Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0747R(01)

Rettifika għar-Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2015 – EDF/Il-Kummissjoni (Kawża T-747/15) (ĠU C 78, 29.2.2016.)

ĠU C 136, 18.4.2016, p. 51–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 136/51


Rettifika għar-Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2015 – EDF/Il-Kummissjoni

(Kawża T-747/15)

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 78, 29.2.2016 .)

(2016/C 136/74)

L-avviż fil-ĠU tal-Kawża T-747/15, EDF vs Il-Kummissjoni għandu jinqara kif ġej:

“Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2015 – EDF vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-747/15)

(2016/C 078/35)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Électricité de France (EDF) (Pariġi, Franza) (rappreżentant: M. Debroux, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

prinċipalment, tannulla l-Artikoli 1, 2, 3, 4 u 5 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Lulju 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.13869 (C 68/2002) (ex NN 80/2002) Riklassifikazzjoni f’kapital tar-riżervi kontabbli b’eżenzjoni mit-taxxa għat-tiġdid tan-Netwerk ta’ Provvista Ġenerali (‘NPĠ’), implimentata minn Franza favur EDF (iktar ’il quddiem id-‘deċiżjoni kkontestata’), minħabba ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, żbalji ta’ liġi u żbalji ta’ fatt;

sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 1, 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn l-ammont li r-rimbors tiegħu ġie impost fuq EDF ġie ssopravalutat sinjifikattivament, u

f’kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi prinċipali.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107 TFUE. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet:

L-ewwel parti, dwar l-applikabbiltà tat-test tal-investitur privat, hija komposta minn ħames subpartijiet.

L-ewwel subparti, fejn jiġi allegat li, mingħajr ma pprovdiet ġustifikazzjoni jew motivazzjoni, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni diversi dokumenti u atti li ġew debitament ikkomunikati lilha minn Franza u minn EDF.

It-tieni subparti, fejn jiġi allegat li b’mod sistematiku l-Kummissjoni ma għamlitx distinzjoni bejn l-elementi li jirrigwardaw rispettivament l-applikabbiltà u l-applikazzjoni tat-test tal-investitur privat.

It-tielet subparti, fejn jiġi allegat li l-Kummissjoni żbaljatament eskludiet l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat avżat, biss minħabba l-fatt li fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-miżura Franza kienet ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, kunsiderazzjonijiet relatati mal-kwalità tagħha ta’ awtorità pubblika, flimkien ma kusiderazzjonijiet relatati mal-kwalità tagħha ta’ azzjonista.

Ir-raba’ subparti, fejn jiġi allegat li l-Kummissjoni żbaljatament identifikat l-obbligu li EDF ikollha business plan formali sabiex ikun applikabbli l-kriterju tal-investitur privat avżat.

Il-ħames subparti, fejn jiġi allegat li l-Kummissjoni interpretat ħażin in-natura u l-għan ta’ din il-miżura, il-kuntest li minnu tifforma parti, kif ukoll l-għan imfittex u r-regoli li għalihom hija suġġetta l-imsemmija miżura.

It-tieni parti, dwar l-applikazzjoni tat-test tal-investitur privat, hija komposta minn tliet subpartijiet.

L-ewwel subparti, fejn jiġi allegat li l-Kummissjoni żbaljatament iddeċidiet li r-Rapport Oxera ma kienx ammissibbli inkwantu prova.

It-tieni subparti, fejn jiġi allegat li l-metodoloġija tal-Kummissjoni hija vvizzjata b’nuqqasijiet flagranti. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni la ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ dak iż-żmien u lanqas il-kriterji li l-investituri ta’ dak iż-żmien kienu jsegwu. Fit-tieni lok, it-teżi tar-‘riġal fiskali’, invokata b’mod persistenti mill-Kummissjoni, mhux biss talli tikkostitwixxi żball ta’ liġi iżda talli hija l-oriġini ta’ żbalji fl-evalwazzjoni tar-rilevanza tal-investiment. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni wettqet numru kunsiderevoli ta’ żbalji metodoloġiċi, li kull wieħed minnhom huwa suffiċjenti sabiex jintwera li l-Kummissjoni ma wrietx, b’mod manifest, li l-kriterju tal-investitur privat ma ġiex applikat.

It-tielet subparti, bbażata fuq il-konsegwenzi tal-iżbalji metodoloġiċi mwettqa mill-Kummissjoni.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka wkoll żewġ motivi sussidjarji.

1.

L-ewwel motiv sussidjarju, ibbażat fuq il-fatt li l-parti l-kbira tal-allegata għajnuna hija preskritta. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet:

L-ewwel parti, fejn jiġi allegat li din hija essenzjalment għajnuna eżistenti li tirriżulta minn miżra implementata qabel il-ftuħ tas-suq Ewropew tal-elettriku għall-kompetizzjoni.

It-tieni parti, fejn jiġi allegat li parti sinjifikattiva tal-allegata għajnuna tirriżulta minn miżura implementata iktar minn għaxar snin qabel l-ewwel att ta’ investigazzjoni.

2.

It-tieni motiv sussidjarju, ibbażat fuq żbalji ta’ kalkolu allegatament imwettqa mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-allegata għajnuna. Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet:

L-ewwel parti, fejn jiġi allegat li l-Kummissjoni wettqet żbalji fir-rigward tal-ammont totali tar-riżervi għat-tiġdid.

It-tieni parti, fejn jiġi allegat li l-Kummissjoni wettqet żbalji fir-rigward tar-rata tat-taxxa applikabbli.

– It-tielet parti, fejn jiġi allegat li l-ammont tal-allegata għajnuna għandu jiġi rivedut abbażi ta’ din id-data kkoreġuta.”


Top