Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0171

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fis-17 ta’ Mejju 2017.
    Trayan Beshkov vs Sofiyska rayonna prokuratura.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Deċiżjoni Qafas 2008/675/ĠAI – Kamp ta’ applikazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni, fl-okkażjoni ta’ proċedura kriminali ġdida, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija qabel fi Stat Membru ieħor għall-finijiet tal-impożizzjoni ta’ piena totali – Proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent minn qabel ta’ din id-deċiżjoni – Tibdil tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-piena imposta f’dak l-Istat Membru l-ieħor.
    Kawża C-171/16.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:386

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fis-17 ta’ Mejju 2017 ( 1 )

    Kawża C-171/16

    Trayan Beshkov

    fil-preżenza ta’:

    Sofiyska rayonna prokuratura

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski Rayonen sad (qorti distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija)]

    “Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Deċiżjoni Qafas 2008/675/ĠAI – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundanni preċedenti fl-Istati Membri – Kunċett ta’ ‘proċeduri kriminali ġodda’ – Nuqqas ta’ ammissjoni ta’ modifika tal-eżekuzzjoni mill-Istat Membru li jkun beda l-proċedura kriminali l-ġdida tal-kundanna preċedenti”

    1. 

    Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba, għall-ewwel darba, sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2008/675/ĠAI, tal-24 ta’ Lulju 2008, dwar it-teħid inkonsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda ( 2 ).

    2. 

    B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna, mill-qorti tar-rinviju, sabiex tippreċiża l-kunċett ta’ “proċedimenti kriminali” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas. Hija tistaqsi, effettivament, jekk dan il-kunċett jinkludix proċeduri li għandhom bħala suġġett l-eżekuzzjoni ta’ piena imposta minn qorti ta’ Stat Membru li għaliha għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kundanna preċedenti imposta minn qorti ta’ Stat Membru ieħor.

    3. 

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tfittex li tkun taf jekk din l-istess dispożizzjoni tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li talba ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundanna preċedenti imposta minn qorti ta’ Stat Membru ma tistax issir direttament mill-persuna kkundannata.

    4. 

    Fl-aħħar, it-tielet domanda magħmula mil-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-modalitajiet konkreti ta’ teħid inkunsiderazzjoni, minn qorti nazzjonali, tal-kundanna preċedenti imposta mill-qorti ta’ Stat Membru ieħor u fejn il-piena li rriżultat minnha diġà ġiet eżegwita kompletament.

    5. 

    F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi, qabelxejn, li, fil-fehma tiegħi, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni fl-okkażjoni ta’ proċeduri kriminali ġodda fi Stat Membru, skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, deċiżjoni ġudizzjarja imposta minn qorti ta’ Stat Membru dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja ma għandhiex tkun b’mod preliminari rrikonoxxuta skont proċedura speċjali, bħalma hija dik prevista min-Nakazatelno-protsesualen kodeks (kodiċi ta’ proċeduri kriminali Bulgaru).

    6. 

    Ser nispjega għal xiex, fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi “proċedimenti kriminali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni proċedura intiża sabiex tiġi eżegwita piena imposta minn qorti ta’ Stat Membru li għal dan l-iskop għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kundanna preċedenti imposta mill-qorti ta’ Stat Membru ieħor. ser nipproponi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li t-talba sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni kundanna preċedenti imposta mill-qorti ta’ Stat Membu ieħor tista’ ssir direttament mill-persuna kkundannata.

    7. 

    Sussegwentement ser nispjega għal xiex, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 3(1) u (3) ta’ din id-deċiżjoni qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li qorti nazzjonali għandha teżamina mill-ġdid, fl-okkażjoni ta’ proċeduri kriminali ġodda, il-piena imposta mill-qorti ta’ Stat Membru ieħor, u diġà eżegwita, għall-finijiet tal-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija totali li tinkludi l-piena stipulata minn dan l-Istat Membru l-ieħor.

    8. 

    Fl-aħħar, fl-opinjoni tiegħi, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tal-imsemmija deċiżjoni qafas, il-qorti nazzjonali għandha, jekk ikun il-każ, u taħt il-kundizzjonijiet u riżervi li dan it-test jesprimi, tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1), (3) u (5) ta’ din l-istess deċiżjoni qafas, moqri fid-dawl tal-premessi 8 u 9 tagħha.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A. Id-dritt tal-Unjoni

    9.

    Il-premessa 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 tindika li l-għan li jinżamm u jiġi żviluppat spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jeħtieġ li l-informazzjoni dwar kundanni imposti fl-Istati Membri tittieħed inkunsiderazzjoni barra mill-Istat Membru li jkun qed jagħti l-kundanna, kemm għall-prevenzjoni ta’ reati ġodda kif ukoll waqt proċeduri kriminali ġodda.

    10.

    Il-premessi 8 u 9 ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprovdu:

    “(8)

    Meta, waqt proċedimenti kriminali fi Stat Membru, tkun disponibbli informazzjoni dwar kundanna preċedenti fi Stat Membru ieħor, għandu jiġi evitat kemm jista’ jkun li l-persuna kkonċernata tiġi ttrattata b’mod anqas favorevoli milli kieku l-kundanna preċedenti kienet kundanna nazzjonali.

    (9)

    L-Artikolu 3(5) għandu jiġi interpretat, fost l-oħrajn bi qbil mal-premessa 8, b’mod li jekk il-qorti nazzjonali fil-proċedimenti kriminali l-ġodda, meta tikkunsidra sentenza imposta preċedentement mogħtija fi Stat Membru ieħor, hija ta’ l-opinjoni li l-għoti ta’ ċertu livell ta’ sentenza fil-limiti tad-dritt nazzjonali jkun sproporzjonatament aħrax mal-ħati, meta tikkonsidra ċ-ċirkostanzi tiegħu jew tagħha, u jekk l-iskop tal-punizzjoni jista’ jinkiseb b’sentenza aktar baxxa, hija tista’ tnaqqas il-livell tas-sentenza għaldaqstant, jekk l-għemil ta’ dan seta’ kien possibbli f’każijiet purament interni.”

    11.

    L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas jipprovdi kif ġej:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru “kundanna” tfisser kwalunkwe deċiżjoni finali ta’ qorti kriminali li tistabbilixxi ħtija ta’ reat kriminali.”

    12.

    Skont it-termini tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675:

    “1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li matul proċedimenti kriminali kontra persuna, kundanni preċedenti li ngħataw kontra l-istess persuna għal fatti differenti fi Stati Membri oħrajn, li fir-rigward tagħhom inkisbet informazzjoni taħt strumenti applikabbli għal għajnuna legali reċiproka jew għall-iskambju ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali, jittieħdu in konsiderazzjoni sal-livell li jittieħdu in konsiderazzjoni kundanni nazzjonali preċedenti, u li jiġu attribwiti lilhom effetti legali ekwivalenti bħal kundanni nazzjonali preċedenti, bi qbil mad-dritt nazzjonali.

    2.   Il-Paragrafu 1 għandu japplika fl-istadju ta’ qabel il-kawża, fl-istadju tal-kawża innifisha u fil-ħin ta’ l-eżekuzzjoni tal-kundanna, partikolarment fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura applikabbli, inklużi dawk relatati mad-detenzjoni proviżorja, id-definizzjoni tar-reat, it-tip u l-livell tas-sentenza, u r-regoli dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.

    3.   It-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni preċedenti mogħtija fi Stati Membri oħrajn, kif previst fil-paragrafu 1, m’għandux ikollu l-effett li jfixkel, jirrevoka jew jirrevedi kundanni preċedenti jew kwalunkwe deċiżjoni relatata ma’ l-eżekuzzjoni tagħhom mill-Istat Membru li jkun qed imexxi l-proċedimenti l-ġodda.

    4.   Skond il-paragrafu 3, il-paragrafu 1 m’għandux japplika sal-punt li, li kieku l-kundanna preċedenti kienet kundanna nazzjonali ta’ l-Istat Membru li jkun qed imexxi l-proċedimenti l-ġodda, it-teħid in konsiderazzjoni tal-kundanna preċedenti kien, skond id-dritt nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru, ikollu l-effett li jfixkel, jirrevoka jew jirrevedi l-kundanna preċedenti jew kwalunkwe deċiżjoni relatata ma’ l-eżekuzzjoni tagħha.

    5.   Jekk ir-reat li għalih il-proċedimenti ġodda jitwettqu ġie kommess qabel mal-kundanna preċedenti tkun ingħatat jew tkun ġiet eżegwita kompletament, il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx ikollhom l-effett li jobbligaw lill-Istati Membri biex japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar kif jiġu imposti s-sentenzi, fejn l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli għal kundanni barranin tillimita lill-imħallef fl-impożizzjoni ta’ sentenza fil-proċedimenti ġodda.

    Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li f’tali każijiet il-qrati tagħhom jistgħu b’xi mod ieħor jieħdu in konsiderazzjoni kundanni preċedenti mogħtija fi Stati Membri oħrajn.”

    B. Id-dritt Bulgaru

    13.

    Skont l-Artikolu 8(2) tan-Nakazatelen kodeks (kodiċi kriminali), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mis-27 ta’ Mejju 2011, kundanna imposta fi Stat Memrbu tal-Unjoni ieħor, li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, għal att li jikkostitwixxi reat konformement ma’ dan il-kodiċi, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni f’kull proċedura kriminali mressqa kontra l-istess persuna fil-Bulgarija.

    14.

    L-Artikolu 23(1) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li, jekk, bl-istess att, twettqu diversi reati jew jekk persuna waħda wettqet diversi reati distinti qabel ma ġiet ikkundannata għal wieħed minn dawn ir-reati b’deċiżjoni ta’ kundanna li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, il-qorti, wara li tistabbilixxi l-piena għal kull wieħed minn dawn ir-reati separatament, għandha timponi l-piena l-iktar ħarxa.

    15.

    Abbażi tal-Artikolu 25(1) u (2) tal-imsemmi kodiċi, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 japplikaw ukoll meta l-persuna tkun ġiet ikkundannata minn deċiżjonijiet ta’ kundanna distinti. Barra minn hekk, meta l-piena imposta f’waħda mill-kundanni tkun ġiet totalment jew parzjalment eżegwita, din għandha tiġi mnaqqsa jekk tkun tat-tip tal-piena totali għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena.

    16.

    L-Artikolu 24 tal-kodiċi kriminali jipprevedi wkoll li l-qorti tista’, meta l-pieni imposti jkunu tal-istess tip, kif inhuwa l-każ fil-kawża preżenti, iżżid il-piena totali b’nofs mingħajr ma taqbeż il-massimu doppju, jiġifieri, minn naħa l-massimu tal-pieni imposti għal kull wieħed mir-reati ta’ dan it-tip u, min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, il-massimu previst għall-piena l-iktar ħarxa minn dawn il-pieni.

    17.

    L-Artikolu 4(2) tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (kodiċi tal-proċedura kriminali), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fl-2010, jipprevedi li l-kundanna imposta minn qorti ta’ Stat ieħor u li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, u li ma hijiex rrikonoxxuta skont il-proċedura tal-leġiżlazzjoni Bulgara, ma hijiex suġġetta għall-eżekuzzjoni mill-awtoritajiet Bulgari. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jippreċiża li l-paragrafu 2 tiegħu ma japplikax meta konvenzjoni internazzjonali, li r-Repubblika tal-Bulgarija hija membru tagħha u li tkun ġiet irratifikata, ippubblikata u daħlet fis-seħħ, tkun tipprovdi mod ieħor.

    18.

    Fit-taqsima li tittratta r-rikonnoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ kundanna imposta minn qorti barranija, l-Artikolu 463 ta’ dan il-kodiċi jindika li kundanna li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata hija rrikonoxxuta u eżegwita mill-awtoritajiet Bulgari meta, abbażi tal-leġiżlazzjoni Bulgara, l-att li għalih issir it-talba jkun jikkostitwixxi reat u l-awtur ikun kriminalment responsabbli għalih, meta l-kundanna tkun imposta fl-osservanza sħiħa tal-prinċipji stabbiliti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-protokolli relattivi għaliha li hija parti minnhom ir-Repubblika tal-Bulgarija, meta l-awtur ma jkunx ġie kkundannat għal reat li huwa kkunsidrat bħala reat politiku jew għal reat marbut ma’ tali reat, jew għal reat tal-gwerra, meta r-Repubblika tal-Bulgarija ma tkunx irrikonoxxiet tali kundanna imposta minn qorti barranija fir-rigward tal-istess awtur u għall-istess reat u meta l-kundanna ma tkunx kuntrarja għall-prinċipji fundamentali tad-dritt kriminali u tal-proċedura kriminali Bulgara.

    19.

    L-Artikolu 466(1) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi li d-deċiżjoni li permezz tagħha hija rrikonoxxuta kundanna imposta minn qorti barranija għandha l-effett ta’ kundanna imposta minn qorti Bulgara.

    II. Il-kuntest fattwali

    20.

    Permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fit-13 ta’ Diċembru 2010 mil-Landesgericht Klagenfurt (qorti reġjonali ta’ Klagenfurt, l-Awstrija), Trayan Beshkov, ta’ nazzjonalità Bulgara, kien ġie kkundannat, minħabba reati ta’ riċettazzjoni mwettqa fit-territorju Awstrijak fl-14 ta’ Novembru 2010, għal piena ta’ priġunerija ta’ 18-il xahar, fejn sitt xhur minnhom kienu priġunerija immedjata u tnax-il xahar sospiżi, flimkien ma’ perijodu ta’ probation ta’ tliet snin.

    21.

    Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-parti mill-piena ta’ priġunerija ta’ sitt xhur priġunerija immedjata ġiet eżegwita bejn it-13 ta’ Diċembru 2010 sal-14 ta’ Mejju 2011, wara t-tnaqqis tal-perijodu li fih T. Beshkov kien taħt detenzjoni preventiva. Mill-14 ta’ Mejju 2011, il-perijodu ta’ probation ta’ tliet snin beda jiddekorri.

    22.

    Permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fid-29 ta’ April 2013 mis-Sofiyski Rayonen sad (qorti distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), T. Beshkov ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ sena minħabba li wettaq, fid-19 ta’ Novembru 2008, f’Sofija, xi reati kklassifikati bħala offiżi fuq il-persuna ħfief li jikkawża dannu għas-saħħa u minħabba raġunijiet ta’ ħuliganiżmu.

    23.

    Peress li T. Beshkov huwa mfittex mill-awtoritajiet Bulgari, din il-piena għadha ma ġietx eżegwita.

    24.

    Fl-14 ta’ Mejju 2015, is-Sofiyski Rayonen sad (qorti distrettwali ta’ Sofija) irċeviet domanda magħmula minn T. Beshkov, u mibgħuta mir-rappreżentant legali tiegħu, li permezz tagħha talab l-applikazzjoni tal-Artikolu 23(1) u tal-Artikolu 25(1) tal-Kodiċi Kriminali. B’hekk, huwa jixtieq li, għall-iskopijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena imposta mid-deċiżjoni tad-29 ta’ April 2013, tiġi imposta fuqu piena ta’ priġunerija totali unika li tikkorrispondi għall-piena l-iktar ħarxa mill-pieni imposti mill-qorti Awstrijaka u minn dik Bulgara.

    25.

    Peress li waħda mill-pieni imposti saret minn qorti barranija, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk hija għandhiex b’mod preliminari tirrikonoxxi d-deċiżjoni tal-qorti Awstrijaka jew jekk, fuq il-bażi tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, hija tistax jew għandhiex tilqa’ t-talba ta’ T. Beshkov.

    III. Fuq id-domandi preliminari

    26.

    Minħabba li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dritt tal-Unjoni, is-Sofiyski Rayonen sad (qorti distrettwali ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1.

    kif għandha tiġi interpretata l-espressjoni “proċedimenti kriminali ġodda” użata fid-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2008/675/GAI, dwar it-teħid inkonsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda, u din l-espressjoni għandha tkun neċessarjament marbuta ma’ konstatazzjoni ta’ ħtija fir-rigward ta’ reat imwettaq jew tista’ tkun marbuta ma’ proċeduri li fihom, taħt id-dritt nazzjonali tat-tieni Stat Membru, il-piena imposta f’kundanna preċedenti għandha tassorbi sanzjoni oħra jew għandha tkun inkluża fiha jew għandha tiġi infurzata b’mod separat?

    2.

    L-Artikolu 3(1), moqri flimkien mal-premessa 13, tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2008/675/GAI, dwar it-teħid inkonsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu li proċeduri li fihom għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kundanna preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor ma jistgħux jitressqu mill-persuna kkundannata iżda jistgħu jitressqu biss mill-Istat Membru li fih ingħatat il-kundanna preċedenti jew mill-Istat Membru li fih ikunu qegħdin jiżvolġu l-proċeduri kriminali ġodda?

    3.

    L-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2008/675/GAI, dwar it-teħid inkonsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru li fih ikunu qegħdin jiżvolġu l-proċeduri kriminali ġodda ma jistax jibdel il-metodu ta’ eżekuzzjoni tal-piena imposta mill-Istat Membru fejn ingħatat l-ewwel kundanna, inkluż fil-każ li, taħt id-dritt nazzjonali tat-tieni Stat Membru, il-piena imposta mill-kundanna preċedenti għandha tassorbi sanzjoni oħra jew għandha tkun inkluża fiha jew għandha tiġi infurzata b’mod separat?”

    IV. L-analiżi tiegħi

    27.

    Anki jekk ma tipprovdihiex formalment fid-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tressaq il-kwistjoni ta’ jekk id-deċiżjoni mogħtija mil-Landesgericht Klagenfurt (qorti reġjonali ta’ Klagenfurt) għandhiex tiġi b’mod preliminari rrikonoxxuta bħala deċiżjoni barranija skont il-proċess speċifiku previst mill-Artikolu 463 tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (kodiċi tal-proċedura kriminali).

    28.

    In-natura essenzjali ta’ din il-kwistjoni ser twassalna sabiex indaħħluha fir-raġunament tagħna fil-kuntest tal-prattika klassika tar-riformulazzjoni.

    29.

    Jidhirli li risposta negattiva timponi ruħha b’mod evidenti.

    30.

    Fil-fatt, fir-Repubblika tal-Awstrija, bħal fir-Repubblika tal-Bulgarija, li huma membri tal-ispazju tal-libertà, sigurtà u ġustizzja, huwa l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li għandu jiġi applikat fil-kuntest tal-moviment u tal-applikazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f’dan l-ispazju u skont ir-regoli li jirriżultaw mill-istrumenti leġiżlattivi fis-seħħ kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza mnedija fis-sentenza tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge ( 3 ), ir-rikonoxximent reċiproku għandu bħala effett li l-qorti ta’ Stat Membru għandha tilqa’ d-deċiżjoni ġudizzjarja ta’ Stat Membru ieħor bħalma kieku kienet tagħha stess, anki kieku d-dritt nazzjonali kien iwassalha għal soluzzjoni differenti.

    31.

    Fir-rigward tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, li hija stess tirreferi, fil-premessa 2 tagħha, għar-rikonoxximent reċiproku, għandu jiġi kkonstatat li tali rikonoxximent minn qabel ikun kuntrarju mhux biss għat-test stess ta’ din id-deċiżjoni qafas, li ma timponi bl-ebda mod tali formalità, iżda wkoll għall-prinċipji mfakkra fil-punt preċedenti.

    32.

    Premess dan kollu, għandna niġu lura għad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża u li jirrigwardaw wieħed mill-oqsma l-iktar tekniċi, b’hekk, fost l-iktar ikkomplikati, tad-dritt kriminali u tal-proċedura kriminali, jiġifieri dak tad-dritt tal-piena.

    33.

    B’mod iktar preċiż, il-problemi li tqajmu mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 li tipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni, mill-qrati nazzjonali ta’ Stat Membru, tad-deċiżjonijiet kriminali imposti minn Stat Membru ieħor.

    34.

    Dan l-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni huwa wieħed mill-konsegwenzi diretti tal-eżistenza tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li l-Unjoni toffri liċ-ċittadini tagħha.

    35.

    It-twettiq konkret ta’ dan l-ispazju jissoponi li l-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki nazzjonali jistgħu jingħaqdu b’mod tali li ma joħolqux inkompatibbiltajiet li jfixklu mhux biss lis-sitwazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku, iżda wkoll dik tal-kooperazzjoni ġudizzjarja sempliċi u ta’ kuljum. Fil-każ kuntrarju, jirriżultaw kemm spazji territorjali li fihom id-delinkwenti jiġu żgurati li jsibu kenn, peress li jkunu protetti minn talbiet għal arrest jew ta’ eżekuzzjoni ta’ pieni imposti legalment fi Stati Membri oħra, kemm sitwazzjonijiet identiċi li jiġu ttrattati b’mod differenti skont jekk il-ksur twettaq f’naħa jew oħra ta’ xmara li tifforma waħda minn dawn il-fruntieri li l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għandu ġustament bħala prinċipju li jabolixxi ( 4 ).

    36.

    Fil-fatt, il-kunċett stess ta’ spazju uniku fil-qasam kriminali għandu jieħu inkunsiderazzjoni r-realtà tal-aġir tad-delinkwenti u tar-regoli komuni applikati mill-qrati nazzjonali, li jikkostitwixxu l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-piena.

    37.

    Id-delinkwenti jiċċaqilqu fl-ispazju uniku bħalma ċ-ċittadini onesti jiċċaqilqu fit-territorju tal-Istati Membri. F’dawn tal-aħħar, bħal fl-Unjoni, dawn jistgħu jwettqu atti iżolati jew serje ta’ atti. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tittratta b’mod differenti lil dawk tal-ewwel meta mqabbla ma’ dawk tat-tieni. L-atti mwettqa f’serje jaqgħu b’mod ġenerali taħt kemm l-ipoteżi tar-reċidiva, kemm tar-ripetizzjoni ta’ reati u kemm tal-ipoteżi msejħa tal-“konkorrenza reali ta’ reati”.

    38.

    Ir-reċidiva tkun stabbilita legalment meta, wara li kundanna kriminali ssir definittiva – u iktar u iktar eżegwita –, id-delinkwent iwettaq mill-ġdid reat identiku għal dak preċedenti jew ikklassifikat bħala tali mil-liġi.

    39.

    Ir-ripetizzjoni ta’ reati hija paragunabbli ma’ dik ta’ qabel, bid-differenza essenzjali li, f’din it-tieni ipoteżi, ir-reat jew reati li jsegwu kundanna inizjali ma jkunux ta’ natura ta’ somiljanza bħal dik indikata fil-punt preċedenti.

    40.

    Il-konkorrenza reali ta’ reati, mill-banda l-oħra, hija kkostitwita minn reati mwettqa kollha mingħajr ma l-fatti ta’ delitt imwettqa kienu sseparati fiż-żmien minn kundanna definittiva.

    41.

    Ir-reċidiva twassal għal żieda fil-massimu tal-piena imposta għar-reat sussegwenti. Jiżdiedu magħha l-possibbiltà tar-revoka tas-sospensjoni ta’ sentenzi preċedenti kif ukoll, eventwalment, l-impossibbiltà li jkun hemm il-benefiċċju ta’ ċerti tipi ta’ miżuri favorevoli bħas-sospensjoni sempliċi. Din is-severità tispjega ruħha mill-kunsiderazzjoni li, permezz tal-ewwel kundanna, id-delinkwent, tal-inqas, irrealizza li l-kastig għall-att kriminali kienet realtà, u li dan seta’ jkun spjaċevoli għalih u li, peress li din kienet l-ewwel darba, huwa seta’ bbenefika minn miżura ta’ klemenza jew minn taħriġ li kien għalih ċans sabiex jirriforma ruħu u jsegwi issa l-mod legali. Minn din il-perspettiva, ir-reċidiva turi insistenza fid-delinkwenza peress li huwa l-istess reat sussegwentement imwettaq b’mod iterattiv u għaldaqstant jiġġustifika reazzjoni soċjali iktar b’saħħitha.

    42.

    Ir-ripetizzjoni ta’ reati tfisser grad inqas ta’ insistenza f’tip ta’ delinkwenza partikolari. Għaldaqstant ma twassalx għal żieda tal-massimu tal-piena applikabbli għar-reati sussegwenti iżda tiġġustifika madankollu żieda fis-severità tar-repressjoni bir-revoka eventwali ta’ sospensjonijiet preċedenti u l-possibbiltà li wieħed jiċċaħħad minnhom fil-futur.

    43.

    Fil-każ tal-konkorrenza reali ta’ reati, is-sitwazzjoni hija differenti. It-twissija li ffavorixxiet ir-realizzazzjoni kkostitwita mill-ewwel kundanna ma seħħitx. Għaldaqstant, il-multiplikazzjoni tar-reati ma tistax tingħata s-sinjifikat mogħti iktar ’il fuq u r-reazzjoni soċjali ma tistax, konsegwentement, tieħu l-istess forma.

    44.

    Minħabba dan, il-qorti tinsab fil-preżenza ta’ pluralità ta’ reati li għalihom huma teoretikament applikabbli pieni distinti daqs kemm hemm reati mwettqa. Is-sitwazzjoni konkreta li tinsab quddiemha jista’ jkollha żewġ aspetti: jew ir-reati mwettqa kollha jinġabru fi proċedura unika, jew ikunu s-suġġett ta’ proċeduri distinti; fl-ewwel każ, il-problema tiġi ttrattata f’deċiżjoni ta’ kundanna waħda; fit-tieni każ, ikun meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk għandhomx jingħaddu d-diversi pieni imposti jew le u, għaldaqstant, jiġi ddeterminat kif il-qorti li ser tiddeċiedi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-pieni tkun tista’ jew ikollha tgħaqqad id-deċiżjoni tagħha ma’ dawk li tkun tat qorti oħra.

    45.

    Dawn il-qrati l-“oħra” huma lkoll mill-istess Stat Membru jew, tal-inqas parzjalment, minn Stati Membri differenti. Hija preċiżament din il-problema fil-kawża pinċipali. Fortunatament, din il-problema delikata ssib diġà linja ta’ kondotta fl-eżistenza ta’ prinċipji ġenerali li jaqgħu taħt id-dritt tal-piena.

    46.

    L-eżekuzzjoni tal-piena fiha nnifisha ma tistax, effettivament, tiġi ridotta għal sempliċi operazzjoni ta’ kalkolu tan-numru ta’ ġranet ta’ priġunerija. Barra l-kwistjonijiet ta’ dinjità marbuta mal-kundizzjonijiet materjali ta’ detenzjoni, l-eżekuzzjoni ta’ sanzjoni kriminali għandha wkoll tissodisfa lir-rekwiżiti tal-funzjoni li piena għandha tissodisfa.

    47.

    Infakkar li l-funzjoni tal-piena, minkejja li ma hijiex espressa bħala tali la fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u lanqas fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, iġġorr madankollu valur espressiv tal-ħolqien kemm tar-rapporti umani f’soċjetà u kemm tal-kapaċità tal-bniedem li jikkoreġi ruħu u sabiex jintegra ruħu mill-ġdid.

    48.

    Primittivament mifhuma bħala vendetta, il-piena evolviet lejn sanzjoni inizjalment esperjenzata bħala retribuzzjoni, wara bħala kumpens, u fl-aħħar, it-tifsira moderna tagħha, bħala li għandha tippermetti l-integrazzjoni mill-ġdid tal-kundannat fis-soċjetà. Ir-reċidiva tal-atti kriminali immedjatament tressaq il-kwistjoni tal-prevenzjoni tagħha. Malajr ħafna, irriżulta li t-tneħħija tad-delinkwent li tikkostitwixxi l-piena tal-priġunerija, minkejja li hija inevitabbli f’ċertu numru ta’ każijiet, mhux talli ma tevitax ir-reċidiva, talli tista’, għall-kuntrarju, tiffavorixxiha. B’hekk, żviluppat il-funzjoni tal-integrazzjoni mill-ġdid tal-piena li tintrabat, fil-fażi tal-eżekuzzjoni tagħha, mal-prinċipju fundamentali tal-individwalizzazzjoni tagħha.

    49.

    Fl-ipoteżi, bħalma hija tagħna, ta’ konkorrenza reali ta’ reati, huwa preċiżament il-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni li jinsab fil-qalba tas-suġġett. L-għadd matematiku tal-pieni imposti kollha għall-atti mwettqa matul perijodu ta’ żmien li fih l-ebda twissija u lanqas teħid ta’ responsabbiltà ma seħħew jista’ normalment jidher sproporzjonat fil-konfront tal-personalità tad-delinkwent u taċ-ċirkustanzi tat-twettiq tal-atti u għaldaqstant inġusta. Meta tkun inġusta, il-piena twassal b’mod iktar żgur għall-irvell, u għaldaqstant għar-reċidiva, iktar milli għal bidla. Minn dan hija ġġustifikata s-setgħa mogħtija lill-qorti, fil-qasam tagħha tal-evalwazzjoni tal-individwalizzazzjoni neċessarja, u skont il-limiti imposti mil-liġi, li tgħaqqad flimkien bl-aħjar mod is-sanzjonijiet li japplikaw għar-reati mwettqa matul dan il-perijodu tal-ħajja ta’ delinkwent.

    50.

    Dawn is-sanzjonijiet jistgħu jkunu ta’ varjetà kbira, fejn uħud jikkonsistu, pereżempju, f’perijodi qosra iżda definittivi, u oħrajn li huma itwal iżda huma suġġetti għas-sospensjoni sempliċi jew probation, eċċ., u dan jissoponi li l-qorti tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni li tippermettilha tadatta għall-gravità tal-atti, għaċ-ċirkustanzi li fihom twettqu u għall-personalità tad-delinkwent, b’mod partikolari għall-età tiegħu, is-soluzzjoni li tkun ser tagħżel.

    51.

    Barra minn hekk, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni u l-possibbiltà li jingħaqdu flimkien id-deċiżjonijiet mogħtija minn qrati li jinsabu f’diversi Stati Membri, il-partikolaritajiet li jistgħu jeżistu fil-leġiżlazzjonijiet rispettivament applikati għandhom ukoll jiġu osservati, sa fejn dawn ma jdaħħlux inkwistjoni l-unità, l-effettività u s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

    52.

    Id-Deċiżjoni Qafas 2008/675 tistabbilixxi preċiżament dan il-prinċipju.

    53.

    Fil-premessi 4 u 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas, huwa espost b’mod ċar li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li ma jattribwixxux effetti ħlief għall-kundanni imposti esklużivament mill-qrati nazzjonali għandhom jitwarrbu mill-qorti. Il-premessa 5 tal-imsemmija deċiżjoni qafas timponi, effettivament, fuq il-qrati tal-Istati Membri sabiex jattribwixxu għall-kundanni imposti fil-qrati tal-Unjoni l-oħra, l-effetti li d-dritt nazzjonali jattribwixxi lil dawk imposti mill-qrati nazzjonali.

    54.

    Dan ir-rekwiżit huwa marbut b’mod ċar mar-realizzazzjoni tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u, b’hekk, mar-rikonoxximent reċiproku li mhux biss jimponi t-teħid inkunsiderazzjoni tad-deċiżjoni barranija, iżda wkoll l-osservanza tagħha.

    55.

    Għaldaqstant, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni barranija preċedenti, il-qorti li qed tiddeċiedi wara din ma tistax temendaha la f’sens u lanqas f’ieħor. Dan ifisser b’mod ċar li, sabiex tapplika d-deċiżjoni tagħha stess, il-qorti li qed tiddeċiedi tal-aħħar la tista’ żżid il-piena preċedenti, la tista’ tnaqqasha, u lanqas tista’ tirrevoka s-sospensjoni possibbilment marbuta magħha. L-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jistabbilixxi dan il-prinċipju.

    56.

    Jeħtieġ sempliċement li l-qorti nazzjonali adita tal-aħħar tagħti lil din id-deċiżjoni l-effetti li huma attribwiti lil deċiżjoni nazzjonali preċedenti.

    57.

    Fid-dawl ta’ dan, għandhom jiġu eżaminati b’mod iktar preċiż id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    58.

    F’dan ir-rigward, ir-risposti li għandhom jingħataw lill-ewwel u lit-tieni domanda ma jidhirlix li jippreżentaw xi diffikultajiet.

    59.

    Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel domanda, il-proċedura hija mingħajr ebda dubju, fl-opinjoni tiegħi, proċedura ta’ natura kriminali, minħabba s-suġġett li hija tikkonċerna, jiġifieri l-eżekuzzjoni tal-piena. Proċedura tista’ tkun kriminali mingħajr ma din tkun intiża għal proċeduri ġodda. Din hija, hawnhekk, kwistjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena, proċedura li għandha tinvolvi t-teknika u l-prinċipji tad-dritt kriminali u l-iskop partikolari tiegħu, li għaldaqstant hija parti mill-awtonomija tiegħu. Barra minn hekk, kieku l-leġiżlatur kien ried jirreżerva l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għall-proċeduri kriminali biss, kien ċertament juża t-terminu preċiż ta’ “proċeduri kriminali” u mhux dak ġenerali ta’ “proċedimenti”.

    60.

    F’dan ir-rigward, ninnota, li l-kunċett ta’ “proċedimenti kriminali” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI ( 5 ) bħala li “tfisser l-istadju qabel il-proċess kriminali, l-istadju tal-proċess nnifsu u l-eżekuzzjoni tal-kundanna”. Din id-deċiżjoni qafas u d-Deċiżjoni Qafas 2008/675 huma marbuta intimament flimkien, sa fejn tal-ewwel hija intiża sabiex tiffaċilità l-iskambju ta’ informazzjoni relattiva għall-fedina penali ta’ persuna kkundannata fi Stat Membru u t-tieni tippermetti, għaldaqstant, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundanna jew il-kundanni hekk żvelati. Mill-bqija, nirrileva li, diversi drabi, it-test tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jagħmel riferiment espliċitu għall-eżekuzzjoni tas-sanzjoni, fatt li jidhirli li jagħlaq id-dibattitu ( 6 ).

    61.

    Fir-rigward tat-tieni domanda, sa fejn l-imsemmija deċiżjoni qafas tirreferi għall-eżekuzzjoni u għall-individwalizzazzjoni tas-sanzjoni, jidhirli li dan il-prinċipju tal-aħħar huwa evidentement ippromulgat kemm fl-interess tas-soċjetà kif ukoll ta’ dak tal-ikkundannat, li huwa suffiċjenti sabiex dan ikun jista’ jinvoka r-regoli nazzjonali li jipprevedu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundanna preċedenti imposta fi Stat Membru ieħor. Jekk il-piena għandha l-funzjoni ta’ integrazzjoni mill-ġdid li semmejt qabel, huwa evidenti li ż-żewġt interessi jingħaqdu, dak tad-delinkwent li jieħu t-triq it-tajba u dak tas-soċjetà li tgħodd delinkwent inqas.

    62.

    Barra minn hekk, li jiġi rrikonoxxut lilu dan id-dritt ma jkun xejn iktar milli jiġi applikat il-prinċipju ta’ dritt għall-qorti, speċjalment peress li d-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar tista’ tirriżulta f’individwalizzazzjoni aħjar tal-piena.

    63.

    Mill-bqija, hekk kif tippreċiża l-qorti tar-rinviju, il-liġi nazzjonali Bulgara tipprevedi espliċitament id-dritt, għall-ikkundannat, li jibda proċedura quddiem il-qrati, bl-għan tal-iffissar ta’ piena totali li tikkorrispondi għall-iktar ħarxa mill-pieni imposti, meta l-kundanni jkunu ġew ilkoll imposti minn qrati nazzjonali. Ir-rifjut ta’ dan id-dritt lil persuna kkundannata b’piena imposta minn qorti ta’ Stat Membru jneħħi kull effett utli tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 sa fejn l-inizjattiva tkun taqa’ biss fuq il-prosekutur pubbliku li mhux bilfors ikollu konoxxenza tal-kundanni barranin preċedenti, li kien barra minn hekk il-każ fil-kawża preżenti, u n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tiegħu jċaħħad lill-persuna kkundannata minn kull possibbiltà li tingħata piena totali. Barra minn hekk, minn dan jirriżulta, fi ħdan l-ispjazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, f’diskriminazzjoni bejn l-individwi li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli.

    64.

    Abbażi ta’ dan, in-natura esklużiva tal-prosekutur pubbliku ssib is-sors tagħha, fid-dritt nazzjonali, fil-fatt li l-kundanna barranija għandha tkun is-suġġett ta’ rikonoxximent b’mod preliminari. Kif enfasizzajt iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jimponi r-rikonoxximent tal-kundanna preċedenti imposta fi Stat Membru ieħor mingħajr l-ebda formalità oħra u, b’mod partikolari, mingħajr ma tinbeda proċedura ta’ rikonoxximent preliminari, kif tissuġerixxi l-qorti tar-rinviju.

    65.

    Fl-aħħar, il-prinċipju ta’ ekwivalenza, li huwa wkoll l-ispirazzjoni tal-filosofija tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jkun, b’hekk, injorat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li d-dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi din id-differenza fit-trattament għandha għaldaqstant tiġi purament u sempliċement mwarrba.

    66.

    It-tielet domanda hija iktar problematika. Liema huma s-soluzzjonijiet li huma applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali? Infakkar li, bħala definizzjoni, la ninsabu fl-ipoteżi ta’ reċidiva u lanqas f’dik ta’ proċedura unika.

    67.

    Fl-ewwel lok, il-kumulu matematiku waħdu ma jistax jintlaqa’ bħala soluzzjoni aċċettabbli għar-raġunijiet u l-prinċipji ġenerali spjegati iktar ’il fuq. Id-Deċiżjoni Qafas 2008/675, innifisha, fil-premessa 9 tagħha, tirrikonoxxi għall-qorti adita t-tieni l-libertà li ma tapplikax, permezz tal-effett awtomatiku tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-deċiżjoni preċedenti, sanzjoni li tkun sproporzjonata jekk, billi tissanzjona b’mod inqas sever, tibqa’ konsistenti mal-iskop tal-piena.

    68.

    Fit-tieni lok, il-qorti tista’ takkumula l-pieni imposti fil-limitu tal-massimu impost għar-reati l-iktar gravi mwettqa.

    69.

    Fit-tielet lok, hija tista’ tqis li l-ewwel piena imposta hija suffiċjenti u timponi piena tal-istess natura u tal-istess ammont billi tippreċiża li ser tikkoinċidi ma’ dik preċedentement imposta. Jekk din il-piena, minkejja li ġiet imposta, għadha ma ġietx eżegwita, ikun neċessarju, għaldaqstant, li t-tieni qorti adita tibda djalogu mal-qorti barranija sabiex tikseb l-assigurazzjoni tal-eżekuzzjoni mill-qorti barranija tal-piena preċedentement imposta jew ukoll sabiex titlob li l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena tiġi fdata lilha, deċiżjoni li jkollha sseħħ fil-kuntest tar-regoli stabbiliti, din id-darba, mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI ( 7 ).

    70.

    Fiż-żewġt każijiet, l-integrità tad-deċiżjoni barranija tiġi rrispettata, kif tiġi ppreżervata wkoll is-sovranità tal-qorti li tat is-sentenza.

    71.

    Ma’ dawn l-ipoteżijiet klassiċi u mifruxin ħafna fl-Unjoni, jiżdiedu oħrajn, li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

    72.

    Minn dak li qed nifhem minn dak li ġie espost mill-qorti tar-rinviju, dan huwa l-każ fid-dritt Bulgaru.

    73.

    F’dan ir-rigward, jista’ biss jiddispjaċini li la l-Gvern Bulgaru, u barra minn hekk, l-ebda Gvern ieħor, ma qies li kien utli li jattendi għas-seduta, li wasslet lill-Qorti sabiex tħassar dak li kienet madankollu pprevediet inizjalment. Għaldaqstant, huwa mingħajr ma stajt nippreċiża d-dettalji importanti, u mingħajr l-benefiċċju tal-analiżi tal-Istati Membri li l-qrati tagħhom ikollhom ta’ kuljum dan it-tip ta’ problemi, li ser niżviluppa, suġġett għal din ir-riżerva, ir-raġunament tiegħi.

    74.

    Fil-fatt, jidhirli li, fis-sitwazzjoni deskritta mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippreżenta l-karatteristiċi li ġejjin:

    Timponi fuq il-qorti sabiex timponi piena totali, normalment il-piena l-iktar ħarxa fost iż-żewġ pieni imposti possibbilment emendata, li tinkludi f’dan is-sens aggravazzjoni fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Kriminali;

    Fir-rigward tad-dritt nazzjonali Bulgaru, il-piena l-iktar ħarxa li tista’ tikkostitwixxi l-piena totali hija l-piena ta’ tmintax-il xahar priġunerija, li fosthom tnax huma sospiżi, imposta mil-Landesgericht Klagenfurt (qorti reġjonali ta’ Klagenfurt); u

    Tipprojbixxi lill-qorti milli tieħu inkunsiderazzjoni piena sospiża, peress li l-liġi nazzjonali tipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ tali miżura fil-preżenza ta’ anteċedenti barra d-deċiżjoni tal-Landesgericht Klagenfurt (qorti reġjonali ta’ Klagenfurt), ta’ T. Beshkov.

    75.

    Minn dan nasal għall-konsegwenzi li ġejjin: it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kundanna Awstrijaka bl-iskop tal-eżekuzzjoni tal-piena Bulgara jkollu bħala effett, fiċ-ċirkustanzi deskritti iktar ’il fuq, li temenda l-metodu tal-eżekuzzjoni tal-piena Awstrijaka li l-qorti Bulgara jkollha, pereżempju, tittrasforma f’piena definittiva fil-kuntest tal-iffissar ta’ piena globali ( 8 ).

    76.

    Issa, id-Deċiżjoni Qafas 2008/675/ĠAI tipprojbixxi preċiżament li tiġi emendata d-deċiżjoni barranija fil-kuntest tas-sempliċi teħid inkunsiderazzjoni tagħha, kif tippreċiża wkoll ir-regola stabbilita fl-Artikolu 3(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li tippreċiża li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundanna preċedenti barranija ma jistax ikollha bħala effett l-eżami mill-ġdid tagħha, li jkun il-każ jekk jiġu applikati r-regoli nazzjonali Bulgari.

    77.

    Din il-konstatazzjoni twassal sabiex jiġi deċiż li l-qorti nazzjonali Bulgara ma tistax tipproċedi għall-konfużjoni tal-pieni skont ir-regoli tad-dritt intern tagħha. Effettivament, din id-deċiżjoni qafas hija rregolata mill-prinċipju ta’ ekwivalenza ( 9 ). Konformement ma’ dan il-prinċipju, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundanni preċedenti imposti minn qorti ta’ Stat Membru ieħor ma huwiex obbligatorju għall-qorti nazzjonali adita fl-okkażjoni ta’ proċeduri kriminali ġodda, ħlief sa fejn dan it-teħid inkunsiderazzjoni huwa possibbli f’sitwazzjoni purament nazzjonali.

    78.

    Għaldaqstant, nasal għall-konklużjoni, li l-qorti Bulgara ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni ta’ kundanna imposta mil-Landesgericht Klagenfurt (qorti reġjonali ta’ Klagenfurt).

    79.

    Għaldaqstant, l-ebda konfużjoni ma hija possibbli skont l-analiżi tiegħi, peress li din il-kwistjoni tippreżenta ruħha biss bejn żewġt deċiżjonijiet ta’ kundanna li waħda minnhom ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni.

    80.

    B’mod konkret, minn dan jirriżulta li T. Beshkov ikollu fir-realtà jsoffri t-tnax-il xhar ta’ priġunerija definittiva imposti fil-Bulgarija, li magħhom jiżdiedu s-sitt xhur diġà eżegwiti fl-Awstrija. Din is-sitwazzjoni tista’ tidher ħarxa b’mod eżaġerat għall-qorti Bulgara.

    81.

    Għaldaqstant, jekk tieħu inkunsiderazzjoni l-funzjoni tal-piena li fakkarna preċedentement, il-qorti nazzjonali tkun tista’ tuża l-possibbiltà li toffrilha d-Deċiżjoni Qafas 2008/675 li tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-piena permezz tal-użu ta’ approċċ marbuta mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    82.

    Fil-fatt, mill-Artikolu 3(5) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jrid jiġi interpretat fid-dawl tal-premessi 8 u 9 tagħha, jirriżulta li, jekk l-impossibbiltà, għall-qorti nazzjonali, li tapplika r-regoli tagħha – li huwa l-każ fil-kawża preżenti – tobbligaha li tieħu deċiżjoni eċċessiva – li jidher li jirriżulta mid-domanda magħmula –, ikun għaldaqstant permessibbli għaliha li timponi piena inqas ħarxa jekk jidhrilha li ċ-ċirkustanzi li fihom twettaq ir-reat jippermettulha dan u li l-iskop tal-piena jibqa’ ggarantit.

    83.

    L-ipoteżijiet u s-soluzzjonijiet konkreti previsti iktar ’il fuq, qegħdin hemm biss bħala eżempju tar-raġunament tiegħi, peress li, fi kwalunkwe każ, hija biss l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-piena Bulgara, konformement mad-dritt nazzjonali tagħha u fid-dawl tar-regoli previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2008/675.

    V. Konklużjoni

    84.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula mis-Sofiyski rayonen sad (qorti distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) ikunu kif ġej:

    1)

    Għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tagħha fil-każ ta’ proċeduri kriminali ġodda fi Stat Membru skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2008/675/ĠAI, tal-24 ta’ Lulju 2008, dwar it-teħid inkonsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda, ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li ġejja minn Stat Membru ieħor tal-ispazju tal-libertà, sigurtà u ġustizzja ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta b’mod preliminari skont proċedura speċjali, kif previst min-Nakazatelno-protsesualen kodeks (kodiċi ta’ proċedura kriminali Bulgaru).

    2)

    L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    tikkostitwixxi proċedura kriminali, proċedura li għandha bħala suġġett l-eżekuzzjoni ta’ piena imposta minn qorti ta’ Stat Membru li għaliha għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kundanna preċedenti imposta minn qorti ta’ Stat Membru ieħor;

    it-talba għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundanna preċedenti imposta mill-qorti ta’ Stat Membru ieħor tista’ issir direttament mill-persuna kkundannata.

    3)

    L-Artikolu 3(1) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li qorti nazzjonali teżamina mill-ġdid, fil-każ ta’ proċeduri kriminali ġodda, il-piena imposta mill-qorti ta’ Stat Membru ieħor, u diġà eżegwita, għall-finijiet tal-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija totali li tinkludi l-piena imposta minn dan l-Istat Membru l-ieħor.

    4)

    Sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, il-qorti nazzjonali għandha, jekk ikun il-każ, u taħt il-kundizzjonijiet u r-riżervi li dan it-test jesprimi, tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) (3) u (5) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li għandhom jinqraw fid-dawl tal-premessi 8 u 9 tagħha.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU 2008, L 220, p. 32.

    ( 3 ) C-187/01 u C-385/01, EU:C:2003:87.

    ( 4 ) Pascal, B., “Verità fuq naħa tal-Pirinej, żball fuq in-naħa l-oħra, ġustizzja stramba ddelimitata minn xmara”, Pensées, 1970.

    ( 5 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (ĠU 2009, L 93, p. 23).

    ( 6 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

    ( 7 ) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 27).

    ( 8 ) Hawn infakkar ir-riżervi tiegħi esposti fil-punt 71.

    ( 9 ) Ara l-premessi 5 sa 7 ta’ din id-deċiżjoni qafas.

    Top