EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CO0473

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Settembru 2017.
Peter Schotthöfer & Florian Steiner GbR vs Eugen Adelsmayr.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Bezirksgericht Linz.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea lejn Stat terz fejn dan jinsab f’riskju li jiġi suġġett għall-piena tal-mewt – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 18 u 21 TFUE – Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni kontra l-estradizzjoni.
Kawża C-473/15.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:633

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea lejn Stat terz fejn dan jinsab f’riskju li jiġi suġġett għall-piena tal-mewt – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 18 u 21 TFUE – Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni kontra l-estradizzjoni”

Fil-Kawża C‑473/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bezirksgericht Linz (qorti distrettwali ta’ Linz, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Settembru 2015, fil-proċedura

Peter Schotthöfer & Florian Steiner GbR

vs

Eugen Adelsmayr,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Peter Schotthöfer & Florian Steiner GbR, minn A. Hawel, E. Eypeltauer, A. Gigleitner u N. Fischer, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn J. Vláčil u M. Smolek, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn E. Creedon u L. Williams kif ukoll minn D. Kelly u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, barrister,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. M. Tátrai u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, tal-Artikolu 6, tal-Artikolu 19(2), kif ukoll tal-Artikoli 47 u 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Peter Schotthöfer & Florian Steiner GbR u Eugen Adelsmayr dwar il-ħlas ta’ kumpens minħabba l-annullament ta’ kuntratt motivat mill-biża’ ta’ estradizzjoni.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

3

Peter Schotthöfer & Florian Steiner, kumpannija ta’ avukati stabbilita f’München, il-Ġermanja, stiednet lil E. Adelsmayr, tabib Awstrijak residenti fl-Awstrija sabiex, matul ix-xahar ta’ Jannar 2015, jagħti konferenza lill-klijenti tagħha dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-proċeduri ġudizzjarji fl-Emirati Għarab Magħquda, pajjiż fejn huwa eżerċita l-professjoni ta’ anestetista u speċjalista tal-kura intensiva għal diversi snin, sa mis-sena 2004.

4

Matul ix-xahar ta’ Frar 2009, wieħed mill-pazjenti li E. Adelsmayr kien qiegħed jikkura fl-Emirati Għarab Magħquda, li kien ibati minn marda gravi u li kien sofra minn diversi arresti kardijaċi, miet wara operazzjoni, wara li sofra minn arrest kardijaku ieħor. E. Adelsmayr ġiet akkużat li kien responsabbli għal din il-mewt.

5

Wara li tressaq ilment minn tabib tal-isptar fejn E. Adelsmayr kien jeżerċita l-attività tiegħu, twettqet investigazzjoni, b’mod partikolari minn dan it-tabib. Din ikkonkludiet li kien omiċidju volontarju.

6

Matul is-sena 2011, infetħu proċeduri f’Dubai (L-Emirati Għarab Magħquda), li matulhom l-Uffiċċju tal-Prosekutur talab il-piena tal-mewt kontra E. Adelsmayr. Matul is-sena 2012, dan tal-aħħar madankollu telaq mill-Emirati Għarab Magħquda. Fl-assenza tiegħu, dan ġie kkundannat għal priġunerija għall-għomor fil-kuntest ta’ proċedura mibdija b’mod kawtelatorju, peress li l-proċeduri inizjali setgħu jissoktaw fi kwalunkwe mument u jwasslu għal kundanna għall-piena tal-mewt tal-persuna kkonċernata.

7

Inbdew proċeduri kriminali kontra E. Adelsmayr anki fl-Awstrija, bl-istess kapi ta’ akkuża użati kontra l-persuna kkonċernata fl-Emirati Għarab Magħquda. Dawn il-proċeduri madankollu ngħalqu fil-5 ta’ Mejju 2014 mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Awstrijak, fejn dan irrileva li “l-konvenut [kien] irnexxielu joħloq, b’mod kredibbli, l-impressjoni li l-proċedimenti mibdija f’Dubai kienu probabbilment ir-riżultat ta’ komplott konrieh”.

8

E. Adelsmayr irċieva rakkomandazzjoni mill-awtoritajiet Awstrijaċi sabiex jikteb lil ċerti Stati sabiex jivverifika jekk huwa kienx jista’ jidħol fit-territorju tagħhom mingħajr ir-riskju li jitressaq quddiem l-awtoritajiet tal-Emirati Għarab Magħquda.

9

Matul ix-xahar ta’ Ottubru 2014, E. Adelsmayr irċieva l-offerta ta’ Peter Schotthöfer & Florian Steiner, bis-suġġett ikun il-konferenza msemmija fil-punt 3 ta’ dan id-digriet. Din l-offerta wasslet għall-iffirmar tal-kuntratt.

10

Il-punt 5.1 ta’ dan il-kuntratt, dwar il-ħlas ta’ kumpensi fil-każ ta’ annullament tal-imsemmi kuntratt, huwa redatt kif ġej:

“Il-kelliem jintrabat, fil-każ ta’ annullament tal-preżentazzjoni inkwistjoni għal raġunijiet imputabbli għall-kelliem sa mhux iktar tard minn xahar qabel id-data tal-konferenza, iħallas lill-organizzaturi kumpens fiss ta’ EUR 150”.

11

Fi tmiem ix-xahar ta’ Novembru 2014, wara tensjonijiet li qamu bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Renju tal-Arabja Sawdita, E. Adelsmayr beda jkollu biżgħat dwar l-idea li jmur il-Ġermanja sabiex, hemmhekk, jagħti din il-konferenza. Huwa talab lill-awtoritajiet Ġermaniżi joħorġulu salvakondott, u dan filwaqt li ppreċiża li kienet meħtieġa risposta urġenti, peress li l-annullament tal-imsemmija konferenza ma kienx possibbli wara l-15 ta’ Diċembru 2014.

12

Fit-12 ta’ Diċembru 2014, peress li ma kienx irċieva risposta mingħand l-imsemmija awtoritajiet, E. Adelsmayr informa, bil-miktub, lil Peter Schotthöfer & Florian Steiner, bl-annullament tal-imsemmija konferenza.

13

Billi bbażat ruħha fuq il-punt 5.1 tal-kuntratt konkluż ma’ E. Adelsmayr, Peter Schotthöfer & Florian Steiner bagħtet intimazzjoni lil dan tal-aħħar għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 150, segwita, fit-3 ta’ Frar 2015, b’ordni ta’ ħlas.

14

Il-qorti tar-rinviju tindika li, fid-data fejn hija adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma kien inħareġ ebda mandat ta’ arrest internazzjonali kontra E. Adelsmayr. Din il-qorti tistaqsi jekk l-annullament tal-konferenza inkwistjoni huwiex motivat minn raġunijiet li huma imputabbli lill-parti kkonċernata jekk il-biża’ tiegħu li jidħol fit-territorju Ġermaniż huwiex fondat.

15

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bezirksgericht Linz (qorti distrettwali ta’ Linz, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jkun stabbilixxa, fl-ordinament ġuridiku tiegħu, dispożizzjoni bħall-Artikolu 16(2) tal-kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li tipprojbixxi l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu lejn pajjiżi terzi, tali projbizzjoni hija applikabbli wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu fl-Istat Membru kkonċernat?

2)

L-Artikolu 19(2) u l-Artikolu 47 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru tal-Unjoni […] għandu jiċħad talba għal estradizzjoni li toriġina minn pajjiż terz u li tirrigwarda ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, sa fejn il-proċeduri kriminali li taw lok għat-talba għal estradizzjoni u d-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja fil-pajjiż terz la kienu kompatibbli mal-prinċipji ta’ ordni pubbliku tal-Unjoni u lanqas mal-prinċipju tad-dritt għal smigħ xieraq?

3)

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 50 tal-[Karta] jew il-prinċipju ta’ ‘ne bis in idem’ protett mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ewwel kundanna f’pajjiż terz segwita bl-għeluq tal-proċeduri minħabba nuqqas ta’ raġuni effettiva li tiġġustifika proċeduri sussegwenti fi Stat Membru tal-Unjoni […], tikkostitwixxi ostakolu għal proċeduri sussegwenti fil-pajjiż terz?

4)

Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għal waħda mill-ewwel tliet domandi, l-Artikolu 6 tal-[Karta] (‘dritt għal-libertà’) għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin tal-Unjoni lanqas ma jista’ jinżamm f’kustodja għall-finijiet tal-estradizzjoni fil-każ li t-talba għal estradizzjoni tkun toriġina minn pajjiż terz?”

Fuq id-domandi preliminari

16

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta domanda preliminari magħmula tkun identika għal domanda li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà ddeċidiet, meta r-risposta għal tali domanda tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

17

Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’din il-kawża.

18

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 19(2) u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li t-talba għal estradizzjoni li toriġina minn pajjiż terz, li tikkonċerna ċittadin tal-Unjoni li, fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tiegħu, jitlaq l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu sabiex jissoġġorna fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandha tiġi miċħuda minn dan tal-aħħar, meta dak iċ-ċittadin ikun jinsab f’riskju serju li jiġi suġġett għall-piena tal-mewt fil-każ ta’ estradizzjoni.

19

Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Karta għal kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jestradixxi ċittadin tal-Unjoni, f’sitwazzjoni fejn dan għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-Unjoni billi jiċċaqlaq mill-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin lejn Stat Membru ieħor, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 18 u 21 TFUE u għaldaqstant taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 3152).

20

Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li d-dispożizzjonijiet tagħha u, b’mod partikolari, l-Artikolu 19 tagħha huma intiżi li jiġu applikati għal tali deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 53).

21

Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma applikabbli wkoll għall-kawża preżenti, liema kawża tirrigwarda l-possibbiltà għal ċittadin Awstrijak li jmur fi Stat Membru li huwa differenti minn dak li tiegħu huwa ċittadin, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sabiex hemmhekk jagħti konferenza, u, għaldaqstant, jeżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu mingħajr ma jirriskja li jiġi estradit.

22

F’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(2) tal-Karta għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew ikun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jiġi suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.

23

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-ipoteżi fejn Stat Membru ssirlu talba minn Stat terz intiża għall-estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, dan l-ewwel Stat Membru għandu jivverifika li l-estradizzjoni ma hijiex ser tippreġudika d-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 19 tal-Karta (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 60).

24

F’dan ir-rigward, sa fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li ssirlu t-talba jkollha għad-dispożizzjoni tagħha provi li juru li hemm riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti ta’ persuni fl-Istat terz li jagħmel it-talba, hija għandha tevalwa l-eżistenza ta’ dan ir-riskju meta hija jkollha tiddeċiedi dwar l-estradizzjoni ta’ persuna lejn dak l-Istat, u dan billi tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 5859).

25

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li l-piena tal-mewt intalbet kontra E. Adelsmayr, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, waqt il-proċedimenti tiegħu fl-Emirati Għarab Magħquda. Hija żżid li l-persuna kkonċernata kienet ġiet ikkundannata, in absentia, għall-priġunerija għall-għomor, u dan biss b’mod kawtelatorju, u li l-piena tal-mewt tista’ tiġi deċiża fil-każ ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali wara l-estradizzjoni tiegħu.

26

Minn dan isegwi li E. Adelsmayr jinsab f’“riskju serju”, fis-sens tal-Artikolu 19(2) tal-Karta, li jiġi suġġett għall-piena tal-mewt, fil-każ ta’ estradizzjoni.

27

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda, sa fejn din tirrigwarda l-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandha tkun li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li t-talba għal estradizzjoni li toriġina minn pajjiż terz, li tikkonċerna ċittadin tal-Unjoni li, fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tiegħu, jitlaq l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu sabiex jissoġġorna fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandha tiġi miċħuda minn dan tal-aħħar meta dak iċ-ċittadin ikun jinsab f’riskju serju li jiġi suġġett għall-piena tal-mewt fil-każ ta’ estradizzjoni.

28

B’teħid inkunsiderazzjoni tar-risposta mogħtija lil din il-parti tat-tieni domanda, ma huwiex neċessarju li dik id-domanda tiġi eżaminata sa fejn din tikkonċerna l-Artikolu 47 tal-Karta, u lanqas l-ewwel, it-tielet u r-raba’ domandi.

Fuq l-ispejjeż

29

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li t-talba għal estradizzjoni li toriġina minn pajjiż terz, li tikkonċerna ċittadin tal-Unjoni li, fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tiegħu, jitlaq l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu sabiex jissoġġorna fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandha tiġi miċħuda minn dan tal-aħħar meta dak iċ-ċittadin ikun jinsab f’riskju serju li jiġi suġġett għall-piena tal-mewt fil-każ ta’ estradizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top