Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CV0002(01)

    Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (Seduta Plenarja) tas-16 ta’ Mejju 2017.
    Opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 218(11) TFUE.
    Opinjoni mogħtija bis-saħħa tal-Artikolu 218(11) TFUE – Ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor – Ftehim ‘ġenerazzjoni l-ġdida’ innegozjat wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattati UE u FUE – Kompetenza sabiex jiġi konkluż il-ftehim – Artikolu 3(1)(e) TFUE – Politika kummerċjali komuni – Artikolu 207(1) TFUE – Kummerċ ta’ merkanzija u ta’ servizzi – Investiment barrani dirett – Kuntratti pubbliċi – Aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali – Kompetizzjoni – Kummerċ mal-Istati terzi u żvilupp sostenibbli – Protezzjoni soċjali tal-ħaddiema – Protezzjoni tal-ambjent – Artikolu 207(5) TFUE – Servizzi fil-qasam tat-trasport – Artikolu 3(2) TFUE – Ftehim internazzjonali li jista’ jaffettwa regoli komuni jew ibiddel il-portata tagħhom – Regoli ta’ dritt idderivat tal-Unjoni fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport – Investiment barrani li ma huwiex dirett – Artikolu 216 TFUE – Ftehim meħtieġ sabiex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet tat-Trattati – Moviment ħieles tal-kapital u tal-pagamenti bejn Stati Membri u Stati terzi – Suċċessjoni ta’ trattati fil-qasam tal-investiment – Sostituzzjoni ta’ ftehimiet ta’ investiment bejn Stati Membri u r-Repubblika ta’ Singapor – Dispożizzjonijiet istituzzjonali tal-ftehim – Riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn investituri u Stati – Riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn il-partijiet.
    Opinjoni 2/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:376

    OPINJONI 2/15 TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Seduta Plenarja)16 ta’ Mejju 2017

    Werrej

     

    I – It-talba għal opinjoni

     

    II – Il-ftehim previst

     

    III – L-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fit-talba tagħha għal opinjoni

     

    IV – Sommarju tal-osservazzjonijiet prinċipali ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

     

    V – Teħid ta’ pożizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja

     

    Fuq il-kompetenza msemmija fl-Artikolu 3(1)(e) TFUE

     

    L-impenji dwar l-aċċess għas-suq

     

    L-impenji dwar il-protezzjoni tal-investiment

     

    L-impenji dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali

     

    L-impenji fil-qasam tal-kompetizzjoni

     

    L-impenji fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli

     

    Fuq il-kompetenza msemmija fl-Artikolu 3(2) TFUE

     

    L-impenji fir-rigward ta’ servizzi fil-qasam tat-trasport

     

    – It-trasport ferrovjarju

     

    – It-trasport bit-triq

     

    – It-trasport fuq passaġġi tal-ilma interni

     

    L-impenji dwar il-kuntratti pubbliċi fil-qasam tat-trasport

     

    Fuq il-kompetenza li jiġu approvati d-dispożizzjonijiet istituzzjonali tal-ftehim previst

     

    Skambju ta’ informazzjoni, notifika, verifika, kooperazzjoni, medjazzjoni u setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet

     

    Trasparenza

     

    Riżoluzzjoni tat-tilwim

     

    – Riżoluzzjoni tat-tilwim bejn investituri u Stati

     

    – Riżoluzzjoni tat-tilwim bejn il-partijiet

     

    Tweġiba għat-talba għal opinjoni

    “Opinjoni mogħtija bis-saħħa tal-Artikolu 218(11) TFUE — Ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor — Ftehim ‘ġenerazzjoni l-ġdida’ innegozjat wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattati UE u FUE — Kompetenza sabiex jiġi konkluż il-ftehim — Artikolu 3(1)(e) TFUE — Politika kummerċjali komuni — Artikolu 207(1) TFUE — Kummerċ ta’ merkanzija u ta’ servizzi — Investiment barrani dirett — Kuntratti pubbliċi — Aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali — Kompetizzjoni — Kummerċ mal-Istati terzi u żvilupp sostenibbli — Protezzjoni soċjali tal-ħaddiema — Protezzjoni tal-ambjent — Artikolu 207(5) TFUE — Servizzi fil-qasam tat-trasport — Artikolu 3(2) TFUE — Ftehim internazzjonali li jista’ jaffettwa regoli komuni jew ibiddel il-portata tagħhom — Regoli ta’ dritt idderivat tal-Unjoni fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport — Investiment barrani li ma huwiex dirett — Artikolu 216 TFUE — Ftehim meħtieġ sabiex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet tat-Trattati — Moviment ħieles tal-kapital u tal-pagamenti bejn Stati Membri u Stati terzi — Suċċessjoni ta’ trattati fil-qasam tal-investiment — Sostituzzjoni ta’ ftehimiet ta’ investiment bejn Stati Membri u r-Repubblika ta’ Singapor — Dispożizzjonijiet istituzzjonali tal-ftehim — Riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn investituri u Stati — Riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn il-partijiet”

    Fil-Proċedura ta’ opinjoni 2/15,

    li għandha bħala suġġett talba għal opinjoni skont l-Artikolu 218(11) TFUE, imressqa fl‑10 ta’ Lulju 2015 mill-Kummissjoni Ewropea,

    Il-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Seduta Plenarja)

    komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič (Relatur), L. Bay Larsen, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, E. Juhász, M. Berger, A. Prechal, M. Vilaras u E. Regan, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, A. Borg Barthet, J. Malenovský, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, D. Šváby, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund, C. Vajda, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 u tat‑13 ta’ Settembru 2016,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn U. Wölker, B. De Meester, R. Vidal-Puig u M. Kocjan, bħala aġenti,

    għall-Gvern Belġjan, minn J. Van Holm u C. Pochet, bħala aġenti,

    għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova u L. Zaharieva, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, E. Ruffer u M. Hedvábná, bħala aġenti,

    għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning u N. Lyshøj, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, B. Beutler u K. Stranz, bħala aġenti,

    għall-Irlanda, minn E. Creedon u J. Quaney, bħala aġenti, assistiti minn S. Kingston, BL,

    għall-Gvern Grieg, minn G. Karipsiadis, K. Boskovits u S. Chala, bħala aġenti,

    għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta u M. Sampol Pucurull, bħala aġenti,

    għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas, F. Fize u D. Segoin, bħala aġenti,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino u C. Colelli, avvocati dello Stato,

    għall-Gvern Ċiprijott, minn E. Zachariadou u E. Symeonidou, bħala aġenti, assistiti minn I. Roussou, dikigoros,

    għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u D. Pelše, bħala aġenti,

    għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u R. Dzikovič, bħala aġenti,

    għall-Gvern Lussemburgiż, minn A. Germeaux, bħala aġent, assistit minn P. Kinsch, avocat,

    għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós, M. Bóra u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

    għall-Gvern Malti, minn A. Buhagiar u J. Ciantar, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, M. Gijzen, C. Schillemans u J. Langer, bħala aġenti,

    għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u M. Klamert, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u A. Miłkowska, bħala aġenti,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u J. P. Salgado, bħala aġenti,

    għall-Gvern Rumen, minn R.‑H Radu, R.‑M. Mangu, A. Voicu u E. Gane, bħala aġenti,

    għall-Gvern Sloven, minn A. Grum, bħala aġent,

    għall-Gvern Slovakk, minn M. Kianička, bħala aġent,

    għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt, bħala aġent, assistit minn D. Beard, QC, u G. Facenna, barrister,

    għall-Parlament Ewropew, minn R. Passos, A. Neergaard, A. Auersperger Matić u J. Etienne, bħala aġenti,

    għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn S. Boelaert, R. Wiemann u B. Driessen bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Diċembru 2016,

    tagħti l-preżenti

    Opinjoni

    I – It-talba għal opinjoni

    1.

    It-talba għal opinjoni sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni Ewropea hija fformulata kif ġej:

    “L-Unjoni għandha l-kompetenza neċessarja biex tiffirma u tikkonkludi waħedha l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Singapor? B’mod aktar speċifiku,

    1.

    Liema dispożizzjonijiet tal-ftehim jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni?;

    2.

    liema dispożizzjonijiet tal-ftehim jaqgħu taħt il-kompetenza kondiviża tal-Unjoni?; u

    3.

    hemm xi dispożizzjoni tal-ftehim li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri?”

    2.

    Flimkien mat-talba għal opinjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet it-test tal-ftehim kif previst fl‑10 ta’ Lulju 2015, data tat-tressiq ta’ din it-talba.

    II – Il-ftehim previst

    3.

    Fit‑8 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni indirizzat rakkomandazzjoni lill-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej sabiex dan jawtorizzaha tniedi negozjati bil-mira li jiġi konkluż ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN). Il-Kunsill laqa’ din ir-rakkomandazzjoni.

    4.

    L-awtorizzazzjoni għal negozjati għaldaqstant maħruġa mill-Kunsill kienet tipprevedi li, fis-sitwazzjoni li ma jkunx possibbli li jintlaħaq ftehim mal-pajjiżi kollha membri tal-ASEAN, il-Kunsill seta’ jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja f’qafas bilaterali.

    5.

    Fit‑22 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill għaldaqstant awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja b’mod bilaterali mar-Repubblika ta’ Singapor.

    6.

    In-negozjati ma’ dan l-Istat terz bdew fix-xahar ta’ Marzu 2010 u saru b’konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Politika Kummerċjali, li qed jaġixxi bħala kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(3) u l-Artikolu 218(4) TFUE.

    7.

    Fix-xahar ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni bagħtet rakkomandazzjoni lill-Kunsill sabiex jemenda d-direttivi ta’ negozjati sabiex jinkludi fihom il-protezzjoni tal-investiment. Fix-xahar ta’ Settembru 2011, il-Kunsill iddeċieda li jissupplimenta dawn id-direttivi f’dan is-sens.

    8.

    Fix-xahar ta’ Diċembru 2012 in-negozjati ngħalqu fuq il-kapitoli kollha, minbarra fuq il-kapitolu dwar il-protezzjoni tal-investiment. In-negozjati fuq dan is-suġġett tal-aħħar tlestew fix-xahar ta’ Ottubru 2014.

    9.

    Fis‑26 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni għarrfet lill-Kumitat tal-Politika Kummerċjali li l-ftehim previst kien ġie ffirmat.

    10.

    Il-ftehim previst jinkludi 17‑il kapitolu:

    il-Kapitolu I jistabbilixxi l-għan u l-finalitajiet tal-ftehim, u jinkludi numru ta’ definizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali;

    il-Kapitolu Tnejn jirrigwarda l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ merkanzija;

    il-Kapitolu Tlieta jirrigwarda l-miżuri antidumping, il-miżuri ta’ kumpens u l-miżuri ta’ salvagwardja;

    il-Kapitoli Erbgħa u Ħamsa jirrigwardaw l-ostakoli mhux tariffarji għall-kummerċ ta’ merkanzija li jirriżultaw mil-leġiżlazzjonijiet tekniċi u minn miżuri sanitarji u tas-saħħa tal-pjanti;

    il-Kapitolu Sitta jinkludi dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dwana;

    il-Kapitolu Sebgħa jirrigwarda l-ostakoli mhux tariffarji għall-kummerċ u għall-investiment fil-qasam tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli;

    il-Kapitolu Tmienja jirrigwarda s-servizzi, l-istabbiliment u l-kummerċ elettroniku;

    il-Kapitolu Disgħa jirrigwarda l-investiment;

    il-Kapitolu Għaxra jirrigwarda l-kuntratti pubbliċi;

    il-Kapitolu Ħdax jirrigwarda l-proprjetà intellettwali;

    il-Kapitolu Tnax jirrigwarda l-kompetizzjoni;

    il-Kapitolu Tlettax jirrigwarda l-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli;

    il-Kapitolu Erbatax jistabbilixxi r-regoli ta’ trasparenza applikabbli għall-oqsma koperti minn kapitoli oħrajn;

    il-Kapitoli Ħmistax u Sittax jipprovdu, rispettivament, għal mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim u mekkaniżmu ta’ medjazzjoni, u

    il-Kapitolu Sbatax jipprovdi għal Kumitat għall-Kummerċ u għal diversi kumitajiet speċjalizzati. Huwa jinkludi wkoll dispożizzjonijiet ġenerali u finali.

    11.

    Minħabba diverġenzi ta’ opinjoni li dehru matul il-konsultazzjonijiet fi ħdan il-Kumitat tal-Politika Kummerċjali fuq in-natura tal-kompetenza tal-Unjoni sabiex tikkonkludi l-ftehim previst, il-Kummissjoni ressqet din it-talba għal opinjoni.

    III – L-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fit-talba tagħha għal opinjoni

    12.

    Il-Kummissjoni tqis li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva sabiex tiffirma u tikkonkludi l-ftehim previst.

    13.

    Hija targumenta, l-ewwel nett, li d-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-ftehim, minbarra dawk biss li jirrigwardaw is-servizzi ta’ trasport transkonfinali u l-investiment barrani li ma huwiex dirett, jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni kif iddefinita fl-Artikolu 207(1) TFUE u, għaldaqstant, taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(e) TFUE.

    14.

    Hija targumenta, it-tieni nett, li s-servizzi ta’ trasport transkonfinali jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) TFUE, fir-rigward tar-regoli ta’ dritt idderivat tal-Unjoni li huma fis-seħħ f’dan il-qasam.

    15.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssemmi b’mod partikolari:

    ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86, tat‑22 ta’ Diċembru 1986, li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 174);

    ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑21 ta’ Ottubru 2009, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU 2009, L 300, p. 51);

    ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑21 ta’ Ottubru 2009, dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU 2009, L 300, p. 72);

    ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑21 ta’ Ottubru 2009, dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 (ĠU 2009, L 300, p. 88), u

    id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑21 ta’ Novembru 2012, li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32).

    16.

    Hija tqis, fl-aħħar nett, li, sa fejn il-ftehim previst jirrigwarda investiment barrani li ma huwiex dirett, l-Unjoni għandha wkoll kompetenza esklużiva skont l-Artikolu 3(2) TFUE, minħabba duplikazzjoni bejn, minn naħa, l-impenji inklużi f’dan il-ftehim dwar dan l-investiment u, min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital u tal-pagamenti bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi stabbilita fl-Artikolu 63 TFUE.

    IV – Sommarju tal-osservazzjonijiet prinċipali ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    17.

    Il-Parlament Ewropew jenfasizza li l-ftehim previst huwa wieħed mill-ewwel ftehimiet ta’ kummerċ ħieles bilaterali msejħa tal-“ġenerazzjoni l-ġdida”, jiġifieri ftehim ta’ kummerċ li jinkludi, minbarra d-dispożizzjonijiet tradizzjonali dwar it-tnaqqis ta’ dazji doganali u tal-ostakoli mhux tariffarji li jaffettwaw il-kummerċ tal-merkanzija u tas-servizzi, dispożizzjonijiet f’oqsma differenti marbuta mal-kummerċ, bħall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, l-investimenti, il-kuntratti pubbliċi, il-kompetizzjoni u l-iżvilupp sostenibbli.

    18.

    Fid-dawl tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati UE u FUE dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni b’mod ġenerali u dwar il-politika kummerċjali komuni b’mod partikolari, il-Parlament jindika li huwa jaqbel mal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u jqis, bħal din tal-aħħar, li l-ftehim previst jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

    19.

    Min-naħa l-oħra, il-Kunsill, kif ukoll l-Istati Membri kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, jargumentaw li ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim previst ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Il-ftehim għandu l-karatteristiċi ta’ “ftehim imħallat”.

    20.

    Id-dispożizzjonijiet dwar il-qasam tat-trasport inklużi fil-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst jaqgħu taħt il-politika komuni tat-trasport. Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kummissjoni u l-Parlament, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux, fil-maġġoranza tagħhom, “[jolqtu] xi regoli komuni jew [ibiddlu] il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE. Għaldaqstant huma ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE, iżda taħt kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri skont l-Artikolu 4(2)(g) TFUE.

    21.

    Dejjem fir-rigward tal-Kapitolu Tmienja tal-ftehim, l-Irlanda tagħmel riferiment għall-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattati UE u FUE. L-imsemmi kapitolu jaffettwa dan il-protokoll.

    22.

    Id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, tal-protezzjoni soċjali u tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, li jinsabu fil-Kapitoli Sebgħa, Ħdax u Tlettax tal-ftehim previst, jaqgħu, skont il-Kunsill u l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, taħt il-kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri f’dawn l-oqsma. Dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx rabta speċifika mal-kummerċ internazzjonali. Ir-riferiment, magħmul fl-imsemmija kapitoli, għal konvenzjonijiet internazzjonali li ma humiex marbuta direttament mal-kummerċ, huwa illustrattiv f’dan ir-rigward.

    23.

    Il-ftehim previst jinkludi, barra minn hekk, dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenzi li jappartjenu għall-Istati Membri biss.

    24.

    Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Erbatax ta’ dan il-ftehim, li jistabbilixxu regoli fil-qasam tat-trasparenza, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Disgħa tiegħu, sa fejn dawn jirrigwardaw investiment barrani li ma huwiex dirett.

    25.

    F’dan ir-rigward, il-Kunsill u l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja josservaw li t-Trattat FUE ma jagħti ebda kompetenza lill-Unjoni fil-qasam tal-investiment li ma jaqax taħt “investiment dirett”. Huma jżidu li, kuntrarjament għal dak li targumenta l-Kummissjoni, ir-“regoli komuni”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE, ma jistgħux ikunu regoli tad-dritt primarju tal-Unjoni, bħall-Artikolu 63 TFUE. L-argument tal-Kummissjoni ma huwiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-kompetenzi esterni impliċiti tal-Unjoni.

    26.

    Insostenn tal-argument tiegħu dwar l-assenza ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni fir-rigward tal-Kapitolu Disgħa tal-ftehim previst, il-Kunsill jikkwota ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu li, fil-fehma tiegħu, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, bħal dawk dwar l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u interessi pubbliċi oħrajn, dwar it-tassazzjoni, dwar il-kumpens fil-każ ta’ distruzzjoni tal-investiment mill-forzi armati, dwar l-eċċezzjonijiet għal-libertà ta’ trasferiment ta’ fondi ġġustifikat abbażi tal-liġijiet fil-qasam ta’ reati u delitti, ta’ sigurtà soċjali u ta’ rtirar, dwar l-esproprjazzjoni, kif ukoll dwar is-sostituzzjoni, mill-ftehim previst, tat-trattati bilaterali ta’ investiment konklużi bejn l-Istati Membri u r-Repubblika ta’ Singapor.

    27.

    Il-Kunsill u wħud mill-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja josservaw, barra minn hekk, li l-Kapitolu Disgħa tal-ftehim previst jirrigwarda biss il-protezzjoni tal-investimenti u mhux l-ammissjoni tagħhom. Minn dan jirriżulta li, anki sa fejn dan il-kapitolu jirrigwarda investiment barrani dirett, dan ma jistax jiġi approvat mill-Unjoni waħedha. Peress li l-protezzjoni tal-investiment ma hijiex marbuta speċifikament mal-kummerċ internazzjonali, din ma tistax taqa’ taħt il-politika kummerċjali komuni.

    V – Teħid ta ’ pożizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja

    28.

    Skont l-Artikolu 196(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u konformement mal-ġurisprudenza stabbilita [ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni l-ġdida ta’ Lugano), tas‑7 ta’ Frar 2006, EU:C:2006:81, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata], talba għal opinjoni skont l-Artikolu 218(11) TFUE tista’ tirrigwarda kemm il-kompatibbiltà tal-ftehim previst mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati kif ukoll il-kompetenza tal-Unjoni jew ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tagħha sabiex tikkonkludi dan il-ftehim.

    29.

    F’dan il-każ, it-talba għal opinjoni tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-ftehim previst jistax jiġi ffirmat u konkluż mill-Unjoni waħedha jew jekk għandux, kuntrarjament, jiġi ffirmat u konkluż kemm mill-Unjoni kif ukoll minn kull Stat Membru tagħha (ftehim imsejjaħ “imħallat”).

    30.

    Konsegwentement, din l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda biss in-natura tal-kompetenza tal-Unjoni sabiex tiffirma u tikkonkludi l-ftehim previst. Hija ma tiddeċiedi bl-ebda mod il-kwistjoni dwar jekk il-kontenut tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    31.

    Wara li saret din il-preċiżjoni preliminari, hemm lok li jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet tal-ftehim previst jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, taħt kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, jew taħt kompetenza li tappartjeni lill-Istati Membri biss.

    32.

    Fid-dawl tal-għan u tal-iskopijiet tal-ftehim previst, li huma, skont l-Artikoli 1.1 u 1.2 tiegħu, li “jistabbilixxu żona ta’ kummerċ ħieles” u li “jkunu liberalizzati u faċilitati l-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet”, għandu jiġi eżaminat l-ewwel nett sa liema punt id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 3(1)(e) TFUE, dwar il-politika kummerċjali komuni.

    Fuq il-kompetenza msemmija fl-Artikolu 3(1)(e) TFUE

    33.

    Konformement mal-Artikolu 3(1)(e) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni.

    34.

    Skont l-Artikolu 207(1) TFUE, din il-politika “għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi, partikolarment fir-rigward ta’ bidliet fir-rati tariffarji, il-konklużjoni ta’ ftehim tariffarji u dawk kummerċjali rigward il-kummerċ ta’ merkanzija u ta’ servizzi, u l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali, l-investiment barrani dirett, il-kisba ta’ l-uniformità fil-miżuri ta’ liberalizzazzjoni, il-politika dwar l-esportazzjoni kif ukoll il-miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ bħal dawk li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ dumping jew sussidji. Il-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi ta’ l-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni”.

    35.

    Minn din id-dispożizzjoni, u b’mod partikolari mit-tieni sentenza tagħha, li tipprovdi li l-politika kummerċjali komuni tagħmel parti mill-“azzjoni esterna tal-Unjoni”, jirriżulta li tali politika tirrigwarda l-kummerċ mal-Istati terzi (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 50, kif ukoll tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 56).

    36.

    F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li s-sempliċi fatt li att tal-Unjoni, bħal ftehim konkluż minnha, jista’ jkollu ċerti implikazzjonijiet fuq il-kummerċ ma’ Stat terz wieħed jew iktar ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li dan l-att għandu jiġi kklassifikat fil-kategorija ta’ dawk li jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni. Min-naħa l-oħra, att tal-Unjoni jaqa’ taħt din il-politika jekk jikkonċerna speċifikament dan il-kummerċ sa fejn ikun intiż essenzjalment li jinkoraġġixxih, jiffaċilitah jew jirregolah u jkollu effetti diretti u immedjati fuqu [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 51, u tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 57, kif ukoll Opinjoni 3/15 (Trattat ta’ Marrakexx fuq l-aċċess għall-materjal stampat), tal‑14 ta’ Frar 2017, EU:C:2017:114, punt 61].

    37.

    Minn dan isegwi li huma biss dawk il-partijiet tal-ftehim previst li għandhom rabta speċifika, fis-sens imsemmi iktar ’il fuq, mal-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor, li jaqgħu taħt il-qasam tal-politika kummerċjali komuni.

    38.

    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-impenji inklużi fl-imsemmi ftehim humiex intiżi li jinkoraġġixxu, jiffaċilitaw jew jirregolaw dan il-kummerċ u għandhomx effetti diretti u immedjati fuqu.

    39.

    L-impenji inklużi fil-ftehim previst jirrigwardaw, fl-ewwel lok, l-aċċess għas-suq, fit-tieni lok, il-protezzjoni tal-investiment, fit-tielet lok, il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, fir-raba’ lok, il-kompetizzjoni u, fil-ħames lok, l-iżvilupp sostenibbli.

    L-impenji dwar l-aċċess għas-suq

    40.

    Il-Kapitolu Tnejn tal-ftehim previst, intitolat “It-trattament nazzjonali u l-aċċess għas-suq għall-prodotti”, jipprevedi li kull parti għandha tagħti trattament nondiskriminatorju lill-merkanzija mill-parti l-oħra u għandha tnaqqas jew telimina, skont l-impenji speċifiċi annessi ma’ dan il-kapitolu, id-dazji tagħha fuq l-importazzjoni u fuq l-esportazzjoni. Huwa jipprevedi wkoll li ebda parti ma għandha tadotta jew iżżomm fis-seħħ restrizzjonijiet mhux tariffarji fuq l-importazzjoni u fuq l-esportazzjoni tal-merkanzija.

    41.

    Għaldaqstant dan il-kapitolu huwa magħmul minn impenji “tariffarji u [...] kummerċjali rigward il-kummerċ ta’ merkanzija”, fis-sens tal-Artikolu 207(1) TFUE. Huwa jaqa’, għaldaqstant, taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(e) TFUE.

    42.

    Il-Kapitolu Tlieta tal-ftehim previst, intitolat “Rimedji kummerċjali”, jippreċiża l-modalitajiet sabiex kull parti tkun tista’, meta jkunu ssodisfatti r-rekwiżiti li jirriżultaw mir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), tadotta miżuri antidumping u ta’ kumpens kif ukoll miżuri ta’ salvagwardja dwar l-importazzjonijiet mill-parti l-oħra.

    43.

    Għaldaqstant dan il-kapitolu jirrigwarda “miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ”, fis-sens tal-Artikolu 207(1) TFUE. Għaldaqstant huwa jaqa’ wkoll taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(e) TFUE.

    44.

    Il-Kapitoli Erbgħa u Ħamsa tal-ftehim previst, intitolati “Il-barrieri tekniċi għall-kummerċ” u “Miżuri sanitarji u fitosanitarji” rispettivament, jistabbilixxu regoli li, filwaqt li jippermettu lil kull parti tapplika r-regoli tekniċi u sanitarji tagħha konformement mar-regoli tad-WTO, huma intiżi li jnaqqsu kemm jista’ jkun l-ostakoli għall-kummerċ tal-merkanzija bejn il-partijiet li jirriżultaw minnhom. Mill-imsemmija kapitoli jirriżulta b’mod partikolari li, minn naħa, il-prodotti esportati minn parti għandhom jissodisfaw ir-regoli previsti mill-parti li timportahom u, min-naħa l-oħra, li l-prodotti importati minn din tal-aħħar ma għandhomx ikunu suġġetti għal regoli diskriminatorji jew sproporzjonati meta mqabbla ma’ dawk li huma applikati għall-prodotti tagħha stess.

    45.

    Għaldaqstant, dawn il-Kapitoli Erbgħa u Ħamsa għandhom l-għan speċifiku li jiffaċilitaw il-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tagħhom u l-impenji speċifiċi li huma annessi magħhom iħaffu b’mod kunsiderevoli l-kundizzjonijiet ta’ importazzjoni ta’ din il-merkanzija u għaldaqstant huma ta’ natura li jkollhom effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ internazzjonali. Konsegwentement, l-imsemmija kapitoli jissodisfaw il-kriterji mfakkra fil-punt 36 ta’ din l-opinjoni u jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(e) TFUE.

    46.

    Il-Kapitolu Sitta tal-ftehim previst, intitolat “Faċilitazzjoni doganali u kummerċjali” jipprevedi li l-leġiżlazzjoni ta’ kull parti fil-qasam doganali għandha tkun nondiskriminatorja u li l-miżati u t-taxxi imposti għas-servizzi pprovduti mal-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ din il-merkanzija ma għandhomx jeċċedu l-ispiża approssimattiva ta’ dawn is-servizzi. Huwa jobbliga, barra minn hekk, lill-partijiet sabiex jissemplifikaw, preferebbilment permezz ta’ punt uniku ta’ servizz, ir-rekwiżiti u l-formalitajiet ta’ rilaxx, ta’ tneħħija, ta’ trażbord u ta’ tranżitu. Huwa jimponi, barra minn hekk, l-obbligu li tingħata l-possibbiltà li jsiru depożiti bil-quddiem u li jiġu rċevuti deċiżjonijiet bil-quddiem.

    47.

    Dan il-kapitolu għandu għalhekk l-għan essenzjali li jirregola u li jiffaċilita l-kummerċ ta’ merkanzija bejn il-partijiet.

    48.

    Barra minn hekk, huwa għandu l-effett dirett u immedjat li jagħmel il-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor iktar fluwidu u inqas oneruż. Għalhekk huwa jissodisfa l-kriterji mfakkra fil-punt 36 ta’ din l-opinjoni u jaqa’ għaldaqstant taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(e) TFUE.

    49.

    Filwaqt li l-Kapitoli Tnejn sa Sitta tal-ftehim previst jirrigwardaw il-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor, il-kummerċ ta’ servizzi bejn il-partijiet huwa, min-naħa tiegħu, irregolat mill-Kapitolu Tmienja ta’ dan il-ftehim.

    50.

    Dan il-Kapitolu Tmienja, intitolat “Servizzi, stabbiliment u kummerċ elettroniku”, jinkludi l-impenji ta’ kull parti li tnaqqas, għall-benefiċċju tal-operaturi ekonomiċi tal-parti l-oħra, l-ostakoli għall-provvista transkonfinali ta’ servizzi, għall-istabbiliment u għall-preżenza temporanja ta’ persuni fiżiċi.

    51.

    Filwaqt li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ċ-ċittadinanza, ir-residenza, l-impjieg fuq bażi permanenti u, b’mod ġenerali, l-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-imsemmi kapitolu jobbliga lil kull waħda mill-partijiet sabiex tagħti lis-servizzi, lill-istabbilimenti u lill-intraprendituri tal-parti l-oħra trattament mhux inqas favorevoli minn dak li hija tagħti lis-servizzi, stabbilimenti u intraprendituri simili tagħha, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-modalitajiet u l-limitazzjonijiet ippreċiżati fil-lista ta’ impenji speċifiċi tal-ftehim u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet ġenerali previsti minn dan tal-aħħar.

    52.

    Minn dan isegwi li l-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst huwa essenzjalment intiż li jiftaħ, sa ċertu punt, is-suq ta’ Singapor għall-fornituri ta’ servizzi tal-Unjoni, u viċe versa. Barra minn hekk, huwa għandu l-għan li jinkoraġġixxi, jiffaċilita u jirregola l-kummerċ.

    53.

    L-impenji dwar l-aċċess għas-suq inklużi f’dan il-kapitolu huma, barra minn hekk, ta’ natura li jkollhom effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ ta’ servizzi bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor. Bħalma l-Avukat Ġenerali esponiet fil-punti 204 u 205 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-konstatazzjoni tapplika wkoll, kuntrarjament għal dak li sostnew ċerti Stati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, għall-artikoli kollha tal-imsemmi kapitolu, inklużi dawk li jirrigwardaw is-servizzi finanzjarji u r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali.

    54.

    Barra minn hekk, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, l-erba’ modi ta’ forniment ta’ servizzi li jissodisfaw il-klassifikazzjoni użata mid-WTO, jiġifieri l-provvista ta’ servizz mit-territorju ta’ Membru tad-WTO għat-territorju ta’ Membru ieħor (mod 1), il-provvista ta’ servizz fit-territorju ta’ Membru għal konsumatur ta’ Membru ieħor (mod 2), il-provvista ta’ servizz minn fornitur ta’ Membru permezz ta’ preżenza kummerċjali fit-territorju ta’ Membru ieħor (mod 3) u l-provvista ta’ servizz minn fornitur ta’ Membru permezz tal-preżenza ta’ persuni fiżiċi ta’ Membru fit-territorju ta’ Membru ieħor (mod 4), kollha jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni [Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-Iskedi ta’ Impenji Speċifiċi GATS), tat‑30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punti 4118119]. Din l-interpretazzjoni, li ngħatat fil-kuntest tal-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kompetenza tal-Komunità sabiex tipparteċipa fil-konklużjoni ta’ ftehimiet koperti mill-Artikolu 133 KE, u li, għaldaqstant, kienet tirrigwarda l-kunċett ta’ “kummerċ fis-servizzi” li jinsab f’din id-dispożizzjoni tat-Trattat KE, tista’ tiġi trasposta għall-kunċett ta’ “kummerċ ta’ servizzi” imsemmi fl-Artikolu 207(1) TFUE, li l-kontenut tiegħu huwa essenzjalment identiku.

    55.

    Konsegwentement, ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst li jirrigwardaw il-provvista transkonfinali ta’ servizzi (servizzi ta’ “mod 1” u “mod 2” fis-sens tal-klassifikazzjoni tat-tipi ta’ provvista ta’ servizzi użati mid-WTO) u dawk ta’ dan il-kapitolu li huma dwar il-provvista ta’ servizzi mill-istabbiliment (servizzi tal-“mod 3”) jew permezz ta’ preżenza ta’ persuni fiżiċi (servizzi tal-“mod 4”).

    56.

    Minkejja l-kunsiderazzjoni preċedenti, il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tapprova l-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst ma tistax taqa’ taħt l-Artikolu 3(1)(e) TFUE biss.

    57.

    Fil-fatt, dan il-kapitolu jirrigwarda, inter alia, il-provvista ta’ servizzi fil-qasam tat-trasport. Dan il-qasam huwa eskluż mill-politika kummerċjali komuni permezz tal-Artikolu 207(5) TFUE, li jipprovdi li n-negozjati u l-konklużjoni ta’ “ftehim internazzjonali fil-qasam tat-trasport” jaqgħu taħt it-“Titolu VI tat-Tielet Parti [tat-Trattat FUE] [...]”. Dan it-titolu jirrigwarda l-politika komuni tat-trasport.

    58.

    Imsejħa sabiex tinterpreta t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li din id-dispożizzjoni kienet intiża li żżomm, fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali fis-servizzi tat-trasport, paralleliżmu fundamentali bejn il-kompetenza interna tal-Unjoni, li hija eżerċitata bl-adozzjoni unilaterali ta’ regoli tal-Unjoni, u l-kompetenza esterna tagħha, li topera permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, biż-żewġ kompetenzi jibqgħu, bħal qabel, taħt it-titolu tat-Trattat speċifikament dwar il-politika komuni tat-trasport [Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-Iskedi ta’ Impenji Speċifiċi GATS), tat‑30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punt 164].

    59.

    L-Artikolu 207(5) TFUE jikkorrispondi essenzjalment għat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE. Barra minn hekk, la mit-Trattat FUE u lanqas mill-elementi relatati mal-oriġini, mal-istruttura jew mal-iskop ta’ dan it-trattat ma jirriżulta li l-awturi ta’ dan tal-aħħar kellhom l-intenzjoni li jbiddlu t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fir-rigward tan-negozjati u tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali dwar il-kummerċ internazzjonali fil-qasam tat-trasport.

    60.

    Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-qasam tat-trasport huwa eskluż, konformement mal-Artikolu 207(5) TFUE, mill-politika kummerċjali komuni fir-rigward biss tal-provvista transkonfinali ta’ servizzi, jiġifieri s-servizzi tal-modi 1 u 2, hija infondata. Tali pożizzjoni fil-fatt tmur kontra l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li teskludi minn din il-politika kull “ftehim internazzjonali fil-qasam tat-trasport”.

    61.

    Fid-dawl tal-portata tal-Artikolu 207(5) TFUE, għandu sussegwentement jiġi ddeterminat liema impenji inklużi fil-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst huma, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, esklużi mill-politika kummerċjali komuni. Għal dan il-għan, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza li tipprovdi li l-kunċett ta’ servizzi “fil-qasam tat-trasport” ma jkoprix biss is-servizzi ta’ trasport bħala tali, iżda wkoll servizzi oħrajn sakemm, madankollu, dawn tal-aħħar ikunu intrinsikament marbuta mal-att fiżiku ta’ moviment ta’ persuni jew ta’ merkanzija minn post għal ieħor permezz ta’ mezz ta’ trasport (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et, C‑168/14, EU:C:2015:685, punti 45 kif ukoll 46).

    62.

    F’dan il-każ, is-servizzi li jikkonsistu fit-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija minn post għal ieħor huma elenkati fil-punt 11 tal-appendiċi 8-A-1 u 8-B-1 kif ukoll fil-punt 16 tal-appendiċi 8-A-2 u 8‑A‑3 tal-annessi tal-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst. Huma jirrigwardaw it-trasport marittimu internazzjonali, it-trasport ferrovjarju, it-trasport bit-triq u t-trasport fuq il-passaġġi tal-ilma interni, filwaqt li s-servizzi ta’ trasport bl-ajru intern u internazzjonali ma humiex, kuntrarjament, koperti minn dan il-ftehim, bħalma huwa indikat fl-Artikoli 8.3(ċ) u 8.9(e) tiegħu.

    63.

    Is-servizzi marbuta intrinsikament mas-servizzi ta’ trasport marittimu, ferrovjarju, bit-triq u fuq il-passaġġi tal-ilma interni huma elenkati fil-punt 12 tal-appendiċi 8-A-1, fil-punt 17 tal-appendiċi 8-A-2 u 8-A-3, kif ukoll fil-punt 11 tal-appendiċi 8-B-1 tal-imsemmija annessi.

    64.

    Is-“servizzi tat-tiswija u tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru li matulhom inġenju tal-ajru jiġi rtirat mis-servizz”, “il-bejgħ u 1- kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport bl-ajru” kif ukoll “is-servizzi ta’ sistema ta’ prenotazzjoni kompjuterizzata” huma msemmija fl-Artikoli 8.3 u 8.9 tal-ftehim previst bħala li huma, kuntrarjament għas-servizzi tat-trasport bl-arju fih innifsu, inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu Tmienja ta’ dan il-ftehim.

    65.

    Fl-appendiċi tal-annessi għal dan il-kapitolu, dawn is-servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni ta’ inġenji tal-ajru kif ukoll ta’ riżervazzjoni u ta’ bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru, ma jidhrux fil-punti li jelenkaw is-servizzi awżiljarji fil-qasam tat-trasport, iżda huma kklassifikati bħala “servizzi kummerċjali” ’il barra minn dan il-qasam.

    66.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la s-servizzi tat-“tiswija u tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru li matulhom inġenju tal-ajru jiġi rtirat mis-servizz” u lanqas is-servizzi ta’ bejgħ, ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ riżervazzjoni tas-servizzi tat-trasport bl-ajru, kemm jekk huma pprovduti mill-aġenziji tal-ivvjaġġar jew minn fornituri kummerċjali oħrajn, ma huma marbuta intrinsikament mat-trasport, fis-sens speċifikat mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 61 ta’ din l-opinjoni.

    67.

    Fil-fatt, l-ewwel nett, “is-servizzi tat-tiswija u tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru li matulhom inġenju tal-ajru jiġi rtirat mis-servizz” għandhom l-iktar l-iktar rabta mill-bogħod mal-att ta’ moviment tal-persuni jew tal-merkanzija minn post għal ieħor. It-tieni nett, fir-rigward tas-servizzi ta’ bejgħ, ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ riżervazzjoni ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru, mill-premessa 33 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), jirriżulta li s-servizzi koperti minn din id-direttiva, li għandha bħala bażi legali l-Artikolu 47(2) u l-Artikolu 55 KE, jinkludu wkoll l-aġenziji tal-ivvjaġġar li huma l-promoturi prinċipali ta’ tali servizzi.

    68.

    Peress li s-“servizzi tat-tiswija u tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru li matulhom inġenju tal-ajru jiġi rtirat mis-servizz”, “il-bejgħ jew il-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport bl-ajru” kif ukoll “is-servizzi ta’ sistema ta’ prenotazzjoni kompjuterizzata” konsegwentement ma jaqgħux taħt l-Artikolu 207(5) TFUE, dawn jagħmlu parti mis-servizzi koperti mill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

    69.

    Mill-punti 50 sa 68 ta’ din l-opinjoni jirriżulta li l-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst jaqa’ taħt il-politika kummerċjali komuni, ħlief sa fejn l-impenji li huma inklużi fih jirrigwardaw is-servizzi elenkati fil-punti 11 u 12 tal-appendiċi 8-A-1, fil-punti 16 u 17 tal-appendiċi 8-A-2 u 8-A-3, kif ukoll fil-punt 11 tal-appendiċi 8-B-1 tal-annessi għal dan il-kapitolu.

    70.

    Il-kwistjoni dwar jekk, għal dawn l-impenji tal-aħħar, l-Unjoni għandhiex, bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE, kompetenza esklużiva, b’mod li hija tkun tista’ tapprova l-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst waħedha, hija eżaminata fil-punti 168 sa 217 ta’ din l-opinjoni.

    71.

    Fl-aħħar nett, l-aċċess għas-suq tal-Unjoni u għas-suq ta’ Singapor rispettivament, għal merkanzija u għal servizzi mill-parti l-oħra, huwa wkoll irregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli Sebgħa u Għaxra tal-ftehim previst.

    72.

    Il-Kapitolu Sebgħa ta’ dan il-ftehim, intitolat “Ostakoli mhux tariffarji għall-kummerċ u l-investiment fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli” għandu l-għan li jirregola u li jiffaċilita l-aċċess għas-suq fis-settur tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi mhux fossili u sostenibbli.

    73.

    Fil-fatt, dan il-kapitolu, li ma jistabbilixxi ebda regola ambjentali f’dan il-qasam, jistipula li ebda parti ma għandha tadotta miżuri li jeżiġu li tinħoloq sħubija mal-impriżi lokali f’dan is-settur, u li kull parti għandha tiżgura li kull regola fil-qasam ta’ awtorizzazzjoni, ta’ ċertifikazzjoni u ta’ għoti ta’ liċenzja tkun nondiskriminatorja lejn l-operaturi tal-parti l-oħra u għandha taċċetta d-dikjarazzjonijiet ta’ konformità maħruġa mill-parti l-oħra.

    74.

    Intiż għaldaqstant li jiftaħ is-suq ta’ kull waħda mill-partijiet, dan il-kapitolu huwa wkoll ta’ natura li jkollu effett dirett u immedjat fuq il-kummerċ ta’ merkanzija u ta’ servizzi bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor fl-imsemmi settur, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 ta’ din l-opinjoni. Għaldaqstant, huwa jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(1)(e) TFUE.

    75.

    Il-Kapitolu Għaxra tal-ftehim previst, intitolat “L-akkwist pubbliku [Kuntratti pubbliċi]”, jinkludi l-impenji li permezz tagħhom kull parti tiżgura lill-fornituri ta’ merkanzija u ta’ servizzi tal-parti l-oħra trattament mhux inqas favorevoli minn dak li hija tagħti lill-operaturi tagħha stess fl-għoti ta’ kuntratti għall-bżonnijiet tal-awtoritajiet pubbliċi. Huwa jinkludi wkoll firxa wiesgħa ta’ regoli intiżi li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, kemm f’Singapor kif ukoll fl-Unjoni, billi jipprevedi li dawn il-kuntratti għandhom jingħataw biss wara proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti li tinkludi avviż ta’ kuntratt komplet li l-kandidati jistgħu faċilment ikollhom aċċess għalih kif ukoll kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni u ta’ għażla xierqa.

    76.

    Għaldaqstant, dan il-kapitolu għandu l-għan speċifiku li jiddetermina l-modi kif l-operaturi ekonomiċi ta’ kull parti jistgħu jipparteċipaw fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti organizzata mill-awtoritajiet pubbliċi tal-parti l-oħra. Barra minn hekk, peress li dawn il-modi huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet ta’ aċċess nondiskriminatorju, ta’ trasparenza u ta’ effikaċja, dawn huma ta’ natura li jkollhom effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ ta’ merkanzija u ta’ servizzi bejn il-partijiet.

    77.

    Il-Kapitolu Għaxra tal-ftehim previst jaqa’, konsegwentement, taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(1)(e) TFUE, suġġett ukoll, madankollu, għal dak espress fil-punt 69 ta’ din l-opinjoni f’dak li jirrigwarda s-servizzi elenkati fil-punti 11 u 12 tal-appendiċi 8-A-1 u 8-B-1 kif ukoll fil-punti 16 u 17 tal-appendiċi 8-A-2 u 8-A-3 tal-annessi tal-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst. In-natura tal-kompetenza tal-Unjoni għall-approvazzjoni tal-impenji dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali, ta’ trasport ferrovjarju, ta’ trasport bit-triq u ta’ trasport fuq il-passaġġi tal-ilma interni, kif ukoll dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi marbuta intrinsikament ma’ dawn is-servizzi ta’ trasport, hija eżaminata fil-punti 219 sa 224 ta’ din l-opinjoni.

    L-impenji dwar il-protezzjoni tal-investiment

    78.

    Bħalma jistabbilixxi l-Artikolu 9.1 tal-ftehim previst, il-Kapitolu Disgħa tiegħu jirrigwarda “kull kwalità ta’ assi li għandu l-karatteristika ta’ investiment, inkluż dawk il-karatteristiċi bhall-impenn tal-kapital jew riżorsi oħra, l-istennija ta’ qligħ jew profitt, is-suppożizzjoni ta’ riskju jew ċertu tul ta’ żmien”, sakemm dan l-assi “hu proprjetà, direttament jew indirettament, jew ikkontrollat direttament jew indirettament, minn [persuna fiżika jew ġuridika] ta’ Parti waħda fit-territorju tal-Parti l-oħra”.

    79.

    Minn dan l-artikolu jirriżulta li l-imsemmi kapitolu jirrigwarda kemm l-investiment dirett kif ukoll kull investiment ieħor.

    80.

    Fir-rigward tal-investiment dirett, hija ġurisprudenza stabbilita li dan jikkonsisti f’investiment ta’ kull natura li jagħmlu persuni fiżiċi jew ġuridiċi u li jservu sabiex jinħolqu jew jinżammu relazzjonijiet fit-tul u diretti bejn il-persuna li tipprovdi l-kapital u l-impriża li lilha jingħata tali kapital sabiex teżerċita attività ekonomika. Parteċipazzjoni f’impriża f’forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata hija investiment dirett meta l-azzjonijiet li jkollu l-azzjonist jagħtuh il-possibbiltà li jipparteċipa effettivament fit-tmexxija ta’ din il-kumpannija jew fil-kontroll tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C‑446/04, EU:C:2006:774, punti 181182; tas‑26 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑326/07, EU:C:2009:193, punt 35, kif ukoll tal‑24 ta’ Novembru 2016, SECIL, C‑464/14, EU:C:2016:896, punti 7576).

    81.

    L-Artikolu 207(1) TFUE jipprevedi li l-atti tal-Unjoni fil-qasam ta’ “investiment barrani dirett” jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni.

    82.

    Minn dan isegwi li l-Unjoni għandha l-kompetenza esklużiva, skont l-Artikolu 3(1)(e) TFUE, sabiex tapprova kull impenn fil-konfront ta’ Stat terz dwar l-investiment magħmul minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ dan l-Istat terz fl-Unjoni u, viċe versa, li jagħti l-possibbiltà li jipparteċipaw effettivament fl-amministrazzjoni jew fil-kontroll ta’ kumpannija li teżerċita attività ekonomika.

    83.

    L-użu, mill-awturi tat-Trattat FUE, tal-kliem “investiment barrani dirett” fl-Artikolu 207(1) TFUE, jesprimi mingħajr ambigwità r-rieda tagħhom li ma jinkludux investiment barrani ieħor fil-politika kummerċjali komuni. Għaldaqstant, għandu jitqies li impenji fil-konfront ta’ Stat terz dwar dan l-investiment ieħor ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(1)(e) TFUE.

    84.

    Din id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni għal dak li jirrigwarda l-investiment barrani tirrifletti l-fatt li kull att tal-Unjoni li jippromwovi, jiffaċilita jew jirregola l-parteċipazzjoni, minn persuna fiżika jew ġuridika ta’ Stat terz fl-Unjoni u viċe versa, fl-amministrazzjoni jew fil-kontroll ta’ kumpannija li teżerċita attività ekonomika, huwa ta’ natura li jkollu effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ bejn dan l-Istat terz u l-Unjoni, filwaqt ma hemmx rabta speċifika ma’ dan il-kummerċ fil-każ ta’ investiment li ma jwassalx għal tali parteċipazzjoni.

    85.

    Il-Kunsill u wħud mill-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jargumentaw li, anki sa fejn huwa dwar l-investiment dirett, il-Kapitolu Disgħa tal-ftehim previst ma jistax jaqa’ taħt il-politika kummerċjali komuni peress li dan il-kapitolu jirrigwarda biss il-protezzjoni ta’ dan l-investiment u mhux l-ammissjoni ta’ dan tal-aħħar.

    86.

    Huwa minnu, bħalma enfasizzaw dawn il-parteċipanti f’din il-proċedura, li l-uniċi dispożizzjonijiet sostantivi tal-Kapitolu Disgħa ta’ dan il-ftehim huma inklużi fit-Taqsima A ta’ dan il-kapitolu u li din it-taqsima, intitolata “Protezzjoni tal-investiment”, tirrigwarda biss it-trattament tal-investiment wara li jkun ġie ammess skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, skont il-każ, fir-Repubblika ta’ Singapor jew fl-Unjoni. Il-fatt li l-ammissjoni tal-investiment toħroġ ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim previst huwa barra minn hekk ikkorroborat mill-Artikolu 9.2 tiegħu, li jipprovdi: “[d]an il-Kapitolu japplika għall-[...] investimenti [...] li jkunu saru skont il-liġi applikabbli [...]”.

    87.

    Madankollu, dan il-fatt ma jeskludi bl-ebda mod li r-regoli miftiehma bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor fil-qasam tal-protezzjoni tal-investiment dirett jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni meta dawn ikollhom rabta speċifika mal-kummerċ bejn l-Unjoni u dan l-Istat terz. Fil-fatt, l-Artikolu 207(1) TFUE jagħmel riferiment b’mod ġenerali għall-atti tal-Unjoni fil-qasam ta’ “investiment barrani dirett”, mingħajr ma jiddistingwi jekk humiex involuti atti intiżi għall-ammissjoni jew għall-protezzjoni tal-imsemmija investimenti.

    88.

    F’dan il-każ, il-protezzjoni mogħtija mill-Kapitolu Disgħa tal-ftehim previst tikkonsisti, fl-ewwel lok, fl-obbligu għal kull parti, skont l-Artikolu 9.3 tal-ftehim, li tagħti lill-investituri tal-parti l-oħra “trattament mhux inqas favorevoli mit-trattament li hija tagħti, f’sitwazzjonijiet simili għal dawn, lill-investituri tagħha stess u l-investimenti tagħhom fir-rigward tal-operat, il-ġestjoni, it-tmexxija, il-manutenzjoni, l-użu, it-tgawdija, u l-bejgħ jew disponiment ieħor tal-investimenti tagħhom”.

    89.

    Fit-tieni lok, hija tinkludi l-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 9.4 tal-ftehim previst, li l-investituri tal-parti l-oħra u l-investimenti tagħhom jingħataw trattament ġust u ekwu kif ukoll protezzjoni u sigurtà sħiħa, u dan it-trattament, din il-protezzjoni u din is-sigurtà għandhom b’mod partikolari jkunu kkaratterizzati mill-assenza ta’ atti arbitrarji u ta’ kull forma ta’ fastidju jew ta’ restrizzjoni, kif ukoll mill-osservanza tal-aspettattivi leġittimi tal-investituri u tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    90.

    Fit-tielet lok, il-protezzjoni tal-investimenti hija żgurata bl-obbligu għal kull parti, previst fl-Artikolu 9.5 tal-ftehim previst, li l-investituri tal-parti l-oħra jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-investituri tagħha stess għal dak li jirrigwarda l-kumpens għat-telf imġarrab minħabba gwerra jew kunflitti armati oħrajn, rivoluzzjoni, stat ta’ urġenza, rewwixta, insurrezzjoni jew irvell, inkluż fil-każ tal-qerda ta’ investiment mill-awtoritajiet pubbliċi jew mill-forzi armati.

    91.

    Fir-raba’ lok, il-ftehim previst jipproteġi l-investituri tal-Unjoni u tar-Repubblika ta’ Singapor minn kull esproprijazzjoni arbtirarja jew mingħajr kumpens fit-territorju tal-parti l-oħra, billi jistabbilixxi, fl-Artikolu 9.6 tiegħu, li ebda parti ma tista’ tinnazzjonalizza jew tesproprija l-investimenti inkwistjoni tal-investituri tal-parti l-oħra, jew tissuġġettahom għal miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal nazzjonalizzazzjoni jew esproprjazzjoni, ħlief meta dan jitwettaq għal raġunijiet ta’ interess pubbliku, konformement mal-prinċipji tal-applikazzjoni regolari tal-liġi, fuq bażi nondiskriminatorja u bil-ħlas fil-pront u effettiv ta’ kumpens suffiċjenti.

    92.

    Fil-ħames lok, il-ftehim previst jipprevedi, fl-Artikolu 9.7 tiegħu, li t-trasferimenti li jirrigwardaw investiment, bħall-kontribuzzjonijiet għall-kapital sabiex iżidu l-investiment u t-teħid ta’ dividendi jew ta’ dħul ieħor, jistgħu jsiru f’munita liberament konvertibbli mingħajr restrizzjoni.

    93.

    Fis-sitt u l-aħħar lok, l-Artikolu 9.8 tal-ftehim previst jobbliga lil kull parti tirrikonoxxi s-surrogi, it-trasferimenti ta’ dritt jew ta’ titolu u t-trasferimenti ta’ krediti fir-rigward tal-investiment magħmul fit-territorju tagħha mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi tal-parti l-oħra.

    94.

    Dawn l-impenji kollha ta’ “trattament mhux inqas favorevoli” u ta’ projbizzjonijiet ta’ trattament arbitrarju, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-isfruttament, iż-żieda u l-bejgħ, mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ kull parti, tal-parteċipazzjonijiet tagħhom fil-kumpanniji li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi u li jinsabu fit-territorju tal-parti l-oħra, jikkontribwixxu għaċ-ċertezza legali tal-investituri. It-twaqqif ta’ tali qafas legali għandu l-għan li jippromwovi, li jiffaċilita u li jirregola l-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 ta’ din l-opinjoni.

    95.

    Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa tal-ftehim previst, sa fejn dawn jirrigwardaw l-investiment dirett, huma ta’ natura li jkollhom effetti diretti u immedjati fuq dan il-kummerċ, sa fejn dawn jirrigwardaw l-ipproċessar tal-parteċipazzjonijiet tal-intraprendituri ta’ parti għall-ġestjoni jew għall-kontroll ta’ kumpanniji li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi fit-territorju tal-parti l-oħra.

    96.

    Minn dan isegwi li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, konformement mal-kriterji mfakkra fil-punt 36 ta’ din l-opinjoni, rabta speċifika mal-imsemmi kummerċ.

    97.

    Il-fatt, irrilevat mill-Kunsill u minn uħud mill-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-imsemmija taqsima għandha dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri jevalwaw jekk l-applikazzjoni tal-ftehim previst hijiex konformi mar-rekwiżiti tagħhom ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika, kif ukoll ta’ għanijiet oħrajn ta’ interess pubbliku jew li jirrigwardaw id-dritt għall-proprjetà, id-dritt kriminali, id-dritt fiskali u s-sigurtà soċjali, ma għandux effett f’dan ir-rigward.

    98.

    Fir-rigward, minn naħa, tas-setgħa ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni li jevalwa jekk dawn ir-rekwiżiti u dawn l-għanijiet oħrajn humiex, f’dak li jirrigwardah, issodisfatti, il-Kunsill u l-imsemmija Stati Membri jagħmlu riferiment għall-Artikolu 9.3(3) tal-ftehim previst, li jistabbilixxi – bħal dispożizzjonijiet simili f’kapitoli oħrajn ta’ dan il-ftehim – li, b’deroga mill-obbligu ta’ “trattament mhux inqas favorevoli” impost fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, trattament inqas favorevoli jista’ jiġi applikat jekk ma jikkostitwixxix restrizzjoni moħbija u jkun meħtieġ għaż-żamma tal-ordni pubbliku, għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika jew għall-protezzjoni ta’ wieħed mill-interessi pubbliċi l-oħrajn elenkati fl-imsemmi paragrafu 3.

    99.

    Il-Kunsill u dawn l-istess Stati Membri jagħmlu riferiment ukoll għall-Artikolu 9.5 tal-ftehim previst, li jiggarantixxi lill-investituri trattament mhux inqas favorevoli f’dak li jirrigwarda l-kumpens għat-telf imġarrab minħabba waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati f’dan l-artikolu, li fosthom hemm l-istat ta’ gwerra, l-istat ta’ urġenza nazzjonali u l-qerda ta’ investiment mill-awtoritajiet pubbliċi jew mill-forzi armati.

    100.

    Huma jargumentaw, f’dan ir-rigward, li l-Unjoni ma tistax tikkuntratta impenji minflok l-Istati Membri f’oqsma li jaqgħu, min-natura tagħhom, taħt kompetenza li tappartjeni lilhom biss.

    101.

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 9.3(3) tal-ftehim previst ma jipprevedix impenn iżda l-possibbiltà li tiġi implementata deroga. Skont din tal-aħħar, Stat Membru ser ikun jista’ jitratta, għal raġunijiet imperattivi ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ wieħed mill-interessi pubbliċi l-oħrajn imsemmija fl-imsemmi paragrafu 3, lill-investituri ta’ Singapor b’mod inqas favorevoli mill-investituri tiegħu stess. Billi tawtorizza tali deroga, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxi ebda impenn internazzjonali fil-qasam tal-ordni pubbliku, tas-sigurtà pubblika jew ta’ interessi pubbliċi oħrajn.

    102.

    L-imsemmi Artikolu 9.3(3) jeżiġi li kull trattament inqas favorevoli ta’ investituri ta’ Singapor għandu jkun “meħtieġ” u ma għandux jikkostitwixxi “restrizzjoni moħbija”. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jippermettu li jiġi żgurat li l-impenn ta’ “trattament mhux inqas favorevoli”, stabbilit fl-Artikolu 9.3(1) u (2) tal-ftehim previst, ma jitneħħilux l-effett utli tiegħu. Bħalma esponiet l-Avukat Ġenerali fil-punt 335 tal-konklużjonijiet tagħha, il-limitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri li tirriżulta mill-imsemmi paragrafu 3 hija intrinsika għat-twettiq tal-kummerċ internazzjonali, li jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Id-dispożizzjoni komuni li tfakkar l-imsemmija rekwiżiti taqa’ għaldaqstant taħt din il-kompetenza.

    103.

    Minn dan isegwi li l-Artikolu 9.3(3) tal-ftehim previst ma jidħolx fuq il-kompetenzi tal-Istati Membri fil-qasam tal-ordni pubbliku, tas-sigurtà pubblika u ta’ interessi pubbliċi oħrajn, iżda jobbliga lill-Istati Membri jeżerċitaw dawn il-kompetenzi b’mod li ma jċaħħadx mill-effett utli tagħhom l-impenji kummerċjali kkuntrattati mill-Unjoni skont l-Artikolu 9.3(1) u (2) tal-imsemmi ftehim.

    104.

    Konklużjoni simili tapplika għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 9.5 tal-ftehim previst. Dan l-artikolu ma jaffettwax is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tal-użu tal-forzi armati tagħhom jew id-dikjarazzjoni tal-istat ta’ urġenza nazzjonali, iżda hija limitata li tistipula li, jekk xi investiment ikun ġarrab telf minħabba waħda mis-sitwazzjonijiet li huma elenkati fiha, għandha tiġi applikata għall-investituri ta’ Singapor kif ukoll għal dawk tal-Unjoni l-istess leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ kumpens.

    105.

    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tad-dispożizzjonijiet dwar id-dritt dwar il-proprjetà, id-dritt kriminali, id-dritt fiskali u s-sigurtà soċjali, il-Kunsill u l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jagħmlu riferiment għall-Artikoli 9.6 u 9.7 tal-ftehim previst. L-Artikolu 9.6 huwa intiż li jipproteġi lill-investituri ta’ kull parti minn kull esproprjazzjoni arbitrarja jew mingħajr kumpens fit-territorju tal-parti l-oħra, filwaqt li l-Artikolu 9.7, li jirrigwarda l-possibbiltà għall-investituri li jagħmlu, mingħajr restrizzjonijiet, trasferimenti dwar l-investimenti tagħhom, jistipula, fil-paragrafu 2 tiegħu, li “[x]ejn f’dan l-Artikolu ma [għandu] jiġi interpretat bħala li jimpedixxi Parti milli tapplika b’mod ekwu u mhux diskriminatorju l-liġi tagħha dwar [...] reati kriminali jew penali, [...]sigurtà soċjali, [...] irtirar [...] jew skemi ta’ tfaddil obbligatorju [u] tassazzjoni”.

    106.

    Il-Kunsill iqis, b’mod partikolari, li l-Artikolu 9.6 tal-ftehim previst jaqa’ taħt il-kompetenzi li jappartjenu lill-Istati Membri fil-qasam tad-dritt dwar il-proprjetà. Huwa jiċċita, f’dan il-kuntest, l-Artikolu 345 TFUE, li jipprovdi li t-Trattati ma jippreġudikaw bl-ebda mod is-sistema tal-proprjetà fl-Istati Membri.

    107.

    F’dan ir-rigward, bħalma diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 345 TFUE jesprimi n-newtralità tal-Unjoni fir-rigward tas-sistemi ta’ proprjetà li jeżistu fl-Istati Membri, iżda ma għandux l-effett li jeżenta dawn is-sistemi mir-regoli fundamentali tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Essent et, C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punti 29 kif ukoll 36). F’dan il-każ, l-Artikolu 9.6 tal-ftehim previst, li l-kontenut tiegħu huwa espost essenzjalment fil-punt 91 ta’ din l-opinjoni, ma jinkludi ebda impenn dwar is-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri. Dan l-artikolu huwa intiż biss li jkopri deċiżjonijiet eventwali ta’ nazzjonalizzazzjoni jew ta’ esproprjazzjoni permezz ta’ limiti intiżi li jiggarantixxu lill-investituri li tali deċiżjoni se ssir taħt kundizzjonijiet ekwi u b’osservanza tal-prinċipji ġenerali u tad-drittijiet fundamentali, u b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Huwa jirrifletti għaldaqstant is-sempliċi fatt li, minkejja li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom fil-qasam tad-dritt dwar il-proprjetà u li konsegwentement ibiddlu s-sistema tal-proprjetà sa fejn tirrigwardahom, madankollu huma ma humiex meħlusa mill-osservanza ta’ dawn il-prinċipji u drittijiet fundamentali.

    108.

    Fir-rigward tal-Artikolu 9.7 tal-ftehim previst, dan ma jinkludi ebda impenn għall-Istati Membri dwar id-dritt kriminali, id-dritt fiskali jew is-sigurtà soċjali tagħhom, iżda huwa limitat, essenzjalment, li jipprevedi li kull applikazzjoni, fl-Unjoni jew f’Singapor, ta’ leġiżlazzjoni fil-qasam għal investitur tal-parti l-oħra għandha ssir “b’mod ekwu u mhux diskriminatorju”, bħalma huwa speċifikat fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 9.7.

    109.

    Mill-elementi preċedenti kollha jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tat-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa tal-ftehim previst jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni sa fejn jirrigwardaw l-investiment barrani dirett bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor.

    110.

    Madankollu, din il-konstatazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-Unjoni hija kompetenti sabiex tapprova waħedha din it-taqsima tal-Kapitolu Disgħa. Fil-fatt, din tirrigwarda wkoll l-investiment barrani li ma huwiex dirett. L-effett tal-applikazzjoni ta’ din it-taqsima għal dan l-investiment l-ieħor fuq in-natura tal-kompetenza tal-Unjoni sabiex tapprova din il-parti tal-ftehim previst huwa eżaminat fil-punti 226 sa 243 ta’ din l-opinjoni.

    L-impenji dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali

    111.

    Skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 207(1) TFUE, il-politika kummerċjali komuni tinkludi “l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali”.

    112.

    L-impenji internazzjonali kkuntrattati mill-Unjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali jaqgħu taħt l-imsemmija “aspetti kummerċjali” meta jkollhom rabta speċifika mal-kummerċ internazzjonali sa fejn huma essenzjalment intiżi li jinkoraġġixxu, jiffaċilitaw jew jirregolaw dan il-kummerċ u għandhom effetti diretti u immedjati fuqu [sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520, punti 49 sa 52, kif ukoll Opinjoni 3/15 (Trattat ta’ Marrakexx fuq l-aċċess għall-materjal stampat), tal‑14 ta’ Frar 2017, EU:C:2017:114, punt 78].

    113.

    L-impenji fil-qasam tal-proprjetà intellettwali inklużi fil-ftehim previst huma stabbiliti fil-Kapitolu Ħdax tiegħu u jikkompletaw, bħalma jippreċiża l-Artikolu 11.2 ta’ dan il-ftehim, id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet skont il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ [Anness 1C tal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO, iffirmat f’Marakexx fil‑15 ta’ April 1994 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat‑22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80, iktar ’il quddiem il-“ftehim li jistabbilixxi d-WTO”)] u konvenzjonijiet multilaterali oħrajn fil-qasam tal-proprjetà intellettwali konklużi minnhom.

    114.

    Fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, il-ftehim previst ifakkar, fl-Artikolu 11.4 tiegħu, intitolat “Protezzjoni Mogħtija”, l-obbligi tal-partijiet skont diversi konvenzjonijiet internazzjonali, li fosthom hemm il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi, iffirmata f’Berna fid‑9 ta’ Settembru 1886 (att ta’ Pariġi tal‑24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat‑28 ta’ Settembru 1979, kif ukoll it-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-drittijiet tal-awtur, iffirmata fl‑20 ta’ Diċembru 1996 f’Ġinevra, li ġiet approvata f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas‑16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208). Barra minn hekk, huwa jistabbilixxi, essenzjalment, standards dwar il-perijodu minimu għall-protezzjoni ta’ diversi xogħlijiet artistiċi (Artikolu 11.5) u l-obbligu li l-awturi jiġu protetti miċ-ċirkumvenzjoni ta’ kull miżura teknoloġika li huma jużaw sabiex jiġi evitat it-twettiq ta’ atti mhux awtorizzati (Artikolu 11.9).

    115.

    Fil-qasam tat-trade marks, il-ftehim previst jipprevedi, fl-Artikolu 11.13 tiegħu, li kull parti għandha toħloq database elettronika pubblikament disponibbli tal-applikazzjonijiet għal trade marks u tar-reġistrazzjonijiet ta’ trade marks. Barra minn hekk, kull parti għandha tiżgura li kull ċaħda ta’ reġistrazzjoni tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni motivata bil-miktub li tista’ tiġi kkontestata. Terzi għandu jkollhom il-possibbiltà li jagħmlu oppożizzjoni għall-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni.

    116.

    Fil-qasam ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, l-Artikolu 11.17(1) tal-ftehim previst jobbliga lil kull parti li tistabbilixxi “sistemi għar-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi fit-territorju tagħha, għall-kategoriji tal-inbejjed u l-ispirti u l-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel skont kif tqis li jkun xieraq”. Dawn is-sistemi għandhom jinkludu ċerti rimedji proċedurali, deskritti fil-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 11.17, li jippermettu b’mod partikolari li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi ta’ terzi. Il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jżid li l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti minn kull parti għandhom ikunu inklużi f’lista miżmuma mill-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit mill-ftehim previst. L-indikazzjonijiet ġeografiċi li jissemmew fuq din il-lista għandhom, skont l-Artikolu 11.19 ta’ dan il-ftehim, ikunu protetti minn kull parti b’mod li l-intraprendituri kkonċernati jkunu jistgħu jimpedixxu li terzi jqarrqu bil-pubbliku jew iwettqu atti oħrajn ta’ kompetizzjoni żleali.

    117.

    Fil-qasam ta’ disinni, kull parti għandha, konformement mal-Artikoli 11.24 sa 11.26 tal-ftehim previst, tipproteġi, għal perijodu li jammonta għal mill-inqas għaxar snin mid-data tal-applikazzjoni għall-protezzjoni, id-disinni li jkunu nħolqu b’mod indipendenti u li jkunu ġodda jew oriġinali. L-imsemmi Artikolu 11.24 jispeċifika li huma esklużi minn tali protezzjoni d-disinni essenzjalment iddettati minn kunsiderazzjonijiet tekniċi jew funzjonali, kif ukoll dawk kuntrarji għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità.

    118.

    Fil-qasam tal-privattivi, il-ftehim previst ifakkar, fl-Artikolu 11.29, l-obbligi tal-partijiet skont ċerti strumenti internazzjonali u jinkludi impenn ta’ kooperazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 11.31 tiegħu jistabbilixxi li “[i]l-Partijiet jagħrfu li l-prodotti farmaċewtiċi protetti bi privattiva fit-territorji rispettivi tagħhom jistgħu jkunu soġġetti għal proċess amministrattiv ta’ approvazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni qabel ma jitpoġġew fis-swieq rispettivi tagħhom” u li huma “jagħmlu disponibbli estensjoni tal-perjodu tad-drittijiet mogħtija bil-protezzjoni tal-privattiva sabiex il-proprjetarju tal-privattiva jiġi kkumpensat għat-tnaqqis fil-ħajja effettiva tal-privattiva b’riżultat ta’ proċess amministrattiv ta’ approvazzjoni għal tqegħid fis-suq” u li “l-estensjoni tal-perjodu tad-drittijiet mogħtija bil-protezzjoni tal-privattiva ma tistax taqbeż il-ħames snin”.

    119.

    L-Artikolu 11.33 tal-ftehim previst iżid li, “[m]eta Parti teħtieġ li l-preżentazzjoni tad-dejta tat-testijiet jew studji dwar is-sigurtà u l-effikaċja ta’ prodott farmaċewtiku qabel ma tingħata l-approvazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ tali prodott, il-Parti ma tistax tippermetti, għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin mid-data tal-ewwel approvazzjoni f’dik il-Parti, tippermetti lil partijiet terzi oħra jikkummerċjalizzaw l-istess prodott jew prodott simili, abbażi ta’ approvazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni mogħtija lill-applikant li kien ipprovda d-dejta tat-testijiet jew studji, sakemm l-applikant li kien ipprovda d-dejta tat-testijiet jew l-istudji ma jkunx ta l-kunsens tiegħu”. L-Artikolu 11.34 ta’ dan il-ftehim jistabbilixxi regoli simili intiżi għall-protezzjoni tad-data tat-testijiet ippreżentata sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni amministrattiva tal-kummerċjalizzazzjoni sabiex prodott agrikolu kimiku jitqiegħed fis-suq.

    120.

    Fl-aħħar nett, fil-qasam ta’ varjetajiet tal-pjanti, l-Artikolu 11.35 tal-ftehim previst ifakkar l-obbligi tal-partijiet skont konvenzjoni internazzjonali.

    121.

    Dawn id-dispożizzjonijiet kollha dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, dwar it-trade marks, dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi, dwar id-disinni, dwar il-privattivi, dwar id-data tat-testijiet u dwar il-varjetajiet tal-pjanti, ikkostitwiti minn tfakkira tal-obbligi internazzjonali multilaterali eżistenti, minn naħa, u minn impenji bilaterali, min-naħa l-oħra, għandhom l-għan essenzjali, konformement ma’ dak li jistabbilixxi l-Artikolu 11.1(1)(b) ta’ dan il-ftehim, li jiġi żgurat għall-intraprendituri tal-Unjoni u ta’ Singapor “livell adegwat” ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom.

    122.

    Id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Kapitolu Ħdax tal-ftehim previst jippermettu lill-intraprendituri tal-Unjoni u ta’ Singapor sabiex igawdu, fit-territorju tal-parti l-oħra, minn standards ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li għandhom ċerta omoġenità u jikkontribwixxu għaldaqstant sabiex jipparteċipaw f’kundizzjonijiet ekwivalenti fil-moviment ħieles ta’ merkanzija u ta’ servizzi bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor.

    123.

    Dan japplika wkoll għall-Artikoli 11.36 sa 11.47 tal-ftehim previst, li jobbligaw lil kull parti tipprevedi ċerti kategoriji ta’ proċeduri u ta’ miżuri ġudizzjarji ċivili li jippermettu lill-persuni kkonċernati jinvokaw u jinfurzaw ir-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħhom. Dawn id-dispożizzjonijiet jiżguraw ċerta omoġenità bejn il-livelli ta’ protezzjoni ġudizzjarja li għandhom id-detenturi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fl-Unjoni u f’Singapor rispettivament.

    124.

    Dan japplika wkoll għall-Artikoli 11.48 sa 11.50 tal-ftehim, li jobbligaw lil kull parti sabiex tistabbilixxi metodi ta’ identifikazzjoni mill-awtoritajiet doganali ta’ merkanzija ffalsifikata jew piratata u sabiex tipprevedi l-possibbiltà, għad-detenturi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, li jiksbu, fil-każ ta’ suspett ta’ ffalsifikar jew ta’ piraterija, is-sospensjoni tar-rilaxx ta’ din il-merkanzija. Dawn id-dispożizzjonijiet joħolqu ċerta omoġenità bejn il-mezzi disponibbli għall-protezzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali mid-dħul ta’ merkanzija ffalsifikata jew ippiratata fl-Unjoni u f’Singapor, rispettivament.

    125.

    Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta, l-ewwel nett, li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Ħdax tal-ftehim previst huma intiżi effettivament, bħalma jistabbilixxi l-Artikolu 11(1) ta’ dan il-ftehim, li “jiffaċilita[w] l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti innovattivi u kreattivi u l-forniment ta’ servizzi bejn il-Partijiet” u li “iżid[u] il-benefiċċji mill-kummerċ u l-investiment”.

    126.

    Sussegwentement, mill-imsemmija elementi jirriżulta li dan il-kapitolu ma jidħol bl-ebda mod fil-qafas tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni, iżda għandu l-għan speċifiku li jirregola l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor.

    127.

    Fl-aħħar nett, jidher li, fir-rigward tal-pożizzjoni essenzjali, imfakkra mill-Avukat Ġenerali fil-punt 436 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għandha fil-kummerċ ta’ merkanzija u ta’ servizzi b’mod ġenerali u fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Ħdax tal-ftehim previst huma ta’ natura li jkollhom effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor.

    128.

    Minn dan isegwi, skont il-kriterji mfakkra fil-punti 36 u 112 ta’ din l-opinjoni, li l-Kapitolu Ħdax tal-ftehim previst jirrigwarda “aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali” fis-sens tal-Artikolu 207(1) TFUE.

    129.

    Uħud mill-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jargumentaw li l-Kapitolu Ħdax tal-ftehim previst ikopri wkoll aspetti mhux kummerċjali tal-proprjetà intellettwali għar-raġuni li l-Artikolu 11.4 tiegħu jagħmel riferiment, dwar id-dritt tal-awtur u drittijiet relatati, għal konvenzjonijiet multilaterali li jinkludu dispożizzjoni fil-qasam tad-drittijiet morali. Madankollu, ir-riferiment mill-ftehim previst għal dawn il-konvenzjonijiet ma huwiex biżżejjed, għall-finijiet tad-determinazzjoni tan-natura tal-kompetenza tal-Unjoni sabiex tikkonkludi l-ftehim previst, sabiex jitqies li dan il-qasam jikkostitwixxi parti integrali minn dan tal-aħħar, li ma jsemmix id-drittijiet morali.

    130.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kapitolu Ħdax tal-ftehim għandu l-għan essenzjali li jiffaċilita u li jirregola l-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor, u li d-dispożizzjonijiet tiegħu huma ta’ natura li jkollhom effetti diretti u immedjati fuqu, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 36 u 112 ta’ din l-opinjoni. Konsegwentement, dan il-kapitolu jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(1)(e) TFUE.

    L-impenji fil-qasam tal-kompetizzjoni

    131.

    Skont l-Artikolu 12.1(1) tal-ftehim previst, il-partijiet jagħrfu fl-istess waqt “l-importanza ta’ kompetizzjoni ħielsa u mhux mgħawġa [distorta] fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom” u “li kondotta tan-negozju antikompetittiva u tranżazzjonijiet tan-negozju antikompetittivi għandhom il-potenzjal li jfixklu l-funzjonament xieraq tas-swieq tagħhom u b’mod ġenerali jdgħajfu l-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni kummerċjali”.

    132.

    L-Artikolu 12.1(2) ta’ dan il-ftehim jobbliga għal dan il-għan lil kull parti li jkollha leġiżlazzjoni li tippermettilha tiġġieled b’mod effettiv kontra l-ftehimiet bejn impriżi, id-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiki miftiehma li jkollhom bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, kif ukoll kontra l-abbużi minn pożizzjoni dominanti u l-konċentrazzjonijiet bejn impriżi li jwasslu għal tnaqqis sinjifikattiv tal-kompetizzjoni jew li jostakolawha b’mod kunsiderevoli, sa fejn dawn il-ftehimiet, dawn id-deċiżjonijiet, dawn il-prattiki, dawn l-abbużi u dawn il-konċentrazzjonijiet jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor.

    133.

    L-Artikolu 12.2 tal-imsemmi ftehim iżid li kull parti għandha tinkariga awtoritajiet bl-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni rispettiva tagħha, koperta mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 12.1, u għandha tapplika din tal-aħħar b’mod trasparenti u nondiskriminatorju kif ukoll b’osservanza tal-prinċipji tal-ġustizzja proċedurali u tad-drittijiet tad-difiża.

    134.

    Dawn id-dispożizzjonijiet tal-ftehim previst jidħlu mingħajr dubju fil-qafas tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor. Fil-fatt, huma jirrigwardaw b’mod speċifiku l-ġlieda kontra l-attivitajiet antikompetittivi u kontra l-konċentrazzjonijiet li jkollhom l-għan jew l-effett li jostakolaw li l-kummerċ bejn l-Unjoni u dan l-Istat terz iseħħ f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni tajbin.

    135.

    L-imsemmija dispożizzjonijiet jaqgħu, għaldaqstant, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u mhux fil-qasam tas-suq intern. Il-fatt li l-ftehim previst ma jirrigwarda bl-ebda mod l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni jew il-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa, barra minn hekk, ikkorroborat mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 12.2 ta’ dan il-ftehim, li tipprovdi li “[k]ull Parti żżomm l-awtonomija tagħha fl-iżvilupp u fl-infurzar tal-liġi tagħha”, kif ukoll mill-preċiżjoni mogħtija fl-Artikolu 12.1 tiegħu, fis-sens li l-Kapitolu Tnax ikopri l-ftehimiet, id-deċiżjonijiet, il-prattiki, l-abbużi u l-konċentrazzjonijiet antikompetittivi biss sa fejn dawn jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor.

    136.

    L-Artikoli 12.3 u 12.4 tal-imsemmi ftehim għandhom, huma wkoll, rabta speċifika mal-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jistipulaw, essenzjalment, li kull impriża pubblika, kull impriża mogħtija drittijiet speċjali jew esklużivi u kull monopolju tal-Istat għandhom jagħtu trattament nondiskriminatorju lill-merkanzija u lill-fornituri ta’ servizzi tal-parti l-oħra.

    137.

    Il-Kapitolu Tnax tal-ftehim previst jinkludi wkoll dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ sussidji. Dawn ifakkru l-obbligi tal-partijiet skont il-Ftehim dwar sussidji u mezzi ta’ kontrobilanċ [miżuri ta’ kumpens], li jagħmel parti mill-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO, jiddeterminaw liema sussidji marbuta mal-kummerċ ta’ merkanzija u ta’ servizzi bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor huma pprojbiti u jobbligaw lil kull parti tagħmel ħilitha sabiex tirrimedja jew tneħħi l-effetti tas-sussidji mhux ipprojbiti fuq il-kummerċ mal-parti l-oħra.

    138.

    Mill-elementi preċedenti jirriżulta li l-Kapitolu Tnax tal-ftehim previst jaqa’, skont il-kriterji mfakkra fil-punt 36 ta’ din l-opinjoni, taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(e) TFUE.

    L-impenji fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli

    139.

    Bħalma jirriżulta mill-punt 5 ta’ din l-opinjoni, l-awtorizzazzjoni tal-ftuħ ta’ negozjati mar-Repubblika ta’ Singapor għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kummerċ ħieles ingħatat fit‑22 ta’ Diċembru 2009.

    140.

    Bħalma enfasizza l-Parlament fl-osservazzjonijiet tiegħu, dawn in-negozjati kellhom l-għan li jintlaħaq ftehim ta’ kummerċ ħieles “ġenerazzjoni l-ġdida”, jiġifieri ftehim ta’ kummerċ li jinkludi, minbarra l-punti klassiċi f’tali ftehimiet, bħat-tnaqqis tal-ostakoli kemm tariffarji kif ukoll mhux tariffarji għall-kummerċ ta’ merkanzija u ta’ servizzi, aspetti oħrajn rilevanti, jekk mhux ukoll indispensabbli, għal dan il-kummerċ.

    141.

    It-Trattati UE u FUE daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Diċembru 2009. Fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni, it-Trattat FUE huwa kunsiderevolment differenti mit-Trattat KE li kien fis-seħħ qabel, sa fejn jinkludi aspetti ġodda tal-kummerċ internazzjonali kontemporanju fl-imsemmija politika. L-estensjoni tal-qasam tal-politika kummerċjali komuni bit-Trattat FUE tikkostitwixxi evoluzzjoni sinjifikattiva tad-dritt primarju tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520, punti 46 kif ukoll 48).

    142.

    Din l-evoluzzjoni hija kkaratterizzata, inter alia, mir-regola stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 207(1) TFUE, li tipprovdi li “l-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi ta’ l-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni”. Dawn il-prinċipji u dawn l-għanijiet huma speċifikati fl-Artikolu 21(1) u (2) TUE u jirrigwardaw b’mod partikolari, bħalma huwa indikat fl-Artikolu 21(2)(f) TUE, l-iżvilupp sostenibbli marbut mal-preservazzjoni u mat-titjib tal-kwalità tal-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali mondjali.

    143.

    L-obbligu għall-Unjoni li tintegra l-imsemmija għanijiet u prinċipji fit-tmexxija tal-politika kummerċjali komuni tagħha jirriżulta minn qari flimkien tat-tieni sentenza tal-Artikolu 207(1) TFUE, tal-Artikolu 21(3) TUE u tal-Artikolu 205 TFUE.

    144.

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 21(3) TUE, l-Unjoni “tfittex li twettaq l-objettivi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ l-azzjoni esterna tagħha fl-oqsma differenti koperti minn dan it-Titolu u mill-ħames parti tat-Trattat [FUE] [...]”. Il-Ħames Parti tat-Trattat FUE tinkludi b’mod partikolari l-politika kummerċjali komuni.

    145.

    L-Artikolu 205 TFUE jesprimi l-istess obbligu, billi jistabbilixxi li “[l‑]azzjoni ta’ l-Unjoni fix-xena internazzjonali, skond [il-Ħames Parti tat-Trattat FUE] għandha tkun gwidata mill-prinċipji, għandha tfittex li tikseb l-għanijiet u għandha titwettaq skond id-dispożizzjonijiet ġenerali previsti fil-Kapitolu I tat-Titolu V tat-[Trattat UE]”. Il-Kapitolu I tat-Titolu V tat-Trattat UE jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 21 TUE.

    146.

    Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Artikoli 9 u 11 TFUE, li jipprovdu li “[f]id-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta [...] mal-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa” u “[i]l-ħtiġijiet għall-ħarsien ta’ l-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet ta’ l-Unjoni,partikolarment bl-għan li jinkoraġixxu żvilupp sostenibbli”, rispettivament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis, C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 78). Barra minn hekk, l-Artikolu 3(5) TUE jobbliga lill-Unjoni tikkontribwixxi, fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, għall-kummerċ “liberu u ġust”.

    147.

    Minn dan isegwi li l-għan tal-iżvilupp sostenibbli issa jagħmel parti integrali mill-politika kummerċjali komuni.

    148.

    F’dan il-każ, il-partijiet jiddikjaraw, fil-preambolu tal-ftehim previst, li huma “determinati li jsaħħu r-rabtiet ekonomiċi, kummerċjali u tal-investiment tagħhom f’konformità mal-għan ta’ żvilupp sostenibbli, fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu”. F’din il-perspettiva, il-Kapitolu Tlettax ta’ dan il-ftehim jistabbilixxi, fl-Artikoli 13.1 u 13.2 tiegħu, li l-iżvilupp sostenibbli, li l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema u l-protezzjoni tal-ambjent huma komponenti tiegħu li jsaħħu lil xulxin, jagħmel parti mill-għanijiet tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor.

    149.

    Fir-rigward tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, l-Artikoli 13.3 sa 13.5 tal-ftehim previst jinkludu, minbarra diversi impenji tal-partijiet li jikkoperaw, li jiskambjaw informazzjoni u li jieħdu inkunsiderazzjoni informazzjoni xjentifika, l-obbligu għal kull waħda minnhom li tapplika b’mod effettiv il-prinċipji dwar id-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol. Dawn il-prinċipji huma elenkati fl-Artikolu 13.3(3) ta’ dan il-ftehim u jinkludu, skont atti adottati fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), “il-libertà ta’ assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effettiv tad-dritt ta’ negozjar kollettiv”, “it-tneħħija ta’ kull forma ta’ xogħol sfurzat jew bilfors”, “l-abolizzjoni effettiva tat-tħaddim tat-tfal” kif ukoll “l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-impjiegi u l-okkupazzjonijiet”. L-imsemmija prinċipji jikkorrispondu għal dawk tad-dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fuq ix-xogħol u s-segwitu tagħha, adottata fit‑18 ta’ Ġunju 1998 f’Ġinevra (anness rivedut fil‑15 ta’ Ġunju 2010) u huma, bħalma tenfasizza l-premessa 3 tal-preambolu ta’ din id-dikjarazzjoni, assoċjati mal-għan tal-iżvilupp sostenibbli.

    150.

    F’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-ambjent, l-Artikoli 13.6 sa 13.10 tal-ftehim previst jinkludu, minbarra diversi impenji tal-partijiet li jikkoperaw, li jiskambjaw informazzjoni u li jieħdu inkunsiderazzjoni informazzjoni xjentifika, l-obbligu għalihom li jimplementaw effettivament il-ftehimiet multilaterali fil-qasam tal-ambjent li huma parti għalihom [Artikolu 13.6(2)], li jiġġiedlu kontra l-kummerċ fl-injam u fi prodotti tal-injam maqtugħ b’mod illegali [Artikolu 13.7(b)], li jisfruttaw b’mod sostenibbli l-istokk tal-ħut kif iddefinit fl-istrumenti internazzjonali rratifikati mill-partijiet [Artikolu 13.8(a)], li jiġġieldu kontra sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat [Artikolu 13.8(b)] kif ukoll li jadottaw miżuri ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll effettiv sabiex jiżguraw il-konformità mal-miżuri ta’ konservazzjoni [Artikolu 13.8(ċ)].

    151.

    L-Artikolu 13.6(4) ta’ dan il-ftehim jispeċifika li l-partijiet huma pprojbiti milli japplikaw il-miżuri adottati jew miżmuma sabiex jimplementaw ftehim multilaterali fil-qasam tal-ambjent, b’mod li jikkostitwixxu jew mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli bejn dawn il-partijiet, jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ.

    152.

    Permezz tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Kapitolu Tlettax tal-ftehim previst, l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor jimpenjaw ruħhom, essenzjalment, li jiżguraw li l-kummerċ bejniethom isir b’osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema u tal-protezzjoni tal-ambjent li huma parti għalihom.

    153.

    Din il-konstatazzjoni ma hijiex imminata mill-fatt li l-impenji internazzjonali mfakkra fil-Kapitolu Tlettax tal-ftehim previst, jiġifieri b’mod partikolari dawk esposti fil-punti 149 u 150 ta’ din l-opinjoni, ma jkoprux biss il-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor. Fil-fatt, fid-dawl tad-diffikultà sabiex issir distinzjoni, għall-finijiet tal-osservanza ta’ dawn l-impenji, bejn il-prodotti u s-servizzi li huma s-suġġett tal-kummerċ bejn l-Unjoni u l-imsemmi Stat terz u dawk li ma humiex is-suġġett ta’ tali kummerċ, il-ħtieġa li jiġi żgurat b’mod effettiv li l-imsemmija impenji jkunu osservati fil-kuntest ta’ dan il-kummerċ tiġġustifika li dawn l-istess impenji jkopru l-attivitajiet kollha fis-setturi kkonċernati.

    154.

    Barra minn hekk, il-portata tal-obbligi li jirriżultaw minn konvenzjonijiet internazzjonali li l-ftehim previst jirreferi għalihom taqa’ taħt il-metodi ta’ interpretazzjoni, ta’ medjazzjoni u ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim li huma fis-seħħ għal dawn il-konvenzjonijiet. Il-ftehim previst jissalvagwarda l-applikazzjoni ta’ dawn il-metodi esterni, billi jistipula, fl-Artikolu 13.16 tiegħu, li r-riżoluzzjoni ta’ tilwim relatat miegħu, u l-metodu ta’ medjazzjoni tiegħu, li jissemmew fil-Kapitoli Ħmistax u Sittax tiegħu, ma humiex applikabbli għall-Kapitolu 13.

    155.

    Minn dan isegwi li l-Kapitolu Tlettax la jirrigwarda l-portata tal-konvenzjonijiet internazzjonali li jirreferi għalihom u lanqas il-kompetenzi tal-Unjoni jew tal-Istati Membri relatati ma’ dawn il-konvenzjonijiet. Min-naħa l-oħra, huwa għandu rabta speċifika mal-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor.

    156.

    Fil-fatt, l-imsemmi Kapitolu Tlettax jirregola dan il-kummerċ billi jiżgura li dan iseħħ b’osservanza tal-imsemmija konvenzjonijiet u li ebda miżura adottata skont dawn tal-aħħar ma tiġi applikata b’mod li tinħoloq diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux iġġustifikata, jew restrizzjoni moħbija fuq l-imsemmi kummerċ.

    157.

    Dan il-kapitolu huwa wkoll ta’ natura li jkollu effetti diretti u immedjati fuq dan l-istess kummerċ.

    158.

    Tali effetti jirriżultaw, l-ewwel nett, mill-impenn tal-partijiet, li jirriżulta mill-Artikolu 13.1(3) tal-ftehim previst, minn naħa, li ma jinkoraġġixxux il-kummerċ billi jnaqqsu l-livelli ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali fit-territorju rispettiv tagħhom taħt l-istandards previsti mill-impenji internazzjonali u, min-naħa l-oħra, li ma jimplementawx dawn l-istandards b’mod protezzjonist.

    159.

    It-tieni nett, id-dispożizzjonijiet previsti fil-Kapitolu Tlettax tal-ftehim previst huma ta’ natura li jkollhom effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor peress li jnaqqsu r-riskju ta’ differenzi kbar bejn l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-merkanzija u ta’ forniment ta’ servizzi fl-Unjoni, minn naħa, u f’Singapor, min-naħa l-oħra, u jikkontribwixxu għaldaqstant għall-parteċipazzjoni tal-intraprendituri tal-Unjoni u ta’ dawk ta’ dan l-Istat terz fil-kummerċ ħieles b’mod ugwali.

    160.

    It-tielet nett, fir-rigward b’mod partikolari tal-impenji li għandhom l-għan li jiġi miġġieled il-kummerċ fl-injam u fi prodotti tal-injam maqtugħ b’mod illegali u li jiġi miġġieled is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, imsemmija fil-punt 150 ta’ din l-opinjoni, il-partijiet jobbligaw ruħhom, fil-ftehim previst, li jimplementaw jew li jiffavorizzaw sistemi ta’ dokumentazzjoni, ta’ verifika u ta’ ċertifikazzjoni. Tali sistemi huma ta’ natura li jkollhom influwenza diretta fuq il-kummerċ tal-prodotti kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑281/01, EU:C:2002:761, punt 40).

    161.

    Fl-aħħar nett, l-ispeċifiċità tar-rabta tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Tlettax tal-ftehim previst mal-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor tirriżulta wkoll mill-fatt li ksur tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema u tal-protezzjoni tal-ambjent, li jinsabu f’dan il-kapitolu, jawtorizza, konformement mar-regola konswetudinarja ta’ dritt internazzjonali kkodifikata fl-Artikolu 60(1) tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tat-Trattati, iffirmata fi Vjenna fit‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), li tapplika fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati terzi (ara, fir-rigward tal-applikabbiltà għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni tar-regoli konswetudinarji kkodifikati fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna, is-sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2010, Brita, C‑386/08, EU:C:2010:91, punti 4142, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punti 100, 107, 110113), lill-parti l-oħra twaqqaf il-liberalizzazzjoni ta’ dan il-kummerċ prevista f’dispożizzjonijiet oħrajn ta’ dan il-ftehim, jew li tissospendiha.

    162.

    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li dan il-Kapitolu Tlettax għandu post essenzjali fil-ftehim previst.

    163.

    Ikun, barra minn hekk, inkoerenti li jitqies li d-dispożizzjonijiet li jilliberalizzaw il-kummerċ bejn l-Unjoni u Stat terz jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni u li dawk li huma intiżi li jiżguraw li din il-liberalizzazzjoni ta’ kummerċ isseħħ b’osservanza tal-iżvilupp sostenibbli ma jaqgħux taħt din il-politika kummerċjali komuni. Fil-fatt, it-tmexxija tal-kummerċ komformement mal-għan tal-iżvilupp sostenibbli huwa, bħalma ġie rrilevat fil-punt 147 ta’ din l-opinjoni, parti integrali minn din il-politika.

    164.

    Huwa minnu li l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(e) TFUE ma tistax tiġi eżerċitata sabiex jiġu rregolati l-livelli ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali fit-territorju rispettiv tal-partijiet. L-adozzjoni ta’ tali regoli taqa’ taħt it-tqassim ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri previst, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3(1)(d) u fl-Artikolu 3(2), kif ukoll fl-Artikolu 4(2)(b) u (e) TFUE. L-Artikolu 3(1)(e) TFUE ma huwiex prevalenti, fil-fatt, fuq dawn id-dispożizzjonijiet l-oħrajn tat-Trattat FUE, peress li l-Artikolu 207(6) TFUE jistipula barra minn hekk li “[l]-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija [...] fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni m’għandux jolqot id-delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri [...]”.

    165.

    F’dan il-każ madankollu, mill-Artikolu 13.1(4) tal-ftehim previst jirriżulta li “mhix l-intenzjoni [tal-partijiet] li jarmonizzaw l-istandards tax-xogħol jew ambjentali”, u mill-Artikolu 13.2(1) ta’ dan il-ftehim jirriżulta li dawn il-partijiet jagħrfu d-dritt reċiproku tagħhom li jistabbilixxu l-livelli tagħhom ta’ protezzjoni ambjentali u soċjali, u li konsegwentement jadottaw jew jimmodifikaw il-leġiżlazzjonijiet u l-politiki tagħhom b’mod konsistenti mal-impenji internazzjonali tagħhom f’dawn l-oqsma.

    166.

    Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Tlettax tal-ftehim previst ma għandhomx l-għan li jirregolaw il-livelli ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali fit-territorju rispettiv tal-partijiet, iżda li jirregolaw il-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor billi jissuġġettaw il-liberalizzazzjoni tiegħu għall-kundizzjoni li l-partijiet josservaw l-obbligi internazzjonali tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema u tal-protezzjoni tal-ambjent.

    167.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-Kapitolu Tlettax tal-ftehim previst jaqa’, konformement mal-kriterji mfakkra fil-punt 36 ta’ din l-opinjoni, taħt il-politika kummerċjali komuni u, għaldaqstant, taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(e) TFUE.

    Fuq il-kompetenza msemmija fl-Artikolu 3(2) TFUE

    L-impenji fir-rigward ta’ servizzi fil-qasam tat-trasport

    168.

    Għar-raġunijiet esposti fil-punti 56 sa 68 ta’ din l-opinjoni, sa fejn l-impenji fil-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst jirrigwardaw is-servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali, ta’ trasport ferrovjarju, ta’ trasport bit-triq u ta’ trasport fuq il-passaġġi tal-ilma interni, kif ukoll is-servizzi marbuta intrinsikament ma’ dawn is-servizzi ta’ trasport, dawn ma jaqgħux taħt il-politika kummerċjali komuni, iżda għandhom jiġu approvati konformement mat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fil-qasam tal-politika komuni tat-trasport.

    169.

    Din il-politika komuni hija rregolata mit-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, liema titolu huwa kompost mill-Artikoli 90 sa 100 TFUE. Dan l-artikolu tal-aħħar jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu, li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi titolu għandhom japplikaw għat-trasport ferrovjarju kif ukoll għat-trasport bit-triq u fuq il-passaġġi tal-ilma interni, u jagħti, fil-paragrafu 2 tiegħu, is-setgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet xierqa għan-navigazzjoni marittima u bl-ajru. L-Artikolu 91(1) TFUE jawtorizza lill-imsemmi leġiżlatur jadotta, fil-qafas tal-politika komuni tat-trasport, “regoli komuni”.

    170.

    Fil-punt 17 tas-sentenza tagħha tal‑31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (22/70, EU:C:1971:32), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, meta l-Unjoni tkun adottat dispożizzjonijiet li jistabbilixxu regoli komuni, indipendentement mill-għamla li jistgħu jieħdu, l-Istati Membri ma jkollhomx iktar id-dritt, billi jaġixxu individwalment jew anki kollettivament, li jidħlu għal obbligi mal-Istati terzi li jaffettwaw dawk ir-regoli (ara wkoll, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑467/98, EU:C:2002:625, punti 77 sa 80).

    171.

    Konformement ma’ din il-ġurisprudenza, l-Artikolu 216 TFUE jagħti lill-Unjoni l-kompetenza sabiex tikkonkludi, b’mod partikolari, ftehim internazzjonali li “x’aktarx [j]olqot regoli komuni jew li [j]biddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”.

    172.

    Konformement mal-Artikolu 3(2) TFUE, in-natura tal-kompetenza tal-Unjoni sabiex tikkonkludi tali ftehim hija esklużiva.

    173.

    Il-Kummissjoni tqis li l-impenji inklużi fil-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst u li jirrigwardaw il-qasam tat-trasport jistgħu jolqtu regoli komuni jew ibiddlu l-kamp tal-applikazzjoni tagħhom. Il-Parlament jaqbel ma’ din il-pożizzjoni, kuntrarjament għall-Kunsill u għall-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    174.

    Din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata għall-mezzi kollha ta’ trasport imsemmija fil-lista ta’ impenji mehmuża mal-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst. Fid-dawl tal-attenzjoni partikolari mogħtija minn dan il-ftehim lit-trasport marittimu, għandhom jiġu eżaminti huma l-ewwel.

    It-trasport marittimu

    175.

    Minkejja li l-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst jeskludi, fl-Artikoli 8.3 u 8.9 tiegħu, fil-punt 11.A tal-appendiċi 8-A-1 u 8-B-1, kif ukoll fil-punt 16.A tal-appendiċi 8-A-2 u 8-A-3 tal-annessi għal dan il-kapitolu, il-kabotaġġ marittimu nazzjonali mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, huwa jiddedika madankollu subtaqsima għas-servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali. Din is-subtaqsima hija kkostitwita mill-Artikolu 8.56 ta’ dan il-ftehim, li huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Din is-Subtaqsima tistabbilixxi l-prinċipji li jirrigwardaw il-liberalizzazzjoni tat-trasport marittimu internazzjonali skont it-Taqsimiet B (Forniment ta’ Servizzi Transfruntiera), C (Stabbiliment) u D (Preżenza Temporanja ta’ Persuni Fiżiċi għal Skopijiet ta’ Negozju).

    2.   Għall-finijiet ta’ din is-Subtaqsima:

    ‘trasport marittimu internazzjonali’ tinkludi operazzjonijiet ta’ trasport bieb sa bieb u multimodali, li huwa l-ġarr tal-merkanzija fejn jintuża aktar minn mezz wieħed ta’ trasport, li jinvolvi parti mill-vjaġġ fuq il-baħar, b’dokument wieħed tat-trasport u f’dan ir-rigward id-dritt li jkun hemm kuntratt dirett ma’ fornituri ta’ mezzi oħra ta’ trasport;

    3.   Fir-rigward tat-trasport marittimu internazzjonali, il-Partijiet jaqblu li jiżguraw applikazzjoni effettiva tal-prinċipji ta’ aċċess mhux ristrett għal tagħbija fuq bażi kummerċjali, il-libertà ta’ forniment ta’ servizzi tat-trasport marittimu internazzjonali, kif ukoll trattament nazzjonali fil-qafas tal-forniment ta’ servizzi bħal dawn.

    Minħabba l-livelli eżistenti ta’ liberalizzazzjoni bejn il-Partijiet fit-trasport marittimu internazzjonali:

    (a)

    il-Partijiet japplikaw b’mod effettiv il-prinċipju tal-aċċess mingħajr restrizzjonijiet għas-swieq u n-negozji tat-trasport marittimu internazzjonali fuq bażi kummerċjali u mhux diskriminatorja; u

    (b)

    kull Parti tagħti lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Parti l-oħra jew imħaddma minn fornituri ta’ servizz tal-Parti l-oħra, trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti lill-bastimenti tagħha stess jew dawk ta' kull pajjiż terz, ikunu liema jkunu l-aħjar, fir-rigward fost l-oħrajn tal-aċċess għall-portijiet, l-użu tal-infrastruttura u s-servizzi marittimi awżiljari tal-portijiet, kif ukoll it-tariffi u l-ħlasijiet relatati, il-faċilitajiet tad-dwana u l-aċċess ta’ rmiġġi u faċilitajiet għat-tagħbija u l-ħatt.

    4.   Fl-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, il-Partijiet:

    (a)

    ma jintroduċux arranġamenti ta’ qsim bejnithom ta’ merkanzija fi ftehimiet futuri ma’ pajjiżi terzi li jikkonċernaw servizzi tat-trasport marittimu, inkluż kummerċ f’tagħbija niexfa u likwida u kummerċ tal-linji tat-tbaħħir, u jtemmu, f’perjodu raġonevoli ta’ żmien, tali arranġamenti ta’ qsim ta’ merkanzija f’każ li jeżistu ftehimiet preċedenti;

    (b)

    mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, jabolixxu u ma jintroduċu l-ebda miżura unilaterali u l-ebda ostakolu amministrattiv, tekniku u ta’ xort’oħra li jistgħu jikkostitwixxu restrizzjoni moħbija jew ikollhom effetti diskriminatorji fuq il-provvista ħielsa tas-servizzi fit-trasport marittimu internazzjonali.

    5.   Kull Parti tippermetti lill-fornituri ta’ servizzi tat-trasport marittimu internazzjonali tal-Parti l-oħra jkollhom stabbiliment fit-territorju tagħha bil-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment u l-operat skont il-kundizzjonijiet iskritti fl-Iskeda tagħha ta’ Impenji Speċifiċi.

    6.   Il-Partijiet ipoġġu għad-dispożizzjoni tal-fornituri ta’ trasport marittimu internazzjonali tal-Parti l-oħra, b’termini u kundizzjonijiet raġonevoli u mhux diskriminatorji, l-użu tas-servizzi li ġejjin fil-port:

    (a)

    pilotaġġ;

    (b)

    assistenza fl-irmonkar;

    (ċ)

    forniment;

    (d)

    għoti tal-fjuwil u l-ilma;

    (e)

    ġbir tal-iskart u rimi ta’ skart tas-saborra;

    (f)

    servizzi ta’ kaptan tal-port;

    (g)

    għajnuniet tan-navigazzjoni; u

    (h)

    servizzi operattivi bbażati fuq ix-xatt li huma essenzjali għall-operazzjonijiet tal-bastimenti, fosthom komunikazzjonijiet, provvisti ta’ ilma u elettriku, faċilitajiet ta’ tiswija tal-emerġenza, ankraġġ, irmiġġ u servizzi ta’ rmiġġ.”

    176.

    Dan l-Artikolu 8.56 għandu jinqara flimkien mal-impenji speċifiċi li huma annessi mal-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst. Fil-fatt, l-Artikoli 8.7 u 8.12 ta’ dan il-ftehim jistipulaw li “[i]s-setturi liberalizzati minn kull Parti [...] u, permezz ta’ riżervi, il-limitazzjonijiet [...] huma speċifikati fl-Iskeda ta’ Impenji Speċifiċi tal-aħħar Parti”.

    177.

    Mill-punt 11.A tal-appendiċi 8-A-1 u 8-B-1 tal-annessi ta’ dan il-kapitolu jirriżulta li l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor ma ssuġġettaw l-impenji msemmija fl-imsemmi Artikolu 8.56 għall-ebda limitazzjoni f’dak li jirrigwarda l-provvista transkonfinali ta’ servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali (modi 1 u 2).

    178.

    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali permezz tal-preżenza ta’ persuni fiżiċi (mod 4), għandu jiġi rrilevat li l-ftehim previst iżomm l-istatus quo fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor. Fil-fatt, mill-punt 16.A tal-appendiċi 8-A-3 tal-annessi tal-Kapitolu Tmienja ta’ dan il-ftehim, li jipprovdi li r-rekwiżiti ta’ nazzjonalità jistgħu jinżammu fl-Unjoni, u mill-punt 11.A tal-appendiċi 8-B-1 ta’ dawn l-istess annessi, li jipprovdi li r-Repubblika ta’ Singapor ma hijiex obbligata tilliberalizza l-provvista ta’ tali servizzi skont il-mod 4, jirriżulta li l-partijiet ma jobbligawx ruħhom li jilliberalizzaw dan il-mod ta’ provvista ta’ servizzi.

    179.

    Għal dak li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi ta’ trasport internazzjonali permezz ta’ preżenza kummerċjali fit-territorju tal-parti l-oħra (mod 3), l-impenn stipulat fl-Artikolu 8.56(5) tal-ftehim previst, li jipprovdi li kull parti għandha tawtorizza lill-fornituri ta’ servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali tal-parti l-oħra jkollhom stabbiliment fit-territorju tagħha, huwa limitat bil-punti 16.A tal-appendiċi 8-A-2 u 11.A tal-appendiċi 8-B-1 tal-annessi tal-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst, li jillimita l-possibbiltà għall-fornituri tal-parti l-oħra li jistabbilixxu ruħhom sabiex joperaw vapuri li jtajru l-bandiera tal-Istat ta’ stabbiliment.

    180.

    Sabiex jiġi evalwat jekk dawn l-impenji għas-servizzi pprovduti bil-modi 1 u 2 u dawk, limitati, għas-servizzi pprovduti bil-mod 3 “[jistgħux] jolq[tu] xi regoli komuni jew [jbiddlu] il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li dan ir-riskju jeżisti meta dawn l-impenji jaqgħu fil-qasam tal-applikazzjoni tal-imsemmija regoli [ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 68; Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal‑14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punt 71; sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Green Network, C‑66/13, EU:C:2014:2399, punt 29, u Opinjoni 3/15 (Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal xogħlijiet pubblikati), tal‑14 ta’ Frar 2017, EU:C:2017:114, punt 105].

    181.

    Il-konstatazzjoni ta’ tali riskju ma teħtieġx li l-qasam kopert bl-impenji internazzjonali u dak kopert mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jkunu jaqblu kompletament. Il-portata tar-regoli komuni tal-Unjoni tista’ tiġi affettwata jew mibdula permezz ta’ dawn l-impenji wkoll meta dawn tal-aħħar jaqgħu f’qasam diġà kopert fil-parti l-kbira tiegħu mill-imsemmija regoli [ara l-Opinjoni 1/03 (Il-Konvenzjoni l-Ġdida ta’ Lugano), tas‑7 ta’ Frar 2006, EU:C:2006:81, punt 126; sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punti 6970; Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal‑14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punti 7273, kif ukoll Opinjoni 3/15 (Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal xogħlijiet pubblikati), tal‑14 ta’ Frar 2017, EU:C:2017:114, punti 106107].

    182.

    F’dan il-każ, il-qasam li jaqgħu fih l-impenji msemmija iktar ’il fuq inklużi fil-ftehim previst huwa fil-parti l-kbira tiegħu kopert mir-regoli komuni stabbiliti mir-Regolament Nru 4055/86, li jirregola l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu bejn Stati Membri u bejn Stati Membri u Stati terzi.

    183.

    Permezz ta’ dan ir-regolament, żewġ kategoriji ta’ persuni, iddefiniti fl-Artikolu 1 tiegħu, igawdu mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali, jiġifieri, minn naħa, iċ-ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak li huwa d-destinatarju tas-servizzi u, min-naħa l-oħra, iċ-ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fi Stat terz kif ukoll il-kumpanniji marittimi stabbiliti fi Stat terz u kkontrollati minn ċittadini ta’ Stat Membru.

    184.

    Il-leġiżlatur tal-Unjoni fformula wkoll rekwiżit ta’ konnessjoni billi ppreveda, permezz tal-użu tal-kliem “jekk il-vapuri tagħhom ikunu rreġistrati f’dak l-Istat Membru skond il-leġislazzjoni tiegħu”, fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament, li ċ-ċittadini ta’ Stat Membru li joperaw minn stabbiliment li jinsab fi Stat terz huma esklużi mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi jekk il-vapur tagħhom ma jtajjarx il-bandiera tal-imsemmi Stat Membru (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2014, Fonnship u Svenska Transportarbetareförbundet, C‑83/13, EU:C:2014:2053, punt 34).

    185.

    B’dan il-mod għaldaqstant iddelimitat, ir-Regolament Nru 4055/86 jestendi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għas-servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali.

    186.

    Huwa jispeċifika, barra minn hekk, fl-Artikolu 1(3) tiegħu, li “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli [51 sa 54 TFUE] għandhom japplikaw għall-materji koperti b’dan ir-Regolament”.

    187.

    L-Artikolu 6(1) u (2) ta’ dan ir-regolament iżid dan li ġej:

    “1.   Jekk iċ-ċittadini jew il-kumpaniji marittimi ta’ Stat Membru [...] ikunu qegħdin jesperjenzaw, jew ikunu mhedda, b’sitwazzjoni fejn huma ma jkollhomx opportunità effettiva biex jagħmlu kummerċ lejn u minn pajjiż terz partikolari, l-Istat Membru konċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni kemm jista’ jkun malajr.

    2.   Il-Kunsill, [...] fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi dwar l-azzjoni meħtieġa. Din l-azzjoni tista’ tinkludi [...] in-negozjati u l-konklużjoni ta’ arranġamenti tat-tqassim tal-merkanzija.”

    188.

    Il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport marittimu bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor taqa’ taħt ir-regoli komuni stabbiliti bir-Regolament Nru 4055/86. Dawn għandhom b’mod partikolari l-effett li jagħtu lill-fornituri ta’ dawn is-servizzi stabbiliti fi Stat Membru, kif ukoll liċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jikkontrollaw kumpannija marittima li tinsab f’Singapor u li tipprovdi tali servizzi permezz ta’ vapuri li jġorru l-bandiera ta’ Stat Membru, aċċess bħala prinċipju liberu għat-traffiku lejn u minn dan l-Istat terz. Min-naħa l-oħra, il-fornituri ta’ servizzi ta’ trasport marittimu bejn l-Unjoni u l-imsemmi Stat terz li ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti ta’ konnessjoni ma jgawdux minn tali aċċess.

    189.

    L-impenji inklużi fil-ftehim previst jaffettwaw, jekk mhux ukoll ibiddlu, b’mod kunsiderevoli, għas-servizzi ta’ trasport marittimu bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor, il-portata ta’ dawn ir-regoli komuni stabbiliti bir-Regolament Nru 4055/86.

    190.

    Fil-fatt, mill-Artikolu 8.56(3) ta’ dan il-ftehim jirriżulta li l-fornituri ta’ servizzi ta’ trasport marittimu tal-Unjoni kif ukoll iċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jikkontrollaw kumpannija marittima stabbilita f’Singapor għandhom aċċess liberu għat-traffiku lejn u minn dan l-Istat terz, u dan mingħajr ma jkun meħtieġ li l-vapuri ta’ dawn tal-aħħar itajru l-bandiera ta’ Stat Membru. Din is-sistema hija differenti sew minn dik stabbilita mir-Regolament Nru 4055/86.

    191.

    Ir-regoli previsti fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament huma wkoll affettwati mill-ftehim previst. Fil-fatt, minkejja li minn dan l-Artikolu 6 jirriżulta li l-Kunsill jista’ jawtorizza n-negozjati u l-konklużjoni ta’ arranġamenti ta’ tqassim tal-merkanzija meta ċittadin jew kumpannija marittima ta’ Stat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet ta’ aċċess għat-traffiku lejn Stat terz u li ġej minnu, l-Artikolu 8.56(4) ta’ dan il-ftehim jipprevedi s-suppressjoni progressiva ta’ tali arranġamenti.

    192.

    Konsegwentement, l-impenji tal-ftehim previst dwar is-servizzi ta’ trasport marittimu bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor jistgħu jaffettwaw, jekk mhux ukoll ibiddlu, ir-regoli komuni stabbiliti mir-Regolament Nru 4055/86, li japplikaw għall-provvista ta’ dawn is-servizzi.

    193.

    Il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tapprova dawn l-impenji hija, għaldaqstant, esklużiva skont l-Artikolu 3(2) TFUE.

    194.

    Dan huwa neċessarjament il-każ ukoll għall-impenji intiżi li jorbtu l-aċċess għall-imsemmija servizzi ta’ trasport ma’ aċċess liberu għas-servizzi awżiljarji li huma intrinsikament marbuta magħhom, elenkati fl-Artikolu 8.56(6) tal-ftehim previst, kif ukoll fil-punt 12 tal-appendiċi 8-A-1, fil-punt 17 tal-appendiċi 8-A-2 u 8-A-3, u fil-punt 11 tal-appendiċi 8-B-1 tal-annessi tal-Kapitolu Tmienja tal-imsemmi ftehim.

    – It-trasport ferrovjarju

    195.

    Mill-prinċipji stipulati fil-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst, imqassra fil-punt 51 ta’ din l-opinjoni, moqrija flimkien mal-punt 11.C tal-appendiċi 8-A-1, mal-punt 16.C tal-appendiċi 8-A-2 u 8-A-3, kif ukoll mal-punt 11.B tal-appendiċi 8-B-1 tal-annessi għal dan il-kapitolu, jirriżulta li dan il-ftehim jilliberalizza s-servizzi ta’ trasport ferrovjarju bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor ipprovduti bil-modi 2 u 3.

    196.

    Konsegwentement, f’dan is-settur ta’ servizzi, l-Unjoni timpenja ruħha li tippermetti lill-fornituri ta’ Singapor jaċċedu għan-netwerk u għall-attivitajiet ferrovjarji fl-Unjoni u, skont il-każ, li jistabbilixxu ruħhom hemmhekk, f’kundizzjonijiet mhux inqas favorevoli minn dawk li japplikaw għall-fornituri tal-Unjoni. Ir-Repubblika ta’ Singapor timpenja ruħha b’mod simili fil-konfront tal-fornituri tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-aċċess għan-netwerks u għall-attivitajiet ferrovjarji fit-territorju tagħha.

    197.

    L-imsemmija impenji fl-Unjoni jaqgħu f’qasam fil-biċċa l-kbira tiegħu kopert mir-regoli komuni tagħha.

    198.

    Fil-fatt, il-kundizzjonijiet mhux inqas favorevoli li l-fornituri minn Singapor igawdu minnhom, konformement ma’ dawn l-impenji, sabiex jaċċedu għan-netwerks u għall-attivitajiet ta’ trasport ferrovjarju fl-Unjoni, u sabiex jistabbilixxu ruħhom hemmhekk, jikkorrispondu għall-elementi rregolati mir-regoli taż-żona ferrovjarja unika Ewropea, previsti mid-Direttiva 2012/34.

    199.

    Din id-direttiva, li ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 91 TFUE, tistipula, fil-premessa 7 tagħha, li “[i]l-prinċipju tal-libertà li jkunu pprovduti servizzi [huwa] applikat għas-settur ferrovjarju, u jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dak is-settur”. Mill-Artikolu 1 tagħha jirriżulta li din “tapplika għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja għal servizzi ferrovjarji” u tistabbilixxi, b’mod partikolari, “ir-regoli applikabbli għall-immaniġġjar tal-infrastruttura ferrovjarja u għall-attivitajiet tat-trasport ferrovjarju tal-impriżi ferrovjarji stabbiliti jew li se jkunu stabbiliti f’xi Stat Membru” kif ukoll “il-kriterji applikabbli għall-ħruġ, it-tiġdid jew l-emendar ta’ liċenzji minn Stat Membru maħsuba għal impriżi ferrovjarji li huma jew li sejrin jiġu stabbiliti fl-Unjoni”.

    200.

    Sa mid-dħul fis-seħħ tal-ftehim previst, is-servizzi ta’ trasport ferrovjarju pprovduti fl-Unjoni minn fornituri minn Singapor ser jaqgħu, konformement mal-impenji li jirriżultaw minn dan il-ftehim, taħt sistema ta’ aċċess u ta’ stabbiliment li tkopri l-istess elementi bħas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2012/34 u li ma għandhiex tkun inqas favorevoli minnha.

    201.

    Bħalma diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, meta ftehim bejn l-Unjoni u Stat terz jipprevedi l-applikazzjoni, għar-relazzjonijiet internazzjonali koperti minn dan il-ftehim, ta’ regoli li jestendu ħafna fuq ir-regoli komuni tal-Unjoni applikabbli għas-sitwazzjonijiet intra-Komunitarji, dan il-ftehim għandu jitqies li jista’ jaffettwa jew li jbiddel il-portata ta’ dawn ir-regoli komuni. Fil-fatt, minkejja l-assenza ta’ kontradizzjoni mal-imsemmija regoli komuni, is-sens, il-portata u l-effikaċja tagħhom jistgħu jiġu influwenzati [ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni l-ġdida ta’ Lugano), tas‑7 ta’ Frar 2006, EU:C:2006:81, punti 143151 sa 153; l-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal‑14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punti 84 sa 90, kif ukoll is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Green Network, C‑66/13, EU:C:2014:2399, punti 4849].

    202.

    Sa fejn l-impenji inklużi fil-ftehim previst dwar is-servizzi ta’ trasport ferrovjarju jaqgħu f’qasam diġà kopert fil-parti l-kbira tiegħu minn regoli komuni tal-Unjoni u sa fejn il-portata tagħhom tista’ tiġi affettwata jew mibdula b’dawn l-impenji, il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tapprova dawn l-impenji hija esklużiva, skont l-Artikolu 3(2) TFUE.

    203.

    Dan huwa neċessarjament il-każ ukoll għall-impenji intiżi li jorbtu l-aċċess għall-imsemmija servizzi ta’ trasport ma’ aċċess liberu għas-servizzi awżiljarji li huma intrinsikament marbuta magħhom, elenkati fil-punt 12 tal-appendiċi 8-A-1, fil-punt 17 tal-appendiċi 8-A-2 u fil-punt 11 tal-appendiċi 8-B-1 tal-annessi tal-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst.

    – It-trasport bit-triq

    204.

    Mill-prinċipji tal-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst, imqassra fil-punt 51 ta’ din l-opinjoni, moqrija flimkien mal-punt 11.D tal-appendiċi 8-A-1, mal-punt 16.D tal-appendiċi 8-A-2 u 8-A-3 kif ukoll mal-punt 11-C tal-appendiċi 8-B-1 tal-annessi ta’ dan il-kapitolu, jirriżulta li dan jilliberalizza mingħajr limitu s-servizzi ta’ trasport bit-triq fl-Unjoni u f’Singapor, ipprovduti bil-mod 2, u li huwa jilliberalizza, sa ċertu punt, dawn ipprovduti bil-modi 3 u 4.

    205.

    L-Unjoni timpenja ruħha għaldaqstant li tippermetti lill-fornituri minn Singapor jeżerċitaw, fl-Unjoni, attivitajiet ta’ trasport ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija bit-triq f’kundizzjonijiet mhux inqas favorevoli minn dawk li japplikaw għall-fornituri tal-Unjoni. Ir-Repubblika ta’ Singapor timpenja ruħha b’mod simili f’dak li jirrigwarda l-fornituri tal-Unjoni.

    206.

    L-imsemmija impenji tal-Unjoni jaqgħu f’qasam fil-parti l-kbira tiegħu kopert minn regoli komuni tagħha.

    207.

    Fil-fatt, il-kundizzjonijiet mhux inqas favorevoli li l-fornituri minn Singapor ser igawdu minnhom, konformement ma’ dawn l-impenji, sabiex jipprovdu servizzi ta’ trasport bit-triq fl-Unjoni, jikkorrispondu fil-parti l-kbira tagħhom mal-elementi rregolati mir-regoli komuni stabbiliti fir-Regolamenti Nru 1071/2009, Nru 1072/2009 u 1073/2009.

    208.

    Dawn ir-regolamenti, li jaqgħu taħt il-politika komuni tat-trasport, jistabbilixxu, rispettivament, bis-saħħa tal-Artikolu 1 tagħhom, regoli komuni dwar l-aċċess għal, “u [għall-]eżerċizzju, tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq”, dwar l-aċċess għat-“trasport bit-triq internazzjonali tal-merkanzija [fl-Unjoni]” u dwar l-aċċess għat-“trasport internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank [fl-Unjoni]”.

    209.

    Sa mid-dħul fis-seħħ tal-ftehim previst, is-servizzi ta’ trasport bit-triq ipprovduti fl-Unjoni minn fornituri ta’ Singapor għandhom, konformement mal-impenji inklużi f’dan il-ftehim, jaqgħu taħt sistema ta’ aċċess li tkopri l-istess elementi bħas-sistemi stabbiliti, b’mod partikolari, bir-Regolamenti Nru 1072/2009 u Nru 1073/2009 u li ma għandhiex tkun inqas favorevoli minnhom.

    210.

    Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 201 ta’ din l-opinjoni, għandu jitqies li tali impenji internazzjonali jaqgħu taħt qasam diġà kopert fil-parti l-kbira tiegħu minn regoli komuni tal-Unjoni u jistgħu jaffettwaw jew ibiddlu l-portata tagħhom.

    211.

    Il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tapprova l-impenji li jirrigwardaw is-servizzi ta’ trasport bit-triq hija, għaldaqstant, esklużiva, skont l-Artikolu 3(2) TFUE.

    212.

    Dan huwa neċessarjament il-każ ukoll tal-impenji dwar is-servizzi awżiljarji li huma intrinsikament marbuta ma’ dawn is-servizzi ta’ trasport, elenkati fil-punt 12 tal-appendiċi 8-A-1, fil-punt 17 tal-appendiċi 8-A-2 u fil-punt 11 tal-appendiċi 8-B-1 tal-annessi tal-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst.

    – It-trasport fuq passaġġi tal-ilma interni

    213.

    It-trasport fuq passaġġi tal-ilma interni li jibqa’ fil-konfini tat-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew tar-Repubblika ta’ Singapor ma huwiex imsemmi fil-ftehim previst u għaldaqstant, konformement mal-Artikoli 8.7 u 8.12 tal-ftehim previst, ma jaqax taħt il-liberalizzazzjoni prevista fil-Kapitolu Tmienja tiegħu.

    214.

    It-trasport fuq passaġġi tal-ilma interni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni, filwaqt li huwa msemmi fil-lista ta’ impenji speċifiċi tal-Unjoni għas-servizzi pprovduti bil-modi 1 sa 3, lanqas ma huma lliberalizzati. Fil-fatt, minħabba l-limitazzjonijiet elenkati fil-punt 11.B tal-appendiċi 8-A-1 u fil-punt 16.B tal-appendiċi 8-A-2 tal-annessi tal-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst, l-intraprendituri minn Singapor ma għandhomx, essenzjalment, dritt ta’ aċċess għal dawn l-attivitajiet ta’ trasport.

    215.

    Dawn l-appendiċi jistipulaw, b’mod partikolari, iż-żamma ta’ rekwiżiti ta’ nazzjonalità. Barra minn hekk, it-territorju ta’ tlettax-il Stat Membru huwa eskluż mill-provvista transkonfinali ta’ dawn is-servizzi ta’ trasport. Minħabba s-sitwazzjoni ġeografika ta’ dawn l-Istati Membri, il-passaġġi tal-ilma interni bejn Stati Membri li ma humiex affettwati minn din l-esklużjoni huma limitati essenzjalment għal dawk li jgħaqqdu l-Ġermanja, l-Awstrija, Franza, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll dawk li jgħaqqdu l-Belġju, Franza u l-Pajjiżi l-Baxxi. L-aċċess għal dawn il-passaġġi tal-ilma interni huwa madankollu rriżervat skont ftehimiet eżistenti li ż-żamma tagħhom, mingħajr estensjoni favur intraprendituri ta’ Singapor, hija espressament prevista fl-imsemmija appendiċi.

    216.

    Minn dan isegwi li, fil-ftehim previst, it-trasport fuq passaġġi tal-ilma interni huwa akkumpanjat, l-iktar l-iktar, b’impenji ta’ portata limitata ħafna.

    217.

    Hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-eżami tan-natura tal-kompetenza għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim li għandhom portata limitata ħafna [ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-Iskedi ta’ Impenji Speċifiċi GATS), tat‑30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Għaldaqstant, f’dan il-każ, għandha tiġi ddeterminata n-natura tal-kompetenza tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-impenji inklużi fil-Kapitolu Tmienja tal-ftehim previst fil-qasam tat-trasport billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-impenji dwar it-trasport marittimu, ferrovjarju u bit-triq. Peress li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 175 sa 212 ta’ din l-opinjoni, l-Unjoni hija esklużivament kompetenti, skont l-Artikolu 3(2) TFUE, sabiex tapprova dawn l-impenji, minn dan isegwi, bl-effett kumulattiv ta’ din il-konklużjoni u ta’ dik stipulata fil-punt 69 ta’ din l-opinjoni, li hija esklużivament kompetenti fir-rigward tal-imsemmi Kapitolu Tmienja fit-totalità tiegħu.

    218.

    Kuntrarjament għal dak li targumenta l-Irlanda, din il-konklużjoni ma hijiex imxejna mill-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattati UE u FUE. Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-politika kummerċjali komuni u l-politika komuni tat-trasport ma humiex koperti minn dan il-protokoll u li jitfakkar li huma l-iskop u l-kontenut tal-att inkwistjoni li jiddeterminaw il-protokolli li jkunu eventwalment applikabbli, u mhux bil-kontra (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punti 7475). Peress li l-ftehim previst ma jirrigwardax l-aspetti rregolati mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, l-imsemmi protokoll huwa nieqes minn rilevanza fil-kuntest ta’ din il-proċedura. L-istess jista’ jingħad għall-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattati UE u FUE, bħalma r-Renju tad-Danimarka barra minn hekk espona matul is-seduta.

    L-impenji dwar il-kuntratti pubbliċi fil-qasam tat-trasport

    219.

    Bħalma ġie rrilevat fil-punt 77 ta’ din l-opinjoni, sa fejn l-impenji inklużi fil-Kapitolu Għaxra tal-ftehim previst jirrigwardaw il-kuntratti pubbliċi għal servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali, ta’ trasport ferrovjarju, ta’ trasport bit-triq u ta’ trasport fuq il-passaġġi tal-ilma interni, kif ukoll kuntratti pubbliċi għal servizzi intrinsikament marbuta ma’ dawn is-servizzi ta’ trasport, tali impenji ma jaqgħux taħt il-politika kummerċjali komuni.

    220.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk l-Unjoni għandhiex, għall-impenji dwar dawn il-kuntratti pubbliċi għal servizzi, kompetenza esterna esklużiva skont l-Artikolu 3(2) TFUE.

    221.

    Bħalma ġie rrilevat fil-punti 75 u 76 ta’ din l-opinjoni, il-Kapitolu Għaxra tal-ftehim previst għandu grupp ta’ regoli intiżi li joħolqu qafas regolatorju għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-Unjoni u f’Singapor b’mod li jiġi żgurat li l-proċeduri għall-għoti ta’ tali kuntratti jseħħu b’osservanza tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza.

    222.

    Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65), kif ukoll id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243), jistabbilixxu grupp ta’ regoli komuni intiżi, essenzjalment, li jiggarantixxu li l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, inter alia, fis-settur tat-trasport, ikun konformi, fi ħdan l-Unjoni, ma’ dawn l-istess prinċipji, bħalma ġie speċifikat fil-premessa 1 u fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24, u bl-istess mod fil-premessa 2 u fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/25.

    223.

    Sa mid-dħul fis-seħħ tal-ftehim previst, l-aċċess għall-fornituri minn Singapor għall-kuntratti pubbliċi tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport ser jaqa’ għaldaqstant taħt impenji li jkopru l-istess elementi bħal dawk irregolati mid-Direttivi 2014/24 u 2014/25.

    224.

    Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 201 ta’ din l-opinjoni, l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva, skont l-Artikolu 3(2) TFUE, għall-impenji internazzjonali inklużi fil-Kapitolu Għaxra ta’ dan il-ftehim dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi fil-qasam tat-trasport, peress li dawn l-impenji jaqgħu taħt qasam diġà kopert fil-parti l-kbira tiegħu minn regoli komuni tal-Unjoni u jistgħu jaffettwaw jew ibiddlu l-portata tagħhom.

    L-impenji fil-qasam tal-investiment li ma huwiex dirett

    225.

    Għar-raġunijiet esposti fil-punti 80 sa 109 ta’ din l-opinjoni, l-impenji inklużi fit-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa tal-ftehim previst dwar il-protezzjoni tal-investiment jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni u, għaldaqstant, taħt il-kompetenza esklużiva ta’ din tal-aħħar, skont l-Artikolu 3(1)(e) TFUE, sa fejn dawn jirrigwardaw l-“investiment barrani dirett”, fis-sens tal-Artikolu 207(1) TFUE, bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor.

    226.

    Għandu issa jiġi ddeterminat jekk l-Unjoni hijiex ukoll esklużivament kompetenti skont l-Artikolu 3(2) TFUE, sa fejn l-imsemmija Taqsima A tirrigwarda investiment barrani ieħor bejn l-Unjoni u l-imsemmi Stat terz.

    227.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar l-ewwel nett li l-investiment barrani li ma huwiex dirett jista’, inter alia, isir taħt il-forma ta’ akkwist ta’ kapital azzjonarju f’impriża bl-intenzjoni li jitwettaq investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li jiġu influwenzati t-tmexxija u l-kontroll tal-impriża (investiment magħruf bħala “tal-portfolio”), u li tali investiment jikkostitwixxi movimenti tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑28 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑282/04 u C‑283/04, EU:C:2006:208, punt 19; tal‑21 ta’ Ottubru 2010Idryma Typou, C‑81/09, EU:C:2010:622, punt 48, kif ukoll tal‑10 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑212/09, EU:C:2011:717, punt 47).

    228.

    Bħalma rrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 367 tal-konklużjonijiet tagħha, xi tipi oħrajn ta’ investiment li ma huwiex l-akkwist ta’ kapital azzjonarju f’impriża, bħal ċerti kategoriji ta’ investiment immobbli jew is-self, jikkostitwixxu wkoll investiment kopert mill-Kapitolu Disgħa tal-ftehim previst u jistgħu, bħal akkwist ta’ kapital azzjonarju f’impriża, jinvolvu movimenti ta’ kapital jew ta’ pagamenti.

    229.

    Billi tibbaża ruħha essenzjalment fuq il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 201 ta’ din l-opinjoni, li tipprovdi li ftehim konkluż mill-Unjoni jista’, anki fl-assenza ta’ kontradizzjoni mar-regoli komuni tal-Unjoni, “[j]olqot[hom]”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE, il-Kummissjoni targumenta li t-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa tal-ftehim previst tista’ tolqot l-Artikolu 63 TFUE u taqa’, għaldaqstant, taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni msemmija fl-imsemmi Artikolu 3(2).

    230.

    Issa, bħalma argumentaw il-Kunsill u l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għal sitwazzjoni li fiha r-regola tal-Unjoni inkwistjoni hija dispożizzjoni tat-Trattat FUE u mhux regola adottata abbażi tiegħu.

    231.

    Fil-fatt, minn naħa, din il-ġurisprudenza, li s-sustanza tagħha hija espressa fl-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 3(2) TFUE, għandha l-oriġini tagħha fis-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (22/70, EU:C:1971:32).

    232.

    Fil-punti 17 sa 19 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

    “17

    B’mod partikolari, kull darba li l-Komunità, bil-għan li timplementa politika komuni kif maħsuba fit-Trattat, tadotta dispożizzjonijiet li jipprovdu regoli komuni, indipendentement mill-għamla li jistgħu jieħdu, l-Istati Membri ma jkollhomx aktar id-dritt, billi jaġixxu individwalment jew anki kollettivament, li jidħlu għal obbligi ma’ pajjiżi terzi li jaffettwaw dawk ir-regoli.

    18

    Fil-fatt, kif u meta dawn ir-regoli komuni jiġu adottati, il-Komunità biss tkun tistà tassumi u twettaq l-obbligi kontrattwali lejn pajjiżi terzi li jaffettwaw il-kamp ta’ applikazzjoni kollu tas-sistema legali tal-Komunità.

    19

    Għaldaqstant, fl-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, is-sistema ta’ miżuri interni tal-Komunità ma tistax tiġi sseparata minn dik ta’ relazzjonijiet barranin.”

    233.

    Minn dawn il-partijiet tas-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (22/70, EU:C:1971:32), jirriżulta li jikkostitwixxu “regoli komuni” id-dispożizzjonijiet ta’ dritt idderivat li l-Komunità, li saret l-Unjoni, stabbilixxiet progressivament u li, meta l-Unjoni tkun b’dan il-mod eżerċitat il-kompetenza tagħha, hija għandha, b’mod parallel, tgawdi minn kompetenza esterna esklużiva sabiex jiġi evitat li l-Istati Membri jieħdu impenji internazzjonali li jistgħu jolqtu dawn ir-regoli komuni jew ibiddlu l-portata tagħhom.

    234.

    Ikun imur kontra l-motivazzjoni inerenti għar-regola ta’ kompetenza esterna esklużiva fis-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (22/70, EU:C:1971:32), kif ikkonfermata mill-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑467/98, EU:C:2002:625, punti 77 sa 80), jekk il-portata ta’ din ir-regola, bħalissa inkluża fl-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 3(2) TFUE, tiġi estiża għal sitwazzjoni li, bħal f’dan il-każ, ma tkunx tirrigwarda regoli ta’ dritt idderivat stabbiliti mill-Unjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ kompetenza interna li ngħatatilha mit-Trattati, iżda regola ta’ dritt primarju tal-Unjoni adottata mill-awturi ta’ dawn it-Trattati.

    235.

    Min-naħa l-oħra, fid-dawl tas-supremazija tat-Trattati UE u FUE fuq l-atti adottati abbażi tagħhom, dawn l-atti, inklużi l-ftehimiet konklużi mill-Unjoni ma’ Stati terzi, jieħdu l-leġittimità tagħhom mill-imsemmija Trattati u, għall-kuntrarju, ma jistgħux jinfluwenzaw is-sens jew il-portata tad-dispożizzjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, l-imsemmija ftehimiet ma jistgħux “[j]olq[tu]” regoli ta’ dritt primarju tal-Unjoni jew “[i]bidd[lu] il-kamp ta’ l-applikazzjoni” tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE.

    236.

    Il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, f’dan il-każ mar-Repubblika ta’ Singapor, fil-qasam ta’ investiment barrani li ma huwiex dirett, lanqas ma hija, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, “prevista f’att leġiżlattiv ta’ l-Unjoni”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(2).

    237.

    Barra minn hekk, bħalma indikat espressament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-konklużjoni ta’ tali ftehim ma tidhirx li hija “meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 3(2).

    238.

    Minn dan isegwi li l-Unjoni ma għandhiex il-kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi mar-Repubblika ta’ Singapor ftehim internazzjonali sa fejn dan jirrigwarda l-protezzjoni tal-investiment barrani li ma huwiex dirett.

    239.

    Min-naħa l-oħra, il-konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehim internazzjonali relatat ma’ tali investiment tista’ tirriżulta “meħtieġa sabiex jinksieb, fil-qafas tal-politika ta’ l-Unjoni, wieħed mill-objettivi stabbiliti mit-Trattati”, fis-sens tal-Artikolu 216(1) TFUE.

    240.

    B’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li l-moviment liberu tal-kapital u tal-pagamenti bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi, previst fl-Artikolu 63 TFUE, ma jistax jiġi invokat b’mod formali fil-konfront tal-Istati terzi, il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ dan il-moviment liberu fuq bażi reċiproka tista’ tiġi kklassifikata bħala meħtieġa sabiex dan il-moviment liberu jintlaħaq bis-sħiħ, li huwa wieħed mill-għanijiet tat-Titolu IV (“Moviment liberu tal-persuni, servizzi u kapital”) tat-Tielet Parti (“Politika u azzjonijiet interni ta’ l-Unjoni”) tat-Trattat FUE.

    241.

    Dan it-Titolu IV jaqa’ taħt il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, skont l-Artikolu 4(2)(a) TFUE dwar is-suq intern.

    242.

    Il-kompetenza mogħtija lill-Unjoni mill-Artikolu 216(1) TFUE għall-konklużjoni ta’ ftehim li hija “meħtieġa sabiex jinksieb, fil-qafas tal-politika ta’ l-Unjoni, wieħed mill-objettivi stabbiliti mit-Trattati” hija wkoll ta’ natura kondiviża, sa fejn l-Artikolu 4(1) TFUE jipprevedi li l-Unjoni “għandha kompetenza kondiviża ma’ l-Istati Membri fejn it-Trattati jtuha kompetenza li ma tirrigwardax l-oqsma previsti fl-Artikoli 3 u 6”, fatt li huwa l-każ f’dan il-każ.

    243.

    Mill-punti 80 sa 109 u 226 sa 242 ta’ din l-opinjoni jirriżulta li l-impenji inklużi fit-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa tal-ftehim previst jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni u, għaldaqstant, taħt il-kompetenza esklużiva ta’ din tal-aħħar skont l-Artikolu 3(1)(e) TFUE, sa fejn dawn jirrigwardaw l-investiment barrani dirett ta’ ċittadini minn Singapor fl-Unjoni u viċe-versa. Min-naħa l-oħra, dawn l-impenji jaqgħu taħt kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati terzi skont l-Artikolu 4(1) u (2)(a) TFUE, sa fejn dawn jirrigwardaw tipi oħrajn ta’ investiment.

    244.

    Minn dan isegwi li t-Taqsima A tal-imsemmi kapitolu tal-ftehim previst ma tistax tiġi approvata mill-Unjoni waħedha.

    245.

    Fir-rigward ta’ din it-Taqsima A, għandha tiġi eżaminata, fl-aħħar nett, il-pożizzjoni espressa minn diversi Stati Membri fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li l-Artikolu 9.10 tal-ftehim previst la jista’ jaqa’ taħt kompetenza esklużiva tal-Unjoni u lanqas taħt kompetenza kondiviża minn din tal-aħħar mal-Istati Membri u taqa’, għaldaqstant, taħt il-kompetenza unika tal-Istati Membri.

    246.

    L-imsemmi Artikolu 9.10, intitolat “Relazzjoni ma’ Ftehimiet oħra”, huwa d-dispożizzjoni finali tal-imsemmija Taqsima A u jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, dan li ġej:

    “Mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-ftehimiet [bilaterali ta’ investiment] bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u Singapor [...] inklużi d-drittijiet u l-obbligi li joħorġu minnhom, jieqfu milli jkunu fis-seħħ u jiġu sostitwiti u miżbuqa b’dan il-Ftehim.”

    247.

    Il-fatt li l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor inkludew, fil-ftehim previst, dispożizzjoni li minnha jirriżulta espressament li l-ftehimiet bilaterali ta’ investiment bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u dan l-Istat terz huma estinti u għaldaqstant ma humiex ser jibqgħu jipproduċu drittijiet u obbligi sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim konkluż mal-imsemmi Stat terz fuq il-livell tal-Unjoni ma jistax jitqies bħala li jidħol fuq kompetenza tal-Istati Membri, sakemm din id-dispożizzjoni tirrigwarda qasam li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tiegħu.

    248.

    Fil-fatt, meta l-Unjoni tinnegozja u tikkonkludi ma’ Stat terz ftehim dwar qasam li hija akkwistat kompetenza esklużiva fir-rigward tiegħu, hija tissostitwixxi ruħha għall-Istati Membri tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa stabbilit, sa mis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et (21/72 sa 24/72, EU:C:1972:115, punti 10 sa 18), li l-Unjoni tista’ tissuċċedi għall-Istati Membri fl-impenji internazzjonali tagħhom meta l-Istati Membri jkunu ttrasferixxew lill-Unjoni, permezz ta’ wieħed mit-Trattati fundaturi tagħha, il-kompetenzi tagħhom relatati ma’ dawn l-impenji u meta din tal-aħħar teżerċita dawn il-kompetenzi.

    249.

    Minn dan isegwi li, sa mill‑1 ta’ Diċembru 2009, id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE, li jattribwixxi kompetenza esklużiva lill-Unjoni fil-qasam tal-investiment barrani dirett, l-Unjoni hija kompetenti sabiex tapprova, waħedha, dispożizzjoni ta’ ftehim konkluż minnha ma’ Stat terz li jistipula li l-impenji fil-qasam ta’ investiment dirett inklużi fi ftehimiet bilaterali konklużi preċedentement bejn Stati Membri tal-Unjoni u dan l-Istat terz għandhom, sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim konkluż mill-Unjoni, jitqiesu li huma ssostitwiti minnu.

    250.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) TFUE, ħlief fil-każ li jingħataw is-setgħa mill-Unjoni, l-Istati Membri huma pprojbiti milli jadottaw atti li jistgħu jipproduċu effetti legali fl-oqsma li jaqgħu taħt kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Issa, huwa minnu li r-Regolament (UE) Nru 1219/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2012, li jistabbilixxi arranġamenti transizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta’ investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU 2012, L 351, p. 40), jagħti s-setgħa lill-Istati Membri, taħt kundizzjonijiet stretti, sabiex iżommu fis-seħħ, jew anki sabiex jikkonkludi, ftehimiet bilaterali fil-qasam tal-investiment dirett ma’ Stat terz sakemm ma jkunx hemm ftehim fil-qasam tal-investiment dirett bejn l-Unjoni u dan l-Istat terz. Min-naħa l-oħra, malli tali ftehim bejn l-Unjoni u l-imsemmi Stat terz jidħol fis-seħħ, din is-setgħa tispiċċa.

    251.

    Konsegwentement, l-argument li l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jadottaw, wara d-dħul fis-seħħ ta’ impenji fil-qasam tal-investiment barrani dirett inklużi fi ftehim konkluż mill-Unjoni, atti li jiddeterminaw it-tip ta’ impenji fil-qasam inklużi fil-ftehimiet bilaterali li huma kkonkludew preċedentement mal-istess Stat terz, ma jistax jirnexxi.

    252.

    Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 9.10 tal-ftehim previst jaqa’, bħal dispożizzjonijiet oħrajn tat-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa ta’ dan il-ftehim, taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, sa fejn jirrigwarda l-impenji fil-qasam ta’ investiment barrani dirett inklużi fil-ftehimiet bilaterali ta’ investiment konklużi bejn Stati Membri u r-Repubblika ta’ Singapor.

    253.

    Sa fejn mill-Anness 9-D tal-ftehim previst jirriżulta li diversi Stati Membri kkonkludew ftehim bilaterali ta’ investiment mar-Repubblika ta’ Singapor qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni, għandu jiġi speċifikat li l-konklużjoni stabbilita iktar ’il quddiem ma hijiex imxejna mill-Artikolu 351 TFUE, li jipprovdi li “[i]d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l‑1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta’ l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m’għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati”.

    254.

    F’dan ir-rigward, hemm lok jitfakkar li l-Artikolu 351 TFUE huwa intiż li jippermetti lill-Istat Membri jirrispettaw id-drittijiet li l-Istati terzi jieħdu, konformement mad-dritt internazzjonali, minn dawn il-konvenzjonijiet preċedenti (ara, fir-rigward tal-Artikoli 234 KEE u 307 KE, li l-formulazzjoni tagħhom hija essenzjalment ripetuta fl-Artikolu 351 TFUE, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 1980, Burgoa, 812/79, EU:C:1980:231, punt 8; tal‑4 ta’ Lulju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑84/98, EU:C:2000:359, punt 53, u tat‑3 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑205/06, EU:C:2009:118, punt 33). Issa, f’dan il-każ, ma hemmx lok li l-Istati Membri jiġu permessi jirrispettaw id-drittijiet li r-Repubblika ta’ Singapor tixtieq li fil-futur tieħu minn dawn il-ftehimiet bilaterali inkwistjoni. Fil-fatt, mill-Artikolu 9.10 tal-ftehim previst jirriżulta li dan l-Istat terz juri x-xewqa tiegħu li l-imsemmija ftehimiet bilaterali jispiċċaw sa mid-dħul fis-seħħ tal-imsemmi ftehim.

    255.

    Filwaqt li minn dawn il-punti preċedenti kollha jirriżulta li l-Unjoni tissostitwixxi lilha nfisha għall-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-impenji internazzjonali meħuda f’oqsma li, bħal dak tal-investiment barrani dirett, jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-verżjoni tat-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa tal-ftehim previst mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ opinjoni, l-Artikolu 9.10 ta’ dan il-ftehim jirrigwarda wkoll l-impenji li jistgħu, fil-ftehimiet bilaterali ta’ investiment konklużi bejn Stati Membri u r-Repubblika ta’ Singapor, jirrigwardaw tipi ta’ investiment li ma huwiex dirett.

    256.

    Għar-raġunijiet kollha esposti fil-punti 245 sa 255 ta’ din l-opinjoni, l-argument li dispożizzjoni bħall-Artikolu 9.10 tal-ftehim previst ma tistax tiġi inkluża fi ftehim konkluż mill-Unjoni, sa fejn din taqa’ taħt kompetenza tal-Istati Membri biss, ma jistax jirnexxi. In-natura tal-kompetenza tal-Unjoni sabiex tapprova dan l-Artikolu 9.10 tikkorrispondi għal dik ikkonstatata fil-punt 243 ta’ din l-opinjoni f’dak li jirrigwarda l-approvazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tat-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa ta’ dan il-ftehim.

    Fuq il-kompetenza li jiġu approvati d-dispożizzjonijiet istituzzjonali tal-ftehim previst

    Skambju ta’ informazzjoni, notifika, verifika, kooperazzjoni, medjazzjoni u setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet

    257.

    Il-ftehim previst jistabbilixxi diversi obbligi u proċeduri dwar skambju ta’ informazzjoni, notifika, verifika, kooperazzjoni u medjazzjoni, kif ukoll dwar is-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Għal dan il-għan, huwa jistabbilixxi qafas istituzzjonali speċifiku, ikkostitwit minn Kumitat għall-Kummerċ u minn erba’ kumitati speċjalizzati oħrajn li għandhom ikunu relatati miegħu, jiġifieri Kumitat għall-Kummerċ tal-Prodotti, Kumitat dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji, Kumitat Doganali u Kumitat dwar il-Kummerċ fis-Servizzi, l-Investiment u l-Akkwist Governattiv. Il-ħolqien ta’ dan il-Kumitat għall-Kummerċ u l-imsemmija kumitati speċjalizzati huwa previst fl-Artikoli 17.1 u 17.2 ta’ dan il-ftehim, rispettivament.

    258.

    Il-Kapitolu Tnejn tal-imsemmi ftehim, dwar il-kummerċ ta’ merkanzija, jobbliga, fl-Artikolu 2.11 tiegħu, lil kull parti tinnotifika l-proċeduri tagħha dwar il-liċenzji għall-esportazzjoni lill-Kumitat dwar il-Kummerċ tal-Prodotti u jistabbilixxi l-modi kif huma għandhom iwieġbu għat-talbiet għal informazzjoni mill-parti l-oħra dwar kwalunkwe proċedura dwar il-liċenzji għall-importazzjoni jew għall-esportazzjoni.

    259.

    Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikoli 2.13 u 2.15 ta’ dan il-ftehim, dan il-kumitat speċjalizzat għandu jiltaqa’ fuq it-talba ta’ parti jew tal-Kumitat għall-Kummerċ, għandu jsegwi l-implementazzjoni ta’ dan il-kapitolu u jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jimmodifika l-annessi tiegħu.

    260.

    Il-Kapitolu Tlieta tal-ftehim previst, dwar il-miżuri kummerċjali, jistabbilixxi, fl-Artikoli 3.2, 3.7 u 3.11 tiegħu, il-modi proċedurali għall-ħolqien ta’ miżuri antidumping, ta’ miżuri ta’ kumpens jew ta’ miżuri ta’ salvagwardja. L-Artikoli 3.12 u 3.13 ta’ dan il-ftehim jeżiġu konsultazzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta’ tali miżuri.

    261.

    Il-Kapitolu Erbgħa tal-ftehim previst, dwar l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ, jipprevedi, fl-Artikoli 4.4 sa 4.11 tiegħu, l-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni fil-qasam tal-istandardizzazzjoni u tal-evalwazzjoni tal-konformità, sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq. Barra minn hekk, l-Artikolu 4.12 ta’ dan il-ftehim jipprevedi li l-partijiet jistgħu, permezz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat dwar il-Kummerċ tal-Prodotti, jadottaw kwalunkwe miżura ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu Erbgħa.

    262.

    Il-Kapitolu Ħamsa tal-ftehim previst, li jirrigwarda miżuri sanitarji u fitosanitarji, jistipula, fl-Artikoli 5.8 u 5.9 tiegħu, il-modi kif parti tista’, fil-kwalità tagħha ta’ importatur ta’ merkanzija mill-parti l-oħra, twettaq żjajjar ta’ verifika għand din tal-aħħar jew teżiġi informazzjoni mingħandha.

    263.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 5.10 ta’ dan il-ftehim jistabbilixxi regoli ta’ kooperazzjoni u ta’ aċċettazzjoni għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni ta’ żoni li jirriflettu l-istat ta’ saħħa tal-annimali u tal-pjanti li jinsabu hemmhekk. Din id-dispożizzjoni tiddeskrivi r-rwoli li l-Kumitat dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji għandu jissodisfa f’dan ir-rigward. Xi kompiti oħrajn ta’ dan il-kumitat huma elenkati fl-Artikoli 5.15 u 5.16 tal-imsemmi ftehim.

    264.

    L-Artikoli 5.11 u 5.12 tal-ftehim previst jistabbilixxu obbligi ta’ skambju ta’ informazzjoni u ta’ notifika.

    265.

    Il-Kapitolu Sitta tal-ftehim previst, dwar id-dwana u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ, jobbliga, fl-Artikoli 6.3, 6.4 u 6.11 tiegħu, lill-partijiet sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet tagħhom jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur doganali. Barra minn hekk, huwa jistipula, fl-Artikolu 6.17 ta’ dan il-ftehim, ir-rwoli tal-Kumitat Doganali u jawtorizza lill-partijiet jieħdu ċerti deċiżjonijiet fi ħdan dan il-kumitat.

    266.

    L-Artikolu 7.7 tal-ftehim previst jipprevedi kooperazzjoni fil-kuntest tal-Kapitolu Sebgħa dwar il-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli u l-possibbiltà li jiġu adottati deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni fi ħdan il-Kumitat għall-Kummerċ.

    267.

    Il-Kapitolu Tmienja ta’ dan il-ftehim, li jitratta s-servizzi, l-istabbiliment u l-kummerċ elettroniku, jipprevedi, fl-Artikolu 8.16 tiegħu, li l-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni u f’Singapor għandhom ifasslu rakkomandazzjoni komuni dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali u għandhom jibagħtuha lill-Kumitat dwar il-Kummerċ fis-Servizzi, Investiment u Akkwisti tal-Gvern. Dan il-kapitolu jipprevedi wkoll kooperazzjoni fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet (Artikolu 8.48) u tal-kummerċ elettroniku (Artikolu 8.61).

    268.

    L-Artikolu 9.4(3) tal-ftehim previst jipprevedi li l-partijiet jistgħu, fuq deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ, jaqblu li ċerti tipi ta’ miżuri għandhom, bħal dawk elenkati fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu, jitqiesu bħala ksur tal-obbligu li jingħata trattament ġust u xieraq għall-investiment li jaqa’ taħt il-Kapitolu Disgħa ta’ dan il-ftehim.

    269.

    L-Artikoli 10.18 u 10.20 tal-ftehim previst jistabbilixxu l-konsultazzjonijiet li jistgħu jsiru u d-deċiżjonijiet li jistgħu jittieħdu fi ħdan il-Kumitat dwar il-Kummerċ fis-Servizzi, Investiment u Akkwisti tal-Gvern, għall-qasam irregolat mill-Kapitolu Għaxra dwar il-kuntratti pubbliċi.

    270.

    Il-Kapitolu Ħdax ta’ dan il-ftehim, dwar il-proprjetà intellettwali, jipprevedi, fl-Artikolu 11.8 tiegħu, kooperazzjoni fost is-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur. Huwa jagħti barra minn hekk, fl-Artikolu 11.23 tal-imsemmi ftehim, setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet lill-Kumitat għall-Kummerċ u jobbliga, fl-Artikoli 11.51 u 11.52 tiegħu, lill-partijiet jiskambjaw informazzjoni.

    271.

    Fir-rigward tal-Kapitolu Tnax tal-ftehim previst, dwar il-kompetizzjoni u kwistjonijiet konnessi, dan jipprevedi kooperazzjoni fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-partijiet (Artikolu 12.11) u dmir ta’ konsultazzjoni meta tkun tixtieq waħda mill-partijiet (Artikolu 12.13).

    272.

    L-Artikolu 13.15 tal-ftehim previst jistabbilixxi l-obbligu, għall-partijiet, li jaħtru uffiċċju li jservi bħala punt ta’ kuntatt mal-parti l-oħra għall-iskop tal-implementazzjoni tal-Kapitolu Tlettax dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli. Huwa jipprevedi wkoll il-ħolqien ta’ Bord dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli għas-superviżjoni tal-imsemmija implementazzjoni. L-Artikolu 13.16 ta’ dan il-kapitolu jispeċifika r-rwoli li dawn il-punti ta’ kuntatt u dan il-bord għandhom jissodisfaw fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fuq kwistjoni dwar l-imsemmi kapitolu. L-Artikolu 13.17 ta’ dan tal-aħħar iżid li, jekk tali nuqqas ta’ qbil ma jkunx riżolt b’mod sodisfaċenti mill-imsemmi bord, dan għandu jiġi eżaminat minn grupp ta’ esperti. Dan l-istess artikolu jistipula l-modalitajiet proċedurali ta’ dan l-eżami.

    273.

    Dispożizzjonijiet oħrajn tal-Kapitolu Tlettax tal-ftehim previst jipprevedu numru ta’ mezzi ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema (Artikolu 13.4) u tal-protezzjoni tal-ambjent (Artikoli 13.7 u 13.10).

    274.

    Il-Kapitolu Sittax tal-ftehim previst jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ medjazzjoni bejn il-partijiet. Skont l-Artikolu 13.16 ta’ dan il-ftehim, dan il-mekkaniżmu ma japplikax għall-Kapitolu Tlettax tiegħu. L-imsemmi Kapitolu Sittax jippermetti lill-partijiet ifittxu soluzzjonijiet li jaqblu fuqhom b’mod reċiproku fil-każ ta’ diverġenza ta’ opinjonijiet fuq il-Kapitoli Tnejn sa Tnax tal-ftehim previst.

    275.

    Id-dispożizzjonijiet u l-mekkaniżmi msemmija fil-punti 257 sa 274 ta’ din l-opinjoni huma intiżi li jiggarantixxu l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet sostantivi tal-ftehim previst, billi jwaqqfu, essenzjalment, struttura bażika, mezzi ta’ kooperazzjoni, obbligi ta’ skambju ta’ informazzjoni kif ukoll ċerti setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

    276.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tirrileva li l-kompetenza tal-Unjoni sabiex tikkuntratta impenji internazzjonali tinkludi dik li tagħmel dispożizzjonijiet istituzzjonali flimkien ma’ dawn l-impenji. L-inklużjoni tagħhom fil-ftehim ma taffettwax in-natura tal-kompetenza għall-konklużjoni tiegħu. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom natura awżiljarja u għaldaqstant jaqgħu taħt l-istess kompetenza bħal dik li jaqgħu taħtha d-dispożizzjonijiet sostantivi relatati magħhom [ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, l-Opinjoni 1/76 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Fond Ewropew għan-navigazzjoni interna), tas‑26 ta’ April 1977, EU:C:1977:63, punt 5; l-Opinjoni 1/78 (Ftehim internazzjonali dwar il-lastiku naturali), tal‑4 ta’ Ottubru 1979, EU:C:1979:224, punt 56, kif ukoll is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punti 7071].

    277.

    Peress li minn din l-opinjoni jirriżulta li d-dispożizzjonijiet sostantivi kollha tal-Kapitoli Tnejn sa Tmienja u Għaxra sa Tlettax tal-ftehim previst jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 258 sa 267 u 269 sa 273 ta’ din l-opinjoni jaqgħu taħt din il-kompetenza esklużiva wkoll, għar-raġuni esposta fil-punt preċedenti ta’ din l-opinjoni. Dan japplika wkoll għall-Kapitolu Sbatax tal-ftehim previst, sa fejn jirrigwarda l-Kumitat dwar il-Kummerċ tal-Prodotti, il-Kumitat dwar il-Miżuri sanitarji u fitosanitarji u l-Kumitat Doganali.

    278.

    L-Artikolu 9.4(3) tal-ftehim previst, imsemmi fil-punt 268 ta’ din l-opinjoni, jagħmel parti mit-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa ta’ dan il-ftehim u jaqa’ għaldaqstant taħt il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 243 u 244 ta’ din l-opinjoni.

    279.

    Il-Kapitolu Sittax tal-ftehim previst, dwar il-mekkaniżmu ta’ medjazzjoni, bħad-dispożizzjonijiet istituzzjonali u finali, minbarra dawk dwar il-Kumitat dwar il-Kummerċ tal-Prodotti, il-Kumitat dwar il-Miżuri sanitarji u fitosanitarji u l-Kumitat Doganali, li jissemmew fil-Kapitolu Sbatax ta’ dan il-ftehim, jirrigwardaw, inter alia, id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa ta’ dan il-ftehim u għaldaqstant ma jistgħux, għar-raġunijiet indikati fil-punti 243 u 244 ta’ din l-opinjoni, jiġu konklużi mill-Unjoni waħedha. L-istess japplika, barra minn hekk, għall-Kapitolu I tal-ftehim previst, peress li dan il-kapitolu jistabbilixxi l-għan u l-finalitajiet ta’ dan il-ftehim fit-totalità tiegħu u għaldaqstant jirrigwarda, fost l-oħrajn, it-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa tiegħu.

    Trasparenza

    280.

    Il-Kapitolu Erbatax tal-ftehim previst, intitolat “Trasparenza”, jistabbilixxi regoli li japplikaw għall-oqsma koperti mill-kapitoli l-oħrajn ta’ dan il-ftehim, suġġett għad-dispożizzjonijiet iktar partikolari inklużi f’dan tal-aħħar dwar it-trasparenza.

    281.

    Permezz tal-impenji inklużi f’dan il-kapitolu, il-partijiet għandhom jiżguraw, l-ewwel nett, li kull miżura ta’ applikazzjoni ġenerali marbuta ma’ aspett li jaqa’ taħt il-ftehim previst għandha tkun ċara u faċilment aċċessibbli, u li għandu jkun hemm biżżejjed żmien bejn il-pubblikazzjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ tali miżura (Artikolu 14.3). Huma jobbligaw ruħhom, it-tieni nett, li jiffaċilitaw il-komunikazzjoni fuq kull kwistjoni koperta minn dan il-ftehim billi jistabbilixxu punti ta’ kuntatt u billi jwieġbu għal ċerti tipi ta’ talbiet għal informazzjoni (Artikolu 14.4). Huma għandhom jiżguraw, fl-aħħar nett, li kull proċedura mwettqa fil-kuntest tal-imsemmi ftehim u li taffettwa l-interessi tal-persuni, tal-merkanzija jew tas-servizzi tal-parti l-oħra għandha tkun konformi mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u għandha tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors quddiem qorti imparzjali u indipendenti (Artikoli 14.5 sa 14.7).

    282.

    Dawn l-impenji huma applikabbli għall-miżuri li l-partijiet jieħdu fl-oqsma koperti mill-Kapitolu Tnejn sa Tlettax tal-ftehim previst. Ir-regoli ta’ trasparenza li huma suġġetti għalihom huma intiżi li jiggarantixxu l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dawn il-kapitoli. Dawn ir-regoli huma għaldaqstant ta’ natura awżiljarja u jaqgħu taħt l-istess kompetenza bħal dik li jaqgħu taħtha l-imsemmija dispożizzjonijiet sostantivi. Peress li dawn id-dispożizzjonijiet sostantivi jaqgħu, sa fejn indikat fil-punt 243 ta’ din l-opinjoni, taħt kompetenza li l-Unjoni taqsam mal-Istati Membri, il-Kapitolu Erbatax tal-ftehim previst ma jistax jiġi approvat mill-Unjoni waħedha.

    283.

    Min-naħa l-oħra, ir-regoli partikolari fil-qasam ta’ trasparenza li huma stabbiliti għal wieħed biss mill-Kapitoli Tnejn sa Tmienja u Għaxra sa Tlettax tal-ftehim previst, bħal dawk inklużi fl-Artikoli 4.8, 6.15, 8.17, 8.45, 12.9 u 13.3 ta’ dan il-ftehim, jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

    284.

    Sa fejn ċerti Stati Membri argumentaw li l-imsemmija regoli ta’ trasparenza, sa fejn jobbligaw lill-awtoritajiet fl-Unjoni, inklużi dawk tal-Istati Membri, josservaw il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jaqgħu taħt kompetenzi li jappartjenu għall-Istati Membri biss fil-qasam ta’ proċedura amministrattiva u ġudizzjarja, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-regoli inklużi fil-Kapitolu Erbatax tal-ftehim previst u fid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din l-opinjoni ma jinkludu ebda impenn dwar l-organizzazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja tal-Istati Membri, iżda jirriflettu l-fatt li kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri ser ikollhom, fl-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim, josservaw il-prinċipji ġenerali u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, bħal dawk ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dan il-Kapitolu Erbatax ma jistax, għaldaqstant, jitqies li jidħol fuq il-kompetenzi li jappartjenu għall-Istati Membri biss.

    Riżoluzzjoni tat-tilwim

    – Riżoluzzjoni tat-tilwim bejn investituri u Stati

    285.

    Bħalma jistipula l-Artikolu 9.11(1) tal-ftehim previst, it-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa tiegħu tistabbilixxi sistema ta’ riżoluzzjoni ta’ “tilwima bejn rikorrent ta’ Parti u l-Parti l-oħra rigward trattament li allegatament ikun kiser id-dispożizzjonijiet ta’ Taqsima A (Protezzjoni tal-Investiment) liema ksur allegatament jikkawża telf jew ħsara lir-rikorrent jew lill-kumpanija tiegħu stabbilita lokalment”.

    286.

    Mill-Artikolu 9.11(2)(a) u (e) ta’ dan il-ftehim jirriżulta li mhux biss l-Unjoni, iżda anki l-Istati Membri tal-Unjoni jistgħu jkunu parti għal dan it-tilwim, bħala kontroparti, kemm jekk ikunu indikati bħala tali mill-Unjoni, skont l-Artikolu 9.15(2) tal-imsemmi ftehim, kif ukoll jekk għandhom ikunu dan skont l-Artikolu 9.15(3) tal-istess ftehim.

    287.

    Jekk tilwima ma tkunx tista’ tiġi solvuta b’mod bonarju jew permezz ta’ konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 9.12 jew l-Artikolu 9.13 tal-ftehim previst, l-investitur ikkonċernat jista’, konformement mal-Artikolu 9.15 ta’ dan il-ftehim, jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jagħmel rikors għall-arbitraġġ. L-Artikolu 9.16(1) tal-istess ftehim jistipula li, wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ tliet xhur mid-data ta’ din in-notifika, dan l-investitur jista’ “jippreżenta t-talba għal wieħed [mill-]mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim” li huwa jelenka.

    288.

    L-Artikolu 9.16(2) tal-ftehim previst jispeċifika li l-paragrafu 1 tal-istess artikolu “jikkostitwixxi l-kunsens tal-konvenut [tal-kontroparti] għall-preżentazzjoni ta’ talba għall-arbitraġġ”.

    289.

    L-Artikolu 9.17 ta’ dan il-ftehim jelenka t-totalità tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tilwima tkun tista’ tiġi suġġetta għall-arbitraġġ. Skont il-paragrafu 1(f) ta’ dan l-artikolu, waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija li r-rikorrent “jirtira kwalunkwe talba ppreżentata quddiem qorti jew tribunal domestiku dwar l-istess trattament kif allegat li tikser id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima A (Protezzjoni tal-Investiment)”.

    290.

    Bla ħsara għal dak li huwa indikat fil-punt 30 ta’ din l-opinjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti deċiżjoni dwar in-natura tal-kompetenza sabiex tinħoloq tali sistema ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim. F’dan ir-rigward, filwaqt li huwa minnu li, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 9.17 tiegħu, il-ftehim previst ma jeskludix il-possibbiltà li tilwima bejn investitur minn Singapor u Stat Membru tkun tista’ tinġieb quddiem il-qrati tal-imsemmi Stat Membru, xorta jibqa’ l-fatt li din hija biss sempliċi possibbiltà fid-diskrezzjoni tal-investitur rikorrent.

    291.

    Dan tal-aħħar jista’, effettivament, jiddeċiedi, skont l-Artikolu 9.16 ta’ dan il-ftehim, li jissuġġetta l-imsemmija tilwima għall-proċedura ta’ arbitraġġ, mingħajr l-imsemmi Stat Membru ma jkun jista’ jopponi għal dan, peress li l-kunsens tiegħu f’dan ir-rigward jitqies li jkun ingħata konformement mal-Artikolu 9.16(2) tal-imsemmi ftehim.

    292.

    Issa, tali sistema, li tneħħi xi tilwim mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri, ma tistax tkun ta’ natura purament awżiljarja fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 276 ta’ din l-opinjoni u għaldaqstant ma tistax tinħoloq mingħajr il-kunsens tagħhom.

    293.

    Minn dan jirriżulta li l-approvazzjoni tat-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa tal-ftehim previst ma taqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, iżda taħt kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

    – Riżoluzzjoni tat-tilwim bejn il-partijiet

    294.

    Il-Kapitolu Ħmistax tal-ftehim previst għandu l-għan li jiġi evitat u li jiġi riżolt it-tilwim li jista’ jqum bejn il-partijiet. Skont l-Artikolu 15.2 tal-ftehim previst, dan il-kapitolu japplika għal “kull differenza li għandha x’taqsam mal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, ħlief kif previst espressament mod ieħor”.

    295.

    Bħalma ġie espost fil-punt 154 ta’ din l-opinjoni, is-sistema ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim prevista fil-Kapitolu Ħmistax tal-ftehim previst ma tapplikax għall-Kapitolu Tlettax tiegħu. Min-naħa l-oħra, din is-sistema tista’ tapplika bejn il-partijiet sabiex jiġu riżolti diverġenzi, b’mod partikolari, dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi tal-Kapitoli Tnejn sa Tnax tal-ftehim previst.

    296.

    L-Artikolu 15.4 tal-ftehim previst jipprevedi li, jekk il-partijiet ma jaslux għar-riżoluzzjoni tat-tilwima tagħhom permezz ta’ konsultazzjonijiet, il-parti li tagħmel l-ilment tista’ titlob il-ħolqien ta’ grupp speċjali ta’ arbitraġġ. Skont l-Artikolu 15.19 ta’ dan il-ftehim, kull deċiżjoni ta’ tali grupp hija vinkolanti għall-partijiet.

    297.

    L-Artikolu 15.21 tal-ftehim previst jispeċifika li l-parti li tagħmel l-ilment tista’ ma tużax din is-sistema għar-riżoluzzjoni tat-tilwim billi tipprova minflok azzjoni fil-kuntest tad-WTO, peress li, minn meta tinbeda proċedura taħt waħda miż-żewġ sistemi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim disponibbli b’dan il-mod, ebda proċedura oħra bl-istess suġġett ma tista’ tiġi mnedija taħt is-sistema l-oħra.

    298.

    Fir-rigward tal-kompetenza tal-Unjoni sabiex tapprova dan il-Kapitolu Ħmistax, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali u l-kapaċità tagħha sabiex tikkonkludi ftehimiet internazzjonali tinvolvi neċessarjament il-fakultà li tissuġġetta ruħha għad-deċiżjonijiet ta’ qorti maħluqa jew innominata taħt dawn il-ftehimiet, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l‑applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħhom [Opinjoni 1/91 (Ftehim ŻEE – I), tal‑14 ta’ Diċembru 1991, EU:C:1991:490, punti 4070; Opinjoni 1/09 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat‑8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 74, u Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 182].

    299.

    Bl-istess mod, il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tikkonkludi ftehimiet internazzjonali tinkludi neċessarjament il-fakultà li tissuġġetta ruħha għad-deċiżjonijiet ta’ korp li, filwaqt li ma huwiex qorti b’mod formali, essenzjalment jissodisfa funzjonijiet ġudizzjarji, bħall-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim maħluq fil-kuntest tal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO.

    300.

    Bħalma ġie espost fil-punt 30 ta’ din l-opinjoni u mfakkar fil-punt 290 tagħha, din il-proċedura ma tirrigwardax il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-ftehim previst humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    301.

    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li kien il-każ fil-proċeduri ta’ opinjoni ċċitati fil-punt 298 ta’ din l-opinjoni, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk is-sistema ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim prevista fil-Kapitolu Ħmistax tal-ftehim previst tissodisfax il-kriterji stabbiliti minn dawn l-opinjonijiet l-oħrajn, b’mod partikolari dak dwar l-osservanza tal-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni.

    302.

    Sa fejn il-Kapitolu Ħmistax ta’ dan il-ftehim jirrigwarda tilwim bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-imsemmi ftehim, din l-opinjoni lanqas ma tirrigwarda l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda r-riżoluzzjoni tat-tilwim fi ħdan l-Unjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni [ara b’mod partikolari, dwar din il-ġurisdizzjoni, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (fabbrika MOX), C‑459/03, EU:C:2006:345, punt 132, u l-Opinjoni 1/09 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat‑8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 78].

    303.

    Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li s-sistema ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim prevista minn dan il-kapitolu tagħmel parti mill-qafas istituzzjonali tad-dispożizzjonijiet sostantivi tal-ftehim previst. Peress li din is-sistema irrigwardat tilwim bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor, b’differenza għas-sistema ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim bejn investituri u Stati prevista fit-Taqsima B tal-Kapitolu Disgħa tal-ftehim previst, ma tistax tneħħi t-tilwim mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri jew tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regola ġurisprudenzjali mfakkra fil-punt 276 ta’ din l-opinjoni hija applikabbli.

    304.

    It-tilwim irregolat b’dan il-Kapitolu Ħmistax jista’ jirrigwarda, fost l-oħrajn, id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa tal-ftehim previst. Konsegwentement, għall-istess raġunijiet bħal dawk indikati fil-punti 243 u 244 ta’ din l-opinjoni, l-imsemmi Kapitolu Ħmistax ma jistax jiġi approvat mill-Unjoni waħedha.

    Tweġiba għat-talba għal opinjoni

    305.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ftehim previst jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, minbarra d-dispożizzjonijiet li ġejjin, li jaqgħu taħt kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri:

    id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima A (Protezzjoni tal-Investiment) tal-Kapitolu Disgħa (Investiment) ta’ dan il-ftehim, sa fejn huma relatati mal-investiment bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor li ma huwiex dirett;

    id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima B (Soluzzjoni tat-tilwim bejn l-Istat u l-Investitur) ta’ dan il-Kapitolu Disgħa, u

    id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu I (Għanijiet u Definizzjonijiet Ġenerali), tal-Kapitolu Erbatax (Trasparenza), tal-Kapitolu Ħmistax (Soluzzjoni ta’ tilwimiet bejn il-Partijiet), tal-Kapitolu Sittax (Mekkaniżmu ta’ Medjazzjoni) u tal-Kapitolu Sbatax (Dispożizzjonijiet Istituzzjonali, Ġenerali u Finali) tal-imsemmi ftehim, sa fejn huma relatati mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Kapitolu Disgħa u sa fejn dawn tal-aħħar jaqgħu taħt kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

    Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja (Seduta Plenarja) tagħti l-opinjoni segwenti:

    Il-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, minbarra d-dispożizzjonijiet li ġejjin, li jaqgħu taħt kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri:

    id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima A (Protezzjoni tal-Investiment) tal-Kapitolu Disgħa (Investiment) ta’ dan il-ftehim, sa fejn huma relatati mal-investiment bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor li ma huwiex dirett;

    id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima B (Soluzzjoni tat-tilwim bejn l-Istat u l-Investitur) ta’ dan il-Kapitolu Disgħa, u

    id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu I (Għanijiet u Definizzjonijiet Ġenerali), tal-Kapitolu Erbatax (Trasparenza), tal-Kapitolu Ħmistax (Soluzzjoni ta’ tilwimiet bejn il-Partijiet), tal-Kapitolu Sittax (Mekkaniżmu ta’ Medjazzjoni) u tal-Kapitolu Sbatax (Dispożizzjonijiet Istituzzjonali, Ġenerali u Finali) tal-imsemmi ftehim, sa fejn huma relatati mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Kapitolu Disgħa u sa fejn dawn tal-aħħar jaqgħu taħt kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

    Lenaerts Tizzano Silva de Lapuerta

    Ilešič Bay Larsen von Danwitz

    Da Cruz Vilaça Juhász Berger

    Prechal Vilaras Regan

    Rosas Borg Barthet Malenovský

    Bonichot Arabadjiev Toader

    Šváby Jarašiūnas Fernlund

    Vajda Biltgen

    Jürimäe Lycourgos

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Mejju 2017.

    Reġistratur President

    A. Calot Escobar K. Lenaerts

    Top