Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CO0013

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-8 ta’ Settembru 2015.
    Proċeduri kriminali kontra Cdiscount SA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 2005/29/KE – Protezzjoni tal-konsumaturi – Prattiki kummerċjali żleali – Tnaqqis fil-prezzijiet – Immarkar jew espożizzjoni tal-prezz ta’ referenza.
    Kawża C-13/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:560

    DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    8 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Direttiva 2005/29/KE — Protezzjoni tal-konsumaturi — Prattiki kummerċjali żleali — Tnaqqis fil-prezzijiet — Immarkar jew espożizzjoni tal-prezz ta’ referenza”

    Fil-Kawża C‑13/15,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Settembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Jannar 2015, fil-proċeduri kriminali kontra

    Cdiscount SA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, p. 22).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra Cdiscount SA (iktar ’il quddiem “Cdiscount”) dwar l-assenza ta’ indikazzjoni tal-prezz ta’ referenza waqt il-bejgħ bi prezzijiet imnaqqsa min-naħa ta’ Cdiscount fuq sit ta’ bejgħ bl-internet.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 6, 8 u 17 tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali jipprovdu kif ġej:

    “(6)

    Din id-Direttiva [...] għalhekk tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi. [...] Hija la tkopri u lanqas tolqot il-liġijiet nazzjonali dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li huma konnessi ma’ xi tranżazzjoni bejn kummerċjanti; b’kont sħiħ meħud tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom jibqgħu jkunu jistgħu jirregolaw prattiċi bħal dawn, b’konformità mal-liġi Komunitarja, jekk jagħżlu li jagħmlu dan. [...]

    [...]

    (8)

    Din id-Direttiva tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur. [...]

    [...]

    (17)

    Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.”

    4

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.”

    5

    L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    [...]

    d)

    ‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;

    [...]”

    6

    L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.”

    7

    Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali:

    “L-Istati Membri la għandhom irażżnu l-libertà tal-provvista tas-servizzi u lanqas għandhom irażżnu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva.”

    8

    L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva intitolat “Il-Projbizzjoni ta’ Prattiċi Kummerċjali Żleali”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

    2.   Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

    a)

    hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

    u

    b)

    toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

    [...]

    4.   B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li:

    a)

    jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

    jew

    b)

    jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

    5.   Fl-Anness I hemm lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

    9

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali jipprevedi:

    “Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha tagħrif falz u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall-verità, jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:

    [...]

    d)

    il-prezz jew il-mod kif il-prezz huwa kalkolat, jew l-eżistenza ta’ vantaġġ speċifiku fil-prezz;

    [...]”

    Id-dritt Franċiż

    10

    Skont l-Artikolu L. 113-3 tal-Kodiċi tal-Konsum, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Konsum”), “kull bejjiegħ ta’ prodott jew kull fornitur ta’ servizzi għandu, permezz ta’ immarkar, ta’ ttikkettjar, ta’ espożizzjoni jew b’kull metodu ieħor xieraq, jinforma lill-konsumatur dwar il-prezzijiet, il-limitazzjonijiet possibbli tar-responsabbiltà kuntrattwali u l-kundizzjonjiet partikolari tal-bejgħ, skont modalitajiet stabbiliti permezz ta’ digrieti tal-Ministru għall-Ekonomija”.

    11

    L-Artikolu R. 113-1 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:

    “Għandha tingħata l-piena ta’ multa prevista għall-kontravvenzjonijiet tal-Klassi 5, għall-bejgħ ta’ oġġetti jew prodotti jew għall-provvista ta’ servizzi għal prezzijiet iffissati bi ksur tad-digrieti adottati b’implementazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 86‑1243 tal-1 ta’ Diċembru 1986 riprodott fl-Artikolu L. 113-1, jew ta’ digrieti li għadhom l-istess għan adottati b’implementazzjoni tad-Digriet Nru 45-1483 tat-30 ta’ Ġunju 1945 u miżmuma fis-seħħ b’mod tranżitorju mill-Artikolu 61 tad-Digriet tal-1 ta’ Diċembru 1986 imsemmi iktar ’l isfel, li jinsab fl-Anness ta’ dan il-kodiċi.

    L-istess pieni japplikaw fil-każ ta’ ksur tad-digrieti previsti fl-Artikolu L. 113-3 li jistabbilixxu l-modalitajiet kif il-konsumatur għandu jkun informat dwar il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet partikolari tal-bejgħ kif ukoll fid-digrieti li għandhom l-istess għan adottati b’implementazzjoni tad-Digriet Nru 45-1483 tat-30 ta’ Ġunju 1945.

    Fil-każ ta’ reċidiva, il-pieni ta’ multa previsti għar-reċidiva ta’ kontravvenzjonijet tal-Klassi 5 għandhom japplikaw.”

    12

    Skont l-Artikolu 1(2) tad-Digriet tal-31 ta’ Diċembru 2008 dwar l-avviżi ta’ tnaqqis fil-prezzijiet fir-rigward tal-konsumatur (JORF tat-13 ta’ Jannar 2009, p. 689, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-31 ta’ Diċembru 2008”), adottat b’implementazzjoni tal-Artikolu L. 113-3 tal-Kodiċi tal-Konsum, meta reklami fir-rigward tal-konsumatur li jinkludi avviż ta’ tnaqqis fil-prezzijiet “isir fuq il-post tal-bejgħ jew fuq siti ta’ negozju bl-internet, l-ittikkettjar, l-immarkar u l-espożizzjoni tal-prezzijiet adottati skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ għandhom jindikaw, minbarra l-prezz imnaqqas imħabbar, il-prezz ta’ referenza ddefinit fl-Artikolu 2”.

    13

    L-Artikolu 2 tal-imsemmi digriet jipprovdi:

    “1.   Il-prezz ta’ referenza msemmi minn dan id-digriet ma jistax jeċċedi l-prezz l-iktar baxx effettivament applikat mill-persuna li tirriklama għal artiklu jew servizz simili, fl-istess stabbiliment ta’ bejgħ bl-imnut jew sit ta’ bejgħ mill-bogħod, matul l-aħħar tletin jum ta’ qabel il-bidu tar-riklami. Il-prezz ta’ referenza hekk iddefinit jista’ jinżamm fil-każ ta’ tnaqqis fil-prezzijiet imħabbar suċċessivament matul l-istess operazzjoni kummerċjali, sa xahar mill-ewwel avviż ta’ tnaqqis fil-prezzijiet, jew matul l-istess perijodu ta’ sejls jew ta’ likwidazzjoni.

    Il-persuna li tirriklama għandha tkun f’pożizzjoni li tiġġustifika, fuq it-talba tal-aġenti msemmija fl-Artikolu L. 450-1 tal-Kodiċi Kummerċjali, permezz ta’ noti ta’ kunsinna, skedi ta’ prezzijiet, ordnijiet, irċevuti jew kwalunkwe dokument ieħor tal-prezzijiet kollha li hija effettivament applikat matul dan il-perijodu.

    2.   Il-persuna li tirriklama tista’ tuża wkoll bħala prezz ta’ referenza l-prezz irrakkomandat mill-manifattur jew l-importatur tal-prodott jew il-prezz massimu li jirriżulta minn dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni ekonomika.

    F’dan il-każ hija għandha tkun ukoll f’pożizzjoni li tiġġustifika, quddiem l-aġenti msemmija fl-Artikolu L. 450-1 tal-Kodiċi Kummerċjali, ir-realtà ta’ dawn ir-referenzi u tal-fatt li dawn il-prezzijiet għandhom attwalment adottati mid-distributuri l-oħra tal-istess prodott.

    3.   Fil-każ li artiklu simili ma nbiegħx qabel fl-istess stabbiliment ta’ bejgħ bl-imnut jew fuq l-istess sit ta’ bejgħ mill-bogħod u, li dan l-artiklu ma għadx għandu prezz irrakkomandat mill-manifattur jew l-importatur, l-avviżi ta’ tnaqqis fil-prezzijiet imsemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu kkalkolati b’riferiment għall-aħħar prezz irrakkomandat, sakemm dan ma jkunx jippreċedi l-bidu tar-riklami bi tliet snin jew iktar.

    F’dan il-każ, l-avviż ta’ tnaqqis fil-prezzijiet għandu jinkludi, maġenb il-prezz ta’ referenza, il-kelmiet ‘prezz irrakkomandat’ flimkien mas-sena li magħha huwa relatat dan il-prezz.

    Fuq it-talba tal-aġenti msemmija fl-Artikolu L. 450-1 tal-Kodiċi Kummerċjali, il-persuna li tirriklama għandha tkun f’pożizzjoni li tiġġustifika r-realtà’ ta’ dan il-prezz irrakkomandat u tal-fatt li huwa ġie adottat.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    14

    Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fis-16 ta’ Ottubru 2009, il-persunal tad-Direttorat dipartimentali għall-protezzjoni tal-persuni tal-Gironde abbozza proċess verbali li jipprovdi li ġew irrilevati diversi istanzi ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Digriet tal-31 ta’ Diċembru 2008.

    15

    Fil-fatt, l-imsemmi persunal ikkonstata li Cdiscount, li topera sit ta’ bejgħ bl-internet, ma kinitx indikat, fil-kuntest tal-offerti ta’ xiri bi prezz imnaqqas, il-prezzijiet ta’ referenza qabel it-tnaqqis jew il-prezzijiet irrakkomandati mill-produttur qabel it-tnaqqis. Issa, in-nuqqas ta’ espożizzjoni jew ta’ mmarkar tal-prezz ta’ referenza fl-avviż ta’ prezzijiet imnaqqsa mill-kummerċjanti jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet u tal-Artikolu L. 113-3 tal-Kodiċi tal-Konsum, li huwa suġġett għal sanzjonijiet mid-dritt Kriminali.

    16

    Cdiscount tressqet quddiem it-tribunal de police ta’ Bordeaux li ċaħad fl-ewwel istanza l-argumenti tagħha dwar in-nuqqas ta’ konformità tad-Digriet tal-31 ta’ Diċembru 2008 mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali u ddikjarat lill-imputata ħatja tal-fatti allegati.

    17

    Cdiscount appellat minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel ta’ Bordeaux li kkonfermat din id-deċiżjoni, permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Lulju 2013, minħabba li l-immarkar jew l-espożizzjoni tal-prezz ta’ referenza ma humiex fihom infushom prattika kummerċjali iżda għandhom jinftiehmu bħala modalità ta’ implementazzjoni tal-prattika kummerċjali ta’ tħabbir ta’ tnaqqis fil-prezzijiet. Għaldaqstant, dan l-immarkar jew din l-espożizzjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

    18

    Peress li l-kundanna ta’ Cdiscount ġiet ikkonfermata fl-appell, Cdiscount ppreżentat appell ta’ kassazzjoni.

    19

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li l-projbizzjoni imposta mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni tapplika fiċ-ċirkustanzi kollha u, min-naħa l-oħra, li d-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali tistabbilixxi lista restrittiva tal-prattiki żleali fiċ-ċirkustanzi kollha u tipprevedi, fl-Artikoli 5 sa 9 tagħha li bl-eċċezzjoni ta’ dawn il-prattiki, prattika kummerċjali ma tistax titqies żleali ħlief wara evalwazzjoni ta’ kull każ individwali.

    20

    Peress li l-eżitu tal-kawża prinċipali jiddependi mill-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali l-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tad-[Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali] jipprekludu li jkun ipprojbit, fiċ-ċirkustanzi kollha, irrispettivament mill-impatt potenzjali tiegħu fuq id-deċiżjoni tal-konsumatur medju, Tnaqqis fil-prezzijiet li ma huwiex ikkalkolat skont il-prezz ta’ referenza stabbilit permezz ta’ regolament?”

    Fuq id-domanda preliminari

    21

    Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

    22

    F’din il-kawża għandu jiġi applikat dan l-artikolu.

    23

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprevedu projbizzjoni ġenerali ta’ avviżi ta’ tnaqqis fil-prezzijiet li ma jurux il-prezz ta’ referenza waqt l-immarkar jew l-espożizzjoni tal-prezzijiet.

    24

    Sabiex tagħti risposta għal din id-domanda, għandu jiġi ddeterminat, preliminarjament, jekk l-Artikoli 1(2) u 2 tad-Digriet tal-31 ta’ Diċembru 2008, applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, għandhomx għanijiet marbuta mal-protezzjoni tal-konsumaturi, b’tali mod li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali.

    25

    Fil-fatt, skont il-premessa 8 tagħha, l-imsemmija direttiva “tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur” u tiżgura, hekk kif jipprovdi b’mod partikolari l-Artikolu 1 tagħha, “livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi” (digriet INNO, C‑126/11, EU:C:2011:851, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    Min-naħa l-oħra, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali, skont il-premessa 6 tagħha, il-liġijiet nazzjonali dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara “[biss]” lill-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li huma konnessi ma’ xi tranżazzjoni bejn kummerċjanti (digriet INNO, C‑126/11, EU:C:2011:851, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ma tesprimix ruħha b’mod ċar fuq l-għanijiet tad-Digriet tal-31 ta’ Diċembru 2008.

    28

    Issa, għandu jitfakkar li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, peress li dan huwa esklużivament il-kompitu tal-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Unjoni Ewropea u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li jagħmlu parti minnu d-domandi preliminari, kif iddefinit fid-deċiżjoni tar-rinviju (digrieti Koukou, C‑519/08, EU:C:2009:269, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Wamo, C‑288/10, EU:C:2011:443, punt 27).

    29

    Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikoli 1(2) u 2 tad-Digriet tal-31 ta’ Diċembru 2008, għandhomx effettivament l-għanijiet marbuta mal-protezzjoni tal-konsumaturi sabiex jiġi vverifikat jekk tali dispożizzjonijiet jistgħux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali (digriet Wamo, C‑288/10, EU:C:2011:443, punt 28).

    30

    Fl-ipoteżi li l-qorti tar-rinviju tasal għal tali konklużjoni, ikun irid jiġi ddeterminat ukoll jekk l-avviżi ta’ tnaqqis tal-prezzijiet li ma jurux il-prezz ta’ referenza waqt l-immarkar jew l-espożizzjoni tal-prezzijiet, avviżi li huma s-suġġett tal-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxux prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali u jekk humiex, għaldaqstant, suġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti minn din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, id-digriet Wamo, C‑288/10, EU:C:2011:443, punt 29).

    31

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali jiddefinixxi, billi juża formulazzjoni partikolarment wiesgħa, il-kunċett ta’ “prattika kummerċjali” bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumatur” (digriet Wamo, C‑288/10, EU:C:2011:443, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Issa, tnaqqis fil-prezzijiet, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-għan tiegħu huwa li jinkoraġġixxi lill-konsumaturi jixtru prodotti fuq sit ta’ bejgħ bl-internet, jaqa’ b’mod ċar fil-kuntest tal-istrateġija kummerċjali ta’ operatur u jikkonċerna direttament il-promozzjoni u l-bejgħ ta’ dawn il-prodotti. Minn dan isegwi li tali tnaqqis jikkostitwixxi prattika kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali u konsegwentement jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet Wamo, C‑288/10, EU:C:2011:443, iċċitat iktar ’il fuq, punt 31).

    33

    Ladarba dan ġie stabbilit, hemm lok li jiġi vverifikat jekk id-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali tipprekludix projbizzjoni tal-avviżi ta’ tnaqqis fil-prezzijiet li ma jurux il-prezz ta’ referenza waqt l-immarkar jew l-espożizzjoni tal-prezzijiet, bħal dik prevista fl-Artikoli 1(2) u 2 tad-Digriet tal-31 ta’ Diċembru 2008.

    34

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li peress li d-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali tagħmel armonizzazzjoni kompleta tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fir-rigward tal-konsumaturi, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw, kif jipprevedi espressament l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, miżuri iktar restrittivi minn dawk iddefiniti mill-istess direttiva, u dan lanqas sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (digriet Wamo, C‑288/10, EU:C:2011:443, iċċitat iktar ’il fuq, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Imbagħad, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 5 tal-istess direttiva jistabbilixxi l-kriterji li permezz tagħhom jistgħu jiġu ddeterminati ċ-ċirkustanzi li fihom prattika kummerċjali għandha titqies li hija żleali u, għaldaqstant, ipprojbita.

    36

    Għalhekk, skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, prattika kummerċjali tkun żleali jekk tmur kontra r-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali u tbiddel jew tista’ tbiddel b’mod sostanzjali l-imġiba ekonomika tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott.

    37

    Barra minn hekk, l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali jiddefinixxi żewġ kategoriji preċiżi ta’ prattiki kummerċjali żleali, jiġifieri l‑“prattiċi li jqarrqu” u l-“prattiċi li jkunu aggressivi” li jissodisfaw il-kriterji speċifikati, minn naħa, fl‑Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, fl-Artikoli 8 u 9 tagħha rispettivament.

    38

    Fl-aħħar nett, l-istess direttiva tistabbilixxi, fl-Anness I tagħha, lista eżawrjenti ta’ 31 prattika kummerċjali li, skont l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, jitqiesu li huma żleali “f’kull ċirkostanza”. Għaldaqstant, kif tippreċiża espressament il-premessa 17 tad-direttiva msemmija, huma biss dawn il-prattiki kummerċjali li jistgħu jitqiesu li huma żleali mingħajr ma jkunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni f’kull każ individwali skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali (digriet Wamo, C‑288/10, EU:C:2011:443, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    Għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li prattiki li jikkonsistu fit-tħabbir lill-konsumaturi ta’ tnaqqis fil-prezzijiet li ma jurix il-prezz ta’ referenza waqt l-immarkar jew l-espożizzjoni tal-prezzijiet ma humiex inklużi fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali. Għaldaqstant, huma ma jistgħux ikunu pprojbiti f’kull ċirkustanza iżda jistgħu jiġu pprojbiti biss wara analiżi speċifika li tippermetti li tiġi stabbilita n-natura żleali tagħhom (ara, f’dan is-sens, id-digriet Wamo, C‑288/10, EU:C:2011:443, punt 38).

    40

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 1(2) u 2 tad-Digriet tal‑31 ta’ Diċembru 2008 jipprojbixxi b’mod ġenerali avviżi ta’ tnaqqis fil-prezzijiet li ma jurux il-prezz ta’ referenza waqt l-immarkar jew l-espożizzjoni, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat, fir-rigward tal-kuntest fattwali ta’ kull każ, jekk l-operazzjoni kummerċjali inkwistjoni hijiex ta’ natura “żleali” fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali (ara, f’dan is-sens, id-digriet Wamo, C‑288/10, EU:C:2011:443, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprevedu projbizzjoni ġenerali, mingħajr ma ssir evalwazzjoni ta’ kull każ individwali li jippermetti li tiġi stabbilita n-natura żleali, tal-avviżi ta’ tnaqqis fil-prezzijiet li ma jurux il-prezz ta’ referenza waqt l-immarkar jew l-espożizzjoni tal-prezzijiet, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet għandhom għanijiet marbuta mal-protezzjoni tal-konsumaturi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

    Fuq l-ispejjeż

    42

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprevedu projbizzjoni ġenerali, mingħajr ma ssir evalwazzjoni ta’ kull każ individwali li jippermetti li tiġi stabbilita n-natura żleali, tal-avviżi ta’ tnaqqis fil-prezzijiet li ma jurux il-prezz ta’ referenza waqt l-immarkar jew l-espożizzjoni tal-prezzijiet, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet għandhom għanijiet marbuta mal-protezzjoni tal-konsumaturi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top