EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0591

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta’ Ġunju 2017.
The Gibraltar Betting and Gaming Association Limited vs Commissioners for Her Majesty's Revenue and Customs u Her Majesty's Treasury.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court of Justice Queen's Bench Division (Administrative Court).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 355(3) TFUE – Status ta’ Ġibiltà – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Sitwazzjoni purament interna – Inammissibbiltà.
Kawża C-591/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:449

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 355(3) TFUE — Status ta’ Ġibiltà — Artikolu 56 TFUE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Sitwazzjoni purament interna — Inammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑591/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-Queen’s Bench (qorti amministrattiva), ir-Renju Unit], permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura

The Queen, fuq talba ta’:

The Gibraltar Betting and Gaming Association Limited,

vs

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,

Her Majesty’s Treasury,

fil-preżenza ta’:

Her Majesty’s Government of Gibraltar,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, M. Ilešič (Relatur), L. Bay Larsen u T. von Danwitz, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, C. Vajda, S. Rodin, F. Biltgen u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Ottubru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal The Gibraltar Betting and Gaming Association Limited, minn D. Rose, QC, J. Boyd, barrister, kif ukoll minn L. J. Cass, solicitor,

għal Her Majesty’s Government of Gibraltar, minn D. Pannick, QC, u M. Llamas, QC, kif ukoll minn R. Mehta, barrister, fuq struzzjonijiet ta’ F. Laurence, solicitor,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Simmons kif ukoll minn M. Holt u D. Robertson, bħala aġenti, assistiti minn K. Beal, QC, J. Oliver u S. Wilkinson, barristers,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn R. Verbeke u P. Vlaemminck, advocaten,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, T. Müller u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn E. Creedon, A. Joyce u J. Quaney, bħala aġenti, assistiti minn C. Power, SC, u C. Toland, BL,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Sampol Pucurull u A. Rubio González, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn A. Silva Coelho u P. de Sousa Inês, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u W. Roels, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Jannar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 u tal-Artikolu 355(3) TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn The Gibraltar Betting and Gaming Association Limited (iktar ’il quddiem il-“GBGA”), minn naħa, u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (amministrazzjoni fiskali u doganali, ir-Renju Unit) u Her Majesty’s Treasury (teżor pubbliku, ir-Renju Unit), min-naħa l-oħra, dwar il-legalità ta’ sistema fiskali li tistabilixxi taxxi fuq il-logħob tal-ażżard.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Kapitolu XI tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’San Francisco fis‑26 ta’ Ġunju 1945, intitolata “Dikjarazzjoni dwar it-territorji mhux awtonomi” jinkludi l-Artikolu 73 li jipprevedi:

“Il-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti li għandhom jew li jassumu r-responsabbiltà sabiex jamministraw territorji li l-popolazzjonijiet tagħhom għadhom ma jamministrawx lilhom infushom kompletament għandhom jirrikonoxxu l-prinċipju tas-supremazija tal-interessi tal-abitanti ta’ dawn it-territorji. Huma għandhom jaċċettaw bħala missjoni sagra l-obbligu li jiffavorixxu b’kull mod possibbli l-prosperità tagħhom, fil-kuntest tas-sistema ta’ paċi u ta’ sigurtà internazzjonali stabbilita minn din il-karta u, għal dan il-għan,

[…]

e.

li jikkomunikaw b’mod regolari mas-Segretarju Ġenerali, bħala informazzjoni, bla ħsara għal eżiġenzi tas-sigurtà u għal kunsiderazzjonijiet ta’ natura kostituzzjonali, tagħrif statistiku u ieħor ta’ natura teknika relatat mal-kundizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u edukazzjonali fit-territorji li huma rispettivament responsabbli għalihom, minbarra dawk it-territorji li fir-rigward tagħhom japplikaw il-Kapitoli XII u XIII”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

L-istatus ta’ Ġibiltà

4

Ġibiltà ġiet ċeduta mir-Re ta’ Spanja lill-Kuruna Britannika permezz tat-Trattat ta’ Utrecht konkluż bejn ir-Re ta’ Spanja u r-Reġina tal-Gran Brittanja fit‑13 ta’ Lulju 1713, fil-kuntest tat-trattati li temmew il-gwerra ta’ suċċessjoni ta’ Spanja. L-aħħar sentenza tal-Artikolu X tal-imsemmi trattat tispeċifika li jekk il-Kuruna Brittanika qatt ikollha l-intenzjoni li tagħti, tbiegħ jew tittrasferixxi bi kwalunkwe mezz ieħor il-proprjetà tal-belt ta’ Ġibiltà, hija għandha tagħti preferenza lill-Kuruna ta’ Spanja, bi prijorità fuq kull parti oħra interessata.

5

Ġibiltà hija kolonja tal-Kuruna Brittanika. Hija ma tagħmilx parti mir-Renju Unit.

6

Is-sistema ta’ governanza ta’ Ġibiltà hija stabbilita fil-Gibraltar Constitution Order 2006 (digriet ta’ kostituzzjoni ta’ Ġibiltà tal‑2006), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007. Bis-saħħa ta’ dan id-digriet, il-poter eżekuttiv hemmhekk huwa eżerċitat minn gvernatur innominat mir-Reġina u, għal kompetenzi interni speċifiċi, minn Her Majesty’s Government of Gibraltar (iktar ’il quddiem il-“Gvern ta’ Ġibiltà”). Il-poter leġiżlattiv huwa eżerċitat mir-Reġina u mill-parlament ta’ Ġibiltà, li l-membri tiegħu huma eletti kull erba’ snin mill-elettorat ta’ Ġibiltà. Ġibiltà għandha l-qrati tagħha stess. Teżisti possibbiltà ta’ appell mis-sentenzi tal-ogħla qorti ta’ Ġibiltà quddiem il-Judicial Committee of the Privy Council (kumitat ġudizzjarju tal-Kunsill Privat).

7

Fid-dritt internazzjonali, Ġibiltà tinsab fil-lista ta’ territorji mhux awtonomi fis-sens tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

8

Fid-dritt tal-Unjoni, Ġibiltà hija territorju Ewropew li Stat Membru jassumi r-relazzjonijiet esterni tiegħu fis-sens tal-Artikolu 355(3) TFUE u li japplikaw, fir-rigward tiegħu, id-dispożizzjonijiet tat-trattati. L-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-aġġustamenti għat-Trattati (ĠU 1972, L 73, p. 14, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni tal‑1972”) jipprevedi madankollu li ċerti partijiet tat-trattat ma japplikawx għal Ġibiltà.

9

L-Artikolu 28 tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1972 jipprovdi:

“L-Atti tal-istituzzjonijiet tal-Komunità dwar il-prodotti elenkati fl-Anness II li jinsab mat-Trattat tal-KEE u l-prodotti suġġetti, mal-importazzjoni tagħhom fil-Komunità, għal regoli speċifiċi bħala riżultat tal-implementazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni, kif ukoll l-Atti dwar l-armonizzazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat, ma japplikawx għal Ġibiltà sakemm il-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, ma jipprovdix xorta oħra”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

Skont l-Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1972, flimkien mal-punt 4 tal-Parti I tal-Anness I tiegħu, Ġibiltà hija eskluża mit-territorju doganali tal-Unjoni.

Id-dritt tar-Renju Unit

11

Fir-Renju Unit, jeżistu seba’ taxxi tal-logħob tal-ażżard. Is-sistema fiskali, stabbilita bil-Kapitoli 1 sa 4 tal-Parti 3 tal-Finance Act 2014 (liġi dwar il-finanzi għall‑2014, iktar ’il quddiem il-“FA 2014”), kif ukoll bl-Annessi 27 sa 29 ta’ din il-liġi, tirrigwarda t-tliet taxxi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri t-taxxa ġenerali fuq l-imħatri, minbarra spread betting, it-taxxa fuq l-imħatri komuni (pool betting) u t-taxxa fuq il-logħob tal-ażżard mill-bogħod u tistabbilixxi, fir-rigward tagħhom, skont il-qorti tar-rinviju, sistema ta’ tassazzjoni skont “il-post tal-konsum”.

12

Il-qorti tar-rinviju tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, bħala eżempju, id-dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq il-logħob tal-ażżard mill-bogħod, previsti fil-Kapitolu 3 tal-Parti 3 tal-FA 2014.

13

It-Taqsima 154 tal-FA 2014 tiddefinixxi “l-logħob tal-ażżard mill-bogħod” bħala l-logħob tal-ażżard fejn il-persuni jipparteċipaw bl-użu tal-internet, bit-telefon, bit-televixin, bir-radju jew b’kull tip ieħor ta’ teknoloġija elettronika jew ta’ teknoloġija oħra li tiffaċilita l-komunikazzjoni.

14

It-Taqsima 155(1) tal-FA 2014 tipprevedi li taxxa tas-sisa, imsejħa “taxxa fuq il-logħob tal-ażżard mill-bogħod”, għandha tiġi imposta fuq il-“parteċipazzjoni ta’ persuna taxxabbli fil-logħob tal-ażżard mill-bogħod f’arranġamenti bejn din il-persuna u persuna oħra (fornitur tal-logħob tal-ażżard)”.

15

Il-kunċett ta’ “persuna taxxabbli” huwa ddefinit fit-Taqsima 155(2) tal-FA 2014 bħala li jkopri, b’mod partikolari, “kull persuna stabbilita fir-Renju Unit (‘UK person’)”. Skont it-Taqsima 186(1) tal-FA 2014, “[p]ersuna stabbilita fir-Renju Unit (UK person)” hija ddefinita bħala “individwu li normalment jirrisjedi fir-Renju Unit” jew “korp ġuridiku li huwa kkostitwit legalment fir-Renju Unit”.

16

Skont it-Taqsima 155(3) tal-FA 2014, it-taxxa fuq il-logħob tal-ażżard mill-bogħod tammonta għal 15 % tal-“profitti tal-fornitur tal-logħob tal-ażżard” fuq il-logħob mill-bogħod f’sena finanzjarja partikolari.

17

It-Taqsima 157 tal-FA 2014 tiddefinixxi l-kunċett ta’ “profitti tal-fornitur tal-logħob” fil-qasam ta’ logħob ordinarju fis-sens li, sabiex jiġu kkalkolati, għandu jittieħed it-total tal-ħlasijiet mogħtija lill-fornitur fis-sena finanzjarja partikolari fir-rigward tal-logħob ordinarju u għandu jitnaqqas l-ammont tal-ispejjeż tal-fornitur għal dak il-perijodu għall-premji mogħtija fil-kuntest ta’ dan il-logħob.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

Il-GBGA hija assoċjazzjoni tal-kummerċ li l-membri tagħha huma essenzjalment operaturi ta’ logħob tal-ażżard stabbiliti f’Ġibiltà, li jipprovdu servizzi ta’ logħob tal-ażżard mill-bogħod lil klijenti fir-Renju Unit u postijiet oħra.

19

Fis‑17 ta’ Lulju 2014 daħlet fis-seħħ fir-Renju Unit sistema fiskali dwar ċerti taxxi fuq il-logħob tal-ażżard, prevista mill-FA 2014 u kkompletata bil-komunikazzjonijiet u l-linji gwida adottati mill-amministrazzjoni fiskali u doganali (iktar ’il quddiem is-“sistema fiskali l-ġdida”).

20

Il-GBGA ppreżentat, quddiem il-qorti tar-rinviju, rikors intiż għall-istħarriġ tal-legalità tas-sistema fiskali l-ġdida fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Hija targumenta f’dan il-kuntest li t-taxxi dovuti skont din is-sistema huma extraterritorjali, li jikkostitwixxu ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li jiddiskriminaw kontra l-fornituri ta’ servizzi stabbiliti barra mir-Renju Unit. Barra minn hekk, tali taxxi ma jistgħux jiġu ġġustifikati mill-għanijiet, essenzjalment ekonomiċi, invokati mir-Renju Unit. Konsegwentement, is-sistema fiskali l-ġdida hija inkompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE.

21

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika f’dan ir-rigward li, bis-saħħa tas-sistema tat-tassazzjoni tal-logħob tal-ażżard mill-bogħod applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tas-sistema fiskali l-ġdida, il-fornituri ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard mill-bogħod stabbiliti fir-Renju Unit kienu jħallsu taxxa bir-rata ta’ 15 % fuq il-profitt gross tagħhom, indipendentement minn fejn kienu jirrisjedu l-klijenti tagħhom, peress li din it-taxxa kienet ibbażata fuq il-prinċipju tal-“post tal-provvista”. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard mill-bogħod stabbiliti f’Ġibiltà jew post ieħor ’il barra mir-Renju Unit ma kienu jħallsu ebda taxxa fir-Renju Unit fuq is-servizzi ta’ tali logħob ipprovduti lill-persuni fir-Renju Unit.

22

Dik il-qorti tesponi li wieħed mill-għanijiet prinċipali tas-sistema fiskali l-ġdida, ibbażat fuq il-prinċipju tal-“post tal-provvista”, huwa li tinbidel it-tassazzjoni tal-logħob tal-ażżard b’mod li l-fornituri li joffru servizzi ta’ logħob tal-ażżard lil klijenti fir-Renju Unit, indipendentement mill-post fejn huma stabbiliti, iħallsu lit-teżor pubbliku tar-Renju Unit taxxa fuq tali servizzi, li r-rata tagħha hija stabbilita għal 15 % fuq il-profitt ta’ dawn il-fornituri, kif iddefinit mill-FA 2014 fis-sena finanzjarja inkwistjoni.

23

B’riżultat ta’ dawn it-taxxi l-ġodda, b’mod partikolari t-taxxa fuq il-logħob tal-ażżard mill-bogħod li tagħmel riferiment għaliha l-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tagħha u li tapplika mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha li jipprovdu s-servizzi tagħhom ta’ logħob tal-ażżard mill-bogħod lill-persuni stabbiliti fir-Renju Unit, il-fornituri ta’ servizzi ta’ tali logħob stabbiliti f’Ġibiltà, bħall-membri tal-GBGA, ma jistgħux, skont il-qorti tar-rinviju, jibqgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom fis-suq tal-logħob tal-ażżard tar-Renju Unit mingħajr ma jħallsu taxxa f’dan l-Istat Membru.

24

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tqis li għandu jiġi kkjarifikat l-istatus kostituzzjonali ta’ Ġibiltà fid-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar speċifiku, il-kwistjoni dwar jekk l-operaturi ekonomiċi bħall-membri tal-GBGA stabbiliti f’Ġibiltà jistgħux jinvokaw id-dritt tal-Unjoni kontra leġiżlazzjoni adottata mir-Renju Unit li timplementa s-sistema fiskali l-ġdida u, fl-affermattiv, jekk tali leġiżlazzjoni tiksirx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 56 TFUE.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-Queen’s Bench (qorti amministrattiva), ir-Renju Unit], iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Għall-finijiet tal-Artikolu 56 TFUE u fid-dawl tar-relazzjonijiet kostituzzjonali li jeżistu bejn Ġibiltà u r-Renju Unit:

a)

Ġibiltà u r-Renju Unit għandhom jitqiesu bħala li jifformaw parti minn Stat Membru wieħed għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’tali mod li l-Artikolu 56 TFUE ma huwiex applikabbli, ħlief sa fejn dan jista’ jkun applikabbli għal miżura interna?

Sussidjarjament,

b)

Fid-dawl tal-Artikolu 355(3) TFUE, Ġibiltà għandha l-istatus kostituzzjonali ta’ territorju separat mir-Renju Unit fi ħdan l-Unjoni […], b’tali mod li l-provvisti ta’ servizzi bejn Ġibiltà u r-Renju Unit għandhom jiġu ttrattati bħala kummerċ intern fl-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 56 TFUE?

Sussidjarjament,

ċ)

Ġibiltà għandha tiġi ttrattata bħala pajjiż jew territorju terz, b’tali mod li d-dritt tal-Unjoni […] huwa applikabbli għall-kummerċ bejn ir-Renju Unit u Ġibiltà biss meta dan id-dritt huwa applikabbli bejn Stat Membru u Stat mhux membru?

Sussidjarjament,

d)

Ir-relazzjonijiet kostituzzjonali bejn Ġibiltà u r-Renju Unit għandhom jiġu trattati b’xi mod ieħor għall-finijiet tal-Artikolu 56 TFUE?

2)

Miżuri nazzjonali fil-qasam fiskali li għandhom karatterisitiċi bħal dawk tan-New Tax Regime jikkostitwixxu restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu tas-servizzi, għall-finijiet tal-Artikolu 56 TFUE?

3)

Jekk dan huwa l-każ, l-għanijiet imfittxija, skont il-qorti tar-rinviju, mill-miżuri nazzjonali [bħas-sistema fiskali l-ġdida] huma għanijiet leġittimi li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni tad-dritt ta’ moviment liberu tas-servizzi, skont l-Artikolu 56 TFUE?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 355(3) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 56 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ servizzi minn operaturi stabbiliti f’Ġibiltà lil persuni stabbiliti fir-Renju Unit tikkostitwixxi, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati għal Stat Membru wieħed.

27

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar qabelxejn li d-dritt tal-Unjoni japplika għall-Istati Membri skont l-Artikolu 52(1) TUE. Skont l-Artikolu 52(2) TUE, il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-trattati huwa speċifikat fl-Artikolu 355 TFUE.

28

Skont l-Artikolu 355(3) TFUE, id-dispożizzjonijiet tat-trattati japplikaw għat-territorji Ewropej li Stat Membru jassumi r-relazzjonijiet esterni tagħhom.

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li Ġibiltà tikkostitwixxi territorju Ewropew li Stat Membru, jiġifieri r-Renju Unit, jassumi r-relazzjonijiet esterni tiegħu u li d-dritt tal-Unjoni japplika għal dan it-territorju bis-saħħa tal-Artikolu 355(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Settembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑30/01, EU:C:2003:489, punt 47, u tat‑12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir‑Renju Unit, C‑145/04, EU:C:2006:543, punt 19).

30

B’deroga mill-Artikolu 355(3) TFUE u bis-saħħa tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1972, Ġibiltà hija eskluża mill-applikabbiltà tal-atti tal-Unjoni f’ċerti oqsma tad-dritt tal-Unjoni, liema eċċezzjonijiet ġew introdotti minħabba s-sitwazzjoni legali speċjali u, b’mod partikolari, minħabba l-istatus ta’ port ħieles ta’ dan it-territorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑349/03, EU:C:2005:488, punt 41). L-imsemmija esklużjonijiet ma jirrigwardawx madankollu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, imsemmija fl-Artikolu 56 TFUE.

31

Mill-konstatazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 56 TFUE japplika, bis-saħħa tal-Artikolu 355(3) TFUE, għal Ġibiltà.

32

Għandu jitfakkar, sussegwentement, li l-Artikolu 56 TFUE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak tad-destinatarju tas-servizzi.

33

Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma japplikawx għal sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati għal ħdan Stat Membru wieħed (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat jekk il-provvista ta’ servizzi minn operaturi stabbiliti f’Ġibiltà lil persuni stabbiliti fir-Renju Unit tikkostitwixxix, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati għal ħdan Stat Membru wieħed.

35

F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, bħalma rrilevaw il-partijiet interessati kollha, li Ġibiltà ma tagħmilx parti mir-Renju Unit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Settembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑30/01, EU:C:2003:489, punt 47, u tat‑12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir‑Renju Unit, C‑145/04, EU:C:2006:543, punt 15).

36

Dan il-fatt ma jistax, madankollu, ikun deċiżiv għall-finijiet tad-determinazzjoni dwar jekk żewġ territorji għandhomx, għall-finijiet tal-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali, jitqiesu li huma Stat Membru wieħed. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punt 54 tas-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2005, Jersey Produce Marketing Organisation (C‑293/02, EU:C:2005:664) li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 23, 25, 28 u 29 KE, iċ-Channel Islands, li jagħmlu parti minnhom il-Bailiwick ta’ Jersey, l-Isle of Man u r-Renju Unit għandhom jitqiesu bħala Stat wieħed, minkejja l-fatt li dawn il-gżejjer ma jagħmlux parti mir-Renju Unit.

37

Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li fakkret li r-Renju Unit jassumi r-relazzjonijiet esterni tal-Bailiwick ta’ Jersey, ibbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-fatt li, skont l-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru 3 dwar iċ-Channel Islands u l-Isle of Man, anness mal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1972, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam doganali u fil-qasam ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi tapplika għaċ-Channel Islands u għall-Isle of Man “bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għar-Renju Unit”, kif ukoll fuq l-assenza ta’ elementi tal-istatus ta’ dawn il-gżejjer li jkun jippermetti li r-relazzjonijiet bejniethom u r-Renju Unit jitqiesu bħala simili għal dawk li jeżistu bejn Stati Membri (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2005, Jersey Produce Marketing Organisation, C‑293/02, EU:C:2005:664, punti 43, 4546).

38

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kundizzjonijiet li fihom l-Artikolu 56 TFUE japplika għal Ġibiltà, huwa minnu li l-Artikolu 355(3) TFUE ma jispeċifikax li dan l-Artikolu 56 japplika għal Ġibiltà “bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għar-Renju Unit”.

39

Dan ingħad, għandu jitfakkar li l-Artikolu 355(3) TFUE jestendi l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għat-territorju ta’ Ġibiltà, bla ħsara għall-esklużjonijiet espressament previsti mill-Att ta’ Adeżjoni tal‑1972, li madankollu ma jkoprux il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

40

Barra minn hekk, il-fatt, invokat mill-Gvern ta’ Ġibiltà, li l-Artikolu 56 TFUE japplika għal Ġibiltà bis-saħħa tal-Artikolu 355(3) TFUE u għar-Renju Unit bis-saħħa tal-Artikolu 52(1) TUE, ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, f’kuntest simili, il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam doganali u fil-qasam ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi tapplika għaċ-Channel Islands u għall-Isle of Man bis-saħħa tal-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru 3 anness mal-Att ta’ Adeżjoni tal‑1972 u għar-Renju Unit bis-saħħa tal-Artikolu 52(1) TUE, ma pprekludiex lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tikkonkludi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, dawn il-gżejjer u r-Renju Unit għandhom jitqiesu li huma Stat Membru wieħed (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2005, Jersey Produce Marketing Organisation, C‑293/02, EU:C:2005:664, punt 54).

41

Fit-tieni lok, ma hemmx elementi oħra li jippermettu li r-relazzjonijiet bejn Ġibiltà u r-Renju Unit jitqiesu, għall-finijiet tal-Artikolu 56 TFUE, bħala simili għal dawk li jeżistu bejn żewġ Stati Membri.

42

Li l-kummerċ bejn Ġibiltà u r-Renju Unit jiġi assimilat għal dak bejn Stati Membri jwassal, għall-kuntrarju, li tiġi nnegata r-rabta rrikonoxxuta fl-Artikolu 355(3) TFUE, bejn dan it-territorju u dan l-Istat Membru. F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li huwa r-Renju Unit li ntrabat bl-obbligi bis-saħħa tat-trattati lejn l-Istati Membri l-oħra fir-rigward tal-applikazzjoni u tat-traspożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fit-territorju ta’ Ġibiltà (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑23 ta’ Settembru 2003,Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑30/01, EU:C:2003:489, punti 147, kif ukoll tal‑21 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑349/03, EU:C:2005:488, punt 56), bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu.

43

Minn dan isegwi li l-provvista ta’ servizzi minn operaturi stabbiliti f’Ġibiltà lil persuni stabbiliti fir-Renju Unit tikkostitwixxi, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati għal ħdan Stat Membru wieħed.

44

Din l-interpretazzjoni ma hijiex imminata mill-argument tal-Gvern ta’ Ġibiltà li b’dan il-mod ikun imfixkel l-għan, imsemmi fl-Artikolu 26 TFUE, li jiġi żgurat l-funzjonament tas-suq intern, kif ukoll l-għan li Ġibiltà tiġi integrata f’dan is-suq, liema għan huwa, skont dan il-Gvern, imfittex mill-Artikolu 355(3) TFUE.

45

Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, skont il-formulazzjoni stess tiegħu, l-Artikolu 26(2) TFUE jipprevedi li s-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital huwa żgurat skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, u l-Artikolu 56 TFUE jikkostitwixxi tali dispożizzjoni fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

46

Kif ġie espost fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, l-applikabbiltà tal-Artikolu 56 TFUE għal sitwazzjoni partikolari teħtieġ il-preżenza ta’ element barrani.

47

L-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza ma trendix, barra minn hekk, l-Artikolu 56 TFUE inapplikabbli għat-territorju ta’ Ġibiltà, bħalma jargumenta l-Gvern ta’ Ġibiltà. Din id-dispożizzjoni tibqa’ fil-fatt applikabbli fit-totalità tagħha għall-imsemmi territorju bl-istess kundizzjonijiet, inkluża dik dwar ir-rekwiżit tal-preżenza ta’ element barrani, bħal dawk previsti għal kull territorju ieħor tal-Unjoni li tapplika għalihom.

48

Il-kunsiderazzjonijiet dwar l-istatus ta’ Ġibiltà skont id-dritt kostituzzjonali nazzjonali jew skont id-dritt internazzjonali lanqas ma jinvalidaw din l-interpretazzjoni.

49

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-istatus ta’ Ġibiltà skont id-dritt kostituzzjonali nazzjonali, il-Gvern ta’ Ġibiltà jargumenta, b’riferiment għas-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 1978, Hansen & Balle (148/77, EU:C:1978:173), li l-istatus ta’ dan it-territorju fid-dritt tal-Unjoni għandu jiġi ddeterminat b’mod partikolari permezz tal-istatus tiegħu fid-dritt nazzjonali.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, magħmula fil-punt 10 tal-imsemmija sentenza, li tipprovdi li l-istatus tad-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej huwa ddefinit, fl-ewwel lok, b’riferiment għall-kostituzzjoni Franċiża, li tipprevedi li dawn id-dipartimenti jagħmlu parti integrali mir-Repubblika Franċiża, għandha tinqara fil-kuntest tagħha, peress li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 227(1) tat-Trattat KEE, li jipprovdi li dan it-trattat kien applikabbli għar-“Repubblika Franċiża” kollha (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 1978, Hansen & Balle, 148/77, EU:C:1978:173, punt 9). Għaldaqstant, permezz ta’ din il-preċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement riedet tirrikonoxxi li l-imsemmija dipartimenti jagħmlu parti mill-imsemmi Stat Membru u li d-dritt tal-Unjoni kien japplika, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sentejn, imsemmi fil-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 227, ipso jure għal dawn it-territorji għaliex kienu jagħmlu parti integrali minn dan l-Istat Membru (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 1978, Hansen & Balle, 148/77, EU:C:1978:173, punt 10).

51

Kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ din is-sentenza, id-dritt tal-Unjoni japplika għal Ġibiltà mhux għaliex tagħmel parti mir-Renju Unit, iżda bis-saħħa tal-Artikolu 355(3) TFUE.

52

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-istatus ta’ Ġibiltà fid-dritt internazzjonali, huwa stabbilit li Ġibiltà tissemma fil-lista ta’ territorji mhux awtonomi fis-sens tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

53

F’dan ir-rigward, il-Gvern ta’ Ġibiltà jargumenta li interpretazzjoni bħal dik mogħtija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, tkun timmina l-istatus ta’ dan it-territorju fid-dritt internazzjonali u, b’mod partikolari, tmur kontra r-Riżoluzzjoni 2625 (XXV) tal‑24 ta’ Ottubru 1972, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, li tipprovdi li t-territorju ta’ kolonja għandu jkollu status separat u distint minn dak tat-territorju tal-Istat li jamministrah.

54

L-imsemmija interpretazzjoni tal-Artikolu 355(3) TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 56 TFUE, ma għandha ebda effett fuq l-istatus tat-territorju ta’ Ġibiltà bis-saħħa tad-dritt internazzjonali, peress li din sempliċement tispeċifika li, sa fejn id-dritt tal-Unjoni japplika għal dan it-territorju bħala territorju Ewropew li Stat Membru, jiġifieri r-Renju Unit, jassumi r-relazzjonijiet esterni tiegħu, il-provvista ta’ servizzi minn operaturi stabbiliti f’Ġibiltà lil persuni stabbiliti fir-Renju Unit tikkostitwixxi, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati għal ħdan Stat Membru wieħed. Din l-interpretazzjoni ma tistax tinftiehem fis-sens li timmina l-istatus separat u distint ta’ Ġibiltà.

55

Għandu jiżdied f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju sempliċement tindika li s-sistema fiskali l-ġdida inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija applikabbli mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, mingħajr ma tesponi elementi konkreti oħra li jippermettu li tiġi stabbilita rabta bejn is-suġġett tal-kawża prinċipali u l-Artikolu 56 TFUE, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 55).

56

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 355(3) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 56 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ servizzi minn operaturi stabbiliti f’Ġibiltà lil persuni stabbiliti fir-Renju Unit tikkostitwixxi, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati għal ħdan Stat Membru wieħed.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

57

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 355(3) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 56 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ servizzi minn operaturi stabbiliti f’Ġibiltà lil persuni stabbiliti fir-Renju Unit tikkostitwixxi, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati għal ħdan Stat Membru wieħed.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top