Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0065

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fis-6 ta’ April 2017.
    Istanbul Lojistik Ltd vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatóság.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija – Artikolu 9 – Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija – Artikoli 4, 5 u 7 – Unjoni doganali – Trasport bit-triq – Taxxa fuq il-karozzi – Impożizzjoni ta’ taxxi fir-rigward ta’ vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija rreġistrati fit-Turkija li jaqsmu l-Ungerija fi tranżitu.
    Kawża C-65/16.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:282

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SAUGMANDSGAARD ØE

    ppreżentati fis-6 ta’ April 2017 ( 1 )

    Kawża C-65/16

    Istanbul Lojistik Ltd

    vs

    Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatóság

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szeged, l-Ungerija)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport internazzjonali bit-triq – Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija – Artikolu 9 – Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija – Artikoli 4, 5 u 7 – Moviment liberu tal-merkanzija – Taxxa fuq il-karozzi – Taxxi fir-rigward ta’ vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija rreġistrati fit-Turkija li jaqsmu l-Ungerija fi tranżitu – Ftehim bilaterali konkluż minn Stat Membru mat-Turkija – Artikolu 3(2) TFUE – Regolament (KE) Nru 1072/2009 – Artikolu 1”

    I. Introduzzjoni

    1.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szeged, l-Ungerija) taqa’ taħt il-kuntest ta’ kawża bejn kumpannija tat-trasport Torka u awtorità fiskali Ungeriża li suġġettatha għall-ħlas ta’ somom dovuti abbażi ta’ taxxa fuq il-karozzi prevista mil-leġiżlazzjoni Ungeriża.

    2.

    Abbażi ta’ din, tinġabar taxxa fuq il-vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija rreġistratati f’pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea, f’dan il-każ fit-Turkija, li jintużaw għat-trasport tal-merkanzija, kull darba li jaqsmu l-fruntiera tal-Ungerija sabiex jaqsmu t-territorju tagħha fi tranżitu lejn Stat Membru ieħor.

    3.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kwistjoni ta’ jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex kompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mar-regoli li jirriżultaw mill-Ftehim li stabbilixxa assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija ( 2 ) (iktar 'il quddiem il-“Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE – Turkija”) ( 3 ).

    4.

    Qabel kollox, hija tistaqsi jekk id-dispozizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE – Turkija ( 4 ) (iktar 'il quddiem, id-“Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni” jipprojbixxux l-applikazzjoni ta’ taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali, fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni, jew, fin-nuqqas ta’ dan, miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni, miżura li tista’, jekk ikun il-każ, tkun iġġustifikata mir-raġunijiet ta’ deroga previsti fl-Artikolu 7 tagħha.

    5.

    Wara dan, hija tixtieq issir taf jekk din it-tip ta’ taxxa hijiex kuntrarja għall-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE–Turkija, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni mwettqa minħabba n-nazzjonalità.

    6.

    Fl-aħħar, hija tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina jekk l-Artikolu 3(2) TFUE, kif ukoll l-Artikolu 1(2) u (3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija ( 5 ), jipprekludux lill-awtoritajiet ta’ Stat Membri milli japplikaw tali taxxa fuq il-bażi ta’ ftehim bilaterali dwar it-trasport konkluż ma’ pajjiż terz, f’dan il-każ, ftehim konkluż mill-Ungerija mar-Repubblika tat-Turkija.

    7.

    Minħabba r-raġunijiet esposti iktar 'il fuq, fl-opinjoni tiegħi għandha tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda magħmula, fis-sens li miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali kuntrarju għall-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, u li għaldaqstant, ma huwiex ser ikun neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi l-oħra, li fir-rigward tagħhom xorta waħda ser nippreżenta, sussidjarjament, osservazzjonijiet.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A. Id-dritt tal-Unjoni

    1.  Il-Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE–Turkija u l-Protokoll Addizzjonali

    8.

    Skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE–Turkija, “[i]l-partijiet kontraenti jirrikonoxxu li fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari li jistgħu jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 8, kull diskriminazzjoni mwettqa minħabba n-nazzjonalità hija pprojbita skont il-prinċipju stipulat fl-Artikolu 7 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    9.

    Il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE‑Turkija, li ġie ffirmat fi Brussell fit-23 ta’ Novembru 1970 ( 6 ), huwa parti integrali minn dan il-ftehim ( 7 ). L-Artikolu 41 tiegħu jistabbilixxi li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu bħala missjoni li jistabbilixxi, b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 13 u 14 tal-imsemmi ftehim, ir-ritmu u l-modalitajiet li jwasslu għat-tneħħija progressiva mill-partijiet kontraenti, bejniethom, tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovvduti servizzi.

    10.

    Abbażi tal-Artikolu 42(1) ta’ dan il-protokoll, “[i]l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jestendi għat-Turkija, skont il-modalitajiet li huwa jistabbilixxi b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tas-sitwazzjoni ġeografika tat-Turkija, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità applikabbli għat-trasport. Huwa jista’ taħt l-istess kundizzjonijiet, jestendi għat-Turkija l-atti meħuda mill-Komunità għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għat-trasport […] bit-triq […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    2.  Id-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

    11.

    Skont it-termini tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, “[b]la ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim [ta’ assoċjazzjoni KEE-Turkija], tal-protokolls addizzjonali u supplimentari tiegħu, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija jistabbilixxi l-modalitajiet segwenti għall-implementazzjoni tal-fażi finali tal-Unjoni doganali prevista fl-Artikoli 2 u 5 tal-imsemmi ftehim” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    12.

    Imniżżel fit-Taqsima I, intitolata “Eliminazzjoni tad-dazji doganali u tat-taxxi li għandhom effett ekwivalenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali], tal-Kapitolu 1, intitolat “Moviment liberu tal-merkanzija u politika kummerċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ta’ din id-deċiżjoni, l-Artikolu 4 tagħha jipprovdi li, “id-dazji doganali fuq l-importazzjoni kif ukoll it-taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dritt doganali għandhom jitneħħew kompletament bejn il-Komunità u t-Turkija, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni. Il-Komunità u t-Turkija għandhom jastjenu, minn din id-data, milli jintroduċu dazji doganali ġodda fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni jew kwalunkwe taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għad-dazji doganali ta’ natura fiskali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    13.

    Imniżżel fit-Taqsima II tal-imsemmi Kapitolu 1, intitolat “Eliminazzjoni ta’ ristrezzjonijiet kwantitattivi jew ta’ miżuri li għandha effett ekwivalenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali], l-Artikolu 5 tagħha jiddisponi li “r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni kif ukoll il-miżuri li għandhom effett ekwivalenti kollha huma pprojbiti bejn il-partijiet kontraenti”.

    14.

    Skont l-Artikolu 7 tagħha, “[l-]Artikolu 5 u 6 ma għandhomx jostakolaw projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu ġġustifikati minn raġunijiet ta’ moralità pubblika, ta’ ordni pubbliku, jew ta’ sigurtà pubblika, ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bnedmin u tal-annimali jew ta’ preżervazzjoni tal-pjanti, ta’ protezzjoni ta’ teżori nazzjonali li għandhom valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku, jew ta’ protezzjoni ta’ propjetà industrijali u kummerċjali. Madankollu, dawn il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet la għandhom jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija fil-kummerċ bejn il-partijiet kontraenti”.

    15.

    Imniżżel fil-Kapitolu VI tal-imsemmija deċiżjoni, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali u finali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], l-Artikolu 66 tagħha jistabbilixxi li “d-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni preżenti, sa fejn huma identiċi essenzjalment għar-regoli korrispondenti tat-Trattat li jistabbilixxi lill-Komunità Ewropea għandhom jiġu, permezz tal-implementazzjoni tagħhom u tal-applikazzjoni tagħhom għall-prodotti li jaqgħu taħt l-unjoni doganali, interpretati b’konformità mas-sentenzi dwar dan is-suġġett tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej”.

    3.  Ir-Regolament Nru 1072/2009

    16.

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1072/2009, intitolat “Il-Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq internazzjonali tal-merkanzija bil-kiri jew b’kumpens għall-vjaġġi li jsiru fit-territorju Komunitarju.

    2.   Fil-każ ta’ trasport minn Stat Membru lejn pajjiż terz u viċeversa, dan ir-Regolament għandu japplika għal dik il-parti tal-vjaġġ fit-territorju ta’ Stat Membru traversat waqt il-vjaġġ. M’għandux japplika għal dik il-parti tal-vjaġġ li ssir fit-territorju tal-Istat Membru tat-tagħbija jew tal-ħatt sakemm ma jkunx ġie konkluż il-ftehim meħtieġ bejn il-Komunità u l-pajjiż terz.

    3.   Sakemm jintlaħqu il-ftehim imsemmija fil-paragrafu 2, dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa:

    a)

    dispożizzjonijiet rigward it-trasport minn Stat Membru għal pajjiż terz u viċeversa li huma inklużi fil-ftehim bilaterali li ntlaħqu mill-Istati Membri ma’ dawk il-pajjiżi terzi;

    […]”

    17.

    L-Artikolu 2(1) tiegħu, jiddefinixxi l-kunċett ta’ “vettura” fis-sens tal-imsemmi regolament, bħala: “karozza bil-mutur irreġistrata fi Stat Membru jew grupp magħqud ta’ karozzi li jkollu għallinqas karozza waħda mill-grupp irreġistrata fi Stat Membru, użata esklusivament għat-trasport tal-merkanzija”.

    B. Id-dritt nazzjonali

    1.  Il-Ftehim Ungerija – Turkija

    18.

    Il-ftehim konkluż bejn il-Kunsill Presidenzjali u l-Gvern tar-Repubblika Popolari tal-Ungerija, minn naħa, u l-Gvern tar-Repubblika tat-Turkija, min-naħa l-oħra, li għandu bħala suġġett it-trasport internazzjonali bit-triq, ġie ffirmat f’Budapest fl-14 ta’ Settembru 1968 ( 8 ) (iktar 'il quddiem il-“Ftehim Ungerija-Turkija”).

    19.

    L-Artikolu 18(2) tal-imsemmi ftehim jipprovdi li “[l]-vetturi li jeffettwaw trasport tal-merkanzija bejn it-territorju taż-żewġ partijiet kontraenti huma eżenti, inkluż il-vjaġġi meta dawn ikunu vojta, minn taxxi, taxxi addizjonali, dazji u tariffi li għandhom jitħallsu fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra għall-attività ta’ trasport korrispondenti jew abbażi tad-detenzjoni tal-vettura jew ukoll abbażi tal-użu tar-rotot”. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu “l-vetturi li jwettqu t-trasport ta’ merkanzija permezz tat-territorju tal-parti kontraenti l-oħra huma suġġetti, inkluż il-vjaġġi meta dawn ikunu vojta, għat-taxxi, taxxi addizjonali, dazji u tariffi li għandhom jitħallsu għat-trasport tal-merkanzija u sabiex jiġu koperti l-ispejjeż marbuta mal-manutenzjoni u mat-tiswija tat-toroq […]”.

    2.  Il-liġi dwar it-taxxa fuq il-karozzi

    20.

    Skont il-preambolu tal-gépjárműadóról szóló 1991. évi LXXXII. törvény (Liġi Nru LXXXII tal-1991, dwar it-taxxa fuq il-karozzi) ( 9 ) (iktar 'il quddiem il-“liġi dwar it-taxxa fuq il-karozzi”), “[l-]assemblea nazzjonali, fl-interess ta’ tqassim aħjar tal-ispejjeż pubbliċi marbuta mat-traffiku, ta’ żieda fid-dħul tal-amministrazzjonijiet komunali jew, fil-kapitali, tad-distretti tal-belt, kif ukoll tat-tkabbir tas-sorsi ta’ finanzjament neċessarji għall-manutenzjoni u għall-iżvilupp tan-netwerk tat-toroq pubbliċi tadotta l-liġi preżenti dwar it-taxxa fuq il-karozzi”.

    21.

    L-Artikolu 1 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

    “1.   It-taxxa fuq il-karozzi għandha titħallas fuq kull vettura jew karru li għandhom pjanċi ta’ reġistrazzjoni Ungeriżi, kif ukoll minn kull vettura tqila ta’ trasport ta’ merkanzija rreġistrata f’pajjiż barrani u li tinsaq fit-territorju tal-Ungerija (iktar 'il quddiem flimkien il-“vettura”) […].

    2.   Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi ma jestendix […], fil-kategorija ta’ vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija rreġistrati f’pajjiż barrani, għal dawk li huma rreġistrati fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.”

    22.

    Il-Kapitolu II tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-karozzi jistabbilixxi l-modalitajiet tat-“taxxa fuq il-vetturi nazzjonali”. L-ammont ta’ taxxa fis-sena li trid titħallas għall-vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija rreġistrati fl-Ungerija tiddependi fuq il-massa tal-vettura kkonċernata, is-sistema ta’ sospensjoni tagħha u l-klassifikazzjoni ambjentali tagħha.

    23.

    L-Artikolu 6 ta’ din il-liġi jiddisponi li l-bażi tat-taxxa tikkorrispondi għall-massa tal-vettura tqila ta’ trasport ta’ merkanzija meta tkun vojta indikata fir-reġistru uffiċjali, miżjuda b’50 % tal-kapaċità ta’ ġarr (pay mass).

    24.

    Skont l-Artikolu 7(2) tal-imsemmija liġi, l-iskala tat-taxxa hija, għal kull parti mibdija ta’ 100 kilogramma tal-bażi tat-taxxa, ta’ 850 Forint Ungeriż (HUF), (madwar EUR 3) għall-vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija li għandhom sospensjoni pnewmatika jew sistema ta’ sospensjoni ekwivalenti u ta’ HUF 1380 (madwar EUR 5) għall-vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija l-oħra.

    25.

    L-Artikolu 8 ta’ din l-istess liġi jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li jagħti d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa, maqsum fuq bejn 20 % u 30 % ta’ tnaqqis, abbażi tal-kodiċi tal-klassi ambjentali li taqa’ taħtha l-vettura tqila ta’ trasport ta’ merkanzija kkonċernata.

    26.

    Il-Kapitolu III tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-karozzi jistabbilixxi l-modalitajiet tat-“taxxa fuq il-vetturi rreġistrati f’pajjiż barrani”.

    27.

    Skont l-Artikolu 10 ta’ din il-liġi, “[i]t-taxxa hija dovuta mid-detentur tal-vettura” u, skont l-Artikolu 11 tagħha, “[l-]obbligu fiskali jibda fil-ġuranta ta’ dħul fit-territorju tal-Ungerija”.

    28.

    L-Artikolu 15 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

    “1.   Fil-każ […] ta’ vettura ta’ kapaċità massima li taqbeż 12-il tunnellata, li tinsaq b’liċenżja tat-trasport li tintuża ghas-servizz tat-trasport, taxxa ta’ HUF 30000 (madwar EUR 100) għandha titħallas abbazi, rispettivament, tal-vjaġġ lejn id-destinazzjoni u tal-vjaġġ ta’ ritorn. Fil-każ […] ta’ vettura ta’ kapaċità ta’ ġarr massimu li jeċċedi 12-il tunellata, li tinsaq b’liċenzja ta’ trasport li tintuża għal finijiet ta’ tranżitu, taxxa ta’ HUF 60000 (madwar EUR 200) għandha titħallas, rispettivament, għall-vjaġġ lejn id-destinazzjoni u għall-vjaġġ ta’ ritorn. […]

    2.   L-ammonti ta’ taxxa stabbiliti fil-paragrafu 1 jestendu għall-vjaġġ lejn id-destinazzjoni u għall-vjaġġ ta’ ritorn u għall-soġġorn fit-territorju Ungeriż li ma jaqbiżx 48 siegħa kull vjaġġ. Jekk it-tul tas-soġġorn huwa itwal, it-taxxa hija dovuta, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 iktar 'il fuq, għal kull perijodu ġdid ta’ 48 siegħa li jkun beda. […]

    3.   L-ammont ta’ taxxa dovuta skont il-paragrafu 1 titħallas permezz tax-xiri ta’ bolla fiskali li għandha titwaħħal fuq il-liċenzja tat-trasport bit-triq, fil-każ ta’ servizz ta’ trasport, għall-perijodu kollu tat-trasport u, fil-każ ta’ trasport ta’ tranżitu, separatament għall-vjaġġ lejn id-destinazzjoni u għal dak ta’ ritorn, fil-mument ta’ dħul fit-territorju tal-Ungerija. La darba l-bolla jew bollol jitwaħħlu, il-persuna taxxabbli għandha b’mod obbligatorju tindika, fuqha jew fuqhom, id-data u l-ħin ta’ dħul (sena, xahar, ġurnata u siegħa). Jekk l-obbligu ta’ ħlas (bolla fiskali) ma jkunx osservat, ma huwiex possibbli li jsir sewqan b’liċenzja tat-trasport suġġetta għat-taxxa mingħajr riskju ta’ sanzjonijiet ħlief f’massimu ta’ 5 km madwar il-punt ta’ dħul fit-territorju tal-Ungerija.”

    29.

    L-Artikolu 17(2) ta’ din il-liġi jipprovdi li “[j]ekk il-persuna taxxabbli naqset milli twettaq, parzjalment jew totalment, l-obbligu tagħha ta’ ħlas tat-taxxa, l-awtorità doganali tikkonstata d-dejn fiskali, kif ukoll multa fiskali ekwivalenti għal ħames darbiet l-ammont ta’ dan id-dejn […]”.

    3.  Il-liġi dwar it-traffiku fit-toroq u d-Digriet Governattiv Nru 156/2009

    30.

    Abbażi tal-Artikolu 20(1)(a) tal-közúti közlekedésről szóló 1988. évi I. törvény (Liġi Nru I tal-1988 dwar it-traffiku fit-toroq) ( 10 ) (iktar 'il quddiem il-“liġi dwar it-traffiku fit-toroq”), tista’ tiġi ssuġġettata għall-ħlas ta’ multa kull persuna li kisret id-dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tat-trasport bit-triq (trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija) nazzjonali jew internazzjonali li huma suġġetti għal awtorizzazzjoni jew għall-pussess ta’ dokument, hekk kif previst f’din il-liġi jew f’atti leġiżlattivi jew regolamentarji speċifiċi, jew ukoll f’atti tad-dritt tal-Unjoni.

    31.

    Skont l-Artikolu 2(b) tal-közúti árufuvarozáshoz, személyszállításhoz és a közúti közlekedéshez kapcsolódó egyes rendelkezések megsértése esetén kiszabható bírságok összegéről, valamint a bírságolással összefüggő hatósági feladatokról szóló 156/2009. (VII.29.) Korm. rendelet [Digriet Governattiv Nru 156/2009 (VII.29.) dwar l-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti fil-każ ta’ ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet relatati mat-trasport bit-triq tal-merkanzija u tal-persuni u mat-traffiku fit-triq, kif ukoll dwar id-doveri tal-awtorità pubblika marbuta mal-impożizzjoni ta’ multa] ( 11 ), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża preżenti:

    “Għall-finijiet tal-Artikolu 20(1)(a) tal-[liġi dwar it-traffiku fit-toroq], u bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji, hija marbuta għall-ħlas ta’ multa ta’ ammont previst fl-Anness 1, kull persuna li […] tikser id-dispożizzjonijiet relatati mal-awtorizzazzjonijiet u mad-dokumenti meħtieġa sabiex jitwettqu servizzi ta’ trasport bit-triq, previsti fl-Artikoli 3 sa 34 tad-[Digriet governattiv Nru 261/211 ( 12 )]”.

    32.

    Abbażi tal-punt 5(a) tal-Anness 1 ta’ dan l-istess digriet, it-trasportatur detentur ta’ liċenzja mhux valida ta’ trasport bit-triq ta’ merkanzija għandu jħallas multa ta’ HUF 300000 (madwar EUR 980).

    III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    33.

    Istanbul Lojistik Ltd hija kumpannija kummerċjali rreġistrata fit-Turkija li twettaq, f’isem impriżi stabbiliti fit-Turkija u fl-Unjoni, trasport bit-triq ta’ merkanzija mit-Turkija lejn Stati Membri tal-Unjoni, billi taqsam b’mod partikolari, l-Ungerija.

    34.

    Fit-30 ta’ Marzu 2015, in-Nemzeti Adó- és Vámhivatal (amministrazzjoni nazzjonali tat-taxxa u tad-dwana, l-Ungerija, iktar 'il quddiem, l-“awtorità fiskali tal-ewwel grad”) wettqet kontroll fl-inħawi ta’ Nagylak (l-Ungerija), viċin tal-fruntiera mar-Rumanija, fuq grupp magħqud ta’ vetturi ( 13 ) ta’ kapaċità ta’ ġarr massima ta’ iktar minn 12-il tunnellata, irreġistrati fit-Turkija u użati minn Istanbul Lojistik. Din kienet detentriċi, għall-vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija kkonċernati, ta’ liċenzja ta’ tranżitu Ungerija-Turkija, li hija kienet tuża sabiex tittrasporta xi prodotti ta’ drapp mit-Turkija lejn il-Ġermanja via l-Ungerija. Din il-liċenzja kien fiha r-referenzi kollha meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Ungeriża iżda l-bolla fiskali li tikkorrispondi għall-ammont ta’ taxxa meħtieġa għall-karozzi u li turi l-pagament ta’ din tal-aħħar ma kinitx twaħħlet fuq l-imsemmija liċenzja.

    35.

    Fid-deċiżjonijiet amministrattivi li hija adottat fil-31 ta’ Marzu 2015, wara l-imsemmi kontroll, l-awtorità fiskali tal-ewwel grad ikkonstatat li Istanbul Lojistik ma ssodisfatx l-obbligu fiskali tagħha previst mil-liġi Ungeriża dwar it-taxxa fuq il-karozzi u li, konsegwentement, il-liċenzja ta’ tranżitu tagħha ma kinitx valida. Din l-awtorità imponiet fuq Istanbul Lojistik il-ħlas ta’ dejn fiskali ta’ HUF 60000 (madwar EUR 200) li tikkorrispondi għall-imsemmija taxxa, ta’ multa fiskali ta’ HUF 300000 (madwar EUR 980) kif ukoll ta’ multa amministrattiva ta’ HUF 300000, jiġifieri somma totali ta’ HUF 660000 (madwar EUR 2150).

    36.

    Istanbul Lojistik ikkontestat dawn id-deċiżjonijiet amministrattivi quddiem in-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatóság (amministrazzjoni nazzjonali tat-taxxa u tad-dwana, diviżjoni tal-appell, l-Ungerija, iktar 'il quddiem, l-“awtorità fiskali tat-tieni grad”) li, permezz tad-deċiżjonijiet tat-13 ta’ Mejju 2015, ikkonfermat id-deċiżjonijiet kkontestati.

    37.

    L-imsemmija impriża ppreżentat azzjoni amministrattiva kontra dawn id-deċiżjonijiet tal-aħħar, quddiem is-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szeged).

    38.

    Insostenn tal-azzjoni tagħha, Istanbul Lojistik issostni li d-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-karozzi inkwistjoni jiksru l-Artikoli 4 sa 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. Hija tallega li t-taxxa li tinġabar fir-rigward tal-vetturi rreġistrati f’pajjiżi mhux membri tal-Unjoni fil-każ ta’ tranżitu via l-Ungerija tista’ tiġi kkunsidrata bħala taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali fis-sens tal-Artikolu 30 TFUE u, għaldaqstant, tal-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni. Skont ir-rikorrenti, din it-taxxa tipproduċi effett kemm diskriminatorju kif ukoll protettiv u tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija li hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.

    39.

    Bħala difiża, l-awtorità fiskali tat-tieni grad titlob iċ-ċaħda tal-azzjoni. Hija ssostni li hija aġixxiet abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trasport, qasam li fih l-Artikolu 4(2)(g) TFUE jawtorizza lill-Ungerija sabiex tilleġiżla u tapplika r-regoli diġà adottati. Hija żżid li t-taxxa fuq il-karozzi tikkostitwixxi spiża esposta fil-kuntest ta’ trasport internazzjonali li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala dazju doganali jew taxxa li għandha effett ekwivalenti. Barra minn hekk, hija tafferma li, anki kieku d-dispożizzjonijiet dwar l-Unjoni doganali jiġu ddikjarati applikabbli fil-kawża preżenti, l-Ungerija għandha d-dritt tirrestrinġi l-moviment liberu tal-merkanzija ġejja mit-Turkija fil-kuntest tal-eċċezzjonijiet dwar l-interess pubbliku previsti fl-Artikolu 36 TFUE, b’mod partikolari dawk dwar is-sigurtà fit-toroq u l-ordni pubbliku fil-qasam tat-tressiq ta’ azzjoni kontra l-ksur. Fl-aħħar nett, hija tqis li r-Regolament Nru 1072/2009 ma jipprojbixxix lill-Ungerija milli tirregola, permezz ta’ ftehimiet bilaterali, it-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq bejn it-territorju tagħha u dak tat-Turkija.

    40.

    F’dan il-kuntest, permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Frar 2016, is-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szeged) iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 4 tad-[Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni] għandu jiġi interpretat fis-sens li taxxa bħal dik [prevista] mil-liġi Ungeriża dwar it-taxxa fuq iċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi bil-mutur [karozzi], [u] li, konformement ma’ din il-liġi, hija dovuta fir-rigward tal-vetturi [tqal] ta’ trasport ta’ merkanzija rreġistrati fit-Turkija operati minn trasportatur Tork u użati għat-trasport ta’ merkanzija, għall-fatt li dawn il-vetturi li l-post tat-tluq tagħhom tkun it-Turkija jaqsmu l-fruntiera Ungeriża u jgħaddu mill-Ungerija bħala Stat Membru ta’ tranżitu sabiex jaslu fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali u għaldaqstant, ma hijiex konformi mal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni?

    2)

    a)

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda preliminari, l-Artikolu 5 tad-[Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni] għandu jiġi interpretat fis-sens li taxxa bħal dik [prevista] mil-liġi Ungeriża dwar it-taxxa fuq iċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi bil-mutur [karozzi], [u] li, konformement ma’ din il-liġi, hija dovuta fir-rigward tal-vetturi [tqal] ta’ trasport ta’ merkanzija irreġistrati fit-Turkija operati minn trasportatur Tork u użati għat-trasport ta’ merkanzija, għall-fatt li dawn il-vetturi li l-post tat-tluq tagħhom tkun it-Turkija jaqsmu l-fruntiera Ungeriża u jgħaddu mill-Ungerija bħala Stat Membru ta’ tranżitu sabiex jaslu fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva u għaldaqstant, ma hijiex konformi mal-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni?

    b)

    L-Artikolu 7 tad-[Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa possibbli li tiġi applikata, billi jiġu invokati raġunijiet ta’ sigurtà tat-triq u ta’ applikazzjoni tal-liġijiet [tressiq ta’ azzjoni kontra l-ksur], taxxa bħal dik [prevista] mil-liġi Ungeriża dwar it-taxxa fuq iċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi bil-mutur [karozzi], [u] li, konformement ma’ din il-liġi, hija dovuta minn vettura [tqila] ta’ trasport ta’ merkanzija b’numru ta’ reġistrazzjoni Tork operata minn trasportatur Tork u użata għat-trasport ta’ merkanzija, għall-fatt li din il-vettura li l-post tat-tluq tagħha tkun it-Turkija taqsam lejn il-fruntiera Ungeriża sabiex tgħaddi mill-Ungerija bħala Stat Membru ta’ tranżitu u tasal fi Stat Membru ieħor?

    3)

    L-Artikolu 3(2) TFUE u l-Artikolu 1(2) u (3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 (1) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, abbażi ta’ ftehim bilaterali fil-qasam tat-trasport konkluż mat-Turkija, lill-Istat Membru ta’ tranżitu milli japplika taxxa bħal dik [prevista] mil-liġi Ungeriża dwar it-taxxa fuq iċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi bil-mutur [karozzi], [u] li, konformement ma’ din il-liġi, hija dovuta fir-rigward tal-vetturi [tqal] ta’ trasport ta’ merkanzija irreġistrati fit-Turkija operati minn trasportatur Tork u użati għat-trasport ta’ merkanzija, għall-fatt li dawn il-vetturi li l-post tat-tluq tagħhom tkun it-Turkija jaqsmu l-fruntiera Ungeriża u jgħaddu mill-Ungerija bħala Stat Membru ta’ tranżitu sabiex jaslu fi Stat Membru ieħor?

    4)

    L-Artikolu 9 tal-[Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE-Turkija] għandu jiġi interpretat fis-sens li taxxa bħal dik [prevista] mil-liġi Ungeriża dwar it-taxxa fuq iċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi bil-mutur [karozzi], [u] li, konformement ma’ din il-liġi, hija dovuta fir-rigward tal-vetturi [tqal] ta’ trasport ta’ merkanzija irreġistrati fit-Turkija operati minn trasportatur Tork u użati għat-trasport ta’ merkanzija, għall-fatt li dawn il-vetturi li l-post tat-tluq tagħhom tkun it-Turkija jaqsmu l-fruntiera Ungeriża u jgħaddu mill-Ungerija bħala Stat Membru ta’ tranżitu sabiex jaslu fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u għaldaqstant, ma hijiex konformi mal-Artikolu 9 ta’ dan il-ftehim?”

    41.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Istanbul Lojistik, mill-Gvern Ungeriż, mill-Gvern Taljan u kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. B’ittra tal-24 ta’ Novembru 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet mistoqsija għal tweġiba bil-miktub qabel is-seduta lill-Gvern Ungeriż, u dan tal-aħħar weġibha. Waqt is-seduta tad-19 ta’ Jannar 2017, ġew irrappreżentati Istanbul Lojistik, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni.

    IV. Analiżi

    A. Osservazzjonijiet preliminiari

    42.

    Skont il-preambolu tal-liġi Ungeriża dwar it-taxxa fuq il-karozzi, adottata fl-1991, l-għan prinċipali ta’ din it-taxxa huwa li tiffinanzja l-manutenzjoni tan-netwerk tat-toroq pubbliċi. Din tinġabar minn kull karozza li hija rreġistrata fl-Ungerija kif ukoll fuq il-vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija kollha li huma rreġistrati f’pajjiż barrani u li jintużaw fit-toroq tat-territorju Ungeriż, bl-eċċezzjoni ta’ dawk irreġistrati fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni ( 14 ). Ir-raġuni eżatta għal din l-eżenzjoni tal-aħħar ma tirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju ( 15 ).

    43.

    Il-frekwenza tal-ġbir u l-metodu ta’ kalkolu ta’ din it-taxxa jvarjaw skont il-post ta’ reġistrazzjoni tal-vettura kkonċernata. Jekk din tal-aħħar hija rreġistrata fl-Ungerija, it-taxxa għandha titħallas darba f’sena u l-ammont li jitħallas jiddependi fuq diversi karatteristiċi tal-vettura, bħalma huma l-massa tagħha meta tkun vojta u l-kapaċità ta’ ġarr tagħha, it-tagħmir eventwali tagħha b’sospensjonijiet pnewmatiċi kif ukoll l-impatt tagħha fuq l-ambjent ( 16 ). Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ vettura tqila ta’ trasport ta’ merkanzija rreġistrat f’pajjiż terz, id-detentur tagħha huwa marbut li jħallas it-taxxa, permezz tax-xiri ta’ bolla fiskali, kull darba li jidħol fit-territorju Ungeriż. Meta, bħal fil-kawża prinċipali, tali vettura barranija jkollha liċenzja ta’ tranżitu f’dan it-territorju, il-prezz tal-bolla, li huwa ta’ HUF 60000 (madwar EUR 200), huwa dovut kemm għall-vjaġġ lejn id-destinazzjoni kif ukoll għall-vjaġġ ta’ ritorn u l-ħlas tagħha għandu jiġġedded meta t-tul tas-soġġorn f’dan it-territorju jkun ta’ iktar minn 48 siegħa ( 17 ).

    44.

    L-imsemmija liġi tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa huwa ssanzjonat b’multa fiskali ta’ ammont ekwivalenti għal ħames darbiet l-ammont li ma tħallasx ( 18 ). Barra minn hekk, il-liġi dwar it-traffiku fit-toroq, tal-1988, tipprevedi multa amministrattiva, li għandha titħallas abbażi taċ-ċirkulazzjoni fit-territorju Ungeriż mingħajr il-pussess tad-dokumenti meħtieġa, li l-ammont tagħha huwa stabbilit għal HUF 300000 (madwar EUR 980), mid-Digriet Governattiv Nru 156/2009 ( 19 ).

    45.

    Huwa skont dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-amministrazzjoni fiskali Ungeriża imponiet fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kumpannija tat-trasport Torka, żewġ multi għan-nuqqas tal-ħlas tat-taxxa fuq il-karozzi li din il-kumpannija kellha tħallas minħabba d-dħul fl-Ungerija ta’ vettura rreġistrata fit-Turkija li tagħha hija kienet detentriċi.

    46.

    Qabel kollox il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk taxxa bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex tiġi kkwalifikata bħala taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, interpretat fid-dawl tal-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 30 TFUE. Fid-dawl tal-motivazzjoni tad-digriet tar-rinviju tagħha, jidhirli li hija ressqet it-tliet domandi l-oħra biss sussidjarjament, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta negattiva għall-ewwel domanda tagħha.

    47.

    Minħabba r-raġunijiet li ser nesponi iktar ’il quddiem, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi b’mod affermattiv għall-ewwel domanda u, għaldaqstant, sabiex ma tiddeċidix fuq id-domandi l-oħra. Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza, ser neżamina lil dawn tal-aħħar b’mod relattivament fil-qosor.

    48.

    Permezz tal-ewwel żewġ domandi u tar-raba’ domanda tagħha, li fl-opinjoni tiegħi għandhom jiġu eżaminati f’din l-ordni preċiża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpretazzjoni tal-prinċipji ta’ moviment liberu tal-merkanzija u ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE–Turkija. Min-naħa l-oħra, it-tielet domanda tirrigwarda t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehimiet bilaterali konkluż ma’ pajjiżi terzi fir-rigward tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq.

    B. Fuq id-dannu għall-moviment liberu tal-merkanzija fir-rigward tal-Artikoli 4, 5 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (l-ewwel u t-tieni domandi)

    49.

    L-ewwel żewġ domandi preliminari jirrigwardaw il-kwistjoni ta’ jekk il-fatt li t-trasportaturi Torok jiġu suġġetti għall-ħlas ta’ taxxa fuq il-karozzi huwiex inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija, li, kif jipprevedi l-Artikolu 1 tagħha, tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-fażi finali tal-Unjoni doganali li tirriżulta mill-Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE – Turkija.

    50.

    L-imsemmija domandi jirrigwardaw, b’mod iktar preċiż, l-Artikoli 4, 5 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. L-Artikolu 4 jeħtieġ li d-dazji doganali fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni kif ukoll it-taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazju doganali jitneħħew kompletament fil-kummerċ bejn l-Unjoni u t-Turkija. L-Artikolu 5 jipprojbixxi r-ristrezzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u l-miżuri li għandhom effett ekwivalenti, fl-istess kuntest, filwaqt li l-Artikolu 7 jippermetti li jkun hemm deroga minn din il-projbizzjoni, billi jipprevedi li tali miżuri jistgħu jkunu ġġustifikati minn raġunijiet, b’mod partikolari, ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bnedmin.

    51.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha natura differenti. Madankollu, mill-Artikolu 66 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tagħha li huma identiċi essenzjalment, għar-regoli li jikkorrispondu għat-Trattat KE (li sar it-Trattat FUE) għandhom jiġu interpretati b’konformità mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward ( 20 ). Sa fejn il-kontenut tal-Artikoli 4, 5 u 7 tal-imsemmija deċiżjoni huwa ekwivalenti għal dak, rispettivament, tal-Artikoli 30, 34 u 36 TFUE, l-artikoli tal-ewwel għandhom għaldaqstant jiġu interpretati billi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tiġi trasposta għal dawn tal-aħħar.

    1.  Fuq il-klassifikazzjoni ta’ taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (l-ewwel domanda)

    52.

    L-ewwel domanda preliminari tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali li tmur kontra l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, abbażi tal-Artikolu 1(1) u 2 tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-karozzi, id-detenturi ta’ vetturi rreġistrati fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni huma eżentati milli jħallsu din it-taxxa, filwaqt li d-detenturi ta’ vetturi rreġistrati f’pajjiż terz, u b’mod iktar partikolari fit-Turkija, huma suġġetti għal din it-taxxa, abbażi ta’ tranżitu fit-territorju Ungeriż.

    53.

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30 TFUE, li huwa identiku, essenzjalment, għall-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ( 21 ), jirriżulta li l-kunċett ta’ “taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, bħala li jinkludi kull tariffa pekunjarja, anki jekk minima, imposta unilateralment ( 22 ), irrispettivament mit-titolu tagħha u mit-teknika tagħha, u li tolqot il-merkanziji minħabba l-fatt li tinqasam il-fruntiera, mingħajr ma tkun dazju doganali fil-veru sens tal-kelma. L-iskop li fid-dawl tiegħu t-taxxa inkwistjoni ġiet stabbilita u d-destinazzjoni tad-dħul li hija tiġġenera huma elementi ta’ evalwazzjoni irrilevanti ( 23 ).

    54.

    Hekk kif jenfasizzaw il-qorti tar-rinviju, Istanbul Lojistik, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, id-definizzjoni tal-imsemmi kunċett hija ffokata essenzjalment fuq l-effetti negattivi li jipproduċi tali piż pekunjarju. Dan tal-aħħar għandu jkollu l-istess impatt protettiv, u għaldaqstant ristrettiv, ta’ dazju doganali, li jkun il-każ, b’mod partikolari, meta jkollu bħala riżultat li jgħolli b’mod artifiċjali l-prezz tal-bejgħ tal-merkanzija importata jew esportata meta mqabbla ma’ merkanzija nazzjonali ( 24 ). Jidhirli li dan huwa l-każ f’din il-kawża.

    55.

    Qabel kollox, ninnota li huwa minnu li l-vetturi rreġistrati fl-Ungerija huma wkoll suġġetti għat-taxxa li tirriżulta mil-liġi adottata fl-1991 mill-Parlament Ungeriż. Madankollu, mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi ( 25 ) jirriżulta li l-modalitajiet tal-ġbir tal-imsemmija taxxa kif ukoll l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw minnha fir-rigward tal-imsemmija vetturi huma partikolarment differenti minn dawk li għalihom huma suġġetti l-vetturi rreġistrati f’pajjiż terz. Kif diġà ddeskrivejt iktar 'il fuq ( 26 ), il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija taxxa ma huma bl-ebda mod ekwivalenti skont jekk inkwistjoni jkunx hemm vettura rreġistrata fl-Ungerija jew, bħal fil-kawża preżenti, vettura rreġistrata fit-Turkija. Barra minn hekk, il-Gvern Ungeriż jirrikonoxxi, hekk kif invokat Istanbul Lojistik, li n-numru ta’ liċenzji ta’ tranżitu eżentati mit-taxxi, li suppost jiżgura l-ugwaljanza kompetittiva bejn it-trasportaturi Ungeriżi u t-trasportaturi Torok ( 27 ), ma huwiex suffiċjenti biex ikunu koperti l-bżonnijiet reali ta’ dawn tal-aħħar, li jinsabu obbligati jħallsu t-taxxa kkontestata ladarba l-kwota annwali ta liċenzji bla ħlas tkun eżawrita ( 28 ).

    56.

    Huwa irrelevanti, skont il-ġurisprudenza ċċitata iktar 'il fuq ( 29 ), il-fatt li l-impatt tat-taxxa kkontestata fuq il-prezz finali tal-merkanzija jista’ jkun dgħajjef ħafna, hekk kif allega l-Gvern Ungeriż waqt is-seduta. Huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li t-trasportaturi detenturi ta’ vetturi rreġistrati fit-Turkija huma obbligati li jsostnu spiża addizzjonali, anki jekk minima, meta mqabbla ma’ dawk li għandhom vetturi rreġistrati fl-Ungerija.

    57.

    Barra minn hekk, inqis li ma jistax jiġi injorat li kumpannija tat-trasport Torka, bħalma hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tkun obbligata tħallas taxxa li togħla sa HUF 60,000 (madwar EUR 200), kemm għall-vjaġġ lejn id-destinazzjoni u għal dak ta’ ritorn, u kull darba li waħda mill-karozzi tagħha tinsaq fi tranżitu fuq it-territorju Ungeriż waqt perijodu ta’ iktar minn 48 siegħa. Sabiex tiġi evitata din l-ispiża konsegwenti u repetittiva, l-uniċi alternattivi jkunu li wieħed jieħu dawra kbira biex ma jgħaddix minn dan it-territorju jew li jagħżel mezzi ta’ trasport oħra, soluzzjonijiet li jwasslu għal restrizzjonijiet evidentement importanti u li joħolqu huma stess spejjeż addizzjonali ( 30 ). Fl-opinjoni tiegħi r-riskju li l-kompetittività tat-trasportaturi Torok titnaqqas hija reali f’dan il-kuntest ( 31 ).

    58.

    Barra minn hekk, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Taljan joġġezzjonaw li ma jistax ikun hemm dannu għall-moviment liberu tal-merkanzija minħabba l-fatt li t-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taffettwax direttament lill-prodotti ttrasportati fihom innifishom, iżda s-servizz li jikkostitwixxi t-trasport bit-triq transkonfinali, filwaqt li dan il-qasam tal-aħħar ma huwiex liberalizzat fil-kuntest tal-Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE–Turkija u tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ( 32 ). Huma jsostnu li l-ġbir tat-taxxa jitwettaq fir-rigward tad-detenturi kollha ta’ vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija rreġistrati f’pajjiż terz li jintużaw fit-triq fit-territorju Ungeriż u li l-ammont tagħha huwa stabbilit mingħajr teħid inkunsiderazzjoni la tal-oriġini jew tad-destinazzjoni tal-merkanzija ttrasportata u lanqas tan-natura jew tal-kwantità tagħha, sa fejn il-vettura ntaxxata tista’ saħansitra tkun vojta.

    59.

    Madankollu, nenfassizza li l-ammont tat-taxxa miġbura mingħand dawn il-persuni hija aġġustata, b’mod partikolari, skont il-piż massimu awtorizzat għall-vettura kkonċernata u skont jekk it-trasport attwali jitwettaqx bi skop ta’ servizz jew ta’ tranżitu fit-territorju Ungeriż ( 33 ), kriterji li, fl-opinjoni tiegħi, huma marbuta fir-realtà, rispettivament, mal-kwantità ta’ merkanzija li tista’ tiġi ttrasportata u mal-post fejn għandha tiġi kkonsenjata. Għaldaqstant, l-istess bħall-qorti tar-rinviju, li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-perspettiva tal-moviment liberu tal-merkanzija, inqis li t-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax is-servizz li huwa pprovdut mit-trasportaturi barranin iżda l-prodotti li jiċċirkolaw f’dan it-territorju permezz tagħhom.

    60.

    Barra minn hekk, l-istess bħall-Istanbul Lojistik u l-Kummissjoni, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “taxxa li hija miġbura mhux fuq prodott bħala tali, iżda fuq attività neċessarja fir-rigward tal-prodott tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni [tal-Artikolu 30 TFUE]” ( 34 ). Issa, it-trasport tal-merkanzija jikkostitwixxi, fl-opinjoni tiegħi, tali attività, sa fejn huwa marbut b’mod li ma jistax jiġi separat maċ-ċaqliq tagħhom u għaldaqstant mal-moviment liberu tagħhom. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-fatt taxxabbli li jagħti lok għat-taxxa kkontestata huwa biss it-trasport, jidhirli li din il-konstatazzjoni ma tostakolax il-possibbiltà li din tiġi kklassifikata bħala taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali fis-sens tal-imsemmi Artikolu 30 kif ukoll tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ( 35 ).

    61.

    Dawn iż-żewġ gvernijiet isostnu wkoll li t-taxxa inkwistjoni ma tinġabarx minħabba l-fatt li l-merkanzija taqsam il-fruntiera, hekk kif teżiġi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-intaxxar ma huwiex marbut mal-att ta’ qsim tal-fruntiera Ungeriża, iżda mal-użu fit-triq fit-territorju Ungeriż, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li dan jista’ joħloq dannu għall-istat tat-toroq u tal-ambjent.

    62.

    Madankollu, din l-analiżi hija kuntrarja għal dik adottata mill-qorti tar-rinviju, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-kliem tad-domandi preliminari tagħha. Barra minn hekk, nosserva li l-imsemmija taxxa għandha dejjem titħallas, fil-mument “ta’ dħul fit-territorju tal-Ungerija”, “abbażi, rispettivament, tal-vjaġġ lejn id-destinazzjoni u tal-vjaġġ ta’ ritorn”, kemm fil-każ tal-provvista ta’ servizz u kemm fil-każ ta’ trasport fi tranżitu, u dan, biss fir-rigward tal-vetturi rreġistrati f’pajjiżi mhux membri tal-Unjoni ( 36 ). Ir-rabta materjali mal-moviment tal-merkanzija jidhirli li hija għaldaqstant ċara ( 37 ).

    63.

    Barra minn hekk, hekk kif jenfasizzaw il-qorti tar-rinviju, Istanbul Lojistik u l-Kummissjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li l-projbizzjoni ta’ taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazju doganali prevista fl-Artikolu 30 TFUE, testendi għall-moviment ta’ merkanzija ġejja direttament minn Stat terz li, bħal fil-kawża preżenti, tgħaddi sempliċement mit-territorju ta’ Stat Membru sabiex, wara, tiġi esportata lejn Stati Membri oħra. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Unjoni doganali bejn l-Istati Membri timplika neċessarjament li jiġi żgurat bejniethom il-moviment liberu tal-merkanzija, libertà li tikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji ġenerali tal-imsemmi Trattat u li għandha bħala konsegwenza l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali ta’ libertà ta’ tranżitu tal-merkanzija ġewwa l-Unjoni Ewropea ( 38 ). Fl-opinjoni tiegħi, l-istess approċċ għandu jiġi adottat fir-rigward tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, peress li l-funzjonament tajjeb tal-Unjoni doganali li tirriżulta mill-Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE-Turkija jkun, jekk le, kompromess, hekk kif diġà ammettiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ ftehimiet oħra konklużi ma’ pajjiżi terzi ( 39 ).

    64.

    Inżid li l-argument tal-Gvern Ungeriż li jgħid li din hija “taxxa” ( 40 ) li hija ġġustifikata, b’mod partikolari, mill-manutenzjoni u mill-iżvilupp tan-netwerk tat-toroq pubbliċi huwa ineffettiv, peress li la l-iskop tal-miżura kkonċernata u lanqas l-isem li jingħatalha mill-awtoritajiet nazzjonali ma huma determinanti skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 41 ) msemmija iktar 'il fuq.

    65.

    Għall-kompletezza, nippreċiża li nikkondividi l-opinjoni tal-Kummissjoni li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex koperta mir-raġunijiet ta’ eċċezzjoni għall-projbizzjoni tat-taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazju doganali li l-possibbiltà tagħhom ġiet ammessa mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 42 ), taħt kundizzjonijiet speċifiċi u ta’ applikazzjoni stretta ( 43 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-motivi bbażati fuq it-tiswija u l-manutenzjoni tan-netwerk tat-toroq ma jistgħux jippermettu li tiġi imposta taxxa speċifika fuq l-operaturi li jittrasportaw il-merkanzija billi jaqbżu l-limiti tat-territorju kkonċernat, sa fejn tali servizz ma jibbenefikax esklussivament lil dawn tal-aħħar u għaldaqstant ma jistax jiġġustifika l-ħtieġa ta’ korrispettiv pekunjarja fir-rigward tagħhom ( 44 ).

    66.

    Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 30 TFUE, jien tal-opinjoni li miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi tassew taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u li hija, għaldaqstant, ipprojbita mill-imsemmi artikolu fir-rigward tal-merkanzija koperta mill-Unjoni doganali li teżisti bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija.

    2.  Fuq l-eżistenza ta’ miżura li għandha ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni u l-ġustifikazzjoni eventwali tagħha fir-rigward tal-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (it-tieni domanda)

    67.

    Iż-żewġ partijiet tat-tieni domanda preliminari, li jirrigwardaw b’mod suċċessiv l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, huma mressqa mill-qorti tar-rinviju biss fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-miżura nazzjonali li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ din l-istess deċiżjoni.

    68.

    Peress li qed nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel waħda mid-domanda magħmula tkun fis-sens li l-imsemmija miżura tikkostitwixxi taxxa ta’ din in-natura, nirrakkomanda li t-tieni domanda ma tingħatax risposta minkejja l-oġġezzjoni fformulata minn Istanbul Lojistik, li tqis li għandha tingħata deċiżjoni fuq dan il-punt f’kull każ. Madankollu, hekk kif tinnota din il-parti stess, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq ir-rabta bejn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija jirriżulta li l-miżuri ta’ natura fiskali, bħal dawk inkwistjoni hawnhekk, jaqgħu bħala prinċipju taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, jiġifieri dawk tal-Artikolu 30 TFUE, u mhux taħt il-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, previsti fl-Artikoli 34 u 36 TFUE, fis-sens li jkun hemm lok li miżura nazzjonali tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dawn tal-aħħar biss jekk l-ewwel minn dawn l-artikoli ma huwiex applikabbli ( 45 ). Peress li nafu li l-imsemmija artikoli huma ekwivalenti, essenzjalment u rispettivament, għall-Artikoli 4, 5 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, minn dak li ntqal qabel jirriżulta li risposta affermattiva għall-ewwel domanda trendi inutli risposta għat-tieni domanda. Madankollu ser neżaminaha b’mod sussidjarju, sabiex inkopri l-ipoteżi prevista mill-qorti tar-rinviju.

    a)  Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (l-ewwel parti tat-tieni domanda)

    69.

    L-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk it-taxxa imposta fuq il-vetturi rreġistrati f’pajjiż terz li jintużaw fit-triq fi tranżitu fit-territorju Ungeriż tistax tiġi kklassifikata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u li għaldaqstant hija pprojbita minn din id-dispożizzjoni.

    70.

    Fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tistabbilixxi korrelazzjoni bejn l-imsemmi Artikolu 5 u l-Artikolu 34 TFUE ( 46 ), fejn essenzjalment id-dispożizzjonijiet tagħhom huma effettivament identiċi ( 47 ). B’teħid inkunsiderazzjoni tal-ekwivalenza tagħhom, hekk kif jipprevedi l-Artikolu 66 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, l-Artikolu 5 ta’ din tal-aħħar għandu jiġi interpretat fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja relatati mal-Artikolu 34 TFUE ( 48 ).

    71.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, kull leġiżlazzjoni tal-Istati Membri li tista’ tostakola direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Ewropea għandha titqies bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva ( 49 ). Fl-opinjoni tiegħi, dan għandu japplika wkoll, b’analoġija, għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriskja li tostakola, taħt kundizzjonijiet identiċi, il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni doganali li tirriżulta mill-Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE–Turkija.

    72.

    Fil-kawża preżenti, sabiex tiġi miċħuda l-klassifikazzjoni ta’ miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, il-Gvern Ungeriż isostni li t-taxxa fuq il-karozzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha, ċertament, effett probabbli fuq il-moviment liberu tal-merkanzija, li tista’ tiġi riflessa fil-prezz ta’ ċerti prodotti, iżda li dan l-effett huwa każwali u indirett wisq sabiex ikun sanzjonabbli, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward ( 50 ). Il-Gvern Taljan jinvoka wkoll li l-piż li jirriżulta mir-regola kontenzjuża huwa fuq il-mezz tat-trasport, u mhux fuq il-merkanzija nnifisha li hija ttrasportata minnu.

    73.

    Madankollu, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, nikkunsidra li din tista’ toħloq restrizzjoni fil-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija, li hija kuntrarja għall-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, bi qbil ma’ Istanbul Lojistik u mal-Kummissjoni, inqis li t-taxxa kkonstestata għandha, f’dan il-każ, tiġi kklassifikata bħala miżura li tista’ tostakola l-imsemmi kummerċ sa fejn toħloq spejjeż żejda għall-merkanzija li hija ttrasportata minn vetturi rreġistrati fit-Turkija u li żżid għaldaqstant il-prezz finali tagħha ( 51 ). Barra minn hekk, anki jekk din il-leġiżlazzjoni Ungeriża taffettwa prinċipalment is-servizzi tat-trasport ipprovduti mit-trasportaturi Torok, hija tista’ fl-opinjoni tiegħi, tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi tali miżura, peress li l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-merkanzija huwa neċessarjament marbut mat-trasport ta’ din tal-aħħar ( 52 ). Għalhekk, jidhirli li l-effett restrittiv tal-piż addizzjonali inkwistjoni ma huwiex indirett iżżejjed sabiex ikun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni.

    74.

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi, sussidjarjament, li jiġi ammess li l-implementazzjoni ta’ taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi kklassifikata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni tal-merkanzija koperta mill-Unjoni doganali konkluża mat-Turkija, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, u għaldaqstant, taqa’ taħt il-projbizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni.

    b)  Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (it-tieni parti tat-tieni domanda)

    75.

    Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li t-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi tassew miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattivi pprojbita mill-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, it-tieni parti tat-tieni domanda preliminari tistedinha sabiex tiddetermina, imbagħad, jekk l-applikazzjoni ta’ din il-miżura hijiex madankollu, validament iġġustifikata minn motivi bbażati fuq is-sigurtà fit-toroq u t-tressiq ta’ azzjoni kontra l-ksur, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 ta’ din l-istess deċiżjoni.

    76.

    Bi qbil mal-qorti tar-rinviju, ma’ Istanbul Lojistik u mal-Kummissjoni, nikkunsidra li, abbażi tar-regola prevista fl-Artikolu 66 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni għandu jiġi interpretat skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 36 TFUE, peress li l-kliem tal-imsemmi Artikolu 7 huwa analogu essenzjalment għal dak ta’ dan tal-aħħar ( 53 ).

    77.

    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-lista ta’ ġustifikazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 36 TFUE – li jippermettu li jiġu ammessi restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew fuq it-tranżitu, sa fejn dawn isegwu għanijiet ta’ interess ġenerali – għandha natura eżawrjenti u għandha bħala prinċipju tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta, peress li din hija deroga mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija ( 54 ). Fl-opinjoni tiegħi, l-istess approċċ għandu jintuża fir-rigward tal-lista li hija stabbilita fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

    78.

    Istanbul Lojistik issostni li f’din il-lista ta’ eċċezzjonijiet ma jidhrux b’mod espliċitu r-raġunijiet invokati, fil-kawża preżenti, mill-awtoritajiet Ungeriżi sabiex jipprovaw jiġġustifikaw il-leġiżlazzjoni kkontestata, jiġifieri rekwiżiti relatati mas-sigurtà fit-toroq jew mat-tressiq ta’ azzjonijiet kontra l-ksur, skont id-difiża ppreżentata fil-kawża prinċipali mill-awtorità fiskali tat-tieni grad ( 55 ).

    79.

    Madankollu, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ammettiet li s-sigurtà fit-toroq tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni abbażi tal-Artikolu 30 KE, li sar l-Artikolu 36 TFUE ( 56 ). Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l-prevenzjoni tan-nuqqas ta’ sigurtà fit-toroq tista’ tintrabat ma’ għanijiet ta’ “ordni pubbliku” u/jew ta’ “sigurtà pubblika”, fis-sens ta’ dan tal-aħħar. Fl-opinjoni tiegħi, dan huwa minnu wkoll għan-neċessità li jiġi żgurat it-tressiq ta’ azzjoni kontra ksur, proposta bħala ġustifikazzjoni mill-konvenuta fil-kawża prinċipali ( 57 ). Għaldaqstant, jidhirli li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 36 TFUE u, b’analoġija, dak tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jistgħu, bħala prinċipju, jinkludu tali raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni.

    80.

    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilta sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minbarra l-motivi elenkati fl-Artikolu 36 TFUE, raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu ġġustifikati ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija ( 58 ). Inqis li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta fir-rigward tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. Ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-protezzjoni tas-sigurtà fit-toroq jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet ta’ dan it-tip ( 59 ). Madankollu, il-possibbiltà li jiġu invokati dawn tal-aħħar hija, bħala prinċipju, irriżervata għal każijiet fejn il-miżuri nazzjonali inkwistjoni huma indistintament applikabbli ( 60 ), li fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti ( 61 ).

    81.

    Barra minn hekk, ma huwiex stabbilit li r-rekwiżiti allegati mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, u wara ripetuti fit-tieni domanda preliminari, jikkorrispondu tassew għall-għanijiet segwiti mil-leġiżlatur Ungeriż meta adotta l-leġiżlazzjoni kkontestata. F’dan ir-rigward nirrileva li kunsiderazzjonijiet differenti mill-imsemmija rekwiżiti, peress li huma prinċipalment ta’ natura baġitarja, jidhru fil-preambolu tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-karozzi ( 62 ). Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet ripetutament li r-raġunijiet ta’ natura ekonomika jistgħu jiġġustifikaw ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija ( 63 ).

    82.

    Fi kwalunkwe każ, hekk kif tfakkar il-qorti tar-rinviju, hija ġurisprudenza stabbilita li, sabiex tkun tista’ tiġi ġġustifikata minn għan ta’ interess ġenerali, miżura restrittiva għandha tkun mhux biss neċessarja u xierqa sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex, iżda wkoll proporzjonat fil-konfront tiegħu ( 64 ). Hija l-awtorità nazzjonali li beħsiebha tinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36 TFUE, u b’analoġija, dawk tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, li għandha turi li dawn il-kriterji huma effettivament sodisfatti fil-każ inkwistjoni ( 65 ).

    83.

    Fil-kawża preżenti, bi qbil ma’ Istanbul Lojistik u mal-Kummissjoni, inqis li l-awtoritajiet Ungeriżi ma ressqux elementi suffiċjentement probatorji f’dan is-sens. Jidhirli li t-taxxa kkonċernata ma tikkostitwixxix strument adegwat sabiex jitwettqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali invokati, peress li huwa dubjuż li l-fatt li tinġabar din it-taxxa, mingħajr kontroll ieħor, u dan, fuq livell iktar strett fir-rigward biss ta’ ċerti vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija li jinstaqu fl-Ungerija – jiġifieri dawk irreġistrati f’pajjiż terz, bil-kontra ta’ dawk irreġistrati fl-Ungerija jew fi Stat Membru ieħor – jista’ jikkontribwixxi b’mod reali sabiex tittejjeb is-sigurtà fit-toroq u sabiex jiġi ffavorizzat it-tressiq ta’ azzjonijiet kontra l-ksur f’dan it-territorju.

    84.

    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-kundizzjonijiet preċedenti huma kollha sodisfatti, mill-kliem finali taż-żewġt artikoli msemmija iktar 'il fuq jirriżulta li tali miżura la għandha tikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija. Issa, peress li s-sistema ta’ taxxa miġbura fuq il-karozzi li jintużaw fit-toroq fit-territorju Ungeriż tvarja skont jekk il-vettura kkonċernata hijiex rreġistrata fl-Ungerija, fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew f’pajjiż terz ( 66 ), jidhirli li t-trattament differenti u inqas favorevoli applikat f’dan il-każ tal-aħħar, mingħajr raġuni oġġettiva stabbilita, jikkostitwixxi fattur ta’ diskriminazzjoni arbitrarja ( 67 ).

    85.

    Fl-opinjoni tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet jipprojbixxu li jiġu aċċettati l-ġustifikazzjonijiet li huma invokati mill-awtoritajiet Ungeriżi. Bħala konklużjoni, fl-opinjoni tiegħi, fil-każ fejn it-taxxa inkwistjoni tiġi kklassifikata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, ir-raġunijiet imressqa bħala difiża ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex tali miżura nazzjonali tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija deċiżjoni.

    C. Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità fir-rigward tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE – Turkija (ir-raba’ domanda)

    86.

    Ir-raba’ domanda preliminari hija estensjoni tal-ewwel u tat-tieni domandi, sa fejn hija tirrigwarda l-istess kuntest leġiżlattiv tagħhom, jiġifieri l-obbligi li jirriżultaw mill-ftehimiet konklużi bejn il-KE (li saret l-Unjoni) u t-Turkija ( 68 ). Għaldaqstant, jidhirli li jkun deżiderabbli li nittrattawha qabel ma neżaminaw it-tielet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    87.

    Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE–Turkija, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni mwettqa minħabba n-nazzjonalità fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li din tobbliga lid-detenturi ta’ vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija rreġistrati f’pajjiż barrani, f’dan il-każ fit-Turkija, iħallsu taxxa speċjali filwaqt li d-detenturi ta’ tali vetturi rreġistrati fi Stat Membru tal-Unjoni huma eżentati mill-ħlas tagħha ( 69 ).

    88.

    Fil-motivazzjoni tad-deċizjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li hija tistaqsi lilha nnifisha jekk it-taxxa kkonstestata hijiex diskriminatorja fir-rigward tat-trasportaturi Torok u jekk għandhiex, għaldaqstant, tiġi kkunsidrata bħala inkompatibbli mal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE–Turkija kif ukoll mal-Artikolu 18 TFUE. Fil-fatt, il-kontenut ta’ dawn iż-żewġt artikoli huwa ekwivalenti, peress li l-paragrafu 1 ta’ dan tal-aħħar jipprovdi prinċipju li jgħid li kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità hija pprojbita fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-trattati ( 70 ). Inżid li l-Artikolu 9 tal-imsemmi ftehim jagħmel riferiment espliċitu għall-istess “prinċipju [ta’ nondiskriminazzjoni] stipulat fl-Artikolu 7 tat-Trattat li jistabbilixxi l-[KEE]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jikkorrispondi għall-Artikolu 18 TFUE ( 71 ).

    89.

    Il-Kummissjoni tqis li ma huwiex neċessarju li tingħata risposta speċifika għar-raba’ domanda preliminari, peress li l-kwistjonijiet relatati ma’ diskriminazzjoni eventwali mwettqa minħabba n-nazzjonalità diġà kellha tiġi eżaminata abbażi tal-ewwel żewġ domandi, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 4 sa 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u, għaldaqstant, taħt dak tal-Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE–Turkija ( 72 ).

    90.

    B’mod partikolari, huwa minnu li l-Istati Membru jistgħu jadottaw miżuri li jirrestringu l-moviment liberu tal-merkanzija li jkunu ġġustifikati minn waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 36 TFUE, biss bil-kundizzjoni li dawn ma jikkostitwixxux mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja ( 73 ), kriterju li għandu jiġi analizzat fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni domanda ( 74 ), jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-intenzjoni tiddeċiedi fuqha.

    91.

    Fid-dawl tar-risposta affermattiva li qed nirrakkomanda li tingħata għall-ewwel domanda, inqis li ma jkunx utli li tingħata risposta għar-raba’ domanda, peress li jkun suffiċjenti li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-eżistenza ta’ kawża waħda ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni, fost dawk imsemmija suċċessivament mill-qorti tar-rinviju. B’mod iktar preċiż, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, bħalma rrakkomandajt jien, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni taqa’ taħt il-projbizzjoni ta’ taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazju doganali stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, ma jkunx hemm lok, fl-opinjoni tiegħi, fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirrigwarda fuq ir-rabta bejn l-Artikolu 18 TFUE u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertajiet fundamentali ta’ moviment ( 75 ), li tipproċedi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE–Turkija.

    D. Fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fir-rigward tal-Artikolu 3(2) TFUE u tal-Artikolu 1(2) u 3(a) tar-Regolament Nru 1072/2009 (it-tielet domanda)

    92.

    Mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tielet domanda preliminari saret biss fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li t-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali la tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali u lanqas miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens, rispettivament, tal-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. Fid-dawl tar-risposta affermattiva li qed nirrakkomanda li tingħata għall-ewwel waħda mid-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-opinjoni tiegħi ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda. Mandankollu ser nippreżenta xi osservazzjonijiet fuq dan is-suġġett, għal finijiet ta’ kompletezza.

    93.

    Essenzjalment, it-tielet domanda tirrigwarda t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehimiet konklużi ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-konvenuta fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-awtorità fiskali tat-tieni grad, sostniet li l-Ungerija hija libera li tirregola t-trasport internazzjonali tal-merkanzija permezz ta’ ftehimiet bilaterali, abbażi tal-Artikolu 4(2)(g) TFUE, li jipprovdi “il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tapplika [fost oqasma oħrajn, għat-]trasport”, kif ukoll fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1072/2009. Din il-perspettiva hija kondiviża wkoll mill-Gvern Ungeriż, mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, Istanbul Lojistik tallega li l-Unjoni għandha kompetenza esklussiva impliċita fl-imsemmi qasam.

    94.

    B’mod konkret, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk l-awtoritajiet tal-Ungerija għadx għandhom id-dritt li jeżegwixxu l-ftehim bilaterali li din tal-aħħar iffirmat mar-Repubblika tat-Turkija fl-1968 u fejn l-Artikolu 18(3) tiegħu jipprevedi l-impożizzjoni ta’ taxxi fuq il-vetturi Torok li jwettqu trasport ta’ merkanzija bi tranżitu fit-territorju Ungeriż ( 76 ). Hija tistaqsi jekk it-taxxa li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali tistax, għaldaqstant, tiġi implementata fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni.

    95.

    F’dan ir-rigward, din il-qorti tevoka l-kompetenza esklussiva tal-Unjoni sabiex tikkonkludi ftehimiet internazzjonali, li hija prevista fl-Artikolu 3(2) TFUE ( 77 ) u hija ssemmi li, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “kull darba li, sabiex timplementa xi politika komuni prevista mit-Trattat, il-Komunità tieħu miżuri li jistabbilixxu regoli komuni, tkun xi tkun il-forma tagħhom, l-Istati Membri ma jkollhomx iktar is-setgħa, la individwalment u lanqas kollettivament, li jintrabtu ma’ Stati terzi b’obbligi li jaffettwaw dawn ir-regoli” ( 78 ). Infakkar li l-prinċipju hemmhekk stabbilit ġie sussegwentement iddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja li stabbilixxiet b’mod partikolari li, peress li l-Unjoni għandha biss kompetenzi mogħtija lilha ( 79 ), il-kompetenza eventwali tagħha, li barra minn hekk hija ta’ natura esklussiva, għandha ssib il-bażi tagħha f’analiżi konkreta tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati ( 80 ).

    96.

    Insostenn tat-talba tagħha, il-qorti tar-rinviju tesponi li r-Regolament Nru 1072/2009 stabbilixxa ġustament xi regoli komuni għall-aċċess għas-suq tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq li huma validi fl-Unjoni kollha, u li, b’konformità mal-premessa 3 ( 81 ) u mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2) ( 82 ), dan l-istrument jista’ jiġi applikat f’kull Stat Membru li, bħalma kien il-każ tal-Ungerija fil-kawża prinċipali, hawa ttraversat bi tranżitu minn vettura li tittrasporta merkanzija li telqet minn pajjiż terz u li d-destinazzjoni tagħha huwa Stat Membru (jew bil-kontra) ( 83 ).

    97.

    Hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod iktar preċiż, fuq il-kwistjoni ta’ jekk, minkejja li l-Unjoni illeġiżlat f’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Ungeriżi jistgħux ikomplu jagħtu effett għall-Ftehim Ungerija-Turkija ( 84 ) billi jinvokaw l-Artikolu 1(3)(a) tar-Regolament Nru 1072/2009, li jipprovdi: “[s]akemm jintlaħqu il-ftehim imsemmija fil-paragrafu 2, dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa: […] dispożizzjonijiet rigward it-trasport minn Stat Membru għal pajjiż terz u viċeversa li huma inklużi fil-ftehim bilaterali li ntlaħqu mill-Istati Membri ma’ dawk il-pajjiżi terzi” ( 85 ).

    98.

    Fil-fatt, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 jirriżulta li dan tal-aħħar “[m]’għandux japplika għal dik il-parti tal-vjaġġ li ssir fit-territorju tal-Istat Membru tat-tagħbija jew tal-ħatt sakemm ma jkunx ġie konkluż il-ftehim meħtieġ bejn il-Komunità u l-pajjiż terz” ( 86 ), b’differenza għall-applikabbiltà tal-imsemmi regolament li hija prevista fl-ewwel sentenza ta’ dan l-istess paragrafu fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru tal-Unjoni jiġi ttraversat biss fi tranżitu ( 87 ).

    99.

    Madankollu, l-imsemmija tieni sentenza ma hijiex, fl-opinjoni tiegħi, rilevanti fil-kawża preżenti, peress li, hekk kif tindika Istanbul Lojistik u kif ammettiet il-qorti tar-rinviju nnifisha, it-territorju Ungeriż ikkostitwixxa hawnhekk sempliċi mezz ta’ tranżitu, u mhux il-lok ta’ tagħbija jew ta’ ħatt tal-merkanzija kkonċernata.

    100.

    Fuq kollox, bi qbil mal-Gvern Ungeriż, mal-Gvern Taljan kif ukoll mal-Kummissjoni, nenfassizza li l-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1072/2009, peress Artikolu 2(1) tiegħu jipprevedi li dan l-istrument huwa intiż biss għall-vetturi tat-trasport ta’ merkanzija li huma rreġistrati fi Stat Membru tal-Unjoni ( 88 ), filwaqt li l-vettura li ġiet suġġetta għat-taxxa Ungeriża mid-deċiżjonijiet ikkontestata kienet irreġistrata fit-Turkija.

    101.

    Konsegwentement, inqis, sussidjarjament, li peress li r-Regolament Nru 1072/2009 ma huwiex applikabbli f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tiegħu ma jistgħux jipprekludu lill-awtoritajiet Ungeriżi milli jkunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 18(3) tal-Ftehim Ungerija-Turkija sabiex jimponu l-ħlas tat-taxxa kkontestata f’dan il-każ.

    V. Konklużjoni

    102.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi mressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Szeged, l-Ungerija) tkun kif ġej:

    L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE‑Turkija, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar l-implementazzjoni tal-fażi definittiva tal-Unjoni Doganali, għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali fir-rigward tal-merkanzija koperta mill-imsemmija unjoni u li hija għaldaqstant ipprojbita minn dan l-artikolu, taxxa fuq il-karozzi bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tinġabar mingħand kull detentur ta’ vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija, irreġistrati f’pajjiż mhux membru tal-Unjoni Ewropea li jaqsmu t-territorju tal-Ungerija fi tranżitu, biex imorru fi Stat membru ieħor, u li għandha titħallas kull darba li tinqasam il-fruntiera Ungeriża.

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni, għat-tielet u għar-raba’ domandi preliminari.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Dan il-Ftehim ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u tal-Komunità, min-naħa l-oħra, u ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10).

    ( 3 ) Problema simili ġiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża pendenti CX (C‑629/16).

    ( 4 ) Deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar l-implementazzjoni tal-fażi definittiva tal-Unjoni Doganali (ĠU 1996, L 35, p. 1).

    ( 5 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009 (ĠU 2009, L 300, p. 72).

    ( 6 ) Protokoll li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41).

    ( 7 ) Skont l-Artikolu 62 tal-imsemmi protokoll.

    ( 8 ) F’dan ir-rigward, il-Gvern Ungeriż jipprevdi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament li għandu saħħa ta’ liġi Nru 29/1969, li jimplementa l-imsemmi ftehim fl-Ungerija, Magyar Közlöny 1969/78 (X.11.).

    ( 9 ) Magyar Közlöny 1991/145 (XII.26.).

    ( 10 ) Magyar Közlöny 1988/15 (IV.21.).

    ( 11 ) Magyar Közlöny 2009/107 (VII.29.).

    ( 12 ) Díj ellenében végzett közúti árutovábbítási, a saját számlás áruszállítási, valamint az autóbusszal díj ellenében végzett személyszállítási és a saját számlás személyszállítási tevékenységről, továbbá az ezekkel összefüggő jogszabályok módosításáról szóló 261/2011. (XII. 7.) Korm. rendelet [Digriet governattiv Nru 261/2011 (XII.7.) dwar l-attivitajiet ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq bi ħlas, tat-trasport tal-merkanzija għal rashom, kif ukoll għall-attivitajiet ta’ trasport ta’ persuni b’xarabank bi ħlas u t-trasport ta’ persuni għal rashom, kif ukoll għall-emenda tar-regoli tad-dritt relatati ma’ dawn l-attivitajiet], Magyar Közlöny 2011/146 (XII.7.).

    ( 13 ) Nippreċiża li, fid-dritt tal-Unjoni, il-kunċett ta’ “grupp magħqud ta’ vetturi” jidher, b’mod partikolari fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1072/2009.

    ( 14 ) Ara l-Artikolu 1(1) u (2) tal-imsemmija liġi.

    ( 15 ) Skont il-Gvern Taljan, il-fatt li l-utent ta’ vettura li tittrasporta merkanzija li hija rreġistrata fi Stat Membru tal-Unjoni ieħor jiġi eżentat milli jħallas it-taxxa għat-tranżitu tiegħu fit-territorju tal-Ungerija huwa ġġustifikat abbażi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 372), li jipprovdi li t-taxxi fuq il-vetturi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva “għandhom jiġu imposti biss mill-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni”.

    ( 16 ) Skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-karozzi, li l-punti essenzjali tagħhom huma indikati fil-punti 22 sa 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 17 ) Ara d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-karozzi, li l-punti essenzjali tagħhom huma indikati fil-punti 26 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet. Kif tinnota l-Kummissjoni, l-Artikolu 15(3) ta’ din il-liġi jipprevedi “żona ta’ tolleranza” ta’ 5 km madwar il-punt ta’ dħul fit-territorju Ungeriż, li fih, is-sanzjoni ma tiġix imposta.

    ( 18 ) Ara l-Artikolu 17(2) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-karozzi.

    ( 19 ) Ara l-punti 30 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 20 ) Hekk kif tfakkar il-qorti tar-rinviju, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-interpretazzjoni mogħtija għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar is-suq intern tista’ tiġi trasposta għall-interpretazzjoni ta’ ftehim konkluż mill-Unjoni ma’ Stat terz meta l-ftehim inkwistjoni jkun jinkludi dispożizzjonijiet espliċiti f’dan ir-rigward (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2013, Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 21 ) Fil-fatt, l-Artikolu 30 TFUE, jipprojbixxi d-dazji doganali fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni jew it-taxxi li għandhom effett ekwivalenti bejn l-Istati Membru tal-Unjoni, filwaqt li l-imsemmi Artikolu 4 jistabbilixxi l-istess regola f’dak li jikkonċerna l-partijiet fil-Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE-Turkija.

    ( 22 ) Jiġifieri taxxa stabbilita fuq l-inizjattiva ta’ Stat Membru, b’kuntrast għal taxxa li tirriżulta mir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 1984, St. Nikolaus Brennerei und Likörfabrik, 337/82, EU:C:1984:69, punt 15). F’din il-kawża, jidhirli li ma huwiex ikkontestat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tirriżultax minn tali rekwiżiti. Għaldaqstant, mhux ser niddedika żviluppi speċifiċi għal din il-kundizzjoni.

    ( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 1969, Il-Kummissjoni vs L-Italja (24/68, EU:C:1969:29, punti 7 u 9); tat-8 ta’ Novembru 2005, Jersey Produce Marketing Organisation (C‑293/02, EU:C:2005:664, punt 55); tal-21 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑173/05, EU:C:2007:362, punt 42), kif ukoll tat-2 ta’ Ottubru 2014, Orgacom (C‑254/13, EU:C:2014:2251, punti 23 u 35).

    ( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1962, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu u Il-Belġju (2/62 u 3/62, EU:C:1962:45, p. 827, paragrafu ta’ qabel tal-aħħar); tat-3 ta’ Frar 1981, Il-Kummissjoni vs Franza (90/79, EU:C:1981:27, punt 12), kif ukoll tal-21 ta’ Marzu 1991, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑209/89, EU:C:1991:139, punt 7).

    ( 25 ) Ara d-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli II u III tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-karozzi msemmija fil-punti 22 sa 25 kif ukoll 26 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 26 ) Ara punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 27 ) Skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ungerija-Turkija.

    ( 28 ) Istanbul Lojistik issostni li s-sistema Ungeriża tinvolvi kwoti tat-triq li jillimitaw il-kummerċ bejn l-Unjoni u t-Turkija, għaliex tagħmel ogħla l-merkanzija ġejja mingħandha, billi tibbaża ruħha fuq rapport tal-14 ta’ Ottubru 2014, intitolat “Study on the economic impact of an agreement between the EU and the Republic of Turkey” li ġie mfassal minn ICF Consulting Ltd fuq talba tal-Kummissjoni u huwa aċċessibbli fuq is-sit internet li ġej: http://ec.europa.eu/transport/modes/road/studies/road_en (b’mod partikolari, p. v u vi u p. 39).

    ( 29 ) Ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 30 ) Istanbul Lojistik u l-Kummissjoni jsostnu, ukoll, li t-taxxa inkwistjoni tista’ tgħolli l-prezz tal-bejgħ tal-prodotti trasportati, peress li t-trasportatur barrani jkollu jew iħallas l-ammont meħtieġ, jew inkella jagħżel itinerarju ta’ sostituzzjoni itwal u għaldaqstant ogħla fil-prezz.

    ( 31 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-28/09, EU:C:2011:854, punti 115 u 116), li fiha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza ta’ mezzi ta’ trasport jew ta’ itinerarji sostituttivi ma humiex ta’ natura li jwarrbu l-possibbiltà ta’ restrizzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija.

    ( 32 ) Fuq dan is-suġġett, infakkar sempliċement li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fl-istat attwali tal-iżvilupp tal-assoċjazzjoni KEE-Turkija, ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni speċifika fil-qasam tat-trasport, iżda li s-servizzi tat-trasport ipprovduti fi ħdan l-imsemmija assoċjazzjoni ma humiex eżentati mir-regoli ġenerali applikabbli għall-provvisti ta’ servizzi, u b’mod partikolari mill‑Artikolu 41(1) tal-Protokoll Adizzjonali għall-Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE-Turkija, li jipprojbixxi lil Stat Membru milli jintroduċi restrizzjonijiet ġodda għal-libertà ta’ stabbiliment u li jiġu pprovduti servizzi, b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi protokoll fir-rigward tiegħu (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et, C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punti 92 sa 102, kif ukoll tal-24 ta’ Settembru 2013, Demirkan, C‑221/11, EU:C:2013:583, punti 37 et seq).

    ( 33 ) Ara l-Artikolu 15(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-karozzi.

    ( 34 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:33, punti 48 sa 50), kif ukoll is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413, punt 44).

    ( 35 ) Ara b’analoġija, dwar taxxi kklassifikati bħala taxxi interni, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten (C‑221/06, EU:C:2007:657, punti 43 et seq kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 36 ) Ara l-Artikoli 1, 11 u 15 tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-karozzi.

    ( 37 ) Bil-kontra ta’ sitwazzjonijiet oħra, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-taxxa kkonċernata taqa’ taħt is-sistema ġenerali ta’ tarriffi interni fuq il-merkanzija (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2006, Nádasdi u Németh, C‑290/05 u C‑333/05, EU:C:2006:652, punti 40 sa 42, kif ukoll tat-18 ta’ Jannar 2007, Brzeziński, C‑313/05, EU:C:2007:33, punti 23 sa 25).

    ( 38 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑173/05, EU:C:2007:362, punti 30 sa 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑28/09, EU:C:2011:854, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 39 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1995, Aprile (C‑125/94, EU:C:1995:309, punti 39 et seq), kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑173/05, EU:C:2007:362, punti 33 u 40).

    ( 40 ) Il-Gvern Ungeriż żviluppa raġunament madwar l-idea li t-taxxa kkontestata tista’ tikkostitwixxi fir-realtà, miżura ta’ taxxa interna, fis-sens tal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 110 TFUE. Ninnota li dispożizzjonijiet simili, xorta waħda ta’ natura projbittiva, jidhru wkoll fl-Artikolu 50 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. Madankollu, inqis li ma jkunx utli li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi f’dan ir-rigward, peress li l-qorti tar-rinviju ma tistaqsix dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet u li din ma jidhirx li hija neċessarja sabiex tingħata soluzzjoni għall-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Martin Y Paz Diffusion, C‑661/11, EU:C:2013:577, punt 48). Barra minn hekk, is-sistema ta’ tassazzjoni applikabbli għall-vetturi rreġistrati fl-Ungerija tant hija differenti minn dik applikabbli għall-vetturi rreġistrati f’pajjiż terz li l-klassifikazzjoni bħala “taxxa interna”, hija, fl-opinjoni tiegħi, impossibbli li tiġi aċċettata (fuq dan il-kunċett, ara b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord etC‑206/06, EU:C:2008:413, punt 41).

    ( 41 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 42 ) Infakkar li r-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni li huma stabbiliti fl-Artikolu 36 TFUE, l-istess bħal fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (dwar dan is-suġġett ara l-punti 75 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet) huma applikabbli esklussivament fir-rigward ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva u mhux fir-rigward ta’ taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazju doganali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 1988, Dansk Denkavit, 29/87, EU:C:1988:299, punt 32).

    ( 43 ) Għalhekk, piż pekunjarju li jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali tista’ madankollu tevita l-projbizzjoni li tirriżulta meta hija tikkostitwixxi “l-ħlas għal servizz, effettivament mogħti, ta’ ammont proporzjonali għall-imsemmi servizz, jew jekk tifforma parti minn sistema ġenerali ta’ imposti [tariffi] interni applikata sistematikament, skond l-istess kriterji, għall-prodotti nazzjonali u l-prodotti importati jew esportati, jew ukoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, jekk huwa impost abbażi ta’ kontrolli effettwati sabiex jiġu sodisfatti l-obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja” (ara, b’mod partikolari s-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1991, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑209/89, EU:C:1991:139, punt 9, kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2005, Jersey Produce Marketing Organisation, C‑293/02, EU:C:2005:664, punt 56).

    ( 44 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2004, Carbonati Apuani (C‑72/03, EU:C:2004:506, punt 32).

    ( 45 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1992, Lornoy et. (C-17/91, EU:C:1992:514, punti 14 u 15); tas-17 ta’ Ġunju 2003, De Danske Bilimportører (C-383/01, EU:C:2003:352, punti 32 et seq), kif ukoll tat-18 ta’ Jannar 2007, Brzeziński (C-313/05, EU:C:2007:33, punt 50).

    ( 46 ) Fl-elementi ta’ risposta li hija tagħti – sussidjarjament – dwar it-tieni domanda, il-Kummissjoni ma tinkludix mhux dawk id-dispożizzjonijiet dwar ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, li huma previsti mill-qorti tar-rinviju, iżda wkoll dawk dwar ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni li jidhru fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u fl-Artikolu 35 TFUE. Madankollu, inqis li jkun aħjar li nillimita l-osservazzjonijiet tiegħi għas-suġġett tad-domanda hekk kif magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    ( 47 ) Fil-fatt, l-Artikolu 34 TFUE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet u l-miżuri kollha li għandhom effett ekwivalenti bejn l-Istati Membru tal-Unjoni, filwaqt li l-imsemmi Artikolu 5 jifformula l-istess projbizzjoni fir-rigward tal-partijiet fil-Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE-Turkija.

    ( 48 ) Ara wkoll il-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 49 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 2014, Juvelta (C‑481/12, EU:C:2014:11, punt 16), kif ukoll tas-27 ta’ Ottubru 2016, Audace et (C‑114/15, EU:C:2016:813, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 50 ) F’dan ir-rigward, il-Gvern Ungeriż isemmi, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta (C‑379/92, EU:C:1994:296, punt 24), kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 1999, BASF (C‑44/98, EU:C:1999:440, punt 21).

    ( 51 ) Ara wkoll il-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 52 ) F’dan is-sens, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, ġustament, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, ripetutament, fir-rigward tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija stabbilit mit-Trattat FUE, li l-miżuri li jaffettwaw it-trasport jistgħu jikkostitwixxu ostakolu għall-kummerċ intrakomunitarju ta’ dawn il-prodotti. F’dan ir-rigward, hija ssemmi, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑28/09, EU:C:2011:854), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet effettivament li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-użu ta’ ċerti metodi ta’ trasport f’postijiet speċifiċi tostakola l-moviment liberu tal-merkanzija li tinġarr minnhom (ara l-punti 114 et seq, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 53 ) Fil-fatt, il-fatturi li jippermettu li jkun hemm deroga mill-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 34 u 35 TFUE li huma elenkati fl-Artikolu 36 TFUE huma l-istess bħal dawk iċċitati fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fir-rigward tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5 u 6 tagħha. Barra minn hekk, kemm l-imsemmi Artikolu 36 u kemm l-imsemmi Artikolu 7 jimponu li tali derogi ma għandhomx jikkostitwixxu “la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ”, minn naħa, bejn l-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, bejn il-partijiet fil-Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE-Turkija.

    ( 54 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1981, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (113/80, EU:C:1981:139, punt 7), kif ukoll tad-19 ta’ Ottubru 2016, Deutsche Parkinson Vereinigung (C‑148/15, EU:C:2016:776, punt 29).

    ( 55 ) Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 56 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1987, Gofette u Gilliard (406/85, EU:C:1987:274, punt 7).

    ( 57 ) F’dan is-sens, fis-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja (154/85, EU:C:1987:292, punti 13 u 14), kif ukoll tat-30 ta’ April 1991, Boscher (C‑239/90, EU:C:1991:180, punt 23), il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx li l-għan ta’ prevenzjoni ta’ traffikar ta’ proprjetà misruqa jista’ jkun motiv ta’ ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 36, anki jekk qieset li l-miżuri kkontestati ma kinux jirrispettaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    ( 58 ) Il-possibbiltà li nfetħet bis-sentenza tal-20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral, imsejħa Cassis de Dijon, (120/78, EU:C:1979:42, punti 8 et seq), ġiet imfakkra f’diversi okkażjonijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ April 2013, Las, C‑202/11, EU:C:2013:239, punt 28).

    ( 59 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑265/06, EU:C:2008:210, punt 38); tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑110/05, EU:C:2009:66, punt 60), kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Capoda Import-Export (C‑354/14, EU:C:2015:658, punt 43).

    ( 60 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1981, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (113/80, EU:C:1981:139, punt 10). Jidhirli li, fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet inqas enfasi fuq din il-kundizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punti 75 u 76, kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2015, Visnapuu, C‑198/14, EU:C:2015:751, punti 108 u 110).

    ( 61 ) Ara wkoll il-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il quddiem.

    ( 62 ) Ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub u orali, il-Gvern Ungeriż ikkonferma li l-preambolu tal-imsemmija liġi jindika li din it-taxxa kienet ġiet ikkunsidrata neċessarja sabiex jiżdiedu l-allokazzjonijiet tal-baġit disponibbli għall-manutenzjoni tal-infrastrutturi tat-toroq. Huwa żied li l-inkonvenjenzi maħluqa b’mod iktar partikolari mill-vetturi tqal ta’ trasport ta’ merkanzija jiġġustifikaw li tiżdied il-bażi tat-taxxa, sabiex jiġu ttrattati wkoll, għall-inqas indirettament, il-problemi tal-ambjent u tas-sigurtà fit-toroq.

    ( 63 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑398/98, EU:C:2001:565, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 64 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar (C‑15/15, EU:C:2016:464, punt 48).

    ( 65 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 1979, Denkavit Futtermittel (251/78, EU:C:1979:252, punt 24), kif ukoll tal-5 ta’ Frar 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑270/02, EU:C:2004:78, punti 22 et seq).

    ( 66 ) Fuq dawn is-sistemi differenti, ara l-punti 43 u 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 67 ) Fost fatturi ta’ diskriminazzjoni oħra, nosserva li moderazzjoni tat-taxxa hija prevista għall-vetturi li huma mgħammra b’sospensjoni pnewmatika, li jikkawżaw inqas ħsara lit-toroq, u/jew li jippreżervaw l-ambjent iżda biss jekk dawn huma rreġistrati fl-Ungerija (ara l-punti 24 u 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet) u mhux jekk huma rreġistrati f’pajjiż barrani.

    ( 68 ) Anki jekk ir-raba’ domanda tirrigwarda l-Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE-Turkija, filwaqt li l-ewwel żewġ domandi jirrigwardaw id-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, dawn l-istrumenti huma marbuta b’mod strett bejniethom, peress li l-imsemmija deċiżjoni ġiet adottata bl-iskop li tiġi implementata l-fażi finali tal-Unjoni doganali stabbilita bejn il-partijiet li kkonkludew l-imsemmi ftehim, kif jindikaw kemm it-titoli ta’ din id-deċiżjoni u kemm il-preambolu u l-Artikolu 1 tagħha.

    ( 69 ) Fuq din l-eżenzjoni, ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 70 ) Prinċipju stabbilit ukoll fl-Artikolu 21(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-“Karta”). Fis-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑233/14, EU:C:2016:396, punt 76), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 18 TFUE tapplika fis-sitwazzjonijiet kollha rilevanti tal-qassam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni.

    ( 71 ) L-Artikolu 37 tal-Protokoll Addizzjonali għall-imsemmi ftehim jipprevedi l-applikazzjoni speċefika ta’ dan il-prinċipju fil-qasam tax-xogħol billi jistabbilixxi li “[k]ull Stat Membru jagħti lill-ħaddiema ta’ nazzjonalità Torka impjegati fil-Komunità sistema kkaratterizzata minn nuqqas ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fil-konfront ta’ ħaddiema li jirresjedu fi Stati Membri oħra f’dan li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ remunerazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 72 ) F’dan ir-rigward, hija ssemmi s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punti 31 sa 36), fejn jitfakkar li meta Stat Membru jinvoka raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifika leġiżlazzjoni li hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju ta’ waħda mil-libertajiet previsti mit-Trattati, din il-ġustifikazzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, li fosthom jidher il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

    ( 73 ) Regola ekwivalenti tidher kemm fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u kemm fl-Artikolu 29 in fine tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE-Turkija.

    ( 74 ) Ara l-punti 75 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 75 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2014, Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor (C‑53/13 u C‑80/13, EU:C:2014:2011, punti 31 et seq); tat-18 ta’ Diċembru 2014, Generali-Providencia Biztosító (C‑470/13, EU:C:2014:2469, punti 30 et seq), kif ukoll tad-29 ta’ Ottubru 2015, Nagy (C‑583/14, EU:C:2015:737, punt 24), li jfakkru li l-Artikolu 18 TFUE ma jistax jiġi applikat meta d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi jew tal-kapital huma applikabbli u jipprevedu regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni.

    ( 76 ) L-obbligu li jitħallsu t-taxxi dovuti “għat-trasport tal-merkanzija u sabiex jiġu koperti ikopru l-ispejjeż marbuta mal-manutenzjoni u mat-tiswija tat-toroq” huwa impost fuq dawn il-vetturi Torok anki għall-vjaġġi li jwettqu meta jkunu vojta. Abbażi tal-Artikolu 18(3), il-vetturi Ungeriżi li jaqsmu fi tranżitu t-Turkija jkollhom, b’mod reċiproku, iħallsu taxxi tal-istess natura fis-seħħ fit-territorju tagħha. Mill-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu jirriżulta li l-vetturi rreġistrati f’wieħed mill-Istati parti għal dan il-ftehim bilaterali huma, min-naħa l-oħra, eżentati mit-taxxi dovuti “għat-trasport tal-merkanzija, id-dritt ta’ pussess tal-vettura jew l-użu tat-toroq”, meta t-territorju tal-Istat Membru l-ieħor huwa d-destinazzjoni finali tagħhom.

    ( 77 ) Skont it-termini tal-imsemmi paragrafu 2, “[l]-Unjoni għandha […] kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġislattiv ta’ l-Unjoni, jew tkun meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha, jew sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom.”

    ( 78 ) Il-qorti tar-rinviju ssemmi l-punti 17 sa 19 tas-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa AETR (22/70, EU:C:1971:32).

    ( 79 ) Skont l-Artikolu 5(1) u (2) TUE.

    ( 80 ) Ara, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza ċċitata fit-teħid ta’ pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Jääskinen dwar l-Opinjoni 1/13 [(Adeżjoni ta’ Stati Terzi għall-konvenzjoni ta’ Den Haag), EU:C:2014:2292, punti 58 et seq], kif ukoll fl-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati Terzi għall-konvenzjoni ta’ Den Haag), tal-14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303, punti 71 et seq) u fl-Opinjoni 3/15 (Trattat ta’ Marrakexx fuq l-aċċess għax-xogħlijiet ippubblikati), tal-14 ta’ Frar 2017 (EU:C:2017:114, punt 108).

    ( 81 ) Skont din il-premessa 3,“[s]abiex jiġi żgurat qafas koerenti għat-trasport bit-triq internazzjonali tal-merkanzija madwar il-Komunità, [ir-Regolament Nru 1072/2009] għandu japplika għat-trasport internazzjonali tal-merkanzija kollu fit-territorju Komunitarju. It-trasport tal-merkanzija mill-Istati Membri għall-pajjiżi mhux membri għadu fil-biċċa l-kbira kopert minn ftehim bilaterali bejn l-Istati Membri u dawk il-pajjiżi terzi. B’hekk, dan ir-Regolament ma japplikax għal dik il-parti tal-vjaġġ fit-territorju tal-Istat Membru tat-tagħbija jew tal-ħatt sakemm il-ftehim meħtieġ bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi konċernati ma jkunux ġew konklużi. Għandu, madankollu, japplika għat-territorju ta’ Stat Membru li wieħed jgħaddi minnu waqt il-vjaġġ”.

    ( 82 ) Skont l-imsemmija l-ewwel sentenza, ir-Regolament Nru 1072/2009 huwa applikabbli, “[f]il-każ ta’ trasport minn Stat Membru lejn pajjiż terz u viċeversa, […] għal dik il-parti tal-vjaġġ fit-territorju ta’ Stat Membru traversat waqt il-vjaġġ”.

    ( 83 ) Infakkar li, fil-kawża preżenti, il-vettura suġġetta għat-taxxa kkontestata kienet telqet mit-Turkija sabiex tmur il-Ġermanja, via l-Ungerija.

    ( 84 ) Il-qorti tar-rinviju u Istanbul Lojistik ma jaqblux fuq il-kwistjoni ta’ jekk din il-possibbiltà hijiex ikkonfermata jew kontradetta mir-rapport ta’ ICF Consulting Ltd li jissemma fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet (ara p. 6, punt 2.1, u p. 8, punt 2.2 tal-imsemmi rapport).

    ( 85 ) Il-Gvern Ungeriż isostni li l-Unjoni ma għandhiex kompetenza esklussiva f’dan il-qasam, minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1072/2009, li tieħu inkunsiderazzjoni espliċitament l-ftehimiet bilaterali konklużi bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi jipprevedi li tali ftehimiet jibqgħu fis-seħħ sakemm ma jiġux issostitwiti minn dispożizzjonijiet adottati fuq il-livell tal-Unjoni.

    ( 86 ) Enfasi miżjuda minni. Xi dispożizzjonijiet simili kienu diġà jinsabu fit-tielet premessa u fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 881/92, tas-26 ta’ Marzu 1992, dwar l-aċċess għas-suq tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq fil-Komunità lejn jew mit-territorju ta’ Stat Membru jew li jgħaddi mit-territorju ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 370), li ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 1072/2009.

    ( 87 ) Ara wkoll, il-premessa 3 tiegħu, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 88 ) Fil-fatt, l-imsemmi punt 1 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “vettura”, fis-sens ta’ dan ir-regolament bħala “vettura bil-mutur irreġistrata fi Stat Membru jew grupp magħqud ta’ vetturi li jkollu għallinqas vettura waħda mill-grupp irreġistrata fi Stat Membru, użata esklusivament għat-trasport tal-merkanzija”.

    Top