EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0652

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-29 ta’ Marzu 2017.
Furkan Tekdemir vs Kreis Bergstraße.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Darmstadt.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija – Deċiżjoni Nru 1/80 – Artikolu 13 – Klawżola ta’ standstill – Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru – Eventwali eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika restrizzjonijiet ġodda – Ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji – Obbligu impost fuq iċ-ċittadini ta’ Stat terz ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena li jkollhom permess ta’ residenza – Proporzjonalità.
Kawża C-652/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:239

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

29 ta’ Marzu 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija — Deċiżjoni Nru 1/80 — Artikolu 13 — Klawżola ta’ standstill — Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru — Eventwali eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika restrizzjonijiet ġodda — Ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji — Obbligu impost fuq iċ-ċittadini ta’ Stat terz ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena li jkollhom permess ta’ residenza — Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑652/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Darmstadt (qorti amministrattiva ta’ Darmstadt, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura

Furkan Tekdemir, irrappreżentat legalment minn Derya Tekdemir u Nedim Tekdemir,

vs

Kreis Bergstraße,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Ottubru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Furkan Tekdemir, irrappreżentat legalment minn Derya Tekdemir u Nedim Tekdemir, minn R. Gutmann, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni, mehmuża mal-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat, fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Furkan Tekdemir (iktar ’il quddiem il-“wild Tekdemir”), irrappreżentat legalment mill-ġenituri tiegħu, Derya Tekdemir u Nedim Tekdemir, u l-Kreis Bergstraße (distrett ta’ Bergstraße, il-Ġermanja), dwar iċ-ċaħda minn dan tal-aħħar tal-applikazzjoni tiegħu għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza fil-Ġermanja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

3

Mill-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jirriżulta li dan tal-aħħar għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod sħiħ, in-neċessità li jiġi żgurat l-iżvilupp imħaffef tal-ekonomija tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tal-impjieg u tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-poplu Tork.

4

Skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, “il-Partijiet kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli [45, 46 u 47 TFUE] sabiex iwettqu b’mod gradwali l-moviment liberu tal-ħaddiema bejniethom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Id-Deċiżjoni Nru 1/80

5

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi:

“L-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema u tal-membri tal-familja tagħhom li jinsabu fit-territorju rispettiv tagħhom f’sitwazzjoni regolari f’dak li jikkonċerna r-residenza u l-impjieg.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

Skont l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80:

“1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima għandhom jiġu applikati suġġett għal-limitazzjonijiet iġġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika.

2.   Huma ma jippreġudikawx id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew mill-ftehimiet bilaterali li jeżistu bejn it-Turkija u l-Istati Membri tal-Komunità, sa fejn huma jipprevedu sistema iktar favorevoli għaċ-ċittadini tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt Ġermaniż

7

L-Artikolu 4 tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (liġi dwar ir-residenza, l-impjieg u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju federali), tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1950), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AufenthG”), intitolat “Obbligu ta’ pussess ta’ permess ta’ residenza”, jipprovdi:

“(1)   Sabiex jidħlu jew jirrisjedu fit-territorju federali, il-barranin għandu jkollhom permess ta’ residenza, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mid-dritt tal-Unjoni Ewropea jew minn regolament jew sakemm ma jkunx jeżisti dritt ta’ residenza bis-saħħa [tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni]. Il-permessi ta’ residenza jinħarġu bħala:

1.

viża fis-sens tal-Artikolu 6(1)(1) u (3),

2.

permess ta’ residenza (Artikolu 7),

2a.

Karta Blu tal-UE (Artikolu 19a),

3.

permess ta’ stabbiliment (Artikolu 9) jew

4.

permess ta’ residenza permanenti UE (Artikolu 9a).

[…]

(5)   Il-barrani li jgawdi dritt ta’ residenza bis-saħħa [tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni] huwa obbligat jipprova l-eżistenza tad-dritt ta’ residenza permezz tal-pussess ta’ permess ta’ residenza, sa fejn la jkollu permess ta’ stabbiliment u lanqas permess ta’ residenza permanenti UE. Il-permess ta’ residenza jinħareġ fuq talba.”

8

L-Artikolu 33 tal-AufenthG, intitolat “Twelid ta’ wild fit-territorju federali”, jipprovdi:

“B’deroga mill-Artikoli 5 u 29(1)(2), permess ta’ residenza jista’ jingħata ex officio lil wild li jitwieled fit-territorju federali meta wieħed mill-ġenituri jkollu permess ta’ residenza, permess ta’ stabbiliment jew permess ta’ residenza permanenti UE. Jekk, fid-data tat-twelid, iż-żewġ ġenituri jew il-ġenitur li għandu l-kustodja esklużiva jkollhom permess ta’ residenza, permess ta’ stabbiliment jew permess ta’ residenza permanenti UE, jingħata permess ta’ residenza ex officio lill-wild li jkun twieled fit-territorju federali. Ir-residenza ta’ wild imwieled fit-territorju federali li missieru jew ommu, fid-data tat-twelid tal-wild, ikollhom viża jew ikollhom id-dritt li jirrisjedu filwaqt li jkunu eżenti mill-viża għandha titqies permessa sal-iskadenza tal-viża jew tar-residenza regolari eżenti mill-viża.”

9

L-Artikolu 81 tal-AufenthG, intitolat “Applikazzjoni għall-permess ta’ residenza”, jistabbilixxi:

“(1)   Permess ta’ residenza jinħareġ lil barrani biss fuq talba tiegħu, sakemm ma jkunx previst mod ieħor.

(2)   Permess ta’ residenza li […] jista’ jinkiseb wara d-dħul fit-territorju għandu jintalab immedjatament wara dan id-dħul jew fit-terminu stabbilit mir-regolament. F’dak li jirrigwarda wild imwieled fit-territorju federali li lilu ma għandux jinħareġ permess ta’ residenza ex officio, l-applikazzjoni għandha ssir f’terminu ta’ sitt xhur wara t-twelid.

[…]”

10

L-Artikolu 2 tal-Ausländergesetz (liġi dwar il-barranin), tat-28 ta’ April 1965 (BGBl. 1965 I, p. 353), li kienet applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ fil-Ġermanja tad-Deċiżjoni Nru 1/80, kien jipprovdi:

“(1)   Il-barranin li jidħlu fit-territorju li fih tapplika din il-liġi u li jkunu jixtiequ jirrisjedu fih għandu jkollhom permess ta’ residenza. Permess ta’ residenza jista’ jinħareġ meta l-preżenza tal-barrani ma tippreġudikax l-interessi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

(2)   Ma humiex obbligati jkollhom permess ta’ residenza l-barranin li

1.

ikunu ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena;

[…]

3.

ikunu eżenti minn dan l-obbligu bis-saħħa ta’ konvenzjonijiet internazzjonali.

(3)   Għall-finijiet li tiġi ffaċilitata r-residenza tal-barranin, il-ministru federali tal-intern jista’ jipprovdi permezz ta’ regolament li barranin oħra wkoll ma jkunux obbligati jkollhom permess ta’ residenza.

(4)   Il-ministru federali tal-intern jista’ jipprovdi permezz ta’ regolament li l-barranin li ma jkunux obbligati jkollhom permess ta’ residenza għandhom jiddikjaraw ir-residenza tagħhom.”

11

Fl-aħħar nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 7(4) u (5) ta’ din il-liġi, it-tul tal-permess ta’ residenza mogħti lil barrani ta’ età żgħira eżenti mill-obbligu li jkollu permess ta’ residenza minħabba l-età tiegħu seta’ jiġi limitat mill-awtorità amministrattiva li taġixxi fl-ambitu tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Il-wild Tekdemir, li twieled fil-Ġermanja fis-16 ta’ Ġunju 2014, huwa ċittadin Tork.

13

Fl-1 ta’ Novembru 2013, omm il-wild Tekdemir, li wkoll hija ċittadina Torka, daħlet fil-Ġermanja koperta b’viża Schengen għat-turisti. Fit-12 ta’ Novembru 2013, hija ppreżentat applikazzjoni għall-ażil mal-fergħa tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (uffiċċju federali tal-migrazzjoni u tar-refuġjati) ta’ Gieβen (il-Ġermanja). Din il-proċedura kienet għadha pendenti fid-data tad-deċiżjoni tar-rinviju. Omm il-wild Tekdemir ma għandhiex permess ta’ residenza iżda, bħala applikant għall-ażil, għandha awtorizzazzjoni ta’ residenza.

14

Missier il-wild Tekdemir, li wkoll huwa ċittadin Tork, daħal fil-Ġermanja fit-13 ta’ Novembru 2005. Mill-1 ta’ Frar 2009, huwa eżerċita diversi attivitajiet bħala persuna impjegata. Huwa ilu jaħdem full-time mill-1 ta’ Marzu 2014.

15

Fil-21 ta’ April 2008, missier il-wild Tekdemir kiseb, għall-ewwel darba, permess ta’ residenza għal żmien limitat għal raġunijiet umanitarji li dejjem iġġedded sat-30 ta’ Ottubru 2013. Mill-31 ta’ Ottubru 2013, huwa għandu permess ta’ residenza validu sas-6 ta’ Ottubru 2016, maħruġ skont l-Artikolu 4(5) tal-AufenthG.

16

Il-ġenituri tal-wild Tekdemir iżżewġu fit-23 ta’ Settembru 2015. Qabel, huma kienu jeżerċitaw flimkien is-setgħa tal-ġenituri fuq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

17

Fl-10 ta’ Lulju 2014, il-wild Tekdemir, li r-regolarità tar-residenza tiegħu fil-Ġermanja matul is-sitt xhur wara t-twelid tiegħu ġiet ikkonstatata mill-qorti tar-rinviju, talab il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza skont l-Artikolu 33 tal-AufenthG.

18

Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2015, id-distrett ta’ Bergstraße ċaħad din l-applikazzjoni. Sabiex jimmotiva dan ir-rifjut, dan tal-aħħar spjega, b’mod partikolari, li l-awtorità kompetenti għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-kwistjoni jekk għandux jinħareġ permess ta’ residenza u li, f’dan il-każ, hija qieset li ma kienx hemm lok li jintuża dan il-marġni ta’ diskrezzjoni favur il-wild Tekdemir. Id-distrett ta’ Bergstraße fil-fatt irrileva li ma kienx inaċċettabbli li l-wild Tekdemir jintalab jaġixxi a posteriori permezz tal-proċedura ta’ viża, anki jekk dan kien iwassal inevitabbilment sabiex dan tal-aħħar u ommu jiġu, tal-inqas provviżorjament, isseparati minn missieru u minn żewġha, rispettivament. Barra minn hekk, huwa qies li ma kienx irraġonevoli li missier il-wild Tekdemir ikun mistenni jkompli bil-ħajja tal-familja jew konjugali tiegħu ma’ ibnu u ma’ martu fit-Turkija, peress li huwa ma kienx irrikonoxxut bħala applikant għall-ażil jew refuġjat u peress li, bħal ibnu u martu, huwa għandu n-nazzjonalità Torka. Fl-aħħar nett, id-distrett ta’ Bergstraße enfasizza li l-preżenza tal-wild Tekdemir fil-Ġermanja kienet ittollerata matul il-proċedura ta’ ażil mibdija minn ommu.

19

Il-wild Tekdemir, irrappreżentat mill-ġenituri tiegħu, ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

20

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-obbligu li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena jkollhom permess ta’ residenza jikkostitwixxi restrizzjoni ġdida, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

21

Issa peress li tali obbligu jfittex li jilħaq l-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan il-għan jikkostitwixxix raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tippermetti li tali restrizzjoni tiġi ġġustifikata u, jekk dan ikun il-każ, liema huma r-rekwiżiti kwalitattivi li għandhom jintalbu fir-rigward ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali b’relazzjoni ma’ dan l-għan.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Darmstadt (qorti amministrattiva ta’ Darmstadt, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li hija ta’ natura li tirrifjuta lil ċittadin Tork, imwieled fit-territorju Federali, l-eżenzjoni mill-obbligu li jkollu permess ta’ residenza li jista’ jitlob bis-saħħa tal-klawżola ta’ standstill tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80?

2)

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi pożittivament għal din id-domanda, liema huma r-rekwiżiti kwalitattivi li għandhom jintalbu fir-rigward ta’ ‘raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali’ fid-dawl tal-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji?”

Fuq id-domandi preliminari

23

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tippermetti li tiġi ġġustifikata miżura nazzjonali, introdotta wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni fl-Istat Membru kkonċernat, li timponi fuq iċ-ċittadini ta’ Stati terzi ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena l-obbligu li jkollhom permess ta’ residenza sabiex jidħlu u jirrisjedu f’dan l-Istat Membru, u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, jekk tali miżura hijiex proporzjonata fid-dawl tal-għan li tfittex li tilħaq.

24

Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni ġdida, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, kif tqis il-qorti tar-rinviju.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klawżola ta’ standstill stabbilita mill-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tipprojbixxi b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura interna ġdida li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju minn ċittadin Tork tal-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli għalih fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Demir, C‑225/12, EU:C:2013:725, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, iċ-ċittadini ta’ Stati terzi, inklużi dawk ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena, huma obbligati jkollhom permess ta’ residenza sabiex jidħlu u jirrisjedu fil-Ġermanja. Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-ulied ċittadini ta’ Stat terz li twieldu f’dan l-Istat Membru u li wieħed mill-ġenituri tagħhom għandu permess ta’ residenza fil-Ġermanja, bħall-wild Tekdemir, l-awtorità kompetenti tista’ toħorġilhom permess ta’ residenza ex officio.

27

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ fil-Ġermanja tad-Deċiżjoni Nru 1/80, iċ-ċittadini ta’ Stati terzi ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena kienu eżenti mill-obbligu li jkollhom permess ta’ residenza sabiex jidħlu u jirrisjedu f’dan l-Istat Membru. Abbażi ta’ din l-eżenzjoni, dawn l-ulied minuri kienu jgawdu dritt ta’ residenza u għalhekk kienu assimilati maċ-ċittadini ta’ Stati terzi li kellhom permess ta’ residenza. Madankollu, it-tul tad-dritt ta’ residenza mogħti b’dan il-mod lil dawn l-ulied minuri seta’ jiġi limitat a posteriori mill-awtorità amministrattiva fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

28

Wara li wettqet paragun bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet teżisti fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju kkonstatat, mingħajr ma ġiet ikkontradetta fuq dan il-punt mill-Gvern Ġermaniż, li l-kundizzjonijiet għad-dħul u għar-residenza fil-Ġermanja taċ-ċittadini ta’ Stati terzi ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena, previsti minn din il-leġiżlazzjoni tal-aħħar, huma iktar stretti minn dawk previsti mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel.

29

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, minkejja li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirregolax speċifikament ir-riunifikazzjoni tal-familja, hija madankollu jista’ jkollha effett fuq ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ħaddiem Tork, bħal missier il-wild Tekdemir, meta, bħal f’dan il-każ, l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni tirrendi tali riunifikazzjoni tal-familja iktar diffiċli. Lanqas din il-konstatazzjoni ma hija kkontestata mill-Gvern Ġermaniż.

30

Għaldaqstant, wieħed għandu jitlaq mill-kunsiderazzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali rrendiet iktar stretti l-kundizzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-ħaddiem Torok, bħal missier il-wild Tekdemir, meta mqabbla ma’ dawk li kienu jeżistu fid-data tad-dħul fis-seħħ fil-Ġermanja tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

31

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrendi iktar stretti l-kundizzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-ħaddiema Torok li jirrisjedu legalment fl-Istat Membru kkonċernat, meta mqabbla ma’ dawk applikabbli meta daħlet fis-seħħ id-Deċiżjoni Nru 1/80 f’dan l-Istat Membru, tikkostitwixxi restrizzjoni ġdida, fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni, għall-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema fl-imsemmi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc, C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 50).

32

Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni ġdida, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

33

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li restrizzjoni li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju minn ċittadin Tork tal-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 hija pprojbita ħlief sa fejn taqa’ taħt il-limitazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-deċiżjoni jew sa fejn tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu mfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc, C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-limitazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, peress li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, din il-leġiżlazzjoni tfittex li tilħaq l-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji.

35

Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat, fit-tieni lok, jekk il-ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji tikkostitwixxix raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tippermetti li tiġi ġġustifikata restrizzjoni ġdida, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, kif isostni l-Gvern Ġermaniż.

36

F’dan ir-rigward, għandha tiġi rrilevata l-importanza li jagħti d-dritt tal-Unjoni lill-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji, kif jirriżulta mill-Artikolu 79(1) TFUE, li jsemmi espliċitament dan l-għan fost dawk li tfittex li tilħaq il-politika komuni tal-immigrazzjoni żviluppata mill-Unjoni Ewropea.

37

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li tali għan la jmur kontra l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u lanqas dawk previsti fil-premessi tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

38

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-għan ta’ prevenzjoni tad-dħul u tar-residenza irregolari jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, għall-finijiet tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Demir, C‑225/12, EU:C:2013:725, punt 41).

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 17 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ta’ natura li tiġġustifika restrizzjoni ġdida, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

40

Fit-tielet lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq.

41

F’dak li jirrigwarda n-natura xierqa ta’ din il-miżura għall-finijiet tal-għan imfittex, l-obbligu impost fuq iċ-ċittadini ta’ Stati terzi ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena li jkollhom permess ta’ residenza sabiex jidħlu u jirrisjedu fl-Istat Membru kkonċernat tabilħaqq jippermetti li tiġi vverifikata l-legalità tar-residenza ta’ dawn iċ-ċittadini f’dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, sa fejn il-ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji teħtieġ sorveljanza ta’ dawn l-istess flussi, tali miżura hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ dan l-għan. Għalhekk, bħala prinċipju, hija ta’ natura li tiġġustifika restrizzjoni addizzjonali minkejja l-klawżola ta’ standstill.

42

F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, għandu jiġi rrilevat li, bħala prinċipju, l-obbligu impost fuq iċ-ċittadini ta’ Stati terzi, inklużi dawk ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena, li jkollhom permess ta’ residenza sabiex jidħlu u jirrisjedu fil-Ġermanja ma jistax, fih innifsu, jitqies li huwa sproporzjonat fid-dawl tal-għan imfittex.

43

Madankollu, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi wkoll li l-modalitajiet ta’ implementazzjoni ta’ tali obbligu ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 33 tal-AufenthG jagħti lill-awtorità kompetenti marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tiddeċiedi jekk ikunx hemm lok, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li toħroġ permess ta’ residenza jew le.

45

F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-distrett ta’ Bergstraße uża s-setgħa diskrezzjonali li għandu u ċaħad l-applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lill-wild Tekdemir, peress li qies, minn naħa, li ma kienx inaċċettabbli li dan tal-aħħar jintalab jaġixxi a posteriori permezz tal-proċedura ta’ viża, anki jekk dan kien iwassal inevitabbilment sabiex huwa u ommu jiġu, tal-inqas provviżorjament, isseparati minn missieru u minn żewġha, rispettivament, kif ukoll, min-naħa l-oħra, li lanqas ma kien irraġonevoli li missier il-wild Tekdemir ikun mistenni jkompli bil-ħajja tal-familja jew konjugali tiegħu ma’ ibnu u ma’ martu fit-Turkija.

46

Għaldaqstant, huwa paċifiku li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal ħaddiem Tork, bħal missier il-wild Tekdemir, għandha l-effett li dan tal-aħħar ikollu jagħżel bejn li jkompli bl-attività tiegħu bħala persuna impjegata fil-Ġermanja filwaqt li l-ħajja tal-familja tiegħu ssofri taqlib profond, jew li jirrinunzja għall-imsemmija attività mingħajr ma jkollu garanzija li jiġi integrat mill-ġdid fuq livell professjonali meta eventwalment jirritorna mit-Turkija.

47

Issa l-Gvern Ġermaniż jispeċifika li d-dritt nazzjonali bl-ebda mod ma jeskludi l-possibbiltà ta’ riunifikazzjoni tal-familja tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ma’ missieru meta jipprevedi l-obbligu li tinbeda proċedura ta’ viża a posteriori li fil-kuntest tagħha tista’ tiġi eżaminata l-eżistenza tal-kundizzjonijiet għal tali riunifikazzjoni tal-familja. Għaldaqstant, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jkollu jibda tali proċedura mit-Turkija, bil-għan li jikseb permess ta’ residenza sabiex jidħol u jirrisjedi fil-Ġermanja abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja.

48

Madankollu, ebda element fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jitqies li huwa neċessarju, sabiex tiġi vverifikata l-legalità tar-residenza taċ-ċittadini ta’ Stati terzi ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena fl-Istat Membru kkonċernat u, konsegwentement, sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji, li l-ulied ċittadini ta’ Stati terzi li twieldu f’dan l-Istat Membru u li jirrisjedu fih regolarment sa minn twelidhom għandhom imorru lura fl-Istat terz li tiegħu għandhom in-nazzjonalità u jibdew proċedura minn dan l-Istat terz li fil-kuntest tagħha ser jiġu eżaminati tali kundizzjonijiet.

49

F’dan ir-rigward, ma ġiex allegat u wisq inqas ma ġie pprovat li huwa biss it-tluq tar-rikorrent fil-kawża prinċipali mit-territorju Ġermaniż u t-tressiq a posteriori ta’ proċedura ta’ viża li jqiegħdu lill-awtorità kompetenti f’pożizzjoni li jevalwaw il-legalità tar-residenza tiegħu abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja.

50

Għall-kuntrarju, xejn ma jippermetti li jitqies li l-awtorità kompetenti ma għandhiex diġà l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tagħti deċiżjoni dwar id-dritt ta’ residenza fil-Ġermanja tar-rikorrent fil-kawża prinċipali abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja u li dan l-eżami ma jistax jitwettaq mill-awtorità kompetenti, billi jiġu evitati l-inkonvenjenzi msemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar il-ħruġ tal-permess ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 33 tal-AufenthG.

51

Għaldaqstant, sa fejn, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali twassal għal konsegwenzi bħal dawk deskritti fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li tali applikazzjoni hija sproporzjonata fid-dawl tal-għan imfittex.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, għall-finijiet tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-obbligu impost fuq iċ-ċittadini ta’ Stati terzi ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena li jkollhom permess ta’ residenza sabiex jidħlu u jirrisjedu fl-Istat Membru kkonċernat, f’dak li jirrigwarda l-ulied ċittadini ta’ Stati terzi li twieldu fl-Istat Membru kkonċernat u li wieħed mill-ġenituri tagħhom huwa ħaddiem Tork li jgawdi permess ta’ residenza f’dan l-Istat Membru, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tippermetti li tiġi ġġustifikata miżura nazzjonali, introdotta wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni fl-Istat Membru kkonċernat, li timponi fuq iċ-ċittadini ta’ Stati terzi ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena l-obbligu li jkollhom permess ta’ residenza sabiex jidħlu u jirrisjedu f’dan l-Istat Membru. Madankollu, tali miżura ma hijiex proporzjonata fid-dawl tal-għan imfittex, peress li l-modalitajiet ta’ implementazzjoni tagħha f’dak li jirrigwarda l-ulied ċittadini ta’ Stati terzi li twieldu fl-Istat Membru kkonċernat u li wieħed mill-ġenituri tagħhom huwa ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment f’dan l-Istat Membru, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni, mehmuża mal-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat, fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tippermetti li tiġi ġġustifikata miżura nazzjonali, introdotta wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni fl-Istat Membru kkonċernat, li timponi fuq iċ-ċittadini ta’ Stati terzi ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena l-obbligu li jkollhom permess ta’ residenza sabiex jidħlu u jirrisjedu f’dan l-Istat Membru.

 

Madankollu, tali miżura ma hijiex proporzjonata fid-dawl tal-għan imfittex, peress li l-modalitajiet ta’ implementazzjoni tagħha f’dak li jirrigwarda l-ulied ċittadini ta’ Stati terzi li twieldu fl-Istat Membru kkonċernat u li wieħed mill-ġenituri tagħhom huwa ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment f’dan l-Istat Membru, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top