This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CJ0570
Judgment of the Court (Third Chamber) of 13 September 2017.#X v Staatssecretaris van Financiën.#Request for a preliminary ruling from the Hoge Raad der Nederlanden.#Reference for a preliminary ruling — Application of social security schemes — Migrant workers — Determination of the applicable legislation — Regulation (EEC) No 1408/71 — Article 14(2)(b)(i) — Person normally employed in the territory of two or more Member States — Person employed in one Member State and who pursues part of his activities in the Member State of his residence.#Case C-570/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Settembru 2017.
X vs Staatssecretaris van Financiën.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Applikazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 14(2)(b)(i) – Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar – Persuna impjegata fi Stat Membru u li teżerċita parti mill-attivitajiet tagħha fl-Istat Membru tar-residenza tagħha.
Kawża C-570/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Settembru 2017.
X vs Staatssecretaris van Financiën.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Applikazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 14(2)(b)(i) – Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar – Persuna impjegata fi Stat Membru u li teżerċita parti mill-attivitajiet tagħha fl-Istat Membru tar-residenza tagħha.
Kawża C-570/15.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:674
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
13 ta’ Settembru 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Applikazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 14(2)(b)(i) – Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar – Persuna impjegata fi Stat Membru u li teżerċita parti mill-attivitajiet tagħha fl-Istat Membru tar-residenza tagħha”
Fil-Kawża C-570/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura
X
vs
Staatssecretaris van Financiën,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Diċembru 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
Għal X, minn A. B. Bongers, belastingadviseur, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. Noort, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčíl, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u M. van Beek, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Marzu 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2)(a) u tal-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008 (ĠU 2008 L 177, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn X u s-Staatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-Finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi) rigward avviż ta’ taxxa abbażi tat-taxxa fuq id-dħul u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. |
Il-kuntest ġuridiku
3 |
L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi: “1. Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu. 2. Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:
[…]” |
4 |
L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “[L]-Artikolu 13(2)(a) japplika suġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li ġejjin: […]
|
5 |
L-Artikolu 14a(2) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej: “Persuna normalment impjegata għal rasha fit-territorju ta’ tnejn jew iktar Stati Membri tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tabita kemm-il darba hija twettaq xi parti mill-attività tagħha fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. […]” |
It-tilwima fil-kawża prinċipali u domanda preliminari
6 |
Matul l-2009, X, ċittadin tal-Pajjiżi l-Baxxi residenti fil-Belġju, ħadem 1872 siegħa fis-servizz ta’ persuna li timpjega stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, bħala amministratur tal-kontijiet u tar-relazzjonijiet fil-qasam tat-telekomunikazzjoni. |
7 |
Minn dawn il-1 872 siegħa ta’ xogħol, dan wettaq 121 fil-Belġju, li jirrappreżenta madwar 6.5 % tat-total tas-sigħat tax-xogħol tiegħu f’dik is-sena. Dawn kienu 17-il siegħa ddedikati għal żjarat lil klijenti u 104 siegħa li matulhom ħadem mid-dar. Dawn l-attivitajiet ma kinux eżerċitati skont pjan ta’ xogħol determinat u l-kuntratt ta’ xogħol ma kien jipprevedi ebda servizz fil-Belġju. |
8 |
L-attivitajiet l-oħra eżerċitati minn X għall-persuna li timpjegah matul l-2009, b’total ta’ 1751 siegħa, twettqu fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fl-uffiċċji tal-impriża, jew għand klijenti potenzjali. |
9 |
It-tilwima bejn X u s-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi tikkonċerna l-istima tat-taxxa fuq id-dħul u tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali relatata mas-sena finanzjarja 2009. |
10 |
Adita b’rikors kontra s-sentenza tar-Rechtbank Zeeland-West-Brabant (qorti ta’ Zeeland-West-Brabant, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-Gerechtshof ‘sHertogenbosch (qorti tal-appell ta’ Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li, matul l-2009, X kien eżerċita biss attivitajiet purament okkażjonali fil-Belġju. Din ikkonkludiet li dawn l-attivitajiet ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali u li, konformement mal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, kienet esklużivament il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi li kellha tapplika għas-sena finanzjarja 2009. |
11 |
X ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. |
12 |
Kien f’dan il-kuntest li l-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “Liema kriterju jew kriterji għandhom jiġu applikati sabiex tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli skont ir-Regolament (KE) Nru 1408/71 fil-każ ta’ ħaddiem residenti fil-Belġju li, matul is-sena inkwistjoni, eżerċita l-maġġoranza l-kbira tal-attivitajiet tiegħu għall-persuna li timpjegah Olandiża fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi u li, barra minn hekk, eżerċita 6.5 % tal-attivitajiet totali tiegħu fil-Belġju, jew f’daru, jew għand klijenti, ladarba din il-proporzjon ma tikkorrispondix għal pjan ta’ xogħol stabbilit b’mod preċiż u ladarba huwa qatt ma kkonkluda mal-persuna li timpjegah xi ftehim dwar l-eżerċizzju ta’ attività fil-Belġju?” |
Fuq id-domanda preliminari
13 |
Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru°1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teżerċita attività mħallsa għal persuna li timpjega stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru u li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor li fit-territorju tiegħu din teżerċita, matul parti mis-sena, parti minn din l-attività mħallsa għal 6.5 % tas-sigħat tax-xogħol tagħha, mingħajr ma dan kien is-suġġett ta’ ftehim minn qabel mal-persuna li timpjegah, għandha titqies li teżerċita normalment attività mħallsa fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
14 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li jagħmel parti minnhom l-Artikolu 14(2) jikkostitwixxu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sistema kompleta u uniformi ta’ regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet li l-għan tagħhom huwa li jissuġġettaw lill-ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Unjoni Ewropea għal sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed, b’mod li jiġi evitat li jkunu applikabbli diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u li jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn dan (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe, C-115/11, EU:C:2012:606, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
15 |
Għal dan il-għan, l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li persuna li teżerċità attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, anki jekk ikun jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe, C-115/11, EU:C:2012:606, punt 30). |
16 |
Dan il-prinċipju huwa madankollu fformolat “[suġġett] għall-Artikoli 14 sa 17” tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, f’ċerti sitwazzjonijiet partikolari, l-applikazzjoni pura u sempliċi tar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament tirriskja mhux li tevita, iżda, b’mod kuntrarju, li toħloq, kemm għall-ħaddiem kif ukoll għall-organi ta’ sigurtà soċjali, kumplikazzjonijiet amministrattivi li l-effett tagħhom jista’ jkun li jostakolaw l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-persuni koperti mill-imsemmi regolament (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe, C-115/11, EU:C:2012:606, punt 31). |
17 |
L-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru°1408/71 jipprovdi li l-persuna li teżerċita normalment attività mħallsa fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li din tirrisjedi fuq it-territorju tiegħu, jekk din teżerċita parti mill-attività tagħha fuq dan it-territorju. |
18 |
Minn din id-dispożizzjoni, li tidderoga mir-regola ġenerali ta’ rabta mal-Istat Membru tal-impjieg, jirriżulta li l-applikazzjoni tagħha hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna interessata teżerċita normalment attività mħallsa fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar. |
19 |
Issa, tali rekwiżit jippreżupponi li l-persuna kkonċernata teżerċita abitwalment attivitajiet sinjifikanti fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, Banks et, C-178/97, EU:C:2000:169, punt 25). |
20 |
F’dan ir-rigward, il-fatt li l-persuna kkonċernata teżerċita attivitajiet b’mod sempliċement okkażjonali fit-territorju ta’ Stat Membru ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71. |
21 |
Sabiex jiġi evalwat jekk persuna għandhiex titqies li teżerċita normalment attività mħallsa fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar jew, b’mod kuntrarju, jekk hemmx attivitajiet imqassma fit-territorju ta’ diversi Stati Membri b’mod sempliċement okkażjonali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, it-tul tal-perijodi ta’ attività u n-natura tax-xogħol imħallas kif iddefiniti fid-dokumenti kuntrattwali, kif ukoll, jekk ikun il-każ, ir-realtà tal-attivitajiet eżerċitati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1973, Hakenberg, 13/73, EU:C:1973:92, punt 20, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe, C-115/11, EU:C:2012:606, punt 44). |
22 |
Fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura abitwali u sinjifikanti tal-attivitajiet eżerċitati fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja, bis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Frar 1995, Calle Grenzshop Andresen (C-425/93, EU:C:1995:37), iddeċidiet li s-sitwazzjoni ta’ ħaddiem, li jirrisjedi fi Stat Membru wieħed u li jkun impjegat esklużivament minn impriża li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, li fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ impjieg, iwettaq regolarment, għal għaxar sigħat kull ġimgħa, parti mill-attività tiegħu fl-Istat Membru ta’ residenza, jidħol fl-ambitu tal-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71. |
23 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li persuna li teżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha għal madwar nofs iż-żmien fit-territorju tal-Istat Membru tar-residenza tagħha u għal nofs iż-żmien fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandha titqies li teżerċita normalment attività bħala persuna li taħdem għal rasha fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri, fis-sens tal-Artikolu 14a tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 1993, Zinnecker, C-121/92, EU:C:1993:840, punti 15 sa 18). |
24 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jipprovdix li X kellu jwettaq servizzi fit-territorju tal-Istat Membru ta’ residenza tiegħu. Barra minn hekk, mis-sigħat ta’ xogħol kollha li l-persuna interessata wettqet fis-sena inkwistjoni, il-persuna interessata wettqet biss madwar 6.5 % minnhom f’dan l-Istat Membru, essenzjalment mill-post fejn tgħix. |
25 |
F’tali ċirkustanzi, ma jistax jitqies li persuna, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, teżerċita abitwalment attivitajiet sinjifikanti fit-territorju tal-Istat Membru tar-residenza tagħha. |
26 |
Tali konstatazzjoni hija koerenti mas-sistema ta’ regolament ta’ kunflitt ta’ liġi stabbilita mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71. |
27 |
Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament, ma hemmx lok li ssir deroga mir-regola ġenerali ta’ rabta mal-Istat Membru ta’ impjieg ħlief f’sitwazzjonijiet partikolari, li juru li rabta ta’ konnessjoni oħra tkun iktar xierqa. |
28 |
Issa, jekk jiġi aċċettat li l-fatt li persuna, fir-rigward tas-sigħat ta’ xogħol kollha li pprovdiet f’sena favur il-persuna li timpjegaha stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru, tkun wettqet biss 6.5 % minnhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li huwa dak fejn tirrisjedi, mingħajr ma dan kien is-suġġett ta’ ftehim minn qabel mal-imsemmi persuna li timpjega, ikun jista’ jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71, ikun tali, minn naħa, li jikser in-natura derogatorja ta’ rabta’ ta’ konnessjoni mal-Istat Membru ta’ residenza u, min-naħa l-oħra, li joħloq riskju ta’ evitar tar-regoli ta’ kunflitt tal-liġi stabbiliti fit-Titolu II ta’ dan ir-regolament, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu. |
29 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru°1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teżerċita attività mħallsa għal persuna li timpjega stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru u li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor li fit-territorju tiegħu din eżerċitat, matul is-sena li tkun għaddiet, parti minn din l-attività mħallsa għal 6.5 % tas-sigħat tax-xogħol tagħha, mingħajr ma dan kien is-suġġett ta’ ftehim minn qabel mal-persuna li timpjegah, ma għandhiex titqies li teżerċita normalment attività mħallsa fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
30 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teżerċita attività mħallsa għal persuna li timpjega stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru u li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor li fit-territorju tiegħu din eżerċitat, matul is-sena li tkun għaddiet, parti minn din l-attività mħallsa għal 6.5 % tas-sigħat tax-xogħol tagħha, mingħajr ma dan kien is-suġġett ta’ ftehim minn qabel mal-persuna li timpjegah, ma għandhiex titqies li teżerċita normalment attività mħallsa fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.