Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0661

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Ottubru 2017.
X BV vs Staatssecretaris van Financiën.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Artikolu 29 – Importazzjoni ta’ vetturi – Determinazzjoni tal-valur għal finijiet doganali – Artikolu 78 – Reviżjoni tad-dikjarazzjoni – Artikolu 236(2) – Rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni – Terminu ta’ tliet snin – Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Artikolu 145(2) u (3) – Riskju ta’ difett – Terminu ta’ tnax-il xahar – Validità.
Kawża C-661/15.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:753

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Artikolu 29 – Importazzjoni ta’ vetturi – Determinazzjoni tal-valur għal finijiet doganali – Artikolu 78 – Reviżjoni tad-dikjarazzjoni – Artikolu 236(2) – Rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni – Terminu ta’ tliet snin – Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Artikolu 145(2) u (3) – Riskju ta’ difett – Terminu ta’ tnax-il xahar – Validità”

Fil-Kawża C-661/15:

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura

X BV

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet (Relatur), M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Novembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal X BV, minn L.E.C. Kanters, E.H. Mennes u L.G.C.A. Pfennings,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u B. Koopman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Grønfeldt kif ukoll minn M. Wasmeier u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 29(1) u (3) u tal-Artikolu 78 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), kif ukoll l-Artikolu 145(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 444/2002, tal-11 ta’ Marzu 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 12, p. 209). (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni”), u, min-naħa l-oħra, il-validità Artikolu 145(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn X BV u Staatssecretaris van Financiën (segretarju tal-istat għall-finanzi, il-Pajjiż l-Baxxi) dwar ir-rifjut min-naħa ta’ dan tal-aħħar tat-talbiet tagħha għar-rimbors tad-dazji doganali li jirrigwardaw il-vetturi.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, fil-paragrafi (1) u (3) tiegħu jipprevedi:

“1.   Il-valur doganali ta’ merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skont l-Artikoli 32 u 33, sakemm:

a)

ma jkun hemm ebda restrizzjoni dwar kif ix-xerrej jeħles minn jew juża l-merkanzija, ħlief restrizzjonijiet li:

restrizzjonijiet imposti jew meħtieġa bil-liġi jew minn awtoritajiet pubbliċi fil-Komunità,

limitazzjonijiet taż-żona ġeografika li fiha l-merkanzija tista’ terġa’ tinbiegħ,

jew

jew ma jolqtux sostanzjalment il-valur tal-merkanzija;

b)

il-bejgħ jew il-prezz m’huwiex soġġett għal xi kondizzjoni jew konsiderazzjoni li għaliha ma jistax ikun determinat valur rigward il-merkanzija li tkun qed tiġi valutata;

ċ)

ebda parti tad-dħul minn xi bejgħ mill-ġdid sussegwenti, jew minn kif jiddisponi minnha jew juża l-merkanzija x-xerrej ma tmiss direttament jew indirettament lill-bejjiegħ, ħlief meta jista’ jsir aġġustament xieraq skond l-Artikolu 32;

u

d)

li x-xerrej u l-bejjiegħ ma jiġux minn xulxin, jew, fejn ix-xerrej u l-bejjiegħ jiġu minn xulxin, dak il-valur tat-transazzjoni huwa aċċettabbli għall-iskopijiet doganali taħt il-paragrafu 2.

[…]

(a)

Il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas huwa l-ħlas totali li jkun sar jew li ser isir mix-xerrej lil jew għall-benefiċċju tal-bejjiegħ għall-merkanzija importata u jinkludi l-ħlasijiet kollha li jkunu saru jew li jkunu dovuti bħala kondizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija impurtati mix-xerrej lill-bejjiegħ jew mix-xerrej lil terz persuna biex jissodisfa obbligazzjoni tal-bejjiegħ. Il-ħlas mhux bilfors ikun f’forma ta’ trasferiment ta’ flus. Ħlas jista’ jsir permezz ta’ ittri ta’ kreditu jew strument negozjabbli u jista’ jsir direttament jew indirettament.

(b)

Attivitajiet, inklużi attivitajiet ta’ komerċjalizzazzjoni, assunti mix-xerrej għalih stess, ħlief dawk li għalihom hemm provdut aġġustament fl-Artikolu 32, m’humiex kunsidrati bħala ħlas indirett lill-bejjiegħ, ukoll jekk jistgħu jiġu meqjusa bħala ta’ benefiċċju lill-bejjiegħ jew li ġew assunti bi ftehim mal-bejjiegħ, u l-ispejjeż tagħhom m’għandhomx jiġu miżjuda mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas meta jkun qed jiġi stabbilit il-valur għad-dwana ta’ merkanzija importata.”

4

Skont l-Artikolu 78 tal-istess kodiċi:

“1.   L-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom jew fuq talba ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni, jemendaw id-dikjarazzjoni wara l-ħelsien tal-merkanzija.

2.   L-awtoritajiet doganali jistgħu, wara li jeħilsu l-merkanzija u sabiex jissodisfaw ruħhom li d-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni huma eżatti, jispezzjonaw id-dokumenti kummerċjali u data li għandha x’taqsam ma’ l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni u esportazzjoni fir-rigward tal-merkanzija konċernata jew operazzjonijiet kummerċjali sussegwenti li jinvolvu dik il-merkanzija. Spezzjonijiet bħal dawk jistgħu jsiru fil-fond tad-dikjarant, ta’ kull persuna oħra direttament jew indirettament involuta f’dawk l-operazzjonijiet f’kapaċità kummerċjali jew ta’ kull persuna oħra li jkollha f’idejha d-dokument u d-data imsemmija għal skopijiet kummerċjali. Dawk l-awtoritajiet jistgħu ukoll jeżaminaw il-merkanzija meta jkun għadu possibbli li din tkun prodotta.

3.   Fejn reviżjoni tad-dikjarazzjoni jew eżami wara l-ħelsien tal-merkanzija jindika illi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ dwana involuta ġew applikati fuq il-bażi ta’ informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa, l-awtoritajiet doganali għandhom, skond kull dispożizzjoni stipulata, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni, wara li tkun ikkunsidrata l-informazzjoni ġdida disponibbli għalihom.”

5

L-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali jaqra kif ġej:

“1.   Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura sakemm jiġi stabbilit li meta kien tħallas l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur ta’ l-Artikolu 220(2).

Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jintbagħtu sakemm jiġi stabbilit li meta kienu ddaħħlu fil-kontijiet l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur tal-Artikolu 220(2).

Ebda ħlas lura jew maħfra m’għandha tingħata meta l-fatti li wasslu għall-ħlas jew daħla fil-kontijiet ta’ ammont li ma kienx legalment dovut kienu r-riżultat ta’ azzjoni maħsuba mill-persuna involuta.

2.   Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien tliet snin mid-data li fiha l-ammont ta’ dawk id-dazji kien ġie kkomunikat lid-debitur.

Dak il-perjodu għandu jiġi estiż jekk il-persuna interessata tipprovdi evidenza li ma kenitx tħalliet tippreżenta l-applikazzjoni tagħha fil-perjodu msemmi b’riżultat ta’ ċirkostanzi imprevedibbli jew ta’ forza maġġuri.

Fejn l-awtoritajiet doganali stess jiskopru matul dan il-perjodu li sitwazzjoni jew oħra deskritta fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 1 jeżistu, għandhom iħallsu lura jew jibagħtu [jaħfru] l-flus fuq inizjattiva tagħhom stess.”

6

L-Artikolu 238(1) u (4) ta’ dan l-istess kodiċi jipprevedi li:

“1.   Dazji fuq l-importazzjoni għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu sakemm jiġi stabbilit li l-ammont ta’ dawk id-dazji mdaħħal fil-kontijiet jirrigwarda merkanziji mqiegħda taħt il-proċedura doganali konċernata u mwarrba mill-importatur billi kienu difettużi jew ma kinux jissodisfaw it-termini tal-kuntratt li skont il-bażi tiegħu kienu ġew impurtati, […]

[…]

4.   Dazji fuq l-importazzjoni għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 1 malli tiġi ppreżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien tnax-il xahar mid-data li fiha l-ammont ta’ dawk id-dazji kien ġie kkomunikat lid-debitur.”

7

L-Artikolu 145 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprevedi:

“[…]

2.   Wara r-rilaxx ta’ l-oġġetti [merkanzija] għaċ-ċirkolazzjoni libera, aġġustament magħmul mill-bejjiegħ, għall-benefiċċju tax-xerrej, tal-prezz attwalment imħallas jew pagabbli għall-oġġetti jistgħu ikunu kkunsidrati għad-determinazzjoni tal-valur tad-dwana skond l-Artikolu 29 tal-Kodiċi, jekk jintwera għas-sodisfazzjoni ta’ l-awtoritajiet tad-dwana li:

a)

l-oġġetti kienu diffettużi fil-mument imsemmi bl-Artikolu 67 tal-Kodiċi;

b)

il-bejjiegħ għamel l-aġġustament fil-qadi ta’ obbligu ta’ garanzija provdut fil-kuntratt tal-bejgħ, konkluż qabel ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ l-oġġetti;

(ċ)

in-natura difettuża ta’ l-oġġetti ma kinietx ikkunsidrata diġa fil-kuntratt tal-bejgħ rilevanti.

3.   Il-prezz attwalment mħallas jew pagabbli għall-oġġetti, aġġustat skont il-paragrafu 2, jista’ jitqies biss jekk dak l-aġġustament sar f’perjodu ta’ 12-il xahar wara d-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għad-dħul f’ċirkolazzjoni libera tal-oġġetti.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

X xtrat vetturi bil-mutur mingħand manifattur stabbilit fil-Ġappun u qiegħdithom f’ċirkulazzjoni libera fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. il-vetturi bil-mutur huma mibjugħa minn X lill-konċessjonarji, li bigħuhom mill-ġdid lil utenti finali.

9

Fix-xahar ta’ Awwissu 2007, X iddikjara għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tal-vetturi partikolari tat-tip A (iktar ’il quddiem il-“vetturi ta’ tip A”) u ta’ vetturi partikolari ta’ tip D (iktar ‘il quddiem il-“vetturi ta’ tip D”). Fix-xahar ta’ Marzu 2008, huwa ddikjara għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ vetturi partikolari tat-tip C (iktar ’il quddiem il-“vetturi ta’ tip C”). Il-valur doganali ta’ dawn it-tliet tipi ta’ vetturi kien ġie stabbilit, f’konformità mal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, fuq il-bażi tal-prezz tax-xiri mħallas minn X lill-bejjiegħ-manifattur. X ħallset id-dazji fuq l-importazzjoni stabbiliti mill-Inspecteur van de Belastingdienst/Douane (spettur tat-taxxi, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem l-“Ispettur”).

10

Wara r-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tal-vetturi ta’ tip A, il-manifattur talab lil X tistieden lill-proprjetarji kollha tal-karozzi ta’ dan it-tip jagħmlu appuntament ma’ konċessjonarju biex jitbiddel l-istering tal-klaċċ mingħajr ħlas. X irrimborsat lill-konċessjonarji l-ispejjeż għal dan il-bdil. Sussegwentement, il-manifattur irrimborsa dawn l-ispejjeż lil X, skont l-obbligu ta’ garanzija li jidher fil-kuntratt ta’ bejgħ konkluż miegħu. dan ir-rimbors twettaq f’terminu ta’ tnax-il xahar mid-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tal-vetturi ta’ tip A.

11

Wara r-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tal-vetturi ta’ tip D u tat-tip C, dawn il-vetturi kellhom ħsarat fil-gaskit u ċ-ċappetta tal-bieba rispettivament. Il-konċessjonarji kkonċernati sewwew dawn il-ħsarat, matul is-sena 2010, fuq il-bażi tal-garanzija li jipprovdu huma. X għal darb’oħra, irrimborsat l-ispejjeż ta’ dawn it-tiswijiet lill-konċessjonarji, abbażi tal-obbligu ta’ garanzija li jissemma fil-kuntratt konkluż magħhom. Sussegwentement, il-manifattur irrimborsa dawn l-ispejjeż lil X abbażi ta’ obbligu ta’ garanzija li jirriżulta mill-kuntratt tal-bejgħ konkluż miegħu.

12

Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Mejju 2010, skont l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali, X talbet rimbors parzjali tad-dazji fuq l-importazzjoni mħallsa, minħabba li l-valur doganali tal-vetturi tat-tipi A, C u D. Din it-talba ġiet ibbażata fuq il-fatt li l-valur doganali ta’ kull waħda mill-karozzi kkonċernati kienet a posteriori inqas mill-valur doganali inizjali. Id-differenza bejn il-valur doganali inizjali u l-valur doganali reali jikkorrispondi, skont X, għall-ammont tar-rimbors imħallas lilha mill-manifattur għal kull karozza.

13

L-Ispettur qies li din it-talba kienet tikkonċerna aġġustament tal-prezz effettivament imħallas għall-karozzi kkonċernati mill-manifattur favur X, fis-sens tal-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. Madankollu, hija ċaħditha fir-rigward tal-karozzi ta’ tip A, peress li ma kinux “difettużi” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Fir-rigward tal-karozzi ta’ tip D u C, l-ispettur ċaħad ukoll it-talba ta’ rimbors tad-dazji doganali minħabba li t-terminu ta’ dazji doganali minħabba li t-terminu ta’ tnax-il xahar mid-data tal-aċċettazzjoni td-dikjarazzjoni ta’ importazzjoni li fiha l-ħlas mill-bejjiegħ lix-xerrej għandu jseħħ, terminu previst fl-Artikolu 145(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, ikun skada.

14

Ir-Rechtbank Noord-Holland (qorti tal-provinċja ta’ Noord-Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi), adita biha fl-ewwel istanza, ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn X fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda adottati mill-Ispettur. Hija ddeċidiet ukoll li X ma pprovatx, li, fid-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ importazzjoni, il-karozzi ta’ tip A kienu “difettużi”, fis-sens tal-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, sa fejn, skont din il-qorti, ma huwiex suffiċjenti li jiġi stabbilit ir-“riskju jew il-possibbiltà li jkun jeżisti difett” sabiex tiġi applikata din id-dispożizzjoni.

15

Adita b’appell, il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk, fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-karozzi ta’ tip A, fuq il-portata preċiża tal-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. Hija tirrileva f’dan ir-rigward, li r-rimbors mill-manifattur tal-ispejjeż tat-tibdil tal-istering tal-klaċċ ta’ dawn il-karozzi jikkorrispondi għal tnaqqis tal-prezz tax-xiri, wara l-importazzjoni tagħhom, u li dan it-tnaqqis jirriżulta mill-konstatazzjoni li dawn il-karozzi kellhom difett ta’ manifattura b’tali mod li kien jeżisti riskju li l-istering tal-klaċċ isir difettuż bl-użu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-manifattur biddilhom bħala prekawzjoni, għall-vetturi kollha kkonċernati.

16

Il-qorti tar-rinviju tindika, konformement mal-opinjoni tal-Ispettur u b’riferiment għall-ġabra tat-testi dwar il-valur doganali, li l-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jista’ jkun limitat għal każijiet fejn huwa stabbilit a posteriori li, tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera, il-merkanzija kienet effettivament difettuża. Madankollu, din il-qorti tqis ukoll li din id-dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata f’sens iktar wiesa’ u tirrigwarda l-każ fejn jiġi stabbilit li, fid-data tal-aċċettazzjoni tal-imsemmija dikjarazzjoni jeżisti riskju, marbut mal-manifattura, li l-merkanzija importata ssir effettivament difettuża.

17

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għalhekk tistaqsi jekk, fid-dawl tas-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Mitsui & Co. Deutschland (C-256/07, EU:C:2009:167), l-Artikolu 29(1) u (3) [tal-Kodiċi Doganali] moqri flimkien mal-Artikolu 78 ta’ dan il-kodiċi, ma jimponix li jiġi kkunsidrat it-tnaqqis tal-prezz inizjalment miftiehem, mogħti mill-manifattur lil X, bħala tnaqqis tal-valur doganali tal-karozzi ta’ tip A. fil-fatt, jekk jiġi kkonstatat, wara l-importazzjoni ta’ merkanzija li, fid-data ta’ din l-importazzjoni, kien jeżisti r-riskju li l-merkanzija inkwistjoni ssir difettuża qabel l-iskadenza tal-garanzija, b’tali mod li ma tkunx tista’ tiġi użata iktar, fatt li jista’ jkollu riperkussjonijiet negattivi fuq il-valur ekonomiku tagħha, u, għaldaqstant fuq il-valur doganali.

18

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-karozzi ta’ tipi C u D, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tat-terminu ta’ tnax-il xahar previst fl-Artikolu 145(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

19

F’dan il-każ, hija tirrileva li l-manifattur irrimborsa lil X l-ispejjeż tat-tiswija tal-partijiet difettużi tal-karozzi ta’ dawn iż-żewġ tipi b’applikazzjoni ta’ obbligu kuntrattwali ta’ garanzija, li għandu jitqies bħala bidla tal-prezz imħallas għall-karozzi inkwistjoni. Madankollu, din il-bidla ma tistax tiġi meħuda inkunsiderazzjoni, fid-dawl tad-determinazzjoni tal-valur doganali, peress li din ma kinitx seħħet fit-terminu ta’ tnax-il xahar, previst fl-imsemmi Artikolu 145(3).

20

Hija tenfasizza li r-raġunijiet li wasslu għad-determinazzjoni ta’ dan it-terminu jirriżultaw b’mod ċar mill-premessi tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tagħmel riferiment għas-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Mitsui & Co. Deutschland (C-256/07, EU:C:2009:167), skont liema l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 29(1) u (3) tal-Kodiċi Doganali huwa l-bażi tar-rimbors jew maħfra tad-dazji doganali. II-qorti tar-rinviju tistaqsi, għalhekk, jekk it-terminu ta’ tnax-il xahar previst fl-Artikolu 145(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni huwiex konformi mal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 78 ta’ dan il-kodiċi, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedux terminu għall-aġġustamenti tal-valur doganali wara bidla fil-prezz, u fl-Artikolu 236 tal-istess kodiċi, sa fejn jipprevedi terminu ta’ tliet snin għat-tressiq ta’ talbiet ta’ rimbors tad-dazji doganali.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

a)

L-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni moqri flimkien mal-Artikolu 29(1) u (3) tar-Regolament li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola stabbilita fih tkopri wkoll il-każ fejn huwa stabbilit li fid-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għal oġġett [merkanzija] speċifiku, kien jeżisti riskju, marbut mal-fabbrikazzjoni, li element tal-oġġett isir difettuż mal-użu, u fejn il-bejjiegħ jagħti għal dan il-għan, b’eżekuzzjoni ta’ obbligu kuntrattwali ta’ garanzija fir-rigward tax-xerrej, tnaqqis tal-prezz fil-forma tar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti mix-xerrej fl-adattament tal-oġġett sabiex dan ir-riskju jiġi eskluż?

b)

Jekk ir-regola stabbilita fl-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ma tapplikax fil-każ espost f’(a), l-Artikolu 29(1) u (3) [tal-Kodiċi Doganali] moqri flimkien mal-Artikolu 78 [ta’ dan] il-Kodiċi jippermetti minnu nnifsu li jitnaqqas il-valur doganali ddikjarat wara l-għoti tat-tnaqqis ta’ prezz imsemmi f’(a)?

2)

Il-kundizzjoni imposta fl-Artikolu 145(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għall-aġġustament tal-valur doganali li jistabbilixxi, li skont din l-aġġustament fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-oġġetti irid ikun sar f’[terminu] ta’ tnax-il xahar wara d-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tal-oġġetti, tmur kontra l-Artikoli 78 u 236 [tal-Kodiċi Doganali], moqri flimkien mal-Artikolu 29 [ta’ dan] il-Kodiċi?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

22

Permezz tad-domanda 1) a), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni moqri flimkien mal-Artikolu 29(1) u (3) tal-Kodiċi Doganali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn huwa stabbilit li fid-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għal dħul f’ċirkulazzjoni libera għal merkanzija, speċifiku, jeżisti riskju, marbut mal-fabbrikazzjoni, li ssir difettuża bl-użu, u fejn il-bejjiegħ jagħti għal dan il-għan, b’eżekuzzjoni ta’ obbligu kuntrattwali ta’ garanzija fir-rigward tax-xerrej, tnaqqis tal-prezz fil-forma tar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti mix-xerrej fl-adattament tal-merkanzija sabiex dan ir-riskju jiġi eskluż.

23

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, fuq il-portata tan-natura “difettuża” li l-merkanzija importata għandu jkollha, fis-sens tal-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, bil-għan li l-bidla mill-bejjiegħ favur ix-xerrej fil-prezz effettivament mħallas għaliha jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali.

24

Qabelxejn għandu jiġi ppreċiżat li huwa stabbilit li l-karozzi tat-tip A, minħabba l-manifattura tagħhom, kienu jinvolvu riskju ta’ ħsara fl-istering tal-klaċċ tagħhom.

25

Huwa neċessarju li jiġi rrilevat li r-Regolament ta’ Implementazzjoni ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “merkanzija difettuża” u li dan tal-aħħar ma jinkludi ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza, għandha tingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi lill-imsemmi kunċett fl-Unjoni kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Christodoulou et, C-116/12, EU:C:2013:825, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C-201/13, EU:C:2014:2132, punt 14).

27

Għalhekk, id-determinazzjoni tas-sinjifikat u tal-portata tal-kunċett ta’ “merkanzija difettuża” għandu jiġi stabbilit, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mat-tifsira abitwali tiegħu fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża l-imsemmi kunċett u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li tagħha jagħmel parti (is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C-549/07, EU:C:2008:771, punt 17, u tat-22 ta’ Novembru 2012, Probst, C-119/12, EU:C:2012:748, punt 20).

28

Fis-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ kurrenti, il-kunċett ta’ “merkanzija difettuża” jindika, bħalma tosserva l-Kummissjoni Ewropea, kull merkanzija li ma għandhiex il-karatteristiċi li wieħed leġittimament jistenna meta titqies in-natura tagħha u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Għalhekk, il-kliem “difettuż” jikklassifika merkanzija li ma għandhiex il-kwalitajiet rikjesti jew li hija imperfetta.

29

Din id-definizzjoni tikkorrispondi għal dik ta’ prodott difettuż prevista fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257). Skont din id-dispożizzjoni, prodott ikun difettuż meta ma jipprovdix is-sigurtà li persuna tkun intitolata li tistenna, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha, u b’mod partikolari l-preżentazzjoni tal-prodott, l-użu li wieħed jista’ raġonevolment jistenna u mill-mument meta l-prodott ikun tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni.

30

Fiċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali, fir-rigward tan-natura tal-merkanzija importata, jiġifieri ta’ karozzi u ta’ part kkonċernata, jiġifieri l-istering tal-klaċċ, huwa leġittimu u raġonevoli li jkun meħtieġ grad għoli ta’ sikurezza fir-rigward tar-riskji sinjifikattivi għall-integrità fiżika u l-ħajja tas-sewwieqa, tal-passiġġieri u ta’ terzi li huma marbuta mal-użu tagħhom, kif ġie indikat mill-avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu. Dan ir-rekwiżit ta’ sikurezza ma huwiex issodisfatt meta jkun jeżisti riskju, marbut mal-fabbrikazzjoni, ta’ difett fl-istering tal-klaċċ b’tali mod li l-imsemmija merkanzija ma għandhiex il-kwalitajiet li jistgħu jkunu leġittimament mistennija u li din għandha titqies bħala difettuża.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riskju ta’ “difett”, marbut mal-manifattura tal-merkanzija, bħal dik tal-karozzi, timplika li din il-merkanzija hija “difettuża”, fis-sens tal-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, sa mill-fabbrikazzjoni tagħha u, għalhekk, a fortiori, fil-mument tal-importazzjoni tagħha fit-territorju tal-Unjoni.

32

Din l-interpretazzjoni tan-natura “difettuża”, fis-sens tal-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, hija kkorroborata mill-għanijiet kif ukoll mill-kuntest li tinsab fih din id-dispożizzjoni.

33

Fill-fatt, fir-rigward tal-għan mixtieq, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-istima doganali hija intiża li tistabbilixxi sistema ġusta, uniformi u newtrali li teskludi l-użu ta’ valuri doganali arbitrarji jew fittizji (is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013Christodoulou et, C-116/12, EU:C:2013:825, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dak li jirrigwarda l-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tispeċifika r-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali (is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Mitsui & Co. Deutschland, C-256/07, EU:C:2009:167, punt 27).

35

Skont l-Artikolu 29, il-valur doganali tal-merkanzija importata huwa kkostitwit mill-valur tat-tranżazzjoni tagħhom, jiġifieri l-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta din tinbiegħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, bla ħsara madankollu għal aġġustamenti li għandhom isiru skont l-Artikoli 32 u 33 ta’ dan l-istess kodiċi.

36

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, jekk il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija jikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, il-bażi ta’ kalkolu tal-valur doganali, dan il-prezz huwa fattur li għandu eventwalment jiġi aġġustat ġaladarba din l-operazzjoni hija neċessarja sabiex tiġi evitata d-determinazzjoni ta’ valur għal skopijiet doganali arbitrarju jew fittizju (is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Christodoulou et, C-116/12, EU:C:2013:825, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Fil-fatt, il-valur ta’ tranżazzjoni għandu jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata u għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ din il-merkanzija li għandhom valur ekonomiku (is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Christodoulou et, C-354/09, EU:C:2013:439, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Madankollu, il-preżenza ta’ riskju, marbut mal-manifattura, li merkanzija tiffunzjona ħażin mal-użu tnaqqas, bħala tali u indipendentement mill-manifestazzjoni ta’ dan ir-riskju, il-valur ta’ din il-merkanzija, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu.

39

Il-kummentarju Nru 2 tal-ġabra ta’ testi dwar il-valur doganali, li tirreferi għalih il-qorti tar-rinviju ma huwiex tali li jikkontesta l-konklużjoni li tidher fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, peress li, minbarra n-natura mhux legalment vinkolanti, iċ-ċirkustanzi li jirreferi għalihom il-kummentarju huma differenti minn dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn jeżisti riskju, marbut mal-manifattura, li l-vetturi kollha jistgħu jsiru difettużi permezz tal-użu jeħtieġu li jinbidlilhom l-istering tal-klaċċ għall-vetturi kollha kkonċernati.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-parti (a) tal-ewwel domanda għandha li l-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni moqri flimkien mal-Artikolu 29(1) u (3) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn huwa stabbilit li fid-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għal merkanzija speċifika, kien jeżisti riskju, marbut mal-manifattura li din issir difettuża mal-użu, u fejn il-bejjiegħ jagħti għal dan il-għan, b’eżekuzzjoni ta’ obbligu kuntrattwali ta’ garanzija fir-rigward tax-xerrej, tnaqqis tal-prezz fil-forma tar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti mix-xerrej fl-adattament tal-merkanzija sabiex dan ir-riskju jiġi eskluż.

41

Minn dan isegwi li ma hemmx lok li l-punt (b) tal-ewwel domanda mressqa sussidjarjament mill-qorti tar-rinviju tingħatha risposta.

Fuq it-tieni domanda

42

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment jekk l-Artikolu 145(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, sa fejn dan jipprevedi terminu ta’ tnax-il xahar mill-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija, li matulu għandu jseħħ l-aġġustament tal-prezz attwalment imħallas jew li jrid jiġi mħallas huwa invalidu fir-rigward tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 78 u l-Artikolu 236 ta’ dan il-kodiċi.

43

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità tal-Artikolu 145(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni mal-Kodiċi Doganali sa fejn, meta l-aġġustament tal-valur doganali tal-merkanzija importata jirriżulta minn aġġustament tal-prezz b’applikazzjoni tal-Artikolu 145(2) ta’ dan ir-regolament ikollu bħala effett li jnaqqas it-terminu ta’ tliet snin, previst fl-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali, li matulu tista’ titressaq talba għal rimbors ta’ dazji.

44

Għandu jiġi rrilevat li r-Regolament ta’ Implementazzjoni ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 247 tal-Kodiċi Doganali, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 239) li jirriproduċi dispożizzjoni, essenzjalment ekwivalenti, għall-Artikolu 247 ta’ dan il-kodiċi. l-imsemmi artikolu jikkostitwixxi bażi jikkostitwixxi bażi ta’ awtorizzazzjoni suffiċjenti sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tadotta l-metodi ta’ applikazzjoni tal-imsemmi kodiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Söhlke, C-48/98, EU:C:1999:548, punt 35, kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 2007, Thomson u Vestel France, C-447/05 u C-448/05, EU:C:2007:151, punt 23).

45

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta l-miżuri kollha ta’ applikazzjoni neċessarji jew utli għall-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni bażika, sakemm dawn ma jkunux kuntrarji għal din il-leġiżlazzjoni jew għal-leġiżlazzjoni ta’ implementazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Söhl & Söhlke, C-48/98, EU:C:1999:548, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiddisponi minn ċerta setgħa diskrezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2007, Thomson u Vestel France, C‑447/05 u C-448/05, EU:C:2007:151, punt 25, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2007, Asda Stores, C-372/06, EU:C:2007:787, punt 45).

46

F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda n-natura neċessarja jew utli tat-terminu ta’ tnax-il xahar previst fl-Artikolu 145(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma jistgħux madankollu jintlaqgħu.

47

Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tqis li l-imsemmi terminu huwa utli, jew saħansitra neċessarju, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali sa fejn jippermetti l-ġlieda kontra r-riskju ta’ żball jew ta’ frodi fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, fid-dawl tad-diffikultà li tiddetermina f’liema mument huwa stabbilit in-nuqqas.

48

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-ewwel mir-rekwiżiti sostantivi msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni jipprevedi li għandu jiġi pprovat għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet tad-dwana li l-merkanzija kienet difettuża fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tagħha.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jidhirx li jkun utli u lanqas neċessarju, li l-aġġustament tal-valur doganali jkun suġġett għar-rekwiżit supplimentari li skontu l-aġġustament tal-prezz għandu jseħħ f’terminu ta’ tnax-il xahar mid-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera.

50

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tinvoka n-neċessità li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

51

Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, skont l-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali, kull talba sabiex jinkiseb rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni, għandha tiġi ppreżentata quddiem l-uffiċċju doganali kkonċernat qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin li għandu jibda jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni tal-imsemmija dazji lid-debitur. Minn perspettiva oħra, jekk debitur għandu dritt għal rimbors wara aġġustament tal-valur doganali tal-merkanzija li jkun importa b’applikazzjoni tal-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, dan ir-rimbors ta’ dazji doganali jaffettwa biss sakemm it-talba tkun ġiet ippreżentata matul it-terminu ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali u dan bl-istess mod bħal kwalunkwe talba oħra b’applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 236.

52

Għaldaqstant, huwa diffiċli li wieħed jaħseb għaliex dan it-terminu ma jiżgurax, fl-ipoteżi ta’ talba ta’ rimbors ibbażata fuq in-natura difettuża ta’ merkanzija fis-sens tal-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, grad adegwat ta’ ċertezza legali u ta’ uniformità favur l-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri, bl-istess mod tat-talbiet għal rimbors ibbażati fuq raġuni oħra u magħmula taħt l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali.

53

Fit-tielet lok, ma jistax jintlaqa’ l-argument ibbażat fuq l-allinjament tat-terminu stabbilit fl-Artikolu 145(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni mat-terminu tal-istess tul previst fl-Artikolu 238(4) tal-Kodiċi Doganali.

54

Fil-fatt l-Artikolu 238(4) tal-Kodiċi Doganali jirrigwarda sitwazzjoni distinta minn dik imsemmija fl-Artikolu 145(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni sa fejn din tirrigwarda r-rimbors jew il-maħfra tad-dazji tal-importazzjoni meta l-importatur jirrifjuta l-merkanzija minħabba li din tkun difettuża jew mhux konformi mal-istipulazzjonijiet kuntrattwali. Min-naħa l-oħra x-xerrej imsemmi fl-Artikolu 145(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ma jiżvelax ipotetikament, l-eżistenza ta’ difett li jaffettwa l-prodotti fil-mument tal-importazzjoni.

55

Minn dan isegwi, li t-terminu previst fl-Artikolu 145(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni la huwa neċessarju, u lanqas utli, għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali.

56

Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-konformità tal-Artikolu 145(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għall-Kodiċi Doganali, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tmur kontra l-Artikolu 29 ta’ dan il-kodiċi, moqri flimkien mal-Artikolu 78 u l-Artikolu 236(2) tal-imsemmi kodiċi.

57

Fil-fatt, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi r-regola ġenerali skont liema l-valur doganali tal-merkanzija importata għandha tikkorrispondi għall-valur ta’ tranżazzjoni, jiġifieri l-prezz effettivament mħallas għandu jitħallas għall-merkanzija, u li din ir-regola ġenerali kienet iċċarata fl-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

58

Mis-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Mitsui & Co. Deutschland (C‑256/07, EU:C:2009:167, punt 36), jirriżulta li l-Artikolu 145(2) u (3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, kif imressaq mir-Regolament Nru 444/2002, ma japplikax għal sitwazzjonijiet li nħolqu preċedentement għad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-aħħar regolament minħabba li din id-dispożizzjoni kienet tpoġġi f’dubju ċ-ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li għalhekk kien japplika meta l-awtoritajiet doganali kompetenti kienu japplikaw it-terminu ġenerali ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali fil-każ ta’ aġġustament, wara l-importazzjoni tagħha, tal-valur ta’ tranżazzjoni tal-merkanzija minħabba n-natura difettuża tagħha, bil-għan tad-determinazzjoni tal-valur doganali.

59

Madankollu, l-Artikolu 145(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprevedi li l-aġġustament tal-prezz konformement mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jista jittieħed inkunsiderazzjoni, bil-għan tad-determinazzjoni tal-valur doganali, biss jekk ikun seħħ f’perijodu ta’ tnax-il xahar mid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera. Konsegwentement, jekk tali aġġustament tal-prezz isir wara t-terminu ta’ tnax-il xahar previst mill-imsemmi Artikolu 145(3) il-valur doganali tal-merkanzija importata mhux se jkun jikkorrispondi mal-valur tat-tranżazzjoni tal-merkanzija importata fis-sens tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali u ma jistax jiġi aġġustat iktar.

60

Minn dan isegwi li, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 145(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, iwassal, bi ksur tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, għal determinazzjoni tal-valur doganali li ma jikkorrispondix għall-valur ta’ tranżazzjoni tal-merkanzija kif aġġustat wara l-importazzjoni tagħha.

61

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali jippermetti lill-awtoritajiet doganali li jipproċedu għar-reviżjoni tad-dikjarazzjoni doganali fuq talba tad-dikjarant imressqa wara li tkun ġiet irrilaxxata l-merkanzija u, jekk ikun il-każ, tirrimborsa l-ammont żejjed riċevut meta d-dazji tal-importazzjoni mħallsa mid-dikjarant jeċċedu dawk li jkunu legalment dovuti fil-mument tal-ħlas tagħhom. Dan ir-rimbors jista’ jitwettaq b’applikazzjoni tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali, jekk il-kundizzjonijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni jiġu osservati, jiġifieri, b’mod partikolari l-osservanza tat-terminu, bħala prinċipju ta’ tliet snin, previst għat-tressiq tat-talba ta’ rimbors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Overland Footwear, C-468/03, EU:C:2005:624, punti 5354).

62

Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan ir-rigward, iddeċidiet li l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali huwa applikabbli għall-aġġustamenti li jistgħu jsiru lill-elementi kkunsidrati għad-determinazzjoni tal-valur doganali u b’konsegwenza għad-dazji fuq l-importazzjoni. Konsegwentement, aġġustament tal-valur doganali li jirriżulta min-natura “difettuża” tal-merkanzija importata Fis-sens tal-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jista’ jiġi rikonoxxut permezz ta’ reviżjoni tad-dikjarazzjoni doganali skont l-Artikolu 78(1) tal-Kodiċi Doganali.

63

Minn dan isegwi, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, li fuq il-bażi tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 78 u l-Artikolu 236(2) ta’ dan il-kodiċi, id-debitur ikun jista’ jikseb ir-rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni, b’mod proporzjonali għall-aġġustament tal-valur doganali li jkun seħħ fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 145(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, sal-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet snin mill-komunikazzjoni ta’ dawn id-dazji lid-debitur.

64

Madankollu, l-Artikolu 145(3) ta’ dan ir-regolament jirrestrinġi din il-possibbiltà għal terminu ta’ tnax-il xahar li matulu l-aġġustament tal-valur doganali li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 145(2) tal-imsemmi regolament ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni jekk l-aġġustament tal-prezz iseħħ f’dan it-terminu ta’ tnax-il xahar.

65

Konsegwentement, l-Artikolu 145(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jmur kontra l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 78 u tal-Artikolu 236(2) ta’ dan il-kodiċi.

66

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 145(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, billi jipprevedi terminu ta’ tnax-il xahar mill-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ ħelsien għaċ-ċirkulazzjoni tal-merkanzija, li fih l-aġġustament tal-prezz effettivament imħallas kellu jseħħ huwa invalidu.

Fuq l-ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 145(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 444/2002, tal-11 ta’ Marzu 2002, moqri flimkien mal-Artikolu 29(1) u (3) mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn huwa stabbilit li fid-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għal dħul f’ċirkulazzjoni libera għal merkanzija, speċifiku, jeżisti riskju, marbut mal-fabbrikazzjoni, li ssir difettuża bl-użu, u fejn il-bejjiegħ jagħti għal dan il-għan, b’eżekuzzjoni ta’ obbligu kuntrattwali ta’ garanzija fir-rigward tax-xerrej, tnaqqis tal-prezz fil-forma tar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti mix-xerrej fl-adattament tal-merkanzija sabiex dan ir-riskju jiġi eskluż.

 

2)

L-Artikolu 145(3) tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 444/2002, billi jipprevedi terminu ta’ tnax-il xahar mill-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ ħelsien għaċ-ċirkulazzjoni tal-merkanzija, li fih l-aġġustament tal-prezz effettivament imħallas kellu jseħħ huwa invalidu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top