EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0645

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-24 ta’ Novembru 2016.
Bund Naturschutz in Bayern e.V. u Harald Wilde vs Freistaat Bayern.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Proġett suġġett għall-evalwazzjoni – Anness I, punt 7 – Ftehim Ewropew dwar l-Arterji Prinċipali tat-Traffiku Internazzjonali (AGR) – Twessigħ ta’ triq ta’ erba’ korsiji fuq tul ta’ inqas minn 10 kilometri.
Kawża C-645/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:898

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

24 ta’ Novembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Direttiva 2011/92/UE — Proġett suġġett għall-evalwazzjoni — Anness I, punt 7 — Ftehim Ewropew dwar l-Arterji Prinċipali tat-Traffiku Internazzjonali (AGR) — Twessigħ ta’ triq ta’ erba’ korsiji fuq tul ta’ inqas minn 10 kilometri”

Fil-Kawża C‑645/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri ta’ Bayern, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura

Bund Naturschutz in Bayern eV,

Harald Wilde

vs

Freistaat Bayern,

fil-preżenza ta’:

Stadt Nürnberg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Bund Naturschutz in Bayern eV u Harald Wilde, minn A. Lehners, Rechtsanwalt,

għall-Freistaat Bayern, minn A. Meyer, Oberlandesanwalt, u W. Durner, Rechtsanwalt,

għal Stadt Nürnberg, minn U. Hösch, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Becker u C. Zadra, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Bund Naturschutz in Bayern eV u Harald Wilde, minn naħa, u l-Freistaat Bayern (Land ta’ Bayern, il-Ġermanja), min-naħa l-oħra, dwar il-legalità tad-deċiżjoni meħuda minn din tal-aħħar li tapprova l-iżvilupp ta’ ċerti partijiet ta’ triq li tinsab fit-territorju tas-Stadt Nürnberg (belt ta’ Nuremberg, il-Ġermanja), mingħajr ma wettqet evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan l-iżvilupp fuq l-ambjent.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2011/92

3

Skont il-premessa 1, l-għan tad-Direttiva 2011/92 huwa l-kodifikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15 Vol. 1 p. 248), li ġiet emendata diversi drabi u b’mod sostanzjali.

4

Barra minn hekk, id-Direttiva 2011/92 tinkludi, b’mod partikolari, il-premessi li ġejjin:

“[…]

(8)

Proġetti li jappartienu lil ċerti tipi għandhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent u dawk il-proġetti għandhom, bħala regola, jkunu suġġetti għal stima [evalwazzjoni] sistematika.

(9)

Proġetti ta’ tipi oħra jista’ ma jkollomx effetti sinifikanti fuq l-ambjent f’kull każ u dawk il-proġetti għandhom ikunu stmati fejn l-Istati Membri jaħsbu li x’aktarx li jkollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.

[…]”

5

Skont l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, Stati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-proġett għandux jiġi soġġett għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni permezz ta’:

a)

eżami każ b’każ,

jew

b)

livelli jew kriterji stabbiliti mill-Istat Membru.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b).”

6

Il-punt 7 tal-Anness I, tad-direttiva imsemmija jipprovdi b’mod partikolari, fir-rigward tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 4(1) tagħha:

“[…]

b)

Il-bini ta’ awtostradi u toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa [Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘triq li tgħaqqad bliet direttament u bil-ħeffa’ tfisser triq li tikkonforma mad-definizzjoni fil-Ftehim Ewropew dwar l-Arterji Prinċipali tat-Traffiku Internazzjonali tal-15 ta’ Novembru 1975.];

c)

Il-bini ta’ triq ġdida ta’ erba’ korsiji jew iktar, l-allinjament mill-ġdid u/jew it-twessigħ ta’ triq eżistenti ta’ żewġ korsiji jew iktar sabiex tipprovdi għal erba’ korsiji jew iktar, fejn din it-triq ġdida jew sezzjoni tat-triq allinjata mill-ġdid u/jew imwessgħa tkun iktar min 10 km jew f’tul iktar li ma jaqta’ xejn.”

7

Fir-rigward tal-proġetti imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/92, il-punt 24 tal-Anness I isemmi wkoll:

“Kull bidla jew estensjoni tal-proġetti elenkati f’dan l-Anness meta tali bidla jew estensjoni fiha nfisha tilħaq il-livelli, jekk ikun hemm, iddikjarati f’dan l-Anness.”

8

Fir-rigward tal-proġetti imsemmija fl-Artikolu 4(2) tad-direttiva msemmija, il-punt 10 tal-Anness II tagħha, intitolat “Proġetti ta’ Infrastruttura”, isemmi b’mod partikolari:

“[…]

e)

‘Il-bini ta’ toroq, […]’

[…]”

9

Fir-rigward tal-proġetti imsemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92, il-punt 13 tal-Anness II ta’ din id-direttiva jsemmi wkoll:

“a)

Kull bidla jew estensjoni tal-proġetti mniżżla fl-Anness I jew f’dan l-Anness, diġà awtorizzati, imwettqa jew fil-proċess tat-twettiq, li jista’ jkollhom effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent (bidla jew estensjoni mhux inkluża fl-Anness I);

b)

Il-proġetti fl-Anness I, magħmula esklużivament jew fil-biċċa l-kbira tagħhom għall-iżvilupp u l-eżami ta’ metodi jew prodotti ġodda u li ma jkunux ilhom użati għal iktar minn sentejn.”

L-AGR

10

L-Anness II tal-Ftehim Ewropew dwar l-Arterji Prinċipali tat-Traffiku Internazzjonali (AGR), iffirmat f’Ġinevra fil-15 ta’ Novembru 1975 (iktar ’il quddiem il-“ftehim”), intitolat “Kundizzjonijiet li l-arterji prinċipali tat-traffiku internazzjonali għandhom jissodisfaw”, jinkludi punt I. 1 li jipprovdi kif ġej:

“Il-karatteristiċi fundamentali li għandhom jiġu adottati għall-bini jew għall-iżvilupp tal-arterji prinċipali tat-traffiku internazzjonali, iktar ’il quddiem imsejħa ‘toroq internazzjonali’, huma s-suġġett tad-dispożizzjonijiet li ġejjin li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kunċetti moderni fil-qasam tat-teknoloġija tal-bini tat-toroq. Dawn ma japplikawx għaż-żoni mibnija. Dawn tal-aħħar għandhom jiġu evitati jekk dawn it-toroq jikkostitwixxu ostakolu jew perikolu għalihom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Taħt Titolu II ta’ dan l-anness, (“Kategoriji ta’ toroq internazzjonali”), hemm il-punt II. 3, li jipprovdi d-definizzjoni li ġejja:

“Toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa

Toroq riżervati għat-traffiku tal-vetturi, aċċessibbli biss minn salib it-toroq jew intersezzjonijiet ikkontrollati u li fuqha huwa pprojbit, b’mod partikolari, li wieħed jieqaf jew jipparkja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt Ġermaniż

11

L-Artikolu 37 tal-Bayerisches Straßen- und Wegegesetz (liġi tal-Bavarja dwar in-netwerk tat-toroq), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-5 ta’ Ottubru 1981, kif emendata bil-liġi tat-22 ta’ Mejju 2015, intitolat “Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent”, jiddisponi:

“Il-proġetti relatati ma toroq reġjonali, toroq distrettwali, toroq li jgħaqqdu lokalitajiet jew toroq lokali huma suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent

1.

meta jipprevedu l-bini ta’ triq ġdida ta’ erba’ korsiji jew iktar, it-twessigħ ta’ triq eżistenti sabiex tipprovdi għal erba’ korsiji jew iktar jew l-allinjament ta’ tali triq, meta s-sezzjoni tat-triq mibnija mill-ġdid, imwessgħa jew allinjata

a)

tkun ta’ mill-inqas 10 kilometri tul mingħajr interruzzjoni jew

b)

tkun ta’ mill-inqas 5 kilometri tul mingħajr interruzzjoni u taqsam fuq iktar minn 5 % tat-tul tagħha bijotopi […] b’erja ta’ iktar minn 1 ha, żoni ta’ konservazzjoni, jew ta’ protezzjoni indikati bis-saħħa tad-Direttiva [tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 2 p. 102)] jew tad-Direttiva [tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98)], parks nazzjonali […] jew riżervi naturali […], jew

2.

meta jipprevedu l-bini ta’ triq ġdida ta’ korsija waħda, tnejn jew tlieta, meta s-sezzjoni mibnija mill-ġdid tkun ta’ mill-inqas 10 kilometri tul mingħajr interruzzjoni u taqsam fuq iktar minn 5 % tat-tul tagħha bijotopi jew żoni indikati fil-punt 1(b), iktar ’il fuq, jew

3.

meta, fejn ma jaqax taħt il-punt 1 iktar ’il fuq, huma jipprevedu żieda għal triq eżistenti ta’ mill-inqas korsija addizzjonali li tkun ta’ mill-inqas 10 kilometri tul mingħajr interruzzjoni u meta s-sezzjoni hekk ittrasformata taqsam fuq iktar minn 5 % tat-tul tagħha bijotopi jew żoni indikati fil-punt 1(b), iktar ’il fuq.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

B’deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2013, l-awtoritajiet kompetenti tal-Land ta’ Bayern approvaw il-pjanti għall-iżvilupp ta’ ċerti partijiet tat-triq distrettwali Nru 4 fit-territorju tal-belt ta’ Nuremberg.

13

Il-proġett ta’ żvilupp inkwistjoni jirrigwarda żewġ sezzjonijiet ta’ din it-triq b’żewġ korsiji f’kull direzzjoni. Fl-ewwel sezzjoni, b’tul ta’ 1.8 kilometri, huwa previst, fuq naħa, li tiżdied tielet korsija u l-bini ta’ ħitan kontra l-istorbju fuq tul ta’ madwar 1.3 kilometri. Fit-tieni sezzjoni, b’tul ta’ 2.6 kilometri, huwa previst li tinbena mina fit-triq b’tul ta’ madwar 1.8 kilometri, li l-“intersezzjonijiet” eżistenti jinbidlu f’“intersezzjonijiet fuq livelli differenti” u li tiġi żviluppata triq ġdida li twassal għaċ-ċentru tal-belt ta’ Nuremberg. Iż-żewġ sezzjonijiet ikkonċernati jinsabu f’żona urbana.

14

Kull wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors għal annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2013 quddiem il-Bayerisches Verwaltungsgericht Ansbach (qorti amministrattiva f’Bayern ta’ Ansbach, il-Ġermanja) b’mod partikolari minħabba li ma twettqitx minn qabel evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

15

Dawn ir-rikorsi ġew miċħuda b’sentenzi tal-14 ta’ Lulju 2014. B’digrieti tat-23 ta’ Ġunju 2015, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri ta’ Bayern, il-Ġermanja), awtorizzat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jappellaw mis-sentenzi msemmija.

16

Fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-appell, il-qorti tar-rinviju qajmet il-kwistjoni dwar l-obbligu li l-proġett inkwistjoni jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent abbażi tal-punt 7(b) u (c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92. Hija tiddubita, b’mod partikolari, dwar l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għal żvilupp ta’ tul ta’ inqas minn 10 kilometri u tistaqsi jekk dan il-każ jirrigwardax “bini”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri tal-Land ta’ Bayern) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-punt 7(c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92/UE […], għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll it-twessigħ jew l-iżvilupp ta’ triq eżistenti ta’ erba’ korsiji jew iktar?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

Il-punt 7(c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 jikkostitwixxi dispożizzjoni speċjali b’paragun mal-punt 7(b) ta’ dan l-istess anness u għandu għalhekk jiġi applikat bi prijorità?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda:

It-terminu ‘toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa’ fil-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 jimplika li l-parti mit-triq ikkonċernata għandha tkun arterja prinċipali tat-traffiku internazzjonali fis-sens tal-[AGR]?

4)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel, għat-tieni jew għat-tielet domanda:

Il-kunċett ta’ ‘bini’ fil-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 ikopri t-twessigħ jew l-iżvilupp ta’ triq li ma jibdilx b’mod sinjifikattiv ir-rotta tagħha?

5)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għar-raba’ domanda:

Il-kunċett ta’ ‘bini’ fil-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 jimplika li l-parti mit-triq ikkonċernata għandha tkun ta’ ċertu tul minimu? Fil-każ affermattiv, għandha din il-parti mit-triq tkun kontinwa? Fil-każ affermattiv, dan it-tul minimu huwa iktar minn 2.6 kilometri mingħajr interruzzjoni jew – jekk għandu jingħadd it-tul ta’ diversi partijiet mit-triq li ma humiex maġenb xulxin – minn 4.4 kilometri b’kollox?

6)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ħames domanda:

It-tieni każ tal-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 (il-bini ta’ toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa) japplika għal miżura ta’ twessigħ jew ta’ żvilupp ta’ triq li tinsab fejn hemm bini fis-sens tal-[AGR]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

18

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 7(c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92/UE għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri proġett ta’ żvilupp tat-toroq li, għalkemm jirrigwarda, bħal fil-kawża prinċipali, sezzjoni ta’ inqas minn 10 kilometri tul, jikkonsisti fi twessigħ jew żvilupp ta’ triq eżistenti f’erba’ korsiji jew iktar.

19

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessi 8 u 9 tad-Direttiva 2011/92, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ried jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-proġetti li jaqgħu f’ċerta kategorija, li għandhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u li għandhom bħala prinċipju jkunu suġġetti għal evalwazzjoni sistematika u, min-naħa l-oħra, dawk li jaqgħu f’kategoriji oħra li mhux neċessarjament għandhom tali effetti f’kull każ u li għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni meta l-Istati Membri jikkunsidraw li jistgħu jkollhom tali effetti sinjifikattivi.

20

Konsegwentement, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/92, fil-paragrafu 1 tiegħu, jagħmel distinzjoni, minn naħa, bejn il-proġetti mniżżla fl-Anness I ta’ din id-direttiva, li l-Istati Membri għandhom jissuġġettaw għall-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent u, min-naħa l-oħra, fil-paragrafu 2, il-proġetti mniżżla fl-Anness II tad-direttiva imsemmija, li għalihom l-Istati Membri jistabbilixxu jekk għandhomx ikunu ssuġġettati għal tali evalwazzjoni.

21

Fil-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92, huma mniżżla l-bini ta’ awtostradi u toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa u, fil-punt 7(c) il-bini ta’ triq ġdida ta’ erba’ korsiji jew iktar, jew l-allinjament jew it-twessigħ ta’ triq eżistenti ta’ żewġ korsiji jew inqas sabiex tipprovdi għal erba’ korsiji jew iktar, fejn din it-triq ġdida jew sezzjoni tat-triq allinjata jew imwessgħa tkun ta’ mill-inqas 10 kilometri tul mingħajr interruzzjoni.

22

Mid-dispożizzjonijiet tal-punt 7(c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 jirriżulta b’mod ċar li kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li l-obbligu għall-Istati Membri li ċerti proġetti ta’ żvilupp tat-toroq jkunu suġġetti għal evalwazzjoni sistematika tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent ikun limitat biss għall-proġetti li jirrigwardaw sezzjonijiet ta’ triq ta’ tul sinjifikattiv, f’dan il-każ ta’ mill-inqas 10 kilometri.

23

Għalkemm il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/92, bħal dak tad-Direttiva 85/337, huwa wiesa’ u li l-għan tiegħu huwa wiesa’ ħafna (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2008, Abraham et, C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 32, kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción‑CODA, C‑142/07, EU:C:2008:445, punt 28), madankollu, interpretazzjoni teleoloġika ta’ din l-ewwel direttiva ma tistax titbiegħed mill-intenzjoni espressa kjarament mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et, C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 29).

24

Għaldaqstant, proġett ta’ żvilupp tat-toroq li, bħal dak fil-kawża prinċipali, jirrigwarda sezzjoni ta’ inqas minn 10 kilometri, minħabba n-natura tiegħu biss u, għalkemm jikkonsisti fi twessigħ jew żvilupp ta’ triq eżistenti f’erba’ korsiji jew iktar, ma huwiex kopert mill-punt 7(c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92.

25

Madankollu, din il-kunsiderazzjoni hija bla ħsara għall-applikazzjoni fil-kawża prinċipali, skont il-każ, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) tal-Anness II tad-Direttiva 2011/92.

26

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 7(c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri proġett ta’ żvilupp tat-toroq li, għalkemm jirrigwarda, bħal fil-kawża prinċipali, sezzjoni ta’ inqas minn 10 kilometri tul, jikkonsisti fi twessigħ jew żvilupp ta’ triq eżistenti f’erba’ korsiji jew iktar.

Fuq it-tieni domanda

27

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq it-tielet u s-sitt domandi

28

Permezz tat-tielet u s-sitt domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar il-portata tal-kunċett ta’ “toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa” li, skont il-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92, il-bini tagħhom għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent.

29

Il-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 jiddefinixxi t-toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa b’riferiment għad-definizzjoni ta’ toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa fl-AGR, kif imfakkar fil-punt 10 ta’ din is-sentenza.

30

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-punt 7(b) kif ukoll dan ir-riferiment għall-AGR, kien ifformulat bl-istess kliem fid-Direttiva 85/337. Għall-applikazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, billi mhux l-Istati Membri kollha kienu partijiet għal dan il-ftehim, din ir-referenza tikkonċerna dan il-ftehim fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ meta ġiet adottata d-Direttiva 85/337, jiġifieri l-verżjoni tal-15 ta’ Novembru 1975 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción-CODA,C‑142/07, EU:C:2008:445, punt 30).

31

Peress li d-Direttiva 2011/92 wettqet sempliċi kodifikazzjoni tad-Direttiva 85/337, u billi mhux l-Istati Membri kollha huma partijiet għall-AGR u li xejn ma jindika li, fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva 2011/92, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jagħmel riferiment, bir-riferiment tiegħu għal dan il-ftehim, għall-verżjoni inizjali, iżda għall-verżjonijiet emendati jew riveduti tiegħu, hemm lok li jitkompla jsir riferiment għall-imsemmi ftehim fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data li fih ġie ffirmat, jiġifieri l-15 ta’ Novembru 1975.

32

It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont ir-riferiment għall-AGR magħmul mill-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, “toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa” tfisser triq li tikkorrispondi għad-definizzjoni mogħtija minn dan il-ftehim. Għalhekk, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, billi għamlet riferiment għal tali definizzjoni u mhux għat-toroq li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGR, id-direttiva imsemmija tkopri t-toroq li l-karatteristiċi tekniċi tagħhom huma dawk inklużi f’din id-definizzjoni, u mhux it-toroq li, b’applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni, huma kklassifikati bħala “arterji prinċipali tat-traffiku internazzjonali”, fis-sens tal-AGR. Għaldaqstant, il-bini ta’ triq li għandha l-karatteristiċi tekniċi tat-toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa, skont id-definizzjoni mogħtija fl-AGR, għalkemm din it-triq ma hijiex komponent tan-netwerk tal-arterji prinċipali tat-traffiku internazzjonali, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 7(b) tal-Anness I tal-istess direttiva.

33

Fir-rigward tal-obbligi imposti mid-Direttiva 2011/92, il-fatt li skont il-punt I. 1 tal-Anness II tal-AGR, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-anness “ma japplikawx għaż-żoni mibnija”, li “għandhom jiġu evitati jekk dawn it-toroq jikkostitwixxu ostaklu jew periklu għalihom”, huwa irrilevanti. Tali restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGR, bl-ebda mod ma tqajjem dubju, fiha nnifisha, dwar l-applikabbiltà, skont id-Direttiva 2011/92, tal-karatteristiċi tekniċi proprji tagħhom tat-toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa, kif iddefiniti f’dan il-ftehim.

34

It-tielet nett, triq li tgħaqqad bliet direttament u bil-ħeffa hija, skont din id-definizzjoni, triq riżervata għat-traffiku tal-vetturi, aċċessibbli biss minn salib it-toroq jew intersezzjonijiet ikkontrollati u li fuqha huwa pprojbit li wieħed jieqaf jew jipparkja. Minn din id-definizzjoni ma jirriżultax li t-toroq li jinsabu fiż-żoni urbani huma a priori esklużi. Għall-kuntrarju, għandu jitqies li, fin-nuqqas ta’ esklużjoni espliċita tat-toroq li jinsabu f’żoni mibnija, it-termini “toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa” ikopru t-toroq urbani li jikkorrispondu għall-karatteristiċi previsti fl-Anness II tal-AGR (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción-CODA,C‑142/07, EU:C:2008:445, punt 31).

35

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tielet u għas-sitt domanda għandha tkun li l-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-“toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huma t-toroq li l-karatteristiċi tekniċi tagħhom huma dawk inklużi fid-definizzjoni mogħtija mill-Anness II, punt II. 3 tal-AGR, għalkemm dawn it-toroq ma humiex komponenti tan-netwerk tal-arterji prinċipali tat-traffiku internazzjonali stabbilit minn dan il-ftehim jew jinsabu f’żoni mibnija.

Fuq ir-raba ’ u l-ħames domandi

36

Permezz tar-raba’ u l-ħames domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar il-portata tal-kunċett ta’ “bini” fis-sens tal-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92.

37

Kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-punt 7(b) u (c) tal-Anness I tad-Direttiva 85/337, li huma riprodotti bl-istess mod fil-punt 7(b) u (c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92, il-Qorti tal-Ġustizzja tathom interpretazzjoni wiesgħa billi qieset li proġett li jirrigwarda t-trasformazzjoni ta’ triq li jkun ekwivalenti, fil-portata u l-modalitajiet tiegħu, għal bini jista’ jitqies bħala bini fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción-CODA,C‑142/07, EU:C:2008:445, punt 36, kif ukoll tas-17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et, C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 27).

38

Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk proġett, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrigwarda t-trasformazzjoni ta’ ċerta portata, ta’ triq b’tul inqas minn 10 kilometri u mingħajr tibdil sinjifikattiv tar-rotta tagħha, jistax jitqies bħala “bini”, fis-sens tal-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92.

39

Għandu jiġi rrilevat li t-terminu “bini” użat fil-punt 7(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 ma huwiex ambigwu u li għandu jinftiehem fis-sens normali tiegħu, jiġifieri li jirreferi għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet li ma kinux jeżistu qabel jew bidliet, fis-sens fiżiku, ta’ xogħlijiet li kienu diġà jeżistu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et, C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 26).

40

Ma jidhirx kontestabbli li proġett li jipprevedi t-trasformazzjoni ta’ toroq li kienu diġà jeżistu permezz ta’ miżuri ta’ inġinerija ċivili ta’ ċerta portata, b’mod partikolari bit-tħaffir ta’ mina, huwa kopert minn tali bidla, meta dan se jitwettaq fuq ir-rotot eżistenti tat-triq u fuq tul ta’ inqas minn 10 kilometri.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tal-punt 7(a) u (c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92, id-dispożizzjonijiet tal-punt 7(b) ma jagħmlu l-ebda referenza għal tul minimu li għandhom ikollhom it-toroq koperti minnhom. Barra minn hekk, mill-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kklassifika l-bini ta’ awtostradi u toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa fil-kategorija ta’ proġetti suġġetti b’mod sistematiku għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent, mingħajr ma jeżiġi li tali bini għandu jkollu tul minimu.

42

Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li żvilupp tat-toroq, anki ta’ tul inqas, minħabba n-natura tiegħu biss, ikun ta’ tali portata li jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “bini”, fis-sens tal-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92, ma jimplikax li s-sezzjoni tat-triq ikkonċernata għandha jkollha ċerta tul. Fiċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa każ b’każ jekk, fuq il-bażi tal-karatteristiċi kollha tiegħu, u mhux biss abbażi tat-tul tiegħu, l-iżvilupp tat-triq inkwistjoni huwiex ta’ tali portata li għandu jiġi kklassifikat bħala “bini”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

43

Konsegwentement, ir-risposta għar-raba’ u għall-ħames domandi għandha tkun li l-kunċett ta’ “bini”, fis-sens tal-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92, għandu jiġi interpretat bħala li jkopri l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet li ma kinux jeżistu qabel jew bidliet, fis-sens fiżiku, ta’ xogħlijiet li kienu diġà jeżistu. Sabiex jiġi evalwat jekk tali bidla tistax titqies bħala ekwivalenti, fil-portata u l-modalitajiet tagħha, għal tali bini, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi kollha tax-xogħol ikkonċernat, u mhux biss it-tul tiegħu jew iż-żamma tar-rotta inizjali tagħha.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 7(c) tal-Anness I, tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent ma jistax jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri proġett ta’ żvilupp tat-toroq li, għalkemm jirrigwarda, bħal fil-kawża prinċipali, sezzjoni ta’ tul ta’ inqas minn 10 kilometri, jikkonsisti fi twessigħ jew żvilupp ta’ triq eżistenti f’erba’ korsiji jew iktar.

 

2)

Il-punt 7(b) tal-Anness I, tad-Direttiva 2011/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-“toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huma t-toroq li l-karatteristiċi tekniċi tagħhom huma dawk inklużi fid-definizzjoni mogħtija mill-Anness II, punt II. 3 tal-Ftehim Ewropew dwar l-Arterji Prinċipali tat- Traffiku Internazzjonali (AGR), iffirmat f’Ġinevra fil-15 ta’ Novembru 1975, għalkemm dawn it-toroq ma humiex komponenti tan-netwerk tal-arterji prinċipali tat-traffiku internazzjonali stabbilit minn dan il-ftehim jew jinsabu f’żoni mibnija .

 

3)

Il-kunċett ta’ “bini”, fis-sens tal-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92, għandu jiġi interpretat bħala li jkopri l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet li ma kinux jeżistu qabel jew bidliet, fis-sens fiżiku, ta’ xogħlijiet li kienu diġà jeżistu. Sabiex jiġi evalwat jekk tali bidla tistax titqies bħala ekwivalenti, fil-portata u l-modalitajiet tagħha, għal tali bini, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi kollha tax-xogħol ikkonċernat, u mhux biss it-tul tiegħu jew iż-żamma tar-rotta inizjali tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top