This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CC0175
Opinion of Advocate General Wathelet delivered on 6 April 2017.#Hannele Hälvä and Others v SOS-Lapsikylä ry.#Request for a preliminary ruling from the Korkein oikeus.#Reference for a preliminary ruling — Directive 2003/88/EC — Article 17 — Protection of the safety and health of workers — Organisation of working time — Additional payments — Child protection association — ‘Children’s village parents’ — Temporary absence of ‘foster parents’ — Workers employed as ‘relief parents’ — Definition.#Case C-175/16.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fis-6 ta’ April 2017.
Hannele Hälvä et vs SOS-Lapsikylä ry.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 17 – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Kumpensi addizzjonali – Assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tat-tfal – “Ġenituri ta’ villaġġi tat-tfal” – Assenza temporanja ta’ “ġenituri” prinċipali – Ħaddiema impjegati bħala “ġenituri” sostituti – Kunċett.
Kawża C-175/16.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fis-6 ta’ April 2017.
Hannele Hälvä et vs SOS-Lapsikylä ry.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 17 – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Kumpensi addizzjonali – Assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tat-tfal – “Ġenituri ta’ villaġġi tat-tfal” – Assenza temporanja ta’ “ġenituri” prinċipali – Ħaddiema impjegati bħala “ġenituri” sostituti – Kunċett.
Kawża C-175/16.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:285
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WATHELET
ippreżentati fis-6 ta’ April 2017 ( 1 )
Kawża C‑175/16
Hannele Hälvä,
Sari Naukkarinen,
Pirjo Paajanen,
Satu Piik
vs
SOS-Lapsikylä ry
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus (qorti suprema, il-Finlandja)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 17 – Sitwazzjoni purament interna – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Ħaddiema impjegati bħala “ġenituri sostituti” ta’ villaġġi tat-tfal, matul l-assenza ta’ “ġenituri prinċipali”, minn assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tat-tfal li torganizza l-kustodja u l-indukrar tat-tfal taħt ir-responsabbiltà tal-muniċipalitajiet f’ambjent tal-familja ġewwa villaġġi tat-tfal”
I. Introduzzjoni
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ( 2 ). |
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn H. Hälvä, S. Naukkarinen, P. Paajanen u S. Pik (iktar ’il quddiem, ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) u min iħaddimhom, l-assoċjazzjoni SOS-Lapsikylä ry (iktar ’il quddiem, “l-assoċjazzjoni “SOS-Lapsikylä”), dwar ir-rifjut li jitħallas lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kumpens għal sigħat addizzjonali kif ukoll kumpens għax-xogħol ta’ filgħaxija, billejl, is-Sibt u l-Ħadd, matul is-snin 2006-2009. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
3. |
L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi dan li ġej: “1. F’dak li jirrigwardja l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħu jagħtu deroga mill-Artikoli 3 sa 6, 8 u 16 meta, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-attività kkonċernata, it-tul tal-ħin tax-xogħol ma jkunx imkejjel u/jew predeterminat jew jista’ jkun determinat mill-ħaddiema nfushom, u partikolarment fil-każ ta’:
2. Id-derogi li hemm provvediment dwarhom fil-paragrafi 3, 4 u 5 jistgħu jkunu adottati permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew permezz ta’ ftehim kollettiv jew ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija, basta li l-ħaddiema kkonċernati jkunu mogħtija perjodu ekwivalenti ta’ mistrieħ obbligatorju jew li, f’każi eċċezzjonali li fihom dan ma jkunx possibbli, għal raġunijiet objettivi, li jagħtu perjodi bħal dawn ta’ serħan obbligatorju, il-ħaddiema kkonċernati għandhom igawdu minn protezzjoni xierqa. 3. B’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, derogi jistgħu jsiru mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16: […]
[…]” |
B. Id-dritt nazzjonali
4. |
Id-Direttiva 2003/88 ġiet trasposta fid-dritt Finlandiż permezz tal-Liġi Nru 605/1996 dwar il-ħin tax-xogħol (työaikalaki). |
5. |
L-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi jiddisponi dan li ġej: “Bla ħsara għall-Artikolu 15(3) tagħha, din il-liġi ma tapplikax: […]
|
III. Il-fatti u l-proċedura tal-kawża prinċipali
A. Il-fatti tal-kawża prinċipali
6. |
L-assoċjazzjoni “SOS-Lapsikylä” hija istituzzjoni għall-protezzjoni tat-tfal. Din torganizza l-kustodja u t-trobbija tat-tfal f’ambjent li huwa l-iktar qrib possibbli għall-ambjent tal-familja. Din ir-responsabbiltà tittieħed ġewwa seba’ “villaġġi tat-tfal”, magħmula minn diversi djar tat-tfal u li jinsabu f’diversi reġjuni tal-Finlandja ( 3 ). |
7. |
Il-persunal tal-villaġġi tat-tfal jikkonsisti minn direttur, “ġenituri prinċipali”, “ġenituri sostituti” u professjonisti oħra. Id-direttur imexxi l-villaġġ tat-tfal. Għalhekk, huwa s-superjur dirett tal-“ġenituri sostituti”. Dawn tal-aħħar jissostitwixxu lill-“ġenituri prinċipali” fl-assenza tagħhom b’mod partikolari għal leave annwali jew mard. |
8. |
Id-djar tat-tfal jikkostitwixxu d-domiċilju fiss tat-tfal li ttieħdet responsabbiltà għalihom. Kull dar tospita tliet sa sitt itfal kif ukoll “ġenitur prinċipali” wieħed jew iktar u s-sostituti tagħhom (f’każ ta’ assenza ta’ dawk tal-ewwel). |
9. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew impjegati mill-assoċjazzjoni “SOS-Lapsikylä” bħala “ġenituri sostituti” sal-2009 u, fir-rigward ta’ xi wħud minnhom, sal-2010. |
10. |
F’din il-kapaċità, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għexu mat-tfal fid-dar tat-tfal. Huma kienu inkarigati, waħedhom, minn din id-dar, mill-kustodja u mill-edukazzjoni tal-minuri residenti. Huma żguraw il-forniment tal-provvisti u akkumpanjaw lit-tfal fiċ-ċentri tal-kura tas-saħħa, l-iskola u fil-faċilitajiet ta’ rikreazzjoni. Skont il-qorti tar-rinviju, matul dawn il-perijodi ta’ sostituzzjoni, il-kompiti tal-“ġenituri sostituti” kienu identiċi għal dawk tal-“ġenituri prinċipali”. |
11. |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li r-rappreżentanti ta’ min iħaddem ma jikkontrollawx ix-xogħol ta’ kuljum tal-“ġenituri sostituti” u li min iħaddem ma jagħtihomx ordnijiet dwar il-perijodi tax-xogħol u l-ħin ta’ mistrieħ matul il-ġranet maħduma. Fil-limiti imposti mill-ħtiġijiet tat-tfal, “ġenitur sostitut” jista’ jiddeċiedi huwa stess dwar l-organizzazzjoni u dwar x’jinvolvi x-xogħol tiegħu. Madankollu hemm stabbilit, għal kull tifel u tifla, pjan ta’ kustodja u edukattiv li l-“ġenitur sostitut” għandu jieħu ħsieb lit-tifel jew tifla fuq il-bażi tiegħu u dan iħejji rapport f’sistema informatika fir-rigward tiegħu. |
12. |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll li d-direttur jistabbilixxi minn qabel il-listi li jindikaw, ġurnata b’ġurnata, id-dar li l-“ġenitur sostitut” għandu jaħdem fiha. Dan tal-aħħar jiftiehem mal-“ġenitur prinċipali” dwar il-ħin li fih jibda l-perijodu ta’ sostituzzjoni. L-ippjanar ta’ kuljum għandu jiġi stabbilit ukoll b’tali mod li kull ħaddiem ikollu medja ta’ żewġ tmiem il-ġimgħa liberi fix-xahar. Matul perijodu ta’ sostituzzjoni, il-ħaddiem għandu dritt ukoll għal ġurnata leave fil-ġimgħa. |
13. |
Ir-remunerazzjoni tal-“ġenituri sostituti” hija ddefinita fuq bażi fissa fix-xahar, madankollu bil-qbil li, jekk “ġenitur sostitut” ikun għamel iktar minn 190 perijodu, huwa jkollu dritt għal kumpens addizzjonali. |
14. |
Skont il-kuntratti ta’ xogħol tal-partijiet rikorrenti fil-kawża prinċipali, is-servizz annwali kien ta’ 190 perijodu ta’ 24 siegħa, ħlief għal waħda minnhom li s-servizz annwali kien ta’ 170 perijodu ta’ 24 siegħa, li minnhom għandhom jitnaqqsu bejn 30 u 33 jum bħala leave annwali. |
15. |
Fil-prattika, it-tul tal-perijodi ta’ sostituzzjoni kien ivarja bejn ftit jiem u diversi ġimgħat. Għalkemm, fil-prinċipju, “ġenitur sostitut” kellu jiġi dejjem assenjat fl-istess dar tat-tfal, fir-realtà, huwa kien jispiċċa jagħmel sostituzzjonijiet suċċessivi f’diversi djar tat-tfal. |
B. Il-proċedura tal-kawża prinċipali
16. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li s-servizzi tagħhom għas-servizz tal-assoċjazzjoni “SOS-Lapsikylä” kienu jikkostitwixxu xogħol fis-sens tal-Artikolu 1 tal-liġi dwar il-ħin tax-xogħol. Fuq din il-bażi, dawn ippreżentaw rikors quddiem l-Etelä-Savon käräjäoikeus (qorti tal-prim’istanza tas-Savo tan-Nofsinhar, il-Finlandja) sabiex l-assoċjazzjoni “SOS-Lapsikylä” tiġi kkundannata tħallashom kumpensi ta’ xogħol addizzjonali, ta’ xogħol filgħaxija, ta’ xogħol bil-lejl, ta’ xogħol is-Sibt u ta’ xogħol il-Ħadd għas-snin 2006-2009. |
17. |
L-assoċjazzjoni “SOS-Lapsikylä” kkontestat it-talba billi qieset li x-xogħol tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 2(1)(3) tal-liġi dwar il-ħin tax-xogħol. |
18. |
L-Etelä-Savon käräjäoikeus segwiet l-argument tal-assoċjazzjoni “SOS-Lapsikylä” u ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Il-qorti tal-appell ikkonfermat is-sentenza. |
19. |
Adita b’appell, il-qorti tar-rinviju hija għalhekk mitluba tiddetermina jekk il-liġi dwar il-ħin tax-xogħol hijiex applikabbli għall-“ġenituri sostituti” u, b’mod iktar preċiż, l-Artikolu 2(1)(3) tagħha. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ssostni li, skont din id-dispożizzjoni, xogħol li l-ħaddiem iwettaq mid-dar jew, fin-nuqqas ta’ dan, f’kundizzjonijiet tali li ma jistax jitqies li huwa min iħaddem li għandu jikkontrolla l-użu tal-ħin li huwa ddedikat għal dan ix-xogħol ma jaqax taħt id-dispożizzjonijiet relatati mal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 15(3) tal-liġi dwar il-ħin tax-xogħol, li ma huwiex rilevanti f’dan il-każ. Jekk, għall-kuntrarju, l-attivitajiet ta’ “ġenituri sostituti” ma kinux esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, l-assoċjazzjoni “SOS-Lapsikylä” tkun marbuta tagħti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-kumpensi li huma qegħdin jitolbu. |
20. |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-liġi dwar il-ħin tax-xogħol tittrasponi d-Direttiva 2003/88. Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha jmur lil hinn minn dak tad-direttiva. Fil-fatt, din il-liġi ma tirregolax biss it-tul tal-ħin ta’ xogħol legali, il-qbiż ta’ tali tul ta’ ħin, ix-xogħol bil-lejl u x-xogħol bix-xift kif ukoll il-perijodi ta’ mistrieħ u ta’ xogħol il-Ħadd, iżda tistabbilixxi wkoll il-kumpensi dovuti għal raġunijiet differenti bħall-kumpensi għal sigħat addizzjonali u għax-xogħol il-Ħadd. |
21. |
Madankollu, minkejja li hija konxja li d-Direttiva 2003/88 ma tapplikax għar-remunerazzjoni tal-ħaddiem, ħlief f’ċerti eċċezzjonijiet relatati mal-leave annwali mħallas, il-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva hija essenzjali għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha. Fil-fatt, id-dritt għas-supplimenti tas-salarju stabbiliti mil-liġi dwar il-ħin tax-xogħol jiddependi mill-applikabbiltà ta’ din il-liġi għall-każ inkwistjoni, li tirregola wkoll il-ħin tax-xogħol u tal-mistrieħ. |
22. |
B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju tqis li qabel kollox hija d-deroga li tinsab fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88 li hija rilevanti sabiex tiġi interpretata l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(1)(3) tal-liġi dwar il-ħin tax-xogħol. |
23. |
F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Korkein oikeus (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
IV. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
24. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Marzu 2016, li waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Marzu 2016, il-Korkein oikeus (qorti suprema) għalhekk iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jista’ jkopri xogħol f’dar tat-tfal, kif deskritt iktar ’il fuq, fejn il-ħaddiem li jissostitwixxi l-persuna li taġixxi bħala ġenitur għat-tfal li jieħu responsabbiltà għalihom matul il-leave tagħha jgħix ma’ dawn it-tfal f’ambjent tal-familja, u jieħu responsabbiltà, f’dan il-perijodu, b’mod awtonomu, għall-bżonnijiet tat-tfal u tal-familja b’mod simili bħallikieku kien ġenitur veru?” |
25. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-assoċjazzjoni “SOS-Lapsikylä”, mill-Gvern Finlandiż, mill-Gvern Ġermaniż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, dawn kollha ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fit-2 ta’ Marzu 2017. |
V. Analiżi
26. |
Qabel ma nittratta d-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, se neżamina qabelxejn il-problema tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
27. |
Fil-fatt, il-mertu tal-kawża prinċipali jirrigwarda l-ħlas lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ta’ diversi kumpensi addizzjonali għar-remunerazzjoni. Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “bl-eċċezzjoni tal-każ partikolari msemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 fir-rigward tal-leave annwali mħallas, din tal-aħħar tillimita ruħha tirregola ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, hekk li, bħala prinċipju, hija ma tapplikax għar-remunerazzjoni tal-ħaddiema” ( 4 ). |
28. |
Għaldaqstant tista’ tqum il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, iżda jien ma naħsibx li dan huwa l-każ. |
A. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
29. |
Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali inkwistjoni relatati mal-ħin tax-xogħol biss jikkostitwixxu t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/88. Min-naħa l-oħra, ir-remunerazzjoni tal-“ġenituri sostituti” taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali. Madankollu, peress li ż-żewġ kwistjonijiet huma rregolati mill-istess liġi u d-dritt għas-supplimenti tas-salarju jiddependi mill-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet relatati mal-ħin tax-xogħol, hija jidhrilha li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/88 hija essenzjali. |
30. |
Fil-fatt, id-dritt għas-supplimenti tas-salarju mitluba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huwa suġġett għall-kwistjoni dwar jekk l-attività eżerċitata taqax taħt il-liġi dwar il-ħin tax-xogħol jew jekk din hijiex eskluża minnha bl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(3) tagħha. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tiddependi mis-sens li għandu jingħata lid-deroga awtorizzata fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88. |
31. |
F’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza ( 5 ). Minn din il-preżunzjoni jirriżulta li r-rifjut li tingħata deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni suġġetta għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex rilevanti ( 6 ). Tali konstatazzjoni ma jidhirlix li ntweriet. Għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju ssostni l-kontra fl-aħħar ta’ spjegazzjoni, li ċertament hija qasira, iżda konvinċenti. Barra minn hekk, nosserva li l-ebda waħda mill-partijiet ma qajmet dubju dwar din l-affermazzjoni u lanqas ma qajmet argument relatat mal-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari jew man-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
32. |
Barra minn hekk, il-portata tat-talba għal deċiżjoni preliminari ma għandhiex tinftiehem ħażin: din tirrigwarda tassew l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva 2003/88 fil-kuntest ta’ applikazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-liġi li tiżgura t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma hijiex marbuta ma’ element barrani li jwassal għan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fin-nuqqas ta’ tali element. |
33. |
Huwa għalhekk, pereżempju, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat il-ġurisdizzjoni tagħha biex tirrispondi għad-domandi relatati mal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi ( 7 ), minkejja l-fatt li l-obbligu ta’ klassifikazzjoni inkwistjoni ma kienx applikabbli għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra r-Renju ta’ Spanja ( 8 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-aspett tal-problema ma jaffettwax il-ġurisdizzjoni tagħha peress li “l-ebda element [tad-Direttiva] 2004/18 ma jippermetti li jitqies li l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tagħha tkun tiddependi mill-eżistenza ta’ rabta effettiva mal-moviment liberu bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, l-imsemmija [direttiva] ma [t]issuġġett[a] għal ebda kundizzjoni marbuta maċ-ċittadinanza jew mal-post ta’ stabbiliment tal-offerenti l-issuġġettar għal proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi [għad-dispożizzjonijiet tagħha] (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Michaniki, C‑213/07, EU:C:2008:731, punt 29)” ( 9 ). Tista’ tapplika l-istess konstatazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2003/88. |
34. |
Barra minn hekk, f’din is-sitwazzjoni partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, ġustament, li l-interess tal-Unjoni li l-kunċetti riprodotti mid-dritt tal-Unjoni jingħataw interpretazzjoni uniformi kien “validu b’mod speċjali meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tutilizza kunċett li jinsab f’dispożizzjoni tad-dritt [tal-Unjoni] ġiet adottata bl-għan li tittrasponi fid-dritt intern id-direttiva li l-imsemmija dispożizzjoni tagħmel parti minnha” ( 10 ). Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “f’tali ipoteżi, il-fatt li l-kunċett ta’ dritt [tal-Unjoni] li l-interpretazzjoni mitluba tiegħu hija meħtieġa tapplika, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, f’kundizzjonijiet differenti minn dawk previsti mid-dispożizzjoni [tad-dritt tal-Unjoni] korrispondenti ma huwiex ta’ natura li jeskludi kull rabta bejn l-interpretazzjoni mitluba u l-għan tal-kawża prinċipali” ( 11 ). |
35. |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ġġustifikat perfettament l-eżistenza ta’ din ir-rabta. Il-liġi dwar il-ħin tax-xogħol tirregola fl-istess ħin it-tul tal-ħin tax-xogħol (li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88) u s-supplimenti tas-salarju (li ma humiex koperti minnha). Madankollu, l-artikolu li jiddetermina, bl-istess mod, l-applikabbiltà taż-żewġ aspetti ta’ din il-liġi, jiżgura t-traspożizzjoni ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88, jiġifieri l-Artikolu 17(1) tagħha. |
36. |
Din l-ispeċifiċità jidhirli li tiddistingwi din il-kawża minn dik li wasslet għas-sentenza tat-28 ta’ Marzu 1995, Kleinwort Benson (C‑346/93, EU:C:1995:85). Fil-fatt, għalkemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1)(3) tal-liġi dwar il-ħin tax-xogħol ma hijiex identika għal dik tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88, ma huwiex ikkontestat li dan jiżgura t-traspożizzjoni tagħha ( 12 ). Tali riproduzzjoni formali tat-test tad-direttiva, barra minn hekk, ma hijiex meħtieġa ( 13 ). Min-naħa l-oħra, peress li l-leġiżlatur Finlandiż għażel li jutilizza l-possibbiltà ta’ deroga awtorizzata fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88, il-qorti tar-rinviju hija ċertament marbuta li tinterpreta d-dispożizzjoni nazzjonali li tirregolaha f’konformità mal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88, kif huwa interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 14 ). |
37. |
Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, meta liġi ta’ traspożizzjoni testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE meta jkun neċessarju li tingħata interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni ( 15 ). |
38. |
Tali neċessità ma tkunx issodisfatta – u l-Qorti tal-Ġustizzja, konsegwentement, ma jkollhiex ġurisdizzjoni, meta l-att tal-Unjoni li tkun mitluba l-interpretazzjoni tiegħu jkun jipprevedi espressament li l-qasam li d-dritt nazzjonali għażel li japplika għalih ikun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ( 16 ). |
39. |
Madankollu, ma naħsibx li aħna ninsabu f’tali sitwazzjoni. |
40. |
Bħalma indikajt preċedentement, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li d-Direttiva 2003/88 ma kinitx tapplika, fil-prinċipju, għar-remunerazzjoni tal-ħaddiema ( 17 ). |
41. |
Madankollu, dan ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi għal domandi relatati mal-interpretazzjoni ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 minkejja li l-kwistjoni tal-kawża hija, fl-aħħar mill-aħħar, dik tar-remunerazzjoni tal-ħaddiem. |
42. |
Għalhekk, fil-kawża li wasslet għad-digriet tal-11 ta’ Jannar 2007, Vorel (C‑437/05, EU:C:2007:23), il-kawża kienet tirrigwarda “[d]-definizzjoni tal-kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ fis-sens tad-Direttivi 93/104 u 2003/88 f’dak li jikkonċerna x-xogħol ta’ l-għassa pprovdut minn tabib fi sptar kif ukoll ir-remunerazzjoni dovuta għal dan ix-xogħol” ( 18 ). |
43. |
F’din il-kawża, J. Vorel kien qiegħed jikkontesta l-metodu ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni tiegħu u kien qiegħed jitlob lill-qorti li kellha ġurisdizzjoni “sabiex tikkundanna lill-NČK iħallsu supplement mas-salarju […], [b’]din is-somma tikkorrispondi għad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li [kienet] ġiet imħallsa lilu għax-xogħol ta’ l-għassa fl-isptar li [kien] sar matul l-imsemmi perijodu u s-salarju li kellu jiġi mħallas lilu li kieku l-imsemmija servizzi kellhom jiġu meqjusa bħala xogħol normali” ( 19 ). |
44. |
Fir-risposta tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi espressament għall-effett tad-definizzjoni tat-tul tal-ħin tax-xogħol fuq il-kalkolu tar-remunerazzjoni billi ddeċidiet li d-Direttivi 93/104 u 2003/88 “ma jipprekludux l-applikazzjoni minn Stat Membru ta’ leġiżlazzjoni li, għall-finijiet tar-remunerazzjoni tal-ħaddiem u fir-rigward tax-xogħol ta’ l-għassa mwettqa minn dan fuq il-post tax-xogħol tiegħu, tieħu in kunsiderazzjoni b’mod differenti l-perijodi li matulhom prestazzjonijiet ta’ xogħol ġew imwettqa effettivament u dawk li matulhom ebda xogħol effettiv ma twettaq, sakemm tali sistema tassigura b’mod komplet l-effett utli tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema mill-imsemmija Direttivi fid-dawl tal-protezzjoni effikaċi tas-saħħa u tas-sigurtà ta’ dawn ta’ l-aħħar” ( 20 ). |
45. |
Il-konfigurazzjoni tal-kawża prinċipali ma jidhirlix li hija fundamentalment differenti: din tirrigwarda l-kwistjoni jekk il-liġi dwar il-ħin tax-xogħol tapplikax għall-“ġenituri sostituti” u jekk, konsegwentement, dawn għandhomx dritt għall-kumpensi mitluba ( 21 ). Madankollu, biex tingħata risposta għal din id-domanda, jidher neċessarju għall-qorti tar-rinviju li jiġi ddeterminat jekk id-deroga prevista fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88 tapplikax. |
46. |
Fi kliem ieħor, l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88 huwa ta’ natura li għandu effett fuq l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali rilevanti fil-kawża prinċipali. Konsegwentement, peress li ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma tkunx neċessarja għall-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domanda magħmula ( 22 ). |
47. |
Fl-aħħar nett, jekk wieħed irid jaċċetta mingħajr problema li n-neċessità ta’ interpretazzjoni uniformi tikkostitwixxi l-kriterju predominanti għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja meta Stat Membru għażel li jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva ( 23 ), għalhekk għandu jkun permess li tali interpretazzjoni tiġi imposta b’mod speċjali fir-rigward ta’ interpretazzjoni ta’ klawżola derogatorja għall-applikazzjoni tad-direttiva, bħalma huwa l-każ hawnhekk. |
48. |
Fil-fatt, l-applikabbiltà ta’ direttiva u l-protezzjoni li din tagħti ma tistax tkun suġġetta għal interpretazzjonijiet differenti u applikati b’mod differenti skont il-qorti adita. L-istess japplika għall-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ( 24 ). |
49. |
Konsegwentement, fid-dawl tal-elementi preċedenti, inqis, minn naħa, li l-qorti tar-rinviju wriet b’mod rilevanti u suffiċjenti n-neċessità tad-domanda tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja ċertament għandha ġurisdizzjoni biex tagħtiha risposta. |
B. Fuq id-domanda preliminari
50. |
L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88 jippermetti deroga għal ċerti dispożizzjonijiet protettivi stabbiliti minn din id-direttiva. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk din id-dispożizzjoni tapplikax għall-ħaddiem li, billi jissostitwixxi “ġenitur prinċipali” matul il-leave ta’ dan tal-aħħar, jgħix mat-tfal f’ambjent tal-familja u jieħu responsabbiltà, f’dan il-perijodu, b’mod awtonomu, għall-bżonnijiet tat-tfal u tal-familja b’mod simili bħallikieku kien ġenitur veru. |
1. Fuq il-prinċipji ta’ interpretazzjoni applikabbli għad-Direttiva 2003/88
51. |
Mingħajr dubju ma huwiex inutli li jitfakkru l-prinċipji li għandhom jirregolaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/88. |
52. |
L-għan imfittex minn din id-direttiva jikkonsisti fil-protezzjoni b’mod effettiv tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, billi tagħtihom perijodi minimi ta’ mistrieħ u perijodi ta’ waqfien adegwati ( 25 ). |
53. |
F’din il-perspettiva, id-Direttiva 2003/88 tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha b’mod wiesa’. Skont l-Artikolu 1(3) tagħha, din tapplika għas-setturi tal-attivitajiet kollha, kemm pubbliċi u kemm privati, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE, tat-12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema ( 26 ), bl-eċċezzjoni ta’ ċerti setturi speċifiċi elenkati b’mod espliċitu ( 27 ). |
54. |
Imbagħad, sakemm it-tul tal-ħin tax-xogħol, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-attività kkonċernata, ma jkunx imkejjel u/jew predeterminat jew ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat mill-ħaddiema nfushom, l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88 ma humiex eżawrjenti. Fil-fatt, l-użu tal-avverbju “partikolarment” ma jippermettix interpretazzjoni oħra ( 28 ). Madankollu, dawn id-derogi għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn għandhom jingħataw interpretazzjoni “li tillimita l-portata tagħhom għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi li dawn id-derogi jippermettu li jiġu protetti” ( 29 ). |
2. Fuq il-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “ħaddiem”
55. |
Il-ġustifikazzjoni tad-deroga għar-regoli protettivi tad-Direttiva 2003/88, iddefinita fl-Artikolu 17(1) tagħha, hija marbuta intrinsikament mal-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “ħaddiem”. |
56. |
Fil-fatt, skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-Artikoli 3 sa 6, 8 u 16 tagħha “meta, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-attività kkonċernata, it-tul tal-ħin tax-xogħol ma jkunx imkejjel u/jew predeterminat jew jista’ jkun determinat mill-ħaddiema nfushom” ( 30 ). |
57. |
Il-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88 bħala “kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi”. |
58. |
Il-persuna għandha għalhekk tkun “għad-disposizzjoni” ta’ min iħaddem. Il-fattur determinanti għall-evalwazzjoni ta’ dan l-element tad-definizzjoni huwa “l-fatt li l-ħaddiem huwa marbut li jkun fiżikament preżenti fil-post stabbilit mill-persuna li timpjegah u li jibqa’ għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar sabiex f’każ ta’ bżonn ikun jista’ jipprovdi x-xogħlijiet xierqa immedjatament” ( 31 ). F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li min iħaddem iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ħaddiem kamra fejn huwa jista’ jistrieħ sakemm is-servizzi professjonali tiegħu ma jkunux meħtieġa ma hijiex rilevanti ( 32 ). |
59. |
Il-kunċett ta’ “ħaddiem” ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2003/88. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din għandha portata awtonoma speċifika fid-dritt tal-Unjoni ( 33 ). F’dan il-kuntest, hija fakkret li “[l]-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni ta’ impjieg hija […] il-fatt li għal ċertu perijodu, persuna twettaq favur persuna oħra u taħt l-istruzzjonijiet tagħha, servizzi inkambju għal remunerazzjoni” ( 34 ). |
60. |
Meta wieħed iqabbel dawn id-definizzjonijiet mal-kuntest fattwali deskritt mill-qorti tar-rinviju, ftit li xejn hemm dubju li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhom jitqiesu fil-konfront tal-assoċjazzjoni “SOS-Lapsikylä” bħala “ħaddiema” fis-sens tad-Direttiva 2003/88. |
61. |
Il-villaġġi tat-tfal huma mmexxija minn direttur, li huwa, skont il-qorti tar-rinviju, is-superjur dirett tal-“ġenituri sostituti”. F’dan ir-rigward, huwa jistabbilixxi, b’mod partikolari, il-listi li jindikaw, ġurnata b’ġurnata, id-dar li l-“ġenitur sostitut” għandu jaħdem fiha. Għalkemm min iħaddem ma’ jagħtix ordnijiet lill-“ġenituri sostituti” fir-rigward tal-perijodu ta’ xogħol u l-ħinijiet ta’ mistrieħ matul il-jiem maħduma, jidher li huma madankollu għandhom jieħdu ħsieb it-tfal fdati lilhom skont pjan ta’ kustodja u edukattiv. |
62. |
Barra minn hekk, lanqas ma jista’ jiġi kkontestat li s-sigħat mgħoddija fil-villaġġ tat-tfal jikkostitwixxu “ħin tax-xogħol” fis-sens tad-Direttiva 2003/88 peress li l-“ġenituri sostituti” jkunu għad-dispożizzjoni tal-assoċjazzjoni “SOS-Lapsikylä”. Minn naħa, dawn huma obbligati li jkunu fiżikament preżenti fid-dar tat-tfal assenjata lilhom, jew, għall-inqas, fil-villaġġ tat-tfal ikkonċernat jew fil-viċinanzi. Min-naħa l-oħra, huma jkunu għad-dispożizzjoni ta’ min iħaddem biex ikunu jistgħu jipprovdu immedjatament is-servizzi xierqa, jiġifieri, li jieħdu ħsieb iż-żamma tad-dar tat-tfal, u jiżguraw il-kustodja u l-edukazzjoni tat-tfal li jgħixu fiha skont il-pjan ta’ kustodja u edukattiv stabbilit għal kull tifel u tifla. |
3. Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88
63. |
Il-kwistjoni li tqum hija għalhekk dik dwar jekk it-tul tal-ħin tax-xogħol mgħoddi fil-villaġġ tat-tfal huwiex imkejjel (jew predeterminat) minn min iħaddem ( 35 ) jew jekk dan jistax jiġi ddeterminat mill-ħaddiema nfushom minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-attività kkonċernata. |
64. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88 jirriżulta li d-deroga li tinsab f’din id-dispożizzjoni “hija applikabbli biss għall-ħaddiema li l-ħin tax-xogħol kollu tagħhom mhuwiex imkejjel jew predeterminat jew jista’ jiġi ddeterminat mill-ħaddiema nfushom minħabba t-tip ta’ attività eżerċitata” ( 36 ). |
65. |
Il-fatt li d-determinazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandha tirrigwarda l-ħin kollu ma jistax jiġi kkontestat. L-ewwel nett, din l-interpretazzjoni hija konformi mar-regola li skontha d-derogi previsti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv ( 37 ). It-tieni nett, din hija konformi wkoll mal-għan imfittex mid-Direttiva 2003/88 li jikkonsisti fil-protezzjoni b’mod effettiv tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, billi jingħataw perijodi minimi ta’ mistrieħ u perijodi ta’ waqfien adegwati ( 38 ). |
66. |
Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-rigward kemm tal-formulazzjoni tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll tal-għan u tal-istruttura tagħha, ir-rekwiżiti differenti li din tistabbilixxi fil-qasam tal-ħin minimu ta’ mistrieħ jikkostitwixxu regoli tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandhom importanza partikolari. Kull ħaddiem għandu jibbenefika minnhom bħala rekwiżit minimu neċessarju sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tiegħu ( 39 ). |
67. |
L-importanza tagħhom hija tali li l-limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol u l-għoti ta’ perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa, kif ukoll il-benefiċċju ta’ perijodu annwali ta’ leave mħallas ġew stabbiliti b’mod ċar bħala drittijiet fundamentali fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
68. |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li “ġenitur sostitut” involut f’villaġġ tat-tfal ma huwiex f’pożizzjoni li jiddetermina t-tul tal-ħin tax-xogħol tiegħu fl-intier tiegħu. Għall-kuntrarju, dan huwa predeterminat b’mod wiesa’ mill-kuntratt ta’ xogħol u minn min iħaddem. |
69. |
Fil-fatt, bl-istess mod bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 42), mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jidhirx li l-“ġenituri sostituti” jkollhom il-possibbiltà li jiddeċiedu dwar in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol li huma jaħdmu. |
70. |
Għall-kuntrarju, dan it-tul kien, għall-inqas, irregolat minn min iħaddem fuq żewġ livelli għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Minn naħa, is-servizz annwali tagħhom kien stabbilit mill-kuntratt ta’ xogħol għal 190 perijodu ta’ 24 siegħa (ħlief għal waħda minnhom li s-servizz annwali tagħha kien ta’ 170 perijodu ta’ 24 siegħa). Min-naħa l-oħra, l-assenjazzjoni tagħhom ta’ kuljum kienet stabbilita minn qabel mid-direttur tal-villaġġ tat-tfal permezz ta’ listi li kienu jindikaw, ġurnata b’ġurnata, id-dar li l-“ġenitur sostitut” kellu jaħdem fiha. |
71. |
Il-possibbiltà waħedha li tiġi ddeterminata l-ordni li fiha setgħu jitwettqu l-kompiti differenti assenjati lill-ħaddiem bl-ebda mod ma hija biżżejjed biex jitqies li huwa jista’ jiddetermina, waħdu, it-tul tal-ħin tax-xogħol tiegħu. Wieħed ma għandux jinsa li l-“ġenituri sostituti” huma marbuta li jkunu preżenti fuq il-post tax-xogħol tagħhom matul it-tul kollu tas-servizzi tagħhom, u dan jillimita l-possibbiltà li wieħed jiddedika ħin għal attivitajiet personali. F’dan ir-rigward, l-assenza tat-tfal meta jkunu l-iskola ma hijiex ta’ natura li tbiddel dan l-approċċ. Fil-fatt, ġie kkonfermat waqt is-seduta tat-2 ta’ Marzu 2017 li ċerti kompiti ta’ żamma tad-dar kienu mwettqa matul dan l-intervall ta’ ħin u, fuq kollox, li l-“ġenituri sostituti” kellhom, fi kwalunkwe każ, ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati b’mod li jkunu jistgħu jiġġestixxu sitwazzjoni ta’ emerġenza medika jew inċidenti imprevisti oħra ( 40 ). Il-libertà tagħhom matul dawn il-perijodi għalhekk kienet relattiva biss u ma tneħħilhomx in-natura ta’ “ħin tax-xogħol” fis-sens tad-Direttiva 2003/88 ( 41 ). Barra minn hekk, huwa min iħaddem li għandu, jekk ikun il-każ, jistabbilixxi l-istrumenti ta’ kontroll meħtieġa biex jiġu evitati abbużi eventwali ( 42 ). |
4. Addizzjonalment, fuq id-deroga relatata mal-“ħaddiema parti mill-familja” prevista fl-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2003/88
72. |
L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88 jagħti tliet eżempji ta’ ċirkustanzi li jwasslu għall-possibbiltà ta’ deroga mill-Artikoli 3 sa 6, 8 u 16 tad-direttiva. Fost dawn is-sitwazzjonijiet hemm l-ingaġġ ta’ “ħaddiema parti mill-familja”. |
73. |
Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-assoċjazzjoni “SOS-Lapsikylä”, jien ma naħsibx li x-xogħol ta’ “ġenituri sostituti” jaqa’ taħt din l-eċċezzjoni. |
74. |
Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok, biex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha ( 43 ). |
75. |
Għalhekk wieħed ma għandux jinsa li l-għan imfittex mid-Direttiva 2003/88 jikkonsisti fil-protezzjoni effettiva tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema. Id-derogi awtorizzati mid-Direttiva 2003/88 għandhom jingħataw interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħhom għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi li dawn id-derogi jippermettu li jiġu protetti ( 44 ). |
76. |
Id-deroga relatata mal-ħaddiema parti mill-familja hija spjegata mill-fatt li r-relazzjonijiet mibnija bejn il-partijiet involuti – ħaddiem u min iħaddem – ma humiex professjonali biss. Fil-fatt, ir-rabtiet partikolari li jagħqdu lill-membri tal-familja jistgħu, b’mod inevitabbli, jimpedixxu li t-tul tal-ħin tax-xogħol ikun jista’ jitkejjel jew jiġi predeterminat. Min-naħa l-oħra, ma huwiex eskluż li dan jista’ jiġi ddeterminat b’mod iktar faċli mill-ħaddiem innifsu. |
77. |
Din ir-restrizzjoni tad-deroga relatata mal-ħaddiema parti mill-familja hija, barra minn hekk, konsistenti mal-kuntest li fih huwa inkluż l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88. Fil-fatt, din id-direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa fil-qasam tal-ħin tax-xogħol ( 45 ), li huwa ddefinit bħala l-perijodu li matulu l-ħaddiem ikun għax-xogħol, għad-dispożizzjoni ta’ min iħaddmu u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu ( 46 ). Id-Direttiva 2003/88 għalhekk tittratta sew ir-relazzjonijiet bejn il-ħaddiem u min iħaddem. |
78. |
Madankollu, ir-relazzjoni li tgħaqqad lill-“ġenituri sostituti” ma’ min iħaddem ma hijiex ta’ natura familjari. Għalkemm hija kwistjoni, fil-villaġġi tat-tfal, ta’ akkomodazzjoni u ta’ organizzazzjoni tax-xogħol li jixbħu kemm jista’ jkun lill-ambjent tal-familja, huwa biss f’objettiv edukattiv li hija intiża r-relazzjoni mat-tfal. |
79. |
Fi kliem ieħor, dan il-metodu ta’ xogħol huwa barrani għar-relazzjoni bejn il-ħaddiem u min iħaddem u għalhekk ma jistax jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88: dan ma huwiex stabbilit fl-interess tal-ewwel wieħed, u lanqas għall-benefiċċju tat-tieni wieħed, iżda esklużivament f’dak tat-tfal milqugħa. |
80. |
Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li t-twessigħ tal-eċċezzjoni relatata mal-ħaddiema parti mill-familja għall-“ġenituri sostituti” mhux biss tmur kontra l-objettiv ġenerali tad-direttiva u tal-kuntest tagħha, iżda wkoll kontra l-interessi speċifiċi għal xogħol fil-familja. |
5. Konklużjoni intermedja
81. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jista’ jkopri x-xogħol imwettaq f’dar tat-tfal minn ħaddiem li jissostitwixxi lil “ġenitur prinċipali” meta dan il-ħaddiem ma jkunx liberu li jiddetermina t-tul, kollu kemm hu, tal-ħin tax-xogħol tiegħu u dan minkejja l-fatt li bir-riproduzzjoni tal-ambjent tal-familja, huwa jgħix ma’ dawn it-tfal u jieħu responsabbiltà, f’dan il-perijodu, b’mod awtonomu, għall-bżonnijiet ta’ dawn it-tfal, b’mod simili bħallikieku kien ġenitur veru. |
C. Fuq l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(3)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2003/88
82. |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni Ewropea tqis li l-attivitajiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(3)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2003/88. |
83. |
Ċertament, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, “sabiex tingħata risposta utli lill-qorti li minnha toriġina domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha bżonn tieħu inkunsiderazzjoni regoli ta’ dritt tal-Unjoni li għalihom ma jkunx sar riferiment mill-qorti nazzjonali fid-domandi preliminari tagħha” ( 47 ). |
84. |
Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tat fis-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612) tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju. |
85. |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza ddeċidiet li d-deroga li tinsab fl-Artikolu 17(3)(b) tad-Direttiva 2003/88, setgħet tiġi applikata għal attivitajiet ta’ ħaddiema bħal dawk li għandhom kuntratt ta’ xogħol edukattiv li jaħdmu fiċ-ċentri ta’ vaganzi u ta’ ħin liberu peress li dawn il-ħaddiema kellhom jiżguraw sorveljanza permanenti tal-minuri li kienu fdati lilhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li “[l]-kontribuzzjoni edukattiva ta’ dawn iċ-ċentri tinsab ukoll, jekk mhux prinċipalment, fil-mod speċifiku u oriġinali ta’ kif dan jiffunzjona fejn il-minuri milqugħa jgħixu għal diversi ġranet b’mod kontinwu mal-animaturi u mad-diretturi tagħhom” ( 48 ). |
86. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja fiha ppreċiżat ukoll li l-Artikolu 17(3)(ċ) tad-Direttiva 2003/88 seta’ japplika peress li l-attivitajiet tal-persunal taċ-ċentri ta’ vaganzi u ta’ ħin liberu kienu “jinvolvu wkoll l-ħtieġa ta’ servizz kontinwu, peress li l-minuri milqugħa f’dawn iċ-ċentri [kienu] jgħixu, tul is-soġġorn kollu tagħhom, b’mod kontinwu ma’ u taħt l-osservanza tal-persunal ta’ dawn iċ-ċentri” ( 49 ). |
87. |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu japplikaw, a fortiori, għall-“ġenituri sostituti” ta’ villaġġ tat-tfal bħal dak deskritt mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, hija r-responsabbiltà tagħhom li jiżguraw, waħedhom, il-kustodja iżda wkoll l-edukazzjoni tat-tfal ospitati fid-dar li huma jkunu assenjati fiha u dan mingħajr interruzzjoni. |
88. |
Madankollu, dawn id-derogi huma suġġetti għas-sodisfazzjon ta’ żewġ kundizzjonijiet imposti fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2003/88. |
89. |
L-ewwel nett, id-derogi previsti fl-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2003/88 huma biss possibbiltajiet li, sabiex jiġu applikati, għandhom ikunu ġew adottati b’mezz leġiżlattiv, regolatorju, amministrattiv jew permezz ta’ ftehim kollettiv jew ftehimiet konklużi bejn sħab soċjali. |
90. |
It-tieni nett, jekk dan huwa l-każ, dawn id-derogi jistgħu jiġu implementati biss għall-kundizzjoni li l-ħaddiema kkonċernati jingħataw perijodi ekwivalenti ta’ mistrieħ kumpensatorju jew, meta dan ma jkunx possibbli għal raġunijiet oġġettivi, li dawn jingħataw protezzjoni xierqa ( 50 ). |
91. |
Peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija nieqsa minn informazzjoni fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, jekk hija tqis li huwa neċessarju, l-applikabbiltà tad-derogi previsti fl-Artikolu 17(3)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2003/88. |
VI. Konklużjoni
92. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Korkein oikeus (qorti suprema, il-Finlandja) bil-mod li ġej: “L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ma jistax ikopri x-xogħol imwettaq f’dar tat-tfal minn ħaddiem li jissostitwixxi lil ‘ġenitur prinċipali’ meta dan il-ħaddiem ma jkunx liberu li jiddetermina t-tul, kollu kemm hu, tal-ħin tax-xogħol tiegħu, u dan minkejja l-fatt li billi jiġi riprodott l-ambjent tal-familja, huwa jgħix ma’ dawn it-tfal u jieħu responsabbiltà, f’dan il-perijodu, b’mod awtonomu, għall-bżonnijiet ta’ dawn it-tfal, b’mod simili bħallikieku kien ġenitur veru. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 17(3)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2003/88 jista’ japplika għal dan it-tip ta’ xogħol bil-kundizzjoni li jiġu osservati r-rekwiżiti tal-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan jekk ikun meħtieġ”. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381.
( 3 ) L-assoċjazzjoni “SOS-Lapsikylä” tifforma parti min-netwerk internazzjonali “villaġġi tad-dinja”. B’risposta għal waħda mid-domandi magħmula waqt is-seduta tat-2 ta’ Marzu 2017, ġie ppreċiżat li l-assoċjazzjoni “SOS-Lapsikylä” u l-villaġġi tat-tfal stabbiliti fil-Finlandja huma ffinanzjati mill-muniċipalitajiet u l-ibliet, kif ukoll minn donazzjonijiet privati.
( 4 ) Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 5 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez (C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 36) kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2016, Etablissements Fr. Colruyt (C‑221/15, EU:C:2016:704, punt 14).
( 6 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, van der Lans (C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 20).
( 7 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132.
( 8 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme (C‑203/14, EU:C:2015:664).
( 9 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme (C‑203/14, EU:C:2015:664, punt 30). Ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft (C‑304/08, EU:C:2010:12, punt 28) [fir-rigward tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), ĠU 2005, L 149, p. 22]. Għal spjegazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja indipendenti minn element barrani fil-preżenza ta’ direttiva, ara l-argumenti relatati mal-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet prevista minn Rodière, P., (“Retour vers les situations internes et la libre circulation des personnes: de quelques errements possibles”, Revue des affaires européennes, 2015/4, p. 731 sa 742, b’mod speċjali p. 741).
( 10 ) Sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2001, Adam (C‑267/99, EU:C:2001:534, punt 28).
( 11 ) Sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2001, Adam (C‑267/99, EU:C:2001:534, punt 29).
( 12 ) L-informazzjoni ġiet ikkonfermata mir-rappreżentant tal-Gvern Finlandiż waqt is-seduta tat-2 ta’ Marzu 2017.
( 13 ) Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja “mhux dejjem huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ Direttiva jiġu riprodotti formalment f’dispożizzjoni legali espliċita u speċifika[,] l-implementazzjoni ta’ Direttiva tista’ [wkoll], skond il-kontenut tagħha, tiġi sodisfatta permezz ta’ kuntest legali ġeneriku” (is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑456/03, EU:C:2005:388, punt 51).
( 14 ) Għall-kuntrarju, fis-sentenza tat-28 ta’ Marzu 1995, Kleinwort Benson (C‑346/93, EU:C:1995:85), il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet tipprevedi hija stess b’mod ċar, minn naħa “l-possibbiltà […] li jiġu adottati emendi ‘maħsuba biex jipproduċu differenzi’ [għad-]dispożizzjonijiet [tad-dritt tal-Unjoni], kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja” (punt 18) u, min-naħa l-oħra, li “l-qrati tal-Istat kontraenti kkonċernat [ma kinux] miżmuma jiddeċiedu dwar il-kawżi li [kienu] mressqa quddiemhom bl-applikazzjoni, b’mod assolut u inkundizzjonat, tal-interpretazzjoni [tad-dritt tal-Unjoni] li l-Qorti tal-Ġustizzja [kienet] ipprovditilhom” (punt 20).
( 15 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2009, Rodríguez Mayor et (C‑323/08, EU:C:2009:770, punt 27) kif ukoll tat-3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K. (C‑338/14, EU:C:2015:795, punt 17). Skont ċerti awturi, l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ssib ukoll “sitwazzjoni pprivileġġata fir-rigward tal-liġijiet ta’ traspożizzjoni ta’ direttivi li jistgħu jwessgħu l-kamp ratione materiae fl-Istat lil hinn mil-limiti li dawn jistabbilixxu” [traduzzjoni libera] (Potvin-Solis, L., “Qualification des situations purement internes”, f’Neframi, E., dir., Renvoi préjudiciel et marge d’appréciation du juge national, Larcier, Brussell, 2015, p. 39 sa 99, b’mod speċjali p. 66).
( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan (C‑583/10, EU:C:2012:638, punti 53 sa 57).
( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 18 ) Punt 2 tad-digriet, enfasi miżjuda minni.
( 19 ) Punt 17 tad-digriet, enfasi miżjuda minni.
( 20 ) Punt 36 u d-dispożittiv tad-digriet, enfasi miżjuda minni.
( 21 ) Punt 3 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et (C‑6/01, EU:C:2003:446, punti 38 u 41).
( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punt 37), kif ukoll tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et (C‑310/10, EU:C:2011:467, punt 42). Fid-duttrina, Potvin-Solis, L., “Qualification des situations purement internes”, f’Neframi, E., (dir.), Renvoi préjudiciel et marge d’appréciation du juge national, Larcier, Brussell, 2015, p. 39 sa 99, b’mod speċjali p. 67.
( 24 ) Fir-rigward tal-kunċett ta’ “ġurisdizzjoni” li jinsab fl-Artikolu 267 TFUE, Tridimas, T., kien innota li t-tħassib prinċipali li kien jiggwida l-interpretazzjoni ta’ din il-kundizzjoni kien li l-proċedura tar-rinviju ssir aċċessibbli kemm jista’ jkun. Skont Tridimas, T., dan għalhekk kien jirrigwarda li tiġi żgurata l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll id-disponibbiltà ta’ azzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mill-imsemmi dritt (Tridimas, T., “Knocking on Heaven’s Door: Fragmentation, Efficiency and Defiance in the Preliminary Reference Procedure”, CML Rev., 40, 2003, p. 9 sa 50, b’mod speċjali p. 30). Dan it-tħassib jidhirli li għandu jiggwida lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżami tal-ġurisdizzjoni tagħha li tagħti deċiżjonijiet preliminari, irrispettivament mill-kundizzjoni ta’ ġurisdizzjoni jew ammissibbiltà inkwistjoni.
( 25 ) Ara l-premessi 4, 5 u 10 tad-Direttiva 2003/88. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 42).
( 26 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349.
( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 21).
( 28 ) Ara, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(3)(ċ) tad-Direttiva 2003/88, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punti 47 u 48). L-idea ta’ lista ta’ eżempju tinsab fl-espressjoni “b’mod partikolari” użata fil-verżjoni Finlandiża tad-Direttiva (“ja erityisesti”), kif ukoll f’verżjonijiet lingwistiċi oħra bħall-verżjoni fil-lingwa Ingliża (“and particularly in the case of”) jew anki dik Spanjola (“y en particular cuando se trate de”).
( 29 ) Sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 40). Ara wkoll is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 89). Din is-sentenza tal-aħħar tirrigwarda l-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197). Madankollu, peress li t-test tal-Artikolu 17(1) baqa’ identiku, il-ġurisprudenza preċedenti tibqa’ rilevanti [ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra li ma nbidlux tad-Direttiva 2003/88, id-digriet tal-4 ta’ Marzu 2011, Grigore, (C‑258/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:122, punt 39)].
( 30 ) Enfasi miżjuda minni.
( 31 ) Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 64).
( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 28).
( 34 ) Sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 35 ) Pereżempju, permezz ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ xogħol.
( 36 ) Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑484/04, EU:C:2006:526, punt 20). Enfasi miżjuda minni. Ara, ukoll, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 41).
( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 40) u tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 89).
( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 42) u, fir-rigward tad-Direttiva 93/104, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Simap (C‑303/98, EU:C:2000:528, punt 49), kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 50).
( 39 ) Ara, f’dan is-sens, fost diversi sentenzi, is-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et (C‑14/04, EU:C:2005:728, punt 49); tas-7 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑484/04, EU:C:2006:526, punt 38), u tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 24).
( 40 ) L-informazzjoni ngħatat mir-rappreżentant tal-assoċjazzjoni “SOS-Lapsikylä” b’risposta għal domanda tal-imħallef relatur u ġiet ikkonfermata mir-rappreżentanta tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fir-replika tagħha.
( 41 ) Ara, mutatis mutandis, fir-rigward tan-nuqqas ta’ effett tal-perijodi ta’ inattività professjonali matul il-perijodi tax-xogħol tal-għassa tat-tobba, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punti 61 u 65). Bħala tfakkira, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll fil-punt 94 ta’ din is-sentenza li l-“perijodi xierqa ta’ mistrieħ b’kumpens” fis-sens tal-Artikolu 17(2) u (3) tad-Direttiva 93/104, għandhom “ikunu kkaratterizzati mill-fatt li, matul dawn il-perijodi, il-ħaddiem ma jkun suġġett għal ebda obbligu lejn min iħaddmu li jista’ jimpedixxih milli b’mod liberu u mingħajr interruzzjonijiet jaqdi l-interessi tiegħu sabiex jinnewtralizza l-effetti tax-xogħol fuq is-sigurtà u s-saħħa tiegħu” (enfasi miżjuda minni).
( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 40).
( 43 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki (C‑84/12, EU:C:2013:862, punt 34) u tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 35).
( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 40) u tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 89).
( 45 ) Ara l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva.
( 46 ) Ara l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.
( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑157/10, EU:C:2011:813, punt 19).
( 48 ) Sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 45).
( 49 ) Sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 48).
( 50 ) Ara l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2003/88 u, fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punti 49 sa 62).