Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0678

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-14 ta’ Ġunju 2017.
    Mohammad Zadeh Khorassani vs Kathrin Pflanz.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/39/KE – Swieq ta’ strumenti finanzjarji – Artikolu 4(1)(2) – Kunċett ta’ ‘servizzi ta’ investiment’ – Punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I – Riċeviment u trażmissjoni ta’ ordnijiet li jirrigwardaw strument finanzjarju wieħed jew iktar – Inklużjoni eventwali tal-intermedjazzjoni fid-dawl tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ ġestjoni ta’ portafoll.
    Kawża C-678/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:451

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

    14 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2004/39/KE — Swieq ta’ strumenti finanzjarji — Artikolu 4(1)(2) — Kunċett ta’ ‘servizzi ta’ investiment’ — Punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I — Riċeviment u trażmissjoni ta’ ordnijiet li jirrigwardaw strument finanzjarju wieħed jew iktar — Inklużjoni eventwali tal-intermedjazzjoni fid-dawl tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ ġestjoni ta’ portafoll”

    Fil-Kawża C‑678/15,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura

    Mohammad Zadeh Khorassani

    vs

    Kathrin Pflanz,

    IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),

    komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda (Relatur), K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Novembru 2016,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u J. Dias Lopes kif ukoll minn M. Rebelo, bħala aġenti,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn D. Robertson u M. Holt kif ukoll minn V. Kaye, bħala aġenti, assistiti minn B. Kennelly, QC, u minn M. Gray, barrister,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn K.-P. Wojcik u I. Rogalski, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Frar 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(2) kif ukoll tal-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Mohammad Zadeh Khorassani u Kathrin Pflanz rigward l-intermedjazzjoni, minn din tal-aħħar, ta’ kuntratt ta’ ġestjoni tal-patrimonju konkluż bejn M. Z. Khorassani u terzi.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2004/39

    3

    Il-premessi 2, 20 u 31 tad-Direttiva 2004/39 jipprovdu:

    “(2)

    Dawn l-aħħar snin iktar investituri saru attivi fis-swieq finanzjarji u qegħdin jiġu offruti sett saħansitra iktar kumpless u mifrux fil-wisa’ rigward servizzi u strumenti. Bil-ħsieb ta’ dawn l-iżviluppi, il-qafas legali tal-Komunità għandu jiġbor il-firxa sħiħa ta’ l-attivitajiet orjentati lejn l-investitur. Għal dan il-fini, huwa meħtieġ li jiġi pprovvdut il-grad ta’ armonizzazzjoni meħtieġ sabiex joffri lill-investituri livell għoli ta’ protezzjoni u sabiex id-ditti ta’ l-nvestiment jitħallew jipprovdu servizzi ġewwa l-Komunità kollha, ġaladarba hi Suq Waħdieni, fuq il-bażi tas-sorveljanza tal-pajjiż tal-post. Bil-ħsieb ta’ hawn fuq, id-Direttiva 93/22/KEE [tal-Kunsill, tal-10 ta’ Mejju 1993, dwar servizzi ta’ investiment fil-qasam ta’ titoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 43),] għandha tiġi mibdula b’Direttiva ġdida.

    […]

    (20)

    Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-kummerċ tar-riċeviment u t-trasmissjoni ta’ l-ordnijiet għandu jinkludi wkoll li jinġiebu flimkien żewġ investituri jew iktar biex b’hekk tinġieb transazzjoni bejn dawn l-investituri.

    […]

    (31)

    Wieħed mill-għanijiet ta’ din id-Direttiva huwa li jipproteġi lill-investituri. […]”

    4

    Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2004/39:

    “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għad-ditti ta’ l-investiment u s-swieq irregolati.”

    5

    L‑Artikolu 4(1)(1), (2), (4), (5), (9) u (16) ta’ din id-direttiva jipprovdu:

    “ 1.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id- definizzjonijiet li ġejjin:

    1)

    ‘Ditta ta’ investiment’ tfisser kull persuna legali li x-xogħol jew kummerċ regolari tagħha huma l-provvediment ta’ servizz jew iktar ta’ investiment lil partijiet terzi u/jew it-twettiq ta’ attività jew iktar ta’ investiment fuq bażi professjonali;

    […]

    2)

    ‘Servizzi u attivitajiet ta’ investiment’ ifissru kull waħda mis-servizzi u l-attivitjiet elenkati fit-Taqsima A ta’ l-Anness I li għandhom x’jaqsmu ma’ kull wieħed mill-istrumenti elenkati fit-Taqsima Ċ ta’ l-Anness I;

    […]

    4)

    ‘Parir/i dwar l-investiment/i’ ifissru l-provvediment ta’ rakkommandazzjonijiet personali lill-klijent, jew fuq it-talba tiegħu jew fuq l-inizjattiva tad-ditta ta’ l-investiment, rigward transazzjoni jew iktar li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-istrumenti finanzjarji;

    5)

    ‘It-twettiq ta’ l-ordnijiet f’isem il-klijenti’ ifisser ħidma sabiex jiġu konklużi ftehimijiet għax-xiri jew għall-bejgħ ta’ strument finanzjarju jew iktar f’isem klijenti;

    […]

    9)

    ‘Il-ġestjoni tal-portafoll’ tfisser il-maniġġjar tal-portafolli skond il-mandati mogħtija mill-klijenti fuq bażi diskrezzjonali, klijent bi klijent, meta dawn il-portafolli jinkludu strument finanzjarju jew iktar;

    […]

    16)

    ‘Ordni tal-limitu’ ifisser ordni sabiex jinxtara jew jinbigħ strument finanzjarju fil-limitu speċifikat tal-prezz tiegħu jew aħjar jew għal daqs speċifikat”.

    6

    L‑Artikolu 21 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-Obbligu li jitwettqu l-ordnijiet fuq l-iktar termini favorevoli għall-klijent”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi d-ditti ta’ l-investiment jieħdu l-passi raġjonevoli kollha sabiex, meta jwettqu l-ordnijiet, jiksbu l-aħjar riżultat posibbli għall-klijenti tagħhom, wara li jqisu l-prezz, l-ispejjeż, il-ħeffa, il-probabbiltà tat-twettiq u tas-soluzzjoni tal-kontroversji, id-daqs, in-natura u kull konsiderazzjoni oħra għat-twettiq ta’ l-ordni. Madankollu, kulmeta jkun hemm istruzzjoni speċifika mill-klijent, id-ditta ta’ l-investiment għandha twettaq l-ordni wara struzzjoni speċifika.

    2.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lid-ditti ta’ l-investiment li jistabbilixxu u jimplimentaw arranġamenti effettivi sabiex jikkonformaw mal-paragrafu 1. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti ta’ l-investiment jistabbilixxu u jimplimentaw politika tat-twettiq ta’ l-ordnijiet sabiex jippermetulhom li jiksbu, rigward l-ordnijiet tal-klijenti tagħhom, l-aħjar riżultat possibbli skond il-paragrafu 1.

    3.   Il-politika tat-twettiq ta’ l-ordni għandha tinkludi, rigward kull klassi ta’ l-istrumenti, tagħrif dwar il-postijiet differenti tal-laqgħat meta ditta ta’ l-investiment twettaq l-ordnijiet tal-klijenti tagħha u l-fatturi li jaffettwaw il-għażla tal-post tal-laqgħat tat-twettiq. […]”

    7

    It-Taqsima A tal-Anness I tal-istess direttiva ssemmi, inkwantu servizzi u attivitajiet ta’ investiment:

    “1.

    Ir-riċeviment u t-trasmissjoni ta’ l-ordnijiet f’relazzjoni ma’ strument finanzjarju jew iktar.

    2.

    It-twettiq ta’ l-ordnijiet f’isem il-klijenti.

    3.

    Il-kummerċ akkont tiegħu inifsu.

    4.

    Il-ġestjoni tal-portafoll.

    5.

    Il-pariri dwar l-investiment.

    6.

    Is-sottoskrizzjoni ta’ l-istrumenti finanzjarji u/jew it-tqegħid ta’ l-istrumenti finanzjarji fuq bażi sod ta’ impenn.

    7.

    It-tqegħid ta’ l-istrumenti finanzjarji mingħajr bażi sod ta’ impenn.

    8.

    Il-ħidma tal-Faċilitajiet tal-kummerċ Multilaterali (MTF).”

    Id-Direttiva 2006/73/KE

    8

    Skont il-premessa 81 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/73/KE, tal-10 ta’ Awwissu 2006, li timplimenta d-Direttiva 2004/39/KE rigward ir-rekwiżiti organizzattivi u l-kundizzjonijiet ta’ ħidma tal-kumpaniji tal-investiment u t-termini definiti għall-għanjiet ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 338M, p. 463):

    “Konsulenza ġenerika dwar tip ta’ strument finanzjarju mhijiex konsulenza dwar l-investiment għall-finijiet tad-Direttiva 2004/39/KE, minħabba li din id-Direttiva tispeċifika li, għall-finijiet tad-Direttiva 2004/39/KE, konsulenza dwar l-investiment hija ristretta għal konsulenza dwar strumenti finanzjarji partikolari. […]”

    9

    L‑Artikolu 52 tad-Direttiva 2006/73, intitolat “Il-konsulenza dwar l-investiment” jipprovdi, fit-tieni paragrafu tiegħu, li rakkomandazzjoni personali, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(4) tad-Direttiva 2004/39, għandha tikkostitwixxi rakkomandazzjoni biex jittieħdu l-passi li ġejjin:

    “a)

    ix-xiri, il-bejgħ, l-abbonament, l-iskambju, ir-rimbors, iż-żamma jew is-sottoskrizzjoni ta’strument finanzjarju partikolari;

    b)

    l-eżerċizzju jew in-nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ xi dritt mogħti minn strument finanzjarju partikolari għal xiri, bejgħ, abbonament, skambju, jew rimbors ta’ strument finanzjarju.”

    Id-dritt Ġermaniż

    10

    Skont l-Artikolu 823(2) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (kodiċi ċivili), l-obbligu li tiġi kkumpensata l-ħsara kkawżata jaqa’ fuq persuna li tikser dispożizzjoni intiża sabiex tipproteġi persuna oħra.

    11

    L‑Artikolu 1 tal-Kreditwesengesetz (liġi dwar is-settur tal-kreditu), tad-9 ta’ Settembru 1998 (BGBl. 1998 I, p. 2776), kif emendata bil-liġi tas-16 ta’ Lulju 2007 (BGBl. 2007 I, p. 1330) (iktar ’il quddiem il-“KWG”), jipprovdi, fil-paragrafu 1a tiegħu:

    “ […] Is-servizzi finanzjarji huma:

    1.

    l-intermedjazzjoni fix-xiri u l-bejgħ ta’ strumenti finanzjarji (intermedjazzjoni fil-qasam tal-investiment),

    1a.

    parir personali lill-klijenti jew lir-rappreżentanti tagħhom, rigward tranżazzjonijiet ta’ strumenti finanzjarji speċifiċi, sakemm ir-rakkomandazzjonijiet ikunu jieħdu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni personali tal-investitur jew jitqiesu bħala adattati għalih u ma jingħatawx biss permezz ta’ mezzi ta’ informazzjoni jew ikunu diretti lejn il-pubbliku ġenerali (parir dwar investiment) […]”

    12

    L-Artikolu 32(1) tal-KWG jipprovdi:

    “Kull min jixtieq […] jipprovdi servizzi finanzjarji fit-territorju nazzjonali ta’ natura professjonali jew f’volum li jeħtieġ stabbiliment kummerċjali […] għandu jikseb l-awtorizzazzjoni bil-miktub mill-Bundesanstalt [für Finanzdienstleistungsaufsicht (awtorità federali ta’ sorveljanza tas-servizzi finanzjarji, il‑Ġermanja)] […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    13

    Fix-xahar ta’ Novembru 2007, K. Pflanz, li ma għandhiex awtorizzazzjoni sabiex tipprovdi servizzi finanzjarji skont l-Artikolu 32(1) tal-KWG, irrakkomandat lil M. Z. Khorassani investiment imsejjaħ “Grand-Slam”. F’dan il-kuntest, hija wasslitu sabiex jikkonkludi kuntratt ta’ servizzi ma’ GSS AG kif ukoll kuntratt ta’ ġestjoni tal-patrimonju ma’ D. AG, fejn dawn iż-żewġ kumpanniji huma stabbiliti fil-Liechtenstein. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan l-aħħar kuntratt jipprevedi l-akkwist u l-bejgħ kif ukoll il-ġestjoni ta’ strumenti finanzjarji, fis-sens ta’ attività ta’ ġestjoni ta’ portafoll finanzjarju.

    14

    M. Z. Khorassani impenja ruħu li jwettaq ħlas uniku ta’ EUR 20000 u ħlasijiet kull xahar ta’ EUR 1000, miżjuda, għal kull wieħed minnhom, b’5 % bħala primjum azzjonanrju. Fix-xahar ta’ Diċembru 2007, il-persuna kkonċernata ħallset total ta’ EUR 27000, li minnhom tnaqqsu EUR 19731.60 bħala ħlas ta’ amministrazzjoni bil-quddiem u EUR 1285.71, bħala primjum azzjonarju. Sussegwentement, M. Z. Khorassani rrevoka dawn il-kuntratti u talab ir-rimbors tal-ammont imħallas kif ukoll danni.

    15

    Il-Landgericht Berlin (qorti reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra l-kumpanniji stabbiliti fil-Liechtenstein bħala inammissibbli, minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, u ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra K. Pflanz bħala infondat.

    16

    Billi bbenefika minn rimbors ta’ EUR 6803.03, M. Z. Khorassani ppreżenta l-appell tiegħu quddiem il-Kammergericht Berlin (qorti reġjonali superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja) li kien intiż sabiex jikseb il-bqija tal-ammont mitlub. Din il-qorti kkunsidrat li K. Pflanz ma kinitx ipprovdiet servizzi finanzjarji, fis-sens tal-punti 1 u 1a tat-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1a) tal-KWG, suġġetti għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 32(1) tal-KWG, peress li kemm il-pariri dwar l-investiment kif ukoll l-intermedjazzjoni fil-qasam tal-investiment imwettqa minnha kienu jirrigwardaw mhux tranżazzjoni relatata mal-akkwist u mal-bejgħ ta’ strumenti finanzjarji, iżda kienu jirrigwardaw kuntratt ta’ ġestjoni tal-patrimonju, li, filwaqt li huwa intiż sabiex iservi ulterjorment għall-akkwist u għall-bejgħ ta’ strumenti finanzjarji konkreti, minnu nnifsu ma kienx jikkostitwixxi strument finanzjarju. Għalhekk, din il-qorti ddeċidiet li M. Z. Khorassani ma kellux dritt għad-danni skont dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 823(2) tal-kodiċi ċivili u tal-Artikolu 32(1) tal-KWG.

    17

    Adita b’appell fuq punt ta’ liġi, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja), ikkunsidrat li l-Kammergericht Berlin (qorti reġjonali superjuri ta’ Berlin) korrettament iddeċidiet li K. Pflanz ma kinitx ipprovdiet lil M. Z. Khorassanni pariri dwar l-investiment, fis-sens tal-punt 1a tat-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1a) tal-KWG, peress li din id-dispożizzjoni tikkonċerna, skont l-Artikolu 4(1)(4) tad-Direttiva 2004/39, moqri flimkien mal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2006/73, il-provvista ta’ rakkomandazzjonijiet personali li jirrigwardaw strumenti finanzjarji partikolari u mhux attività ta’ ġestjoni ta’ portafoll. Konsegwentement, K. Pflanz ma kisritx l-Artikolu 32(1) tal-KWG f’dan ir-rigward.

    18

    Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni jekk, billi wasslet lil M. Z. Khorassani jikkonkludi kuntratt ta’ ġestjoni ta’ patrimonju, K. Pflanz kienet ipprovdietlu servizz ta’ intermedjazzjoni fil-qasam tal-investiment, fis-sens tal-punt 1 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1a) tal-KWG, tiddependi mill-interpretazzjoni li għandha ssir tal-Artikolu 4(1)(2) u tal-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39.

    19

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li l-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, jiġifieri “Annahme und Übermittlung von Aufträgen, die ein oder mehrere Finanzinstrument(e) zum Gegenstand haben” (riċeviment u trażmissjoni ta’ ordinijiet li għandhom bħala suġġett strument finanzjarju wieħed jew iktar) tista’ tissuġġerixxi li hija biss l-intermedjazzjoni ta’ kuntratti li jirrigwardaw ix-xiri jew il-bejgħ ta’ strument finanzjarju konkret li hija koperta. Min-naħa l-oħra, il-verżjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni fil-lingwa Spanjola (“en relación con”), Ingliża (“in relation to”) u Franċiża (“portant sur”) jistgħu jwasslu għal interpretazzjoni wiesgħa ta’ din id-dispożizzjoni, li skont din rabta indiretta biss hija neċessarja bejn it-tranżazzjoni nnegozjata u x-xiri jew il-bejgħ ta’ strument finanzjarju.

    20

    Fir-rigward tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2004/39, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-preċiżazzjonijiet miġjuba għall-kunċett ta’ “konsulenza dwar l-investiment” [pariri dwar l-investment] fil-premessa 81 u fl-Artikolu 52 tad-Direttiva 2006/73 jistgħu jikkorroboraw l-interpretazzjoni restrittiva msemmija iktar ’il fuq, sa fejn, skont dawn il-preċiżazzjonijiet, pariri dwar l-investment għandhom jirrigwardaw strumenti finanzjarji partikolari, fejn dan jista’ jkun ibbażat fuq raġunament legali ġenerali li huwa applikabbli wkoll għall-attività ta’ intermedjazzjoni fil-qasam tal-investiment.

    21

    Din il-qorti tqis li l-iskop tad-Direttiva 2004/39, li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-investituri, jista’ ma jeħtieġx l-inklużjoni, fis-servizz imsemmi fil-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I ta’ din id-direttiva, tal-intermedjazzjoni ta’ kuntratt ta’ ġestjoni ta’ portafoll, peress li l-amministraturi ta’ portafolli huma stess huma suġġetti għall-istipulazzjonijiet ta’ din id-direttiva. Madankollu, lakuna fil-protezzjoni tal-investituri tista’ teżisti meta kuntratt huwa konkluż ma’ amministratur ta’ portafoll stabbilit fi Stat terz.

    22

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Ir-riċeviment u t-trażmissjoni ta’ ordni li għandha bħala suġġett attività ta’ ġestjoni tal-portafoll (Artikolu 4(1)(9) tad-Direttiva [2004/39]) huma servizzi ta’ investiment fis-sens tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1)(2) u tal-Anness I, Taqsima A, punt 1 [ta’ din id-direttiva]?”

    Fuq id-domanda preliminari

    23

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 4(1)(2) tad-Direttiva 2004/39, moqri flimkien mal-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li s-servizz ta’ investiment li jikkonsisti fir-riċeviment u fit-trażmissjoni ta’ ordnijiet li jirrigwardaw strument finanzjarju wieħed jew iktar jinkludi l-intermedjazzjoni fid-dawl tal-konklużjoni ta’ kuntratt li għandu bħala suġġett attività ta’ ġestjoni ta’ portafoll.

    24

    L‑Artikolu 4(1)(2) tad-Direttiva 2004/39 jiddefinixxi s-servizzi u l-attivitajiet ta’ investiment bħala kull wieħed mis-servizzi u mill-attivitajiet elenkati fit-Taqsima A tal-Anness I ta’ din id-direttiva u li jirrigwardaw kull strument finanzjarju msemmi fit-Taqsima Ċ ta’ dan l-anness.

    25

    Fost is-servizzi u l-attivitajiet ta’ investiment elenkati f’din it-Taqsima A hemm, fil-punt 1 tagħha, dak li jikkonsisti fir-riċeviment u fit-trażmissjoni ta’ ordnijiet li jirrigwardaw strument finanzjarju wieħed jew iktar.

    26

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hemm lok għalhekk li din l-aħħar dispożizzjoni tiġi interpretata, billi tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest u l-għanijiet tagħha li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 31).

    27

    Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39, għalkemm il-qorti tar-rinviju tikkonstata ċerta diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-espressjoni “f’relazzjoni ma’” li, skont il-każ, tista’ tissuġġerixxi rabta bejn wieħed u ieħor diretta bejn l-ordnijiet u l-istrument finanzjarju wieħed jew iktar imsemmija f’din id-dispożizzjoni, madankollu hemm lok li jiġi rrilevat li l-espressjoni “ordni”, li r-riċeviment u t-trażmissjoni tagħha jikkostitwixxu s-servizz jew l-attività ta’ investiment li huma s-suġġett ta’ din id-dispożizzjoni, tibqa’ l-istess fil-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-direttiva ċċitati minn din il-qorti, jiġifieri dawk fil-lingwa Spanjola, Ġermaniża, Ingliża u Franċiża.

    28

    Issa, anki jekk din l-espressjoni ma hijiex iddefinita inkwantu tali fid-Direttiva 2004/39, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem “f’relazzjoni ma’ strument finanzjarju jew iktar” sempliċement jippreċiżaw it-tip ta’ ordni inkwistjoni, jiġifieri l-ordnijiet jirreferu għax-xiri jew għall-bejgħ ta’ tali strumenti finanzjarji.

    29

    Din l-interpretazzjoni tal-espressjoni “ordni” hija kkonfermata mill-kuntest li tagħmel parti minnu. Iktar partikolarment, din għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-punt 2 tat-Taqsima A tal-Anness I ta’ din id-direttiva, li jsemmi s-servizz ta’ investiment li jikkonsisti fit-“[t]wettiq ta’ l-ordnijiet f’isem il-klijenti”.

    30

    Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, teżisti rabta mill-qrib bejn is-servizz ta’ investiment imsemmi fil-punt 1 tat-Taqsima A ta’ dan l-Anness I, jiġifieri r-riċeviment u t-trażmissjoni ta’ ordnijiet, u dak imsemmi fil-punt 2 ta’ din it-taqsima, jiġifieri t-twettiq tal-ordnijiet, billi l-ewwel wieħed huwa pprovdut qabel it-tieni u bħala prinċipju jwassal għall-provvista ta’ dan tal-aħħar, kemm jekk mill-istess impriża ta’ investiment jew minn impriża ta’ investiment oħra.

    31

    Issa, is-servizz ta’ investiment imsemmi fil-punt 2 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39, li jikkonsisti fit-“twettiq ta’ l-ordnijiet f’isem il-klijenti” huwa ddefinit fl-Artikolu 4(1)(5) ta’ din id-direttiva, bħala “ħidma sabiex jiġu konklużi ftehimijiet għax-xiri jew għall-bejgħ ta’ strument finanzjarju jew iktar f’isem klijenti”.

    32

    Isegwi li l-ordnijiet li huma s-suġġett tas-servizz ta’ investiment imsemmi fil-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I ta’ din id-direttiva huma ordnijiet ta’ xiri jew ta’ bejgħ ta’ strument finanzjarju wieħed jew iktar.

    33

    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata minn dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2004/39. F’dan ir-rigward, “[o]rdni tal-limitu” hija ddefinita fl-Artikolu 4(1)(16) tagħha bħala “ordni sabiex jinxtara jew jinbigħ strument finanzjarju fil-limitu speċifikat tal-prezz tiegħu jew aħjar jew għal daqs speċifikat”.

    34

    Minbarra dan, l-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva jikkonċerna, konformement mat-titolu tiegħu, l-obbligu li jitwettqu l-ordnijiet bil-kundizzjonijiet l-iktar favorevoli għall-klijent, li jinkludi, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-aħħar artikolu, il-kisba tal-aħjar riżultat possibbli għal dan il-klijent b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-prezz, tal-ispejjeż, tal-ħeffa kif ukoll tal-probabbiltà tat-twettiq u tas-soluzzjoni tal-kontroversji. Skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri jeħtieġu b’mod partikolari minn impriżi ta’ investiment li huma jistabbilixxu u jimplementaw politika tat-twettiq tal-ordnijiet, li tinkludi, f’dak li jikkonċerna kull kategorija ta’ strumenti, informazzjoni dwar is-sistemi differenti li fihom l-impriża ta’ investiment twettaq l-ordnijiet tal-klijenti tagħha u l-fatturi li jinfluwenzaw l-għażla tas-sistema ta’ twettiq.

    35

    Konsegwentement, mill-espressjonijiet tal-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39, interpretati fid-dawl tal-kuntest li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minnu, jirriżulta li s-servizz imsemmi fiha ma jkoprix l-intermedjazzjoni fid-dawl tal-konklużjoni ta’ kuntratt li għandu bħala suġġett attività ta’ ġestjoni ta’ portafoll. Fil-fatt, anki jekk il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt tagħi lok, fi stadju sussegwenti, għar-riċeviment u għat-trażmissjoni ta’ ordnijiet ta’ xiri jew ta’ bejgħ ta’ strumenti finanzjarji mill-amministratur tal-portafoll fil-kuntest tal-attivita ta’ ġestjoni tiegħu, dan il-kuntratt, minnu nnifsu, ma għandux bħala suġġett tali riċeviment jew trażmissjoni ta’ ordnijiet.

    36

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt, invokat mill-Gvern tar-Renju Unit, li l-premessa 20 tad-Direttiva 2004/39 tistabbilixxi li, għall-finijiet tagħha, il-kummerċ tar-riċeviment u tat-trażmissjoni tal-ordnijiet għandu jinkludi wkoll li jinġiebu flimkien żewġ investituri jew iktar biex b’hekk tinġieb tranżazzjoni bejn dawn l-investituri.

    37

    Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-premessa tirreferi għal li żewġ investituri jew iktar jinġiebu flimkien unikament fil-kuntest tar-riċeviment u tat-trażmissjoni ta’ ordnijiet. Għalhekk din il-premessa tkopri l-ipoteżijiet sabiex jinġiebu flimkien li għandhom bħala għan it-twettiq ta’ tranżazzjonijiet li jirrigwardaw strument finanzjarju wieħed jew iktar, li jeskludi l-intermedjazzjoni fid-dawl tal-konklużjoni ta’ kuntratt li għandu bħala suġġett attività ta’ ġestjoni ta’ portafoll.

    38

    Il‑Gvern Ġermaniż u l-Gvern tar-Renju Unit jirrilevaw ukoll li s-servizz ta’ “[p]arir/i dwar l-investiment/i”, iddefinit fl-Artikolu 4(1)(4) tad-Direttiva 2004/39 u elenkat fil-punt 5 tat-Taqsima A tal-Anness I tagħha jikkonsisti, skont l-Artikolu 52 tad-Direttiva 2006/73, sabiex jirrakkomanda t-twettiq ta’ tranżazzjoni li tirrigwarda strument finanzjarju partikolari. Dawn jiddeduċu minn dan li l-assenza ta’ riferiment għal strument finanzjarju “partikolari” fil-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39 tindika li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex limitat għar-riċeviment u għat-trażmissjoni ta’ ordinjiet li jirrigwardaw direttament strument finanzjarju partikolari.

    39

    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

    40

    Fil-fatt, is-servizz ta’ pariri dwar l-investiment jikkonsisti, skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(1)(4) tad-Direttiva 2004/39, fil-provvista ta’ rakkomandazzjonijiet personali lil klijent f’dak li jikkonċerna tranżazzjonijiet li jirrigwardaw strumenti finanzjarji. Il‑premessa 81 tad-Direttiva 2006/73 tipprovdi li l-konsulenza ġenerika dwar tip ta’ strument finanzjarju ma hijiex konsulenza dwar l-investiment fis-sens tad-Direttiva 2004/39, li għandha tiġi ristretta għal konsulenza dwar strumenti finanzjarji partikolari, u din il-preċiżazzjoni hija implementata fl-Artikolu 52 tad-Direttiva 2006/73. Issa, la din il-premessa u lanqas dan l-artikolu ma jistgħu jkollhom kwalunkwe effett fuq il-portata tas-servizz ta’ investiment imsemmi fil-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39.

    41

    L‑iskop tad-Direttiva 2004/39 ma jimponix interpretazzjoni differenti ta’ din id-dispożizzjoni. Ċertament, mill-premessi 2 u 31 ta’ din id-direttiva jirriżulta li wieħed mill-għanijiet tagħha huwa li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-investituri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Genil 48 u Comercial Hostelera de Grandes Vinos, C‑604/11, EU:C:2013:344, punt 39).

    42

    Madankollu, dan l-għan ma jistax, waħdu, jiġġustifika aċċettazzjoni partikolarment wiesgħa tas-servizz ta’ investiment imsemmi fil-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39, li jinkludi l-intermedjazzjoni fid-dawl tal-konklużjoni ta’ kuntratt li għandu bħala suġġett attività ta’ ġestjoni ta’ portafoll.

    43

    Fil-fatt, aċċettazzjoni paralleli tmur kontra l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tirriżulta, b’mod partikolari, mill-kuntest li din tagħmel parti minnu.

    44

    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li d-domanda magħmula tiġi risposta li l-Artikolu 4(1)(2) tad-Direttiva 2004/39, moqri flimkien mal-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizz ta’ investiment li jikkonsisti fir-riċeviment u fit-trażmissjoni ta’ ordnijiet li jirrigwardaw strument finanzjarju wieħed jew iktar ma jinkludix l-intermedjazzjoni fid-dawl tal-konklużjoni ta’ kuntratt li għandu bħala suġġett attività ta’ ġestjoni ta’ portafoll.

    Fuq l-ispejjeż

    45

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L‑Artikolu 4(1)(2) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, moqri flimkien mal-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizz ta’ investiment li jikkonsisti fir-riċeviment u fit-trażmissjoni ta’ ordnijiet li jirrigwardaw strument finanzjarju wieħed jew iktar ma jinkludix l-intermedjazzjoni fid-dawl tal-konklużjoni ta’ kuntratt li għandu bħala suġġett attività ta’ ġestjoni ta’ portafoll.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top