EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0673

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Settembru 2017.
The Tea Board vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).
Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru°207/2009 – Artikolu 8(1)(b) – Trade marks verbali u figurattivi li jinkludu l-element verbali ‘darjeeling’ jew ‘darjeeling collection de lingerie’ – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea – Trade marks kollettivi kkostitwiti mill-indikazzjoni ġeografika ‘Darjeeling’ – Artikolu 66(2) – Funzjoni essenzjali – Kunflitt ma’ applikazzjonijiet għal trade marks individwali – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Kunċett – Xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Artikolu 8(5).
Kawżi magħquda C-673/15 P sa C-676/15 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:702

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

20 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru°207/2009 – Artikolu 8(1)(b) – Trade marks verbali u figurattivi li jinkludu l-element verbali ‘darjeeling’ jew ‘darjeeling collection de lingerie’ – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea – Trade marks kollettivi kkostitwiti mill-indikazzjoni ġeografika ‘Darjeeling’ – Artikolu 66(2) – Funzjoni essenzjali – Kunflitt ma’ applikazzjonijiet għal trade marks individwali – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Kunċett – Xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Artikolu 8(5)”

Fil-Kawżi magħquda C‑673/15 P sa C‑676/15 P,

li għandhom bħala suġġett erba’ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fil-15 ta’ Diċembru 2015,

The Tea Board, stabbilita f’Calcutta (l-Indja), irrappreżentata minn M. Maier u A. Nordemann, Rechtsanwälte,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

Delta Lingerie, stabbilita f’Cachan (Franza), irrappreżentata minn G. Marchais u P. Martini-Berthon, avocats,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Jannar 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bl-appelli tagħha, The Tea Board titlob l-annullament tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta’ Ottubru 2015, The Tea Board vs UASI – Delta Lingerie (Darjeeling) (T‑624/13, EU:T:2015:743), tat-2 ta’ Ottubru 2015, The Tea Board vs UASI – Delta Lingerie (Darjeeling collection de lingerie) (T‑625/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:742), tat-2 ta’ Ottubru 2015, The Tea Board vs UASI – Delta Lingerie (DARJEELING collection de lingerie) (T‑626/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:741), u tat-2 ta’ Ottubru 2015, The Tea Board vs UASI – Delta Lingerie (Darjeeling) (T‑627/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:740) (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sentenzi appellati”), sa fejn, permezz ta’ dawn, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikorsi tagħha intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal-11 u tas-17 ta’ Settembru 2013 (Każijiet R 1387/2012‑2, R 1501/2012‑2, R 1502/2012‑2 u R 1504/2012‑2, iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”), rigward proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn The Tea Board u Delta Lingerie.

2

Bl-appell inċidentali tagħha, Delta Lingerie titlob l-annullament tas-sentenzi appellati sa fejn, permezz tagħhom, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjonijiet kontenzjużi.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 22 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirrigwardaw il-kummerċ (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim TRIPs”), li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), intitolat “Il-Protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi”, jipprevedi, fil-paragrafu 2(a) tiegħu:

“2.   Dwar l-indikaturi ġeografiċi, il-Membri għandhom jipprovdu mezzi legali sabiex il-partijiet interessati jipprevenu:

a)

l-użu ta’ kwalunkwe mezz fid-deskrizzjoni jew preżentazzjoni ta’ l-oġġetti li jindika jew jissuġġerixxi li l-oġġett msemmi ġej minn żona ġeografika li mhuwiex il-post ta’ l-oriġini ta’ veru b’mod li jista’ jqarraq il-ħsieb tal-pubbliku dwar l-oriġini ġeografika ta’ l-oġġett;

[…]”

4

L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1) jipprevedi:

“Trade mark Komunitarja tista’ tikkonsisti f’sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinnji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra.”

5

L-Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

c)

trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”.

6

L-Artikolu 8(1) u (5) tal-istess regolament jipprevedi:

“1.   Jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

[…]

b)

jekk, minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trademarks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trademarks teżisti probabiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trademark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trademark preċedenti.

[…]

5.   Barra minn hekk, malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skont it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trade mark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] preċedenti it-trade mark għandha reputazzjoni [fl-Unjoni Ewropea] u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.”

7

L-Artikolu 66 tal-istess regolament, intitolat “Il-marki kollettivi [tal-Unjoni Ewropea]”, jipprevedi:

“1.   Marka [tal-Unjoni Ewropea] kollettiva hija trade mark [tal-Unjoni Ewropea] li hija hekk msejħa meta ssir l-applikazzjoni u li hija kapaċi tiddistingwi l-prodotti jew servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja ta’ dik il-marka minn dawk ta’ impriżi oħrajn. Assoċjazzjonijiet ta’ fabbrikanti, produtturi, fornituri ta’ servizzi, jew negozjanti, skont il-liġi li tirregolahom, għandhom il-kapaċità li f’isimhom stess ikollhom drittijiet u obbligi ta’ kull xorta, li jidħlu f’kuntratti jew li jwettqu atti ġuridiċi oħra u li jfittxu u li jiġu mfittxa, kif ukoll persuni ġuridiċi regolati mil-liġi pubblika, jistgħu japplikaw għal marki kollettivi [tal-Unjoni Ewropea].

2.   B’deroga mill-Artikolu 7(1)(c), sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew servizzi jistgħu jikkostitwixxu marki [tal-Unjoni Ewropea] kollettivi skont it-tifsira tal-paragrafu 1. Marka kollettiva ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jistabbilixxi lil terza persuna milli tuża fil-kummerċ dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet, sakemm huwa jużahom skont il-prattika onesta fl-oqsma tal-industrija u tal-kummerċ; b’mod partikolari, din il-marka ma tistax tiġi invokata kontra terza persuna li hija intitolata li tuża isem ġeografiku.

3.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw għal marki kolletivi Komunitarji, sakemm l-Artikoli 67 sa 74 ma jipprovdux mod ieħor.”

8

L-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Ir-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Ir-regolamenti li jirregolaw l-użu għandhom jispeċifikaw il-persuni awtorizzati biex jużaw il-marka, il-kundizzjonijiet għal adeżjoni fl-assoċjazzjoni u, fejn dawn jeżistu, il-kondizzjonijiet għall-użu tal-marka inklużi sanzjonijiet. Ir-regolamenti li jirregolaw l-użu ta’ marka msemmija fl-Artikolu 66(2) għandhom jawtorizzaw lil kull persuna li l-prodotti jew servizzi tagħha joriġinaw miz-zona ġeografika in kwistjoni sabiex din issir membru tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja tal-marka.”

9

Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2012, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1) jipprevedi, fl-Artikolu 5(2) tiegħu:

“Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, ‘indikazzjoni ġeografika’ huwa isem li jidentifika prodott:

a)

li joriġina f’post speċifiku, f’reġjun jew f’pajjiż;

b)

li l-kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra partikulari tiegħu tista’ essenzjalment tiġi attribwita lill-oriġini ġeografika tiegħu;

c)

li jkollu għall-inqas waħda mill-fażijiet tal-produzzjoni tiegħu li sseħħ fiż-żona ġeografika ddefinita.”

10

L-Artikolu 13(1)(c) u (d) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   L-ismijiet irreġistrati għandhom ikunu protetti kontra:

[…]

c)

kwalunkwe indikazzjoni oħra falza jew li tiżgwida dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott li tintuża fuq il-pakkett minn ġewwa jew minn barra, fuq il-materjal ta’ riklamar jew fuq dokumenti relatati mal-prodott ikkonċernat, u l-ippakkjar tal-prodott f’kontenitur li jista’ jagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu;

d)

kwalunkwe prattika oħra li tista’ tqarraq lill-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott.

[…]”

11

L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, intitolat “Relazzjonijiet bejn trademarks, denominazzjonijiet tal-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi”, jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika tkun irreġistrata taħt dan ir-Regolament, ir-reġistrazzjoni ta’ trademark li l-użu tagħha jikser l-Artikolu 13(1) u li tkun relattiva għal prodott tal-istess tip, għandha tiġi rifjutata jekk l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark tiġi ppreżentata wara d-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fir-rigward tad-denominazzjoni tal-oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika lill-Kummissjoni.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

12

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mis-sentenzi appellati, jistgħu jiġu miġbura fil-qosor, kif ġej.

13

Fil-21 u t-22 ta’ Ottubru 2010, Delta Lingerie ppreżentat applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea quddiem l-EUIPO, skont ir-Regolament Nru 207/2009.

14

It-trade marks li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom huma:

 

– is-sinjal figurattiv riprodott hawn isfel, li fih l-element verbali “darjeeling”, miktub b’ittri bojod, integrat f’rettangolu ta’ kulur aħdar ċar:

Image

 

– is-sinjal figurattiv riprodott hawn isfel, li fih l-element verbali “darjeeling collection de lingerie”, miktub b’ittri bojod, integrat f’rettangolu ta’ kulur aħdar ċar:

Image

 

– is-sinjal figurattiv riprodott hawn isfel, li fih l-element verbali, “darjeeling collection de lingerie”, b’ittri suwed, fuq sfond abjad:

Image

 

– is-sinjal figurattiv riprodott hawn isfel, li fih l-element verbali, “darjeeling”, b’ittri suwed, fuq sfond abjad:

Image

15

Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 25, 35 u 38 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim ta’ Nice”), u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

 

– Klassi 25: “Ħwejjeġ ta’ taħt tan-nisa u lbies ta’ taħt tan-nisa ta’ bin-nhar u tal-lejl, b’mod partikolari panċieri, bodies, kriepet, korpi, riċipetti, qliezet ta’ taħt, G-strings, tangas, brassieres, shorties, boxer shorts, ċinturini bit-takkalji, suspenders, ġarrettieri, camisoles, piġamijiet tan-nisa li jaslu sal-ġenbejn, tajts, kalzetti tan-najlon, malji tal-għawm, ħwejjeġ, ħwejjeġ maħdumin bis-suf, bjankerija ta’ taħt, flokkijiet, T-shirts, bodices, busti, piġamijiet qosra, pelliċċji, overalls, settijiet, ġersijiet, leotards, piġamijiet, ilbies tal-irqad, qliezet, qliezet ta’ ġewwa, xalel, ġagagi, ġagagi tal-banju, malji tal-għawm, qliezet tal-għawm, dbielet ta’ taħt, xalel”;

 

– Klassi 35: “Servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ ħwejjeġ ta’ taħt tan-nisa u ta’ lbies ta’ taħt tan-nisa, fwejjaħ, ilmijiet tal-fwieħa u kosmetiċi, bjankerija tad-dar u tal-banju, servizzi ta’ konsulenza fir-rigward tal-kreazzjoni u l-operat ta’ stabbilimenti tal-bejgħ u ta’ stabbilimenti tax-xiri għall-bejgħ bl-imnut u għar-reklamar, servizzi ta’ promozzjoni tal-bejgħ (għal terzi), reklamar, ġestjoni tan-negozju, amministrazzjoni tan-negozju, reklamar online fuq netwerk tal-informatika, distribuzzjoni ta’ materjal promozzjonali (fuljetti, prospetti, ġurnali b’xejn, kampjuni), servizzi ta’ abbonament ma’ ġurnali għal terzi, informazzjoni jew stħarriġ dwar in-negozju, organizzazzjoni ta’ avvenimenti, ta’ esibizzjonijiet għall-finijiet kummerċjali jew promozzjonali, kiri ta’ spazju promozzjonali, reklamar radjofoniku u televiżiv, sponsorizzazzjoni promozzjonali”;

 

– Klassi 38: “Telekomunikazzjonijiet, trażmissjoni ta’ messaġġi u ta’ immaġni permezz tal-kompjuter, servizzi ta’ xandir interattiv dwar il-preżentazzjoni ta’ prodotti, komunikazzjoni permezz ta’ terminals tal-kompjuter, komunikazzjoni (trażmissjoni) fuq netwerk informatiku globali, miftuħ u magħluq”.

16

Dawn l-applikazzjonijiet ġew ippubblikati fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 4/2011, tas-7 ta’ Jannar 2011.

17

Fis-7 ta’ April 2011, The Tea Board, entità stabbilita mil-Liġi Indjana dwar it-tè Nru 29 tal-1953 u awtorizzata sabiex tamministra l-produzzjoni tat-tè, ippreżentat oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-prodotti u għas-servizzi msemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza.

18

L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks preċedenti li ġejjin:

 

– it-trade mark kollettiva verbali tal-Unjoni Ewropea preċedenti DARJEELING, li ġiet irreġistrata fil-31 ta’ Marzu 2006, bin-Numru 4325718;

 

– it-trade mark kollettiva figurattiva tal-Unjoni Ewropea preċedenti, li ġiet irreġistrata fit-23 ta’ April 2010 bin-Numru 8674327 u riprodotta kif ġej:

Image

19

Iż-żewġ trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea jindikaw prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 30 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Tè”.

20

Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk previsti fl-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009.

21

Permezz ta’ erba’ deċiżjonijiet adottati fil-31 ta’ Mejju, fil-11 ta’ Ġunju u fl-10 ta’ Lulju 2012, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni magħmula kontra r-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade marks. Fis-27 ta’ Lulju u fl-10 ta’ Awwissu 2012, The Tea Board ippreżentati appelli quddiem l-EUIPO intiżi għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

22

Mis-sentenzi appellati jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dawn l-appelli, The Tea Board ipproduċiet quddiem it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO (iktar ’il quddiem, il-“Bord tal-Appell”) elementi li juru li l-element verbali “darjeeling”, jiġifieri l-element verbali komuni għas-sinjali kunfliġġenti, jikkostitwixxi indikazzjoni ġeografika protetta għat-tè, irreġistrata bis-saħħa tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1050/2011, tal-20 ta’ Ottubru 2011, li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Darjeeling (IĠP)] (ĠU 2011, L 276, p. 5), wara applikazzjoni rċevuta fit-12 ta’ Novembru 2007. Dan ir-regolament ta’ implementazzjoni ġie adottat abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006, tal-20 ta’ Marzu 2006, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU L 335M, p. 213), li fil-frattemp ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 1151/2012.

23

Permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appelli u kkonferma d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. B’mod partikolari, huwa kkonkluda li, fid-dawl tal-assenza ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali kunfliġġenti, ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Bl-istess mod, huwa ċaħad l-allegat ksur tal-Artikolu 8(5) ta’ dan regolament, abbażi tal-fatt li l-provi prodotti minn The Tea Board ma kinux biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu kienu ssodisfatti.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati

24

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Novembru 2013, The Tea Board ippreżentat erba’ rikorsi intiżi għall-annullament tal-erba’ deċiżjonijiet kontenzjużi.

25

Insostenn ta’ kull wieħed mir-rikorsi tagħha, hija invokat żewġ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru°207/2009, peress li l-Bord tal-Appell injora l-funzjoni speċifika tat-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea li jaqgħu taħt l-Artikolu 66(2) ta’ dan ir-regolament, u t-tieni wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament.

26

Permezz tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ċaħdet l-ewwel motiv bħala infondat, billi kkunsidrat, essenzjalment, li l-funzjoni essenzjali tat-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk li huma kkostitwiti minn indikazzjoni li tista’ sservi sabiex tindika l-oriġini ġeografika tal-prodotti koperti, ma hijiex differenti minn dik tat-trade marks individwali tal-Unjoni Ewropea u li, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni kienet eskluża, peress li l-prodotti u s-servizzi kunfliġġenti la huma identiċi u lanqas simili.

27

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment it-tieni motiv. Fid-dawl tal-premessa ipotetika ta’ reputazzjoni ta’ intensità eċċezzjonali tat-trade marks preċedenti, li fuqha l-Bord tal-Appell kien ibbaża l-analiżi tiegħu tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, hija qieset li huwa kien eskluda b’mod żbaljat, għall-prodotti kollha li jaqgħu taħt il-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice u għas-“servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ ħwejjeġ ta’ taħt u lbies ta’ taħt tan-nisa, fwejjaħ, ilmijiet tal-fwieħa u kosmetiċi, bjankerija tad-dar u tal-banju”, li jaqgħu taħt il-klassi 35 fis-sens tal-istess ftehim, u li għalihom kienet saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, l-eżistenza ta’ riskju ta’ vantaġġ miksub mill-użu mingħajr raġuni ġġustifikata tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni. Sa fejn dan huwa kkonċernat, hija annullat id-deċiżjonijiet kontenzjużi.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

28

Għal kull wieħed mill-appelli tagħha, The Tea Board titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

– tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors;

– jekk meħtieġ, terġa’ tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

– tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

29

B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2016, il-kawżi ngħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

30

L-EUIPO u Delta Lingerie jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli u tikkundanna lil The Tea Board għall-ispejjeż.

31

Permezz tal-appell inċidentali tagħha, Delta Lingerie titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

– tannulla s-sentenzi appellati sa fejn il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjonijiet kontenzjużi;

– jekk meħtieġ, terġa’ tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

– tikkundanna lil The Tea Board għall-ispejjeż.

32

L-EUIPO u The Tea Board jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell inċidentali u tikkundanna lil Delta Lingerie għall-ispejjeż tiegħu.

Fuq l-appelli prinċipali

33

The Tea Board tinvoka żewġ aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

34

The Tea Board issostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u/jew żnaturat il-fatti meta kkonkludiet, fil-punti 39 sa 41 tas-sentenzi appellati, li l-funzjoni essenzjali ta’ trade mark kollettiva kkostitwita minn sinjali jew minn indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw “l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew servizzi”, fis-sens tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ma hijiex differenti mill-funzjoni essenzjali ta’ trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea fis-sens tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu, u li, għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li t-trade marks għandhom bħala funzjoni essenzjali, fiż-żewġ każijiet, li jservu ta’ indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali.

35

F’dan ir-rigward hija tosserva, qabel kollox, li l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru°207/2009 jikkostitwixxi eċċezzjoni mir-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament, li jippermetti b’mod espliċitu lill-membri ta’ assoċjazzjoni li jimmonopolizzaw is-sinjal protett permezz ta’ trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea.

36

Imbagħad, skont l-Artikolu 67(2) tal-imsemmi regolament, il-leġiżlazzjoni li tirregola l-użu ta’ trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea għandha tawtorizza lil kull persuna li l-prodotti jew is-servizzi tagħha joriġinaw miż-żona ġeografika kkonċernata sabiex din issir membru tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja tat-trade mark inkwistjoni, b’tali mod li trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea li tikkonsisti f’indikazzjoni ġeografika qatt ma tippermetti li jiġu distinti l-prodotti jew is-servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja ta’ din it-trade mark minn dawk ta’ impriżi oħrajn. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser‑Busch/Budějovický Budvar (C‑96/09 P, EU:C:2011:189, punt 147), li l-funzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika hija li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini ġeografika tal-prodotti u l-kwalitajiet partikolari li huma intrinsiċi għaliha.

37

Fl-aħħar nett, ir-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 13(1)(c) u (d) tar-Regolament Nru 1151/2012 u tal-Artikolu 22 tal-Ftehim TRIPs, li jgħid li l-membri għandhom jipprevedu l-mezzi ġuridiċi li jippermettu lill-persuni kkonċernati jipprekludu l-użu, fl-indikazzjoni jew fil-preżentazzjoni ta’ prodott, ta’ kull mezz li jindika jew li jissuġġerixxi li l-prodott inkwistjoni joriġina minn reġjun ġeografiku ieħor għajr il-post veru ta’ oriġini b’mod li jqarraq lill-pubbliku fir-rigward tal-oriġini ġeografika tal-prodott.

38

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u/jew żnaturat il-fatti meta kkonkludiet, rispettivament fil-punti 49 u 51 sa 53, kif ukoll fil-punt 60 tas-sentenzi appellati, li, fil-preżenza ta’ trade mark kollettiva li taqa’ taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li tikkonsisti f’indikazzjoni li sservi sabiex tindika l-oriġini ġeografika tal-prodotti koperti, l-oriġini ġeografika, reali jew potenzjali, tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, fl-evalwazzjoni tax-xebh ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi.

39

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u/jew żnaturat il-fatti meta kkonkludiet, fil-punt 60 tas-sentenzi appellati, li, fil-preżenza ta’ trade mark kollettiva li taqa’ taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009, l-oriġini, reali jew potenzjali, ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament, u li l-fatt li jsir magħruf jekk il-pubbliku jistax jew le jemmen li s-servizzi, il-prodotti inkwistjoni, jew il-materja prima li ntużat sabiex jiġu mmanifatturati l-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni, jistgħux ikollhom l-istess oriġini ġeografika, ma huwiex importanti.

40

L-EUIPO kif ukoll Delta Lingerie jikkontestaw l-argumenti ta’ The Tea Board.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41

B’mod preliminari, f’dak li jirrigwarda l-iżnaturamenti invokati minn The Tea Board, għandu jitfakkar li, fid-dawl tan-natura eċċezzjonali ta’ lment ta’ żnaturament, l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jeżiġu b’mod partikolari li rikorrent jindika b’mod preċiż l-elementi li ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tiegħu, wasslu għal dan l-iżnaturament. Tali żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-annessi tal-proċess, mingħajr ma huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Yoshida Metal Industry vs EUIPO,C‑421/15 P, EU:C:2017:360, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-allegati żnaturamenti invokati minn The Tea Board bl-ebda mod ma huma sostnuti u li dan l-ilment għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

43

Fir-rigward tal-iżbalji ta’ liġi invokati minn The Tea Board, għandu jiġi osservat li, fil-punti 41 sa 43 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li l-funzjoni essenzjali ta’ trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea hija li tiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija l-proprjetarja tagħha minn dawk ta’ impriżi oħrajn, u mhux li tiddistingwi dawn il-prodotti skont l-oriġini ġeografika tagħhom.

44

Fid-dawl ta’ din iċ-ċirkustanza, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 49 u 51 sa 53 tal-imsemmija sentenzi, li meta, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, is-sinjali kunfliġġenti huma, minn naħa, trade marks kollettivi u, min-naħa l-oħra, trade marks individwali, il-paragun tal-prodotti u tas-servizzi koperti għandu jsir skont l-istess kriterji bħal dawk li japplikaw meta jiġu evalwati x-xebh jew l-identiċità tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks individwali. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ The Tea Board li jgħid li l-fatt li l-pubbliku jista’ jqis li l-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali kunfliġġenti għandhom l-istess oriġini ġeografika jista’ jikkostitwixxi kriterju li huwa suffiċjenti sabiex jistabbilixxi l-identiċità jew ix-xebh tagħhom għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

45

Fl-aħħar nett, fil-punt 60 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ The Tea Board li jgħid li, fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fil-każ ta’ trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea u trade marks individwali, din il-probabbiltà tikkonsisti fil-fatt li l-pubbliku jista’ jemmen li l-prodotti jew is-servizzi koperti mis-sinjali kunfliġġenti jew il-materja prima li ntużat sabiex jiġu mmanifatturati dawn il-prodotti jista’ jkollhom l-istess oriġini ġeografika.

46

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li huwa, fl-assenza ta’ dispożizzjoni kuntrarja prevista fl-Artikoli 67 sa 74 ta’ dan ir-regolament, applikabbli għat-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 66(3) tal-istess regolament, jipprevedi li, meta ssir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni meta, minħabba l-identiċità tagħha jew ix-xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi li ż-żewġ trade marks ikopru, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku tat-territorju li fih it-trade mark preċedenti hija protetta.

47

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, probabbiltà ta’ konfużjoni tippresupponi kemm identiċità jew xebh bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti kif ukoll identiċità jew xebh bejn il-prodotti jew servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u dawk li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti, u dawn huma kundizzjonijiet kumulattivi (sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, UASI vs riha WeserGold Getränke, C‑558/12 P, EU:C:2014:22, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Skont ġurisprudenza ugwalment stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn prodotti jew servizzi, hemm lok li jiġu kkunsidrati l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, id-destinazzjoni tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura tagħhom bħala prodotti li jikkompetu jew li jikkomplementaw lil xulxin (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI, C‑416/04 P, EU:C:2006:310, punt 85, u tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, EU:C:2008:739, punt 65).

49

F’dan il-każ, The Tea Board issostni, essenzjalment, li, fid-dawl tal-fatt li l-funzjoni essenzjali tat-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea li jikkonsistu f’sinjali jew f’indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi, hija, fil-fehma tagħha, li jindikaw l-oriġini ġeografika kollettiva ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma kkunsidratx, inkwantu fattur rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, fis-sens tal-punt 48 ta’ din is-sentenza, l-oriġini ġeografika kollettiva reali jew potenzjali tagħhom.

50

Għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li l-funzjoni essenzjali tat-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea li jaqgħu taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 hija differenti minn dik ta’ dawn it-trade marks li jaqgħu taħt il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, din il-premessa hija żbaljata. Fil-fatt, fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea kkostitwiti minn sinjali jew minn indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi jikkostitwixxu trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea fis-sens tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu. Skont il-kliem tal-paragrafu 1, jistgħu jikkostitwixxu trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea biss is-sinjali li kapaċi jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja tagħhom minn dawk ta’ impriżi oħrajn.

51

Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, applikabbli għat-trade marks kollettivi skont l-Artikolu 66(3) tal-istess regolament, jipprevedi, essenzjalment, li jistgħu jikkostitwixxu trade marks tal-Unjoni Ewropea biss sinjali li kapaċi jiddistingwu l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi li fuqhom huma mqiegħda dawn is-sinjali.

52

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-funzjoni essenzjali tat-trade mark hija li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott, fis-sens li hija tippermetti li jiġi identifikat il-prodott jew is-servizz indikat mit-trade mark bħala li joriġina minn impriża speċifika u għaldaqstant li tiddistingwi dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk ta’ impriżi oħrajn (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Backaldrin Österreich The Kornspitz Company, C‑409/12, EU:C:2014:130, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dan, diġà rrikonoxxiet li trade mark setgħet tissodisfa funzjonijiet oħrajn għajr dik ta’ indikazzjoni ta’ oriġini, li daqstant ieħor jistħoqqilhom protezzjoni minn ħsara minn terzi, bħal dawk li jikkonsistu fil-garanzija tal-kwalità tal-prodott jew tas-servizz li fuqu hija mqiegħda, jew dawk ta’ komunikazzjoni, ta’ investiment jew ta’ pubbliċità, hija enfassizat ukoll dejjem li l-funzjoni essenzjali tat-trade mark tibqa’ l-funzjoni tagħha ta’ indikazzjoni ta’ oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punti 77 u 82, kif ukoll tat-22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit, C‑323/09, EU:C:2011:604, punti 37 sa 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

Għaldaqstant, jekk jitqies li l-funzjoni essenzjali ta’ trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea li taqa’ taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 hija dik li sservi ta’ indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi proposTI taħt tali trade mark, u mhux ta’ indikazzjoni tal-oriġini kummerċjli tagħhom, tiġi injorata din il-funzjoni essenzjali.

55

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argumenti li The Tea Board tibbaża fuq l-Artikolu 67(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u fuq il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser‑Busch vs Budějovický Budvar (C‑96/09 P, EU:C:2011:189, punt 147), li jgħidu li trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea li taqa’ taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 hija, min-natura tagħha, mhux adatta sabiex tissodisfa tali funzjoni distintiva.

56

Filwaqt li l-argument ta’ The Tea Board ibbażat fuq l-Artikolu 67(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jibqa’ mhux tant ċar u mhux sostnut, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar (C‑96/09 P, EU:C:2011:189, punt 147), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat biss li l-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni ġeografika hija li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini ġeografika tal-prodotti u l-kwalitajiet partikolari li huma intrinsiċi għaliha. Min-naħa l-oħra, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma wettqet l-ebda evalwazzjoni rigward il-funzjoni essenzjali tat-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

57

Fit-tieni lok, jekk, kif issostni The Tea Board, l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jikkostitwixxi eċċezzjoni mir-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, din iċ-ċirkustanza ma hijiex tali li tqiegħed f’dubju l-fatt li l-funzjoni essenzjali ta’ trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea li taqa’ taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 hija li tiġi ggarantita l-oriġini kummerċjali kollettiva tal-prodotti mibjugħa taħt din it-trade mark, u mhux li tiġi ggarantita l-oriġini ġeografika kollettiva tagħhom.

58

Mill-bqija, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punti 34 sa 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-deroga mill-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, stabbilita fl-Artikolu 66(2) ta’ dan ir-regolament, hija spjegata min-natura nnifisha tas-sinjal kopert permezz tat-trade marks kollettivi previsti fl-imsemmi paragrafu 2.

59

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-imsemmi Artikolu 7(1)(c) isegwi għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet deskrittivi tal-kategoriji ta’ prodotti jew ta’ servizzi li għalihom ssir applikazzjoni għal reġistrazzjoni jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd, inkluż inkwantu trade marks kollettivi jew fi trade marks kumplessi jew grafiċi. Din id-dispożizzjoni tipprojbixxi, għalhekk, li tali sinjali jew indikazzjonijiet ikunu rriżervati għal impriża waħda biss minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom inkwantu trade mark individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 25, u tad-19 ta’ April 2007, UASI vs Celltech, C‑273/05 P, EU:C:2007:224, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

Trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea li taqa’ taħt l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 ma tmurx kontra tali għan ta’ interess ġenerali, għaliex, minn naħa, konformement mal-aħħar sentenza ta’ dan il-paragrafu 2, tali trade mark ma tawtorizzax lill-proprjetarju jipprojbixxi lil terz milli juża fil-kummerċ dawn is-sinjali jew dawn l-indikazzjonijiet, sakemm dan l-użu jsir skont l-użanzi ta’ lealtà fil-qasam industrijali jew kummerċjali u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 67(2) tal-istess regolament jeżiġi li r-regoli għall-użu ta’ trade mark koperta f’dan l-Artikolu 66(2) jawtorizzaw lil kull persuna li l-prodotti jew is-servizzi tagħha joriġinaw miż-żona ġeografika kkonċernata sabiex issir membru tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja tat-trade mark.

61

Fit-tielet lok, The Tea Board ma tistax, insostenn tat-teżi tagħha, tibni argument fuq l-Artikolu 13(1)(c) u (d) tar-Regolament Nru 1151/2012 u lanqas fuq l-Artikolu 22 tal-Ftehim TRIPs, li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.

62

F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-imsemmija indikazzjonijiet ġeografiċi, minn naħa, u t-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea kkostitwiti minn sinjali jew minn indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-oġġetti u tas-servizzi, min-naħa l-oħra, huma sinjali li jaqgħu taħt sistemi legali distinti u jsegwu għanijiet differenti. B’dan il-mod, filwaqt li t-trade mark tal-Unjoni Ewropea hija, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru°207/2009, sinjal li huwa kapaċi jiddistingwi l-oriġini kummerċjali ta’ prodotti jew ta’ servizzi, indikazzjoni ġeografika hija, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, denominazzjoni li tidentifika prodott bħala oriġinarju ta’ żona ġeografika speċifika, li kwalità, ir-reputazzjoni jew proprjetà oħra tiegħu tista’ tiġi attribwita essenzjalment lill-oriġini ġeografika tiegħu u li mill-inqas wieħed mill-istadji ta’ produzzjoni tiegħu jseħħ fiż-żona ġeografika delimitata.

63

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta ddeċidiet, fil-punti 41 sa 43 tas-sentenzi appellati, li l-funzjoni essenzjali ta’ trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea hija li tiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija l-proprjetarja tagħha minn dawk ta’ impriżi oħrajn, u mhux li tiddistingwi dawn il-prodotti skont l-oriġini ġeografika tagħhom.

64

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta, essenzjalment, ikkunsidrat, fil-punti 49 u 51 sa 53 tal-imsemmija sentenzi, li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, meta s-sinjali kunfliġġenti jkunu, minn naħa, trade marks kollettivi u, min-naħa l-oħra, trade marks individwali, il-possibbiltà li l-pubbliku jkun jista’ jqis li l-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali kunfliġġenti għandhom l-istess oriġini ġeografika ma tistax tikkostitwixxi fattur rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-identiċità tagħhom jew ix-xebh tagħhom.

65

Fil-fatt, kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 52 tas-sentenzi appellati, medda wiesgħa ferm ta’ prodotti u ta’ servizzi tista’ tiġi prodotta jew ipprovduta fl-istess żona ġeografika. Bl-istess mod, xejn ma jeskludi li reġjun li l-isem ġeografiku tiegħu huwa rreġistrat bħala trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ikun sors ta’ materja prima differenti, li tista’ tintuża għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ prodotti differenti u varji.

66

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-allegat żball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali fil-punt 60 tas-sentenzi appellati, biżżejjed jiġi osservat li l-imsemmi punt iddaħħal għal finijiet ta’ kompletezza, għaliex, fil-punti 56 sa 59 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali diġà, essenzjalment u ġustament, kif jirriżulta mill-punti 43 sa 63 ta’ din is-sentenza, ikkonkludiet li f’dan il-każ ma japplikax l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li waħda mill-kundizzjonijiet tiegħu għal applikazzjoni ma hijiex issodisfatta. L-ilment li The Tea Board tagħmel kontra dan il-punt huwa, għaldaqstant, ineffettiv u għandu jiġi miċħud (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ April 2007, UASI vs Celltech, C‑273/05 P, EU:C:2007:224, punti 56 u 57).

67

Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

68

The Tea Board issostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 u/jew żnaturat il-fatti tal-każ billi kkonkludiet, fil-punt 145 tas-sentenzi appellati, li l-kwalitajiet pożittivi li jevoka l-element verbali “darjeeling” la jistgħu jiġu trasposti għas-servizzi fil-klassi 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, bl-eċċezzjoni tas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ ħwejjeġ ta’ taħt u lbies ta’ taħt tan-nisa, fwejjaħ, ilmijiet tal-fwieħa u kosmetiċi, bjankerija tad-dar u tal-banju, u lanqas għal ebda wieħed mis-servizzi fil-klassi 38 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice koperti mit-trade marks ikkontestati. B’mod iktar partikolari, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta affermat li ma hemmx raġuni sabiex l-użu mit-trade marks ikkontestati jagħti lil Delta Lingerie vantaġġ kummerċjali fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni. Fil-fatt, il-kwalitajiet ta’ prodott raffinat, esklużiv u ta’ kwalità unika, trażmessi, skont il-Qorti Ġenerali, permezz tal-element verbali “darjeeling”, jistgħu jiġu trasposti għal servizzi bħal dawk ta’ servizzi ta’ konsulenza jew ta’ telekomunikazzjoni u jsaħħu s-setgħa ta’ attrazzjoni tat-trade marks kontenzjużi f’dan ir-rigward. Il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tagħti motivazzjoni għall-konklużjoni li waslet għaliha, fil-punt 145 tas-sentenzi appellati, li tgħid li l-kwalitajiet assoċjati mal-element verbali “darjeeling” ma jistgħux jiġu trasposti għas-servizzi fil-klassijiet 35 u 38 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice.

69

L-EUIPO u Delta Lingerie jsostnu li t-tieni aggravju huwa inammissibbli, peress li The Tea Board tixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’dik tagħha, u peress li, f’kull każ, huwa infondat, għaliex The Tea Board la pprovat żball ta’ liġi u lanqas żnaturament tal-fatti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

70

B’mod preliminari, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, l-ilment ta’ żnaturament invokat minn The Tea Board għandu jiġi miċħud, peress li dan l-ilment bl-ebda mod ma ġie sostnut minn din tal-aħħar.

71

Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq assenza ta’ motivazzjoni tal-konklużjoni li tinsab fil-punt 145 tas-sentenzi appellati, biżżejjed jiġi osservat li, f’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali eskludiet l-argument li kien ġie ppreżentat lilha minħabba li r-raġuni li għaliha l-użu mit-trade marks ikkontestati jagħti lil Delta Lingerie vantaġġ kummerċjali rigward servizzi oħrajn għajr dawk tal-bejgħ bl-imnut ta’ ħwejjeġ ta’ taħt u lbies ta’ taħt tan-nisa, ta’ fwejjaħ, ta’ ilmijiet tal-fwieħa u ta’ kosmetiċi, kif ukoll ta’ bjankerija tad-dar u tal-banju, bl-ebda mod ma tirriżulta mill-proċess u minħabba li The Tea Board ma ppreżentat l-ebda element speċifiku li jista’ jistabbilixxi tali vantaġġ. In-nuqqas ta’ motivazzjoni allegat ma huwiex, għaldaqstant, stabbilit.

72

Fir-rigward tal-argument li l-kwalitajiet trażmessi permezz tal-element verbali “darjeeling” jistgħu jiġu trasposti għas-servizzi kollha li għalihom saru applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni, huwa intiż, fir-realtà, sabiex jikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni tal-fatti u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Ferrero vs UASI, C‑552/09 P, EU:C:2011:177, punti 73 u 89).

73

Għaldaqstant it-tieni aggravju, kif ukoll l-appelli prinċipali kollha kemm huma, għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-appell inċidentali

74

Insostenn tal-appell inċidentali tagħha, Delta Lingerie tinvoka aggravju uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru°207/2009. Dan l-aggravju jinkludi żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq żnaturament tal-funzjonijiet rispettivi tat-trade marks, minn naħa, u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, min-naħa l-oħra, u, it-tieni waħda, fuq kontradizzjoni tal-motivi u fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

Fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku

L-argumenti tal-partijiet

75

Delta Lingerie ssostni li trade mark għandha bħala funzjoni li tiggarantixxi l-oriġini kummerċjali, filwaqt li indikazzjoni ġeografika għandha bħala funzjoni li tiggarantixxi l-oriġini ġeografika. Fid-dawl ta’ dawn il-funzjonijiet distinti, qatt ma jista’ jitqies li r-reputazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta tista’ effettivament tiġi ttrasferita għall-istess sinjal protett inkwantu trade mark kollettiva għal prodotti identiċi. Għaldaqstant, billi invokat premessa ipotetika li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti kienet ġiet ipprovata mill-konklużjoni li r-reputazzjoni li kellha d-denominazzjoni “Darjeeling” inkwantu indikazzjoni ġeografika protetta għat-tè kienet ġiet ittrasferita għall-istess sinjal protett inkwantu trade mark kollettiva għal prodotti identiċi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi żnaturat il-funzjonijiet rispettivi tat-trade marks ikkonċernati, minn naħa, u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, min-naħa l-oħra.

76

L-EUIPO kif ukoll The Tea Board jikkontestaw ir-raġunament ta’ Delta Lingerie.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

77

Għandu jiġi osservat li, fil-punt 79 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-trade marks preċedenti għandhomx jew le reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, li l-formulazzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi hija, mill-inqas, ambigwa. Madankollu l-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-unika frażi li ma hijiex ambigwa f’din il-parti tad-deċiżjonijiet kontenzjużi hija dik li tgħid “li l-Bord tal-Appell ma kkonkludiex b’mod definittiv li t-trade marks preċedenti għandhom reputazzjoni”. Il-Qorti Ġenerali indikat ukoll li, mistoqsi fuq dan il-punt waqt is-seduta, l-EUIPO kien ikkonferma l-assenza ta’ konklużjoni definittiva f’dan ir-rigward.

78

Fil-punt 80 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali madankollu qieset li, peress li l-Bord tal-Appell wettaq l-analiżi tiegħu għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, kellu jitqies li din l-analiżi kienet ġiet ibbażata fuq il-premessa ipotetika li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti kienet ġiet ipprovata.

79

Fil-punt 146 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjonijiet kontenzjużi huma bbażati fuq il-premessa ipotetika ta’ reputazzjoni eċċezzjoni tat-trade marks preċedenti, iddeċidiet li tannullahom parzjalment, sa fejn il-Bord tal-Appell eskluda l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru°207/2009, billi eskluda, fir-rigward tal-prodotti kollha li jaqgħu taħt il-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice u tas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut li jaqgħu taħt il-klassi 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice u koperti mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, l-eżistenza ta’ riskju ta’ vantaġġ miksub mill-użu mingħajr raġuni ġġustifikata tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fil-punt 147 tal-imsemmija sentenzi, il-Qorti Ġenerali indikat li, wara dawn l-annullamenti parzjali, huwa l-Bord tal-Appell li għandu jifformula konklużjoni definittiva dwar l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade marks preċedenti u, fejn xieraq, dwar l-intensità ta’ din.

80

B’dan il-mod, bil-kontra ta’ dak li ssostni Delta Lingerie, u kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali la ħadet pożizzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk kinitx inġabet il-prova tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti u lanqas fuq il-kwistjoni dwar jekk, għall-finijiet ta’ tali prova, ir-reputazzjoni li għandha d-denominazzjoni “Darjeeling” inkwantu indikazzjoni ġeografika għat-tè setgħetx tiġi ttrasferita għall-istess sinjal protett inkwantu trade mark kollettiva għal prodotti identiċi.

81

L-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Delta Lingerie hija bbażata, għaldaqstant, fuq qari żbaljat tas-sentenzi appellati u għandha, għalhekk, tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku

L-argumenti tal-partijiet

82

Delta Lingerie ssostni li l-Qorti Ġenerali tat motivazzjoni kontradittorja fis-sentenzi appellati, u li hija kisret l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

83

B’mod partikolari, fil-punti 89, 107, 111 u 120 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien hemm lok li jiġu kkonfermati l-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, jiġifieri li ma kienx hemm riskju ta’ dannu għall-karattru distintiv u lanqas għar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, peress, minn naħa, li l-ebda analiżi speċifika ddedikata għall-eżistenza ta’ rabta bejn is-sinjali kunfliġġenti ma kienet twettqet u, min-naħa l-oħra, li kien hemm assenza totali ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali kunfliġġenti. Madankollu, dawn il-konstatazzjonijiet jikkontradixxu l-konklużjoni rigward il-vantaġġ miksub indebitament mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, skont liema l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 141 tal-imsemmija sentenzi, li xejn ma kien jipprekludi li l-pubbliku li lejh kienu indirizzati t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkun attratt mit-trasferiment, lejn dawn it-trade marks, tal-valuri u tal-kwalitajiet pożittivi marbuta mar-reġjun ta’ Darjeeling (l-Indja).

84

L-EUIPO jikkontesta l-argumenti ta’ Delta Lingerie.

85

The Tea Board tqis li din il-parti tal-aggravju uniku hija inammissibbli, u li, f’kull każ, hija infondata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

86

Għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, fir-rigward tar-riskji ta’ dannu msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 94 tas-sentenzi appellati, fakkret li din id-dispożizzjoni tirreferi għal tliet tipi ta’ riskji distinti, jiġifieri li l-użu mingħajr raġuni ġġustifikata tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, l-ewwel nett, jippreġudika l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, it-tieni nett, jippreġudika r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew, it-tielet nett, jippermetti li jittieħed vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

87

Fis-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali eżaminat separatament kull riskju ta’ dannu msemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Fir-rigward, qabel kollox, tad-dannu kkawżat lill-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod partikolari, fil-punti 107 u 111 tas-sentenzi appellati, minn naħa, li fid-dawl tal-assenza totali ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali kunfliġġenti, ir-riskju invokat minn The Tea Board kien jidher kompletament ipotetiku u, min-naħa l-oħra, li ma tantx kien probabbli li l-pubbliku rilevanti jkun jista’ jiġi mwassal sabiex jemmen li l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni joriġinaw mir-reġjun ta’ Darjeeling.

88

Fir-rigward, imbagħad, tad-dannu kkawżat lir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 120 tas-sentenzi appellati, li r-rabta unika li teżisti bejn ir-reġjun ta’ Darjeeling u l-kategorija ta’ prodotti li huma koperti mit-trade marks preċedenti u l-assenza ta’ tali rabta bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u l-imsemmi reġjun isaħħu n-natura ipotetika ta’ riskju ta’ tnaqqis fis-setgħa ta’ attrazzjoni tat-trade marks preċedenti.

89

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-vantaġġ miksub indebitament mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 141 tas-sentenzi appellati, li xejn ma jipprekludi lill-pubbliku li lejh huma indirizzati t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni milli jkun attratt mit-trasferiment, lejn it-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, tal-valuri u tal-kwalitajiet pożittivi marbuta mal-imsemmi reġjun.

90

Is-sentenzi appellati ma jiżvelaw, f’dan ir-rigward, l-ebda kontradizzjoni tal-motivi.

91

Filwaqt li l-punti 107, 111 u 120 tas-sentenzi appellati jikkonċernaw rispettivament l-analiżi tal-eżistenza ta’ riskju serju ta’ dannu lill-karattru distintiv u lir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, il-punt 141 tal-imsemmija sentenzi jirrigwarda l-eżami mill-Qorti Ġenerali tal-eżistenza ta’ riskju li l-użu mingħajr raġuni ġġustifikata tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jippermetti li jittieħed vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti.

92

Kif l-Avukat Ġenerali osserva wkoll, essenzjalment, fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-evalwazzjoni ta’ dawn id-diversi tipi ta’ riskji hija suġġetta għal eżami li l-kriterji tiegħu mhux neċessarjament jikkoinċidu. F’dan ir-rigward, kif il-Qorti Ġenerali fakkret fil-punti 71 u 95 tas-sentenzi appellati, l-eżistenza ta’ riskju li d-danni kkostitwiti minn detriment lill-karattru distintiv jew lir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jseħħu għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, li jkun normalment informat u raġonevolment attent u prudenti. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza tad-dannu kkostitwit mill-vantaġġ miksub indebitament mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, sa fejn dak li huwa pprojbit huwa l-vantaġġ meħud minn din it-trade mark mill-proprjetarju tat-trade mark posterjuri, għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark posterjuri, li jkun normalment informat u raġonevolment attent u prudenti.

93

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma kkontradixxietx ruħha meta kkonstatat, minn naħa, li l-konsumatur tal-prodott kopert mit-trade marks preċedenti, f’dan il-każ it-tè, ma jiġix imwassal jemmen li l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni minn Delta Lingerie joriġinaw mir-reġjun ta’ Darjeeling, filwaqt li kkunsidrat, min-naħa l-oħra, li l-konsumatur tal-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni minn Delta Lingerie jista’ jiġi attratt mill-valuri u l-kwalitajiet pożittivi marbuta ma’ dan ir-reġjun.

94

Fit-tieni lok, fir-rigward, b’mod speċifiku, tal-ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-ebda argument ma tressaq insostenn ta’ din l-allegazzjoni, minbarra dak ibbażat fuq l-allegata kontradizzjoni tal-motivi tas-sentenzi appellati, li ma huwiex fondat, kif jirriżulta mill-punti 90 sa 93 ta’ din is-sentenza.

95

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, it-tieni parti tal-aggravju uniku, kif ukoll l-appell inċidentali kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-ispejjeż

96

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. SkonT l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skonT l-Artikolu 184(1) ta’ dawn, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

97

Peress li The Tea Board tilfet fl-appelli prinċipali tagħha, u l-EUIPO kif ukoll Delta Lingerie talbu għall-kundanna ta’ The Tea Board għall-ispejjeż, din għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-appelli prinċipali.

98

Peress li Delta Lingerie tilfet fl-appell inċidentali tagħha, u l-EUIPO kif ukoll The Tea Board talbu għall-kundanna ta’ Delta Lingerie għall-ispejjeż, din għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-appell inċidentali.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli huma miċħuda.

 

2)

The Tea Board hija kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-appelli prinċipali.

 

3)

Delta Lingerie hija kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-appell inċidentali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top