Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TJ0624

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tat-18 ta’ Ġunju 2019.
European Food SA et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni mogħtija minn tribunal ta’ arbitraġġ stabbilit taħt il-patroċinju taċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investiment (ICSID) – Ħlas ta’ danni mogħtija lil ċerti operaturi ekonomiċi – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Kompetenza tal-Kummissjoni.
Kawżi T-624/15, T-694/15 u T-704/15.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2019:423

 SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

18 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni mogħtija minn tribunal ta’ arbitraġġ stabbilit taħt il-patroċinju taċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investiment (ICSID) – Ħlas ta’ danni mogħtija lil ċerti operaturi ekonomiċi – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Kompetenza tal-Kummissjoni”

Fil-Kawżi T‑624/15, T‑694/15 u T‑704/15

European Food SA, stabbilita fi Drăgăneşti (ir-Rumanija),

Starmill SRL, stabbilita fi Drăgăneşti,

Multipack SRL, stabbilita fi Drăgăneşti,

Scandic Distilleries SA, stabbilita f’Oradea (ir-Rumanija),

irrappreżentati minn K. Struckmann, G. Forwood, avukati, u A. Kadri, solicitor,

rikorrenti fil-Kawża T‑624/15,

Ioan Micula, residenti f’Oradea (ir-Rumanija), irrappreżentat minn K. Struckmann, G. Forwood u A. Kadri,

rikorrent fil-Kawża T‑694/15,

Viorel Micula, residenti f’Oradea,

European Drinks SA, stabbilita fi Ştei (ir-Rumanija),

Rieni Drinks SA, stabbilita fi Rieni (ir-Rumanija),

Transilvania General Import-Export SRL, stabbilita f’Oradea,

West Leasing International SRL, stabbilita f’Păntășești (ir-Rumanija),

inizjalment irrappreżentati minn J. Derenne, D. Vallindas, avukati, A. Dashwood, barrister, u V. Korom, solicitor, sussegwentement minn J. Derenne, D. Vallindas u A. Dashwood,

rikorrenti fil-Kawża T‑704/15,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P.‑J. Loewenthal u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn S. Centeno Huerta u A. Rubio González, bħala aġenti,

u minn

L-Ungerija, inizjalment irrappreżentata minn M. Fehér, G. Koós u M. Bóra, sussegwentement minn M. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett tliet talbiet ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1470 tat-30 ta’ Marzu 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38517 (2014/C) (ex 2014/NN) et seq implimentata mir-Rumanija — Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ Micula vs ir-Rumanija tal-11 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2015, L 232, p. 43),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn M. Prek (Relatur), President, E. Buttigieg, F. Schalin, B. Berke u M. J. Costeira, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-20 ta’ Marzu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti, European Food SA, Starmill SRL, Multipack SRL u Scandic Distilleries SA, fil-Kawża T‑624/15, Ioan Micula, fil-Kawża T‑694/15, Viorel Micula, European Drinks SA, Rieni Drinks SA, Transilvania General Import-Export SRL u West Leasing International SRL, fil-Kawża T‑704/15, ġew indikati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1470 tat-30 ta’ Marzu 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38517 (2014/C) (ex 2014/NN) implimentata fir-Rumanija – Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ Micula vs ir-Rumanija tal-11 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2015, L 232, p. 43, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”), bħala l-benefiċjarji ta’ danni mogħtija minn deċiżjoni ta’ arbitraġġ (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-arbitraġġ”) mogħtija fil-11 ta’ Diċembru 2013 fil-Kawża ARB/05/20 Micula et vs Ir-Rumanija minn tribunal ta’ arbitraġġ (iktar ’il quddiem it-“tribunal tal-arbitraġġ”) stabbilit taħt il-patroċinju taċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investiment (ICSID).

2

I. u V. Micula, ċittadini Svediżi residenti fir-Rumanija, huma l-azzjonisti f’maġġoranza ta’ European Food and Drinks Group (EFDG), li l-attività tiegħu tirrigwarda l-produzzjoni ta’ ikel u xorb fir-reġjun ta’ Ștei-Nucet, Dipartiment ta’ Bihor, fir-Rumanija. European Food, Starmill, Multipack, Scandic Distilleries, European Drinks, Rieni Drinks, Transilvania General Import-Export u West Leasing International jappartjenu lil EFDG.

Il-leġiżlazzjoni Rumena u l-investiment tar-rikorrenti

3

Il-Ftehim Ewropew li jwaqqaf assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom minn naħa, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra (ĠU 1994, L 357, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Ewropew”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 1995. Skont l-Artikolu 64(1)(iii) tiegħu, kull għajnuna pubblika li toħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti għandha tiġi ddikjarata inkompatibbli mal-funzjonament tajjeb tal-Ftehim Ewropew, sa fejn din tista’ taffettwa l-kummerċ bejn il-Komunitajiet Ewropej u r-Rumanija. Skont l-Artikolu 64(2) tal-Ftehim Ewropew, kull prattika li tmur kontra l-imsemmi artikolu għandha tiġi evalwata “fuq il-bażi ta’ kriterji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regoli tal-Artikoli 85, 86 u 92 tat-Trattat [KEE, li saru l-Artikoli 101, 102 u 107 TFUE]”. Barra minn hekk, l-Artikoli 69 u 71 tal-Ftehim Ewropew jobbligaw lir-Rumanija tikkonforma l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha mal-acquis Komunitarju.

4

Sabiex tosserva l-obbligu ta’ allineament tagħha previst mill-Ftehim Ewropew, ir-Rumanija adottat fl-1999 il-Liġi Nru 143/1999 dwar l-għajnuna mill-Istat, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2000. Din il-liġi, li tinkludi l-istess definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat bħal dik prevista fl-Artikolu 64 tal-Ftehim Ewropew u fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, indikat lill-Consiliul Concurenţei (il-Kunsill għall-Kompetizzjoni, ir-Rumanija) u lill-Oficiul Concurenței (l-Uffiċju għall-Kompetizzjoni, ir-Rumanija) bħala awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-sorveljanza tal-għajnuna mill-Istat, kompetenti sabiex jevalwaw il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Rumanija lill-impriżi.

5

Fit-2 ta’ Ottubru 1998, l-awtoritajiet Rumeni adottaw l-Ordinanza Governattiva ta’ Emerġenza Nru 24/1998 (iktar ’il quddiem l-“EGO 24”), li tagħti lil ċerti investituri f’reġjuni żvantaġġati li kisbu ċertifikat ta’ investitur permanenti, sensiela ta’ inċentivi, fosthom, b’mod partikolari, faċilitajiet bħall-eżenzjoni mill-ħlas tad-dazji doganali u t-taxxa fuq il-valur miżjud fuq makkinarju u r-rimbors tad-dazji doganali fuq materja prima, kif ukoll l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji sa fejn iż-żona kkonċernata kienet ikklassifikata bħala reġjun żvantaġġat.

6

Il-Gvern Rumen iddeċieda liema reġjuni għandhom jiġu kklassifikati bħala żvantaġġati u għal kemm żmien, sa massimu ta’ 10 snin. Permezz tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 1999, applikabbli sa mill-1 ta’ April 1999, l-imsemmi Gvern iddikjara ż-żona tal-minjieri ta’ Ștei-Nucet, Dipartiment ta’ Bihor, bħala reġjun żvantaġġat għal 10 snin.

7

Fil-15 ta’ Mejju 2000, il-Kunsill għall-Kompetizzjoni adotta d-Deċiżjoni Nru 244/2000 li permezz tagħha stabbilixxa li diversi inċentivi mogħtija skont l-EGO 24 għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna operatorja mill-Istat li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u li għalhekk għandhom jiġu rrevokati.

8

Fl-1 ta’ Lulju 2000 daħlet fis-seħħ l-Ordinanza Governattiva ta’ Emerġenza Nru 75/2000 (iktar ’il quddiem l-“EGO 75”), li temenda l-EGO 24 (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“EGO”).

9

Il-Kunsill għall-Kompetizzjoni kkontesta quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), il-fatt li minkejja l-adozzjoni tal-EGO 75, id-Deċiżjoni tiegħu Nru 244/2000 ma kinitx ġiet implimentata. Din it-talba ġiet miċħuda fis-26 ta’ Jannar 2001 għar-raġuni li l-EGO 75 għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura leġiżlattiva u mhux amministrattiva, u li, għalhekk, il-legalità tagħha ma tistax tiġi kkontestata mill-Kunsill għall-Kompetizzjoni skont il-Liġi Nru 143/1999. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) fid-19 ta’ Frar 2002.

10

Fuq il-bażi taċ-ċertifikati ta’ investituri permanenti, miksuba fl-1 ta’ Ġunju 2000 minn European Food u fis-17 ta’ Mejju 2002 minn Starmill u Multipack, dawn għamlu numru ta’ investimenti fiż-żona tal-minjiera ta’ Ștei-Nucet.

11

Fi Frar 2000, ir-Rumanija bdiet in-negozjati għall-adeżjoni fl-Unjoni. Fil-kuntest ta’ dawn in-negozjati, il-Pożizzjoni Komuni tal-Unjoni tal-21 ta’ Novembru 2001 innotat li fir-Rumanija kien jeżisti “numru ta’ skemi ta’ għajnuna inkompatibbli eżistenti kif ukoll ġodda li ma nġabux konformi mal-acquis”, inklużi “il-faċilitajiet ipprovduti taħt l-[EGO]”.

12

Fis-26 ta’ Awwissu 2004, filwaqt li speċifikat li “[s]abiex jiġu ssodisfati l-kriterji fir-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat, u anki sabiex jitlestew in-negozjati skont il-Kapitolu Nru 6 (Politika dwar il-Kompetizzjoni), [kien] neċessarju li jiġu eliminati l-forom kollha ta’ għajnuna mill-Istat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li [kienet] inkompatibbli mal-acquis communautaire f’dan il-qasam”, ir-Rumanija rrevokat l-inċentivi kollha mogħtija skont l-EGO, bl-eċċezzjoni tal-faċilità għat-taxxa fuq il-kumpanniji. Din l-abrogazzjoni daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ Frar 2005.

13

Fl-1 ta’ Jannar 2007, ir-Rumanija aderixxiet mal-Unjoni. La l-EGO 24 u lanqas l-EGO 75 ma jissemmew fil-paragrafu 1 tat-Titolu 2 “Politika dwar il-Kompetizzjoni” fl-Anness V tal-att relattiv għall-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea u għall-adattamenti tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203, iktar ’il quddiem l-“att tal-adeżjoni”) bħala miżuri ta’ għajnuna kkunsidrati bħala għajnuna eżistenti fil-mument ta’ din l-adeżjoni.

Il-proċedura ta’ arbitraġġ

14

It-Trattat Bilaterali ta’ Investiment konkluż fid-29 ta’ Mejju 2002 bejn il-Gvern tar-Renju tal-Isvezja u l-Gvern Rumen għall-promozzjoni u l-protezzjoni reċiproka ta’ investimenti (iktar ’il quddiem il-“BIT”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2003. Dan it-trattat kien jipprovdi għall-investituri ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ pajjiżi (inkluż għall-investimenti konlużi qabel id-dħul fis-seħħ tal-BIT) numru ta’ miżuri ta’ protezzjoni meta l-investituri ta’ pajjiż jinvestu fil-pajjiż l-ieħor. L-Artikolu 2(3) tal-BIT jipprovdi b’mod partikolari li “[k]ull parti kontraenti għandha tiżgura f’kull mument trattament ġust u ekwu għall-investimenti ta’ investituri tal-parti kontraenti l-oħra u ma tostakolax, permezz ta’ miżuri ta’ arbitraġġ jew diskriminatorji, l-amministrazzjoni, il-ġestjoni, iż-żamma, l-użu, it-tgawdija jew it-trasferiment tal-imsemmija investimenti mill-imsemmija investituri”. Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tal-BIT jipprovdi li t-tilwim bejn l-investituri u l-pajjiżi firmatarji huma rregolati, b’mod partikolari, minn tribunal tal-arbitraġġ imqiegħed taħt il-patroċinju tal-ICSID.

15

Fit-28 ta’ Lulju 2005, wara l-abrogazzjoni tal-inċentivi tal-investiment previsti mill-EGO, ħamsa mir-rikorrenti, jiġifieri I. u V. Micula, European Food, Starmill u Multipack (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fl-arbitraġġ”), talbu l-istabbiliment ta’ tribunal tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 7 tal-BIT.

16

Permezz tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2008, it-tribunal tal-arbitraġġ sab li t-talbiet tar-rikorrenti fl-arbitraġġ kienu ammissibbli. Ir-rikorrenti fl-arbitraġġ kienu inizjalment talbu li l-inċentivi tal-investiment irrevokati jerġgħu jiġu stabbiliti. Imbagħad, huma rtiraw parzjalment it-talba tagħhom u, minflok, talbu kumpens għad-danni kkawżati mill-abrogazzjoni tal-imsemmija inċentivi. L-imsemmija rikorrenti sostnew li bir-revoka tal-inċentivi, ir-Rumanija kienet kisret l-aspettattivi leġittimi tal-investituri, li ħasbu li dawk l-inċentivi kienu ser ikunu disponibbli, essenzjalment, sal-1 ta’ April 2009. Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti fl-arbitraġġ, ir-Rumanija ma kinitx osservat l-obbligu tagħha li tapplika trattament ġust u ekwu għall-investituri Svediżi, skont l-Artikolu 2(3) tal-BIT.

17

Matul il-proċedimenti tal-arbitraġġ, il-Kummissjoni Ewropea intervjeniet bħala amicus curiae. Fl-intervent tagħha tal-20 ta’ Lulju 2009, hija sostniet li l-inċentivi skont l-EGO 24 kienu “inkompatibbli mar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-għajnuna reġjonali”, filwaqt li osservat b’mod partikolari, li “l-inċentivi ma kinux jirrispettaw ir-rekwiżiti tal-liġi Komunitarja rigward l-ispejjeż eliġibbli u l-intensitajiet tal-għajnuna [u li] l-faċilitajiet kienu jikkostitwixxu għajnuna operatorja, li [kienet] ipprojbita bir-regoli dwar l-għajnuna reġjonali”. Għalhekk, il-Kummissjoni sostniet li“[k]walunkwe deċiżjoni li terġa’ tistabbilixxi l-privileġġi annullati mir-Rumanija jew tagħti kumpens lir-rikorrenti fl-arbitraġġ għat-telf ta’ dawn il-privileġġi kienet ser tikkostitwixxi għajnuna ġdida inkompatibbli mat-Trattat [FUE]” u li “għalhekk l-implimentazzjoni [ta’ kull deċiżjoni li timponi lir-Rumanija terġa’ tistabbilixxi l-iskemi ta’ investiment li kienu ddikjarati inkompatibbli mas-suq intern matul in-negozjati ta’ adeżjoni] ma jistax ikollha effett jekk hija tmur kontra r-regoli tal-politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat”.

18

Permezz tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ, it-tribunal tal-arbitraġġ ta lir-rikorrenti fl-arbitraġġ danni dovuti mir-Rumanija fl-ammont ta’ 791882452 leu Rumen (RON) (madwar EUR 178 miljun). It-tribunal tal-arbitraġġ ikkonkluda dan li ġej:

“[B]illi ħassret l-inċentivi previsti mill-EGO 24 qabel l-1 ta’ April 2009, ir-Rumanija ma aġixxietx b’mod irraġonevoli jew b’mala fide (ħlief għall-fatt li [hija] aġixxiet b’mod irraġonevoli billi żammet l-obbligi tal-investituri wara l-eliminazzjoni tal-inċentivi). Madankollu, it-tribunal [tal-arbitraġġ] ikkonkluda […] li r-Rumanija kienet kisret l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti [fl-arbitraġġ], li ħasbu li dawk l-inċentivi kienu ser ikunu disponibbli, essenzjalment, sal-1 ta’ April 2009. Barra minn hekk, ir-Rumanija ma aġixxietx b’mod trasparenti billi ma avżatx lill-[imsemmija] rikorrenti fi żmien opportun li l-iskema kienet ser titwaqqaf qabel id-data tal-iskadenza skedata tagħha. Għalhekk, it-tribunal ikkonstata li r-Rumanija ma rnexxilhiex “tiżgura trattament ġust u ekwu tal-investimenti” tar-rikorrenti [fl-arbitraġġ] fis-sens tal-Artikolu 2(3) tal-BIT”.

19

B’mod partikolari, it-tribunal tal-arbitraġġ ta lir-rikorrenti danni maqsuma kif ġej:

RON 85100000 għall-abrogazzjoni tal-faċilitajiet fuq il-materja prima u ż-żieda tal-prezz taz-zokkor li segwiet;

RON 17500000 għaż-żieda tal-prezz ta’ materja prima oħra;

RON 18133229 għat-telf tal-abbiltà li jaħżnu z-zokkor bi prezzijiet iktar baxxi;

RON 255700000 għall-profitt mitluf li jirriżulta mill-bejgħ mitluf ta’ prodotti lesti;

barra minn hekk, it-tribunal tal-arbitraġġ ordna lir-Rumanija tħallas imgħax, ikkalkolat mill-1 ta’ Marzu 2007 fir-rigward taż-żieda tal-prezz taz-zokkor u materja prima oħra, mill-1 ta’ Novembru 2009 fir-rigward tat-telf tal-abbiltà li jaħżnu z-zokkor u mill-1 ta’ Mejju 2008 fir-rigward tal-profitt mitluf.

20

Fit-18 ta’ April 2014, ir-Rumanija ppreżentat applikazzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ abbażi tal-Artikolu 52 tal-Konvenzjoni dwar is-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investimenti bejn l-Istati u ċ-Ċittadini ta’ Stati Oħra tat-18 ta’ Marzu 1965 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar l-ICSID”), quddiem kumitat ad hoc. F’dan il-kuntest, fis-7 ta’ Settembru 2014, il-kumitat ad hoc annulla s-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ, li kien approva preċedentement, għaliex ir-Rumanija, wara li kkonsultat mal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi, kif mitluba mill-imsemmi kumitat, l-impenn inkundizzjonat li timplimenta d-deċiżjoni tal-arbitraġġ anki jekk dan kien ser iwassal għal ksur tal-obbligi tagħha, b’mod partikolari, skont id-dritt tal-Unjoni u irrispettivament minn kull deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

21

Fil-15 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni ppreżentat lill-kumitat ad hoc talba għal intervent volontarju aċċessorju bħala parti mhux litiganti fit-tilwima fil-proċedimenti ta’ annullament. It-talba għal intervent ġiet milqugħa mill-kumitat ad hoc fl-4 ta’ Diċembru 2014, u, fid-9 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni bagħtet osservazzjonijiet bħala amicus curiae fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti. Fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, il-proċedimenti intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ kienu għadhom pendenti.

Ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fl-arbitraġġ quddiem il-qrati nazzjonali għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ

22

Fit-18 ta’ Marzu 2014, erba’ mir-rikorrenti (European Food, Starmill, Multipack u I. Micula) bdew proċeduri ġudizzjarji fir-Rumanija għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni dwar l-ICSID, li permezz tagħhom talbu l-ħlas ta’ 80 % tal-ammont li kien għadu dovut u l-imgħax korrispondenti.

23

Fl-24 ta’ Marzu 2014, it-Tribunal București (il-Qorti ta’ Bukarest, ir-Rumanija) awtorizzat l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ, billi kkunsidrat li, skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni dwar l-ICSID, id-deċiżjoni tal-arbitraġġ kienet att direttament eżegwibbli u għandha tkun meqjusa bħala sentenza definittiva mogħtija fuq livell nazzjonali, u għalhekk eskludiet il-proċedura għal rikonoxximent tal-imsemmija deċiżjoni fuq il-bażi tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Rumen. Fit-30 ta’ Marzu 2014, eżekutur ġudizzjarju beda l-proċedura tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ billi stabbilixxa terminu ta’ sitt xhur li fih il-Ministeru tal-Finanzi Rumen kellu jħallas it-80% tal-ammont dovut lill-erba’ rikorrenti, skont id-deċiżjoni tal-arbitraġġ, flimkien mal-imgħax u spejjeż oħra.

24

Ir-Rumanija kkontestat l-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ quddiem it-Tribunal București (il-Qorti ta’ Bukarest) u talbet l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji, jiġifieri sospensjoni temporanja tal-eżekuzzjoni sakemm din il-qorti tiddeċiedi dwar il-mertu ta’ din il-kawża. Fl-14 ta’ Mejju 2014, din il-qorti ssospendiet temporanjament l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu tal-azzjoni ta’ kontestazzjoni u t-talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata. Fis-26 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni intervjeniet f’dawn il-proċediment skont l-Artikolu 23a(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339). Din tal-aħħar stiednet lit-Tribunal București (il-Qorti ta’ Bukarest) tissospendi u tannulla l-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea żewġ domandi preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

25

Fit-23 ta’ Settembru 2014, it-Tribunal București (il-Qorti ta’ Bukarest) iddeċidiet il-kawża dwar il-miżura provviżorja billi rtirat is-sospensjoni u ċaħdet it-talba tar-Rumanija li tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ, għar-raġuni li l-kumitat ad hoc tal-ICSID kien annulla s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni fis-7 ta’ Settembru 2014 (ara l-punt 20 iktar ’il fuq). Fit-30 ta’ Settembru 2014, ir-Rumanija ppreżentat rikors kontra din is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2014. Fit-13 ta’ Ottubru 2014, it-Tribunal București (il-Qorti ta’ Bukarest) ċaħdet it-talba dwar is-sottomissjoni ta’ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fis-17 ta’ Ottubru 2014, wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ottubru 2014 li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, fil-kuntest tal-kawża pendenti quddiem it-Tribunal București (il-Qorti ta’ Bukarest), ir-Rumanija talbet mill-ġdid l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji taħt il-forma ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ.

26

Fl-24 ta’ Novembru 2014, it-Tribunal București (il-Qorti ta’ Bukarest) ċaħad il-kontestazzjoni tal-eżekuzzjoni ppreżentata mir-Rumanija kontra d-digriet tal-24 ta’ Marzu 2014, inkluż it-talba għal miżuri provviżorji tas-17 ta’ Ottubru 2014. Fl-14 ta’ Jannar 2015, ir-Rumanija appellat minn din is-sentenza.

27

Fl-24 ta’ Frar 2015, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) annullat is-sentenza mogħtija mit-Tribunal București (il-Qorti ta’ Bukarest) fit-23 ta’ Settembru 2014 u ssospendiet l-eżekuzzjoni forzata sakemm tingħata deċiżjoni fir-rikors ippreżentat kontra din is-sentenza tal-istess qorti tal-24 ta’ Novembru 2014. Il-Kummissjoni ddeċidiet li titlob l-awtorizzazzjoni biex tintervjeni fil-kuntest ta’ dan l-appell skont l-Artikolu 23a(2) tar-Regolament Nru 659/1999.

28

V. Micula ressaq diversi talbiet għal rikonoxximent tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ fil-kuntest tal-proċeduri għal exequatur jew ex parte quddiem il-qrati tal-Belġju, ta’ Franza, tal-Lussemburgu, tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll tal-Istati Uniti. I. Micula, European Food, Starmill u Multipack ressqu wkoll talba għal rikonoxximent tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ fil-kuntest ta’ proċedura ex parte fl-Istati Uniti. Waqt il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, dawn il-proċeduri kienu għadhom pendenti.

L-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u d-Deċiżjoni kkontestata

29

Fil-31 ta’ Jannar 2014, is-servizzi tal-Kummissjoni informaw lill-awtoritajiet Rumeni li kwalunkwe implimentazzjoni jew eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ tkun tikkostitwixxi għajnuna ġdida u trid tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.

30

Fl-20 ta’ Frar 2014, l-awtoritajiet Rumeni informaw lis-servizzi tal-Kummissjoni bil-ħlas ta’ parti mill-kumpens li t-tribunal tal-arbitraġġ kien ta lir-rikorrenti fl-arbitraġġ, permezz ta’ tpaċija ta’ taxxi dovuti lill-awtoritajiet Rumeni minn waħda mir-rikorrenti (European Food). Id-dejn fiskali hekk paċut kien jammonta għal RON 337492864 (madwar EUR 76000000). Barra minn hekk, ir-Rumanija talbet kjarifiki addizzjonali mingħand is-servizzi tal-Kummissjoni rigward il-possibbiltà ta’ ħlas tal-ammont pendenti lil persuna fiżika (lil V. u I. Micula jew kwalunkwe persuna fiżika oħra li lilha tista’ tiġi assenjata t-talba).

31

Fit-12 ta’ Marzu 2014, is-servizzi tal-Kummissjoni talbu iktar informazzjoni mingħand ir-Rumanija rigward il-miżuri li kien beħsiebha tieħu għall-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni ulterjuri tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ. Ir-Rumanija pprovdiet din l-informazzjoni fl-ittra tas-26 ta’ Marzu 2014.

32

Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ April 2014, is-servizzi tal-Kummissjoni ġibdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet Rumeni dwar il-possibbiltà li l-Kummissjoni toħroġ ordni ta’ sospensjoni sabiex tiżgura li ma titħallas ebda għajnuna mill-Istat inkompatibbli u talbu lir-Rumanija tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward. Fl-ittra tas-7 ta’ April 2014, ir-Rumanija ddikjarat li hija ma tixtieqx tippreżenta osservazzjonijiet dwar din il-possibbiltà.

33

Fis-26 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2014) 3192, li permezz tagħha ordnat lir-Rumanija, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999, tissospendi immedjatament kwalunkwe azzjoni li tista’ twassal għall-implimentazzjoni jew għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ, għar-raġuni li tali azzjoni tidher li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali, sakemm il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni finali dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna tal-Istat mas-suq intern.

34

Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni informat lir-Rumanija bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE għal dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni parzjali mir-Rumanija tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ fil-bidu tas-sena 2014 (ara l-punt 30 iktar ’il fuq) kif ukoll fir-rigward ta’ kull implimentazzjoni jew eżekuzzjoni ulterjuri tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ. F’din id-deċiżjoni, li kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-7 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom.

35

Fil-31 ta’ Ottubru 2014, eżekutur ġudizzjarju maħtur mit-Tribunal București (il-Qorti ta’ Bukarest) ħareġ mandat ta’ qbid fuq il-kontijiet tal-Ministeru tal-Finanzi Rumen u talab l-eżekuzzjoni ta’ 80 % tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ. Fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, il-kontijiet miftuħa mill-Ministeru tal-Finanzi Rumen mat-Teżor tal-Istat u kumpanniji bankarji kienu imblokkati.

36

Fis-26 ta’ Novembru 2014, ir-Rumanija bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet fil-kwalità tagħhom ta’ partijiet interessati fit-8 ta’ Diċembru 2014, wara r-rifjut tal-Kummissjoni li testendi t-terminu għall-preżentata ta’ osservazzjonijiet. L-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ntbagħtu lir-Rumanija, li ngħatat il-possibbiltà li twieġeb. L-osservazzjonijiet tar-Rumanija dwar l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ġew ippreżentati fis-27 ta’ Jannar 2015.

37

Barra minn hekk, ir-rikorrenti talbu aċċess għall-korrispondenza kollha bejn il-Kummissjoni u r-Rumanija, li kien hemm fil-fajl tal-kawża. Dan ir-rikors ġie miċħud fid-19 ta’ Diċembru 2014, u r-rifjut kien ikkonfermat fit-2 ta’ Marzu 2015.

38

Fil-5 ta’ Jannar 2015, eżekutur ġudizzjarju qabad ammont ta’ RON 36484232 (madwar EUR 8100000) fuq il-kontijiet tal-Ministeru tal-Finanzi Rumen. Imbagħad, huwa ttrasferixxa RON 34004232 (madwar EUR 7560000), ugwalment, lil tlieta minn ħames rikorrenti fl-arbitraġġ u rriżerva l-bqija bħala onorarji. Bejn il-5 u l-25 ta’ Frar 2015, l-eżekutur ġudizzjarju qabad ammont ieħor ta’ RON 9197482 (madwar EUR 2000000) fuq il-kontijiet tal-Ministeru tal-Finanzi Rumen. Fid-9 ta’ Marzu 2015, l-imsemmi ministeru ttrasferixxa b’mod volontarju l-bilanċ tal-ammont dovut skont id-deċiżjoni tal-arbitraġġ, jiġifieri RON 472788675 (madwar EUR 106500000, inkluż l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni forzata, jiġifieri RON 6028608), f’kont imblukkat miftuħ f’isem il-ħames rikorrenti fl-arbitraġġ. Il-benefiċjarji tal-kont setgħu jiġbdu l-ammonti biss jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-għajnuna mill-Istat mogħtija skont id-deċiżjoni tal-arbitraġġ hija kompatibbli mas-suq intern.

39

Permezz ta’ ittri tad-9 u l-11 ta’ Marzu 2015, l-awtoritajiet Rumeni informaw lill-Kummissjoni bil-qbid imwettaq fil-5 u l-25 ta’ Frar 2015 u bil-ħlas volontarju fuq kont imblukkat miftuħ f’isem il-ħames rikorrenti fl-arbitraġġ, rappreżentanti l-bilanċ tal-ammont dovut skont id-deċiżjoni tal-arbitraġġ.

40

Skont l-awtoritajiet Rumeni, id-deċiżjoni tal-arbitraġġ kienet ġiet implimentata b’mod sħiħ.

41

Fit-30 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kkontestata.

42

Id-Deċiżjoni kkontestata hija fformulata kif ġej:

“Artikolu 1

Il-ħlas tal-kumpens mogħti mit-tribunal tal-arbitraġġ […] bid-deċiżjoni [tal-arbitraġġ] lill-unità ekonomika unika magħmula minn Viorel Micula, Ioan Micula, […] European Food S.A., […] Starmill S.A., […] Multipack, European Drinks S.A., Rieni Drinks S.A., Scandic Distilleries S.A., Transilvania General Import-Export S.R.L., u West Leasing S.R.L, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) [TFUE], li mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1.   Ir-Rumanija ma għandha tħallas l-ebda għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1 u għandha tirkupra kwalunkwe għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1 li diġà tħallset lil xi waħda mill-entitajiet li jikkostitwixxu l-unità ekonomika unika li bbenefikat minn dik l-għajnuna fl-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni parzjali tad-deċiżjoni b’arbitraġġ […] kif ukoll kwalunkwe għajnuna mħallsa lil xi waħda mill-entitajiet li jikkostitwixxu l-unità ekonomika unika li bbenefikat minn dik l-għajnuna fl-implimentazzjoni ulterjuri tad-deċiżjoni b’arbitraġġ […] li l-Kummissjoni ma kinitx mgħarrfa biha jew li tħallset wara d-data ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Viorel Micula, Ioan Micula, […] European Food S.A., […] Starmill S.R.L., […] Multipack, European Drinks S.A., Rieni Drinks S.A., Scandic Distilleries S.A., Transilvania General Import-Export S.R.L., u West Leasing S.R.L għandhom ikunu flimkien responsabbli biex iħallsu lura l-għajnuna mill-Istat riċevuta minn kwalunkwe wieħed minnhom.

3.   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati huma dawk li jirriżultaw mill-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni […] (prinċipal u mgħax).

4.   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom iġorru mgħax mid-data li fiha tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sal-irkupru attwali tagħhom.

5.   Ir-Rumanija għandha tipprovdi d-dati eżatti li fihom l-għajnuna pprovduta mill-Istat tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji rispettivi.

6.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004.

7.   Ir-Rumanija għandha tassigura li ma jsirux aktar ħlasijiet tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 b’effett mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Ir-Rumanija għandha tassigura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur wara d-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Rumanija għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-ammont totali ta’ għajnuna riċevuta minn kull entità msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà meħuda u ppjanati sabiex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)

dokumenti li juru li l-benefiċjarji kienu ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

2.   Ir-Rumanija għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex timplimenta din id-Deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1. Hija għandha tissottometti immedjatament, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri diġà meħuda u ppjanati sabiex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata rigward l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħax fuq l-irkupru diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarji.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.”

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

43

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Novembru 2015 (Kawża T-624/15), fit-30 ta’ Novembru 2015 (Kawża T-694/15) u fit-28 ta’ Novembru 2015 (Kawża T-704/15), ir-rikorrenti ppreżentaw dawn ir-rikorsi.

44

Permezz ta’ deċiżjonijiet rispettivi tat-18 ta’ Marzu u tal-21 ta’ April 2016 (Kawża T-624/15), tat-18 ta’ Marzu u tat-22 ta’ April 2016 (Kawża T-694/15), kif ukoll tal-25 ta’ Mejju u tal-21 ta’ April 2016 (Kawża T-704/15), il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza lir-Renju ta’ Spanja u lill-Ungerija jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

45

Fit-13 u fl-14 ta’ Lulju 2016 (Kawżi T-624/15 u T-694/15) u fl-14 ta’ Lulju 2016 (Kawża T-704/15), ir-Renju ta’ Spanja u l-Ungerija ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali n-noti ta’ intervent rispettivi tagħhom. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn in-noti fit-termini stabbiliti.

46

Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

47

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti talbu li l-Kawżi T-624/15, T-694/15 u T-704/15 jingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura. Fl-osservazzjonijiet dwar it-talba għal tgħaqqid tal-14 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni indikat il-qbil tagħha għat-tgħaqqid tal-Kawżi T‑624/15 u T‑694/15, iżda opponiet għat-tgħaqqid ta’ dawn iż-żewġ kawżi mal-Kawża T‑704/15.

48

Permezz ta’ atti ppreżentati fil-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Frar 2017 mir-rikorrenti fil-Kawżi T-624/15 u T-694/15 u fl-4 ta’ Mejju 2017 mill-Kummissjoni fil-Kawżi T-624/15, T-694/15 u T-704/15, dawn talbu trattament prijoritarju. Dan tal-aħħar ingħatalhom permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tieni Awla tat-22 ta’ Mejju 2017.

49

Fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tirreferi l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

50

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Frar 2018, il-Kawżi T-624/15, T-694/15 u T-704/15 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 68(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

51

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

52

It-trattazzjonijiet tal-partijiet instemgħu fis-seduta tal-20 ta’ Marzu 2018.

53

Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Mejju 2018, billi kkunsidrat li hemm lok li tistieden lill-partijiet fil-kawża prinċipali jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eventwali tgħaqqid tal-Kawżi T‑624/15, T-694/15 u T-704/15 għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura. Il-partijiet fil-kawża prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu stabbilit.

54

Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑624/15 u T‑694/15 jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni kkontestata sa fejn din:

tikkonċerna kull waħda mir-rikorrenti;

ma tħallix lir-Rumanija tikkonforma mad-deċiżjoni tal-arbitraġġ;

tordna lir-Rumanija tirkupra kwalunkwe għajnuna mhux kompatibbli;

tordna li r-rikorrenti jkunu responsabbli in solidum għall-ħlas lura tal-għajnuna mill-Istat irċevuta minn kull waħda mill-entitajiet identifikati fl-Artikolu 2(2) tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura.

55

Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑704/15 jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni kkontestata sa fejn din:

tidentifika lil Viorel Micula bħala “impriża”, u għaldaqstant li tagħmel parti mill-allegata unità ekonomika unika li tikkostitwixxi l-benefiċjarju tal-għajnuna;

tidentifika lill-benefiċjarju tal-għajnuna bħala unità ekonomika unika li tinkludi lil Viorel u Ioan Micula, European Food, Starmill, Multipack, European Drinks, Rieni Drinks, Scandic Distilleries, Transilvania General Import-Export u West Leasing International;

tordna, fl-Artikolu 2(2), li Viorel u Ioan Micula, European Food, Starmill, Multipack, European Drinks, Rieni Drinks, Scandic Distilleries, Transilvania General Import-Export u West Leasing International huma responsabbli in solidum għar-rimbors tal-għajnuna mill-Istat irċevuta minn kwalunkwe waħda minnhom;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

56

Fil-Kawżi T-624/15, T-694/15 u T-704/15, il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikorsi bħala infondati;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

57

B’applikazzjoni tal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura, dawn il-kawżi huma magħquda għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

58

Insostenn ta’ kull wieħed mir-rikorsi, ir-rikorrenti qajmu tmien motivi, uħud minnhom maqsuma f’diversi partijiet, li għandhom jiġu magħquda f’seba’ motivi u ppreżentati fl-ordni segwenti: l-ewwel nett, il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-Deċiżjoni kkontestata u fuq użu ħażin ta’ poter kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 351 TFUE u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt; it-tieni nett, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE; it-tielet nett, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi; ir-raba’ nett, il-motiv ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern; il-ħames nett, il-motiv ibbażat fuq id-determinazzjoni żbaljata tal-benefiċjarji tal-għajnuna u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni; is-sitt nett, il-motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi dwar l-irkupru tal-għajnuna; u, is-seba’ nett, il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ smigħ xieraq, tal-Artikolu 108(3) TFUE u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

Fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u l-inapplikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni għal sitwazzjoni preċedenti għall-adeżjoni tar-Rumanija

59

Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv ippreżentat fil-Kawża T‑704/15, ir-rikorrenti jipprevalixxu ruħhom, essenzjalment, min-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u fuq l-inapplikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni għal sitwazzjoni preċedenti għall-adeżjoni tar-Rumanija. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv ippreżentat fil-Kawżi T-624/15 u T-694/15, ir-rikorrenti jsostnu li kull vantaġġ possibbli kien ingħata qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali tqis li permezz tal-argumenti tagħhom, fil-Kawżi T‑624/15 u T-694/15, ir-rikorrenti jikkontestaw ukoll il-kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta d-Deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, peress li l-kwistjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni hija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, għandha tiġi eżaminata ex officio (ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C‑210/98 P, EU:C:2000:397, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Skont ir-rikorrenti, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex tadotta d-Deċiżjoni kkontestata, għaliex l-atti u l-omissjonijiet kollha li jikkostitwixxu l-fatti illegali internazzjonalment li t-tribunal tal-arbitraġġ sab lir-Rumanija responsabbli tagħhom fil-konfront tar-rikorrenti u li kkawżaw id-danni kkumpensati mid-deċiżjoni tal-arbitraġġ seħħew qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni. It-tieni nett, matul din il-proċedura, id-dritt tal-Unjoni, inkluż ir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ma kinux, bħala tali, applikabbli għar-Rumanija, u l-Kummissjoni ma setgħetx teżerċita l-kompetenzi mogħtija lilha mill-Artikolu 108 TFUE u mir-Regolament Nru 659/1999 b’mod vinkolanti fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija mill-awtoritajiet Rumeni. It-tielet nett, huwa irrilevanti li l-ħlas tad-danni mogħtija minħabba fatti internazzjonalment illegali li r-Rumanija wettqet fil-kuntest ġuridiku li kien japplika qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, seħħ, bħal f’dan il-każ, wara din l-adeżjoni.

61

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-Kawża T-704/15 isostnu li d-deċiżjoni tal-arbitraġġ ingħatat mit-tribunal tal-arbitraġġ minħabba l-aġir tal-awtoritajiet Rumeni fil-kuntest tal-abrogazzjoni tal-EGO fl-2005, li kiser l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti fl-arbitraġġ, u ma aġixxewx b’mod trasparenti għal dak li jirrigwarda l-abrogazzjoni ta’ miżuri ta’ inċentivi filwaqt li nżammu l-obbligi korrispondenti tal-imsemmija rikorrenti. Madankollu, meta seħħew dawn il-fatti, l-EGO ma kinitx suġġetta la għar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, u lanqas għall-kompetenza tal-Kummissjoni. Id-Deċiżjoni kkontestata titlaq mill-premessa żbaljata li l-EGO kienet għajnuna mill-Istat ipprojbita mid-dritt tal-Unjoni.

62

Skont ir-rikorrenti fil-Kawżi T-624/15 u T-694/15, id-dritt inkundizzjonat għall-kumpens minħabba ksur imwettaq mir-Rumanija u għalhekk kull vantaġġ possibbli kien mogħti fil-mument tal-ksur mir-Rumanija tal-BIT li jirriżulta mill-annullament tal-inċentivi previsti mill-EGO, jew fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-BIT li jimponi obbligi fuq ir-Rumanija lejn ir-rikorrenti, iżda fi kwalunkwe każ qabel l-adeżjoni. Għalhekk, kull ħlas abbażi tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ għandu jiġi kkunsidrat bħala ħlas ta’ għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 659/1999 u ma jistax jiġi rkuprat iktar.

63

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti u ssostni li hija kienet kompetenti sabiex tadotta d-Deċiżjoni kkontestata. Peress li d-deċiżjoni tal-arbitraġġ kienet ingħatat, parzjalment eżegwita u ser tkun eventwalment eżegwita b’mod sħiħ wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, ir-rikorrenti ma setgħux jiksbu d-dritt inkundizzjonat għad-danni li ngħata lilhom skont leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli biss wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni. Il-fatt li l-EGO qatt ma kienet direttament suġġetta għal eżami b’applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li l-allegat ksur tal-BIT twettaq qabel din l-adeżjoni huwa irrilevanti wkoll sabiex tiġi ddeterminata l-kompetenza tal-Kummissjoni f’dan il-każ. Il-Kummissjoni targumenta li fid-Deċiżjoni kkontestata, hija ma kkundannatx lir-Rumanija tirkupra l-għajnuna inizjalment mogħtija lir-rikorrenti fl-arbitraġġ skont l-EGO. Barra minn hekk, l-EGO, li tħassret fit-22 ta’ Frar 2005, ma tistax isservi bħala bażi legali għall-ħlas tal-kumpens mogħti lir-rikorrenti. Kieku dawn tal-aħħar setgħu jipprevalixxu ruħhom minn talba kontra r-Rumanija skont il-BIT meta l-inċentivi pprovduti mill-EGO ġew irrevokati, id-dritt inkundizzjonat għad-danni kollha mogħtija sussegwentement seta’ jitnissel biss wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni.

64

Skont il-Kummissjoni, l-għajnuna inkwistjoni kienet għalhekk ingħatat wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, u dan jew permezz tal-konverżjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ, permezz tar-rikonoxximent tagħha, bħala titolu legali nazzjonali validu, jew permezz tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ mir-Rumanija.

65

Fil-premessi 130 sa 140 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-miżura inkwistjoni, iddefinita fil-premessa 39 tal-imsemmija deċiżjoni bħala l-“ħlas tal-kumpens mogħti mit-Tribunal [tal-arbitraġġ] lir-rikorrenti bis-saħħa tad-Deċiżjoni [tal-arbitraġġ], bl-implimentazzjoni jew bl-eżekuzzjoni ta[l-imsemmija] Deċiżjoni, flimkien mal-imgħax li akkumula minn meta nħarġet dik id-Deċiżjoni”, għandhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat li, wara l-abrogazzjoni, fit-22 ta’ Frar 2005, tal-iskema stabbilita mill-EGO, ebda kumpannija oħra ma setgħet tikseb id-dritt għal għajnuna skont din l-iskema u li konsegwentement, it-talba għall-kumpens għad-danni sottomessa mir-rikorrenti fl-Istat Rumen tirriżulta biss mid-“Deċiżjoni [tal-arbitraġġ] flimkien mal-liġi domestika Rumena li tagħtiha effett legali fl-ordni legali domestiku tar-Rumanija”. Peress li d-deċiżjoni tal-arbitraġġ ingħatat u tirriskja li tiġi implimentata jew eżegwita wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, id-dritt inkundizzjonat previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali Rumena għad-danni mogħtija mit-tribunal tal-arbitraġġ ingħata biss lir-rikorrenti wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-fatt li la l-att tal-adeżjoni u lanqas it-Trattat FUE ma kienu applikabbli fir-Rumanija fil-mument li fih, kif isostnu r-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, ir-Rumanija naqset mill-obbligi tagħha skont il-BIT, billi ħassret l-iskema tal-għajnuna stabbilita mill-EGO, jew fil-mument li fih huma ppreżentaw l-azzjoni quddiem it-tribunal tal-arbitraġġ ma kienx rilevanti, għaliex ir-rikorrenti, fl-ebda wieħed minn dawn il-mumenti, ma kisbu dritt inkundizzjonat għall-ħlas ta’ danni mogħtija mit-tribunal tal-arbitraġġ, miżura li kienet is-suġġett tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li d-deċiżjoni tal-arbitraġġ kienet tat lir-rikorrenti ammont li jirrappreżenta l-vantaġġi previsti fil-kuntest tal-iskema revokata tal-EGO sad-data tal-iskadenza skedata tagħha kif ukoll danni għat-telf tal-possibbiltà li jaħżnu z-zokkor fl-2009 u għall-profitti mitlufa, u li matul il-parti l-kbira, jew mhux fil-perijodi kkonċernati kollha, ir-Rumanija kienet membru sħiħ tal-Unjoni u kienet direttament suġġetta għar-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Hija fakkret ukoll li l-iskema ta’ miżuri ta’ inċentivi prevista mill-EGO ma kinitx imsemmija bħala għajnuna eżistenti fl-att tal-adeżjoni. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ħlas tal-kumpens mogħti mit-tribunal tal-arbitraġġ lir-rikorrenti, li ser jitwettaq permezz tal-implimentazzjoni jew tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ, kien jikkostitwixxi għajnuna ġdida u għalhekk huwa suġġett għall-mekkaniżmu ta’ kontroll sħiħ tal-għajnuna mill-Istat previst fl-Artikoli 107 u 108 TFUE.

66

Skont l-Artikolu 2 tal-att tal-adeżjoni, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu lir-Rumanija sa mid-data tal-adeżjoni u għandhom japplikaw f’dan l-Istat Membru taħt il-kundizzjonijiet previsti f’dawk it-Trattati u f’dan l-att.

67

Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni sar applikabbli fir-Rumanija sa mill-adeżjoni tagħha mal-Unjoni fl-1 ta’ Jannar 2007. Għalhekk, huwa biss f’din id-data li l-Kummissjoni kisbet il-kompetenza li tippermettilha tipproċedi bl-istħarriġ tal-azzjoni tar-Rumanija skont l-Artikolu 108 TFUE (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2013, Rousse Industry vs Il-Kummissjoni, T‑489/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:144, punti 6364).

68

Madankollu, l-argumenti tar-rikorrenti, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-Deċiżjoni kkontestata, huma bbażati fuq il-premessa li l-fatti kollha seħħew, u kull vantaġġ possibbli kien ingħata, qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni. Isegwi li għall-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dawn l-argumenti, għandha tiġi stabbilita, fl-ewwel lok, id-data li fiha ngħatat l-allegata għajnuna.

69

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li skont il-ġurisprudenza, l-għajnuna mill-Istat għandha tiġi meqjusa bħala mogħtija fil-mument li d-dritt legali li jirċievi l-għajnuna jingħata lill-benefiċjarju skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, fil-kuntest tal-kundizzjonijiet kollha imposti mid-dritt nazzjonali għall-għoti tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2013, Magdeburger Mühlenwerke, C‑129/12, EU:C:2013:200, punti 4041, u tas-6 ta’ Lulju 2017, Nerea, C‑245/16, EU:C:2017:521, punt 32).

70

F’dan il-każ, l-ewwel nett, skont id-Deċiżjoni kkontestata, l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ hija intiża sabiex terġa’ tistabbilixxi s-sitwazzjoni li kienu jkunu fiha r-rikorrenti li kieku l-iskema prevista mill-EGO ma kinitx annullata (premessi 95 u 146 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 83 tad-Deċiżjoni kkontestata).

71

Issa mill-fatti li wasslu għall-kawża (ara l-punti 5 sa 15 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-fatti kollha marbuta mal-EGO, jiġifieri l-adozzjoni tal-EGO mir-Rumanija, il-kisba ta’ ċertifikati mill-kumpanniji rikorrenti li jippermettulhom jibbenefikaw mill-inċentivi previsti mill-EGO, id-dħul fis-seħħ tal-BIT, l-abrogazzjoni tal-inċentivi previsti mill-EGO u l-ksur imwettaq mir-Rumanija f’din l-okkażjoni kif ukoll it-tressiq tat-talba quddiem it-tribunal tal-arbitraġġ mir-rikorrenti fl-arbitraġġ, seħħew qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni fl-1 ta’ Jannar 2007.

72

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li f’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni tal-arbitraġġ, it-tribunal tal-arbitraġġ ikkonkluda li, billi ħassret l-inċentivi previsti mill-EGO qabel l-1 ta’ April 2009, ir-Rumanija minn naħa, kisret l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti fl-arbitraġġ u, min-naħa l-oħra, ma aġixxietx b’mod trasparenti fil-konfront tagħhom. Għalhekk, l-abrogazzjoni tal-inċentivi previsti mill-EGO tikkostitwixxi l-fatt li jikkawża danni li għalihom ġie mogħti l-kumpens lir-rikorrenti fid-deċiżjoni tal-arbitraġġ.

73

Kif jirriżulta mill-premessa 146 u min-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 83 tad-Deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjoni tal-arbitraġġ hija intiża għalhekk sabiex tikkumpensa b’mod “retroattiv” l-abrogazzjoni tal-EGO fl-2005, jiġifieri l-effetti ta’ kumpens li hija toħloq japplikaw għall-passat.

74

Isegwi li permezz tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ, it-tribunal tal-arbitraġġ iddetermina biss id-dannu eżatt subit mir-rikorrenti minħabba l-abrogazzjoni tal-EGO u kkalkola l-ammont tad-danni korrispondenti għad-dritt għall-kumpens li tnissel fil-mument tal-ksur imwettaq mir-Rumanija fl-2005.

75

Minn dan jirriżulta li d-dritt li jirċievu kumpens fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 69 iktar ’il fuq tnissel fil-mument li r-Rumanija rrevokat l-inizjattivi previsti mill-EGO fl-2005. Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li kkonstatat il-Kummissjoni, b’mod partikolari, fil-premessa 134 tad-Deċiżjoni kkontestata, id-dritt li jirċievu l-kumpens mogħti mit-tribunal tal-arbitraġġ ma kienx mogħti lir-rikorrenti biss wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni (ara l-punt 65 iktar ’il fuq).

76

It-tielet nett, huwa minnu li d-deċiżjoni tal-arbitraġġ, li tikkonstata l-ksur imwettaq mir-Rumanija waqt l-abrogazzjoni tal-EGO u li tiddetermina l-kumpens li għandu jitħallas lir-rikorrenti f’dan ir-rigward, ingħatat fl-2013 u għalhekk wara l-imsemmija adeżjoni.

77

Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 74 iktar ’il fuq, it-tribunal tal-arbitraġġ iddetermina biss id-dannu subit mir-rikorrenti skont il-ksur imwettaq mir-Rumanija fl-2005. Ladarba d-deċiżjoni tal-arbitraġġ hija biss element aċċessorju tal-kumpens inkwistjoni u bħala tali ma hijiex diviżibbli mill-miżuri ta’ inċentivi fiskali preċedenti, hija ma tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida u tibbaża l-kompetenza tal-Kummissjoni u l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni fuq fatti li kollha seħħew fil-passat, jiġifieri l-fatti fl-oriġini tal-kawżi li huma preċedenti għall-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni (ara f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2013, Rousse Industry vs Il‑Kummissjoni, T‑489/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:144, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2014, Rousse Industry vs Il-Kummissjoni, C‑271/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:175).

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li d-dritt tar-rikorrenti li jirċievu l-kumpens inkwistjoni tnissel u beda jkollu effett fil-mument li r-Rumanija rrevokat l-EGO 24, jiġifieri qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, u, għalhekk, li l-mument li dan id-dritt ġie mogħti lir-rikorrenti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 69 iktar ’il fuq, huwa preċedenti għall-adeżjoni. Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjoni tal-arbitraġġ hija biss rikonoxximent ta’ dan id-dritt u, min-naħa l-oħra, il-ħlas imwettaq fl-2014 jirrappreżenta biss l-eżekuzzjoni tal-imsemmi dritt imnissel fl-2005.

79

Barra minn hekk, peress li d-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari, l-Artikoli 107 u 108 TFUE ma kinux applikabbli fir-Rumanija qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Electrabel u Dunamenti Erőmű vs Il-Kummissjoni, C‑357/14 P, EU:C:2015:642, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Kummissjoni ma tistax teżerċita l-kompetenzi mogħtija lilha mill-Artikolu 108 TFUE u b’mod partikolari ma tistax tissanzjona l-inċentivi previsti mill-EGO għall-perijodu preċedenti għall-imsemmija adeżjoni. Fil-fatt, huwa biss ma’ din l-adeżjoni li l-Kummissjoni kisbet il-kompetenza li tippermettilha tipproċedi bl-istħarriġ tal-azzjoni tar-Rumanija skont l-Artikolu 108 TFUE (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2013, Rousse Industry vs Il-Kummissjoni, T‑489/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:144, punt 63, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2014, Rousse Industry vs Il‑Kummissjoni, C‑271/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:175).

80

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat, kif jagħmlu r-rikorrenti, li l-fatt li l-kumpens tħallas wara l-imsemmija adeżjoni ma huwiex rilevanti f’dan il-kuntest, għaliex dan il-ħlas imwettaq fl-2014 jirrappreżenta l-eżekuzzjoni ta’ dritt imnissel fl-2005.

81

Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-għan tal-miżura inkwistjoni bħala l-“ħlas tal-kumpens mogħti mit-Tribunal [tal-arbitraġġ] lir-rikorrenti bis-saħħa tad-Deċiżjoni [tal-arbitraġġ], bl-implimentazzjoni jew bl-eżekuzzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni, flimkien mal-imgħax li akkumula minn meta nħarġet [l-imsemmija] Deċiżjoni” (premessa 39 tad-Deċiżjoni kkontestata).

82

Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ddeċidietx espressament dwar il-legalità tal-EGO, jirriżulta b’mod partikolari, mill-premessi 24, 25, 95 u 146 tad-Deċiżjoni kkontestata li hija kkunsidrat li l-ħlas tal-kumpens mogħti mit-tribunal tal-arbitraġġ kien inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, peress li huwa intiż sabiex jerġa’ jistabbilixxi l-inċentivi pprovduti mill-EGO li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni għamlet rabta diretta bejn dan il-ħlas u l-iskema tal-inċentivi prevista mill-EGO u li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-ħlas tal-kumpens kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE kienet ibbażata fuq l-idea li l-inċentivi previsti mill-EGO kienu huma nnifishom inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

83

Skont ġurisprudenza stabbilita, regola ġdida tapplika fil-prinċipju immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni mnissla taħt l-iskema tar-regola l-qadima (ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C‑334/07 P, EU:C:2008:709, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

Madankollu, f’dan il-każ, minħabba n-natura speċifika tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ, li tirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 146 tad-Deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-effetti ta’ din id-deċiżjoni jikkostitwixxu l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni mnissla qabel l-adeżjoni fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 83 iktar ’il fuq, għaliex din ipproduċiet, b’mod retroattiv, effetti miksuba definittivament li hija “kkonstatat” biss għall-passat, jiġifieri effetti li kienu diġà parzjalment stabbiliti qabel l-adeżjoni.

85

Fil-fatt, fil-premessa 146 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li “l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni [tal-arbitraġġ] terġa’ tistabbilixxi s-sitwazzjoni li r-rikorrenti, b’kull probabbiltà, kienu jkunu fiha kieku r-Rumanija ma rrevokatx l-[EGO] [u li din] kien[et] [t]ikkostitwixx[i] għajnuna operatorja”.

86

Madankollu, peress li l-inċentivi previsti mill-EGO kienu rrevokati fl-2005 u għalhekk qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma kienet kompetenti sabiex tevalwa n-natura suppost illegali fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, tal-inqas għal dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni. Bl-istess mod peress li d-dritt għall-kumpens inkwistjoni kien tnissel fil-mument ta’ din l-abrogazzjoni (ara l-punt 75 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni lanqas ma setgħet tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tiegħu għal dan l-istess perijodu.

87

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li f’dan il-każ, it-tribunal tal-arbitraġġ ma kellux japplika d-dritt tal-Unjoni għall-fatti li tressqu quddiemu li seħħew qabel l-adeżjoni, għall-kuntrarju tal-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punti 38 sa 41).

88

Barra minn hekk, peress li l-fatti kollha tal-kawża meħuda inkunsiderazzjoni mit-tribunal tal-arbitraġġ seħħew qabel din l-adeżjoni, id-deċiżjoni tal-arbitraġġ ma jistax ikollha l-effett li tirrendi lill-Kummissjoni kompetenti u d-dritt tal-Unjoni applikabbli għal dawn il-fatti preċedenti sa fejn dawn ipproduċew l-effetti tagħhom qabel l-imsemmija adeżjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Ynos, C‑302/04, EU:C:2006:9, punti 2536).

89

Kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 135 tad-Deċiżjoni kkontestata, mid-deċiżjoni tal-arbitraġġ jirriżulta li l-ammonti mogħtija bħala kumpens għad-danni riżultanti mill-ksur imwettaq mir-Rumanija kienu kkalkolati mit-tribunal tal-arbitraġġ għall-perijodu ta’ bejn id-data tal-abrogazzjoni tal-EGO, fit-22 ta’ Frar 2005, sad-data tal-iskadenza skedata tiegħu, l-1 ta’ April 2009. Dan il-perijodu jkopri, ċertament, 27 xahar li matulhom ir-Rumanija kienet diġà membru tal-Unjoni kif ukoll il-possibbiltà ta’ ħażna taz-zokkor fl-2009 u l-profitti mitlufa fil-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u l-31 ta’ Awwissu 2011.

90

Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-ammonti mogħtija bħala kumpens għall-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, jiġifieri l-perijodu ta’ bejn it-22 ta’ Frar 2005 u l-31 ta’ Diċembru 2006, ma jistgħux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 69, 79 u 88 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni eżerċitat il-kompetenzi tagħha b’mod retroattiv fir-rigward ta’ sitwazzjoni preċedenti għall-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni tal-inqas għal dak li jirrigwarda dawn l-ammonti.

91

Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-ammonti mogħtija għall-kumpens tal-perijodu ta’ wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, jiġifieri l-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-1 ta’ April 2009, anki jekk jiġi preżunt li l-ħlas ta’ kumpens relattiv għal dan il-perijodu jista’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna inkompatibbli, peress li l-Kummissjoni ma għamlitx distinzjoni bejn il-perijodi ta’ kumpens għad-dannu subit mir-rikorrenti qabel jew wara l-adeżjoni, hija fi kwalukwe każ qabżet il-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

92

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat b’mod retroattiv il-kompetenzi li hija kellha skont l-Artikolu 108 TFUE u r-Regolament Nru 659/1999 għal fatti preċedenti għall-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tikklassifika l-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

93

Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑704/15 u l-ewwel parti tat-tieni motiv ippreżentat fil-Kawżi T‑624/15 u T‑694/15 għandhom jiġu milqugħa.

Fuq l-iżball fil-klassifikazzjoni tal-vantaġġ u tal-għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ

94

Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv fil-Kawżi T-624/15 u T-694/15 u tal-ewwel parti tat-tieni motiv fil-Kawża T-704/15, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni tal-arbitraġġ ma tagħtihomx vantaġġ ekonomiku, iżda hija intiża għall-kumpens tad-dannu subit minnhom. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-imsemmija deċiżjoni ma terġax tistabbilixxi l-EGO, iżda tagħtihom kumpens għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi tar-Rumanija previsti mill-BIT u b’mod partikolari għall-fatt li din żammet l-obbligi korrispondenti tal-investituri minkejja li l-inċentivi kienu rrevokati. Ir-rikorrenti, li inizjalment kienu talbu lit-tribunal tal-arbitraġġ jerġa’ jistabbilixxi l-EGO, kienu espressament bidlu t-talbiet tagħhom f’dan is-sens. Il-Kummissjoni kkonċentrat b’mod żbaljat fuq il-mod li bih it-tribunal tal-arbitraġġ kien ikkalkola l-kumpens pjuttost milli fuq ir-raġuni tal-għoti tiegħu. Dan il-kalkolu tal-kumpens ma huwiex rilevanti f’dan il-każ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex teżamina mill-ġdid kumpens għar-raġuni li hija ma taqbilx mal-metodu tal-kalkolu magħżul. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma pprovatx li l-ammonti mogħtija kienu jirrappreżentaw bl-eżatt l-ammont tar-rimborsi u l-eżenzjonijiet li r-rikorrenti kienu kisbu skont l-EGO għall-perijodu kkonċernat u li għalhekk id-deċiżjoni tal-arbitraġġ kienet effettivament terġa’ tistabbilixxi din l-iskema. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Asteris et, 106/87 sa 120/87, EU:C:1988:457), l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ ma tathomx vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

95

Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-arbitraġġ ma għandhiex l-effett li tikkumpensa lir-rikorrenti għar-revoka ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli. Il-Kummissjoni titlaq mill-premessa żbaljata li l-EGO kienet għajnuna mill-Istat ipprojbita mid-dritt tal-Unjoni. Ir-rikorrenti jsostnu li, fil-mument tal-fatti previsti mid-deċiżjoni tal-arbitraġġ, l-EGO ma kinitx suġġetta għad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li l-Kummissjoni tipprova teżerċita l-kompetenzi tagħha fuq l-imsemmija fatti b’mod retroattiv. Fi kwalunkwe każ, skont ir-rikorrenti, dan huwa vantaġġ miksub “f’kundizzjonijiet normali tas-suq”, għaliex il-ħlas huwa l-konsegwenza awtomatika tal-kundanna mid-deċiżjoni tal-arbitraġġ. Finalment, il-pożizzjoni li l-BIT huwa vvizzjat b’nullità hija żbaljata.

96

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tikkontesta dawn l-argumenti. Fil-fehma tagħha, huwa manifest li l-ħlas tal-kumpens mogħti wara deċiżjoni favorevoli għar-rikorrenti, li kien jirrappreżenta l-ammonti previsti mill-għajnuna illeċita u illegali li kienet prevista, jikkostitwixxi fih innifsu l-għoti indirett ta’ għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tippreċiża li hija qatt ma ppretendiet li d-deċiżjoni tal-arbitraġġ terġa’ tistabbilixxi de jure l-EGO, iżda pjuttost fid-Deċiżjoni kkontestata kkonkludiet li l-imsemmija deċiżjoni terġa’ tistabbilixxi de facto l-inċentivi previsti mill-EGO, peress li d-deċiżjoni tal-arbitraġġ tqiegħed biss lir-rikorrenti fl-arbitraġġ fl-istess sitwazzjoni li probabbilment kienu jkunu fiha kieku l-EGO ma ġietx irrevokata fl-2005. It-tribunal tal-arbitraġġ qajjem ir-rabta kawżali bejn il-ksur tal-BIT u l-kumpens mogħti billi rrefera esklużivament għar-revoka tal-inċentivi previsti mill-EGO, iżda ma jsemmi ebda dannu li jirriżulta miż-żamma tal-obbligi tal-investituri jew min-nuqqas ta’ trasparenza. Dan il-każ huwa fundamentalment differenti minn dak tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Asteris et (106/87 sa 120/87, EU:C:1988:457).

97

Ir-Renju ta’ Spanja żied li l-kumpens inkwistjoni jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, peress li t-tribunal tal-arbitraġġ kien ġie adit ftit wara l-abrogazzjoni tal-EGO u li l-kalkolu stess tal-kumpens kien imwettaq skont metodu simili ħafna għal dak previst mill-imsemmija EGO. Hija preċiżament l-abrogazzjoni antiċipata ta’ din l-iskema li hija fundamentalment l-oriġini ta’ kull tilwima. Barra minn hekk, ebda individwu ma għandu d-dritt individwali għal għajnuna mill-Istat, tkun xi tkun il-forma tagħha u irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk l-Istat kienx taha qabel.

98

Fil-premessa 95 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi dan li ġej:

“[H]uwa ċar li permezz tal-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni, ir-Rumanija tagħti lir-rikorrenti [fl-arbitraġġ] ammont li jikkorrispondi eżattament għall-vantaġġi previsti taħt l-iskema abolita tal-[EGO] mill-mument li ġiet revokata (22 ta’ Frar 2005) sal-iskadenza skedata tagħha (1 ta’ April 2009). B’mod aktar preċiż, l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni de facto tirrimborża d-dazji doganali ċċarġjati fuq iz-zokkor u materja prima oħra impurtati bejn it-22 ta’ Frar 2005 u l-31 ta’ Marzu 2009, kif ukoll id-dazji doganali ċċarġjati fuq iz-zokkor impurtat li r-rikorrenti [fl-arbitraġġ] kienu jevitaw kieku kellhom l-opportunità li jaħżnu għal quddiem iz-zokkor qabel l-iskadenza skedata tal-faċilitajiet tal-[EGO] fil-31 ta’ Marzu 2009. Barra minn hekk, sabiex jassigura li r-rikorrenti [fl-arbitraġġ] jibbenefikaw b’mod sħiħ minn ammont korrispondenti għal dak tal-iskema abolita u ‘jitpoġġa lura fil-pożizzjoni li b’kull probabbiltà’ kien ikun fiha’, it-Tribunal ta wkoll imgħax u kumpens għall-allegati opportunità mitlufa u l-profitt mitluf. Fil-fatt, l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni terġa’ tistabbilixxi s-sitwazzjoni li r-rikorrenti [fl-arbitraġġ], b’kull probabbiltà, kienu jkunu fiha kieku qatt ma ġiet revokata l-iskema tal-[EGO]”.

99

Il-Kummissjoni tosserva wkoll, fil-premessa 99 tad-Deċiżjoni kkontestata, li “bil-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni tiegħu li jagħti kumpens għaż-żieda fil-prezzijiet u t-telf tal-abilità ta’ ħażna għal quddiem, kif ukoll għall-profitti mitlufa, it-Tribunal [tal-arbitraġġ] irrefera biss għad-danni mġarrba mir-rikorrenti b’riżultat tar-revoka tal-inċentivi tal-[EGO]”.

100

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 107(1) TFUE jipprovdi li “[ħ]lief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkumpatibbli mas-suq intern”.

101

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha msemmija minn din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti. Għalhekk, l-ewwel, irid ikun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni, l-intervent għandu jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, irid jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji. Ir-raba’, għandu jwassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, BVVG, C‑39/14, EU:C:2015:470, punti 2324 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102

Il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif stabbilit fit-Trattat FUE, huwa ta’ natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala regola ġenerali u fid-dawl kemm tal-elementi konkreti tal-kawża ppreżentata quddiemha u kemm tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, BNP Paribas u BNL vs Il-Kummissjoni, C‑452/10 P, EU:C:2012:366, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103

Barra minn hekk, il-kumpens tad-dannu subit ma jistax jiġi kkunsidrat bħala għajnuna, ħlief jekk iwassal għall-kumpens tal-irtirar ta’ għajnuna illegali jew inkompatibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Asteris et, 106/87 sa 120/87, EU:C:1988:457, punti 2324), kif tfakkar il-Kummissjoni fil-premessa 104 tad-Deċiżjoni kkontestata. Din il-premessa 104 tikkonferma li l-Kummissjoni tikkunsidra li d-deċiżjoni tal-arbitraġġ hija għajnuna inkompatibbli, għaliex tikkumpensa l-irtirar ta’ miżura li hija tqis bħala għajnuna inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

104

Madankollu, mill-analiżi tal-ewwel parti tal-ewwel motiv ippreżentat fil-Kawża T‑704/15 u tal-ewwel parti tat-tieni motiv ippreżentat fil-Kawżi T‑624/15 u T‑694/15 jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma japplikax għall-kumpens għall-irtirar tal-EGO, tal-inqas għall-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni, għaliex id-deċiżjoni tal-arbitraġġ, li kkonstatat l-eżistenza ta’ dritt għal kumpens imnissel fl-2005, ma kellhiex l-effett li tagħti bidu għall-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni u tal-kompetenza tal-Kummissjoni għal dan il-perijodu preċedenti.

105

Għalhekk, il-kumpens għall-irtirar tal-iskema tal-EGO, tal-inqas għall-ammonti li jikkorrispondu għall-perijodu ta’ bejn it-22 ta’ Frar 2005 u l-1 ta’ Jannar 2007, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-kumpens għall-irtirar ta’ għajnuna illegali jew inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

106

Peress li d-dritt tal-Unjoni ma japplikax għall-kumpens għall-irtirar tal-EGO, tal-inqas għall-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni, ir-rikorrenti jistgħu, tal-inqas għal dan il-perijodu, jipprevalixxu ruħhom mis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Asteris et (106/87 sa 120/87, EU:C:1988:457).

107

Madankollu, mill-analiżi tal-ewwel parti tal-ewwel motiv ippreżentat fil-Kawża T-704/15 u tal-ewwel parti tat-tieni motiv ippreżentat fil-Kawżi T-624/15 u T-694/15 jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandhiex kompetenza u li d-dritt tal-Unjoni ma japplikax għall-iskema tal-EGO, għall-abrogazzjoni tagħha u għall-kumpens għal din l-abrogazzjoni, għaliex id-deċiżjoni tal-arbitraġġ, li kkonstatat l-eżistenza ta’ dritt għal kumpens fl-2013, ma kellhiex l-effett li tagħti bidu għall-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni u għall-kompetenza tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ inċentivi fiskali preċedenti tal-EGO, u għalhekk, għall-kumpens inkwistjoni li huwa konsegwenza tagħhom.

108

Għalhekk, peress li l-kumpens inkwistjoni jkopri, tal-inqas parzjalment, perijodu ta’ qabel l-adeżjoni (bejn it-22 ta’ Frar 2005 u l-1 ta’ Jannar 2007) u li l-Kummissjoni ma għamlet ebda distinzjoni, fost l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati, bejn dawk relattivi għall-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni u dawk relattivi għall-perijodu ta’ wara l-adeżjoni, id-deċiżjoni li permezz tagħha hija kklassifikat bħala għajnuna l-kumpens kollu hija neċessarjament ivvizzjata b’illegalità.

109

Jirriżulta li d-Deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’illegalità sa fejn hija tikklassifika bħala vantaġġ u għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE l-għoti, mit-tribunal tal-arbitraġġ, kumpens intiż sabiex jikkumpensa d-danni li jirriżultaw mill-irtirar tal-miżuri ta’ inċentivi fiskali, tal-inqas għall-perijodu ta’ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-dritt tal-Unjoni fir-Rumanija.

110

Konsegwentement, it-tieni parti tat-tieni motiv ippreżentat fil-Kawżi T-624/15 u T-694/15 u l-ewwel parti tat-tieni motiv ippreżentat fil-Kawża T-704/15 għandhom jiġu milqugħa.

111

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, id-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata kollha, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-partijiet l-oħra ta’ dawn il-motivi u lanqas il-motivi l-oħra.

Fuq l-ispejjeż

112

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

113

Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

114

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jkunu intervjenew fil-proċeduri għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Renju ta’ Spanja u l-Ungerija għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-Kawżi T‑624/15, T‑694/15 u T‑704/15 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

 

2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1470, tat-30 ta’ Marzu 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38517 (2014/C) (ex 2014/NN) et seq implimentata mir-Rumanija — Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ Micula vs ir-Rumanija tal-11 ta’ Diċembru 2013, hija annullata.

 

3)

Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn European Food SA, Starmill SRL, Multipack SRL, Scandic Distilleries SA, Ioan u Viorel Micula, European Drinks SA, Rieni Drinks SA, Transilvania General Import-Export SRL u West Leasing International SRL.

 

4)

Ir-Renju ta’ Spanja u l-Ungerija għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Prek

Buttigieg

Schalin

Berke

Costeira

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Ġunju 2019.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top