EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0585

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-9 ta’ Frar 2017.
Raffinerie Tirlemontoise SA vs État belge.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de première instance francophone de Bruxelles.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Zokkor – Imposti fuq il-produzzjoni – Kalkolu tat-telf medju – Kalkolu tal-imposti fuq il-produzzjoni – Regolament (KE) Nru 2267/2000 – Validità – Regolament (KE) Nru 1993/2001 – Validità.
Kawża C-585/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:105

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

9 ta’ Frar 2017 ( 1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Zokkor — Imposti fuq il-produzzjoni — Kalkolu tat-telf medju — Kalkolu tal-imposti fuq il-produzzjoni — Regolament (KE) Nru 2267/2000 — Validità — Regolament (KE) Nru 1993/2001 — Validità”

Fil-Kawża C‑585/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal de première instance francophone de Brussell (qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura

Raffinerie Tirlemontoise SA

vs

État belge,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Lulju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Raffinerie Tirlemontoise SA, minn D. Gérard, avukat, u H.‑J. Prieß, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u J.‑C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn M. Keup u B. De Moor, avukati,

għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Lewis u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999, tat-13 ta’ Settembru 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU 1999, L 252, p. 1), kif ukoll il-validità, minn naħa, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2267/2000, tat-12 ta’ Ottubru 2000, li jistabbilixxi l-imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor kif ukoll il-koeffiċjent tal-kalkolu tal-imposti addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 (ĠU 2000, L 259, p. 29) u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1993/2001, tal-11 ta’ Ottubru 2001, li jistabbilixxi l-imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001 (ĠU 2001, L 271, p. 15).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Raffinerie Tirlemontoise SA (iktar ’il quddiem “Raffinerie”) u l-État Belge (l-Istat Belġjan) dwar talba għar-rimbors ta’ imposti fuq il-produzzjoni taz-zokkor miġbura indebitament għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 sa 2004/2005.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 14 sa 17 tar-Regolament Nru 2038/1999 kienu fformulati kif ġej:

“(14)

[I]r-raġunijiet li sal-lum wasslu lill-Komunità sabiex iżżomm sistema ta’ kwoti ta’ produzzjoni għas-setturi taz-zokkor, tal-isoglukożju u tal-ġulepp tal-inulina jibqgħu validi; madanakollu, sar tibdil f’din is-sistema, minn naħa sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi reċenti fil-produzzjoni u, min-naħa l-oħra, sabiex il-Komunità tingħata l-istrumenti meħtieġa sabiex tiżgura, b’mod ġust iżda effikaċi, l-finanzjament sħiħ mill-produtturi nnifishom tal-ispejjeż għat-tneħħija tal-ammonti żejda li jirriżultaw mir-rabta bejn il-produzzjoni tal-Komunità u l-konsum tagħha; madankollu, tali sistema għandha tkun limitata ratione temporis u għandha titqies bħala tranżitorja;

(15)

l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor huma ibbażati, minn naħa, mis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1986/1987, fuq il-prinċipju li l-produtturi għandhom iġorru r-responsabbiltà kollha finanzjarja għal kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni għat-telf dovut għat-tneħħija tal-ammonti żejda ta’ produzzjoni Komunitarja fil-kuntest tal-kwoti meta mqabbla mal-konsum intern u, min-naħa l-oħra, fuq sistema ta’ garanziji tal-prezz tat-tneħħija ddifferenzjati skont l-kwoti ta’ produzzjoni allokati lil kull impriża; fis-settur taz-zokkor, il-kwoti ta’ produzzjoni huma allokati lil kull impriża skont il-prinċipju ta’ produzzjoni effettiva matul perijodu ta’ referenza partikolari […];

(16)

[…] għandha tinżamm is-sistema ta’ awtofinanzjament tas-settur u s-sistema ta’ kwoti ta’ produzzjoni għal perijodu ekwivalenti għal […] sitt snin ta’ kummerċjalizzazzjoni;

(17)

il-produtturi għandhom għalhekk ikomplu jassumu r-responsabbiltà finanzjarja permezz tal-kontribuzzjonijiet tagħhom li jingħataw billi jħallsu imposta bażika fuq il-produzzjoni li tapplika għall-produzzjoni kollha taz-zokkor A u B, iżda li hija limitata għal 2 % tal-prezz tal-intervent taz-zokkor abjad, u imposta B fuq il-produzzjoni taz-zokkor B sal-limitu massimu ta’ 37.5 % ta’ dan l-aħħar prezz; f’ċerti ċirkustanzi, il-produtturi tal-isoglukożju u tal-ġulepp tal-inulina jħallsu parti minn dawn il-kontribuzzjonijiet […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu 33(1) u (2) tar-Regolament Nru 2038/1999 kien jipprevedi li:

“1.   Qabel it-tmiem ta’ kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, għandu jiġi rreġistrat:

(a)

il-kwantità prevedibbli taz-zokkor A u B, tal-isoglukożju A u B u tal-ġulepp tal-inulina A u B prodotta matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kurrenti;

(b)

il-kwantità prevedibbli ta’ zokkor, ta’ isoglukożju u ta’ ġulepp tal-inulina mneħħija għall-konsum ġewwa l-Komunità matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kurrenti;

(c)

l-ammont żejjed li jista’ jiġi esportat billi l-kwantità msemmija fil-punt (b) titnaqqas mill-kwantità msemmija fil-punt (a);

(d)

it-telf medju prevedibbli jew id-dħul medju prevedibbli għal kull tunnellata ta’ zokkor sabiex jitwettqu l-obbligi ta’ esportazzjoni matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kurrenti.

Dan it-telf medju jew dan id-dħul medju għandu jkun ugwali għad-differenza bejn l-ammont totali tal-ħlasijiet lura u l-ammont totali tat-taxxi fuq it-tunnellaġġ totali tal-obbligi ta’ esportazzjoni inkwistjoni;

(e)

it-telf globali prevedibbli jew id-dħul globali prevedibbli, billi l-ammont żejjed imsemmi fil-punt (c) jiġi mmultiplikat bit-telf medju jew bid-dħul medju msemmi fil-punt (d).

2.   Qabel it-tmiem tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001 u bla ħsara għall-Artikolu 26(5), għandu jiġi rreġistrat kumulattivament għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1995/1996 sa 2000/2001:

(a)

l-ammont żejjed li jista’ jiġi esportat stabbilit abbażi tal-produzzjoni definittiva taz-zokkor A u B, tal-isoglukożju A u B u, mis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1994/1995, tal-ġulepp tal-inulina A u B, minn naħa, u l-kwantità definittiva ta’ zokkor, ta’ isoglukożju u, mis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1994/1995, ta’ ġulepp tal-inulina mneħħija għall-konsum ġewwa l-Komunità, min-naħa l-oħra;

(b)

it-telf medju prevedibbli jew id-dħul medju prevedibbli għal kull tunnellata ta’ zokkor li jirriżulta mill-obbligi kollha ta’ esportazzjoni inkwistjoni stabbilit billi tiġi segwita r-regola ta’ kalkolu msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1(d);

(c)

it-telf globali jew id-dħul globali, billi l-ammont żejjed imsemmi fil-punt (a) jiġi mmultiplikat bit-telf medju jew bid-dħul medju msemmi fil-punt (b);

(d)

is-somma globali tal-imposti bażiċi fuq il-produzzjoni u tal-imposti B miġbura.

It-telf globali prevedibbli jew id-dħul globali prevedibbli msemmi fil-paragrafu 1(e) għandu jiġi aġġustat abbażi tad-differenza bejn l-ammonti msemmija fil-punti (c) u (d).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-ammonti tal-imposti fuq il-produzzjoni kif ukoll il-koeffiċjent ta’ kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor ġew iffissati, għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000, mir-Regolament Nru 2267/2000. L-ammonti tal-imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor ġew iffissati, għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001, mir-Regolament Nru 1993/2001.

6

Il-premessi 9 sa 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001, tad-19 ta’ Ġunju 2001, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 17), kienu fformulati kif ġej:

“(9)

Ir-raġunijiet li qabel wasslu lill-Komunità biex tadotta sistema ta’ kwota fuq il-produzzjoni għaz-zokkor, isoglukożi [isoglukożju] u xiropp ta’ l-insulina [ġulepp tal-inulina] bħalissa jibqgħu validi. B’danakollu, dik is-sistema nbidlet sabiex tieħu konsiderazzjoni ta’ l-iżviluppi riċenti fil-produzzjoni, sabiex tipprovdi lill-Komunità bl-istrumenti neċessarji sabiex tassigura, b’mod ġust iżda effiċjenti, li l-fabbrikanti [produtturi] nfushom jlaħħqu bis-sħiħ ma’ l-ispejjeż biex jeħilsu minn ħażniet żejda tal-produzzjoni tal-Komunità fuq il-konsum u biex ikunu konformi ma’ l-obbligazzjonijiet tal-Komunità permezz tal-Ftehim li jirriżulta mil-laqgħa ta’ l-Urugwaj tan-negozjati multi-laterali tal-kummerċ, minn issa l-quddiem imsemmija bħala ‘FĠTK — GATT’, approvat permezz tad-Deċiżjoni [tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80)].

(10)

[…] [I]s-sistema tal-kwoti għandha tinżamm għas-snin tas-suq [kummerċjalizzazzjoni] 2001/2002 sa l-2005/2006.

(11)

L-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor huma ibbażati, l-ewwel, fuq il-prinċipju li l-produtturi għandhom iġorru r-responsabbiltà kollha finanzjarja għat-telf magħmul f’kull sena tas-suq mir-rimi [tneħħija] ta’ dik il-parti mill-produzzjoni tal-Komunità li hija taħt il-kwota li hija żejda għall-konsum intern tal-Komunità u, it-tieni nett, fuq differenzjal tal-garanziji tal-prezz għar-rimi li jirriflettu l-kwota tal-produzzjoni allokata għal kull azjenda. Kwota tal-produzzjoni taz-zokkor hija allokata għal kull azjenda fuq il-bażi tal-produzzjoni attwali tagħha matul perjodu partikolari ta’ riferenza.

(12)

[…] [Għandha tinżamm] [i]s-sistema tas-settur tal-finanzjament tagħha nfisha permezz ta’ l-imposti ta’ taxxi tal-produzzjoni u għandu jinżamm ir-reġim tal-kwoti tal-produzzjoni.

(13)

Il-produtturi għandhom għalhekk ikomplu jassumu r-responsabbiltà finanzjarja billi jħallsu taxxa bażika tal-produzzjoni fuq il-produzzjoni kollha taz-zokkor A u B, li iżda hija llimitata għal 2 % tal-prezz ta’ l-intervent taz-zokkor abjad, u taxxa B imposta fuq il-produzzjoni taz-zokkor B sal-limitu ta’ 37,5 % ta’ dak il-prezz. F’ċerti ċirkostanzi, il-produtturi ta’ l-isoglukożju u x-xiropp ta’ l-insulina [ġulepp tal-inulina] jħallsu wkoll proporzjon minn dawn il-kontribuzzjonijiet. […]”

7

L-Artikolu 15(1) u (2) tar-Regolament Nru 1260/2001 kien jipprevedi li:

“1.   Qabel it-tmiem ta’ kull sena tas-suq, is-segwenti għandu jkun irreġistrat:

(a)

tbassir tal-produzzjoni taz-zokkor A u B, isoglukożi [isoglukożju] A u B u x-xiropp ta’ l-insulina [ġulepp tal-inulina] A u B li tista’ tkun konnessa mas-sena tas-suq ikkonċernata;

(b)

tbassir tal-kwantitajiet taz-zokkor, ta’ l-isoglukosi u tax-xiropp ta’ l-insulina mwarrba [mneħħija] għall-konsum fil-Komunità matul is-sena tas-suq li hemm referenza dwarha;

(ċ)

l-eċċess li jista’ jkun esportat bit-tnaqqis tal-kwantità li hemm referenza dwarha fil-(b) mill-kwantità li hemm referenza dwarha fl-(a);

(d)

l-estimi tat-telf medju jew tad-dħul medju (ta’ flus) għal kull tunnelata metrika sabiex jiġu mwettqa l-obbligi ta’ l-esportazzjoni matul is-sena tas-suq kurrenti.

Din il-medja ta’ telf jew ta’ introjtu [dħul] għandha tkunu egwali għad-differenza bejn l-ammont totali tar-rifużjoni [ħlasijiet lura] u l-ammont totali tad-dħul mit-taxxi fuq it-tunnellaġġ metriku totali ta’ l-obbligi dwar l-esportazzjoni f’dak il-każ;

(e)

l-estimi tat-telf jew ta’ l-introjtu ġenerali miksuba bil-multiplikazzjoni ta’ l-eċċess riferit fiċ-(ċ) bil-medja tat-telf jew ta’ l-introjtu riferit fid-(d).

2.   Qabel it-tmiem tas-sena tas-suq 2005/2006 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(3), (4), (5) u (6), is-segwenti għandu jkun irreġistrat kumulattivament għas-snin tas-suq 2001/2002 sa l-2005/2006:

(a)

l-eċċess esportabbli stabbilit fuq il-bażi tal-produzzjoni definittiva taz-zokkor tat-tip A u tat-tip B u ta’ l-isoglukożi tat-tip A u tat-tip B u l-kwantità definittiva taz-zokkor u l-isoglukożi mwarrba għall-konsum ġewwa l-Komunità[;]

(b)

il-medja tat-telf jew ta’ l-introjti [għal] kull tunnellata [ta’ zokkor] li jirriżulta mill-obbligazzjonijiet totali ta’ l-esportazzjoni kkonċernati, ikkalkulati permezz tal-metodu deskritt fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1(d) t’hawn fuq;

(ċ)

it-telf jew l-introjtu ġenerali miksuba bil-multiplikazzjoni ta’ l-eċċess riferit fl-(a) bil-medja tat-telf jew ta’ l-introjtu riferit fil-(b)[;]

(d)

is-somma totali tad-dħul mit-taxxi [imposti] fuq il-produzzjoni bażika u t-taxxi B imponuti;

L-estimi tat-telf jew ta’ l-introjtu ġenerali li hemm referenza dwaru fil-paragrafu 1(e) għandhom jiġu aġġustati fuq il-bażi tad-differenza bejn l-ammonti li hemm referenza dwarhom f’(ċ) u f’(d).”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Raffinerie hija kumpannija li tipproduċi z-zokkor.

9

Billi qieset li l-imposti fuq il-produzzjoni li hija kienet ħallset għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 sa 2005/2006 kienu eċċessivi, Raffinerie ressqet kawża kontra l-Bureau d’intervention et de restitution belge (uffiċċju Belġjan għal miżuri ta’ intervent u għal ħlas lura) sabiex tikseb ir-rimbors tal-imposti miġbura indebitament.

10

Fl-1 ta’ Lulju 2014, il-piżijiet, jiġifieri, b’mod partikolari, il-krediti u d-debiti, inkorsi fil-passat mill-uffiċċju Belġjan għal miżuri ta’ intervent u għal ħlas lura ġew ittrasferiti lill-Istat Belġjan.

11

Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, is-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001, Raffinerie sostniet li raġunament applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Zuckerfabrik Jülich (C‑113/10, C‑147/10 u C‑234/10, EU:C:2012:591), tqiegħed inkwistjoni l-kalkolu tal-imposti stabbiliti għal dawn is-sentejn, rispettivament, permezz tar-Regolamenti Nri 2267/2000 u 1993/2001, iżda li, fil-kuntest tad-domandi preliminari magħmula lilha sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma kellhiex l-opportunità tiddeċiedi, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ regolamenti, dwar ir-raġunijiet ta’ invalidità msemmija minnha fis-sentenza tagħha.

12

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t‑Tribunal de première instance de Bruxelles (qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel id‑domandi preliminari segwenti lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 33(1) tar-Regolament […] Nru 2038/1999 […] għandu jiġi interpretat – b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Zuckerfabrik Jülich (C‑113/10, C‑147/10 u C‑234/10) – fis-sens li għall-finijiet tal-kalkolu tat-telf medju, għandha tiġi diviża, għall-kategoriji kollha ta’ zokkor esportati, is-somma tal-ispejjeż reali bis-somma tal-kwantitajiet esportati, kemm jekk effettivament sarux jew le ħlasijiet lura għal dawn il-kwantitajiet?

2)

L-Artikolu 33(2) tar-Regolament […] Nru 2038/1999 […] għandu jiġi interpretat – b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Zuckerfabrik Jülich (C‑113/10, C‑147/10 u C‑234/10) – fis-sens li t-trasferimenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (bħala element ta’ debitu jew ta’ kreditu) fil-kalkolu globali tal-imposti fuq il-produzzjoni għandhom jiġu kkalkolati, għall-kategoriji kollha ta’ zokkor esportati, billi tiġi diviża s-somma tal-ispejjeż reali bis-somma tal-kwantitajiet effettivament esportati, kemm jekk effettivament sarux jew le ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għal dawn il-kwantitajiet?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, ir-Regolament [Nru] 2267/2000 u r-Regolament [Nru] 1993/2001 huma invalidi?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

13

Qabelxejn, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 2038/1999, li jistabbilixxi l-kriterji ta’ determinazzjoni tal-imposti fuq il-produzzjoni għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1995/1996 sa 2000/2001, u l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1260/2001, li jistabbilixxi l-kriterji ta’ determinazzjoni tal-imposti fuq il-produzzjoni għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002 sa 2005/2006 huma, għal dak li jirrigwarda l-paragrafu 1 tagħhom, essenzjalment identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Zuckerfabrik Jülich et, C‑5/06 u C‑23/06 sa C‑36/06, EU:C:2008:260, punt 31). L-istess japplika għall-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 2038/1999 u għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 1260/2001.

14

Min-naħa l-oħra, il-premessi 15 sa 17 tar-Regolament Nru 2038/1999, li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 33 tiegħu, huma, essenzjalment, identiċi għall-premessi 11 sa 13 tar-Regolament Nru 1260/2001, li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 15 ta’ dan tal-aħħar.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat, kif isostnu Raffinerie, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni, li l-Artikolu 33(1) u (2) tar-Regolament Nru 2038/1999 u l-Artikolu 15(1) u (2) tar-Regolament Nru 1260/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi.

Fuq l-ewwel domanda

16

Skont l-Artikolu 33(1)(d) tar-Regolament Nru 2038/1999, it-telf medju għandu jkun ugwali għad-differenza bejn l-ammont totali tal-ħlasijiet lura u l-ammont totali tat-taxxi fuq it-tunnellaġġ totali tal-obbligi ta’ esportazzjoni li għandhom jitwettqu matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kurrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2008, Zuckerfabrik Jülich et, C‑5/06 u C‑23/06 sa C‑36/06, EU:C:2008:260, punt 46, kif ukoll tas-27 ta’ Settembru 2012, Zuckerfabrik Jülich et, C‑113/10, C‑147/10 u C‑234/10, EU:C:2012:591, punt 39).

17

Issa, il-kunċett ta’ “obbligi ta’ esportazzjoni [li għandhom jitwettqu] matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kurrenti”, fejn it-tunnellaġġ jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 33(1)(d) tar-Regolament Nru 2038/1999, id-denominatur tal-proporzjon li jippermetti li jiġi kkalkolat it-telf medju, jinkludi kull kwantità ta’ prodotti li jaqgħu taħt l-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament intiża għall-esportazzjoni barra mill-Komunità Ewropea, billi l-kwistjoni dwar jekk il-kwantitajiet ta’ prodotti intiżi għall-esportazzjoni jikkwalifikawx jew le għal ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni hija irrilevanti fir-rigward ta’ dan il-kunċett (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Zuckerfabrik Jülich et, C‑5/06 u C‑23/06 sa C‑36/06, EU:C:2008:260, punti 49 sa 51).

18

Għaldaqstant, il-kwantitajiet kollha ta’ prodotti esportati li jaqgħu taħt l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 2038/1999, irrispettivament minn jekk effettivament sarux jew le ħlasijiet lura, għandhom, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tat-telf medju prevedibbli għal kull tunnellata ta’ prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Zuckerfabrik Jülich et, C‑5/06 u C‑23/06 sa C‑36/06, EU:C:2008:260, punt 61).

19

Għal dak li jirrigwardaw l-“ammont totali tal-ħlasijiet lura”, li jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 33(1)(d) tar-Regolament Nru 2038/1999, parti min-numeratur tal-proporzjon li jippermetti li jiġi kkalkolat it-telf medju, dan għandu jkollu rabta diretta mal-ispejjeż koperti mill-baġit tal-Komunità relatati mat-tneħħija tal-ammonti żejda ta’ prodotti tas-settur taz-zokkor u, għaldaqstant, ikun ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni magħmula sabiex jiġi żgurat it-tneħħija tal-kwantitajiet ta’ prodotti li kienu s-suġġett ta’ obbligi ta’ esportazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Zuckerfabrik Jülich et, C‑113/10, C‑147/10 u C‑234/10, EU:C:2012:591, punti 4849).

20

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 2038/1999 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-kalkolu tat-telf medju, l-ammont totali tal-ispejjeż reali marbuta mal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni għandu jiġi diviż bl-ammont totali tal-kwantitajiet ta’ dawn il-prodotti esportati, irrispettivament minn jekk effettivament sarux jew le ħlasijiet lura fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar.

Fuq it-tieni domanda

21

Għandu jiġi osservat li, skont ir-Regolament Nru 2038/1999, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu, l-imposti fuq il-produzzjoni huma kkalkolati mit-telf globali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Zuckerfabrik Jülich et, C-5/06 u C‑23/06 sa C‑36/06, EU:C:2008:260, punt 41).

22

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1260/2001 huwa intiż li jistabbilixxi sistema ta’ awtofinanzjament tal-ispejjeż għat-tneħħija tal-ammonti żejda li jikkonsisti f’li jiġi żgurat b’mod ġust iżda effikaċji l-finanzjament sħiħ mill-produtturi nnifishom ta’ dawn l-ispejjeż. Konsegwentement, il-metodu ta’ kalkolu adottat ma għandux iwassal, fil-prattika, sabiex it-telf globali jiġi ffissat a prior għal ammont ogħla minn dak tal-ispejjeż marbuta mal-ħlasijiet lura relatati mat-tneħħija tal-ammonti żejda ta’ produzzjoni Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2008, Zuckerfabrik Jülich et, C‑5/06, C‑23/06 sa C‑36/06, EU:C:2008:260, punti 44, 5760, kif ukoll tas-27 ta’ Settembru 2012, Zuckerfabrik Jülich et, C‑113/10, C‑147/10 u C‑234/10, EU:C:2012:591, punt 46).

23

Skont l-Artikolu 33(2)(c) tal-imsemmi regolament, it-telf globali huwa r-riżultat miksub billi jiġi mmultiplikat l-ammont żejjed li jista’ jiġi esportat bit-telf medju. Għaldaqstant, kull stima eċċessiva tat-telf medju twassal b’mod inevitabbli għal stima eċċessiva tat-telf globali u, għalhekk, għall-iffissar tal-imposti fuq il-produzzjoni għolja wisq (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Zuckerfabrik Jülich et, C‑113/10, C‑147/10 u C‑234/10, EU:C:2012:591, punt 47).

24

Issa, it-telf medju fis-sens tal-Artikolu 33(2)(b) tar-Regolament Nru 2038/1999 huwa stabbilit billi tiġi segwita r-regola ta’ kalkolu msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(1)(d) ta’ dan ir-regolament.

25

Barra minn hekk, il-konstatazzjonijiet dwar din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li jinsabu fil-punti 17 sa 19 ta’ din is-sentenza, japplikaw ukoll għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 33(2)(b) tar-Regolament Nru 2038/1999.

26

Minn dan jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 2038/1999 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-kalkolu globali tal-imposti fuq il-produzzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-telf medju kkalkolat billi l-ammont totali tal-ispejjeż reali marbuta mal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni jiġi diviż bl-ammont totali tal-kwantitajiet ta’ dawn il-prodotti esportati, irrispettivament minn jekk effettivament sarux jew le ħlasijiet lura fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar.

Fuq it-tielet domanda

27

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammonti tal-imposti fuq il-produzzjoni għas-settur taz-zokkor, kif iffissati mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1193/2009, tat-3 ta’ Novembru 2009, li jirrettifika r-Regolamenti (KE) Nru 1762/2003, (KE) Nru 1775/2004, (KE) Nru 1686/2005, (KE) Nru 164/2007 u li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq [kummerċjalizzazzjoni] 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005 u 2005/2006 (ĠU 2009, L 321, p. 1), ma kienx ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni magħmula sabiex jiġi żgurat it-tneħħija tal-kwantitajiet ta’ zokkor li jinsabu fil-prodotti pproċessati li kienu s-suġġett ta’ obbligi ta’ esportazzjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dan il-metodu ta’ kalkolu kien jikkonsisti f’li jiġi attribwit lil dawn il-kwantitajiet kollha ammont teoretiku ta’ ħlas lura, ibbażat fuq il-medja tal-ammonti ffissati b’mod perjodiku mill-Kummissjoni, indipendentement minn kemm huwa effettiv il-pagament ta’ eventwali ħlas lura u mill-ammont reali ta’ dan il-ħlas lura (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Zuckerfabrik Jülich et, C‑113/10, C‑147/10 u C‑234/10, EU:C:2012:591, punt 48).

28

Peress li tali ammont teoretiku ta’ ħlas lura jintuża bħala parti tan-numeratur tal-proporzjoni li jippermetti li jiġi kkalkolat it-telf medju, din iż-żieda fin-numeratur kien jimplika neċessarjament stima eċċessiva tat-telf medju u għalhekk tat-telf globali, bi ksur tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1260/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Zuckerfabrik Jülich et, C‑113/10, C‑147/10 u C‑234/10, EU:C:2012:591, punt 50).

29

Konsegwentement, ir-Regolament Nru 1193/2009 li, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 3 tiegħu, diġà ġie annullat mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Settembru 2011, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni (T‑4/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:546), ġie ddikjarat invalidu mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Settembru 2012, Zuckerfabrik Jülich et (C‑113/10, C‑147/10 u C‑234/10, EU:C:2012:591, punt 54).

30

Issa, huwa paċifiku li l-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammonti tal-imposti fuq il-produzzjoni għas-settur taz-zokkor, kif iffissati mir-Regolamenti Nri 2267/2000 u 1993/2001, lanqas ma kien ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont reali tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni magħmula sabiex jiġi żgurat it-tneħħija tal-kwantitajiet ta’ zokkor li jinsabu fil-prodotti pproċessati li kienu s-suġġett ta’ obbligi ta’ esportazzjoni.

31

Sa fejn tali metodu ta’ kalkolu kien jimplika, għar-raġunijiet imfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, stima eċċessiva tat-telf medju u għalhekk tat-telf globali, din għandha titqies li tmur kontra wkoll l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 2038/1999.

32

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li r-Regolamenti Nri 2267/2000 u 1993/2001 huma invalidi.

Fuq il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta ’ din is-sentenza

33

Il-Kummissjoni ssostni li, fid-dawl taż-żmien li għadda mill-adozzjoni tar-Regolamenti Nri 2267/2000 u 1993/2001, tad-diffikultà sabiex tinsab informazzjoni dwar is-snin inkwistjoni fil-kawża prinċipali u taċ-ċirkustanza li ċerti operaturi ta’ dak iż-żmien ma għadhomx jeżistu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita l-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ dawn ir-regolamenti, billi tirriżerva l-benefiċċju ta’ din tal-aħħar għall-impriżi li jkunu ressqu, qabel id-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, azzjoni ġudizzjarja jew ilment ekwivalenti sabiex jiksbu r-rimbors tas-somom imħallsa indebitament fir-rigward ta’ imposti fuq il-produzzjoni għas-settur taz-zokkor iffissati mill-imsemmija regolamenti.

34

Tali limitazzjoni tal-effetti tal-invalidità ratione temporis ma ċċaħħadx lill-impriżi li jkunu ressqu azzjoni ġudizzjarja jew ilment mill-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet tagħhom. Għall-kuntrarju, hija tevita li tinħoloq sitwazzjoni ta’ natura li twassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn l-impriżi li jinsabu fl-Istati Membri l-antiki u dawk li jinsabu fl-Istati Membri li aderixxew mal-Unjoni Ewropea mill-2004, sa fejn biss dawn tal-ewwel jkunu jistgħu jibbenefikaw minn rimbors ta’ imposti miġbura indebitament.

35

Min-naħa tiegħu, ir-Renju tal-Belġju sostna, waqt is-seduta, li ma kien hemm ebda differenza oġġettiva li tippermetti li ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tal-impriżi li jkunu ressqu azzjoni qabel id-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u dik tal-impriżi li jkunu astjenew milli jressqu tali azzjoni, u ppropona, għalhekk, li l-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-Regolamenti Nri 2267/2000 u 1993/2001 jiġi limitati għall-futur.

36

Fl-aħħar nett, Raffinerie u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sostnew fis-sottomissjonijiet orali tagħhom li l-kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali li jiġġustifikaw limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-imsemmija regolamenti huma, f’dan il-każ, nieqsa.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta jkun iġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, il-Qorti tal-Ġustizzja tgawdi, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, applikabbli wkoll, b’analoġija, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar l-evalwazzjoni tal-validità tal-atti tal-Unjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE, minn setgħa diskrezzjonali sabiex tindika, f’kull każ partikolari, liema huma l-effetti tal-att ikkonċernat li għandhom jitqiesu li huma definittivi (sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 103).

38

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet użu mill-possibbiltà li tillimita l-effett ratione temporis tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni meta kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali li jirrigwardaw l-interessi kollha, kemm pubbliċi kif ukoll privati, involuti fil-kawżi kkonċernati kienu jipprekludu t-tqegħid inkwistjoni tal-ġbir jew tal-ħlas ta’ somom ta’ flus, li saru abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni, għall-perjodu preċedenti għad-data tas-sentenza (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Silos, C‑228/99, EU:C:2001:599, punt 36).

39

F’dan il-każ, la d-diffikultà sabiex tinsab informazzjoni dwar is-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001 u lanqas il-fatt li ċerti operaturi ta’ dak iż-żmien ma għadhomx jeżistu ma jistgħu jitqiesu bħala kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali li jiġġustifikaw limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza.

40

Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li l-impriżi li fl-Istati Membri l-“antiki”, li kellhom iħallsu l-imposti għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001, għandhom jirċievu r-rimbors ta’ imposti miġbura indebitament ma hijiex ta’ natura li twassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn dawn l-impriżi u dawk li jinsabu fl-Istati Membri li aderixxew mal-Unjoni Ewropea mill-2004, peress li dan ir-rimbors għandu biss l-għan li jtemm sitwazzjoni li toħloq żvantaġġ għal din l-ewwel kategorija ta’ impriżi.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 33(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999, tat-13 ta’ Settembru 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-kalkolu tat-telf medju, l-ammont totali tal-ispejjeż reali marbuta mal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni għandu jiġi diviż bl-ammont totali tal-kwantitajiet ta’ dawn il-prodotti esportati, irrispettivament minn jekk effettivament sarux jew le ħlasijiet lura fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar.

 

2)

L-Artikolu 33(2) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-kalkolu globali tal-imposti fuq il-produzzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-telf medju kkalkolat billi l-ammont totali tal-ispejjeż reali marbuta mal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni jiġi diviż bl-ammont totali tal-kwantitajiet ta’ dawn il-prodotti esportati, irrispettivament minn jekk effettivament sarux jew le ħlasijiet lura fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar.

 

3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2267/2000, tat-12 ta’ Ottubru 2000, li jistabbilixxi l-imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor kif ukoll il-koeffiċjent tal-kalkolu tal-imposti addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1993/2001, tal-11 ta’ Ottubru 2001, li jistabbilixxi l-imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001, huma invalidi.

 

Firem


( 1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top