Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0616

    Kawża C-616/15: Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    ĠU C 98, 14.3.2016, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.3.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 98/17


    Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    (Kawża C-616/15)

    (2016/C 098/22)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Owsiany-Hornung u B.-R. Killmann, aġenti)

    Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    Talbiet

    tikkonstata li, billi rrestrinġiet l-eżenzjoni mill-VAT tal-provvista ta’ servizzi mwettqa minn gruppi indipendenti ta’ persuni li jeżerċitaw attività li hija eżenti jew li għaliha ma humiex persuna taxxabbli, sabiex jagħtu lill-membri tagħhom is-servizzi meħtieġa direttament għall-eżerċizzju ta’ din l-attività, meta dawn il-gruppi sempliċement jitolbu mill-membri tagħhom ir-rimbors eżatt tas-sehem tagħhom tal-ispejjeż konġunti, għal gruppi li l-membri tagħhom jeżerċitaw numru ristrett ta’ professjonijiet, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva dwar il-VAT (1);

    tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin:

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrestrinġi għal ċerti gruppi professjonali speċifikati b’mod preċiż l-eżenzjoni mill-VAT għal provvisti ta’ servizzi mwettqa minn gruppi indipendenti ta’ persuni li jeżerċitaw attività li hija eżenti jew li għaliha ma humiex persuna taxxabbli, sabiex jagħtu s-servizzi meħtieġa direttament għall-eżerċizzju ta’ din l-attività. L-eżenzjoni fis-sens tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tal-VAT tapplika biss għall-gruppi li l-membri tagħhom huma jew tobba jew jeżerċitaw professjonijiet paramediċi, kif ukoll għall-isptarijiet jew għal stabbilimenti tal-istess natura.

    Dan huwa inkompatibbli mal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud. La l-kliem, la l-għan, u lanqas ix-xogħol preparatorju tal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112/KE ma jiġġustifikaw tali restrizzjoni tal-eżenzjoni mill-VAT għal ċerti gruppi professjonali. Bil-kontra, l-eżenzjoni għandha tingħata lill-gruppi ta’ kull kategorija ta’ professjoni, sakemm dawn jeżerċitaw attivitajiet li huma eżenti.

    Il-possibbiltà ta’ distorsjoni ġenerali tal-kompetizzjoni lanqas ma tista’ tiġġustifika r-restrizzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tal-VAT. Fil-fatt, il-preżenza jew l-assenza ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni tista’ titqies, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni, biss skont iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni. L-eżistenza ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ma tistax tiġi evalwata b’mod ġenerali fil-każ tas-servizzi pprovduti minn professjonijiet speċifiċi u tas-servizzi ta’ grupp li huma marbuta direttament magħhom.


    (1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).


    Top