EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TJ0136

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-14 ta’ Diċembru 2017.
Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE vs Il-Parlament Ewropew.
Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Talbiet sabiex jissottomettu offerti dwar il-lottijiet kollha koperti minn sejħa għal offerti – Rifjut ta’ aċċess – Assenza ta’ eżami individwali u konkret tad-dokumenti mitluba – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-privatezza – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Preżunzjoni ġenerali – Piż ta’ xogħol irraġonevoli.
Kawża T-136/15.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2017:915

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Talbiet sabiex jissottomettu offerti dwar il-lottijiet kollha koperti minn sejħa għal offerti – Rifjut ta’ aċċess – Assenza ta’ eżami individwali u konkret tad-dokumenti mitluba – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-privatezza – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Preżunzjoni ġenerali – Piż ta’ xogħol irraġonevoli”

Fil-Kawża T‑136/15,

Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, stabbilita f’Ateni (il‑Greċja), inizjalment irrappreżentata minn I. Ampazis u M. Sfyri, sussegwentement minn M. Sfyri u C.‑N. Dede, avocats,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir‑Renju tal‑Isvezja, irrappreżentat minn E. Karlsson, L. Swedenborg, A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson u N. Otte Widgren, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il‑Parlament Ewropew, inizjalment irrappreżentat minn N. Görlitz, N. Rasmussen u L. Darie, sussegwentement minn M. Görlitz, L. Darie u C. Burgos, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament tat‑13 ta’ Frar 2015 li tirrifjuta l-aċċess għat-talbiet sabiex jissottomettu offerti fil-lottijiet kollha tas-sejħa għal offerti ITS 08 – Provvista ta’ servizzi esterni għas-servizzi IT 2008/S 149-199622,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, L. Calvo–Sotelo Ibáñez–Martín u I. Reine (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑31 ta’ Jannar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

1

Ir-rikorrenti, Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, ipparteċipat fis-sejħa għal offerti mnedija mill-Parlament Ewropew taħt ir-referenza ITS 08 – Provvista ta’ servizzi esterni għas-servizzi IT 2008/S 149‑199622, li tirrigwarda sittax-il lott differenti f’valur totali ta’ EUR 300 miljun (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal offerti ITS 08”). Wara din is-sejħa għal offerti, hija ffirmat, fis‑26 ta’ Ottubru 2009, kuntratt qafas mal-Parlament li jirrigwarda l-Lott Nru 7 intitolat “Għarfien espert fl-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet dokumentarji u ta’ sistemi ta’ ġestjoni ta’ kontenut” (iktar ’il quddiem il-“Lott Nru 7”).

2

Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti talbet lill-Parlament l-aċċess għal “l-informazzjoni disponibbli kollha dwar it-talbiet sabiex jissottomettu offerti kollha mibgħuta mill-[Parlament] għal-lottijiet kollha [tas-sejħa għal offerti] ITS 08” (iktar ’il quddiem it-“talbiet sabiex jissottomettu offerti” jew id-“dokumenti mitluba”). Ir-rikorrenti fittxet li tikseb kopja tat-talbiet sabiex jissottomettu offerti, inklużi l-annessi tekniċi tagħhom, f’terminu ta’ ħmistax-il jum tax-xogħol sa mill-wasla tal-ittra tagħha. Insostenn tat-talba tagħha, ir-rikorrenti argumentat li hija kellha xi suspetti dwar l-għoti irregolari, mill-Parlament, ta’ ċerti kompiti tal-Lott Nru 7 lill-partijiet kontraenti magħżula għal lottijiet oħrajn, b’mod partikolari l-Lott Nru 6, u li hija xtaqet tivverifika l-portata tad-dannu subit wara dawn l-għotjiet allegatament illegali.

3

Permezz ta’ posta elettronika tas‑17 ta’ Novembru 2014, u permezz ta’ ittra tal-istess jum, il-Parlament irrikonoxxa l-wasla tat-talba inizjali għal aċċess għat-talbiet sabiex jissottomettu offerti u indika lir-rikorrenti li din it-talba kienet ser tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

4

Permezz ta’ posta elettronika tat‑3 ta’ Diċembru 2014, il-Parlament informa lir-rikorrenti li, minħabba n-numru sinjifikattiv ta’ dokumenti li kellhom jiġu eżaminati individwalment, “ferm iktar minn 1000”, huwa ma setax josserva t-terminu ta’ ħmistax-il jum tax-xogħol previst mir-Regolament Nru 1049/2001. F’dan il-kuntest, huwa ppropona lir-rikorrenti tfittex soluzzjoni imparzjali fis-sens tal-Artikolu 6(3) tal-imsemmi regolament, li tikkonsisti f’li jiġu analizzati u kkomunikati d-dokumenti mitluba għal kull wieħed mil-lottijiet skont skeda li kellha tiġi ddefinita. Il-Parlament issuġġerixxa wkoll li, fl-ewwel lok, għall‑31 ta’ Jannar 2015, jiġu eżaminati d-dokumenti tal-Lott Nru 7 u, sussegwentement, fi stadju ulterjuri, jiġu analizzati dawk tal-Lott Nru 6.

5

Fil‑5 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti wieġbet lill-Parlament li ma setgħetx taċċetta l-proposta tiegħu. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, id-dokumenti mitluba kollha kienu elenkati u rreġistrati f’forma elettronika, b’mod li l-iżvelar tagħhom ma kienx jinvolvi xogħol eċċessiv għall-Parlament. Barra minn hekk, ir-rikorrenti speċifikat li, jekk l-analiżi ta’ kwalunkwe lott kienet teħtieġ xahrejn, bħat-terminu propost mill-Parlament għall-eżami tad-dokumenti tal-Lott Nru 7, hija kien ikollha tistenna kważi tliet snin sabiex tikseb id-dokumenti mitluba kollha. Ir-rikorrenti għaldaqstant indikat li, fil-fehma tagħha, il-proposta tal-Parlament kienet ekwivalenti għal rifjut ta’ aċċess. Konsegwentement, hija għamlet talba konfermattiva għal aċċess intiża li tikseb id-dokumenti mitluba kollha għall‑31 ta’ Jannar 2015.

6

Permezz ta’ posta elettronika tad‑9 ta’ Diċembru 2014, il-Parlament speċifika li l-proposta tiegħu tat‑3 ta’ Diċembru 2014 bl-ebda mod ma kienet tikkonsisti f’rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba. Huwa talab ukoll estensjoni tat-terminu ta’ ħmistax-il jum tax-xogħol sabiex iwieġeb għat-talba inizjali għal aċċess, konformement mal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

7

Permezz ta’ posta elettronika tas‑17 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti tenniet it-talba tagħha għall-iżvelar tal-“informazzjoni mitluba kollha” sal-aħħar tax-xahar ta’ Jannar 2015. Hija indikat ukoll lill-Parlament li, permezz tal-proposta tiegħu tat‑3 ta’ Diċembru 2014, huwa ma kienx ipprova serjament ifittex soluzzjoni imparzjali, peress li hija diġà kellha d-dokumenti tal-Lott Nru 7, li l-Parlament issuġġerixxa li jiġu eżaminati fl-ewwel lok. Skont ir-rikorrenti, kien hemm lok li l-ewwel issir l-analiżi tad-dokumenti tal-Lott Nru 6.

8

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2014, il-Parlament irrifjuta t-talba inizjali għall-aċċess għat-talbiet sabiex jissottomettu offerti tar-rikorrenti, għar-raġuni li, wara l-eżami individwali ta’ wħud mill-ħafna dokumenti mitluba, kien irriżulta li xi informazzjoni inkluża fihom kienet koperta mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, skont il-Parlament, seta’ jiġi preżunt li dawn l-eċċezzjonijiet kienu japplikaw għad-dokumenti l-oħrajn mitluba, peress li kienu tal-istess natura bħal dawk li ġew eżaminati. Sussidjarjament, il-Parlament argumenta li eżami individwali tad-dokumenti mitluba kollha kien jirrappreżenta piż ta’ xogħol sproporzjonat.

9

Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti għamlet talba konfermattiva għal aċċess għat-talbiet kollha sabiex jissottomettu offerti. Il-Parlament irrikonoxxa l-wasla ta’ din it-talba konfermattiva għal aċċess permezz ta’ posta elettronika tad‑19 ta’ Jannar ta’ wara.

10

Permezz ta’ posta elettronika tat‑2 ta’ Frar 2015, il-Parlament estenda t-terminu sabiex iwieġeb għat-talba konfermattiva tar-rikorrenti ta’ ħmistax-il jum tax-xogħol, konformement mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

11

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Frar 2015, il-Parlament irrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kollha mitluba mir-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

12

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament argumenta, preliminarjament, li la mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), u lanqas mir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad‑29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (ĠU 2012, L 362, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Delega”), ma kien jirriżulta xi obbligu ta’ żvelar tat-talbiet sabiex jissottomettu offerti.

13

F’dak li jirrigwarda l-limiti għad-dritt ta’ aċċess, il-Parlament indika, essenzjalment, li t-twettiq tal-eżami tad-dokumenti mitluba kien ikkonferma li ċerti talbiet sabiex jissottomettu offerti kienu jinkludu informazzjoni koperta mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

14

L-ewwel nett, ċerti dokumenti jesponu d-dettalji tal-istruttura tal-IT tal-Parlament li, flimkien mal-informazzjoni pubblikament disponibbli f’dan ir-rigward, jistgħu jipperikolaw is-sigurtà ta’ din is-sistema. Il-Parlament b’mod partikolari jirreferi għas-softwer ta’ sigurtà, għall-applikazzjonijiet użati għall-amministrazzjoni tal-parametri ta’ sigurtà tal-bini, bħal fejn jitpoġġew il-kameras ta’ sorveljanza, u għall-isem tal-applikazzjonijiet użati għal finijiet loġistiċi. Għaldaqstant, skont il-Parlament, il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika kienet tiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba.

15

It-tieni nett, uħud mit-talbiet sabiex jissottomettu offerti eżaminati jinkludu data personali, bħall-ismijiet, profili professjonali u livelli ta’ anzjanità tal-konsulenti fis-servizz tal-Parlament. Peress li l-ħtieġa ta’ komunikazzjoni ta’ din id-data, skont il-Parlament, bl-ebda mod ma ġiet stabbilita, l-aċċess għad-dokumenti mitluba kellu jiġi rrifjutat sabiex tiġi protetta l-privatezza tal-persuni kkonċernati.

16

It-tielet nett, id-dokumenti mitluba kienu jinkludu informazzjoni ta’ natura ekonomika u teknika li l-preżentazzjoni tagħhom tista’ tikxef il-profil tax-xerrej tal-Parlament fis-suq. Barra minn hekk, it-talbiet sabiex jissottomettu offerti jistgħu jinkludu informazzjoni dwar il-kompetenzi partikolari tal-fornituri magħżula għal kull lott kif ukoll dettalji dwar l-istrateġija kummerċjali tagħhom u l-alleanzi jew rabtiet ma’ terzi. Il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, jiġifieri dawk tal-atturi ekonomiċi involuti u tal-Parlament, kienet tiġġustifika għaldaqstant ukoll, skont il-Parlament, ir-rifjut ta’ kwalunkwe aċċess għad-dokumenti mitluba.

17

Ir-raba’ nett, il-komunikazzjoni tad-dokumenti mitluba tista’ tkun ta’ ħsara għall-proċess deċiżjonali tal-Parlament sa fejn dawn jikxfu informazzjoni dwar ċerti proġetti tal-IT pendenti li għalihom kienet għadha ma ġietx adottata deċiżjoni. Skont il-Parlament, dan seta’ jfixkel l-istrateġija operattiva li huwa kien żviluppa f’dan il-qasam matul is-snin.

18

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament argumenta wkoll dwar l-assenza ta’ kwalunkwe interess pubbliku superjuri li jista’ jwassal biex ma jiġux applikati l-eċċezzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u mal-proċess deċiżjonali. F’dan ir-rigward, huwa indika li l-interess partikolari tar-rikorrenti, li allegat li sofriet dannu minħabba irregolaritajiet fl-eżekuzzjoni, mill-Parlament, tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni.

19

Il-Parlament ippreċiża wkoll fid-deċiżjoni kkontestata li, anki jekk huwa ma kienx f’pożizzjoni li jeżamina individwalment id-dokumenti kollha mitluba mir-rikorrenti, l-erba’ eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess invokati kellhom jitqiesu li japplikaw għal dawn id-dokumenti kollha bis-saħħa ta’ preżunzjoni ġenerali, konformement mal-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, EU:C:2010:376).

20

Fl-aħħar nett, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament enfasizza li l-eżami individwali tal-madwar 1500 dokument mitluba, li jirrappreżentaw kważi 18000 paġna li trid tiġi estratta minn fost 10000 dokument, jikkostitwixxi piż ta’ xogħol eċċessiv għas-servizzi tiegħu. Tali piż huwa sproporzjonat fid-dawl tal-interessi invokati mir-rikorrenti insostenn tat-talba għal aċċess tagħha.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti bdiet din l-azzjoni.

22

Fit‑22 ta’ Ġunju 2015, il-Parlament ippreżenta risposta.

23

Fil‑21 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrenti ppreżentat replika. Il-Parlament ippreżenta kontroreplika fis‑27 ta’ Ottubru ta’ wara.

24

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Awwissu 2015, ir-Renju tal-Isvezja talab li jintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Novembru 2015, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal dan l-intervent.

25

Fit‑8 ta’ Frar 2016, ir-Renju tal-Isvezja ppreżenta nota ta’ intervent. Ir-rikorrenti u l-Parlament ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-nota ta’ intervent fl‑14 u fid‑19 ta’ April 2016, rispettivament.

26

Wara l-estensjoni tal-Qorti Ġenerali, il-kawża ġiet assenjata mill-ġdid lil Imħallef Relatur ġdid. Peress li sussegwentement kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, u din il-kawża għaldaqstant ġiet assenjata lilha.

27

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. Fil‑15 ta’ Diċembru 2016, il-Qorti Ġenerali għamlet diversi mistoqsijiet lill-Parlament, sabiex iwieġeb bil-miktub qabel is-seduta, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Il-Parlament weġibhom fit-terminu stabbilit.

28

It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑31 ta’ Jannar 2017.

29

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż, anki fil-każ li tiċħad ir-rikors.

30

Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

31

Ir-Renju tal-Isvezja jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

Id-dritt

Fuq is-suġġett tal-kawża

32

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-assenza ta’ eżami individwali tad-dokumenti mitluba u fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess parzjali għad-dokumenti, kif previst fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, it-tieni wieħed, fuq l-applikazzjoni żbaljata, mill-Parlament, tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a), l-Artikolu 4(1)(b), l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament dwar il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, tal-privatezza, tal-interessi kummerċjali, u tal-proċess deċiżjonali, rispettivament.

33

Fir-risposta, il-Parlament jargumenta sussidjarjament, u biss fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis iż-żewġ motivi mqajma mir-rikorrenti bħala fondati, li d-deċiżjoni kkontestata xorta tibqa’ legali. Fil-fatt, peress li l-Parlament jibbaża wkoll ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba fuq “motiv (mhux miktub) u mhux ikkontestat ta’ piż amministrattiv sproporzjonat”, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tannulla d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-Parlament jistieden lill-Qorti Ġenerali teżamina ex officio sa liema punt din iċ-ċirkustanza hija ta’ natura li timmotiva eventwali inammissibbiltà tar-rikors kollu kemm hu.

34

F’dan ir-rigward, mir-rikors jirriżulta li r-rikorrenti effettivament invokat żewġ motivi, mingħajr ma semmiet in-nuqqas ta’ piż ta’ xogħol sproporzjonat bħala motiv distint. Madankollu, insostenn tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti targumenta espressament li l-argument tal-Parlament ibbażat fuq piż ta’ xogħol eċċessiv u sproporzjonat ma huwiex sostnut, peress li dan la ppreċiża n-numru ta’ dokumenti eżaminati u lanqas il-perijodu għall-evalwazzjoni tal-kontenut tagħhom. Ir-rikorrenti żżid tgħid li l-portata ta’ dan ix-xogħol hija l-iktar l-iktar ta’ ftit ġranet, peress li l-maġġoranza tad-dokumenti mitluba huma qosra u għandhom l-istess struttura.

35

Konsegwentement, hemm lok jiġi konkluż li r-rikorrenti rrifjutat sewwa l-motiv invokat espressament mill-Parlament fid-deċiżjoni kkontestata, ibbażat fuq piż ta’ xogħol eċċessiv u sproporzjonat. Il-legalità ta’ dan il-motiv għalhekk ser tiġi eżaminata f’din is-sentenza, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv.

Osservazzjonijiet preliminari

36

Għandu jitfakkar li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni Ewropea huwa protett mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxi dritt fundamentali speċjali. Fil-fatt, skont l-Artikolu 42 tal-imsemmija Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandu d-dritt ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti, ikun xi jkun il-mezz tagħhom (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2012, Thesing u Bloomberg Finance vs BĊE, T‑590/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:635, punt 73). Barra minn hekk, konformement mal-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jidħol fir-rieda espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE, inkluż mit-Trattat ta’ Amsterdam, li jikkaratterizza pass ġdid fil-proċess tal-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli tal-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin. Bħalma tfakkar il-premessa 2 tal-imsemmi regolament, id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 34; tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 68, u tal‑21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 72).

37

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżami meħtieġ għall-ipproċessar ta’ talba għall-aċċess ta’ xi dokumenti għandu jkun eżami konkret (ara s-sentenza tat‑13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il‑Kummissjoni, T‑2/03, EU:T:2005:125, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-eżami konkret għandu, barra minn hekk, jitwettaq fir-rigward ta’ kull dokument imsemmi fit-talba. Fil-fatt, mir-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li l-eċċezzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) tiegħu huma deskritti fis-sens li għandhom japplikaw “għal dokument” (sentenzi tat‑13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il‑Kummissjoni, T‑2/03, EU:T:2005:125, punt 70, u tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punt 116).

38

Din is-soluzzjoni bħala prinċipju ma tfissirx madankollu li tali eżami huwa meħtieġ fiċ-ċirkustanzi kollha. Fil-fatt, peress li l-għan tal-eżami konkret u individwali li l-istituzzjoni għandha bħala prinċipju twettaq b’risposta għal talba għal aċċess imressqa abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa li jippermetti lill-istituzzjoni inkwistjoni sabiex, minn naħa, tevalwa sa liema punt hija applikabbli eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess u, min-naħa l-oħra, tevalwa l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali, l-imsemmi eżami jista’ ma jkunx neċessarju meta, minħabba ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikun jidher b’mod ċar li l-aċċess għandu jiġi miċħud jew, għall-kuntrarju, għandu jingħata (sentenza tat‑13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il‑Kummissjoni, T‑2/03, EU:T:2005:125, punt 75).

39

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li għandhom jiġu eżaminati l-motivi mqajma mir-rikorrenti.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba u fuq in-nuqqas ta’ osservanza tad-dritt ta’ aċċess parzjali

40

Ir-rikorrenti targumenta li d-deċiżjoni tal-Parlament li jillimita l-eżami tiegħu għal numru limitat ħafna ta’ talbiet sabiex jissottomettu offerti hija manifestament inkompatibbli mal-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti Ġenerali li tipprovdi li huwa meħtieġ eżami konkret u individwali ta’ kull dokument, anki meta huwa ċar li t-talba għall-aċċess tkopri dokumenti koperti minn eċċezzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis b’mod partikolari li l-motiv dwar piż ta’ xogħol eċċessiv u sproporzjonat, imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata, bl-ebda mod ma huwa ssostanzjat. Skont ir-rikorrenti, fid-dawl tan-natura u tal-kontenut tad-dokumenti mitluba, li għandhom l-istess struttura, ix-xogħol meħtieġ huwa l-iktar l-iktar ta’ ftit jiem.

41

Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-Parlament naqas milli josserva l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 meta ma eżaminax jekk setax jagħtiha aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba.

42

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-Parlament ma wettaqx eżami konkret u individwali tat-talbiet sabiex jissottomettu offerti kollha, iżda li sempliċement analizza kampjun minn dawn id-dokumenti. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament argumenta, essenzjalment, li huwa seta’ ma jagħmilx tali eżami konkret u individwali għal żewġ raġunijiet.

43

L-ewwel nett, it-talbiet sabiex jissottomettu offerti jikkostitwixxu kategorija ta’ dokumenti partikolari, koperti minn preżunzjoni ġenerali li tipprovdi li l-iżvelar tagħhom imur kontra erba’ eċċezzjonijiet distinti għad-dritt ta’ aċċess. B’mod partikolari, id-dokumenti mitluba ma humiex pubbliċi minħabba n-natura tagħhom, għaliex l-iżvelar tagħhom bl-ebda mod ma huwa previst mir-Regolament Finanzjarju. It-tieni nett, eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba kollha jirrappreżenta piż ta’ xogħol “sproporzjonat” għas-servizzi tal-Parlament, fid-dawl tal-għanijiet tat-talba għal aċċess. Il-Parlament jibbaża ruħu, f’dan ir-rigward, fuq is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni (C‑127/13 P, EU:C:2014:2250), li hija intiża li tipproteġi l-effett utli tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

44

F’dan il-kuntest, hemm lok għaldaqstant jiġi vverifikat, qabelxejn, jekk il-Parlament setax jinvoka l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali li tipprovdi li l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni huwa ta’ ħsara għal interess wieħed jew iktar protetti mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jew jekk dawn l-eċċezzjonijiet kinux ikopru manifestament u integralment il-kontenut tad-dokument mitluba, b’mod illi ma kienx obbligat iwettaq eżami konkret u individwali tad-dokument mitluba kollha. Fil-każ li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li ma hemmx tali preżunzjoni ġenerali f’dan il-każ jew li dawn l-eċċezzjonijiet ma kinux ikopru manifestament u integralment il-kontenut tad-dokumenti mitluba u, għaldaqstant, li l-Parlament għandu l-obbligu li jwettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba kollha, għandu, sussegwentement, jiġi vverifikat sa liema punt il-Parlament seta’ madankollu jeħles mill-obbligu tiegħu li jwettaq tali eżami konkret u individwali għar-raġuni li dan l-eżami jirrappreżenta piż ta’ xogħol “sproporzjonat”.

Fuq l-applikazzjoni, għad-dokumenti mitluba kollha, tal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a), l-Artikolu 4(1)(b), l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

45

F’dan il-każ, fil-punt F tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Preżunzjoni ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet rilevanti msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għad-dokumenti kollha”, inkluż taħt it-titolu “Evalwazzjoni mill-ġdid tat-talba tiegħek konformement mal-Artikolu 8 tar-Regolament […] Nru 1049/2001”, il-Parlament indika li d-dokumenti mitluba kienu kollha jaqgħu taħt l-istess kategorija, jiġifieri dik tat-“talbiet sabiex jissottomettu offerti” u li dawn id-dokumenti kollha kellhom l-istess karatteristika, sa fejn dawn kienu intiżi li jiksbu offerta tal-fornituri magħżula f’kull wieħed mil-lottijiet partikolari, sabiex jikkonkludu kuntratt speċifiku skont kuntratt qafas.

46

Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, il-Parlament qies, fid-deċiżjoni kkontestata, li d-dokumenti mitluba kollha kienu jaqgħu taħt l-erba’ eċċezzjonijiet distinti għad-dritt ta’ aċċess imsemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a), l-Artikolu 4(1)(b), l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2), u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, tal-privatezza, tal-interessi kummerċjali u tal-proċess deċiżjonali, rispettivament.

47

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għarfet li kien possibbli għall-istituzzjonijiet, sabiex jispjegaw kif l-aċċess għad-dokumenti mitluba jista’ jkun ta’ ħsara għall-interess protett minn eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jibbażaw ruħhom fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 50; tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 54; tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 74, u tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 65).

48

Barra minn hekk, ġustifikazzjoni waħda tista’ tapplika għal dokumenti li jaqgħu taħt l-istess kategorija jekk jinkludu l-istess tip ta’ informazzjoni. Madankollu, huwa biss fis-sitwazzjoni li eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess tkopri manifestament u integralment il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti li l-istituzzjoni tista’ ma twettaqx eżami konkret u individwali ta’ dawn id-dokumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2011, LPN vs Il‑Kummissjoni, T‑29/08, EU:T:2011:448, punt 114).

49

Għandu għaldaqstant jiġi eżaminat jekk, bħalma jargumenta l-Parlament, id-dokumenti mitluba kollha kienu koperti minn eċċezzjoni waħda jew iktar għad-dritt ta’ aċċess invokati minnu, jew minħabba n-natura partikolari tagħhom, jew minħabba l-kontenut tagħhom.

 – Fuq l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a), fl-Artikolu 4(1)(b), u fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, tal-privatezza u tal-proċess deċiżjonali, rispettivament

50

F’dak li jirrigwarda n-natura tad-dokumenti mitluba, il-Parlament bl-ebda mod ma wera li dawn id-dokumenti setgħu jkunu koperti, minħabba n-natura partikolari tagħhom, minn allegata preżunzjoni ġenerali ta’ ħsara għas-sigurtà pubblika, għall-privatezza jew għall-proċess deċiżjonali.

51

Fil-fatt, talba sabiex jissottomettu offerti tinkludi bħala prinċipju deskrizzjoni tal-kompiti li l-awtorità kontraenti tixtieq li jitwettqu bis-saħħa tal-kuntratt qafas li hija ffirmat mal-parti kontraenti. Fid-dawl tal-varjetà kbira ta’ oġġetti u ta’ servizzi li huma s-suġġett ta’ kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari fil-qasam tal-IT, ma huwiex stabbilit li l-iżvelar ta’ talba sabiex jissottomettu offerti jista’, bħala regola ġenerali u mingħajr spjegazzjoni iktar preċiża, ikun riskju ta’ ħsara għas-sigurtà pubblika, għall-privatezza jew għall-proċess deċiżjonali. F’dan ir-rigward, is-sempliċi riferiment għas-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, EU:C:2010:376), ma jikkostitwixxix argument speċifiku intiż li juri li d-dokumenti mitluba kienu koperti, minħabba n-natura partikolari tagħhom, minn preżunzjoni ġenerali ta’ ħsara għal dawn l-interessi.

52

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kontenut tad-dokumenti mitluba, l-argument tal-Parlament għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, mid-deċiżjoni kkontestata jsegwi li huma biss “uħud mid-dokumenti analizzati” jew “xi [talbiet sabiex jissottomettu offerti] analizzati oħrajn” jinkludu informazzjoni li tista’ tkun ta’ ħsara għas-sigurtà pubblika.

53

Issa, filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li l-iżvelar ta’ parti mill-informazzjoni elenkata fid-deċiżjoni kkontestata tista’ effettivament tkun ta’ ħsara għas-sigurtà tas-sistemi tal-IT tal-Parlament, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-Parlament innifsu, l-informazzjoni inkwistjoni tinsab f’numru limitat biss ta’ dokumenti, u mhux fid-dokumenti kollha. Barra minn hekk, fis-seduta l-Parlament irrikonoxxa li xi informazzjoni ġenerali fuq is-sistema tal-IT tiegħu kienet disponibbli pubblikament fuq l-internet u li parti minnha kienet inkluża fit-talbiet sabiex jissottomettu offerti.

54

F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-privatezza, mit-tielet paragrafu tal-punt B tad-deċiżjoni kkontestata, inkluża taħt it-titolu intitolat “Evalwazzjoni mill-ġdid tat-talba tiegħek konformement mal-Artikolu 8 tar-Regolament […] Nru 1049/2001”, isegwi li “uħud mit-talbiet sabiex jissottomettu offerti analizzati jinkludu data personali […] bħall-ismijiet sħaħ ta’ membri tal-persunal tal-Parlament kif ukoll l-ismijiet sħaħ, il-profil professjonali u l-livell ta’ anzjanità tal-konsulenti li jipprovdu servizzi lill-istituzzjoni”. Bl-istess mod, fil-punt 156 tar-risposta, il-Parlament jispjega li “diversi talbiet [sabiex jissottomettu offerti] fihom data personali […]”.

55

Filwaqt li, ċertament, ma huwiex eskluż li l-Parlament jista’ jirrifjuta l-iżvelar ta’ din id-data personali abbażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, xorta jibqa’ l-fatt li din l-eċċezzjoni ma tkoprix manifestament u integralment il-kontenut tad-dokumenti mitluba kollha, fatt li l-Parlament irrikonoxxa, apparti dan, matul is-seduta. Barra minn hekk, mid-diversi talbiet sabiex jissottomettu offerti annessi mar-rikors kif ukoll mir-risposta tal-Parlament, isegwi li l-ismijiet tal-konsulenti, filwaqt li jissemmew f’dawn it-talbiet, jirrappreżentaw parti żgħira biss mill-informazzjoni u mill-istruzzjonijiet inklużi fihom. Għaldaqstant, jekk ikun il-każ, huwa biżżejjed li jitgħattew qabel jiġu żvelati d-dokumeti mitluba.

56

Fir-rigward, it-tielet nett, tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-proċess intern deċiżjonali tal-Parlament, dan jargumenta, fil-punt D tad-deċiżjoni kkontestata, inkluż taħt it-titolu intitolat “Evalwazzjoni mill-ġdid tat-talba tiegħek konformement mal-Artikolu 8 tar-Regolament […] Nru 1049/2001”, li d-dokumenti li huwa analizza kienu jinkludu informazzjoni li tirrigwarda b’mod partikolari kwistjonijiet li ma kienet għadha ttieħdet ebda deċiżjoni dwarhom. Jeżisti wkoll riskju li fornituri jeżerċitaw influwenza fuq il-membri tal-persunal tal-istituzzjoni li għandhom jieħdu deċiżjonijiet fil-futur, li jkun ta’ ħsara b’dan il-mod għas-serenità tal-proċess deċiżjonali.

57

F’dan ir-rigward, il-Parlament la allega u a fortiori lanqas wera li l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-proċess intern deċiżjonali kienet tkopri manifestament u integralment il-kontenut tat-talbiet sabiex jissottomettu offerti, peress li hija biss ċerta informazzjoni li hija koperta.

58

Barra minn hekk, la d-deċiżjoni kkontestata u lanqas ir-risposta ma jinkludu elementi tanġibbli li jippermettu li jiġi konkluż li riskju ta’ ħsara serja għall-proċess deċiżjonali kien raġjonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. B’mod partikolari, il-Parlament ma għamel ebda riferiment għall-eżistenza, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni adottata, ta’ ħsara jew tentattivi ta’ ħsara serja għall-proċess deċiżjonali pendenti, u lanqas għal raġunijiet oġġettivi li jippermettu li jiġi raġonevolment previst li tali ħsara sseħħ fil-każ ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il‑Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punti 7879, u tal‑20 ta’ Settembru 2016, PAN Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑51/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:519, punti 3032). F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jargumenta l-Parlament, is-sempliċi fatt li r-rikorrenti tfittex li tikseb l-aċċess għat-talbiet sabiex jissottomettu offerti ma jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, il-prova ta’ ħsara serja u prevedibbli għas-serenità tal-proċess deċiżjonali futur.

59

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kontenut tad-dokumenti mitluba ma kienx manifestament u integralment kopert mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess ibbażati fuq il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, tal-privatezza u tal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali.

60

Konsegwentement, il-Parlament ma setax jinvoka l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a), fl-Artikolu 4(1)(b) u fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, tal-privatezza u tal-proċess deċiżjonali, rispettivament, sabiex jirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba, mingħajr ma jwettaq eżami konkret u individwali tagħhom kollha.

 – Fuq l-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali

61

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament argumenta li d-dokumenti mitluba kienu jinkludu, minn naħa, informazzjoni ekonomika u teknika li tista’ tikxef il-profil tax-xerrej tiegħu fis-suq u, min-naħa l-oħra, informazzjoni li tista’ tirrigwarda l-kompetenzi speċifiċi u l-kapaċitajiet tal-fornituri magħżula, kif ukoll l-istrateġija kummerċjali tagħhom u l-alleanzi tagħhom ma’ terzi. Skont il-Parlament, bħad-dokumenti skambjati matul il-proċeduri ta’ kontroll ta’ tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjonijiet jew ta’ għajnuna mill-Istat, l-informazzjoni inkluża fit-talbiet sabiex jissottomettu offerti magħmula mill-awtorità kontraenti b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt qafas hija koperta minn preżunzjoni ġenerali ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali. Din il-preżunzjoni tirriżulta b’mod iktar preċiż mir-Regolament Finanzjarju u mir-Regolament ta’ Delega, sa fejn dawn ma jipprevedu ebda aċċess għal dawn it-talbiet.

62

F’dan il-każ, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjonijiet ġenerali applikabbli għal kategoriji ta’ dokumenti minħabba n-natura tagħhom f’diversi każijiet, inkluż fir-rigward tal-offerti tal-offerenti fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratti pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2013, Cosepuri vs EFSA, T‑339/10 u T‑532/10, EU:T:2013:38, punt 101, u tal‑21 ta’ Settembru 2016, Secolux vs Il‑Kummissjoni, T‑363/14, EU:T:2016:521, punt 59).

63

Madankollu, fir-rigward tat-talbiet sabiex jissottomettu offerti, preżunzjoni ġenerali ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali la tista’ tkun ibbażata fuq il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 iktar ’il fuq, dwar l-aċċess għall-offerti tal-offerenti, u lanqas, b’mod iktar ġenerali, fuq raġunament analogu għal dak segwit fis-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, EU:C:2010:376), dwar il-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, u tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob (C‑404/10 P, EU:C:2012:393), dwar tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni, invokati mill-Parlament fir-risposta.

64

Fil-fatt, il-kawżi li taw lok għas-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, EU:C:2010:376), u tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob (C‑404/10 P, EU:C:2012:393), kellhom karatteristika komuni, jiġifieri l-eżistenza, f’leġiżlazzjoni speċifika distinta mir-Regolament Nru 1049/2001, ta’ regoli li jiddelimitaw preċiżament l-aċċess għall-fajl jew għad-dokumenti li kienu mitluba, kemm f’dak li jirrigwarda l-persuni kif ukoll l-informazzjoni nnifisha.

65

Issa, hemm lok jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal avviż ta’ kuntratt u għal avviż ta’ għoti ta’ kuntratt, talba sabiex jissottomettu offerti magħmula mill-awtorità kontraenti b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt qafas ma hija s-suġġett tal-ebda dispożizzjoni partikolari tar-Regolament Finanzjarju jew tar-Regolament ta’ Delega, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża, li tiddefinixxi jew tillimita preċiżament l-informazzjoni inkluża fihom li għandha jew li tista’ tiġi kkomunikata mill-awtorità kontraenti lill-offerenti jew lill-kandidati l-oħrajn. B’mod partikolari, is-sitt subparagrafu tal-Artikolu 123(4) tar-Regolament ta’ Delega, iċċitat mill-Parlament, jirrigwarda biss il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-valur u l-partijiet kontraenti ta’ kuntratti speċifiċi, wara l-konklużjoni tagħhom. Għaldaqstant din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tirrigwarda bħala tali t-talbiet sabiex jissottomettu offerti magħmula mill-awtorità kontraenti b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt qafas.

66

Għaldaqstant ma jistax jitqies li r-Regolament Finanzjarju u r-Regolament ta’ Delega jinkludu regoli preċiżi ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni inkluża f’talbiet sabiex jissottomettu offerti magħmula mill-awtorità kontraenti b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, McCullough vs Cedefop, T‑496/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:374, punt 92).

67

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, ir-Regolament Nru 1049/2001 u r-Regolament Finanzjaru għandhom għanijiet differenti u ma jinkludux dispożizzjonijiet li jipprevedu espressament il-prevalenza ta’ wieħed fuq l-ieħor, b’mod illi għandha tiġi żgurata applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti li tkun kompatibbli ma’ dik tal-ieħor u tippermetti b’dan il-mod applikazzjoni koerenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2013, Cosepuri vs EFSA, T‑339/10 u T‑532/10, EU:T:2013:38, punt 85, u tal‑21 ta’ Settembru 2016, Secolux vs Il‑Kummissjoni, T‑363/14, EU:T:2016:521, punt 43). Huwa b’dan il-mod li l-prinċipju ta’ trasparenza, imsemmi fl-Artikolu 102 tar-Regolament Finanzjarju, għandu jiġi kkonċiljat mal-protezzjoni tal-interess pubbliku, tal-interessi kummerċjali leġittimi ta’ impriżi u tal-kompetizzjoni leali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2013, Cosepuri vs EFSA, T‑339/10 u T‑532/10, EU:T:2013:38, punt 49).

68

F’dan il-kuntest, ġie deċiż li, sabiex jintlaħaq l-għan tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi tal-Unjoni, li jistrieħ fuq kompetizzjoni mhux distorta, huwa importanti li l-awtoritajiet kontraenti ma jiżvelawx informazzjoni relatata ma’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li l-kontenut tagħhom ikun jista’ jintuża għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, kemm fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt fis-seħħ, kif ukoll fi proċeduri ta’ għoti ulterjuri (sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2013, Cosepuri vs EFSA, T‑339/10 u T‑532/10, EU:T:2013:38, punt 100).

69

F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li elementi ekonomiċi u tekniċi li kienu inklużi fl-offerti tal-offerenti kienu ta’ natura li jiġġustifikaw ir-rifjut tal-istituzzjoni kkonċernata li tagħti aċċess għall-offerta tal-offerent magħżul. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta tali offerti jkunu rrigwardaw l-għarfien u s-sengħa speċifiċi tal-offerenti (sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2013, Cosepuri vs EFSA, T‑339/10 u T‑532/10, EU:T:2013:38, punt 99).

70

Issa, fid-dawl tan-natura u tal-għan ta’ talba sabiex jissottomettu offerti magħmula mill-awtorità kontraenti b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt qafas, ma jistax jiġi preżunt li tali dokument jinkludi elementi ekonomiċi u tekniċi speċifiċi għall-parti kontraenti jew jagħti informazzjoni dwar l-għarfien u s-sengħa speċifiċi tiegħu. Għall-kuntrarju, talba sabiex jissottomettu offerti, minn awtorità kontraenti u mhux mill-partijiet kontraenti tagħha, ġeneralment tinkludi deskrizzjoni tal-kompiti li l-awtorità kontraenti tixtieq li jitwettqu bis-saħħa tal-kuntratt qafas li hija ffirmat mal-parti kontraenti. Huwa biss, bħala prinċipju, bi tweġiba għal din it-talba sabiex jissottomettu offerti li hija tipprovdi dettalji fuq il-provvisti ta’ servizzi li hija tqis li tista’ tipprovdi lill-awtorità kontraenti, il-profil tal-esperti li hija tista’ tagħmel disponibbli u l-ispiża tal-provvista tas-servizzi tagħha.

71

Barra minn hekk, il-Parlament ma jistax jargumenta li l-iżvelar tat-talbiet sabiex jissottomettu offerti huwa ta’ ħsara għall-interessi tiegħu, sa fejn dan jista’ jiżvela l-“profil tax-xerrej” tiegħu fis-suq. Fil-fatt, anki jekk l-iżvelar tar-relazzjoni bejn il-kompiti li għandhom iwettqu u n-numru ta’ jiem tax-xogħol sabiex iwettquhom jista’ jippermetti lill-offerenti, fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi futuri, li jesponu s-sistema ta’ kriptaġġ tal-Parlament, il-fatt li dawn l-offerenti jistgħu jsiru jafu l-prezz ipprattikat fil-passat għal provvista ta’ servizzi ekwivalenti jidher li huwa iktar probabbli li jirriżulta f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni vera milli f’sitwazzjoni fejn din tiġi distorta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑167/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:651, punt 83).

72

Għaldaqstant, fid-dawl tan-natura ta’ talba sabiex jissottomettu offerti magħmula mill-awtorità kontraenti b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt qafas u tal-għan imfittex mir-Regolament Finanzjarju u mir-Regolament ta’ Delega, il-Parlament ma setax jinvoka preżunzjoni ġenerali ta’ ħsara għall-interessi protetti mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex jeħles mill-obbligu tiegħu li jwettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba.

73

Barra minn hekk, la mid-deċiżjoni kkontestata u lanqas mill-proċess ta’ din il-kawża ma jirriżulta li l-kontenut tad-dokumenti mitluba huwa manifestament u integralment kopert mill-eċċezzjoni ċċitata fil-punt 72 iktar ’il fuq.

74

Fil-fatt, talba sabiex jissottomettu offerti tinkludi, bħala prinċipju, deskrizzjoni tal-kompiti li l-awtorità kontraenti tixtieq li jitwettqu skont il-kuntratt qafas li hija tkun ffirmat mal-parti kontraenti, iżda wkoll informazzjoni iktar ġenerali dwar, b’mod partikolari, il-ġestjoni prattika u s-segwitu tal-proġetti, il-persuni responsabbli jew anki il-format tar-rapporti li għandhom jiġu pprovduti fuq bażi regolari. Għalhekk, ma huwiex stabbilit li l-iżvelar ta’ kwalunkwe informazzjoni inkluża fid-dokumenti mitluba hija ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali tal-Parlament jew ta’ terzi.

75

Konsegwentement, il-Parlament ma setax jinvoka l-eċċezzjoni tad-dritt ta’ aċċess prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, sabiex jirrifjuta li jwettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba u li jiżvelahom.

76

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Parlament ma weriex li, minħabba n-natura tagħhom, it-talbiet sabiex jissottomettu offerti kienu koperti minn preżunzjoni ġenerali li tipprovdi li l-iżvelar tagħhom huwa ta’ ħsara għal eċċezzjoni waħda jew iktar għad-dritt ta’ aċċess, elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, jew li, minħabba l-kontenut tagħhom, eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess kienet tkopri manifestament u integralment il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti.

77

Konsegwentement, il-Parlament kien obbligat, bħala prinċipju, iwettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba kollha, sabiex jeżamina l-possibbiltà li jagħti, jekk ikun il-każ, aċċess għall-inqas parzjali għal dawn id-dokumenti. Madankollu, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk deroga għal dan l-obbliga setgħetx tiġi ammessa minħabba l-piż ta’ xogħol irraġonevoli li dan l-eżami kien jirrappreżenta għas-servizzi tal-Parlament.

Fuq l-eżistenza ta’ piż ta’ xogħol irraġonevoli

78

Skont il-ġurisprudenza, mill-prinċipju ta’ proporzjonalità jirriżulta li l-istituzzjonijiet jistgħu, f’każijiet partikolari fejn il-volum tad-dokumenti li jkun qed jintalab aċċess għalihom jew dak tas-siltiet li għandhom jiġu ċċensurati jimplikaw kompitu amministrattiv li ma huwiex xieraq, jibbilanċjaw, minn naħa, l-interess tal-applikant għal aċċess u, min-naħa l-oħra, il-piż tax-xogħol li jirriżulta mill-ipproċessar tat-talba għall-aċċess sabiex jiġi protett l-interess ta’ amministrazzjoni tajba (sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kunsill vs Hautala, C‑353/99 P, EU:C:2001:661, punt 30, u tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 27).

79

Huwa madankollu b’mod eċċezzjonali u biss meta l-piż amministrattiv ikkawżat mill-eżami konkret u individwali tad-dokumenti jirriżulta partikolarment diffiċli, tant li jaqbeż il-limiti ta’ dak li jista’ jkun raġonevolment meħtieġ, li deroga għal dan l-obbligu ta’ eżami tista’ tkun aċċettata (sentenza tat‑13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il‑Kummissjoni, T‑2/03, EU:T:2005:125, punt 112).

80

Barra minn hekk, sa fejn id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet jammonta għal soluzzjoni li għandha tkun applikata fil-prinċipju, l-oneru kollu tal-prova dwar in-natura rraġonevoli tal-kompitu meħtieġ mit-talba jaqa’ fuq l-istituzzjoni li tinvoka eċċezzjoni marbuta ma’ din in-natura rraġonevoli (sentenzi tat‑13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il‑Kummissjoni, T‑2/03, EU:T:2005:125, punt 113, u tal‑10 ta’ Settembru 2008, Williams vs Il‑Kummissjoni, T‑42/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:325, punt 86).

81

Fl-aħħar nett, meta l-istituzzjoni tkun ressqet il-prova tan-natura irraġonevoli tal-piż amministrattiv meħtieġ mill-eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija fit-talba, hija obbligata tipprova tiltaqa’ mal-applikant sabiex, minn naħa, issir taf jew titolbu jippreċiża l-interess tiegħu fil-kisba tad-dokumenti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, tqis b’mod konkret l-għażliet tagħha dwar l-adozzjoni ta’ miżura inqas restrittiva minn eżami konkret u individwali tad-dokumenti. Peress li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti jirrappreżenta l-prinċipju, l-istituzzjoni tibqa’ madankollu marbuta, f’dan il-kuntest, li tiffavorixxi l-għażla li, filwaqt li ma tkunx tinvolvi kompitu li jaqbeż il-limiti ta’ dak li jista’ jkun raġonevolment mistenni, tibqa’ l-iktar waħda favorevoli għad-dritt ta’ aċċess tal-applikant (sentenza tat‑13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il‑Kummissjoni, T‑2/03, EU:T:2005:125, punt 114).

82

Minn dan jirriżulta li l-istituzzjoni tista’ ma twettaqx eżami konkret u individwali biss wara li tkun verament studjat l-għażliet l-oħra kollha possibbli u wara li tkun spjegat b’mod iddettaljat, fid-deċiżjoni tagħha, ir-raġunijiet li għalihom dawn id-diversi għażliet jinvolvu, huma wkoll, piż ta’ xogħol irraġonevoli (sentenza tat‑13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il‑Kummissjoni, T‑2/03, EU:T:2005:125, punt 115).

83

Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 78 sa 82 iktar ’il fuq, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, tliet kundizzjonijiet kumulattivi humiex issodisfatti, jiġifieri, l-ewwel nett, jekk il-piż ta’ xogħol li jeħtieġ l-eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba jirriżultax li huwa irraġonevoli, it-tieni nett, jekk il-Parlament ippruvax jiltaqa’ mar-rikorrenti u, it-tielet nett, jekk huwa konkretament ħasibx f’soluzzjonijiet alternattivi għal eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba.

84

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, mid-deċiżjoni kkontestata, iżda fuq kollox mir-risposta u mill-kontroreplika kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet tal-Parlament ipprovduti matul is-seduta, isegwi li l-eżami tat-talbiet sabiex jissottomettu offerti kollha jeżiġi l-estrazzjoni manwali ta’ madwar 1500 dokument, fost iktar minn 10000 dokument mifrux f’iktar minn elf fajl. Dan l‑1 500 dokument, li bħala medja għandhom 12‑il paġna kull wieħed, jirrappreżenta total ta’ mill-inqas 18000 paġna u jirrigwarda biss it-talbiet sabiex jissottomettu offerti amministrati mid-Direttorat Ġenerali (DĠ) għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku tal-Parlament. Matul is-seduta, il-Parlament spjega wkoll li dan l-ammont jirrappreżenta biss madwar 75 % tad-dokumenti mitluba, peress li l‑25 % l-oħrajn kienu jinsabu fil-fajls ta’ direttorati ġenerali oħrajn tal-Parlament. Barra minn hekk, tfakkar li l-kuntratti qafas konklużi wara s-sejħa għal offerti ITS 08 kienu jirrigwardaw sittax-il lott differenti, f’valur totali ta’ EUR 300 miljun, u kienu ġew eżegwiti minn disa’ direttorati ġenerali.

85

Iċ-ċifri ċċitati fil-punt 84 iktar ’il fuq ma ġewx ikkontestati serjament mir-rikorrenti. Għaldaqstant jista’ jiġi raġonevolment konkluż li d-dokumenti mitluba huma ħafna.

86

Huwa minnu li, bħalma jenfasizza r-Renju tal-Isvezja, sempliċi riferiment għal numru ta’ paġni ma huwiex suffiċjenti, fih innifsu, sabiex jiġi evalwat il-piż ta’ xogħol meħtieġ minn eżami konkret u individwali. Fil-fatt, il-piż ta’ xogħol meħtieġ sabiex jitwettaq l-eżami ta’ talba għal aċċess jiddependi wkoll min-natura ta’ dawn id-dokumenti u, għaldaqstant, mid-dettall meħtieġ mill-eżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il‑Kummissjoni, T‑2/03, EU:T:2005:125, punt 111).

87

Madankollu mill-proċess u, b’mod partikolari, mill-eżempji tat-talbiet sabiex jissottomettu offerti pprovduti mill-Parlament, isegwi li dawn it-talbiet jinkludu mill-inqas anness b’dettalji tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt dwar il-proġett kopert. Dan l-anness jinkludi diversi kapitoli kull wieħed minnhom b’suġġett distint. Filwaqt li huwa minnu li l-istruttura tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tista’ tidher li għandha ċertu xebh u li ċerti speċifikazzjonijiet ġenerali huma rikurrenti, xorta jibqa’ l-fatt li kull wieħed mis-sittax-il lott ikkonċernat mis-sejħa għal offerti ITS 08 għandu suġġett distint. Id-deskrizzjoni tas-suġġett u tal-fażijiet tal-proġett inkwistjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet tekniċi applikabbli huma għaldaqstant speċifiċi għal kull talba sabiex jissottomettu offerti magħmula mill-awtorità kontraenti b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt qafas u jeħtieġu analiżi proprja.

88

Barra minn hekk, il-Parlament spjega li, skont stima tad-DĠ għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku, l-estrazzjoni tat-talbiet sabiex jissottomettu offerti li jaqgħu taħt dan id-direttorat ġenerali teħtieġ 22 jum tax-xogħol għal persuna full-time, filwaqt li l-għażla u l-analiżi tad-dokumenti jeħtieġu 264 jum tax-xogħol oħra għal persuna li twettaq dan ix-xogħol biss. Dan ix-xogħol irid isir ukoll fi ħdan tmien direttorati ġenerali kkonċernati oħrajn, b’mod ikkoordinat mad-DĠ għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku, liema proċess jeħtieġ xogħol ta’ kollaborazzjoni u ta’ konsultazzjoni addizzjonali bejn id-direttorati ġenerali differenti.

89

F’dan ir-rigward, l-affermazzjoni tar-rikorrenti, matul is-seduta, li kien ikun biżżejjed li jinħoloq sempliċi softwer li jista’ jagħraf ċerta data fit-talbiet sabiex jissottomettu offerti u li jgħattihom ma jistax ikun biżżejjed biex jiġu mminati l-ispjegazzjonijiet tal-Parlament fil-punt 88 iktar ’il fuq. Fil-fatt, minbarra l-fatt li dan l-argument ma huwa sostnut bl-ebda mod, dan ma jiħux inkunsiderazzjoni tal-varjetà ta’ informazzjoni inkluża fit-talbiet sabiex jissottomettu offerti u tal-fatt li l-kontenut ta’ kull wieħed mid-dokumenti mitluba huwa tali li l-iżvelar tiegħu għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-eċċezzjonijiet varji għad-dritt ta’ aċċess.

90

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u fl-assenza ta’ elementi probatorji pprovduti mir-rikorrenti li jippermettu li tintwera l-ineżattezza taċ-ċifri u tal-indikazzjonijiet miġjuba mill-Parlament, hemm lok jiġi konkluż li l-eżami individwali tad-dokumenti mitluba kollha jikkostitwixxi piż ta’ xogħol partikolarment kbir għalih.

91

Fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, dan il-kompitu amministrattiv jista’ jitqies bħala rraġonevoli sa fejn dan jimplika, sabiex jiġu eżaminati d-dokumenti mitluba kollha fit-termini stretti imposti mill-Artikolu 7(1) u (3), kif ukoll mill-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, fuq kollox, sad-data tal‑31 ta’ Jannar 2015 imposta mir-rikorrenti, jiġifieri 32 jum tax-xogħol, li jiġu assenjati diversi persuni full-time għall-eżami tad-dokumenti mitluba, fi ħdan diversi direttorati ġenerali, għall-interess biss ta’ din tal-aħħar. Dawn il-persuni, irreklutati fi ħdan il-Parlament sabiex jissodisfaw għanijiet ta’ interess pubbliku u huma mħallsa minn fondi pubbliċi, għaldaqstant ma jkunux iktar jistgħu jwettqu l-kompiti li ngħatawlhom bħala prijorità sabiex iservu dan l-interess pubbliku, li jista’ serjament jikkomprometti l-funzjonament tajjeb tas-servizzi kkonċernati.

92

Għalhekk, il-Parlament seta’ jibbilanċja, minn naħa, l-interess għall-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti u, min-naħa l-oħra, il-piż tax-xogħol li jsegwi minnu, sabiex jiġi ssalvagwardat l-interess ta’ amministrazzjoni tajba (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kunsill vs Hautala, C‑353/99 P, EU:C:2001:661, punt 30).

93

F’dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni, jiġifieri l-obbligu tal-Parlament li jipprova jiftiehem mar-rikorrenti, mill-posta elettronika tal-Parlament tat‑3 ta’ Diċembru 2014 isegwi li dan attira l-attenzjoni tar-rikorrenti fuq in-numru għoli ta’ dokumenti mitluba u stedinha tippreċiża l-interess tagħha fl-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti. Il-Parlament ipproponielha wkoll li jsibu soluzzjoni imparzjali fis-sens tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi ssuġġerixxa li tiġi ddefinita skeda għall-eżami tad-dokumenti mitluba skont prijoritajiet li r-rikorrenti kellha tippreċiża.

94

Għalhekk, ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà tfittex soluzzjoni ġdida mal-Parlament, li tista’ tippermettilha tikseb l-aċċess għad-dokumenti mitluba, mingħajr dan ma jikkostitwixxi piż ta’ xogħol irraġonevoli u potenzjalment iwassal għal paraliżi tal-funzjonament tas-servizzi kkonċernati tal-Parlament. Madankollu, bħalma huwa espost fil-punt 95 iktar ’l isfel, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma użat din il-possibbiltà.

95

F’dak li jirrigwarda t-tielet kundizzjoni, dwar l-obbligu li jiġu kkunsidrati soluzzjonijiet alternattivi inqas vinkolanti, għandu jiġi kkonstatat li, fil-posta elettronika tal‑5 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti rrifjutat għalkollox il-proposta tal-Parlament imsemmija fil-punt 93 iktar ’il fuq u ma tat ebda preċiżjoni dwar il-lottijiet li jistgħu jinteressawha bħala prijorità. Għall-kuntrarju, hija indikat li, sa fejn taf hi, id-dokumenti mitluba kollha kienu rreġistrati f’format elettroniku fir-reġistri tal-Parlament u li l-pubblikazzjoni tagħhom ma kellhiex tikkawża inkonvenjenzi kbar, b’mod li d-data ta’ skadenza tal‑31 ta’ Jannar 2015 lanqas ma kienet neċessarja. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, jekk il-Parlament kellu bżonn terminu ta’ xahrejn għal kull lott, dan kien jimplika li l-eżami tad-dokumenti kollha kien ser jieħu madwar tliet snin, jiġifieri xahrejn għal kull wieħed mis-sittax-il lott, fatt li kien iċaħħdu mid-drittijiet tiegħu u li kien ukoll ineħħi kull effett utli mir-Regolament Nru 1049/2001. Ir-rikorrenti għaldaqstant tenniet it-talba tagħha għall-aċċess għat-talbiet kollha sabiex jissottomettu offerti, fit-totalità tagħhom, u żammet id-data tal‑31 ta’ Jannar 2015.

96

Bl-istess mod, fil-posta elettronika tas‑17 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti tenniet it-talba tagħha għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba, l-iktar tard fl-aħħar tax-xahar ta’ Jannar tas-sena ta’ wara. Skont l-istess rikorrenti, dan kien perfettament possibbli fid-dawl tal-livell għoli ta’ kompjuterizzazzjoni tal-Parlament. Ir-rikorrenti ppreċiżat ukoll, fir-rigward tal-allegat rifjut tagħha li tfittex soluzzjoni imparzjali, li l-Parlament kien ippropona li jibda billi janalizza d-dokumenti tal-Lott Nru 7, filwaqt li dawn kienu diġà fil-pussess tagħha. Għaldaqstant, il-proposta tal-Parlament stess ma kinitx xierqa u pjuttost kienet intiża li ttawwal l-azzjoni tar-rikorrenti. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti indikat li l-Parlament seta’ jibda billi jiżvela d-dokumenti kollha dwar il-Lott Nru 6.

97

Ir-rikorrenti lanqas ma rtirat it-talba għal aċċess tagħha għad-dokumenti tal-Lott Nru 7, minkejja li dawn kienu diġà fil-pussess tagħha. Issa, bħalma spjega l-Parlament matul is-seduta, l-eżami tad-dokumenti tal-Lott Nru 7 kien ukoll neċessarju sa fejn l-iżvelar tagħhom kien ikollu l-effett li jagħmilhom aċċessibbli għall-pubbliku.

98

Barra minn hekk, fir-rikors, ir-rikorrenti ppreċiżat li hija kellha xi suspetti fir-rigward tal-għoti rregolari ta’ kuntratti lil kompetituri li rebħu lottijiet oħrajn tas-sejħa għal offerti ITS 08, b’mod partikolari dawk tal-Lottijiet Nri 6 u 8. Għaldaqstant kien perfettament possibbli għaliha li titlob lill-Parlament janalizza d-dokumenti ta’ dawn iż-żewġ lottijiet bi prijorità. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax tippretendi, fl-istadju tar-rikors, li t-talba għal aċċess tagħha kienet esklużivament iddettata minn kunsiderazzjonijiet marbuta mal-interess pubbliku u mal-osservanza tal-prinċipju ta’ trasparenza, sa fejn dawn il-kunsiderazzjonijiet bl-ebda mod ma jirriżultaw la mit-talba inizjali għal aċċess tagħha u lanqas mit-talba konfermattiva tagħha.

99

Barra minn hekk, bħalma indika l-Parlament fir-risposta, mid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed mis-sittax-il lott tas-sejħa għal offerti ITS 08 jsegwi li diversi minn dawn il-lottijiet jirrigwardaw servizzi ta’ natura differenti ħafna minn dik tas-servizzi koperti mil-Lott Nru 7. Fil-fatt, il-Lott Nru 7 jirrigwarda l-iżvilupp tas-servizzi tal-IT, l-implementazzjoni tagħhom u l-manutenzjoni tagħhom f’oqsma bħall-ġestjoni ta’ dokumenti jew anki l-ġestjoni ta’ kontenut għas-siti tal-internet. Issa, diversi lottijiet bl-ebda mod ma jirrigwardaw l-iżvilupp ta’ tali servizzi, iżda jirrigwardaw servizzi varji wkoll, bħal, pereżempju, it-telekomunikazzjonijiet (Lott Nru 2), l-assistenza għall-utenti (Lott Nru 3) jew anki l-istudju, il-pariri u l-għarfien espert fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet u tas-sigurtà (Lott Nru 12). Għaldaqstant mid-deskrizzjoni ta’ dawn il-lottijiet isegwi b’mod ċar li r-rikorrenti ma setgħetx targumenta interess ekwivalenti għalihom kollha, li kien jiġġustifika n-neċessità li jinkisbu d-dokumenti kollha mitluba sal‑31 ta’ Jannar 2015.

100

Għaldaqstant, fil-kuntest partikolari ħafna ta’ dan il-każ, fejn ir-rikorrenti weriet attitudni nieqsa minn kull kooperazzjoni u rrifjutat, purament u sempliċement, f’żewġ okkażjonijiet, il-proposta tal-Parlament, filwaqt li hija setgħet perfettament tindika d-dokumenti li kellhom prijorità għaliha, kien impossibbli għall-Parlament li jifformula, fit-terminu strett impost mir-Regolament Nru 1049/2001, proposti konkreti oħrajn li setgħu jippermettu li jingħata aċċess għall-inqas parzjali għad-dokumenti mitluba, sabiex jiġi rrikonċiljat l-interess għal amministrazzjoni tajba ma’ dak tal-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti mitluba.

101

Din il-konklużjoni bl-ebda mod ma hija mminata mill-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li, fil-posta elettronika tat‑3 ta’ Diċembru 2014, il-Parlament ta x’jinftiehem li l-eżami tad-dokumenti mitluba kollha jeħtieġ iktar minn tliet snin. Fil-fatt, minn naħa, tali interpretazzjoni ma hijiex ikkorroborata mill-kliem ta’ din il-posta elettronika u, min-naħa l-oħra, l-istadji u t-termini għall-eżami tad-dokumenti mitluba setgħu preċiżament jiġu miftiehma mal-Parlament kieku r-rikorrenti kienet ħadet l-inkarigu li tiddetermina l-prijoritajiet tagħha u tiddefinixxi skeda, bħalma pproponielha l-Parlament.

102

Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi partikolari ħafna ta’ dan il-każ, fid-dawl tal-piż ta’ xogħol meħtieġ, tal-proposta magħmula mill-Parlament u tal-attitudni tar-rikorrenti, il-Parlament seta’ jargumenta piż ta’ xogħol irraġonevoli sabiex jirrifjuta li jeżamina b’mod konkret u individwali d-dokumenti mitluba kollha mingħajr ma jkun obbligat, fin-nuqqas ta’ għażliet oħrajn prevedibbli, li jindika b’mod iddettaljat, fid-deċiżjoni tiegħu, ir-raġunijiet li għalihom dawn l-għażliet oħrajn jimplikaw, huma wkoll, piż ta’ xogħol irraġonevoli. Il-Parlament seta’, konsegwentement, jirrifjuta totalment l-aċċess għal dawn id-dokumenti, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi mistoqsi jipproduċi kopja tad-dokumenti li huwa kien eżamina effettivament.

103

Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel motiv u, konsegwentement, ir-rikors, jiġu miċħuda, mingħajr ma tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tieni motiv, li hija mingħajr effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

Fuq l-ispejjeż

104

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża jbatu l-ispejjeż tagħhom.

105

Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament. Ir-Renju tal-Isvezja, bħala intervenjenti, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew.

 

3)

Ir-Renju tal-Isvezja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Kanninen

Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín

Reine

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Diċembru 2017 *.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top