Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TJ0435

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-10 ta’ Ottubru 2017.
    Kolachi Raj Industrial (Private) Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Dumping – Importazzjoni ta’ roti kkunsinnati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini – Estensjoni għal dawn l-importazzjonijiet tad-dazju antidumping definittiv stabbilit fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/776 – Artikolu 13(2)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Operazzjonijiet ta’ assemblaġġ – Provenjenza u oriġini ta’ komponenti tar-roti – Ċertifikati ta’ oriġini – Valur probatorju insuffiċjenti – Spejjeż tal-manifattura ta’ komponenti tar-roti.
    Kawża T-435/15.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2017:712

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

    10 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )

    “Dumping – Importazzjoni ta’ roti kkunsinnati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini – Estensjoni għal dawn l-importazzjonijiet tad-dazju antidumping definittiv stabbilit fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/776 – Artikolu 13(2)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Operazzjonijiet ta’ assemblaġġ – Provenjenza u oriġini ta’ komponenti tar-roti – Ċertifikati ta’ oriġini – Valur probatorju insuffiċjenti – Spejjeż tal-manifattura ta’ komponenti tar-roti”

    Fil-Kawża T‑435/15,

    Kolachi Raj Industrial (Private) Ltd, stabbilita f'Karachi (il-Pakistan), irrappreżentata minn P. Bentley, QC,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland, M. França u A. Demeneix, bħala aġenti,

    konvenuta,

    sostnuta minn

    European Bicycle Manufacturers Association (EBMA), irrappreżentata minn L. Ruessmann, avukat, u J. Beck, solicitor,

    intervenjenti,

    li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/776, tat-18 ta’ Mejju 2015, li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal fuq importazzjonijiet ta’ roti kkonsenjati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini kif ukoll jekk le (ĠU 2015, L 122, p. 4), sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

    komposta minn V. Tomljenović, President, A. Marcoulli u A. Kornezov (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-17 ta’ Mejju 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Permezz tar-Regolament (KEE) Nru 2474/93, tat-8 ta’ Settembru 1993, li jimponi dazju definittiv anti-dumping lejn il-Komunità ta’ biċikletti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u jiġbor definittivament id-dazju proviżorju anti-dumping (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 51, p. 3), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea stabbilixxa dazju antidumping definittiv ta’ 30.6 % fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina.

    2

    Wara eżami mill-ġdid tal-iskadenza ta’ miżuri miftuħ skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 1, p. 45), il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1524/2000, tal-10 ta’ Lulju 2000, li jimponi dazju definttiv kontra l-iddampjar fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 319), iddeċieda li jżomm id-dazju antidumping imsemmi iktar ’il fuq.

    3

    Sussegwentement għal eżami mill-ġdid interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 384/96, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1095/2005, tat-12 ta’ Lulju 2005, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw fil-Vjetnam, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1524/2000 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw fir- Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2005, L 352M, p. 192), għolla d-dazju antidumping fis-seħħ għal 48.5 % fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina.

    4

    Il-Kunsill, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011, tat-3 ta’ Ottubru 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, wara eżami mill-ġdid ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2011, L 261, p. 2), iddeċieda li jżomm id-dazju antidumping fis-seħħ għal 48.5 %.

    5

    F’Mejju 2013, wara eżami mill-ġdid interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, u rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22, iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”), fis-seħħ dak iż-żmien, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 502/2013, tad-29 ta’ Mejju 2013, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 (ĠU 2013, L 153, p. 17) u ddeċieda li jżomm id-dazju antidumping fis-seħħ għal 48.5 %, ħlief għar-roti esportati minn tliet impriżi, li għalihom ġew attribwiti rati individwali ta’ dazju.

    6

    Wara investigazzjoni kontra l-evażjoni mwettqa skont l-Artikolu 13 tar-regolament bażiku, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 501/2013, tad-29 ta’ Mejju 2013, li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le (ĠU 2013, L 153, p. 1).

    7

    Wara li rċeviet ilment ġdid fl-2014, li jirrigwarda din id-darba il-possibbiltà ta’ evażjoni tad-dazji antidumping li tinvolvi l-produtturi-esportaturi ta’ roti stabbiliti fil-Kambodja, fil-Pakistan u fil-Filippini, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 938/2014, tat-2 ta’ Settembru 2014, li jiftaħ investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina b’importazzjonijiet ta’ roti kkunsinjati mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU 2014, L 263, p. 5, u rettifika ĠU 2014, L 341, p. 31). Matul din l-investigazzjoni, li tirrigwarda l-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u l-31 ta’ Awwissu 2014 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”), ir-rikorrenti, Kolachi Raj Industrial (Private) Ltd, kumpannija b’ responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt tal-Pakistan, irċeviet mill-Kummissjoni “Formola għall-kumpanniji li jitolbu eżenzjoni minn estensjoni eventwali tad-dazji” (iktar ’il quddiem il-“formola”), li hija mliet u bagħtet lura fis-17 ta’ Ottubru 2014.

    8

    Mill-indikazzjonijiet ipprovduti fil-formola, kien jidher li r-rikorrenti kienet tixtri komponenti tar-roti li ġejjin mis-Sri Lanka u miċ-Ċina sabiex jiġu mmuntati f’roti fil-Pakistan. Sa fejn ir-rikorrenti ma kinitx speċifikat li hija kienet tipproduċi wkoll komponenti f’dan il-pajjiż tal-aħħar, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-valur miżjud tal-komponenti mdaħħla matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni tal-manifattura ma kienx ogħla minn 25 % tal-ispiża tal-manifattura fis-sens tal-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku.

    9

    Ir-rikorrenti annettiet mal-formola t-tabella F.2 li telenka x-xiri tal-komponenti kollha mwettaq minnha matul il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Settembru 2013 u l-31 ta’ Awwissu 2014 (iktar ’il quddiem il-“perijodu tar-rapport”). Minn din it-tabella jirriżulta li ħames kumpanniji ġew indikati bħala l-fornituri tar-rikorrenti, jiġifieri Creative Cycles Pvt Ltd, Great Cycles Pvt Ltd, Continental Cycles Pvt Ltd, Kelani Cycles Pvt Ltd u Flying Horse Pvt Ltd. F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu, kif tiddikjara l-Kummissjoni, li r-rikorrenti ma mlietx il-kolonna “kollegati jew indipendenti” tal-imsemmija tabella, li tippermetti li jiġu stabbiliti rabtiet mal-fornituri tagħha, għandu jiġi, madankollu, speċifikat li hija semmiet l-eżistenza ta’ rabtiet bejnha u Great Cycles, billi indikat, fil-paġna 11 tal-formola, li l-proprjetarju tagħha u dak ta’ Great Cycles huwa l-istess persuna.

    10

    Fis-27 ta’ Novembru 2014, fuq talba tar-rikorrenti stess, inżamm smigħ tagħha mill-Kummissjoni, li matulu din għamlet għadd ta’ kjarifiki u sostniet is-sostanza tal-elementi li jinsabu fil-formola, jiġifieri li, matul il-perijodu tar-rapport, hija wettqet operazzjonijiet ta’ assemblaġġ ta’ roti fil-Pakistan, iżda li inqas minn 60 % tal-valur tal-komponenti użati f’dawn l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ kienu ġejjin miċ-Ċina u li, għaldaqstant, dawn l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ ma kinux jikkostitwixxu evażjoni tal-miżuri fis-seħħ fis-sens tal-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku.

    11

    Il-Kummissjoni fformulat, wara dan is-smigħ, talba għal informazzjoni ulterjuri, li r-rikorrenti rrispondiet għaliha fis-16 ta’ Jannar 2015, li permezz tagħha hija mhux biss irrikonoxxiet rabta bejnha u Great Cycles, iżda rrikonoxxiet ukoll rabta bejnha u Creative Cycles u Continental Cycles, bl-ispeċifikazzjoni, fil-punt 2 tat-tweġiba tagħha, li hija ma kinitx semmiet lil dawn iż-żewġ kumpanniji tal-aħħar inizjalment, peress li l-ewwel waħda “kienet temmet l-attività tagħha” u t-tieni waħda kienet “diġà għalqet”.

    12

    Żjara ta’ verifika twettqet fis-17 u fit-18 ta’ Frar 2015, mhux, kif inizjalment previst, fil-bini tar-rikorrenti f’Karachin (il-Pakistan), iżda, għal raġunijiet ta’ sigurtà, bil-kunsens tar-rikorrenti, f’Katunayake (is-Sri Lanka), fil-bini ta’ Great Cycles, fejn id-dokumenti ta’ kontabbiltà kienu ġew ittrasferiti għall-finijiet tal-verifika. L-għan ta’ din il-verifika kien, b’mod partikolari, li jiġi ddeterminat jekk il-proporzjon tal-komponenti li ġejjin miċ-Ċina kienx inqas minn 60 % tal-valur tal-komponenti kollha użati fl-operazzjoni ta’ assemblaġġ imwettqa mir-rikorrenti fil-Pakistan. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tiffoka l-investigazzjoni tagħha fuq id-data li tirrigwarda wieħed mill-fornituri tar-rikorrenti, jiġifieri Flying Horse, minħabba li din kienet tixtri mingħandha 93 % tal-komponenti tar-roti użati fl-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ tagħha fil-Pakistan. Mill-elementi inklużi fit-tabella F.2, kien jirriżulta f’dan ir-rigward li ma kinitx teżisti rabta bejn l-imsemmi fornitur u r-rikorrenti, u, mill-elementi pprovduti minnha waqt il-verifika fuq il-post, kien jirriżulta li dan il-fornitur kien intermedjarju li kien jixtri komponenti fi kwantitajiet kważi indaqs – rispettivament, 46 % u 47 % tal-komponenti tar-roti kollha użati fl-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ tar-rikorrenti fil-Pakistan – miċ-Ċina u mis-Sri Lanka u kien ibigħhom mill-ġdid lir-rikorrenti. Għall-bqija, din tal-aħħar kienet tixtri direttament minn fornituri mis-Sri Lanka u mill-Kambodja.

    13

    Irriżulta li Flying Horse kienet tixtri ammont sinjifikattiv ta’ frejms, frieket, rimmijiet tal-liga u roti tal-plastik mingħand Great Cycles, manifattur ta’ komponenti tar-roti stabbilit fis-Sri Lanka, li teżisti rabta bejnha u r-rikorrenti, kif indikat fil-punt 9 iktar ’il fuq. Ir-roti u t-tejp tar-rimmijiet kienu, għall-kuntrarju, jinxtraw mingħand Vechenson Limited, manifattur ta’ komponenti tar-roti stabbilit ukoll fis-Sri Lanka u li ma għandha l-ebda rabta mar-rikorrenti. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dan tal-aħħar huwa “manifattur awtentiku tar-roti” (punt 27 tar-risposta). Peress li rrilevat serje ta’ anomaliji, bħall-eżistenza ta’ dejn mhux imħallas ta’ USD 5277325 (dollari Amerikani) tar-rikorrenti lill-fornitur tagħha Flying Horse, somma li tikkorrispondi għal iktar minn 90 % tal-ammont tal-bejgħ imwettaq mir-rikorrenti fl-Unjoni Ewropea matul il-perijodu tar-rapport, it-twettiq minn Flying Hourse ta’ marġni varjabbli ħafna mill-bejgħ tagħha lir-rikorrenti, fid-dawl tal-prezz iffatturat lil Flying Horse minn Great Cycles, li jmur minn bejgħ b’telf għal marġni ta’ madwar 20 %, u l-eżistenza ta’ diversi fatturi, maħruġa jew minn Flying Horse lir-rikorrenti, jew direttament minn Great Cycles u indirizzati lil din tal-aħħar, bl-istess numru u li fir-rigward tal-istess kwantitajiet u tal-istess ammonti, il-Kummissjoni qajmet dubju fuq ir-relazzjoni bejn ir-rikorrenti u l-imsemmi fornitur.

    14

    Il-Kummissjoni kellha xi dubji wkoll, fid-dawl ta’ dawn il-prattiki, dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-komponenti tar-roti li ġejjin mis-Sri Lanka u ddikjarati mir-rikorrenti bħala li joriġinaw minn dan il-pajjiż kinux effettivament ġejjin minn hemm. Ir-rikorrenti pprovdiet f’dan ir-rigward iċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” maħruġa mill-Ministeru tal-Kummerċ tar-Repubblika Soċjalista Demokratika ta’ Sri Linka għall-komponenti tar-roti mixtrija, minn naħa, mill-intermedjarju ta’ Flying Hourse, mingħand Great Cycles u, min-naħa l-oħra, mingħand Vechenson. Fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni talbet ukoll li tingħata d-dokumenti ta’ sostenn ipprovduti insostenn tat-talba għal kisba taċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formala A”, talba li r-rikorrenti wieġbet għaliha.

    15

    Ir-rikorrenti għalhekk bagħtet lill-Kummissjoni ċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A,” kif ukoll id-dokumenti ta’ sostenn relatati magħha dwar, l-ewwel nett, l-esportazzjonijiet imwettqa minn Vechenson u, it-tieni nett, dawk imwettqa minn Great Cycles. Il-Kummissjoni aċċettat bħala provi tal-oriġini mis-Sri Lanka tal-komponenti tar-roti ċ-ċertifikati relatati ma’ Vechenson, iżda rrifjutat dawk relatati ma’ Great Cycles. Fir-rigward ta’ dawn l-aħħar ċertifikati ta’ oriġini “Formola A”, il-Kummissjoni eżaminat żewġ dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż li jirrigwardaw il-frejms u l-frieket, l-ewwel waħda tas-17 ta’ Diċembru 2012 u t-tieni waħda tat-12 ta’ Diċembru 2013. It-tnejn li huma kellhom it-timbru tal-Ministeru tal-Kummerċ tar-Repubblika Soċjalista Demokratika ta’ Sri Lanka. Ir-rikorrenti pproduċiet ukoll dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż li jirrigwardaw ir-rimmijiet, tas-27 ta’ Ġunju 2014. Il-Kummissjoni kkonstatat f’dan ir-rigward, diversi inkonsistenzi maħsuba, l-ewwel waħda li tirrigwarda l-fatt li, għal ċerti tipi ta’ frejms u ta’ frieket, kien hemm dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż neqsin, it-tieni waħda dwar il-fatt li d-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż inkwistjoni ma kinux ibbażati fuq spejjeż ta’ manifattura reali, iżda kienu bbażati biss fuq projezzjoni globali tal-ispejjeż tal-manifattura li kienu validi għal volum ta’ produzzjoni mhux determinat fuq perijodu ta’ madwar sena, it-tielet waħda dwar l-assenza ta’ korrispondenza bejn id-daqsijiet ta’ frejms u ta’ frieket imsemmija fiċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” u dawk li jinsabu fid-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż, ir-raba’ waħda dwar id-differenza bejn il-valur “free on board” (frank abbord) indikat fiċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” u l-valur frank abbord imsemmi fit-tabella F.2 annessa mal-formola kif ukoll il-valur tal-fatturi differenti eżaminati matul l-investigazzjoni u, il-ħames waħda, dwar l-assenza ta’ kwalunkwe riferiment għal Flying Horse fiċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A”.

    16

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti, waqt iż-żjara ta’ verifika, tipprovdi provi fir-rigward tal-ispejjeż ta’ manifattura tal-komponenti maħduma minn Great Cycles fis-Sri Lanka matul il-perijodu tar-rapport, fil-format tat-tabella F.4.1 tal-formola. Fit-twettiq ta’ din it-talba, ir-rikorrenti pproduċiet, fil-format mitlub, l-informazzjoni mitluba dwar l-ispejjeż totali ta’ manifattura tal-komponenti kollha (frejms, frieket, rimmijiet tal-liga u roti tal-plastik) immanifatturati minn Great Cycles fis-Sri Lanka matul il-perijodu msemmi. Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni kkalkolat li iktar minn 65 % tal-materja prima kollha użata għall-manifattura ta’ komponenti tar-roti fis-Sri Lanka kien ġej miċ-Ċina, filwaqt li 31 % mis-Sri Lanka, u li l-valur miżjud għal din il-materja prima matul il-proċess ta’ manifattura tal-imsemmija komponenti fis-Sri Lanka kien inqas minn 25 % tal-valur tas-Sri Lanka. Minn dan hija kkonkludiet li r-rikorrenti kienet involuta f’operazzjonijiet ta’ evażjoni u informatha dwar din il-konklużjoni fit-13 ta’ Marzu 2015.

    17

    Fit-23 ta’ Marzu 2015 seħħ is-smigħ tar-rikorrenti, fuq it-talba tagħha, mill-uffiċjal tas-seduta.

    18

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha tas-27 ta’ Marzu 2015 dwar il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti sostniet li din tal-aħħar legalment ma setgħetx tqajjem dubju dwar l-oriġini mis-Sri Lanka tal-komponenti pprovduti lilha minn Great Cycles, peress li, minn naħa, iċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” redatti mill-Istat tas-Sri Lanka kienu jiċċertifikaw din l-oriġini u, min-naħa l-oħra, peress li l-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku ma huwiex regola tal-oriġini, il-Kummissjoni ma setgħetx tapplikah għad-determinazzjoni tal-oriġini tal-komponenti maħduma fis-Sri Lanka.

    19

    Fit-18 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/776, li jestendi d-dazju antidumping definittiv stabbilit mir-Regolament Nru 502/2013 fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal fuq importazzjonijiet ta’ roti kkonsenjati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini kif ukoll jekk le (ĠU 2015, L 122, p. 4, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

    Ir-regolament ikkontestat

    20

    Il-premessa 13 tar-regolament ikkontestat tindika b’mod partikolari li l-kwistjoni tal-“forza probatorja” taċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” għall-komponenti tar-roti mixtrija mingħand kumpannija relatata mas-Sri Lanka permezz ta’ negozjant u l-applikazzjoni, “b’analoġija”, tal-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku għall-komponenti tar-roti mixtrija mis-Sri Lanka ġew eżaminati matul is-smigħ tar-rikorrenti mill-uffiċjal tas-seduta fit-23 ta’ Marzu 2015.

    21

    Il-premessa 22 tar-regolament ikkontestat issemmi l-fatt li, matul il-perijodu tar-rapport, ir-rikorrenti kienet l-uniku manifattur ta’ roti fil-Pakistan, li hija mliet il-formola u li l-manifuttura tagħha kienet tkopri ftit iktar minn 100 % tat-total tal-importazzjonijiet ta’ roti li ġejjin mill-Pakistan fl-Unjoni. Hija ssemmi wkoll il-verifika fuq il-post imsemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq u tispeċifika li r-rikorrenti ġiet ikkunsidrata li kkooperat.

    22

    Fil-punt 2.5.3 tar-regolament ikkontestat, intitolat “Il-Pakistan”, il-premessi 94 sa 106 tal-imsemmi regolament jirrigwardaw l-investigazzjoni tal-Kummissjoni tar-rikorrenti. Qabel kollox, il-Kummissjoni tenfasizza, fil-premessa 94 tar-regolament ikkontestat, ir-rabtiet eżistenti bejn ir-rikorrenti u “kumpanija fis-Sri Lanka li kienet is-suġġett ta’ investigazzjoni preċedenti kontra l-evażjoni u hija suġġetta għall-miżuri estiżi”, billi żiedet li l-azzjonisti tal-imsemmija kumpannija kienu ħolqu impriża fil-Kambodja involuta wkoll fl-esportazzjonijiet ta’ roti lejn l-Unjoni u “[peress li] ma kkooperatx fl-investigazzjoni attwali, minkejja li esportat il-prodott investigat [lil din tal-aħħar] lejn is-suq tal-Unjoni fl-2013”. Il-Kummissjoni żżid, dejjem fil-premessa 94 tar-regolament ikkontestat, li l-kumpannija tal-Kambodja waqqfet l-attivitajiet tagħha fil-Kambodja matul il-perijodu tar-rapport u ttrasferixxiet dawn tal-aħħar lejn il-kumpannija relatata fil-Pakistan.

    23

    Fil-premessa 96 tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni tenfasizza li l-investigazzjoni ma żvelatx prattiki ta’ trasbord ta’ prodotti ta’ oriġini Ċiniża li għaddew mill-Pakistan u, fil-premessi 98 u 99 tal-imsemmi regolament, hija tesponi l-anomaliji li hija rrilevat matul din l-istess investigazzjoni, imsemmija fil-punti 13 u 15 iktar ’il fuq. Sussegwentement, fil-premessi 100 u 101 tar-regolament ikkontestat, hija tittratta dwar il-kwistjoni tal-valur probatorju taċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” kif ukoll dwar il-proporzjon tal-materja prima li ġejja miċ-Ċina u użata għall-manifattura ta’ komponenti tar-roti fis-Sri Lanka. Dawn il-premessi huma fformulati kif ġej:

    “100.

    Wara d-divulgazzjoni, [ir-rikorrenti] ma qablitx mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-Formoli A/iċ-Ċertifikati ta’ oriġini ppreżentati għall-komponenti tar-roti mixtrija mis-Sri Lanka ma setgħux jitqiesu bħala biżżejjed evidenza sabiex tintwera l-oriġini tal-komponenti tar-roti. Il- [rikorrenti] argumentat li d-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż ġew ippreparati minn ditta ta’ kontabilisti rreġistrati, u li l-importaturi għandhom ikunu jistgħu jserrħu fuq il-Formoli A/iċ-Ċertifikati ta’ oriġini maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tas-Sri Lanka. [Ir-rikorrenti] kkonfermat li l-fatturi tal-ispejjeż għall-komponenti ma kinux appoġati minn spejjeż tal-manifattura reali, iżda kienu sempliċiment previżjoni tal-ispejjeż futuri validi għal madwar sena. Barra minn hekk, [ir-rikorrenti] sostniet li l-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku huwiex regola dwar l-oriġini, u għalhekk ma jistax jiġi applikat sabiex tkun evalwata l-oriġini tal-komponenti tar-roti mixtrija mis-Sri Lanka.

    101

    Kif spjegat fil-premessa 98, il-Formoli A/iċ-Ċertifikati ta’ oriġini ma ġewx ikkunsidrati bħala provi suffiċjenti li turi l-oriġini tal-komponenti tar-roti mixtrija mis-Sri Lanka minħabba li ma kinux maħruġa abbażi tal-ispejjeż reali tal-manifattura, iżda fuq previżjoni tal-ispejjeż tal-manifattura għall-futur, li ma tagħti l-ebda garanzija li l-komponenti tar-roti kienu tabilħaqq immanifatturati skont l-ispejjeż previsti. Barra minn hekk, għandu jiġi ċċarat li l-Kummissjoni mhix qed tikkuntesta l-metodoloġija inġenerali għall-ħruġ tal-Formoli A/taċ-Ċertifikati ta’ oriġini fis-Sri Lanka, li jmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-investigazzjoni, iżda qed tivvaluta biss jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tar-regolament bażiku jiġux issodisfati f’dan il-każ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li jiġi nnutat li l-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku mhuwiex bħala tali tabilħaqq regola dwar l-oriġini, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta qieset li dawn il-komponenti kienu manifatturati b’aktar minn 60 % minn materja prima miċ-Ċina, u li l-valur miżjud kien inqas minn 25 % tal-ispejjeż tal-manifattura, u setgħet tikkonkludi li dawn il-komponenti nnifishom ġejjin miċ-Ċina. Għaldaqstant, id-dikjarazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq ġew miċħuda.”

    24

    Il-Kummissjoni qieset għalhekk, fil-premessa 104 tar-regolament ikkontestat, li l-investigazzjoni ma żvelat “l-ebda kawża adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika għall-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ [immuntaġ] għajr l-evitar tal-miżuri eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat.”

    25

    Il-premessi 144 sa 147 tar-regolament ikkontestat jirrigwardaw, fil-kuntest tal-prova tal-eżistenza tad-dumping, il-metodu użat mill-Kummissjoni, li jikkonsisti, inizjalment, f’li jiġi ddeterminat li l-prezz medju ponderat għall-esportazzjoni applikat matul il-perijodu tar-rapport, u, sussegwentement, dan jiġi mqabbel mal-valur normali medju ponderat. Il-Kummissjoni tikkonkludi dwar l-eżistenza, fir-rigward tal-Pakistan ta’ “dumping sinjifikattiv” (premessa 147 tar-regolament ikkontestat).

    26

    Fil-premessa 163 tar-regolament ikkontestat, li tirreferi għall-premessa 102 tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni skartat il-possibbiltà li r-rikorrenti tingħata eżenzjoni mill-miżuri estiżi, minħabba li, din hija “involuta fi prattiċi ta’ ċirkomvenzjoni [evażjoni] […] skont l-Artikolu 13(4) tar-regolament bażiku ma tistax tingħata eżenzjoni lil din il-kumpanija.”

    27

    Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet, fl-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat, dwar l-estensjoni tad-dazju antidumping definittiv ta’ 48.5 % applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina u msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq għall-importazzjonijiet ta’ roti kkunsinnati b’mod partikolari mill-Pakistan, billi tindika, fl-Artikolu 1(3) tal-imsemmi regolament, li d-“dazju estiż mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jinġabar fuq l-importazzjonijiet ikkonsenjati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini kif ukoll jekk le, irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni] Nru 938/2014 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament [bażiku], bl-eċċezzjoni ta’ dawk immanifatturati mill-kumpaniji elenkati fil-paragrafu 1.”

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    28

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

    29

    Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Ottubru 2015.

    30

    B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Novembru 2015, European Bicycle Manufacturers Association (EBMA) talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

    31

    Fis-7 u fit-18 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni u sussegwentement ir-rikorrenti indikaw lill-Qorti Ġenerali li ma kellhom l-ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-intervent ta’ EBMA.

    32

    Fit-18 ta’ Diċembru 2015 ukoll, il-Kummissjoni ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali talba għal trattament kunfidenzjali tar-risposta, u pprovdiet verżjoni tagħha mhux kunfidenzjali. Ir-rikorrenti, min-naħa tagħha, l-istess ġurnata, għamlet lill-Qorti Ġenerali talba għal trattament kunfidenzjali tal-annessi tar-rikors u ta’ dawk tar-risposta, u pprovdiet verżjoni tagħhom mhux kunfidenzjali.

    33

    Dejjem fit-18 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat replika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

    34

    Fil-25 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rikors.

    35

    Permezz ta’ digriet tal-President tas-Seba’ Awla tad-9 ta’ Marzu 2016, EBMA ġiet ammessa sabiex tintervjeni u t-talbiet għal trattament kunfidenzjali ppreżentati mill-partijiet prinċipali ġew milqugħa.

    36

    Fit-18 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

    37

    Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ April 2016, ir-rikorrenti kkonfermat li l-kontroreplika ma kienx fiha data kunfidenzjali.

    38

    Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ April 2016, l-intervenjenti kkonfermat li ma kellha l-ebda oġġezzjoni għat-trattament kunfidenzjali tar-rikors, tar-risposta u tar-replika.

    39

    Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ April 2016, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet prinċipali jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar eventwali sospensjoni tal-proċedura minħabba l-eżistenza ta’ sitt appelli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jistgħu jkunu rilevanti għar-riżoluzzjoni ta’ din it-tilwima.

    40

    Fis-26 ta’ April u fl-10 ta’ Mejju 2016 rispettivament, il-Kummissjoni u r-rikorrenti wieġbu, għall-ewwel waħda, li dawn l-appelli kienu jirrigwardaw l-ordni tal-analiżi li kellha tiġi osservata waqt l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-regolament bażiku kif ukoll għat-tqassim tajjeb tal-oneru tal-prova fil-kuntest tal-investigazzjonijiet kontra l-evażjoni, kwistjoni li ma qamitx f’din il-kawża, u, għat-tieni waħda, li, fid-dawl tal-aggravji tal-appelli, dawn tal-aħħar ma kinux jidhru rilevanti għar-riżoluzzjoni ta’ din il-kawża.

    41

    Fit-2 ta’ Mejju 2016, l-intervenjenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali n-nota ta’ intervent.

    42

    Fis-26 ta’ Mejju 2016, il-President tas-Seba’ Awla ddeċieda li l-proċedura ma tiġix sospiża.

    43

    Fis-17 ta’ Ġunju u fit-8 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni u r-rikorrenti ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota ta’ intervent.

    44

    Wara l-modifika tal-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid fi ħdan is-Seba’ Awla.

    45

    Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    46

    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    47

    It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-17 ta’ Mejju 2017, li nstemgħet parzjalment bil-magħluq sabiex il-partijiet prinċipali jiġu interrogati dwar annessi li fihom elementi kunfidenzjali.

    48

    Waqt is-seduta, l-intervenjenti ppreżentat osservazzjoni dwar ir-rapport għas-seduta, li ġiet innotata fil-proċess verbal tas-seduta.

    Id-dritt

    Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

    49

    Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni ssostni li, kieku “ir-rikorrenti kienet sempliċi negozjant ta’ roti, hija ma kinitx tkun individwalment ikkonċernata mill-ġbir tad-dazji inkwistjoni mid-data tar-reġistrazzjoni.” Hija tammetti, madankollu, li, “fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, ir-rikors jista’ jkun ammissibbli sa fejn id-dazji estiżi ma jkunux japplikaw biss għar-roti ikkunsinnati, iżda wkoll għal dawk prodotti mir-rikorrenti stess,” u li huwa “biss fil-kwalità (allegat) tagħha ta’ manifattur ta’ roti li r-rikorrenti kienet involuta fl-investigazzjoni u li d-data tagħha intużat mill-awtorità responsabbli għall-investigazzjoni” (punt 92 tar-risposta).

    50

    Il-kriterju li jissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li tiegħu ma tkunx id-destinatarja għall-kundizzjoni li din tkun ikkonċernata direttament u individwalment minn dan l-att, stabbilit fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li l-qrati tal-Unjoni jistgħu jeżaminaw f’kull stadju, anki ex officio (digriet tal-5 ta’ Lulju 2001, Conseil national des professions de l’automobile et vs Il-Kummissjoni, C-341/00 P, EU:C:2001:387, punt 32, u s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni, C-176/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:730, punt 18).

    51

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, tippreżenta appell kontra l-atti indirizzat lilha jew li jirrigwardawha direttament u individwalment, kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni.

    52

    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, f’dak li jirrigwarda l-interess individwali tar-rikorrenti, il-qorti tal-Unjoni kkunsidrat li ċerti dispożizzjonijiet tar-regolamenti li jistabbilixxu jew li jestendu dazji antidumping setgħu jikkonċernaw individwalment dawk tal-produtturi u tal-esportaturi tal-prodott inkwistjoni li lilhom kienu ġew imputati l-prattiki ta’ dumping abbażi tad-data dwar l-attività kummerċjali tagħhom. Dan huwa l-każ, ġeneralment, tal-impriżi li jipproduċu u jesportaw li jistgħu juru li huma kienu ġew identifikati fl-atti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill jew li kienu kkonċernati mill-investigazzjonijiet preparatorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 1984, Allied Corporation et vs Il-Kummissjoni, 239/82 u 275/82, EU:C:1984:68, punt 11 u tat-13 ta’ Settembru 2013, Huvis vs Il-Kunsill, T-536/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:432, punt 25).

    53

    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi kkonstatat mhux biss li r-rikorrenti kienet is-suġġett tal-investigazzjoni, kif dan tfakkar fil-punti 7 sa 18 iktar ’il fuq, iżda wkoll li din ġiet identifikata, fil-premessa 22 tar-regolament ikkontestat, bħala l-uniku manifattur ta’ roti stabbilit fil-Pakistan. Barra minn hekk, diversi premessi oħra tal-imsemmi regolament isemmu s-sitwazzjoni fattwali u ġuridika tar-rikorrenti (ara l-punti 21 sa 27 iktar ’il fuq). Għalhekk ma jistax jiġi kkontestat li r-rikorrenti hija individwalment ikkonċernata mir-regolament ikkontestat, inkluż sa fejn dan jordna l-ġbir tad-dazju antidumping estiż mid-data tar-reġistrazzjoni.

    54

    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti hija direttament interessata mir-regolament ikkontestat. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, mingħajr ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni, huma obbligati li jiġbru d-dazji imposti minn regolament antidumping (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, BP Products North America vs Il-Kunsill, T-385/11, EU:T:2014:7, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    Peress li r-rikorrenti hija direttament u individwalment ikkonċernata mir-regolament ikkontestat, isegwi li r-rikors intiż għall-annullament tiegħu huwa ammissibbli.

    Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti “motivi” tar-rikors

    56

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku. Hija ssostni li, fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni wettqet żbalji proċedurali u fil-mertu, minħabba raġunament mhux koerenti. Il-motiv tar-rikors huwa, f’dan ir-rigward, ippreżentat kif ġej:

    il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku għal operazzjonijiet ta’ manifattura ta’ komponenti tar-roti fis-Sri Lanka, filwaqt li l-investigazzjoni inkwistjoni kellha bħala suġġett l-allegata evażjoni tal-miżuri antidumping permezz ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fil-Pakistan;

    hija applikat din id-dispożizzjoni bħala regola dwar l-oriġini, li ma hijiex;

    hija ma turix b’mod koerenti n-natura mhux suffiċjentement probatorja taċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A;”

    hija ma ħadet l-ebda miżura għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ oriġini previsti mil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni.

    57

    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti tqajjem, fil-fatt, tliet “motivi”, peress li hija tikkontesta suċċessivament iċ-ċaħda tat-talba għal eżenzjoni tagħha, l-estensjoni tad-dazju antidumping definittiv għall-importazzjonijiet ta’ roti kkunsinnati minnha mill-Pakistan u l-ġbir tal-imsemmi dazju. Hija tikkunsidra li l-ewwel u t-tielet wieħed minn dawn il-“motivi” huma inammissibbli peress li ma humiex sostnuti minn argumenti xierqa u tqis, fi kwalunkwe każ, li ma humiex fondati.

    58

    L-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni tar-rikors ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, ir-rikorrenti tippreżenta motiv uniku insostenn tat-talbiet għall-annullament tagħha, li permezz tiegħu hija ssostni li huwa bit-twettiq ta’ diversi “żbalji proċedurali, ta’ liġi u ta’ raġunament” li l-Kummissjoni estendiet għaliha d-dazju antidumping definittiv ta’ 48.5 %. Issa, ir-rifjut tal-eżenzjoni, l-estensjoni tal-imsemmi dazju u l-ġbir tiegħu huma inseparabbli f’dan il-każ, peress li, kif indikat fil-premessa 22 tar-regolament ikkontestat, imsemmi fil-punt 21 iktar ’il fuq, “[m]atul il-perjodu tar-rapport, kumpanija [waħda] pproduċiet ir-roti fil-Pakistan”, jiġifieri r-rikorrenti, li kienet responsabbli għall-esportazzjonijiet kollha ta’ roti mill-Pakistan lejn l-Unjoni. L-estensjoni tad-dazju antidumping inizjali ta’ 48.5 % għal dan il-pajjiż, minn naħa, kienet għalhekk konsegwenza inevitabbli tar-rifjut ta’ eżenzjoni kontra r-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, stabbilixxiet f’linja dritta l-ġbir tal-imsemmi dazju.

    59

    Dan huwa wkoll ikkonfermat mill-formulazzjoni stess tar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, mill-premessa 163 tal-imsemmi regolament, li tirreferi għall-premessa 102 ta’ dan l-istess regolament, jirriżulta li t-talba għal eżenzjoni ġiet miċħuda minħabba r-raġuni biss li “ir- [rikorrenti] nstabet li kienet involuta fi prattiċi ta’ ċirkomvenzjoni [evażjoni],” fis-sens tal-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku. Mill-Artikolu 1(3) tar-regolament ikkontestat, iċċitat fil-punt 27 iktar ’il fuq, jirriżulta wkoll li l-ġbir tad-dazju antidumping definittiv jirriżulta huwa stess direttament mill-estensjoni deċiża fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament.

    60

    Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li dawn it-tliet “motivi” jifformaw biss motiv wieħed, intiż għall-annullament tar-regolament ikkontestat fir-rigward tar-rikorrenti, u konsegwentement, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà relatati maż-żewġ “motivi” imsemmija iktar ’il fuq, li tqajmu mill-Kummissjoni, għandhom jiġu miċħuda.

    Fuq il-mertu

    61

    Qabel ma jiġi eżaminat il-motiv uniku tar-rikors, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li tagħmel ċerti osservazzjonijiet preliminari.

    Osservazzjonijiet preliminari

    62

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li “l-ordni li fih ġie ppreżentat ir-rikors ma josservax l-ordni previst mill-Artikolu 13 tar-regolament bażiku” (punt 60 tar-risposta), jiġifieri, qabel kollox, l-obbligu li jiġi stabbilit li jkunu ssodisfatti l-erba’ kundizzjonijiet imposti fl-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku fir-rigward tal-pajjiż, sussegwentement l-eżami tal-provi prodotti mill-produtturi-esportaturi insostenn tat-talba individwali tagħhom għal eżenzjoni. Hija tammetti madankollu li, f’dan il-każ, id-distinzjoni prevista mill-Artikolu 13 tar-regolament bażiku bejn l-ewwel żewġ paragrafi tiegħu “ma hijiex ċara minħabba l-fatt li r-rikorrenti hija l-uniku operatur ta’ assemblaġġ ta’ roti fil-Pakistan” (punt 66 tar-risposta).

    63

    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax l-ordni li fiha l-Kummissjoni, fir-regolament ikkontestat, implementat, rispettivament, l-Artikolu 13(1) u (2) tar-regolament bażiku dwar l-eżistenza ta’ prattiki ta’ evażjoni fil-Pakistan, u wara l-evalwazzjoni tat-talba tagħha għal eżenzjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni hija stess irrikonoxxiet, bħalma huwa indikat fil-punt 62 iktar ’il fuq, li din id-distinzjoni ma kinitx ċara f’dan il-każ u indikat ukoll, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-possibbiltà ta’ sospensjoni tal-proċedura, imsemmija fil-punt 40 iktar ’il fuq, li, b’differenza għall-kawżi li wasslu għas-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 2017, Maxcom vs Chin Haur Indonesia (C-247/15 P, C-253/15 P u C-259/15 P, EU:C:2017:61) u Maxcom vs City Cycle Industries (C-248/15 P, C-254/15 P u C-260/15 P, EU:C:2017:62), il-kwistjoni tal-ordni tal-eżami stabbilit fl-Artikolu 13(1) u (2) tar-regolament bażiku ma tqajmitx f’din il-kawża.

    64

    It-tieni nett, l-intervenjenti sostniet, fin-nota ta’ intervent u waqt is-seduta, li l-kunċett ta’ “pajjiż soġġett għall-miżuri”, ippreżentat fl-Artikolu 13(2)(a) tar-regolament bażiku, kellu jinftiehem bħala riferiment mhux biss għaċ-Ċina, iżda wkoll għas-Sri Lanka, pajjiż li għalih ġew estiżi l-miżuri inizjali.

    65

    Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li r-regolament ikkontestat ma huwiex ibbażat fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2)(a) tar-regolament bażiku kif issuġġerit mill-intervenjenti u li din l-interpretazzjoni la ma tqajmet u lanqas ma ġiet adottata jew ikkummentata mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża. Fil-fatt, minn qari globali tal-imsemmi regolament jirriżulta b’mod ċar li hija biss iċ-Ċina li ġiet ikkunsidrata bħala l-“pajjiż soġġett għall-miżuri” fis-sens tal-Artikolu 13(2)(a) tar-regolament bażiku. Barra minn hekk, għandu jiġi indikat li l-perijodu ta’ investigazzjoni, f’dan il-każ, kien jirrigwarda fażi li matulu l-miżuri antidumping imposti fuq ir-roti li joriġinaw miċ-Ċina ma kinux għadhom ġew estiżi għal dawk ikkunsinnati mis-Sri Lanka, li juri, jekk dan għadu neċessarju, li dan l-aħħar pajjiż ma setax jiġi kkunsidrat fir-regolament ikkontestat bħala l-“pajjiż soġġett għall-miżuri” fis-sens tal-Artikolu 13(2)(a) tar-regolament bażiku.

    66

    Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat (ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il-Kunsill, C-468/15 P, EU:C:2016:803, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T-210/01, EU:T:2005:456, punt 359), kif ikollha tagħmel jekk l-argument tal-intervenjenti kellu jintlaqa’. L-imsemmi argument ma jistax għalhekk jintlaqa’.

    67

    It-tielet nett, huwa stabbilit li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma applikatx l-Artikolu 18 tar-regolament bażiku, dwar in-nuqqas ta’ kooperazzjoni. Fil-fatt, hija qieset, bħalma tfakkar fil-punt 21 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti kienet ikkooperat. Konsegwentement, l-argument tal-intervenjenti, li l-Kummissjoni kellha d-dritt li tapplika l-imsemmi artikolu, għandu jiġi miċħud bħala mhux rilevanti.

    68

    Ir-raba’ nett, l-intervenjenti tenfasizza l-fatt li Great Cycles u r-rikorrenti jikkostitwixxu “entità ekonomika unika” għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kriterju tas-60 % jew iktar tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott mibni, indikat fl-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku. Madankollu, għandu jiġi rrilevat, bħalma ġie deċiż fil-punt 65 iktar ’il fuq, li r-regolament ikkontestat ma huwiex ibbażat fuq motiv bħal dan u li l-allegazzjoni tal-intervenjenti, anki jekk tiġi preżunta li hija stabbilita, ma tistax tiġi ssostitwita għall-motivi adottati mill-Kummissjoni fl-imsemmi regolament. Dan l-argument, imressaq sussidjarjament, għandu wkoll jiġi miċħud.

    Fuq il-motiv uniku tar-rikors

    69

    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-regolament bażiku, kif ukoll mill-ġurisprudenza (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il-Kunsill, T-80/97, EU:T:2000:216, punt 88), jirriżulta li din id-dispożizzjoni tirreferi għal komponenti tal-prodott mibni “li ġejjin” mill-pajjiż suġġett għall-miżuri mingħajr ma l-kliem “li ġejjin” għandhom jiġu interpretati bħala li jinħtieġ li l-komponenti jkunu effettivament joriġinaw minn dan il-pajjiż. F’dan il-każ, il-fatt li l-imsemmija komponenti nħadmu fis-Sri Lanka u ġew ikkunsinnati minn dan il-pajjiż lejn il-Pakistan huwa biżżejjed għalhekk sabiex jiġi stabbilit li ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala komponenti “li ġejjin” miċ-Ċina fis-sens tal-Artikolu 13(2) tal-imsemmi regolament (punti 22 u 23 tar-rikors).

    70

    It-tieni nett, waqt il-verifika fuq il-post, ir-rikorrenti pproduċiet ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” maħruġa mill-Ministeru tal-Kummerċ tar-Repubblika Soċjalista Demokratika ta’ Sri Lanka, sabiex turi li l-komponenti mmanifatturati fis-Sri Lanka u kkunsinnati fil-Pakistan minn dan il-pajjiż kienu joriġinaw mis-Sri Lanka. Peress li l-imsemmija ċertifikati kienu previsti mir-regolamenti doganali tal-Unjoni, l-operaturi ekonomiċi għandhom joqogħdu fuqhom, ħlief jekk dawn ikunu formalment iddikjarati invalidi wara investigazzjoni uffiċjali tal-awtoritajiet doganali tal-Unjoni. Hija tqis għalhekk li ssodisfat l-oneru tal-prova impost fuqha b’applikazzjoni tal-punt 88 tas-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il-Kunsill (T-80/97, EU:T:2000:216). Hija tispeċifika li d-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż, stabbiliti minn awdituri, kienu jinkludu impenn min-naħa tagħha li tiftaħ il-fabbrika tagħha għal kwalunkwe spezzjoni u li żżomm aġġornati r-reġistri kontabbli tagħha. Fir-replika, ir-rikorrenti tindika, fil-punt 20 li huwa “raġonevoli, għal pajjiż żgħir b’riżorsi limitati bħalma hija s-Sri Lanka, li tadotta sistema li taħtha ċ-ċertifikati ta’ oriġini ‘Formola A’ jinħarġu fuq il-bażi ta’ previżjoni tal-ispejjeż, suġġetta għal kontroll ex post.” Hija żżid, fil-punti 52 sa 54 tar-replika, li l-Artikolu 97t tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali”), fis-seħħ dak iż-żmien, jistabbilixxi proċedura ta’ verifika ex post tal-imsemmija ċertifikati ta’ oriġini. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma indikatx, fir-regolament ikkontestat, għal liema raġuni ċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” ma kinux awtentiċi (punt 53 tar-replika), għalkemm hija għandha raġonevolment tiġġustifika r-raġunijiet li għalihom ma jistgħux jitqiesu validi (punt 55 fl-aħħar tar-replika).

    71

    It-tielet nett, il-Kummissjoni allegatament wettqet żbalji ta’ proċedura, ta’ liġi u ta’ raġunament bl-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-regolament bażiku għal operazzjonijiet ta’ manifattura li twettqu fis-Sri Lanka u mhux fil-Pakistan. B’dan il-mod, il-Kummissjoni allegatament aġixxiet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-investigazzjoni bl-applikazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni għal pajjiż ieħor minbarra l-Pakistan. Barra minn hekk, il-Kummissjoni allegatament applikat ir-regola żbaljata, peress li d-dispożizzjoni applikata ma hijiex regola tal-oriġini, sabiex tistabbilixxi, b’mod żbaljat, li l-komponenti tar-roti prodotti fis-Sri Lanka ma kinux joriġinaw mis-Sri Lanka u setgħu, konsegwentement, jitqiesu bħala li ġejjin miċ-Ċina. Minbarra dan, ir-raġunament tal-Kummissjoni ma huwiex koerenti, peress li hija tirrikonoxxi, ġustament, li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma hijiex regola ta’ oriġini, iżda madankollu applikatha bħala tali għall-komponenti tar-roti inkwistjoni.

    72

    Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tiċħad iċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” bħala provi insuffiċjenti, il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ diliġenza jirrikjedu, għall-inqas, verifika tal-oriġini tal-komponenti tar-roti inkwistjoni skont ir-regoli ta’ oriġini preferenzjali u mhux preferenzjali previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) u fir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali. Madankollu, l-ebda verifika ma saret għal dan il-għan.

    73

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 13(2)(a) tar-regolament bażiku ma jagħmel l-ebda riferiment għall-“oriġini” tal-komponenti, iżda sempliċement juża frażijiet fattwali “huma mill-”. Għalhekk, l-imsemmija dispożizzjoni ma fiha l-ebda riferiment għall-fatt li l-applikazzjoni tagħha għandha ssir skont ir-regoli ta’ oriġini previsti mil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, b’differenza għal dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmi regolament, bħat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) li jirreferi għall-“modifika żgħira tal-prodott konċernat biex jaqa’ taħt kodiċijiet doganali li normalment ma humiex soġġetti għall-miżuri”. Għaldaqstant, l-Artikolu 13 tar-regolament bażiku jistabbilixxi sistema legali distinta, b’limiti distinti intiżi li jiggarantixxu l-prevedibbiltà tal-azzjoni tal-Unjoni kontra l-evażjoni.

    74

    It-tieni nett, fir-rigward taċ-ċertifikati ta’ oriġini ppreżentati mir-rikorrenti, il-Kummissjoni tqis li dawn ma jikkostitwixxux prova suffiċjenti sabiex jintwera li dawn il-komponenti joriġinaw mis-Sri Lanka minħabba l-indizji miġbura fil-punt 15 iktar ’il fuq.

    75

    It-tielet nett, peress li l-ġurisprudenza tirrikonoxxi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-possibbiltà li jagħmlu użu minn sensiela ta’ indizji konkordanti, għandu jiġi dedott minn dan li l-Artikolu 13 tar-regolament bażiku ġie interpretat bħala li ma jillimitax it-tip ta’ provi li fuqhom l-awtoritajiet responsabbli għall-investigazzjoni jistgħu jistrieħu fuqhom għall-istabbiliment tal-prattiki ta’ evażjoni.

    76

    Il-Kummissjoni ssostni, fil-punti 3 u 42 tal-kontroreplika, li l-applikazzjoni, “b’analoġija”, tal-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku ma tikkostitwixxix element sostanzjali tal-konstatazzjonijiet tagħha, iżda “eżami supplimentari” li ma kinitx obbligata tagħmel, peress li “n-nuqqas ta’ awtentiċità taċ- [ċertifikati ta’ oriġini “Formola A”] u l-assenza ta’ tagħmir ta’ manifattura kien diġà suffiċjenti sabiex jippermitti[lha] […] tikkonkludi li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti ma kinitx awtentika.” Hija tispeċifika li l-espressjoni “barra minn hekk”, fil-premessa 101 tar-regolament ikkontestat, tikkonferma n-natura ta’ “strument supplimentari” tar-rikors għal din id-dispożizzjoni.

    77

    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku, id-dazji antidumping stabbiliti skont dan ir-regolament jistgħu jiġu estiżi għall-importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi terzi ta’ prodotti simili, kemm jekk ftit modifikati kif ukoll jekk le, jew għal komponenti minnhom, meta tkun qiegħda ssir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ. Skont l-Artikolu 13(2) ta’ dan l-istess regolament, operazzjoni ta’ assemblaġġ, bħal dik imwettqa mir-rikorrenti f’dan il-każ, hija kkunsidrata bħala evażjoni tal-miżuri fis-seħħ meta l-kundizzjonijiet elenkati taħt (a) sa (ċ) ikunu ssodisfatti (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il-Kunsill, T-80/97, EU:T:2000:216, punt 78).

    78

    B’mod partikolari, mill-Artikolu 13(2)(a) u (b) tar-regolament bażiku jirriżulta li operazzjoni ta’ assemblaġġ titqies li tikkostitwixxi evażjoni meta komponenti ta’ valur ta’ 60 % jew iktar tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott mibni jkun ġej “mill-pajjiż soġġett għall-miżuri” (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il-Kunsill, T-80/97, EU:T:2000:216, punt 79).

    79

    Konsegwentement, skont l-Artikolu 13(2) tar-regolament bażiku, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom juru – minbarra li jkun ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra elenkati fih – li l-komponenti li jikkostitwixxu 60 % jew iktar tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott mibni jkunu ġejjin mill-pajjiż suġġett għall-miżuri. Huma ma humiex, għall-kuntrarju, obbligati jipproduċu l-prova li dawn il-komponenti joriġinaw ukoll minn dan il-pajjiż (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il-Kunsill (T-80/97, EU:T:2000:216, punt 84).

    80

    Madankollu, mir-regolament bażiku, u b’mod partikolari mill-Artikolu 13 tiegħu, jirriżulta li regolament li jwettaq estensjoni ta’ dazju antidumping għandu bħala għan dak li tiġi żgurata l-effikaċja ta’ din il-miżura u li jiġi evitat li ssir evażjoni tiegħu, b’mod partikolari, permezz ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fl-Unjoni jew f’pajjiż terz. Għalhekk, miżura li twettaq estensjoni ta’ dazju antidumping hija biss ta’ natura anċillari fir-rigward tal-att inizjali li jistabbilixxi dan id-dazju. Konsegwentement, imur kontra l-għan u l-istruttura ġenerali tal-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament li dazju antidumping, stabbilit inizjalment fuq l-importazzjoni ta’ prodott li joriġina minn pajjiż determinat, jiġi impost fuq importazzjonijiet ta’ komponenti ta’ dan il-prodott li jkunu ġejjin mill-pajjiż suġġett għall-miżuri meta l-operaturi kkonċernati li jwettqu l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ li huma s-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni jipproduċu l-prova li dawn il-komponenti li jikkostitwixxu 60 % jew iktar tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott mibni jkunu joriġinaw minn pajjiż ieħor. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal din, l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ ma jistgħux jitqiesu bħala evażjoni tad-dazju antidumping inizjalment stabbilit, fis-sens tal-Artikolu 13 tar-regolament bażiku (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il-Kunsill, T-80/97, EU:T:2000:216, punt 85).

    81

    Konsegwentement, l-Artikolu 13(2) tar-regolament bażiku għandu jiġi interpretat fis-sens li operazzjoni ta’ assemblaġġ fit-territorju tal-Unjoni jew f’pajjiż terz għandha titqies bħala evażjoni tal-miżuri fis-seħħ meta, minbarra li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra msemmija f’din id-dispożizzjoni, il-komponenti li jikkostitwixxi 60 % jew iktar tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott mibni jkunu ġejjin mill-pajjiż suġġett għall-miżuri, ħlief jekk l-operatur ikkonċernat jipproduċi l-prova lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li dawn il-komponenti joriġinaw minn pajjiż ieħor (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il-Kunsill, T-80/97, EU:T:2000:216, punt 88).

    82

    Prova bħal din tista’ tiġi prodotta f’diversi każijiet, u mhux biss fil-każ ta’ sempliċi tranżitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il-Kunsill, T-80/97, EU:T:2000:216, punt 87).

    83

    Minn dan isegwi li, għalkemm, bħala regola ġenerali, huwa biżżejjed li jsir riferiment għas-sempliċi “provenjenza” tal-komponenti użati għall-assemblaġġ tal-prodott finali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2)(b), tar-regolament bażiku, jista’ jkun neċessarju, fil-każ ta’ dubju, li jiġi vverifikat jekk il-komponenti “li jkunu ġejjin” minn pajjiż terz joriġinawx, fil-fatt, minn pajjiż ieħor.

    84

    Fir-rigward tal-kliem “huma mill-”, użati fl-Artikolu 13(2)(a) tar-regolament bażiku, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-imsemmi regolament ma fihx definizzjoni, huwa jużahom diversi drabi billi jassoċjahom sistematikament mal-kelma “importazzjoni.” Għalhekk, l-espressjoni “importazzjonijiet minn” tinsab, pereżempju, fil-premessa 8 kif ukoll fl-Artikolu 2(7)(a), fl-Artikolu 3(4) fl-Artikolu 9(5) u (6) u fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament. Varjant ta’ din l-espressjoni ġie, barra minn hekk, użat fil-premessa 54 tar-regolament ikkontestat. Din l-espressjoni hija, minbarra dan, tradotta f’verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-imsemmija dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku bħala “importazzjonijiet minn.” Dan huwa l-każ, pereżempju, fil-verżjoni Ingliża (imports from), Ġermaniża (Einfuhren aus), Bulgara (внос от), Kroata (uvoza iz) u Litwana (importui iš). Konsegwentement il-kliem “huma mill-” fis-sens tal-Artikolu 13(2)(a) tar-regolament bażiku għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-importazzjonijiet ikkonċernati u, għalhekk, għall-pajjiż ta’ esportazzjoni.

    85

    Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, konformi mal-għan ta’ effikaċja tal-miżuri intiżi li jiġġieldu l-evażjoni, li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 13 tar-regolament bażiku, sa fejn din tipprevedi soluzzjoni effikaċi u prattika li tippermetti lill-Kummissjoni li tirreferi għas-sempliċi “provenjenza” tal-komponenti użati għall-assemblaġġ tal-prodott finali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku.

    86

    F’dan il-każ, mill-proċess, u b’mod partikolari mit-tabella F.2 annessa mal-formola, jirriżulta li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet, li għall-inqas 47 % tal-komponenti użati għall-assemblaġġ ta’ roti fil-Pakistan ġie importat mis-Sri Lanka wara li jkunu tħaddmu f’dan il-pajjiż. L-ipoteżi ta’ sempliċi tranżitu minn dan il-pajjiż ma tikkorrispondix għalhekk għaċ-ċirkustanzi tal-każ. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-komponenti setgħu jitqiesu bħala “li ġejjin” mis-Sri Lanka.

    87

    Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza miġjuba fil-qosor fil-punti 79 sa 82 iktar ’il fuq, din il-konstatazzjoni ma tistax tipprekludi lill-Kummissjoni milli tivverifika, fil-każ ta’ dubju, jekk il-komponenti “li jkunu ġejjin” mis-Sri Lanka joriġinawx, fil-fatt, minn pajjiż ieħor, bħall-pajjiż suġġett għall-miżuri, f’dan il-każ iċ-Ċina.

    88

    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li l-argument tal-Kummissjoni, li l-“oriġini” tal-komponenti ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-regolament bażiku, ma jiħux totalment inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni li l-qorti tal-Unjoni tat lil din id-dispożizzjoni.

    89

    Min-naħa l-oħra, dan l-argument tal-Kummissjoni jikkontradixxi l-fatt li hija stess eżaminat l-oriġini tal-komponenti ta’ roti inkwistjoni. Fil-fatt, l-ewwel nett, it-tabella F.2 tal-formola, li fuqha l-Kummissjoni bbażat parti sinjifikattiva tal-verifika tagħha, teżiġi, b’mod partikolari, li tiġi indikata l-“oriġini” tal-komponenti ta’ roti użati għall-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fil-Pakistan. It-tieni nett, mill-premessi 98 u 101 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni vverifikat jekk iċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” tal-merkanzija inkwistjoni kinux provi suffiċjenti sabiex juru l-“oriġini” tal-komponenti tar-roti inkwistjoni. It-tielet nett, wara li qieset li l-imsemmija ċertifikati ta’ oriġini ma kinux jikkostitwixxu provi suffiċjenti sabiex juru l-“oriġini” tal-komponenti ta’ roti, il-Kummissjoni applikat il-kriterji tal-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku sabiex tivverifika l-“oriġini” tal-imsemmija komponenti, kif ikkonfermat hija stess matul is-smigħ quddiem l-uffiċjal tas-seduta, kif ukoll jirriżulta mill-proċess verbal ta’ dan is-smigħ.

    90

    Għalkemm jirriżulta mill-formulazzjoni tal-premessa 101, fl-aħħar, tar-regolament ikkontestat li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-komponenti ta’ roti inkwistjoni “kienu ġejjin” miċ-Ċina, peress li dawn inħaddmu, għal iktar minn 60 % b’materja prima li kienet ġejja miċ-Ċina u li l-valur miżjud kien inqas minn 25 % tal-ispejjeż tal-manifattura, minn diversi elementi tal-atti tal-proċess, u b’mod partikolari, minn dawk imsemmija fil-punt 89 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni applikat il-kriterji tal-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku sabiex tivverifika l-“oriġini” ta’ dawn il-komponenti. Dawn il-bidliet terminoloġiċi juru għalhekk ċerta konfużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kunċetti rispettivi ta’ “provenjenza” u ta’ “oriġini”.

    91

    Fi kwalunkwe każ, mill-punti 81 sa 86 iktar ’il fuq jirriżulta li, f’dan il-każ, il-komponenti ta’ roti inkwistjoni “ġejjin” mis-Sri Lanka, iżda l-Kummissjoni setgħet titlob lir-rikorrenti sabiex tipproduċi l-prova li l-imsemmija komponenti mhux biss “kienu ġejjin” mis-Sri Lanka, iżda li dawn kienu wkoll joriġinaw minn dan il-pajjiż.

    92

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkonkludi li l-komponenti ta’ roti li kienu ġejjin mis-Sri Lanka kinux, fil-fatt, joriġinaw miċ-Ċina.

    93

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, il-valur probatorju taċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” ippreżentati mir-rikorrenti bħala prova li l-komponenti ta’ roti inkwistjoni joriġinaw mis-Sri Lanka iżda li ġew irrifjutati mill-Kummissjoni (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikati kkontestati”) u, it-tieni nett, l-ispejjeż tal-manifattura tal-imsemmija komponenti, ippreżentati mir-rikorrenti fuq talba tal-Kummissjoni u li fir-rigward tagħhom din tal-aħħar applikat, b’analoġija, l-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku.

    – Fuq il-valur probatorju taċ-ċertifikati kkontestati

    94

    Peress li parti mill-argumenti tar-rikorrenti setgħu jiġu interpretati li jqajmu dubju dwar il-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat, sa fejn jirrigwarda l-eżami, mill-Kummissjoni, tal-valur probatorju taċ-ċertifikati ta’ oriġinu “Formola A,” għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta espliċitament mill-premessi 98, 100 u 101 tar-regolament ikkontestat, li l-kontenut tagħhom ġie indikat fil-punt 23 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni indikat b’mod ċar, u b’mod sħiħ, ir-raġunijiet li għalihom hija ma setgħetx, f’dan il-każ, tistrieħ fuq ċerti ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” li kienet ippreżentat lilha r-rikorrenti. Il-motivazzjoni li tinsab fir-regolament ikkontestat issodisfat għalhekk ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE.

    95

    Fir-rigward tal-mertu, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li ċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” huma ċertifikati ta’ oriġini preferenzjali, li kienu rregolati, fiż-żmien li fih seħħew il-fatti, f’dak li jirrigwarda lill-Unjoni, mill-Artikoli 97k sa 97u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, u li jippermettu lill-esportatur li jipprova l-oriġini tal-merkanzija li dan jesporta. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 97k tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, kull pajjiż benefiċjarju għandu josserva jew jiżgura l-osservanza tar-regoli ta’ oriġini u tar-regoli dwar ir-redazzjoni u l-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A”.

    96

    Iċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” huma għalhekk regolament użati fil-kummerċ internazzjonali bħala mezz ta’ ċertifikazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija li għalihom ikunu jirreferu. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ta’ spiss jitolbu l-produzzjoni tagħhom, inkluż fil-kuntest ta’ proċedimenti antidumping, sabiex jiżguraw l-oriġini tal-prodott ikkonċernat. F’din il-kawża, kif ikkonfermat fis-seduta, dan jintwera mill-fatt li l-Kummissjoni aċċettat iċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” ippreżentati mir-rikorrenti u relatati mal-komponenti tar-roti prodotti minn Vechenson bħala prova suffiċjenti tal-oriġini tagħhom mis-Sri Lanka (ara l-punt 15 iktar 'il fuq).

    97

    Għandu jiġi madankollu rrilevat li, skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 2913/92, applikabbli fiż-żmien li fih seħħew il-fatti, l-awtoritajiet doganali jistgħu, f’każ ta’ dubju serju, jirrikjedu kwalunkwe prova addizzjonali oħra sabiex jiżguraw li l-indikazzjoni tal-oriġini tikkorrispondi għar-regoli stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam. Għal dan il-għan, l-Artikolu 97t tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, applikabbli fiż-żmien li fih seħħew il-fatti, jistabbilixxi proċedura ta’ kontroll a posteriori taċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” permezz ta’ stħarriġ jew kull darba li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkollhom dubji raġonevoli dwar l-awtentiċità ta’ dawn id-dokumenti.

    98

    Jista’ jiġi dedott minn dawn id-dispożizzjonijiet li, għalkemm iċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” għandhom valur probatorju fir-rigward tal-oriġini tal-merkanzija li għalihom jirreferu, dan ma huwiex assolut. Fil-fatt, tali ċertifikat redatt minn pajjiż terz ma jistax jorbot lill-awtoritajiet tal-Unjoni fir-rigward tal-oriġini ta’ din il-merkanzija, billi tipprekludihom milli jivverifikawha permezz ta’ mezzi oħra, meta jkunu jeżistu indizji oġġettivi, serji u konkordanti li joħolqu dubju dwar l-oriġini reali tal-merkanzija li hija s-suġġett ta’ dawn iċ-ċertifikati. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kontrolli a posteriori jkunu fil-parti l-kbira neqsin mill-utilità tagħhom jekk l-użu ta’ tali ċertifikati seta’, waħdu, jiġġustifika l-għoti ta’ maħfra ta’ dazji doganali (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Hyper vs Il-Kummissjoni, T-205/99, EU:T:2002:189, punt 102, u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Hit Trading u Berkman Forwarding vs Il-Kummissjoni, T-191/09, mhux ippubblikata, EU:T:2010:535, punt 97).

    99

    Fit-tieni lok, mill-Artikolu 6(8) tar-regolament bażiku jirriżulta li, ħlief fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, dwar in-nuqqas ta’ kooperazzjoni – artikolu li ma ġiex applikat f’dan il-każ, kif ġie enfasizzat fil-punt 67 iktar ’il fuq – l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta mill-partijiet ikkonċernati u li fuqha jkunu bbażati l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni għandha tiġi vverifikata sa fejn ikun possibbli. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tilleġittima, hija stess, mhux biss il-possibbiltà, iżda wkoll id-dmir tal-Kummissjoni li tivverifika d-dokumenti li jiġu sottomessi lilha. Dan id-dmir għandu naturalment jiġi eżerċitat, fil-qasam ta’ antidumping, bla ħsara għall-proċeduri speċifiċi previsti għal dan il-għan għall-benefiċċju tal-awtoritajiet doganali, b’mod speċjali għaliex, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma qajmitx dubju dwar il-validità taċ-ċertifikati kkontestati bħala tali, iżda biss dwar in-natura suffiċjentement probatorja tagħhom.

    100

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonkludiet li ċ-ċertifikati kkontestati ma setgħux jitqiesu bħala provi suffiċjenti sabiex juru l-oriġini tal-komponenti ta’ roti inkwistjoni, fuq il-bażi ta’ sensiela ta’ indizji oġġettivi, serji u konkordanti, li ma ġewx ikkonfutati mir-rikorrenti.

    101

    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ġie kkonstatat mill-Kummissjoni li ċ-ċertifikati kkontestati ma nħarġux fuq il-bażi tal-ispejjeż tal-manifattura reali, iżda fuq il-bażi ta’ projezzjoni tal-ispejjeż tal-manifattura għall-futur, li ma tagħti l-ebda garanzija li l-komponenti tar-roti kienu tabilħaqq immanifatturati skont l-ispejjeż previsti. Din kienet sempliċement projezzjoni globali tal-ispejjeż tal-manifattura li kienu validi għal volum ta’ produzzjoni mhux determinat fuq perijodu ta’ madwar sena, li ġie barra minn hekk ikkonfermat mir-rikorrenti stess (premessi 98 u 101 tar-regolament ikkontestat). Minbarra dan, il-Kummissjoni nnotat li, għal ċerti tipi ta’ frejms u frieket li għalihom inħarġu ċ-ċertifikati kkontestati, id-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż kienu neqsin (premessa 98 tar-regolament ikkontestat), pereżempju għall-frejms u għall-frieket ta’ 24 u 26 pulzier, u li wħud mill-imsemmija ċertifikati kienu nħarġu mingħajr dikjarazzjoni tal-ispejjeż li jsostnuhom, kif kien il-każ, b’mod partikolari, għall-manubriji ta’ 10 pulzieri.

    102

    It-tieni nett, l-awtoritajiet tas-Sri Lanka kkonfermaw lill-Kummissjoni li huma kienu applikaw dan il-metodu ġenerali għal Great Cycles mingħajr ma wettqu kontroll ex post.

    103

    It-tielet nett, il-Kummissjoni qajmet il-fatt li d-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż prodotti insostenn tat-talba għal ħruġ taċ-ċertifikati kkontestati ġew redatti abbażi tad-daqs tal-komponenti tar-roti – frejms, frieket, rimmijiet u roti – u mhux għal prodotti individwali.

    104

    Ir-raba’ nett, il-valur frank abbord indikat fuq iċ-ċertifikati kkontestati ma kienx jikkorrispondi għal dak indikat f’data oħra mogħtija mir-rikorrenti, bħal dik tat-tabella F.2 (ara l-punti 9 u 12 iktar ’il fuq) jew ċerti fatturi li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn Great Cycles u r-rikorrenti, Flying Hourse u r-rikorrenti jew Great Cycles u Flying Horse. Fir-rigward ta’ wħud minn dawn il-fatturi, ir-rikorrenti ssostni, b’mod żbaljat, li r-riferiment għal għaxra minnhom fir-risposta huwa inammissibbli peress li dawn ma kinux ġew ikkommunikati fil-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Mill-atti tal-proċess jirriżulta fil-fatt li hija r-rikorrenti stess li bagħtet dawn il-fatturi lill-Kummissjoni waqt il-verifika fuq il-post u li dawn il-komponenti, indikati fit-tabella F.2, kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet kontradittorji waqt il-proċedura amministrattiva. Il-Kummissjoni għalhekk setgħet tirreferi għalihom, anki fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

    105

    Għalhekk huwa ġustament li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ u fid-dawl tal-indizji kollha indikati fil-punti 101 sa 104 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li ċ-ċertifikati kkontestati ma kinux jikkostitwixxu provi suffiċjenti sabiex tintwera l-oriġini tal-komponenti tar-roti.

    106

    Għalhekk, il-motiv tar-rikors fuq dan il-punt għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    – Fuq l-applikazzjoni “b’analoġija” tal-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku

    107

    Wara li ċ-ċertifikati kkontestati ġew skartati bħala provi suffiċjenti sabiex tintwera li l-komponenti tar-roti joriġinaw mis-Sri Lanka, il-Kummissjoni talbet, u r-rikorrenti pproduċiet, id-dikjarazzjoni tal-ispejjeż tal-manifattura tal-imsemmija komponenti matul il-perijodu tar-rapport, fil-format mitlub. Il-Kummissjoni applikat għalhekk, “b’analoġija”, il-kriterji tal-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku sabiex tivverifika, fuq il-bażi tal-ispejjeż tal-manifattura tagħhom, l-“oriġini” tal-imsemmija komponenti (skont il-proċess verbal tas-smigħ quddiem l-uffiċjal tas-seduta) jew il-“provenjenza” tagħhom (skont il-formulazzjoni tal-premessa 101, fl-aħħar, tar-regolament ikkontestat, ara l-punti 89 u 90 iktar ’il fuq).

    108

    Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 86 iktar ’il fuq, f’dan il-każ, dawn il-komponenti “kienu ġejjin” mis-Sri Lanka. Għandu jiġi vverifikat għalhekk jekk il-Kummissjoni setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tapplika “b’analoġija” l-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku f’dan il-każ sabiex tivverifika l-oriġini ta’ dawn il-komponenti.

    109

    Għandu jiġi speċifikat, f’dan ir-rigward, li l-ispejjeż tal-manifattura prodotti għal dan il-għan mir-rikorrenti ma ġewx skartati mill-Kummissjoni bħala insuffiċjenti jew mhux kredibbli. Għall-kuntrarju, mill-proċess kif ukoll mill-premessi 13 u 101 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni speċifikament ibbażat ruħha fuq din l-informazzjoni sabiex tapplika “b’analoġija” l-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku.

    110

    Issa, minn naħa, bl-applikazzjoni “b’analoġija” tal-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku, il-Kummissjoni, fil-fatt, eżaminat jekk il-manifattura ta’ komponenti tar-roti fis-Sri Lanka kkostitwixxietx evażjoni tal-miżuri antidumping imposti fuq ir-roti li joriġinaw miċ-Ċina, li ma kienx jikkostitwixxi s-suġġett tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

    111

    Fil-fatt, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku jirriżulta li dan japplika għal “operazzjonijiet ta’ assemblaġġ”, b’tali mod li r-regola inkluża fih ta’ 60 % tapplika għalhekk għall-valur totali tal-komponenti tal-“prodott mibni [immuntat].” Issa, ma huwiex ikkontestat, f’dan il-każ, li l-investigazzjoni la kellha bħala suġġett l-“operazzjonijiet ta’ assemblaġġ” ta’ roti fis-Sri Lanka u lanqas, bi kwalunkwe mod, ir-roti “mibnija” fl-imsemmi pajjiż.

    112

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku ma jikkostitwixxix regola ta’ oriġini, kif fil-fatt tirrikonoxxi l-Kummissjoni stess fil-premessa 101 tar-regolament ikkontestat, li huwa kkonfermat fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. Għalhekk ma jistax jiġi applikat “b’analoġija” sabiex jiġi ddeterminat l-oriġini ta’ merkanzija, speċjalment billi l-kriterji previsti fl-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku huma essenzjalment differenti minn dawk tar-regoli ta’ oriġini. Issa, li kieku kellu jiġi kkonstatat li iktar minn 40 % tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott mibni huwa kkostitwit minn komponenti li joriġinaw minn pajjiż ieħor minbarra dak suġġett għall-miżuri, l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ ma jkunux jistgħu jitqiesu bħala evażjoni tad-dazju antidumping inizjalment stabbilit, fis-sens tal-Artikolu 13 tar-regolament bażiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il-Kunsill (T-80/97, EU:T:2000:216, punt 85).

    113

    Barra minn hekk, mill-Artikolu 14(3) tar-regolament bażiku jirriżulta li “[d]isposizzjonijiet speċjali, b’mod partikolari fejn għandha x’taqsam id-definizzjoni komuni tal-kunċett ta’ oriġini, kif jinsab fir-Regolament [Nru 2913/92] jistgħu jiġu adottati skond dan ir-Regolament.” Madankollu, ma huwiex ikkontestat li, qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament ikkontestat, dispożizzjonijiet bħal dawn ma kinux ġew adottati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il-Kunsill, T-80/97, EU:T:2000:216, punt 108).

    114

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta applikat “b’analoġija” l-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku għall-komponenti tar-roti mixtrija fis-Sri Lanka sabiex tivverifika l-oriġini tagħhom fil-kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fil-Pakistan.

    115

    L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni ma jikkonfuta din il-konklużjoni. L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument, imressaq fil-kontroreplika, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina elementi oħrajn, peress li l-assenza ta’ natura suffiċjentement probatorja taċ-ċertifikati kkontestati ppermettiet li hija tiċħad it-talba għal eżenzjoni fuq din il-bażi biss, għandu jiġi rrilevat li ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tar-regolament ikkontestat li l-applikazzjoni “b’analoġija” tal-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku għall-komponenti tar-roti mixtrija fis-Sri Lanka twettqet ulterjorment. Għall-kuntrarju, minn diversi premessi tar-regolament ikkontestat, bħall-premessi 13, 98, 100 u 101, jirriżulta li dan il-motiv kien jikkostitwixxi element sostanzjali tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni, peress li dan, barra minn hekk, tqajjem u ġie diskuss matul il-proċedura kollha li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. Il-Kummissjoni ma tista’ tislet f’dan ir-rigward l-ebda argument serju mill-użu tal-kliem “barra minn hekk” (moreover) fil-premessa 101 tar-regolament ikkontestat, sa fejn l-imsemmi motiv jinsab f’diversi premessi oħra u sa fejn dan il-kliem jindika biss iż-żieda ta’ argument, mingħajr ma dan jimplika n-natura superfluwa ta’ din iż-żieda.

    116

    It-tieni nett, il-Kummissjoni tirrikonoxxi hija stess li ċ-ċirkustanzi li jirrigwardaw din il-kawża, minkejja li huma ċertament dubjużi, ma humiex suffiċjenti bħali tali, “sabiex jistabbilixxu b’mod konklużiv li r-rikorrenti [kienet] involuta fil-prattiki ta’ evażjoni fil-Pakistan matul il-perijodu ta’ investigazzjoni” (punt 11 in limine tal-kontroreplika). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha tinvoka “sensiela ta’ indizji” mingħajr madankollu turi li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku kienu ssodisfatti, speċjalment billi r-rikorrenti tqieset bħala li kkooperat, kif ġie rrilevat fil-punt 21 iktar ’il fuq.

    117

    It-tielet nett, fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni għandha teżamina, mhux fil-qosor, iżda b’reqqa u imparzjalità, id-dokumenti ppreżentati fil-kuntest tal-investigazzjoni mill-operatur ekonomiku kkonċernat, sabiex tiġi pprovata l-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il-Kunsill, T-80/97, EU:T:2000:216, punt 115). Il-Kummissjoni ma tistax għalhekk tinjora l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti sabiex turi l-oriġini tal-komponenti tar-roti inkwistjoni taħt il-pretest li tali eżami ma kienx obbligatorju, speċjalment peress li l-Kummissjoni stess ibbażat ruħha fuq dawn id-dikjarazzjonijiet, kif indikati fit-tabella F.4.1, u mingħajr kontestazzjoni tal-kredibbiltà tagħhom, sabiex tapplika, “b’analoġija”, l-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku.

    118

    Fl-aħħar nett, il-fatt li l-verifika tal-ispejjeż tal-manifattura tal-komponenti inkwistjoni twettqet “bil-karta”, peress li l-għodda ta’ produzzjoni kienu ġew ittrasferiti f’post ieħor, ma huwiex determinanti, sakemm il-Kummissjoni ma tikkontestax, matul il-perijodu tar-rapport, li l-komponenti inkwistjoni tħaddmu fis-Sri Lanka. Fi kwalunkwe każ, dan il-fatt biss ma jistax jirrimedja l-iżball ta’ dritt imwettaq mill-Kummissjoni.

    119

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-uniku motiv tar-rikors huwa fondat. Għalhekk, dan għandu jintlaqa’ u, konsegwentement ir-regolament ikkontestat għandu jiġi annulat sa fejn jirrigwarda r-rikorrenti.

    Fuq l-ispejjeż

    120

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    121

    F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni tilfet, għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti f’dan is-sens.

    122

    L-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/776, tat-18 ta’ Mejju 2015, li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal fuq importazzjonijiet ta’ roti kkonsenjati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini kif ukoll jekk le, huwa annullat sa fejn jirrigwarda lil Kolachi Raj Industrial (Private) Ltd.

     

    2)

    Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha u għal dawk sostnuti minn Kolachi Raj Industrial (Private).

     

    3)

    European Bicycle Manufacturers Association (EBMA) għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

     

    Tomljenović

    Marcoulli

    Kornezov

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Ottubru 2017.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top