Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CO0517

    Digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzj tal-14 ta’ Jannar 2016.
    AGC Glass Europe SA et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Proċeduri għal miżuri provviżorji – Appell – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Talba intiża li jinkiseb it-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni li tidher f’deċiżjoni tal‑Kummissjoni Ewropea li tikkonstata akkordju illegali fis-suq Ewropew tal‑ħġieġ iddestinat għall-karozzi – Deċiżjoni ta’ ċaħda mill-Kummissjoni u sentenza tal-Qorti Ġenerali li tiċħad ir-rikors għall-annullament ta’ din id‑deċiżjoni – Urġenza – Dannu gravi u irreparabbli – Assenza.
    Kawża C-517/15 P-R.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:21

    DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    14 ta’ Jannar 2016 ( *1 )

    “Proċeduri għal miżuri provviżorji — Appell — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea — Talba intiża li jinkiseb it-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni li tidher f’deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tikkonstata akkordju illegali fis-suq Ewropew tal-ħġieġ iddestinat għall-karozzi — Deċiżjoni ta’ ċaħda mill-Kummissjoni u sentenza tal-Qorti Ġenerali li tiċħad ir-rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Assenza”

    Fil-Kawża C-517/15- P-R,

    li għandha bħala suġġett talba għas-sospensjoni ta’ eżekuzzjoni, skont l-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE, imressqa fil-25 ta’ Settembru 2015,

    AGC Glass Europe SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

    AGC Automotive Europe SA, stabbilita fi Fleurus (il-Belġju),

    AGC Franza SAS, stabbilita fi Boussois (Franza),

    AGC Flat Glass Italia Srl, stabbilita f’Cuneo (l-Italja),

    AGC Glass UK Ltd, stabbilita f’Northampton (ir-Renju Unit),

    AGC Glass Germany GmbH, stabbilita f’Wegberg (il-Ġermanja),

    irrappreżentati minn L. Garzaniti, A. Burckett St Laurent u F. Hoseinian, avukati,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Meessen u P. Van Nuffel, kif ukoll minn F. van Schaik, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

    wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, M. Szpunar,

    jagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    Permezz tal-appell tagħhom, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Settembru 2015, AGC Glass Europe SA, AGC Automotive Europe SA, AGC France SAS, AGC Flat Glass Italia Srl, AGC Glass UK Ltd u AGC Glass Germany GmbH talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Lulju 2015, AGC Glass Europe et vs Il‑Kummissjoni (T-465/12 EU:T:2015:505, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li biha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż li jinkiseb l-annullament tad-Deċiżjoni C (2012) 5719 finali tal-Kummissjoni, tas-6 ta’ Awwissu 2012, li tiċħad talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mill-appellanti, abbażi tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-Uffiċjal tas-Seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (Każ COMP/39.125 – Ħġieġ tal-karozzi) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”).

    2

    B’att separat ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, l-appellanti ppreżentaw talba għal miżuri provviżorji, abbażi tal-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE, bil-għan li tinkiseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata kif ukoll tad-deċiżjoni inkwistjoni.

    3

    Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fit-23 ta’ Ottubru 2015. Fl-10 ta’ Diċembru 2015, instemgħu s-sottomissjonijiet orali tal-appellanti u tal-Kummissjoni.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza appellata

    4

    Fit-12 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat id-Deċiżjoni C (2008) 6815 finali, dwar proċediment taħt l-Artikolu [81 KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, fir-rigward ta’ diversi manifatturi ta’ ħġieġ tal-karozzi, fosthom l-appellanti (Każ COMP/39.125 – Ħġieġ tal-karozzi) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-Karozzi”).

    5

    Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Marzu 2009, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni Ewropea informa lill-appellanti, b’mod partikolari, bl-intenzjoni tiegħu li jippubblika, konformement mal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-karozzi fis-sit internet tiegħu fil-lingwi awtentiċi f’dan il-każ, jiġifieri l-Ingliż, il-Franċiż u l-Olandiż. Barra minn hekk, id-DĠ “Kompetizzjoni” stieden lill-appellanti jidentifikaw l-informazzjoni kunfidenzjali eventwali jew l-informazzjoni li tikkostitwixxi sigriet tan-negozju, u jimmotivaw l-evalwazzjoni tagħhom f’dan ir-rigward.

    6

    Wara skambju ta’ korrispondenza mal-appellanti, id-DĠ “Kompetizzjoni” adotta, fix-xahar ta’ Diċembru 2011, il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-karozzi li kellha tiġi ppubblikata fis-sit internet tal-Kummissjoni. Mill-korrispondenza inkwistjoni jirriżulta li d-DĠ “Kompetizzjoni” ma rrispondiex għat-talbiet tal-appellanti intiżi li titneħħa informazzjoni li tinsab f’246 premessa u f’122 nota ta’ qiegħ-il paġna tad-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-karozzi.

    7

    L-appellanti ressqu oppożizzjoni lill-Uffiċjal tas-Seduta konformement mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/462/KE, KEFA, tat-23 ta’ Mejju 2001, dwar it-termini ta’ riferenza ta’ uffiċjali tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 151), minn naħa, għall-pubblikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni li tinkludi l-ismijiet tal-klijenti u d-deskrizzjoni tal-prodotti kkonċernati kif ukoll kull informazzjoni li tista’ tidentifika klijent u, min-naħa l-oħra, ta’ parti minn frażi li tifforma parti mill-premessa 726 tad-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-karozzi.

    8

    L-Uffiċjal tas-Seduta esprima ruħu fuq it-talba tal-appellanti permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni.

    9

    Permezz ta’ kummenti preliminari, l-Uffiċjal tas-Seduta sostna l-ewwel nett li l-Komunikazzjoni dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17) ma kinitx toħloq fir-rigward tal-appellanti aspettattivi leġittimi li jipprekludu lill-Kummissjoni milli tippubblika l-informazzjoni li ma taqax taħt is-sigriet professjonali. Barra minn hekk, peress li d-dettalji tal-aġir tagħhom ma jaqax taħt l-imsemmi sigriet, l-interess tal-appellanti li dawn ma jiġux żvelati ma jistħoqqlu l-ebda protezzjoni partikolari. Ukoll, l-Uffiċjal tas-Seduta ma huwiex kompetenti sabiex jiddeċiedi fuq l-opportunità ta’ pubblikazzjoni ta’ informazzjoni mhux kunfidenzjali u lanqas fuq l-effett ħażin li jirriżulta mill-politika ġenerali tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

    10

    It-tieni nett, l-Uffiċjal tas-Seduta ma laqax l-argument li jgħid li l-Kummissjoni hija marbuta bil-prassi preċedenti tagħha dwar il-parametri ta’ pubblikazzjoni. Barra minn hekk, l-Uffiċjal tas-Seduta fakkar li l-pubblikazzjoni inkwistjoni ma tinkludix is-sors tad-dikjarazzjonijiet u ta’ dokumenti oħra mressqa fil-kuntest tal-imsemmija komunikazzjoni, filwaqt li enfasizza li ma kienx kompetenti sabiex jiddeċiedi fuq il-parametri tal-pubblikazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    11

    Iktar speċifikament, id-deċiżjoni inkwistjoni hija bbażata essenzjalment fuq l-eżami ta’ żewġ argumenti mressqa mill-appellanti. L-ewwel argument, eżaminat fil-premessi 22 sa 35 ta’ din id-deċiżjoni, jirrigwarda n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni inkwistjoni bħala tali, u t-tieni argument, eżaminat fil-premessi 36 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, jirrigwarda l-protezzjoni tal-identità tal-persuni fiżiċi.

    12

    Fir-rigward tal-ewwel argument, l-Uffiċjal tas-Seduta qies, l-ewwel nett, li l-informazzjoni li tirrigwarda l-ismijiet tal-klijenti u d-deskrizzjoni tal-prodotti kkonċernati kienu, min-natura tagħhom u fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tas-suq tal-ħġieġ tal-karozzi, magħrufa barra miċ-ċirku tal-appellanti, it-tieni nett, li dawn kienu fatti qodma u, it-tielet nett, li kienu jirrigwardaw l-essenza nfisha tal-ksur, peress li l-iżvelar tagħhom huwa impost mill-interessi tal-persuni leżi. Barra minn hekk, sa fejn l-appellanti kienu ressqu argumenti speċifiċi intiżi li jistabbilixxu n-natura kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni minkejja l-karatteristiċi ġenerali tagħhom kif deskritti hawn fuq, l-Uffiċjal tas-Seduta kkonkluda, fi tmiem l-analiżi li ħadet inkunsiderazzjoni t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi, li l-informazzjoni inkwistjoni ma taqax taħt is-sigriet professjonali.

    13

    Fir-rigward tat-tieni argument, l-Uffiċjal tas-Seduta bbaża ruħu fuq l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102), u laqa’ parzjalment it-talbiet tal-appellanti.

    14

    Peress li l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni ċaħad il-kumplament tat-talba, l-appellanti ppreżentaw rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni sa fejn hija ċaħdet it-talba tagħhom.

    15

    Fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza, l-appellanti kienu rċevew l-assigurazzjoni mill-Kummissjoni li hija kienet ser tastjeni milli teżegwixxi d-deċiżjoni inkwistjoni sakemm tingħata s-sentenza appellata, b’mod li huma ma qisux li kien neċessarju li jitolbu l-miżuri provviżorji f’dan is-sens.

    16

    Peress li s-sentenza appellata ċaħdet ir-rikors tal-appellanti, huma ressqu l-appell imsemmi fil-punt 1 ta’ dan id-digriet, li insostenn tiegħu huma jinvokaw tliet aggravji. L-ewwel aggravju tal-appell huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta hija qieset li l-kompetenza tal-Uffiċjal tas-Seduta prevista fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2001/695/UE tal-President tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-Uffiċjal tas-Seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, p.29) tkopri biss il-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-informazzjoni li l-Kummissjoni qed taħseb li tippubblika tikkostitwixxix sigriet tan-negozju jew jekk għandhiex f’kull każ natura kunfidenzjali. It-tieni aggravju huwa wkoll ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta kkonkludiet li d-deċiżjoni inkwistjoni ma kisritx il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fl-aħħar nett, bit-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali tbiegħdet mill-ġurisprudenza mingħajr ma tat motivazzjoni suffiċjenti.

    17

    Wara ċ-ċaħda tar-rikors mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kienet esprimiet l-intenzjoni tagħha li teżegwixxi d-deċiżjoni inkwistjoni, mingħajr ma tistenna, din id-darba, li tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-appell imressaq mill-appellanti mis-sentenza appellata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma ppreżentaw din it-talba għal miżuri provviżorji.

    It-talbiet tal-partijiet

    18

    L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-dispożittiv tas-sentenza appellata u tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni sakemm jinqata’ l-appell;

    tordna kull miżura li jidhrilha ekwa u xierqa f’dawn iċ-ċirkustanzi, u

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    19

    Il-Kummissjoni titlob li t-talba għal miżuri provviżorji tiġi miċħuda u li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

    Fuq it-talba għal miżuri provviżorji

    20

    Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell minn sentenza tal-Qorti Ġenerali ma għandux, fil-prinċipju, effett sospensiv. Madankollu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 278 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis li ċ-ċirkustanzi hekk jitolbu, tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata.

    21

    L-Artikolu 160(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jgħid li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom “jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba”. Għalhekk, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-adozzjoni tagħhom tkun prima facie ġġustifikata fil-fatt u fil-liġi (fumus boni juris) u li jkunu urġenti, fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li tkun talbithom, li jiġu adottati u li jipproduċu l-effetti tagħhom sa minn qabel id-deċiżjoni dwar il-mertu. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tkun nieqsa. L-Imħallef għal miżuri provviżorji, skont il-każ, għandu wkoll jibbilanċja l-interessi involuti (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il-Kummissjoni vs ANKO, C-78/14 P-R, EU:C:2014:239, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    22

    F’dak li jikkonċerna l-urġenza tal-miżuri provviżorji mitluba, l-appellanti, fuq il-bażi tal-kunsiderazzjoni li l-informazzjoni inkwistjoni jistħoqqilha tkun protetta bħala tali, isostnu li, peress li tikkostitwixxi informazzjoni kummerċjali speċifika dwar data bħall-ismijiet tal-klijenti, id-deskrizzjoni tal-prodotti kkonċernati u elementi oħra ta’ natura li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ ċerti klijenti tal-appellanti, l-annullament sussegwenti tad-deċiżjoni inkwistjoni ma toffrix rimedju għall-effetti tal-iżvelar tagħha. Fil-fatt, pubblikazzjoni tali tippermetti lil terzi jaċċedu għal din l-informazzjoni u jużawha, b’mod partikolari billi jiddeduċu minnha data kummerċjali oħra, li tagħha l-anonimat ma jibqax żgurat, bħall-kalkolu tal-prezzijiet, il-bidliet fil-prezz u informazzjoni finanzjarja oħra. Konsegwentement, din il-pubblikazzjoni tikkawża lill-appellanti dannu gravi u irreparabbli, suffiċjentement prevedibbli u probabbli.

    23

    Id-dannu li jbatu l-appellanti huwa irreparabbli, sa fejn, qabel kollox, il-fatt li informazzjoni tingħata lil ċertu pubbliku għandu natura immedjata u irreversibbli, b’mod li l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni ma huwiex ta’ natura li jsewwi d-dannu kkawżat minnu. Dan jgħodd ukoll għall-informazzjoni inkwistjoni u għall-projbizzjoni tal-iżvelar li jiġi deċiż wara din tal-aħħar. Sussegwentement, id-dannu finanzjarju tal-appellanti ma jkunx jista’ jiġi kkalkolat. Fil-fatt, fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mid-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il-Kummissjoni vs Pilkington Group [C-278/13 P(R), EU:C:2013:558] jirriżulta li d-dannu li jista’ jiġi subit jista’ jvarja, kemm f’dak li jikkonċerna n-natura kif ukoll fil-portata tiegħu, skont jekk il-persuni li jieħdu konoxxenza tal-informazzjoni inkwistjoni jkunu klijenti, kompetituri jew fornituri tal-appellanti, kif ukoll jekk ikunu analisti finanzjarji jew persuni mill-pubbliku ġenerali. F’dan ir-rigward, l-appellanti jippreċiżaw li huwa impossibbli li jiġi identifikat in-numru u l-kwalità tal-persuni li jistgħu jkollhom konoxxenza tal-informazzjoni inkwistjoni u li jiġu evalwati għaldaqstant l-effetti negattivi konkreti tal-pubblikazzjoni tagħha. Fit-tieni lok, minħabba d-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-karozzi, l-appellanti diġà kellhom jaffrontaw ċertu numru ta’ talbiet għad-danni, kemm direttament bħala konvenuti, kif ukoll fil-kuntest tar-responsabbiltà solidali mad-destinatarji l-oħra ta’ din id-deċiżjoni. F’dan il-kuntest, il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni ddgħajjef il-pożizzjoni tal-appellanti fil-proċeduri ġudizzjarji kif ukoll fid-dawl ta’ negozjati għal regolazzjoni bonarja eventwali. Fl-aħħar nett, l-appellanti jsostnu li r-riperkussjonijiet finanzjarji negattivi marbuta mal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni ma jistgħux jiġu kkalkolati fil-firxa kollha tagħhom, għaliex, fir-rigward tal-ammonti kollha li jistgħu jkunu dovuti mill-appellanti bħala danni jew bħala pagamenti tranżattivi, mhux ser ikun possibbli li tiġi kkalkolata l-parti imputabbli unikament u direttament għall-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni.

    24

    Il-Kummissjoni qabel kollox tikkontesta li din l-informazzjoni jistħoqqilha protezzjoni. Jekk in-natura tagħha tiġi rrikonoxxuta, dan iseħħ biss fi tmiem il-proċedura fil-mertu, fl-ipoteżi fejn it-tieni aggravju tal-appell jiġi ġġudikat fondat.

    25

    Fir-rigward tal-argumenti mressqa mill-appellanti, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li d-duttrina tad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il-Kummissjoni vs Pilkington Group [C-278/13 P(R), EU:C:2013:558] ma tistax tiġi trasposta f’dan il-każ, sa fejn, bil-kontra tal-kawża li wasslet għal dan id-digriet, f’din il-kawża mhux qed jiġi kkontestat li l-informazzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix sigriet tan-negozju jew informazzjoni ta’ tip ieħor ta’ natura kunfidenzjali. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni żżid li l-argument li jgħid li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni tippermetti lil terzi jkollhom konoxxenza, permezz ta’ deduzzjoni, ta’ data oħra kummerċjali, li tagħha l-anonimat ma jibqax żgurat, bħall-kalkolu tal-prezzijiet, tal-bidliet fil-prezzijiet u ta’ informazzjoni finanzjarja oħra, ma huwiex fondat, għaliex din id-data ma għandhiex tibbenefika mill-anonimat, peress li l-appellanti qatt ma talbu t-trattament kunfidenzjali tagħha. Barra minn hekk, l-appellanti, filwaqt li jirrikonoxxu li d-dannu għandu natura finanzjarja, ma jgħidux li, u, a fortiori, mhux qed jipprovaw, li d-dannu jista’ jqiegħed fid-dubju l-eżistenza tagħhom stess jew inaqqas sostanzjalment l-ishma tagħhom tas-suq, filwaqt li l-istabbiliment ta’ prova bħal din hija mitluba mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja meta jiġi biex jitqies bħala irreparabbli dannu li jkollu natura purament finanzjarja. Fi kliem ieħor, in-natura irreparabbli tal-pubblikazzjoni ma timplikax li d-dannu allegatament ikkawżat minn din il-pubblikazzjoni jkun huwa stess gravi u irreparabbli.

    26

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-użu tal-informazzjoni inkwistjoni fil-kuntest ta’ azzjonijiet għad-dannu mressqa kontra l-appellanti, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk din l-informazzjoni kellha effettivament tkun utli insostenn ta’ tali azzjonijiet, dan ma jfissirx li l-iżvelar tagħhom ikun jista’ jikkawża dannu gravi u irreparabbli li jkun jista’ jiġi evitat bis-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li d-dannu finanzjarju marbut mal-kumpensi li l-appellanti jkunu jistgħu jiġu kkundannati jħallsu ma huwiex direttament ikkawżat mill-iżvelar tal-imsemmija informazzjoni, imma mill-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-akkordju kkonstatat fid-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-karozzi. Għaldaqstant, l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni sempliċement jippermetti lil dawk il-persuni li jkunu sofrew dannu minħabba l-akkordju jiksbu l-kumpens, billi jinvokaw dritt li huwa rrikonoxxut speċifikament lilhom mit-Trattati. Il-Kummissjoni żżid li, fir-rigward tal-ammont ta’ kumpens li jista’ jkun direttament marbut mal-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni, l-appellanti ma pprovaw suffiċjentement skont il-liġi la li l-obbligu li jitħallas dan l-ammont seta’ jikkawżalhom dannu finanzjarju li jista’ jqiegħed fid-dubju l-eżistenza tagħhom jew inaqqas sostanzjalment l-ishma tagħhom tas-suq, u lanqas li jkun impossibbli li jiġi ddeterminat il-livell ta’ dan l-ammont, filwaqt li n-numru ta’ persuni li jkun sofrew dannu minħabba l-eżistenza tal-kartell ikkonstatat mid-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-Karozzi huwa llimitat.

    27

    Sabiex jiġi vverifikajt jekk il-miżuri provviżorji mitluba humiex urġenti, għandu jitfakkar li l-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, l-urġenza għandha tiġi evalwata fid-dawl tan-neċessità li għandu jkun hemm deċiżjoni provviżorja sabiex jiġi evitat li jkun hemm dannu gravi u irreparabbli kkawżat lill-parti li titlob il-protezzjoni provviżorja [digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑KummissjoniC-506/13 P-R, EU:C:2013:882, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna t-tmiem tal-proċedura dwar il-rikors fuq il-mertu mingħajr ma ssofri dannu gravi u irreparabbli (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal, C-21/14 P-R, EU:C:2014:1749, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    F’dan il-każ, l-appellanti identifikaw sostanzjalment żewġ kapijiet tad-dannu li huma jsofru jekk ma sseħħx is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata u tad-deċiżjoni inkwistjoni.

    29

    Fl-ewwel lok, huma u jinvokaw id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il-Kummissjoni vs Pilkington Group [C-278/13 P(R), EU:C:2013:558], huma jallegaw li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni tista’ tikkawżalhom dannu minħabba n-natura stess ta’ din l-informazzjoni.

    30

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 18 u 38 ta’ dan id-digriet, fir-rikors tagħha għal annullament, Pilkington Group Ltd kienet ikkontestat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-informazzjoni li l-iżvelar tagħha kien ipprospettat b’applikazzjoni tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma tikkostitwixxix sigriet tan-negozju, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 339 TFUE, kif ukoll tal-Artikoli 28(1) u 30(2) tal-imsemmi regolament. Konsegwentement, l-evalwazzjonijiet li l-Imħallef għal miżuri provviżorji kellu jieħu inkunsiderazzjoni sabiex jikkonkludi li l-kundizzjoni tal-urġenza kienet ġiet stabbilita f’dan il-każ kienu jibdew mill-premessa, espressament imsemmija fil-punt 47 tal-imsemmi digriet, li tgħid li l-informazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża kellha tkun koperta mis-sigriet professjonali.

    31

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni l-Kummissjoni, iċ-ċirkustanzi tal-kawża li wasslet għal dan id-digriet jiddistingwu ruħhom minn dawk inkwistjoni f’din il-kawża.

    32

    Fil-fatt, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 22 sa 54 tas-sentenza appellata, eżaminat u ċaħdet is-sitt motiv invokat mill-appellanti insostenn tar-rikors tagħhom għal annullament, li fil-kuntest tiegħu huma kkontestaw l-evalwazzjoni tal-Uffiċjal tas-Seduta li qal li l-informazzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix sigriet tan-negozju, fis-sens tal-Artikoli 30(2) tar-Regolament 1/2003, u 8(2) tad-Deċiżjoni 2011/695.

    33

    Issa, mit-talba għal miżuri provviżorji jirriżulta li l-appell imressaq mill-appellanti ma huwiex indirizzat kontra din il-parti tas-sentenza appellata, b’mod li għandu jitqies li nqatgħet definittivament li l-informazzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix sigriet tan-negozju. Minn dan jirriżulta li l-analiżi tal-urġenza f’din il-kawża għandha tibda mill-premessa, bil-kontra ta’ dak sostnut mill-Imħallef għal miżuri provviżorji fid-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group [C-278/13 P(R), EU:C:2013:558], li tgħid li l-informazzjoni inkwistjoni ma hijiex koperta bis-sigriet professjonali.

    34

    Għaldaqstant, il-fatt li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni tista’ tikser il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif qed jallegaw l-appellanti fit-tieni aggravju tagħhom, ma huwiex suffiċjenti, fih innifsu, sabiex jitqies li din l-informazzjoni għandha titqies li hija koperta bis-sigriet professjonali u li, minħabba f’hekk, l-iżvelar tagħha jikkawża lill-appellanti dannu gravi u irreparabbli. Ċirkustanza bħal din, jekk wieħed kellu jissuponi li tkun ipprovata, tkun l-iktar ta’ natura li toħloq l-obbligu għall-Kummissjoni li ma tiżvelax l-imsemmija informazzjoni, kif barra minn hekk tirrikonoxxi din l-istituzzjoni.

    35

    Huwa ċertament minnu, hekk kif isostnu l-appellanti, li l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni, bħall-informazzjoni inkwistjoni, għandha natura irreversibbli, sa fejn l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni ma tkunx tista’ treġġa’ lura l-effetti tal-iżvelar tagħha, għaliex it-teħid ta’ konoxxenza ta’ din l-informazzjoni mill-persuni li jaqrawha jkun immedjat u irreversibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ppreċiżatx ir-raġunijiet li minħabba fihom il-motivi li kienu wassluha tissospendi l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni fl-istennija tal-għoti tas-sentenza appellata, li seħħew fi tmiem ta’ proċedura li damet sejra għal perjodu ta’ madwar 25 xahar, ma kinux ukoll rilevanti sabiex iwassluha tissospendi l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni fl-istennija tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li taqta’, fuq il-mertu, l-appell tal-appellanti.

    36

    Madankollu, sabiex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti għall-għoti tal-miżuri provviżorji u, b’mod partikolari, għal dik marbuta mal-urġenza, għandu għal darba oħra jintqal li n-natura irreversibbli tal-iżvelar tal-imsemmija informazzjoni għandha tkun tali li tikkawża dannu gravi u irreparabbli għall-appellanti.

    37

    Issa, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, għalkemm, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dan id-dannu, ma huwiex neċessarju li jintalab li s-seħħ tiegħu tiġi stabbilita b’ċertezza assoluta u li huwa biżżejjed li dan id-dannu jkun prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, xorta jibqa’ l-fatt li l-parti li qed titlob miżura provviżorja tibqa’ obbligata li tipprova l-fatti li huma mistennija li jifformaw il-bażi ta’ tali dannu gravi u irreparabbli [digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, HFB et vs Il‑Kummissjoni, C-335/99 P(R), EU:C:1999:608, punt 67, u tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il-Kummissjoni vs Pilkington Group, C-278/13 P(R), EU:C:2013:558, punt 37].

    38

    F’dan il-każ, l-appellanti sempliċement sostnew li, peress li l-informazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi informazzjoni kummerċjali speċifika dwar data bħall-ismijiet ta’ klijenti, deskrizzjonijiet tal-prodotti kkonċernati u elementi oħra ta’ natura li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ xi wħud mill-klijenti tagħhom, l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni tista’, bħala tali, tikkawżalhom preġudizzju minħabba li hija tippermetti lil terzi jaċċedu għal din l-informazzjoni u jużawha, b’mod partikolari billi jiddeduċu minnha data kummerċjali li l-anonimat tagħha ma jibqax żgurat, bħall-kalkolu tal-prezzijiet, bidliet fil-prezzijiet u informazzjoni finanzjarja oħra.

    39

    Issa, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, f’dan l-aħħar rigward, li l-appellanti ma pprovdew l-ebda element li jippermetti li juri li l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni jippermetti lil terzi jieħdu konoxxenza, permezz ta’ deduzzjoni, ta’ data kummerċjali oħra, b’mod li din l-informazzjoni għandha tibqa’ kunfidenzjali.

    40

    Barra minn hekk, ġie ċertament deċiż li l-iżvelar ta’ sigrieti tan-negozju jista’ jikkawża dannu li jikkonsisti fil-fatt li, meta l-informazzjoni kunfidenzjali tiġi ppubblikata, annullament sussegwenti tad-deċiżjoni inkwistjoni, minħabba l-ksur tal-Artikolu 339 TFUE u tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tas-sigriet professjonali, ma jreġġax lura l-effetti li jirriżultaw mill-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni. Fil-fatt, il-klijenti, il-kompetituri u l-fornituri tal-impriża kkonċernata, l-analisti finanzjarji kif ukoll il-pubbliku ġenerali jistgħu jkollhom aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni u jużawha liberament, liema aċċess joħloq dannu gravi u irreparabbli lill-imsemmija kumpannija [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group, C-278/13 P(R), EU:C:2013:558, punti 46 sa 48].

    41

    Madankollu, ma jistax jingħad l-istess għal dak li jikkonċerna l-iżvelar ta’ informazzjoni li ma tistax titqies li hija koperta mis-sigriet professjonali.

    42

    Issa, kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 36 sa 40 tas-sentenza appellata, ikkonstatat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-appellanti fil-kuntest tal-appell tagħhom, minn naħa, li l-informazzjoni inkwistjoni u b’mod partikolari dik li tikkonċerna l-identità tal-klijenti, kienet diġà magħrufa minn numru mhux ristrett ta’ persuni, fid-dawl b’mod partikolari tal-grad ta’ trasparenza li jikkaratterizza, f’dan ir-rigward, is-suq tal-ħġieġ tal-karozzi, u, min-naħa l-oħra, li din l-informazzjoni, minħabba li ilha ħames snin jew iktar mill-pubblikazzjoni inkwistjoni, għandha natura storika, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali.

    43

    Konsegwentement, l-appellanti ma humiex kapaċi juru, minkejja li l-informazzjoni inkwistjoni ma hijiex iktar koperta bis-sigriet professjonali, li l-iżvelar tagħha jista’ jikkawża dannu minħabba n-natura stess ta’ din l-informazzjoni.

    44

    Fir-rigward tat-tieni kap tad-dannu allegat mill-appellanti, huma jsostnu li l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni jdgħajjef il-pożizzjoni tagħhom, fil-proċeduri ġudizzjarji pendenti li għandhom bħala suġġett it-talbiet għad-danni li fihom ikunu implikati kemm direttament fil-kuntest kif ukoll fil-kuntest tar-responsabbiltà solidali mad-destinatarji tad-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-karozzi u min-naħa l-oħra, fin-negozjati għar-regolazzjoni bonarja eventwali.

    45

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att tal-Unjoni, l-għoti tal-miżura provviżorja mitluba jkun iġġustifikat biss jekk l-att inkwistjoni jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu gravi u irreparabbli allegat [digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Akhras vs Il-Kunsill,C-110/12 P(R), EU:C:2012:507, punt 44, u Hassan vs Il-Kunsill, C-168/12 P(R), EU:C:2012:674, punt 28, kif ukoll tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, EDF vs Il-Kummissjoni, C-551/12 P(R), EU:C:2013:157, punt 41].

    46

    Issa, l-obbligu ta’ kumpens għal dannu kkawżat minn impriża minħabba li tkun wettqet ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ċivili ta’ din l-impriża. Konsegwentement, il-kawża determinanti tad-dannu allegatament marbut mal-azzjonijiet għad-danni u man-negozjati għal ftehim ta’ regolazzjoni bonarja tinsab mhux fl-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni mill-Kummissjoni, imma fil-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mill-appellanti, hekk kif ikkonstatat mid-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-karozzi.

    47

    Ċertament, bħala regola ġenerali, fil-proċeduri ġudizzjarji li jkollhom bħala suġġett talbiet għall-kumpens minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq ir-rikorrent li jallega li jkun sofra d-dannu mill-ksur. F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni jirriżulta espressament li l-informazzjoni inkwistjoni hija effettivament ta’ natura li tiffaċilita l-amministrazzjoni ta’ din il-prova mir-rikorrenti għad-danni f’azzjoni kontra l-appellanti, sa fejn din l-informazzjoni tipprovdi lill-imsemmija rikorrenti provi li kieku ma jkunux jistgħu jinvokaw.

    48

    Madankollu, anki meta d-dritt proċedurali nazzjonali ma jobbligax lill-konvenut, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni, jipprovdi l-provi li jistabbilixxi r-responsabbiltà tiegħu, dan il-fatt ta’ liġi ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tiżvela informazzjoni għas-sempliċi raġuni li din tkun tista’ tikkostitwixxi prova u, għaldaqstant, tmur kontra l-pożizzjoni ta’ dan il-konvenut.

    49

    Fil-fatt, dan ikun ifisser li jintalab mill-Kummissjoni li hija żżomm informazzjoni kunfidenzjali għall-iskop uniku li tipproteġi l-interessi tad-destinatarji ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni li tirrendi inaċċessibbli lir-rikorrenti għal danni l-provi inkwistjoni.

    50

    Filwaqt li għandha tiġi rrikonoxxuta l-importanza ta’ dan l-interess, b’mod partikolari sa fejn taqa’ taħt id-drittijiet tad-difiża f’din it-tip ta’ azzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, minn naħa, l-ebda regola tad-dritt tal-Unjoni ma tinkariga lill-Kummissjoni milli tipproteġi dan l-interess billi timponi fuqha li żżomm in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni, bħall-informazzjoni inkwistjoni, bil-kontra tal-obbligu ta’ trasparenza impost fuqha mill-Artikolu 15 TUE u, iktar speċifikament f’dan il-każ, mill-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, p. 1) jgħid espressament li l-interess li għandhom l-impriżi li jevitaw azzjonijiet għad-danni wara ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika protezzjoni bħal din.

    51

    Barra minn hekk, anki jekk wieħed jissuponi li l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni jista’ jitqies li huwa l-kawża determinanti ta’ dannu għall-appellanti u li l-interess inkwistjoni jitħoqqlu protezzjoni bħala tali, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ dan id-digriet, l-urġenza għandha tiġi evalwata fid-dawl tan-neċessità li tingħata deċiżjoni provviżorja sabiex jiġi evitat li dannu gravi u irreparabbli ma jseħħx lill-parti li tkun qed titlob il-protezzjoni provviżorja.

    52

    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, kif jirrikonoxxu l-appellanti stess, dan id-dannu huwa ta’ natura finanzjarja.

    53

    Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dannu ta’ natura pekunjarja ma jistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jitqies li huwa irreparabbli, peress li kumpens pekunjarju huwa, bħala regola ġenerali, ta’ natura li jreġġa’ lura lill-parti leża għas-sitwazzjoni qabel ma seħħ id-dannu. Tali dannu b’mod partikolari jista’ jissewwa fil-kuntest ta’ rikors għad-danni ppreżentat fuq il-bażi tal-Artikoli 268 TFUE u 340 TFUE [digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group, C-278/13 P(R), EU:C:2013:558, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata].

    54

    Madankollu, dannu ta’ natura finanzjarja jitqies li huwa irreparabbli fil-każ li ma jkunx jista’ jiġi totalment ikkumpensat, fatt li jista’ b’mod partikolari jseħħ li kieku d-dannu, anki meta jseħħ, ma jkunx jista’ jiġi kkalkolat [digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group, C-278/13 P(R), EU:C:2013:558, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata].

    55

    F’dan il-każ, l-appellanti jsostnu li d-dannu inkwistjoni ma jistax jiġi kkalkolat fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni eventwali kontra l-Unjoni Ewropea fl-ipoteżi li fiha jintlaqa’ l-appell tagħhom, fid-dawl tal-fatt li, fir-rigward tas-somom totali li jsiru dovuti mill-appellanti bħala azzjonijiet kumpensatorji jew pagamenti tranżattivi, mhux ser ikun possibbli li tiġi ddeterminata l-parti ta’ dawk is-somom imputabbli unikament u direttament għall-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni.

    56

    Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li diġà ġie deċiż li l-inċertezza marbuta mar-reparazzjoni ta’ dannu ta’ natura pekunjarja fil-kuntest ta’ rikors għad-danni eventwali ma tistax titqies, fiha nnifisha, bħala ċirkustanza li tista’ tistabbilixxi n-natura irreparabbli ta’ dan id-dannu. Fil-fatt, fl-istadju ta’ miżuri provviżorji, il-possibbiltà li sussegwentement tinkiseb ir-reparazzjoni ta’ dannu ta’ natura pekunjarja fil-kuntest ta’ rikors għad-danni eventwali, li jista’ jiġi ppreżentat wara l-annullament tal-att ikkontestat, hija neċessarjament inċerta. Issa, il-proċeduri għal miżuri provviżorji ma għandhomx bħala għan li jissostitwixxu lilhom infushom għal tali rikors għad-danni biex jeliminaw din l-inċertezza, peress li l-għan tagħhom huwa biss li jiggarantixxu l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura li għandha tingħata fil-proċedura fuq il-mertu li fuqha jkunu bbażati l-miżuri provviżorji, jiġifieri, f’dan il-każ, rikors għal annullament [digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja,Cour Alcoa Trasformazioni vs Il‑Kummissjoni, C‑446/10 P(R), EU:C:2011:829, punti 55 sa 57, u tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il-Kummissjoni vs Pilkington Group, C-278/13 P(R), EU:C:2013:558, punt 53].

    57

    Konsegwentement, l-argumenti tal-appellanti intiżi li juru li l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni jikkawża dannu gravi u irreparabbli ma jistgħux ikollhom suċċess.

    58

    Wara kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma pprovdewx elementi li jippermettu li tiġi stabbilita n-natura gravi tad-dannu li tiegħu huma jallegaw l-eżistenza, la fit-talba tagħhom għal miżuri provviżorji u lanqas fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

    59

    B’mod partikolari, peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 46 ta’ dan id-digriet, dan l-allegat dannu jista’ biss, fir-realtà, jirreferi għad-dannu kkawżat mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni kkonstatat fid-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-karozzi, kienu l-appellanti, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jekk xejn, li kellhom jikkalkolaw id-danni li sofrew – jew li kienu ser isofru – minħabba l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni, jew almenu li jipprovdu l-informazzjoni ta’ natura kummerċjali u finanzjarja fil-pussess tagħhom li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa, fid-dawl b’mod partikolari tad-dħul mill-bejgħ marbut mal-bejgħ tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-ksur inkwistjoni u tal-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom, il-firxa verosimili tal-obbligu kumpensatorju tagħhom kif ukoll l-importanza relattiva mqabbla mal-kapaċità finanzjarja tal-grupp li tagħhom huma parti. Mistoqsija fuq din il-kwistjoni mill-Imħallef għal miżuri provviżorji matul is-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2015, l-appellanti sempliċement irrepetew l-argument tagħhom li ma setgħux jiddeterminaw din il-parti tad-dannu, mingħajr ma madankollu spjegaw ir-raġunijiet għala ma kienx possibbli għalihom li jwettqu dawn il-projjezzjonijiet, anki approssimattivi, dwar l-impatt finanzjarju kkawżat mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni, imputabbli lill-appellanti, pereżempju fuq il-bażi tat-talbiet kumpensatorji diġà pendenti.

    60

    Minn dak kollu li ntqal iktar il-fuq jirriżulta li l-appellanti ma pproduċewx il-prova li l-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata u tad-deċiżjoni inkwistjoni tista’ tikkawżalhom dannu gravi u irreparabbli. Minn dan isegwi li l-kundizzjoni relatata mal-urġenza ma hijiex issodisfatta, b’tali mod li din it-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ fumus boni juris jew li jitwettaq ibbilanċjar tal-interessi.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

     

    1)

    It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.

     

    2)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 )   Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top