EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0625

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-8 ta’ Ġunju 2017.
Schniga GmbH vs L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO).
Appell – Protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ġodda ta’ pjanti – Applikazzjoni għal protezzjoni Kommunitarja – Varjetà ta’ tuffieħa ‘Gala Schnitzer’ – Eżami tekniku – Prinċipji ta’ gwida maħruġa mill-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) – Regolament (KE) Nru 1239/95 – Artikolu 23(1) – Setgħat tal-President tas-CPVO – Żieda ta’ karatteristika distintiva fit-tmiem tal-eżami tekniku – Stabbiltà tal-karatteristika fuq żewġ ċikli ta’ kultivazzjoni.
Kawża C-625/15 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:435

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

8 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

“Appell — Protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ġodda ta’ pjanti — Applikazzjoni għal protezzjoni Kommunitarja — Varjetà ta’ tuffieħa ‘Gala Schnitzer’ — Eżami tekniku — Prinċipji ta’ gwida maħruġa mill-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) — Regolament (KE) Nru 1239/95 — Artikolu 23(1) — Setgħat tal-President tas-CPVO — Żieda ta’ karatteristika distintiva fit-tmiem tal-eżami tekniku — Stabbiltà tal-karatteristika fuq żewġ ċikli ta’ kultivazzjoni”

Fil-Kawża C‑625/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-23 ta’ Novembru 2015

Schniga GmbH, stabbilita f’Bolzano (l-Italja), irrappreżentata minn R. Kunze u G. Würtenberger, avukati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), irrappreżentat minn M. Ekvad u F. Mattina, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Brookfield New Zealand Ltd, stabbilita f’Havelbock North (in-New Zealand),

Elaris SNC, stabbilita f’Angers (Franza),

irrappreżentati minn M. Eller, avukat,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Novembru 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Jannar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Schniga GmbH titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Settembru 2015, Schniga vs CPVO – Brookfield New Zealand u Elaris (Gala Schnitzer) (T‑91/14 u T‑92/14, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, EU:T:2015:624), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi tagħha intiżi għall-annullament ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), tal-20 ta’ Settembru 2013, dwar l-għoti tal-protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ġodda ta’ pjanti għall-varjetà ta’ tuffieħa Gala Schnitzer (Każijiet A 003/2007 u A 004/2007, iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390, iktar ’il quddiem ir-Regolament bażiku), il-protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ġodda ta’ pjanti għandha tingħata għal varjetajiet li jkunu distinti, uniformi, stabbli u ġodda.

3

Skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, varjetà tkun meqjusa li tkun distinta jekk tkun distingwibbli b’mod ċar, b’riferiment għall-espressjoni tal-karatteristiċi li jirriżultaw minn ġenotip partikolari jew taħlita ta’ ġenotipi, minn kull varjetà oħra li l-eżistenza tagħha jkun fatt li jafu kulħadd fid-data tal-applikazzjoni.

4

Fir-rigward tal-kriterji ta’ uniformità, ta’ stabbiltà u ta’ oriġinalità, dawn huma ddefiniti rispettivament fl-Artikoli 8, 9 u 10 ta’ dan ir-regolament.

5

L-Artikolu 50(1)(f) ta’ dan l-istess regolament jippreċiża li l-applikazzjoni għal protezzjoni Komunitarja għandha tinkludi deskrizzjoni teknika tal-varjetà.

6

Il-kwistjoni dwar jekk il-kriterji ta’ distinzjoni, ta’ uniformità u ta’ stabbiltà (iktar ’il quddiem il-“kriterji DUS”) humiex issodisfatti f’każ partikolari għandha tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ eżami tekniku mwettaq skont l-Artikoli 55 u 56 tar-Regolament bażiku.

7

Skont l-Artikolu 55(1) ta’ dan ir-regolament:

“Meta [s-CPVO] ma jkunx skopra xi impediment għall-għoti tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti fuq il-bażi ta’ l-eżami skond l-Artikoli 53 u 54, għandu jieħu ħsieb għall-eżami tekniku li jirrelata mal-konformità tal-[kriterji DUS] sabiex isiru mill-uffiċċju jew l-uffiċċji kompetenti f’ta’ mill-anqas wieħed mill-Istati Membri fdati bir-reponsabbiltà ta’ l-eżami tekniku tal-varjetajiet tal-ispeċi kkonċernati mill-Kunsill Amministrattiv [tas-CPVO] hawnhekk iżjed ’il quddiem imsemmi ‘L-Uffiċċju jew l-Uffiċċji ta’ l-Eżami’.”

8

Skont l-Artikolu 56(2) ta’ dan ir-regolament, l-eżamijiet tekniċi għandhom jitwettqu skont il-prinċipji ta’ gwida maħruġa mill-Kunsill Amministrattiv tas-CPVO (iktar ’il quddiem il-“Kunsill Amministrattiv”) u skont l-istruzzjonijiet mogħtija mis-CPVO. Dawn il-prinċipji ta’ gwida jiddeskrivu, b’mod partikolari, il-materjal ta’ pjanti meħtieġ għall-eżami tekniku, il-modi tat-testijiet, il-metodi li għandhom jiġu applikati, l-osservazzjonijiet li għandhom isiru, il-ġbir flimkien tal-varjetajiet li fuqhom isiru t-testijiet, kif ukoll it-tabella tal-karatteristiċi suġġetti għall-eżami. Fil-kuntest tal-eżami tekniku, il-pjanti tal-varjetà kkonċernata jiġu kkultivati maġenb dawk tal-varjetajiet li s-CPVO u ċ-ċentru tal-eżami maħtur iqisu li huma l-varjetajiet li l-varjetà kandidata hija l-iktar qrib tagħhom, abbażi tad-deskrizzjoni tagħha fid-deskrizzjoni teknika li tifforma parti mill-applikazzjoni għal protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ġodda ta’ pjanti.

9

L-Artikolu 59(3)(a) ta’ dan l-istess regolament jippreċiża:

“Oġġezzjonijiet [għall-għoti tal-protezzjoni Komunitarja] jistgħu jkunu bażati biss fuq il-kontenzjoni li:

(a)

il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 11 ma ġewx imħarsa”.

10

Skont l-Artikolu 72 tar-Regolament bażiku:

“Il-Bord ta’ l-Appell għandu jiddeċiedi l-appell fuq il-bażi ta’ l-eżami magħmul skond l-Artikolu 71. Il-Bord ta’ l-Appell jista’ jeżerċita kull setgħta li hemm fi ħdan il-kompetenza ta[s-CPVO, jew jibgħat lura l-każ lill-korp kompetenti tas-CPVO] għal aktar azzjoni. Dan ta’ l-aħħar għandu, sakemm il-fatti [huma] l-istess, jintrabat bir-razzjonalità deċenti [ratio decidendi] tal-Bord ta’ l-Appell.”

11

Skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) nru 1239/95, tal-31 ta’ Mejju 1995, li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 17, p. 327, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”), l-applikazzjoni għal protezzjoni Komunitarja għandha tinkludi, fost informazzjoni oħra, il-karatteristiċi tal-varjetà li, fl-opinjoni tal-applikant, jiddistingwuha b’mod ċar minn varjetajiet oħra, filwaqt li dawn tal-aħħar jistgħu jiġu msemmija sabiex iservu ta’ riferiment għat-testijiet.

12

L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Id-deċiżjoni fuq il-linji gwida tat-test” jippreċiża:

“1.   Fuq il-proposta tal-President ta[s-CPVO], il-Kunsill Amminstrattiv għandu jieħu deċiżjoni dwar il-linji gwida tat-test. Id-data u l-ispeċji interessati fid-deċiżjoni għandhom jiġu ppubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali riferita fl-Artikolu 87 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Kunsill Amministrattiv dwar il-linji gwida tat-test, il-President ta[s-CPVO] jista’ jagħti deċiżjoni proviżorja dwar dan. Id-deċiżjoni proviżorja għandha tiskadi fid-data tad-deċiżjoni tal-Kunsill Amministrattiv. Meta d-deċiżjoni proviżorja tal-President ta[s-CPVO] tiddevja mid-deċiżjoni tal-Kunsill Amministrattiv, ma għandux jiġi effettwat eżami tekniku mibdi qabel id-deċiżjoni tal-Kunsill Amministrattiv; il-Kunsill Amministrattiv jista’ jiddeċiedi xorta oħra jekk iċ-ċirkostanzi jitolbu dan.”

13

Skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Is-setgħat vestiti fil-President ta[s-CPVO]”:

“1.   Meta l-Kunsill Amministrattiv jieħu deċiżjoni fuq il-linji gwida tat-test, għandu jinkludi setgħa li biha l-President ta[s-CPVO] jista’ jdaħħal karatteristiċi addizzjonali u l-espressjonijiet tagħhom rigward varjetà.

2.   Meta l-President ta[s-CPVO] jagħmel użu mis-setgħa msemmija fil-paragrafu 1, għandu japplika mutatis mutandis l-Artikolu 22(2) ta’ dan ir-Regolament.”

14

Il-Protokoll TP/14/1 tas-CPVO, tas-27 ta’ Marzu 2003, dwar l-eżamijiet tad-distintività, tal-uniformità u tal-istabbiltà (Tuffieħ) (iktar ’il quddiem, il-“Protokoll CPVO TP/14/1”), jistabbilixxi l-prinċipji ta’ gwida relatati mal-eżami tekniku tal-varjetajiet ta’ tuffieħ tal-ispeċi Malus Mill. Qabel l-adozzjoni tiegħu, ma kinux jeżistu prinċipji ta’ gwida u lanqas struzzjonijiet ġenerali, fis-sens tar-Regolament ta’ bażi, dwar dawn il-varjetajiet. Skont prattika stabbilita fil-qasam ta’ eżamijiet tekniċi, is-CPVO kien għaldaqstant jeżamina l-kriterji DUS tal-varjetajiet inkwistjoni billi jibbaża ruħu fuq il-prinċipji ta’ gwida ġenerali u tekniċi stabbiliti mill-Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti (UPOV), organizzazzjoni intergovernattiva maħluqa permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti, adottata f’Pariġi fit-2 ta’ Diċembru 1961 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni UPOV”).

15

Skont il-punt III.3 tal-Protokoll CPVO TP/14/1, “fit-testijiet DUS u fil-preparazzjoni tad-deskrizzjonijiet għandhom jintużaw il-karatteristiċi msemmija fl-Anness I”.

16

Skont il-punt III.5 tal-Protokoll CPVO TP/14/1, “[i]t-tul minimu tat-test (ċikli ta’ veġetazzjoni indipendenti), normalment, jikkorrispondi għal, mill-inqas, żewġ għelejjel sodisfaċenti ta’ frott”. Il-punt IV ta’ dan il-protokoll iżid li “[i]l-varjetajiet kandidati jistgħu jissodisfaw il-kriterji DUS wara żewġ perijodi ta’ produzzjoni ta’ frott, iżda, f’xi każijiet, jista’ ikun hemm bżonn tliet perijodi ta’ produzzjoni ta’ frott”.

17

Hekk kif jipprovdi l-punt III.6 tal-Protokoll CPVO TP/14/1:

“[…] applikant jista’ jasserixxi, kemm fil-kwestjonarju tekniku kif ukoll matul it-test, li varjetà kandidata għandha karatterristika li tkun utli għall-finijiet li tiġi stabbilita d-distintività. Jekk issir talba f’dan is-sens u jekk tiġi pprovduta data teknika affidabbli insostenn ta’ din it-talba, jista’ jsir l-eżami, bil-kundizzjoni li tkun tista’ tiġi elaborata proċedura ta’ test teknikament aċċettabbli. Għandhom isiru testijiet speċjali, bil-qbil tal-President tas-CPVO, meta ma jkunx probabbli wisq li d-distintività tista’ tintwera permezz tal-karatteristiċi elenkati fil-protokoll.”

Id-dritt internazzjonali

18

Il-UPOV, li l-Komunità Ewropea aderixxiet magħha fid-29 ta’ Lulju 2005, adottat numru ta’ prinċipji ta’ gwida rilevanti, li jinsabu f’protokolli, li huma rilevanti għall-finijiet ta’ din it-tilwima.

19

Dawn jinkludu, l-ewwel nett, il-prinċipji ta’ gwida TG/14/8 għat-twettiq tal-eżami tad-distintività, tal-uniformità u tal-istabbiltà, tal-20 ta’ Ottubru 1995, stabbiliti mill-UPOV għall-varjetajiet ta’ tuffieħ tal-ispeċi Malus Mill (iktar ’il quddiem, il-“Protokoll UPOV TG/14/8”).

20

Sussegwentement, dawn jinkludu d-dokument UPOV TG/1/3, bit-titolu “Introduzzjoni ġenerali għall-eżami tad-distintività, l-uniformità u l-istabbiltà u l-iżvilupp ta’ deskrizzjonijiet armonizzati ta’ varjetajiet ġodda ta’ pjanti”, adottat mill-UPOV fid-19 ta’ April 2002 (iktar ’il quddiem, il-“Protokoll UPOV TG/1/3”), li jikkostitwixxi l-bażi tal-prinċipji ta’ gwida kollha tal-UPOV relatati mal-eżami tal-kriterji DUS (iktar ’il quddiem l-“eżami DUS”).

21

Skont il-punt 1.3 tal-Protokoll UPOV TG/1/3, “[l]-uniċi obbligi li jorbtu lill-Membri tal-[UPOV] huma dawk li jinsabu fil-Konvenzjoni tal-UPOV u dan id-dokument ma għandux jiġi interpretat b’tali mod li ma jkunx konformi mal-Att rilevanti għall-każ tal-Membru tal-[UPOV] ikkonċernat”. Dan il-protokoll huwa intiż “sabiex jistabbilixxi l-prinċipji li fuqhom għandu jkun ibbażat l-eżami DUS” u jipprovdi li “l-eżami tal-varjetajiet ġodda ta’ pjanti jista’ jiġi armonizzat fil-membri kollha tal-[UPOV]”.

22

Skont il-punt 4.2.3 tal-Protokoll UPOV TG/1/3, “[i]l-karatteristiċi inklużi fil-linji gwida tal-eżami individwali ma humiex neċessarjament eżawrjenti u, jekk jitqies utli u jekk il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq ikunu ssodisfatti, jistgħu jiġu miżjuda karatteristiċi addizzjonali”.

23

Skont il-punt 5.3.3.1.1. tal-Protokoll UPOV TG/1/3:

“Wieħed mill-mezzi sabiex jiġi żgurat li differenza f’karatteristika osservata f’test ta’ kultivazzjoni tista’ tiġi riprodotta b’mod suffiċjenti huwa li l-karatteristika tiġi eżaminata f’minn tal-inqas żewġ sitwazzjonijiet indipendenti. Dan huwa possibbli għal varjetajiet annwali u perenni permezz tal-osservazzjonijiet magħmula fuq it-taħwil matul żewġ staġunijiet differenti jew fil-każ ta’ varjetajiet perenni oħra permezz ta’ osservazzjonijiet magħmula matul żewġ staġuni differenti abbażi ta’ taħwila waħda. Indikazzjonijiet dwar ir-rikors possibbli għal soluzzjonijiet oħra, per eżempju billi jsiru testijiet f’żewġ ambjenti differenti matul l-istess sena, huma pprovduti fid-dokument TGP/9 ‘Eżami tad-distinzjoni’.”

24

Skont il-punt 6.2 tal-Protokoll UPOV TG/1/3:

“[…] Fost il-karatteristiċi rilevanti ta’ varjetà nsibu, bħala minimu, dawk kollha li jintużaw bħala bażi għall-eżami DUS jew li huma inklużi fid-deskrizzjoni tal-varjetà magħmula fid-data tal-għoti ta’ protezzjoni għal dik il-varjetà. Għalhekk, kwalunkwe karatteristika evidenti tista’ titqies li hija rilevanti, irrispettivament minn jekk tkunx inkluża fil-linji gwida tal-eżami jew le.”

25

Il-punt 7.2 tal-Protokoll UPOV TG/1/3 iżid:

“Fost il-karatteristiċi rilevanti jew essenzjali nsibu mill-inqas il-karatteristiċi kollha użati għall-eżami DUS jew li huma inklużi fid-deskrizzjoni tal-varjetà stabbilita fid-data tal-għoti tal-protezzjoni għal dik il-varjetà. Għalhekk, jistgħu jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi evidenti kollha, irrispettivament minn jekk jirriżultawx fil-linji gwida tal-eżami jew le.”

26

Fl-aħħar nett, prinċipji ta’ gwida ġodda għat-twettiq tal-eżami tad-distintività, tal-uniformità u tal-istabbiltà għall-varjetajiet ta’ frott tat-tuffieħ ġew adottati mill-UPOV fid-dokument UPOV TG/14/9, tas-6 ta’ April 2005 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll UPOV TG/14/9”). It-tabella ta’ karatteristiċi inkorporata fil-Protokoll UPOV TG/14/9 tinkludi l-Karatteristika Nru 40, bit-titolu “Frott: wisa’ tal-istrixxi”, li ma kinitx fit-tabella tal-karatteristiċi annessa mal-Protokoll UPOV TG/14/8.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

27

Fil-punti 22 sa 43 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġabret fil-qasir il-fatti li wasslu għall-kawża b’dan il-mod:

“22

Fit-18 ta’ Jannar 1999, il-Konsortium Südtiroler Baumschuler, li [Schniga] hija s-suċċessur fid-drittijiet tiegħu, ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni tal-varjetajiet ġodda ta’ pjanti quddiem is-CPVO, skont ir-[Regolament bażiku] […] Din l-applikazzjoni ġiet irreġistrata taħt in-numru 1999/0033. Il-varjetà ġdida ta’ pjanti li għaliha għaldaqstant ġiet ippreżentata l-applikazzjoni hija l-varjetà ta’ tuffieħa tal-ispeċi Malus Mill imsejħa Gala Schnitzer (iktar ’il quddiem il-‘varjetà kandidata’).

23

[Fi] Frar 1999, is-CPVO talab liċ-ċentru ta’ eżami tal-Bundessortenamt (uffiċċju federali Ġermaniż tal-varjetajiet ta’ pjanti, iktar ’il quddiem il-‘BSA’) stabbilit f’Wurzen (il-Ġermanja) jipproċedi bl-eżami tekniku tal-varjetà kandidata, skont l-Artikolu 55(1) tar-[Regolament bażiku]. Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, il-varjetà Baigent (iktar ’il quddiem il-‘varjetà ta’ riferiment’), li kienet meqjusa bħala li kienet l-iktar qariba għall-varjetà kandidata, intużat bħala l-varjetà ta’ paragun.

24

[Matul is-sena] 2001 irriżulta li l-materjal ta’ pjanti ppreżentat minn Schniga għall-finijiet tal-eżami tekniku kellu vajrus. Għaldaqstant l-eżami tekniku ġie sospiż, umbgħad tkompla fir-rebbiegħa 2002 wara li Schniga ġiet awtorizzata mis-CPVO tippreżenta materjal ġdid, mhux infettat, tal-varjetà kandidata. Dan tkompla matul is-snin 2003 u 2004 […]

25

Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Jannar 2005, il-BSA indika dan li ġej lis-CPVO:

‘Fit-13 ta’ Jannar 2005, bagħtnilek ir-rapport preliminari dwar l-eżami DUS tal-varjetà [kandidata] f’isem is-[CPVO]. Aħna nqisu li l-varjertà kandidata hija distinta mill-varjetà [ta’ riferiment] abbażi ta’ karatteristika li, attwalment, ma hijiex inkluża fil-[Protokoll] CPVO TP/14/1: ‘fjura: kulur tal-bażi tal-filamenti (wara li jinferqu l-anteri)’ […]

[…] Ġew prodotti provi insostenn tal-fatt li din il-karatteristika hija suffiċjentement uniformi, riproduċibbli u kellha biżżejjed differenzi bejn il-varjetajiet u, għaldaqstant, tippermetti li tiġi stabbilità d-distintività […]

F’dan il-kuntest, l-inklużjoni tal-karatteristika inkwistjoni ġiet proposta matul il-reviżjoni tal-[Protokoll UPOV TG/14/9], iżda din il-proposta ġiet miċħuda sabiex in-numru ta’ karatteristiċi jitnaqqas għal numru raġonevoli.

L-intenzjoni tagħhna ġiet sostnuta u ġejna rrakkomandati nibgħatu, flimkien mar-rapport preliminari, talba għal awtorizzazzjoni sabiex din il-karatteristika tintuża bħala karatteristika ġdida, skont il-[Protokoll] CPVO TP/14/1, punt [III 3]’.

26

Rapport preliminari addizzjonali ġdid intbagħat mis-CPVO lil Schniga fis-7 ta’ Frar 2005, bir-rimarka ‘mingħajr kummenti partikolari’.

27

Fid-19 ta’ Diċembru 2005, il-BSA bagħat ir-rapport finali tiegħu ta’ eżami tekniku lis-CPVO u lil Schniga (iktar ’il quddiem ir-‘rapport finali ta’ eżami’), li jikkonkludi li l-varjetà kandidata kienet uniformi, stabbli u distinta mill-varjetà ta’ riferiment, abbażi tal-karatteristika ‘Frott: wisa’ tal-istrixxi’.

28

Ir-rapport finali ta’ eżami jinkludi, fil-punt 9, taħt it-titolu ‘Data u/jew numru tad-dokument tal-prinċipji ta’ gwida għall-eżami nazzjonali’, ir-rimarka ‘2003-03-27 CPVO TP/14/1’.

29

Mill-punti 16 u 17 tar-rapport finali ta’ eżami, dwar il-paragun tal-varjetà kandidata mal-varjetà ta’ riferment, jirriżulta li l-varjetà kandidata għandha strixxi wiesgħa (nota 7) filwaqt li l-varjetà ta’ riferment għandha strixxi minn dojoq sa medji (nota 4), fejn din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq l-evalwazzjoni ta’ karatteristika addizzjonali ‘Frott: wisa’ tal-istrixxi’, li tikkorrispondi għall-Karatteristika Nru 40 tal-Protokoll UPOV TG/14/9 tas-6 ta’ April 2005 (iktar ’il quddiem il-‘karatteristika addizzjonali kkontestata’). Is-CPVO josserva, f’dan ir-rigward, li din il-karatteristika addizzjonali kkontestata ma kinitx tinstab fil-Protokoll [CPVO TP/14/1] u lanqas fil-Protokoll [UPOV TG/14/8] […]

30

Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Jannar 2006, is-CPVO informa lill-BSA li kienu ġew iċċitati prinċipji ta’ gwida żbaljati fir-rapport finali ta’ eżami u li bħala bażi tar-rapport ta’ eżami ma kellux jintuża l-Protokoll CPVO TP/14/1 (adottat [f’]Marzu 2003), iżda l-Protokoll UPOV TG/14/8 (adottat [matul is-sena] 1995), għaliex kien dan tal-aħħar li kien fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-eżaminazzjoni tal-varjetà kandidata, [f’]Jannar 1999.

31

Fid-9 ta’ Frar 2006, il-BSA bagħat lis-CPVO verżjoni emendata tar-rapport finali ta’eżami. Il-punt 17 ta’ dik il-verżjoni jindika:

‘[I]l-varjetà ġiet eżaminata skont il-[Protokoll UPOV TG/14/8]. Id-deskrizzjoni tal-varjetà saret fuq il-bażi tat-tabella tal-karatteristiċi tal-[Protokoll] CPVO TP/14/1, tas-27 ta’ Marzu 2003, li daħal fis-seħħ matul il-perijodu ta’ eżami, li jippermetti li l-varjetà [kandidata] tkun tagħmel parti mill-kollezzjoni ta’ riferiment tal-varjetajiet bi prijorità sussegwenti. Il-varjetà hija distinta, stabbli u uniformi fis-sens taż-żewġ [Protokolli].’

32

Fil-5 ta’ Mejju 2006, l-intervenjenti, Brookfield New Zealand Ltd u Elaris SNC, detentriċi ta’ liċenzja li tikkorrispondi għad-dritt ta’ protezzjoni tal-varjetà ta’ riferiment u detentriċi ta’ dan id-dritt, rispettivament, ressqu quddiem is-CPVO skont l-Artikolu 59 tar-[Regolament bażiku], oġġezzjonijiet għall-għoti tal-protezzjoni mitluba għall-varjetà kandidata. Dawn l-oġġezzjonijiet kienu bbażati fuq id-dritt ta’ protezzjoni preċedenti tal-varjetà ta’ riferiment.

33

Il-motivi invokati insostenn tal-oġġezzjonijiet kienu, minn naħa, dak kopert mill-Artikolu 61(1)(b) tar-Regolament [bażiku], inkwantu n-nuqqas ta’ osservanza, minn Schniga, tal-kundizzjonijiet relatati mal-preżentazzjoni ta’ materjal intiż għall-eżami tekniku, kif iddefiniti mis-CPVO, kien imissu wassal lil dan tal-aħħar jiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni u, min-naħa l-oħra, dak kopert mill-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, inkwantu l-varjetà kandidata ma hijiex distintia mill-varjetà ta’ riferiment.

34

Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru, segwita b’rettifika tal-5 ta’ Frar 2007, il-President tas-CPVO approva l-użu tal-karatteristika addizzjonali kkontestata sabiex issir distinzjoni bejn il-varjetà kandidata u l-varjetà ta’ riferiment. Għall-kuntrarju, din id-deċiżjoni ma ssemmix il-karatteristika addizzjonali ‘kulur tal-antoċjanin fil-bażi tal-filament’, imsemmija wkoll fir-rapport finali ta’ eżami. Id-deiċżjoni inkwistjoni hija espliċitament ibbażata fuq l-Artikolu 23 tar-[Regolament ta’ implementazzjoni].

35

Permezz ta’ deċiżjonijiet tas-26 ta’ Frar 2007, il-kumitat tas-CPVO kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar l-oġġezzjonijiet għall-għoti ta’ protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ġodda ta’ pjanti, ta l-protezzjoni mitluba għall-varjetà kandidata (iktar ’il quddiem id-‘deċiżjoni ta’ għoti ta’ protezzjoni’) u ċaħad l-oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem id-‘deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-oġġezzjonijiet’). Huwa, b’mod partikolari, ibbaża ruħu fuq il-fatt li ‘għal raġunijiet tekniċi’, kien iġġustifikat li tiġi kkunsidrata l-karatteristika addizzjonali kkontestata, minkejja li ma ssemmietx fil-protokolli fis-seħħ fid-data tal-applikazzjoni għal protezzjoni.

36

Fil-11 ta’ April 2007, kull waħda mill-intervenjenti ippreżentat appella qudiem il-Bord tal-Appell tas-CPVO [(iktar ’il quddiem il-‘Bord tal-Appell’)], skont l-Artikoli 67 sa 72 tar-[Regolament bażiku], kontra d-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ protezzjoni u ta’ ċaħda tal-oġġezzjonijiet.

37

Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2007 fil-Każijiet magħquda A 003/2007 u A 004/2007, il-Bord tal-Appell laqa’ dawn l-appelli, annulla d-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ protezzjoni u ta’ ċaħda tal-oġġezzjonijiet u ċaħad l-applikazzjoni għal protezzjoni, filwaqt li ddeċieda biss fuq l-ewwel miż-żewġ motivi miġbura fil-qosor fil-punt 33 iktar ’il fuq […]

38

Sussegwentement għal rikors għal annullament ippreżentat minn Schniga quddiem il-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-21 ta’ Novembru 2007 ġiet annullata permezz tas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2010, Schniga vs CPVO — Elaris u Brookfield New Zealand (Gala Schnitzer) (T‑135/08, […] EU:T:2010:397). L-appell minn din is-sentenza ġie miċħud permezz tas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Brookfield New Zealand u Elaris vs CPVO u Schniga (C‑534/10 P, […] EU:C:2012:813).

39

Għaldaqstant il-Bord tal-Appell reġa’ kompla l-eżami tal-appelli ppreżentati mill-intervenjenti, fid-dawl tat-tieni motiv miġbur fil-qosor fil-punt 33 iktar ’il fuq, li jikkritika lis-CPVO talli ta l-protezzjoni mitluba lil varjetà mhux distinta. Permezz […] tad-deċiżjonijiet [ikkontestati] […], huwa reġa’ annulla d-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ protezzjoni u ta’ ċaħda tal-oġġezzjonijiet u ċaħad l-applikazzjoni għal protezzjoni.

40

Minn naħa, billi baża ruħu fuq l-Artikolu 56(2) tar-[Regolament bażiku] u fuq l-Artikoli 22 u 23 tar-[Regolament ta’ implementazzjoni], il-Bord tal-Appell essenzjalment qies:

li l-protokoll u l-prinċipji ta’ gwida tal-eżami fis-seħħ għall-finijiet tal-eżami tekniku kienu, fiż-żminijiet inkwistjoni, il-Protokoll UPOV TG/14/8 […] u l-Protokoll CPVO TP/14/1 […] (punt 19 tad-deċiżjonijiet [ikkontestati]);

li dawn il-protokolli ma kinux isemmu l-karatteristika addizzjonali kkontestata;

li la fil-kwestjonarju tekniku u lanqas matul il-perijodu ta’ eżami Schniga ma kinitx ressqet talba għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristika addizzjonali kkontestata skont il-punt III 6 tal-Protokoll CPVO TP/14/1 (punt 21 tad-deċiżjonijiet [ikkontestati]);

li l-karatteristika addizzjonali kkontestata ma ssemmietx fl-ittra tal-BSA tat-18 ta’ Jannar 2005 lis-CPVO u li l-BSA ma kien ressaq ebda talba quddiem is-CPVO relatata magħha; din issemmiet għall-ewwel darba fir-rapport finali ta’ eżami, u sussegwentement fid-deċiżjoni tal-President tas-CPVO tal-14 ta’ Diċembru 2006 li tapprova l-użu tagħha (punt 22 tad-deċiżjonijiet [ikkontestati]);

li f’dawn iċ-ċirkustanzi, it-teħid inkunsiderazzjoni mill-BSA, għall-finijiet tal-eżami tekniku, ta’ karatteristika addizzjonali mhux prevista mill-Protokoll CPVO TP/14/1, li dak iż-żmien kien fis-seħħ, kien jikkostitwixxi ksur tal-punt III 3 ta’ dan il-protokoll (punt 25 tad-deċiżjonijiet [ikkontestati]);

li d-deċiżjoni tal-President tas-CPVO, tal-14 ta’ Diċembru 2006, li jiġi awtorizzat b’mod retroattiv l-użu ta’ din il-karatteristika addizzjonali fil-kuntest tal-eżami tekniku kienet ivvizzjata bi żball fundamentali, peress li din id-deċiżjoni ġiet adottata xi 12-il xahar wara r-rapport finali ta’ eżami, u din id-deċiżjoni ma tistax tiġi ġġustifikata b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 22(2) tar-[Regolament ta’ implementazzjoni] (punt 26 tad-deċiżjonijiet [ikkontestati]).

41

Fil-punt 27 tad-deċiżjonijiet [ikkontestati], il-Bord tal-Appell invoka, f’dan is-sens, id-deċiżjoni tiegħu tat-8 ta’ Ottubru 2009 fil-Każ A 010/2008 (JEWEL), li tipprovdi li l-użu ta’ karatteristika addizzjonali għandu jiġi approvat minn qabel mill-President tas-CPVO, b’mod li jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali, l-oġġettività fit-trattament tal-applikazzjonijet għal protezzjoni u l-previdibbiltà tal-imġiba tal-partijiet kollha kkonċernati.

42

Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell qies, fil-punti 28 u 29 tad-deċiżjonijiet [ikkontestati], li l-eżami tekniku fid-dawl tal-karatteristika addizzjonali kkontestata kien fuq kollox u f’kull każ ivvizzjat bil-fatt li dan twettaq fuq perijodu ta’ sena biss, jiġifieri [s-sena] 2005, hekk kif kien irrikonoxxa l-BSA, filwaqt li l-karatteristiċi l-oħra kollha kienu ġew eżaminati matul iż-żewġ ċikli konsekuttivi ta’ veġetazzjoni 2004 u 2005. Fl-opinjoni tiegħu dan kien jikkostitwixxi ksur manifest tal-protokolli u tal-prinċipji ta’ gwida applikabbli f’dan il-każ, b’mod partikolari l-Protokolli UPOV TG/1/3 u UPOV TG/14/8, li jeħtieġu, għall-varjetajiet tat-tuffieħ, eżami fuq minn tal-inqas żewġ ċikli ta’ veġetazzjoni għall-finijiet li tiġi stabbilità l-uniformità u l-istabbiltà.

43

Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell qies, fil-punti 30 u 31 tad-deċiżjonijiet [ikkontestati], li l-varjetà kandidata ma setgħetx titqies bħala legalment distinta mill-varjetà ta’ riferiment.”

Ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

28

Permezz ta’ żewġ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Frar 2014, Schniga ppreżentat rikorsi intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

29

Insostenn tar-rikorsi tagħha Schniga invokat motiv uniku, maqsum f’żewġ partijiet; l-ewwel parti hija bbażata fuq il-fatt li, kuntrarjament għal dak li l-Bord tal-Appell qies, is-CPVO seta’ jibbaża ruħu fuq il-karatteristika addizzjonali kkontestata fil-kuntest tal-eżami tekniku, u t-tieni parti hija bbażata fuq il-fatt li huwa b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell qies li r-riżultati ta’ dan l-eżami tekniku kienu ġew ivvizzjati minħabba l-fatt biss li dan kien twettaq, għal dak li jirrigwarda din il-karatteristika addizzjonali kkontestata, fuq ċiklu wieħed ta’ kultivazzjoni, bi ksur tal-prinċipji ta’ gwida applikabbli.

30

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi.

31

Fir-rigward tal-ewwel parti tal-motiv uniku, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, l-ewwel nett iddeċidiet li d-dispożizzjonjiet proċedurali tal-Protokoll CPVO TP/14/1 kienu applikabbli għall-applikazzjoni għall-għoti tal-protezzjoni Komunitarja lill-varjetà kandidata. Sussegwentement, fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet is-supremazija tal-protokolli adottati mis-CPVO fuq dawk adottati mill-UPOV.

32

Barra minn hekk, fil-punti 81 u 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li s-CPVO għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa għall-finijiet tat-twettiq tal-eżami tekniku ta’ varjetà u li, b’mod partikolari, ir-Regolament ta’ implementazzjoni jagħti lill-President tas-CPVO s-setgħa jżid karatteristiċi ġodda u l-espressjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ varjetà, meta l-Kunsill Amministrattiv jadotta l-prinċipji ta’ gwida. Hija essenzjalment żiedet, fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, li din is-setgħa diskrezzjonali hija limitata mill-protokolli u mill-prinċipji ta’ gwida tal-eżami adottati mill-Kunsill Amministrattiv li huma ta’ natura vinkolanti fir-rigward tiegħu.

33

Fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali finalment essenzjalment ikkonkludiet li l-President tas-CPVO ma għandux is-setgħa jawtorizza t-teħid inkunsiderazzjoni, matul l-eżami tekniku ta’ varjetà, ta’ karatteristika mhux prevista mill-Protokoll CPVO TP/14/1 u, sussegwentement, ċaħdet l-ewwel parti tal-motiv uniku.

34

Fir-rigward tat-tieni parti tal-motiv uniku, il-Qorti Ġenerali ċaħdet din il-parti bħala ineffettiva, wara li rrilevat li l-ewwel motiv invokat mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjonijiet ikkontestati, jiġifieri li s-CPVO ma setax b’mod korrett jibbaża ruħu fuq il-karatteristika addizzjonali kkontestata fil-kuntest tal-eżami tekniku tal-varjetà kandidata, ma kienx ivvizzjat b’illegalità u kien suffiċjenti sabiex jiġġustifika legalment dawn id-deċiżjonijiet. Madankollu, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li dan l-eżami tekniku twettaq fuq perijodu ta’ sena biss, jiġifieri s-sena 2005, bi ksur manifest tal-Protokoll CPVO TP/14/1 kif ukoll tal-Protokoll UPOV TG/1/3, b’tali mod li, għaldaqstant, ir-rikors kellu jiġi miċħud.

It-talbiet tal-partijiet

35

Schniga titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata u

tikkundanna lis-CPVO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

36

Is-CPVO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tilqa’ l-appell u

tikkundanna lil kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

37

Brookfield New Zealand u Elaris jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lil Schniga għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

L-argumenti tal-partijiet

38

L-appell ippreżentat minn Schniga huwa bbażat fuq aggravju uniku bbażat fuq ksur, permezz tas-sentenza appellata, tal-Artikoli 7 u 56 tar-Regolament bażiku, moqrija flimkien mal-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

39

Permezz tal-ewwel ilment, Schniga, essenzjalment sostnuta mis-CPVO, issostni li huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-protokolli u l-prinċipji ta’ gwida fir-rigward tal-għoti ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti huma vinkolanti fuq is-CPVO.

40

Brookfield New Zealand u Elaris iqisu li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-regoli ta’ proċedura li s-CPVO jimponi fuqu stess huma neċessarjament vinkolanti u li dawn jieħdu preċedenza fuq dawk tal-UPOV. In-natura obbligatorja ta’ regoli ta’ kondotta li korp amministrattiv jimponi fuqu stess hija ħafna iktar essenzjali meta dan il-korp igawdi minn setgħat diskrezzjonali wiesgħa.

41

Permezz tat-tieni lment, Schniga ssostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-Protokoll CPVO TP/14/1 kien applikabbli fir-rigward ta’ applikazzjoni għal protezzjoni ppreżentata preċedentament għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

42

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tas-setgħa tal-President tas-CPVO li jżid karatteristika ġdida għal varjetà, Schniga ssostni li la d-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku u lanqas dawk tar-Regolament ta’ implementazzjoni ma jostakolaw tali żieda wara t-twettiq tal-eżami tekniku.

43

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, il-President tas-CPVO għandu s-setgħa jieħu inkunsiderazzjoni kull karatteristika distintiva tal-varjetà eżaminata, anki jekk din il-karatteristika ma tkunx imsemmija fl-applikazzjoni għal protezzjoni.

44

Skont Brookfield New Zealand u Elaris, il-mument determinanti li jistabbilixxi l-kuntest proċedurali applikabbli għal applikazzjoni għall-għoti tal-protezzjoni Komunitarja ma huwiex id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni iżda l-mument li fih verament jibda l-eżami tekniku. Issa, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali, l-eżami DUS ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni karatteristiċi distinti introdotti wara l-eżami tekniku.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45

Qabel kollox għandu jiġi eżaminat it-tieni lment tal-aggravju uniku, u b’mod iktar partikolari l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat ikkonstatat, fil-punti 87 sa 93 tas-sentenza appellata, li l-President tas-CPVO ma kellux dritt iżid il-karatteristika addizzjonali kkontestata għall-varjetà kandidata.

46

L-ewwel nett, qabel kollox, għandu jitfakkar li x-xogħol tas-CPVO huwa kkaratterizzat minn kumplessità xjentifika u teknika tal-kundizzjonijiet ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni Komunitarja, b’mod li għandha tiġi rrikonoxxuta fir-rigward tiegħu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Brookfield New Zealand u Elaris vs CPVO u Schniga, C‑534/10 P, EU:C:2012:813, punt 50). Din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa testendi, b’mod partikolari, għall-verifika tal-karattru distintiv ta’ varjetà, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2010, Schräder vs CPVO, C‑38/09 P, EU:C:2010:196, punt 77).

47

It-tieni nett, is-CPVO, bħala organu tal-Unjoni Ewropea, huwa suġġett għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li abbażi tiegħu huwa għandu jeżamina b’kura u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti ta’ applikazzjoni għal protezzjoni Komunitarja u jiġbor l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Huwa għandu, barra minn hekk, jiżgura l-iżvolġiment tajjeb u l-effettività tal-proċeduri li jimplementa (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Brookfield New Zealand u Elaris vs CPVO u Schniga, C‑534/10 P, EU:C:2012:813, punt 51).

48

Huwa f’dan il-kuntest li hemm lok li jiġi evalwat jekk il-Qorti Ġenerali interpretatx b’mod żbaljat, hekk kif isostnu Schniga u s-CPVO, id-dispożizzjonjiet tar-Regolament bażiku u tar-Regolament ta’ implementazzjoni relatati mas-setgħat tal-President tas-CPVO.

49

Skont l-Artikolu 56(2) tar-Regolament bażiku, l-eżamijiet tekniċi għandhom jitwettqu skont il-prinċipji ta’ gwida maħruġa mill-Kunsill Amministrattiv u skont l-istruzzjonijiet mogħtija mis-CPVO.

50

F’dan ir-rigward, qabel kollox, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, il-Kunsill Amministrattiv għandu jieħu deċiżjoni, fuq proposta tal-President tas-CPVO, dwar il-prinċipji ta’ gwida. L-Artikolu 22(2) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li, fin-nuqqas li dan il-kunsill jieħu deċiżjoni dwar dawn il-prinċipji ta’ gwida, il-President tas-CPVO jista’ jieħu deċiżjoni provviżorja dwar dan.

51

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, meta l-Kunsill Amministrattiv jieħu deċiżjoni dwar il-prinċipji ta’ gwida, huwa għandu jinkludi setgħa li biha l-President tas-CPVO jkun jista’ jżid karatteristiċi ġodda u l-espressjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ varjetà.

52

Għaldaqstant, anke jekk il-Protokoll CPVO TP/14/1 kien applikabbli għall-proċedura kkontestata, il-President tas-CPVO kellu, f’kull każ, is-setgħa jżid karatteristika ġdid, f’dan il-każ il-“wisa’ tal-istrixxi” għall-eżami tekniku tal-varjetà kandidata.

53

Tali interpretazzjoni tas-setgħat tal-President tas-CPVO biss, hekk kif jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 23 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, tista’ tieħu kont tal-partikolaritajiet tal-għan u tal-proċedura ta’ għoti tal-protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ta’ pjanti.

54

Fil-fatt, u hekk kif essenzjalment irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi ta’ varjetà ta’ pjanta neċessarjament tinkludi ċertu perikolu minħabba n-natura stess tal-oġġett relatat mal-eżami tekniku, jiġifieri varjetà ta’ pjanta, kif ukoll minħabba t-tul meħtieġ għal tali eżami.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, biss il-flessibbiltà li tippermetti s-setgħa rrikonoxxuta lill-President tas-CPVO, skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament ta’ Implmentazzjoni, li jżid karatteristiċi ġodda fir-rigward ta’ varjetà tista’ tiggarantixxi l-għan tal-proċedura ta’ għoti tal-protezzjoni Komunitarja. Għaldaqstant, applikazzjoni għal protezzjoni Komunitarja ma tistax tiġi miċħuda għar-raġuni biss li l-karatteristika ta’ varjetà eżaminata, ikkonstatata waqt l-eżami tekniku u li hija determinanti sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv tagħha meta mqabbla ma’ varjetajiet oħra, la kienet imsemmija fil-kwestjonarju ta’ natura teknika mimli mill-applikant u lanqas fil-prinċipji ta’ gwida u fil-protokolli rilevanti.

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lis-CPVO, dan jista’ jieħu inkunsiderazzjoni, jekk huwa jqis neċessarju, fatti u provi invokati jew prodotti tardivament mill-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Brookfield New Zealand u Elaris vs CPVO u Schniga, C‑534/10 P, EU:C:2012:813, punt 50).

57

Tali setgħa għandha tkun tista’ tiġi rrikonoxxuta lilu a fortiori meta, bħal f’dan il-każ, l-elementi rilevanti għall-eżami tal-karattru distintiv ta’ varjetà huma kkonstatati matul il-proċedura oġġettiva li tikkostitwixxi l-eżami tekniku mitlub mis-CPVO u mwettaq minn uffiċċju ta’ eżami nazzjonali.

58

Barra minn hekk, tali ftehim tas-setgħat tal-President tas-CPVO huwa sostnut mill-Protokoll UPOV TG/1/3, li l-punt 4.2.3 tiegħu b’mod partikolari jindika li l-karatteristiċi indikati fil-prinċipji ta’ gwida ma humiex eżawrjenti u li karattersitiċi oħra jistgħu jiżdiedu ma’ dawn jekk dan jirriżulta li jkun utli.

59

Barra minn hekk, peress li s-setgħat tal-President tas-CPVO huma stabbiliti fir-Regolament bażiku u fir-Regolament ta’ implementazzjoni, il-prinċipji ta’ gwida u l-protokoli tas-CPVO adotatti mill-Kunsill Amministrattiva ma jistgħux jkollhom bħala għan jew effett li jirrestrinġu dawn is-setgħat.

60

Għal din ir-raġuni, il-proċedura prevista fil-punt III 6 tal-Protokoll CPVO TP/14/1, li għaliha tirreferi l-Qorti Ġenerali fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li tirrigwarda l-każijiet li fihom iż-żieda ta’ karatteristika ġdida hija mitluba mill-applikant għall-protezzjoni Komunitarja, ma tistax tipprekludi lill-President tas-CPVO milli jżid ex officio karatteristika ġdida fil-kuntest tal-eżami tekniku ta’ varjetà.

61

Għal dak li jirrigwarda l-mument li fih il-President tas-CPVO jista’ jeżerċità s-setgħa li huwa għandu fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, la d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u lanqas dawk tar-Regolament bażiku ma jipprekludu ż-żieda ta’ karatteristika ġdida li ssir wara t-tmiem tal-eżami tekniku, ladarba tali karatteristika ġiet ikkonstatata waqt dan l-eżami.

62

Għaldaqstant, minn naħa, skont il-punti 6.2 u 7.2 tal-Protokoll UPOV TG/1/3, iċċitati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 77 tas-sentenza appellata, il-karatteristiċi rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-kriterji DUS huma ddeterminati b’riferiment għad-deskrizzjoni tal-varjetà stabbilita “fid-data tal-għoti tal-protezzjoni” mitluba, u mhux b’riferiment għad-deskrizzjoni tal-varjetà stabbilita fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni.

63

Għal din ir-raġuni, id-deskrizzjoni teknika tal-varjetà kandidata meħtieġa mill-Artikolu 50(1)(f) tar-Regolament bażiku u mill-Artikolu 19(2)(ċ) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jista’ jkollha biss, fir-rigward tal-President tas-CPVO fil-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lilu mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament bażiku, valur indikattiv.

64

Min-naħa l-oħra tali soluzzjoni ma hijiex inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

65

Fil-fatt, għalkemm terz, li l-varjetà protetta tiegħu tqieset bħala varjetà li għandha sservi ta’ riferiment għall-finijiet tal-eżami tekniku, jista’ joġġezzjona għall-għoti tal-protezzjoni Komunitarja, din l-oġġezzjoni għandha, skont l-Artikolu 59(3)(a) tar-Regolament bażiku, isservi sabiex turi li l-kriterji DUS ma humiex issodisfatti.

66

Għaldaqstant, il-fatt li l-President tas-CPVO jżid karatteristika ġdida li l-preżenza tagħha ġiet ikkonstatata biss waqt l-eżami tekniku ta’ varjetà ma jistax, fih innifsu, jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali fir-rigward tat-terz li l-varjetà protetta tiegħu tqieset bħala varjetà ta’ riferiment għall-finijiet ta’ dan l-eżami. Fil-fatt, huwa ma jistax jinvoka aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-portata ta’ dan l-eżami u fir-rigward tan-natura tal-karatteristiċi distintivi eżaminati.

67

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni ma jagħtix lill-President tas-CPVO s-setgħa jżid, fit-tmiem tal-eżami tekniku ta’ varjetà, karatteristika ġdida għal dik il-varjetà meta din il-karatteristika la ssemmiet fil-kwestjonarju ta’ natura teknika mimli mill-applikant u lanqas fil-prinċipji ta’ gwida u fil-protokolli applikabbli.

68

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi milqugħ l-argument ta’ Schniga u, mingħajr ma hemm lok li jiġu analizzati l-ilmenti l-oħra tal-appell, li tiġi annullata s-sentenza appellata inkwantu din ikkonfermat l-annullament tad-deċiżjoni tas-CPVO mill-Bord tal-Appell minħabba li l-karatteristika distintiva kkunsidrata “wisa’ tal-istrixxi” ġiet miżjuda mill-President tas-CPVO.

Fuq ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali

69

Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun tinsab fi stadju li tista’ tiġi deċiża.

70

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-rikorsi ppreżentati minn Schniga għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati jinsabu fi stadju li jistgħu jiġu deċiżi u, għaldaqstant, hemm lok li tittieħed deċiżjoni definittiva fir-rigward ta’ dawn ir-rikorsi.

71

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 103 u 104 tas-sentenza appellata, irrispondiet għat-tieni parti tal-motiv uniku ta’ Schniga biss għall-kompletezza ma huwiex determinanti, sa fejn il-partijiet kellhom l-opportunità jippreżentaw b’mod iddettaljat, quddiem din il-qorti u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-argumenti tagħhom dwar din it-tieni parti.

72

Fid-dawl ta’ dan, hemm lok, qabel kollox, li tiġi milqugħa l-ewwel parti tal-motiv uniku invokat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza insostenn tar-rikorsi tagħha għar-raġunijiet esposti fil-punti 46 sa 68 ta’ din is-sentenza.

73

Sussegwentement, fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan il-motiv uniku, il-Bord tal-Appell annulla d-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ protezzjoni u ta’ ċaħda tal-oġġezzjonijiet minħabba li l-eżami tekniku fir-rigward tal-karatteristika addizzjonali kkontestata nżamm fuq perijodu ta’ sena biss, jiġifieri s-sena 2005, u mhux matul żewġ ċikli ta’ veġetazzjoni konsekuttivi.

74

Schniga u s-CPVO jsostnu li, fil-prattika, il-BSA stess ikkonstata li l-karatteristika addizzjonali kkontestata kienet ġiet eżaminata wara s-sena 2005, jiġifieri matul is-snin 2006 u 2007. F’kull każ, ikkonfrontat bi żball proċedurali li jista’ jiġi rrettifikat, il-Bord tal-Appell kien imissu bagħat lura l-każ lid-dipartimenti tas-CPVO sabiex huma jieħdu l-miżuri neċessarji.

75

Brookfield New Zealand u Elaris jsostnu li Schniga, f’ebda mument tal-proċedura, ma talbet li l-irregolarità kkonstatata tiġi kkorreġuta.

76

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, permezz tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2006, il-President tas-CPVO approva l-użu tal-karatteristika addizzjonali kkontestata għall-finijiet li tiġi stabbilita d-distinzjoni bejn il-varjetà kandidata u l-varjetà ta’ riferiment u li, permezz tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2007, is-CPVO ta lil Schniga l-protezzjoni Komunitarja għall-varjetà kandidata.

77

Issa, ma huwiex ikkontestat li, fid-data li fiha kienu ġew adottati d-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ protezzjoni u ta’ ċaħda tal-oġġezzjonijiet, jiġifieri s-26 ta’ Frar 2007, is-CPVO kellu biss ir-rapport finali ta’ eżami adottat mill-BSA fid-19 ta’ Diċembru 2005 u emendat fid-9 ta’ Frar 2006, li kien jindika li din il-karatteristika kienet ġiet ikkonstatat matul iċ-ċiklu veġetali tas-sena 2005. Kien biss fit-8 ta’ Awwissu 2008 li l-BSA informa lis-CPVO li din il-karatteristika kienet ġiet ikkonstatata wkoll waqt iċ-ċikli ta’ veġetazzjoni tas-snin 2006 u 2007.

78

Għaldaqstant, il-protezzjoni Komunitarja ngħatat lil Schniga għall-varjetà kandidata mingħajr ma s-CPVO ma kellu għad-dispożizzjoni tiegħu elementi li jistabbilixxu li l-karatteristika addizzjonali kkontestata kienet ġiet eżaminata matul żewġ ċikli ta’ veġetazzjoni, bi ksur kemm tal-Protokoll CPVO TP/14/1 kif ukoll tal-Protokoll UPOV TG/1/3.

79

F’dan ir-rigward, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li s-CPVO għandu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, imfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, ma tistax tippermettilu jevita r-regoli tekniċi li jirregolaw l-iżvolġiment tal-eżamijiet tekniċi, mingħajr ma jikser id-dmir ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll l-obbligu ta’ kura u ta’ imparzjalità li huwa għandu. Barra minn hekk, in-natura vinkolanti, inkluż għas-CPVO, ta’ dawn ir-regoli hija kkonfermata mill-Artikolu 56(2) tar-Regolament bażiku, li jimponi li l-eżamijiet tekniċi jitwettqu skont dawn ir-regoli.

80

Għaldaqstant, huwa b’mod korrett li l-Bord tal-Appell ikkonstata li s-CPVO kien ta l-protezzjoni Komunitarja għall-varjetà kandidata abbażi ta’ eżami tekniku irregolari.

81

Minn dan jirriżulta li t-tieni parti tal-motiv uniku tal-ewwel istanza ma hijiex fondata.

82

Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġi kkonfermati.

83

Madankollu, skont l-Artikolu 72 tar-Regolament bażiku, il-Bord tal-Appell jista’ jew jeżerċità s-setgħat tas-CPVO, jew jibgħat lura l-każ lid-dipartiment kompetenti tas-CPVO għal iktar azzjoni.

84

Għalkemm huwa veru li l-Bord tal-Appell għandu setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-opportunità li jiddeċiedi huwa stess dwar l-applikazzjoni jew li jibgħat lura l-każ lid-dipartiment kompetenti tas-CPOV, xorta jibqa’ l-fatt li, meta huwa jiddeċiedi li jeżerċità s-setgħat tas-CPVO, huwa għandu jeżamina b’kura u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti ta’ applikazzjoni għal protezzjoni Komunitarja u huwa għandu jiġbor l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, hekk kif tfakkar fil-punt 47 ta’ din is-sentenza.

85

Issa, il-Bord tal-Appell, huwa u jeżerċità s-setgħat tas-CPVO, qies li l-varjetà kandidata ma setgħetx tingħata l-protezzjoni Komunitarja mitluba, anke jekk huwa ma kellux iċ-ċertezza li l-karatteristika “wisa’ tal-istrixxi” ma kinitx riproduċibbli fuq żewġ ċikli ta’ kultivazzjoni.

86

Fir-rigward, minn naħa, tal-fatt li l-iżball li wassal għall-annullament mill-Bord tal-Appell tad-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ protezzjoni u ta’ ċaħda tal-oġġezzjonijiet ma kienx imputabbli lill-applikant u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li din l-irregolarità, f’kull każ, ma tikkundizzjonax fiha nnifisha l-fondatezza tal-applikazzjoni għal protezzjoni, riferiment lura lid-dipartiment kompetenti tas-CPVO għat-tkomplija tal-eżami tekniku sabiex jiġi żgurat li l-karatteristika addizzjonali kkontestata kienet tissodisfa r-rekwiżit ta’ riproduċibbiltà kien jippermetti lis-CPVO jkollu l-elementi kollha rilevanti sabiex jevalwa l-validità tal-għoti tal-protezzjoni Komunitarja lill-varjetà kandidata u kien ikun aħjar ukoll sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-applikant.

87

Il-fatt li Schniga ma talbitx tali regolarizzazzjoni ma jistax jiġi invokat b’mod utli sabiex tiġi ġġustifikata l-assenza mill-Bord tal-Appell li jibgħat lura l-każ lid-dipartiment kompetenti tas-CPVO, peress li applikant għal protezzjoni Komunitarja li ngħata tali protezzjoni ma jistax jiġi meħtieġ jikkontesta fuq inizjattiva tiegħu stess il-validità stess tad-dritt li ġie rrikonoxxut lilu.

88

Għaldaqstant, hemm lok li jiġu annullati d-deċiżjonijiet ikkontestati sa fejn, permezz tagħhom, il-Bord tal-Appell, minn naħa, qies li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni ma jagħtix lill-President tas-CPVO s-setgħa jżid, fit-tmiem tal-eżami tekniku ta’ varjetà, karatteristika ġdida għal dik il-varjetà meta din il-karatteristika la hija msemmija fil-kwestjonarju ta’ natura teknika tal-applikazzjoni u lanqas fil-prinċipji ta’ gwida u fil-protokolli applikabbli, u, min-naħa l-oħra, annulla d-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ protezzjoni u ta’ ċaħda tal-oġġezzjonijiet mingħajr ma l-ewwel, skont l-Artikolu 72 tar-Regolament bażiku, bagħat lura l-każ lid-dipartiment kompetenti tas-CPOV sabiex ikollu l-elementi rilevanti kollha sabiex jevalwa l-validità tal-protezzjoni Komunitarja mogħtija.

Fuq l-ispejjeż

89

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 140(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli wkoll għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjenti li ma hijiex Stat Membru jew istituzzjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

90

F’dan il-każ, peress li Schniga talbet lis-CPVO jiġi kkundannat għall-ispejjeż u huwa tilef parzjalment, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawn sostnuti minn Schniga, sa fejn it-tilwima tnisslet minn żball imputabbli lilu. Barra minnhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li Brookfield New Zealand u Elaris għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenrali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Settembru 2015, Schniga vs CPVO – Brookfield New Zealand u Elaris (Gala Schnitzer)(T‑91/14 u T-92/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:624), hija annullata.

 

2)

Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), tal-20 ta’ Settembru 2013, dwar l-għoti tal-protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ġodda ta’ pjanti għall-varjetà ta’ tuffieħa Gala Schnitzer (Każijiet A 003/2007 u A 004/2007), huma annullati.

 

3)

L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn Schniga GmbH.

 

4)

Brookfield New Zealand Ltd u Elaris SNC għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top