan ir-Regolament għandu jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrar ta’ proprjetà ta’ suċċessjoni f’reġistru ta’ Stat Membru […] L-awtorità kompetenti tista’ tindika lill-persuna li tkun qed tapplika għar-reġistrazzjoni kif tista’ tiġi pprovduta l-informazzjoni jew id-dokumenti nieqsa”.

    56.

    Kif ġie invokat, b’mod partikolari mill-Gvern Spanjol u mill‑Kummissjoni ( 13 ), ir-rekwiżiti legali li huma msemmija minn din id‑dispożizzjoni, relatati, fost l-oħrajn, mat-terminu ta’ reġistrazzjoni u mal-kundizzjonijiet proċedurali, huma intiżi sabiex jiżguraw is-sigurtà inerenti f’kull forma ta’ reġistrazzjoni ta’ trasferiment ta’ drittijiet. Kien proprju sabiex jiffaċilita s-sodisfazzjon ta’ dawn ir-rekwiżiti, li ma jirrigwardawx il-kundizzjonijiet ta’ mertu tat-trasferiment tad-dritt in rem, u l-moviment ta’ titoli, li nħoloq ċertifikat Ewropew tas‑suċċessjoni ( 14 ).

    57.

    F’dan l-istadju tal-analiżi, diġà jista’ jiġi kkunsidrat li d‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2)(l) tal-imsemmi regolament ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jippermettu li fuqhom jiġi bbażat rifjut ta’ rikonoxximent tal-effetti ta’ legat suġġett għal-liġi tas-suċċessjoni magħżula.

    58.

    Madankollu, kif isostni l-Gvern Ġermaniż, tista’ tiġi kkunsidrata soluzzjoni kuntrarja b’riferiment għall-kliem tal-aħħar parti tas-sentenza ta’ dan l-artikolu: “u l-effetti ta’ reġistrar jew in-nuqqas ta’ reġistrar ta’ dawn id-drittijiet f’reġistru”?

    59.

    Il-premessa 19 hija ċara ħafna fuq is-sens ta’ dawn il-kliem. Il‑kwistjoni dwar jekk ir-reġistrazzjoni għandhiex effett dikjaratorju jew kostituttiv ta’ dritt hija espressament imsemmija hemm. Il-mument tal‑akkwist huwa wkoll iċċitat bħala eżempju li huwa eskluż mill-qasam tal-liġi tas-suċċessjoni.

    60.

    Ma huwiex il-każ li r-rekwiżit ta’ reġistrazzjoni jsir kundizzjoni għall-akkwist ta’ dritt in rem, fi kwalunkwe każ. Fil-fatt, din ir-riżerva għandha neċessarjament tingħaqad mal-prinċipju tal-unità tal-liġi tas‑suċċessjoni, kif previst fl-Artikolu 23(2)(e) tar-Regolament Nru 650/2012, li jipprovdi li l-liġi tas-suċċessjoni tirregola “it‑trasferiment lill-eredi u […] lil-legatarji tal-assi, id-drittijiet u l‑obbligi”. Interpretazzjoni differenti twassal sabiex tnaqqas b’mod kunsiderevoli l-portata ta’ dan il-prinċipju, filwaqt li għandu jiġi kkunsidrat l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

    61.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan ir-regolament jidħol fil‑perspettiva ikbar sabiex jinżamm u jiġi żviluppat spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fih jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni ( 15 ).

    62.

    L-imsemmi regolament jissodisfa l-ħtieġa li tiġi żgurata l‑kompatibbiltà tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-kunflitt tal-liġijiet u ta’ kompetenza, li huma partikolarment intensifikati fil-qasam tas‑suċċessjoni, minħabba l-varjetà ta’ kwistjonijiet li għandhom jiġu solvuti li jikkawżaw il-kumplessità tagħhom (min huma l-benefiċjarji, id‑drittijiet tagħhom, xi drabi skont il-beni kkonċernat, il-modalitajiet ta’ amministrazzjoni jew il-likwidazzjoni tas-suċċessjoni, eċċ.).

    63.

    Barra minn hekk, l-għan ewlieni konkret tar-Regolament Nru 650/2012 huwa dak espress fil-premessa 7. Hija tispjega li, “[f]iż‑żona Ewropea tal-ġustizzja, iċ-ċittadini għandhom ikunu fil‑pożizzjoni li jorganizzaw is-suċċessjoni tagħhom bil-quddiem. Id‑drittijiet tal-werrieta u l-legatarji […] għandhom ikunu garantiti b’mod effettiv”.

    64.

    Il-mezzi użati għal dan il-għan huma deskritti, b’mod partikolari, fil-premessa 8 ta’ dan ir-regolament li tipprovdi “dan ir-Regolament għandu jiġbor flimkien id-dispożizzjonijiet dwar […] ir-rikonoxximent [… ta’] strumenti awtentiċi […] u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni” u fil-premessa 37 ta’ dan l-istess regolament dwar l‑armonizzazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet “irrispettivament min‑natura tal-beni u minkejja jekk il-beni jkunux jinsabu fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz”.

    65.

    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li din ix-xewqa għal simplifikazzjoni ġiet imsarrfa fir-redazzjoni ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni. Hu jippermetti lill-werrieta u lil-legatarji sabiex ikunu jistgħu juru faċilment l-istatus u d-drittijiet tagħhom fi Stat Membru ieħor, u b’mod partikolari, l-għoti ta’ beni partikolari lil-legatarju msemmi f’dan iċ-ċertifikat ( 16 ).

    66.

    B’hekk, skont l-Artikolu 69(5) tal-imsemmi regolament, l‑imsemmi ċertifikat jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrazzjoni ta’ beni ta’ suċċessjoni fir-reġistru rilevanti ta’ Stat Membru.

    67.

    Lanqas jista’ jsir l-argument li din id-dispożizzjoni tirrigwarda wkoll il-każ ta’ esklużjoni previst fl-Artikolu 1(2)(l) tar-Regolament Nru 650/2012. Il-portata tiegħu għandha tiġi limitata għall-modalitajiet partikolari tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni fir-reġistri ( 17 ), għar-raġunijiet diġà esposti fil-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ibbażati fil‑premessa 18 ta’ dan ir-regolament. Minn dan jirriżulta, fil-prattika, li dokumenti jew informazzjoni oħra jistgħu jiġu rikjesti sabiex jikkumplementaw iċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, meta, pereżempju, ma jkunx fih biżżejjed elementi preċiżi sabiex jiġi identifikat il-beni li t-trasferiment tal-proprjetà tiegħu għandu jiġi rreġistrat.

    68.

    Huwa fis-sens ta’ dawn l-analiżi li, skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni ( 18 ), fil-kuntest tan-negozjati preliminari għall-adozzjoni tal-imsemmi regolament, il-proposti tal-Gvern Ġermaniż sabiex tinżamm l-applikazzjoni tad-dritt relatat mar-reġistrazzjoni fir‑reġistri tal-Istat Membru fejn jinsab il-beni ttrasferit sabiex jiġu stabbiliti l‑kundizzjonijiet li bihom id-dritt tal-proprjetà huwa ttrasferit, ġew miċħuda jew emendati.

    69.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li d‑dritt tas-suċċessjoni tagħhom lanqas ma jipprevedi l-legat “b’invokazzjoni”, adatta d-dispożizzjonijiet tiegħu fil-qasam tar‑reġistrazzjoni, waqt it-traspożizzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 b’mod li jippermetti lil-legatarju “b’invokazzjoni” jirreġistra d-dritt ta’ proprjetà tiegħu abbażi ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni li jikkonstata li l-legatarju akkwista l-beni immobbli permezz ta’ legat ( 19 ).

    70.

    Din is-soluzzjoni tiżgura l-effikaċja kollha tagħha lill-għażla tal-liġi tas-suċċessjoni.

    71.

    Hija tippreżenta wkoll interess essenzjali fil-qasam tad-diviżjoni, peress li d-diffikultajiet jistgħu jippreżentaw ruħhom fl-istess termini.

    72.

    Hija għandha tiġi evalwata wkoll skont il-mekkaniżmu ta’ adattament, previst fl-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament, meta d-drittijiet akkwistati ma humiex irrikonoxxuti mil-liġi applikabbli fil-post tar‑reġistrazzjoni tagħhom, li turi l-impossibbiltà li jiġi eskluż dritt u x‑xewqa qawwija tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti effett utli għall‑għażla tal-liġi tas-suċċessjoni.

    73.

    Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, naħseb li, f’sitwazzjoni bħal din fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 1(2)(k) u (l), jew l‑Artikolu 31 tal-imsemmi regolament għandhom jiġu interpretati fis‑sens li ma jawtorizzawx ir-rifjut ta’ rikonoxximent tal-effetti reali tal‑legat “b’invokazzjoni” (legatumper vindicationem”), previst mil‑liġi tas‑suċċessjoni, meta dan il-legat jirrigwarda d-dritt ta’ proprjetà ta’ immobbli li jinsab fi Stat Membru li l-liġi tiegħu ma tirrikonoxxix l‑istituzzjoni ta’ legat b’effett reali dirett.

    V. Konklużjoni

    74.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mis‑Sąd Okręgowy w Gorzowie Wielkopolskim (qorti reġjonali ta’ Gorzów Wielkopolski, Polonja) bil-mod segwenti:

    F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 1(2)(k), l‑Artikolu 1(2)(l) jew l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 650/2012 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Lulju 2012, dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi filqasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas‑Suċċessjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jawtorizzawx ir-rifjut ta’ rikonoxximent tal-effetti reali tal-legat “b’invokazzjoni” (legatumper vindicationem”), previst mil-liġi tas-suċċessjoni, meta dan il-legat jirrigwarda d-dritt ta’ proprjetà ta’ immobbli li jinsab fi Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma tirrikonoxxix l-istabbiliment tal‑legat b’effett reali dirett.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU 2012, L 201, p. 107.

    ( 3 ) Żewġ talbiet oħra għal deċiżjoni preliminari huma pendenti. Dawn tressqu mill‑Kammergericht Berlin (qorti reġjonali superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja). L‑ewwel waħda (C-558/16) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1), tal‑Artikolu 67(1) u tal-Artikolu 68(l) tal-imsemmi regolament, f’każ ta’ rifjut ta’ konsenja ta’ ċertifikat ta’ suċċessjoni Ewropew lil konjuġi superstiti minħabba li l‑kalkolu tal-parti tas-suċċessjoni tagħha kienet tirriżulta parzjalment mill‑applikazzjoni ta’ dispożizzjoni li taqa’ fid-dritt tas-sistemi ta’ proprjetà matrimonjali, li huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istess regolament. It-tieni waħda (C-20/17) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012, dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex isiru ċertifikati ta’ suċċessjoni nazzjonali li ma jissostitwixxux iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

    ( 4 ) Jista’ jiġi rrilevat li dispożizzjonijiet simili jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2016/1103, tal-24 ta’ Ġunju 2016, li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil‑qasam tal-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ta’ reġimi ta’ proprjetà matrimonjali (ĠU 2016, L 183, p. 1), applikabbli mid-29 ta’ Jannar 2019. Ara, b’mod partikolari, il-premessi 27 u 28 kif ukoll l-Artikolu 1(2)(g) (biż-żieda tal-kliem “marbuta ma’ proprjetà” wara n-natura ta’ drittijiet in rem) u (h). Fil-premessa 25 u fl-Artikolu 29 tiegħu, jipprevedi wkoll mekkaniżmu ta’ adattament ta’ dritt in rem mhux magħruf.

    ( 5 ) Ara l-punti 47 sa 61 ta’ dawn l-osservazzjonijiet u b’mod speċjali jitfakkru l-proposti tar‑Repubblika Federali tal-Ġermanja intiżi sabiex jikkonkretizzaw il-legat mhux magħruf tad-dritt Ġermaniż f’legat aċċettat minnu, kif spjegat fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 6 ) Ara Bonomi A. u P., Wautelet,P., Le droit européen des succession, Commentaire du règlement (UE) no650/2012, du 4 juillet 2012, it-2 edizzjoni, Bruylant, Brussell, 2016, punti 105 et seq., p. 127. Ara, ukoll, Bergquist, U., Damascelli, D., Frimston, R., Lagarde, P., Odersky, F., u Reinhartz, B., Commentaire du règlement européen sur les successions, Dalloz, Paris, 2015, I, no71, p. 44.

    ( 7 ) Dz. U., Nru 22, pożizzjoni 91.

    ( 8 ) Dz. U. tal-2014, pożizzjoni 164.

    ( 9 ) BGBl. I, p. 1042.

    ( 10 ) Sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Pérez Retamero (C-97/16, EU:C:2017:158, punti 20 sa 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 11 ) Ara l-punt 20 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż.

    ( 12 ) B’paragun mal-preċedent, ara l-punt 38 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ dan il-gvern.

    ( 13 ) Ara, rispettivament, il-punti 43 u 39 ta’ dawn l-osservazzjonijiet u, fl-istess sens, Bonomi, A., u Wautelet, P., op. cit., punti 125 sa 130, p. 135 sa 137.

    ( 14 ) Ara l-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament u, speċjalment, l-Artikoli 62 u 69.

    ( 15 ) Ara l-premessa 1 ta’ dan ir-regolament.

    ( 16 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessi 18 u 67, Artikolu 63(2)(b) u Artikolu 68(m) ta’ dan ir-regolament.

    ( 17 ) Ara l-punt 45 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u Bonomi A., u Wautelet, P., op. cit. punti 62 sa 66, p. 900 sa 904.

    ( 18 ) Ara l-punti 47 sa 61 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li jfakkru l-proposti relatati mal-premessa 18 attwali, u li jiċċitaw, qabel xejn, id-dokument tal‑Kunsill 7869/12, tas-26 ta’ Marzu 2012 (proposta mwarrba: “[…], jekk il‑kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi tal-Istat Membru fejn jinżamm ir-reġistru, huma ssodisfatti” u ssostitwita b’“B’mod partikolari, iċ‑ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni mogħti bis-saħħa ta’ dan ir-regolament għandu jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrazzjoni tal-beni tas-suċċessjoni fir-reġistru ta’ Stat Membru”). Imbagħad huwa ċċitatat id‑dokument tal-Kunsill 16458/11, tat-8 ta’ Novembru 2011 (ċaħda tal-proposta miżjuda: “Fil-każ fejn ir-reġistrazzjoni għandha effett dikjaratorju, hija l-lex situ tal-Istat Membru li tapplika sabiex jiġi rreġistrat it-trasferiment tal-proprjetà”, u l-aċċettazzjoni tal‑proposta “[…] Dan ma għandux jipprekludi lill‑awtoritajiet reponsabbli mir-reġistrazzjoni li jitolbu lill-applikant tar-reġistrazzjoni sabiex jagħti informazzjoni supplimentari jew jippreżenta d‑dokumenti addizzjonali rikjesti bis-saħħa tad-dritt tal-Istat Membru li fih r-reġistru jinsab […]”, ikkompletata mil-leġiżlatur bl-eżempju segwenti: “pereżempju, l-informazzjoni jew id-dokumenti li jikkonċernaw il-ħlas tat‑taxxi. L-awtorità kompetenti tista’ tindika lill-persuna li titlob ir-reġistrazzjoni l‑mod ta’ kif tista’ tikseb din l-informazzjoni jew id-dokumenti nieqsa”).

    ( 19 ) Ara l-punt 46 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u r-riferenzi ċċitati, jiġifieri l‑Artikolu 27a tal-Kadasterwet (liġi dwar ir-reġistru tal-artijiet) tat-3 ta’ Frar 2005 (Stb. 2005, n 107), introdott bl-Artikolu 13 tal-Uitvoeringswet Verordening erfrecht (liġi li ttrasponiet dan ir-regolament), tal-5 ta’ Novembru 2014 (Stb. 2014, n 430).

    Top