EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0078

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fit-12 ta’ Mejju 2016.
Giovanni Pesce et vs Presidenza del Consiglio dei Ministri -et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni sanitarja tal-pjanti – Direttiva 2000/29/KE – Protezzjoni kontra l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni Ewropea ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għal prodotti tal-pjanti – Deċiżjoni ta’ implementazzjoni (UE) 2015/789 – Miżuri intiżi li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tax-Xylella fastidiosa (Wells et Raju) – Artikolu 6(2)(a) – Obbligu tat-tneħħija minnufih tal-pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, f’raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati – Validità – L-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29 – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Prinċipju ta’ prekawzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għal kumpens”.
Kawżi magħquda C-78/16 u C-79/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:340

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-12 ta’ Mejju 2016 ( 1 )

Kawżi Magħquda C‑78/16 u C‑79/16

Giovanni Pesce et (C‑78/16),

Cesare Serinelli et (C‑79/16)

vs

Presidenza del Consiglio dei Ministri (C‑79/16),

Presidenza del Consiglio dei Ministri – Dipartimento della Protezione Civile,

Commissario Delegato per Fronteggiare il Rischio Fitosanitario connesso alla Diffusione della Xylella nel Territorio della Regione Puglia,

Ministero delle Politiche Agricole Alimentari e Forestali,

Regione Puglia

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali għal-Lazio, l-Italja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2000/29/KE — Protezzjoni sanitarja tal-pjanti kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Unjoni Ewropea ta’ organiżmi ta’ ħsara — Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789/UE intiża biex tipprevjeni l-introduzzjoni u t-tixrid ta’ Xylella fastidiosa — Tneħħija tal-pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom — Proporzjonalità — Dritt għal kumpens”

I – Introduzzjoni

1.

Xylella fastidiosa hija batterju fitopatoġenu li jattakka l-vażi silematiċi ( 2 ) ta’ diversi pjanti kkoltivati jew selvaġġi, fejn dan jista’ jwassal għall-mewt minħabba nxif ( 3 ).

2.

Endemiku fl-Amerka ta’ Fuq u ta’ Isfel ( 4 ), dan ġie osservat għall-ewwel darba fl-Ewropa fix-xahar ta’ Ottubru 2013, fir-reġjun tal-Puglia (l-Italja), fuq siġar taż-żebbuġ, qabel ma l-preżenza tiegħu, fix-xahar ta’ Lulju 2015, ġiet innotata f’Korsika (Franza), fuq arbuxxelli dekorattivi eżotiċi kif ukoll fi Spanja, fuq pjanti tal-ġenista, imbagħad, fix-xahar ta’ Ottubru tal-istess sena, fid-dipartiment ta’ Alpes-Maritimes (Franza), fuq l-istess arbuxxelli bħal f’Korsika.

3.

Ġenetikament differenti, il-batterju jinkludi diversi sottospeċi li kull waħda tattakka pjanti differenti ( 5 ). Il-mod ta’ tixrid naturali tiegħu huwa t-trasport minn insetti żgħar li jalimentaw ruħhom bil-linfa tal-pjanti infettati.

4.

Fl-Italja, Xylella fastidiosa attakkat prinċipalment is-siġar taż-żebbuġ, siġra li tippreżenta importanza ekonomika ( 6 ), kulturali ( 7 ) u ambjentali kunsiderevoli fil-pajjiżi li jagħtu fuq il-Mediterran. Filwaqt li l-miżuri ta’ profilassi, li jinkludu l-qtugħ ta’ siġar, qajmu kosternazzjoni fir-reġjuni li diġà ntlaqtu mill-batterju, ir-riskju ta’ proliferazzjoni ħoloq tħassib kbir f’dawk li sa issa ma ntlaqtux.

5.

Sabiex jinqered il-batterju, il-Kummissjoni Ewropea adottat strateġija li hija kkaratterizzata minn strettezza progressiva tad-dispożittiv implementat.

6.

Bejn ix-xahar ta’ Frar 2014 u x-xahar ta’ Diċembru 2015, ġew adottati suċċessivament erba’ deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni fuq il-bażi tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE, tat-8 ta’ Mejju 2000, dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità ( 8 ), u b’mod iktar partikolari t-tielet sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha li tawtorizza lill-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-“miżuri meħtieġa”, b’mod partikolari, meta tiġi stabbilita l-preżenza ta’ organiżmi ta’ ħsara elenkati fl-Anness I, il-Parti A, is-Sezzjoni I ta’ din id-direttiva, li fosthom hemm il-batterju Xylella fastidiosa (Well u Raju).

7.

Permezz tal-ewwel deċiżjoni ta’ implementazzjoni tagħha 2014/87/UE, tat‑13 ta’ Frar 2014 ( 9 ), il-Kummissjoni pprojbixxiet iċ-ċirkulazzjoni ’l barra mill-provinċja ta’ Lecce (l-Italja) ta’ pjanti għat-tħawwil, irrakkomandat it-twettiq ta’ stħarriġiet uffiċjali annwali għall-preżenza ta’ Xylella fastidiosa u ordnat lill-Istati Membri jiżguraw li fejn xi ħadd isir jaf bil-preżenza tal-batterju jew ikollu raġuni jissuspetta din il-preżenza, dik il-persuna għandha tinnotifikaha lill-awtorità kompetenti fi żmien 10 ijiem.

8.

Permezz tat-tieni deċiżjoni ta’ implementazzjoni tagħha 2014/497/UE, tat‑23 ta’ Lulju 2014 ( 10 ), il-Kummissjoni rrestrinġiet iċ-ċirkulazzjoni tal-pjanti li huma pjanti ospitanti ta’ Xylella fastidiosa u ssuġġettat l-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni għal diversi kundizzjonijiet meta dawn joriġinaw minn pajjiżi terzi fejn il-batterju huwa notevolment preżenti. Sabiex jinqered il-batterju u jiġi evitat it-tixrid tiegħu, il-Kummissjoni, barra minn hekk, imponiet lill-Istati Membri jistabbilixxu, meta dan ikun neċessarju, “żoni demarkati” li jkunu magħmula minn “żona infettata” u minn “żona ta’ lqugħ” li fihom l-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, ineħħu l-pjanti kollha infettati jew li juru s-sintomi li jindikaw il-possibbiltà ta’ infezzjoni kif ukoll il-pjanti kollha li ġew identifikati bħala li x’aktarx jiġu infettati.

9.

Permezz tat-tielet deċiżjoni ta’ implementazzjoni (UE) tagħha 2015/789, tat-18 ta’ Mejju 2015 ( 11 ), il-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-opinjoni xjentifika dwar ir-riskju għas-saħħa tal-pjanti maħluq minn Xylella fastidiosa (Wells et al), ippubblikata fis-6 ta’ Jannar 2015 mill-EFSA, qabelxejn, tawlet il-lista ta’ speċijiet tal-pjanti suxxettibbli u, fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nofsinhar tal-Italja, irrakkomandat li ż-żona infestata kellha tinkludi l-provinċja kollha ta’ Lecce, biż-żona ta’ lqugħ ikollha tiġi estiża għal mill-inqas 10 kilometri madwar iż-żona infettata. Il-Kummissjoni, imbagħad, ippreċiżat in-natura tal-“miżuri ta’ qerda” li kellhom jittieħdu fiż-żona demarkata, filwaqt li imponiet lill-Istat Membru kkonċernat biex, fi ħdan raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati, ineħħi minnufih mhux biss il-pjanti magħrufa li huma infettati u dawk li juru sintomi li jindikaw infezzjoni possibbli jew li huma ssuspettati li huma infettati, iżda wkoll, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, ta’ “pjanti ospitanti”, iddefiniti bħala l-pjanti suxxettibbli għal iżolati Ewropej tal-batterju ( 12 ).

10.

Bil-konstatazzjoni li l-qerda tal-batterju fil-provinċja ta’ Lecce ma kinitx iktar possibbli, il-Kummissjoni pprevediet li l-korp uffiċjali responsabbli seta’ japplika “miżuri ta’ trażżin” sempliċi, u mhux miżuri ta’ qerda, bl-għan li “jimminimizzaw l-ammont ta’ inokolu batteriku [...] u jżommu l-popolazzjoni tal-vettur fl-iktar livell baxx possibbli” ( 13 ). Dawn il-miżuri kienu jikkonsistu prinċipalment mit-tneħħija immedjata ta’ mill-inqas il-pjanti kollha li nstabu li huma infettati mill-batterju jekk dawn kienu jinsabu qrib siti ħielsa minn kwalunkwe infezzjoni, siti ta’ pjanti b’valur kulturali, soċjali jew xjentifiku partikolari jew f’distanza massima ta’ 20 kilometru mill-fruntiera taż-żona tat-trażżin mal-bqija tat-territorju tal-Unjoni.

11.

Fl-aħħar nett, permezz tar-raba’ deċiżjoni ta’ implementazzjoni (UE) tagħha 2015/2417, tas-17 ta’ Diċembru 2015 ( 14 ), il-Kummissjoni emendat id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 sabiex tqis l-evoluzzjoni tal-għarfien xjentifiku u implementat pjanijiet ta’ emerġenza fil-livell ta’ kull Stat Membru biex ittejjeb il-ġlieda kontra l-batterju.

12.

Fl-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Taljani adottaw diversi miżuri.

13.

Permezz tad-deliberazione della Giunta Regionale della Puglia, n. 2023 – recante misure di emergenza per la prevenzione, il controllo e la eradicazione del batterio da quarantena Xylella fastidiosa associato al “Complesso del disseccamento rapido dell’olivo” (Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali tal-Puglia Nru 2023, dwar miżuri ta’ emerġenza għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-qerda tal-batterju ta’ kwarantina Xylella fastidiosa, assoċjat mal-“kumpless tal-inxif rapidu tas-siġar taż-żebbuġ”), tad-29 ta’ Ottubru 2013, ir-Regione Puglia (Reġjun tal-Puglia) ħa miżuri ta’ emerġenza maħsuba għall-prevenzjoni u l-qerda tal-batterju, f’konformità mal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2000/29.

14.

Id-decreto del Ministro delle Politiche Agricola Alimentari e Forestali (digriet tal-Ministru tal-Politika Agrikola, Alimentari u l-Foresti), tas‑26 ta’ Settembru 2014 ( 15 ), implementa l-miżuri previsti mid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2014/497.

15.

Fl-10 ta’ Frar 2015, wara d-deliberazione della Giunta Regionale della Puglia n. 1842 – di richiesta di dichiarazione dello stato di emergenza fitosanitaira straordinaria (Deċiżjoni Nru 1842 tal-Kunsill Reġjonali tal-Puglia, dwar talba għal dikjarazzjoni tal-istat ta’ emerġenza fitosanitarja straordinarja), tal‑5 ta’ Settembru 2014, il-Presidenza del Consiglio dei Ministri (Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri) adottat deċiżjoni li tiddikjara l-istat ta’ emerġenza minħabba t-tixrid fit-territorju tar-Reġjun tal-Puglia tal-batterju patoġenu ta’ kwarantina Xylella fastidiosa.

16.

Permezz tal-ordinanza della Presidenza del Consiglio dei Ministri – Dipartimento della Protezione Civile n. 225 (Digriet tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri – dipartiment tal-protezzjoni ċivili Nru 225), tal-11 ta’ Frar 2015, il-comandante del Corpo Forestale dello Stato (kmandant reġjonali tal-amministrazzjoni tal-foresti) tar-Reġjun tal-Puglia nħatar fil-kariga ta’ kummissarju delegat.

17.

Fis-16 ta’ Marzu 2015, il-kummissarju delegat adotta pjan għall-implementazzjoni iktar rapida tal-miżuri previsti fid-digriet tal-Ministru tal-Politika Agrikola Alimentari u l-Foresti tas-26 ta’ Settembru 2014. Dan il-pjan kien jipprevedi l-ħolqien ta’ żona ta’ protezzjoni biex jiġi evitat li l-batterju jinfirex lejn it-Tramuntana tal-provinċja ta’ Lecce u l-ġestjoni taż-żona l-iktar milquta, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-kultivazzjoni tas-siġar taż-żebbuġ fis-Salento (l-Italja).

18.

Id-decreto del Ministero delle Politiche Agricole Alimentari e Forestali – recante misure di emergenza per la prevenzione, il controllo e l’eradicazione di Xylella fastidiosa (Wells e Raju) nel territorio della Repubblica italiana [digriet tal-Ministru tal-Politika Agrikola Alimentari u l-Foresti, dwar miżuri ta’ emerġenza għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-qerda ta’ Xylella fastidiosa (Wells u Raju) fit-territorju tar-Repubblika Taljana], tad-19 ta’ Ġunju 2015 ( 16 ), implementa d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789.

19.

L-Artikoli 8 u 9 ta’ dan id-digriet, essenzjalment, jirriflettu rispettivament il-kontenut tal-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni ta’ Implementazzjoni, dwar il-miżuri ta’ qerda, u l-Artikolu 7 tagħha dwar il-miżuri ta’ trażżin.

20.

Barra minn hekk, l-imsemmi digriet jagħmel lill-proprjetarji tal-artijiet ikkonċernati responsabbli mill-implementazzjoni tal-miżuri ta’ qerda, bl-Agenzia Regionale per le Attività Irrigue e Forestali (Aġenzija reġjonali għall-attività ta’ irrigazzjoni u l-foresti) tkun awtorizzata biex, jekk ikun il-każ, tieħu post dawk fosthom li jirrifjutaw li jikkonformaw u li jintervjenu bi spejjeż tagħhom.

21.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill tal-Ministri ġedded il-perijodu tal-istat ta’ emerġenza b’180 jum supplimentari.

22.

Fit-30 ta’ Settembru 2015, il-kummissarju delegat li, fit-3 ta’ Lulju 2015, kien ippreżenta pjan provviżorju dwar l-interventi ta’ emerġenza li kellhom jitwettqu fil-komun ta’ Oria (l-Italja) adotta pjan ġdid ta’ intervent li, essenzjalment, jirrifletti l-miżuri previsti mid-digriet tad-19 ta’ Ġunju 2015.

23.

Fl-1 ta’ Ottubru 2015, id-dirigente del Servicio Agricultura della Regione Puglia (direttur tas-servizz agrikolu tar-Reġjun tal-Puglia) ordna lill-proprjetarji tal-artijiet agrikoli li fihom jinsabu siġar taż-żebbuġ infettati biex jaqtgħu s-siġar infettati kif ukoll il-pjanti ospitanti kollha li jinsabu fi ħdan raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati. Dawn id-deċiżjonijiet ta’ tneħħija, innotifikati lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fit-3 u l-4 ta’ Ottubru 2015, kienu jipprevedu wkoll li, f’każ ta’ rifjut ta’ konformità min-naħa tagħhom, setgħu jiġu imposti fuqhom sanzjonijiet supplimentari, li jikkonsistu mit-tiġrib tagħhom tal-ispejjeż marbuta mal-qerda ta’ Xylella fastidiosa u l-impożizzjoni fuqhom ta’ sanzjoni amministrattiva.

24.

Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali għal-Lazio, l-Italja) kontra l-Presidenza del Consiglio dei Ministri (Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri) (kawża C‑79/16), il-Presidenza del Consiglio dei Ministri – Dipartimento della Protezione Civile (Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri – Dipartiment tal-protezzjoni ċivili), il-Commissario Delegato per Fronteggiare il Rischio Fitosanitario connesso alla Diffusione della Xylella nel Territorio della Regione Puglia (kummissarju delegat għall-ġlieda kontra r-riskju fitosanitarju marbut mat-tixrid ta’ Xylella fit-territorju tar-Reġjun tal-Puglia), il-Ministro delle Politiche Agricole Alimentari e Forestali (Ministru tal-Politika Agrikola Alimentari u l-Foresti) kif ukoll ir-Regione Puglia (Reġjun tal-Puglia), Giovanni Pesce (Kawża C‑78/16) u Cesare Serinelli (Kawża C‑79/16) kif ukoll rikorrenti oħra f’kull waħda minn dawn il-kawżi, kollha proprjetarji ta’ artijiet agrikoli li jinsabu fit-territorju tal-komun ta’ Torchiarolo (l-Italja), talbu l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ tneħħija kif ukoll ta’ kull att preċedenti, relatat jew sussegwenti.

25.

Peress li qamu dubji dwar il-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, li l-miżuri nazzjonali kkontestati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu ġew adottati fuq il-bażi tagħha, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali għal-Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-Direttiva 2000/29 [...], b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 11(3), 13c(7), 16(1), (2), (3) u (5) kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ loġika u ta’ raġuni, jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) u (4) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni [...] 2015/789, kif implementat fid-dritt Taljan permezz tal-Artikolu 8(2) u (4) tad-Digriet [tad-19 ta’ Ġunju 2015] sa fejn jimponi t-tneħħija immedjata, f’distanza [raġġ] ta’ 100 metru madwar il-pjanti li kienu s-suġġett ta’ analiżi li żvelat infezzjoni mill-organiżmu indikat, ta’ pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, u sa fejn jipprevedi simultanjament li, qabel ma jitneħħew il-pjanti elenkati fil-paragrafu 2, l-Istat Membru kkonċernat għandu japplika t-trattamenti fitosanitarji xierqa kontra l-vetturi tal-organiżmu indikat għall-pjanti li jistgħu jabritaw dawn il-vetturi, liema trattamenti jistgħu jinkludu, fejn hemm lok, it-tneħħija tal-pjanti?

2)

Id-Direttiva 2000/29 [...], b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 16(1) tagħha, bl-espressjoni “l-miżuri [...] meħtieġa biex jeradika [jeqred], jew jekk dan ikun impossibbli, inaqqas il-firxa ta’ l-organiżmi ta’ ħsara” tipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni [...] 2015/789, kif implementat fid-dritt Taljan permezz tal-Artikolu 8(2) tad-Digriet [tad-19 ta’ Ġunju 2015] sa fejn jipprovdi t-tneħħija immedjata tal-pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, f’distanza ta’ 100 metru madwar il-pjanti li kienu s-suġġett ta’ analiżi li żvelat infezzjoni?

3)

L-Artikolu 16(1), (2), (3) u (5) tad-Direttiva 2000/29/KE kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ loġika u tal-osservanza ta’ regoli ta’ proċedura, jipprekludu interrpetazzjoni tal-Artikolu 6(2) u (4) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni [...] 2015/789, kif implementata fid-dritt Taljan permezz tal-Artikolu 8(2) u (4) tad-Digriet [tad-19 ta’ Ġunju 2015], fis-sens li l-miżura ta’ eradikazzjoni prevista fil-paragrafu 2 tista’ tiġi imposta qabel u indipendentement mill-applikazzjoni preventiva tad-dispożizzjonijiet previsti mill-paragrafi 3 u 4 tal-istess Artikolu 6?

4)

Il-prinċipji ta’ prekawzjoni, ta’ adegwatezza u ta’ proporzjonalità jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni [...] 2015/789, kif implementat fil-liġi Taljana permezz tal-Artikolu 8(2) u (4) tad-Digriet [tad-19 ta’ Ġunju 2015] sa fejn timponi miżuri ta’ eradikazzjoni ta’ pjanti ospitanti, f’distanza ta’ 100 metru madwar il-pjanti li rriżulta li huma infettati mill-organiżmu [Xylella fastidiosa], mingħajr ġustifikazzjoni xjentifika xierqa li tattesta b’ċertezza l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-preżenza tal-organiżmu u t-tnixxif tal-pjanti meqjusa bħala infettati?

5)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea[ ( 17 )] jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) u (4) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni [...] 2015/789, sa fejn jipprovdi t-tneħħija immedjata tal-pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, f’distanza ta’ 100 metru madwar il-pjanti li kienu s-suġġett ta’ analiżi li żvelat infezzjoni, sa fejn ma huwiex suffiċjentement motivat?

6)

Il-prinċipji ta’ adegwatezza u ta’ proporzjonalità jipprekludu l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni [...] 2015/789 kif implementata fid-dritt Taljan permezz tad-Digriet [tad-19 ta’ Ġunju 2015], li tipprevedi miżuri ta’ tneħħija tal-pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, tal-pjanti li l-infezzjoni tagħhom mill-organiżmu speċifikat hija magħrufa u tal-pjanti li għandhom sintomi ta’ infezzjoni possibbilment mill-organiżmu [Xylella fastidiosa], jew li huma ssuspettati li huma infettati minn dan l-organiżmu, mingħajr ma tipprevedi ebda forma ta’ kumpens favur proprjetarji mhux responsabbli għat-tixrid tal-organiżmu inkwistjoni?”

26.

Filwaqt li tqajjem dubju dwar il-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tistieden biex wieħed jistaqsi dwar il-kwistjoni sottostanti dwar jekk, bl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rnexxilhiex tikseb bilanċ ġust bejn, minn naħa, it-tħassib ta’ protezzjoni taż-żoni li għadhom ma ntlaħqux mill-batterju u, min-naħa l-oħra, is-salvagwardja tal-interessi tal-proprjetarji jew tal-operaturi ta’ artijiet li jinsabu fiż-żoni diġà infettati.

27.

F’dawn il-konklużjonijiet, jien se nindika li l-miżura ta’ tneħħija tal-pjanti stabbilita fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 għandha tiġi implimentata mill-Istat Membru kkonċernat wara l-applikazzjoni tat-trattamenti fitosanitarji previsti fl-Artikolu 6(4) ta’ din id-deċiżjoni u li ma teżisti l-ebda kontradizzjoni bejn il-miżuri differenti previsti minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni.

28.

Jien se nivvaluta, ukoll, li l-Kummissjoni ma marritx lil hinn mis-setgħat ta’ implementazzjoni li tislet mill-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29 u li lanqas ma kisret il-prinċipju ta’ prekawzjoni jew dak ta’ proporzjonalità bil-previżjoni tat-tneħħija immedjata tal-pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, fi ħdan raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati.

29.

Jien insostni li mill-Artikolu 17 tal-Karta jirriżulta dritt, għall-proprjetarji tal-pjanti meqruda, għal kumpens raġonevoli b’rabta mal-valur ta’ dawn il-beni u li s-silenzju dwar dan il-punt mid-Direttiva 2000/29 u mid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 ma jistax jiġi interpretat bħala li jeskludi tali dritt. Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li l-Istati Membri, meta jadottaw miżuri bl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, huma marbuta jistabbilixxu skema ta’ kumpens.

30.

Minn dan jien nikkonkludi li l-eżami tad-domandi ma jiżvela l-ebda element ta’ natura li taffettwa l-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-Direttiva 2000/29

31.

Fit-8 ta’ Mejju 2000, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Direttiva 2000/29, li tikkodifika d-Direttiva tal-Kunsill 77/93/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1976, dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità ( 18 ), li kienet ġiet emendata diversi drabi ( 19 ).

32.

Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/29:

“1.   Kull Stat Membru għandu immedjatament jgħarraf bil-miktub lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kollha bil-preżenza fit-territorju tiegħu ta’ kull wieħed mill-oganiżmi ta’ ħsara elenkati fl-Anness A, is-Sezzjoni I jew fl-Anness II, il-Parti A, is-Sezzjoni I jew bid-dehra f’parti tat-territorju tiegħu li fiha l-preżenza tagħhom kienet preċedentement mhux magħrufa b’kull wieħed mill-organiżmi ta’ ħsara elenkati fl-Anness I, il-Parti A, is-Sezzjoni II jew fil-Parti B jew fl-Anness II, il-Parti A, is-Sezzjoni II jew fil-Parti B.

Għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jeradika [jeqred], jew jekk dan ikun impossibbli, inaqqas il-firxa ta’ l-organiżmi ta’ ħsara kkonċernati. Għandu jgħarraf lill-Kummisjoni u lill-Istat Membri l-oħra bil-miżuri meħuda.

2.   Kull Stat Membru għandu immedjatament jgħarraf bil-miktub lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bid-dehra attwali jew issospettata ta’ kull organiżmu ta’ ħsara li mhux elenkat fl-Anness I jew fl-Anness II li l-preżenza tiegħu kienet preċedentement mhux magħrufa fit-territorju tiegħu. Għandu wkoll jgħarraf lill-Kummisjoni u lill-Istat Membri l-oħra bil-miżuri protettivi li jkun ħa jew li beħsiebu jieħu. Dawn il-miżuri għandhom, inter alia, jkunu tip li jipprevjenu r-riskju tal-firxa ta’ l-organiżmi ta’ ħsara kkonċernati fit-territorju ta’ l-Istati Membri l-oħra.

Fir-rigward ta’ konsenji ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġett oħra minn pajjiżi terzi kkunsidrati li jinvolvu perikolu iminenti ta’ l-introduzzjoni jew tal-firxa ta’ l-organiżmi ta’ ħsara li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 u fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istat Membru kkonċernat għandu immedjatament jieħu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġi t-territorju tal-Komunità minn dak il-perikolu u għandu jgħarraf b’dan lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

Meta Stat Membru jikkonsidra li hemm perikolu iminenti apparti minn dak li hemm referenza dwaru fit-tieni subparagrafu, hu għandu immedjatament jgħarraf bil-miktub lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kollha bil-miżuri li jkun jixtieq li għandhom jittieħdu. Jekk tikkonsidra li dawn il-miżuri ma jkunux jittieħdu f’ħin suffiċenti biex jiprevjenu l-introduzzjoni jew il-firxa ta’ l-organiżmi ta’ ħsara fit-territorju tiegħu, din tista’ temporanjament tieħu l-miżuri addizzjonali li tqis meħtieġa, sakemm il-Kummissjoni ma’ tkunx adottat miżuri bis-saħħa tal-paragrafu 3.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar l-operazzjoni ta’ din id-disposizzjoni, flimkien ma’ xi proposti, sal-31 ta’ Diċembru 1992.

3.   Fil-każijiet li hemm referenza dwarhom fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha teżamina s-sitwazzjoni mill-aktar fis possibbli ġewwa l-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti. L-investigazzjonijiet fuq il-post jistgħu jsiru permezz ta’ l-Awtorità tal-Kummissjoni u bi qbil mad-disposizzjonijiet relevanti ta’ l-Artikolu 21. Il-miżuri fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskji dwar l-organiżmi ta’ ħsara jew analiżi preliminari dwar ir-riskji ta’ l-organiżmi ta’ ħsara f’każijiet msemmija fil-paragrafu 2 meħtieġa jistgħu jkunu adottati, inklużi dawk li permezz tagħhom jista’ jkun deċiż jekk il-miżuri meħuda mill-Istati Membri għandhomx ikunu restritti jew emendati, permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18(2). Il-Kummissjoni għandha ssegwi l-iżvilupp tas-sitwazzjoni u, permezz ta’ l-istess proċedura, għandha temenda jew tħassar, skond ma’ l-iżvilupp ikun jenħtieġ, il-miżuri msemmija. Sakemm miżura ma tkunx ġiet adottata permezz tal-proċedura msemmija qabel, l-Istat Membru jista’ jżomm il-miżuri li hu ħaddem.

4.   Ir-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu adottati, skond kif meħtieġ, bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 18(2).

5.   Jekk il-Kummissjoni ma ġietx infurmata dwar il-miżuri meħuda skond il-paragrafi 1 jew 2, jew jekk tqis li l-miżuri meħuda huma inadegwati, tista’, sakemm issir il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti, tieħu miżuri interim protettivi fuq il-bażi ta’ analiżi preliminari tar-riskji ta’ l-organiżmi ta’ ħsarabiex jinqerdu jew, fejn dan mhuwiex possibbli, jiġi inibit it-tixrid ta’ l-organiżmu perikoluż ikkonċernat. Dawn il-miżuri għandhom jiġu sottomessi lill-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti mill-aktar fis possibbli biex jiġu kkonfermati, emendati jew ikkanċellati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(2).”

33.

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/29 jiddisponi:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti mwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/894/KEE [ ( 20 )] [...]

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE [ ( 21 )] għandhom jgħoddu.

Il-perjodu previst fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468[...] għandu jkun stabbilit għall-tlett xhur.

[...]”

34.

Il-punt b tas-Sezzjoni I tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2000/29 isemmi l-batterju Xylella fastidiosa (Well u Raju) fost l-organiżmi ta’ ħsara li l-introduzzjoni tagħhom ġewwa, u l-firxa fl-Istati Membri kollha għandhom ikunu pprojbiti.

B – Id-Deċiżjoni ta ’ Implementazzjoni 2015/789

35.

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “organiżmu speċifikat” bħala li jiġbor l-iżolati Ewropej u mhux Ewropej kollha ta’ Xylella fastidiosa (Wells et al). Dan l-artikolu, barra minn hekk, jagħmel distinzjoni bejn il-“pjanti speċifikati” elenkati fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni ta’ implementazzjoni u l-“pjanti ospitanti” elenkati fl-Anness II tagħha, b’dawk tal-ewwel ikunu l-pjanti kollha li s-suxxettibbiltà tagħhom għall-organiżmu speċifikat tkun magħrufa, filwaqt li l-pjanti ospitanti huma dawk li għalihom hija magħrufa biss is-suxxettibbiltà tagħhom għall-iżolati Ewropej tal-batterju.

36.

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, intitolat “L-istabbiliment ta’ żoni demarkati”, jiddisponi:

“1.   Fejn il-preżenza tal-organiżmu speċifikat tkun ġiet ikkonfermata, l-Istat Membru kkonċernat minnufih għandu jiddemarka żona mingħajr dewmien konformi mal-paragrafu 2 [...]

2.   Iż-żoni demarkata għandha tikkonsisti minn żona infettata u żona ta’ lqugħ.

Iż-żona infettata għandha tinkludi l-pjanti kollha magħrufin li huma infettati bl-organiżmu speċifikat, il-pjanti kollha li juru sintomi li jindikaw il-possibbiltà ta’ infezzjoni minn dak l-organiżmu, u l-pjanti l-oħra kollha li jistgħu jiġu infettati minn dak l-organiżmu minħabba l-qrubija tagħhom mal-pjanti infettati, jew is-sors komuni ta’ produzzjoni, jekk magħruf, bi pjanti infettati, jew il-pjanti mkabbra minnhom.

F’dak li jirrigwarda l-preżenza ta’ organiżmu speċifikat fil-provinċja ta’ Lecce, iż-żona infettata għandha mill-inqas tinkludi dik il-provinċja kollha.

Iż-żona ta’ lqugħ għandha tkun wiesgħa tal-inqas 10 km, madwar iż-żona infettata.

Id-delimitazzjoni eżatta taż-żoni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji xjentifiċi solidi, il-bijoloġija tal-organiżmu speċifikat u l-vetturi tiegħu, il-livell ta’ infezzjoni, il-preżenza tal-vetturi, u d-distribuzzjoni ta’ pjanti speċifikati fiż-żona kkonċernata.

3.   Jekk tiġi kkonfermata l-preżenza tal-organiżmu speċifikat ’il barra miż-żona infettata, id-delimitazzjoni taż-żona infettata u taż-żona ta’ lqugħ għandha tiġi rriveduta minnufih u mibdula kif xieraq.

4.   Fuq il-bażi tan-notifiki mill-Istati Membri skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/917/UE [ ( 22 )], il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u taġġorna lista ta’ żoni demarkati u tikkomunika dik il-lista lill-Istati Membri.

5.   Meta abbażi tal-istħarriġ imsemmi fl-Artikolu 3 u tal-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 7 tal-Artikolu 6, ma jinstabx l-organiżmu speċifikat f’żona demarkata għal perjodu ta’ ħames snin, din id-demarkazzjoni tkun tista’ titneħħa. F’każijiet bħal dawn, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

[...]”

37.

Skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, intitolat “Miżuri ta’ qerda”:

“1.   L-Istat Membru li jkun stabbilixxa ż-żoni demarkata msemmija fl-Artikolu 4 għandu, f’din iż-żona, jieħu l-miżuri kif stipulat fil-paragrafi 2 sa 11.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, fi ħdan raġġ ta’ 100 m madwar il-pjanti li ġew ittestjati u nstab li huma infettati mill-organiżmu speċifikat, ineħħi minnufih:

a)

pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istatus tas-saħħa [stat sanitarju] tagħhom;

b)

pjanti magħrufin li huma infettati mill-organiżmu speċifikat;

c)

pjanti li juru sintomi li jindikaw infezzjoni possibbli minn dak l-organiżmu jew suspettati li huma infettati minn dak l-organiżmu.

3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu kampjun u jittestja l-pjanti speċifikati f’raġġ ta’ 100 m madwar kull waħda mill-pjanti infettati, f’konformità mal-International Standard for Phytosanitary Measures ISPM No. 31[...]

4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jwettaq trattamenti fitosanitarji xierqa qabel it-tneħħija tal-pjanti msemmija fil-paragrafu 2 kontra vetturi tal-organiżmu speċifikat u pjanti li għandhom mnejn jospitaw dawk il-vetturi. Dawk it-trattamenti jistgħu jinkludu, kif xieraq, it-tneħħija tal-pjanti.

5.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, in situ jew f’post fil-qrib apposta għal dan l-għan fi ħdan iż-żona infettata, jeqred pjanti u partijiet ta’ pjanti msemmija fil-paragrafu 2, b’tali mod li jkun żgurat li l-organiżmu speċifikat ma jinxteridx.

[...]

9.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, fejn meħtieġ, jieħu miżuri li jindirizzaw kull sitwazzjoni partikolari jew kumplikazzjoni li x’aktarx tista’ tipprevjeni, tfixkel jew iddewwem il-qerda, partikolarment dawk relatati mal-aċċessibbiltà u l-qerda xierqa tal-pjanti kollha li jkunu infettati jew li jkun hemm suspett li huma infettati, ikunu fejn ikunu, humiex pubbliċi jew privati, jew hi min hi l-persuna jew l-entità li hi responsabbli għalihom.

10.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu kull miżura oħra li tista’ tikkontribwixxi għall-qerda tal-organiżmu speċifikat, b’kunsiderazzjoni tal-ISPM No. 9[...] u bl-applikazzjoni ta’ approċċ integrat skont il-prinċipji stipulati fl-ISPM No 14[...]

[...]”

38.

L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, intitolat “Miżuri ta’ trażżin”, jiddisponi:

“1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 6, biss fil-provinċja ta’ Lecce, il-korp uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru kkonċernat jista’ jiddeċiedi li japplika miżuri ta’ trażżin, kif stabbilit fil-paragrafi 2 sa 6 [...]

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu immedjatament ineħħi mill-inqas il-pjanti kollha li nstabu li huma infettati mill-organiżmu speċifikat jekk dawn ikunu jinsabu fi kwalunkwe minn dawn il-postijiet:

a)

qrib is-siti msemmija fl-Artikolu 9(2);

b)

qrib is-siti ta’ pjanti b’valur kulturali, soċjali jew xjentifiku partikolari;

c)

f’distanza ta’ 20 km mill-fruntiera taż-żona tat-trażżin mal-bqija tat-territorju tal-Unjoni.

Għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi evitat it-tixrid tal-organiżmu speċifikat matul u wara t-tneħħija.

3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, fi ħdan raġġ ta’ 100 m madwar il-pjanti msemmija fil-paragrafu 2 u li nstab li huma infettati mill-organiżmu speċifikat, jieħu kampjun tal-pjanti ospitanti u jittestjah, f’konformità mal-International Standard for Phytosanitary Measures ISPM No. 31 Dan l-ittestjar għandu jitwettaq f’intervalli regolari u, tal-inqas, darbtejn fis-sena.

4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu japplika trattamenti fitosanitarji xierqa qabel it-tneħħija tal-pjanti msemmija fil-paragrafu 2 kontra vetturi tal-organiżmu speċifikat u pjanti li għandhom mnejn jospitaw dawk il-vetturi. Dawk it-trattamenti jistgħu jinkludu, kif xieraq, it-tneħħija tal-pjanti.

5.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, in situ jew f’post fil-qrib apposta għal dan il-għan fi ħdan iż-żona tat-trażżin, jeqred pjanti u partijiet ta’ pjanti msemmija fil-paragrafu 2, b’tali mod li jkun żgurat li l-organiżmu speċifikat ma jinxteridx.

6.   L-Istat Membru kkonċernat għandu japplika prattiki agrikoli xierqa għall-ġestjoni tal-organiżmu speċifikat u l-vetturi tiegħu.”

39.

L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 jipprevedi l-istabbiliment ta’ żona ta’ sorveljanza fl-Italja, b’raġġ ta’ mill-inqas 30 kilometru.

III – L-evalwazzjoni tiegħi

A – Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi

40.

Permezz tas-sitt domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 tiksirx, għal raġunijiet differenti, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-Artikolu 41 tal-Karta, l-Artikolu 11(3), l-Artikolu 13c(7) u l-Artikolu 16(1) sa (3) u (5) tad-Direttiva 2000/29 kif ukoll il-prinċipji ta’ adegwatezza u ta’ proporzjonalità.

41.

Peress li l-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 hija inċidentalment ikkontestata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fir-rikors ippreżentat quddiem il-qorti nazzjonali kontra, b’mod partikolari, id-digriet tad‑19 ta’ Ġunju 2015 ippromulgat direttament bl-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ implementazzjoni, li, essenzjalment, jirrifletti t-termini, hemm lok li tiġi vverifikata, minn qabel, l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula f’din il-konfigurazzjoni partikolari.

42.

Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta d-dritt ta’ parti li tinvoka bħala eċċezzjoni l-invalidità ta’ att tal-Unjoni għall-kundizzjoni li din il-parti ma jkollhiex id-dritt li titlob direttament l-annullament tiegħu lill-qorti tal-Unjoni, skont l-Artikolu 263 TFUE ( 23 ).

43.

Madankollu, sa fejn is-soluzzjoni hija bbażata fuq ir-riskju li tiġi evitata n-natura definittiva ta’ att tal-Unjoni, din tapplika biss fir-rigward ta’ parti li tinvoka l-illegalità ta’ att tal-Unjoni quddiem qorti nazzjonali minkejja li din setgħet, mingħajr ebda dubju, tippreżenta rikors għal annullament kontra dan l-att, iżda naqset li tagħmel dan fit-termini prefissi ( 24 ). Il-parti li ma jidhirx li kellha, evidentement, il-possibbiltà li tippreżenta rikors dirett għal annullament kontra d-deċiżjoni għandha għalhekk il-possibbiltà li tikkontesta indirettament il-legalità.

44.

Skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

45.

F’dan il-każ, peress li huwa stabbilit li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma humiex id-destinatarji tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, peress li din hija indirizzata lill-Istati Membri, għandu jiġi eżaminat jekk dawn humiex milquta direttament jew indirettament minnha, fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jew, jekk din id-deċiżjoni ta’ implementazzjoni tistax tiġi kklassifikata bħala att regolatorju nieqes minn miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li tikkonċerna direttament lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, peress li ġie ppreċiżat li l-eżami tan-natura regolatorja jew le tal-att jidhirli li għandu jitwettaq qabel dak tal-effett dirett jew indirett possibbli.

46.

Fl-ewwel lok, jidher li d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 tikkostitwixxi att regolatorju li jinkludi miżuri ta’ implementazzjoni.

47.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ “atti regolatorji”, previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ikopri l-atti ta’ portata ġenerali, minbarra l-atti leġiżlattivi ( 25 ).

48.

Għalkemm il-kunċett ta’ “deċiżjoni” huwa ġeneralment iddefinit bħala att ta’ portata individwali li jobbliga biss lill-persuni li tkun indirizzata lilhom ( 26 ), din madankollu tista’ tippreżenta natura normattiva meta din ma tkunx applikabbli għal destinatarji limitati, iżda għal kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt ( 27 ). Għaldaqstant, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-potenzjal normattiv ta’ deċiżjoni jista’ jiġi b’mod speċjali rrikonoxxut peress li l-Artikolu 288 TFUE jipprovdi b’mod ċar li att jista’ jikkostitwixxi deċiżjoni minkejja li ma jindikax destinatarju.

49.

Il-kunċett ta’ “deċiżjoni regolatorja” ma jaqax għalhekk taħt l-ossimoru ġuridiku u, barra minn hekk, l-evalwazzjoni tan-natura ġuridika ta’ att maħruġ mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ma tiddependix biss mid-denominazzjoni uffiċjali iżda għandha tqis, fl-ewwel lok, is-suġġett u l-kontenut tiegħu ( 28 ). Biex tiġi kklassifikata d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 wieħed għandu jfittex ukoll jekk din għandhiex portata ġenerali.

50.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, att ikollu portata ġenerali jekk japplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jekk jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni koperti b’mod ġenerali u astratt ( 29 ).

51.

Skont ġurisprudenza wkoll stabbilita, ma għandhomx jitqajmu dubji dwar il-portata ġenerali u, għaldaqstant, in-natura normattiva ta’ att minħabba l-possibbiltà li jiġi ddeterminat, ftit jew wisq bi preċiżjoni, in-numru jew saħansitra l-identità tal-persuni li għalihom japplika f’mument partikolari, kemm-il darba jkun stabbilit li huwa japplika għalihom minħabba sitwazzjoni legali jew fattwali oġġettiva definita mill-att, relatata mal-għan tiegħu ( 30 ).

52.

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat, minn naħa, li d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 ma kinitx ġiet adottata skont il-proċedura leġiżlattiva u, min-naħa l-oħra, li l-obbligi stabbiliti f’din id-deċiżjoni ta’ implementazzjoni huma redatti f’termini ġenerali u astratti u jindirizzaw lill-Istati Membri kollha, bħalma jipprevedi b’mod ċar l-Artikolu 21 tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implementazzjoni. Minkejja ċ-ċirkustanza li r-Repubblika Taljana hija kkonċernata iktar minn Stati Membri oħra u li l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 jikkonċerna biss reġjun ġeografiku partikolari, jiġifieri l-provinċja ta’ Lecce, din id-deċiżjoni ta’ implementazzjoni ma tindirizzax lil destinatarji limitati, indikati jew li jistgħu jiġu identifikati, iżda din tapplika b’mod astratt għal żoni ġeografiċi demarkati oġġettivament skont il-preżenza tal-batterju ( 31 ). Barra minn hekk, l-imsemmija deċiżjoni ta’ implementazzjoni timplika effetti legali immedjati, fl-Istati Membri kollha, fir-rigward tal-kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt.

53.

Hemm lok, imbagħad, li jiġi nnotat li d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 fiha miżuri ta’ implementazzjoni.

54.

Sabiex jiġi evalwat jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, għandha tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal azzjoni skont l-aħħar sentenza tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 32 ) u li wieħed jirreferi esklużivament għas-suġġett tar-rikors ( 33 ).

55.

Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, ma huwiex rilevanti li wieħed isir jaf jekk l-imsemmija miżuri għandhomx natura mekkanika jew le ( 34 ).

56.

F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 fihiex miżuri ta’ implementazzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk din id-deċiżjoni ta’ implementazzjoni tiddeterminax hija stess il-miżuri ta’ profilassi meħtieġa għall-ġlieda kontra l-batterju jew jekk deċiżjoni ta’ awtoritajiet nazzjonali hijiex meħtieġa għal dan l-għan.

57.

Ikun biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 tobbliga lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jikkonsistu, b’mod partikolari, mid-demarkazzjoni fit-territorju tagħhom, skont il-preskrizzjonijiet tal-Artikolu 4 tagħha, taż-żoni infettati u taż-żoni ta’ lqugħ kif ukoll mill-qerda jew, għall-provinċja ta’ Lecce biss, mit-trażżin possibbli ta’ pjanti infettati u ta’ pjanti ospitanti. Din id-deċiżjoni ta’ implementazzjoni għalhekk għandha tiġi implementata minn miżuri nazzjonali li jistgħu jiġu suġġetti għal rikors min-naħa tad-destinatarji tagħhom.

58.

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma humiex ikkonċernati b’mod individwali mid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789.

59.

In-nuqqas ta’ effett individwali jidhirli li jirriżulta neċessarjament mill-konstatazzjoni tan-natura mhux biss formalment, iżda wkoll materjalment regolatorja ta’ din id-deċiżjoni, peress li l-kriterju miżmum għad-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ dan l-att għan-normattività – skont id-dimensjoni astratta tiegħu u l-oġġettività tas-sitwazzjonijiet li huwa msejjaħ jirregola – jeskludi, fil-fehma tiegħi, li l-imsemmi att ikun jista’ jilħaq lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali minħabba kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra, u għaldaqstant, tindividwalizzahom bħala destinatarju.

60.

Peress li l-kundizzjonijiet marbuta mal-fatt li jkunu kkonċernati kemm direttament kif ukoll individwalment mill-att tal-Unjoni huma kumulattivi, ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali humiex ikkonċernati direttament jew le mid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789.

61.

B’kunsiderazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ma jidhirx li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu ammessi jippreżentaw rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789. Għandu jiġi konkluż li dawn għandhom dritt jeċċepixxu l-invalidità ta’ din id-deċiżjoni ta’ implementazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, b’tali mod li d-domandi magħmula jkunu ammissibbli.

B – Fuq il-validità tad-Deċiżjoni ta ’ Implementazzjoni 2015/789

1. Fuq l-ewwel u t-tielet domandi

62.

Permezz tal-ewwel u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk l-Artikolu 6(2) u (4) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 huwiex invalidu sa fejn dan jikser l-Artikolu 13(3), l-Artikolu 13c(7) u l-Artikolu 16(1) sa (3) u (5) tad-Direttiva 2000/29, peress li dan jimponi t-tneħħija immedjata ta’ pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, fi ħdan raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati, filwaqt li jipprevedi simultanjament li, qabel ma jitneħħew il-pjanti, l-Istat Membru kkonċernat għandu japplika t-trattamenti fitosanitarji xierqa kontra l-vetturi tal-organiżmu indikat għall-pjanti li jistgħu jabitaw dawn il-vetturi, liema trattamenti jistgħu jinkludu, fejn hemm lok, it-tneħħija tal-pjanti u, min-naħa l-oħra, sa fejn din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-miżura ta’ qerda prevista fil-paragrafu 2 tista’ tiġi imposta qabel u indipendentement mill-applikazzjoni preventiva tal-miżuri previsti mill-paragrafi 3 u 4, jekk l-imsemmija dispożizzjoni hijiex invalida fir-rigward tal-Artikolu 16(1) sa (3) u (5) tad-Direttiva 2000/29, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ loġika kif ukoll tal-prinċipju tal-osservanza ta’ regoli ta’ proċedura.

63.

Mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju (C‑79/16) u mill-formulazzjoni tad-domandi magħmula jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rabta bejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, li jimponi t-tneħħija “minnufih” tal-pjanti infettati u tal-pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, u dawk tal-Artikolu 6(3) u (4) tagħha, li jipprevedu t-teħid ta’ kampjuni u l-applikazzjoni minn qabel ta’ trattamenti fitosanitarji xierqa kontra l-vetturi tal-batterju.

64.

Din tistaqsi, b’mod iktar preċiż, jekk il-miżuri ta’ qerda jistgħux jiġu ordnati mingħajr applikazzjoni minn qabel ta’ trattamenti fitosanitarji u jekk dawn iż-żewġ sensiliet ta’ dispożizzjonijiet humiex ivvizzjati minn kontradizzjoni interna ta’ natura li taffettwa l-validità.

65.

Jien ma nsib l-ebda inċertezza fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni u lanqas l-ebda kontradizzjoni li tagħmilhom inapplikabbli.

66.

Il-paragrafi 2, 3 u 4 tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 jistabbilixxu rispettivament li l-Istat Membru kkonċernat “għandu [...] ineħħi minnufih” pjanti ospitanti, pjanti infettati kif ukoll pjanti li juru sintomi li jindikaw infezzjoni possibbli jew li huma suspettati li huma infettati, “għandu jieħu kampjun u jittestja l-pjanti speċifikati f’raġġ ta’ 100 m madwar kull waħda mill-pjanti infettati” u li, “[l]-Istat Membru kkonċernat għandu jwettaq trattamenti fitosanitarji xierqa qabel it-tneħħija tal-pjanti msemmija fil-paragrafu 2 kontra vetturi [ta’ Xylella fastidiosa] u pjanti li għandhom mnejn jospitaw dawk il-vetturi”, b’dawn it-trattamenti jistgħu jinkludu, kif xieraq, “it-tneħħija tal-pjanti”.

67.

Il-qari ta’ dawn id-dispożizzjonijiet juri li l-Istat Membru kkonċernat, qabel ma jneħħi pjanti ospitanti u pjanti infettati, għandu japplika trattament fitosanitarju maħsub biex jiġġieled kontra l-vetturi tal-marda, jiġifieri kontra l-insetti li jerdgħu li jalimentaw ruħhom b’likwidi tas-silema ta’ pjanti, filwaqt li jeqred lil dawn l-insetti jew filwaqt li jneħħi l-pjanti li jospitawhom. Dan it-trattament fitosanitarju minn qabel jissodisfa l-loġika ta’ proċeduri ta’ qerda ssuġġeriti mill-opinjoni tal-EFSA adottata fit-30 ta’ Diċembru 2014 ( 35 ), li ssemmi li, jekk l-ewwel miżura li għandha tittieħed f’żoni demarkati hija t-tneħħija malajr kemm jista’ jkun ta’ pjanti infettati, għandu jiġi applikat minn qabel trattament insettiċida f’każ li l-insetti vetturi jkunu jistgħu jiċċaqalqu minn pjanti infettati għal pjanti oħra ( 36 ).

68.

Skont l-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, l-Istat Membru kkonċernat, barra minn hekk, għandu, mingħajr preċiżjoni kronoloġika, jieħu kampjun u jittestja l-pjanti speċifikati kollha, filwaqt li huwa ppreċiżat li din il-kategorija ta’ pjanti tkun ikbar minn dik tal-pjanti ospitanti, peress li din tikkorrispondi għall-pjanti kollha suxxettibbli għal iżolati Ewropej u mhux Ewropej tal-batterju.

69.

L-applikazzjoni minn qabel ta’ trattamenti fitosanitarji maħsuba għall-ġlieda kontra l-vetturi tal-marda, li jistgħu jinkludu t-tneħħija ta’ pjanti li jospitawhom, u t-twettiq ta’ teħid ta’ kampjuni u ta’ testijiet fuq il-pjanti speċifikati kollha ma toħloq l-ebda kontradizzjoni mat-tneħħija ta’ pjanti ospitanti u ta’ pjanti infettati, issuspettati li huma infettati jew li juru sintomi li jindikaw infezzjoni. Definittivament, il-miżuri previsti fl-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 huma ta’ natura u ta’ portata differenti u, fir-rigward ta’ dawk previsti fl-Artikolu 6(2) u (4) tagħha, dawn japplikaw suċċessivament. Dawn għalhekk bl-ebda mod ma huma inkompatibbli ma’ xulxin.

70.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, minn naħa, li l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżura ta’ tneħħija ta’ pjanti preskritta fil-paragrafu 2 tiegħu għandha tiġi applikata mill-Istat Membru kkonċernat wara l-implementazzjoni tat-trattamenti fitosanitarji previsti fil-paragrafu 4 tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-eżami tal-ewwel u t-tielet domandi ma żvela l-ebda element ta’ natura li taffettwa l-validità tal-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789.

2. Fuq il-ħames domanda

71.

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 huwiex invalidu sa fejn il-miżura ta’ tneħħija minnufih tal-pjanti ospitanti irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, fi ħdan raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati ma tissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni.

72.

Skont it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali għal-Lazio), il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 tidher li fiha xi lakuni sa fejn din ma fiha l-ebda indikazzjoni dwar il-fatt li l-Kummissjoni vverifikat l-proporzjonalità tal-miżuri imposti fuq l-Istati Membri.

73.

Għandu jitfakkar li, għalkemm il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tesponi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni tal-Unjoni, li tkun adottat l-att, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u sabiex il-qorti kompetenti tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha, madankollu ma huwiex meħtieġ li din tispeċifika l-elementi kollha ta’ dritt jew ta’ fatt rilevanti ( 37 ).

74.

Barra minn hekk, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont il-kuntest tagħha kif ukoll skont ir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat u mhux biss b’riferiment għall-formulazzjoni tal-att. Meta, bħal fil-kawżi prinċipali, att ikun ta’ portata ġenerali, il-motivazzjoni tista’ tkun limitata sabiex tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni sħiħa li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-objettivi ġenerali li hu jipproponi li jilħaq. Jekk l-att ikkontestat juri l-għan essenzjali li l-istituzzjoni trid tikseb, ikun inutli li tkun meħtieġa motivazzjoni speċifika għal kull waħda mill-għażliet tekniċi li hija għamlet ( 38 ).

75.

F’dan il-każ, il-premessi 1 sa 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 jippermettu li wieħed jifhem għaliex il-miżuri ta’ qerda adottati kienu ġew estiżi għall-pjanti ospitanti kollha li jinsabu fi ħdan raġġ ta’ 100 metru madwar pjanti infettati. Dawn il-miżuri jissodisfaw, fil-fatt, l-objettiv ġenerali, espress fil-premessi 1 u 3 tagħha, li jiġu msaħħa l-miżuri ta’ qerda wara l-iskoperta ta’ tifqigħat ġodda u li jiġi evitat it-tixrid ta’ Xylella fastidiosa fil-kumplament tal-Unjoni u l-ħtieġa li jitqiesu opinjonijiet xjentifiċi ġodda adottati mill-EFSA fit-30 ta’ Diċembru 2014 u l-20 ta’ Marzu 2015, li kabbru l-lista ta’ speċijiet tal-pjanti suxxettibbli għall-batterju, filwaqt li jiġu limitati ċerti miżuri għall-pjanti ospitanti biss “sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità”.

76.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE.

3. Fuq it-tieni domanda

77.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 huwiex invalidu sa fejn dan jikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/29, b’mod partikolari l-Artikolu 16(1) tagħha, bil-previżjoni tat-tneħħija immedjata tal-pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, fi ħdan raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati.

78.

Bħala eżitu ta’ eżami tal-premessi 11 u 37 tagħha, tal-Artikolu 1(2) tagħha, tal-Artikolu 11(3) tagħha, tal-Artikolu 16(1) u (5) tagħha, tal-Artikolu 22 tagħha u tal-Artikolu 23(2) tagħha kif ukoll tal-Anness IV, il-Parti A, is-Sezzjoni I, il-punti 17, 20, 23.1 u 37, il-qorti tar-rinviju tqis li d-Direttiva 2000/29 ma tipprevedix dispożizzjonijiet li jippermettu d-distruzzjoni ta’ pjanti b’saħħithom, lanqas għal finijiet preventivi biex jiġi evitat tixrid possibbli ta’ organiżmu patoġenu rrikonoxxut u kklassifikat, u li, għall-kuntrarju, din tipprovdi, fl-intier tagħha, il-protezzjoni ta’ organiżmi li ma jkunux għadhom ġew infettati. Skont is-sistema stabbilita minn din id-direttiva, jistgħu jinqerdu u jiġu mqaċċta biss il-pjanti li, wara li jkunu ġew suġġetti għal spezzjoni, jintwera li jkunu diġà infettati jew li, għall-inqas, juru sintomi oġġettivi u perċettibbli li jippermettu li wieħed jissuspetta, b’mod mhux arbitrarju, li dawn ikunu infettati. Madankollu, id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 timponi t-tneħħija tal-pjanti li ma jurux sintomi ta’ infezzjoni.

79.

Fl-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub u matul is-seduta, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew fl-istess sens li l-kunċett ta’ qerda ma huwiex sinonimu ta’ qtugħ u li t-tneħħija prevista fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/29 tirreferi esklużivament għall-organiżmi ta’ ħsara, b’mod li l-pjanti infettati biss jistgħu jinqatgħu.

80.

Peress li d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 ġiet adottata għall-unika mira tad-Direttiva 2000/29 u, b’mod partikolari, tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija ssemplifikata għal jekk din id-direttiva tagħtix is-setgħa lill-Kummissjoni biex timponi fuq l-Istati Membri l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ qerda li jirrigwardaw pjanti b’saħħithom jew jekk, għall-kuntrarju, bl-adozzjoni ta’ tali miżuri, din l-istituzzjoni tmurx lil hinn mis-setgħa li tatha l-imsemmija direttiva għall-implementazzjoni tar-regoli li hija ressqet.

81.

Din id-domanda għalhekk ma tirrigwardax il-legalità tad-deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 202 KE, setgħa ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni, iżda tirrigwarda l-legalità tal-att ta’ implementazzjoni, jiġifieri d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, ibbażata fuq l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29, sa fejn din l-istituzzjoni tmur lil hinn mis-setgħat ta’ implementazzjoni tagħha.

82.

Qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-espressjoni “poteri ta’ implimentazzjoni” li tinsab fit-tielet inċiż tal-Artikolu 202 KE kienet tkopri l-kompetenza li jiġi implementat, fil-livell tal-Unjoni, att leġiżlattiv tal-Unjoni jew uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu kif ukoll, f’ċerti ċirkustanzi, il-kompetenza li jiġu adottati atti normattivi li jikkompletaw jew jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv.

83.

It-Trattat ta’ Lisbona introduċa distinzjoni bejn is-setgħa ta’ implementazzjoni u s-setgħa delegata. Meta s-setgħa ta’ implementazzjoni tingħata lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 291(2) TFUE, din għandha l-obbligu li tippreċiża l-kontenut tal-att leġiżlattiv, sabiex tiżgura l-implementazzjoni tiegħu f’kundizzjonijiet uniformi fl-Istati Membri kollha. Meta s-setgħa delegata tingħata lil din l-istituzzjoni skont l-Artikolu 290(1) TFUE, il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti dispożizzjonijiet mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv.

84.

Jidhirli ċar li l-kompetenza mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29 biex tadotta l-“miżuri meħtieġa” fil-każijiet previsti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu taqa’ taħt is-setgħa ta’ implementazzjoni, fis-sens ta’ din id-distinzjoni l-ġdida. Jien nikkonstata, madankollu, li, skont il-preskrizzjonijiet tal-Artikolu 291(4) TFUE, l-att kien ġie kklassifikat bħala deċiżjoni ta’ “implimentazzjoni”.

85.

Minn qari flimkien tal-Artikolu 290(1) u tal-Artikolu 291(2) TFUE jirriżulta li l-Kummissjoni, billi teżerċita setgħa ta’ implementazzjoni, ma tista’ la temenda u lanqas tikkompleta l-att leġiżlattiv, anki fir-rigward tal-elementi mhux essenzjali tiegħu ( 39 ).

86.

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li s-setgħa ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni hija mmarkata mill-marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiva mogħtija lil din l-istituzzjoni li hija libera tiddetermina, taħt l-istħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u tal-użu ħażin ta’ poter, dak li huwa meħtieġ u xieraq fir-rigward tal-objettivi mfittxa mil-leġiżlazzjoni bażika. Skont il-formula użata regolarment mill-Qorti tal-Ġustizzja, kemm qabel kif ukoll wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, “fil-kuntest tas-setgħa ta’ implementazzjoni tagħha, li l-limiti tagħha għandhom jiġu evalwati b’mod partikolari skont l-għanijiet ġenerali essenzjali tal-att leġiżlattiv inkwistjoni, il-Kummissjoni hija awtorizzata li tadotta l-miżuri kollha neċessarji jew utili għall-implementazzjoni tal-imsemmi att, sakemm dawn ma jkunux kuntrarji għalih” ( 40 ).

87.

Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li s-setgħa ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni ġiet eżerċitata, f’dan il-każ, fil-qasam partikolari tal-evalwazzjoni ta’ miżuri li għandhom jittieħdu għall-ġlieda kontra riskju fitosanitarju. Madankollu, skont ġurisprudenza wkoll stabbilita, fir-rigward ta’ qasam fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa msejjaħ jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi skont elementi tekniċi u xjentifiċi li jistgħu jiżviluppaw malajr, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu jista’ jkun biss ristrett. Dan għandu jillimita ruħu għall-eżami dwar jekk dan huwiex ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni qabiżx manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu ( 41 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dan li hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dan it-tip ta’ qasam, meta mqabbla mal-objettiv li l-istituzzjoni għandha l-intenzjoni li ssegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura ( 42 ).

88.

Huwa b’kunsiderazzjoni ta’ din il-marġni ta’ diskrezzjoni u tal-istħarriġ ġudizzjarju ristrett riżultanti li se neżamina l-legalità tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 fid-dawl tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni.

89.

Mill-premessi 4 sa 6 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/29 jirriżulta li din tipprevedi prinċipalment li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni fitosanitarja kontra l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara fil-prodotti importati minn pajjiżi terzi ( 43 ).

90.

Minbarra r-regoli dwar l-introduzzjoni ta’ pjanti ta’ oriġini minn pajjiżi terzi u ċ-ċirkulazzjoni ta’ pjanti fi ħdan l-Unjoni, diversi miżuri huma maħsuba għall-ġlieda kontra l-preżenza u t-tixrid ta’ organiżmi ta’ ħsara li jirnexxielhom jidħlu fit-territorju tal-Unjoni. Għalhekk, l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi, inter alia, li kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-preżenza fit-territorju tiegħu ta’ organiżmi ta’ ħsara li, bħall-batterju Xylella fastidiosa, huma elenkati fl-Anness I, il-Parti A, is-Sezzjoni I tal-imsemmija direttiva.

91.

Wara din in-notifika, id-Direttiva 2000/29 fl-istess ħin tobbliga lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-miżuri imposti. Fuq l-Istati Membri, l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva jimponilhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jeqirdu jew inaqqsu l-firxa tal-organiżmi ta’ ħsara, filwaqt li, lill-Kummissjoni, l-Artikolu 16(3) tal-imsemmija direttiva jagħtiha s-setgħa li tadotta l-“miżuri meħtieġa” kollha, filwaqt li jinkludi b’mod espliċitu f’din is-setgħa, li jikkostitwixxi wkoll obbligu, li tirrevoka jew temenda d-deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri.

92.

It-termini tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29 huma fformulati f’termini ġenerali li ma jippermettux id-deduzzjoni ta’ limitazzjoni eventwali tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri li jistgħu jittieħdu għall-miżuri biss li jikkonċernaw il-pjanti diġà infettati. Din id-dispożizzjoni tawtorizza, għall-kuntrarju, indistintament il-miżuri meħtieġa kollha għall-qerda jew in-nuqqas ta’ firxa tal-organiżmi ta’ ħsara, b’tali mod li għalkemm il-qerda jew in-nuqqas ta’ firxa ta’ tali organiżmi ma jassumux biss id-distruzzjoni ta’ pjanti infettati, iżda wkoll dik ta’ pjanti b’saħħithom li jkunu jinsabu fil-viċin, din il-miżura tidħol ukoll fis-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni.

93.

Il-qari restrittiv issuġġerit mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalhekk ma jsib l-ebda appoġġ fl-ittra tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29. Lanqas ma jista’ jkun ikkorroborat mill-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 13c(7) ta’ din id-direttiva, li ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-portata tas-setgħa ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni peress li din hija bbażata esklużivament fuq l-Artikolu 16(3) tal-imsemmija direttiva. Fi kwalunkwe każ, mill-qari ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jirriżultax li dawn jipprovdu xi limitazzjoni fir-rigward tal-pjanti li jistgħu jkunu kkonċernati minn miżuri ta’ distruzzjoni.

94.

Minn dan jirriżulta li, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, il-Kummissjoni ma qabżitx is-setgħat mogħtija lilha mid-Direttiva 2000/29 għall-qerda u t-tnaqqis tal-firxa tal-organiżmi ta’ ħsara.

4. Fuq ir-raba’ domanda

95.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 huwiex invalidu sa fejn dan jikser il-prinċipji ta’ prekawzjoni, ta’ adegwatezza u ta’ proporzjonalità.

96.

Id-dubji espressi f’dan ir-rigward mill-qorti tar-rinviju joriġinaw mill-fatt li d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 imponiet miżuri ta’ qerda li ma jirrigwardawx biss il-pjanti infettati iżda wkoll il-pjanti b’saħħithom kollha li jinsabu fi ħdan raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati, filwaqt li ma teżistix ċertezza xjentifika, la fir-rigward tar-rabta kawżali bejn il-batterju u l-inxif rapidu tas-siġar taż-żebbuġ u lanqas fir-rigward tan-natura patoġena ta’ dik għall-pjanti ospitanti.

97.

Iktar minn hekk, l-ebda element oġġettiv ma jippermetti li jitqies li raġġ ta’ 100 metru eżatt – u mhux raġġ iżgħar – ikun biżżejjed biex jintlaħaq l-objettiv imfittex, peress li, għalkemm din id-distanza tidher li nżammet minħabba li l-insetti vetturi tal-batterju ma jkunux kapaċi jtiru minn pjanta għal oħra fuq distanza itwal, l-EFSA madankollu nnotat, fl-opinjoni tagħha tas-26 ta’ Novembru 2013, li l-insetti vetturi jistgħu jiġu ttrasportati mir-riħ fuq distanzi twal u, fl-opinjoni tagħha tas-6 ta’ Jannar 2015, li d-data li tippermetti li jiġi ddeterminat sa liema distanza l-insetti vetturi jistgħu jtiru hija insuffiċjenti.

98.

Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 ma tibbażax fuq data xjentifika li tippreżenta natura ċerta u li kapaċi ssostni l-għażliet magħmula mill-Kummissjoni u ma tinkludix evalwazzjoni tar-riskju u tal-konsegwenzi potenzjali tan-nuqqas ta’ azzjoni. Din ma turix fiex il-miżuri miżmuma huma xierqa u lanqas ma tevalwa l-eżistenza ta’ miżuri alternattivi inqas radikali.

a) L-osservazzjonijiet preliminari

99.

B’mod preliminari, għandha titqies sewwa d-data tal-fatt li skontha għandha tiġi mistħarrġa l-legalità tal-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienu ġew adottati fuq il-bażi tad-data xjentifika tal-mument.

100.

Infakkar li, fil-prinċipju, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta dan l-att kien ġie adottat ( 44 ). Madankollu, jien nemmen li nista’ nsib, f’diversi sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, bidu ta’ linja ta’ ġurisprudenza li tagħti traċċa tal-istrettezza ta’ dan il-prinċipju billi tammetti, f’ċerti ċirkustanzi partikolari, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatti posterjuri.

101.

Is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems ( 45 ), tipprovdi spjegazzjoni reċenti u partikolarment rilevanti ta’ din il-ġurisprudenza, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li matul l-eżami tal-validità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li pajjiż terz għandu jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali ttrasferita, “għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ċirkustanzi li seħħew wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni” ( 46 ). Din is-soluzzjoni hija ġġustifikata min-natura partikolari tad-deċiżjoni ta’ adegwatezza, li għandha tkun is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid regolari mill-Kummissjoni skont il-kuntest fattwali u ġuridiku li jipprevali fil-pajjiż terz.

102.

Fuq l-istess linja ta’ ħsieb, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et ( 47 ), qieset li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun għadha ma daħlitx fis-seħħ, il-qorti nazzjonali, obbligata tevalwa l-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni fid-data li fiha hija tiddeċiedi l-kawża ( 48 ), għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li hija tkun konxja minnhom, “iktar u iktar [...] f’sitwazzjoni [...] fejn jidher li jeżistu inċertezzi xjentifiċi dwar l-effett reali tal-miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni” ( 49 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat din is-soluzzjoni fuq il-prinċipju, iddikjarat fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Frar 1999, Seymour-Smith u Perez ( 50 ), li skontu r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu osservati “fi kwalunkwe mument rilevanti, irrispettivament minn jekk dan il-mument ikunx dak tal-adozzjoni ta’ miżura, tal-implementazzjoni tagħha, jew tal-applikazzjoni tagħha f’dan il-każ” ( 51 ).

103.

Preċedentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li, meta Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel parti mill-kuntest ta’ politika ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, din il-leġiżlazzjoni għandha terġa’ tiġi rriveduta jekk ikun jidher li r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tagħha nbidlu sussegwentement, b’mod partikolari, bl-iżvilupp tad-data disponibbli li tirriżulta mir-riċerka xjentifika ( 52 ).

104.

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta elementi ġodda jbiddlu l-perċezzjoni ta’ riskju jew juru li dan ir-riskju jista’ jiġi limitat minn miżuri inqas restrittivi minn dawk eżistenti, hija kompetenza tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u b’mod partikolari tal-Kummissjoni, li għandha s-setgħa ta’ inizjattiva, li jadattaw il-leġiżlazzjoni għad-data l-ġdida ( 53 ).

105.

Fl-aħħar nett, huwa interessanti li jiġi nnotat li, fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Settembru 2011, Monsanto et ( 54 ), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, għalkemm il-qrati nazzjonali aditi b’rikors ippreżentat kontra miżuri ta’ emerġenza meħuda mill-Istati Membri skont l-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament ( 55 ), għandhom ġurisdizzjoni sabiex jevalwaw il-legalità ta’ tali miżuri fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet bażiċi stabbiliti minn dan ir-regolament sakemm deċiżjoni ma tkunx ġiet adottata fil-livell tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, meta tittieħed deċiżjoni f’każ partikolari, l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jinsabu f’tali deċiżjoni, jorbtu lill-qrati msejħa jevalwaw il-legalità tal-miżuri provviżorji adottati fil-livell nazzjonali ( 56 ). Iġġustifikata mir-rekwiżiti ta’ supremazija u ta’ uniformità tad-dritt tal-Unjoni, din is-sentenza għalhekk timponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jinsabu fid-deċiżjonijiet adottati fil-livell tal-Unjoni, anki ta’ dawk posterjuri għall-miżuri nazzjonali li l-legalità tagħhom hija kkontestata.

106.

Jien nipproponi li tinżamm soluzzjoni li tidħol fil-konverġenza tal-linja ta’ ġurisprudenza tradizzjonali u ta’ din il-linja l-ġdida favorevoli għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi posterjuri. Din is-soluzzjoni tikkonsisti mill-kunsiderazzjoni li ċ-ċirkustanzi l-ġodda ta’ wara l-adozzjoni ta’ att ma jistgħux jiġġustifikaw l-invalidazzjoni retroattiva tiegħu, iżda, jekk ikun il-każ, jipprekludu li l-miżuri meħuda b’applikazzjoni ta’ dan l-att ikunu implementati legalment.

107.

Għalkemm, fil-fehma tiegħi, data xjentifika ġdida li teskludi l-eżistenza ta’ kwalunkwe riskju fitosanitarju marbut ma’ Xylella fastidiosa tista’ tiġġustifika li d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 u d-deċiżjonijiet nazzjonali sussegwenti ma jistgħux jibqgħu jiġu implementati, jien inqis li jista’ jitqies ukoll, biex jissaħħu a posteriori l-għażliet magħmula mill-Kummissjoni, it-titjib tal-għarfien xjentifiku li, għall-kuntrarju, jagħmel ċert ir-riskju identifikat bħala potenzjal fil-mument fejn il-miżuri ta’ qerda jkunu ġew adottati.

108.

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien ma nillimitax ruħi, biex nagħti risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, għad-data xjentifika biss magħrufa fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789.

b) L-osservanza tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

109.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ prekawzjoni li jipprovdi li, meta jkun għad hemm inċertezzi dwar l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji, jistgħu jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu pprovati kompletament ir-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji ( 57 ).

110.

Barra minn hekk, meta jirriżulta impossibbli li jiġu ddeterminati b’ċertezza l-eżistenza jew il-portata tar-riskju allegat, minħabba n-natura mhux konklużiva tar-riżultati tal-istudji mwettqa, iżda l-probabbiltà ta’ ħsara reali għas-saħħa pubblika tippersisti fil-każ li r-riskju jimmaterjalizza ruħu, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ( 58 ).

111.

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni jsaħħaħ għalhekk l-azzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni f’każ ta’ inċertezza dwar l-eżistenza ta’ riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, peress li din l-inċertezza ma tirriżultax minn nuqqas totali ta’ għarfien, iżda ta’ elementi dettaljati li huma l-frott ta’ evalwazzjoni xjentifika.

112.

Il-Kummissjoni kisret dan il-prinċipju billi imponiet lill-Istati Membri miżuri ta’ qerda ta’ pjanti ospitanti, fi ħdan raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati?

113.

Jiena ma naħsibx li dan huwa l-każ.

114.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw essenzjalment il-fatt li miżura ta’ tali serjetà ġiet ordnata mingħajr ma kienet teżisti ċertezza xjentifika dwar ir-rabta kawżali bejn il-batterju u l-inxif tas-siġar taż-żebbuġ.

115.

Għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni mhux eżatta tal-prinċipju ta’ prekawzjoni li, minflok ma jipprojbixxi kull miżura fin-nuqqas ta’ ċertezza xjentifika, jagħmel leġittima, għall-kuntrarju, l-azzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni minkejja li dawn jaffaċċjaw sitwazzjoni ta’ inċertezza xjentifika. Dan il-prinċipju, skont il-formula klassika, ma huwiex prinċipju ta’ astensjoni, iżda prinċipju ta’ azzjoni f’sitwazzjoni ta’ inċertezza.

116.

Madankollu, għalkemm l-eżistenza ta’ kawżalità bejn Xylella fastidiosa u l-kumpless ta’ nxif rapidu tas-siġar taż-żebbuġ ma kinitx intweriet fl-opinjoni tas‑6 ta’ Jannar 2015, din l-opinjoni, madankollu, kienet evidenzjat korrelazzjoni sinjifikattiva bejn il-batterju u l-okkorrenza ta’ tali patoloġija. L-eżistenza ta’ riskju potenzjali li jirriżulta mit-tixrid tal-batterju setgħet għalhekk titqies bħala ssostanzjata biżżejjed, fl-istat attwali tal-għarfien xjentifiku, għall-ġustifikazzjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

117.

Iktar minn hekk, minn sempliċi potenzjal, ir-riskju sar ċert mill-opinjoni tal-EFSA adottata fis-17 ta’ Marzu 2016 ( 59 ), li fiha huwa indikat li r-riżultati ta’ esperjenzi reċenti juru li l-iżolat “De Donno” ta’ Xylella fastidiosa joħloq is-sintomi tal-kumpless ta’ nxif rapidu tas-siġar taż-żebbuġ u li dan jirrigwarda għalhekk l-aġent responsabbli għall-marda ( 60 ).

118.

Jifdal li jiġi ddeterminat jekk il-miżuri adottati fid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 humiex proporzjonati.

c) L-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

119.

Sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni osservatx il-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-eżerċizzju tas-setgħat irrikonoxxuti lilha mill-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29, għandu jiġi vverifikat jekk il-mezzi li hija implementat fid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 kinux kapaċi jilħqu l-objettiv previst u jekk dawn marrux lil hinn minn dak li kien neċessarju biex dan jintlaħaq.

120.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kapaċità tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tilħaq l-objettiv imfittex, għandu jiġi nnotat li, fl-opinjoni tagħha tas‑6 ta’ Jannar 2015, l-EFSA indikat li pjanti ospitanti asintomatiċi u effetti asintomatiċi jew ħfief jistgħu ma jidhrux f’eżamijiet ibbażati esklużivament fuq spezzjoni viżiva, anki saħansitra fuq testijiet tal-laboratorju, minħabba l-prekoċità possibbli tal-infezzjoni jew ta’ tqassim eteroġenu tal-batterju fil-pjanta. Bi tluq mill-konstatazzjoni li l-marda tinfirex minn pjanta għall-oħra permezz ta’ insetti vetturi u li jeżisti perijodu latenti bejn l-inokulazzjoni tal-batterju minn dawn il-vetturi u d-dehra tas-sintomi, anki l-possibbiltà li jiġi rrilevat il-batterju fil-pjanta, l-EFSA qieset bħala essenzjali, matul il-qerda tal-pjanti rrikonoxxuti bħala li huma infettati, li jinqerdu wkoll il-pjanti l-oħra kollha li jinsabu viċin tagħhom.

121.

Fir-rigward tal-għażla li jiġi stabbilit ir-raġġ madwar il-pjanti infettati ta’ 100 metru, hemm lok li jiġi nnotat li, filwaqt li jissemmew l-inċertezzi persistenti dwar ir-rwol tal-kontaminazzjoni li tirriżulta minn interventi tal-bniedem u dwar il-mekkaniżmi ta’ tixrid mir-riħ kif ukoll id-data insuffiċjenti dwar id-distanza tat-titjira tal-insetti vetturi, li huma l-unika mogħdija naturali tal-batterju, l-EFSA, madankollu, ikkonstatat li dawn l-insetti ġeneralment itiru fuq distanzi qosra, sa 100 metru, minkejja li probabbilment jistgħu jiġu ttrasportati mir-riħ fuq distanzi itwal.

122.

Din il-konstatazzjoni doppja tal-EFSA tidhirli li tiġġustifika l-għażla magħmula mill-Kummissjoni li ma jinqerdux biss il-pjanti infettati, iżda wkoll il-pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, li jinsabu fiż-żona fejn hemm l-ogħla probabbiltà ta’ tixrid tal-marda minn siġra infettata għal siġra b’saħħitha. Minkejja li ma huwiex evidentement ċert li din tista’ twaqqaf b’mod definittiv u komplet it-tixrid tal-batterju, il-miżura adottata mill-Kummissjoni madankollu tidher xierqa għal-limitazzjoni b’mod effettiv tar-riskji ta’ tixrid.

123.

Sabiex tingħata risposta għall-oġġezzjoni mqajma matul is-seduta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ibbażata fuq il-paradoss li hemm li jipprevedi miżuri ta’ qerda fiż-żoni l-inqas infettati filwaqt li jfaddal il-provinċja ta’ Lecce, l-iktar milquta, li fiha jistgħu jiġu pprattikati miżuri sempliċi ta’ konteniment, jien inżid ngħid li din id-differenza ta’ trattament tidher, fir-realtà ġġustifikata. Fil-fatt, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 7 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, il-qerda tal-batterju fil-provinċja ta’ Lecce ma jidhirx iktar possibbli tant dan huwa diġà preżenti hemmhekk. Minbarra dan, kif argumenta l-Gvern Taljan matul is-seduta, l-imsemmija differenza hija spjegata mis-sitwazzjoni ġeografika tal-provinċja ta’ Lecce, li tinsab fin-nofsinhar estrem tal-Italja u mdawra mill-baħar bl-eċċezzjoni tal-fruntiera tagħha fit-Tramuntana.

124.

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-objettiv imfittex, għandu jiġi nnotat li, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, ma kienx jidher li jeżistu miżuri inqas stretti li jippermettu l-qerda tal-batterju. Fil-fatt, fl-opinjoni tagħha tas-6 ta’ Jannar 2015, l-EFSA indikat li ma kien jeżisti l-ebda trattament li jippermetti l-fejqan tal-pjanti morda fl-għelieqi u li, għalkemm kien possibbli li bidliet magħmula għas-sistemi tal-kultivazzjoni, bħall-irmondar, il-fertilizzazzjoni jew l-irrigazzjoni, ikollhom ċerta influwenza fuq il-marda, dawn ma jistgħux ikunu biżżejjed biex ifejqu lill-pjanti. Imbagħad, b’eżami iktar partikolari tal-effettività tal-qtugħ tas-siġar taż-żebbuġ, l-EFSA nnotat li “fil-Puglia, qtugħ radikali tas-siġar taż-żebbuġ infettati wassal għall-ħolqien ta’ nebbieta ġodda fil-bażi tas-siġra [...], iżda, sa issa, ma ntweriex li dan il-metodu huwa effettiv għall-fejqan tal-pjanti u l-evitar tal-mewt tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 61 ).

125.

F’dawn il-kundizzjonijiet, ma ntweriex li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni bl-impożizzjoni tal-qerda tal-pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, li jinsabu fi ħdan raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati.

C – Fuq is-sitt domanda

126.

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 hijiex invalida sa fejn din tikser il-prinċipji ta’ adegwatezza u ta’ proporzjonalità, peress li din tipprevedi miżuri ta’ tneħħija tal-pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, tal-pjanti li l-infezzjoni tagħhom minn Xylella fastidiosa hija magħrufa u tal-pjanti li għandhom sintomi ta’ infezzjoni possibbli jew li huma ssuspettati li huma infettati, mingħajr ma tipprevedi ebda forma ta’ kumpens favur proprjetarji mhux responsabbli għat-tixrid tal-batterju.

127.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi f’diversi drabi dwar il-kumpens għad-danni kkawżati lil proprjetarji minn miżuri nazzjonali implementati mid-dritt tal-Unjoni.

128.

Skont is-sentenza tas-6 ta’ April 1995, Flip u Verdegem ( 62 ), mogħtija dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar id-deni klassiku tal-ħnieżer, bl-adozzjoni ta’ miżuri għall-kontroll ta’ din il-marda, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-għan li jirregola l-aspetti finanzjarji li tinkludi l-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri mill-proprjetarji tal-annimali kkonċernati u, b’mod partikolari, li jimponi miżuri ta’ kumpens għal dawn il-proprjetarji ( 63 ). Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar dan il-punt, il-kumpens ta’ proprjetarji li l-ħnieżer tagħhom inqatlu fuq ordni tal-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest ta’ miżuri għall-kontroll tal-imsemmija marda jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru ( 64 ).

129.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ġurisprudenza tagħha fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood ( 65 ), mogħtija dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tintroduċi miżuri minimi għall-kontroll ta’ ċertu mard tal-ħut. Wara li ddikjarat li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jqis, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu fil-qasam tal-politika agrikola, li jkun meħtieġ li jingħata kumpens, b’mod parzjali jew totali, lill-proprjetarji tal-irziezet li fihom l-annimali ġew meqruda u maqtula, din ikkonkludiet li minn din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi dedotta l-eżistenza, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ prinċipju ġenerali li jimponi l-għoti ta’ kumpens fiċ-ċirkustanzi kollha ( 66 ).

130.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet mill-ġdid għal din il-ġurisprudenza fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Mejju 2014, Érsekcsanádi Mezőgazdasági ( 67 ), li kienet tikkonċerna l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tintroduċi miżuri għall-kontroll tal-influwenza tal-għasafar, filwaqt li ppreċiżat li din kienet applikabbli wkoll fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, “b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-fatt li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni [...] huma inqas gravi mill-miżuri ta’ qirda u ta’ qtil fil-kawża li wasslet għas-sentenza [tal‑10 ta’ Lulju 2003,] Booker Aquaculture u Hydro Seafood [ ( 68 )]” ( 69 ).

131.

Madankollu, l-ambjent legali nbidel b’mod profond sa mis-sentenzi tas‑6 ta’ April 1995, Flip u Verdegem (C‑315/93, EU:C:1995:102), kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood (C‑20/00 u C‑64/00, EU:C:2003:397).

132.

Sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, huwa importanti, fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, li tiġi applikata l-Karta, li tistabbilixxi d-dritt għall-proprjetà kif ukoll id-dritt għal kumpens ġust f’każ li dan jiġi mċaħħad. Skont l-Artikolu 17(1) tagħha, “[l]-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku”.

133.

Wara l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 17 tal-Karta ( 70 ) li, f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) ta’ din l-istess Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha, dan l-Artikolu 17 jikkorrispondi għall-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950.

134.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, fih tliet regoli “distinti”, iżda “komplementari”. L-ewwel waħda, li tinsab fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu, tistabbilixxi l-prinċipju tar-rispett tal-proprjetà, li għandu natura ġenerali, filwaqt li ż-żewġ regoli l-oħra jipprevedu ipoteżijiet speċifiċi ta’ ksur tad-dritt għall-proprjetà. It-tieni regola, li tidher fit-tieni sentenza tal-istess subparagrafu, tikkonċerna ċ-ċaħda ta’ proprjetà u s-suġġettar għal ċerti kundizzjonijiet. Fl-aħħar nett, it-tielet regola, ipprovduta fit-tieni subparagrafu, tirrikonoxxi lill-Istati kontraenti s-setgħa li jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet li huma jqisu neċessarji għar-regolazzjoni tal-użu tal-beni ( 71 ).

135.

Fi kwalunkwe ipoteżi, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem timponi l-osservanza ta’ rekwiżit ta’ proporzjonalità li jimmaterjalizza fil-prinċipju ta’ “bilanċ ġust” li għandu jinkiseb bejn ir-rekwiżiti tal-interess ġenerali u l-obbligi tal-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà ( 72 ).

136.

Fil-każ ta’ miżura li ċċaħħad lil persuna mill-proprjetà tagħha, il-bilanċ ġust jimplika neċessarjament, ħlief f’“ċirkustanzi eċċezzjonali”, il-ħlas ta’ kumpens fiss f’livell “raġonevoli”. Fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni tal-użu tal-beni jew f’dawk li ma jistgħux jiġu kklassifikati f’kategorija preċiża, it-tħassib li jiġi żgurat “bilanċ ġust” bejn ir-rekwiżiti tal-interess ġenerali u l-obbligi tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-individwu jissolva b’mod differenti, peress li l-kumpens tal-proprjetarju għalhekk jikkostitwixxi biss wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-eżami kumplessiv tal-“bilanċ ġust” bejn l-interessi inkwistjoni. Il-“bilanċ ġust” jinkiser meta persuna ġġarrab oneru “speċjali u eżorbitanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 73 ), sproporzjonat fil-konfront tal-objettiv ta’ interess pubbliku mfittex, mingħajr ma dan l-oneru jkun ikkumpensat minn kumpens adegwat.

137.

Mingħajr ma jkun neċessarju li jitfittex jekk il-qerda tal-pjanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, li jinsabu fi ħdan raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati tinvolvix ċaħda tal-proprjetà b’tali mod li tkun simili għal miżura ġenwina ta’ esproprjazzjoni, ikun biżżejjed li jiġi kkonstatat li din il-miżura tikkostitwixxi, evidentement, indħil fid-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. B’kunsiderazzjoni tal-konsegwenzi partikolarment ta’ ħsara li jirriżultaw minn dan għall-proprjetarji kkonċernati, l-imsemmija miżura tidher li tista’ tikseb bilanċ ġust bejn ir-rekwiżiti tal-interess ġenerali u dawk tal-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà biss bil-kundizzjoni li l-proprjetarju tal-art ikkonċernata jkun jista’ jirċievi kumpens. Għalhekk mill-Artikolu 17 tal-Karta jirriżulta li, sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi inkwistjoni, il-proprjetarji tal-pjanti mqaċċta għandhom jibbenefikaw minn dritt li jirċievu kumpens raġonevoli fil-konfront tal-valur ta’ dawn il-beni.

138.

Id-dritt għal kumpens jirriżulta direttament mill-Artikolu 17 tal-Karta, is-silenzju dwar dan il-punt mid-Direttiva 2000/29 u mid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 ma jistax jiġi interpretat bħala li jeskludi tali dritt. Konsegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jakkużaw lil-leġiżlatur tal-Unjoni li kiser il-prinċipji ta’ adegwatezza u ta’ proporzjonalità minħabba li ma jipprevedix skema ta’ kumpens.

139.

Skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, hemm lok li jiġi nnotat li l-Istati Membri jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta dawn jistabbilixxu miżuri ta’ qerda jew ta’ tnaqqis tal-firxa bl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, din stess meħuda bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/29 ( 74 ). Konsegwentement, dawn huma marbuta, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Karta, biex jistabbilixxu skema li tagħti lill-proprjetarji tal-artijiet ikkonċernati kumpens raġonevoli fil-konfront tal-valur tal-pjanti meqruda.

140.

Jien nikkonstata, barra minn hekk, li, bħalma enfasizzat il-Kummissjoni, l-iskemi ta’ kumpens previsti mill-Istati Membri sabiex jirrimedjaw għall-ksur tad-dritt għall-proprjetà mġarrab fl-interess ġenerali jistgħu jibbenefikaw minn kofinanzjament mill-Unjoni fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 ( 75 ).

141.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-eżami tad-domandi magħmula ma żvela l-ebda element ta’ natura li taffettwa l-validità tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789.

IV – Konklużjoni

142.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta kif ġej għad-domandi magħmula mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali għal-Lazio, l-Italja):

L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/789, tat-18 ta’ Mejju 2015, fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella fastidiosa (Wells et al), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżura ta’ tneħħija ta’ pjanti preskritta fil-paragrafu 2 tiegħu għandha tiġi applikata mill-Istat Membru kkonċernat wara l-implementazzjoni tat-trattamenti fitosanitarji kontra l-vetturi tal-batterju previsti fil-paragrafu 4 tiegħu.

L-eżami tad-domandi magħmula ma żvela l-ebda element ta’ natura li taffettwa l-validità tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Il-batterju jiżviluppa fis-silema tal-pjanti fejn dan jifforma aggregati li jispiċċaw jimblokkaw il-vażi u jillimitaw ċ-ċirkulazzjoni tal-linfa.

( 3 ) F’dan l-istadju, jien ma iniex ser niddiskuti l-kwistjoni dwar ir-rabta kawżali bejn il-batterju u l-inxif, li se nindirizzaha iktar ’il quddiem.

( 4 ) Il-batterju li laqat bil-kbir il-vinji ta’ California fi tmiem is-seklu XIX, kien ġie deskritt għall-ewwel darba fl-1892 mill-fitopatologu Newton B. Pierce (ara Pierce, N. B., “The California vine disease”, U.S. Department of Agriculture, Division of Vegetable Pathology, Bulletin Nru 2), minn fejn ħareġ l-isem il-“marda ta’ Pierce” mogħti lis-sindrome ta’ nxif rapidu tad-dielja.

( 5 ) Il-lista aġġornata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) hija magħmula minn 359 speċi ta’ pjanti suxxettibbli għall-batterju (ara l-aġġornament tad-databases tal-pjanti ospitanti ta’ Xylella fastidiosa, tal-20 ta’ Novembru 2015, disponibbli fid-data tar-redazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet fuq is-sit tal-EFSA fl-indirizz http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4378).

( 6 ) B’kunsiderazzjoni tal-importanza tal-produzzjoni taż-żejt fir-reġjuni kkonċernati. L-Unjoni Ewropea fil-fatt tipproduċi iktar minn 75 % tal-produzzjoni dinjija taż-żejt taż-żebbuġ, fejn ir-Renju ta’ Spanja, l-ewwel produttur dinji, waħdu jirrappreżenta 45 % ta’ din il-produzzjoni. Ir-Repubblika Taljana hija t-tieni produttur dinji.

( 7 ) Is-siġra taż-żebbuġ hija tradizzjonalment meqjusa, fil-pajjiżi Mediterranji, bħala siġra simbolika ħafna, għal diversi virtujiet. Bħalma spjega Gabriele D’Annunzio (D’Annunzio, G., “Aux Oliviers”, Poésies, 1878 sa 1893, tradotti mit-Taljan minn Hérelle, G., Lévy, Pariġi, 1912):

“Iż-żebbuġ, siġar sagri, o intom li attenti, f’din is-sħana meridjonali terribbli, isimgħu l-baħar [...],

[...] xerrdu l-paċi kull fejn tiddu, il-paċi glorjuża tagħkom, xerrduha f’qalbi bil-ħniena,

[...] intom li, fl-ikħal immens, solenni b’tali maestà tant li ħsiebi jdur lejn l-alla antika Pallade Atena!” [traduzzjoni libera]

( 8 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 29, p. 258. Direttiva kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2002/89/KE, tat-28 ta’ Novembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 38, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2000/29”).

( 9 ) Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ miżuri għall-prevenzjoni tat-tixrid ta’ Xylella fastidiosa (Well u Raju) fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2014, L 45, p. 29).

( 10 ) Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Xylella fastidiosa (Well u Raju) fl-Unjoni (ĠU 2014, L 219, p. 56).

( 11 ) Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella fastidiosa (Wells et al) (ĠU 2015, L 125, p. 36).

( 12 ) Ara l-Artikolu 1(c) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789.

( 13 ) Premessa 7 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789.

( 14 ) Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789 (ĠU 2015, L 333, p. 143).

( 15 ) GURI Nru 239, tal-14 ta’ Ottubru 2014.

( 16 ) GURI Nru 148, tad-29 ta’ Ġunju 2015, iktar ’il quddiem id-“digriet tad-19 ta’ Ġunju 2015”.

( 17 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 18 ) ĠU 1977, L 26, p. 20.

( 19 ) Direttiva kif emendata fl-aħħar lok mid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/53/KE, tas‑26 ta’ Mejju 1999 (ĠU 1999, L 142, p. 29).

( 20 ) Deċiżjoni, tat-23 ta’ Novembru 1976, li waqqfet Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 3, p. 60).

( 21 ) Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124).

( 22 ) Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni, tal-15 ta’ Diċembru 2014, li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/29/KE fir-rigward tan-notifika tal-preżenza ta’ organiżmi ta’ ħsara u ta’ miżuri li ttieħdu jew huma maħsuba li jittieħdu mill-Istati Membri (ĠU 2014, L 360, p. 59).

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90, punt 17).

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português (C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 30).

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 58, 6061).

( 26 ) Ara ġurisprudenza stabbilita li skontha “[i]l-kriterju li jiddistingwi regolament minn deċiżjoni huwa jekk l-att inkwistjoni huwiex ta’ portata ġenerali jew le” (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, Kovar, R., “L’identification des actes normatifs en droit communautaire”, f’Dony, M., u de Walsche, A., Mélanges en hommage à Michel Waelbroeck, Bruylant, Bruxelles, 1999, p. 387, li josserva li “l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ‘qbiż tal-apparenza’ japplika wkoll għad-deċiżjonijiet indirizzati lill-Istati Membri li jista’ jkollhom portata normattiva […] meta dawn id-deċiżjonijiet japplikaw għal grupp ta’ persuni b’referenza għal sitwazzjoni oġġettiva ta’ fatt jew ta’ dritt iddefinita fir-rigward tal-għan ta’ dawn l-atti” [traduzzjoni libera] (p. 395).

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1962, Confédération nationale des producteurs de fruits et légumes et vs Il‑Kunsill (16/62 u 17/62, EU:C:1962:47, p. 918).

( 29 ) Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna (C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 51).

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-28 ta’ Ġunju 2011, Eridania et vs Il‑Kunsill (C‑352/99 P, EU:C:2001:364, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Mill-ġurisprudenza jirriżulta li meta test jinkludi limitazzjonijiet jew derogi ta’ natura temporanja jew ta’ portata territorjali, huma jagħmlu parti integrali mid-dispożizzjonijiet meħudin flimkien li jinkluduhom u huma, ħlief fil-każ ta’ abbuż ta’ poter, tal-istess natura ġenerali bħalhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1993, Ġibiltà vs Il‑Kunsill, C‑298/89, EU:C:1993:267, punt 18).

( 32 ) Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 30), u tal-10 ta’ Diċembru 2015, Kyocera Mita Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑553/14 P, EU:C:2015:805, punt 44).

( 33 ) Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 31), u tal-10 ta’ Diċembru 2015, Kyocera Mita Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑553/14 P, EU:C:2015:805, punt 45).

( 34 ) Ara s-sentenzi tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punti 41 u 42), kif ukoll tal-10 ta’ Diċembru 2015, Kyocera Mita Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑553/14 P, EU:C:2015:805, punt 46).

( 35 ) Ara “Scientific Opinion on the risk to plant health posed by Xylella fastidiosa in the EU territory, with the identification and evaluation of risk reduction options”, disponibbli fuq is-sit tal-Internet tal-EFSA.

( 36 ) Ara l-punt 4.6.8 ta’ din l-opinjoni.

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, L-Estonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑508/13, EU:C:2015:403, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, L-Estonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑508/13, EU:C:2015:403, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 39 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni (C‑65/13, EU:C:2014:2289, punt 45).

( 40 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza, tal-15 ta’ Ottubru 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni (C‑65/13, EU:C:2014:2289, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel (C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill (C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) Dan kien diġà s-suġġett tad-Direttiva 77/93, li ġiet issostitwita mid-Direttiva 2000/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Anastasiou et, C‑140/02, EU:C:2003:520, punt 45).

( 44 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑595/14, EU:C:2015:847, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 45 ) C‑362/14, EU:C:2015:650.

( 46 ) Punt 77.

( 47 ) C‑333/14, EU:C:2015:845.

( 48 ) Punt 63.

( 49 ) Punt 64.

( 50 ) C‑167/97, EU:C:1999:60.

( 51 ) Punt 45.

( 52 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 1984, Heijn (94/83, EU:C:1984:285, punt 18), u tat-13 ta’ Marzu 1986, Mirepoix (54/85, EU:C:1986:123, punt 16).

( 53 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑601/11 P, EU:C:2013:465, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) C‑58/10 sa C‑68/10, EU:C:2011:553.

( 55 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432.

( 56 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Monsanto et (C‑58/10 sa C‑68/10, EU:C:2011:553, punti 78 sa 80).

( 57 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution (C‑157/14, EU:C:2015:823, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 58 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution (C‑157/14, EU:C:2015:823, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 59 ) Ara “Scientific opinion on four statements questioning the EU control strategy against Xylella fastidiosa”, disponibbli fuq is-sit tal-Internet tal-EFSA.

( 60 ) Ara p. 10 u 11 ta’ din l-opinjoni.

( 61 ) Ara p. 97 ta’ din l-opinjoni.

( 62 ) C‑315/93, EU:C:1995:102.

( 63 ) Punt 25.

( 64 ) Punt 30.

( 65 ) C‑20/00 u C‑64/00, EU:C:2003:397.

( 66 ) Punt 85.

( 67 ) C‑56/13, EU:C:2014:352.

( 68 ) C‑20/00 u C‑64/00, EU:C:2003:397.

( 69 ) Sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Érsekcsanádi Mezőgazdasági (C‑56/13, EU:C:2014:352, punt 49).

( 70 ) Ara l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007 C 303, p. 17).

( 71 ) Qorti EDB, 23 ta’ Settembru 1982, Sporrong u Lönnroth vs L-Isvezja, CE:ECHR:1982:0923JUD000715175, § 61.

( 72 ) Qorti EDB, 23 ta’ Settembru 1982, Sporrong u Lönnroth vs L-Isvezja, CE:ECHR:1982:0923JUD000715175, § 69.

( 73 ) Qorti EDB, 23 ta’ Settembru 1982, Sporrong u Lönnroth vs L-Isvezja, CE:ECHR:1982:0923JUD000715175, § 73.

( 74 ) Fuq dan il-punt, m’iniex naqbel mas-soluzzjoni miżmuma fil-punt 55 tas-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2014, Érsekcsanádi Mezőgazdasági (C‑56/13, EU:C:2014:352).

( 75 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE (ĠU 2014, L 189, p. 1).

Top