Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0013

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fis-26 ta’ Jannar 2017.
    Valsts policijas Rīgas reģiona pārvaldes Kārtības policijas pārvalde vs Rīgas pašvaldības SIA "Rīgas satiksme".
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Augstākā tiesa.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 7(f) – Data personali – Kundizzjonijiet ta’ legalità ta’ pproċessar ta’ data personali – kunċett ta’ ‘ħtieġa għall-finijiet tal-interessi leġittimi li jkollu terz’ – Talba għall-komunikazzjoni ta’ data personali ta’ persuna responsabbli għal inċident tat-traffiku sabiex tiġi eżerċitata azzjoni ġudizzjarja – Obbligu tal-kontrollur tad-data li jilqa’ tali talba – Assenza.
    Kawża C-13/16.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:43

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOBEK

    ippreżentati fis-26 ta’ Jannar 2017 ( 1 )

    Kawża C‑13/16

    Valsts policijas Rīgas reģiona pārvaldes Kārtības policijas pārvalde

    vs

    Rīgas pašvaldības SIA “Rīgas satiksme”

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa, Administratīvo lietu departaments (il-qorti suprema, diviżjoni amministrattiva, il-Latvja)]

    “(Talba għal deċiżjoni preliminari — Data personali — Ipproċessar legali tad-data — Artikolu 7(f) tad-Direttiva Nru 95/46/KE — Portata u kundizzjonijiet — Obbligu jew fakultà li tiġi pproċessata d-data personali — Kunċett ta’ pproċessar neċessarju għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn terz)”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Sewwieq tat-taxi waqqaf il-vettura tiegħu mal-ġenb tat-triq f’Riga. Meta trolleybus ta’ Rīgas satiksme (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”) kienet għaddejja, passiġġier fit-taxi fetaħ il-bieba f’daqqa. Dan wassal għal ħabta, li kkawżat ħsara lit-trolleybus. Rīgas satiksme talbet lill-pulizija (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) sabiex tiżvela l-identità tal-passiġġier. Il-konvenuta xtaqet tfittxu għad-dannu kkawżat lit-trolleybus quddiem il-qrati ċivili. Il-pulizija tat lil Rīgas satiksme l-isem tal-passiġġier biss. Hija rrifjutat li tipprovdi n-numru tal-identità u l-indirizz.

    2.

    F’dan l-isfond fattwali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva Nru 95/46/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) ( 2 ) jimponix obbligu li tiġi żvelata d-data personali kollha neċessarja sabiex tinbeda proċedura ċivili kontra l-persuna allegatament responsabbli għal ksur amministrattiv. Hija tistaqsi wkoll jekk ir-risposta għal din id-domanda tkunx differenti jekk din il-persuna tkun minuri.

    II. Il-qafas ġuridiku

    A. Id-dritt tal-Unjoni

    1. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il- “Karta ”)

    3.

    L-Artikolu 7 jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha”.

    4.

    Bis-saħħa tal-Artikolu 8;

    “1.   Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha.

    2.   Din id-data għandha tiġi trattata b’mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha.

    3.   L-osservanza ta’ dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti”.

    2. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    5.

    L-Artikolu 16(1) TFUE jipprovdi li “[k]ull persuna għandha jkollha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha”.

    3. Id-Direttiva Nru 95/46 dwar il-protezzjoni ta ’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta ’ data personali u dwar il-moviment liberu ta ’ dik id-data

    6.

    L-Artikolu 2 jistabbilixxi ċerti definizzjonijiet għall-finijiet tad-Direttiva.

    “(a)

    ‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

    (b)

    ‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

    […]

    (f)

    ‘parti terza’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li ma jkunx is-suġġett tad-data, il-kontrollur, il-proċessur u l-persuna li, taħt l-awtorità diretta tal-kontrollur jew tal-proċessur, ikunu awtorizzati li jipproċessaw id-data;

    […]”

    7.

    L-Artikolu 5, li jinsab fil-Kapitolu II intitolat “Regoli ġenerali dwar il-legalità ta’ l-ipproċessar ta’ data personali” jipprovdi li “Stati Membri għandhom, fil-limiti tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, jistabbilixxu b’iktar preċiżjoni il-kondizzjonijiet li bihom l-ipproċessar ta’ data personali jkun skond il-liġi”.

    8.

    L-Artikolu 6(1) jaqra kif ġej: “Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għand[h t]kun:

    […]

    (ċ)

    adekwat[a], rilevanti u mhux eċċessiv[a] għall-finijiet li għalih [tinġabar] u/jew [t]iġi iktar ipproċessat[a];

    […]”.

    9.

    L-Artikolu 7 jiddikjara li “Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali [t]ista’ [t]kun ipproċessat[a] biss jekk:

    (a)

    is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar; jew

    (b)

    l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir kuntratt li tiegħu s-suġġett tad-data jkun parti jew biex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jagħmel kuntratt; jew

    (ċ)

    l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur; jew

    (d)

    l-ipproċessar ikun meħtieġ biex jipproteġi l-interessi vitali tas-suġġett tad-data; jew

    (e)

    l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data; jew

    (f)

    l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1)”.

    10.

    L-Artikolu 8 jipprojbixxi, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data, bħal data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku. Madankollu, huwa jipprovdi għadd ta’ eċċezzjonijiet.

    11.

    B’mod partikolari, il-projbizzjoni ma tapplikax, skont l-Artikolu 8(2)(e), meta “l-ipproċessar […] jkun meħtieġ biex ikunu stabbiliti, eżerċitati jew protetti talbiet legali”.

    12.

    L-Artikolu 8(5) jipprovdi li:

    “[…] Stati Membri jistgħu jipprovdu li data dwar sanzjonijiet amministrattivi jew sentenzi f’każi ċivili għandhom ukoll ikunu pproċessati taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali”.

    13.

    Skont l-Artikolu 8(7), “Stati Membri għandhom jiddeterminaw il-kondizzjonijiet li bihom numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali jew mezz ieħor ta’ identifikazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali jistgħu jkun pproċessati”.

    14.

    Skont l-Artikolu 14, “Stati Membri għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data d-dritt:

    (a)

    li, bla ħsara għal dak provdut fil-liġijiet nazzjonali, mill-inqas fil-każi msemmija fl-Artikolu 7(e) u (f), jagħmel oġġezzjoni f’kull żmien kontra l-ipproċessar ta’ data dwaru għal raġunijiet gravi u leġittimi dwar is-sitwazzjoni partikolari tiegħu. Meta jkun hemm oġġezzjoni ġustifikata, l-ipproċessar mibdi mill-kontrollur jista’ ma jibqax juża dak id-data;

    […]”

    15.

    Id-Direttiva issa ġiet issostitwita bir-Regolament (UE) 2016/679 ( 3 ). Huwa daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Mejju 2016. Madankollu, ir-Regolament il-ġdid ser ikun applikabbli biss mill-25 ta’ Mejju 2018.

    B. Id-dritt nazzjonali

    16.

    L-Artikolu 7 tal-Fizisko personu datu aizsardzības likums (il-Liġi dwar il-protezzjoni tad-data personali) huwa abbozzat f’termini simili għall-Artikolu 7 tad-Direttiva. Huwa jistipula li l-ipproċessar tad-data personali għandu jiġi awtorizzat biss, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor mil-liġi, jekk jiġi ssodisfat mill-inqas wieħed mir-rekwiżiti segwenti:

    (1)

    is-suġġett tad-dejta jkun ta l-kunsens tiegħu;

    (2)

    l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex isir kuntratt li tiegħu s-suġġett tad-data jkun parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jiffirma kuntratt;

    (3)

    l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex jitħares obbligu legali li s-suġġett tiegħu jkun il-kontrollur tad-data;

    (4)

    l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data, inkluż ħajtu u saħħtu;

    (5)

    l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex jitwettaq kompitu fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’terz li lilu tkun żvelata d-data;

    (6)

    l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew it-terz jew il-partijiet li lilhom tkun żvelata d-data, ħlief meta dawn l-interessi jiġu wara l-interessi għad-drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data.

    III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    17.

    F’Diċembru tal-2012, seħħ aċċident tat-traffiku f’Riga. Sewwieq tat-taxi kien waqqaf il-vettura tiegħu mal-ġenb tat-triq. Hekk kif trolleybus ta’ Rīgas satiksme kienet għaddeja maġenb it-taxi, il-passiġġier tat-taxi fetaħ il-bieba, li barxet u kkawżat ħsara lit-trolleybus. Inbdew proċeduri amministrattivi b’riżultat tal-aċċident. Tfassal ukoll rapport, li stabbilixxa li kien sar ksur amministrattiv.

    18.

    Għall-ewwel, minħabba li qieset li s-sewwieq tat-taxi kien responsabbli għall-aċċident, Rīgas satiksme talbet kumpens mingħand il-kumpannija tal-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà ċivili ta’ sid it-taxi. Madankollu, il-kumpannija tal-assigurazzjoni infurmat lil Rīgas satiksme li ma kienet ser tħallas ebda kumpens, minħabba li l-aċċident ma kienx tort tas-sewwieq tat-taxi, iżda tal-passiġġier, li Rīgas satiksme setgħet tibda proċedura ċivili kontrih.

    19.

    Rīgas satiksme għamlet talba lill-Valsts policijas Rīgas reģiona pārvaldes Kārtības policijas pārvaldes Satiksmes administratīvo pārkāpumu izskatīšanas birojs (l-uffiċċju responsabbli għall-ksur amministrattiv fit-toroq tal-pulizija tas-sigurtà tar-reġjun ta’ Riga) (iktar ’il quddiem il-“pulizija”). Hija talbet informazzjoni dwar il-persuna li kienet ġiet suġġetta għal sanzjoni amministrattiva fir-rigward tal-aċċident. B’mod iktar speċifiku, hija talbet l-isem, in-numru tad-dokument tal-identità u l-indirizz tal-passiġġier tat-taxi, kif ukoll kopji tad-dokumenti li fihom l-ispjegazzjonijiet mogħtija mis-sewwieq tat-taxi u l-passiġġier dwar iċ-ċirkustanzi tal-aċċident. Rīgas satiksme indikat lill-pulizija li l-informazzjoni mitluba kienet ser tintuża biss għall-iskop li tinbeda proċedura ċivili kontra din il-persuna.

    20.

    Il-pulizija laqgħet it-talba ta’ Rīgas satiksme biss parzjalment. Hija pprovdiet biss l-isem tal-passiġġier tat-taxi. Hija rrifjutat li tipprovdi n-numru tad-dokument tal-identità u l-indirizz ta’ din il-persuna. Lanqas ma tat lil Rīgas satiksme l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-persuni involuti fl-aċċident.

    21.

    Fid-deċiżjoni tagħha, il-pulizija ddikjarat li d-dokumenti fil-fajl fi proċeduri amministrattivi li jwasslu għal sanzjonijiet jistgħu jingħataw biss lill-partijiet f’dawn il-proċeduri. Rīgas satiksme ma kinitx tali parti. Barra minn hekk, fir-rigward tan-numru tad-dokument tal-identità u tal-indirizz, id-Datu valsts inspekcija (l-aġenzija Latvjana għall-protezzjoni tad-data) tipprojbixxi l-għoti ta’ tali informazzjoni relatata ma’ individwi.

    22.

    Skont l-Artikolu 261 tal-Latvijas Administratīvo pārkāpumu kodeks (il-Kodiċi tal-ksur amministrattiv Latvjan), fi proċeduri amministrattivi li jwasslu għal sanzjonijiet, persuna tista’ tingħata l-istatus ta’ vittma fuq talba espressa tagħha. Rīgas satiksme ma eżerċitatx id-dritt tagħha li jkollha l-istatus ta’ vittma fil-proċedura amministrattiva inkwistjoni.

    23.

    Rīgas satiksme bdiet proċedura amministrattiva kontra d-deċiżjoni tal-pulizija sa fejn din irrifjutat li tiżvela n-numru tad-dokument tal-identità u l-indirizz tal-passiġġier tat-taxi.

    24.

    Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Mejju 2014, l-Administratīvā rajona tiesa (qorti amministrattiva distrettwali) laqgħet ir-rikors ippreżentat minn Rīgas satiksme. Hija ordnat lill-pulizija sabiex tipprovdi l-informazzjoni mitluba fir-rikors, jiġifieri n-numru tad-dokument tal-identità u l-indirizz tal-passiġġier tat-taxi.

    25.

    Il-pulizija appellat minn din is-sentenza quddiem l-Augstākā tiesa (qorti suprema, il-Latvja), li hija l-qorti tar-rinviju f’dan il-każ. Il-qorti tar-rinviju l-ewwel talbet opinjoni mingħand l-aġenzija Latvjana għall-protezzjoni tad-data. Din tal-aħħar indikat li, f’dan il-każ speċifiku, id-data ma setgħetx tiġi pprovduta fuq il-bażi tal-Artikolu 7(6) tal-Liġi dwar il-protezzjoni tad-data personali, peress li l-Kodiċi tal-ksur amministrattiv jistipula l-persuni naturali jew ġuridiċi li lilhom il-pulizija tista’ tibgħat informazzjoni relatata mal-każ. Għalhekk, l-iżvelar tad-data personali relatata ma’ proċeduri amministrattivi li jwasslu għal sanzjonijiet jista’ jsir biss inkonformità mal-paragrafi 3 u 5 ta’ dan l-artikolu. Barra minn hekk, l-Artikolu 7 ta’ din il-liġi ma jobbligax lill-kontrollur tad-data (f’dan il-każ, il-pulizija) sabiex jipproċessa d-data: dan sempliċiment jippermettilu li jagħmel dan.

    26.

    L-aġenzija Latvjana għall-protezzjoni tad-data indikat ukoll li Rīgas satiksme kellha mezzi oħra sabiex tikseb l-informazzjoni: jew billi tressaq talba motivata lill-Iedzīvotāju reģistrs (ir-reġistru ċivili) jew, inkonformità mal-Artikoli 98, 99 u 100 tas-Civilprocesa likums (il-Liġi dwar il-proċedura ċivili Latvjana), billi tressaq azzjoni quddiem qorti għall-produzzjoni tal-provi. Il-qorti inkwistjoni mbagħad tista’ tordna lill-pulizija tiżvela d-data personali li teħtieġ Rīgas satiksme sabiex tkun tista’ tibda proċedura kontra l-persuna kkonċernata quddiem il-qrati ċivili.

    27.

    Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-mezzi alternattivi għall-kisba tad-data personali msemmija mill-aġenzija Latvjana għall-protezzjoni tad-data. Jekk issir talba lir-reġistru ċivili li ssemmi biss l-isem tal-passiġġier tat-taxi, jista’ jkun li jkun hemm iktar minn persuna waħda b’dan l-isem. Imbagħad, il-persuna rilevanti tista’ tiġi identifikata biss permezz ta’ data addizzjonali, bħal dik mitluba f’dan il-każ (in-numru tad-dokument tal-identità u l-indirizz). Barra minn hekk, l-aġenzija Latvjana għall-protezzjoni tad-data ċċitat id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-proċedura ta’ ċivili li jikkonċernaw il-produzzjoni tal-provi. Inkonformità mal-Artikolu 128 tal-Liġi dwar il-proċedura ċivili, ladarba jiġi ppreżentat rikors, huwa neċessarju li jiġu indikati l-isem u n-numru tad-dokument tal-identità (jekk ikun magħruf) tal-konvenut, kif ukoll id-domiċilju legali tiegħu u l-indirizz addizzjonali indikat fir-reġistru, jew, fin-nuqqas ta’ dan, l-indirizz għan-notifika tiegħu. Konsegwentement, ir-rikorrent mill-inqas irid ikun jaf il-post ta’ residenza tal-konvenut.

    28.

    Skont il-qorti tar-rinviju, il-mezzi alternattivi sabiex tinkiseb id-data personali meħtieġa b’hekk ma humiex ċari jew huma ineffettivi. Konsegwentement, sabiex issegwi l-interessi leġittimi tagħha, jista’ jkun meħtieġ li Rīgas satiksme tikseb id-data personali mitluba mingħand il-pulizija.

    29.

    Il-qorti tar-rinviju tesprimi wkoll dubji dwar l-interpretazzjoni tat-terminu “meħtieġ” fl-Artikolu 7(f) u tqis li din l-interpretazzjoni hija deċiżiva għall-eżitu ta’ din il-kawża.

    30.

    L-Augstākās tiesas (Administratīvo lietu departaments) [il-qorti suprema, (diviżjoni amministrattiva), il-Latvja] għalhekk iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi għal deċiżjoni preliminari li ġejjin:

    “Il-frażi ‘ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu […] il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data’, li tinsab fl-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-pulizija nazzjonali hija marbuta li tikkomunika lir-‘Rīgas satiksme’ id-data personali li tkun talbet u li hija meħtieġa sabiex jiġi ppreżentat rikors fi proċedura ta’ dritt ċivili? Iċ-ċirkustanza, li tirriżulta mill-fatti tal-każ, li l-passiġġier li r-‘Rīgas satiksme’ qed tipprova tikseb id-data tiegħu kien minorenni [minuri] fil-mument tal-inċident tista’ taffettwa r-risposta għad-domanda preliminari?”

    31.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Rīgas satiksme, mill-Kummissjoni, mill-Gvern Ċek, Spanjol, Latvjan, Awstrijak u dak Portugiż. Is-sottomissjonijiet orali tal-Kummissjoni u tal-Gvern Latvjan instemgħu fis-seduta tal-24 ta’ Novembru 2016.

    IV. Evalwazzjoni

    32.

    Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, taħt id-Direttiva, hemmx dmir min-naħa tal-kontrollur tad-data li jiżvela d-data li tippermetti li tiġi identifikata persuna allegatament responsabbli għal ksur amministrattiv sabiex Rīgas satiksme tkun tista’ tippreżenta rikors fi proċedura ċivili.

    33.

    Ir-risposta qasira tiegħi għal din id-domanda speċifika magħmula mill-qorti tar-rinviju hija “le”. Id-Direttiva nnifisha ma tistabbilixxi ebda obbligu bħal dan. Hija tipprovdi sempliċiment fakultà (fis-sens ta’ permess jew awtorizzazzjoni) sabiex wieħed jagħmel dan, sakemm jiġu ssodisfatti għadd ta’ elementi. Il-fakultà li wieħed iwettaq ċerta attività taħt il-liġi hija kategorija distinta mill-obbligu li titwettaq din l-attività.

    34.

    Madankollu, f’dan il-każ, il-kwistjoni ma tispiċċax hemmhekk. Mill-inqas parzjalment, jiġifieri b’rabta mal-informazzjoni li ġiet effettivament ipprovduta, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab ukoll tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva u n-natura u l-portata tad-data personali li min jitlob id-data jista’ jikseb bl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    35.

    Dawn il-konklużjonijiet għalhekk huma strutturati kif ġej: l-ewwel nett, ser ngħid għalfejn, fil-fehma tiegħi, mid-Direttiva ma jirriżulta ebda obbligu ta’ żvelar min-naħa tal-entità fil-pussess tal-informazzjoni (Taqsima A). It-tieni nett, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta sħiħa u utli fil-każ preżenti, ser nipproponi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva u l-portata tad-data personali li tista’ tiġi żvelata jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet (Taqsima B).

    A. L-obbligu ta’ żvelar

    36.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-data personali għandhiex tiġi żvelata għall-finijiet li jiġi ppreżentat rikors fi proċedura ċivili bis-saħħa tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva. Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva nnifisha timponix dmir li tiġi żvelata din id-data personali.

    37.

    Fil-fehma tiegħi, ma jista’ jiġi dedott ebda obbligu bħal dan mid-Direttiva nnifisha. Dan jirriżulta b’mod inekwivoku mit-test u mis-sistema, kif ukoll mill-iskop stess tad-Direttiva.

    38.

    Jekk wieħed iqis is-sistema u l-loġika tad-Direttiva bħala l-punt tal-bidu, ir-regola ta’ applikazzjoni awtomatika li fuqha hija bbażata d-Direttiva hija li d-data personali, b’mod ġenerali, ma għandhiex tiġi pproċessata, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ( 4 ). L-ipproċessar tad-data personali, min-natura tiegħu stess, għandu jibqa’ pjuttost eċċezzjonali.

    39.

    L-Artikolu 7 jinsab fi ħdan din is-sistema. Dan l-artikolu jistabbilixxi lista ta’ eċċezzjonijiet għar-regola ta’ applikazzjoni awtomatika, li permezz tagħhom l-ipproċessar huwa leġittimu f’ċerti kundizzjonijiet espressi strettament. B’hekk, il-kategoriji tal-Artikolu 7 huma l-eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali.

    40.

    F’dan l-isfond, it-test tal-Artikolu 7 jikkonferma biċ-ċar li l-kategoriji elenkati għandhom jiġu ttrattati bħala sempliċi fakultà jew possibbiltà li tiġi pproċessata d-data personali, kuntrarjament għal obbligu, meta s-sitwazzjoni fattwali tkun taqa’ taħt waħda mill-eċċezzjonijiet legali. Skont din id-dispożizzjoni, “Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali [t]ista’ [t]kun ipproċessat[a] biss jekk […] ( 5 ). Dan il-kliem, li jintuża wkoll f’verżjonijiet lingwistiċi oħrajn ( 6 ), juri biċ-ċar li l-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 7 huma tassew eċċezzjonijiet. Dawn ma jistgħux jinftiehmu bħala obbligu li tiġi pproċessata d-data personali.

    41.

    Il-fatt li mill-inqas uħud mill-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 7 għandhom effett dirett ( 7 ) ma jbiddilx il-konklużjoni preċedenti. Dawn, per se, ma joħolqux dritt għall-informazzjoni għal dawk li jitolbuha, u lanqas ma joħolqu obbligu korollarju għal dawk fil-pussess tagħha sabiex jiżvelawha. L-Artikolu 7 minflok jipprovdi għal regoli ġenerali sabiex il-proċessur tad-data jiddetermina meta, jekk, kif u sa liema punt jista’ jipproċessa d-data personali li jkun kiseb.

    42.

    Finalment, l-għan globali tad-Direttiva huwa li tipprovdi konfini jew limiti komuni tal-Unjoni għall-ipproċessar tad-data personali. Il-ġustifikazzjonijiet u r-raġunijiet individwali speċifiċi għall-ipproċessar tipikament imbagħad ser ikunu jinsabu fid-dritt nazzjonali, jew fi strumenti legali oħrajn tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, id-Direttiva tipprovdi l-limiti għall-ipproċessar tad-data, u mhux għall-inċitament tiegħu.

    43.

    Għaldaqstant, it-test, is-sistema, il-loġika u l-iskop tad-Direttiva kollha huma pjuttost ċari hekk kif jindikaw li l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva ma jistax jinqara bħala li jipprovdi, fih innifsu, obbligu ta’ żvelar tad-data personali.

    44.

    Fuq nota sistematika u sussidjarja usa’, jista’ jingħad ukoll li struttura simili bl-ebda mod ma hija rari f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni fejn l-istrumenti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jirrigwardaw id-data personali direttament jew indirettament.

    45.

    Pereżempju, id-Direttiva 2002/58/KE dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika ( 8 ), li tikkomplementa d-Direttiva 95/46 fir-rigward tas-settur tal-komunikazzjoni elettronika, lanqas ma tinkludi obbligu ta’ żvelar. Fis-sentenza Promusicae, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-ewwel waħda la tipprekludi lill-Istati Membri milli jistabbilixxu obbligu li tiġi żvelata d-data personali fil-kuntest ta’ proċedura ċivili u lanqas ma ġġigħelhom jagħmlu dan ( 9 ). Għalhekk id-deċiżjoni hija f’idejn l-Istati Membri. Ma hijiex konsegwenza neċessarja tad-dritt tal-Unjoni.

    46.

    B’mod simili, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li direttivi oħrajn ( 10 ), li jsemmu d-data personali iżda li prinċipalment għandhom l-għan li jiżguraw protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali fis-soċjetà tal-informazzjoni ( 11 ), lanqas ma jirrikjedu li l-Istati Membri jistabbilixxu obbligu li tiġi pprovduta d-data personali sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tad-dritt tal-awtur fil-kuntest ta’ proċedura ċivili ( 12 ).

    B. Il-fakultà ta’ żvelar

    47.

    Kif iddikjarat il-qorti tar-rinviju, il-konvenuta effettivament irċeviet xi data personali: l-isem u l-kunjom tal-persuna kkonċernata. Il-bqija tat-talba tagħha ġiet miċħuda. Dan, preżumibbilment, seħħ fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali.

    48.

    Għalhekk, u fir-rigward tad-data personali effettivament żvelata, hija rilevanti l-kwistjoni ta’ jekk dan l-iżvelar kienx kompatibbli jew le mal-Artikolu 7 tad-Direttiva.

    49.

    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat b’mod ċar li l-parti segwenti ta’ dawn il-konklużjonijiet hija relatata mal-fakultà li tiġi żvelata d-data personali f’sitwazzjoni fattwali bħal dik fil-kawża prinċipali, sakemm id-dritt nazzjonali jipprovdi l-bażi legali għal tali żvelar. Fi kliem ieħor, liema huma l-limiti li jistabbilixxi d-dritt tal-Unjoni għall-iżvelar tad-data personali f’sitwazzjoni bħal din? Jekk id-dritt nazzjonali kien jipprovdi għall-iżvelar tad-data personali f’sitwazzjoni simili, tali żvelar ikun kompatibbli mal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva?

    50.

    Fil-fehma tiegħi, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, huwa kompletament kompatibbli mal-Artikolu 7(f) li d-data personali tiġi pprovduta sal-punt u l-grad li jkun jippermetti lil parti li tkun ġarrbet ħsara tippreżenta rikors fi proċedura ta’ dritt ċivili.

    51.

    Għaldaqstant, f’din it-taqsima, l-ewwel ser neżamina l-bażi legali xierqa għall-ipproċessar tad-data personali taħt id-Direttiva f’sitwazzjoni fattwali simili. It-tieni nett, ser nipproponi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva. It-tielet, ser nevalwa l-każ preżenti fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

    1. Il-bażi legali xierqa taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva

    52.

    Kwistjoni preliminari, diskussa fl-osservazzjonijiet bil-miktub u dawk orali, hija liema subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Direttiva għandu jkun applikabbli f’sitwazzjoni fattwali bħal dik fil-kawża prinċipali.

    53.

    Il-biċċa l-kbira tal-partijiet u l-intervenjenti bbażaw fuq l-Artikolu 7(f), li ġie invokat mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, il-Gvern Awstrijak argumenta, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva ma huwiex il-bażi legali korretta, anki għall-finijiet tat-tnedija ta’ proċedura ċivili. Dan minħabba li allegatament huwa jistabbilixxi raġuni wisq astratta u impreċiża għall-ipproċessar tad-data. Għalhekk ma jistax jiġġustifika tali ndħil fid-dritt għall-protezzjoni tad-data.

    54.

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ffukat fuq l-Artikolu 7(f). Fl-osservazzjonijiet orali tagħha, madankollu, issuġġeriet ukoll li pproċessar tad-data bħal dak fil-kawża prinċipali jista’ jaqa’ wkoll taħt l-Artikolu 7(ċ) jew l-Artikolu 7(e) tad-Direttiva.

    55.

    L-Artikolu 7 tad-Direttiva jistabbilixxi bażijiet legali differenti għall-ipproċessar legali tad-data billi jiddistingwi bejn sitt xenarji. Sabiex din id-data tiġi pproċessata, jeħtieġ li taqa’ mill-inqas f’waħda mill-kategoriji fl-Artikolu 7. Madankollu, huwa ċar li l-portata u l-loġika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huma separati.

    56.

    F’termini usa’ u astratti, l-Artikolu 7 fih tliet tipi ta’ eċċezzjonijiet, li għalihom għandu jkun legali l-ipproċessar tad-data personali: l-ewwel, meta s-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu [Artikolu 7(a)]; it-tieni, meta l-interessi leġittimi tal-kontrollur jew ta’ terzi jkunu preżunti sa ċertu punt [l-Artikolu 7(b) sa 7(e)]; u t-tielet, meta l-interessi leġittimi kompetituri jeħtieġ li mhux biss jiġu stabbiliti, iżda li jieħdu preċedenza fuq l-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data [l-Artikolu 7(f)].

    57.

    Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(f) ċertament huwa usa’ minn dak tal-Artikolu 7(ċ) jew tal-Artikolu 7(e). L-ewwel wieħed ma huwiex marbut ma’ ċirkustanzi legali jew fattwali speċifiċi, iżda huwa espress f’termini pjuttost ġenerali. Madankollu, l-applikazzjoni tiegħu hija iktar restrittiva minħabba li tiddependi mill-eżistenza reali ta’ interessi leġittimi tal-kontrollur jew ta’ terz li jiġu qabel dawk tas-suġġett tad-data, li ma huwiex meħtieġ fir-rigward tal-Artikolu 7(ċ) jew tal-Artikolu 7(e).

    58.

    Madankollu, jekk ninjoraw id-diskussjonijiet akkademiċi, huwa utli li jiġu enfasizzati żewġ punti. L-ewwel nett, l-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 7 ma humiex reċiprokament esklużivi. Għalhekk, tnejn jew potenzjalment tlieta jistgħu jkunu applikabbli għal sett wieħed ta’ fatti ( 13 ). It-tieni nett, minkejja l-formulazzjoni kemxejn differenti, id-differenza prattika fl-applikazzjoni x’aktarx li tkun pjuttost minima, sakemm ikun hemm interess leġittimu espress b’mod ċar u kredibbli.

    59.

    Fid-dawl ta’ dawn l-istipulazzjonijiet, iżda filwaqt li nħalli f’idejn il-qorti nazzjonali, li għandha għarfien sħiħ tal-fatti tal-każ u tad-dritt nazzjonali kif ippreżentati fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha u li tinvoka l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva bħala l-eċċezzjoni applikabbli, nemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipproċedi fuq din il-bażi.

    2. Il-kundizzjonijiet u l-kamp ta ’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva

    60.

    L-Artikolu 7(f) fih żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. It-tnejn li huma jridu jiġu ssodisfatti sabiex l-ipproċessar tad-data personali jkun legali. L-ewwel nett, l-ipproċessar tad-data personali jrid ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew mit-terz jew il-partijiet li lilhom tkun żvelata d-data. It-tieni nett, tali interessi ma jistgħux jiġu wara d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data ( 14 ).

    61.

    It-tieni kundizzjoni għandha l-għan li tibbilanċja l-interessi involuti. L-ewwel waħda fil-fatt tista’ tinqasam f’żewġ kundizzjonijiet sekondarji għal skopijiet didattiċi: l-interess leġittimu nnifsu, minn naħa, u n-natura neċessarja tal-ipproċessar, jiġifieri tip ta’ proporzjonalità, min-naħa l-oħra.

    62.

    Għaldaqstant, irid ikun hemm tliet elementi għall-finijiet tal-Artikolu 7(f): l-eżistenza ta’ interess leġittimu li jiġġustifika l-ipproċessar (a); il-prevalenza ta’ dan l-interess fuq id-drittijiet u l-interessi tas-suġġett tad-data (l-ibbilanċjar tal-interessi) (b); u n-neċessità tal-ipproċessar għall-kisba tal-interessi leġittimi (c).

    (a) Interess leġittimu

    63.

    L-ewwel nett, l-ipproċessar taħt l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva jiddependi mill-eżistenza ta’ interessi leġittimi tal-kontrollur tad-data jew ta’ terz.

    64.

    Id-Direttiva ma tiddefinixxix l-interessi leġittimi ( 15 ). Għalhekk, huwa l-kontrollur tad-data jew min jipproċessaha, taħt is-superviżjoni tal-qrati nazzjonali, li għandu jiddetermina jekk hemmx għan leġittimu li jista’ jiġġustifika ndħil fil-ħajja privata.

    65.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li t-trasparenza ( 16 ) jew il-protezzjoni tal-proprjetà, tas-saħħa u tal-ħajja tal-familja ( 17 ) huma interessi leġittimi. Il-kunċett ta’ interessi leġittimi huwa flessibbli biżżejjed sabiex jakkomoda kunsiderazzjonijiet ta’ xorta oħra. Jien ma għandix dubju li l-interess ta’ terz li jikseb informazzjoni personali dwar persuna li għamlet ħsara lill-proprjetà tiegħu sabiex jibda azzjoni għad-danni kontra din il-persuna jista’ jiġi kkwalifikat bħala interess leġittimu.

    (b) L-ibbilanċjar tal-interessi

    66.

    It-tieni kundizzjoni hija relatata mal-ibbilanċjar ta’ żewġ settijiet ta’ interessi kompetituri, jiġifieri l-interessi u d-drittijiet tas-suġġett tad-data ( 18 ) u l-interessi tal-kontrollur jew ta’ terzi. Ir-rekwiżit tal-ibbilanċjar jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 7(f) u mill-ġenesi leġiżlattiva tad-Direttiva. Fir-rigward tat-test ta’ din tal-aħħar, l-Artikolu 7(f) jirrikjedi li l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data nnifsu jiġu bbilanċjati mal-interessi leġittimi tal-kontrollur jew ta’ terz. Il-ġenesi leġiżlattiva tikkonferma li l-ibbilanċjar tal-interessi kien diġà previst, b’modi kemxejn differenti, fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni ( 19 ) kif ukoll fil-proposta emendata tagħha wara l-ewwel qari fil-Parlament Ewropew ( 20 ).

    67.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(f) tirrikjedi l-ibbilanċjar tad-drittijiet u l-interessi opposti inkwistjoni. Trid tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza tad-drittijiet tas-suġġett tad-data li jirriżultaw mill‑Artikolu 7 u l-Artikolu 8 tal-Karta ( 21 ). Tali att ta’ bbilanċjar irid jitwettaq fuq bażi ta’ każ b’każ ( 22 ).

    68.

    L-ibbilanċjar huwa ċentrali għall-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 7(f). Hija din il-funzjoni li tagħti lill-Artikolu 7(f) karattru totalment distintiv meta mqabbel mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 7. Dan dejjem jiddependi miċ-ċirkustanzi tal-każ individwali. Huwa għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Istati Membri ma jistgħux jippreskrivu b’mod definittiv, għal ċerti kategoriji ta’ data personali, ir-riżultat tal-ibbilanċjar ta’ drittijiet u interessi opposti, mingħajr ma jippermettu riżultat differenti skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ każ individwali ( 23 ).

    69.

    Sabiex l-ibbilanċjar jitwettaq b’mod sinjifikattiv, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq in-natura u s-sensittività tad-data mitluba, il-livell ta’ pubbliċità tagħha ( 24 ), u l-gravità tar-reat imwettaq. Wieħed mill-elementi potenzjali li għandu jiġi meqjus fl-eżerċizzju tal-ibbilanċjar, li huwa rilevanti għall-każ preżenti, huwa l-età tas-suġġett tad-data.

    (c) In-neċessità

    70.

    Sa fejn hija kkonċernata n-neċessità jew, b’xi mod, il-proporzjonalità bażika, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod ġenerali li d-derogi u l-limitazzjonijiet b’rabta mal-protezzjoni tad-data personali jridu japplikaw biss sa fejn dan ikun assolutament meħtieġ ( 25 ). Għalhekk, in-natura u l-ammont tad-data li tista’ tiġi pproċessata ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi inkwistjoni.

    71.

    L-eżami tal-proporzjonalità huwa evalwazzjoni tar-relazzjoni bejn l-għanijiet u l-mezzi magħżula. Il-mezzi magħżula ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ. Din il-loġika, madankollu, taħdem ukoll fid-direzzjoni opposta: il-mezz irid ikun kapaċi jikseb l-għan iddikjarat.

    72.

    F’termini prattiċi, il-kontrollur tad-data, affaċċjat bl-evalwazzjoni tan-neċessità, għandu żewġ għażliet. Jew joqgħod lura milli jiżvela kwalunkwe informazzjoni, jew, jekk jiddeċiedi li jipproċessa din l-informazzjoni, imbagħad irid jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-finijiet tal-kisba tal-interessi leġittimi inkwistjoni ( 26 ).

    73.

    L-ewwel nett, l-Artikolu 6(1)(ċ) u l-premessa 28 tad-Direttiva jirrikjedu li d-data personali trid tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva b’rabta mal-finijiet li għalihom tinġabar, iżda anki meta tiġi pproċessata ulterjorment ( 27 ). Għaldaqstant, minn dawn id-dispożizzjonijiet isegwi li d-data żvelata għandha tkun ukoll adegwata u rilevanti għall-kisba tal-interessi leġittimi.

    74.

    It-tieni nett, is-sens komun jirrikjedi approċċ raġonevoli fir-rigward tad-data li għandha tiġi pproċessata fir-realtà. Dawk li jitolbu data għandhom tassew jingħataw informazzjoni utli u rilevanti, li tkun neċessarja u suffiċjenti għalihom sabiex jissodisfaw l-interessi leġittimi proprji tagħhom, mingħajr ma jkollhom jibagħtu talba lil entità oħra li wkoll jista’ jkollha din l-informazzjoni.

    75.

    Metaforikament, l-applikazzjoni tal-kriterju tan-neċessità ma għandhiex twassal sabiex il-kisba ta’ interess leġittimu ssir logħba tal-kaċċa għat-teżor Kafkjana, li tixbah ħafna episodju ta’ Fort Boyard, fejn il-parteċipanti jintbagħtu minn kamra għall-oħra sabiex jiġbru indikazzjonijiet parzjali sabiex eventwalment isiru jafu fejn suppost imorru.

    76.

    Finalment, għandu jiġi mtenni li l-portata eżatta tad-data li għandha tiġi żvelata hija kwistjoni tad-dritt nazzjonali. Huwa minnu li d-dritt nazzjonali jista’ jipprovdi wkoll biss għal tali żvelar parzjali, li fih innifsu ma jkunx biżżejjed. Dan huwa tassew possibbli. Il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali jidher li tagħmel ftit sens prattiku ma jagħmilhiex awtomatikament inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sakemm din il-leġiżlazzjoni tibqa’ fi ħdan l-ispazju regolatorju li jappartjeni għall-Istati Membri. Kulma huwa ssuġġerit hawnhekk huwa li l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva ma jopponix l-iżvelar sħiħ tal-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex wieħed isegwi l-għan leġittimu tiegħu b’mod effettiv, sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħrajn.

    3. Applikazzjoni għal dan il-każ

    77.

    Wara li ppreżentajt il-qafas ġenerali tal-analiżi, issa ser neżamina l-każ preżenti, filwaqt li nżomm f’moħħi li naturalment fl-aħħar mill-aħħar huwa f’idejn il-qorti nazzjonali li tieħu deċiżjoni, minħabba l-għarfien iddettaljat tagħha tal-fatti u tad-dritt nazzjonali.

    78.

    Rīgas Satiksme talbet lill-pulizija tagħtiha l-indirizz u n-numru tad-dokument tal-identità tal-passiġġier tat-taxi sabiex tippreżenta rikors fi proċedura ċivili sabiex tikseb kumpens għat-telf li hija ġarrbet.

    79.

    L-ewwel nett, kif argumentaw b’mod korrett il-Gvern Ċek, dak Spanjol u dak Portugiż, it-tressiq ta’ talba legali, bħal fil-kawża preżenti, huwa interess leġittimu, kif iddikjarat mill-Artikolu 7(f).

    80.

    Dan huwa kkonfermat ukoll mill-Artikolu 8(2)(e) tad-Direttiva, li jipprovdi għall-ipproċessar possibbli ta’ ċerta data sensittiva meta “l-ipproċessar ikun dwar data li [tkun] meħtieġ[a] biex ikunu stabbiliti, eżerċitati jew protetti talbiet legali”. Jekk l-eżerċizzju ta’ talba legali jista’ jiġġustifika l-ipproċessar tad-data sensittiva taħt l-Artikolu 8, ma nistax nara għalfejn ma jistax jitqies a fortiori bħala interess leġittimu li jiġġustifika l-ipproċessar ta’ data mhux sensittiva taħt l-Artikolu 7(f). Din l-interpretazzjoni ssegwi wkoll minn approċċ pragmatiku għad-Direttiva fid-dawl ta’ strumenti legali oħrajn tad-dritt sekondarju (imsemmija iktar ’il fuq) li jfittxu bilanċ bejn il-ħajja privata u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 28 ).

    81.

    It-tieni nett, fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-interessi b’mod ġenerali, ma nara ebda raġuni għalfejn l-interessi għad-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data għandhom jieħdu preċedenza fuq l-għan leġittimu speċifiku tal-parti li tkun ġarrbet id-dannu li tippreżenta rikors fi proċedura ċivili. Forsi huwa utli wkoll li nżid ngħid f’dan il-kuntest li fil-fatt kulma qed titlob il-konvenuta huwa l-possibbiltà li tibda proċedura ġudizzjarja quddiem qorti ċivili. L-iżvelar fih innifsu għalhekk ma ser iwassal għal ebda bidla immedjata fis-sitwazzjoni legali tas-suġġett tad-data.

    82.

    Madankollu, kif jargumenta b’mod korrett il-Gvern Portugiż, huwa f’dan l-istadju tal-ibbilanċjar b’mod partikolari li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-età tas-suġġett tad-data.

    83.

    Il-qorti tar-rinviju tabilħaqq tistaqsi sa liema punt huwa rilevanti l-fatt li l-passiġġier tat-taxi kien minuri fiż-żmien tal-aċċident. Fil-fehma tiegħi, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, dan il-fatt ma huwiex rilevanti.

    84.

    B’mod ġenerali, il-fatt li s-suġġett tad-data huwa minuri huwa fattur li tassew għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġu bbilanċjati l-interessi. Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet speċjali dovuti lill-minuri, u l-protezzjoni miżjuda tagħhom, għandu jkollhom konnessjoni identifikabbli mat-tip ta’ pproċessar tad-data inkwistjoni. Sakemm ma jkunx stabbilit eżattament kif l-iżvelar f’dan il-każ partikolari għandu jipperikola pereżempju l-iżvilupp fiżiku u mentali tat-tifel jew it-tifla, ma narax għalfejn il-fatt li d-dannu ġie kkawżat minn minuri għandu effettivament iwassal għall-immunità mir-responsabbiltà ċivili.

    85.

    Finalment jekk l-ibbilanċjar tal-interessi jwassal għar-riżultat li l-interessi tas-suġġett tad-data ma jipprevalux fuq l-interessi tal-persuna li titlob l-iżvelar tad‑data personali, imbagħad tqum il-kwistjoni finali: waħda tan-neċessità u l-portata tal-informazzjoni li għandha tiġi żvelata.

    86.

    Għal darb’oħra, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tidentifika l-bażi legali fid-dritt nazzjonali li tiġġustifika żvelar bħal dan. Ladarba tiġi identifikata tali bażi, il-kriterju tan-“neċessità” fl-Artikolu 7(f) tad-Direttiva ċertament ma jipprekludix, fil-fehma tiegħi, l-iżvelar sħiħ tal-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tinbeda proċedura ċivili taħt id-dritt Latvjan.

    87.

    Il-Gvern Latvjan argumenta li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata jirrikjedi li d-derogi għall-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet għal dan għandhom jiġu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ. Għalkemm huwa rrikonoxxa li huma disponibbli metodi alternattivi sabiex tinkiseb iktar data, huwa ammetta li l-isem u l-kunjom probabbilment kienu insuffiċjenti sabiex tiġi eżerċitata talba legali u għalhekk irrefera l-evalwazzjoni għall-qorti nazzjonali.

    88.

    Għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 8(7) tad-Direttiva jagħti libertà lill-Istati Membri sabiex jiddeċiedu jekk jiżvelawx in-numri tal-identità. Għalhekk l-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jipproċessaw numri tal-identità, sakemm ma jkunx assolutament meħtieġ sabiex tinbeda proċedura ċivili.

    89.

    Irrispettivament min-natura eżatta tagħhom, dak li jgħodd huwa l-pussess tad-data kollha rilevanti li hija indispensabbli sabiex issir talba legali. Għalhekk, jekk l-indirizz ikun biżżejjed taħt id-dritt nazzjonali, ma għandha tiġi żvelata ebda informazzjoni oħra.

    90.

    Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina l-ammont ta’ data personali meħtieġ għal Rīgas satiksme sabiex effettivament tibda azzjoni ġudizzjarja ( 29 ) taħt id-dritt Latvjan. Jien nixtieq biss nenfasizza li, kif diġà ġie stabbilit fil-punti 74 sa 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-eżistenza ta’ alternattivi sabiex tinkiseb id-data personali meħtieġa ma hijiex rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(f). Rīgas satiksme għandha tkun tista’ tikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa mingħand il-kontrollur uniku li lilu tkun għamlet it-talba.

    Epilogu protettiv tal-protezzjoni tad-data

    91.

    Dan huwa każ pjuttost partikolari. Essenzjalment il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk eċċezzjoni li tippermetti l-ipproċessar tad-data personali tistax tiġi interpretata bħala obbligu tal-kontrollur tad-data li jiżvela l-identità ta’ persuna li kkawżat aċċident tat-traffiku. Jidher li r-raġuni ġenwina għal din id-domanda hija li, fil-livell nazzjonali, il-mezzi sabiex tinkiseb tali informazzjoni saru diffiċli, jekk ma ġewx ukoll imblukkati kompletament f’isem il-protezzjoni tad-data.

    92.

    Meta neżaminaw is-serje ta’ avvenimenti inkwistjoni, spettatur mhux infurmat jista’ jistaqsi innoċentament: il-kwistjoni ta’ talba individwali għall-identità ta’ persuna li kkawżat ħsara fuq il-proprjetà ta’ dan l-individwu u li l-individwu jixtieq iressaq azzjoni għad-danni kontriha, għandha tassew tkun każ fejn l-uffiċjali tal-pulizija jkunu obbligati jwettqu bbilanċjar tal-interessi u proporzjonalità fuq diversi livelli, segwiti minn litigazzjoni fit-tul, u opinjoni mingħand l-awtorità tal-protezzjoni tad-data?

    93.

    Il-każ preżenti huwa sitwazzjoni oħra ( 30 ) fejn il-liġijiet tal-protezzjoni tad-data jestendu ruħhom għal u jintużaw f’ċirkustanzi pjuttost sorprendenti. Dan jiġġenera ċertu skumdità intellettwali, u dan mhux biss għall-ispettatur mhux infurmat, fir-rigward tal-użu raġonevoli u l-funzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Jien ser nieħu din l-opportunità sabiex nagħmel xi rimarki konklużivi f’dan ir-rigward.

    94.

    Ma hemmx dubju li l-protezzjoni tad-data personali hija ta’ importanza primordjali fl-era diġitali. Il-Qorti tal-Ġustizja ġustament kienet minn ta’ quddiem fl-iżvilupp tal-ġurisprudenza f’dan il-qasam ( 31 ).

    95.

    Madankollu, il-każijiet iċċitati tassew jirriflettu t-tħassib ewlieni tal-protezzjoni tad-data personali, li għalih ġiet introdotta oriġinarjament u trid tiġi protetta bil-qawwa: l-ipproċessar fuq skala kbira tad-data personali b’mezzi mekkaniċi u diġitali, fil-varjetajiet kollha tiegħu, bħall-kumpilazzjoni, l-amministrazzjoni, l-użu ta’ settijiet ta’ data kbar, it-trażmissjoni ta’ settijiet ta’ data lil ħaddieħor għal skopijiet għajr dawk leġittimi, il-ġbir u estrazzjoni ta’ metadata, eċċ.

    96.

    Bħal fi kwalunkwe qasam ieħor tal-liġi, ir-regoli li jirregolaw ċerta attività jridu jkunu flessibbli biżżejjed sabiex jilqgħu għall-eventwalitajiet potenzjali kollha li jistgħu jirriżultaw. Iżda dan jista’ jwassal għall-perikolu ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni wesgħin iżżejjed ta’ dawn ir-regoli. Dawn jistgħu jispiċċaw jiġu applikati wkoll għal sitwazzjoni fejn ir-rabta mal-iskop oriġinali tkun kemxejn dgħajfa u dubjuża. Eventwalment, l-applikazzjoni wiesgħa żżejjed u ċertu “assolutizmu fl-applikazzjoni” jistgħu jwasslu sabiex jiskreditaw l-idea oriġinali wkoll, li fiha nnifisha hija importanti ħafna u leġittima.

    97.

    F’termini ġenerali, fis-sentenza Promusicae, il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet fuq il-ħtieġa li d-direttivi li jikkonċernaw id-data personali jiġu interpretati b’tali mod li jkun permess bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali li huma mħarsa mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 32 ).

    98.

    Forsi ma’ dan tista’ tiżdied regola ta’ raġunar, li għandha tintuża fl-istadju tal-eżerċizzju tal-ibbilanċjar. Dan ikun ifisser li wieħed iżomm f’moħħu l-għan oriġinali u primarju (ċertament bl-ebda mod uniku, iżda biss primarju) tal-leġiżlazzjoni: li tirregola operazzjonijiet fuq skala ikbar imwettqa minn mezzi mekkaniċi u awtomatiċi, u l-użu u t-trasferiment tal-informazzjoni miksuba b’dan il-mod. B’kuntrast ma’ dan, fl-opinjoni umli tiegħi, huwa meħtieġ approċċ inqas strett f’sitwazzjonijiet fejn persuna tkun qed titlob element individwali ta’ informazzjoni dwar persuna speċifika f’relazzjoni speċifikata, meta jkun hemm għan ċar u kompletament leġittimu li jirriżulta mill-operazzjoni normali tal-liġi.

    99.

    Fl-aħħar mill-aħħar, is-sens komun ma huwiex sors tad-dritt. Iżda ċertament dan għandu jiggwida l-interpretazzjoni tiegħu. Tkun tassew sitwazzjoni ta’ sfortuna li kieku l-protezzjoni tad-data personali kellha tiddiżintegra f’ostakolu mid-data personali.

    V. Konklużjoni

    100.

    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi magħmula mill-Augstākā tiesa, Administratīvo lietu departaments (qorti suprema, diviżjoni amministrattiva, il-Latvja):

    L-Artikolu 7(f) tad-Direttiva Nru 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi obbligu għall-kontrollur li jiżvela d-data personali mfittxija minn terz sabiex dan jippreżenta rikors fi proċedura ċivili.

    L-Artikolu 7(f) tad-Direttiva, madankollu, ma jipprekludix tali żvelar, sakemm id-dritt nazzjonali jipprevedi l-iżvelar ta’ data personali f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. Il-fatt li s-suġġett tad-data kien minuri fiż-żmien tal-aċċident ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

    ( 3 ) Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta' April 2016, dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    ( 4 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 25), u tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 66).

    ( 5 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 6 ) Pereżempju, bil-Franċiż, “[…] le traitement de données à caractère personnel ne peut être effectué que si […]”; bil-Ġermaniż, “[…] die Verarbeitung personenbezogener Daten lediglich erfolgen darf […]”; bit-Taljan, “[…] il trattamento dei dati personali può essere effettuato soltanto quando […]”; bl-Ispanjol, “[…] el tratamiento de datos personales sólo pueda efectuarse si […]”; biċ-Ċek, “[…] zpracování osobních údajů může být provedeno pouze pokud[…]”.

    ( 7 ) Ara, fir-rigward tal-Artikolu 7(f), is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 52); fir-rigward tal-Artikolu 7(ċ) u l-Artikolu 7(e), is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punti 99 sa 101).

    ( 8 ) Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta' Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).

    ( 9 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008 (C‑275/06, EU:C:2008:54, punti 54 sa 55).

    ( 10 ) Ara d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399); Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230); Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta' April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

    ( 11 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet b’mod partikolari fuq il-fatt li l-protezzjoni tal-proprjetà industrijali li hija żgurata b’dawn id-direttivi ma tistax taffettwa r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data personali u, ukoll, fuq il-ħtieġa li jiġu rrikonċiljati r-rekwiżiti tal-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali differenti: ara s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, punti 5765).

    ( 12 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 70).

    ( 13 ) Ir-Regolament 2016/679 huwa saħansitra iktar espliċitu f’dan ir-rigward. L-Artikolu 6(1), li jissostitwixxi l-Artikolu 7 tad-Direttiva, jiddikjara li l-“L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin […]” (Enfasi miżjuda minni).

    ( 14 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 38).

    ( 15 ) Ara l-Opinjoni 06/2014 tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-Artikolu 29 dwar il-“Kunċett tal-interessi leġittimi tal-kontrollur tad-data taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46/KE” (844/14/EN WP 217).

    ( 16 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke and Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 77).

    ( 17 ) Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš (C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 34).

    ( 18 ) Diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom l-għan li jipproteġu s-suġġett tad-data, kemm jekk f’termini tal-informazzjoni li għandha tingħatalu (l-Artikolu 10 u l-Artikolu 11), jew f’termini tal-aċċess għad-data tiegħu stess (l-Artikolu 12). L-Artikolu 14 jipprovdi speċifikament għad-dritt tas-suġġett tad-data li, “mill-inqas fil-każi msemmija fl-Artikolu 7(e) u (f) jagħmel oġġezzjoni f’kull żmien kontra l-ipproċessar ta’ data dwaru għal raġunijiet gravi u leġittimi dwar is-sitwazzjoni partikolari tiegħu”.

    ( 19 ) Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data (COM (90) 314 final).

    ( 20 ) Proposta emendata għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (COM (92) 422 final).

    ( 21 ) Sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punti 3840), u tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 74).

    ( 22 ) Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 40).

    ( 23 ) Sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 47) u tad-19 ta’ Ottubru 2016, Breyer (C‑582/14, EU:C:2016:779, punt 62).

    ( 24 ) Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 44).

    ( 25 ) Sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 86), u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš (C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 28).

    ( 26 ) Loġikament, dawn iż-żewġ għażliet ikunu disponibbli wkoll meta d-data tiġi pproċessata fuq il-bażi ta’ kwalunkwe raġuni oħra stabbilita fl-Artikolu 7.

    ( 27 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1)(ċ) għandu effett dirett (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punti 99 sa 101).

    ( 28 ) Ara l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet u n-noti ta’ qiegħ il-paġna 10 sa 12.

    ( 29 ) Sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2000, Fisher (C‑369/98, EU:C:2000:443, punt 38), u tas-16 ta’ Diċemrbu 2008, Huber (C‑524/06, EU:C:2008:724, punt 67).

    ( 30 ) Fost il-ġurisprudenza iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara pereżempju s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš (C‑212/13, EU:C:2014:2428). Ara wkoll, għalkemm hija primarjament dwar dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni, id-digriet tal-11 ta’ Jannar 2017, Boudjellal (C‑508/16, EU:C:2017:6).

    ( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238), tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317), u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650).

    ( 32 ) Sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 68).

    Top