Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TJ0692

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2017.
    HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi.
    Kawża T-692/15.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2017:890

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

    13 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )

    “Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi”

    Fil-Kawża T-692/15,

    HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH, stabbilita f’ Hamburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Schlingmann u M. Bever, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u J.‑P. Hix, bħala aġenti,

    konvenut,

    sostnut minn

    Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn S. Bartelt u R. Tricot, sussegwentement minn Tricot u T. Scharf, bħala aġenti,

    intervenjenti,

    li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża li jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament ġarrbet wara l-inklużjoni ta’ isimha, minn naħa, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 tas-26 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2010, L 195, p. 25), fl-Anness V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 tad-19 ta’ April 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2007, L 103, p. 1), u, min-naħa l-oħra, mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 281, p. 1), fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

    komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, I. S. Forrester u E. Perillo (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: E. Coulon,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH (iktar ’il quddiem “HTTS” jew ir-“rikorrenti”) hija kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż stabbilita f’Marzu 2009 minn N. Bateni, li huwa s-soċju waħdieni u d-direttur tagħha. HTTS teżerċita attivitajiet ta’ aġent marittimu u ta’ amministratur tekniku ta’ bastimenti.

    2

    Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-miżuri restrittivi introdotti sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran bil-għan li din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li jikkostitwixxu riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari (iktar ’il quddiem, il-“proliferazzjoni nukleari”). Iktar preċiżament, hija parti minn kawżi dwar miżuri meħuda kontra kumpannija marittima, Islamic Republic of Iran Shipping Lines (iktar ’il quddiem “IRISL”), kif ukoll kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi allegatament marbuta ma’ din il-kumpannija, li fosthom kien hemm, b’mod partikolari, skont il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, HTTS u żewġ kumpanniji marittimi oħra, Hafize Darya Shipping Lines (iktar ’il quddiem “HDSL”) u Safiran Pyam Darya Shipping Lines (iktar ’il quddiem “SAPID”).

    3

    L-inklużjoni inizjali tal-isem ta’ HTTS fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi suġġetti għall-miżuri restrittivi tal-Anness V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 tad-19 ta’ April 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2008, L 335M, p. 969) seħħet fis-26 ta’ Lulju 2010, wara d-dħul fis-seħħ tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 tas-26 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2010, L 195, p. 25). Kontra din l-inklużjoni ma sarx rikors għal annullament. Min-naħa l-oħra, l-inklużjoni tal-isem ta’ HTTS fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi suġġetti għal miżuri restrittivi tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 281, p. 1), imwettqa ftit xhur wara minn dan ir-regolament, ġiet ikkontestata minn HTTS u sussegwentement annullata mill-Qorti Ġenerali, li ddeċidiet li l-inklużjoni ma kinitx siffiċjentement motivata fid-dritt (ara l-punt 5 hawn taħt).

    4

    Fir-Regolament Nru 668/2010, ir-raġuni għall-inklużjoni ta’ HTTS kienet essenzjalment li hija kienet “[t]aġixxi f’isem ĦSDL fl-Ewropa”. Fir-Regolament Nru 961/2010, ir-raġuni kienet li hija “[kienet] [i]kkontrollata u/jew taġixxi f’isem IRISL”.

    5

    B’sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T-562/10, EU:T:2011:716), il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament Nru 961/2010, sa fejn kien jikkonċerna din il-kumpannija, iżda b’effett mis-7 ta’ Frar 2012, bil-għan li tippermetti lill-Kunsill eventwalment jirregolarizza, fil-frattemp, il-motivazzjoni tal-inklużjoni mill-ġdid tal-isem ta’ HTTS. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fil-fatt qieset li l-annullament b’effett immedjat tar-Regolament Nru 961/2010 seta’ jippreġudika serjament u irriversibbilment l-effikaċja tal-miżuri restrittivi adottati minn dan ir-regolament kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran, għaliex “ma jistax jiġi eskluż li, fuq il-mertu, l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi fuq ir-rikorrenti [t]ista’ xorta waħda [t]irriżulta li h[ija] ġġustifikat[a]” (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill, T‑562/10, EU:T:2011:716, punti 4142).

    6

    Wara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T‑562/10, EU:T:2011:716), l-isem tar-rikorrenti ġie inkluż diversi drabi mill-Kunsill, u kull darba dan ġie kkontestat minn din tal-aħħar, u sussegwentement kull darba, annullat mill-Qorti Ġenerali bis-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2013, HTTS vs Il-Kunsill (T-128/12 u T-182/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:312), u tat-18 ta’ Settembru 2015, HTTS u Bateni vs Il-Kunsill (T-45/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:650).

    7

    Għandu jitfakkar barra minn hekk, f’dan l-istadju, li, b’sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il‑Kunsill (T-489/10, EU:T:2013:453), il-Qorti Ġenerali annullat ukoll l-inklużjoni tal-isem ta’ IRISL u ta’ kumpanniji marittimi oħra, fosthom HDSL u SAPID, fil-listi li jikkonċernawhom, għar-raġuni li l-elementi mressqa mill-Kunsill ma kinux jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ IRISL u, konsegwentement, ma setgħux b’dan il-mod jiġġustifikaw iż-żamma tal-miżuri restrittivi li jirrigwardaw il-kumpanniji marittimi l-oħra li kienu ġew inklużi fil-listi minħabba r-rabtiet tagħhom ma’ IRISL.

    8

    B’messaġġ elettroniku tat-23 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti indirizzat lill-Kunsill talba għal kumpens għad-danni li hija kienet tqis li ġarrbet minħabba l-inklużjoni inizjali u l-inklużjonijiet sussegwenti ta’ isimha fil-listi tal-persuni marbuta mal-attività ta’ IRISL.

    9

    F’din it-talba għal kumpens, ir-rikorrenti invokat id-dritt tagħha għal kumpens tad-danni materjali u immaterjali li hija qieset li ġarrbet mhux biss minħabba l-inklużjonijiet deċiżi bir-Regolamenti Nri 668/2010 u 961/2010, li huma s-suġġett ta’ din il-kawża, iżda wkoll danni subiti minħabba l-inklużjonijiet u reinklużjonijiet sussegwenti (ara l-punt 6 iktar ’il fuq). L-ammont totali tad-danni materjali, allegati b’dan il-mod, kien ta’ EUR 11928939 u dak tad-dannu immaterjali ta’ EUR 250000, għall-perijodu bejn is-26 ta’ Lulju 2010 u t-18 ta’ Settembru 2015.

    10

    B’ittra tas-16 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill ċaħad din it-talba.

    II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    11

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

    12

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ April 2016, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2016, il-President tas-Seba’ Awla laqa’ din it-talba, konformement mal-Artikolu 144(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    13

    L-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura ġie nnotifikat lill-partijiet fit-30 ta’ Awwissu 2016. Ma ġiet ippreżentata ebda talba għall-iffissar ta’ seduta mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat dekorribbli minn din in-notifika, kif previst fl-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

    14

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ottubru 2016, il-kawża preżenti ġiet attribwita lil Imħallef Relatur ġdid, sedenti fit-Tielet Awla.

    15

    Fit-30 ta’ Mejju 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C-45/15 P, EU:C:2017:402), li biha ċaħdet l-appell u l-appell inċidentali mressqa mis-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T-384/11, EU:T:2014:986).

    16

    Permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2017, innotifikata lill-partijiet l-għada, il-Qorti Ġenerali, peress li qieset li kienet edotta biżżejjed mid-dokumenti fil-proċess, iddeċidiet, fl-assenza ta’ talba tal-partijiet f’dan ir-rigward (ara l-punt 13 iktar ’l isfel), li taqta’ kawża mingħajr ma tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

    17

    Madakollu, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti talbet li tinżamm seduta, b’mod partikolari minħaba l-għoti tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C-45/15 P, EU:C:2017:402), u talbet lill-Qorti Ġenerali tisma’, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, id-direttur u soċju waħdieni, N. Bateni, għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-portata tad-danni materjali u immaterjali allegatament subiti.

    18

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2017, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, ikkonfermat id-deċiżjoni tagħha tat-8 ta’ Ġunju 2017 (ara l-punt 16 iktar ’il fuq). Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda t-talba tar-rikorrenti li tinżamm seduta, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, qieset li din it-talba kienet ġiet ippreżentata lil hinn mit-terminu li hija kienet tat (ara l-punt 13 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, ikkonstatat l-assenza ta’ elementi ġodda tali, f’dan il-każ, li jiġġustifikaw li tinżamm din is-seduta. Fil-fatt, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), invokata mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha li tinżamm seduta, sempliċement ikkonfermat is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T-384/11, EU:T:2014:986), u, għaldaqstant, ma setgħetx tiġġustifika l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura dwar is-smigħ ta’ N. Bateni, għar-raġuni li hija qieset li kienet diġà suffiċjentement edotta mid-dokumenti fil-proċess kif ukoll mill-ġurisprudenza rilevanti fil-qasam tal-evalwazzjoni tad-danni li jirriżultaw minn miżura restrittiva illegali (ara, ukoll, il-punt 93 iktar ’il quddiem).

    19

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tikkundanna lill-Kunsill iħallasha kumpens għall-ammont ta’ EUR 2513221.50 għad-danni materjali u morali subiti minħabba l-inklużjoni tagħha fil-listi ta’ persuni, entitajiet u korpi fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007 u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“listi kontenzjużi”);

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas ta’ interessi moratorji bir-rata ta’ interessi applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, miżjuda b’żewġ punti, b’effett mis-17 ta’ Ottubru 2015;

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    20

    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala kompletament infondat;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    III. Id-dritt

    A. Fuq is-suġġett tar-rikors

    21

    F’dak li jirrigwarda s-suġġett tar-rikors, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li r-rikorrenti, essenzjalment, issostni li qiegħda titlob biss, “inizjalment”, il-kumpens għad-danni subiti, mis-26 ta’ Lulju 2010, minħabba l-inklużjoni tagħha fil-listi ta’ persuni, entitajiet u korpi fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007, mir-Regolament Nru 668/2010, u, mill-25 ta’ Ottubru 2010, minħabba l-inklużjoni tagħha fil-listi ta’ persuni, entitajiet u korpi fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, mir-Regolament Nru 961/2010 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq).

    22

    B’hekk, ratione temporis, id-danni li għalihom ir-rikorrenti qiegħda titlob kumpens, jiġifieri dawk ikkawżati miż-żewġ inklużjonijiet imsemmija hawn fuq, kienu ġew subiti matul perijodu bejn is-26 ta’ Lulju 2010, data tal-inklużjoni inizjali tar-rikorrenti fil-listi ta’ persuni ġuridiċi marbuta ma’ IRISL, u t-23 ta’ Jannar 2012, data tal-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 54/2012 tat-23 ta’ Jannar 2012 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2012, L 19, p. 1). F’din id-data, fil-fatt, l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti deċiża mir-Regolament Nru 961/2010 waqfet milli tipproduċi l-effetti ġuridiċi tagħha.

    B. Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni għad-danni tar-rikorrenti

    23

    L-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, huwa fformulat b’dan il-mod:

    “L-azzjonijiet kontra l-Unjoni f’materja ta’ responsabbilltà non-kontrattwali jiġu preskritti b’ħames snin li jingħaddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom. Il-preskrizzjoni tiġi nterrotta kemm bil-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll bit-talba qabel il-preżentata li tista’ tagħmel il-parti leża lill-istituzzjonijiet kompetenti ta’ l-Unjoni. F’dan l-aħħar każ, ir-rikors għandu jiġi preżentat fit-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea; japplikaw meta jkun il-każ, […] id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikoli 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea.”

    24

    Mingħajr ma qajjem formalment, permezz ta’ att separat, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kunsill jinvoka, fil-kontroreplika, l-inammissibbiltà tar-rikors, minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst mill-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta-Unjoni Ewropea. Huwa jallega, f’dan ir-rigward, li r-rikors, ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2015, huwa bbażat fuq atti adottati iktar minn ħames snin qabel, jiġifieri fis-26 ta’ Lulju 2010 għar-Regolament Nru 668/2010 u fil-25 ta’ Ottubru 2010 għar-Regolament Nru 961/2010.

    25

    Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill iqis li r-rikors huwa parzjalment inammissibbli minħabba l-preskrizzjoni tad-dritt għal azzjoni għad-danni tar-rikorrenti f’dak li jirrigwarda d-danni allegatament subiti qabel il-25 ta’ Novembru 2010, jiġifieri ħames snin qabel ma ġie ppreżentat ir-rikors, li din tal-aħħar, fil-fatt, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Novembru 2015.

    26

    Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha, għall-ekonomija tal-ġudizzju u fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, teżamina qabelxejn il-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-mertu tal-kwistjoni, mingħajr ma tiddeċiedi f’dan l-istadju dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażta fuq il-preskrizzjoni tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Yedaş Tarim ve Otomotiv Sanayi ve Ticaret vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-367/03, EU:T:2006:96, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    C. Fuq il-mertu

    27

    Fir-rigward, qabelxejn, tal-illegalità tal-aġir li r-rikorrenti timputa lill-Unjoni Ewropea bħala sors ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali possibbli ta’ din tal-aħħar, hija tinvoka, f’dan ir-rigward, żewġ motivi, ibbażati, rispettivament, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-kundizzjonijiet materjali li jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħha fil-listi kontenzjużi.

    28

    Qabel ma jiġu eżaminati dawn iż-żewġ motivi, madankollu għandhom jitfakkru, preliminarjament, il-kriterji ġurisprudenzjali, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, relatati mal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni kkonċernata.

    1.   Osservazzjonijiet preliminari dwar il-kriterji ġurisprudenzjali tal-evalwazzjoni tal-illegalità fil-kuntest ta’ talba għad-danni

    29

    Minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ att ġuridiku tal-Unjoni, fil-kuntest pereżempju ta’ rikors għal annullament, ma hijiex suffiċjenti, minkejja li din hija lamentabbli, sabiex jitqies li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha, marbuta mal-illegalità tal-aġir ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, isseħħ awtomatikament minħabba dan il-fatt. Sabiex jiġi ammess li dan jissodisfa din il-kundizzjoni, il-ġurisprudenza teżiġi, fil-fatt, li r-rikorrent jipprova, fl-ewwel lok, li l-istituzzjoni inkwistjoni tkun wettqet, mhux sempliċi illegalità, iżda ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt li jkollha bħala suġġett l-għoti ta’ drittijiet lill-individwi (ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, EU:C:2000:361, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sussegwentement, huwa wkoll ir-rikorrent li għandu jipprova l-eżistenza taż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra neċessarji sabiex iwasslu għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ dannu reali u ta’ rabta kawżali diretta bejn dan id-dannu u l-illegalità inkwistjoni.

    30

    Fir-rigward b’mod partikolari tal-miżuri restrittivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 62), ippreċiżat, abbażi barra minn hekk tal-ġurisprudenza stabbilita tagħha, li “hija l-parti li tqajjem dubju dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni li għandha tipproduċi provi konklużivi kemm tal-eżistenza kif ukoll tal-portata tad-dannu li hija tinvoka […] kif ukoll tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjoni inkwistjoni u d-dannu allegat”.

    31

    Barra minn hekk, ukoll skont ġurisprudenza stabbilita, il-prova ta’ illegalità suffiċjentement serja hija intiża li jiġi evitat, b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri restrittivi, li l-kapaċità tal-istituzzjoni kkonċernata li teżerċita b’mod sħiħ il-kompetenzi tagħha fl-interess ġenerali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha tiġi ostakolata bir-riskju li din l-istituzzjoni fl-aħħar mill-aħħar tintalab tħallas id-danni li l-persuni kkonċernati mill-atti tagħha setgħu eventwalment iġarrbu, mingħajr madankollu ma titfa’ fuq dawn l-individwi l-piż tal-konsegwenzi, patrimonjali jew morali, ta’ nuqqasijiet li l-istituzzjoni kkonċernata tkun wettqet b’mod flagranti u mhux skużabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T-351/03, EU:T:2007:212, punt 125; tat-23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il-Kunsill, T-341/07, EU:T:2011:687, punt 34, u tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T-384/11, EU:T:2014:986, punt 51).

    32

    Fid-dawl ta’ dawn l-osservazjonijiet preliminari, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li teżamina qabelxejn it-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti, u sussegwentement l-ewwel wieħed.

    2.   Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-kundizzjonijiet materjali ta’ inklużjoni fil-listi

    a)   L-argumenti tal-partijiet

    33

    Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-Kunsill ma sostnietx suffiċjentement, b’fatti konkreti, l-inklużjonijiet fil-listi kontenzjużi. Hija tirrileva, barra minn hekk, li, fis-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2013, HTTS vs Il-Kunsill (T-128/12 u T-182/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:312) (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012 tat-23 ta’ Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU 2012 L 88, p. 1) kien ivvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, għaliex il-Kunsill ma kienx wera li hija kienet effettivament ikkontrollata minn IRISL.

    34

    B’dan il-mod, hija u tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T-384/11, EU:T:2014:986), ir-rikorrenti ssostni qabelxejn li l-Kunsill ma kellu ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-dmir tiegħu li jistabbilixxi l-fondatezza tal-miżuri restrittivi kontenzjużi, peress li dan id-dmir jirriżulta mill-obbligu li għandu dan tal-aħħar li jirrispetta d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    35

    F’kull każ, il-provi u l-informazzjoni pprovduti a posteriori mill-Kunsill ma jistgħux, f’dan l-istadju, jittieħdu inkunsiderazzjoni, u konsegwentement, il-ksur mill-Kunsill tal-obbligu tiegħu li jistabbilixxi l-fondatezza tal-inklużjonijiet kontenzjużi, fil-mument tal-adozzjoni tagħhom, ma jistax jiġi rregolarizzat retroattivament.

    36

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 55 tas-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2013, HTTS vs Il-Kunsill (T-128/12 u T-182/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:312) (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), kienet ikkonststat li l-Kunsill kien irrikonoxxa li, fil-mument tal-adozzjoni tar- Regolament Nru 961/2010, huwa la kien għad kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-elementi rilevanti li huwa pproduċa sussegwentement, u lanqas dawk prodotti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bħala intervenjenti fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għal din is-sentenza. Fir-rigward tar-rapporti tal-gruppi ta’ esperti tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU) invokati f’dan il-każ mill-Kunsill, relatati mas-snin 2012 u 2013, dawn ukoll saru wara l-adozzjoni tal-imsemmi regolament.

    37

    Sussidjarjament, ir-rikorrenti tosserva wkoll li l-provi pprovduti a posteriori mill-Kunsill fil-Kawża T-182/12, HTTS vs Il-Kunsill (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), ma kinux jistgħu jiġġustifikaw l-inklużjonijiet fil-listi kontenzjużi. F’kull każ, dawn id-dokumenti ma kinux ta’ natura li jistabbilixxu li r-rikorrenti kienet effettivament “[miżmuma] jew ikkontrollata” minn IRISL. Dawn id-dokumenti kienu jindikaw biss li r-rikorrenti kienet teżerċita attività ta’ aġent f’isem SAPID u HDSL.

    38

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti, hija u tibbaża ruħha fuq is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il‑Kunsill (T-489/10, EU:T:2013:453) (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), issostni li minn din is-sentenza jirriżulta li l-eżistenza ta’ rabta bejnha, minn naħa, u IRISL, SAPID jew HDSL, min-naħa l-oħra, ma tistax tiġġustifika l-inklużjonijiet fil-listi kontenzjużi. Fil-fatt, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet speċifikament ikkonstatat li l-Kunsill ma kienx wera li IRISL kienet direttament implikata fl-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari.

    39

    Minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, ir-rikorrenti tikkonkludi li l-Kunsill kiser dispożizzjonijiet tad-dritt ċari u preċiżi li ma joħolqux diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni u li ma jaqgħux taħt sitwazzjoni partikolarment kumplessa. Il-Kunsill b’hekk kiser l-obbligi imposti fuq amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti, skont il-kriterji indikati, barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-qrati tal-Unjoni, bħal fis-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il-Kunsill (T-341/07, EU:T:2011:687, punti 3637); tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T-384/11, EU:T:2014:986, punt 53), u tat-18 ta’ Frar 2016, Jannatian vs Il-Kunsill (T-328/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:86, punt 44).

    40

    Il-Kunsill, min-naħa tiegħu, jinvoka qabelxejn, fil-kontroreplika, it-tardività tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ produzzjoni ta’ provi insostenn tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-listi kontenzjużi, għar-raġuni li dan huwa motiv ġdid, invokat mir-rikorrenti fl-istadju tar-replika biss.

    41

    Fuq il-mertu, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, li taqbel mal-osservazzjonijiet tiegħu, isostni li huwa ma wettaqx illegalità suffiċjentement serja u jikkontesta l-argumentazzjoni kollha tar-rikorrenti.

    b)   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    42

    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-azzjoni għad-danni bbażata fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, hija rimedju awtonomu li huwa differenti minn rikors għal annullament peress li l-għan tiegħu ma huwiex it-tneħħija ta’ att ġuridiku speċifiku, iżda l-kumpens għad-danni kkawżati lil terz minn istituzzjoni tal-Unjoni (sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 1971, Zuckerfabrik Schöppenstedt vs Il‑Kunsill, 5/71, EU:C:1971:116, punt 3, u tat-18 ta’ Settembru 2014, Georgias et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-168/12, EU:T:2014:781, punt 32).

    43

    Huwa barra minn hekk paċifiku li l-Artikolu 215 TFUE, li jikkostitwixxi, f’dan it-Trattat, il-bażi legali li tippermetti lill-Kunsill jadotta miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, huwa dispożizzjoni li tistabbilixxi pont bejn, minn naħa, l-għanijiet tat-Trattat UE fil-qasam tal-politika estera u tas-sigurtà komuni (PESK) li l-Unjoni u l-Istati Membri jfittxu li jilħqu (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 24(3) TUE, li jgħid li l-Istati Membri għandhom isostnu attivament u bla riżerva l-potika estera u ta’ sigurtà tal-Unjoni bi spirtu ta’ lealtà u ta’ solidarjetà reċiproka filwaqt li josservaw l-azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam) u, min-naħa l-oħra, l-azzjonijiet tal-Unjoni li jirrigwardaw l-adozzjoni ta’ miżuri ekonimiċi jew restrittivi li jaqgħu taħt it-Trattat FUE, u li huma neċessarji sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C-72/15, EU:C:2017:236, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    F’dan il-kuntest, miżura restrittiva individwali li tista’ tkun suġġetta tagħha entità mhux statali, bħall-iffriżar ta’ fondi, ma hijiex, fiha nnifisha, att awtonomu tal-Kunsill li għandu n-natura ta’ sanzjoni kriminali jew amministrattiva adottata kontra din l-entità, iżda miżura neċessarja, fis-sens tal-Artikolu 215(2) TFUE, għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ din il-politika speċifika, intiża li tippermetti lill-Unjoni tasal, progressivament, għar-riżultat konkret li hija tfittex li tikseb fil-kuntest tar-relazzjonijiet internazzjonali, jiġifieri, f’dan il-każ, dak li tintemm l-attività ta’ proliferazzjoni nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

    45

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita sew ukoll, l-għan iktar wiesa’ taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, konformement mal-finalitajiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE, huwa ta’ natura li jiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, li jirriżultaw, għal ċerti operaturi ekonomiċi, mid-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-atti adottati mill-Unjoni sabiex jitwettaq dan l-għan fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C-72/15, EU:C:2017:236, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    B’dan il-mod, fl-evalwazzjoni tal-aġir tal-istituzzjoni kkonċernata, il-Qorti Ġenerali, adita b’rikors għad-danni ppreżentat minn operatur ekonomiku, hija wkoll marbuta, fid-dawl b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 215(2) TFUE, tieħu inkunsiderazzjoni dan l-għan fundamentali tal-politika estera tal-Unjoni, ħlief meta dan l-operatur ikun jista’ juri li l-Kunsill naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu b’mod flagranti u mhux skużabbli jew li jkun kiser, bl-istess mod, dritt fundamentali rrikonoxxut mill-Unjoni.

    47

    F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-evoluzzjoni progressiva, matul il-perijodu kopert mill-fatti li huma s-suġġett tar-rikors preżenti, tal-intensità tal-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill b’reazzjoni għall-attività ta’ proliferazzjoni nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, l-interferenza fl-attività kummerċjali ta’ HTTS kif ukoll fil-libertà ta’ ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji tagħha, li jirriżultaw mill-iffriżar tal-fondi tagħha impost mill-miżura restrittiva inkwistjoni, ma tistax titqies li hija, awtomatikament, sors ta’ ingaġġ tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Il-ġudikant tar-responsabbiltà, konformement mal-kriteji ddefiniti mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni (C-352/98 P, EU:C:2000:361, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata) (ara l-punt 29 iktar ’il fuq), għad irid ikun jista’ jikkonstata, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ nuqqasijiet flagranti jew mhux skużabbli ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-istituzzjoni kkonċernata, dwar l-eżistenza ta’ rabtiet allegati bejn il-persuna kkonċernata u l-kumpanniji l-oħra kkonċernati, bħal, fl-ewwel lok, IRISL.

    48

    Barra minn hekk, l-annullament possibbli ta’ att jew ta’ diversi atti tal-Kunsill li jkunu taw lok għad-danni invokati mir-rikorrenti, anki meta tali annullament ikun deċiż minn sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija qabel ma jiġi ppreżentat rikors għad-danni, ma jikkostitwixxix il-prova inkonfutabbli ta’ ksur siffiċjentement serju min-naħa ta’ din l-istituzzjoni, li jippermetti li tiġi kkonstatata, ipso jure, ir-responsabbiltà tal-Unjoni.

    49

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza minn rikors għal annullament, ir-rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali jista’ jiġi ppreżentat f’terminu ta’ ħames snin dekorribbli mill-okkorrenza tal-fatt li jikkawża l-preġudizzju inkwistjoni. Konsegwentement, l-istituzzjoni li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha tkun qiegħda tiġi kkontestata għandha, bħala prinċipju, id-dritt li tinvoka, għad-difiża tagħha, il-provi kollha rilevanti li jkunu seħħu qabel il-preżentata, fit-terminu indikat hawn fuq, tar-rikors għad-danni ppreżentat kontriha, bl-istess mod kif ir-rikorrent ikun jista’ juri l-portata u s-sinjifikat tad-dannu tiegħu billi jirrikorri għal elementi probatorji posterjuri għall-okkorrenza tiegħu.

    50

    Fir-rigward tal-possibbiltà, għall-istituzzjoni, li tinvoka, għad-difiża tagħha, l-elementi kollha rilevanti li jippreċedu l-preżentata tar-rikors għad-danni kontriha, għandu jiġi ppreċiżat li din tissodisfa neċessità, għall-qorti kompetenti, li tiġi ddeterminata, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, ir-rilevanza u l-importanza tal-fatti allegati mill-partijiet inkwistjoni sabiex tingħata deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali possibbli tal-Unjoni. Possibbiltà bħal din hija partikolarment iġġustifikata f’qasam ta’ attività tal-Unjoni bħal dik tal-PESK li, minħabba n-natura tal-għanijiet tagħha u tal-kontenut tagħha, hija suġġetta għal regoli u proċeduri stabbiliti speċifikament mit-Trattati (ara t-tieni subparagrafu tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TUE) u intiżi, fost affarijiet oħra, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-każ, l-evoluzzjoni fiż-żmien tas-sitwazzjoni, tal-fatt u tad-dritt, li hija s-suġġett tal-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni.

    51

    F’dan is-sens, li l-provi prodotti mill-istituzzjoni kkonċernata fil-kuntest ta’ rikors għad-danni jitqiesu li huma rilevanti, meta din l-istituzzjoni, fuq il-bażi ta’ deċiżjoni adottata konformement mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, tkun adottat, bis-saħħa tal-Artikolu 215(2) TFUE, l-adozzjoni tal-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi inkwistjoni, ikun jillimita serjament l-eżerċizzju effikaċi tal-kompetenzi li t-Trattati jattribwixxu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK, meta jipprevedu, insostenn tal-implimentazzjoni ta’ din il-politika, l-adozzjoni, minnhom, tal-miżuri restrittivi neċessarji.

    52

    B’dan premess, f’dan il-każ għandu jitfakkar, qabelxejn li, fil-punti 41 u 42 tas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il‑Kunsill (T-562/10, EU:T:2011:716), il-Qorti Ġenerali qieset li l-annullament b’effett immedjat tar-Regolament Nru 961/2010 seta’ joħloq preġudizzju serju u irreversibbli għall-effikaċja tal-miżuri restrittivi adottati minn dan ir-regolament kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran, għaliex “ma jistax jiġi eskluż li, fuq il-mertu, l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi fuq ir-rikorrenti jista’ xorta waħda jirriżulta li huwa ġġustifikat”.

    53

    B’hekk, fil-kuntest tal-preżenti rikors għad-danni, il-Qorti Ġenerali ma tistax tinjora l-motivi rilevanti u l-provi invokati għad-difiża tiegħu mill-Kunsill, sabiex juri li-kundizzjoni li timplika r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma kinitx issodisfatta.

    54

    Sussegwentement, fir-rigward tal-ewwel motiv imressaq mir-rikorrenti u bbażat fuq ksur suffiċjentement serju tal-kundizzjonijiet materjali li jippermetti li tiġi ġġustifikata l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi, u dan għar-raġuni ta’ rabta indiretta bejn l-attività ekonomika tagħha u dik ta’ IRISL (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li t-tardività li l-Kunsill qiegħed jinvoka bħala oppożizzjoni għal dan l-argument (ara l-punt 40 iktar ’il fuq) ma hijiex rilevanti, peress li, mill-preżentata tar-rikors għad-danni tagħha, ir-rikorrenti kienet ibbażat it-talbiet tagħha għad-danni, fost affarijiet oħra, fuq dan l-argument, li jikkostitwixxi għaldaqstant żvilupp loġiku tal-motiv hawn eżaminat.

    55

    B’dan premess, f’dak li jirrigwarda, qabelxejn, il-klassifikazzjoni ta’ kumpannija “miżmuma jew ikkontrollata minn entità oħra”, li l-applikazzjoni fil-konfront tagħha qiegħda tiġi kkontestata mir-rikorrenti, għaliex la hija miżmuna u lanqas ikkontrollata minn IRISL, biżżejjed jiġi rrilevat li dan il-kunċett ma għandux, f’dan il-każ, l-istess portata ta’ dak imfisser, ġeneralment, taħt id-dritt tal-kumpanniji, fejn tiġi identifikata r-responsabbiltà kummerċjali ta’ kumpannija li ġuridikament tinsab taħt il-kontroll deċiżjonali ta’ entità kummerċjali oħra.

    56

    Fl-evalwazzjoni tal-legalità ta’ miżura restrittiva, dan il-kunċett ikopri, fil-fatt, is-sitwazzjoni li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika implikata fl-attività ta’ proliferazzjoni nukleari tal-Istat inkwistjoni tkun tista’ tinfluwenza l-għażliet kummerċjali ta’ impriża oħra li magħha jkollha relazzjonijiet kummerċjali, u dan anki fl-assenza ta’ kull rabta ġuridika, titolari jew parteċipatorja fil-kapital, bejn kull waħda minn dawn iż-żewġ enititajiet ekonomiċi.

    57

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk kienet espressament iddeċidiet li l-klassifikazzjoni ta’ entità “miżmuna jew ikkontrollata” għandha tkun suġġetta, mill-Kunsill, għal evalwazzjoni ta’ każ b’każ skont, b’mod partikolari, il-grad taż-żamma jew tal-intensità tal-kontroll inkwistjoni, peress li din l-istituzzjoni tiddisponi f’dan ir-rigward minn ċerta setgħa diskrezzjonali (sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2013, HTTS vs Il-Kunsill, T-128/12 u T-182/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:312, punt 48, u tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il‑Kunsill, T-42/12 u T-181/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:409, punt 45; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill, C-380/09 P, EU:C:2012:137, punti 40 sa 42).

    58

    L-informazzjoni u l-provi invokati mill-Kunsill fil-każ inkwistjoni jikkostitwixxu indizji rilevanti, suffiċjentement preċiżi u konkordanti, li jippermettu li jitqies li, fil-kuntest tal-preżenti rikors għad-danni, il-fatt li HTTS kienet “[kienet] [i]kkontrollata u/jew taġixxi f’isem IRISL” jidher li huwa probabbli ħafna.

    59

    Għalhekk, pereżempju, il-fatti li l-attività eżerċitata mir-rikorrenti bħala aġent marittimu għan-nom ta’ entitajiet marbuta ma’ IRISL, li wħud minnhom, bħal HDSL u SAPID, kienu jużaw bastimenti li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom minn IRISL, ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn ir-rikorrenti, minn naħa, u HDSL u SAPID, min-naħa l-oħra, kif ukoll bejn ir-rikorrenti u s-sussidjarja ta’ IRISL fl-Unjoni, attestati b’rapport awditorju tal-31 ta’ Diċembru 2010, il-funzjonijiet tad-direttur legali ta’ IRISL eżerċitati preċedentement mid-direttur tar-rikorrenti, is-Sur Bateni u, fl-aħħar nett, l-indirizz komuni tar-rikorrenti u ta’ IRISL Europe, jikkostitwixxu sett ta’ indizji fattwali, rilevanti u konkordanti, li barra minn hekk ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, tal-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib bejnha u IRISL. Barra minn hekk, kif ifakkar il-Kunsill, fis-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2013, HTTS vs Il-Kunsill (T-128/12 u T-182/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:312, punt 56), il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, għalkemm fil-kuntest tar-rikors għal annullament li kellha quddiemha, hija ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li kienet tikkorrobora parti mill-indizji msemmija iktar ’il fuq, ma kienx eskluż li din l-informazzjoni setgħet tippermetti “minħabba n-natura dettaljata u rilevanti tagħha, li tiġi ġġustifikata l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti” fil-listi kontenzjużi.

    60

    Għaldaqstant, mill-provi u l-indizji kollha prodotti fil-każ inkwistjoni mill-Kunsill jirriżulta li dan tal-aħħar, billi adotta l-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi inkwistjoni, ma wettaqx nuqqasijiet flagranti u mhux skużabbli jew żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-portata tar-relazzjonijiet kummerċjali ta’ HTTS ma’ IRISL u, permezz ta’ din il-kumpannija, mal-attività u mal-proliferazzjoni nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, li jistgħu jiġġustifikaw – jekk il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ ingaġġ tar-responsabbiltà tal-Unjoni kienu stabbiliti – il-kumpens tad-dannu li ġarrab HTTS konsegwenza ta’ dan (ara l-punt 59 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma pprovdietx provi suffiċjentement konkreti u rilevanti, li jistgħu jsostnu r-responsabbiltà tal-Kunsill għat-twettiq ta’ tali nuqqasijiet gravi u mhux skużabbli.

    61

    Isegwi li l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur suffiċjentement serju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ inklużjoni, sa fejn il-Kunsill ma stabbilixxiex, abbażi ta’ provi suffiċjenti, li r-rikorrenti kienet taħt il-kontroll ta’ IRISL, għandu jiġu miċħud.

    62

    Fir-rigward tat-tieni ilment, ibbażat fuq l-assenza ta’ ġustifikazzjoni tal-inklużjonijiet kontenzjużi ta’ HTTS fil-listi kontenzjużi, wara, din id-darba, l-annullament, mill-Qorti Ġenerali, tal-inklużjoni ta’ isem IRISL u ta’ kumpanniji marittimi oħra, fosthom HDSL u SAPID, għandu jiġi rrilevat mill-ġdid (ara l-punt 48 iktar ’il fuq) li l-annullament ta’ dawn l-aħħar inklużjonijiet ma huwiex suffiċjenti, fih innifsu, sabiex jiġi stabbilit li l-inklużjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ta’ isem HTTS fil-listi kontenzjużi kienu vvizzjati b’illegalità li hija suffiċjentement serja ta’ natura li timplika wkoll ir-responsabbiltà tal-Unjoni.

    63

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, waqt l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi, l-ewwel mir-Regolament Nru 668/2010, u wara mir-Regolament Nru 961/2010, l-inklużjonijiet tal-ismijiet ta’ IRISL, ta’ HDSL u ta’ SAPID ma kinux għadhom ġew annullati. Sussegwentement u fuq kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ġustament jinvoka l-fatt li, fil-każ inkwistjoni, l-inklużjoni tal-isem ta’ IRISL kien essenzjalment ibbażat fuq rapport tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li jistabbilixxi tliet istanzi ta’ ksur manifest, imwettaq minn din il-kumpannija, tal-embargo fuq l-armi stabbiliti mir-Riżoluzzjoni 147(2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà. Fid-dawl tal-konklużjonijiet f’dan ir-rapport, il-konstatazzjoni li IRISL kienet implikata f’attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran ma tistax titqies, fil-kuntest tal-preżenti rikors għad-danni, bħala manifestament żbaljata, liema konstatazzjoni barra minn hekk lanqas hija kkontestata, sostantivament, mir-rikorrenti. Konsegwentement, l-annullament sussegwenti tal-inklużjoni tal-ismijiet ta’ IRISL, ta’ SAPID u ta’ HDSL, invokati preżentament mir-rikorrenti, ma jippermettix li jitqies li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ natura tant gravi u mhux skużabbli li huwa ta’ natura li jimplika r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

    64

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi allegat fl-aħħar mill-aħħar li l-Kunsill – billi bbaża l-inklużjonijiet kontenzjużi tar-rikorrenti fuq ir-rabtiet bejn din tal-aħħar u IRISL – wettaq irregolarità li ma kinitx isseħħ, f’ċirkustanzi analogi, minn amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti, li t-trattati jafdawlha kompetenzi speċifiċi, bħal dawk marbuta mal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi meqjusa neċessarji fil-kuntest tal-azzjoni tal-Unjoni intiża li tiżgura ż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali li jistgħu jiġu kompromessi bl-attività ta’ proliferazzjoni nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran (ara l-punt 44 iktar ’il fuq).

    65

    Isegwi li dan it-tieni ilment, ibbażat fuq l-illegalità tal-inklużjonijiet kontenzjużi wara l-annullament ex tunc tal-inklużjonijiet tal-ismijiet ta’ IRISL, ta’ HDSL u ta’ SAPID, ma jistax jintlaqa’, b’mod li t-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    66

    Għaldaqstant, huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li hemm lok, preżentement, li jiġi eżaminat l-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti insostenn tat-talba kumpensatorja.

    3.   Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

    a)   L-argumenti tal-partijiet

    67

    Sabiex turi li l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tal-inklużjonijiet kontenzjużi tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka, insostenn ta’ dan il-motiv, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T-562/10, EU:T:2011:716), li tannulla, minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, l-inklużjoni ta’ isimha fil-lista li tinsab fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). Ir-rikorrenti essenzjalment tirrileva li, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali enfasizzat il-fatt li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li ma jistax jiġi dderogat minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għalhekk, il-motivazzjoni tal-inklużjoni ta’ isimha għandha, fil-prinċipju, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess waqt tal-att li jikkawża preġudizzju.

    68

    Barra minn hekk, fir-replika, ir-rikorrenti tinvoka, għall-ewwel darba insostenn ta’ dan il-motiv, l-argument li jipprovdi li, fil-każ inkwistjoni, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tar-raġunijiet speċifiċi u konkreti tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi kisru wkoll id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Il-Kunsill b’hekk kiser regola fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li tipproteġi l-individwi u li l-ksur tagħha jista’ jkun bażi għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

    69

    Fil-każ inkwistjoni, il-motivazzjoni hija saħansitra iktar insuffiċjenti u għalhekk tikkostitwixxi nuqqas gravi u mhux skużabbli min-naħa tal-Kunsill li, qabel l-għoti tas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T-562/10, EU:T:2011:716), ma kien ipproduċa ebda prova li tista’ ssostni l-inklużjoni tal-isem ta’ HTTS fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka wkoll l-ittri tagħha tal-10 u tat-13 ta’ Settembru 2010, li permezz tagħhom hija talbet lill-Kunsill jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu li jinkludi isimha fil-listi kontenzjużi u kienet ittrażmettitlu ċerti dokumenti dwar dan is-suġġett, kif ukoll l-ittra tagħha tat-23 ta’ Novembru 2010, li permezz tagħha hija talbet aċċess għall-fajl tagħha.

    70

    Fl-aħħar nett, il-Kunsill kiser id-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effetiva, peress li wara kull sentenza li tannulla l-inklużjni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi, HTTS kienet immedjatament inkluża fihom, abbażi, sempliċement, ta’ motivazzjoni kemxejn mibdula meta mqabbla ma’ dik mogħtija inizjalment. Barra minn hekk, dan l-aġir tal-Kunsill jirrileva l-attitudni li din l-istituzzjoni kellha kostantament fir-rigward tar-rikorrenti.

    71

    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta din l-argumentazzjoni.

    b)   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    72

    Sabiex jiġi evalwat il-mertu tal-ilmenti differenti relatati mal-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti, għandha tiġi eżaminata, proċeduralment, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li l-Kunsill jibbaża fuq il-fatt li r-rikorrenti invokat l-argumenti dwar, minn naħa, il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, min-naħa, l-assenza ta’ provi li jsostnu l-fondatezza ta’ inklużjonijiet kontenzjużi, biss fl-istadju tar-replika, b’mod li dawn l-argumenti huma tardivi.

    1) Fuq it-tardività tal-argument ibbażat, fl-ewwel lok, fuq il-ksur tad-dritt għal proċedura ġudizzjarja effettiva

    73

    F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi miċħud bħala irrilevanti l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kunsill awtomatikament inkluda isimha fil-listi kontenzjużi, minkejja s-sentenzi ta’ annullament tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T-562/10, EU:T:2011:716), u tat-12 ta’ Ġunju 2013, HTTS vs Il-Kunsill (T-128/12 u T-182/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:312) (ara l-punt 6 iktar ’il fuq). Fil-fatt, fil-kawża preżenti, dak li ġie ddelimitat ratione temporis mir-rikorrenti stess ma għandux bħala suġġett it-talba għal kumpens tad-dannu li hija ġarrbet minħabba l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isimha fil-listi wara kull waħda minn dawn is-sentenzi, iżda pjuttost il-kumpens tad-dannu li hija ġarrbet bejn is-26 ta’ Lulju 2010 u t-23 ta’ Jannar 2012 (ara l-punt 22 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, fil-kuntest tal-kawża preżenti, l-aġir tal-Kunsill wara t-23 ta’ Jannar 2012 huwa rrilevanti.

    74

    Fir-rigward sussegwentement tat-tardività li l-Kunsill jinvoka b’oppożizzjoni għal żewġ argumenti supplimentari invokati mir-rikorrenti fl-istadju tar-replika, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li fir-replika tagħha, HTTS għamlet konnessjoni bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni dwar l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi ta’ persuni marbuta mal-attività ta’ IRISL u l-obbligu tal-Kunsill li jikkomunikalha l-motivi ta’ dawn l-inklużjonijiet (ara l-punt 67 iktar ’il fuq).

    75

    Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika li l-isituzzjoni tal-Unjoni li tadotta att li jistabbilixxi miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità mhux statali għandha tikkomunika, sa fejn huwa possibbli, il-motivi li għalihom dan l-att huwa fondat, fil-mument li jiġi adottat, jew minn tal-inqas, mill-iktar fis possibbli wara l-adozzjoni tiegħu, u dan sabiex jippermetti lil dawn il-persuni jew entitajiet mhux statali jinvokaw validament id-dritt għal rikors tagħhom (sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, C-548/09 P, EU:C:2011:735, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 100).

    76

    Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi l-korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex possibbilment ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha, kemm jista’ jkun b’mod komplet, tal-legalità ta’ dan l-att (sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C-417/11 P, EU:C:2012:718, punt 49; tat-18 ta’ Frar 2016, Il-Kunsill vs Bank Mellat, C-176/13 P, EU:C:2016:96, punt 74, u tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill, T-47/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:207, punt 185).

    77

    Barra minn hekk, sa fejn il-persuna kkonċernata ma jkollhiex dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi meħuda kontriha, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni hija iktar u iktar importanti peress li tikkostitwixxi l-unika garanzija li tippermetti lill-persuna kkonċernata tinvoka validament, minn tal-inqas wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, rimedji ġudizzjarji li jista’ jkollha sabiex tikkontesta l-legalità tagħha (sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C-417/11 P, EU:C:2012:718, punt 51; tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T-228/02, EU:T:2006:384, punt 140, u tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill, T-47/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:207, punt 187).

    78

    Għalhekk, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 75 sa 77 iktar ’il fuq jirriżulta b’mod partikolari li l-obbligu ta’ motivazzjoni u d-dritt korrelattiv tal-persuna kkonċernata li tirċievi komunikazzjoni tal-motivi speċifiċi u konkreti tal-inklużjoni tagħha fil-listi inkwistjoni huma intiżi li jiggarantixxu r-rispett mhux biss tad-drittijiet tad-difiża, iżda wkoll tal-protezzjoni ġudizzjara effettiva.

    79

    Għaldaqstant, fil-kuntest tal-preżenti kawża għad-danni, l-ilment marbut mal-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, imqajjem mir-rikorrenti biss fl-istadju tar-replika, għandu jitqies bħala estensjoni, matul il-proċedura, tal-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt tal-persuna kkonċernata li tirċievi komunikazzjoni tal-motivi speċifiċi u konkreti tal-inklużjoni tagħha fil-listi inkwistjoni (ara l-punt 74 iktar ’il quddiem). Għaldaqstant, dan l-ilment ma jistax jitqies bħala motiv ġdid, invokat tardivament mir-rikorrenti.

    2) Fuq it-tardività tal-argument ibbażat, fit-tieni lok, fuq in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-provi mill-Kunsill

    80

    Ir-rikorrenti tallega li l-Kunsill ma pproduċiex il-provi li jsostnu l-motivi tal-inklużjoni tagħha fil-listi kontenzjużi. F’dan ir-rigward, hija tirreferi, b’mod partikolari, għall-ittra tagħha tat-23 ta’ Novembru 2010 (ara l-punt 69 iktar ’il fuq). Billi targumenta f’dan is-sens, ir-rikorneti tinvoka essenzjalment il-ksur mill-Kunsill tad-dritt tagħha għal aċċess għall-fajl.

    81

    Dwar dan il-punt speċifiku, hemm lok fil-fatt li jitfakkar li, fil-punt 19 tas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T-562/10, EU:T:2011:716), il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-kuntest tal-espożizzjoni tal-fatti li wasslu għall-kawża, li l-Kunsill, qabel il-preżentata tar-rikors fil-Kawża T-562/10, ma kienx effettivament wieġeb għall-ittra tar-rikorrenti tat-23 ta’ Novembru 2010. Madankollu, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali llimitat sussegwentement l-eżami tagħha għall-motiv uniku bbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni, mingħajr għaldaqstant ma ħadet inkunsiderazzjoni l-motiv l-ieħor dwar l-osservanza tal-modalitajiet tad-dritt għal aċċess għall-fajl.

    82

    Ir-rikorrenti ma kkontestatx, fir-rikors tagħha, ir-rifjut tal-Kunsill fir-rigward tat-talba tagħha għal aċċess għall-fajl, b’mod li dan l-ilment, anki jekk ippreżentat taħt il-pretest ta’ ksur possibbli tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, konformement mal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn jikkostitwixxi motiv ġdid li ma huwiex ibbażat fuq punti ta’ dritt jew ta’ fatt li ġew żvelati biss matul il-proċedura.

    83

    Peress li dan l-ilment proċedurali ġie miċħud, hemm lok, preżentement, li jsir eżami tal-fondatezza tal-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti.

    3) Fuq il-fondatezza tal-ewwel motiv

    84

    Peress li l-argumenti tal-partijiet imqajma dwar dan il-motiv ġew riassunti rispettivament fil-punti 67 sa 71 iktar ’il fuq, huwa suffiċjenti li jitfakkar hawnhekk, fl-ewwel lok, li fir-Regolament Nru 668/2010, il-motiv tal-inklużjoni tal-isem ta’ HTTS fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007 kien li r-rikorrenti “[kienet] [t]aġixxi f’isem ĦSDL fl-Ewropa”, peress li HSDL kienet, min-naħa tagħha, inkluża fil-lista kontenzjuża peress li “[kienet] [t]aġixxi f’isem IRISL [sa fejn kienet twettaq] operazzjonijiet b’kontejners bl-użu ta’ bastimenti [miżmuma] minn IRISL”. Fl-aħħar nett, fir-Regolament Nru 961/2010, il-motiv tal-inklużjoni ta’ HTTS fl-Anness VIII tal-imsemmi regolament kien li hija “[kienet] [i]kkontrollata u/jew taġixxi f’isem l-IRISL” (ara l-punt 4 iktar ’il fuq).

    85

    Filwaqt li tfakkru r-raġunijiet għall-inklużjonijiet kontenzjużi, fir-rigward tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-inklużjoni inizjali tal-isem tar-rikorrenti fil-lista annessa mar-Regolament Nru 668/2010, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li r-rikorrenti tibbaża ruħha, evidentement, fuq qari żbaljat tas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T-562/10, EU:T:2011:716). Din is-sentenza, fil-fatt, tikkonċerna biss il-validità tar-Regolament Nru 961/2010, li tinkludi l-isem tar-rikorrenti fil-lista annesssa mal-imsemmi regolament, peress li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar in-natura insuffiċjenti tal-motivazzjoni tal-inklużjoni inizjali tagħha deċiża mir-Regolament Nru 668/2010. Il-qari testwali tar-raġunijiet tal-imsemmija sentenza huwa, barra minn hekk, f’dan is-sens, diġà suffiċjenti fih innifsu. Il-punt 39 ta’ din is-sentenza fil-fatt jaqra kif ġej:

    “F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill jidher li kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni previst mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010. Konsegwentement, l-ewwel motiv jidher fondat u b’hekk għandu jiġi milqugħ.”

    86

    Fi kwalunkwe każ, peress li ma kkontestatx il-legalità tar-Regolament Nru 668/2010 permezz ta’ rikors għal annullament (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti għandha tipprova, fil-kuntest tal-preżenti rikors għad-danni, l-illegalità ta’ din il-miżura restrittiva bħala kundizzjoni li tista’ tippermetti lill-Qorti Ġenerali – jekk jitqies li l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ ingaġġ tar-responsabbiltà tal-Unjoni huma ssodisfatti, aspett li ma huwiex stabbilit – tikkundanna lill-Kunsill jikkumpensa d-danni invokati mir-rikorrenti (ara l-punt 29 iktar ’il fuq). Fil-fatt, ir-riferiment li tagħmel ir-rikorrenti għas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T-562/10, EU:T:2011:716) (ara l-punt 67 iktar ’il fuq), ma jippermettix li jiġi konkluż li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ illegalità suffiċjentement serja hija ssodisfatta fir-rigward tal-inklużjoni inizjali tal-isem tar-rikorrenti mir-Regolament Nru 668/2010, peress li l-legalità ta’ dan l-att, fin-nuqqas ta’ rikors għal annullament, għandha min-naħa l-oħra tiġi preżunta sakemm titressaq prova kuntrarja.

    87

    Sussegwentement, fir-rigward tar-Regolament Nru 961/2010, huwa paċifiku li, permezz tas-sentenza tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T-562/10, EU:T:2011:716), il-Qorti Ġenerali annullat dan l-att, sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti, minħabba insuffiċjenza tal-motivazzjoni dwar l-inklużjoni tagħha fil-lista annessa mal-imsemmi regolament.

    88

    Madankollu, fir-rigward tal-ingaġġ tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni li tirriżulta, skont il-każ, mill-annullament ta’ dan ir-regolament, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-prinċipju, l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ att ma hijiex ta’ natura li timplika r-responsabbiltà tal-Unjoni (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill, T-47/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:207, punt 238).

    89

    Madankollu, fil-kuntest tal-preżenti rikors għad-danni, il-legalità ta’ miżura restrittiva inkwistjoni għandha fi kwalunkwe każ tiġi evalwata wkoll fid-dawl ta’ motivi sussegwenti, invokati mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 2012/35/PESK tat-23 ta’ Jannar 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2012, L 19, p. 22), u li żammet l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-lista annessa mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 195, p. 39), għall-motiv segwenti:

    “[Kumpannija] [i]kkontrollata minn u/jew taġixxi f’isem l-IRISL. HTTS hija rreġistrata taħt l-istess indirizz bħall-IRISL Europe GmbH f’Hamburg, u l-prinċipal tagħha Dr. Naser Ba[t]eni kien impjegat qabel mal-IRISL.”

    90

    Fil-fatt, dawn il-motivi supplimentari jippermettu, fil-kuntest tar-rikors preżenti intiż għall-kumpens għad-dannu li r-rikorrenti ġarrbet matul il-perijodu bejn is-26 ta’ Lulju 2010 u t-23 ta’ Jannar 2012, minn naħa, lir-rikorrenti, tifhem ir-raġunijiet li għalihom isimha ġie inkluż fil-listi kontenzjużi matul dan il-perijodu u, min-naħa l-oħra, lill-Qorti Ġenerali tevalwa, fl-intier tagħhom, il-kawżi li, skont il-partijiet, taw lok għad-dannu li r-rikorrenti tqis li ġarrbet matul il-perijodu msemmi iktar ’il fuq.

    91

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv għandu għalhekk jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    92

    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ ingaġġ tar-responsabbiltà tal-Unjoni humiex issodisfatti u mingħajr ma tittieħed pożizzjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-preskrizzjoni.

    93

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li tintlaqa’ t-talba tar-rikorrenti għal miżura għal organizzazzjoni tal-proċedura, marbuta mas-smigħ, bħala xhud, tad-direttur tagħha u soċju waħdieni.

    IV. Fuq l-ispejjeż

    94

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    95

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

    96

    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill, kif mitlub minn dan tal-aħħar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

     

    3)

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

     

    Frimodt Nielsen

    Forrester

    Perillo

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Diċembru 2017.

    Firem

    Werrej

     

    I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

     

    II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

     

    III. Id-dritt

     

    A. Fuq is-suġġett tar-rikors

     

    B. Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni għad-danni tar-rikorrenti

     

    C. Fuq il-mertu

     

    1. Osservazzjonijiet preliminari dwar il-kriterji ġurisprudenzjali tal-evalwazzjoni tal-illegalità fil-kuntest ta’ talba għad-danni

     

    2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-kundizzjonijiet materjali ta’ inklużjoni fil-listi

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    3. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    1) Fuq it-tardività tal-argument ibbażat, fl-ewwel lok, fuq il-ksur tad-dritt għal proċedura ġudizzjarja effettiva

     

    2) Fuq it-tardività tal-argument ibbażat, fit-tieni lok, fuq in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-provi mill-Kunsill

     

    3) Fuq il-fondatezza tal-ewwel motiv

     

    IV. Fuq l-ispejjeż


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top